Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22017X0114(02)

Dikjarazzjonijiet li għandhom jiddaħħlu fil-minuti tal-Kunsill

ĠU L 11, 14.1.2017, p. 9–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 11/9


Dikjarazzjonijiet li għandhom jiddaħħlu fil-minuti tal-Kunsill

Werrej

1.

Dikjarazzjoni mill-Kunsill dwar l-Artikolu 20.12“Camcording” (infurzar kriminali tad-drittijiet dwar il-proprjetà intellettwali). 11

2.

Dikjarazzjoni mill-Kunsill dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Artikolu 20.7“Protezzjoni mogħtija” (kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tad-drittijiet morali protetti mill-Konvenzjoni ta' Bern). 11

3.

Dikjarazzjoni mill-Kunsill rilevanti għall-applikazzjoni proviżorja tat-trasport u s-servizzi tat-trasport (rigward l-allokazzjoni tal-kompetenzi). 11

4.

Dikjarazzjoni mill-Kunsill rilevanti għall-applikazzjoni proviżorja tal-Kapitoli 22, 23 u 24:“Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli”, “Kummerċ u Xogħol”, u “Kummerċ u Ambjent” (rigward l-allokazzjoni tal-kompetenzi). 11

5.

Dikjarazzjoni mill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 912/2014 dwar ir-“responsabbiltà finanzjarja” għar-Riżoluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment. 11

6.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi. 11

7.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni fis-CETA. 12

8.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ilma. 12

9.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kontenut tal-bażijiet legali miżjuda mill-Kunsill. 12

10.

Dikjarazzjoni mill-Irlanda (dwar it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE). 13

11.

Dikjarazzjoni mir-Renju Unit (dwar it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE). 13

12.

Dikjarazzjoni mill-Ungerija (dwar l-applikazzjoni proviżorja tas-CETA). 13

13.

Dikjarazzjoni mill-Portugall (rigward l-applikazzjoni proviżorja tas-CETA u l-awtonomija tad-deċiżjonijiet rigward kwistjonijiet fil-kompetenza nazzjonali). 13

14.

Dikjarazzjoni mill-Greċja (rigward il-protezzjoni tad-Denominazzjoni ta' Oriġini Protetta (DOP) “Feta” fis-CETA). 13

15.

Dikjarazzjoni mill-Kunsill dwar l-ambitu tal-applikazzjoni proviżorja tas-CETA. 14

16.

Dikjarazzjoni mill-Kunsill rilevanti għall-applikazzjoni proviżorja tar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali (allokazzjoni tal-kompetenzi). 14

17.

Dikjarazzjoni mill-Kunsill rilevanti għall-applikazzjoni proviżorja tal-protezzjoni tal-ħaddiema (allokazzjoni tal-kompetenzi). 14

18.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni rigward deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt tas-CETA. 15

19.

Dikjarazzjoni mill-Kunsill u l-Istati Membri dwar deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt tas-CETA. 15

20.

Dikjarazzjoni mill-Kunsill dwar it-terminazzjoni tal-applikazzjoni proviżorja tas-CETA. 15

21.

Dikjarazzjoni mill-Ġermanja u l-Awstrija dwar it-terminazzjoni tal-applikazzjoni proviżorja tas-CETA. 15

22.

Dikjarazzjoni mill-Polonja dwar it-terminazzjoni tal-applikazzjoni proviżorja tas-CETA. 15

23.

Dikjarazzjoni mis-Slovenja (dwar is-sistema ta' qorti tal-investiment bilaterali u diversi kwistjonijiet oħra). 15

24.

Dikjarazzjoni mill-Awstrija (dwar il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f'isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt). 16

25.

Dikjarazzjoni mill-Polonja (dwar l-ambitu tal-kompetenza nazzjonali u diversi kwistjonijiet oħra). 16

26.

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-projbizzjoni ta' sustanzi li għandhom azzjoni ormonali għall-istimolu tal-iżvilupp fl-annimali tal-irziezet (bħal ċanga ttrattata bl-ormoni). 17

27.

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Akkwist Pubbliku. 17

28.

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-assigurazzjoni obbligatorja Belġjana u assoċjazzjonijiet mutwi skont il-liġi Belġjana. 17

29.

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar is-Servizzi Pubbliċi. 18

30.

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE dwar prodotti modifikati ġenetikament, rigward l-ikel, l-għalf u l-kultivazzjoni. 18

31.

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-tifsira tat-terminu “attività kummerċjali sostanzjali” fl-Artikolu 8.1 tal-Ftehim (“Definizzjonijiet” ta' investiment). 18

32.

Dikjarazzjoni mill-Kunsill u mill-Kummissjoni dwar l-agrikoltura fis-CETA. 18

33.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kisba ta' reċiproċità sħiħa tal-viża mal-Kanada għaċ-ċittadini Rumeni u Bulgari. 19

34.

Dikjarazzjoni mill-Bulgarija (dwar l-ivvjaġġar mingħajr viża). 19

35.

Dikjarazzjoni mir-Rumanija (dwar l-ivvjaġġar mingħajr viża). 19

36.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-investimenti u l-Qorti tal-Investiment (“ICS”). 20

37.

Dikjarazzjoni mir-Renju tal-Belġju dwar il-kondizzjonijiet tas-setgħat sħaħ tal-Istat Federali u l-Entitajiet Federali għall-iffirmar tas-CETA. 21

38.

Dikjarazzjoni mis-Servizz Legali tal-Kunsill dwar in-natura legali tal-Istrument Interpretattiv Konġunt. 22

DIKJARAZZJONIJIET:

L-istqarrijiet u d-dikjarazzjonijiet li ġejjin jifformaw parti integrali tal-kuntest li fih il-Kunsill jadotta d-deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tas-CETA f'isem l-Unjoni. Dawn ser jiddaħħlu fil-minuti tal-Kunsill f'din l-okkażjoni.

1.   Dikjarazzjoni mill-Kunsill dwar l-Artikolu 20.12:

Il-Kunsill jiddikjara li l-qbil milħuq mill-Istati Membri dwar l-infurzar kriminali tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali ma jikkostitwixxix preċedent għal ftehimiet futuri bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi.

2.   Dikjarazzjoni mill-Kunsill rilevanti għall-applikazzjoni proviżorja tal-Artikolu 20.7:

Il-Kunsill jiddikjara li d-deċiżjoni tiegħu, sa fejn tipprevedi l-applikazzjoni proviżorja mill-UE tal-Artikolu 20.7 ma tippreġudikax l-allokazzjoni ta' kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri fir-rigward tad-drittijiet morali protetti mill-Konvenzjoni ta' Berna.

3.   Dikjarazzjoni mill-Kunsill rilevanti għall-applikazzjoni proviżorja tat-trasport u s-servizzi tat-trasport:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li d-deċiżjoni tiegħu, sa fejn tipprevedi l-applikazzjoni proviżorja mill-UE tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tas-servizzi tat-trasport, li jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenzi kondiviżi bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, ma tippreġudikax l-allokazzjoni ta' kompetenzi bejniethom f'dan il-qasam u ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jwettqu l-kompetenzi tagħhom mal-Kanada għal kwistjonijiet li mhux koperti minn dan il-Ftehim, jew ma' kwalunkwe pajjiż terz ieħor fil-qasam tas-servizzi tat-trasport li jaqgħu fl-imsemmi ambitu.

4.   Dikjarazzjoni mill-Kunsill rilevanti għall-applikazzjoni proviżorja tal-Kapitoli 22, 23 u 24:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li d-deċiżjoni tiegħu, sa fejn tipprevedi l-applikazzjoni proviżorja mill-UE tad-dispożizzjonijiet fil-Kapitoli 22, 23 u 24, li jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenzi kondiviżi bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, ma tippreġudikax l-allokazzjoni ta' kompetenzi bejniethom f'dan il-qasam u ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jwettqu l-kompetenzi tagħhom mal-Kanada għal kwistjonijiet li mhux koperti minn dan il-Ftehim, jew ma' kwalunkwe pajjiż terz ieħor.

