Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22016A0204(01)

Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra

ĠU L 29, 4.2.2016, p. 3–150 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2016/123/oj

Related Council decision
Related Council decision

4.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 29/3


FTEHIM IMSAĦĦAĦ TA' SĦUBIJA U KOOPERAZZJONI

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra

WERREJ

TITOLU

PREAMBOLU

TITOLU I

PRINĊIPJI ĠENERALI U GĦANIJIET TA' DAN IL-FTEHIM

TITOLU II

DJALOGU POLITIKU; KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-POLITIKA ESTERA U TA' SIGURTÀ

TITOLU III

KUMMERĊ U NEGOZJU

KAPITOLU 1

KUMMERĊ TA' PRODOTTI

KAPITOLU 2

DWANA

KAPITOLU 3

OSTAKOLI TEKNIĊI GĦALL-KUMMERĊ

KAPITOLU 4

KWISTJONIJIET SANITARJI U FITOSANITARJI

KAPITOLU 5

KUMMERĊ FIS-SERVIZZI U STABBILIMENT

TAQSIMA 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

TAQSIMA 2

L-ISTABBILIMENT U L-PROVVISTA TRANSFRUNTIERA TA' SERVIZZI

SUBTAQSIMA 1

L-ATTIVITAJIET EKONOMIĊI KOLLHA

SUBTAQSIMA 2

ATTIVITAJIET EKONOMIĊI MINBARRA SERVIZZI

TAQSIMA 3

PREŻENZA TEMPORANJA TA' PERSUNI FIŻIĊI GĦAL FINIJIET TA' NEGOZJU

TAQSIMA 4

REGOLAMENTAZZJONI DOMESTIKA

TAQSIMA 5

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦAS-SETTUR

TAQSIMA 6

EĊĊEZZJONIJIET

TAQSIMA 7

INVESTIMENT

KAPITOLU 6

ĊAQLIQ TA' KAPITAL U PAGAMENTI

KAPITOLU 7

PROPRJETÀ INTELLETTWALI

TAQSIMA 1

PRINĊIPJI

TAQSIMA 2

STANDARDS LI JIRRIGWARDAW ID-DRITTIJIET TAL-PROPRJETÀ INTELLETTWALI

TAQSIMA 3

INFURZAR TAD-DRITTIJIET TA' PROPRJETÀ INTELLETTWALI

TAQSIMA 4

IR-RESPONSABBILTÀ TA' FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI

KAPITOLU 8

AKKWIST PUBBLIKU MILL-GVERN

KAPITOLU 9

MATERJA PRIMA U ENERĠIJA

KAPITOLU 10

KUMMERĊ U ŻVILUPP SOSTENIBBLI

KAPITOLU 11

KOMPETIZZJONI

KAPITOLU 12

INTRAPRIŻI TAL-ISTAT, INTRAPRIŻI KKONTROLLATI MILL-ISTAT U INTRAPRIŻI MOGĦTIJA DRITTIJIET JEW PRIVILEĠĠI SPEĊJALI JEW ESKLUSSIVI

KAPITOLU 13

TRASPARENZA

KAPITOLU 14

SOLUZZJONI TAT-TILWIM

TAQSIMA 1

OBJETTIV U KAMP TA' APPLIKAZZJONI

TAQSIMA 2

KONSULTAZZJONIJIET U MEDJAZZJONI

TAQSIMA 3

PROĊEDURI GĦAS-SOLUZZJONI TAT-TILWIM

SUBTAQSIMA 1

PROĊEDURA TA' ARBITRAĠĠ

SUBTAQSIMA 2

KONFORMITÀ

SUBTAQSIMA 3

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

TAQSIMA 4

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

TITOLU IV

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-IŻVILUPP EKONOMIKU U SOSTENIBBLI

KAPITOLU 1

DJALOGU EKONOMIKU

KAPITOLU 2

KOOPERAZZJONI FIL-ĠESTJONI TAL-FINANZI PUBBLIĊI, INKLUŻI L-AWDITJAR PUBBLIKU U L-KONTROLL INTERN

KAPITOLU 3

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAT-TASSAZZJONI

KAPITOLU 4

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-ISTATISTIKA

KAPITOLU 5

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-ENERĠIJA

KAPITOLU 6

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAT-TRASPORT

KAPITOLU 7

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-AMBJENT

KAPITOLU 8

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAT-TIBDIL FIL-KLIMA

KAPITOLU 9

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-INDUSTRIJA

KAPITOLU 10

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-INTRAPRIŻI ŻGĦAR U TA' DAQS MEDJU

KAPITOLU 11

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-LIĠI TAL-KUMPANNIJI

KAPITOLU 12

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM BANKARJU, TAL-ASSIGURAZZJONI U SERVIZZI FINANZJARJI OĦRAJN

KAPITOLU 13

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAS-SOĊJETÀ TAL-INFORMAZZJONI

KAPITOLU 14

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAT-TURIŻMU

KAPITOLU 15

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-AGRIKOLTURA U L-IŻVILUPP RURALI

KAPITOLU 16

KOOPERAZZJONI FL-IMPJIEGI, IR-RELAZZJONIJIET INDUSTRIJALI, IL-POLITIKA SOĊJALI U L-OPPORTUNITAJIET INDAQS

KAPITOLU 17

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAS-SAĦĦA

TITOLU V

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-LIBERTÀ, IS-SIGURTÀ U L-ĠUSTIZZJA

TITOLU VI

POLITIKI OĦRA TA' KOOPERAZZJONI

KAPITOLU 1

KOOPERAZZJONI FL-EDUKAZZJONI U T-TAĦRIĠ

KAPITOLU 2

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-KULTURA

KAPITOLU 3

KOOPERAZZJONI FIR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI

KAPITOLU 4

KOOPERAZZJONI FIL-MIDJA U FL-OQSMA AWDJOVIŻIVI

KAPITOLU 5

KOOPERAZZJONI MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI

KAPITOLU 6

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-ISPORT U L-ATTIVITÀ FIŻIKA

KAPITOLU 7

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-PROTEZZJONI ĊIVILI

KAPITOLU 8

KOOPERAZZJONI FUQ L-ATTIVITAJIET SPAZJALI

KAPITOLU 9

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR

KAPITOLU 10

KOOPERAZZJONI REĠJONALI

KAPITOLU 11

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAS-SERVIZZ ĊIVILI

TITOLU VII

KOOPERAZZJONI FINANZJARJA U TEKNIKA

TITOLU VIII

IL-QAFAS ISTITUZZJONALI

TITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

ANNESS I

RIŻERVI F'KONFORMITÁ MAL-ARTIKOLU 46

ANNESS II

LIMITAZZJONIJIET APPLIKATI MIR-REPUBBLIKA TAL-KAŻAKISTAN SKONT L-ARTIKOLU 48(2)

ANNESS III

IL-KAMP TA' APPLIKAZZJONI TAL-KAPITOLU 8 (AKKWIST PUBBLIKU MILL-GVERN) TAT-TITOLU III (KUMMERĊ U NEGOZJU)

ANNESS IV

IL-MEZZI GĦALL-PUBBLIKAZZJONI TA' INFORMAZZJONI DWAR L-AKKWIST U L-AVVIŻI TAL-KAPITOLU 8 (AKKWIST PUBBLIKU MILL-GVERN) TAT-TITOLU III (KUMMERĊ U NEGOZJU)

ANNESS V

REGOLI TA' PROĊEDURA GĦALL-ARBITRAĠĠ SKONT IL-KAPITOLU 14 (SOLUZZJONI TAT-TILWIM) TAT-TITOLU III (KUMMERĊ U NEGOZJU)

ANNESS VI

KODIĊI TA' KONDOTTA GĦALL-MEMBRI TAL-BORDIJIET TAL-ARBITRAĠĠ U MEDJATURI SKONT IL-KAPITOLU 14 (SOLUZZJONI TAT-TILWIM) TAT-TITOLU III (KUMMERĊ U NEGOZJU)

ANNESS VII

MEKKANIŻMU TA' MEDJAZZJONI SKONT IL-KAPITOLU 14 (AKKWIST PUBBLIKU MILL-GVERN) TAT-TITOLU III (KUMMERĊ U NEGOZJU)

PROTOKOLL DWAR ASSISTENZA AMMINISTRATTIVA REĊIPROKA FI KWISTJONIJIET DOGANALI

IR-RENJU TAL-BELĠJU,

IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,

L-IRLANDA,

IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

IR-RENJU TA' SPANJA,

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

IR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA,

IR-REPUBBLIKA TALJANA,

IR-REPUBBLIKA TA' ĊIPRU,

IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

L-UNGERIJA,

IR-REPUBBLIKA TA' MALTA,

IR-RENJU TAL-PAJJIŻI L-BAXXI,

IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

IR-RUMANIJA,

IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,

IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

IR-RENJU TAL-ISVEZJA,

IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ,

Partijiet Kontraenti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejħin “l-Istati Membri”, u

L-UNJONI EWROPEA,

min-naħa l-waħda, u

IR-REPUBBLIKA TAL-KAŻAKISTAN,

min-naħa l-oħra,

minn hawn 'il quddiem imsejħin flimkien “il-Partijiet”,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW ir-rabtiet sodi bejn il-Partijiet u l-valuri komuni tagħhom, u x-xewqa tagħhom li jkomplu jsaħħu u jestendu r-rabtiet stabbiliti fl-imgħoddi permezz tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tal-Każakistan, iffirmat fi Brussell fit-23 ta' Jannar 1995, u l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea u l-Asja Ċentrali għal Sħubija Ġdida adottata mill-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2007, kif ukoll il-programm statali tar-Repubblika tal-Każakistan “Il-Mogħdija lejn l-Ewropa” adottat fl-2008;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-impenn tal-Partijiet lejn l-implimentazzjoni sħiħa tal-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (“il-Karta tan-NU”), tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), partikolarment tal-Att Finali ta' Ħelsinki, kif ukoll normi rikonoxxuti b'mod ġenerali tad-dritt internazzjonali;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-impenn qawwi tal-Partijiet biex isaħħu l-promozzjoni, il-ħarsien u l-implementazzjoni tad-drittijiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem, u r-rispett lejn il-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt, u l-governanza tajba;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-aderenza qawwija tal-Partijiet mal-prinċipji li ġejjin fil-kooperazzjoni tagħhom rigward id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija: il-promozzjoni ta' għanijiet komuni, djalogu politiku miftuħ u kostruttiv, it-trasparenza, u r-rispett għall-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-impenn tal-Partijiet li jżommu mal-prinċipji ta' ekonomija tas-suq ħieles;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza li dejjem tikber tar-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-Ftehim se jkompli jsaħħaħ ir-relazzjoni ekonomika mill-qrib bejn il-Partijiet u joħloq klima ġdida u kundizzjonijiet aħjar għal aktar żvilupp tal-kummerċ u l-investiment bejniethom, inkluż fil-qasam tal-enerġija;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-għan li jittejjeb il-kummerċ u l-investiment, fis-setturi kollha, fuq bażi legali msaħħa, b'mod partikolari dan il-Ftehim u l-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim dwar id-WTO”);

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-impenn tal-Partijiet biex jippromwovu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali u s-soluzzjoni paċifika tat-tilwim, partikolarment billi jikkooperaw b'mod effettiv għal dak l-għan fi ħdan il-qafas tan-NU u tal-OSKE;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW ir-rieda tal-Partijiet biex ikomplu jiżviluppaw djalogu politiku regolari dwar kwistjonijiet bilaterali u internazzjonali ta' interess reċiproku;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-impenn tal-Partijiet lejn l-obbligi internazzjonali fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom u biex jikkooperaw fl-oqsma tan-nonproliferazzjoni, u s-sikurezza u s-sigurtà nukleari;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-impenn tal-Partijiet biex jiġi miġġieled il-kummerċ illeċitu u l-akkumulazzjoni ta' armi ta' kalibru żgħir u armamenti ħfief u filwaqt li jżommu f'moħħhom l-adozzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (“l-ATT”) mill-Assemblea Ġenerali tan-NU;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-importanza tas-sehem attiv tar-Repubblika tal-Każakistan fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea u l-Asja Ċentrali għal Sħubija Ġdida;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-impenn tal-Partijiet biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata u t-traffikar tal-bnedmin u biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-impenn tal-Partijiet li jħaffu d-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom dwar kwistjonijiet marbuta mal-migrazzjoni, b'approċċ komprensiv bl-għan ta' kooperazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-migrazzjoni legali u t-trattament tal-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin, u filwaqt li jagħrfu l-importanza tal-klawżola ta' riammissjoni ta' dan il-Ftehim;

XEWQANA li jiżguraw kundizzjonijiet bilanċjati fir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Każakistan;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-impenn tal-Partijiet lejn il-konformità mad-drittijiet u l-obbligi li joħorġu mis-sħubija fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“id-WTO”), u għal implimentazzjoni trasparenti u nondiskriminatorja ta' dawn id-drittijiet u l-obbligi;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-impenn tal-Partijiet li jirrispettaw il-prinċipju ta' żvilupp sostenibbli, inkluż bil-promozzjoni tal-implimentazzjoni ta' ftehimiet internazzjonali multilaterali u l-kooperazzjoni reġjonali;

XEWQANA li jtejbu l-kooperazzjoni ta' benefiċċju reċiproku fl-oqsma kollha ta' interess reċiproku u t-tisħiħ tal-qafas tagħha kif xieraq;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-ħtieġa ta' kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-enerġija, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-iffaċilitar fl-iżvilupp ta' infrastruttura xierqa, li jibnu fuq il-Memorandum ta' Qbil dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan magħmul fi Brussell fl-4 ta' Diċembru 2006, u fil-kuntest tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li kull kooperazzjoni fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari hija rregolata mill-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u r-Repubblika tal-Każakistan fil-qasam tas-sikurezza nukleari, iffirmat fi Brussell fid-19 ta' Lulju 1999, u li ma taqax taħt dan il-Ftehim;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-impenn tal-Partjiet li jtejbu l-livell tas-sigurtà tas-saħħa pubblika u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem bħala prekundizzjoni għall-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir ekonomiku;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-impenn tal-Partijiet li jtejbu l-kuntatti bejn il-persuni, inkluż permezz tal-kooperazzjoni u l-iskambji fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija, l-iżvilupp tal-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-kultura;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-Partijiet għandhom jippromwovu fehim reċiproku u konverġenza tal-leġislazzjoni u l-qafas regolatorju tagħhom, sabiex isaħħu aktar ir-rabtiet ta' benefiċċju reċiproku u l-iżvilupp sostenibbli;

FILWAQT LI JINNOTAW li f'każ li l-Partijiet jiddeċiedu, fi ħdan il-qafas ta' dan il-Ftehim, li jidħlu fi ftehimiet speċifiċi fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, li kellhom ikunu konklużi mill-Unjoni Ewropea skont it-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet ta' tali ftehimiet futuri ma jkunux jorbtu lir-Renju Unit u/jew lill-Irlanda sakemm l-Unjoni Ewropea, fl-istess ħin mar-Renju Unit u/jew l-Irlanda fir-rigward tar-relazzjonijiet bilaterali preċedenti rispettivi tagħhom, tinnotifika lir-Repubblika tal-Każakistan li r-Renju Unit u/jew l-Irlanda intrabat/intrabtet/intrabtu b'dawn il-ftehimiet bħala parti mill-Unjoni Ewropea f'konformità mal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. B'mod simili, kull miżura sussegwenti interna għall-UE li ma ġietx adottata skont l-imsemmi Titolu V biex jiġi implimentat dan il-Ftehim ma torbotx lir-Renju Unit u/jew lill-Irlanda sakemm dawn ma jkunux innotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem jew li jaċċettaw tali miżuri b'konformità mal-Protokoll Nru 21. Waqt li jinnutaw ukoll li tali ftehimiet futuri jew tali miżuri sussegwenti interni għall-UE jaqgħu taħt il-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness ma' dawk it-Trattati,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

TITOLU I

PRINĊIPJI ĠENERALI U GĦANIJIET TA' DAN IL-FTEHIM

Artikolu 1

Prinċipji ġenerali

Ir-rispett lejn il-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem, kif stipulati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, fl-Atti Finali ta' Ħelsinki tal-OSKE u fil-Karta ta' Pariġi għal Ewropa Ġdida, u strumenti internazzjonali rilevanti oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem, u għall-prinċipju tal-istat tad-dritt, jirfed il-politiki interni u internazzjonali taż-żewġ Partijiet u jikkostitwixxi element essenzjali ta' dan il-Ftehim.

Il-Partijiet itennu l-impenn tagħhom għall-prinċipji ta' ekonomija tas-suq ħieles, il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir ekonomiku.

L-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim tkun ibbażata fuq il-prinċipji tad-djalogu, il-fiduċja u r-rispett reċiproku, is-sħubija ugwali, u l-benefiċċju reċiproku u rispett sħiħ għall-prinċipji u l-valuri minquxa fil-Karta tan-NU.

Artikolu 2

Għanijiet ta' dan il-Ftehim

1.   Dan il-Ftehim jistabbilixxi sħubija u kooperazzjoni mtejba bejn il-Partijiet fil-limiti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, ibbażati fuq l-interess komuni u l-approfondiment tar-relazzjoni fl-oqsma kollha ta' applikazzjoni tiegħu.

2.   Din il-kooperazzjoni hija proċess bejn il-Partijiet li tikkontribwixxi għall-paċi u għall-istabbiltà internazzjonali u reġjonali, u għall-iżvilupp ekonomiku, u hija strutturata madwar il-prinċipji li l-Partijiet jaffermaw mill-ġdid ukoll permezz tal-impenji internazzjonali tagħhom, b'mod partikolari taħt in-NU u l-OSKE.

Artikolu 3

Kooperazzjoni f'organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali

Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw u jiskambjaw opinjonijiet fil-qafas ta' fora u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali.

TITOLU II

DJALOGU POLITIKU; KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-POLITIKA ESTERA U TA' SIGURTÀ

Artikolu 4

Djalogu politiku

Il-Partijiet jiżviluppaw u jsaħħu aktar id-djalogu politiku effettiv fl-oqsma kollha ta' interess reċiproku sabiex jippromwovu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali, inkluż fil-kontinent tal-Ewrasja, abbażi tal-liġi internazzjonali, il-kooperazzjoni effettiva fi ħdan istituzzjonijiet multilaterali, u valuri kondiviżi.

Il-Partijiet jikkooperaw bl-għan li jsaħħu r-rwol tan-NU u l-OSKE, u biex itejbu l-effiċjenza tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali rilevanti.

Il-Partijiet japprofondixxu l-kooperazzjoni u d-djalogu dwar kwistjonijiet ta' sigurtà internazzjonali u l-ġestjoni tal-kriżi sabiex jirrispondu għall-isfidi globali u reġjonali u t-theddidiet maġġuri attwali.

Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jsaħħu l-kooperazzjoni dwar is-suġġetti kollha ta' interess komuni u b'mod partikolari l-osservanza tad-dritt internazzjonali, it-tisħiħ tar-rispett għall-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba. Il-Partijiet jaqblu li jaħdmu biex itejbu l-kundizzjonijiet għal aktar kooperazzjoni reġjonali, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-Asja Ċentrali u lil hinn minnha.

Artikolu 5

Id-demokrazija u l-istat tad-dritt

Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-promozzjoni u l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, inkluż permezz ta' strumenti internazzjonali rilevanti dwar id-drittijiet tal-bniedem.

Din il-kooperazzjoni tinkiseb permezz ta' attivitajiet maqbula reċiprokament bejn il-Partijiet, inkluż billi jissaħħaħ ir-rispett għall-istat tad-dritt, aktar titjib tad-djalogu eżistenti dwar id-drittijiet tal-bniedem, aktar żvilupp tal-istituzzjonijiet demokratiċi, il-promozzjoni ta' sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-korpi tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU u tal-OSKE.

Artikolu 6

Politika estera u ta' sigurtà

Il-Partijiet jintensifikaw id-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà u jindirizzaw, b'mod partikolari, kwistjonijiet ta' prevenzjoni tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet, l-istabbiltà reġjonali, in-nonproliferazzjoni, id-diżarm u l-kontroll tal-armi, is-sigurtà nukleari u l-kontroll tal-esportazzjoni ta' armi u l-prodotti b'użu doppju.

Il-kooperazzjoni tkun ibbażata fuq valuri komuni u interessi reċiproċi, u timmira lejn iż-żieda fl-effettività u t-tqarrib tal-politika, u li jsir użu mill-fora bilaterali, internazzjonali u reġjonali.

Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom lejn il-prinċipji ta' rispett lejn l-integrità territorjali, l-invjolabbiltà tal-fruntieri, is-sovranità u l-indipendenza, kif stabbiliti fil-Karta tan-NU u fl-Att Finali ta' Ħelsinki tal-OSKE, u l-impenn tagħhom li jippromwovu dawk il-prinċipji fir-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali tagħhom.

Artikolu 7

Sigurtà spazjali

Il-Partijiet jippromwovu t-tisħiħ tas-sikurezza, is-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-attivitajiet kollha marbuta mal-ispazju, u jaqblu li jaħdmu flimkien fuq livelli bilaterali, reġjunali u internazzjonali bl-għan li jiġu salvagwardjati l-użi paċifiċi tal-ispazju extratmosferiku. Iż-żewġ Partijiet jinnotaw l-importanza tal-prevenzjoni ta' tellieqa tal-armi fl-ispazju extratmosferiku.

Artikolu 8

Reati serji ta' tħassib internazzjonali

Il-Partijiet jirriaffermaw li l-aktar reati serji ta' tħassib għall-komunità internazzjonali b'mod ġenerali ma jistgħux ma jiġux penalizzati u li l-prosekuzzjoni tagħhom għandha tiġi żgurata billi jittieħdu miżuri fil-livell internazzjonali jew domestiku, inkluż permezz tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.

Waqt li l-preservazzjoni tal-integrità tal-Istatut ta' Ruma tingħata konsiderazzjoni dovuta, il-Partijiet jaqblu li jkollhom djalogu dwar, u jfittxu li jieħdu passi lejn, l-adeżjoni universali mal-Istatut ta' Ruma f'konformità mal-liġijiet rispettivi tagħhom, inkluż l-għoti ta' għajnuna għall-bini ta' kapaċità.

Artikolu 9

Prevenzjoni ta' kunflitti u ġestjoni tal-kriżijiet

Il-Partijiet isaħħu l-kooperazzjoni dwar il-prevenzjoni ta' konflitti, is-soluzzjoni tal-kunflitti reġjonali u l-ġestjoni tal-kriżijiet sabiex jinħoloq ambjent ta' paċi u stabbiltà.

Artikolu 10

Stabbiltà reġjonali

Il-Partijiet jintensifikaw l-isforzi konġunti tagħhom biex jippromwovu l-istabbiltà u s-sigurtà fl-Asja Ċentrali kif ukoll biex itejbu l-kundizzjonijiet għal aktar kooperazzjoni reġjonali, fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti mill-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-OSKE u dokumenti multilaterali oħra rilevanti, li magħhom jaderixxu ż-żewġ Partijiet.

Artikolu 11

Il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva

Il-Partijiet iqisu li l-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva (AQM) u l-mezzi tal-kunsinna tagħhom, kemm lil atturi statali kif ukoll lil dawk mhux statali, tirrappreżenta waħda mill-akbar theddidiet serji għall-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali.

Il-Partijiet jikkoperaw u jikkontribwixxu fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom permezz ta' konformità sħiħa ma' u l-implimentazzjoni tal-obbligi tat-trattat internazzjonali rispettivi tagħhom u obbligi internazzjonali rilevanti oħra fil-qasam tad-diżarm u n-nonproliferazzjoni. Il-Partijiet jaqblu li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi element essenzjali ta' dan il-Ftehim.

Il-kooperazzjoni f'dan il-qasam tiġi implimentata, inkluż permezz ta':

(a)

l-iżvilupp ulterjuri tas-sistemi ta' kontroll tal-esportazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam ma' prodotti militari u oġġetti u teknoloġiji b'użu doppju;

(b)

l-istabbiliment ta' djalogu politiku regolari dwar il-kwistjonijiet koperti minn dan l-Artikolu.

Artikolu 12

Armi ħfief u ta' kalibru żgħir

Il-Partijiet jikkooperaw u jiżguraw il-koordinazzjoni, il-kumplimentarjetà u s-sinerġija fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra l-kummerċ illegali ta' armi żgħar u ta' kalibru żgħir, inkluż il-munizzjon tagħhom, fil-livelli rilevanti kollha, u jaqblu li jkomplu djalogu politiku regolari, inkluż fil-qafas multilaterali.

Din il-kooperazzjoni tiġi implimentata mill-Partijiet skont il-ftehimiet internazzjonali eżistenti u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, kif ukoll l-impenji tagħhom fil-qafas ta' strumenti internazzjonali oħrajn applikabbli f'dan il-qasam li magħhom jaderixxu l-Partijiet. Iż-żewġ Partijiet huma konvinti f'dan ir-rigward dwar il-valur tal-ATT.

Artikolu 13

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu

Il-Partijiet jaqblu li jaħdmu flimkien fuq livelli bilaterali, reġjunali u internazzjonali biex jipprevjenu u jikkombattu t-terroriżmu skont l-istat tad-dritt, id-dritt internazzjonali, l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja u d-deċiżjonijiet rilevanti tan-NU, inkluża l-Istrateġija Globali tan-NU Kontra t-Terroriżmu.

Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet jkollha fil-mira li:

(a)

timplimenta, kif xieraq, ir-riżoluzzjonijiet tan-NU, l-Istrateġija Globali tan-NU Kontra t-Terroriżmu, u l-impenji tagħhom taħt konvenzjonijiet u strumenti internazzjonali oħra dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu;

(b)

tiskambja l-informazzjoni dwar atti ta' terroriżmu ppjanati u mwettqa, forom u metodi ta' twettiq ta' dawn, u gruppi terroristi li jippjanaw, iwettqu jew wettqu xi reat fit-territorju ta' Parti oħra, skont il-liġi internazzjonali u l-leġislazzjoni domestika;

(c)

tiskambja l-esperjenza fil-prevenzjoni ta' kull forma ta' terroriżmu, inkluż il-provokazzjoni pubblika fuq l-Internet sabiex jitwettaq reat terroristiku, kif ukoll esperjenza fil-mezzi u l-metodi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-esperjenza f'oqsma tekniċi u taħriġ, offruti jew imħallsa minn istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-Unjoni Ewropea;

(d)

tintensifika sforzi komuni kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u tiskambja opinjonijiet dwar il-proċessi ta' radikalizzazzjoni u reklutaġġ; u

(e)

tiskambja l-aħjar prassi fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.

TITOLU III

KUMMERĊ U NEGOZJU

KAPITOLU 1

Kummerċ ta' prodotti

Artikolu 14

It-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit

1.   Kull Parti għandha tagħti t-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit lill-prodotti tal-Parti l-oħra f'konformità mal-Artikolu I tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (GATT 1994), inklużi n-noti interpretattivi tiegħu, li huma inkorporati fil-Ftehim u magħmula parti minnu, mutatis mutandis.

2.   Il-paragrafu 1 m'għandux japplika fir-rigward ta' trattament preferenzjali mogħti minn xi waħda mill-Partijiet għall-prodotti ta' pajjiż ieħor skont il-GATT 1994.

Artikolu 15

It-trattament nazzjonali

Kull Parti tagħti trattament nazzjonali lill-prodotti tal-Parti l-oħra skont l-Artikolu III tal-GATT tal-1994, inklużi n-noti interpretattivi tiegħu, li huma inkorporati f'dan it-Trattat u magħmula parti minnu, mutatis mutandis.

Artikolu 16

Dazji doganali fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni

Kull Parti tapplika dazji doganali ta' importazzjoni u esportazzjoni skont l-impenji tariffarji tad-WTO tagħha.

