EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22016D0088

Deċiżjoni Nru 1 tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Bożnija u Ħerzegovina tal-11 ta' Diċembru 2015 li tadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu [2016/88]

ĠU L 17, 26.1.2016, p. 17–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/88/oj

26.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 17/17


DEĊIŻJONI Nru 1 TAL-KUNSILL TA' STABBILIZZAZZJONI U TA' ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U L-BOŻNIJA U ĦERZEGOVINA

tal-11 ta' Diċembru 2015

li tadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu [2016/88]

IL-KUNSILL TA' STABBILIZZAZZJONI U TA' ASSOĊJAZZJONI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Bożnija u Ħerzegovina, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikoli 115, 116, 118 u 120 tiegħu,

Billi l-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2015,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Presidenza

Il-Partijiet għandhom iżommu l-Presidenza tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u ta' Stabbilizzazzjoni, b'mod alternat, għal perijodu ta' 12-il xahar. L-ewwel perijodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena.

Artikolu 2

Laqgħat

Il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għandu jiltaqa' darba fis-sena f'livell ministerjali. Sessjonijiet speċjali tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni jistgħu jsiru bit-talba ta' waħda mill-Partijiet, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Sakemm ma jsirx ftehim mod ieħor mill-Partijiet, kull sessjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għandha ssir fil-post fejn is-soltu jsiru l-laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fid-data li jaqblu dwarha ż-żewġ Partijiet. Il-laqgħat tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għandhom jissejħu b'mod konġunt mis-Segretarji tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bi qbil mal-President.

Artikolu 3

Rappreżentanza

Il-membri tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni jistgħu jiġu rrappreżentati f'każ li ma jkunux jistgħu jattendu. Jekk membru jixtieq li jiġi rrappreżentat b'dan il-mod, jeħtieġ li huwa jinnotifika lill-President dwar l-isem tar-rappreżentant tiegħu qabel il-laqgħa li fiha se jiġi rrappreżentat b'dan il-mod. Ir-rappreżentant ta' membru tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għandu jeżerċita d-drittijiet kollha ta' dak il-membru.

Artikolu 4

Delegazzjonijiet

Il-membri tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni jistgħu jkunu akkumpanjati minn uffiċjali. Qabel kull laqgħa, il-President għandu jkun infurmat dwar il-konfigurazzjoni tad-delegazzjoni prevista għal kull Parti. Rappreżentant tal-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jattendi l-laqgħat tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bħala osservatur, meta fl-aġenda jidhru ħwejjeġ li jirrigwardaw lill-Bank. Il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni jista' jistieden persuni li mhumiex membri sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu biex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari.

Artikolu 5

Segretarjat

Uffiċjal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u uffiċjal tal-Missjoni tal-Bożnija u Ħerzegovina għall-Unjoni Ewropea għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala Segretarji tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.

Artikolu 6

Korrispondenza

Il-korrispondenza indirizzata lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għandha tintbagħat lill-President tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni fl-indirizz tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Iż-żewġ Segretarji għandhom jiżguraw li l-korrispondenza tiġi mgħoddija lill-President tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u, fejn xieraq, tkun imqassma lil membri l-oħra tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni. Il-korrispondenza li titqassam għandha tintbagħat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lir-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri u lill-Missjoni tal-Bożnija u Ħerzegovina għall-Unjoni Ewropea.

Il-komunikazzjonijiet mill-President tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għandhom jintbagħtu miż-żewġ Segretarji lid-destinatarji u jitqassmu, fejn xieraq, lill-membri l-oħra tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni msemmija fit-tieni paragrafu.

Artikolu 7

Pubbliċità

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni ma għandhomx ikunu pubbliċi.

Artikolu 8

Aġendi għal-laqgħat

1.   Il-President għandu għal kull laqgħa, ifassal aġenda proviżorja. Din għandha tiġi mgħoddija mis-Segretarji tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6 mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa. L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti li fuqhom il-President ikun irċieva talba sabiex dawn jiżdiedu fl-aġenda mhux aktar tard minn 21 jum qabel tinbeda l-laqgħa, għalkemm l-ebda punt ma għandu jitniżżel fl-aġenda proviżorja sakemm ma tkunx intbagħtet id-dokumentazzjoni ta' sostenn lis-Segretarji mhux aktar tard mid-data li fiha tintbagħat l-aġenda. L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni fil-bidu ta' kull laqgħa. Punt apparti dawk li jidhru fl-aġenda proviżorja jista' jitqiegħed fuq l-aġenda jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

2.   Il-President jista', bi ftehim maż-żewġ Partijiet, iqassar l-iskadenzi stipulati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet ta' każ partikolari.

