Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22018A0801(01)

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud

ST/14390/2017/INIT

ĠU L 195, 1.8.2018, p. 3–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2018/1089/oj

Related Council decision
Related Council decision

1.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 195/3


FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

u

IR-RENJU TAN-NORVEĠJA, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “in-Norveġja”,

minn hawn 'il quddiem imsejħin “il-Partijiet”,

FILWAQT LI JIXTIEQU jiżguraw li t-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT) tiġi stabbilita, ivvalutata u miġbura kif suppost, jiżguraw l-irkupru korrett tat-talbiet relatati mal-VAT, jevitaw it-tassazzjoni doppja jew in-nuqqas ta' tassazzjoni u jiġġieldu l-frodi fil-qasam tal-VAT,

FILWAQT LI HUMA KONXJI li, biex jiġu miġġildin il-frodi u l-evażjoni transkonfinali tal-VAT, hemm bżonn ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet kompetenti li għandhom ir-responsabbiltà japplikaw il-leġislazzjoni f'dan il-qasam,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-frodi u l-evażjoni transkonfinali tal-VAT għandhom karatteristiċi u mekkaniżmi speċifiċi li jiddistingwuhom minn tipi ta' frodi oħrajn u għalhekk hemm bżonn ta' għodod legali speċifiċi għall-kooperazzjoni amministrattiva, b'mod partikolari għall-iskambju reċiproku tal-informazzjoni,

FILWAQT LI JIMMIRAW li jikkontribwixxu għan-netwerk tal-Eurofisc għall-iskambju ta' informazzjoni mmirata biex tiġi miġġielda l-frodi transkonfinali tal-VAT, soġġett għar-restrizzjonijiet imposti minn dan il-Ftehim,

FILWAQT LI HUMA KONXJI li l-Partijiet Kontraenti kollha għandhom japplikaw ir-regoli dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data personali skont id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE (1) dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data, inkluż fil-kuntest tal-Eurofisc,

BILLI l-valutazzjoni tal-applikazzjoni t-tajba tal-VAT fuq is-servizzi tat-telekomunikazzjoni, fuq is-servizzi tax-xandir u fuq is-servizzi fornuti b'mod elettroniku tista' ssir b'mod effettiv biss jekk ikun hemm kooperazzjoni internazzjonali,

FILWAQT LI JQISU li l-Unjoni u n-Norveġja huma ġirien u huma sħab kummerċjali dinamiċi, u huma wkoll Partijiet tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), li għandu l-għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tal-kummerċ u tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-Partijiet Kontraenti b'kundizzjonijiet ugwali ta' kompetizzjoni u l-ħarsien tal-istess regoli, bil-ħsieb li tinħoloq Żona Ekonomika Ewropea omoġenja,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li, minkejja li l-kwistjonijiet tat-taxxa ma jidħlux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE, il-kooperazzjoni mmirata lejn applikazzjoni u infurzar iktar effettivi tal-VAT hija fl-interess kemm tal-Unjoni kif ukoll tan-Norveġja,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Għan

L-għan ta' dan il-Ftehim huwa li jistabbilixxi qafas għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u n-Norveġja sabiex l-awtoritajiet li għandhom ir-responsabbiltà japplikaw il-leġislazzjoni dwar il-VAT ikunu jistgħu jgħinu lil xulxin biex jiżguraw il-konformità ma' dik il-leġislazzjoni u jħarsu d-dħul mill-VAT.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan il-Ftehim jistabbilixxi regoli u proċeduri għall-kooperazzjoni:

(a)

biex tiġi skambjata l-informazzjoni kollha li tista' tgħin biex tiġi vvalutata kif suppost il-VAT, biex tiġi mmonitorjata l-applikazzjoni t-tajba tal-VAT u biex tiġi miġġielda l-frodi fil-qasam tal-VAT;

(b)

biex jiġu rkuprati:

(i)

it-talbiet relatati mal-VAT;

(ii)

il-penali amministrattivi, il-multi, it-tariffi u l-ħlasijiet addizzjonali relatati mat-talbiet imsemmijin fil-punt (i) imposti mill-awtoritajiet amministrattivi li għandhom il-kompetenza jimponu l-VAT jew iwettqu l-inkjesti amministrattivi b'rabta magħha, jew li kkonfermawhom il-korpi amministrattivi jew il-korpi ġudizzjarji fuq talba ta' dawk l-awtoritajiet amministrattivi;

(iii)

l-imgħax u l-ispejjeż relatati mat-talbiet imsemmijin fil-punt (i) u fil-punt (ii).

2.   Dan il-Ftehim ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, dwar il-ġlieda kontra l-frodi u dwar l-assistenza għall-irkupru tat-talbiet fil-qasam tal-VAT bejn l-Istati Membri tal-Unjoni.

3.   Dan il-Ftehim ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-assistenza reċiproka f'materji kriminali.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“VAT” tfisser taxxa fuq il-valur miżjud skont id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (2) għall-Unjoni u taxxa fuq il-valur miżjud skont l-Att Norveġiż Nru 58 tad-19 ta' Ġunju 2009 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud għan-Norveġja;

(b)

“stat” tfisser Stat Membru tal-Unjoni jew in-Norveġja;

(c)

“stati” tfisser l-Istati Membri tal-Unjoni u n-Norveġja;

(d)

“pajjiż terz” tfisser pajjiż li la huwa Stat Membru tal-Unjoni u lanqas ma huwa n-Norveġja;

(e)

“awtorità kompetenti” tfisser l-awtorità maħtura skont l-Artikolu 4(1);

(f)

“uffiċċju ċentrali ta' kollegament” tfisser l-uffiċċju maħtur skont l-Artikolu 4(2) li jkun responsabbli b'mod ewlieni mill-kuntatti għall-applikazzjoni tat-Titolu II u tat-Titolu III;

(g)

“dipartiment ta' kollegament” tfisser kull uffiċċju ieħor, minbarra l-uffiċċju ċentrali ta' kollegament, maħtur bħala tali skont l-Artikolu 4(3) biex jagħti assistenza reċiproka skont it-Titolu II jew it-Titolu III jew biex jitlob it-tali assistenza reċiproka skont dawn it-Titoli;

(h)

“uffiċjal kompetenti” tfisser uffiċjal maħtur skont l-Artikolu 4(4) li jista' jiskambja l-informazzjoni direttament skont it-Titolu II;

(i)

“awtorità rikjedenti” tfisser uffiċċju ċentrali ta' kollegament, dipartiment ta' kollegament jew uffiċjal kompetenti li jagħmel talba għall-assistenza skont it-Titolu II f'isem awtorità kompetenti;

(j)

“awtorità applikanti” tfisser uffiċċju ċentrali ta' kollegament jew dipartiment ta' kollegament ta' stat li jagħmel talba skont it-Titolu III;

(k)

“awtorità rikjesta” tfisser l-uffiċċju ċentrali ta' kollegament, id-dipartiment ta' kollegament jew, f'dak li għandu x'jaqsam mal-kooperazzjoni skont it-Titolu II, l-uffiċjal kompetenti li jirċievi talba mingħand awtorità rikjedenti jew awtorità applikanti;

(l)

“persuna” tfisser:

(i)

persuna fiżika;

(ii)

persuna ġuridika;

(iii)

meta l-leġislazzjoni fis-seħħ tkun tipprevedi dan, assoċjazzjoni ta' persuni rrikonoxxuti bħala persuni li kapaċi jwettqu atti legali iżda li ma għandhomx l-istatus legali ta' persuni ġuridiċi; jew

(iv)

kull arranġament legali ieħor, ta' kwalunke natura u tip, li għandu l-istatus legali ta' persuna ġuridika jew le, u li huwa soġġett għall-VAT jew li għalih għandhom jitħallsu t-talbiet imsemmijin fl-Artikolu 2(1)(b);

(m)

“Kumitat Konġunt” tfisser il-kumitat li għandu r-responsabbiltà jiżgura l-funzjonament it-tajjeb u l-implimentazzjoni t-tajba ta' dan il-Ftehim skont l-Artikolu 41;

(n)

“inkjesta amministrattiva” tfisser il-kontrolli, il-verifiki u l-azzjonijiet l-oħrajn kollha li l-istati jieħdu fil-qadi ta' dmirijiethom sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tal-leġislazzjoni tal-VAT;

(o)

“skambju spontanju” tfisser il-komunikazzjoni mhux sistematika ta' informazzjoni lil stat ieħor fi kwalunkwe waqt u mingħajr talba minn qabel għal dik l-informazzjoni;

(p)

“skambju awtomatiku” tfisser il-komunikazzjoni sistematika ta' informazzjoni ddefinita minn qabel lil stat ieħor mingħajr talba minn qabel għal dik l-informazzjoni;

(q)

“kontroll simultanju” tfisser il-kontroll ikkoordinat tal-obbligazzjonijiet tat-taxxa ta' persuna taxxabbli jew ta' diversi persuni taxxabbli li jkunu kkollegati bejniethom, organizzat minn żewġ stati jew aktar li jkollhom interessi komuni jew kumplimentari;

(r)

“b'mezzi elettroniċi” tfisser l-użu ta' tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (fosthom il-kompressjoni diġitali) u għall-ħażna tad-data, u l-użu ta' wajers, tax-xandir bir-radju, tat-teknoloġiji ottiċi jew ta' mezzi elettromanjetiċi oħrajn;

(s)

“NKK u ISK” tfisser il-pjattaforma komuni bbażata fuq in-netwerk komuni ta' komunikazzjoni (“in-NKK”) u l-interfaċċja ta' sistemi komuni (“l-ISK”) li l-Unjoni żviluppat biex tiżgura t-trażmissjonijiet kollha b'mezzi elettroniċi bejn l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tat-tassazzjoni;

(t)

“servizzi tat-telekomunikazzjoni, servizzi tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni u servizzi fornuti b'mod elettroniku” tfisser is-servizzi ddefiniti fl-Artikoli 6a, 6b u 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 (3) li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud.