Artikolu 17

Restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni

L-ebda Parti ma tista' tistitwixxi jew iżżomm xi projbizzjoni jew restrizzjoni ħlief dazji, taxxi jew imposti oħra, kemm jekk magħmula effettivi permezz ta' kwoti, liċenzji ta' importazzjoni jew ta' esportazzjoni jew miżuri oħrajn, fuq l-importazzjoni ta' kwalunkwe prodott tal-Parti l-oħra kif ukoll fuq l-esportazzjoni jew il-bejgħ għall-esportazzjoni ta' kwalunkwe prodott destinat għat-territorju tal-Parti l-oħra, skont l-Artikolu XI tal-GATT 1994, inklużi n-noti interpretattivi tiegħuli huma inkorporati f'dan il-Ftehim u magħmula parti minnu, mutatis mutandis.

Artikolu 18

Ammissjoni temporanja tal-prodotti

Kull Parti għandha teżenta lill-Parti l-oħra mill-imposti ta' importazzjoni u mid-dazji fuq il-prodotti ammessi temporanjament, fil-każijiet u skont il-proċeduri stipulati minn xi konvenzjoni oħra internazzjonali dwar id-dħul temporanju ta' prodotti li jorbtu. Din l-eżenzjoni tiġi applikata skont il-leġislazzjoni tal-Parti li tagħti l-eżenzjoni.

Artikolu 19

Tranżitu

Il-Partijiet jaqblu li l-prinċipju tal-libertà tat-transitu huwa kundizzjoni essenzali biex jintlaħqu l-għanijiet ta' dan il-Ftehim. F'dan ir-rigward, kull waħda mill-Partijiet tipprovdi għall-libertà tat-transitu mit-territorju tagħha tal-prodotti kkunsinnati minn jew li huma destinati għat-territorju doganali tal-Parti l-oħra skont l-Artikolu V tal-GATT 1994, inklużi n-noti interpretattivi tiegħu, li huma inkorporati f'dan il-Ftehim u magħmula parti minnu, mutatis mutandis.

Artikolu 20

Miżuri ta' salvagwardja

Xejn f'dan il-Ftehim m'għandu jippreġudika jew jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi ta' xi waħda mill-Partijiet skont l-Artikolu XIX tal-GATT 1994 u l-Ftehim tad-WTO dwar is-Salvagwardji.

Artikolu 21

Salvagwardja speċjali dwar l-agrikoltura

Xejn f'dan il-Ftehim ma jippreġudika jew jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi ta' xi waħda mill-Partijiet skont l-Artikolu 5 (Dispożizzjonijiet Speċjali ta' Salvagwardja) tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura tad-WTO.

Artikolu 22

Miżuri ta' antidumping u miżuri kompensatorji

1.   Xejn f'dan il-Ftehim m'għandu jippreġudika jew jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi ta' xi waħda mill-Partijiet skont l-Artikolu VI tal-GATT 1994, il-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 u l-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kompensatorji (“il-Ftehim dwar l-SMK”).

2.   Qabel ma ssir id-determinazzjoni finali, il-Partijiet għandhom jiżguraw id-divulgazzjoni tal-fatti essenzali kollha għall-kunsiderazzjoni li jiffurmaw il-bażi għad-deċiżjoni biex jiġu applikati l-miżuri, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6.5 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 u l-Artikolu 12.4 tal-Ftehim dwar l-SMK. Id-divulgazzjonijiet għandhom jippermettu lill-partijiet interessati żmien biżżejjed biex jagħmlu l-kummenti tagħhom.

3.   Sakemm dan ma jittardjax bla bżonn l-andament tal-investigazzjoni, kull parti interessata tingħata l-opportunità ta' smigħ sabiex tesprimi l-opinjonijiet tagħha waqt l-investigazzjonijiet dwar l-antidumping jew dawk kumpensatorji.

4.   Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu ma jkunux suġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim f'dan il-Ftehim.

Artikolu 23

Ipprezzar

Kull Parti tiżgura li l-impriżi jew l-entitajiet li lilhom tagħti drittijiet speċjali jew esklussivi jew li hija tikkontrolla, u li jbiegħu prodotti fis-suq domestiku u li jesportaw ukoll l-istess prodott, iżommu kontijiet separati sabiex dan li ġej jiġi aċċertat b'mod ċar:

(a)

l-ispejjeż u d-dħul marbutin mal-attivitajiet domestiċi u internazzjonali; u

(b)

dettalji sħaħ dwar il-metodi li bihom l-ispejjeż u d-dħul huma assenjati jew allokati lil attivitajiet domestiċi jew internazzjonali.

Dawn il-kontijiet separati għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji kontabilistiċi tal-kawżalità, l-oġġettività, it-trasparenza u l-konsistenza, skont standards tal-kontabilità rikonoxxuti internazzjonalment u jkunu bbażati fuq data awditjata.

Artikolu 24

Eċċezzjonijiet

1.   Il-Partijiet jaffermaw li d-drittijiet u l-obbligi eżistenti tagħhom skont l-Artikolu XX tal-GATT 1994 u n-noti interpretattivi tiegħu japplikaw għall-kummerċ fi prodotti koperti minn dan il-Ftehim, mutatis mutandis. Għal dak l-għan, l-Artikolu XX tal-GATT 1994 u n-noti interpretattivi tiegħu huma inkorporati f'dan il-Ftehim u magħmula parti minnu, mutatis mutandis.

2.   Il-Partijiet jifhmu li qabel ma jittieħdu xi miżuri previsti fis-subparagrafi (i) u (j) tal-Artikolu XX tal-GATT 1994, il-Parti li tkun beħsiebha tieħu l-miżuri tipprovdi lill-Parti l-oħra bl-informazzjoni kollha rilevanti, bl-iskop li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-Partijiet. Il-Partijiet jistgħu jiftiehmu dwar kull mezz li jkun meħtieġ sabiex itemmu d-diffikultajiet. Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim fi żmien 30 jum li tiġi pprovduta tali informazzjoni, il-Parti tista' tapplika miżuri skont dan l-Artikolu fuq il-prodott ikkonċernat. Fejn ċirkostanzi eċċezzjonali u kritiċi li jkunu jeħtieġu azzjoni immedjata jagħmlu informazzjoni jew eżami minn qabel impossibbli, il-Parti li tkun beħsiebha tieħu l-miżuri tista' tapplika minnufih il-miżuri ta' prekawzjoni neċessarji sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni u tgħarraf minnufih lill-Parti l-oħra dwar dan.

3.   Ir-Repubblika tal-Każakistan tista' żżomm ċerti miżuri inkonsistenti mal-Artikoli 14, 15 u 17 ta' dan il-Ftehim, identifikati fil-Protokoll dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Każakistan mad-WTO, sad-data tal-iskadenza tal-perijodi ta' tranżizzjoni stipulata għal dawn il-miżuri f'dak il-Protokoll.

KAPITOLU 2

Dwana

Artikolu 25

Kooperazzjoni doganali

1.   Il-Partijiet isaħħu l-kooperazzjoni fil-qasam doganali biex jiżguraw ambjent tal-kummerċ trasparenti, jiffaċilitaw il-kummerċ, isaħħu s-sigurtà tal-katina tal-provvista, jippromwovu s-sikurezza tal-konsumaturi, iwaqqfu l-flussi ta' prodotti li jiksru d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u jiġġieldu l-kuntrabandu u l-frodi.

2.   Sabiex jimplimentaw dawk l-objettivi u fil-konfini tar-riżorsi disponibbli, il-Partijiet għandhom jikkooperaw, fost l-oħrajn, sabiex:

(a)

itejbu l-liġi doganali, jarmonizzaw u jissimplifikaw il-proċeduri doganali, f'konformità mal-konvenzjonijiet u l-istandards internazzjonali applikabbli fil-qasam doganali u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ, inklużi dawk żviluppati mill-Unjoni Ewropea (inklużi l-Customs Blueprints), l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (partikolarment il-Konvenzjoni riveduta ta' Kyoto);

(b)

jistabbilixxu sistemi doganali moderni, inklużi teknoloġiji ta' approvazzjoni doganali moderni, dispożizzjonijiet għal operaturi ekonomiċi awtorizzati, analiżi u kontrolli awtomatizzati bbażati fuq ir-riskju, proċeduri ssimplifikati għar-rilaxx tal-merkanzija, kontrolli a posteriori, valutazzjoni doganali trasparenti, u dispożizzjonijiet għas-sħubiji bejn id-dwana u n-negozji;

(c)

jinkoraġġixxu l-ogħla standards ta' integrità fil-qasam tad-dwana, partikolarment fil-fruntieri, permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri li jirriflettu l-prinċipji stabbiliti fid-Dikjarazzjoni ta' Arusha tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali;

(d)

jiskambjaw l-aħjar prattiki, u jipprovdu taħriġ u appoġġ tekniku għall-ippjanar u l-bini tal-kapaċità u biex jiżguraw li l-ogħla standards ta' integrità;

(e)

jiskambjaw, fejn xieraq, informazzjoni u data rilevanti filwaqt li jirrispettaw ir-regoli tal-Partijiet dwar il-kunfidenzjalità ta' data sensittiva u dwar il-protezzjoni tad-data personali;

(f)

jimpenjaw ruħhom f'azzjonijiet doganali kkoordinati bejn l-awtoritajiet doganali tal-Partijiet;

(g)

jistabbilixxu, fejn ikun rilevanti u xieraq, ir-rikonoxximent reċiproku ta' programmi tal-operaturi ekonomiċi awtorizzati u kontrolli doganali, inklużi miżuri ta' faċilitazzjoni tal-kummerċ ekwivalenti;

(h)

isegwu, fejn rilevanti u xieraq, possibiltajiet għall-interkonnessjoni ta' sistemi ta' tranżitu doganali rispettivi.

3.   Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jistabbilixxi Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali.

4.   Għandu jsir djalogu regolari dwar il-kwistjonijiet koperti f'dan il-Kapitolu. Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni jista' jistabbilixxi regoli għat-tmexxija ta' dan id-djalogu.

Artikolu 26

Assistenza Amministrattiva Reċiproka

Mingħajr preġudizzju għall-forom oħra ta' kooperazzjoni previsti f'dan il-Ftehim, b'mod partikolari fl-Artikolu 25, il-Partijiet jipprovdu lil xulxin b'għajnuna amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali skont il-Protokoll għal dan il-Ftehim dwar l-Għajnuna Amministrattiva Reċiproka fi Kwistjonijiet Doganali.

Artikolu 27

Valwazzjoni doganali

Il-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VII tal-GATT 1994 jirregola l-valwazzjoni doganali tal-prodotti applikati għall-kummerċ bejn il-Partijiet. Id-dispożizzjonijiet tiegħu huma b'dan inkorporati fil-Ftehim u magħmula parti minnu, mutatis mutandis.

KAPITOLU 3

Ostakoli tekniċi għall-kummerċ

Artikolu 28

Ftehim tad-WTO dwar l-Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ

Il-Partijiet jaffermaw li fir-relazzjonijiet tagħhom huma jirrispettaw id-drittijiet u l-obbligi tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ (“il-Ftehim dwar l-OTK”) li huwa inkorporat u magħmul parti minn dan il-Ftehim, mutatis mutandis.

Artikolu 29

Ir-regolamentazzjoni teknika, l-istandardizzazzjoni, il-metroloġija, l-akkreditazzjoni, is-sorveljanza tas-suq u l-valutazzjoni tal-konformità

1.   Il-Partijiet jaqblu li:

(a)

inaqqsu d-differenzi li jeżistu bejniethom fl-oqsma tal-istandardizzazzjoni tar-regolamentazzjoni teknika, il-metroloġija legali, l-akkreditazzjoni, is-sorveljanza tas-suq u l-valutazzjoni tal-konformità, inkluż billi jħeġġu l-użu ta' strumenti maqbula internazzjonalment f'dawk l-oqsma;

(b)

jippromwovu l-użu tal-akkreditazzjoni f'konformità mar-regoli internazzjonali b'appoġġ lejn korpi ta' valutazzjoni ta' konformità u l-attivitajiet tagħhom; u

(c)

jippromwovu l-parteċipazzjoni u, fejn possibbli, is-sħubija tar-Repubblika tal-Każakistan u l-korpi rilevanti tagħha fl-organizzazzjonijiet Ewropej li l-attività tagħhom hija relatata ma' standardizzazzjoni, metroloġija, valutazzjoni tal-konformità u funzjonijiet relatati.

2.   Il-Partijiet jimmiraw li jistabbilixxu u jżommu proċess li permezz tiegħu jinkiseb l-allinjament gradwali tar-regolamenti tekniċi tagħhom, l-istandards u l-proċeduri ta' valutazzjoni ta' konformità.

3.   Għal oqsma li fihom inkiseb l-allinjament, il-Partijiet jistgħu jikkunsidraw in-negozjar ta' ftehimiet dwar il-valutazzjoni tal-konformità u l-aċċettazzjoni ta' prodotti industrijali.

Artikolu 30

Trasparenza

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 13 (Trasparenza) ta' dan it-Titolu, kull Parti tiżgura li l-proċeduri tagħha għall-iżvilupp ta' regolamenti tekniċi u proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità jippermettu li ssir konsultazzjoni pubblika mal-partijiet interessati fi stadju bikri xieraq meta l-kummenti li jirriżultaw mill-konsultazzjoni pubblika jkunu għadhom jistgħu jiddaħħlu u jitqiesu, ħlief meta dan ma jkunx possibbli minħabba emerġenza jew theddida ta' emerġenza relatati mas-sikurezza, is-saħħa, il-ħarsien tal-ambjent jew is-sigurtà nazzjonali.

2.   Skont l-Artikolu 2.9 tal-Ftehim dwar l-OTK, kull Parti għandha tikkonċedi perijodu għall-kummenti fi stadju bikri xieraq wara n-notifika ta' regolamenti tekniċi proposti jew proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità. Fejn proċess ta' konsultazzjoni dwar proposti ta' abbozzi ta' regolamenti tekniċi jew proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità huwa miftuħ għall-pubbliku, kull Parti tippermetti lill-Parti l-oħra, jew lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jinsabu fit-territorju tal-Parti l-oħra, jipparteċipaw fuq termini li mhumiex inqas favorevoli minn dawk mogħtija lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jinsabu fit-territorju ta' dik il-Parti.

3.   Kull Parti għandha tassigura li r-regolamenti tekniċi adottati u l-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità jkunu disponibbli pubblikament.

KAPITOLU 4

Kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji

Artikolu 31

Għan

L-għan ta' dan il-Kapitolu huwa li jistabbilixxi prinċipji applikabbli għal miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS) u għal kwistjonijiet ta' trattament xieraq tal-annimali fil-kummerċ bejn il-Partijiet. Dawn il-prinċipji għandhom jiġu applikati mill-Partijiet b'mod li jkomplu jiffaċilitaw il-kummerċ, filwaqt li jżommu l-livell ta' kull Parti rigward il-protezzjoni tal-ħajja jew tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti.

Artikolu 32

Prinċipji

1.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li jiġu żviluppati u applikati miżuri SPS fuq il-bażi tal-prinċipji ta' proporzjonalità, ta' trasparenza, ta' nondiskriminazzjoni, u ta' ġustifikazzjoni xjentifika.

2.   Kull Parti għandha tiżgura li l-miżuri SPS tagħha ma jiddiskriminawx b'mod arbitrarju jew mhux iġġustifikat bejn it-territorju tagħha stess u t-territorju tal-Parti l-oħra sa fejn jipprevalu kundizzjonijiet identiċi jew simili. Il-miżuri SPS m'għandhomx jiġu applikati b'manjiera li tkun tikkostitwixxi restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ.

3.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-miżuri, il-proċeduri jew il-kontrolli SPS jiġu implimentati u talbiet għal informazzjoni jiġu indirizzati mill-awtoritajiet rilevanti ta' kull Parti mingħajr dewmien żejjed, u b'mod mhux inqas favorevoli għall-prodotti importati milli għal prodotti simili domestiċi.

Artikolu 33

Rekwiżiti għall-Importazzjoni

1.   Ir-rekwiżiti għall-importazzjoni tal-Parti importatriċi jkunu applikabbli għat-territorju kollu tal-Parti esportatriċi, suġġett għall-Artikolu 35 ta' dan il-Kapitolu. Ir-rekwiżiti għall-importazzjoni stabbiliti fiċ-ċertifikati huma bbażati fuq il-prinċipji tal-Codex Alimentarius (“Codex”) tal-Kummissjoni, tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) u tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (IPPC), sakemm ir-rekwiżiti għall-importazzjoni ma jkunux ġustifikati minn valutazzjoni tar-riskju msejsa fuq ix-xjenza, mwettqa skont ir-regoli internazzjonali applikabbli kif previst fil-Ftehim tad-WTO dwar l-Applikazzjoni ta' Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (“il-Ftehim SPS”).

2.   Ir-rekwiżiti stabbiliti f'permessi ta' importazzjoni m'għandux ikun fihom kundizzjonijiet sanitarji u veterinarji aktar stretti mill-kundizzjonijiet stipulati fiċ-ċertifikati skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 34

Ekwivalenza

Wara talba mill-Parti esportatriċi u soġġetta għall-evalwazzjoni sodisfaċenti mill-Parti importatriċi, l-ekwivalenza għandha tiġi rikonoxxuta mill-Partijiet, wara proċeduri internazzjonali rilevanti, fir-rigward ta' miżura individwali u/jew gruppi ta' miżuri u/jew sistemi applikabbli b'mod ġenerali jew għal settur jew parti minn settur.

Artikolu 35

Miżuri marbuta mas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti

1.   Il-Partijiet għandhom jirrikonoxxu l-kunċett ta' żoni ħielsa mill-mard jew ħielsa minn organiżmi ta' ħsara, u żoni bi prevalenza baxxa ta' mard jew organiżmi ta' ħsara, skont il-Ftehim SPS u l-istandards, il-linji gwida jew ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Codex, tal-OIE u tal-IPPC.

2.   Meta jiddeterminaw żoni ħielsa mill-mard jew ħielsa minn organiżmi ta' ħsara u żoni bi prevalenza baxxa ta' mard jew ta' organiżmi ta' ħsara, il-Partijiet jikkunsidraw fatturi bħall-qagħda ġeografika, l-ekosistemi, is-sorveljanza epidemjoloġika u l-effikaċja tal-kontrolli sanitarji jew fitosanitarji f'dawn iż-żoni.

Artikolu 36

Il-faċilitazzjoni tal-kummerċ

1.   Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw u japplikaw għodod ta' faċilitazzjoni tal-kummerċ abbażi tar-rikonoxximent mill-Parti importatriċi tas-sistemi ta' spezzjoni u ċertifikazzjoni tal-Parti esportatriċi.

2.   L-għodod bħal dawn għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ għandhom l-għan li jevitaw l-ispezzjoni mill-Parti importatriċi ta' kull konsenja jew kull stabbiliment esportatur fit-territorju tal-Parti esportatriċi skont il-leġislazzjoni eżistenti. Dawn jistgħu jinkludu l-approvazzjoni ta' stabbiliment esportatur u l-istabbiliment ta' listi ta' stabbilimenti li jesportaw fit-territorju tal-Parti esportatriċi abbażi ta' garanziji mogħtija mill-Parti esportatriċi.

Artikolu 37

Spezzjonijiet u Verifiki

L-ispezzjonijiet u l-verifiki mwettqa mill-Parti importatriċi fit-territorju tal-Parti esportatriċi biex tevalwa s-sistemi ta' spezzjoni u ta' ċertifikazzjoni ta' din tal-aħħar għandhom jitwettqu f'konformità mal-istandards, mal-linji gwida u mar-rakkomandazzjonijiet internazzjonali rilevanti. L-ispejjeż tal-ispezzjonijiet u l-verifiki għandhom jiġġarrbu mill-Parti li twettaq il-verifiki u l-ispezzjonijiet.

Artikolu 38

Skambju ta' informazzjoni u kooperazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom jiddiskutu u jiskambjaw l-informazzjoni dwar il-miżuri SPS eżistenti u l-miżuri dwar it-trattament xieraq tal-annimaliu dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tagħhom. Tali diskussjonijiet u skambju ta' informazzjoni, fejn xieraq, jieħdu kont tal-Ftehim SPS u l-istandards, il-linji gwida jew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Codex, l-IPPC u l-OIE.

2.   Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw dwar it-trattament xieraq tal-annimali u l-pjanti permezz tal-iskambju ta' informazzjoni, il-kompetenzi u l-esperjenzi bl-għan li tinbena l-kapaċità f'dan il-qasam. Kooperazzjoni bħal din għandha tkun speċifika għall-ħtiġijiet ta' kull Parti u titwettaq bl-għan li tassisti lil kull Parti biex tikkonforma mal-qafas ġuridiku tal-Parti l-oħra.

3.   Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu djalogu f'waqtu dwar il-kwistjonijiet SPS jekk xi waħda mill-Partijiet titlob dan, biex jiġu kkunsidrati kwistjonijiet relatati ma' kwistjonijiet SPS u kwistjonijiet urġenti oħra koperti minn dan il-Kapitolu. Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni jista' jadotta regoli għat-twettiq ta' dawn id-djalogi.

4.   Il-Partijiet għandhom jaħtru u jaġġornaw regolarment punti ta' kuntatt għall-komunikazzjoni dwar kwistjonijiet koperti minn dan il-Kapitolu.

KAPITOLU 5

Kummerċ fis-servizzi u stabbiliment

Taqsima 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 39

Objettiv, kamp ta' applikazzjoni u kopertura

1.   Il-Partijiet, waqt li jaffermaw mill-ġdid l-impenji rispettivi tagħhom skont il-Ftehim tad-WTO, b'dan jistabbilixxu l-arranġamenti meħtieġa bl-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet reċiproċi għall-kummerċ fis-servizzi u l-istabbiliment.

2.   Xejn f'dan il-Kapitolu m'għandu jinftiehem li jimponi xi obbligu fir-rigward tal-akkwist pubbliku mill-gvern soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 8 (Akkwist Pubbliku mill-Gvern) ta' dan it-Titolu.

3.   Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu m'għandhomx japplikaw għas-sussidji mogħtija mill-Partijiet.

4.   B'mod konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, kull Parti tirriżerva d-dritt li tirregola u tintroduċi regolamenti ġodda biex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi tal-politika.

5.   Dan il-Kapitolu m'għandux japplika għal miżuri li jaffettwaw lil persuni fiżiċi li qed ifittxu aċċess għas-suq tal-impjiegi tal-Unjoni Ewropea jew tar-Repubblika tal-Każakistan, u lanqas ma japplika għall-miżuri dwar iċ-ċittadinanza, ir-residenza jew l-impjieg fuq bażi permanenti.

6.   Xejn f'dan il-Kapitolu ma jipprevjeni lill-Partijiet milli japplikaw miżuri biex jirregolaw id-dħul ta' persuni fiżiċi, jew is-soġġorn temporanji ta' dawn il-persuni, fit-territorju tagħhom, inklużi dawk il-miżuri meħtieġa biex tkun protetta l-integrità, u jkun żgurat il-moviment regolat ta' persuni fiżiċi min-naħa għall-oħra tal-fruntieri, sakemm tali miżuri ma jiġux applikati b'tali mod li jġibu fix-xejn jew ikunu ta' ħsara għall-benefiċċji dovuti lil xi waħda mill-Partijiet skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu (1).

7.   Dan il-Kapitolu ma japplikax għal miżuri adottati jew miżmuma mill-Partijiet li jaffettwaw il-kummerċ fis-servizzi u l-istabbiliment fis-settur awdjoviżiv.

Artikolu 40

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu:

(a)

“miżura” tfisser kull miżura minn Parti, kemm jekk fil-forma ta' liġi, regolament, regola, proċedura, deċiżjoni, azzjoni amministrattiva, jew kull forma oħra;

(b)

“miżuri adottati jew miżmuma minn Parti” tfisser miżuri meħuda minn:

(i)

gvernijiet jew awtoritajiet ċentrali, reġjunali jew lokali ta' Parti; u

(ii)

korpi mhux governattivi ta' Parti fl-eżerċizzju ta' setgħat delegati minn gvernijiet jew awtoritajiet ċentrali, reġjonali jew lokali ta' Parti;

(c)

“persuna fiżika tal-Unjoni Ewropea” jew “persuna fiżika tar-Repubblika tal-Każakistan” tfisser ċittadin ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew tar-Repubblika tal-Każakistan skont il-leġislazzjoni rispettiva tagħhom;

(d)

“persuna ġuridika” tfisser kull entità legali debitament kostitwita jew organizzata b'xi mod ieħor skont il-liġi applikabbli, kemm jekk tkun għal skopijiet ta' profitt kif ukoll għal skopijiet oħra, u kemm jekk tkun proprjetà privata kif ukoll jekk tal-gvern, inkluża kull korporazzjoni, fiduċjarja, sħubija, impriża konġunta, sjieda esklussiva jew assoċjazzjoni;

(e)

“persuna ġuridika ta' Parti” tfisser persuna ġuridika tal-Unjoni Ewropea jew tar-Repubblika tal-Każakistan stabbilita skont il-liġi ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew tar-Repubblika tal-Każakistan rispettivament, u li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha, l-amministrazzjoni ċentrali tagħha jew il-post ewlieni tan-negozju tagħha fit-territorju li għalih japplika t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew fit-territorju tar-Repubblika tal-Każakistan, rispettivament.

Fil-każ li persuna ġuridika stabbilita skont il-liġijiet ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew tar-Repubblika tal-Każakistan, ikollha biss l-uffiċċju rreġistrat jew l-amministrazzjoni ċentrali tagħha fit-territorju li fih it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea japplika jew fit-territorju tar-Repubblika tal-Każakistan, rispettivament, din m'għandhiex titqies bħala persuna ġuridika tal-Unjoni Ewropea jew tar-Repubblika tal-Każakistan rispettivament, sakemm ma tkunx involuta f'operazzjonijiet sostanzjali kummerċjali fit-territorju li fih it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea japplika jew fit-territorju tar-Repubblika tal-Każakistan, rispettivament;

(f)

Minkejja l-punt (e), fir-rigward tat-trasport marittimu internazzjonali, inklużi l-operazzjonijet intermodali li jinvolvu vjaġġ marittimu, il-kumpanniji tat-trasport bil-baħar stabbiliti barra mill-Unjoni Ewropea jew barra mir-Repubblika tal-Każakistan u kkontrollati minn ċittadini ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew tar-Repubblika tal-Każakistan, rispettivament, ikunu wkoll benefiċjarji tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu, jekk il-bastimenti tagħhom ikunu rreġistrati skont il-leġislazzjoni rispettiva f'dak l-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea jew fir-Repubblika tal-Każakistan u jtajru l-bandiera ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew tar-Repubblika tal-Każakistan;

(g)

“ftehim ta' integrazzjoni ekonomika” tfisser ftehim li sostanzjalment jilliberalizza l-kummerċ fis-servizzi, inkluż l-istabbiliment, skont il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS), b'mod partikolari l-Artikoli V u V bis tal-GATS, u/jew li jkun fihom dispożizzjonijiet li sostanzjalment jilliberalizzaw l-istabbiliment f'attivitajiet ekonomiċi oħrajn li jissodisfaw, mutatis mutandis, il-kriterji tal-Artikoli V u V bis tal-GATS fir-rigward ta' tali attivitajiet;

(h)

“attivitajiet ekonomiċi” għandha tinkludi attivitajiet ta' natura ekonomika ħlief l-attivitajiet imwettqa fl-eżerċizzju ta' awtorità governattiva;

(i)

“attivitajiet ekonomiċi mwettqa fl-eżerċizzju tal-awtorità governattiva” tfisser attivitajiet li la huma mwettqa fuq bażi kummerċjali u lanqas f'kompetizzjoni ma' operatur ekonomiku wieħed jew aktar;

(j)

“operazzjonijiet” tfisser l-eżerċizzju u l-manutenzjoni ta' attivitajiet ekonomiċi;

(k)

“sussidjarju” ta' persuna ġuridika tfisser persuna ġuridika effettivament ikkontrollata minn persuna ġuridika oħra ta' dik il-Parti (2);

(l)

“fergħa” ta' persuna ġuridika tfisser post tan-negozju li m'għandux personalità legali u li jkollu d-dehra ta' permanenza, bħall-estensjoni ta' entità prinċipali, li jkollu ġestjoni u jkun materjalment mgħammar sabiex jagħmel negozju ma' partijiet terzi sabiex tali partijiet terzi, għalkemm ikunu jafu li, jekk meħtieġ, ikun hemm konnessjoni legali mal-entità prinċipali li l-uffiċċju ewlieni tagħha jkun barra mill-pajjiż, m'hemmx għalfejn jittrattaw direttament ma' tali entità prinċipali imma jistgħu jagħmlu negozju fil-post tan-negozju li jikkostitwixxi l-estensjoni;

(m)

“stabbiliment” tfisser kull tip ta' negozju jew preżenza kummerċjali, inklużi

(i)

il-kostituzzjoni, l-akkwiżizzjoni jew iż-żamma ta' persuna ġuridika (3); jew

(ii)

il-ħolqien jew iż-żamma ta' fergħa jew ta' uffiċċju rappreżentattiv (4) fit-territorju tal-Parti bl-għan li titwettaq attività ekonomika;

(n)

“investitur” ta' Parti tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tfittex li twettaq jew li fil-fatt twettaq attività ekonomika billi twaqqaf stabbiliment;

(o)

“servizzi” tinkludi kull servizz (5) fi kwalunkwe settur ħlief is-servizzi pprovduti fl-eżerċizzju ta' awtorità governattiva;

(p)

“servizz ipprovdut fl-eżerċizzju tal-awtorità governattiva” tfisser kull servizz li la jiġi pprovdut fuq bażi kummerċjali, u lanqas f'kompetizzjoni ma' fornitur wieħed jew aktar ta' servizz;

(q)

“fornitur ta' servizz” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizz;

(r)

“provvista ta' servizz” tinkludi l-produzzjoni, id-distribuzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni, il-bejgħ u l-konsenja ta' servizz.