5.   Dikjarazzjoni mill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 912/2014:

Il-Kunsill jinnota li r-Regolament (UE) Nru 912/2014 tat-23 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi qafas għall-ġestjoni tar-responsabbiltà finanzjarja marbuta mat-tribunali għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat stabbiliti permezz ta' ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni Ewropea hija Parti, japplika għat-talbiet kollha u t-tilwim kollu dirett kontra l-UE jew kwalunkwe Stat Membru tagħha skont it-Taqsima F (Riżoluzzjoni ta' tilwim dwar investiment bejn l-investituri u l-istati) tal-Kapitolu 8 tas-CETA.

6.   Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi:

1.

Matul in-negozjati li għaddejjin u dawk futuri dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi, inkluż id-DOP u l-IĠP, il-Kummissjoni ser iżżomm kuntatt mill-qrib ma' kull Stat Membru interessat permezz tal-istrutturi konsultattivi disponibbli u ser tilqa' t-talbiet ad hoc għal aktar konsultazzjonijiet.

2.

Il-Kummissjoni hija impenjata li tilħaq l-aqwa livell possibbli ta' protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati fl-Unjoni skont in-negozjati li għaddejjin u dawk futuri tal-ftehimiet kummerċjali fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-suq f'kull wieħed mis-sħab kummerċjali u l-interessi tal-Istati Membri.

3.

Il-Kummissjoni tieħu nota tat-tħassib tal-Greċja fir-rigward tar-riżultati dwar il-protezzjoni ta' ċerti indikazzjonijiet ġeografiċi skont il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, b'mod partikolari fir-rigward tal-Feta b'Denominazzjoni ta' Oriġini Protetta. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li r-riżultati miksuba fir-rigward tat-termini koperti skont l-Artikolu 20.21 tas-CETA, inkluż FETA, jipprovdu livell ta' protezzjoni li ma joħloqx preċedent għan-negozjati li għaddejjin jew dawk futuri.

4.

Il-Kummissjoni tikkonferma l-intenzjoni tagħha, bil-ħsieb tal-ftehim CETA, li tiżgura l-implimentazzjoni stretta tal-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi previsti f'dan il-Ftehim, fost l-oħrajn, tad-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-infurzar amministrattiv, u fir-rigward tal-entitajiet intitolati li jużaw eċċezzjonijiet skont l-Artikolu 20.21.

5.

Il-Kummissjoni timpenja ruħha li tagħmel użu sħiħ mill-mekkaniżmi tal-Kumitat CETA dwar Indikazzjonijiet Ġeografiċi stabbiliti skont l-Artikolu 26.2 tal-Ftehim sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi Kanadiżi jkunu infurmati b'mod adegwat dwar il-kwalità u l-karatteristiċi intrinsiċi tal-prodotti koperti skont l-Artikolu 20.21 tas-CETA.

6.

Il-Kummissjoni timpenja ruħha fi żmien ħames snin li tuża l-mekkaniżmi adatti previsti fil-Ftehim CETA, bl-għan li tinkiseb għall-indikazzjonijiet ġeografiċi kollha tal-UE elenkati fl-Anness 20-A tal-Ftehim, inkluż Feta, l-istess livell ta' protezzjoni.

7.

Il-Kummissjoni hija impenjata li tagħmel użu sħiħ mill-mekkaniżmi tas-CETA dwar Indikazzjonijiet Ġeografiċi (IĠ) stabbiliti bl-Artikolu 26.2 bil-għan li tinkludi IĠ ġodda fil-ftehim abbażi ta' talba minn Stat Membru tal-UE.

8.

Fid-dawl tal-possibbiltajiet offruti skont ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi, il-Kummissjoni ser tkompli toffri lill-Istati Membri kif ukoll lil produtturi u esportaturi ta' indikazzjoni ġeografika, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli fosthom, appoġġ biex jippromwovu l-indikazzjonijiet ġeografiċi.

7.   Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni fis-CETA:

Il-Kummissjoni tikkonferma li s-CETA tippreserva l-kapaċità tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha biex japplikaw il-prinċipji fundamentali tagħhom li jirregolaw attivitajiet regolatorji. Għall-Unjoni Ewropea, dawk il-prinċipji jinkludu dawk stabbiliti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u jinkludu, b'mod partikolari, il-prinċipju ta' prekawzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 191 u rifless fl-Artikoli 168(1), 169(1) u (2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonferma li xejn fis-CETA ma jipprevjeni l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni fl-Unjoni Ewropea kif stabbilit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

8.   Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ilma:

Il-Kummissjoni tafferma mill-ġdid li xejn fis-CETA ma jfixkel id-dritt ta' kwalunkwe Stat Membru li jiddeċiedi b'mod awtonomu kif juża u jipproteġi s-sorsi tal-ilma tiegħu. L-Artikolu 1.9 fis-CETA jafferma mill-ġdid li xejn fil-Ftehim ma jobbliga lill-Unjoni Ewropea li tippermetti l-użu kummerċjali tal-ilma għal kwalunkwe fini. Is-CETA jkun japplika biss f'dan is-settur jekk l-Unjoni Ewropea jew l-Istat Membru tagħha jiddeċiedi b'mod awtonomu li jippermetti l-użu kummerċjali tal-ilma.

Anki jekk Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li jippermetti użu kummerċjali tal-ilma, is-CETA tissalvagwardja bis-sħiħ il-possibbiltà għal Stat Membru jerġa' lura mid-deċiżjonijiet tiegħu f'dan ir-rigward, kif ukoll id-dritt li jirregola l-użu kummerċjali tal-ilma għal finijiet ta' politika pubblika.

9.   Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kontenut tal-bażijiet legali:

Il-Kummissjoni tinnota li l-Kunsill żied l-Artikoli 43(2), 153(2) u 192(1) TFUE għall-bażijiet legali sostantivi proposti mill-Kummissjoni għad-“Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra”. Il-Kummissjoni tqis li din l-emenda mhijiex ġustifikata minħabba li l-kwistjonijiet kollha kkonċernati jaqgħu kompletament fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 207 TFUE.

10.   Dikjarazzjoni mill-Irlanda:

Fil-każ li l-implimentazzjoni tal-Ftehim mill-Unjoni Ewropea tkun teħtieġ rikors għal miżuri skont it-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ser jiġu rrispettati b'mod sħiħ.

11.   Dikjarazzjoni mir-Renju Unit:

Ir-Renju Unit jilqa' l-iffirmar tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada fuq naħa, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra.

Madankollu, ir-Renju Unit hu tal-fehma li l-Ftehim fih dispożizzjonijiet relatati mal-preżenza temporanja ta' persuni fiżiċi għan-negozju u r-riammissjonijiet li jikkonformaw mat-Titolu V tal-Parti III tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni. Ir-Renju Unit ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 2 tal-Protokoll (Nru 21) għat-Trattati dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-Rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, l-ebda dispożizzjoni ta' kwalunkwe ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni skont dak it-Titolu ma għandu jkun vinkolanti jew applikabbli fir-Renju Unit, ħlief jekk, f'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll, huwa jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li jixtieq jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' miżura proposta.

Konsegwentement, f'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 21), ir-Renju Unit innotifika lill-President tal-Kunsill li, sa fejn id-Deċiżjonijiet jirrigwardaw il-preżenza temporanja ta' persuni fiżiċi għan-negozju, huwa għandu l-intenzjoni li jipparteċipa fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill.