Artikolu 4

Organizzazzjoni

1.   Kull stat għandu jaħtar awtorità kompetenti li jkollha r-responsabbiltà li tapplika dan il-Ftehim.

2.   Kull stat għandu jaħtar:

(a)

uffiċċju ċentrali ta' kollegament li jkun responsabbli b'mod ewlieni biex japplika t-Titolu II ta' dan il-Ftehim; u

(b)

uffiċċju ċentrali ta' kollegament li jkun responsabbli b'mod ewlieni biex japplika t-Titolu III ta' dan il-Ftehim.

3.   Kull awtorità kompetenti tista' taħtar, b'mod dirett jew permezz ta' delega:

(a)

dipartimenti ta' kollegament biex jiskambjaw direttament l-informazzjoni skont it-Titolu II ta' dan il-Ftehim;

(b)

dipartimenti ta' kollegament biex jagħtu l-assistenza reċiproka skont it-Titolu III ta' dan il-Ftehim jew biex jitolbu t-tali assistenza reċiproka skont dan it-Titolu b'rabta mal-kompetenzi territorjali jew operattivi speċifiċi tagħhom.

4.   Kull awtorità kompetenti tista' taħtar, b'mod dirett jew permezz ta' delega, uffiċjali kompetenti li jistgħu jiskambjaw direttament l-informazzjoni abbażi tat-Titolu II ta' dan il-Ftehim.

5.   L-uffiċċji ċentrali ta' kollegament għandhom iżommu l-lista tad-dipartimenti ta' kollegament u tal-uffiċjali kompetenti aġġornata u jqiegħduha għad-dispożizzjoni tal-uffiċċji ċentrali ta' kollegament l-oħrajn.

6.   Meta dipartiment ta' kollegament jew uffiċjal kompetenti jibgħat talba għall-assistenza skont dan il-Ftehim jew jirċievi talba bħal din, huwa għandu jgħarraf lill-uffiċċju ċentrali ta' kollegament tiegħu b'dan.

7.   Meta uffiċċju ċentrali ta' kollegament, dipartiment ta' kollegament jew uffiċjal kompetenti jirċievi talba għall-assistenza reċiproka li tkun teħtieġ azzjoni li ma tidħolx fil-kompetenza tiegħu, huwa għandu jgħaddi din it-talba lill-uffiċċju ċentrali ta' kollegament jew lid-dipartiment ta' kollegament kompetenti mingħajr dewmien u għandu jgħarraf lill-awtorità rikjedenti jew lill-awtorità applikanti b'dan. F'każ bħal dan, il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 8 għandu jibda l-għada li t-talba tkun intbagħtet lill-uffiċċju ċentrali ta' kollegament jew lid-dipartiment ta' kollegament kompetenti.

8.   Kull stat għandu jgħarraf lill-Kummissjoni Ewropea bl-awtorità kompetenti tiegħu għall-għanijiet ta' dan il-Ftehim fi żmien xahar minn meta dan il-Ftehim jiġi ffirmat u mingħajr dewmien dwar kwalunkwe tibdil. Il-Kummissjoni Ewropea għandha żżomm il-lista tal-awtoritajiet kompetenti aġġornata u tqiegħedha għad-dispożizzjoni tal-Kumitat Konġunt.

Artikolu 5

Ftehim dwar il-livell tas-servizz

Għandu jiġi konkluż ftehim dwar il-livell tas-servizz li jiżgura l-kwalità teknika u l-kwantità tas-servizzi għall-funzjonament tas-sistemi ta' komunikazzjoni u ta' skambju tal-informazzjoni skont il-proċedura stabbilita mill-Kumitat Konġunt.

Artikolu 6

Kunfidenzjalità u protezzjoni tad-data personali

1.   Kull informazzjoni li stat jikseb fil-kuntest ta' dan il-Ftehim għandha tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali u titħares bl-istess mod bħall-informazzjoni li tinkiseb skont il-liġijiet domestiċi tiegħu u sal-punt li jkun meħtieġ biex titħares id-data personali skont id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, kif ukoll skont is-salvagwardji li jista' jkun speċifika l-istat li jkun ta l-informazzjoni, kif ikun meħtieġ bil-liġijiet tiegħu.

2.   Din l-informazzjoni tista' tiġi żvelata lill-persuni jew lill-awtoritajiet involuti fl-applikazzjoni tal-liġijiet tal-VAT (fosthom il-qrati u l-korpi amministrattivi jew il-korpi ta' sorveljanza), bil-għan li ssir valutazzjoni korretta tal-VAT, kif ukoll biex jiġi applikat l-infurzar b'rabta mat-talbiet tal-VAT, fosthom il-miżuri ta' rkupru u ta' prekawzjoni.

3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista' tintuża wkoll għall-valutazzjoni u għall-infurzar, fosthom għall-irkupru ta' taxxi oħrajn u tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali. Jekk l-informazzjoni skambjata tiżvela li hemm ksur tal-liġi tat-taxxa jew tgħin biex dan jiġi ppruvat, hija tista' tintuża wkoll biex jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali. Il-persuni jew l-awtoritajiet imsemmijin fil-paragrafu 2 biss jistgħu jużaw l-informazzjoni, u jistgħu jagħmlu dan biss għall-għanijiet imniżżlin fis-sentenzi preċedenti ta' dan il-paragrafu. Huma jistgħu jiżvelawha fi proċeduri tal-qrati pubbliċi jew f'deċiżjonijiet ġudizzjarji.

4.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, l-istat li jkun qed jipprovdi l-informazzjoni għandu, abbażi ta' talba motivata għal dan, jippermetti li l-istat li jirċeviha jużaha għal għanijiet oħrajn minbarra dawk imsemmijin fl-Artikolu 2(1), jekk dik l-informazzjoni tkun tista' tintuża għal għanijiet simili skont il-leġislazzjoni tal-istat li jkun qed jipprovdiha. L-awtorità rikjesta għandha taċċetta jew tirrifjuta talba bħal din fi żmien xahar.

5.   Ir-rapporti, id-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti l-oħrajn kollha jew il-kopji tagħhom iċċertifikati bħala awtentiċi jew l-estratti minnhom li stat jikseb permezz tal-assistenza pprovduta bis-saħħa ta' dan il-Ftehim jistgħu jintużaw bħala evidenza f'dak l-istat bl-istess mod bħal dokumenti simili pprovduti minn awtorità oħra ta' dak l-istat.

6.   L-informazzjoni li stat jagħti lil stat ieħor tista' tintbagħat minn dan l-istat tal-aħħar lil stat ieħor, dejjem jekk l-awtorità kompetenti tal-istat minn fejn tkun oriġinat l-informazzjoni tawtorizza dan minn qabel. L-istat tal-oriġini tal-informazzjoni jista' jopponi t-tali kondiviżjoni tal-informazzjoni fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn meta jirċievi t-talba tal-istat li jkun jixtieq jaqsam dik l-informazzjoni.

7.   L-istati jistgħu jibagħtu l-informazzzjoni li jiksbu skont dan il-Ftehim lil pajjiżi terzi bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-trażmissjoni tal-informazzjoni tkun soġġetta għal-leġislazzjoni nazzjonali tal-istat li jkun qed jibgħatha li timplimenta l-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data, b'mod speċjali f'dak li għandu x'jaqsam mal-livell ix-xieraq ta' protezzjoni pprovdut fil-pajjiż terz ikkonċernat;

(b)

l-awtorità kompetenti li tkun bagħtet l-informazzjoni oriġinarjament tkun qablet mat-tali trażmissjoni;

(c)

l-arranġamenti ta' assistenza li hemm bejn l-istat li qed jibgħat l-informazzjoni u dak il-pajjiż terz partikolari jippermettu t-tali trażmissjoni.

8.   Meta stat jirċievi informazzjoni mingħand pajjiż terz, l-istati jistgħu jiskambjaw dik l-informazzjoni safejn l-arranġamenti dwar l-assistenza li jkun hemm ma' dak il-pajjiż terz partikolari jkunu jippermettu dan.

9.   Kull stat għandu javża minnufih lill-istati kkonċernati l-oħrajn dwar kull ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u dwar kull nuqqas li tiġi ssalvagwardjata d-data personali, kif ukoll dwar is-sanzjonijiet u l-azzjonijiet ta' rimedju imposti minħabba f'hekk.

10.   Il-persuni akkreditati kif xieraq mill-Awtorità ta' Akkreditament ta' Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea jista' jkollhom aċċess għal din l-informazzjoni biss safejn dan ikun meħtieġ biex jieħdu ħsieb, imantnu u jiżviluppaw in-NKK u l-ISK.

TITOLU II

KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA U L-ĠLIEDA KONTRA L-FRODI

KAPITOLU 1

Skambju ta' informazzjoni fuq talba

Artikolu 7

Skambju ta' informazzjoni u inkjesti amministrattivi

1.   Fuq talba tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tibgħat l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) dwar każ jew każijiet speċifiċi.

2.   Sabiex tibgħat l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità rikjesta għandha tagħmel l-arranġamenti biex jitwettqu l-inkjesti amministrattivi li hemm bżonn sabiex tinkiseb it-tali informazzjoni.