Taqsima 2

L-istabbiliment u l-provvista transfruntiera ta' servizzi

Subtaqsima 1

L-attivitajiet ekonomiċi kollha

Artikolu 41

Kamp ta' applikazzjoni u kopertura

1.   Din is-Subtaqsima tapplika għall-miżuri mill-Partijiet li jaffettwaw l-istabbiliment fl-attivitajiet ekonomiċi kollha u fil-provvista transfruntiera ta' servizzi.

2.   Il-Partijiet jikkonfermaw id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom li joħorġu mill-impenji tagħhom skont il-GATS.

Għal aktar ċertezza, fir-rigward tas-servizzi, l-iskedi GATS rispettivi tal-Partijiet ta' impenji speċifiċi (6), inklużi r-riżervi u l-listi ta' eżenzjonijiet tan-nazzjon l-iktar iffavorit, għandhom jiġu inkorporati u jsiru parti minn dan il-Ftehim u għandhom japplikaw.

Artikolu 42

Titjib progressiv tal-kundizzjonijiet għall-istabbiliment

1.   Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni li jiltaqa' fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet għal aktar liberalizzazzjoni tal-istabbiliment fil-kuntest ta' dan il-Ftehim.

2.   Il-Partijiet għandhom ifittxu li jevitaw l-adozzjoni ta' kwalunkwe miżura li tagħmel il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment aktar ristrettivi mis-sitwazzjoni eżistenti fil-jum ta' qabel id-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 43

Titjib progressiv tal-kundizzjonijiet għal provvista transfruntiera ta' servizzi

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-liberalizzazzjoni tal-provvista transfruntiera ta' servizzi bejn il-Partijiet.

2.   Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni li jiltaqa' fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet għal aktar liberalizzazzjoni ta' provvista transfruntiera tas-servizzi fil-kuntest ta' dan il-Ftehim.

Subtaqsima 2

Attivitajiet ekonomiċi minbarra servizzi

Artikolu 44

Kamp ta' applikazzjoni u kopertura

Din is-Subtaqsima tapplika għall-miżuri mill-Partijiet li jaffettwaw l-istabbiliment fl-attivitajiet ekonomiċi kollha, għajr is-servizzi.

Artikolu 45

Trattament ta' nazzjon l-iktar iffavorit

1.   Kull Parti għandha tagħti lil persuni ġuridiċi tal-Parti l-oħra trattament mhux inqas favorevoli minn dak li tagħti lil persuni ġuridiċi ta' kull pajjiż terz fir-rigward tal-istabbiliment tagħhom.

2.   Kull Parti għandha tagħti lil persuni ġuridiċi tal-Parti l-oħra trattament mhux inqas favorevoli minn dak li tagħti lil persuni ġuridiċi ta' kull pajjiż terz fir-rigward tat-tħaddim ta' persuni ġuridiċi tal-Parti l-oħra stabbiliti fit-territorju tal-ewwel Parti.

3.   Kull vantaġġ, favur, privileġġ jew immunità mogħtija, b'rabta ma' rekwiżiti ta' kontenut lokali, mir-Repubblika tal-Każakistan lil persuni ġuridiċi ta' membru tad-WTO stabbiliti fir-Repubblika tal-Każakistan fil-forma ta' persuna ġuridika għandu jingħata minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil persuni ġuridiċi tal-Unjoni Ewropea stabbiliti fir-Repubblika tal-Każakistan fil-forma ta' persuna ġuridika.

4.   It-trattament mogħti skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 m'għandux japplika għal trattament mogħti minn kull parti skont il-ftehimiet ta' integrazzjoni ekonomika, ftehimiet ta' kummerċ ħieles, ftehimiet dwar evitar ta' taxxa doppja u ftehimiet li primarjament jirregolaw kwistjonijiet ta' tassazzjoni u lanqas m'għandu jiġi interpretat bħala li jestendi għall-protezzjoni tal-investimenti, ħlief it-trattament li joħroġ mill-Artikolu 46, proċeduri ta' soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat

5.   Minkejja l-paragrafu 4, fir-rigward ta' riżorsi strateġiċi u oġġetti, ir-Repubblika tal-Każakistan fl-ebda każ m'għandha tagħti lil sussidjarji ta' persuni ġuridiċi tal-Unjoni Ewropea stabbiliti fir-Repubblika tal-Każakistan fil-forma ta' persuna ġuridika, trattament inqas favorevoli minn dak mogħti wara d-data li fiha jibda japplika dan it-Titolu għal sussidjarji ta' persuni ġuridiċi ta' kull pajjiż terz stabbiliti fir-Repubblika tal-Każakistan fil-forma ta' persuna ġuridika.

Artikolu 46

Trattament nazzjonali

Soġġett għar-riżervi tal-Partijiet stabbiliti fl-Anness I,

(a)

kull Parti għandha tagħti lis-sussidjarji ta' persuni ġuridiċi tal-Parti l-oħra stabbiliti fit-territorju tal-ewwel Parti, trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti lil persuni ġuridiċi proprji ta' dik il-Parti fir-rigward tal-operazzjonijiet tagħhom;

(b)

ir-Repubblika tal-Każakistan għandha tagħti lil persuni ġuridiċi u lill-fergħat tal-Unjoni Ewropea, trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti lil persuni ġuridiċi u lill-fergħat tar-Repubblika tal-Każakistan, rispettivament, fir-rigward tal-istabbiliment u l-operazzjonijiet tagħhom għal attivitajiet ekonomiċi għajr għas-servizzi. Trattament nazzjonali mogħti mir-Repubblika tal-Każakistan huwa mingħajr preġudizzju għat-termini tal-Protokoll dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Każakistan fid-WTO.

Taqsima 3

Preżenza temporanja ta' persuni fiżiċi għal finijiet ta' negozju

Artikolu 47

Kopertura u definizzjonijiet

1.   Din it-Taqsima tapplika għall-miżuri tal-Partijiet li jirrigwardaw id-dħul, u s-soġġorn temporanju, fit-territorji tagħhom ta' viżitaturi kummerċjali għall-finijiet ta' stabbiliment, ħaddiema bi trasferiment intraazjendali, u fornituri ta' servizzi kuntrattwali f'konformità mal-Artikolu 39(5) u (6).

2.   Għall-finijiet ta' din it-Taqsima:

(a)

“viżitaturi kummerċjali għal finijiet ta' stabbiliment” tfisser persuni fiżiċi impjegati f'pożizzjoni għolja minn persuna ġuridika ta' Parti, li huma responsabbli għat-twaqqif ta' stabbiliment fit-territorju tal-Parti l-oħra. Dawn ma joffrux jew jipprovdu servizzi u lanqas ma huma involuti f'xi attività ekonomika oħra għajr dik meħtieġa għall-finijiet ta' stabbiliment. Dawn ma jirċevux remunerazzjoni minn sors li jinsab fi ħdan il-Parti ospitanti;

(b)

“ħaddiema bi trasferiment intraażjendali” tfisser persuni fiżiċi li jkunu ġew impjegati minn persuna ġuridika jew minn Parti jew li kienu sħab fiha (7) għal mill-inqas sena u li ġew temporanjament trasferiti għal stabbiliment li jista jkun sussidjarju, fergħa jew kumpannija prinċipali tal-persuna ġuridika ta' Parti fit-territorju tal-Parti l-oħra.

Il-persuna fiżika kkonċernata tkun trid tappartjeni lil waħda mill-kategoriji kif definit fl-iskedi GATS rispettivi tal-Partijiet, li għall-finijiet ta' din it-Taqsima għandhom japplikaw għall-attivitajiet ekonomiċi kollha;

(c)

“fornituri kuntrattwali tas-servizzi” tfisser persuna fiżika impjegata minn persuna ġuridika ta' Parti li fiha nfisha mhix aġenzija għas-servizzi ta' assenjazzjoni u provvista tal-persunal, u lanqas ma taġixxi permezz ta' aġenzija bħal din, u li ma jkollhiex stabbiliment fit-territorju tal-Parti l-oħra u li tkun ikkonkludiet kuntratt bona fide  (8) biex tipprovdi servizzi ma' konsumatur finali fil-Parti tal-aħħar, li teħtieġ il-preżenza fuq bażi temporanja tal-impjegati tagħha f'dik il-Parti tal-aħħar, sabiex tkun tista' twettaq il-kuntratt biex tipprovdi servizzi;

(d)

“kwalifiki” tfisser diplomi, ċertifikati u evidenza oħra ta' kwalifika formali maħruġa minn awtorità maħtura skont dispożizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi li jiċċertifikaw li t-taħriġ professjonali ntemm b'suċċess.

Artikolu 48

Ħaddiema bi trasferiment intraażjendali u viżitaturi kummerċjali għal finijiet ta' stabbiliment

1.   Għas-servizzi, il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-obbligi rispettivi tagħhom li joriġinaw mill-impenji tagħhom skont il-GATS fir-rigward tad-dħul u s-soġġorn temporanju ta' ħaddiema bi trasferiment intraażjendali jew viżitaturi kummerċjali għal finijiet ta' stabbiliment. Ir-riżervi elenkati fih japplikaw (9).

2.   Għal attivitajiet ekonomiċi minbarra servizzi u soġġetti għar-riżervi stabbiliti fl-Anness II:

(a)

kull parti għandha tippermetti lill-investituri ingaġġati fil-produzzjoni ta' prodotti fit-territorju tal-Parti l-oħra biex jittrasferixxu l-ħaddiema bi trasferiment intraażjendali, kif definit fl-Artikolu 47(2)(b), u viżitaturi kummerċjali għal finijiet ta' stabbiliment, kif definit fl-Artikolu 47(2)(a). Id-dħul u s-soġġorn temporanju huwa permess għal perijodu ta' mhux aktar minn tliet snin għal ħaddiema bi trasferiment intraażjendali, u għal 90 jum f'kull perijodu ta' 12-il xahar għall-viżitaturi kummerċjali għal finijiet ta' stabbiliment;

(b)

m'għandhiex iżżomm jew tadotta miżuri definiti bħala limitazzjonijiet fuq in-numru totali ta' persuni fiżiċi li investitur jista' jittrasferixxi bħala ħaddiema bi trasferiment intraażjendali jew viżitaturi kummerċjali fil-forma ta' kwoti numeriċi jew rekwiżit ta' test ta' ħtiġiet ekonomiċi u bħala limitazzjonijiet diskriminatorji.

Artikolu 49

Il-fornituri ta' servizz kuntrattwali

1.   Ir-Repubblika tal-Każakistan għandha tippermetti l-provvista ta' servizzi fit-territorju tagħha minn persuni ġuridiċi tal-Unjoni Ewropea permezz tal-preżenza ta' persuni fiżiċi li jkunu ċittadini ta' Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-persuni fiżiċi li jidħlu fir-Repubblika tal-Każakistan għandu jkollhom:

(i)

grad universitarju jew kwalifika teknika avvanzata li turi għarfien ta' livell ekwivalenti; u

(ii)

kwalifiki professjonali fejn dan huwa meħtieġ biex tkun eżerċitata attività fis-settur ikkonċernat skont il-liġi, ir-regolamenti jew il-ħtiġijiet tar-Repubblika tal-Każakistan;

(b)

il-persuni fiżiċi m'għandhomx jirċievu remunerazzjoni għall-provvista ta' servizzi għajr ir-remunerazzjoni mħallsa mill-persuna ġuridika tal-Unjoni Ewropea, matul is-soġġorn tagħhom fir-Repubblika tal-Każakistan.

(c)

il-persuni fiżiċi li jidħlu fir-Repubblika tal-Każakistan għandhom ikunu ġew impjegati mill-persuna ġuridika tal-Unjoni Ewropea mill-inqas għas-sena li tiġi qabel id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għad-dħul fir-Repubblika tal-Każakistan. Barra minn hekk, il-persuni fiżiċi, fid-data meta titressaq applikazzjoni għad-dħul fir-Repubblika tal-Każakistan, għandu jkollhom mill-inqas ħames snin ta' esperjenza professjonali fis-settur tal-attività li huwa s-suġġett tal-kuntratt;

(d)

ir-Repubblika tal-Każakistan tista' tapplika t-test tal-ħtiġijiet ekonomiċi u kwota annwali għall-permessi tax-xogħol riżervati għall-fornituri tas-servizzi kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea li jiksbu aċċess għas-suq tas-servizzi tar-Repubblika tal-Każakistan. In-numru totali ta' fornituri ta' servizzi kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea li jidħlu fis-suq tas-servizzi tar-Repubblika tal-Każakistan m'għandux ikun ta' aktar minn 800 persuna fis-sena;

(e)

wara li jiskadi l-perijodu ta' ħames snin mill-adeżjoni tar-Repubblika tal-Każakistan mad-WTO it-test tal-ħtiġijiet ekonomiċi ma għandux jiġi applikat (10). Matul il-perijodu li fih ir-Repubblika tal-Każakistan tapplika t-test tal-ħtiġijiet ekonomiċi (11), id-dħul u s-soġġorn temporanju tal-persuni fiżiċi ġewwa r-Repubblika tal-Każakistan skont it-twettiq tal-kuntratt għandu jkun għal perijodu kumulattiv ta' mhux aktar minn erba' xhur f'kull perijodu ta' 12-il xahar jew sakemm idum il-kuntratt, liema minnhom ikun l-inqas. Wara li jiskadi l-perijodu ta' ħames snin mill-adeżjoni tar-Repubblika tal-Każakistan mad-WTO, id-dħul u s-soġġorn temporanju għandu jkun għal perijodu kumulattiv ta' mhux aktar minn sitt xhur f'kull perijodu ta' 12-il xahar jew għad-durata tal-kuntratt, liema minnhom ikun l-inqas. Il-persuni ġuridiċi tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu responsabbli għall-ħruġ f'waqtu tal-impjegati tagħhom mit-territorju tar-Repubblika tal-Każakistan.

2.   Ir-Repubblika tal-Każakistan għandha tippermetti l-provvista ta' servizzi fit-territorju tagħha minn persuni ġuridiċi tal-Unjoni Ewropea permezz tal-preżenza ta' persuni fiżiċi jekk il-kuntratt tas-servizz jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-kuntratt għall-provvista ta' servizzi:

(i)

ikun ġie konkluż direttament bejn il-persuna ġuridika tal-Unjoni Ewropea u l-konsumatur finali, li huwa persuna ġuridika tar-Repubblika tal-Każakistan;

(ii)

jeħtieġ il-preżenza temporanja fit-territorju tar-Repubblika tal-Każakistan ta' impjegati ta' dik il-persuna ġuridika sabiex tipprovdi s-servizz; u

(iii)

ikun konformi mal-liġijiet, mar-regolamenti u r-rekwiżiti tar-Repubblika tal-Każakistan;

(b)

il-kuntratt għall-provvista ta' servizzi jiġi konkluż f'wieħed minn dawn is-setturi ta' attività li huma inklużi u definiti fl-iskeda ta' obbligi GATS tar-Repubblika tal-Każakistan:

(i)

servizzi legali

(ii)

servizzi tal-kontabbiltà u taż-żamma tal-kotba

(iii)

servizzi tat-tassazzjoni

(iv)

servizzi tal-arkitettura

(v)

servizzi tal-inġinerija

(vi)

servizzi tal-inġinerija integrata

(vii)

servizzi tal-ippjanar urban u tal-arkitettura tal-pajsaġġ

(viii)

servizzi tal-informatika u servizzi relatati

(ix)

servizzi ta' reklamar

(x)

servizzi ta' riċerka dwar is-swieq

(xi)

servizzi ta' konsulenza maniġerjali

(xii)

servizzi relatati ma' konsulenza maniġerjali

(xiii)

servizzi ta' ttestjar u analiżi tekniċi

(xiv)

servizzi ta' pariri u konsulenza relatati mal-estrazzjoni mill-minjieri

(xv)

servizzi relatati ta' konsulenza xjentifika u teknika

(xvi)

servizzi ta' traduzzjoni u ta' interpretazzjoni

(xvii)

manutenzjoni u tiswija ta' tagħmir, inkluż tagħmir tat-trasport, fil-kuntest ta' kuntratt ta' servizzi ta' wara l-bejgħ

(xviii)

servizzi ambjentali.

(c)

L-aċċess konċess skont dan il-paragrafu huwa relatat biss mal-attività ta' servizz li hija s-suġġett tal-kuntratt; dan ma jagħtix intitolament għall-użu ta' titolu professjonali fit-territorju tar-Repubblika tal-Każakistan.

3.   L-Unjoni Ewropea tafferma mill-ġdid l-obbligi rispettivi tagħha li joħorġu mill-impenji taħt il-GATS fir-rigward tad-dħul u s-soġġorn temporanju ta' fornituri ta' servizzi kuntrattwali. Ir-riżervi elenkati fih japplikaw (12).

Artikolu 50

It-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit

1.   It-trattament konċess mill-Unjoni Ewropea lil fornituri ta' servizzi kuntrattwali fir-Repubblika tal-Każakistan m'għandux ikun inqas favorevoli minn dak mogħti lil fornituri ta' servizzi kuntrattwali ta' xi pajjiż terz.

2.   Trattament mogħti skont ftehimiet oħra konklużi mill-Unjoni Ewropea ma' pajjiż terz li huma notifikati skont l-Artikolu V tal-GATS, jew li jibbenefikaw mill-kopertura tal-lista tal-GATS tal-Unjoni Ewropea tal-eżenzjonijiet tan-nazzjon l-aktar iffavorit, għandu jkun eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni tal-paragrafu 1. Trattament li ġej mill-armonizzazzjoni ta' regolamenti bbażati fuq ftehimiet konklużi mill-Unjoni Ewropea li jipprovdu għar-rikonoxximent reċiproku skont l-Artikolu VII tal-GATS għandu ukoll jiġi eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni tal-paragrafu 1.

3.   Jekk ir-Repubblika tal-Każakistan tagħti trattament aktar favorevoli minn dak previst f'dan il-Ftehim lil fornituri ta' servizzi kuntrattwali ta' xi membru ieħor tad-WTO, ħlief għall-pajjiżi tal-Komunità ta' Stati Indipendenti (KSI) u l-pajjiżi li huma partijiet għall-ftehimiet ta' integrazzjoni ekonomika mar-Repubblika tal-Każakistan, dak it-trattament għandu jiġi applikat lil fornituri ta' servizzi kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea. Trattament li ġej mill-armonizzazzjoni ta' regolamenti bbażati fuq ftehimiet konklużi mill-Unjoni Ewropea għar-rikonoxximent reċiproku skont l-Artikolu VII tal-GATS għandu jiġi wkoll eskluż minn din id-dispożizzjoni.

Artikolu 51

Titjib progressiv tal-kundizzjonijiet għal preżenza temporanja ta' persuni fiżiċi għal skopijiet ta' negozju

Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni li jiltaqa' fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet għal aktar liberalizzazzjoni tal-preżenza temporanja ta' persuni fiżiċi għal skopijiet ta' negozju.

Taqsima 4

Regolamentazzjoni domestika

Artikolu 52

Kamp ta' applikazzjoni u kopertura

1.   Id-dixxiplini stipulati fl-Artikolu 53 għandhom japplikaw għal miżuri mill-Partijiet marbuta mal-proċeduri ta' liċenzjar u ta' kwalifika li jaffettwaw:

(a)

il-provvista transfruntiera ta' servizzi;

(b)

l-istabbiliment;

(c)

il-provvista ta' servizz permezz tal-preżenza ta' persuna fiżika fit-territorju tal-Parti l-oħra skont it-Taqsima 3 ta' dan il-Kapitolu.

2.   Id-dixxiplini stipulati fl-Artikolu 53 għandhom japplikaw għall-attivitajiet ekonomiċi kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-Kapitolu. Għas-servizzi, huma għandhom japplikaw sal-punt tal-impenji speċifiċi tal-Parti rilevanti taħt il-GATS (13). Dawn id-dixxiplini ma japplikawx għal miżuri sal-punt li jikkostitwixxu limitazzjonijiet suġġetti għall-iskedar skont l-Artikoli XVI jew XVII tal-GATS.

Artikolu 53

Liċenzjar u kwalifiki

1.   Kull Parti għandha tiżgura li l-proċeduri ta' liċenzjar u ta' kwalifiki għall-iskop li tinkiseb awtorizzazzjoni għall-provvista ta' servizz jew għall-istabbiliment ikunu raġonevoli, ċari u rilevanti għall-għanijiet ta' politika sottostanti, filwaqt li titqies in-natura tar-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati u l-kriterji li jridu jiġu evalwati, u fihom infushom ma jikkostitwixxux restrizzjoni fuq il-provvista ta' servizzi jew l-istabbiliment.

2.   Fejn jeżistu perijodi ta' żmien speċifiċi għall-applikazzjonijiet, applikant għandu jingħata perijodu ta' żmien raġonevoli biex jippreżenta applikazzjoni. L-awtorità kompetenti għandha tagħti bidu għall-ipproċessar ta' applikazzjoni mingħajr dewmien żejjed. Fejn possibbli, l-applikazzjonijiet għandhom jiġu aċċettati f'format elettroniku skont l-istess kundizzjonijiet ta' awtentiċità bħall-applikazzjonijiet ippreżentati f'format kartaċeju.

3.   Il-kopji awtentikati għandhom jiġu aċċettati, fejn possibbli, minflok id-dokumenti oriġinali.

4.   Kull Parti għandha tiżgura li l-proċessar ta' applikazzjoni, inkluż l-ilħuq ta' deċiżjoni finali, jintemm fi żmien raġonevoli speċifikat fil-leġislazzjoni tagħha, jew, f'kull każ, mingħajr dewmien żejjed. Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tistabbilixxi ż-żmien normali għall-ipproċessar ta' applikazzjoni. Kull Parti għandha tiżgura li liċenzja jew awtorizzazzjoni, ladarba tingħata, tidħol fis-seħħ mingħajr dewmien żejjed bi qbil mat-termini u l-kundizzjonijiet speċifikati fiha.

5.   Kull Parti għandha tiżgura li t-tariffi tal-liċenzji (14) jkunu raġonevoli f'termini tal-ispejjeż imġarrba mill-awtorità kompetenti, u li fihom infushom ma jirrestrinġux il-provvista tas-servizz jew l-istabbiliment.

6.   Fejn l-awtorità kompetenti tqis li l-applikazzjoni mhijiex kompluta jew tiddetermina li tkun teħtieġ informazzjoni addizzjonali, hija għandha, fi żmien raġonevoli:

(a)

tinforma lill-applikant;

(b)

sa fejn ikun prattikabbli, tidentifika l-informazzjoni meħtieġa; u

(c)

sa fejn ikun prattikabbli, tipprovdi l-opportunità li jiġu kkoreġuti n-nuqqasijiet.

7.   Jekk l-awtorità kompetenti tirrifjuta applikazzjoni, hija għandha tinforma lill-applikant mingħajr dewmien żejjed, u sa fejn ikun prattikabbli, bil-miktub. L-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-applikant, wara talba, bir-raġunijiet għar-rifjut tal-applikazzjoni u fejn possibbli, b'kull nuqqas li jkun ġie identifikat. Hija għandha tinforma lill-applikant dwar il-proċeduri għall-appell kontra d-deċiżjoni skont il-leġislazzjoni rilevanti. L-awtorità kompetenti għandha tippermetti applikant jippreżenta applikazzjoni ġdida skont il-proċeduri stabbiliti tal-awtorità rilevanti, ħlief fejn l-awtorità rilevanti tillimita n-numru ta' liċenzji jew id-determinazzjonijiet ta' kwalifiki.

8.   Kull Parti għandha tiżgura li l-proċeduri użati minn, u d-deċiżjonijiet ta', l-awtorità kompetenti fil-proċedura ta' liċenzjar jew awtorizzazzjoni, ikunu imparzjali fir-rigward tal-applikanti kollha. L-awtorità kompetenti għandha tilħaq id-deċiżjoni tagħha b'mod indipendenti u m'għandha tkun responsabbli lejn l-ebda fornitur tas-servizzi jew investitur li għalih tkun tinħtieġ il-liċenzja jew l-awtorizzazzjoni.

Taqsima 5

Dispożizzjonijiet speċifiċi għas-settur

Artikolu 54

Trasport marittimu internazzjonali

1.   Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-prinċipji għal-liberalizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport marittimu internazzjonali. Dan l-Artikolu huwamingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi li joħorġu minn impenji ta' GATS ta' kull Parti.

2.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, “trasport marittimu internazzjonali” tinkludi operazzjonijiet ta' trasport bieb bieb u multimodali, li huwa l-ġarr tal-merkanzija fejn jintuża aktar minn mezz wieħed ta' trasport, li jinvolvi parti mill-vjaġġ fuq il-baħar, b'dokument wieħed tat-trasport u, f'dan ir-rigward jinkludi d-dritt tal-fornituri tat-trasport marittimu internazzjonali li jikkuntrattaw direttament fornituri ta' mezzi oħrajn ta' trasport.

3.   Fir-rigward ta' attivitajiet, imsemmija fil-paragrafu 4, li jitwettqu minn aġenziji tat-tbaħħir għall-provvista ta' servizzi fir-rigward ta' trasport marittimu internazzjonali, kull Parti għandha tippermetti lil persuni ġuridiċi tal-Parti l-oħra li jistabbilixxu sussidjarji jew fergħat fit-territorju tagħha, taħt il-kundizzjonijiet ta' stabbiliment u operat mhux inqas favorevoli minn dawk mogħtija lil sussidjarji jew fergħat tagħha stess jew lil sussidjarji jew fergħat ta' kull pajjiż terz, skont liema jkunu l-aħjar.

Dan il-paragrafu ma japplikax għall-istabbiliment għall-iskop tal-operat ta' flotta taħt il-bandiera nazzjonali ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew tar-Repubblika tal-Każakistan.