12.   Dikjarazzjoni mill-Ungerija dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra:

L-Ungerija tinnota li, jekk ikun neċessarju li temenda l-liġi domestika tagħha għall-applikazzjoni proviżorja mill-Unjoni Ewropea ta' dawk il-partijiet tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra, koperta b'kompetenza kondiviża, tali emendi għandhom isiru, minħabba n-natura tal-ordni legali tal-Ungerija, b'rabta mal-proċess ta' ratifika nazzjonali, li l-Ungerija beħsiebha tibda fiż-żmien debitu.

13.   Dikjarazzjoni mill-Portugall:

Filwaqt li nżommu f'moħħna l-konformità mal-prinċipju tal-qsim tal-kompetenza bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, kif ġie definit fit-Trattati, id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill li tawtorizza l-konklużjoni, l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada, min-naħa l-waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, m'għandhiex taffettwa l-awtonomija tad-deċiżjonijiet tal-Portugall dwar il-kwistjonijiet fil-kompetenza nazzjonali tiegħu, li d-deċiżjoni tiegħu li jkun marbut mill-Ftehim, skont il-prinċipji u r-regoli Kostituzzjonali, tiddependi mill-konklużjoni tal-proċeduri interni ta' ratifika u d-dħul fis-seħħ tal-ftehim fis-sistema legali internazzjonali.

14.   Dikjarazzjoni mill-Greċja:

Il-Greċja tinnota li r-riżultati miksuba permezz tan-negozjati għal Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra, dwar il-protezzjoni tal-“Feta”, ġobon Grieg intitolat għal protezzjoni speċjali taħt il-leġislazzjoni tal-UE dwar prodotti ta' Denominazzjoni ta' Oriġini Protetta (DPO), jipprovdu biss livell minimu ta' protezzjoni u, bħala tali, ma jikkostitwixxux preċedent għall-Ftehimiet Kummerċjali futuri tal-UE ma' pajjiżi terzi.

Il-Greċja tqis li “Feta” DPO, bħala waħda mill-ikbar l-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE, għandha tingħata l-istess livell ta' protezzjoni bħall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-UE ta' importanza simili. Barra minn hekk, il-Greċja tqis li l-protezzjoni tal-“Feta” DPO kif ukoll ta' Indikazzjonijiet Ġeografiċi oħra jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għall-promozzjoni tal-iżvilupp reġjonali, it-tkabbir u l-impjiegi fl-Unjoni Ewropea. Ir-riżultati miksuba dwar il-protezzjoni speċifika tal-“Feta” DPO skont il-Ftehim CETA ma jqisux kompletament il-mira ta' hawn fuq u b'hekk ma jiżgurawx il-protezzjoni sħiħa tagħha fis-suq Kanadiż.

F'dan il-qafas, il-Greċja tieħu nota b'mod sħiħ l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea: a) li tikseb l-aħjar livell ta' protezzjoni possibbli ta' protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati kollha tal-UE (IG), inkluż il-“Feta” DPO, fin-negozjati li għaddejjin jew dawk futuri għal Ftehimiet Kummerċjali ma' pajjiżi terzi, filwaqt li jittieħed kont b'mod suffiċjenti tal-mira msemmija hawn fuq u b) li tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-protezzjoni tal-“Feta” DPO mhux biss fl-UE iżda wkoll fis-swieq ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu ta' prattiki inġusti li jwasslu għall-misinformazzjoni tal-konsumatur.

F'dan ir-rigward, il-Greċja tilqa' b'sodisfazzjon id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar (1) l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li żżomm kuntatt mill-qrib mal-Istati Membri interessati matul negozjati li għaddejjin jew dawk futuri dwar l-IĠ, (2) l-impenn tagħha biex tikseb l-aħjar livell possibbli ta' protezzjoni tal-IĠ f'negozjati li għaddejjin jew dawk futuri ma' pajjiżi terzi, (3) l-intenzjoni tiegħu li jiżgura, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet Kanadiżi kompetenti kollha, l-implimentazzjoni stretta ta' protezzjoni previst taħt il-Ftehim CETA, jiġifieri l-istabbiliment tal-mekkaniżmi u l-proċeduri interni adatti ta' infurzar amministrattiv Kanadiżi u sabiex jiġu aġġustati d-dispożizzjonijiet tas-CETA Kanadiż tas-suq intern, kif ukoll ir-reġistrazzjoni tal-entitajiet Kanadiżi intitolati li jużaw eċċezzjonijiet taħt l-Art. 20.21. (4) l-impenn tagħha li tagħmel użu sħiħ mill-mekkaniżmi tal-Kumitat dwar l-Indikazzjonijiet ġeografiċi tas-CETA sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi Kanadiżi jkunu infurmati b'mod adegwat dwar il-kwalità u l-karatteristiċi intrinsiċi tal-prodotti koperti taħt il-Ftehim CETA Art. 20.21, (5) l-impenn tagħha, fi żmien ħames (5) snin mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim CETA, li tuża l-mekkaniżmi adegwati, bl-għan li jinkisbu fiha l-indikazzjonijiet ġeografiċi kollha tal-UE, inkluż tal-“Feta” DPO, l-istess livell ta' protezzjoni, (6) appoġġ lill-Greċja fl-isforzi tagħha biex tippromwovi GIS bl-esplojtazzjoni tal-possibbiltajiet offerti skont ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014.

Il-Greċja biħsiebha tagħmel segwitu tal-punti msemmija hawn fuq u tqishom bħala parti tal-bona fide fl-implimentazzjoni tal-Ftehim CETA.

Fil-preżentazzjoni ta' din id-dikjarazzjoni, il-Greċja ħadet kont b'mod sħiħ tad-dimensjoni strateġika politika u ekonomika tal-Ftehim CETA.

Rigward l-ambitu tal-applikazzjoni proviżorja tas-CETA:

15.   Dikjarazzjoni mill-Kunsill:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jikkonferma li huma biss kwistjonijiet fl-ambitu tal-kompetenza tal-UE li ser ikunu soġġetti għal applikazzjoni proviżorja.

16.   Dikjarazzjoni mill-Kunsill rilevanti għall-applikazzjoni proviżorja tar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li d-deċiżjoni tiegħu, sa fejn tipprevedi l-applikazzjoni proviżorja mill-UE tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali u sa fejn dak il-qasam jaqa' fl-ambitu tal-kompetenzi kondiviżi bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, ma tippreġudikax l-allokazzjoni ta' kompetenzi bejniethom f'dan il-qasam u ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom mal-Kanada jew ma' pajjiż terz ieħor għal kwistjonijiet li ma jkunux koperti minn dan il-Ftehim.

17.   Dikjarazzjoni mill-Kunsill rilevanti għall-applikazzjoni proviżorja tal-protezzjoni tal-ħaddiema:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li d-deċiżjoni tiegħu, sa fejn tipprevedi l-applikazzjoni proviżorja mill-UE tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-ħaddiema u sa fejn dak il-qasam jaqa' fl-ambitu tal-kompetenzi kondiviżi bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, ma tippreġudikax l-allokazzjoni ta' kompetenzi bejniethom f'dan il-qasam u ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom mal-Kanada jew ma pajjiż terz ieħor għal kwistjonijiet li ma jkunux koperti minn dan il-Ftehim.

Rigward deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt tas-CETA:

18.   Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni:

Qed jiġi nnotat li huwa improbabbli li fil-futur qarib ser tkun meħtieġa xi deċiżjoni li temenda s-CETA u xi interpretazzjoni vinkolanti tas-CETA adottati mill-Kumitat Konġunt tas-CETA. Għaldaqstant, il-Kummissjoni mhix beħsiebha tagħmel xi proposta taħt l-Artikolu 218(9) bil-ħsieb li temenda s-CETA jew bil-ħsieb li tadotta interpretazzjoni vinkolanti tas-CETA qabel ma jintemmu l-proċedimenti ewlenin quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża.