3.   It-talba msemmija fil-paragrafu 1 tista' tinkludi talba motivata biex issir inkjesta amministrattiva. Jekk l-awtorità rikjesta tkun tal-fehma li m'hemmx bżonn issir inkjesta amministrattiva, għandha tavża minnufih lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għal dan.

4.   F'każ li l-awtorità rikjesta tirrifjuta inkjesta amministrattiva dwar l-ammonti li persuna taxxabbli stabbilita fl-istat tagħha tkun iddikjarat b'rabta mal-provvisti tal-oġġetti u tas-servizzi mniżżlin fl-Anness li jkunu taxxabbli fl-istat tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tibgħat lill-awtorità rikjedenti tal-inqas id-dati u l-valuri ta' kull provvista rilevanti li l-persuna taxxabbli tkun għamlet fl-istat tal-awtorità rikjedenti matul is-sentejn ta' qabel.

5.   Sabiex l-awtorità rikjesta jew l-awtorità amministrattiva li lejha tkun irrikorriet tikseb l-informazzjoni mfittxija jew twettaq l-inkjesta amministrattiva mitluba, hija għandha tipproċedi daqslikieku qed taġixxi f'isimha stess jew fuq talba ta' awtorità oħra fl-istat tagħha stess.

6.   Fuq talba tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tibagħtilha l-informazzjoni rilevanti kollha li tkun kisbet jew li jkollha fil-pussess tagħha kif ukoll ir-riżultati tal-inkjesti amministrattivi fil-forma ta' rapporti, dikjarazzjonijiet u dokumenti oħrajn jew ta' kopji tagħhom iċċertifikati bħala awtentiċi jew ta' estratti minnhom.

7.   Id-dokumenti oriġinali għandhom jintbagħtu biss meta dan ma jmurx kontra d-dispożizzjonijiet li jkunu fis-seħħ fl-istat tal-awtorità rikjesta.

Artikolu 8

Limiti taż-żmien għall-forniment tal-informazzjoni

1.   L-awtorità rikjesta għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 malajr kemm jista' jkun u sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-data li fiha tasal it-talba. Madankollu, meta l-awtorità rikjesta jkollha diġà dik l-informazzjoni fil-pussess tagħha, il-limitu taż-żmien għandu jitnaqqas għal perijodu massimu ta' xahar.

2.   F'ċerti kategoriji ta' każijiet speċjali, l-awtorità rikjesta u dik rikjedenti jistgħu jiftiehmu bejniethom dwar limiti taż-żmien li jkunu differenti minn dawk previsti fil-paragrafu 1.

3.   Meta l-awtorità rikjesta ma tkunx tista' twieġeb għat-talba fil-limiti taż-żmien imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, hija għandha tavża minnufih lill-awtorità rikjedenti bil-miktub bir-raġunijiet għaliex ma tistax tagħmel dan u meta taħseb li se tkun tista' tirrispondi.

KAPITOLU 2

Skambju ta' informazzjoni mingħajr talba minn qabel

Artikolu 9

Tipi ta' skambju tal-informazzjoni

L-iskambju tal-informazzjoni mingħajr talba minn qabel għandu jsir jew b'mod spontanju, kif previst fl-Artikolu 10, jew b'mod awtomatiku, kif previst fl-Artikolu 11.

Artikolu 10

Skambju spontanju tal-informazzjoni

L-awtorità kompetenti ta' stat partikolari għandha tibgħat lill-awtorità kompetenti ta' xi stat ieħor, mingħajr talba minn qabel, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) li ma tkunx intbagħtet b'mod awtomatiku kif imsemmi fl-Artikolu 11 u li hija tkun taf biha fil-każijiet li ġejjin:

(a)

meta t-tassazzjoni titqies li sseħħ fl-istat tad-destinazzjoni u l-informazzjoni pprovduta mill-istat tal-oriġini tkun meħtieġa għall-effettività tas-sistema ta' kontroll tal-istat tad-destinazzjoni;

(b)

meta stat ikollu raġunijiet biex jemmen li fl-istat l-ieħor seħħ ksur tal-leġislazzjoni tal-VAT jew x'aktarx seħħ it-tali ksur;

(c)

meta jkun hemm riskju ta' telf ta' taxxa fl-istat l-ieħor.

Artikolu 11

Skambju awtomatiku tal-informazzjoni

1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jistabbilixxi l-kategoriji tal-informazzjoni li dwarhom trid tiġi skambjata l-informazzjoni b'mod awtomatiku skont l-Artikolu 41.

2.   Stat jista' jiddeċiedi li ma jiħux sehem fl-iskambju awtomatiku ta' kategorija tal-informazzjoni waħda jew iktar imsemmija fil-paragrafu 1 meta l-ġbir tal-informazzjoni għat-tali skambju jkun jitlob li jiġu imposti obbligi ġodda fuq il-persuni li għandhom iħallsu l-VAT jew meta dan il-ġbir ikun se jkunlu ta' piż amministrattiv sproporzjonat.

3.   Kull stat għandu jgħarraf bil-miktub lill-Kumitat Konġunt bid-deċiżjoni tiegħu, li jkun ħa skont il-paragrafu ta' qabel.

KAPITOLU 3

Forom ta' kooperazzjoni oħrajn

Artikolu 12

Notifiki amministrattivi

1.   Fuq talba tal-awtorità rikjedenti u skont ir-regoli li jirregolaw in-notifika ta' strumenti simili fl-istat tal-awtorità rikjesta, l-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lid-destinatarju bl-istrumenti u bid-deċiżjonijiet kollha li joħorġu mill-awtoritajiet rikjedenti u li għandhom x'jaqsmu mal-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-VAT fl-istat tal-awtorità rikjedenti.

2.   It-talbiet għal notifika, li fihom għandu jissemma' s-suġġett tal-istrument jew tad-deċiżjoni li għandha tiġi nnotifikata, għandu jkun fihom l-isem u l-indirizz tad-destinatarju u kull informazzjoni oħra li hija rilevanti biex dan jiġi identifikat.

3.   L-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lill-awtorità rikjedenti minnufih bit-tweġiba tagħha għat-talba għal notifika u tavżaha b'mod partikolari dwar id-data meta d-destinatarju ġie mgħarraf bid-deċiżjoni jew bl-istrument.

Artikolu 13

Preżenza f'uffiċċji amministrattivi u parteċipazzjoni f'inkjesti amministrattivi

1.   Bi qbil bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta, u skont l-arranġamenti li tkun stabbiliet din tal-aħħar, l-awtorità rikjesta tista' tippermetti lill-uffiċjali awtorizzati mill-awtorità rikjedenti jkunu preżenti fl-uffiċċji tagħha jew fi kwalunkwe post fejn dawk l-awtoritajiet iwettqu dmirijiethom sabiex isir l-iskambju tal-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 2(1)(a). Meta l-informazzjoni mitluba tkun qiegħda f'dokumenti li għandhom aċċess għalihom l-uffiċjali tal-awtorità rikjesta, l-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti għandhom jingħataw kopji tagħhom.

2.   Bi qbil bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta, u skont l-arranġamenti li tkun stabbiliet din tal-aħħar, l-awtorità rikjesta tista' tippermetti lill-uffiċjali awtorizzati mill-awtorità rikjedenti jkunu preżenti waqt l-inkjesti amministrattivi li jsiru fit-territorju tal-istat tagħha sabiex isir l-iskambju tal-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 2(1)(a). Tali inkjesti amministrattivi għandhom jitwettqu b'mod esklussiv mill-uffiċjali tal-awtorità rikjesta. L-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti ma għandhomx jużaw is-setgħat ta' spezzjoni mogħtija lill-uffiċjali tal-awtorità rikjesta. Madankollu, permezz tal-uffiċjali tal-awtorità rikjesta, huma għandu jkollhom aċċess għall-istess postijiet u għall-istess dokumenti bħalhom, għall-għan waħdieni li jwettqu l-inkjesta amministrattiva.

3.   L-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti li jkunu jinsabu fi stat ieħor skont il-paragrafi 1 u 2 għandhom dejjem ikunu jistgħu juru l-awtorizzazzjoni tagħhom bil-miktub u fuqha jrid ikun hemm imniżżel min huma u l-kariga uffiċjali tagħhom.

Artikolu 14

Kontrolli simultanji

1.   L-istati jistgħu jiftiehmu li jwettqu kontrolli simultanji kull meta jqisu li t-tali kontrolli huma iktar effettivi mill-kontrolli mwettqin minn stat wieħed waħdu.

2.   Stat partikolari għandu jidentifika b'mod indipendenti l-persuni taxxabbli li beħsiebu jipproponi biex isirulhom kontrolli simultanji. L-awtorità kompetenti ta' dak l-istat għandha tgħarraf lill-awtorità kompetenti tal-istat l-ieħor ikkonċernat bil-każijiet proposti għal kontroll simultanju. Hija għandha tagħti r-raġunijiet tagħha għall-għażla tagħha billi tipprovdi kemm jista' jkun l-informazzjoni li tkun wasslitha għad-deċiżjoni tagħha. Hija għandha tispeċifika l-perijodu taż-żmien li matulu għandhom jitwettqu t-tali kontrolli.

3.   Awtorità kompetenti li tirċievi proposta għal kontroll simultanju għandha tikkonferma li hija taqbel mat-tali kontroll jew tibgħat ir-raġunijiet għar-rifjut tagħha lill-awtorità kontroparti, fil-prinċipju fi żmien ġimagħtejn minn meta tirċiecvi l-proposta, iżda mhux aktar tard minn xahar wara li tirċievi l-proposta.

