This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 22017A0314(01)
Cooperation Agreement on Partnership and Development between the European Union and its Member States, of the one part, and the Islamic Republic of Afghanistan, of the other part
Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra
Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra
ĠU L 67, 14.3.2017, p. 3–30
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2017/434/oj
14.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 67/3 |
FTEHIM TA' KOOPERAZZJONI
dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra
IR-RENJU TAL-BELĠJU,
IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,
IR-REPUBBLIKA ĊEKA,
IR-RENJU TAD-DANIMARKA,
IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,
L-IRLANDA,
IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,
IR-RENJU TA' SPANJA,
IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,
IR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA,
IR-REPUBBLIKA TALJANA,
IR-REPUBBLIKA TA' ĊIPRU,
IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,
IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,
L-UNGERIJA,
IR-REPUBBLIKA TA' MALTA,
IR-RENJU TAN-NETHERLANDS,
IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,
IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,
IR-RUMANIJA,
IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,
IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,
IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,
IR-RENJU TAL-IŻVEZJA,
IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ,
Il-Partijiet Kontraenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Istati Membri”, u
L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni” jew “l-UE”,
min-naħa waħda, u
IR-REPUBBLIKA IŻLAMIKA TAL-AFGANISTAN, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Afganistan”,
min-naħa l-oħra,
minn hawn 'il quddiem imsejħin flimkien “il-Partijiet”,
FILWAQT LI JAFFERMAW mill-ġdid l-impenn tagħhom għas-sovranità tal-Afganistan, l-indipendenza u l-integrità territorjali;
FILWAQT LI JAFFERMAW ir-rabta tagħhom lejn il-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali, l-iskopijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, konvenzjonijiet internazzjonali u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU r-rabtiet storiċi, politiċi u ekonomiċi li jgħaqqdu l-Partijiet;
FILWAQT LI JIKKONFERMAW ix-xewqa li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fuq il-bażi ta' valuri kondiviżi u għall-benefiċċju reċiproku tagħhom;
FILWAQ LI JQISU l-għanijiet komuni tal-politika, il-valuri u l-impenji tal-Partijiet, inkluż ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li dawn il-prinċipji huma parti integrali ta' żvilupp fit-tul;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-poplu Afgan, permezz ta' istituzzjonijiet demokratiċi leġittimi tagħhom u skont il-Kostituzzjoni tal-Afganistan, huwa s-sid leġittimu u sewwieq għall-istabbilizzazzjoni, l-iżvilupp u l-proċessi ta' demokratizzazzjoni fl-Afganistan;
BILLI l-Unjoni hija impenjata li tappoġġa l-isforzi tal-Afganistan biex jimmassimizza l-iżvilupp tiegħu matul id-deċennju ta' trasformazzjoni li ġej;
FILWAQT LI JENFASIZZAW l-impenji reċiproċi li saru fil-Konferenzi Internazzjonali dwar l-Afganistan f'Bonn f'Diċembru 2011, f'Tokyo f'Lulju 2012 u f'Londra f'Diċembru 2014;
FILWAQT LI JAFFERMAW mill-ġdid l-impenn tal-Afganistan sabiex ikompli jtejjeb il-governanza u l-impenn tal-Unjoni għal impenn fit-tul mal-Afganistan;
BILLI l-Partijiet jagħtu importanza partikolari lin-natura komprensiva tar-relazzjoni li għandhom bl-intenzjoni li jrawmu permezz ta' dan il-Ftehim;
FILWAQT LI JAFFERMAW mill-ġdid ix-xewqa tagħhom li jippromwovu l-progress ekonomiku u soċjali għall-popli tagħhom u r-rieda tagħhom li jikkonsolidaw, japprofondixxu u jiddiversifikaw ir-relazzjonijiet tagħhom f'oqsma ta' interess reċiproku;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li, f'konformità mal-kostituzzjoni tal-Afganistan, l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fuq il-bażi ta' ugwaljanza fl-isferi kollha tas-soċjetà, inkluża parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjonijiet fil-proċess politiku fil-livelli kollha, huma fundamentali għall-kisba tal-ugwaljanza u l-paċi;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment pajjiżi b'ammont baxx ta' dħul, li jkunu għaddew minn kunflitt u mingħajr kosta, għat-tkabbir ekonomiku sostnut u l-iżvilupp sostenibbli tagħhom għat-twettiq fil-ħin u bis-sħiħ tal-għanijiet tal-iżvilupp maqbula internazzjonalment, inklużi l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju tan-NU u kwalunkwe żvilupp sussegwenti ta' riferiment adottati mill-Afganistan, u għal integrazzjoni mtejba tal-Afganistan fir-reġjun;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li jeħtieġ li jittieħdu miżuri effettivi biex jippromwovu l-integrità u r-responsabbiltà, jiżguraw l-użu korrett tal-fondi pubbliċi u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-kooperazzjoni msaħħa bejn il-Partijiet għandha tappoġġa l-abilità tal-Afganistan biex itejjeb il-kwalità tal-amministrazzjoni u l-governanza tiegħu, kif ukoll it-trasparenza u l-effettività tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi;
FILWAQT LI JAFFERMAW mill-ġdid l-importanza ta' koordinazzjoni f'fora reġjonali u multilaterali, b'mod partikolari fir-rigward tal-approċċi tal-Partijiet għall-isfidi globali u l-kooperazzjoni ekonomika reġjonali;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li t-terroriżmu huwa theddida lill-poplu u sigurtà komuni tagħhom u jesprimu l-impenn sħiħ tagħhom biex jiġġieldu kull forma ta' terroriżmu, jistabbilixxu kooperazzjoni internazzjonali effettiva u strumenti biex jinqerdu f'konformità mad-dritt internazzjonali, inklużi d-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja;
FILWAQT LI JAFFERMAW mill-ġdid l-impenn komuni tagħhom li jiġġieldu kontra l-kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar tal-bnedmin, il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tad-drogi, inkluż permezz ta' mekkaniżmi reġjonali u internazzjonali;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU t-theddida għas-saħħa u s-sigurtà tan-narkotiċi illeċiti u l-bżonn ta' kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali biex jiġġieldu l-kultivazzjoni, il-produzzjoni, il-faċilitazzjoni, it-traffikar u l-konsum ta', u d-domanda għal, narkotiċi u d-devjazzjoni ta' prekursuri tad-droga, u filwaqt li jagħrfu l-importanza ta' qligħ tal-għajxien alternattiv għal dawk li jkabbru l-peprin, f'dan il-kuntest;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-ħtieġa li jiġu rispettati d-diżarm internazzjonali u l-impenji tan-nonproliferazzjoni;
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-Qorti Kriminali Internazzjonali tikkostitwixxi żvilupp importanti għall-paċi u l-ġustizzja internazzjonali, li timmirra għall-prosekuzzjoni effettiva tal-aktar reati serji ta' tħassib għall-komunità internazzjonali,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-kummerċ u l-investiment barrani dirett se jkollhom rwol sinifikanti fl-iżvilupp tal-Afganistan u li l-Partijiet jagħtu importanza partikolari lill-prinċipji u r-regoli dwar il-kummerċ internazzjonali li jinsabu b'mod partikolari fil-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO);
FILWAQT LI JESPRIMU l-impenn sħiħ tagħhom biex jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, inklużi aspetti bħall-protezzjoni ambjentali, il-kooperazzjoni effettiva biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima u l-promozzjoni effettiva u l-implimentazzjoni ta' standards tax-xogħol rikonoxxuti internazzjonalment;
FILWAQT LI JENFASIZZAW l-importanza tal-kooperazzjoni fuq l-immigrazzjoni;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li s-sitwazzjoni u d-drittijiet fundamentali tar-refuġjati u persuni spostati internament, inkluż ir-ritorn lejn djarhom b'mod sikur, ordnat u volontarju, jeħtieġu attenzjoni partikolari;
FILWAQT LI JINNOTAW li, fil-każ li l-Partijiet jiddeċiedu, fil-qafas ta' dan il-Ftehim, li jidħlu fi ftehimiet speċifiċi fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja li kellhom jiġu konklużi mill-Unjoni skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-provvedimenti ta' tali ftehimiet futuri ma jorbtux lir-Renju Unit u/jew l-Irlanda sakemm l-Unjoni flimkien mar-Renju Unit u/jew l-Irlanda għal dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bilaterali preċedenti tagħhom, ma tinnotifikax lill-Afganistan li r-Renju Unit u/jew l-Irlanda ntrabat/intrabtet b'dawn il-ftehimiet bħala parti mill-Unjoni f'konformità mal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Bl-istess mod, kwalunkwe miżura interna sussegwenti tal-UE li jkollha tiġi adottata skont l-imsemmi Titolu V biex jiġi implimentat dan il-Ftehim ma tkunx torbot lir-Renju Unit u/jew lill-Irlanda sakemm dawn ma jkunux innotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem jew li jaċċettaw tali miżuri b'konformità mal-Protokoll Nru 21. Filwaqt li jinnutaw ukoll li tali ftehimiet futuri jew tali miżuri interni sussegwenti tal-UE jkunu jaqgħu taħt il-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattati msemmija,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
TITOLU I
NATURA U KAMP TA' APPLIKAZZJONI
Artikolu 1
Kamp ta' applikazzjoni u għanijiet
1. B'dan qed tiġi stabbilita Sħubija bejn il-Partijiet fil-limiti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, skont ir-regolamenti, il-proċeduri u r-riżorsi rispettivi tagħhom, u b'rispett sħiħ tar-regoli u l-istandards internazzjonali.
2. L-għan ta' din is-Sħubija huwa li jissaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni bil-ħsieb li:
(a) |
jiġu appoġġati l-paċi u s-sigurtà fl-Afganistan u fir-reġjun; |
(b) |
jiġu promossi l-iżvilupp sostenibbli, l-ambjent politiku stabbli u demokratiku, u l-integrazzjoni tal-Afganistan fl-ekonomija dinjija; |
(c) |
jiġi stabbilit djalogu regolari dwar kwistjonijiet politiċi, inkluż il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-involviment tas-soċjetà ċivili; |
(d) |
tiġi promossal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-kuntest tal-impenn komuni tal-Partijiet lejn il-qerda tal-faqar u l-effikaċja tal-għajnuna; |
(e) |
jiġu żviluppati l-kummerċ u l-investiment bejn il-Partijiet, għall-vantaġġ reċiproku tagħhom u bil-għan li jikkooperaw f'kull qasam ekonomiku, kummerċjali u ta' investiment relatat ta' interess komuni, sabiex jiffaċilitaw il-kummerċ sostenibbli u l-flussi tal-investiment u biex jipprevjenu u jneħħu l-ostakli għall-kummerċ u l-investiment, b'mod konsistenti u komplimentari għal inizjattivi reġjonali li għaddejjin u dawk futuri; |
(f) |
tittejjeb il-koordinazzjoni bejn il-Partijiet dwar l-isfidi globali, b'mod partikolari billi jippromwovu soluzzjonijiet multilaterali; u |
(g) |
jittrawwmu d-djalogu u l-kooperazzjoni f'firxa ta' setturi speċifiċi ta' interess reċiproku, inkluż il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, il-ġustizzja u l-affarijiet interni, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, ir-riżorsi naturali u l-materja prima, ir-riforma tas-settur tas-sigurtà, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-enerġija, it-trasport, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, is-servizzi finanzjarji, it-tassazzjoni, id-dwana, l-impjiegi u l-iżvilupp soċjali, is-saħħa u s-sikurezza, l-istatistika, il-kooperazzjoni reġjonali, il-kultura, it-teknoloġija tal-informazzjoni u s-settur awdjoviżiv/tal-midja. |
3. F'dan il-kuntest, il-bini tal-kapaċità għandu jingħata attenzjoni partikolari sabiex jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-istituzzjonijiet Afgani u jiġi żgurat li l-Afganistan jista' jibbenefika b'mod sħiħ mill-opportunitajiet offruti mill-kooperazzjoni msaħħa taħt dan il-Ftehim.
4. Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-kuntatti bejn il-membri parlamentari, il-membri tas-soċjetà ċivili u l-professjonisti bil-ħsieb li jkattru l-għanijiet ta' dan il-Ftehim, b'mod partikolari fir-rigward ta' appoġġ lil istituzzjonijiet parlamentari u demokratiċi.
5. Il-Partijiet għandhom ifittxu li jippromwovu l-komprensjoni, fost oħrajn, permezz ta' kooperazzjoni fost entitajiet bħal gruppi ta' riflessjoni, qasam akkademiku, negozji u l-midja fil-forma ta' seminars, konferenzi, interazzjoni bejn żgħażagħ u attivitajiet oħra.
Artikolu 2
Prinċipji ġenerali
1. Il-Partijiet jikkonfermaw il-valuri kondiviżi tagħhom kif imfissra fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.
2. Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-poplu Afgan, permezz ta' istituzzjonijiet demokratiċi leġittimi u skont il-Kostituzzjoni tal-Afganistan, huwa s-sid leġittimu u sewwieq għall-istabbilizzazzjoni, l-iżvilupp u l-proċessi ta' demokratizzazzjoni fl-Afganistan;
3. Ir-rispett tall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti internazzjonali rilevanti oħrajn dwar id-drittijiet tal-bniedem, u tal-prinċipju tal-istat tad-dritt jirrifletti politiki interni u internazzjonali tal-Partijiet u jikkostitwixxi element essenzjali ta' dan il-Ftehim.
4. Il-Partijiet jikkonfermaw l-impenn tagħhom li jikkooperaw aktar lejn il-ksib komplut tal-għanijiet ta' żvilupp maqbula internazzjonalment, inkluż l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, kif adottati mill-Afganistan u kwalunkwe puni ta' riferiment ta' żvilupp sussegwenti. B'hekk, huma jirrikonoxxu r-responsabbiltà tal-Afganistan biex iħejji u jimplimenta l-pjanijiet tiegħu għal żvilupp ekonomiku u soċjali u għal politiki ta' żvilupp rilevanti, inklużi Programmi ta' Prijorità Nazzjonali. Huma jaffermaw mill-ġdid ir-rabta tagħhom lejn livell għoli ta' protezzjoni ambjentali, soċjetà inklużiva u ugwaljanza bejn is-sessi f'dan il-kuntest.
5. Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid ir-rabta tagħhom mal-prinċipji ta' governanza tajba, inkluż l-indipendenza tal-parlamenti u tal-ġudikatura u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni f'kull livell.
6. Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim se tkun skont il-leġislazzjoni, ir-regoli u r-regolamenti rispettivi tagħhom.
TITOLU II
KOOPERAZZJONI POLITIKA
Artikolu 3
Djalogu politiku
Għandu jiġi stabbilit djalogu politiku regolari bejn il-Partijiet, li jista', kif xieraq, isir fil-livell ministerjali. Dan għandu jsaħħaħ ir-relazzjonijiet ta' bejniethom, jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-sħubija u jżid il-komprensjoni u s-solidarjetà reċiproka. Il-Partijiet għandhom isaħħu d-djalogu politiku tagħhom b'appoġġ għall-interessi komuni tagħhom, inkluż il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom f'fora reġjonali u internazzjonali.
A. IL-KOOPERAZZJONI FL-OQSMA TAD-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM, L-UGWALJANZA BEJN IS-SESSI U S-SOĊJETÀ ĊIVILI
Artikolu 4
Drittijiet tal-bniedem
1. Minbarra l-Artikolu 1(2)(c) u l-Artikolu 2(3), il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-promozzjoni u l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż, kif xieraq, fir-rigward tar-ratifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem. Huma għandhom jirrevedu l-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu matul il-kors tad-djalogu politiku tagħhom.
2. Il-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista' tinkludi, fost oħrajn:
(a) |
l-appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; |
(b) |
il-promozzjoni tad-drittijiet umani u tal-edukazzjoni; |
(c) |
it-tisħiħ ta' istituzzjonijiet nazzjonali u sottonazzjonali relatati mad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan; |
(d) |
it-twaqqif ta' djalogu bis-sens u mifrux fuq bażi wiesgħa dwar id-drittijiet tal-bniedem; u |
(e) |
it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti. |
Artikolu 5
Ugwaljanza bejn is-sessi
1. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex isaħħu l-politiki u l-programmi relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi, u t-tisħiħ ta' kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi u biex jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' strateġiji dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż id-drittijiet u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, sabiex jiżguraw il-parteċipazzjoni ekwa tal-irġiel u n-nisa fis-setturi kollha tal-ħajja ekonomika, kulturali, politika u soċjali. B'mod partikolari, il-kooperazzjoni għandha tiffoka fuq it-titjib tal-aċċess tan-nisa għar-riżorsi li huma jeħtieġu għall-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet fundamentali tagħhom, b'mod partikolari l-edukazzjoni.
2. Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-ħolqien ta' qafas adegwat biex:
(a) |
jiżguraw li kwistjonijiet relatati mas-sessi jiġu inkorporati kif xieraq fl-istrateġiji, fil-politiki u fil-programmi kollha ta' iżvilupp, b'mod partikolari dawk dwar il-parteċipazzjoni politika, is-saħħa u l-litteriżmu; u |
(b) |
jaqsmu l-esperjenzi u l-aħjar prattiki għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u jippromwovu l-adozzjoni ta' miżuri pożittivi favur in-nisa. |
Artikolu 6
Soċjetà ċivili
1. Il-Partijiet jirrikonoxxu r-rwol u l-kontribuzzjoni potenzjali ta' soċjetà ċivili organizzata, speċjalment tal-akkademiċi, fil-proċess ta' djalogu u ta' kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim u jaqblu li jippromwovu djalogu effettiv mas-soċjetà ċivili organizzata u l-parteċipazzjoni effettiva tagħha.
2. Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien sabiex irawmu r-rwol tas-soċjetà ċivili, sabiex tkun tista':
(a) |
tiġi kkonsultata fil-proċess tat-tfassil tal-politika domestika, skont il-prinċipji demokratiċi u d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali; |
(b) |
tkun informata dwar u tipparteċipa f'konsultazzjonijiet dwar strateġiji tal-iżvilupp u l-kooperazzjoni u linji politiċi settorjali, partikolarment f'oqsma li jikkonċernawha, inklużi l-istadji kollha tal-proċess tal-iżvilupp; |
(c) |
tirċievi riżorsi finanzjarji, safejn ir-regoli interni ta' kull Parti jippermettu, konsistenti mal-prinċipji tat-trasparenza u r-responsabbiltà, u tisħiħ tal-kapaċitajiet f'oqsma kritiċi; u |
(d) |
tipparteċipa fl-implimentazzjoni ta' programmi ta' kooperazzjoni fl-oqsma li jikkonċernawha. |
B. TISĦIĦ TAL-PAĊI
Artikolu 7
Politiki li jsaħħu l-paċi, prevenzjoni u soluzzjoni ta' konflitti
1. Il-Partijiet jenfasizzaw l-impenn tagħhom lejn l-isforzi għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni, immexxija mill-Afganistan. Huma jenfasizzaw l-importanza ta' proċess ta' paċi inklużiv ibbażat fuq il-kunsens fost l-Afgani kollha, kif espress fil-Jirga tal-Paċi ta' Lulju 2010 u fil-Loya Jirga tradizzjonali ta' Novembru 2011. Huma jirrikonoxxu li prerekwiżit għal proċess ta' paċi b'suċċess hija s-sjieda tiegħu mill-poplu Afgan u mill-istituzzjonijiet tal-pajjiż, b'appoġġ qawwi mill-komunità internazzjonali.
2. Il-Partijiet għandhom jippromwovu d-djalogu fost il-pajjiżi fir-reġjun u lil hinn minnu, sabiex ikun jista' jkollhom rwol sħiħ fl-appoġġ u l-iffaċilitar tal-proċess ta' paċi.
3. Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid ir-rwol importanti tan-nisa fir-riżoluzzjoni tal-konflitti u fit-tisħiħ tal-paċi. Huma jenfasizzaw l-importanza ta' parteċipazzjoni u involviment totali tan-nisa fl-isforzi kollha għaż-żamma u l-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà, u l-ħtieġa li jiżdied ir-rwol tagħhom fit-teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-konflitti, f'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1325(2000).
4. Attivitajiet konġunti f'dan il-qasam għandhom jinkludu l-promozzjoni tat-tisħiħ tal-paċi fuq żmien twil fl-Afganistan u appoġġ għal rwol attiv għas-soċjetà ċivili f'konformità mal-prinċipji tal-Ftehim Ġdid għall-Impenn fi Stati Fraġli.
C. APPOĠĠ GĦAS-SIGURTÀ INTERNAZZJONALI
Artikolu 8
Kooperazzjoni fir-rigward tal-Istatut ta' Ruma
Il-Partijiet iqisu li l-funzjonament effettiv tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) jikkostitwixxi żvilupp importanti għall-paċi u għall-ġustizzja internazzjonali. Huma jaffermaw mill-ġdid li l-aktar reati serji ta' tħassib għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi għandhom jiġu indirizzati l-ewwel billi jittieħdu miżuri fil-livell domestiku f'kooperazzjoni mal-QKI. Huma jaqblu li jikkooperaw sabiex jippromwovu l-adeżjoni universali mal-Istatut ta' Ruma billi:
(a) |
jieħdu passi, kif adatt, biex jirratifikaw l-istrumenti relatati mal-Istatut ta' Ruma, bħalma huma, b'mod partikolari, il-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-QKI; |
(b) |
jaqsmu l-esperjenza rigward l-aġġustamenti legali meħtieġa sabiex jippermettu r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Istatut ta' Ruma; u |
(c) |
jieħdu miżuri biex jippreservaw l-integrità tal-Istatut ta' Ruma. |
Artikolu 9
Ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva u r-riskju kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari
1. Il-Partijiet jikkunsidraw li l-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva (AQM) u l-mezzi tal-kunsinna tagħhom, kemm għand atturi statali kif ukoll dawk mhux statali, tirrappreżenta waħda mill-aktar theddidiet serji għall-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali.
2. Il-Partijiet għalhekk jaqblu li jikkooperaw f'fora internazzjonali sabiex jiġġieldu l-proliferazzjoni tal-AQM u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom permezz ta' konformità sħiħa ma' u bl-implimentazzjoni nazzjonali tal-obbligi eżistenti tagħhom taħt trattati u konvenzjonijiet multilaterali li jikkonċernaw id-diżarmament u nonproliferazzjoni, kif ukoll taħt ftehimiet oħra nnegozjati fuq livell multilaterali u obbligi internazzjonali. Il-Partijiet jaqblu li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi element essenzjali ta' dan il-Ftehim.
3. Il-Partijiet jaqblu wkoll li jikkooperaw fi, u li jieħdu passi lejn, it-tisħiħ tal-implimentazzjoni ta' strumenti internazzjonali dwar id-diżarm u n-nonproliferazzjoni ta' AQM, u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom li huma applikabbli tal-Partijiet, fost oħrajn, bil-qsim ta' informazzjoni, kompetenzi speċifiċi u esperjenzi.