19.   Dikjarazzjoni mill-Kunsill u l-Istati Membri:

Il-Kunsill u l-Istati Membri jfakkru li meta deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tas-CETA taqa' fil-kompetenza tal-Istati Membri, il-pożizzjoni li tittieħed mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fi ħdan il-Kumitat Konġunt tas-CETA għandha tiġi adottata bi ftehim komuni.

Rigward it-tmiem tal-applikazzjoni proviżorja tas-CETA:

20.   Dikjarazzjoni mill-Kunsill:

Jekk ir-ratifika tas-CETA ma tgħaddix b'mod permanenti u definittiv minħabba sentenza ta' qorti kostituzzjonali, jew wara li jkunu tlestew proċessi kostituzzjonali oħra u notifika formali mill-gvern tal-istat ikkonċernat, l-applikazzjoni proviżorja għandha u ser tintemm. Il-passi meħtieġa ser jittieħdu f'konformità mal-proċeduri tal-UE.

21.   Dikjarazzjoni mill-Ġermanja u l-Awstrija:

Il-Ġermanja u l-Awstrija ddikjaraw li bħala Partijiet għas-CETA huma jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mill-Artikolu 30.7(3)(c) tas-CETA. Il-passi meħtieġa ser jittieħdu f'konformità mal-proċeduri tal-UE.

22.   Dikjarazzjoni mill-Polonja:

Il-Polonja tiddikjara li bħala Parti għas-CETA hija tista' teżerċita d-dritt tagħha li jirriżulta mill-Artikolu 30.7.(3)(c) tas-CETA. Ser jittieħdu l-passi meħtieġa kollha f'konformità mal-proċeduri tal-UE.

23.   Dikjarazzjoni mis-Slovenja:

Ir-Repubblika tas-Slovenja, filwaqt li tfakkar fin-natura sensittiva ħafna tal-kapitolu dwar l-investiment, tqis li l-qbil li jiġi ffirmat is-CETA ma jippreġudikax il-pożizzjoni prinċipali tar-Repubblika tas-Slovenja dwar sistema ta' qorti tal-investiment bilaterali. Fid-dawl tal-punti varji ta' tħassib espressi waqt in-negozjati fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar sistema ta' qorti tal-investiment, ir-Repubblika tas-Slovenja tistenna li s-sistema ta' qorti tal-investiment tibqa' tiġi żviluppata b'mod kontinwu skont id-Dikjarazzjoni Interpretattiva Konġunta u d-dritt tal-Unjoni, u li d-dispożizzjonijiet rilevanti tas-CETA jkunu adattati sabiex jiġi introdott titjib saħansitra qabel ma jiġu stabbiliti t-tribunal tal-investiment multilaterali u l-mekkaniżmu tal-appelli għar-riżoluzzjoni ta' tilwim dwar l-investiment.

Abbażi tal-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha taħt it-Trattati, id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-applikazzjoni proviżorja tas-CETA bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Kanada, min-naħa l-oħra, ma għandhiex taffettwa l-awtonomija tar-Repubblika tas-Slovenja li tiddeċiedi li tkun marbuta biha fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza nazzjonali tagħha. Dan jimplika li r-referenza fil-Ftehim konċernat għal rekwiżiti u proċeduri interni meħtieġa għall-applikazzjoni proviżorja tiegħu għandha tinftiehem, fil-każ tar-Repubblika tas-Slovenja, bħala referenza għat-tlestija tal-proċeduri ta' ratifika.

Ir-Repubblika tas-Slovenja tifhem li s-CETA mhux ser jaffettwa l-leġislazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew tal-Kanada dwar l-awtorizzazzjoni, it-tqegħid fis-suq, it-tkabbir u t-tikkettar tal-OĠM u produzzjoni miksuba minn teknoloġiji ġodda ta' tnissil u partikolarment il-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu t-tkabbir ta' OĠM fit-territorju tagħhom. Konsegwentement, ir-Repubblika tas-Slovenja tifhem li xejn fis-CETA mhu ser jipprevjeni l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni fl-Unjoni Ewropea kif stabbilit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Fir-rigward tal-ilma, ir-Repubblika tas-Slovenja tifhem li xejn f'dan il-ftehim ma joħloq xi obbligu għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tiegħu li jmur lil hinn mil-leġislazzjoni tal-UE jew jillimita d-dritt ta' kull Parti li tadotta jew iżżomm xi miżura biex timmaniġġja, tipproteġi u tippreżerva s-sorsi tal-ilma tagħha (kemm għall-użu kummerċjali, l-ilma biex jinxtorob, użu mħallat jew użu ieħor), inkluż id-dritt ta' kull Parti li tillimita jew tikkanċella d-drittijiet għall-ilma mogħtija. Ir-Repubblika tas-Slovenja tifhem ukoll li s-sorsi tal-ilma użati għall-forniment ta' ilma biex jinxtorob (inklużi sorsi tal-ilma użati kemm għall-forniment ta' ilma biex jinxtorob kif ukoll kwalunkwe użu ieħor) mhumiex koperti mill-paragrafu 3 tal-Artikolu 1.9.

24.   Dikjarazzjoni mill-Awstrija:

Ir-Repubblika tal-Awstrija tinnota li qed jipprova jintlaħaq ftehim interistituzzjonali biex jiġi żgurat l-involviment xieraq tal-Istati Membri, permezz tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fid-deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f'isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim, f'konformità mal-Artikolu 218(9) TFUE. Fir-rigward tal-iżgurar tal-parteċipazzjoni tan-Nationalrat f'tali deċiżjonijiet, aħna nirreferu għall-Artikolu 23e tal-Kostituzzjoni.

25.   Dikjarazzjoni mill-Polonja:

Fid-dawl tad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, kif definit fit-Trattati, għandu jiġi ddikjarat li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jawtorizzaw l-iffirmar, l-applikazzjoni proviżorja u l-konklużjoni tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, ma jaffettwawx l-awtonomija ta' deċiżjoni tar-Repubblika tal-Polonja fir-rigward ta' kwistjonijiet fl-ambitu tal-kompetenza nazzjonali, u li d-deċiżjoni tagħha dwar il-konklużjoni tal-ftehim, f'konformità mal-prinċipji u d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali, tiddependi fuq it-tlestija tal-proċeduri interni ta' ratifika.

Il-ftehim jinkludi definizzjoni wiesgħa ta' “investiment.” Biex jiġu evitati dubji fir-rigward tal-formulazzjoni miftehma għad-definizzjoni ta' “investiment”, ir-Repubblika tal-Polonja tiddikjara l-fehim tagħha li dan il-kunċett jinkludi, fil-protezzjoni legali, l-investimenti “reali” biss. Bħala investiment “reali”, protett taħt il-Ftehim CETA, ir-Repubblika tal-Polonja tqis l-ewwel nett, investiment fl-istadju ta' wara l-istabbiliment, mifhum bħala l-istadju fejn tinkiseb deċiżjoni amministrattiva (finali/infurzabbli, jiġifieri, li tippermetti li jiġi implimentat id-dritt mogħti mid-deċiżjoni konċernata) mill-investitur, jew approvazzjonijiet finali/infurzabbli oħra, meħtieġa bil-liġi, jekk tali deċiżjoni jew approvazzjoni tkun legalment meħtieġa għall-investiment. It-tieni nett, tali deċiżjoni jew approvazzjoni trid titwettaq mill-investitur. It-tielet nett, l-element biex jintwera li l-investiment huwa “reali”, skont il-fehim tar-Repubblika tal-Polonja, huwa proprju l-involviment ta' kapital jew fondi oħra fl-implimentazzjoni tiegħu.