Artikolu 9

Minuti

L-abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa għandu jitħejja miż-żewġ Segretarji. Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jindikaw fir-rigward ta' kull punt fl-aġenda:

id-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni,

id-dikjarazzjonijiet li membru tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni jkun talab li jiddaħħlu,

id-deċiżjonijiet meħuda u r-rakkomandazzjonijiet magħmula, id-dikjarazzjonijiet li kien hemm qbil dwarhom u l-konklużjonijiet adottati.

L-abbozz tal-minuti għandhom jiġi ppreżentat lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għall-approvazzjoni. Meta approvati, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President u ż-żewġ Segretarji. Il-minuti għandhom jiġu ffajljati fl-arkivji tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jservi ta' depożitarju tad-dokumenti tal-Assoċjazzjoni. Kopja ċċertifikata għandha tiġi mgħoddija lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6.

Artikolu 10

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.   Il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet bi qbil bejn il-Partijiet. Il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni jista' jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

2.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, skont l-Artikolu 117 tal-Ftehim, għandhom rispettivament, jingħataw it-titoli “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni” segwiti b'numru ta' serje, bid-data ta' meta ġew adottati u b'deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għandhom jiġu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ Segretarji. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu mgħoddija lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6. Kull Parti tista' tiddeċiedi fuq il-pubblikazzjoni ta' deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 11

Lingwi

Il-lingwi uffiċjali tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali taż-żewġ Partijiet. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għandu jsejjes id-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mfassla f'dawn il-lingwi.

Artikolu 12

Spejjeż

L-Unjoni Ewropea u l-Bożnija u Ħerzegovina, għandhom kull wieħed minnhom iħallas l-ispejjeż li jagħmel biex jipparteċipa fil-laqgħat tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, kemm fir-rigward tal-persunal, tal-spejjeż ta' vjaġġar u ta' sussistenza, kif ukoll tal-ispejjeż ta' posta u ta' telekomunikazzjoni. In-nefqa li għandha x'taqsam mas-servizzi ta' interpretar fil-laqgħat, it-traduzzjoni u r-riproduzzjoni tad-dokumenti kif ukoll infiq ieħor relatat mal-organizzazzjoni tal-laqgħat għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħat.

Artikolu 13

Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni

1.   B'dan ġie stabbilit Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni (“il-Kumitat”) sabiex jgħin lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni fil-qadi ta' dmirijietu. Huwa għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea, min-naħa waħda, u rappreżentanti tal-Kunsill tal-Ministri tal-Bożnija u Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, normalment fil-livell ta' impjegati tas-servizz pubbliku f'kariga għolja.

2.   Il-Kumitat għandu jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni fejn meħtieġ u, inġenerali, jiżgura l-kontinwità fir-relazzjoni ta' assoċjazzjoni kif ukoll it-tħaddim xieraq tal-Ftehim. Huwa għandu jqis kull kwistjoni li tiġi referuta lilu mill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni kif ukoll kull kwistjoni li tista' tinqala' fl-andament tat-twettiq ta' kuljum tal-Ftehim. Huwa għandu jippreżenta proposti jew kull abbozz ta' deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet għall-adozzjoni lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.

3.   F'każijiet fejn il-Ftehim jirriferi għal obbligu li jikkonsulta jew il-possibilità ta' konsultazzjoni, din it-tip ta' konsultazzjoni tista' ssir fil-Kumitat. Il-konsultazzjoni tista' tissokta fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

4.   Ir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat huma annessi ma' din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni

Il-President

F. MOGHERINI


ANNESS

Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni

Artikolu 1

Presidenza

Il-Partijiet għandhom ikollhom il-Presidenza tal-Kumitat, b'mod alternat, għal perijodu ta' 12-il xahar. L-ewwel perijodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta' Diċembru 2015 tal-istess sena.

Artikolu 2

Laqgħat

Il-Kumitat għandu jiltaqa' skont kif jitolbu ċ-ċirkostanzi, bil-ftehim taż-żewġ Partijiet. Kull laqgħa tal-Kumitat għandha ssir fi żmien u f'post miftiehma miż-żewġ Partijiet. Il-laqgħat tal-Kumitat għandhom jissejħu mill-President.