4.   Dawn l-attivitajiet jinkludu, iżda mhumiex limitati għal:

(a)

kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ ta' servizzi ta' trasport marittimu u servizzi relatati permezz ta' kuntatt dirett mal-klijenti, mill-istima sal-fattura, kemm jekk dawn is-servizzi jkunu operati jew offruti mill-fornitur tas-servizz innifsu kif ukoll jekk mill-fornituri tas-servizzi li magħhom il-bejjiegħ tas-servizzi jkun stabbilixxa ftehimiet kummerċjali permanenti;

(b)

ix-xiri u l-użu, f'isimhom stess jew f'isem il-klijenti tagħhom (u l-bejgħ mill-ġdid lill-klijenti tagħhom) ta' kull servizz ta' trasport jew servizz relatat, inklużi s-servizzi ta' trasport bi kwalunkwe mezz intern, meħtieġa għall-provvista ta' servizz intermodali;

(c)

it-tħejjija ta' dokumentazzjoni li tikkonċerna dokumenti tat-trasport, dokumenti tad-dwana, jew dokumenti oħra relatati mal-oriġini u t-tip tal-merkanzija trasportata;

(d)

il-provvista ta' informazzjoni kummerċjali bi kwalunkwe mezz, inklużi sistemi kompjuterizzati ta' informazzjoni u skambju elettroniku tad-data (suġġett għal kull restrizzjoni nondiskriminatorja li tikkonċerna t-telekomunikazzjonijiet);

(e)

it-twaqqif ta' arranġament kummerċjali ma' aġenziji oħra tat-trasport marittimu; inkluża l-parteċipazzjoni fl-istokk tal-kumpannija u l-ħatra ta' persunal reklutat lokalment (jew, fil-każ ta' persunal barrani, soġġett għad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan il-Ftehim), ma' kwalunkwe aġenzija ta' trasport marittimu stabbilita lokalment;

(f)

l-aġir f'isem il-persuni ġuridiċi, fost l-oħrajn fl-organizzazzjoni tas-sejħa tal-bastiment jew fit-teħid ta' kontroll tal-merkanziji meta jkun meħtieġ.

5.   Fid-dawl tal-livelli eżistenti ta' liberalizzazzjoni rigward il-provvista transfruntiera ta' servizzi bejn il-Partijiet fit-trasport marittimu internazzjonali:

(a)

il-Partijiet għandhom japplikaw b'mod effettiv il-prinċipju tal-aċċess mingħajr restrizzjonijiet għas-swieq u n-negozji internazzjonali fuq bażi kummerċjali u mhux diskriminatorja;

(b)

kull Parti għandha tagħti lill-bastimenti li joperaw permezz tal-fornituri tas-servizzi tal-Parti l-oħra, trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti lill-bastimenti tagħha stess jew lil dawk ta' xi pajjiż terz, skont liema jkun l-aħjar, fir-rigward, fost l-oħrajn, tal-aċċess għall-portijiet, l-użu tal-infrastruttura u s-servizzi tal-portijiet, u l-użu tas-servizzi marittimi awżiljari, kif ukoll it-tariffi u l-imposti relatati, il-faċilitajiet tad-dwana u l-allokazzjoni ta' rmiġġi u faċilitajiet għat-tagħbija u l-ħatt.

6.   Fl-applikazzjoni tal-prinċipji stipulati fil-paragrafu 5, il-Partijiet għandhom:

(a)

mid-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, ma japplikaw l-ebda dispożizzjoni dwar kondiviżjoni ta' merkanzija ta' ftehimiet bilaterali bejn xi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan;

(b)

ma jintroduċux klawżoli ta' kondiviżjoni ta' merkanzija fi ftehimiet bilaterali futuri ma' pajjiżi terzi, għajr f'dawk iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali meta dan ikun meħtieġ biex joffri lill-kumpanniji marittimi tal-linja tal-Parti l-waħda jew l-oħra għal dan il-Ftehim l-opportunità effettiva li joperaw lejn u mill-pajjiż terz ikkonċernat;

(c)

jipprojbixxu arranġamenti ta' kondiviżjoni ta' merkanzija fi ftehimiet bilaterali futuri li għandhom x'jaqsmu mal-kummerċ bl-ingrossa ta' merkanzija niexfa u likwida;

(d)

mad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, jabolixxu u ma jintroduċu l-ebda miżura unilaterali u l-ebda ostaklu amministrattiv, tekniku u ta' xort'oħra li jistgħu jikkostitwixxu restrizzjoni moħbija jew li jkollhom effetti diskriminatorji fuq il-provvista libera tas-servizzi fit-trasport marittimu internazzjonali.

7.   Persuni fiżiċi u ġuridiċi tal-Unjoni Ewropea li jipprovdu servizzi ta' trasport marittimu internazzjonali għandhom ikunu liberi li jipprovdu servizzi internazzjonali marittimu u tax-xmajjar f'passaġġi fuq l-ilma interni tar-Repubblika tal-Każakistan u viċi versa.

8.   Kull Parti għandha tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-fornituri tat-trasport marittimu internazzjonali tal-Parti l-oħra, b'termini u kundizzjonijiet raġonevoli u mhux diskriminatorji, is-servizzi segwenti fil-port: pilotaġġ, għajnuna għall-irmonk, għoti ta' proviżjonijiet, għoti tal-fjuwil u tal-ilma, ġbir tal-iskart u r-rimi tal-iskart tas-saborra, servizzi tal-kaptan portwali, għajnunijiet għan-navigazzjoni, servizzi operazzjonali bbażati fuq l-art essenzjali għall-operazzjonijiet tal-bastimenti, inklużi mezzi ta' komunikazzjoni, provvisti ta' ilma u ta' elettriku, faċilitajiet ta' tiswijiet ta' emerġenza, ankraġġ, servizzi ta' rmiġġ u biex isir l-irmiġġ.

9.   Jekk ir-Repubblika tal-Każakistan tagħti trattament aktar favorevoli għat-trasport marittimu lil xi membru ieħor tad-WTO, għajr lil Stati Kostali tal-Baħar Kaspju u lil-pajjiżi tal-KSI, dawk it-termini għandhom jiġu applikati fuq il-persuni fiżiċi u ġuridiċi tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 54 bis

Toroq, ferroviji, ilma navigabbli intern u trasport bl-ajru

Bil-ħsieb li jkun żgurat l-iżvilupp ikkoordinat tat-trasport bejn il-Partijiet, li għandu jkun adattat għall-ħtiġiet kummerċjali reċiproċi tagħhom, il-kundizzjonijiet tal-aċċess reċiproku għas-suq tas-servizzi ta' ġarr fit-triq, bil-ferrovija u fl-ilma navigabbli intern, u jekk applikabbli, it-trasport bl-ajru jistgħu jkunu ttrattati bi ftehimiet speċifiċi potenzjali nnegozjati bejn il-Partijiet wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

Taqsima 6

Eċċezzjonijiet

Artikolu 55

Eċċezzjonijiet ġenerali

1.   Soġġett għar-rekwiżit li tali miżuri ma jiġux applikati b'mod li jikkostitwixxi mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikabbli bejn pajjiżi fejn ikun hemm kundizzjonijiet simili, jew restrizzjoni moħbija fuq l-istabbiliment, inklużi l-operazzjonijiet, jew il-provvista transfruntiera ta' servizzi, xejn f'dan il-Kapitolu m'għandu jinftiehem li jimpedixxi l-adozzjoni jew l-infurzar min-naħa ta' xi Parti, ta' miżuri:

(a)

meħtieġa biex iħarsu s-sigurtà pubblika u l-morali pubblika jew biex iżommu l-ordni pubbliku (15);

(b)

meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa jew il-ħajja tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti;

(c)

marbuta mal-konservazzjoni ta' riżorsi naturali li jistgħu jispiċċaw jekk tali miżuri jiġu applikati flimkien ma' restrizzjonijiet fuq l-investituri domestiċi jew fuq il-provvista jew il-konsum domestiku tas-servizzi;

(d)

meħtieġa għall-ħarsien ta' teżori nazzjonali ta' valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku;

(e)

neċessarji sabiex tiġi assigurata konformità ma' liġijiet u regolamenti li mhumiex inkonsistenti ma' dan it-Titolu, inklużi dawk li għandhom x'jaqsmu ma':

(i)

il-prevenzjoni ta' prattika qarrieqa u frodulenti, jew dawk neċessarji biex jindirizzaw l-effett ta' inadempjenza fuq kuntratti;

(ii)

il-protezzjoni tal-privatezza tal-individwi b'relazzjoni mal-ipproċessar u t-tixrid tad-data personali u l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta' rekords u ta' kontijiet individwali;

(iii)

is-sigurtà;

(f)

inkonsistenti mal-Artikolu 46, sakemm id-differenza fit-trattament tkun immirata biex tiżgura l-impożizzjoni jew il-ġbir ekwu jew effettiv ta' taxxi diretti fir-rigward ta' attivitajiet ekonomiċi, investituri jew fornituri ta' servizzi tal-Parti l-oħra (16).

2.   Dan il-Kapitolu m'għandux japplika għas-sistemi ta' sigurtà soċjali rispettivi tal-Partijiet jew għal attivitajiet fit-territorju ta' kull Parti, li huma marbuta, anki okkażjonalment, mal-eżerċizzju ta' awtorità governattiva.

Taqsima 7

Investiment

Artikolu 56

Rieżami u konsultazzjonijiet

Sabiex jiġu identifikati l-ostakli għall-investiment, il-Partijiet flimkien għandhom jirrevedu l-qafas legali tal-investiment mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data li fiha jibda japplika dan it-Titolu. Fuq il-bażi ta' dan ir-rieżami, huma għandhom jikkunsidraw l-opportunità li jibdew in-negozjati sabiex jindirizzaw ostakoli bħal dawn, bl-għan li dan il-Ftehim ikun issupplementat, fosthom fir-rigward tal-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tal-investiment.

KAPITOLU 6

Ċaqliq ta' kapital u pagamenti

Artikolu 57

Kont kurrenti

Kull Parti għandha tawtorizza, f'munita liberament konvertibbli u skont l-Artikoli tal-Ftehim tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), kif applikabbli, kull ħlas u trasferiment fil-kont kurrenti tal-bilanċ ta' pagamenti bejn il-Partijiet.

Artikolu 58

Il-moviment tal-kapital

1.   Fir-rigward ta' tranżazzjonijiet fuq il-kont kapitali u finanzjarju tal-bilanċ tal-pagamenti u mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra ta' dan il-Ftehim,, il-Partijiet jintrabtu li ma jimponu l-ebda restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu ta' kapital relatat ma' investimenti diretti magħmula skont il-liġijiet tal-pajjiż ospitant, ma' attivitajiet ekonomiċi koperti mill-Kapitolu 5 (Il-Kummerċ fis-Servizzi u l-Istabbiliment) ta' dan it-Titolu u mal-likwidazzjoni u r-ripatrijazzjoni ta' tali kapital investit u ta' kull profitt iġġenerat minnu.

2.   Fir-rigward ta' tranżazzjonijiet fuq il-kont kapitali u finanzjarju tal-bilanċ tal-pagamenti li ma jkunux koperti mill-paragrafu 1, u mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra ta'dan il-Ftehim, kull Parti għandha tiżgura, skont il-liġijiet tagħha, il-moviment liberu tal-kapital relatat ma', fost l-oħrajn:

(a)

krediti marbuta ma' tranżazzjonijiet kummerċjali, li jinkludu l-provvediment ta' servizzi, li fihom ikun qiegħed jipparteċipa resident ta' xi Parti;

(b)

self u krediti finanzjarji; jew

(c)

parteċipazzjoni kapitali f'persuna ġuridika mingħajr l-ebda intenzjoni ta' stabbiliment jew żamma ta' rabtiet ekonomiċi fit-tul.

3.   Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra ta' dan il-Ftehim, il-Partijiet m'għandhom idaħħlu l-ebda restrizzjonijiet ġodda fuq il-moviment ta' kapital bejn ir-residenti tal-Partijiet u m'għandhomx jirrendu l-arranġamenti eżistenti aktar restrittivi.

4.   Il-Partijiet jistgħu jagħmlu konsultazzjonijiet bl-għan li jiffaċilitaw aktar il-moviment ta' kapital bejniethom.

Artikolu 59

Eċċezzjonijiet

Suġġett għar-rekwiżit li tali miżuri ma jiġux applikati b'mod li jikkostitwixxi mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja u mhux ġustifikata bejn pajjiżi fejn ikun hemm kundizzjonijiet simili, jew restrizzjoni moħbija fuq il-movimenti ta' kapital, xejn f'dan il-Kapitolu m'għandu jinftiehem li jimpedixxi l-adozzjoni jew l-infurzar minn kull Parti, ta' miżuri:

(a)

meħtieġa sabiex jipproteġu s-sigurtà pubblika u l-morali pubblika jew biex iżommu l-ordni pubbliku; jew

(b)

neċessarji sabiex tiġi assigurata konformità ma' liġijiet u regolamenti li mhumiex inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet ta' dan it-Titolu, inklużi dawk li għandhom x'jaqsmu ma':

(i)

il-prevenzjoni ta' reati kriminali jew penali, prattiċi qarrieqa jew frodulenti, jew dawk neċessarji biex jindirizzaw l-effett ta' inadempjenza fuq kuntratti (falliment, insolvenza u ħarsien tad-dritt tal-kredituri);

(ii)

miżuri adottati jew miżmuma sabiex jassiguraw l-integrità u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ta' Parti;

(iii)

il-ħruġ, il-kummerċ u n-negozjar f'titoli, opzjonijiet, futuri jew derivattivi oħra;

(iv)

ir-rapportar finanzjarju jew iż-żamma tar-rekords tat-trasferimenti meta jkunu meħtieġa sabiex jassistu lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew lill-awtoritajiet regolatorji finanzjarji; jew

(v)

li jassiguraw il-konformità ma' ordnijiet jew sentenzi fi proċedimenti ġuridiċi jew amministrattivi.

Artikolu 60

Miżuri ta' salvagwardja temporanji rigward movimenti ta' kapital, pagamenti jew trasferimenti

F'ċirkostanzi eċċezzjonali ta' diffikultajiet serji fit-tħaddim tal-politika monetarja u tar-rata tal-kambju, fil-każ tar-Repubblika tal-Każakistan, jew it-tħaddim tal-unjoni ekonomika u monetarja, fil-każ tal-Unjoni Ewropea, jew it-theddida ta' dan, jistgħu jittieħdu miżuri ta' salvagwardja strettament meħtieġa mill-parti kkonċernata fir-rigward ta' moviment ta' kapitali, pagamenti jew trasferimenti għal perijodu ta' mhux aktar minn sena. Il-Parti li żżomm jew li tadotta tali miżuri ta' salvagwardja għandha tinforma lill-Parti l-oħra minnufih u tippreżenta, malajr kemm jista' jkun, skedar għat-tneħħija tagħhom.

KAPITOLU 7

Proprjetà intellettwali

Artikolu 61

Għanijiet

L-għanijiet ta' dan il-Kapitolu huma:

(a)

li jkunu ffaċilitati l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti innovattivi u kreattivi bejn il-Partijiet; u

(b)

li jintlaħaq livell adegwat u effettiv ta' protezzjoni u ta' infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Taqsima 1

Prinċipji

Artikolu 62

In-natura u l-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligi

1.   Il-Partijiet ifakkru l-obbligu tagħhom li jiżguraw l-implimentazzjoni adegwata u effettiva tal-ftehimiet internazzjonali li jirrigwardaw il-proprjetà intellettwali li tagħhom huma partijiet fosthom il-Ftehim tad-WTO dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (“il-Ftehim TRIPS”). Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu għandhom jikkumplimentaw u jispeċifikaw ulterjorment id-drittijiet u l-obbligi bejn il-Partijiet skont il-Ftehim TRIPS u ftehimiet internazzjonali oħra fil-qasam tal-proprjetà intellettwali.

2.   Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, it-terminu “proprjetà intellettwali” jirreferi, fost l-oħrajn, għall-kategoriji kollha tal-proprjetà intellettwali msemmija fl-Artikoli 65 sa 96.

3.   Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali tinkludi l-protezzjoni kontra kompetizzjoni inġusta kif imsemmi fl-Artikolu 10 bis tal-Konvenzjoni ta' Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali tal-1883, kif riveduta u emendata (“il-Konvenzjoni ta' Pariġi”).

4.   Dan il-Kapitolu m'għandux jipprevjeni lill-Partijiet milli japplikaw dispożizzjonijiet fil-liġi tagħhom li jipprovdu għal standards ogħla għall-protezzjoni u l-infurzar tal-proprjetà intellettwali, sakemm dawk id-dispożizzjonijiet ma jiksrux id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu.

Artikolu 63

Trasferiment tat-Teknoloġija

1.   Il-Partijiet jaqblu li jiskambjaw opinjonijiet u informazzjoni dwar il-liġi u l-prattiki internazzjonali tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li jaffettwaw it-trasferiment tat-teknoloġija. B'mod partikolari, dan għandu jinkludi skambji dwar miżuri sabiex jiffaċilitaw il-flussi ta' informazzjoni, is-sħubijiet kummerċjali, u l-liċenzjar u s-sottokuntrattar ta' ftehimiet volontarji. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jinħoloq ambjent adegwat li jippermetti t-trasferiment tat-teknoloġija fil-pajjiżi ospitanti, inklużi kwistjonijiet bħall-qafas legali domestiku u l-iżvilupp tal-kapital uman.

2.   Meta jittieħdu miżuri fir-rigward tat-trasferiment tat-teknoloġija, l-interessi leġittimi tad-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom ikunu mħarsa.

Artikolu 64

Eżawriment

Kull Parti għandha tapplika reġim ta' eżawriment nazzjonali jew reġjonali (17) ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali, skont il-liġi nazzjonali rispettiva tagħha, fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, disinji, jew trademarks.

Taqsima 2

Standards li jirrigwardaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

DRITTIJIET TAL-AWTUR U DRITTIJIET RELATATI

Artikolu 65

Protezzjoni mogħtija

Kull Parti għandha tikkonforma mad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fil-ftehimiet internazzjonali li ġejjin:

(a)

il-Konvenzjoni ta' Berna għall-Protezzjoni ta' Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi (il-Konvenzjoni ta' Berna);

(b)

il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien ta' Atturi, Produtturi ta' Fonogrammi u Organizzazzjonijiet tax-Xandir (il-Konvenzjoni ta' Ruma);

(c)

it-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar id-Drittijiet tal-Awtur;

(d)

it-Trattat tad-WIPO dwar il-Prestazzjonijiet u l-Fonogrammi;

(e)

il-Ftehim TRIPS.

Artikolu 66

Awturi

Kull Parti għandha, fir-rigward tal-awturi, tipprovdi għad-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu:

(a)

ir-riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, bi kwalunkwe mezz u f'kwalunkwe forma, sħiħa jew parzjali tax-xogħlijiet tagħhom;

(b)

kull forma ta' distribuzzjoni lill-pubbliku, bil-bejgħ jew b'xi mod ieħor tal-forom oriġinali ta' xogħlijiethom jew kopji tagħhom;

(c)

kull komunikazzjoni lill-pubbliku ta' xogħlijiethom, b'mezz bil-fili jew mingħajr fili, inkluż li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku xogħlijiethom b'mod li l-membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f'ħin magħżul individwalment minnhom.

Artikolu 67

Artisti interpreti

Kull Parti għandha, fir-rigward tal-artisti interpreti, tipprovdi għad-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu:

(a)

ir-reġistrazzjoni (18) tar-rappreżentazzjoni tagħhom;

(b)

ir-riproduzzjoni kollha jew parti minnha, diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, b'kull mezz u f'kull forma tar-reġistrazzjonijiet tar-rappreżentazzjonijiet tagħhom;

(c)

id-distribuzzjoni għall-pubbliku, permezz ta' bejgħ jew b'xi mod ieħor, tar-reġistrazzjonijiet tar-rappreżentazzjonijiet tagħhom;

(d)

id-disponibbiltà għall-pubbliku, b'mezzi bil-fili jew mingħajr fili, b'tali mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jaċċessaw minn post u f'ħin magħżul individwalment minnhom, tar-reġistrazzjonijiet tal-prestazzjonijiet tagħhom;

(e)

ix-xandir b'mezzi mingħajr fili u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tar-rappreżentazzjonijiet tagħhom, għajr meta l-prestazzjoni nnifisha tkun diġà prestazzjoni mxandra jew tkun magħmula minn reġistrazzjoni.

Artikolu 68

Produtturi ta' fonogrammi

Kull Parti għandha, fir-rigward tal-produtturi ta' fonogrammi, tipprovdi għad-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu:

(a)

ir-riproduzzjoni kollha jew parti minnha, diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, b'kull mezz u f'kull forma tal-fonogrammi tagħhom;

(b)

id-distribuzzjoni tal-fonogrammi tagħhom lill-pubbliku, permezz ta' bejgħ jew b'xi mod ieħor, inklużi kopji tagħhom;

(c)

id-disponibbiltà tal-fonogrammi tagħhom għall-pubbliku, b'mezzi bil-fili jew mingħajr fili, b'mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f'ħin magħżul individwalment minnhom.

Artikolu 69

L-organizzazzjonijiet tax-xandir

Kull Parti għandha, fir-rigward tal-organizzazzjonijiet tax-xandir, tipprovdi għad-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu:

(a)

ir-reġistrazzjoni tax-xandiriet tagħhom;

(b)

ir-riproduzzjoni tar-reġistrazzjoni tax-xandiriet tagħhom;

(c)

id-disponibbiltà lill-pubbliku, b'mezzi bil-fili jew mingħajr fili, tar-reġistrazzjonijiet tax-xandiriet tagħhom b'mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jaċċessawhom minn post u f'ħin magħżul individwalment minnhom; u

(d)

ix-xandir mill-ġdid tax-xandiriet tagħhom b'mezzi mingħajr fili, kif ukoll il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom jekk tali komunikazzjoni ssir f'postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq pagament ta' tariffa għad-dħul.

Artikolu 70

Xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku

Kull Parti għandha tipprovdi għad-dritt li jkun żgurat li titħallas remunerazzjoni unika ekwa mill-utent, jekk fonogramma ppubblikata għall-finijiet kummerċjali, jew riproduzzjoni tagħha, tintuża għax-xandir b'mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill pubbliku, u li jkun żgurat li dik ir-remunerazzjoni titqassam bejn l-artisti interpreti u l-produtturi tal-fonogrammi rilevanti. Kull Parti tista', fin-nuqqas ta' ftehim bejn l-artisti interpreti u l-produtturi tal-fonogrammi, tistipula l-kundizzjonijiet għat-tqassim ta' dik ir-remunerazzjoni bejniethom.

Artikolu 71

Terminu ta' protezzjoni

1.   Id-drittijiet tal-awtur ta' xogħol artistiku jew letterarju skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta' Berna huma validi tul il-ħajja tal-awtur u għal mhux inqas minn 70 sena wara mewtu.

2.   Fil-każ ta' biċċa xogħol ta' aktar minn awtur wieħed, it-terminu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun ikkalkulat mill-mewt tal-aħħar awtur li jibqa' ħaj.

3.   Id-drittijiet tal-artisti interpreti għandhom jiskadu mhux qabel 50 sena wara d-data tar-rappreżentazzjoni. Madankollu, jekk ir-reġistrazzjoni ta' rappreżentazzjoni tkun ippubblikata legalment jew komunikata legalment lill-pubbliku f'dan il-perijodu, id-drittijiet għandhom jiskadu mhux qabel 50 sena wara d-data tal-ewwel pubblikazzjoni bħal din jew l-ewwel komunikazzjoni bħal din lill-pubbliku, liema minnhom tkun l-ewwel;

4.   Id-drittijiet tal-produtturi ta' fonogrammi għandhom jiskadu mhux qabel 50 sena wara li ssir ir-reġistrazzjoni. Madankollu, jekk il-fonogramma tkun ġiet ippubblikata legalment f'dan il-perijodu, id-drittijiet imsemmija għandhom jiskadu mhux qabel 50 sena wara d-data tal-ewwel pubblikazzjoni legali. Jekk ma tkun saret l-ebda pubblikazzjoni legali fil-perijodu msemmi fl-ewwel sentenza, u jekk il-fonogramma tkun ġiet legalment ikkomunikata lill-pubbliku matul dak il-perijodu, id-drittijiet imsemmija għandhom jiskadu mhux qabel 50 sena wara d-data tal-ewwel komunikazzjoni legali lill-pubbliku.

5.   Id-drittijiet tal-organizzazzjonijiet tax-xandir għandhom jiskadu mhux qabel 50 sena wara l-ewwel trażmissjoni ta' xandira, kemm jekk dik ix-xandira tiġi trażmessa b'mezzi bil-fili kif ukoll jekk mingħajr fili, inkluż bil-kejbil jew bis-satellita.

6.   It-termini stipulati f'dan l-Artikolu għandhomjiġu kkalkolati mill-ewwel ta' Jannar tas-sena li ssegwi l-avveniment li jagħti bidu għalihom.

7.   It-termini ta' protezzjoni jistgħu jaqbżu t-termini stabbiliti f'dan l-Artikolu.

Artikolu 72

Protezzjoni ta' miżuri teknoloġiċi

1.   Kull Parti għandha tipprovdi protezzjoni legali adegwata kontra ċ-ċirkomvenzjoni ta' kull miżura teknoloġika effettiva, li l-persuna kkonċernata twettaq fl-għarfien, jew b'bażi raġonevoli ta' għarfien, li hija tkun qiegħda ssegwi dak l-għan.

2.   Kull Parti għandha tipprovdi protezzjoni legali adegwata kontra l-manifattura, l-importazzjoni, id-distribuzzjoni, il-bejgħ, il-kiri, ir-reklamar għall-bejgħ jew għall-kiri, jew il-pussess għal skopijiet kummerċjali, ta' apparat, prodotti jew komponenti, jew il-provvista ta' servizzi li huma prinċipalment diretti lejn jew li jippermettu ċ-ċirkomvenzjoni ta' kull miżura teknoloġika effettiva.

3.   Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, l-espressjoni “miżuri teknoloġiċi” tfisser kull teknoloġija, apparat jew komponent li, fil-proċess normali tat-tħaddim tiegħu, ikun imfassal biex jevita jew jillimita atti, fir-rigward ta' xogħlijiet jew suġġetti oħra, li ma jkunux awtorizzati mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet relatati, hekk kif previst mil-liġi nazzjonali. Miżuri teknoloġiċi għandhom jitqiesu “effettivi” fejn l-użu ta' xogħol protett jew ta' materjal ieħor huwa kontrollat mid-detenturi tad-drittijiet permezz tal-applikazzjoni ta' kontroll għal aċċess jew proċess ta' protezzjoni, bħal kriptaġġ, taqlib jew trasformazzjoni oħra tax-xogħol jew materjal ieħor jew mekkaniżmu ta' kontroll ta' kkupjar, li jilħaq l-għan ta' protezzjoni.

Artikolu 73

Il-protezzjoni ta' informazzjoni dwar l-immaniġġar tad-drittijiet

1.   Kull Parti għandha tipprovdi protezzjoni legali adegwata kontra kull persuna li twettaq xi wieħed mill-atti li ġejjin mingħajr ma jkollha l-awtorità:

(a)

it-tneħħija jew it-tibdil ta' kwalunkwe informazzjoni elettronika tal-immaniġġar tad-drittijiet;

(b)

id-distribuzzjoni, l-importazzjoni għad-distribuzzjoni, ix-xandir, il-komunikazzjoni jew it-tpoġġija għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, ta' xogħlijiet jew affarijiet oħra protetti taħt dan il-Ftehim, li minnhom tkun tneħħiet jew ġiet mibdula mingħajr awtorizzazzjoni, informazzjoni elettronika dwar l-immaniġġar tad-drittijiet,

jekk dik il-persuna tkun taf, jew ikollha raġunijiet biżżejjed sabiex tkun taf, li billi tagħmel dan tkun qiegħda tikkawża, tippermetti, tiffaċilita jew taħbi l-ksur ta' xi dritt tal-awtur jew dritt relatat kif previst mil-liġi nazzjonali.

2.   Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu, l-espressjoni “informazzjoni dwar l-immaniġġar tad-drittijiet” tfisser kull informazzjoni pprovduta mid-detenturi tad-drittijiet li tidentifika x-xogħol jew suġġett ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati, l-awtur jew kull detentur ieħor ta' drittijiet, jew informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-użu tax-xogħol jew ta' suġġett ieħor, u kull numru jew kodiċi li jirrappreżenta tali informazzjoni.

3.   Il-paragrafu 1 għandu japplika meta xi wieħed mil-elementi ta' informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ikun assoċjat ma' kopja, jew jidher b'rabta mal-komunikazzjoni lill-pubbliku ta' xogħol jew ta' suġġett ieħor li huwa protett bid-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati.