Is-CETA jintroduċi s-Sistema ta' Qorti tal-Investiment. Ir-Repubblika tal-Polonja ser tara li jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-għażla ta' mħallfin sabiex il-kompożizzjoni tal-qorti tirrifletti d-diversità tas-sistemi legali fl-Unjoni Ewropea u tieħu kont tal-bilanċ ġeografiku fost l-Istati Membri tal-UE. Soluzzjoni ideali tkun l-għażla ta' mħallef b'għarfien profond tas-sistema legali Pollakka.

Il-Ftehim CETA jagħti lill-Partijiet id-dritt li jimponu regolamenti fi ħdan it-territorju tagħhom biex jintlaħqu objettivi ta' politika leġittimi. Ir-Repubblika tal-Polonja tiddikjara li tqis bħala ġustifikati, b'mod partikolari, ir-regolamenti li jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tal-ħajja umana u tas-saħħa, inklużi regoli ġusti dwar il-liġi dwar ix-xogħol, protezzjoni tal-privatezza u tad-data, livell għoli ta' protezzjoni għall-pjanti u l-annimali, sikurezza u kwalità tal-ikel, protezzjoni tal-ambjent u protezzjoni tal-interessi tal-konsumatur, inkluż f'oqsma tant sensittivi bħall-kontroll effettiv u l-użu ta' organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM). Fir-rigward tal-OĠM, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li s-CETA ma jaffettwax ir-regoli eżistenti fl-UE u jiggarantixxi l-protezzjoni tas-swieq tal-UE u tal-Polonja minn influss mhux mixtieq ta' prodotti ġenetikament modifikati.

Ir-Repubblika tal-Polonja hija konvinta li s-CETA, permezz tal-eliminazzjoni tal-ostakli u t-tnaqqis ta' spejjeż għall-kummerċ, ser iġib miegħu benefiċċji għal gruppi estensivi tas-soċjetà tagħna u għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Filwaqt li jżomm l-istandards tal-UE, is-CETA ser jikkontribwixxi lejn titjib fil-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Pollakki.

26.   Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-projbizzjoni ta' sustanzi li għandhom azzjoni ormonali għall-istimolu tal-iżvilupp fl-annimali tal-irziezet (bħal ċanga ttrattata bl-ormoni):

Il-Kummissjoni tikkonferma li, xejn fis-CETA ma jaffettwa b'xi mod il-leġislazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar iċ-ċanga ttrattata bl-ormoni. B'mod partikolari, is-CETA ma fih l-ebda obbligu addizzjonali fuq l-Unjoni Ewropea rigward l-importazzjoni ta' ċanga ttrattata bl-ormoni. Għaldaqstant, l-Unjoni Ewropea ser tkun libera li tkompli tapplika l-leġislazzjoni eżistenti tagħha dwar il-projbizzjoni ta' sustanzi li jkollhom azzjoni ormonali għall-istimolu tal-żvilupp fl-annimali tal-irziezet (Direttiva 96/22/KE kif emendata bid-Direttiva 2003/74/KE) li tippermettilha tkompli tipprojbixxi l-produzzjoni jew l-importazzjoni ta' laħam u prodotti li jiġu minn annimali ttrattati b'sustanzi bħal dawn.

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tfakkar li pajjiżi terzi awtorizzati jesportaw laħam lejn l-UE, u li jippermettu l-użu ta' promoturi tat-tkabbir għal użu domestiku huma obbligati li jkollhom fis-seħħ sistemi ta' produzzjoni segregati biex jiżguraw in-nuqqas ta' sustanzi projbiti għal-laħam esportat lejn l-UE. Dawn is-sistemi għandhom jiġu ssorveljati f'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni tal-UE (id-Direttiva 96/23/KE dwar miżuri għall-monitoraġġ ta' ċerti sustanzi u residwi tagħhom f'annimali ħajjin u prodotti tal-annimali). Is-CETA ma jbiddel l-ebda wieħed minn dawn ir-rekwiżiti.

Laħam u laħam frisk li joriġina minn pajjiżi terzi, inkluż il-Kanada, jista' biss jiġi impurtat fl-Unjoni Ewropea jekk ikun konformi mal-kundizzjonijiet tal-importazzjoni kollha tal-Unjoni Ewropea, kif jixhed iċ-ċertifikat veterinarju maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż esportatur, li l-affidabilità tagħha li tiċċertifika l-konformità mar-rekwiżiti tal-importazzjoni tal-Unjoni Ewropea ġiet formalment rikonoxxuta mill-Kummissjoni.

27.   Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Akkwist Pubbliku:

Il-Kummissjoni tikkonferma l-kapaċità tal-entitajiet tal-akkwist miż-żewġ partijiet biex japplikaw kriterji ambjentali, soċjali jew relatati mal-impjieg u kondizzjonijiet fil-proċeduri tal-akkwist tagħhom. L-Istati Membri ser jibqgħu jkunu jistgħu jużaw il-possibbiltà prevista fid-Direttiva tal-UE dwar l-Akkwist Pubbliku (id-Direttiva 2014/24/UE tas-26 ta' Frar 2014, b'mod partikolari l-Artikoli 67.2 u 70 tagħha) li japplikaw tali kriterji u kondizzjonijiet. Barra minn hekk, il-Partijiet jinnotaw li għal entitajiet subċentrali bħal reġjuni, muniċipalitajiet u entitajiet lokali oħra, il-kapitolu tal-akkwist japplika biss għall-akkwist ta' oġġetti u servizzi 'l fuq mill-valur limitu ta' 200 000 SDRs (ara l-Anness 19-2). F'dan ir-rigward l-impenji tal-Unjoni Ewropea fis-CETA ma jmorrux lil hinn mill-impenji tal-Unjoni Ewropea fid-WTO skont il-Ftehim dwar l-Akkwist tal-Gvern (GPA), billi l-limiti fis-CETA għall-akkwist ta' oġġetti u servizzi huma l-istess bħal dawk skont il-GPA. Barra minn hekk, il-limiti tas-CETA huma ogħla minn dawk li japplikaw skont id-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku tal-Unjoni Ewropea.

28.   Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-assigurazzjoni obbligatorja Belġjana u assoċjazzjonijiet mutwi skont il-liġi Belġjana:

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Belġjan iqisu li l-ebda dispożizzjoni tal-Ftehim mhi ser tirrikjedi lill-Belġju biex ibiddel is-sistema eżistenti ta' assigurazzjoni obbligatorja.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Belġjan jikkonfermaw li huma jqisu li miżuri li jaffettwaw is-servizzi pprovduti mill-assoċjazzjonijiet mutwi Belġjani skont is-sistema ta' assigurazzjoni obbligatorja tal-Belġju huma, bħala servizz ta' interess ġenerali, esklużi mill-Kapitlu 13 (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim permezz tal-operazzjoni tal-Artikolu 13.2(5). Barra minn hekk, f'każ li xi wħud minn dawn is-servizzi ma jkunux klassifikati bħala servizzi finanzjarji, huma jqisu wkoll li dawn is-servizzi jkunu jaqgħu taħt ir-riżervi tal-UE dwar is-Servizzi Soċjali li jistipulaw li “l-UE tirriżerva d-dritt li tadotta jew iżżomm kwalunkwe miżura fir-rigward tal-forniment tas-servizzi soċjali kollha li jirċievu finanzjament pubbliku jew appoġġ mill-Istat fi kwalunkwe forma, u għalhekk mhumiex ikkunsidrati bħala li huma ffinanzjati privatament, u fir-rigward ta' attivitajiet jew servizzi li jifformaw parti minn pjan pubbliku tal-irtirar jew sistema statutorja tas-sigurtà soċjali.”

Barra minn hekk, il-Ftehim ma jżid l-ebda obbligu jew dixxiplina addizzjonali fir-rigward tal-assigurazzjoni privata tas-saħħa meta mqabbla mal-liġi tal-UE jew ma' obbligi internazzjonali eżistenti tal-Unjoni Ewropea u l-Belġju, b'mod partikolari il-Ftehim Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS).