4. Il-Partijiet jaqblu wkoll li jikkooperaw u li jikkontribwixxu fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u l-mezzi tal-kunsinna tagħhom, billi jieħdu azzjoni sabiex jiffirmaw, jirratifikaw, jew jaderixxu, kif xieraq, u jimplimentaw b'mod sħiħ, l-istrumenti internazzjonali l-oħra kollha li huma rilevanti.
5. Il-Partijiet jaqblu wkoll li jikkooperaw sabiex jistabbilixxu kontrolli nazzjonali effettivi fuq l-esportazzjonijiet, li jevitaw il-proliferazzjoni, u li jikkontrollaw l-esportazzjoni kif ukoll it-tranżitu ta' oġġetti relatati mal-AQM, inkluż permezz ta' kontrolli fuq l-użu finali tal-AQM b'teknoloġiji b'użu doppju u b'sanzjonijiet effettivi meta l-kontrolli tal-esportazzjoni jiġu miksura.
6. Il-Partijiet jirrikonoxxu li r-riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN) jista' ikollhom effetti negattivi għoljin fuq is-soċjetajiet. Huma jirrikonoxxu wkoll li r-riskji jistgħu jirriżultaw minn attivitajiet kriminali (proliferazzjoni, traffikar) inċidenti (industrija, trasport, laboratorji) jew perikli naturali (pandemiji). Konsegwentement, huma jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw sabiex isaħħu l-kapaċità istituzzjonali biex itaffu r-riskji tas-CBRN. Dan jista' jinkludi proġetti dwar infurzar legali, regolatorju, xjentifiku u l-istat ta' tħejjija, u l-kooperazzjoni fuq livell reġjonali.
7. L-Unjoni għandha, kif opportun, tipprovdi appoġġ għal dawn l-isforzi, li jiffukaw fuq it-tisħiħ tal-kapaċità u l-assistenza teknika.
Artikolu 10
Armi ħfief u ta' kalibru żgħir u armi konvenzjonali oħra
1. Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-manifattura, it-trasferiment u ċ-ċirkolazzjoni illeċiti ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW), inkluż il-munizzjoni tagħhom, u l-akkumulazzjoni eċċessiva tagħhom, il-ġestjoni ħażina, il-ħażniet mhux assigurati sewwa u l-firxa mhux ikkontrollata tagħhom, ikomplu joħolqu theddida serja għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.
2. Il-Partijiet jaqblu li jsegwu u jimplimentaw bis-sħiħ l-obbligi rispettivi tagħhom f'dak li jikkonċerna l-ġlieda kontra n-negozju illeċitu ta' SALW, inkluż il-munizzjon tagħhom, skont ftehimiet internazzjonali eżistenti u riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, kif ukoll l-impenji tagħhom fil-qafas ta' strumenti internazzjonali oħra li huma applikabbli għal dan il-qasam, bħall-Programm ta' Azzjoni tan-NU biex Jipprevjeni, Jikkombatti u Jeqred l-Kummerċ Illegali tas-SALW fl-Aspetti Kollha Tiegħu.
3. Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta' sistemi ta' kontroll domestiku għat-trasferiment ta' armi konvenzjonali f'konformità mal-istandards internazzjonali eżistenti. Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li japplikaw dawn il-kontrolli b'mod responsabbli, bħala kontribut għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbilita internazzjonali u reġjonali, għat-tnaqqis tat-tbatija tal-bnedmin u bħala prevenzjoni tad-devjazzjoni ta' armi konvenzjonali.
4. Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw u jiżguraw il-koordinazzjoni, il-kumplimentarjetà u s-sinerġija fl-isforzi tagħhom biex jirregolaw jew itejbu r-regolamentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali f'armi konvenzjonali u biex jiġi prevenut, miġġieled u meqrud il-kummerċ illeċitu f'armi. Huma jaqblu li jistabbilixxu djalogu politiku regolari li se jakkumpanja u jikkonsolida dan l-impenn.
Artikolu 11
Il-ġlieda kontra t-terroriżmu
1. Il-Partijiet huma determinati li jiġġieldu t-terroriżmu fil-forom kollha tiegħu, inkluż f'kuntest reġjonali, b'rispett sħiħ għall-istat tad-dritt u l-liġi internazzjonali, u biex jaħdmu flimkien biex jiġi evitat it-tixrid ta' ideoloġiji estremisti u, b'mod partikolari, ir-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ. Huma jimpenjaw ruħhom biex jaħdmu mal-imsieħba internazzjonali tagħhom dwar l-implimentazzjoni komprensiva tal-Istrateġija Globali tan-NU Kontra t-Terroriżmu.
2. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw dwar kwistjonijiet rilevanti għall-ġlieda kontra l-attivitajiet terroristiċi u biex jaqsmu informazzjoni dwar il-kwistjonijiet rilevanti kollha, kif xieraq u skont il-liġi domestika u dik internazzjonali. Il-ġlieda kontra t-terroriżmu għandha tirrappreżenta element importanti fil-kooperazzjoni tagħhoma. Huma jaqblu li jippromwovu l-implimentazzjoni ta' strumenti u konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti f'dan il-qasam. F'dan il-kuntest, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet se jkopri l-oqsma rilevanti tal-ġustizzja kriminali.
TITOLU III
KOOPERAZZJONI GĦALL-IŻVILUPP
Artikolu 12
Kooperazzjoni għall-iżvilupp
1. L-għanijiet ċentrali tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp huma l-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (u kull żvilupp sussegwenti ta' riferiment), il-qerda tal-faqar, l-iżvilupp sostenibbli u l-integrazzjoni fl-ekonomija dinjija, b'attenzjoni partikolari lill-elementi l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-kooperazzjoni tagħhom hija essenzjali għall-indirizzar tal-isfidi tal-iżvilupp tal-Afganistan u li l-bini tal-istituzzjoni għandu jkun parti fundamentali ta' dan.
2. Din il-kooperazzjoni għandha tikkunsidra l-iżvilupp tal-istrateġiji u l-programmi soċjo-ekonomiċi tal-Afganistan, b'mod partikolari l-Istrateġija Nazzjonali ta' Żvilupp u miżuri oħra maqbula f'konferenzi internazzjonali dwar l-iżvilupp tal-Afganistan, id-dikjarazzjoni ta' Londra 2010, il-Proċess ta' Kabul, il-konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Bonn ta' Diċembru 2011, id-dikjarazzjoni tal-Konferenza ta' Tokjo dwar Sħubija għal Awtodipendenza fl-Afganistan u fil-Qafas ta' Tokjo dwar ir-Responsabbiltà Reċiproka ta' Lulju 2012, filwaqt li titqies bis-sħiħ l-istrateġija ekonomika u ta' żvilupp, tal-Gvern Afgan “Realizzazjoni tal-Awtodipendenza: Impenji għal Riformi u Sħubija Imġedda”, kif ippreżentata waqt il-konferenza ta' Londra tal-2014.
3. Il-Partijiet għandhom jużaw il-kooperazzjoni tagħhom għall-iżvilupp, fost oħrajn, sabiex issaħħu l-istituzzjonijiet Afgani ta' governanza u biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għal żvilupp sostenibbli u tkabbir ekonomiku għal żmien twil, b'konformità ma' Programmi ta' Prijorità Nazzjonali u mal-istrateġija ekonomika u ta' żvilupp tal-Afganistan, “Realizzazjoni tal-Awtodipendenza: Impenji għal Riformi u Sħubija Mġedda”. Dawn se jkunu il-vetturi prinċipali għall-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija u tal-impenji li għamel l-Afganistan f'Bonn, Tokyo u Londra. L-Unjoni, fil-kooperazzjoni tagħha mal-Afganistan, għandha tqis bis-sħiħ il-Qafas ta' Tokjo dwar ir-Responsabbiltà Reċiproka (jew kull suċċessur tiegħu miftiehem b'mod reċiproku) u, fl-ipprogrammar tal-assistenza tagħha, għandha tqis l-impenji, inklużi l-impenji finanzjarji, u l-arranġamenti dettaljati stabbiliti f'dak il-Qafas.
4. Il-Partijiet jikkonfermaw l-għan tal-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, kif adottati mill-Afganistan, u kull żvilupp sussegwenti ta' riferiment, u jsaħħu l-impenn tagħhom lejn id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna, l-Aġenda ta' Accra għall-Azzjoni u d-Dokument tal-Eżitu ta' Busan, b'mod partikolari b'referenza għal Ftehim Ġdid għall-impenn fi Stati Fraġli.
5. Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu attivitajiet ta' kooperazzjoni skont ir-regolamenti, il-proċeduri u r-riżorsi rispettivi tagħhom u b'rispett sħiħ tar-regoli u n-normi internazzjonali. Huma jaqblu li l-kooperazzjoni tagħhom għall-iżvilupp se tkun konsistenti mar-rekwiżiti tal-impenn komuni tagħhom lejn l-effikaċja tal-għajnuna, implimentata b'mod li tirrispetta s-sjieda Afgana, allinjati ma' prijoritajiet nazzjonali tal-Afganistan, u li jwasslu għal eżiti ta' żvilupp sostenibbli u tanġibbli għall-poplu tal-Afganistan u għal sostenibbiltà ekonomika fit-tul tal-pajjiż, kif miftiehem fil-kuntest ta' konferenzi internazzjonali dwar l-Afganistan. Huma jaqblu li jimmassimizzaw l-potenzjal ta' bini tal-paċi tal-għajnuna għall-iżvilupp kemm jista' jkun fil-qafas tal-Patt il-Ġdid għall-Involviment fi Stati Fraġli.
6. Il-Partijiet għalhekk jaqblu li jimmonitorjaw l-impatt tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħhom fuq bażi regolari, permezz tal-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 49, u sabiex jevalwaw il-kontribuzzjoni tiegħu lejn il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, kif adottati mill-Afganistan, u kull żvilupp sussegwenti ta' riferiment.
7. It-temi segwenti se jkunu integrati sistematikament fl-oqsma kollha tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp: id-drittijiet tal-bniedem, il-kwistjonijiet ta' ġeneru, id-demokrazija, il-governanza tajba, is-sostennibbiltà ambjentali, it-tibdil fil-klima, is-saħħa, l-iżvilupp istituzzjonali u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, miżuri kontra l-korruzzjoni, il-ġlieda kontra n-narkotiċi u l-effikaċja tal-għajnuna.
8. Fir-rigward ta' komponenti tal-infrastruttura, il-Partijiet għandhom jesploraw l-użu ta' mekkaniżmi bħal taħlit ta' għotjiet u self minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, u mezzi oħra ta' kondiviżjoni tar-riskju, bil-għan li jistimulaw aktar riżorsi u għaldaqstant jiżdied l-impatt tal-assistenza tal-Unjoni.
9. Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni ekonomika tagħhom għandha tiġi implimentata b'mod li tipproteġi l-interessi tal-membri tas-soċjetà l-aktar vulnerabbli, inklużi n-nisa u t-tfal, b'enfasi fuq is-saħħa, l-edukazzjoni, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali.
10. Il-Partijiet jaqblu li l-kummerċ għandu jippromwovi żvilupp sostenibbli fid-dimensjonijiet kollha tiegħu u li l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tiegħu jridu jiġu evalwati. Huma jaqblu li jinkoraġġixxu lill-kumpaniji tagħhom biex jadottaw l-ogħla standards ta' kondotta responsabbli tan-negozju, b'konformità ma' prinċipji u standards maqbula internazzjonalment, bħal dawk li jinsabu fil-Linji Gwida tal-OECD għal Intrapriżi Multinazzjonali jew fil-Patt Globali tan-NU.