4.   Kull awtorità kompetenti kkonċernata għandha taħtar rappreżentant li għandu jkun responsabbli biex jissorvelja u jikkoordina l-attività ta' kontroll.

KAPITOLU 4

L-Eurofisc

Artikolu 15

Il-parteċipazzjoni tan-Norveġja fl-Eurofisc

1.   Sabiex tiġi promossa u ffaċilitata l-kooperazzjoni multilaterali fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, in-Norveġja għandha tiġi mistiedna tieħu sehem fin-netwerk imsejjaħ “Eurofisc” previst fil-Kapitolu X tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 (4) dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Kapitolu.

2.   Il-parteċipazzjoni tan-Norveġja fl-Eurofisc mhux se tagħti lill-uffiċjali ta' kollegament tal-Eurofisc maħturin mill-awtorità kompetenti ta' stat partikolari aċċess għall-bażijiet tad-data ta' stat ieħor.

Artikolu 16

Uffiċjali ta' kollegament tal-Eurofisc

1.   L-awtorità kompetenti tan-Norveġja għandha taħtar tal-inqas uffiċjal wieħed ta' kollegament tal-Eurofisc li jkun responsabbli għall-iskambju tal-informazzjoni fl-oqsma ta' ħidma tal-Eurofisc li fihom tieħu sehem in-Norveġja.

2.   L-uffiċjali ta' kollegament tal-Eurofisc għandhom ikunu uffiċjali kompetenti fit-tifsira tal-Artikolu 4(4). Huma għandhom ikomplu jagħtu rendikont biss lill-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom.

3.   L-uffiċjali ta' kollegament tal-Eurofisc tan-Norveġja ma għandhomx jinħatru bħala koordinaturi tal-oqsma ta' ħidma jew bħala presidenti tal-Eurofisc u ma għandhomx jieħdu sehem fil-proċeduri ta' votazzjoni previsti fir-regoli ta' proċedura tal-Eurofisc.

KAPITOLU 5

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 17

Kundizzjonijiet li jirregolaw l-iskambju tal-informazzjoni

1.   L-awtorità rikjesta għandha tibgħat l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) jew in-notifika amministrattiva msemmija fl-Artikolu 12 lill-awtorità rikjedenti dment li:

(a)

l-għadd ta' talbiet għall-informazzjoni li tagħmel l-awtorità rikjedenti u t-tip tagħhom ma jkunux jimponu piż amministrattiv sproporzjonat fuq dik l-awtorità rikjesta;

(b)

l-awtorità rikjedenti tkun eżawriet is-sorsi kollha tal-informazzjoni li hija setgħet tuża s-soltu f'dawk iċ-ċirkustanzi biex tikseb l-informazzjoni mitluba mingħajr ma tirriskja li tipperikola l-kisba tal-għan mixtieq.

2.   Dan il-Ftehim ma għandu jimponi l-ebda obbligu biex wieħed iwettaq xi inkjesta jew biex wieħed jipprovdi l-informazzjoni dwar xi każ partikolari jekk il-liġijiet u l-prattiki amministrattivi tal-istat li jkollu jagħti dik l-informazzjoni ma jawtorizzawhx iwettaq dawk l-inkjesti jew jiġbor dik l-informazzjoni jew jużaha għall-għanijiet tiegħu.

3.   Awtorità rikjesta tista' tirrifjuta li tipprovdi l-informazzjoni meta, għal raġunijiet legali, l-awtorità rikjedenti ma tkunx tista' tipprovdi informazzoni simili. L-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lill-Kumitat Konġunt bir-raġunijiet għar-rifjut.

4.   Meta l-provvista tal-informazzjoni tkun se twassal biex jiġi żvelat sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali jew biex jiġi żvelat proċess kummerċjali, jew meta din il-provvista tkun se twassal biex tiġi żvelata informazzjoni li l-iżvelar tagħha jkun imur kontra l-politika pubblika, jista' jiġi rrifjutat li tingħata din l-informazzjoni.

5.   Il-paragrafi 2, 3 u 4 ma għandhom jiġu interpretati bl-ebda mod bħala paragrafi li jawtorizzaw lill-awtorità rikjesta tirrifjuta li tagħti l-informazzjoni biss minħabba li din l-informazzjoni tkun informazzjoni ta' bank, ta' istituzzjoni finanzjarja oħra, ta' mandatarju jew ta' xi persuna li taġixxi bħala aġenzija jew fil-kapaċità ta' fiduċjarju jew minħabba li din ikollha x'taqsam ma' interessi ta' sjieda f'persuna ġuridika.

6.   L-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għar-rifjut ta' talba għall-assistenza.

Artikolu 18

Kummenti

Meta awtorità kompetenti tipprovdi l-informazzjoni skont l-Artikolu 7 jew 10, hija tista' titlob lill-awtorità kompetenti li tirċievi dik l-informazzjoni tibagħtilha kummenti dwarha. Jekk issir talba bħal din, l-awtorità kompetenti li tirċievi l-informazzjoni għandha tibgħat il-kummenti tagħha malajr kemm jista' jkun, dejjem jekk dan ma jkunx se jkunilha ta' piż amministrattiv sproporzjonat, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar is-segretezza fiskali u l-protezzjoni tad-data li japplikaw fl-istat tagħha.

Artikolu 19

Lingwa

It-talbiet għall-għajnuna, inklużi t-talbiet għal notifika u d-dokumenti mehmużin magħhom, għandhom isiru b'lingwa li jkunu qablu dwarha l-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti.

Artikolu 20

Data statistika

Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, il-Partijiet għandhom jibagħtu lista tad-data statistika dwar l-applikazzjoni ta' dan it-Titolu lill-Kumitat Konġunt b'mod elettroniku.

Artikolu 21

Formoli standard u mezzi ta' komunikazzjoni

1.   L-informazzjoni kollha li tintbagħat skont l-Artikoli 7, 10, 11, 12 u 18 u l-istatistika li tintbagħat skont l-Artikolu 20 għandhom jintbagħtu bl-użu tal-formola standard imsemmija fl-Artikolu 41(2)(d).

2.   Il-formoli standard għandhom jintbagħtu kemm jista jkun b'mod elettroniku.

3.   Meta t-talba ma tkunx saret kollha kemm hi permezz tas-sistemi elettroniċi, l-awtorità rikjesta għandha tikkonferma li tkun irċeviet it-talba b'mod elettroniku mingħajr dewmien u, fi kwalunkwe każ, fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta tkun irċeviet it-talba.

4.   Meta awtorità tirċievi talba jew informazzjoni li mhux suppost tkun waslet għandha, hija għandha tavża lil min ikun bagħat it-talba jew l-informazzjoni b'mod elettroniku mingħajr dewmien u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol minn meta tkun irċeviet it-talba jew l-informazzjoni.

TITOLU III

ASSISTENZA GĦALL-IRKUPRU

KAPITOLU 1

Skambju tal-informazzjoni

Artikolu 22

Talba għall-informazzjoni

1.   Fuq talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità rikjesta għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha li tista' titqies li hija rilevanti għall-awtorità applikanti fl-irkupru tat-talbiet tagħha hekk kif imsemmi fl-Artikolu 2(1)(b).

Sabiex tibgħat dik l-informazzjoni, l-awtorità rikjesta għandha tagħmel l-arranġamenti biex jitwettqu l-inkjesti amministrattivi li hemm bżonn sabiex tinkiseb dik l-informazzjoni.

2.   L-awtorità rikjesta ma għandhiex tkun obbligata tibgħat informazzjoni:

(a)

li ma tkunx kapaċi tikseb biex tirkupra talbiet simili għaliha stess;

(b)

li tkun tiżvela sigrieti kummerċjali, industrijali jew professjonali;

(c)

li l-iżvelar tagħha x'aktarx li jippreġudika s-sigurtà jew ikun imur kontra l-politika pubblika tal-istat tal-awtorità rikjesta.

3.   Il-paragrafu 2 ma għandu jiġi interpretat bl-ebda mod bħala paragrafu li jawtorizza lill-awtorità rikjesta tirrifjuta li tagħti l-informazzjoni biss minħabba li din l-informazzjoni tkun informazzjoni ta' bank, ta' istituzzjoni finanzjarja oħra, ta' mandatarju jew ta' xi persuna li taġixxi bħala aġenzija jew fil-kapaċità ta' fiduċjarju jew minħabba li din ikollha x'taqsam ma' interessi ta' sjieda f'persuna.

4.   L-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lill-awtorità applikanti bir-raġunijiet għar-rifjut ta' talba għall-informazzjoni.

Artikolu 23

Skambju tal-informazzjoni mingħajr talba minn qabel

Meta rifużjoni tat-taxxi jew tad-dazji jkollha x'taqsam ma' persuna stabbilita jew residenti fi stat ieħor li fih japplika dan il-Ftehim, l-istat minn fejn għandha ssir ir-rifużjoni jista' jgħarraf lill-istat ta' stabbiliment jew ta' residenza bir-rifużjoni pendenti.

Artikolu 24

Il-preżenza f'uffiċċji amministrattivi u l-parteċipazzjoni f'inkjesti amministrattivi

1.   Bi qbil bejn l-awtorità applikanti u l-awtorità rikjesta, u skont l-arranġamenti li tkun stabbiliet din tal-aħħar, l-uffiċjali awtorizzati mill-awtorità applikanti jistgħu, bil-ħsieb li jippromwovu l-assistenza reċiproka prevista f'dan it-Titolu:

(a)

ikunu preżenti fl-uffiċċji fejn l-uffiċjali tal-istat rikjest iwettqu dmirijiethom;

(b)

ikunu preżenti waqt l-inkjesti amministrattivi li jsiru fit-territorju tal-istat rikjest;

(c)

jgħinu lill-uffiċjali kompetenti tal-istat rikjest waqt il-proċeduri tal-qrati f'dak l-istat.