29.   Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar is-Servizzi Pubbliċi:

Xejn fil-Ftehim ma jaffettwa l-kapaċità tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jiddefinixxu u jipprovdu servizzi pubbliċi inkluż servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali.

Xejn fil-Ftehim mhu ser jipprevjeni jew jinterferixxi fl-operazzjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali li huma pprovduti b'mod konsistenti mal-Artikoli 14 u 106 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll 26 għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, huwa mifhum li, sal-punt li dawn is-servizzi mhumiex servizzi pprovduti fl-eżerċizzju ta' awtorità governattiva, l-obbligi assunti (inkluż obbligi ta' aċċess għas-suq fl-Artikoli 8.4, 9.6 u 13.6 tal-Ftehim) u r-riżervi meħuda mill-UE u l-Istati Membri tagħha, fir-rigward ta' tali servizzi, inkluż servizzi pubbliċi bħall-edukazzjoni, is-saħħa u s-servizzi soċjali, jiżguraw li l-Istati Membri jistgħu jkomplu joperaw servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali skont kif jidhrilhom xieraq, b'mod konsistenti mal-liġi tal-UE. Huwa nnotat li s-Sistema ta' Qorti tal-Investiment ma tapplikax għal dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-swieq.

30.   Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE dwar prodotti modifikati ġenetikament, rigward l-ikel, l-għalf u l-kultivazzjoni:

Il-Kummissjoni tikkonferma li s-CETA ma jimplika l-ebda bidla fil-leġislazzjoni tal-UE fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju u l-awtorizzazzjoni, it-tikkettar u t-traċċabbiltà ta' ikel u għalf modifikati ġenetikament, kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament u r-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar it-traċċabbiltà u it-tikkettar ta' organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċabbiltà ta' prodotti tal-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament u li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE. Rigward il-prodotti modifikati ġenetikament għall-kultivazzjoni, il-proċedura ta' awtorizzazzjoni tal-UE kif stipulata fid-Direttiva 2001/18/KE tkompli tapplika u l-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' organiżmi modifikati ġenetikament (OMĠ) fit-territorju tagħhom skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/412 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 li temenda d-Direttiva 2001/18/KE.

31.   Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-tifsira tat-terminu “attività kummerċjali sostanzjali” fl-Artikolu 8.1 tal-Ftehim:

It-terminu “attività kummerċjali sostanzjali” fis-CETA għandu jinftiehem fl-istess sens tat-terminu “operazzjonijiet kummerċjali sostantivi” użat fl-Artikolu V(6) u XXVIII(m) tal-Ftehim Ġenerali tad-WTO dwar il-Kummerċ fis-Servizzi. L-UE ppreżentat formalment notifika lid-WTO (1) fejn tiddikjara li hija tinterpreta dan it-terminu bħala ekwivalenti għat-terminu “rabta effettiva u kontinwa mal-ekonomija” użat fil-Programm Ġenerali għall-abolizzjoni ta' restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' stabbiliment adottat mill-Kunsill fil-15 ta' Jannar 1962, skont l-Artikolu 54 tat-Trattat li Jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (2).

Jirriżulta li l-Kummissjoni tikkunsidra li korporazzjoni Kanadiża li ma tkunx proprjetà ta' ċittadini Kanadiżi tista' biss tressaq tilwima skont il-Kapitolu 8, Taqsima F tal-Ftehim fejn ikun jista' jiġi stabbilit li hija għandha attivitajiet kummerċjali sostantivi fil-Kanada li għandhom rabta effettiva u kontinwa mal-ekonomija Kanadiża, fis-sens ta' stabbiliment kif applikat skont it-Trattat tal-UE. Din ser tkun il-bażi tal-attitudni tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tas-CETA.

32.   Dikjarazzjoni mill-Kunsill u mill-Kummissjoni dwar l-agrikoltura fis-CETA:

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jfakkru fis-sensittività tal-kummerċ fi prodotti agrikoli f'negozjati kummerċjali tal-Unjoni Ewropea ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari ma' esportaturi agrikoli ewlenin bħall-Kanada.

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jinnotaw li fis-CETA l-Unjoni Ewropea tat opportunitajiet ta' ftuħ biex ikun hemm aċċess għas-suq għal prodotti sensittivi bħaċ-ċanga u l-majjal li huma bbilanċjati b'konċessjonijiet Kanadiżi li jissodisfaw interessi importanti Ewropej fl-esportazzjoni, bħal ġobon, inbid u spirti, frott u ħxejjex, prodotti proċessati u indikazzjonijiet ġeografiċi.

Fl-istess ħin, il-Kunsill u l-Kummissjoni jinnotaw li l-Unjoni Ewropea żammet fis-CETA l-livell ta' trattament ta' tariffa applikabbli lil hinn mill-konċessjonijiet li huma limitati skont il-volum fuq prodotti sensittivi. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea żżomm il-kapaċità li tuża l-istrumenti ta' salvagwardja kollha meħtieġa biex jiġu protetti l-prodotti agrikoli sensittivi kollha fl-Unjoni f'konformità mal-impenji tagħha tad-WTO. L-istrumenti ta' salvagwardja, abbażi tal-Artikolu XIX tal-GATT u tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Salvagwardji, jinkludu r-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Regoli Komuni għall-Importazzjonijiet u l-Artikolu 194 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli li fost l-oħrajn jimponu fuq il-Kummissjoni li taġixxi fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi talba mingħand Stat Membru.

Il-Kummissjoni ser tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi fil-kummerċ ta' prodotti agrikoli sensittivi, b'mod partikolari mal-Kanada, inkluż permezz tal-proċeduri previsti fl-Anness 2 -Tneħħija tat-Tariffi u l-Anness 2 — B Dikjarazzjoni mill-Partijiet dwar l-Amministrazzjoni ta' Kwoti tar-Rata Tariffarja tas-CETA, u ser tuża bis-sħiħ l-istrumenti msemmija hawn fuq kull meta jkun hemm bżonn. Il-Kunsill ser iżomm din il-kwistjoni taħt reviżjoni.

F'każ ta' żbilanċ fis-suq ta' prodott agrikolu fi kwalunkwe settur, il-Kummissjoni timpenja ruħha li tieħu, malajr kemm jista' jkun, u fi kwalunkwe każ fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol, il-miżuri meħtieġa fil-qafas tar-regolamenti eżistenti tal-UE bil-ħsieb li terġa' ġġib il-bilanċ fis-suq.

Il-Kummissjoni tikkonferma li s-CETA m'għandu l-ebda impatt fuq l-istrumenti ta' appoġġ għall-prodotti agrikoli previsti fil-liġi tal-UE, f'konformità mal-impenji tal-UE fid-WTO.

33.   Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kisba ta' reċiproċità sħiħa tal-viża mal-Kanada għaċ-ċittadini Rumeni u Bulgari:

Ir-reċiproċità fl-eżenzjoni mill-viża hija prinċipju tal-politika komuni dwar il-viża tal-Unjoni Ewropea u objettiv li l-Kummissjoni Ewropea tfittex b'mod proattiv fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi.

Is-sinifikat tas-sitwazzjoni tan-nuqqas ta' reċiproċità bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-politika dwar il-viża fil-perspettiva kemm tal-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Kanada kif ukoll tat-tħejjija tal-iffirmar u r-ratifika tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn l-UE u l-Kanada ġie enfasizzat konsistentement ukoll mill-Bulgarija u r-Rumanija.