Artikolu 74

Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet

1.   Skont il-konvenzjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali li għalihom huma partijiet, kull Parti tista' tipprovdi għal limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet għad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 66 sa 70, f'ċerti każi speċjali biss li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħlijiet jew ta' suġġett ieħor u li ma jippreġudikawx b'mod mhux raġonevoli l-interessi leġittimi tad-detenturi tad-drittijiet.

2.   Kull Parti għandha tipprovdi li l-atti temporanji ta' riproduzzjoni msemmija fl-Artikoli 66 sa 70, li huma temporanji jew inċidentali, li huma parti integrali u essenzjali ta' proċess teknoloġiku u li l-għan ewlieni tagħhom hu li jippermettu:

(a)

trażmissjoni f'netwerk bejn partijiet terzi minn intermedju, jew

(b)

użu legali

ta' xogħol jew suġġett ieħor li għandu jsir, u li ma jkollhom ebda sinifikat ekonomiku indipendenti, għandhom ikunu eżenti mid-dritt ta' riproduzzjoni previst fl-Artikoli 66 sa 69.

Artikolu 75

Dritt ta' bejgħ mill-ġdid

Kull Parti għandha tipprovdi, għall-benefiċċju tal-awtur ta' xogħol artistiku oriġinali li huwa ċittadin tal-Parti l-oħra u għall-benefiċċju tas-suċċessur tagħha fit-titolu, dritt ta' bejgħ mill-ġdid, li jkun definit bħala dritt inaljenabbli, li ma jistax jitneħħa, lanqas bil-quddiem, sabiex jirċievi royalty ibbażata fuq il-prezz tal-bejgħ miksub mill-bejgħ mill-ġdid tax-xogħol, wara l-ewwel trasferiment tax-xogħol mill-awtur. Il-livelli limitu u r-rati tal-ġbir ta' royalties għandhom jiġu stabbiliti skont il-liġi nazzjonali tal-Parti fejn isir il-bejgħ mill-ġdid (19).

Artikolu 76

Kooperazzjoni dwar l-immaniġġar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur

Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri raġonevoli bħal dawn li jistgħu jkunu disponibbli għalihom biex jiffaċilitaw l-istabbiliment ta' ftehimiet bejn is-soċjetajiet tal-immaniġġar kollettiv rispettivi tagħhom bl-għan li jiġi żgurat aċċess reċiproku u twassil ta' xogħlijiet u ta' materjal protett ieħor b'mod aktar faċli bejn it-territorji tal-Partijiet, kif ukoll it-trasferiment ta' royalties bejniethom għall-użu ta' dawn ix-xogħlijiet jew suġġett ieħor protett. Il-Partijiet għandhom jieħdu wkoll miżuri raġonevoli bħal dawn li jistgħu jkunu disponibbli għalihom biex jiksbu livell għoli ta' razzjonalizzazzjoni u trasparenza fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti tas-soċjetajiet tal-immaniġġar kollettiv rispettivi tagħhom.

TRADEMARKS

Artikolu 77

Ftehimiet internazzjonali

Kull Parti għandha:

(a)

tikkonforma mal-Protokoll li għandu x'jaqsam mal-Ftehim ta' Madrid li Jikkonċerna r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tal-Marki u mat-Trattat tad-WIPO dwar il-Liġi dwar it-Trademarks; u

(b)

tagħmel l-isforzi kollha raġonevoli biex taċċedi għat-Trattat ta' Singapor dwar il-Liġi tat-Trademarks.

Artikolu 78

Proċedura ta' Reġistrazzjoni

1.   Kull Parti għandha tipprovdi għal sistema ta' reġistrazzjoni tat-trademarks fejn kull deċiżjoni finali meħuda mill-awtorità kompetenti rilevanti tat-trademarks għandha tkun raġunata u kkomunikata bil-miktub kif xieraq lill-applikant li jkollu l-opportunità li jikkontestaha quddiem l-awtorità tat-trademarks kompetenti u li jappellaha quddiem il-Qorti.

2.   Kull Parti għandha tipprovdi għall-possibbiltà li d-dententuri tad-drittijiet jopponu applikazzjonijiet għat-trademarks jew reġistrazzjonijiet. Il-proċedimenti f'każ ta' oppożizzjoni għandhom ikunu kuntrarji.

3.   Kull Parti għandha tipprovdi database elettronika pubblikament disponibbli tar-reġistrazzjonijiet tat-trademarks.

Artikolu 79

Trademarks magħrufa

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw bl-għan li l-protezzjoni ta' trademarks magħrufin sew, kif imsemmi fl-Artikolu 6bis tal-Konvenzjoni ta' Pariġi u l-Artikolu 16(2) u (3) tal-Ftehim TRIPS, tkun effettiva.

Artikolu 80

Eċċezzjonijiet għad-drittijiet mogħtija minn trademark

Kull Parti għandha tipprovdi għal eċċezzjonijiet limitati għad-drittijiet mogħtija minn trademark, bħall-użu ġust ta' termini deskrittivi, l-użu ta' indikazzjonijiet ġeografiċi jew eċċezzjonijiet limitati oħra, li jqisu l-interessi leġittimi tal-proprjetarju tat-trademark u tal-partijiet terzi.

INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI

Artikolu 81

Definizzjoni

L-indikazzjonijet ġeografiċi huma, għall-għanijiet ta' dan il-Ftehim, indikazzjonijiet li jidentifikaw prodott ġej minn territorju ta' Parti, jew reġjun jew lokalità f'dak it-territorju, fejn il-kwalità, reputazzjoni jew xi karatteristika oħra partikolari tal-prodott hija attriwibbli essenzaliment għall-oriġini ġeografika.

Artikolu 82

Il-Prinċipji tal-Protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

1.   Kull Parti għandha tiżgura protezzjoni adegwata u indefinita ta' indikazzjonijiet ġeografiċi, permezz ta' sistema sui generis ta' protezzjoni u b'konformità mal-liġi nazzjonali, sakemm l-indikazzjoni ġeografika tgawdi protezzjoni legali fil-pajjiż ta' oriġini.

2.   Għal dak l-għan, il-Partijiet għandhom jikkooperaw fil-qasam tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fuq il-bażi ta' dan l-Artikolu, li jikkomplementa l-istandards minimi stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim TRIPS.

3.   Kull Parti għandha tiżgura li s-sistema ta' protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tagħha hija miftuħa għar-reġistrazzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Parti l-oħra. Kull Parti għandha tipprovdi database elettronika pubblikament disponibbli ta' indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati.

4.   Fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti fit-territorju rispettiv tagħha, kull Parti għandha tipprojbixxi u tipprevjeni:

(a)

kull użu kummerċjali dirett jew indirett ta' isem irreġistrat fir-rigward ta' prodotti li mhumiex koperti bir-reġistrazzjoni sa fejn:

(i)

dawk il-prodotti jkunu komparabbli mal-prodotti protetti taħt dak l-isem, jew

(ii)

dan l-użu jisfrutta r-reputazzjoni tal-isem protett;

(b)

kull użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni ta' isem reġistrat, anki jekk l-oriġini vera tal-prodott hija indikata jew l-isem protett huwa tradott, traskritt jew translitterat jew akkumpanjat minn espressjoni bħal “stil”, “tip”, “metodu”, “kif prodott fi”, “speċi”, “imitazzjoni”, jew termini oħra simili;

(c)

kull indikazzjoni falza jew qarrieqa oħra fir-rigward tal-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott, fuq l-imballaġġ intern jew estern, il-materjal ta' reklamar jew dokumenti relatati mal-prodott ikkonċernat, u l-imballaġġ tal-prodott f'kontenitur li x'aktarx jagħti impressjoni falza rigward l-oriġini tiegħu; jew

(d)

kull prattika oħra li tista' tqarraq bil-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott.

5.   Kull Parti għandha tinforza l-protezzjoni prevista fl-Artikoli 81 sa 83 inkluż, wara talba minn parti interessata, permezz ta' infurzar amministrattiv xieraq skont il-liġi domestika.

6.   Kull Parti għandha tiżgura li l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti jkunu jistgħu jintużaw minn kull operatur li jikkummerċjalizza prodott li jkun konformi mal-ispeċifikazzjoni korrispondenti.

7.   Kull Parti għandha tiżgura li l-ismijiet li jkunu pproteġew skont il-liġi domestika ma jsirux ġeneriċi.

8.   Il-Partijiet m'għandu jkollhom l-ebda obbligu li jirreġistraw indikazzjoni ġeografika fejn, fir-rigward ta' trademark ta' fama jew magħrufa sewwa, ir-reġistrazzjoni tista' tiżgwida l-konsumaturi dwar l-identità vera tal-prodott.

9.   Mingħajr preġudizzju għal dan l-Artikolu, kull Parti għandha tipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi anki meta teżisti trademark preċedenti. “Trademark preċedenti” tfisser trademark li l-użu tagħha jikkorrispondi ma' waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4, li għaliha tkun saret applikazzjoni, tkun ġiet irreġistrata jew stabbilita bl-użu, jekk din il possibbiltà hemm provvediment għaliha fil-liġi nazzjonali, bi prijorità qabel id-data li fiha l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika tkun ġiet ippreżentata lill-awtorità kompetenti ta' dik il-Parti. Trademark preċedenti bħal din tista' tibqa' tiġi użata u mġedda minkejja l-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika, bil-kundizzjoni li fil-liġi dwar it-trademarks tal-Parti fejn tkun ġiet reġistrata jew użata t-trademark, ma jkunux jeżistu raġunijiet għall-invalidità jew ir-revoka tagħha.

Artikolu 83

Negozjati

Mhux aktar tard minn seba' snin wara d-data li fiha jibda japplika dan it-Titolu, il-Partijiet għandhom jibdew in-negozjati bl-għan li jiġi konkluż ftehim dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fit-territorji rispettivi tagħhom.

DISINJI

Artikolu 84

Ftehimiet internazzjonali

L-Unjoni Ewropea tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha favur l-Att ta' Ġinevra tal-Ftehim tal-Aja dwar ir-Reġistrazzjoni Internazzjonali ta' Disinji Industrijali tal-1999. Ir-Repubblika tal-Każakistan għandha tagħmel sforzi raġonevoli biex taderixxi miegħu.

Artikolu 85

Rekwiżiti għall-protezzjoni ta' disinji reġistrati

1.   Kull Parti għandha tipprovdi l-protezzjoni ta' disinji maħluqa indipendentement li huma oriġinali u ġodda. Din il-protezzjoni għandha tkun ipprovduta bir-reġistrazzjoniu għandha tagħti dritt esklussiv lid-detenturi ta' disinn reġistrat skont il-liġi nazzjonali. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, Parti tista' tikkunsidra li disinn li jkollu karattru individwali jkun oriġinali.

2.   Disinn li jiġi applikat jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta' prodott kumpless għandu jiġi kkunsidrat biss li jkun ġdid jew li jkollu karattru individwali:

(a)

jekk il-parti komponenti, ġaladarba tkun ġiet inkorporata fil-prodott kumpless, tibqa' tidher matul l-użu normali ta' dan tal-aħħar, eskluża l-manutenzjoni, is-servizz jew ix-xogħol ta' tiswija, u

(b)

sa fejn u sakemm dawn il-karatteristiċi viżibbli tal-parti komponenti jwettqu fihom infushom il-ħtiġiet fir-rigward tan-novità u l-karattru individwali.

Artikolu 86

Drittijiet mogħtija bir-reġistrazzjoni

Id-detentur ta' disinn irreġistrat għandu jkollu d-dritt esklussiv li jużah u li jimpedixxi kull parti terza li ma jkollhiex il-kunsens tas-sid, milli, fost oħrajn, tagħmel, toffri għall-bejgħ, tbigħ, timporta, tesporta, tistokkja jew tuża prodott li jġorr jew li jinkorpora d-disinn protett meta dawn l-atti jsiru għal skopijiet kummerċjali.

Artikolu 87

Protezzjoni mogħtija lil disinji mhux reġistrati

Mhux aktar tard minn seba' snin wara d-data li fiha jibda japplika effettivament dan it-Titolu, ir-Repubblika tal-Każakistan tintroduċi protezzjoni legali kontra l-ikkupjar ta' disinji mhux reġistrati, bil-kundizzjoni li l-Unjoni Ewropea, mhux aktar tard minn sentejn qabel it-tmiem ta' dan il-perijodu ta' seba' snin, tipprovdi taħriġ adegwat għar-rappreżentanti tal-korpi u l-organizzazzjonijiet awtorizzati, u l-imħallfin.

Artikolu 88

Terminu ta' protezzjoni

Id-durata tal-protezzjoni mid-data li fiha ssir l-applikazzjoni għandha tammonta għal mill-inqas għaxar snin. Kull Parti tista' tipprevedi li d-detentur tad-dritt jista' jkollu t-terminu ta' protezzjoni mġedded għal perijodu wieħed jew aktar ta' ħames snin il-wieħed, sat-terminu massimu ta' protezzjoni stabbilit skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 89

Eċċezzjonijiet

1.   Kull Parti tista' tipprovdi għal eċċezzjonijiet limitati għall-protezzjoni tad-disinji, bil-kundizzjoni li tali eċċezzjonijiet ma jkunux f'kunflitt inġust mal-isfruttament normali tad-disinji protetti u ma jippreġudikawx inġustament l-interessi leġittimi tas-sid tad-disinn protett, filwaqt li jitqiesu l-interessi leġittimi tal-partijiet terzi.

2.   Il-protezzjoni tad-disinn ma għandhiex testendi la għall-karatteristiċi tad-dehra ddettati biss b'funzjoni teknika tal-prodott u lanqas għall-karatteristiċi tad-dehra ta' prodott li huma meħtieġa biex tkun żgurata l-interoperabbiltà ma' prodott ieħor (20).

3.   Dritt ta' disinn m'għandux jeżisti f'disinn li jmur kontra l-politika pubblika jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità.

Artikolu 90

Ir-relazzjoni mad-dritt tal-awtur

Disinn protett minn dritt ta' disinn reġistrat f'Parti għandu jkun eliġibbli wkoll għal protezzjoni skont il-liġi tad-dritt tal-awtur ta' dik il-Parti sa mid-data li fiha d-disinn ikun inħoloq jew ikun ġie ffissat fi kwalunkwe forma. Il-punt sa fejn, u l-kundizzjonijiet li taħthom, din il-protezzjoni tiġi kkonferita, inkluż il-livell meħtieġ tal-oriġinalità, għandhom jiġu determinati minn kull Parti.

PRIVATTIVI

Artikolu 91

Ftehimiet internazzjonali

Kull Parti għandha tagħmel kull sforz raġonevoli biex tikkonforma mal-Artikoli 1 sa 16 tat-Trattat dwar il-Liġi tal-Privattivi.

Artikolu 92

Privattivi u saħħa pubblika

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tad-Dikjarazzjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika, adottata fl-14 ta' Novembru 2001. Fl-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi skont dan il-Kapitolu, kull Parti għandha tiżgura konsistenza ma' dik id-Dikjarazzjoni.

2.   Kull Parti għandha tirrispetta d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO tat-30 ta' Awwissu 2003 dwar il-paragrafu 6 tad-Dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 93

Ċertifikati ta' protezzjoni supplimentari

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-prodotti mediċinali u dawk għall-protezzjoni tal-pjanti protetti bi privattiva fit-territorju rispettiv tagħhom jistgħu jkunu suġġetti għal proċedura ta' awtorizzazzjoni amministrattiva qabel ma jitpoġġew fis-suq. Huma jirrikonoxxu li l-perijodu li jgħaddi bejn l-introduzzjoni tal-applikazzjoni għal privattiva u l-ewwel awtorizzazzjoni biex il-prodott jitpoġġa fis-suq, kif definit għal dak l-iskop mil-liġi nazzjonali rilevanti, jista' jqassar il-perijodu ta' protezzjoni effettiva konferit mill-privattiva.

2.   Kull Parti għandha tipprovdi għal perijodu ulterjuri ta' protezzjoni għal prodott mediċinali jew wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun protett bi privattiva u li kien suġġett għal proċedura ta' awtorizzazzjoni amministrattiva, b'dak il-perijodu li jkun ekwivalenti għall-perijodu msemmi fit-tieni sentenza tal-paragrafu 1, imnaqqas b'perijodu ta' ħames snin.

3.   Minkejja l-paragrafu 2, id-durata tal-perijodu ulterjuri ta' protezzjoni ma jistax jaqbeż il-ħames snin.

Artikolu 94

Il-protezzjoni tad-data sottomessa għall-kisba ta' awtorizzazzjoni biex prodott farmaċewtiku (21) jitpoġġa fis-suq

1.   Kull Parti għandha timplimenta sistema komprensiva biex tiggarantixxi l-kunfidenzjalità, in-nuqqas ta' żvelar u n-nuqqas ta' dipendenza fuq data sottomessa għall-iskop li tinkiseb awtorizzazzjoni biex prodott mediċinali jitqiegħed fis-suq.

2.   Kull Parti għandha tiżgura li kull informazzjoni sottomessa biex tinkiseb awtorizzazzjoni biex jitqiegħed prodott farmaċewtiku fis-suq, kif imsemmi fl-Artikolu 39(3) tal-Ftehim TRIPS, tibqa' mhux żvelata lil partijiet terzi u tgawdi minn perijodu ta' mill-inqas sitt snin ta' protezzjoni kontra l-użu kummerċjali inġust li jibda mid-data tal-għotja ta' awtorizzazzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni fi kwalunkwe Parti.

Għal dak l-għan,

(a)

matul perijodu ta' mill-inqas sitt snin li jibda mid-data tal-għotja ta' awtorizzazzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni, l-ebda persuna jew entità, kemm pubblika kif ukoll privata, apparti minn dik il-persuna jew entità li ssottomettiet tali data mhux żvelata, m'għandha titħalla tistrieħ direttament jew indirettament fuq din id-data, mingħajr il-kunsens espliċitu tal-persuna jew l-entità li ppreżentat dik id-data, b'appoġġ ta' applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni biex jitqiegħed prodott farmaċewtiku fis-suq;

(b)

matul perijodu ta' mill-inqas sitt snin, li jibda mid-data tal-għotja ta' awtorizzazzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni, kull applikazzjoni sussegwenti għall-awtorizzazzjoni biex prodott farmaċewtiku jitpoġġa fis-suq m'għandhiex tingħata, sakemm l-applikant sussegwenti ma jissottomettix id-data tiegħu stess, jew data użata b'awtorizzazzjoni tad-detentur tal-ewwel awtorizzazzjoni, li tissodisfa l-istess rekwiżiti bħal fil-każ tal-ewwel applikant. Matul dan il-perijodu ta' sitt snin, il-prodotti rreġistrati mingħajr is-sottomissjoni ta' tali data jitneħħew mis-suq sakemm ir-rekwiżiti jiġu ssodisfati.

Artikolu 95

Il-protezzjoni tad-data dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u regoli biex jiġi evitat l-ittestjar doppju

1.   Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu r-rekwiżiti tas-sigurtà u l-effikaċja qabel ma jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

2.   Kull Parti għandha tirrikonoxxi dritt temporanju tal-protezzjoni tad-data lis-sid ta' test jew rapport ta' studju ppreżentat għall-ewwel darba biex tinkiseb awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

Matul il-perijodu ta' validità tad-dritt tal-protezzjoni tad-data, it-test jew rapport ta' studju m'għandux jintuża għall-benefiċċju ta' xi persuna oħra li tfittex li tikseb awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, għajr meta jingħata l-kunsens espliċitu tas-sid. Minn hawn 'il quddiem dan id-dritt għandu jissejjaħ “protezzjoni tad-data”.

3.   It-test jew ir-rapport ta' studju għandhom:

(a)

ikunu meħtieġa għall-awtorizzazzjoni jew għall-emenda ta' awtorizzazzjoni sabiex jiġi permess l-użu fuq uċuħ tar-raba' oħra, u

(b)

ikunu ċertifikati bħala konformi mal-prinċipji ta' prattika tal-laboratorji tajba jew prattika esperimentali tajba.

4.   It-terminu ta' protezzjoni tad-data għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti f'Parti għandu jkun ta' għaxar snin, li jibdew mid-data tal-ewwel awtorizzazzjoni f'dik il-Parti. Perijodi itwal jistgħu jingħataw minn kull Parti biex jinkoraġġixxu l-awtorizzazzjoni ta', pereżempju, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b'riskju baxx jew użi minuri.

5.   Test jew studju għandu jkun protett ukoll jekk ikun meħtieġ għat-tiġdid jew għar-rieżami ta' awtorizzazzjoni.

6.   Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu regoli dwar l-evitar ta' ittestjar doppju fuq annimali vertebrati. Kull applikant li jkun beħsiebu jwettaq testijiet u studji li jinvolvu annimali vertebrati għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jivverifika li dawk it-testijiet u studji ma jkunux diġà twettqu jew inbdew.

7.   L-applikant prospettiv u d-detentur jew id-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet rilevanti għandhom jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li jikkondividu t-testijiet u l-istudji li jinvolvu l-annimali vertebrati. L-ispejjeż tal-kondiviżjoni tar-rapporti ta' ttestjar u ta' studju għandhom ikunu determinati b'mod ġust, trasparenti u nondiskriminatorju. L-applikant prospettiv għandu jkun meħtieġ biss li jikkondividi fl-ispejjeż tal-informazzjoni li huwa meħtieġ iressaq sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni.

8.   Fejn l-applikant prospettiv u d-detentur jew id-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet rilevanti ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ma jistgħux jilħqu ftehim dwar il-kondiviżjoni ta' rapporti ta' testijiet u studji li jinvolvu annimali vertebri, l-applikant prospettiv għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tal-Parti kkonċernata.

9.   In-nuqqas milli jintlaħaq ftehim dwar il-kondiviżjoni tar-rapporti tat-testijiet u l-istudji li jinvolvu l-annimali vertebrati m'għandux jipprevjeni lill-awtorità kompetenti tal-Parti kkonċernata milli tuża dawk ir-rapporti għall-iskop tal-applikazzjoni tal-applikant prospettiv.

Id-detentur jew id-detenturi tal-awtorizzazzjoni rilevanti jistgħu jitolbu lill-applikant prospettiv jipparteċipa b'mod ekwu fl-ispejjeż imġarrba minnu jew minnhom. Il-Parti tista' tidderieġi lill-partijiet involuti biex isolvu l-kwistjoni permezz ta' arbitraġġ formali u vinkolanti amministrat skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 96

Varjetajiet tal-pjanti

L-Unjoni Ewropea tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha lejn il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti (il-Konvenzjoni UPOV), li magħha r-Repubblika tal-Każakistan għandha tagħmel sforzi raġonevoli biex taderixxi.

Taqsima 3

Infurzar tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali

Artikolu 97

Obbligi ġenerali

1.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenji tagħhom skont il-Ftehim TRIPS, partikolarment il-Parti III tiegħu, u għandhom jipprevedu l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji komplementari stabbiliti f'din it-Taqsima, meħtieġa biex jiżguraw l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (22).

2.   Dawn il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u ekwi u m'għandhomx ikunu kkomplikati jew għaljin bla bżonn, jew jinvolvu limiti ta' żmien irraġonevoli jew dewmien mhux ġustifikat. Għandhom ikunu wkoll effettivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom jiġu applikati b'tali mod li jiġi evitat il-ħolqien ta' ostakoli għall-kummerċ leġittimu u biex jipprevedu salvagwardji kontra l-abbuż tagħhom.

Artikolu 98

Applikanti intitolati

Kull Parti għandha tirrikonoxxi bħala persuni intitolati biex ifittxu l-applikazzjoni tal-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji msemmija f'din it-Taqsima u fil-Parti III tal-Ftehim TRIPS:

(a)

id-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali applikabbli;

(b)

il-persuni l-oħra kollha awtorizzati li jużaw dawk id-drittijiet, b'mod partikolari d-detenturi ta' liċenzja, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali u sa fejn ikun permess minnhom;

(c)

l-entitajiet ta' ġestjoni tad-drittijiet kollettivi tal-proprjetà intellettwali li jkunu regolarment rikonoxxuti bħala li jkollhom dritt li jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali u sa fejn ikun permess minnhom;

(d)

l-entitajiet professjonali ta' difiża li jkunu regolarment rikonoxxuti bħala li jkollhom dritt li jirrrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, sa fejn ikun permess b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali applikabbli.

Artikolu 99

Evidenza

1.   Fejn parti tkun ippreżentat evidenza disponibbli b'mod raġonevoli biżżejjed biex tappoġġa l-allegazzjonijiet tagħha u tkun, fl-issostanzjar tal-allegazzjonijiet tagħha, speċifikat evidenza li tinsab fil-kontroll tal-parti opposta, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' kull Parti għandu jkollhom l-awtorità jordnaw li din l-evidenza tiġi prodotta mill-parti opposta, soġġetta għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzali.

2.   Taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, kull Parti għandha tieħu tali miżuri kif ikun meħtieġ, fil-każ ta' ksur ta' dritt ta' proprjetà intellettwali mwettaq fuq skala kummerċjali, sabiex l-awtoritajiet ġuridiċi kompetenti jkunu jistgħu jordnaw, fejn ikun xieraq u wara applikazzjoni, il-komunikazzjoni ta' dokumenti bankarji, finanzjarji jew kummerċjali taħt il-kontroll tal-parti opposta, suġġetti għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali.

Artikolu 100

Miżuri għall-preservazzjoni tal-evidenza

1.   Kull Parti għandha tiżgura li, saħansitra qabel il-bidu ta' proċedimenti dwar il-merti tal-każ, wara applikazzjoni minn detentur tad-drittijiet li jkun ippreżenta evidenza raġonevolment disponibbli sabiex isostni l-allegazzjonijiet tiegħu li d-dritt tal-proprjetà intellettwali tiegħu jkun inkiser jew ikun se jinkiser, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jkunu jistgħu jordnaw miżuri provviżorji fil-pront u effettivi sabiex tiġi ppreżervata l-evidenza rilevanti fir-rigward tal-allegat ksur, soġġett għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali.

2.   Tali miżuri jistgħu jinkludu d-deskrizzjoni dettaljata, bit-teħid tal-kampjuni jew mingħajrhom, jew il-qbid fiżiku tal-prodotti allegatament kontraventorji, u, f'każi xierqa, il-materjali u l-għodod li ntużaw fil-produzzjoni u/jew fid-distribuzzjoni ta' dawn il-prodotti u d-dokumenti relatati magħhom. Dawk il-miżuri għandhom jittieħdu, jekk ikun hemm bżonn, mingħajr ma tinstemal-parti l-oħra, b'mod partikolari fejn kull dewmien aktarx jikkawża dannu irreparabbli lid-detentur tad-dritt jew fejn ikun hemm riskju li jista' jintwera li qiegħda tinqered l-evidenza.

Artikolu 101

Dritt għall-informazzjoni

1.   Kull Parti għandha tiżgura li, fil-kuntest tal-proċedimenti li jikkonċernaw ksur ta' dritt ta' proprjetà intellettwali u b'risposta għal talba ġġustifika u proporzjonali tar-rikorrent, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jkunu jistgħu jordnaw li l-informazzjoni dwar l-oriġini u n-netwerks ta' distribuzzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li jiksru dritt ta' proprjetà intellettwali tiġi pprovduta mill-kontraventur u/jew minn kull persuna oħra li:

(a)

instabet fil-pussess tal-prodotti kontraventorji fuq skala kummerċjali;

(b)

instabet li kienet qiegħda tuża s-servizzi kontraventorji fuq skala kummerċjali;

(c)

instabet li kienet qiegħda tipprovdi fuq skala kummerċjali, servizzi użati f'attivitajiet kontraventorji; jew

(d)

kienet indikata mill-persuna msemmija fil-punt (a), (b) jew (c) bħala li kienet involuta fil-produzzjoni, fil-manifattura jew fid-distribuzzjoni tal-prodotti jew fil-provvista tas-servizzi.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:

(a)

l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi, il-manifatturi, id-distributuri, il-fornituri u detenturi preċedenti oħra tal-prodotti jew is-servizzi, kif ukoll il-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut intenzjonati;

(b)

informazzjoni dwar il-kwantitajiet prodotti, manifatturati, ikkonsenjati, riċevuti jew ordnati, kif ukoll il-prezz miksub għall-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet statutorji oħrajn li:

(a)

jagħtu lid-detentur tad-dritt, id-drittijiet li jirċievi informazzjoni aktar dettaljata;

(b)

jirregolaw l-użu fil-proċedimenti ċivili jew kriminali, tal-informazzjoni kkomunikata skont dan l-Artikolu;

(c)

jirregolaw ir-responsabbiltà għall-użu ħażin tad-dritt tal-informazzjoni;

(d)

jagħtu l-opportunità għal rifjut li tiġi pprovduta informazzjoni li tkun tisforza lill-persuna msemmija fil-paragrafu 1 tammetti l-parteċipazzjoni tagħha stess jew dik ta' qraba tagħha fi ksur ta' dritt ta' proprjetà intellettwali; jew

(e)

jirregolaw il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi tal-informazzjoni jew l-ipproċessar tad-data personali.