11. Il-Partijiet għandhom ifittxu li jippromwovu l-implimentazzjoni effettiva tal-istandards ewlenin dwar ix-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u għandhom isaħħu l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet soċjali u ta' impjiegi, inklużi l-prinċipji ta' xogħol deċenti.
12. Il-Partijiet ulterjorment għandhom l-għan li jippromwovu politiki maħsuba biex jiggarantixxu l-aċċessibbiltà u l-forniment tal-ikel għall-popolazzjoni u l-għalf għall-bhejjem, b'mod sostenibbli li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.
13. Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jaqsmu opinjonijiet u jikkooperaw fil-fora u l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti kollha, inklużi n-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji u l-organizzazzjonijiet tagħha, bil-ħsieb li jtejbu id-diviżjoni tax-xogħol fil-kooperazzjoni tal-iżvilupp u l-effikaċja tal-għajnuna fil-post.
14. Il-Partijiet jaqblu wkoll li jippromwovu l-kooperazzjoni fl-oqsma msemmija f'dan l-Artikolu bejn gruppi ta' riflessjoni, persuni akkademiċi, organizzazzjonijiet mhux governattivi, in-negozji, l-operaturi kulturali u l-midja permezz tal-organizzazzjoni ta' seminars, konferenzi, u attivitajiet oħra relatati, kif opportun.
TITOLU IV
KOOPERAZZJONI FUQ KWISTJONIJIET TA' KUMMERĊ U INVESTIMENT
Artikolu 13
Kooperazzjoni kummerċjali
1. Il-Partijiet għandhom jidħlu fi djalogu dwar kummerċ bilaterali u multilaterali kif ukoll dwar kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bil-ħsieb li jsaħħu r-relazzjonijiet tal-kummerċ bilaterali u li jtejbu s-sistema tal-kummerċ multilaterali, inkluż is-sostenn għas-sħubija tal-Afganistan mad-WTO.
2. Il-Partijiet jintrabtu li jippromwovu l-iżvilupp u d-diversifikazzjoni tal-iskambji kummerċjali tagħhom sal-aktar livell għoli possibbli u għall-benefiċċju reċiproku tagħhom. Huma jintrabtu li jistabbilixxu kundizzjonijiet ta' aċċess għas-suq imtejba u prevedibbli billi jaħdmu għall-eliminazzjoni ta' ostakli għall-kummerċ, b'mod partikolari permezz tat-tneħħija fil-ħin ta' ostakli nontariffarji u restrizzjonijiet għall-kummerċ li mhumiex konsistenti mar-regolamenti tad-WTO, u billi jieħdu miżuri biex itejbu t-trasparenza, filwaqt li jikkunsidraw ix-xogħol li twettaq minn organizzazzjonijiet internazzjonali f'dan il-qasam li fihom il-Partijiet huma membri.
3. Waqt li jagħrfu li l-kummerċ huwa indispensabbli għall-iżvilupp, u li arranġamenti ta' kummerċ preferenzjali kienu ta' ġid għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-Partijiet għandhom jaħdmu biex isaħħu l-konsultazzjonijiet u l-kooperazzjoni fuq l-implimentazzjoni effettiva tagħhom.
4. Il-Partijiet għandhom iżommu lil xulxin informati dwar l-iżvilupp tal-kummerċ u dwar il-politiki relatati mal-kummerċ bħalma huma dawk fuq l-agrikoltura, is-sikurezza tal-ikel, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-ambjent. Huma se jesploraw opportunitajiet biex isaħħu r-relazzjonijiet tal-kummerċ u l-investiment tagħhom, inkluż, fejn xieraq, in-negozjar ta' ftehimiet oħrajn ta' interess reċiproku.
5. Il-Partijiet għandhom jużaw bis-sħiħ l-Għajnuna għall-Kummerċ u programmi oħra rilevanti, inkluża assistenza teknika għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, għall-għanijiet ta' titjib fir-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment bilaterali tagħhom.
6. Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku reġjonali, b'konformità mat-Titolu VII.
7. Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw fil-pront, f'konformità mal-Artikolu 54 dwar kull diverġenza ta' opinjonijiet rigward l-applikazzjoni ta' dan it-Titolu.
Artikolu 14
Trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit
1. Il-Partijiet għandhom jagħtu lil xulxin trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit fil-kummerċ tagħhom, skont il-Ftehim Ġenerali tal-1994 fuq it-Tariffi u l-Kummerċ.
2. It-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit previst fil-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-preferenzi mogħtija minn kull Parti skont kwalunkwe arranġament li jistabbilixxi unjoni doganali, żona ta' kummerċ ħieles jew żona ekwivalenti ta' trattament preferenzjali.
Artikolu 15
Kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji
1. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fis-sikurezza tal-ikel u fil-kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji sabiex jipproteġu l-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem, l-annimali u l-pjanti fit-territorju tagħhom.
2. Il-Partijiet għandhom jiddiskutu u jaqsmu informazzjoni dwar il-miżuri rispettivi tagħhom kif definit fil-Ftehim tad-WTO dwar Kwistjonijiet Sanitarji u Fitosanitarji, fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, u mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali u fil-Kummissjoni Codex Alimentarius.
3. Il-Partijiet jaqblu li jimpenjaw ruħhom għall-kooperazzjoni fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet dwar kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji. Din il-kooperazzjoni għandha tkun adattata għall-ħtiġijiet ta' kull Parti u titwettaq bil-għan li tassisti lil kull Parti biex tikkonforma mar-rekwiżiti legali tal-Parti l-oħra.
4. Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu djalogu f'waqtu dwar il-kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji fuq talba ta' xi waħda mill-Partijiet.
5. Il-Partijiet għandhom jaħtru punti ta' kuntatt għall-komunikazzjoni dwar kwistjonijiet rilevanti għal dan l-Artikolu.
Artikolu 16
Barrieri tekniċi għall-kummerċ
Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-użu ta' standards internazzjonali u Ewropej mill-Afganistan bħala bażi għar-regolamenti tekniċi u proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità. Dawn għandhom jikkooperaw u jaqsmu informazzjoni dwar l-istandards, ir-regolamenti tekniċi u l-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità bil-għan li jiġi żgurat li dawn huma ppreparati, adottati u applikati b'mod trasparenti u effettiv u ma joħolqux ostakli bla bżonn għall-kummerċ bilaterali tagħhom.
Artikolu 17
Dwana
1. Il-Partijiet għandhom jistinkaw biex isaħħu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali biex jiżguraw ambjent tal-kummerċ trasparenti u jiffaċilitaw il-kummerċ, isaħħu s-sigurtà tal-katina tal-provvista, jippromwovu s-sikurezza tal-konsumaturi, iwaqqfu l-fluss ta' prodotti li jiksru d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u jiġġieldu l-kuntrabandu u l-frodi.
2. Għal dak il-għan, il-Partijiet għandhom, b'mod partikolari, jaqsmu kompetenzi speċifiċi u jeżaminaw possibiltajiet sabiex jissimplifikaw il-proċeduri, iżidu t-trasparenza u jiżviluppaw il-kooperazzjoni. Huma għandhom ifittxu wkoll konverġenza tal-opinjonijiet u azzjoni konġunta f'oqsma internazzjonali rilevanti.
3. Meta jkun il-każ, il-Partijiet għandhom jikkonkludu protokolli dwar il-kooperazzjoni doganali u l-assistenza amministrattiva reċiproka, fil-qafas istituzzjonali stabbilit f'dan il-Ftehim, mingħajr preġudizzju għal forom oħra ta' kooperazzjoni.
4. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw bil-għan li jimmodernizzaw l-amministrazzjoni doganali tal-Afganistan f'konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, sabiex tittejjeb l-effiċjenza organizzattiva tiegħu u l-effikaċja tal-istituzzjonijiet tiegħu fil-prestazzjoni tas-servizz, filwaqt li jiżguraw amministrazzjoni trasparenti tar-riżorsi pubbliċi u l-kontabilità. It-tisħiħ tal-kapaċitajiet għandu jirrappreżenta element importanti f'din il-kooperazzjoni.
Artikolu 18
Investiment
1. Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-investiment dirett barrani permezz tal-iżvilupp ta' ambjent ta' investiment attraenti u stabbli. Għal dak il-għan, huma jistgħu, meta jkun meħtieġ, jibdew djalogu konsistenti għat-titjib tal-fehim u tal-kooperazzjoni fuq kwistjonijiet marbuta mal-investiment, jesploraw mekkaniżmi amministrattivi sabiex jiffaċilitaw il-flussi tal-investiment u jippromwovu regoli stabbli, trasparenti u li jservu ta' appoġġ għall-investituri.
2. Bil-ħsieb li jissaħħaħ l-investiment barrani dirett fl-Afganistan mill-Unjoni, il-Partijiet jenfasizzaw ir-rwol ta' involviment tas-settur privat u, f'dan il-kuntest, jagħrfu l-ħtieġa għal miżuri għas-settur pubbliku u inċentivi bħall-aċċess għall-kreditu u garanziji ta' investiment.
Artikolu 19
Servizzi
Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu djalogu kostruttiv immirat, b'mod partikolari, lejn:
(a) |
l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-ambjenti regolatorji rispettivi tagħhom; |
(b) |
il-promozzjoni tal-aċċess għas-swieq ta' xulxin; |
(c) |
il-promozzjoni tal-aċċess għas-sorsi ta' kapital u ta' teknoloġija; u |
(d) |
il-promozzjoni tal-kummerċ fis-servizzi bejniethom u fi swieq ta' pajjiżi terzi. |
Artikolu 20
Moviment ta' kapital
Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jiffaċilitaw il-moviment ta' kapital sabiex jippromwovu l-għanijiet ta' dan il-Ftehim.
Artikolu 21
Akkwist pubbliku mill-gvern
Il-Partijiet se jikkooperaw bil-għan li jwaqqfu sistema moderna u effettiva ta' akkwist pubbliku mill-gvern fl-Afganistan, f'konformità ma' prinċipji maqbula internazzjonalment dwar it-trasparenza u l-proċeduri tal-akkwist u fuq il-promozzjoni ta' valur ġust u l-aħjar valur għall-flus fl-akkwisti pubbliċi.
Artikolu 22
Trasparenza
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tat-trasparenza u ta' proċess ġust fl-amministrazzjoni ta' liġijiet u regolamenti relatati mal-kummerċ. Għal dak il-għan huma għandhom japplikaw l-Artikolu X tal-Ftehim Ġenerali tal-1994 dwar it-Tariffi u l-Kummerċ u l-Artikolu III tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi.
Artikolu 23
Drittijiet ta' proprjetà intellettwali
1. Il-Partijiet jaqblu li jħarsu u jirrispettaw id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, inklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet internazzjonali li tagħhom huma partijiet.
2. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw dwar il-prevenzjoni ta' kwalunkwe tip ta' abbuż tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi, u dwar il-ġlieda kontra l-iffalsifikar u l-piraterija. Huma jaqblu li jiffaċilitaw dan permezz ta' kooperazzjoni doganali u forom oħrajn xierqa ta' kooperazzjoni amministrattiva, inkluż billi jistabbilixxu u jsaħħu organizzazzjonijiet għall-kontroll u l-protezzjoni ta' tali drittijiet u jsaħħu l-kooperazzjoni fuq mezzi xierqa għall-iffaċilitar tal-protezzjoni u r-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta' xulxin fit-territorji rispettivi tagħhom, filwaqt li jqisu r-regoli, il-prattiki u l-iżviluppi internazzjonali f'dan il-qasam u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom.