Fil-proċess li jwassal għall-konklużjoni tas-CETA, il-Kummissjoni Ewropea ser tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiżgura li l-Kanada tikkonferma l-abolizzjoni sħiħa tar-rekwiżiti tal-viża għaċ-ċittadini Rumeni u Bulgari f'qafas ta' żmien sodisfaċenti għan-naħat kollha, u sa mhux aktar tard minn tmiem l-2017.

34.   Dikjarazzjoni mill-Bulgarija:

Il-Bulgarija tissottolinja l-importanza li jiġi żgurat l-ivvjaġġar mingħajr viża bejn l-UE u l-Kanada sabiex iċ-ċittadini tagħhom jibbenefikaw bl-istess mod mill-opportunitajiet kummerċjali u ekonomiċi pprovduti mill-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv.

Il-Bulgarija tfakkar fl-impenn legali taż-żewġ partijiet li jagħmlu kull sforz biex jinkiseb, mill-aktar fis possibbli, vjaġġar mingħajr viża bejn it-territorji tagħhom għaċ-ċittadini kollha b'passaport validu, kif previst fil-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn il-Kanada u l-UE u l-Istati Membri tagħha.

Il-Bulgarija tiddikjara li t-tlestija tal-proċeduri interni tagħha, meħtieġa biex jidħol fis-seħħ il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 30.7 tal-Ftehim, tiddependi mit-tneħħija b'mod sħiħ tal-viżi għaċ-ċittadini Bulgari kollha.

35.   Dikjarazzjoni mir-Rumanija:

Ir-Rumanija tfakkar il-valuri ta' mobbiltà mtejba, inkluż permezz ta' vvjaġġar mingħajr viża bejn l-Unjoni u l-Kanada għaċ-ċittadini rispettivi kollha tagħna, kif previst fil-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn il-Kanada u l-UE.

F'dan il-kuntest, aħna ntennu l-importanza ta' implimentazzjoni sħiħa u rapida tal-ftehim li ntlaħaq mal-Kanada rigward it-tneħħija, fl-1 ta' Diċembru 2017, tar-rekwiżiti tal-viża għaċ-ċittadini Rumeni kollha li ser tiffaċilita aktar ir-relazzjonijiet kulturali, edukattivi, tal-familja u kummerċjali b'saħħithom li jeżistu bejn il-Kanada u l-Ewropa. L-implimentazzjoni sħiħa u rapida ta' dan il-ftehim ser tiffaċilita aktar progress bla xkiel tal-proċeduri interni meħtieġa għar-ratifika nazzjonali kemm tas-CETA kif ukoll tas-SPA.

36.   Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-investimenti u l-Qorti tal-Investiment (“ICS”):

Is-CETA jimmira għal riforma importanti għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-qasam tal-investiment, abbażi tal-prinċipji komuni għall-qrati tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Kanada, kif ukoll għall-qrati internazzjonali rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Kanada, bħall-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, bħala pass 'il quddiem fit-tisħiħ tar-rispett għan-norma ġuridika. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill jikkunsidraw li dan il-mekkaniżmu rivedut fuq il-bażi tat-termini ta' din id-dikjarazzjoni jikkostitwixxi pass lejn l-istabbiliment ta' Qorti multilaterali tal-Investiment li eventwalment tikkostitwixxi l-Qorti responsabbli għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istat.

Peress li dawn id-dispożizzjonijiet kollha huma esklużi mill-ambitu tal-applikazzjoni proviżorja tas-CETA, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill jikkonfermaw li huma mhux ser jidħlu fis-seħħ qabel ir-ratifika tas-CETA mill-Istati Membri kollha, kull wieħed skont il-proċessi kostituzzjonali tiegħu stess.

Il-Kummissjoni hija impenjata li tkompli bir-reviżjoni tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim (ICS), mingħajr dewmien, fi żmien suffiċjenti sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jqisuha fil-proċess ta' ratifika tagħhom, skont il-prinċipji li ġejjin:

 

L-għażla tal-imħallfin kollha tal-Qorti u tal-Qorti tal-Appell għandha ssir, taħt il-kontroll tal-istituzzjonijiet Ewropej u tal-Istati Membri, b'mod rigoruż, bl-għan li tiġi żgurata l-indipendenza u l-imparzjalità, kif ukoll l-ogħla kompetenza. Fir-rigward tal-imħallfin Ewropej b'mod partikolari, l-għażla għandha wkoll tiżgura li tirrappreżenta, speċjalment fil-futur, ir-rikkezza tat-tradizzjonijiet legali Ewropej. Konsegwentement:

Il-kandidati għall-imħallfin Ewropej ser jinħatru mill-Istati Membri, li għandhom ukoll jieħdu sehem fil-valutazzjoni tal-kandidati.

Mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 8.27.4 tas-CETA, l-Istati Membri jipproponu l-kandidati li jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 253(1) TFUE.

Il-Kummissjoni ser tiżgura, f'konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-Kanada, evalwazzjoni ugwalment rigoruża tal-kandidaturi tal-imħallfin l-oħra tal-Qorti.

 

L-imħallfin jiġu mħallsa mill-Unjoni Ewropea u mill-Kanada fuq bażi permanenti. Jeħtieġ li jsir progress lejn imħallfin impjegati full-time.

 

Ir-rekwiżiti etiċi għall-membri tal-Qrati, diġà previsti fis-CETA, ser jiġu żviluppati fid-dettall, mill-aktar fis possibbli u fi żmien xieraq biex l-istati membri jkunu jistgħu jikkunsidrawhom fil-proċessi ta' ratifika tagħhom, f'Kodiċi ta' Kondotta obbligatorju u vinkolanti (li huwa diġà previst fis-CETA). Dan il-kodiċi ser jinkludi b'mod partikolari:

regoli ta' kondotta speċifiċi applikabbli għall-kandidati għall-ħatra bħala Membru tal-Qorti Ġenerali jew tal-Qorti tal-Appell dwar il-pjan, b'mod partikolari, fir-rigward tal-iżvelar tal-attivitajiet kriminali passati jew preżenti li jista' jkollhom impatt fuq il-ħatra tagħhom jew fuq il-qadi ta' dmirijiethom;

regoli ta' kondotta speċifiċi applikabbli għall-membri tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Appell għat-tul tal-mandat tagħhom;

regoli ta' kondotta speċifiċi applikabbli għall-membri tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Appell għat-tul tal-mandat tagħhom; inkluż il-projbizzjoni li jeżerċitaw ċerti funzjonijiet jew professjonijiet speċifiċi għal perijodu speċifiku ta' żmien wara t-tmiem tal-mandat tagħhom;

mekkaniżmu ta' sanzjoni f'każ ta' ksur tar-regoli ta' kondotta li jkun effettiv u jirrispetta bis-sħiħ l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja.

 

L-aċċess għal din il-ġurisdizzjoni l-ġdida għall-utenti l-aktar dgħajfa, jiġifieri l-SMEs u l-individwi, ser jittejjeb u ser jiġi ffaċilitat. Għal dan l-għan:

L-adozzjoni mill-kumitat konġunt ta' regoli addizzjonali, prevista fl-Artikolu 8.39.6 tas-CETA, biex jitnaqqas il-piż finanzjarju fuq l-applikanti li huma persuni fiżiċi jew intrapriżi żgħar u medji, ser issir b'tali mod li dawn ir-regoli addizzjonali jkunu jistgħu jiġu adottati mill-aktar fis possibbli.

Irrispettivament mill-eżitu tad-diskussjonijiet fil-kumitat konġunt, il-Kummissjoni ser tipproponi miżuri adegwati ta' (ko)finanzjament pubbliku tal-azzjonijiet tal-intrapriżi żgħar u medji quddiem din il-qorti kif ukoll l-għoti ta' assistenza teknika.