Artikolu 102

Miżuri provviżorji u prekawzjonarji

1.   Kull Parti għandha tiżgura li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu, fuq it-talba tal-applikant, joħorġu inġunzjoni interlokutorja kontra l-allegat kontraventur maħsuba sabiex tipprevjeni kull ksur imminenti ta' dritt ta' proprjetà intellettwali jew biex tipprojbixxi, fuq bażi provviżorja u soġġetta, fejn ikun xieraq, għal pagament rikorrenti ta' penali fejn ikun previst fil-liġi nazzjonali, il-kontinwazzjoni tal-ksur allegat ta' dak id-dritt, jew li tali kontinwazzjoni tkun suġġetta għad-depożitu ta' garanziji maħsuba biex ikun żgurat il-kumpens tad-detentur tad-dritt. Inġunzjoni interlokutorja tista' tinħareġ ukoll, skont l-istess kundizzjonijiet, u skont il-liġi nazzjonali, kontra intermedjarju li s-servizzi tiegħu jkunu qegħdin jintużaw minn parti terza biex isir ksur ta' dritt tal-proprjetà intellettwali.

2.   Inġunzjoni interlokutorja tista' tinħareġ ukoll sabiex jiġi ordnat is-sekwestru jew il-kunsinna tal-prodotti ssuspettati li qed jiksru dritt ta' proprjetà intellettwali, sabiex tipprevjeni d-dħul fi jew il-movimenti tagħhom fil-kanali kummerċjali.

3.   Fil-każ ta' ksur imwettaq fuq skala kummerċjali, kull Parti għandha tassigura li, jekk l-applikant juri ċirkostanzi li aktarx jipperikolaw l-irkupru tad-danni, l-awtoritajiet ġudizzjarji jkunu jistgħu, skont il-liġi nazzjonali, jordnaw is-sekwestru prekawzjonarju jew l-arrest tal-proprjetà mobbli u/jew immobbli tal-allegat kontraventur, inkluż l-ibblokkjar tal-kontijiet bankarji tiegħu u ta' assi oħra. Għal dan l-għan, l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw li jiġu pprovduti dokumenti bankarji, finanzjarji jew kummerċjali, jew l-aċċess xieraq għall-informazzjoni rilevanti.

Artikolu 103

Miżuri rimedjali

1.   Kull Parti għandha tiżgura li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jkunu jistgħu jordnaw, fuq it-talba tal-applikant u mingħajr preġudizzju għal kull dannu dovut lid-detentur tad-dritt minħabba l-ksur, u mingħajr kumpens ta' kull xorta, is-sejħa lura, it-tneħħija definittiva mill-kanali kummerċjali, jew il-qerda tal-prodotti li nstabu li qed jiksru dritt ta' proprjetà intellettwali. Jekk ikun xieraq, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu jordnaw ukoll il-qerda ta' materjali u għodod użati b'mod predominanti fil-ħolqien jew il-manifattura ta' dawk il-prodotti.

2.   L-awtoritajiet ġudizzjarji ta' kull Parti għandu jkollhom is-setgħa jordnaw li dawn il-miżuri jitwettqu għad-dannu tal-kontraventur, sakemm ma jiġux invokati raġunijiet partikolari sabiex dan ma jsirx.

Artikolu 104

Inġunzjonijiet

Kull Parti għandha tassigura li, meta tittieħed deċiżjoni ġudizzjarja li ssib ksur ta' dritt tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji jkunu jistgħu joħorġu inġunzjoni kontra l-kontraventur li jkollha fil-mira l-projbizzjoni tal-kontinwazzjoni tal-ksur. Fejn ikun previst mil-liġi nazzjonali, in-nuqqas ta' konformità ma' inġunzjoni għandu jkun, fejn ikun xieraq, suġġett għall-pagament ta' penali rikorrenti, bil-ħsieb li tiġi assigurata l-konformità. Kull Parti għandha tiżgura wkoll li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f'pożizzjoni li japplikaw għal inġunzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jintużaw minn parti terza biex jinkiser dritt ta' proprjetà intellettwali.

Artikolu 105

Miżuri alternattivi

Kull Parti, skont il-liġi nazzjonali, tista' tipprovdi li, f'każijiet xierqa u wara talba tal-persuna li tista' tkun suġġetta għall-miżuri previsti fl-Artikolu 103 u/jew l-Artikolu 104, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jkunu jistgħu jordnaw kumpens fi flus li għandu jitħallas lill-parti danneġġata minflok ma jiġu applikati l-miżuri previsti fl-Artikolu 103 u/jew l-Artikolu 104 jekk dik il-persuna tkun aġixxiet b'mod mhux intenzjonali u mingħajr negliġenza, jekk it-twettiq tal-miżuri inkwistjoni jikkawżalha dannu sproporzjonat u jekk il-kumpens fi flus lill-parti danneġġata jidher li jkun raġonevolment sodisfaċenti.

Artikolu 106

Danni

1.   Kull Parti għandha tiżgura li meta l-awtoritajiet ġudizzjarji jistabbilixxu d-danni:

(a)

huma għandhom iqisu l-aspetti kollha xierqa, bħalma huma l-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, fosthom il-profitti mitlufa, li tkun sofriet il-parti danneġġata, kul qligħ inġust li jkun għamel il-kontraventur u, f'każijiet xierqa, elementi għajr fatturi ekonomiċi, inklużi l-ħsara morali kkawżat lid-detentur tad-dritt minħabba l-ksur; jew

(b)

huma jistgħu, f'każijiet xierqa, jistabbilixxu d-danni bħala somma waħda f'daqqa fuq il-bażi ta' elementi bħal mill-inqas l-ammont ta' royalties jew tariffi li kellhom jitħallsu kieku l-kontraventur ikun talab l-awtorizzazzjoni biex juża d-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni.

2.   F'każijiet fejn il-kontraventur daħal f'attività kontraventorja mingħajr ma kien jaf jew mingħajr ma kellu raġunijiet validi li jkun jaf, kull Parti tista' tistipula li l-awtoritajiet ġudizzjarji jkunu jistgħu jordnaw li jiġu rkuprati l-profitti jew il-pagament tad-danni, li jistgħu jiġu stabbiliti minn qabel, lill-parti danneġġata.

Artikolu 107

Spejjeż legali

Kull Parti għandha tiżgura li l-ispejjeż legali u spejjeż oħra raġonevoli u proprozjonati mħallsa mill-parti rebbieħa, bħala regola ġenerali, jitħallsu mill-parti telliefa, sakemm l-ekwità ma tippermettix li jsir dan.

Artikolu 108

Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji

Kull Parti għandha tiżgura li, fil-proċedimenti legali stabbiliti għall-ksur ta' dritt tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji jkunu jistgħu jordnaw, fuq it-talba tal-applikant u għad-dannu tal-kontraventur, miżuri xierqa għat-tixrid tal-informazzjoni li tikkonċerna d-deċiżjoni, inkluż il-wiri tad-deċiżjoni u l-pubblikazzjoni tagħha sħiħa jew parti minnha.

Artikolu 109

Il-preżunzjoni tal-oriġini jew tas-sjieda

Bl-għan li jiġu applikati l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti f'din it-Taqsima, għandu jkun suffiċjenti li l-isem ta' awtur ta' xogħol letterarju jew artistiku, fin-nuqqas ta' prova kuntrarja u sabiex jitqies bħala l-awtur u konsegwentement biex ikun intitolat li jistabbilixxi proċedimenti ta' ksur, li jidher fuq il-biċċa xogħol bil-mod tas-soltu. Dan għandu japplika wkoll, mutatis mutandis, għad-detenturi tad-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fir-rigward tas-suġġett protett tagħhom.

Artikolu 110

Proċeduri amministrattivi

Sal-punt li kwalunkwe rimedju ċivili jista' jkun ordnat bħala riżultat ta' proċeduri amministrattivi dwar il-meriti tal-każ, proċeduri bħal dawn għandhom jikkonformaw ma' prinċipji ekwivalenti fis-sustanza għal dawk previsti fid-dispożizzjonijiet rilevanti ta' din it-Taqsima.

Artikolu 111

Miżuri dwar il-fruntieri

1.   Meta jimplimentaw miżuri dwar il-fruntieri għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, kull Parti għandha tiżgura l-konformità mal-obbligi tagħha taħt il-GATT 1994 u l-Ftehim TRIPS.

2.   Sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fit-territorju doganali ta' kull waħda mill-Partijiet, l-awtoritajiet doganali għandhom, fi ħdan il-limiti tal-awtorità tagħhom, jadottaw firxa ta' approċċi sabiex jiġu identifikati kunsinni li jkollhom merkanzija suspettata li tikser id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali msemmija fil-paragrafi 3 u 4. Dawn l-approċċi jinkludu tekniki tal-analiżi tar-riskju bbażati, fost l-oħrajn, fuq informazzjoni mogħtija mid-detenturi tad-drittijiet, l-intelligence li tkun inġabret u l-ispezzjonijiet tal-merkanzija.

3.   L-awtoritajiet doganali għandu jkollhom, wara applikazzjoni mid-detentur tad-dritt, is-setgħa li jieħdu miżuri biex iżommu jew jissospendu r-rilaxx ta' merkanzija taħt kontroll doganali li tkun suspettata li tikser it-trademarks, id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, jew indikazzjonijiet ġeografiċi.

4.   L-awtoritajiet doganali tar-Repubblika tal-Każakistan għandu jkollhom, mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data li fiha jibda japplika dan it-Titolu, is-setgħa li jieħdu miżuri, mal-applikazzjoni mid-detentur tad-dritt, li jżommu jew jissospendu r-rilaxx ta' merkanzija taħt kontroll doganali suspettata li tikser privattivi, mudelli ta' utilità, disinni industrijali, topografiji ta' ċirkwiti integrati jew drittijiet tal-varjetà tal-pjanti, bil-kundizzjoni li l-Unjoni Ewropea tipprovdi, mhux iktar tard minn sentejn qabel it-tmiem ta' dan il-perijodu ta' tliet snin, taħriġ adegwat għar-rappreżentanti tal-korpi awtorizzati, bħal uffiċjali tad-dwana, prosekuturi, imħallfin u persunal ieħor kif ikun xieraq.

5.   L-awtoritajiet doganali għandu jkollhom is-setgħa li jżommu jew jissospendu, fuq l-inizjattiva tagħhom stess, ir-rilaxx tal-merkanzija taħt kontroll doganali suspettata li tikser it-trademarks, id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, jew indikazzjonijiet ġeografiċi.

6.   L-awtoritajiet doganali tar-Repubblika tal-Każakistan għandu jkollhom, mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data li fiha jibda japplika dan it-Titolu, is-setgħa li jżommu jew jissospendu, fuq l-inizjattiva tagħhom stess, ir-rilaxx tal-merkanzija taħt kontroll doganali suspettata li tikser privattivi, mudelli ta' utilità, disinni industrijali, topografiji ta' ċirkwiti integrati jew drittijiet tal-varjetà tal-pjanti, bil-kundizzjoni li l-Unjoni Ewropea tipprovdi, mhux iktar tard minn sentejn qabel it-tmiem ta' dan il-perijodu ta' ħames snin, taħriġ adegwat għal rappreżentanti ta' korpi awtorizzati, bħal uffiċjali tad-dwana, prosekuturi, imħallfin u persunal ieħor kif ikun xieraq.

7.   Minkejja l-paragrafi 3 sa 6, ma għandu jkun hemm l-ebda obbligu li jiġu applikati miżuri ta' detenzjoni jew sospensjoni għall-importazzjoni ta' merkanzija mqiegħda fis-suq f'pajjiż ieħor mid-detentur tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu.

8.   Il-Partijiet jaqblu li jimplimentaw b'mod effettiv l-Artikolu 69 tal-Ftehim TRIPS fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali ta' merkanzija suspettata li tikser id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għal dan l-għan, kull Parti għandha tkun lesta li tistabbilixxi u tinnotifika lill-Parti l-oħra punt ta' kuntatt mal-amministrazzjoni doganali tagħha biex jiffaċilita l-kooperazzjoni. Din il-kooperazzjoni tista' tinkludi skambji ta' informazzjoni rigward mekkaniżmi li jirċievu l-informazzjoni mingħand id-detenturi tad-drittijiet, l-aħjar prassi u esperjenzi bi strateġiji ta' ġestjoni tar-riskju, kif ukoll informazzjoni ta' għajnuna fl-identifikazzjoni ta' kunsinni suspettati li fihom prodotti kontraventorji.

9.   L-awtoritajiet doganali ta' kull Parti għandhom ikunu lesti li jikkooperaw, wara talba mill-Parti l-oħra jew fuq inizjattiva tagħhom stess, sabiex jipprovdu l-informazzjoni rilevanti disponibbli lill-awtoritajiet doganali tal-Parti l-oħra, b'mod partikolari għal merkanzija fi tranżitu fit-territorju ta' Parti li toriġina fil-Parti l-oħra, jew destinata għaliha.

10.   Mingħajr preġudizzju għal forom oħra ta' kooperazzjoni, il-Protokoll dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka f'Affarijiet Doganali għandhom ikun applikabbli fir-rigward tal-paragrafi 8 u 9 ta' dan l-Artikolu fir-rigward tal-ksur tal-leġislazzjoni doganali relatata mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

11.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni, is-Sottokumitat għall-Kooperazzjoni Doganali msemmi fl-Artikolu 25(3) għandu jkun responsabbli biex jiżgura l-funzjonament tajjeb u l-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu. Is-sottokumitat għall-Kooperazzjoni Doganali għandu jistabbilixxi l-prijoritajiet u jipprevedi proċeduri adegwati għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet.

Taqsima 4

Ir-responsabbiltà ta' fornituri tas-servizzi intermedjarji

Artikolu 112

Użu ta' servizzi ta' intermedjarji

Il-Partijiet jirrikonoxxu li s-servizzi tal-intermedjarji jistgħu jintużaw minn partijiet terzi għal attivitajiet kontraventorji. Sabiex tassigura l-moviment ħieles tas-servizzi ta' informazzjoni u fl-istess ħin tinfurza d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-ambjent diġitali, kull Parti għandha tipprovdi għall-miżuri deskritti f'din it-Taqsima li tikkonċerna l-fornituri ta' servizzi intermedjarji, fejn dawn il-fornituri ma jkunu involuti bl-ebda mod fl-informazzjoni trażmessa.

Artikolu 113

Ir-responsabbilità tal-fornituri ta' servizzi intermedjarji: “mere conduit”

1.   Meta jiġi pprovdut servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jkun jikkonsisti fit-trażmissjoni f'netwerk ta' komunikazzjoni ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, jew il-provvediment ta' aċċess għal netwerk ta' komunikazzjoni, kull Parti għandha tiżgura li l-fornitur tas-servizzi ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni trażmessa, sakemm il-fornitur:

(a)

ma jibdiex it-trażmissjoni;

(b)

ma jagħżilx ir-riċevitur tat-trażmissjoni; u

(c)

ma jagħżilx jew jimmodifika l-informazzjoni li tinstab fit-trażmissjoni.

2.   L-atti tat-trażmissjoni u l-provvista ta' aċċess li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1 jinkludu l-ħażna awtomatika, intermedjarja u tranżitorja tal-informazzjoni trażmessa sakemm din tkun seħħet għall-uniku skop li titwettaq it-trażmissjoni fin-netwerk tal-komunikazzjoni, u sakemm l-informazzjoni ma tkunx maħżuna għal perijodu itwal milli raġonevolment meħtieġ għat-trażmissjoni.

3.   Dan l-Artikolu m'għandux jaffettwa l-possibbiltà li qorti jew awtorità amministrattiva, skont il-liġi nazzjonali, tirrekjedi li l-fornitur tas-servizz jittermina jew jipprevjeni ksur.

Artikolu 114

Ir-responsabbilità tal-fornituri ta' servizzi intermedjarji: “caching”

1.   Fejn jiġi pprovdut servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jkun jikkonsisti fit-trażmissjoni f'netwerk tal-komunikazzjoni ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, kull Parti għandha tassigura li l fornitur tas-servizz ma jkunx responsabbli għall-ħażna awtomatika, intermedja u temporanja ta' dik l-informazzjoni, imwettqa għall-iskop biss li t-trażmissjoni 'l quddiem tal-informazzjoni ssir iżjed effiċjenti għal riċevituri oħra tas-servizz meta jitolbuha, bil-kundizzjoni li:

(a)

il-fornitur ma jimmodifikax l-informazzjoni;

(b)

il-fornitur jikkonforma mal-kundizzjonijiet relatati mal-aċċess għall-informazzjoni;

(c)

il-fornitur ikun konformi mar-regoli li jirrigwardaw l-aġġornament tal-informazzjoni, speċifikati f'manjiera rikonoxxuta b'mod estensiv u użata mill-industrija;

(d)

il-fornitur ma jinterferix mal-użu legali tat-teknoloġija, rikonoxxuta u użata b'mod estensiv mill-industrija, sabiex tinkiseb data dwar l-użu tal-informazzjoni; u

(e)

il-fornitur jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf aċċess għall-informazzjoni li hu jkun żamm malli jkun kiseb l-għarfien dwar il-fatt li l-informazzjoni fis-sors inizjali tat-trażmissjoni tneħħiet min-netwerk, jew l-aċċess għaliha jkun twaqqaf, jew li qorti jew awtorità amministrattiva tkun ordnat dik it-tneħħija jew it-twaqqif.

2.   Dan l-Artikolu m'għandux jaffettwa l-possibbiltà li qorti jew awtorità amministrattiva, skont il-liġi nazzjonali, tirrekjedi li l-fornitur tas-servizz jittermina jew jipprevjeni ksur.

Artikolu 115

Ir-responsabbilità tal-fornituri ta' servizzi intermedjarji: “hosting”

1.   Meta jiġi pprovdut servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jkun jikkonsisti fil-ħażna ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, kull Parti għandha tiżgura li l-fornitur tas-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni maħżuna wara talba minn riċevitur tas-servizz, bil-kundizzjoni li:

(a)

il-fornitur ma jkollux għarfien attwali tal-attività jew informazzjoni illegali u, fir-rigward tat-talbiet għad-danni, ma jkunx jaf b'fatti jew ċirkostanzi li minnhom l-attività illegali jew l-informazzjoni tkun apparenti; jew

(b)

malli jikseb tali għarfien jew konoxxenza, il-fornitur jaġixxi mingħajr dewmien sabiex ineħħi jew jiddiżattiva l-aċċess għall-informazzjoni.

2.   Il-paragrafu 1 m'għandux japplika meta r-riċevitur tas-servizz ikun qiegħed jaġixxi bl-awtorità jew bil-kontroll tal-fornitur.

3.   Dan l-Artikolu m'għandux jaffettwa l-possibbiltà għal qorti jew awtorità amministrattiva, skont il-liġi nazzjonali, li jeħtieġu li l-fornitur ta' servizz iwaqqaf jew jipprevjeni ksur, u lanqas ma jaffettwa l-possibbiltà għal Parti li tistabbilixxi proċeduri li jirregolaw it-tneħħija jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għall-informazzjoni.

Artikolu 116

Ebda obbligu ġenerali ta' monitoraġġ

1.   Il-Partijiet m'għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq il-fornituri, meta dawn jipprovdu s-servizzi koperti mill-Artikoli 113 sa 115, biex jimmonitorjaw l-informazzjoni li jittrażmettu jew jaħżnu, u lanqas m'għandhom jimponu obbligu ġenerali biex ifittxu attivament fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali.

2.   Parti tista' tistabbilixxi obbligi għall-fornituri ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jinfurmaw fil-pront lill-awtoritajiet kompetenti dwar l-allegati attivitajiet illegali mwettqa jew informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tas-servizz tagħhom. Parti tista' tistabbilixxi wkoll obbligu għall-fornituri ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti, meta jintalbu, informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tar-riċevituri tas-servizz tagħhom li magħhom ikollhom ftehimiet ta' ħażna.

Artikolu 117

Id-data tal-applikazzjoni tal-Artikoli 112 sa 116

Ir-Repubblika tal-Każakistan għandha timplimenta b'mod sħiħ l-obbligi previsti fl-Artikoli 112 sa 116 fi żmien ħames snin mid-data li fiha jibda japplika dan it-Titolu.

Artikolu 118

Kooperazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom iħeġġu l-iżvilupp ta' kooperazzjoni fost l-assoċjazzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet kummerċjali jew professjonali li jkollhom fil-mira l-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

2.   Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw bl-għan li jsostnu l-implimentazzjoni tal-obbligi meħuda skont dan il-Kapitolu. L-oqsma ta' kooperazzjoni jinkludu l-attivitajiet li ġejjin, iżda mhumiex limitati għalihom biss:

(a)

l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-oqfsa legali rispettivi li jikkonċernaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u r-regoli rilevanti tal-protezzjoni u l-infurzar; l-iskambju ta' esperjenzi fil-progress leġislattiv f'dawk l-oqsma;

(b)

l-iskambju tal-esperjenza fil-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(c)

l-iskambju tal-esperjenza fil-protezzjoni u l-infurzar fost l-entitajiet doganali, il-korpi tal-pulizija, il-korpi amministrattivi u ġudizzjarji u l-organizzazzjonijiet interessati; koordinazzjoni biex tiġi evitata l-esportazzjoni ta' prodotti foloz;

(d)

il-bini ta' kapaċità; u

(e)

il-promozzjoni u t-tixrid ta' informazzjoni u għarfien dwar il-proprjetà intellettwali, fost l-oħrajn, fi ċrieki kummerċjali u s-soċjetà ċivili; il-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni u l-għarfien pubbliku tal-konsumaturi u d-detenturi tad-drittijiet.

KAPITOLU 8

Akkwist pubbliku mill-gvern

Artikolu 119

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu:

(a)

“prodotti jew servizzi kummerċjali” tfisser prodotti jew servizzi ta' tip ġeneralment mibjugħ jew offrut għall-bejgħ fis-suq kummerċjali lil, u normalment mixtri minn, xerrejja mhux governattivi għal finijiet mhux governattivi;

(b)

“servizz ta' kostruzzjoni” tfisser servizz li għandu l-għan li jwettaq bi kwalunkwe mezz xogħol ċivili jew ta' bini, fuq il-bażi tad-Diviżjoni 51 tal-Klassifikazzjoni Ċentrali Provviżorja tal-Prodotti tan-Nazzjonijiet Uniti (“CPCprov”);

(c)

“jiem” tfisser jiem tal-kalendarju;

(d)

“irkant elettroniku” tfisser proċess ripetittiv li jinvolvi mezz elettroniku għall-preżentazzjoni ta' prezzijiet ġodda, riveduti 'l isfel, u/jew valuri ġodda rigward ċerti elementi ta' offerti, li jseħħu wara evalwazzjoni sħiħa inizjali tal-offerti, li tippermettilhom li jiġu klassifikati permezz ta' metodi awtomatiċi ta' evalwazzjoni. Sussegwentement, ċerti kuntratti tas-servizzi u ċerti kuntratti tax-xogħlijiet li għandhom bħala suġġett il-prestazzjonijiet intellettwali, bħalma hu d-disinn tax-xogħolijiet, jistgħu ma jkunux l-oġġett tal-irkantar elettroniku;

(e)

“bil-miktub” jew “miktub/a” tfisser kull espressjoni bil-kliem jew ċifri li tista' tinqara, tiġi riprodotta u aktar tard ikkomunikata. Tista' tinkludi informazzjoni trażmessa u maħżuna b'mod elettroniku;

(f)

“proċedura ta' offerti limitata” tfisser metodu ta' akkwist li fih l-entità tal-akkwist tikkuntattja lill-fornitur jew fornituri tal-għażla tagħha;

(g)

“miżura” tfisser kull liġi, regolament, proċedura, gwida jew prattika amministrattiva, jew kull azzjoni ta' entità tal-akkwist relatata ma' akkwist kopert;

(h)

“lista b'użi multipli” tfisser lista ta' fornituri li l-entità tal-akkwist ddeterminat bħala dawk li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni f'dik il-lista, u li l-entità tal-akkwist beħsiebha tuża iktar minn darba;

(i)

“avviż ta' akkwist ippjanat” tfisser avviż ippubblikat minn entità tal-akkwist li jistieden lil fornituri interessati biex iressqu talba għal parteċipazzjoni, jitfgħu offerta, jew it-tnejn;

(j)

“proċedura ta' offerti miftuħa” tfisser metodu ta' akkwist li bih il-fornituri interessati kollha jistgħu jippreżentaw offerta;

(k)

“persuna” tfisser persuna fiżika jew ġuridika;

(l)

“l-entità tal-akkwist” tfisser entità koperta taħt il-Partijiet 1 sa 3 tal-Anness III;

(m)

“fornitur ikkwalifikat” tfisser fornitur li entità tal-akkwist tirrikonoxxi bħala li jkun issodisfa l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni;

(n)

“proċedura ta' offerti selettiva” tfisser metodu ta' akkwist li bih huma biss il-fornituri kkwalifikati li jiġu mistiedna mill-entità tal-akkwist biex jippreżentaw offerta;

(o)

“servizzi” tinkludi servizzi ta' kostruzzjoni, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor;

(p)

“standard” tfisser dokument approvat minn korp rikonoxxut, li jipprovdi, għal użu komuni u ripetut, regoli, linji gwida jew karatteristiċi għal prodotti jew servizzi, jew proċessi u metodi ta' produzzjoni relatati, li l-konformità magħhom mhijiex mandatorja. Jista' jinkludi wkoll jew jittratta b'mod esklussiv rekwiżiti dwar it-terminoloġija, is-simboli, l-imballaġġ, l-immarkar jew it-tikkettar kif japplikaw għal prodott, servizz, proċess jew metodu ta' produzzjoni;

(q)

“fornitur” tfisser persuna jew grupp ta' persuni li jfornu jew jistgħu jfornu prodotti jew servizzi;

(r)

“speċifikazzjoni teknika” tfisser rekwiżit tas-sejħa tal-offerti li:

(i)

jistabilixxi l-karatteristiċi tal-prodotti jew servizzi li għandhom jiġu akkwistati, inklużi l-kwalità, il-prestazzjoni, is-sikurezza u l-qisien, jew il-proċessi u l-metodi għall-produzzjoni u l-provvista tagħhom; jew

(ii)

jindirizza ir-rekwiżiti dwar it-terminoloġija, is-simboli, l-imballaġġ, l-immarkar jew it-tikkettar, hekk kif japplikaw għall-prodott jew servizz.

Artikolu 120

Kamp ta' applikazzjoni u kopertura

1.   Dan il-Kapitolu japplika għal kull miżura dwar l-akkwist kopert, kemm jekk jitwettaq b'mod esklussiv jew parzjali minn mezzi elettroniċi kif ukoll jekk le.