TITOLU V
KOOPERAZZJONI FL-OQSMA TAL-ĠUSTIZZJA U L-AFFARIJIET INTERNI
Artikolu 24
Stat tad-dritt, kooperazzjoni legali u ħidma tal-pulizija
1. Fil-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni, il-Partijiet għandhom jagħtu importanza partikolari għall-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet fil-livelli kollha fl-oqsma tal-infurzar tal-liġi u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, inkluż is-sistema penitenzjarja.
2. Fil-kooperazzjoni tagħhom, il-Partijiet għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar sistemi legali u leġislazzjoni. Huma għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lid-drittijiet tan-nisa u gruppi vulnerabbli oħra u l-protezzjoni u l-implimentazzjoni ta' dawk id-drittijiet.
3. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw sabiex jippromwovu riformi ulterjuri tal-forza tal-pulizija Afgana. L-Afganistan se jieħu passi biex jintroduċi l-aħjar prattiki tal-pulizija ċivili. L-Unjoni se tkompli tagħti l-appoġġ tagħha għall-iżvilupp tas-settur tal-ġustizzja u l-pulizija nazzjonali Afgana, inkluż il-finanzjament tal-forza tal-pulizija fil-qafas tal-Programm Indikattiv Pluriennali 2014-2020, u f'konformità mad-definizzjonijiet tal-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp tal-OECD (DAC) dwar attivitajiet eliġibbli.
4. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw bil-għan li jimmodernizzaw l-amministrazzjoni pubblika tal-Afganistan billi:
(a) |
isaħħu l-ġudikatura u s-settur tal-ġustizzja, inkluż is-sistema penitenzjarja, b'enfasi partikolari fuq it-tisħiħ tal-indipendenza tal-ġudikatura; |
(b) |
itejbu l-effettività tal-pulizija ċivili fl-Afganistan; |
(c) |
itejbu l-qafas legali u istituzzjonali f'dan is-settur; u |
(d) |
isaħħu l-kapaċitajiet għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika fis-setturi tal-ġustizzja u s-sigurtà tal-Afganistan. |
Artikolu 25
Kooperazzjoni kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni
Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, ekonomika u finanzjarja, inkluża l-korruzzjoni. B'mod partikolari, il-kooperazzjoni għandha tkun immirata lejn l-implimentazzjoni u l-promozzjoni tal-istandards u l-istrumenti internazzjonali rilevanti, bħall-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokolli tagħha, u l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni. Il-Partijiet għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lejn ir-rabtiet bejn il-kriminalità organizzata u t-traffikar ta' drogi, prekursuri, materjali perikolużi u armi, it-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu tal-migranti. Huma għandhom jikkondividu l-informazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha rilevanti biex jiġġieldu l-attivitajiet kriminali.
Artikolu 26
Ġlieda kontra d-drogi illeċiti
1. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jiżguraw strateġija bbilanċjata u integrata fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mad-droga.
2. Il-politiki u l-azzjonijiet dwar id-drogi għandu jkollhom l-għan li jsaħħu l-istrutturi għall-ġlieda kontra d-drogi illeċiti, inaqqsu l-forniment, it-traffikar u d-domanda ta' drogi illeċiti, u l-immaniġġar tal-konsegwenzi fuq is-saħħa u dawk soċjali tal-abbuż mid-drogi. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jimpedixxu l-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi u d-devjazzjoni tal-prekursuri kimiċi.
3. F'konformità ma' dan l-approċċ konġunt, il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-ġlieda kontra d-drogi illeċiti tiġi integrata fl-oqsma kollha rilevanti ta' kooperazzjoni, inkluż l-infurzar tal-liġi, il-promozzjoni ta' għajxien leċitu, it-tnaqqis fid-domanda għad-droga u tnaqqis tar-riskji u tal-ħsara.
4. Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għandha tinkludi assistenza teknika u amministrattiva lill-Afganistan fl-oqsma msemmijin fil-paragrafu 3, inklużi:
(a) |
l-abbozzar leġislattiv u l-iżvilupp tal-politika; |
(b) |
l-istabbiliment ta' istituzzjonijiet u ċentri ta' informazzjoni nazzjonali; |
(c) |
l-appoġġ għal azzjoni mis-soċjetà ċivili dwar kwistjonijiet tad-drogi u l-isforzi għat-tnaqqis tad-domanda u l-ħsara tad-drogi, inklużi t-trattament u r-riabilitazzjoni mill-abbuż tad-droga; |
(d) |
it-taħriġ tal-persunal; |
(e) |
ir-riċerka relatata mad-drogi; u |
(f) |
il-prevenzjoni tat-traffikar u tad-devjazzjoni ta' prekursuri tad-droga li jintużaw għall-manifattura illeċiti ta' drogi narkotiċi illeċiti u sustanzi psikotropiċi. |
Il-Partijiet jistgħu jaqblu li jinkludu oqsma oħrajn.
5. Fil-qafas tal-leġislazzjoni rispettiva tagħhom, il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex iżżarmaw in-netwerks kriminali transnazzjonali involuti fil-produzzjoni u t-traffikar ta' drogi illeċiti, fost oħrajn permezz tal-iskambju ta' informazzjoni u intelligence, taħriġ, u skambju tal-aħjar prattiki, inkluż tekniċi investigattivi speċjali. Għandu jsir sforz partikolari biex tiġi miġġielda l-penetrazzjoni mill-kriminali fl-ekonomija leċita.
6. Il-kooperazzjoni fil-livell reġjonali biex jiġi miġġieled it-traffikar ta' droga għandha tikkomplementa dan l-approċċ, inkluż permezz ta' kuntatti diplomatiċi u f'fora reġjonali li fihom il-Partijiet jipparteċipaw, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 48.
7. Il-Partijiet għandhom jaqblu dwar il-mezzi ta' kooperazzjoni sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet. L-azzjoni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji miftiehma b'mod komuni skont il-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, id-Dikjarazzjoni Politika u d-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji ta' Gwida rigward it-Tnaqqis fid-Domanda għad-Drogi, kif adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-20 sessjoni speċjali dwar il-problema dinjija tad-drogi f'Ġunju 1998, id-Dikjarazzjoni Politika u l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali lejn Strateġija Bilanċjata fil-Ġlieda kontra l-Problema Dinjija tad-Drogi kif adottati waqt it-52 sessjoni tas-Segment ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni tan-NU dwar id-Drogi Narkotiċi f'Marzu 2009, u d-Dikjarazzjoni tat-Tielet Konferenza Ministerjali tal-Imsieħba tal-Patt ta' Pariġi dwar il-Ġlieda kontra t-Traffiku Illeċitu tal-Oppjati li Joriġina mill-Afganistan.
Artikolu 27
Kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu
1. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw sabiex jipprevjenu l-użu tas-sistemi finanzjarji tagħhom u n-negozji u l-professjonijiet mhux finanzjarji magħżula għal skopijiet ta' ħasil tar-rikavat minn attività kriminali u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.
2. Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu għajnuna teknika u amministrattiva bil-għan li jiġu żviluppati u implimentati r-regolamenti u l-iffunzjonar effettiv ta' mekkaniżmi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. B'mod partikolari, il-kooperazzjoni għandha tippermetti l-qsim ta' informazzjoni rilevanti fi ħdan il-qafas tal-leġislazzjonijiet rispettivi u l-adozzjoni ta' standards xierqa sabiex jiġu miġġielda l-ħasil ta' flus u l-finanzjament tat-terroriżmu liema standards ikunu ekwivalenti għal dawk adottati mill-Unjoni u mill-entitajiet internazzjonali li jaħdmu f'dan il-qasam, bħalma hi t-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF).
Artikolu 28
Kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni
1. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw bil-għan li jevitaw li l-flussi migratorji irregolari mit-territorju tagħhom lejn it-territorju tal-parti l-oħra.
2. Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza ta' ġestjoni konġunta tal-flussi migratorji bejn l-Afganistan u l-Unjoni u jimpenjaw ruħhom li jinvolvu ruħhom fi djalogu komprensiv u kooperazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni, f'konformità ma' approċċ Globali tal-Unjoni għall-Migrazzjoni u l-Mobbilità u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti. Dan id-djalogu u l-kooperazzjoni għandhom ikopru kwistjonijiet li jaffettwaw l-ażil, ir-relazzjonijiet bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp, l-immigrazzjoni regolari u irregolari, ir-ritorn, ir-riammissjoni, il-viżi, il-ġestjoni tal-fruntieri, is-sigurtà tad-dokumenti, il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu tal-migranti.
3. Kooperazzjoni fl-oqsma msemmija taħt dan l-Artikolu jistgħu jinkludu wkoll miżuri ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet.
4. Il-Partijiet jaqblu li jikkonkludu, fuq talba ta' kull Parti, ftehim li jkun jirregola l-obbligi speċifiċi dwar riammissjoni, inklużi provedimenti rigward ċittadini ta' pajjiżi oħra u persuni mingħajr stat.
Artikolu 29
Protezzjoni konsulari
L-Afganistan jaqbel li l-awtoritajiet konsulari u diplomatiċi ta' kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea rappreżentat għandu jipprovdi protezzjoni lil kwalunkwe ċittadin ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li m'għandux rappreżentanza effettiva permanenti fl-Afganistan f'pożizzjoni li tagħti protezzjoni konsulari f'każ partikolari, bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 30
Protezzjoni ta' data personali
1. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw, sabiex jgħollu l-livell tal-protezzjoni ta' data personali għall-ogħla standards internazzjonali, bħal dawk li jinsabu, fost oħrajn, fil-Linji Gwida għar-Regolamentazzjoni ta' Fajls Kompjuterizzati b'Data Personali adottati mir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 45/95 tal-14 ta' Diċembru 1990.
2. Il-kooperazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali tista' tinkludi, fost oħrajn, l-assistenza teknika fil-qsim ta' informazzjoni u għarfien espert.
TITOLU VI
KOOPERAZZJONI SETTORJAL
Artikolu 31
Modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika
Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw bil-ħsieb li jinbena servizz ċivili professjonali, indipendenti u effettiv fl-Afganistan fil-livell nazzjonali u fuq dak sottonazzjonali. Il-kooperazzjoni f'dan il-qasam għandha tiffoka fuq it-taħriġ u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, bil-ħsieb li:
(a) |
titjieb l-effiċjenza organizzazzjonali; |
(b) |
tiżdied l-effikaċja tal-istituzzjonijiet fit-twassil tas-servizz; |
(c) |
tiġi żgurata l-amministrazzjoni trasparenti tar-riżorsi pubbliċi u l-kontabilità; |
(d) |
jitjieb il-qafas legali u istituzzjonali; u |
(e) |
jitjiebu t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika. |
Artikolu 32
Ġestjoni tal-finanzi pubbliċi
Minbarra l-Artikolu 31, il-Partijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fl-Afganistan. Il-kooperazzjoni għandha tiffoka fuq:
(a) |
il-ġestjoni tal-baġit fuq livell nazzjonali u sottonazzjonali; |
(b) |
flussi finanzjarji trasparenti bejn l-awtoritajiet tal-baġit u bejn dawk l-awtoritajiet u benefiċjarji u destinatarji; |
(c) |
viġilanza, inkluż mill-Parlament u korpi indipendenti tal-awditjar; u |
(d) |
mekkaniżmi biex jindirizzaw b'mod effettiv u fil-pront kull irregolarità fl-użu tal-fondi pubbliċi. |
L-Unjoni għandha tipprovdi appoġġ f'dawk l-oqsma kif xieraq, billi tiffoka fuq l-iżvilupp tal-kapaċità u l-assistenza teknika.