Artikolu 3

Delegazzjonijiet

Qabel kull laqgħa, il-President għandu jkun infurmat dwar il-konfigurazzjoni tad-delegazzjoni prevista għal kull Parti.

Artikolu 4

Segretarjat

Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea flimkien ma' uffiċjal tal-Bożnija u Ħerzegovina, għandhom iservu flimkien bħala Segretarji tal-Kumitat. Il-komunikazzjonijiet kollha lil, u mingħand, il-President tal-Kumitat, previsti f'din id-Deċiżjoni għandhom jiġu mgħoddija lis-Segretarji tal-Kumitat, kif ukoll lis-Segretarji u l-President tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.

Artikolu 5

Pubbliċità

Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat m'għandhomx ikunu pubbliċi.

Artikolu 6

Aġendi għal-laqgħat

1.   Il-President għandu jfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa. Din għandha tiġi mgħoddija mis-Segretarji tal-Kumitat lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4 sa mhux aktar tard minn 30 jum tax-xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa. L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti li fuqhom il-President ikun irċieva talba sabiex dawn jiżdiedu fl-aġenda mhux aktar tard minn 35 jum tax-xogħol qabel tinbeda l-laqgħa, għalkemm l-ebda punt ma għandu jitniżżel fl-aġenda proviżorja sakemm ma tkunx intbagħtet id-dokumentazzjoni ta' sostenn lis-Segretarji mhux aktar tard mid-data li fiha tintbagħat l-aġenda. Il-Kumitat jista' jistieden esperti li mhumiex membri sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari.L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kumitat fil-bidu ta' kull laqgħa. Punt apparti dawk li jidhru fl-aġenda proviżorja jista' jitqiegħed fuq l-aġenda jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

2.   Il-President jista', bi ftehim maż-żewġ Partijiet, iqassar l-iskadenzi stipulati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet ta' każ partikolari.

Artikolu 7

Minuti

Għal kull laqgħa għandhom jittieħdu l-minuti, u dawn għandhom ikunu msejsa fuq is-sommarju tal-konklużjonijiet mill-President, li l-Kumitat ikun wasal għalihom. Meta jiġu approvati mill-Kumitat, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President u mis-Segretarji, u jiġu ffajljati miż-żewġ Partijiet. Kopja tal-minuti għandha tiġi mgħoddija lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4.

Artikolu 8

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Fil-każijiet speċifiċi fejn il-Kumitat jingħata s-setgħa mill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni skont l-Artikolu 118 tal-Ftehim sabiex jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet, dawn l-atti għandhom ikunu intitolati rispettivament “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni”, segwiti b'numru ta' serje, bid-data tal-adozzjoni tagħhom u b'deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet għandhom isiru bi qbil bejn il-Partijiet. Il-Kumitat jista' jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għandhom jiġu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ Segretarji, u għandhom jiġu mgħoddija lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4 ta' dan l-Anness. Kull Parti tista' tiddeċiedi fuq il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 9

Spejjeż

L-Unjoni Ewropea u l-Bożnija u Ħerzegovina, għandhom kull wieħed minnhom iħallas għall-ispejjeż li jagħmel biex jipparteċipa fil-laqgħat tal-Kumitat, kemm fir-rigward tal-persunal, tal-spejjeż ta' vjaġġar u ta' sussistenza, kif ukoll tal-ispejjeż ta' posta u ta' telekomunikazzjoni. In-nefqa li għandha x'taqsam mas-servizzi ta' interpretar fil-laqgħat, it-traduzzjoni u r-riproduzzjoni tad-dokumenti kif ukoll infiq ieħor relatat mal-organizzazzjoni tal-laqgħat għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħat.

Artikolu 10

Sottokumitati u gruppi speċjali

Il-Kumitat jista' jistabbilixxi sottokumitati jew gruppi speċjali sabiex jaħdmu taħt l-awtorità tiegħu.Huma għandhom jippreżentaw lill-Kumitat rapport WARA kull laqgħa li jagħmlu. Il-Kumitat jista' jiddeċiedi li jtemm kwalukwe sottokumitat jew grupp eżistenti, jistipula jew ibiddel it-termini ta' referenza tagħhom jew jistabbilixxi sottokumitati jew gruppi oħra sabiex jgħinuh fil-qadi ta' dmirijietu. Dawk is-sottokumitati u gruppi ma għandu jkollhom l-ebda setgħa ta' teħid ta' deċiżjonijiet.


Top