2.   Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu, “akkwist kopert” ifisser akkwist għall-finijiet governattivi:

(a)

ta' prodotti, servizzi, jew kull taħlita tagħhom:

(i)

kif speċifikat fl-Anness III; u

(ii)

mhux akkwistati għall-bejgħ jew bejgħ mill-ġdid kummerċjali, jew għall-użu fil-produzzjoni jew il-provvista ta' prodotti jew servizzi għall-bejgħ jew bejgħ mill-ġdid kummerċjali;

(b)

b'kull mezz kuntrattwali, inkluż: xiri; kera; u l-kiri jew il-kuntratt ta' lokazzjoni b'opzjoni jew mingħajr opzjoni ta' xiri;

(c)

li għalih il-valur jeċċedi jew huwa ugwali għal-limitu rilevanti speċifikat fl-Anness III, fil-mument ta' pubblikazzjoni ta' avviż skont l-Artikolu 124;

(d)

minn entità tal-akkwist; u

(e)

li mhijiex b'mod ieħor eskluża mill-kopertura fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu jew fl-Anness III.

Jekk il-valur ta' akkwist ikun inċert, dan għandu jiġi stmat skont il-paragrafi 6 sa 8.

3.   Għajr fejn previst mod ieħor fl-Anness III, dan il-Kapitolu ma japplikax għal:

(a)

l-akkwiżizzjoni jew il-kiri ta' art, bini eżistenti jew xi proprjetà immobbli oħra jew id-drittijiet li joħorġu minn dawn;

(b)

ftehimiet mhux kuntrattwali jew kull għamla ta' assistenza li Parti tipprovdi, inklużi ftehimiet kooperattivi, għotjiet, self, infużjonijiet ta' ekwità, garanziji u inċentivi fiskali;

(c)

l-akkwist jew l-akkwiżizzjoni ta' servizzji ta' aġenzija fiskali jew depożitarji, servizzi ta' likwidazzjoni jew ta' ġestjoni għal istituzzjonijiet finanzjarji rregolati jew servizzi relatati mal-bejgħ, it-tifdija u d-distribuzzjoni tad-dejn pubbliku, inklużi self u bonds tal-gvern, noti u titoli oħrajn;

(d)

kuntratti tax-xogħol pubbliku;

(e)

l-akkwist imwettaq:

(i)

għall-iskop speċifiku ta' forniment ta' assistenza internazzjonali, inkluża għajnuna fl-iżvilupp;

(ii)

skont il-proċedura jew kundizzjoni partikolari ta' ftehim internazzjonali relatat mal-istazzjonament ta' truppi jew li jirrigwarda l-implimentazzjoni konġunta ta' proġett mill-pajjiżi firmatarji; jew

(iii)

skont il-proċedura jew il-kundizzjoni partikolari ta' organizzazzjoni internazzjonali, jew iffinanzjat minn għotjiet, self jew għajnuna oħra internazzjonali fejn il-proċedura jew il-kundizzjoni applikabbli tkun inkonsistenti ma' dan il-Kapitolu.

4.   L-Anness III jispeċifika għal kull Parti l-informazzjoni li ġejja:

(a)

fil-Parti 1, l-entitajiet tal-gvern ċentrali li l-akkwist tagħhom huwa kopert b'dan il-Kapitolu;

(b)

fil-Parti 2, l-entitajiet tal-gvern sottoċentrali li l-akkwist tagħhom huwa kopert b'dan il-Kapitolu;

(c)

fil-Parti 3, l-entitajiet l-oħrajn kollha li l-akkwist tagħhom huwa kopert b'dan il-Kapitolu;

(d)

fil-Parti 4, il-prodotti koperti b'dan il-Kapitolu;

(e)

fil-Parti 5, is-servizzi, li mhumiex servizzi ta' kostruzzjoni, koperti b'dan il-Kapitolu;

(f)

fil-Parti 6, is-servizzi ta' kostruzzjoni, koperti b'dan il-Kapitolu; u

(g)

fil-Parti 7, kull Nota Ġenerali.

5.   F'każ li l-entità tal-akkwist, fil-kuntest ta' akkwist kopert, tirrekjedi li persuni mhux koperti bl-Anness III li jakkwistaw skont ir-rekwiżiti partikolari, l-Artikolu 122 għandu japplika mutatis mutandis għal rekwiżiti bħal dawn.

6.   Fl-istima tal-valur ta' akkwist sabiex jiġi żgurat jekk huwiex akkwist kopert, l-entità tal-akkwist:

(a)

m'għandha la taqsam akkwist f'akkwisti separati u lanqas tagħżel jew tuża metodu ta' valwazzjoni partikolari biex tagħmel stima tal-valur ta' akkwist bl-intenzjoni li teskludih totalment jew parzjalment mill-applikazzjoni ta' dan il-Kapitolu; u

(b)

għandha tinkludi l-valur totali massimu stmat tal-akkwist matul it-tul ta' żmien kollu tiegħu, kemm jekk jingħata lil fornitur wieħed kif ukoll jekk jingħata lil iktar, filwaqt li jitqiesu l-għamliet kollha ta' remunerazzjoni, inklużi:

(i)

primjums, tariffi, kummissjonijiet u imgħax; u

(ii)

f'każ li l-akkwist jipprovdi għall-possibbiltà ta' opzjonijiet, il-valur totali ta' tali opzjonijiet.

7.   Meta rekwiżit individwali għall-akkwist jirriżulta fl-għoti ta' iktar minn kuntratt wieħed, jew fl-għoti ta' kuntratti f'partijiet separati (li minn hawn 'il quddiem se jissejħu “kuntratti rikorrenti”), il-kalkolu tal-valur totali massimu stmat għandu jkun ibbażat fuq:

(a)

il-valur tal-kuntratti rikorrenti tal-istess tip ta' prodott jew servizz mogħti matul it-12-il xahar ta' qabel jew is-sena fiskali ta' qabel tal-entità tal-akkwist, aġġustat, fejn possibbli, biex iqis bidliet antiċipati fil-kwantità jew il-valur tal-prodott jew tas-servizz li nxtara matul it-12-il xahar ta' qabel; jew

(b)

il-valur stmat tal-kuntratti rikorrenti tal-istess tip ta' prodott jew servizz li għandu jingħata matul it-12-il xahar wara l-għoti tal-kuntratt inizjali jew is-sena fiskali tal-entità tal-akkwist.

8.   Fil-każ ta' akkwist b'lokazzjoni, kiri jew kuntratt ta' lokazzjoni b'opzjoni ta' xiri ta' prodotti jew servizzi, jew akkwist li għalih mhuwiex speċifikat prezz totali, il-bażi għall-valwazzjoni għandha tkun:

(a)

fil-każ ta' kuntratt b'terminu fiss:

(i)

fejn it-terminu tal-kuntratt huwa 12-il xahar jew inqas, il-valur massimu totali stmat għat-tul ta' żmien tiegħu; jew

(ii)

fejn it-terminu tal-kuntratt jaqbeż it-12-il xahar, il-valur massimu totali stmat, inkluż kull valur residwu stmat;

(b)

fejn il-kuntratt huwa għal perijodu indefinit, il-ħlas parzjali stmat fix-xahar multiplikat bi 48; u

(c)

meta ma jkunx ċert jekk il-kuntratt għandux ikun kuntratt fiss, għandha tintuża l-bażi għall-valwazzjoni skont il-punt (b).

Artikolu 121

Eċċezzjonijiet ġenerali

Soġġett għar-rekwiżit li miżuri bħal dawn ma jiġux applikati b' mod li jkun jikkostitwixxi mezz ta' arbitraġġ jew diskriminazzjoni mhux ġustifikata bejn il-Partijiet jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ internazzjonali, xejn f'dan il-Kapitolu m'għandu jiġi interpretat li jippreveni lil xi Parti milli timponi jew tinforza miżuri:

(a)

meħtieġa għall-protezzjoni tal-morali, l-ordni jew is-sikurezza pubbliċi;

(b)

meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa jew il-ħajja tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti;

(c)

meħtieġa sabiex jipproteġu l-proprjetà intellettwali; jew

(d)

relatati ma' prodotti jew servizzi ta' persuni b'diżabilitajiet, istituzzjonijiet filantropiċi jew xogħol tal-ħabsijiet.

Artikolu 122

Prinċipji ġenerali

1.   Fir-rigward ta' kull miżura dwar akkwist kopert, kull Parti, inklużi l-entitajiet tal-akkwist tagħha, għandha tagħti minnufih u mingħajr ebda kundizzjoni lill-prodotti u lis-servizzi tal-Parti l-oħra u lill-fornituri tal-Parti l-oħra li joffru tali prodotti jew servizzi, trattament mhux inqas favorevoli mit-trattatment li l-Parti, inklużi l-entitajiet tal-akkwist tagħha, tagħti lill-prodotti, lis-servizzi u lill-fornituri domestiċi tagħha stess.

2.   Fir-rigward ta' kull miżura dwar l-akkwist kopert, Parti, inklużi l-entitajiet tal-akkwist tagħha:

(a)

m'għandhiex tittratta lil fornitur stabbilit lokalment b'mod inqas favorevoli minn fornitur ieħor stabbilit lokalment abbażi tal-grad ta' affiljazzjoni jew sjieda barranija; jew

(b)

m'għandhiex tiddiskrimina kontra fornitur stabbilit lokalment fuq il-bażi li l-prodotti jew is-servizzi offruti minn dak il-fornitur għal akkwist partikolari jkunu prodotti jew servizzi tal-Parti l-oħra.

3.   Meta twettaq akkwist kopert b'mezzi elettroniċi, l-entità tal-akkwist għandha:

(a)

tiżgura li l-akkwist isir billi jintużaw sistemi ta' teknoloġija tal-informazzjoni u software inklużi dawk relatati mal-awtentikazzjoni u mal-ikriptar tal-informazzjoni, li huma ġeneralment disponibbli u interoperabbli ma' sistemi oħra ta' teknoloġija tal-informazzjoni u software ġeneralment disponibbli; u

(b)

tmantni mekkaniżmi li jiżguraw l-integrità tat-talbiet għall-parteċipazzjoni u l-offerti, inklużi l-istabbiliment tal-ħin meta jaslu u l-prevenzjoni ta' aċċess mhux xieraq.

4.   L-entità tal-akkwist għandha twettaq akkwist kopert b'mod trasparenti u imparzjali li:

(a)

huwa konsistenti ma' dan il-Kapitolu, bl-użu ta' metodi bħal proċedura għall-offerti miftuħa, proċedura għall-offerti selettiva, u proċedura ta' offerti limitata u irkantar elettroniku;

(b)

jevita kunflitti ta' interess; u

(c)

jevita prattiki korrotti.

5.   Parti m'għandhiex, għall-finijiet ta' akkwist kopert, tapplika r-regoli ta' oriġini għall-prodotti jew servizzi importati minn jew forniti mill-Parti l-oħra li huma differenti mir-regoli ta' oriġini li l-Parti tapplika fl-istess ħin fil-proċess normali tan-negozju għall-importazzjonijiet jew provvisti tal-istess prodotti jew servizzi mill-istess Parti.

6.   Il-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx japplikaw għal: dazji doganali u imposti ta' kull xorta imposti fuq, jew in konnessjoni ma', l-importazzjoni; il-metodu dwar l-imponiment ta' dawn id-dazji u imposti; regolamenti jew formalitajiet oħra dwar l-importazzjoni, u miżuri li jaffettwaw il-kummerċ f'servizzi għajr miżuri li jirregolaw l-akkwist kopert.

Artikolu 123

Informazzjoni dwar is-sistema tal-akkwist

1.   Kull Parti għandha:

(a)

tippubblika minnufih kull liġi, regolament, deċiżjoni ġuridika, deċiżjoni amministrattiva ta' applikazzjoni ġenerali, klawżola ta' kuntratt standard mitluba mil-liġi jew regolament u inkorporata b'referenza f'avviżi jew dokumentazzjoni tal-offerti u proċedura dwar l-akkwist kopert, u kull modifiki għalihom, b'mezz elettroniku jew kartaċeju magħżul b'mod uffiċjali li huwa użat b'mod estensiv u li jibqa' disponibbli faċilment għall-pubbliku; u

(b)

tipprovdi spjegazzjoni dwar dan lill-Parti l-oħra, meta tkun mitluba.

2.   Il-Parti 1 tal-Anness IV telenka:

(a)

il-mezz elettroniku jew kartaċeju li fih il-Parti tippubblika l-informazzjoni deskritta fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

(b)

il-mezz elettroniku jew kartaċeju li fih kull Parti tippubblika l-avviżi stabbiliti mill-Artikol 124, l-Artikolu 126(7) u l-Artikolu 133(2); u

(c)

l-indirizz/i tal-websajt/s fejn kull Parti tippubblika l-avviżi tagħha rigward il-kuntratti li jkunu ngħataw skont l-Artikolu 133(2).

3.   Kull Parti għandha tinnotifika minnufih lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni dwar kull modifika li ssir fl-informazzjoni tal-Parti elenkata fil-Parti 1 tal-Anness IV. Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu regolarment jadotta deċiżjonijiet li jirriflettu l-modifiki fil-Parti 1 tal-Anness IV.

Artikolu 124

Avviżi

1.   Għal kull akkwist kopert, l-entità tal-akkwist għandha tippubblika avviż ta' akkwist ippjanat bil-mezz elettroniku jew kartaċeju kif xieraq u kif elenkat fil-Parti 2 tal-Anness IV, għajr fiċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 130. Tali mezz għandu jkun imxerred b'mod wiesgħa u tali avviżi għandhom jibqgħu faċilment aċċessibbli għall-pubbliku, tal-inqas sakemm jiskadi l-perijodu ta' żmien indikat fl-avviż. L-avviżi għandhom, għall-entitajiet tal-akkwist koperti skont il-Partijiet 1, 2 jew 3 tal-Anness III, ikunu aċċessibbli b'mezzi elettroniċi mingħajr ħlas permezz ta' punt ta' aċċess uniku, għal tal-inqas kull perijodu minimu ta' żmien speċifikat fil-Parti 2 tal-Anness IV.

2.   Għajr meta previst mod ieħor f'dan il-Kapitolu, kull avviż tal-akkwist ippjanat għandu jinkludi:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-entità tal-akkwist u informazzjoni oħra neċessarja biex tiġi kkuntattjata l-entità tal-akkwist u jinkisbu d-dokumenti rilevanti kollha relatati mal-akkwist, u l-ispejjeż u t-termini ta' ħlas tagħhom, jekk ikun hemm;

(b)

deskrizzjoni tal-akkwist, inkluża l-għamla u l-kwantità tal-prodotti jew is-servizzi li għandhom jiġu akkwistati jew, fejn il-kwantità ma tkunx magħrufa, il-kwantità stmata;

(c)

għal kuntratti rikorrenti, stima, jekk tkun possibbli, tal-għażla taż-żmien tal-avviżi sussegwenti tal-akkwist ippjanat;

(d)

deskrizzjoni ta' kull opzjoni;

(e)

il-perijodu ta' żmien għall-konsenja ta' prodotti jew servizzi jew it-tul ta' żmien tal-kuntratt;

(f)

il-metodu ta' akkwist li se jintuża u jekk huwiex se jinvolvi negozjar jew bejgħ b'irkant elettroniku;

(g)

fejn applikabbli, l-indirizz u kull data finali għas-sottomissjoni ta' talbiet għall-parteċipazzjoni fl-akkwist;

(h)

l-indirizz u d-data finali għas-sottomissjoni tal-offerti;

(i)

il-lingwa jew lingwi li fihom jistgħu jiġu ppreżentati l-offerti jew it-talbiet għall-parteċipazzjoni, jekk jistgħu jiġu ppreżentati f'lingwa li mhijiex lingwa uffiċjali tal-Parti tal-entità tal-akkwist;

(j)

lista u deskrizzjoni qasira ta' kull kundizzjoni għall-parteċipazzjoni ta' fornituri, inkluż kull rekwiżit għal dokumenti jew ċertifikazzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu pprovduti mill-fornituri b'rabta ma' dan, sakemm tali rekwiżiti ma jkunux inklużi fil-fajl tal-offerta li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-fornituri interessati kollha fl-istess ħin bħall-avviż ta' akkwist ippjanat; u

(k)

fejn, skont l-Artikolu 126, entità tal-akkwist jkun beħsiebha tagħżel numru limitat ta' fornituri kkwalifikati biex jiġu mistiedna li jitfgħu offerta, il-kriterji li se jintużaw biex jintgħażlu u, fejn applikabbli, kull limitu fuq in-numru ta' fornituri li se jkunu mħollija jitfgħu l-offerta.

3.   Għal kull każ ta' akkwist ippjanat, l-entità tal-akkwist għandha tippubblika avviż sommarju li huwa faċilment aċċessibbli, fl-istess ħin tal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-akkwist ippjanat, bl-Ingliż jew bil-Franċiż. L-avviż sommarju għandu jkun fih tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

is-suġġett tal-akkwist;

(b)

id-data finali għas-sottomissjoni tas-sejħiet tal-offerti jew, fejn japplika, kull data finali għas-sottomissjoni tat-talbiet għall-parteċipazzjoni fl-akkwist jew għall-inklużjoni f'xi lista b'ħafna użi; u

(c)

l-indirizz minn fejn jistgħu jintalbu d-dokumenti relatati mal-akkwist.

4.   L-entitajiet tal-akkwist huma mħeġġa jippubblikaw, bil-mezz elettroniku jew kartaċeju kif xieraq elenkat fil-Parti 2 tal-Anness IV, l-iktar kmieni possibbli f'kull sena fiskali, avviż dwar il-pjanijiet tal-akkwist futuri tagħhom (li minn hawn 'il quddiem jissejjaħ “avviż ta' akkwist ippjanat”). L-avviż tal-akkwist ippjanat għandu jinkludi s-suġġett tal-akkwist u d-data ppjanata tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta' akkwist ippjanat.

5.   Entità tal-akkwist koperta fil-Parti 3 tal-Anness III tista' tuża avviż ta' akkwist ippjanat bħala avviż ta' akkwist intenzjonat bil-kundizzjoni li l-avviż ta' akkwist ippjanat jinkludi l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu kif disponibbli għall-entità u dikjarazzjoni li l-fornituri interessati għandhom jesprimu l-interess tagħhom fl-akkwist lill-entità tal-akkwist.

Artikolu 125

Kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni

1.   Entità tal-akkwist għandha tillimita l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni f'akkwist għal dawk li huma essenzjali biex jiġi żgurat li fornitur għandu l-kapaċitajiet legali u finanzjarji u l-ħiliet kummerċjali u tekniċi biex iwettaq l-akkwist rilevanti.

2.   Fl-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni, l-entità tal-akkwist:

(a)

m'għandhiex timponi l-kundizzjoni li, sabiex fornitur jieħu sehem f'akkwist, il-fornitur irid ikun ingħata kuntratt wieħed jew iktar minn entità tal-akkwist ta' Parti partikolari;

(b)

entità tista' tesiġi esperjenza preċedenti rilevanti fejn din tkun essenzjali biex jintlaħqu r-rekwiżiti tal-akkwist; u

(c)

m'għandhiex timponi l-kundizzjoni li, sabiex fornitur ta' Parti jipparteċipa f'akkwist jew jingħata kuntratt, il-fornitur irid ikun preċedentement ingħata kuntratt wieħed jew aktar minn entità ta' akkwist tal-Parti l-oħra jew li l-fornitur ikollu esperjenza tax-xogħol preċedenti fit-territorju ta' dik il-Parti, għajr meta l-esperjenza tax-xogħol preċedenti tkun essenzjali biex jintlaħqu r-rekwiżiti tal-akkwist.

3.   Fil-valutazzjoni ta' jekk fornitur jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni, l-entità tal-akkwist għandha:

(a)

tevalwa l-kapaċità ta' finanzjament, u l-abbiltajiet kummerċjali u tekniċi ta' fornitur fuq il-bażi tal-attivitajiet kummerċjali tal-fornitur kemm ġewwa kif ukoll barra t-territorju tal-Parti tal-entità tal-akkwist; u

(b)

tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq il-kundizzjonijiet li l-entità tal-akkwist speċifikat minn qabel fl-avviżi jew fid-dokumentazzjoni tal-offerti.

4.   Fejn ikun hemm evidenza għal dan, Parti, inklużi l-entitajiet tal-akkwist tagħha, tista' teskludi fornitur għal raġunijiet bħal:

(a)

falliment;

(b)

dikjarazzjonijiet foloz;

(c)

nuqqasijiet notevoli jew persistenti fit-twettiq ta' kull rekwiżit jew obbligu sostantiv f'kuntratt jew kuntratti preċedenti;

(d)

sentenzi finali fir-rigward ta' delitti serji jew reati serji oħrajn;

(e)

kondotta professjonali ħażina jew atti jew ommissjonijiet li jirriflettu ħażin fuq l-integrità kummerċjali tal-fornitur; jew

(f)

taxxi mhux imħallsa.

Artikolu 126

Kwalifika tal-fornituri

1.   Parti, inklużi l-entitajiet tal-akkwist tagħha, tista' tmantni sistema ta' reġistrazzjoni tal-fornituri li fiha l-fornituri interessati jkunu meħtieġa jirreġistraw u jipprovdu ċerta informazzjoni.

2.   Kull Parti għandha tiżgura li:

(a)

l-entitajiet tal-akkwist tagħha jagħmlu sforzi biex jimminimizzaw id-differenzi fil-proċeduri ta' kwalifiki tagħhom; u

(b)

fejn l-entitajiet tal-akkwist tagħha jżommu sistemi ta' reġistrazzjoni, l-entitajiet jagħmlu sforzi sabiex inaqqsu d-differenzi fis-sistemi ta' reġistrazzjoni tagħhom.

3.   Parti, inklużi l-entitajiet tal-akkwist tagħha, m'għandhomx jadottaw jew japplikaw xi sistema ta' reġistrazzjoni jew proċedura ta' kwalifika bl-għan jew bl-effett li joħolqu ostakoli mhux neċessarji għall-parteċipazzjoni tal-fornituri tal-Parti l-oħra fl-akkwist tagħha.

4.   Fejn l-entità tal-akkwist ikun beħsiebha tuża proċedura ta' offerti selettiva, l-entità għandha:

(a)

fl-avviż tal-akkwist ippjanat tinkludi mill-inqas l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 124(2)(a), (b), (f), (g), (j) u (k) u tistieden lil fornituri biex jissottomettu talba għall-parteċipazzjoni; u

(b)

tipprovdi, mill-bidu tal-perijodu ta' żmien għal perijodu ta' offerti, tal-anqas l-informazzjoni fl-Artikolu 124(2)(c), (d), (e), (h) u (i) lill-fornituri kkwalifikati li tinnotifika kif speċifikat fl-Artikolu 128(3)(b).

5.   L-entità tal-akkwist għandha tippermetti lill-fornituri kollha kkwalifikati li jieħdu sehem f'akkwist partikolari, sakemm l-entità tal-akkwist ma tiddikjarax fl-avviż ta' akkwist ippjanat xi limitazzjoni fuq in-numru ta' fornituri li se jitħallew joffru u l-kriterji għall-għażla tan-numru limitat ta' fornituri.

6.   Fejn id-dokumentazzjoni tal-offerti ma titqigħedx għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mid-data ta' pubblikazzjoni tal-avviż imsemmija fil-paragrafu 4, l-entità tal-akkwist għandha tiżgura li dawk id-dokumenti tqiegħdu għad-dispożizzjoni fl-istess ħin lill-fornituri kkwalifikati kollha magħżula skont il-paragrafu 5.

7.   L-entità tal-akkwist tista' żżomm lista b'użi multipli ta' fornituri, bil-kundizzjoni li avviż li fih ikunu mistiedna l-fornituri interessati sabiex japplikaw għall-inklużjoni fil-lista jkun:

(a)

ippubblikat kull sena; u

(b)

meta ppubblikat b'mezzi elettroniċi, jitqiegħed għad-dispożizzjoni b'mod kontinwu,

bil-mezz xieraq elenkat fil-Parti 2 tal-Anness IV.

8.   L-avviż previst fil-paragrafu 7 għandu jinkludi:

(a)

deskrizzjoni tal-prodotti jew servizzi, jew kategoriji tagħhom, li għalihom tista' tintuża l-lista;

(b)

il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni li għandhom jiġu ssodisfati mill-fornituri għall-inklużjoni fil-lista u l-metodi li l-entità tal-akkwist se tuża biex tivverifika li fornitur jissodisfa l-kundizzjonijiet;

(c)

l-isem u l-indirizz tal-entità tal-akkwist u informazzjoni oħra neċessarja biex tiġi kkuntattjata l-entità u jinkisbu d-dokumenti rilevanti kollha relatati mal-lista;

(d)

il-perijodu ta' validità tal-lista u l-mezzi għat-tiġdid jew għat-terminazzjoni tagħha, jew fejn il-perijodu ta' validità ma jkunx ipprovdut, indikazzjoni tal-metodu li permezz tiegħu se jinħareġ l-avviż li l-lista mhux se tintuża aktar;

(e)

indikazzjoni li l-lista tista' tintuża għall-akkwist kopert minn dan il-Kapitolu.

9.   Minkejja l-paragrafu 7, fejn lista b'użi multipli tkun valida għal tliet snin jew inqas, l-entità tal-akkwist tista' tippubblika l-avviż imsemmi fil-paragrafu 7 darba biss, fil-bidu tal-perijodu ta' validità tal-lista, basta l-avviż:

(a)

jiddikjara l-perijodu ta' validità u li mhux se jiġu ppubblikati iktar avviżi; u

(b)

jiġi ppubblikat b'mezzi elettroniċi u jitqiegħed għad-dispożizzjoni b'mod kontinwu matul il-perijodu ta' validità tiegħu.

10.   L-entità tal-akkwist għandha tippermetti lill-fornituri japplikaw f'kull ħin għall-inklużjoni f'lista b'użi multipli u għandha tinkludi fil-lista lill-fornituri kkwalifikati kollha fi żmien perijodu raġonevolment qasir.

11.   Meta fornitur li mhuwiex inkluż f'lista b'użi multipli jippreżenta talba għall-parteċipazzjoni f'akkwist abbażi ta' lista b'użi multipli u d-dokumenti kollha meħtieġa, fi ħdan il-perijodu ta' żmien stipulat fl-Artikolu 128(2), it-talba għandha tiġi eżaminata minn entità tal-akkwist. L-entità tal-akkwist m'għandhiex teskludi lill-fornitur minn kunsiderazzjoni fir-rigward tal-akkwist minħabba r-raġuni li l-entità m'għandhiex biżżejjed żmien biex teżamina t-talba, sakemm, f'każijiet eċċezzjonali, minħabba l-kumplessità tal-akkwist, l-entità ma tkunx tista' tlesti l-eżami tat-talba fil-perijodu ta' żmien permess għall-preżentazzjoni tal-offerti.

12.   Entità tal-akkwist koperta taħt il-Parti 3 tal-Anness III tista' tuża avviż li bih tistieden il-fornituri biex japplikaw għall-inklużjoni fil-lista b'użi multipli bħala avviż ta' akkwist ippjanat, bil-kundizzjoni li:

(a)

l-avviż jiġi ppubblikat skont il-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu u jinkludi l-informazzjoni meħtieġa taħt il-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu, l-informazzjoni kollha meħtieġa disponibbli taħt l-Artikolu 124(2) u dikjarazzjoni li dan jikkostitwixxi avviż ta' akkwist ippjanat jew li huma biss il-fornituri fil-lista b'użu multiplu li se jirċievu avviżi oħrajn ta' akkwist kopert minn lista ta' użu multiplu; u

(b)

l-entità tipprovdi minnufih lill-fornituri li esprimew interess f'akkwist partikolari lill-entità, biżżejjed informazzjoni biex ikunu jistgħu jivvalutaw l-interess tagħhom fl-akkwist, inkluża l-bqija tal-informazzjoni meħtieġa fl-Artikolu 124(2), sa fejn tali informazzjoni tkun disponibbli.

13.   Entità tal-akkwist koperta taħt il-Parti 3 tal-Anness III tista' tippermetti lil fornitur li applika biex ikun inkluż fil-lista b'użi multipli skont il-paragrafu 10 ta' dan l-Artikolu biex jipparteċipa f'akkwist partikolari, fejn ikun hemm biżżejjed żmien għall-entità tal-akkwist biex teżamina jekk il-fornitur jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni.