Artikolu 33
Governanza tajba fil-qasam tat-taxxa
Bil-ħsieb li jsaħħu u jiżviluppaw l-attivitajiet ekonomiċi filwaqt li jikkunsidraw il-ħtieġa li jiġi żviluppat qafas regolatorju adatt, il-Partijiet jirrikonoxxu u jimpenjaw ruħhom li jimplimentaw il-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa. Huma għandhom jagħmlu kull sforz possibbli biex jikkooperaw għal dan l-għan, b'mod partikolari sabiex jiġi iffaċilitat il-ġbir ta' dħul fiskali fl-Afganistan u biex tgħin lill-Afganistan biex jiżviluppa miżuri għall-implimentazzjoni effettiva ta' dawn il-prinċipji.
Artikolu 34
Servizzi finanzjarji
1. Il-Partijiet jaqblu wkoll li jsaħħu l-kooperazzjoni bil-ħsieb li jtejbu s-sistemi tal-kontabbiltà, dawk superviżorji u regolatorji tal-banek, l-assigurazzjoni u oqsma oħrajn fis-settur finanzjarju.
2. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżviluppaw l-oqfsa regolatorji u legali tal-Afganistan, l-infrastruttura u r-riżorsi umani kif ukoll jintroduċu governanza korporattiva u standards internazzjonali dwar il-kontabilità fis-suq kapitali tal-Afganistan.
Artikolu 35
Statistika
1. Il-Partijiet jaqblu li jibnu u jiżviluppaw aktar il-kapaċità statistika billi jippromwovu l-armonizzazzjoni tal-metodu statistiku u l-użu tal-aħjar prattiki b'referenza għal esperjenza tal-Unjoni, inkluż il-ġbir u t-tixrid tal-informazzjoni statistika. Dan se jippermettilhom jużaw, fuq bażi aċċettabbli u b'mod reċiproku, statistika dwar kull qasam kopert minn dan il-Ftehim li jwassal għall-ġbir, l-ipproċessar, l-analiżi u d-disseminazzjoni tad-data statistika.
2. Il-kooperazzjoni fil-qasam tal-istatistika għandha tiffoka fuq l-iskambju tal-għarfien, it-trawwim ta' prattiki tajba u r-rispett għal Prinċipji Fundamentali tal-Istatistika Uffiċjali tan-NU u l-Kodiċi ta' Prattika tal-Istatistika Ewropea, bil-ħsieb li jtejbu l-kwalità tal-istatistika.
Artikolu 36
Ġestjoni tar-riskju ta' diżastru
1. Il-Partijiet jaqblu li jżidu l-kooperazzjoni fil-ġestjoni tar-riskju ta' diżastru. L-enfasi għandha titqiegħed fuq l-azzjonijiet ta' prevenzjoni u l-approċċi proattivi biex jiġu ttrattati l-perikli u r-riskju u t-tnaqqis tar-riskju ta', jew il-vulnerabilità għad-diżastri naturali.
2. Il-Kooperazzjoni f'dan il-qasam tista' tiffoka fuq:
(a) |
it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, speċjalment ir-reżiljenza, il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni; |
(b) |
il-ġestjoni tal-għarfien, l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-edukazzjoni għall-bini ta' kultura ta' sigurtà u ta' reżiljenza fil-livelli kollha; |
(c) |
il-valutazzjoni, il-monitoraġġ u r-rispons tar-riskju ta' diżastru; u |
(d) |
l-appoġġ għall-iżvilupp ta' kapaċità tal-ġestjoni tar-riskju. |
Artikolu 37
Riżorsi naturali
1. Il-Partijiet jaqblu li jtejbu l-kooperazzjoni u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet rigward l-esplojtazzjoni, l-iżvilupp, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' riżorsi naturali.
2. Din il-kooperazzjoni għandha tindirizza l-iżvilupp sostenibbli ta' riżorsi naturali billi ssaħħaħ il-qafas regolatorju, il-protezzjoni ambjentali u r-regolamenti tas-sikurezza. Bil-ħsieb li jitrawmu kooperazzjoni u ftehim reċiproku akbar, kull Parti tista' titlob laqgħat ad hoc fuq kwistjonijiet marbuta mar-riżorsi naturali.
3. F'konformità mat-Titolu IV, il-Partijiet għandhom jikkooperaw bil-għan li joħolqu ambjent trasparenti favorevoli għall-investiment barrani dirett, b'mod partikolari fis-settur tal-minjieri.
4. Il-Partijiet, filwaqt li jikkunsidraw il-politiki u l-għanijiet ekonomiċi rispettivi u bil-ħsieb li jrawmu l-kummerċ, jaqblu li jippromwovu kooperazzjoni fit-tneħħija tal-ostakli għall-kummerċ tar-riżorsi naturali.
5. Fuq talba ta' xi waħda mill-Partijiet, kull kwistjoni li tirrigwarda l-kummerċ fir-riżorsi naturali tista' tiġi mqajma u indirizzata f'laqgħat tal-Kumitat Konġunt, kif previst fl-Artikolu 49.
Artikolu 38
Edukazzjoni, riċerka, żgħażagħ u taħriġ vokazzjonali
1. Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu kooperazzjoni fl-edukazzjoni, ir-riċerka, iż-żgħażagħ u t-taħriġ vokazzjonali. Huma jaqblu li jżidu l-għarfien dwar l-opportunitajiet edukattivi fl-Unjoni u fl-Afganistan.
2. Il-Partijiet, barra minn hekk, għandhom jinkoraġġixxu azzjoni biex:
(a) |
jinħolqu rabtiet bejn l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja rispettivi, aġenziji speċjalizzati u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ; |
(b) |
jiġi promossi l-iskambju ta' informazzjoni u l-kompetenzi, il-mobilità tal-istudenti, iż-żgħażagħ u persuni li jaħdmu magħhom, riċerkaturi, akkademiċi u esperti oħra; u |
(c) |
jiġu appoġġati t-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-iżvilupp ta' kwalità fit-tagħlim, filwaqt li jittieħed vantaġġ ta' esperjenzi rilevanti oħra li jkunu kisbu f'dan il-qasam. |
3. Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-implimentazzjoni ta' programmi għall-edukazzjoni għolja u għaż-żgħażagħ, bħal pereżempju l-programm Erasmus+ tal-Unjoni, u għall-mobbilità u t-taħriġ tar-riċerkaturi, bħall-programm Marie Skłodowska-Curie, u biex jinkoraġġixxu l-istituzzjonijiet edukattivi tagħhom biex jikkooperaw fi programmi konġunti bil-ħsieb li jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni u l-mobbilità akkademika u jrawmu kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, inkluż billi jsaħħu l-mobbilità taż-żgħażagħ u persuni li jaħdmu magħhom fil-kuntest ta' edukazzjoni u tagħlim mhux formali.
4. Il-kooperazzjoni fir-riċerka għandha tkun imħeġġa, inkluż permezz ta' Orizzont 2020 — il-Programm Qafas tal-Unjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020).
Artikolu 39
Enerġija
1. Il-Partijiet għandhom jaħdmu sabiex isaħħu l-kooperazzjoni fis-settur tal-enerġija, bil-ħsieb li titjieb il-ġenerazzjoni, il-provvista u l-użu tal-enerġija fl-Afganistan, inkluż iżda mhux limitat għal:
(a) |
il-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika; |
(b) |
il-kooperazzjoni teknoloġika mtejba; u |
(c) |
it-taħriġ vokazzjonali; |
2. Il-Partijiet jirrikonoxxu li qafas trasparenti, nondiskriminatorju, mhux ta' tfixkil u bbażat fuq ir-regoli, hu l-aħjar mod biex jinħoloq ambjent favorevoli għall-investiment barrani dirett fis-settur tal-enerġija.
Artikolu 40
Trasport
Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw b'mod attiv f'oqsma ta' interess reċiproku dwar il-mezzi kollha ta' trasport, b'mod partikolari l-avjazzjoni, u konnessjonijiet intermodali, bil-għan, fost oħrajn, li:
(a) |
jiġi ffaċilitat il-moviment ta' merkanzija u passiġġieri; |
(b) |
jiġu żgurati s-sikurezza, is-sigurtà u l-ħarsien tal-ambjent; |
(c) |
jiġi mħarreġ il-persunal; u |
(d) |
jiżdiedu l-opportunitajiet ta' investiment, bil-ħsieb li jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku permezz ta' titjib tal-konnessjonijiet tat-trasport fir-reġjun. |
Artikolu 41
Impjiegi u żvilupp soċjali
1. Fil-kuntest tal-Artikolu 12, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-qasam tal-impjiegi u l-iżvilupp soċjali, inkluż l-iżvilupp tas-suq tax-xogħol u l-impjieg taż-żgħażagħ, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-ugwaljanza bejn is-sessi u x-xogħol deċenti.
2. Il-forom ta' kooperazzjoni jistgħu jinkludu, fost oħrajn, programmi u proġetti speċifiċi, kif maqbula b'mod reċiproku, u djalogu, kooperazzjoni u inizjattivi dwar suġġetti ta' interess komuni fuq livell bilaterali jew multilaterali, bħal fil-kuntest tal-ILO.
Artikolu 42
Agrikoltura, żvilupp rurali, bhejjem u irrigazzjoni
Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw bil-ħsieb li jiżviluppaw il-kapaċitajiet tal-Afganistan fl-oqsma tal-agrikoltura, it-trobbija tal-annimali u l-għajxien rurali. Din il-kooperazzjoni għandha tinkludi:
(a) |
politika agrikola u żieda fil-produttività bil-għan li tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel; |
(b) |
f'konformità mat-Titolu IV, il-possibiltajiet ta' faċilitazzjoni ta' negozju agrikolu u kummerċ f'prodotti agrikoli, inklużi l-kummerċ fil-pjanti, l-annimali, il-bhejjem u l-prodotti tagħhom, fid-dawl ta' żvilupp ulterjuri ta' industriji b'fokus primarju fuq is-settur rurali; |
(c) |
it-trattament xieraq tal-annimali u tal-bhejjem; |
(d) |
l-iżvilupp rurali; |
(e) |
skambju ta' esperjenza u netwerks ta' kooperazzjoni bejn l-aġenti lokali jew l-operaturi ekonomiċi f'oqsma partikolari bħar-riċerka u t-trasferiment tat-teknoloġija; |
(f) |
l-iżvilupp tal-politika dwar is-saħħa u l-kwalità tal-pjanti, l-annimali u l-bhejjem; |
(g) |
proposti u inizjattivi ta' kooperazzjoni sottomessi lill-organizzazzjonijiet agrikoli internazzjonali; |
(h) |
l-iżvilupp ta' agrikultura sostenibbli u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent, inkluża l-produzzjoni tal-għelejjel, il-bijokarburanti u t-trasferiment tal-bijoteknoloġiji; |
(i) |
il-protezzjoni tal-varjetà tal-pjanti, it-teknoloġija taż-żrieragħ, il-bijoteknoloġija agrikola; |
(j) |
l-iżvilupp ta' bażijiet ta' data u netwerk ta' informazzjoni fuq l-agrikoltura u l-bhejjem; u |
(k) |
taħriġ fuq l-agrikoltura u l-qasam veterinarju. |
Artikolu 43
Ambjent u tibdil fil-klima
1. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw bil-għan li jassistu lill-Afganistan biex jintroduċi livell għoli ta' ħarsien ambjentali u jippromwovi l-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali u d-diversità bijoloġika, inklużi l-foresti, fl-interess ta' żvilupp sostenibbli u l-adattament u l-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima.