2.   Safejn tkun tippermetti l-leġislazzjoni tal-istat rikjest, il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1(b) jista' jipprevedi li l-uffiċjali tal-awtorità applikanti jistgħu jintervistaw lill-individwi jew jeżaminaw ir-rekords.

3.   L-uffiċjali awtorizzati mill-awtorità applikanti li jużaw il-possibbiltà mogħtija mill-paragrafi 1 u 2 iridu jkunu jistgħu juru dejjem l-awtorizzazzjoni tagħhom bil-miktub u fuqha jrid ikun hemm imniżżel min huma u l-kariga uffiċjali tagħhom.

KAPITOLU 2

Assistenza għan-notifika ta' dokumenti

Artikolu 25

Talba għan-notifika ta' ċerti dokumenti marbutin mat-talbiet

1.   Fuq talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lid-destinatarju bid-dokumenti kollha, inklużi dawk ta' natura ġudizzjarja, li joħorġu mill-istat tal-awtorità applikanti u li għandhom x'jaqsmu ma' talba kif imsemmi fl-Artikolu 2(1)(b) jew mal-irkupru tagħha.

Mat-talba għal notifika għandha tintbagħat formola standard li jkun fiha tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u l-indirizz tad-destinatarju u kull informazzjoni oħra li hija rilevanti għall-identifikazzjoni tiegħu;

(b)

l-għan tan-notifika u l-perijodu li fih għandha ssir in-notifika;

(c)

deskrizzjoni tad-dokument mehmuż u n-natura tat-talba kkonċernata u l-ammont tagħha;

(d)

l-isem u l-indirizz u dettalji oħrajn ta' kuntatt dwar:

(i)

l-uffiċċju responsabbli b'rabta mad-dokument mehmuż; u, jekk ikun differenti,

(ii)

l-uffiċċju minn fejn wieħed jista' jikseb iktar informazzjoni dwar id-dokument innotifikat jew dwar il-possibbiltà li wieħed jikkontesta l-obbligu tal-ħlas.

2.   L-awtorità applikanti għandha tagħmel talba għal notifika skont dan l-Artikolu biss meta hija ma tkunx tista' tagħmel notifika skont ir-regoli li jirregolaw in-notifika tad-dokument ikkonċernat fl-istat tagħha stess jew meta t-tali notifika twassal għal diffikultajiet sproporzjonati.

3.   L-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lill-awtorità applikanti minnufih b'kull azzjoni li tkun ħadet b'rabta mat-talba tagħha għal notifika u b'mod partikolari bid-data meta d-destinatarju jkun ġie mgħarraf bid-dokument.

Artikolu 26

Mezzi ta' notifika

1.   L-awtorità rikjesta għandha tiżgura li n-notifika fl-istat rikjest issir skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi nazzjonali applikabbli.

2.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kull forma oħra ta' notifika li awtorità kompetenti tal-istat applikanti tagħmel skont ir-regoli li jkunu fis-seħħ f'dak l-istat.

Awtorità kompetenti stabbilita fl-istat applikanti tista' tinnotifika kull dokument lil persuna li tkun tinsab fi stat ieħor li fih japplika dan il-Ftehim b'mod dirett permezz ta' ittra rreġistrata jew inkella b'mod elettroniku.

KAPITOLU 3

Miżuri ta' rkupru u ta' prekawzjoni

Artikolu 27

Talba għall-irkupru

1.   Fuq talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità rikjesta għandha tirkupra t-talbiet li dwarhom ikun hemm strument li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità applikanti.

2.   Malli l-awtorità applikanti jkollha xi informazzjoni rilevanti dwar il-kwistjoni li tkun wasslet għat-talba għall-irkupru, hija għandha tgħaddiha lill-awtorità rikjesta.

Artikolu 28

Kundizzjonijiet li jirregolaw talba għall-irkupru

1.   L-awtorità applikanti ma tistax tagħmel talba għall-irkupru jekk it-talba u/jew l-istrument li jippermetti l-infurzar tagħha jkunu qed jiġu kkontestati fl-istat tagħha u sakemm dawn ikun għadhom qed jiġu kkontestati, ħlief fil-każijiet li fihom japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(4).

2.   Qabel ma l-awtorità applikanti tagħmel talba għall-irkupru, għandhom jiġu applikati l-proċeduri adatti tal-irkupru disponibbli fl-istat tagħha, ħlief fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta jkun ovvju li ma hemm l-ebda assi għall-irkupru f'dak l-istat jew li t-tali proċeduri mhux se jwasslu għall-ħlas sħiħ tat-talba u l-awtorità applikanti jkollha informazzjoni speċifika li tindika li l-persuna kkonċernata għandha assi fl-istat tal-awtorità rikjesta;

(b)

meta r-rikors għat-tali proċeduri fl-istat tal-awtorità applikanti jkun se jwassal għal diffikultajiet sproporzjonati.

Artikolu 29

Strument li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità rikjesta u dokumenti ta' akkumpanjament oħrajn

1.   Ma' kull talba għall-irkupru għandu jkun hemm strument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità rikjesta.

Dan l-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar għandu jirrifletti l-kontenut sostanzjali tal-istrument oriġinali li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità applikanti u għandu jkun l-unika bażi għall-miżuri ta' rkupru u ta' prekawzjoni fl-istat tal-awtorità rikjesta. F'dak l-istat ma għandu jkun hemm bżonn tal-ebda att ta' rikonoxximent, att li jissupplimentah jew att ta' sostituzzjoni.

L-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar għandu jkun fih tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

informazzjoni li hija rilevanti għall-identifikazzjoni tal-istrument oriġinali li jippermetti l-infurzar, deskrizzjoni tat-talba li jkun fiha n-natura tat-talba, il-perijodu li tkopri t-talba, kull data li hija rilevanti għall-proċess tal-infurzar, u l-ammont tat-talba u l-elementi differenti li jiffurmaw dan l-ammont, bħall-kapital, l-imgħax, eċċ.;

(b)

l-isem tad-debitur u kull informazzjoni oħra li hija rilevanti għall-identifikazzjoni tiegħu;

(c)

l-isem u l-indirizz u dettalji oħrajn ta' kuntatt dwar:

(i)

l-uffiċċju responsabbli biex jivvaluta t-talba; u, jekk ikun differenti,

(ii)

l-uffiċċju minn fejn wieħed jista' jikseb iktar informazzjoni dwar it-talba jew dwar il-possibbiltà li wieħed jikkontesta l-obbligu tal-ħlas.

2.   It-talba għall-irkupru ta' talba jista' jkollha magħha dokumenti oħrajn relatati mat-talba li jkun ħariġhom l-istat tal-awtorità applikanti.

Artikolu 30

Eżekuzzjoni tat-talba għall-irkupru

1.   Għall-għan tal-irkupru fl-istat tal-awtorità rikjesta, kull talba li għaliha tkun saret talba għall-irkupru għandha tiġi ttrattata daqslikieku kienet talba ta' dak l-istat, ħlief fejn hu previst mod ieħor f'dan il-Ftehim. L-awtorità rikjesta għandha tuża s-setgħat u l-proċeduri pprovduti mil-liġijiet, mir-regolamenti u mid-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' dak l-istat li japplikaw għall-istess talbiet, ħlief fejn hu previst mod ieħor f'dan il-Ftehim.

L-istat tal-awtorità rikjesta ma għandux ikun obbligat jagħti l-preferenzi li jingħataw lil talbiet simili li jinqalgħu f'dak l-istat lit-talbiet li għalihom jintalab l-irkupru, ħlief fejn hu miftiehem mod ieħor jew fejn hu previst mod ieħor fil-liġijiet ta' dak l-istat. Stat li jagħti preferenzi lit-talbiet li jinqalgħu fi stat ieħor huwa u jimplimenta dan il-Ftehim ma jistax jirrifjuta li jagħti l-istess preferenzi lill-istess talbiet jew lil talbiet simili ta' Stati Membri oħrajn tal-Unjoni bl-istess kundizzjonijiet.

L-istat tal-awtorità rikjesta għandu jirkupra t-talba fil-munita tiegħu stess.

2.   L-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lill-awtorità applikanti bid-diliġenza dovuta b'kull azzjoni li tkun ħadet dwar it-talba għall-irkupru.

3.   Mid-data li fiha tirċievi t-talba għall-irkupru, l-awtorità rikjesta għandha titlob imgħax fuq il-pagamenti li jsiru tard skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li japplikaw għat-talbiet tagħha stess.

4.   Meta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli jkunu jippermettu dan, l-awtorità rikjesta tista' tagħti ammont ta' żmien lid-debitur biex iħallas, jew tawtorizzah iħallas bin-nifs u titolbu l-imgħax għal dan. Hija għandha tgħarraf lill-awtorità applikanti b'kull deċiżjoni ta' dan it-tip.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 37(1), l-awtorità rikjesta għandha tgħaddi l-ammonti rkuprati b'rabta mat-talba u l-imgħax imsemmi fil-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu lill-awtorità applikanti.