 

Il-mekkaniżmu tal-appell kif previst fl-Artikolu 8.28 tas-CETA ser jiġi organizzat u mtejjeb b'tali mod li jkun kapaċi jiżgura bis-sħiħ il-konsistenza tad-deċiżjonijiet mogħtija fl-ewwel grad u b'hekk jikkontribwixxi għaċ-ċertezza legali. Dan jimplika b'mod partikolari li:

Il-kompożizzjoni tal-Qorti tal-Appell ser tiġi organizzata b'tali mod li tiżgura l-aktar permanenza possibbli.

Huwa previst li kull membru tal-Qorti tal-Appell ikollu l-obbligu li jinżamm infurmat bid-deċiżjonijiet meħuda mid-diviżjonijiet tal-Qorti tal-Appell li ma jagħmilx parti minnu.

Il-Qorti tal-Appell għandu jkollha l-possibbiltà li tiltaqa' fl-Awla Manja f'kawżi li jqajmu kwistjonijiet importanti ta' prinċipju jew li dwarhom id-diviżjonijiet tal-Qorti tal-Appell huma maqsuma.

Barra minn hekk, il-Kunsill jappoġġa lill-Kummissjoni Ewropea fir-rieda tagħha li taħdem biex tistabbilixxi Qorti multilaterali tal-Investiment, li ser tissostitwixxi s-sistema bilaterali stabbilita permezz tas-CETA, la darba tkun stabbilita, u f'konformità mal-proċedura prevista fis-CETA.

37.   Dikjarazzjoni mir-Renju tal-Belġju dwar il-kondizzjonijiet tas-setgħat sħaħ tal-Istat Federali u l-Entitajiet Federali għall-iffirmar tas-CETA:

A.

Il-Belġju jispeċifika li, f'konformità mad-dritt kostituzzjonali tiegħu, il-fatt li l-proċess ta' ratifika tas-CETA falla b'mod permanenti u definittiv skont id-dikjarazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Ottubru 2016, jista' jirriżulta mill-proċeduri ta' kunsens li ttieħdu kemm fil-livell tal-Parlament federali kif ukoll fil-livell ta' kull assemblea parlamentari tar-Reġjuni u tal-Komunitajiet.

L-awtoritajiet ikkonċernati, kull waħda sa fejn hija kkonċernata, ser jagħmlu evalwazzjoni tal-effetti soċjoekonomiċi u ambjentali tal-applikazzjoni proviżorja tas-CETA f'intervalli regolari.

Fil-każ fejn waħda mill-entitajiet federali tinforma lill-Istat federali bid-deċiżjoni definittiva u permanenti tagħha li ma tirratifikax is-CETA, l-Istat Federali jinnotifika lill-Kunsill sa mhux aktar minn sena min-notifika ta' dik l-entità dwar l-impossibiltà definittiva u permanenti li l-Belġju jirratifika s-CETA. Il-passi meħtieġa ser jittieħdu f'konformità mal-proċeduri tal-UE.

B.

Il-Belġju jirrikonoxxi li l-applikazzjoni proviżorja tas-CETA ma tkoprix diversi dispożizzjonijiet tas-CETA, inkluż il-qasam tal-protezzjoni tal-investiment u s-soluzzjoni tat-tilwim (ICS), f'konformità mad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni proviżorja tas-CETA. Barra minn hekk, il-Belġju jirrikonoxxi d-dritt ta' kull parti li ttemm l-applikazzjoni proviżorja tas-CETA f'konformità mal-Artikolu 30.7 tal-ftehim.

Il-Belġju ser jitlob opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar il-kompatibbiltà tal-ICS mat-Trattati Ewropej, b'mod partikolari fid-dawl tal-Opinjoni A-2/15.

Sakemm il-Parlamenti rispettivi tagħhom ma jiddeċidux mod ieħor, ir-Reġjun tal-Walloon, il-Komunità Franċiża, il-Komunità Ġermaniża u l-Kummissjoni għall-Komunità Franċiża u r-Reġjun ta' Brussell-Kapitali mhumiex biħsiebhom jirratifikaw is-CETA abbażi tas-sistema tas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Partijiet, prevista fil-Kapitolu 8 tas-CETA, kif inhi fil-jum tal-iffirmar tas-CETA.

Ir-Reġjun Fjamming, il-Komunità Fjamminga u r-Reġjun ta' Brussell-Kapitali, jilqgħu b'mod partikolari d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sistema ta' Qorti tal-Investiment.

C.

Id-dikjarazzjoni tal-Kunsill u l-Istati Membri dwar id-deċiżjonijiet tal-Kumitat konġunt tas-CETA fil-qasam tal-kooperazzjoni regolatorja għall-kompetenzi rilevanti tal-Istati Membri tikkonferma li hemm il-ħtieġa li jittieħdu deċiżjonijiet bi ftehim komuni mill-Kunsill u l-Istati Membri tiegħu.

F'dan il-kuntest, il-gvernijiet tal-entitajiet federali jindikaw li, għall-kwistjonijiet rilevanti tal-kompetenzi esklussivi jew parzjali tagħhom fi ħdan is-sistema kostituzzjonali Belġjana, huma biħsiebhom jissottomettu l-kooperazzjoni kollha fil-qasam tar-regolamentazzjoni għal qbil minn qabel tal-Parlament tagħhom, u jinfurmaw dwar id-deċiżjonijiet regolatorji kollha li jirriżultaw.

D.

L-Istat Federali jew entità federali kompetenti fi kwistjonijiet agrikoli tirriżerva d-dritt li tattiva d-dispożizzjoni ta' salvagwardja f'każ ta' żbilanċ fis-suq, inkluż fejn tali żbilanċ jiġi identifikat għal prodott wieħed biss. Il-limiti preċiżi li jistabbilixxu dak li wieħed jifhem bi żbilanċ tas-suq ser ikunu ddeterminati fil-perijodu tat-12-il xahar wara l-iffirmar tas-CETA. Il-Belġju ser jiddefendi l-limiti hekk stabbiliti fil-qafas tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet Ewropew.

Il-Belġju jtenni li s-CETA mhux ser jaffettwa l-leġislazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l-awtorizzazzjoni, it-tqegħid fis-suq, it-tkabbir u t-tikkettar tal-OĠM u tal-prodotti miksuba permezz tat-teknoloġiji ġodda ta' tnissil, u partikolarment il-possibbiltà li Stat Membru jirrestrinġi jew jipprojbixxi l-kultivazzjoni ta' OĠM fit-territorju tiegħu. Barra minn hekk, il-Belġju jtenni li s-CETA mhux ser iwaqqaf milli tkun żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni fl-Unjoni Ewropea kif imfisser fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, il-prinċipju ta' prekawzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 191 u rifless fl-Artikoli 168(1), 169(1) u (2), tat-TFUE.

Jekk issir talba fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (DPO u IĠP) ta' wieħed mill-entitajiet federali, il-Gvern Federali jintrabat li tittrażmettiha lill-Unjoni Ewropea mingħajr dewmien.

38.   Dikjarazzjoni mis-Servizz Legali tal-Kunsill dwar in-natura legali tal-Istrument Interpretattiv Konġunt:

Is-Servizz Legali tal-Kunsill b'dan jikkonferma li, skont l-Artikolu 31(2)(b) tal-Konvenzjoni ta' Vjenna tal-1969 dwar il-Liġi tat-Trattati, l-Istrument Interpretattiv Konġunt li għandu jiġi adottat mill-Partijiet fl-okkażjoni tal-iffirmar tas-CETA, li jifforma l-kuntest, jikkostitwixxi dokument ta' referenza li jrid jintuża jekk tinqala' xi kwistjoni fl-implimentazzjoni tas-CETA fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-termini tiegħu. Għal dan l-għan, għandu saħħa ġuridika u natura vinkolanti.


(1)  WT/REG39/1 tal-24 ta' April 1998.

(2)  ĠU 2 15.1.1962, p. 32.


Top