2. Il-Partijiet għandhom l-għan li jippromwovu r-ratifikazzjoni, l-implimentazzjoni u l-konformità mal-ftehimiet ambjentali multilaterali fuq l-ambjent u t-tibdil fil-klima.
3. Il-Partijiet għandhom l-għan li jsaħħu l-kooperazzjoni fuq l-adattament għat-tibdil u l-mitigazzjoni fil-klima, b'enfasi partikolari fuq ir-riżorsi tal-ilma.
Artikolu 44
Saħħa pubblika
Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni tagħhom se tindirizza r-riforma tas-settur tas-saħħa u l-prevenzjoni u l-kontroll ta' mard maġġuri, inklużi l-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali dwar is-saħħa. Din għandha tinkludi wkoll sforzi biex tkabbar l-aċċess għall-kura tas-saħħa bażika fl-Afganistan, itejjeb il-kwalità ta' servizzi tas-saħħa għall-gruppi vulnerabbli, b'mod partikolari n-nisa u t-tfal, iżid l-aċċess għal ilma nadif u sanità, u tippromwovi l-iġjene.
Artikolu 45
Kultura
1. Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-kooperazzjoni fuq affarijiet kulturali sabiex iżidu l-fehim reċiproku u l-għarfien dwar il-kulturi rispettivi tagħhom. Għal dan l-għan, huma għandhom jappoġġaw u jippromwovu azzjoni rilevanti mis-soċjetà ċivili. Huma għandhom jirrispettaw id-diversità kulturali.
2. Il-Partijiet għandhom jaħdmu biex jieħdu miżuri xierqa sabiex jippromwovu skambji kulturali u jwettqu inizjattivi konġunti f'diversi oqsma kulturali, inkluża l-kooperazzjoni fuq il-konservazzjoni tal-patrimonju.
3. Il-Partijiet jaqblu li jikkonsultaw u jikkooperaw f'fora internazzjonali rilevanti, bħall-Unesco, sabiex isegwu l-għanijiet komuni bħal promozzjoni tad-diversità kulturali kif ukoll il-protezzjoni tal-wirt kulturali. Fir-rigward tad-diversità kulturali, il-Partijiet jaqblu wkoll li jippromwovu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Unesco tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali.
Artikolu 46
Is-soċjetà tal-informazzjoni
Filwaqt li jirrikonoxxu li t-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) huma element ewlieni tal-ħajja moderna u huma ta' importanza vitali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, il-Partijiet għandhom jaqsmu opinjonijiet dwar il-politiki rispettivi tagħhom f'dan il-qasam, bil-għan li jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku, inkluża l-konnettività għall-edukazzjoni u r-riċerka. Huma għandhom, kif opportun, jikkunsidraw kif l-aħjar li jikkooperaw f'dan il-qasam, b'mod partikolari fir-rigward tal-kummerċ fil-prodotti tal-ICT, tal-aspetti regolatorji dwar il-komunikazzjoni elettronika u l-kwistjonijiet tas-soċjetà tal-informazzjoni.
Artikolu 47
Politika awdjoviżiva u tal-midja
Il-Partijiet jinkoraġġixxu, jappoġġaw u jiffaċilitaw l-iskambji, il-kooperazzjoni u d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet u l-aġenti rilevanti tagħhom fl-oqsma tal-politika awdjoviżiva u tal-midja. Huma jaqblu li jistabbilixxu djalogu regolari f'dawn l-oqsma.
TITOLU VII
KOOPERAZZJONI REĠJONALI
Artikolu 48
Kooperazzjoni reġjonali
1. Il-Partijiet jirrikonoxxu li inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali huma meħtieġa biex jerġa jinkiseb l-istatus tal-Afganistan ta' art pont bejn l-Asja Ċentrali, in-Nofsinhar tal-Asja u tal-Lvant Nofsani u biex jkunu stimulati t-tkabbir ekonomiku u l-istabbiltà politika fir-reġjun. F'dan ir-rigward, huma jaqblu li jikkooperaw fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali permezz ta' miżuri li jappoġġaw l-isforzi tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Gvern Afgan, b'mod partikolari l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Kapaċità mtejba tippermetti lill-Gvern biex ikollu rwol akbar fid-diversi proċessi, organizzazzjonijiet u fora reġjonali. Din il-kooperazzjoni tista' tinkludi t-tisħiħ tal-kapacitajiet u l-miżura għall-bini ta' kunfidenza bħal skemi ta' taħriġ, workshops u seminars, skambji ta' esperti, studji, u azzjonijiet oħrajn miftiehma mill-Partijiet.
2. Il-Partijiet ifaħħru u jtennu l-appoġġ tagħhom għall-Proċess ta' Istanbul bħala inizjattiva importanti biex tkun promossal-kooperazzjoni politika bejn l-Afganistan u l-ġirien tiegħu, inkluż permezz ta' miżuri għall-bini ta' kunfidenza, kif miftiehem fil-Konferenza Ministerjali l-Qalba tal-Asja f'Kabul fl-14 ta' Ġunju 2012. L-Unjoni għandha tappoġġa l-isforzi tal-Afganistan biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva ta' miżuri ta' bini ta' kunfidenza u impenji reġjonali oħra.
3. Il-Partijiet jaqblu wkoll li jippromwovu l-kooperazzjoni reġjonali permezz tal-kuntatti diplomatiċi tagħhom u f'fora reġjonali li fihom jipparteċipaw.
TITOLU VIII
QAFAS ISTITUZZJONALI
Artikolu 49
Kumitat Konġunt
1. Kumitat Konġunt huwa hawnhekk stabbilit, magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet fuq l-ogħla livell possibbli, li l-kompiti tiegħu għandhom ikunu li:
(a) |
jiżgura l-funzjonament u l-implimentazzjoni tajba ta' dan il-Ftehim; |
(b) |
jistabbilixxi prijoritajiet fir-rigward tal-għanijiet ta' dan il-Ftehim; |
(c) |
jissorvelja l-iżvilupp tar-relazzjoni komprensiva bejn il-Partijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-promozzjoni tal-għanijiet ta' dan il-Ftehim; |
(d) |
jitlob, kif xieraq, informazzjoni minn kumitati jew korpi oħra stabbiliti taħt ftehimiet oħrajn bejn il-Partijiet u jikkunsidra kull rapport ippreżentat minnhom; |
(e) |
jaqsam opinjonijiet u jagħmel suġġerimenti dwar kull kwistjoni ta' interess komuni, inklużi azzjonijiet futuri u r-riżorsi disponibbli sabiex jitwettqu; |
(f) |
isolvi differenzi li joħorġu mill-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim; u |
(g) |
jeżamina l-informazzjoni kollha ppreżentata minn kull Parti fir-rigward tas-sodisfazzjon tal-obbligi u jagħmel konsultazzjonijiet biex jaqblu dwar soluzzjonijiet għal kull diverġenza, f'konformità mal-Artikolu 54. |
2. Il-Kumitat Konġunt għandu normalment jiltaqa' f'Kabul u fi Brussell b'mod alternat f'data stabbilita bi ftehim reċiproku. Laqgħat straordinarji tal-Kumitat Konġunt jistgħu jsiru bi ftehim bejn il-Partijiet. Il-Kumitat Konġunt għandu jitmexxa b'mod alternattiv minn kull waħda mill-Partijiet. L-aġenda għal-laqgħat għandha tiġi stabbilita bi ftehim bejn il-Partijiet.
3. Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi kumitati speċjali jew gruppi ta' ħidma biex jassistuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. Huwa għandu jiddetermina l-kompożizzjoni u d-dmirijiet ta' tali kumitat jew grupp u kif dan għandu jiffunzjona.
4. Il-Kumitat Konġunt għandu jiżgura l-funzjonament xieraq ta' kull ftehim settorjali jew protokoll li l-Partijiet jikkonkludu fil-kuntest ta' dan il-Ftehim.
5. Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess.
TITOLU IX
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 50
Riżorsi għall-kooperazzjoni
Sakemm ir-regolamenti rispettivi tagħhom, il-proċeduri u r-riżorsi jkunu jippermettu, l-Unjoni għandha tipprovdi l-Afganistan b'assistenza teknika u finanzjarja sabiex jimplimenta l-kooperazzjoni stabbilita f'dan il-Ftehim u l-Afganistan għandu jagħmel disponibbli r-riżorsi meħtieġa, inklużi mezzi finanzjarji, biex jiżgura li jintlaħqu l-għanijiet miftiehma.
Artikolu 51
Kooperazzjoni kontra l-frodi
1. Il-Partijiet għandhom jimplimentaw assistenza finanzjarja f'konformità mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja soda u jikkooperaw fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħhom. Huma għandhom jieħdu miżuri effettivi sabiex jipprevjenu u jiġġieldu l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra għad-dannu tal-interessi finanzjarji tagħhom.
2. Kull ftehim jew strument ta' finanzjament ulterjuri li għandu jiġi konkluż bejn il-Partijiet matul l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jinkludi klawżoli speċifiċi ta' kooperazzjoni finanzjarja li jkopru kontrolli fuq il-post, spezzjonijiet, kontrolli, u miżuri ta' kontra l-frodi, inklużi, fost oħrajn, dawk li jsiru mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi.
3. Għall-finijiet tal-implimentazzjoni xierqa ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet għandhom jiskambjaw informazzjoni u, fuq talba ta' waħda mill-Partijiet, iwettqu konsultazzjonijiet skont il-leġislazzjoni rilevanti.
4. L-awtoritajiet Afgani għandhom jivverifikaw b'mod regolari li l-operazzjonijiet iffinanzjati b'fondi tal-Unjoni jkunu ġew implimentati kif jixraq. Huma għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jipprevjenu l-frodi, il-korruzzjoni u kull attivitajiet illegali oħra li taffettwa fondi bħal dawn. Huma għandhom javżaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar kull miżura ta' dan it-tip.
5. L-awtoritajiet Afgani għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni Ewropea mingħajr telf ta' żmien kull informazzjoni li tirrigwarda każijiet suspettati, jew każijiet attwali ta' frodi, korruzzjoni jew kull attività illegali oħra f'rabta mal-implimentazzjoni ta' fondi tal-Unjoni. F'każ ta' suspett ta' frodi u korruzzjoni, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi għandu jkun ukoll infurmat. L-awtoritajiet Afgani għandhom jinfurmaw ukoll lill-Kummissjoni Ewropea b'kull miżura meħuda f'rabta mal-fatti ikkomunikati skont dan il-paragrafu.
6. L-awtoritajiet Afgani għandhom jiżguraw l-investigazzjoni u prosekuzzjoni ta' każijiet suspettati, u każijiet attwali ta' frodi, korruzzjoni u kull attività illegali oħra għad-dannu tal-fondi tal-Unjoni. Fejn ikun xieraq, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi jista' jassisti lill-awtoritajiet kompetenti Afgani f'dan il-kompitu.
7. Skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni, u esklussivament sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi għandu jiġi awtorizzat, fuq talba, biex iwettaq kontrolli fuq il-post u spezzjonijiet fl-Afganistan. Dawn għandhom ikunu imħejjija u mwettqa f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet Afgani kompetenti. L-awtoritajiet Afgani għandhom jipprovdu lill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi kull għajnuna li jkun jeħtieġ biex ikun jista' jaqdi dmirijietu.
8. L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u l-awtoritajiet kompetenti Afgani jistgħu jaqblu dwar kooperazzjoni ulterjuri fil-qasam ta' kontra l-frodi, inkluża l-konklużjoni ta' arranġamenti operattivi.
Artikolu 52
Żvilupp futur tal-Ftehim
Kull Parti tista' tressaq suġġerimenti sabiex tkabbar l-ambitu tal-kooperazzjoni skont dan il-Ftehim, b'kunsiderazzjoni tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tiegħu.
Artikolu 53
Ftehimiet Oħra
1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, la dan il-Ftehim u lanqas l-azzjoni li tittieħed abbażi tiegħu ma għandhom jaffettwaw il-poteri tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea sabiex iwettqu attivitajiet ta' kooperazzjoni bilaterali jew sabiex jikkonkludu, fejn xieraq, ftehimiet bilaterali u ta' kooperazzjoni mal-Afganistan. Dan il-Ftehim ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni tal-obbligi li jkunu ttieħdu minn kull Parti fil-kuntest tar-relazzjoni tagħha ma' partijiet terzi.
2. Il-Partijiet jistgħu jikkumplimentaw dan il-Ftehim billi jikkonkludu ftehimiet speċifiċi f'kull qasam ta' kooperazzjoni li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu. Dawn il-ftehimiet speċifiċi għandhom ikunu parti integrali tar-relazzjonijiet bilaterali ġenerali kif irregolati b'dan il-Ftehim u għandhom jifformaw parti minn qafas istituzzjonali komuni.
Artikolu 54
Twettiq tal-obbligi
1. Kull Parti tista' tirreferi lill-Kumitat Konġunt b'kull diverġenza fl-applikazzjoni jew fl-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim.
2. Jekk xi Parti tqis li l-Parti l-oħra naqset milli tissodisfa xi wieħed mill-obbligi tagħha skont dan il-Ftehim, hija tista' tieħu miżuri xierqa fir-rigward ta' dan il-Ftehim jew ta' kull ftehim speċifiku msemmi fl-Artikolu 53(2).
3. Qabel ma tagħmel hekk, ħlief f'każijiet ta' urġenza partikolari, din għandha tippreżenta lill-Kumitat Konġunt bl-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa sabiex tiġi eżaminata s-sitwazzjoni fid-dettall, bil-għan li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-Partijiet.
4. Fl-għażla tal-miżuri xierqa, tingħata prijorità lil dawk li jfixklu l-inqas il-funzjonament ta' dan il-Ftehim jew kull ftehim speċifiku msemmi fl-Artikolu 53(2). Dawk il-miżuri għandhom jiġu nnotifikati immedjatament lill-Parti l-oħra u għandhom ikunu suġġetti għal konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt jekk il-Parti l-oħra titlob hekk.
5. Il-Partijiet jaqblu, għall-għanijiet tal-interpretazzjoni korretta u tal-applikazzjoni prattika ta' dan il-Ftehim, li t-terminu “każijiet ta' urġenza partikolari” fil-paragrafu 3 ifisser każ ta' ksur materjali ta' dan il-Ftehim minn waħda mill-Partijiet. Ksur materjali tal-Ftehim jikkonsisti minn:
(a) |
ċaħda ta' dan il-Ftehim mhux sanzjonata mir-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali; jew |
(b) |
ksur ta' xi element essenzjali ta' dan il-Ftehim, kif imsemmi fl-Artikolu 2(3) u 9(2). |
Artikolu 55
Faċilitajiet
Sabiex tiġi faċilitata l-kooperazzjoni fil-qafas ta' dan il-Ftehim, il-Partijiet jaqblu li jipprovdu lill-uffiċjali u lill-esperti li jkunu involuti fl-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni bil-faċilitajiet li jeħtieġu biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom, skont ir-regoli u r-regolamenti interni rispettivi tal-Partijiet.
Artikolu 56
Interessi tas-sigurtà u żvelar ta' informazzjoni
1. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali.
2. L-ebda dispożizzjoni f'dan il-Ftehim ma għandha tiġi interpretata li titlob lil xi Parti li tipprovdi informazzjoni, li l-iżvelar tagħha hija tqis li jmur kontra l-interessi tas-sigurtà essenzjali tagħha.
3. Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jipproteġu kull informazzjoni klassifikata riċevuta matul il-kooperazzjoni tagħhom.
Artikolu 57
Definizzjoni tal-Partijiet
Għall-għanijiet ta' dan il-Ftehim, it-terminu “il-Partijiet” tfisser l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, jew l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom, minn naħa, u l-Afganistan, min-naħa l-oħra.
Artikolu 58
Applikazzjoni territorjali
Dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju li fih jiġi applikat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont il-kundizzjonijiet stipulati f'dawk it-Trattati, u għat-territorju tal-Afganistan.
Artikolu 59
Dħul fis-seħħ, applikazzjoni provviżorja, durata u denunzja
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar ta' wara d-data illi fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri legali meħtieġa għal dan l-għan.
2. Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni u l-Afganistan jaqblu li japplikaw b'mod provviżorju parti minn dan il-Ftehim, kif speċifikat mill-Unjoni, kif stabbilit fil-paragrafu 3, u skont il-proċeduri interni u l-leġislazzjonijiet rispettivi tagħhom kif applikabbli.
3. L-applikazzjoni provviżorja għandha tkun effettiva mill-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha jasal dan li ġej:
(a) |
in-notifika tal-Unjoni dwar it-tlestija tal-proċeduri neċessarji għal dak l-iskop, li tindika l-partijiet tal-Ftehim li għandhom jiġu applikati b'mod provviżorju; u |
(b) |
id-depożitu min-naħa tal-Afganistan tal-istrument ta' ratifika skont il-proċeduri u l-leġislazzjoni applikabbli tiegħu. |
4. Dan il-Ftehim huwa validu għal perijodu inizjali ta' għaxar snin. Dan għandu jiġi awtomatikament estiż għal perijodi konsekuttivi ġodda ta' ħames snin ħlief jekk, sitt xhur qabel l-iskadenza tal-validità tiegħu, Parti tinnotifika bil-miktub l-intenzjoni tagħha li ma testendiħx.
5. Kull emenda għal dan il-Ftehim għandha issir bi ftehim bejn il-Partijiet u tidħol fis-seħħ biss wara li jkunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri legali meħtieġa għal dan l-għan.
6. Kull Parti tista' ttemm dan il-Ftehim billi tagħti lill-Parti l-oħra notifika bil-miktub ta' denunzja. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tkun irċeviet in-notifika.
7. Notifiki konformi ma' dan l-Artikolu għandhom isiru lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Afganistan, skont kif ikun il-każ.
Artikolu 60
Testi awtentiċi
Dan il-Ftehim huwa mfassal duplikatament bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Isvediż, bit-Taljan, bl-Ungeriż, bil-Pashto u bid-Dari, b'kull test ugwalment awtentiku.
Съставено в Мюнхен на осемнадесети февруари две хиляди и седемнадесета година.
Hecho en Múnich el dieciocho de febrero de dos mil diecisiete.
V Mnichově dne osmnáctého února dva tisíce sedmnáct.
Udfærdiget i München, den attende februar to tusind og sytten.
Geschehen zu München am achtzehnten Februar zweitausendsiebzehn.
Kahe tuhande seitsmeteistkümnenda aasta veebruarikuu kaheksateistkümnendal päeval Münchenis.
Έγινε στο Μόναχο, στις δεκαοκτώ Φεβρουαρίου δύο χιλιάδες δεκαεπτά.
Done at Munich on the eighteenth day of February in the year two thousand and seventeen.
Fait à Munich, le dix-huitième jour du mois de février deux mille dix-sept.
Sastavljeno u Münchenu osamnaestog veljače godine dvije tisuće sedamnaeste.
Fatto a Monaco il diciotto di febbraio dell'anno duemilaediciassette.
Minhenē, divi tūkstoši septiņpadsmitā gada astoņpadsmitajā februārī.
Priimta Miunchene du tūkstančiai septynioliktų metų vasario aštuonioliktą dieną.
Kelt Münchenben, a kétezer-tizenhetedik év február havának tizennyolcadik napján.
Magħmul fi Munich fit-tmintax-il jum ta' Frar fis-sena elfejn u sbatax.
Gedaan te München, achttien februari tweeduizend zeventien.
Sporządzono w Monachium osiemnastego dnia lutego roku dwa tysiące siedemnastego.
Feito em Munique aos dezoito dias do mês de fevereiro de dois mil e dezassete.
Întocmit la München la optsprezece februarie două mii șaptesprezece.
V Mníchove osemnásteho februára dvetisíc sedemnásť.
V Münchnu, osemnajstega februarja dva tisoč sedemnajst.
Tehty Münchenissä kahdeksantenatoista päivänä helmikuuta vuonna kaksituhattaseitsemäntoista.
Utfärdat i München den artonde februari år tjugohundrasjutton.
Voor het Koninkrijk België
Pour le Royaume de Belgique
Für das Königreich Belgien
Deze handtekening verbindt eveneens de Vlaamse Gemeenschap, de Franse Gemeenschap, de Duitstalige Gemeenschap, het Vlaamse Gewest, het Waalse Gewest en het Brussels Hoofdstedelijk Gewest.
Cette signature engage également la Communauté française, la Communauté flamande, la Communauté germanophone, la Région wallonne, la Région flamande et la Région de Bruxelles-Capitale.
Diese Unterschrift bindet zugleich die Deutschsprachige Gemeinschaft, die Flämische Gemeinschaft, die Französische Gemeinschaft, die Wallonische Region, die Flämische Region und die Region Brüssel-Hauptstadt.
За Република България
Za Českou republiku
For Kongeriget Danmark
Für die Bundesrepublik Deutschland
Eesti Vabariigi nimel
Thar cheann Na hÉireann
For Ireland
Για την Ελληνική Δημοκρατία
Por el Reino de España
Pour la République française
Za Republiku Hrvatsku
Per la Repubblica italiana
Για την Κυπριακή Δημοκρατία
Latvijas Republikas vārdā –
Lietuvos Respublikos vardu
Pour la Grand-Duché de Luxembourg
Magyarország részéről
Għar-Repubblika ta' Malta
Voor het Koninkrijk der Nederlanden
Für die Republik Österreich
W imieniu Rzeczypospolitej Polskiej
Pela República Portuguesa
Pentru România
Za Republiko Slovenijo
Za Slovenskú republiku
Suomen tasavallan puolesta
För Republiken Finland
För Konungariket Sverige
For the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland
За Европейския съюз
Рог la Unión Europea
Za Evropskou unii
For Den Europæiske Union
Für die Europäische Union
Euroopa Liidu nimel
Για την Ευρωπαϊκή Ένωση
For the European Union
Pour l'Union européenne
Za Europsku uniju
Per l'Unione europea
Eiropas Savienības vārdā –
Europos Sąjungos vardu
Az Európai Unió részéről
Għall-Unjoni Ewropea
Voor de Europese Unie
W imieniu Unii Europejskiej
Pela União Europeia
Pentru Uniunea Europeană
Za Európsku úniu
Za Evropsko unijo
Euroopan unionin puolesta
För Europeiska unionen