Artikolu 31

Tilwim

1.   It-tilwim dwar it-talba, dwar l-istrument oriġinali li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità applikanti, jew dwar l-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità rikjesta, u t-tilwim dwar il-validità ta' notifika li tkun għamlet awtorità applikanti, għandu jidħol fil-kompetenza tal-korpi kompetenti tal-istat tal-awtorità applikanti. Jekk waqt il-proċedura tal-irkupru, parti interessata tikkontesta t-talba, jew tikkontesta l-istrument oriġinali li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità applikanti jew l-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità rikjesta, l-awtorità rikjesta għandha tavża lil dik il-parti li hija għandha tressaq it-tali azzjoni quddiem il-korp kompetenti tal-istat tal-awtorità applikanti skont il-liġijiet li huma fis-seħħ f'dak l-istat.

2.   It-tilwim dwar il-miżuri ta' infurzar li jkun ħa l-istat tal-awtorità rikjesta, jew dwar il-validità ta' notifika li tkun għamlet awtorità tal-istat rikjest għandu jitressaq quddiem il-korp kompetenti ta' dak l-istat skont il-liġijiet u r-regolamenti tiegħu.

3.   Meta titressaq azzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità applikanti għandha tgħarraf lill-awtorità rikjesta b'dan u għandha tindika l-punt safejn it-talba ma tkunx qed tiġi kkontestata.

4.   Malli l-awtorità rikjesta tirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 mingħand l-awtorità applikanti jew inkella mingħand il-parti interessata, hija għandha tissospendi l-proċedura tal-infurzar safejn din ikollha x'taqsam mal-parti kkontestata tat-talba sakemm il-korp kompetenti jkun iddeċieda dwar din il-kwistjoni u sakemm l-awtorità applikanti ma titlobx mod ieħor skont it-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Fuq talba tal-awtorità applikanti jew kull meta l-awtorità rikjesta tqis li dan ikun meħtieġ, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 33, l-awtorità rikjesta tista' tieħu miżuri ta' prekawzjoni biex tiżgura l-irkupru safejn il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli jkunu jippermettu dan.

L-awtorità applikanti tista' titlob lill-awtorità rikjesta tirkupra talba kkontestata jew il-parti kkontestata ta' talba skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi li huma fis-seħħ fl-istat tagħha, safejn il-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi li huma fis-seħħ fl-istat tal-awtorità rikjesta jkunu jippermettu dan. Kull talba ta' dan it-tip għandha tkun motivata. Jekk, wara, ir-riżultat tal-kontestazzjoni jkun favur id-debitur, l-awtorità applikanti għandha tirrimborża s-somom kollha rkuprati flimkien ma' kull kumpens li jkun dovut skont il-liġijiet li jkunu fis-seħħ fl-istat tal-awtorità rikjesta.

Jekk l-istat tal-awtorità applikanti u dak tal-awtorità rikjesta jkunu nedew proċedura ta' ftehim reċiproku bejniethom, u l-eżitu tal-proċedura jkun jista' jaffettwa t-talba li għaliha tkun intalbet l-assistenza, il-miżuri ta' rkupru għandhom jiġu sospiżi jew jitwaqqfu sakemm tintemm dik il-proċedura, dejjem jekk din ma jkollhiex x'taqsam ma' każ ta' urġenza immedjata minħabba frodi jew insolvenza. Jekk jiġu sospiżi jew jitwaqqfu l-miżuri ta' rkupru, għandu japplika t-tieni subparagrafu.

Artikolu 32

Emendar tat-talba għall-assistenza għall-irkupru jew l-irtirar tagħha

1.   L-awtorità applikanti għandha tgħarraf lill-awtorità rikjesta minnufih dwar kull emenda sussegwenti tat-talba tagħha għall-irkupru jew dwar l-irtirar tat-talba tagħha, u għandha tagħti r-raġunijiet tagħha għal dan.

2.   Jekk l-emenda tat-talba ssir minħabba deċiżjoni tal-korp kompetenti msemmi fl-Artikolu 31(1), l-awtorità applikanti għandha tibgħat dik id-deċiżjoni flimkien ma' strument uniformi rivedut li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità rikjesta. L-awtorità rikjesta mbagħad għandha tkompli twettaq iktar miżuri ta' rkupru abbażi tal-istrument rivedut.

Il-miżuri ta' rkupru jew ta' prekawzjoni li jkunu diġà ttieħdu abbażi tal-istrument uniformi oriġinali li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità rikjesta jistgħu jitkomplew abbażi tal-istrument rivedut, sakemm it-talba ma tkunx ġiet emendata minħabba li l-istrument oriġinali li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità applikanti jew l-istrument uniformi oriġinali li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità rikjesta ma jkunux validi.

L-Artikoli 29 u 31 għandhom japplikaw għall-istrument rivedut.

Artikolu 33

Talba għall-miżuri ta' prekawzjoni

1.   Fuq talba tal-awtorità applikanti u jekk tkun tista' tagħmel dan skont il-liġijiet nazzjonali tagħha u skont il-prattiki amministrattivi tagħha, l-awtorità rikjesta għandha tieħu miżuri ta' prekawzjoni biex tiżgura l-irkupru meta t-talba jew l-istrument li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità applikanti jkunu qed jiġu kkontestati fiż-żmien meta ssir it-talba, jew meta jkun għad m'hemmx strument li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità applikanti għal dik it-talba, safejn il-liġijiet u l-prattiki amministrattivi fl-istat tal-awtorità applikanti jkunu jippermettu li jittieħdu miżuri ta' prekawzjoni f'sitwazzjonijiet simili.

Id-dokument li jitfassal biex jiġu permessi l-miżuri ta' prekawzjoni fl-istat tal-awtorità applikanti u li jkollu x'jaqsam mat-talba li għaliha tintalab l-assistenza reċiproka għandu jinhemeż mat-talba għall-miżuri ta' prekawzjoni fl-istat tal-awtorità rikjesta. Fl-istat tal-awtorità rikjesta ma għandu jkun hemm l-ebda att ta' rikonoxximent jew att ta' sostituzzjoni b'rabta ma' dan id-dokument, u l-ebda att li jissupplimentah.

2.   It-talba għall-miżuri ta' prekawzjoni jista' jkollha magħha dokumenti oħrajn relatati mat-talba.

Artikolu 34

Regoli li jirregolaw it-talba għall-miżuri ta' prekawzjoni

Sabiex l-Artikolu 33 jidħol fis-seħħ, l-Artikoli 27(2), 30(1) u (2), 31 u 32 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 35

Limiti fuq l-obbligi tal-awtorità rikjesta

1.   L-awtorità rikjesta ma għandhiex tkun obbligata tagħti l-assistenza prevista fl-Artikoli 27 sa 33 jekk l-irkupru tat-talba jkun se jwassal għal diffikultajiet ekonomiċi jew soċjali serji fl-istat tagħha minħabba s-sitwazzjoni tad-debitur, safejn il-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi li huma fis-seħħ f'dak l-istat ikunu jippermettu t-tali eċċezzjoni għat-talbiet nazzjonali.

2.   L-awtorità rikjesta ma għandhiex tkun obbligata tagħti l-assistenza prevista fl-Artikolu 22 u fl-Artikoli 24 sa 33 jekk it-talba oriġinali għall-assistenza skont l-Artikolu 22, 24, 25, 27 jew 33 issir għal talbiet li jkollhom iktar minn ħames snin, li jkunu jibdew mid-data dovuta tat-talba fl-istat tal-awtorità applikanti sad-data tat-talba oriġinali għall-assistenza.

Madankollu, f'każijiet fejn ikunu qed jiġu kkontestati t-talba jew l-istrument oriġinali li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità applikanti, il-perijodu ta' ħames snin għandu jitqies li jibda minn meta jiġi stabbilit, fl-istat tal-awtorità applikanti, li t-talba jew l-istrument li jippermetti l-infurzar ma jistgħux jiġu kkontestati iktar.

Barra minn hekk, f'każijiet fejn l-istat tal-awtorità applikanti jkun ippermetta li l-pagament jew il-pjan ta' ħlas bin-nifs jiġi pospost, il-perijodu ta' ħames snin għandu jitqies li jibda minn meta jkun intemm il-perijodu kollu tal-pagament.

Madankollu, f'dawk il-każijiet, l-awtorità rikjesta ma għandhiex tkun obbligata tagħti l-assistenza għal talbiet li jkollhom iktar minn għaxar snin, li jkunu jibdew mid-data dovuta tat-talba fl-istat tal-awtorità applikanti.

3.   Stat ma għandux ikun obbligat jagħti l-assistenza jekk it-talbiet koperti minn dan il-Ftehim li għalihom tintalab l-assistenza b'kollox ikunu jammontaw għal inqas minn EUR 1 500.

4.   L-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lill-awtorità applikanti bir-raġunijiet għar-rifjut ta' talba għall-assistenza.

Artikolu 36

Kwistjonijiet marbutin mal-limitazzjoni

1.   Il-kwistjonijiet marbutin mal-perijodi tal-limitazzjoni għandhom ikunu rregolati biss mil-liġijiet li jkunu fis-seħħ fl-istat tal-awtorità applikanti.

2.   F'dak li għandu x'jaqsam mas-sospensjoni, mal-interruzzjoni jew mat-titwil tal-perijodi tal-limitazzjoni, kull pass li tieħu l-awtorità rikjesta fl-irkupru tat-talbiet jew li jittieħed f'isimha b'segwitu għal talba għall-assistenza u li jwassal biex jiġi sospiż, interrott jew imtawwal il-perijodu tal-limitazzjoni skont il-liġijiet li jkunu fis-seħħ fl-istat tal-awtorità rikjesta għandu jkollu l-istess effett fl-istat tal-awtorità applikanti, dejjem jekk il-liġijiet ta' dan l-istat ikunu jipprevedu l-effett korrispondenti.

Jekk il-liġijiet li jkunu fis-seħħ fl-istat tal-awtorità rikjesta ma jippermettux li jiġi sospiż, interrott jew imtawwal il-perijodu tal-limitazzjoni, kull pass li tieħu l-awtorità rikjesta fl-irkupru tat-talbiet jew li jittieħed f'isimha b'segwitu għal talba għall-assistenza li, kieku wettqitu l-awtorità applikanti fl-istat tagħha stess jew kieku twettaq f'isimha f'dak l-istat, kien iwassal biex jiġi sospiż, interrott jew imtawwal il-perijodu tal-limitazzjoni skont il-liġijiet ta' dak l-istat, għandu jitqies li jkun ittieħed f'dan l-istat tal-aħħar safejn għandu x'jaqsam ma' dak l-effett.

L-ewwel u t-tieni subparagrafi ma għandhomx jaffettwaw id-dritt tal-istat tal-awtorità applikanti li jieħu miżuri li jwasslu biex jiġi sospiż, interrott jew imtawwal il-perijodu tal-limitazzjoni skont il-liġijiet li jkunu fis-seħħ f'dak l-istat.

3.   L-awtorità applikanti u l-awtorità rikjesta għandhom javżaw lil xulxin b'kull azzjoni li tinterrompi, tissospendi jew ittawwal il-perijodu tal-limitazzjoni tat-talba li għaliha jkunu ntalbu l-miżuri ta' rkupru u ta' prekawzjoni, jew li tista' twassal għal dan.

Artikolu 37

Spejjeż

1.   Minbarra l-ammonti msemmija fl-Artikolu 30(5), l-awtorità rikjesta għandha tfittex li tirkupra mingħand il-persuna kkonċernata wkoll l-ispejjeż marbutin mal-irkupru li hija tkun ġarrbet skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-istat tagħha u li żżomm dan l-ammont.

2.   L-istati għandhom jirrinunzjaw it-talbiet kollha li jkunu għamlu lil xulxin għar-rimborż tal-ispejjeż li joħorġu minn kull assistenza reċiproka li jkunu taw lil xulxin skont dan il-Ftehim.

Madankollu, meta l-irkupru joħloq problema speċifika jew ikun jinvolvi spejjeż kbar ħafna jew ikollu x'jaqsam mal-kriminalità organizzata, l-awtorità applikanti u l-awtorità rikjesta jistgħu jiftiehmu bejniethom dwar arranġamenti speċifiċi tar-rimborż għall-każijiet ikkonċernati.

3.   Minkejja l-paragrafu 2, l-istat tal-awtorità applikanti għandu jħallas lill-istat tal-awtorità rikjesta l-ispejjeż kollha u t-telf kollu li dan iġarrab minħabba azzjonijiet li jitqiesu li ma kinux motivati, f'dak li għandu x'jaqsam mas-sustanza tat-talba jew mal-validità tal-istrument li jippermetti l-infurzar u/jew mal-miżuri ta' prekawzjoni maħruġin mill-awtorità applikanti.

KAPITOLU 4

Regoli ġenerali li jirregolaw kull tip ta' talba għall-assistenza għall-irkupru

Artikolu 38

Użu tal-lingwi

1.   It-talbiet kollha għall-assistenza, il-formoli standard għan-notifiki u l-istrumenti uniformi li jippermettu l-infurzar fl-istat tal-awtorità rikjesta għandhom jintbagħtu bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-istat tal-awtorità rikjesta jew għandu jkollhom magħhom traduzzjoni f'dik il-lingwa jew f'waħda minn dawk il-lingwi. Il-fatt li ċerti partijiet tagħhom ikunu miktubin b'lingwa li mhijiex dik uffiċjali jew li mhijiex waħda mil-lingwi uffiċjali ta' dak l-istat ma għandux jaffettwa l-validità tagħhom jew il-validità tal-proċedura, safejn dik il-lingwa tkun waħda li jkunu qablu dwarha l-istati kkonċernati.

2.   Id-dokumenti li għalihom tintalab notifika skont l-Artikolu 25 jistgħu jintbagħtu lill-awtorità rikjesta b'lingwa uffiċjali tal-istat tal-awtorità applikanti.

3.   Meta ma' talba jintbagħtu dokumenti oħrajn minbarra dawk imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2, l-awtorità rikjesta tista' titlob lill-awtorità applikanti tibagħtilha traduzzjoni tat-tali dokumenti fil-lingwa uffiċjali tal-istat tagħha jew f'waħda mil-lingwi uffiċjali tiegħu jew f'lingwa oħra li jkunu qablu dwarha l-istati kkonċernati, fejn ikun hemm bżonn.

Artikolu 39

Data statistika

Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, il-Partijiet għandhom jibagħtu lista tad-data statistika dwar l-applikazzjoni ta' dan it-Titolu lill-Kumitat Konġunt b'mod elettroniku.

Artikolu 40

Formoli standard u mezzi tal-komunikazzjoni

1.   It-talbiet għall-informazzjoni li jsiru skont l-Artikolu 22(1), it-talbiet għal notifika li jsiru skont l-Artikolu 25(1), it-talbiet għall-irkupru li jsiru skont l-Artikolu 27(1) jew it-talbiet għall-miżuri ta' prekawzjoni li jsiru skont l-Artikolu 33(1) u d-data statistika li tintbagħat skont l-Artikolu 39 għandhom jintbagħtu b'mod elettroniku bl-użu ta' formola standard, sakemm dan ma jkunx prattiku għal raġunijiet tekniċi. Safejn ikun possibbli, dawn il-formoli għandhom jintużaw ukoll għal kull korrispondenza oħra li tintbagħat wara b'rabta mat-talba.

L-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità rikjesta, id-dokument li jippermetti l-miżuri ta' prekawzjoni fl-istat tal-awtorità applikanti u d-dokumenti l-oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 29 u fl-Artikolu 33 ukoll għandhom jintbagħtu b'mod elettroniku, sakemm dan ma jkunx prattiku għal raġunijiet tekniċi.

Meta dan ikun xieraq, mal-formoli standard jistgħu jintbagħtu rapporti, dikjarazzjonijiet u dokumenti oħrajn jew kopji tagħhom iċċertifikati bħala awtentiċi jew estratti minnhom, li wkoll għandhom jintbagħtu b'mod elettroniku, sakemm dan ma jkunx prattiku għal raġunijiet tekniċi.

Il-formoli standard u l-korrispondenza b'mod elettroniku jistgħu jintużaw ukoll għall-iskambju tal-informazzjoni skont l-Artikolu 23.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-informazzjoni u għad-dokumenti li jinkisbu permezz tal-preżenza tal-uffiċjali f'uffiċċji amministrattivi fi stat ieħor jew permezz tal-parteċipazzjoni f'inkjesti amministrattivi fi stat ieħor skont l-Artikolu 24.

3.   Jekk il-korrispondenza ma ssirx b'mod elettroniku jew billi jintużaw il-formoli standard, dan ma għandux jaffettwa l-validità tal-informazzjoni miksuba jew tal-miżuri li jittieħdu hija u tiġi implimentata talba għall-assistenza.

4.   In-netwerk tal-komunikazzjoni elettronika u l-formoli standard adottati għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim jistgħu jintużaw ukoll għall-assistenza għall-irkupru b'rabta ma' talbiet oħrajn minbarra t-talbiet imsemmijin fl-Artikolu 2(1)(b) jekk it-tali assistenza għall-irkupru tkun tista' tingħata skont strumenti bilaterali jew multilaterali oħrajn dwar il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-istati li jkunu legalment vinkolanti.

5.   Sakemm il-Kumitat Konġunt ma jadotta l-ebda regola ddettaljata dwar l-implimentazzjoni ta' dan it-Titolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw ir-regoli li huma adottati dal-ħin għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE (5), inklużi l-formoli standard, fejn it-terminu “Stat Membru”se jiġi interpretat bħala terminu li jinkludi lin-Norveġja wkoll.

Minkejja s-subparagrafu ta' qabel, l-istat tal-awtorità rikjesta għandu juża l-munita tal-euro biex jittrasferixxi l-ammonti rkuprati lill-istat tal-awtorità applikanti, sakemm ma jkunx hemm qbil mod ieħor bejn l-istati kkonċernati. L-istati li ma għandhomx l-euro bħala l-munita uffiċjali tagħhom għandhom jiftiehmu man-Norveġja dwar il-munita li se jużaw biex jittrasferixxu l-ammonti rkuprati bejniethom u għandhom jgħarrfu lill-Kumitat Konġunt b'dan.

TITOLU IV

IMPLIMENTAZZJONI U APPLIKAZZJONI

Artikolu 41

Kumitat Konġunt

1.   Il-Partijiet b'dan qed jistabbilixxu Kumitat Konġunt magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet. Il-Kumitat Konġunt għandu jiżgura l-funzjonament tajjeb u l-implimentazzjoni tajba ta' dan il-Ftehim.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet biex jippromwovi l-għanijiet ta' dan il-Ftehim u jadotta deċiżjonijiet:

(a)

li jistabbilixxu l-frekwenza tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 11, l-arranġamenti prattiċi għal dan l-iskambju u l-kategoriji eżatti tal-informazzjoni li dwarhom trid tiġi skambjata l-informazzjoni b'mod awtomatiku;

(b)

li jirrevedu r-riżultati tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni għal kull kategorija stabbilita skont il-punt (a) sabiex ikun żgurat li dan it-tip ta' skambju jsir biss meta dan ikun l-iktar mod effiċjenti biex tiġi skambjata l-informazzjoni;

(c)

li jistabbilixxu kategoriji ġodda tal-informazzjoni li għandha tiġi skambjata skont l-Artikolu 11 jekk l-iskambju awtomatiku tagħha jkun l-iktar mod effiċjenti ta' kooperazzjoni;

(d)

biex tiġi adottata l-formola standard għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni skont l-Artikolu 21(1) u l-Artikolu 40(1);

(e)

li jistabbilixxu x'għandu jiġi trażmess permezz tan-NKK u tal-ISK jew b'mezzi oħrajn;

(f)

dwar l-ammont u l-modalitajiet tal-kontribut finanzjarju li n-Norveġja għandha tagħti lill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-ispejjeż li jiġġarrbu minħabba li hija tieħu sehem fis-sistemi ta' informazzjoni Ewropej, filwaqt li jitqiesu d-deċiżjonijiet imsemmijin fil-punti (d) u (e);

(g)

li jadottaw ir-regoli ta' implimentazzjoni dwar l-arranġamenti prattiċi għall-organizzazzjoni tal-kuntatti bejn l-uffiċċji ċentrali ta' kollegament u d-dipartimenti ta' kollegament imsemmijin fl-Artikolu 4(2)(b) u (3)(b);

(h)

li jistabbilixxu l-arranġamenti prattiċi bejn l-uffiċċji ċentrali ta' kollegament għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 4(5);

(i)

li jadottaw ir-regoli ta' implimentazzjoni dwar il-konverżjoni tal-ammonti li jridu jiġu rkuprati u dwar it-trasferiment tal-ammonti rkuprati;

(j)

li jadottaw il-proċedura għall-konklużjoni tal-ftehim dwar il-livell tas-servizz imsemmi fl-Artikolu 5;

(k)

biex jiġu emendati r-referenzi għall-atti legali tal-Unjoni u tan-Norveġja inklużi f'dan il-Ftehim.

3.   Il-Kumitat Konġunt għandu jaġixxi bl-unanimità. Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jorbtu lill-Partijiet. Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

4.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' tal-inqas darba kull sentejn. Kull Parti tista' titlob li tissejjaħ laqgħa. Kull Parti għandha tippresjedi l-Kumitat Konġunt b'mod alternat. Id-data u l-post ta' kull laqgħa, kif ukoll l-aġenda, għandhom jiġu stabbiliti bi qbil bejn il-Partijiet.

5.   Jekk Parti tkun tixtieq tirrevedi dan il-Ftehim, hija għandha tressaq proposta lill-Kumitat Konġunt, li għandu jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwarha, b'mod partikolari sabiex jinbdew in-negozjati skont ir-regoli għan-negozjati internazzjonali tal-Partijiet.

Artikolu 42

Soluzzjoni tat-tilwim

It-tilwim li jista' jinqala' bejn il-Partijiet dwar l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim jew l-applikazzjoni tiegħu għandu jiġi solvut billi jsiru konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt. Il-Partijiet għandhom jibagħtu l-informazzjoni rilevanti kollha li hemm bżonn biex il-kwistjoni tiġi eżaminata bir-reqqa lill-Kumitat Konġunt bil-ħsieb li jissolva t-tilwim.

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 43

Kamp ta' applikazzjoni territorjali

Dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju tan-Norveġja kif stabbilit fl-Artikolu 1-2 tal-Att Norveġiż numru 58 tad-19 ta' Ġunju 2009 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, u għat-territorji li għalihom japplikaw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, bil-kundizzjonijiet stabbiliti f'dawk it-Trattati, ħlief għat-territorji msemmijin fl-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE.

Artikolu 44

Dħul fis-seħħ, tul ta' żmien u terminazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom japprovaw il-Ftehim skont il-proċeduri legali interni tagħhom.

2.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar ta' wara d-data meta l-Partijiet ikunu għarrfu lil xulxin li lestew il-proċeduri legali interni tagħhom imsemmijin fil-paragrafu 1.

3.   Dan il-Ftehim għandu jkun validu għal perijodu taż-żmien mhux definit. Kull Parti tista' tavża lill-Parti l-oħra bil-miktub li hija jkun beħsiebha twaqqaf il-Ftehim. It-terminazzjoni għandha sseħħ sitt xhur wara d-data tan-notifika.

4.   In-notifiki li jsiru skont dan l-Artikolu għandhom jintbagħtu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-każ tal-Unjoni u lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fil-każ tan-Norveġja.

Artikolu 45

Anness

L-Anness għal dan il-Ftehim għandu jifforma parti integrali minnu.

Artikolu 46

Ir-rabta ma' ftehimiet bilaterali jew multilaterali oħrajn u mal-arranġamenti bejn l-istati

Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim għandhom jieħdu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta' kull strument bilaterali jew multilaterali ieħor dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tal-VAT li jkun legalment vinkolanti u li jkun ġie konkluż bejn Stat Membru tal-Unjoni jew diversi Stati Membri tagħha u n-Norveġja, safejn id-dispożizzjonijiet ta' dan l-istrument ma jkunux kompatibbli ma' dawk ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 47

Test awtentiku

Dan il-Ftehim huwa mfassal duplikatament, bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Irlandiż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bin-Netherlandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, bit-Taljan, bl-Ungeriż u bin-Norveġiż, b'kull test ugwalment awtentiku.

Artikolu 48

Twessigħ ta' dan il-Ftehim għal Stati Membri ġodda tal-Unjoni

Meta pajjiż isir Stat Membru tal-Unjoni, it-test ta' dan il-Ftehim bil-lingwa tal-pajjiż li jkun għadu kemm sar Stat Membru, kif stabbilit mill-Kunsill tal-Unjoni, għandu jiġi awtentikat permezz ta' skambju tal-ittri bejn l-Unjoni u n-Norveġja.

Съставено в София на шести февруари две хиляди и осемнадесета година.

Hecho en Sofía, el seis de febrero de dos mil dieciocho.

V Sofii dne šestého února dva tisíce osmnáct.

Udfærdiget i Sofia den sjette februar to tusind og atten.

Geschehen zu Sofia am sechsten Februar zweitausendachtzehn.

Kahe tuhande kaheksateistkümnenda aasta veebruarikuu kuuendal päeval Sofias.

Έγινε στη Σόφια, στις έξι Φεβρουαρίου δύο χιλιάδες δεκαοκτώ.

Done at Sofia on the sixth day of February in the year two thousand and eighteen.

Fait à Sofia, le six février deux mille dix-huit.

Sastavljeno u Sofiji šestog veljače godine dvije tisuće osamnaeste.

Fatto a Sofia, addì sei febbraio duemiladiciotto.

Sofijā, divi tūkstoši astoņpadsmitā gada sestajā februārī.

Priimta du tūkstančiai aštuonioliktų metų vasario šeštą dieną Sofijoje.

Kelt Szófiában, a kétezer-tizennyolcadik év február havának hatodik napján.

Magħmul f'Sofija fis-sitt jum ta’ Frar fis-sena elfejn u tmintax.

Gedaan te Sofia, zes februari tweeduizend achttien.

Sporządzono w Sofii dnia szóstego lutego dwa tysiące osiemnastego roku.

Feito em Sófia, em seis de fevereiro de dois mil e dezoito.

Întocmit la Sofia, la șase februarie două mii optsprezece.

V Sofii šiesteho februára dvetisícosemnásť.

V Sofiji, dne šestega februarja leta dva tisoč osemnajst.

Tehty Sofiassa kuudentena päivänä helmikuuta vuonna kaksituhattakahdeksantoista.

Som skedde i Sofia den sjätte februari år tjugohundraarton.

Utferdiget i Sofia, den sjette februar totusenogatten.

За Европейския съюз

Рог la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l'Union européenne

Za Europsku uniju

Per l'Unione europea

Eiropas Savienības vārdā –

Europos Sąjungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

For Den europeiske union

Image

За Кралство Норвегия

Por el Reino de Noruega

Za Norské království

For Kongeriget Norge

Für das Königreich Norwegen

Norra Kuningriigi nimel

Για το Βασίλειο της Νορβηγίας

For the Kingdom of Norway

Pour le Royaume de Norvège

Za Kraljevinu Norvešku

Per il Regno di Norvegia

Norvēģijas Karalistes vārdā –

Norvegijos Karalystės vardu

A Norvég Királyság részéről

Għar-Renju tan-Norveġja

Voor het Koninkrijk Noorwegen

W imieniu Królestwa Norwegii

Pelo Reino da Noruega

Pentru Regatul Norvegiei

Za Nórske kráľovstvo

Za Kraljevino Norveško

Norjan kuningaskunnan puolesta

För Konungariket Norge

For Kongeriket Norge

Image


(1)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(2)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta' Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta' talbiet relatati ma' taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU L 84, 31.3.2010, p. 1).


ANNESS

Lista tal-provvisti tal-oġġetti u tas-servizzi li għalihom japplika l-Artikolu 7(4):

(1)

l-importazzjonijiet ta' valur negliġibbli (imsemmijin fl-Artikolu 23 tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE (1));

(2)

is-servizzi relatati mal-proprjetà immobbli (imsemmijin fl-Artikolu 47 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE);

(3)

is-servizzi tat-telekomunikazzjoni, is-servizzi tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni u s-servizzi fornuti b'mod elettroniku (imsemmijin fl-Artikolu 3(t) ta' dan il-Ftehim).


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE tad-19 ta' Ottubru 2009 li tiddetermina l-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta' ċerti oġġetti (ĠU L 292, 10.11.2009, p. 5).


Top