14.   L-entità tal-akkwist għandha tgħarraf minnufih lil kull fornitur li jissottometti talba għall-parteċipazzjoni f'akkwist jew applikazzjoni għall-inklużjoni f'lista b'użi multipli dwar id-deċiżjoni tal-entità tal-akkwist relatata mat-talba jew l-applikazzjoni.

15.   Fejn entità tal-akkwist tirrifjuta talba ta' fornitur għall-parteċipazzjoni f'akkwist jew applikazzjoni għall-inklużjoni f'lista b'użi multipli, ma tibqax tirrikonoxxi fornitur bħala kkwalifikat, jew tneħħi fornitur minn lista b'użi multipli, l-entità għandha tgħarraf minnufih lill-fornitur u, wara talba tal-fornitur, tipprovdi minnufih lill-fornitur bi spjegazzjoni bil-miktub dwar ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

Artikolu 127

Speċifikazzjonijiet tekniċi u dokumentazzjoni tal-offerta

1.   L-entità tal-akkwist m'għandhiex tħejji, tadotta jew tapplika xi speċifikazzjoni teknika jew tippreskrivi xi proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità bl-għan jew l-effett li toħloq ostakli żejda għall-kummerċ internazzjonali.

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jridu jippermettu aċċess ugwali lill-offerenti u m'għandux ikollhom l-effett li joħolqu ostakli inġustifikati għall-ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku għall-kompetizzjoni.

2.   Fil-preskrizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-prodotti jew servizzi li jkunu se jinxtraw, entità tal-akkwist għandha, fejn xieraq:

(a)

tindika l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, f'termini ta' rekwiżiti ta' prestazzjoni u rekwiżiti funzjonali, aktar milli karatteristiċi tad-disinn jew karatteristiċi deskrittivi; u

(b)

tibbaża l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fuq standards internazzjonali, fejn jeżistu tali standards; inkella, fuq regolamenti tekniċi nazzjonali, fuq standards nazzjonali rikonoxxuti jew fuq kodiċijiet ta' bini.

3.   Meta fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jintużaw karatteristiċi deskrittivi jew tad-disinn, entità tal-akkwist għandha tindika, fejn xieraq, li se tikkunsidra offerti ta' prodotti jew servizzi ekwivalenti li jissodisfaw biċ-ċar ir-rekwiżiti tal-akkwist billi tinkludi kliem bħal “jew ekwivalenti” fil-fajl tal-offerta.

4.   Entità tal-akkwist m'għandhiex tippreskrivi speċifikazzjonijiet tekniċi li jeħtieġu jew jirreferu għal trademark partikolari jew isem kummerċjali, privattiva, dritt tal-awtur, disinn, tip, oriġini speċifiku, produttur jew fornitur speċifiċi, sakemm ma jkun hemm l-ebda mod ieħor preċiż jew intelliġibbli biżżejjed biex jiġu deskritti r-rekwiżiti tal-akkwist u bil-kundizzjoni li, f'tali każijiet, l-entità tinkludi kliem bħal “jew ekwivalenti” fil-fajl tal-offerta.

5.   Entità tal-akkwist m'għandhiex tfittex jew taċċetta, b'mod li jkollha effett li tipprekludi l-kompetizzjoni, avviż li jista' jintuża fit-tħejjija jew l-adozzjoni ta' xi speċifikazzjoni teknika għal akkwist speċifiku minn persuna li jista' jkollha interess kummerċjali fl-akkwist.

6.   Għal ċertezza ikbar, Parti, inklużi l-entitajiet tal-akkwist tagħha, tista', b'konformità ma' dan l-Artikolu, tħejji, tadotta jew tapplika speċifikazzjonijiet tekniċi biex tippromovi l-konservazzjoni ta' riżorsi naturali jew tipproteġi l-ambjent.

7.   Entità tal-akkwist għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-fornituri fajl tal-offerta li jinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex il-fornituri jkunu jistgħu jħejju u jippreżentaw offerti ta' ammissibbli. Sakemm ma tkunx diġà ngħatat fl-avviż ta' akkwist ippjanat, tali dokumentazzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni sħiħa ta':

(a)

l-akkwist, inklużi n-natura u l-kwantità tal-prodotti jew servizzi li għandhom jinxtraw jew, meta l-kwantità ma tkunx magħrufa, il-kwantità stmata u kull rekwiżit li għandu jiġi ssodisfat, inkluża kull speċifikazzjoni teknika, ċertifikazzjoni ta' valutazzjoni tal-konformità, pjan, tpinġija jew materjali ta' struzzjoni;

(b)

kull kundizzjoni għall-parteċipazzjoni ta' fornituri, inkluża lista ta' informazzjoni u dokumenti li l-fornituri huma meħtieġa jissottomettu b'rabta mal-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni;

(c)

il-kriterji kollha ta' evalwazzjoni li l-entità se tapplika fl-għoti tal-kuntratt, u, bl-eċċezzjoni fejn il-prezz ikun l-uniku kriterju, l-importanza relattiva tat-tali kriterji;

(d)

meta l-entità tal-akkwist tkun se twettaq l-akkwist b'mezzi elettroniċi, kull rekwiżit ta' awtentikazzjoni u kriptaġġ jew rekwiżiti oħra relatati mas-sottomissjoni tal-informazzjoni b'mezzi elettroniċi;

(e)

meta l-entità tal-akkwist tkun se torganizza bejgħ bl-irkant elettroniku, ir-regoli, inkluża l-identifikazzjoni tal-elementi tal-offerta relatati mal-kriterji ta' evalwazzjoni, li bihom se jsir l-irkantar;

(f)

fejn se jkun hemm ftuħ tas-sejħiet tal-offerti pubbliku, id-data, il-ħin u l-post tal-ftuħ u, fejn hu xieraq, il-persuni awtorizzati li jkunu preżenti;

(g)

kull terminu jew kundizzjoni oħra, inklużi termini ta' ħlas u kull limitazzjoni fuq il-mezzi li bihom jistgħu jsiru l-offerti, bħal jekk hux mezz kartaċeju jew elettroniku; u

(h)

kull data għall-konsenja ta' prodotti jew il-provvista ta' servizzi.

8.   Meta tistabbilixxi data għall-konsenja ta' prodotti jew għall-provvista ta' servizzi li jkunu qegħdin jinxtraw, l-entità tal-akkwist għandha tqis fatturi bħall-kumplessità tal-akkwist, kemm huwa antiċipat li jsir sottokuntrattar u ż-żmien realistiku meħtieġ għall-produzzjoni, it-tneħħija mill-ħżin, u t-trasport tal-prodotti mill-punt ta' provvista jew għall-provvista ta' servizzi.

9.   Il-kriterji ta' evalwazzjoni stabbiliti fl-avviż ta' akkwist ippjanat jew fil-fajl tal-offerta jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, il-prezz u fatturi oħrajn ta' spejjeż, il-kwalità, il-mertu tekniku, il-karatteristiċi ambjentali u t-termini tal-konsenja.

10.   Entità tal-akkwist għandha minnufih:

(a)

tagħmel disponibbli l-fajl tal-offerta biex tara li l-fornituri interessati jkollhom biżżejjed żmien biex jippreżentaw offerti ammissibbli;

(b)

tipprovdi, meta mitluba, il-fajl tal-offerta lil kull fornitur interessat; u

(c)

twieġeb għal kull talba raġonevoli għal informazzjoni rilevanti minn kull fornitur interessat jew li jkun qiegħed jieħu sehem, bil-kundizzjoni li tali informazzjoni ma tagħtix lil dak il-fornitur vantaġġ fuq il-fornituri l-oħrajn.

11.   Meta, qabel l-għoti ta' kuntratt, entità tal-akkwist timmodifika l-kriterji jew ir-rekwiżiti stipulati fl-avviż ta' akkwist ippjanat jew fil-fajl tal-offerta pprovduta lill-fornituri li jkunu qed jieħdu sehem, jew temenda jew terġa' toħroġ avviż jew fajl tal-offerta, hija għandha tittrasmetti bil-miktub dawn il-modifiki kollha jew l-avviż jew il-fajl tal-offerta emendati jew maħruġin mill-ġdid:

(a)

lill-fornituri kollha li qegħdin jieħdu sehem fi żmien il-modifika, l-emenda jew il-ħruġ mill-ġdid, fejn tali fornituri jkunu magħrufa lill-entità, u fil-każijiet l-oħrajn kollha, bl-istess mod li bih tqiegħdet għad-dispożizzjoni l-informazzjoni oriġinali; u

(b)

fi żmien adegwat biex tali fornituri jkunu jistgħu jimmodifikaw u jerġgħu jissottomettu offerti emendati, kif xieraq.

Artikolu 128

Perijodi ta' żmien

1.   B'mod konsistenti mal-ħtiġijiet raġonevoli tagħha stess, entità tal-akkwist għandha tipprovdi biżżejjed żmien sabiex il-fornituri jħejju u jippreżentaw talbiet għall-parteċipazzjoni u offerti ammissibbli, filwaqt li tieħu f'kunsiderazzjoni fatturi bħal:

(a)

l-għamla u l-kumplessità tal-akkwist;

(b)

kemm huwa antiċipat li jsir sottokuntrattar; u

(c)

iż-żmien meħtieġ għat-trażmissjoni tal-offerti b'mezzi mhux elettroniċi minn punti barranin kif ukoll domestiċi fejn ma jintużawx mezzi elettroniċi.

Perijodi ta' żmien bħal dawn, inkluża kull estensjoni tal-perijodi ta' żmien, għandhom ikunu l-istess għall-fornituri interessati jew parteċipanti kollha.

2.   Entità tal-akkwist li tuża sejħa għall-offerti selettiva għandha tistabbilixxi li d-data finali għas-sottomissjoni tat-talbiet għall-parteċipazzjoni m'għandhiex, fil-prinċipju, tkun inqas minn 25 jum mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-akkwist ippjanat. F'każ li stat ta' urġenza ssostanzjat kif xieraq mill-entità tal-akkwist jrendi dan il-perijodu ta' żmien imprattikabbli, il-perijodu ta' żmien jista' jitnaqqas b'mhux inqas minn għaxart ijiem.

3.   Għajr kif stipulat fil-paragrafi 4, 5, 7 u 8, entità tal-akkwist għandha tistabbilixxi li d-data finali għas-sottomissjoni tal-offerti m'għandhiex tkun inqas minn 40 jum mid-data li fiha:

(a)

f'każ ta' proċedura għall-offerti miftuħa, l-avviż tal-akkwist ippjanat jiġi ppubblikat; jew

(b)

fil-każ ta' proċedura ta' offerti selettiva, l-entità tinnotifika lill-fornituri li se jkunu mistiedna jissottomettu offerti, kemm jekk tuża lista b'użi multipli kif ukoll jekk le.

4.   Entità tal-akkwist tista' tnaqqas il-perijodu ta' żmien għall-proċedura ta' offerti stabbilit skont il-paragrafu 3 għal mhux inqas minn għaxart ijiem fejn:

(a)

l-entità tal-akkwist tkun ippubblikat avviż ta' akkwist ippjanat kif deskritt fl-Artikolu 124(4) tal-inqas 40 jum u mhux iktar minn 12-il xahar minn qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż ta' akkwist ippjanat, u l-avviż ta' akkwist ippjanat ikun fih:

(i)

deskrizzjoni tal-akkwist;

(ii)

id-dati finali approssimattivi għas-sottomissjoni ta' offerti jew talbiet għall-parteċipazzjoni;

(iii)

dikjarazzjoni li l-fornituri interessati għandhom jesprimu l-interess tagħhom fl-akkwist lill-entità tal-akkwist;

(iv)

l-indirizz minn fejn id-dokumenti li għandhom x'jaqsmu mal-akkwist jistgħu jinkisbu; u

(v)

l-informazzjoni kollha meħtieġa disponibbli għall-avviż ta' akkwist ippjanat taħt l-Artikolu 124(2);

(b)

l-entità tal-akkwist, għal-akkwisti ta' natura rikorrenti, tindika f'avviż inizjali tal-akkwist ippjanat li l-avviżi sussegwenti se jipprovdu perijodi ta' żmien għas-sejħiet għall-offerti bbażati fuq dan il-paragrafu; jew

(c)

stat ta' urġenza sostanzjat kif xieraq mill-entità tal-akkwist jrendi imprattikabbli l-perijodu ta' żmien għall-proċedura ta' offerti stabbilit skont il-paragrafu 3.

5.   Entità tal-akkwist tista' tnaqqas il-perijodu ta' żmien għall-proċedura ta' offerti stabbilit skont il-paragrafu 3 b'sebat ijiem f'kull waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

l-avviż ta' akkwist ippjanat huwa ppubblikat b'mezzi elettroniċi;

(b)

id-dokumentazzjoni kollha tas-sejħa tal-offerti tkun disponibbli b'mezzi elettroniċi mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-akkwist ippjanat; u

(c)

l-entità taċċetta offerti b'mezzi elettroniċi.

6.   L-użu tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5, flimkien mal-paragrafu 4, m'għandu fl-ebda każ jirriżulta fit-tnaqqis tal-perijodu ta' żmien għas-sejħa tal-offerti stabbilit skont il-paragrafu 3 għal inqas minn sebat ijiem mid-data li fiha l-avviż tal-akkwist ippjanat jiġi pubblikat.

7.   Minkejja kull dispożizzjoni oħra f'dan l-Artikolu, meta entità tal-akkwist takkwista prodotti jew servizzi kummerċjali, jew xi kombinazzjoni tagħhom, din tista' tnaqqas il-perijodu ta' żmien għall-proċedura ta' offerti stabbilit skont il-paragrafu 3 għal mhux inqas minn 13-il jum, bil-kundizzjoni li tippubblika b'mezzi elettroniċi, fl-istess ħin, kemm l-avviż ta' akkwist ippjanat kif ukoll id-dokumentazzjoni tal-offerta. Barra minn hekk, meta l-entità taċċetta offerti għal prodotti jew servizzi kummerċjali b'mezzi elettroniċi, tista' tnaqqas il-perijodu ta' żmien stabbilit skont il-paragrafu 3 għal mhux inqas minn sebat ijiem.

8.   Meta entità tal-akkwist koperta taħt il-Parti 3 tal-Anness III tkun għażlet il-fornituri kkwalifikati kollha jew għadd limitat minnhom, il-perijodu ta' żmien għall-proċedura ta' offerti jista' jiġi stabbilit minn ftehim reċiproku bejn l-entità tal-akkwist u l-fornituri magħżulin. Fin-nuqqas ta' qbil, il-perijodu m'għandux ikun inqas minn sebat ijiem.

Artikolu 129

Negozjar

1.   Parti tista' tipprovdi li l-entitajiet tal-akkwist tagħha jwettqu negozjati:

(a)

fejn l-entità indikat l-intenzjoni tagħha li tmexxi negozjati fl-avviż tal-akkwist ippjanat meħtieġa skont l-Artikolu 124(2); jew

(b)

meta mill-evalwazzjoni jidher li m'hemmx offerta li hija l-iktar vantaġġuża biċ-ċar f'termini tal-kriterji speċifiċi ta' evalwazzjoni stabbiliti fl-avviż ta' akkwist ippjanat jew il-fajl tal-offerta.

2.   L-entità tal-akkwist għandha:

(a)

tiżgura li kull eliminazzjoni ta' fornituri li jieħdu sehem fin-negozjati ssir skont il-kriterji ta' evalwazzjoni stabbiliti fl-avviż ta' akkwist ippjanat jew il-fajl tal-offerta; u

(b)

meta jiġu konklużi n-negozjati, tipprovdi data ta' skadenza komuni għall-bqija tal-fornituri li jkun fadal biex jippreżentaw xi offerti ġodda jew riveduti.

Artikolu 130

Proċedura ta' offerti limitata

1.   Sakemm ma tużax din id-dispożizzjoni bl-għan li tiġi evitata l-kompetizzjoni fost il-fornituri jew b'mod li jiddiskrimina kontra fornituri tal-Parti l-oħra jew tipproteġi fornituri domestiċi, entità tal-akkwist tista' tuża proċedura ta' offerti limitata u tista', fiċ-ċirkostanzi li ġejjin biss, tagħżel li ma tapplikax l-Artikoli 124, 125, 126, 127 (il-paragrafi 7 sa 11), 128, 129, 131 u 132:

(a)

sakemm ir-rekwiżiti tad-dokumentazzjoni tal-offerta ma jkunux sostanzjalment immodifikati, fejn;

(i)

ma ġew ippreżentati l-ebda offerti jew inkella l-ebda fornituri ma talbu parteċipazzjoni;

(ii)

ma ġiet sottomessal-ebda offerta li tikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali tal-fajl tal-offerta;

(iii)

l-ebda fornitur ma ssodisfa l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni; jew

(iv)

l-offerti sottomessi kienu kollużivi,

(b)

fejn il-prodotti jew servizzi jistgħu jiġu pprovduti biss minn fornitur partikolari u ma jkunu jeżistu l-ebda prodotti jew servizzi alternattivi jew sostituti raġonevoli għal xi waħda minn dawn ir-raġunijiet li ġejjin:

(i)

ir-rekwiżit huwa għal opra tal-arti;

(ii)

il-protezzjoni ta' privattivi, drittijiet tal-awtur jew drittijiet esklussivi oħrajn; jew

(iii)

minħabba nuqqas ta' kompetizzjoni għal raġunijiet tekniċi;

(c)

għal kunsinni addizzjonali mill-fornitur oriġinali ta' prodotti jew servizzi li ma kinux inklużi fl-akkwist inizjali fejn bidla tal-fornitur għat-tali prodotti jew servizzi addizzjonali:

(i)

ma tistax issir għal raġunijiet ekonomiċi jew tekniċi bħalma huma r-rekwiżiti ta' interkambjabbiltà jew l-interoperabbiltà ma' tagħmir, software, servizzi jew installazzjonijiet eżistenti akkwistati taħt l-akkwist inizjali; u

(ii)

tkun tikkaġuna inkonvenzjenza notevoli jew spejjeż doppji sostanzjali għall-entità tal-akkwist;

(d)

sa fejn ikun strettament neċessarju meta, għal raġunijiet ta' urġenza estrema li tirriżulta minn avvenimenti imprevedibbli għall-entità tal-akkwist, il-prodotti jew servizzi ma jistgħux jinkisbu fil-ħin bl-użu tal-proċedura ta' offerti miftuħa jew il-proċedura ta' offerti selettiva;

(e)

għal prodotti mixtrija f'suq tal-prodotti bażiċi;

(f)

meta l-entità tal-akkwist tixtri prototip jew l-ewwel prodott jew servizz li jkun żviluppat fuq talba tagħha matul, u għal, kuntratt partikolari ta' riċerka, esperiment, studju jew żvilupp oriġinali. L-iżvilupp oriġinali tal-ewwel prodott jew servizz jista' jinkludi produzzjoni jew provvista limitata sabiex jiġu inkorporati r-riżultati tal-ittestjar fil-prattika u sabiex jintwera li l-prodott jew is-servizz huwa xieraq għall-produzzjoni jew il-provvista fi kwantità bi standards tal-kwalità aċċettabbli, iżda ma jinkludix produzzjoni jew provvista tal-kwantità biex tiġi stabbilita vijabilità kummerċjali jew sabiex jiġu rkuprati l-ispejjeż għar-riċerka u l-iżvilupp;

(g)

għal xirjiet li saru b'kundizzjonijiet eċċezzjonalment vantaġġużi li jinkisbu biss fuq medda ta' żmien ferm qasira fil-każ ta' tneħħijiet mhux tas-soltu bħal dawk li ġejjin minn likwidazzjoni, riċevitura jew falliment, iżda mhux għal xirjiet ta' rutina minn fornituri regolari; jew

(h)

meta kuntratt jingħata lil rebbieħ ta' kompetizzjoni ta' disinni bil-kundizzjoni li:

(i)

il-konkors ġie organizzat b'mod li huwa konsistenti mal-prinċipji ta' dan il-Kapitolu, b'mod partikolari rigward il-pubblikazzjoni ta' avviż ta' akkwist ippjanat; u

(ii)

il-parteċipanti huma ġġudikati minn ġurija indipendenti bl-għan li jitfassal il-kuntratt li għandu jingħata lir-rebbieħ.

2.   L-entità tal-akkwist għandha tħejji rapport bil-miktub fuq kull kuntratt mogħti skont il-paragrafu 1. Ir-rapport għandu jinkludi isem l-entità tal-akkwist, il-valur u t-tip ta' prodotti jew servizzi mixtrija u dikjarazzjoni li tindika ċ-ċirkostanzi u l-kundizzjonijiet deskritti fil-paragrafu 1 li ġġustifikaw l-użu tal-proċedura ta' offerti limitata.

Artikolu 131

Irkanti elettroniċi

1.   L-entitajiet tal-akkwist jistgħu jużaw l-irkantar elettroniku.

2.   Fil-proċeduri miftuħa, limitati jew proċeduri negozjati, entità tal-akkwist tista' tiddeċiedi li l-għoti ta' kuntratt għandu jiġi preċedut minn irkantar elettroniku meta l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jistgħu jkunu stabbiliti bi preċiżjoni.

L-irkant elettroniku għandu jkun ibbażat:

(a)

biss fuq prezzijiet meta l-kuntratt ikun mogħti lill-prezz l-aktar baxx; jew

(b)

fuq prezzijiet u/jew fuq il-valuri ġodda tal-karatteristiċi tal-offerti indikati fl-ispeċifikazzjoni meta l-kuntratt ikun mogħti lill-offerta l-aktar vantaġġuża.

3.   Entità kontraenti li tiddeċiedi li torganizza irkant elettroniku għandha tiddikjara dan il-fatt fl-avviż ta' akkwist ippjanat.

L-ispeċifikazzjonijiet għandhom jinkludu, fost ħwejjeġ oħra, id-dettalji li ġejjin:

(a)

il-karatteristiċi, il-valuri ta' liem ikunu s-suġġett tal-irkant elettroniku, sakemm dawn il-karatteristiċi jkunu kwantifikabbli u jistgħu jiġu espressi f'ċifri jew perċentwali;

(b)

kull limitu fuq il-valuri li jistgħu jiġu sottomessi, peress li jirriżultaw mill-ispeċifikazzjonijiet relatati mas-suġġett tal-kuntratt;

(c)

l-informazzjoni li se titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-offerenti matul l-irkant elettroniku u, fejn dan ikun xieraq, meta se titqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom;

(d)

l-informazzjoni rilevanti li tikkonċerna l-proċess tal-irkant elettroniku;

(e)

il-kundizzjonijiet taħt liem l-offerenti jkunu jistgħu jagħmlu l-offerti tagħhom u, b'mod partikolari, id-differenzi minimi li, fejn dawn ikunu xierqa, jkunu meħtieġa għal meta jsiru l-offerti;

(f)

l-informazzjoni rilevanti li tikkonċerna t-tagħmir elettroniku użat u l-arranġamenti u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-konnessjoni.

4.   Qabel tipproċedi b'irkant elettroniku, l-entità tal-akkwist għandha tagħmel evalwazzjoni inizjali sħiħa tal-offerti skont il-kriterju jew il-kriterji tal-għotja tal-kuntratt stipulati u bil-ponderazzjoni ffissata għalihom. L-offerenti kollha li ssottomettew offerti ammissibbli għandhom jiġu mistiedna fl-istess waqt b'mezzi elettroniċi biex jippreżentaw prezzijiet u/jew valuri ġodda; l-istedina għandu jkun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna l-konnessjoni individwali mat-tagħmir elettroniku li jkun qed jintuża u għandha tispeċifika d-data u l-ħin tal-bidu tal-irkant elettroniku. L-irkant elettroniku jista' jseħħ f'għadd ta' fażijiet suċċessivi. L-irkant elettroniku ma jistax jibda qabel jumejn ta' xogħol mid-data li fiha jkunu ħarġu l-istediniet.

5.   Meta l-kuntratt ikun irid jingħata fuq il-bażi tal-iktar offerta vantaġġuża, l-istedina għandha tkun akkumpanjata bl-eżitu ta' evalwazzjoni sħiħa tal-offerent rilevanti. L-istedina għandha tiddikjara wkoll il-formula matematika li trid tintuża fl-irkant elettroniku sabiex jiġu determinati l-klassifikazzjonijiet awtomatiċi l-ġodda fuq il-bażi tal-prezzijiet il-ġodda u/jew il-valuri l-ġodda sottomessi. Dik il-formula għandha tinkorpora l-ponderazzjoni tal-kriterji kollha ffissati biex tiġi determinata l-offerta l-aktar vantaġġuża, kif indikat fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet; għal dan l-iskop, kull parametri għandhom, madankollu, jitnaqqsu minn sa valur speċifikat.

6.   Matul kull fażi ta' rkant elettroniku l-awtoritajiet kontraenti għandhom jikkomunikaw minnufih lill-offerenti kollha tal-inqas biżżejjed informazzjoni sabiex ikunu jistgħu jaċċertaw ruħhom mill-klassifikazzjonijiet relattivi f'kull mument. Jistgħu jikkomunikaw ukoll informazzjoni oħra rigward prezzijiet jew valuri oħra sottemessi, sakemm dan ikun iddikjarat fl-ispeċifikazzjonijiet. Huma jistgħu wkoll fi kwalunkwe ħin iħabbru n-numru ta' parteċipanti f'dik il-fażi tal-irkant. Madanakollu, fl-ebda każ ma jistgħu jiddivulgaw l-identitiajiet tal-offerenti matul xi fażi tal-irkant elettroniku.

7.   L-entità tal-akkwist għandha tagħlaq irkant elettroniku b'wieħed jew aktar mill-modi li ġejjin:

(a)

billi tindika fl-istedina għall-parteċipazzjoni fl-irkant id-data u l-ħin stabbiliti minn qabel;

(b)

meta ma tirċevix aktar prezzijiet jew valuri ġodda li jissodisfaw il-ħtiġijiet rigward differenzi minimi,billi tiddikjara fl-istedina għall-parteċipazzjoni fl-irkant il-ħin li hija tippermetti li jgħaddi wara li tirċievi l-aħħar sottomisssjoni qabel ma tagħlaq l-irkant elettroniku;

(c)

meta n-numru ta' fażijiet fl-irkant, stabbilit fl-istedina għall-parteċipazzjoni fl-irkant, ikun tlesta.

8.   Meta l-entità tal-akkwist tkun iddeċidiet li tagħlaq irkant elettroniku skont il-punt (c) tal-paragrafu 7, possibbilment f'kombinazzjoni mal-arranġamenti stipulati fil-punt (b) ta' dak il-paragrafu, l-istedina għall-parteċipazzjoni fl-irkant għandha tindika l-iskeda ta' żmien għal kull fażi tal-irkant.

9.   Wara li tagħlaq irkant elettroniku, l-entità tal-akkwist għandha tagħti l-kuntratt f'konformità mal-Artikolu 132 fuq il-bażi tar-riżultati tal-irkant elettroniku.

10.   L-entitajiet tal-akkwist ma jistgħux jużaw l-irkanti elettroniċi b'mod mhux xieraq jew b'mod li jimpedixxu, jillimitaw jew jgħawġu l-kompetizzjoni jew li jbiddlu s-suġġett tal-kuntratt, kif imqiegħed għall-offerti fl-avviż ippubblikat tal-akkwist intiż u definit fl-ispeċifikazzjoni.

Artikolu 132

Trattament ta' offerti u għoti ta' kuntratti

1.   Entità tal-akkwist għandha tirċievi, tiftaħ u tittratta l-offerti kollha bi proċeduri li jiggarantixxu ġustizzja u imparzjalità tal-proċess ta' akkwist, u l-kunfidenzjalità tal-offerti.

2.   Entità tal-akkwist m'għandhiex tippenalizza lil xi fornitur li l-offerta tiegħu tkun waslet wara ż-żmien speċifikat biex isiru l-offerti jekk id-dewmien huwa dovut biss għall-ġestjoni ħażina min-naħa tal-entità tal-akkwist.

3.   Meta l-entità tal-akkwist tipprovdi lill-fornitur b'opportunità biex jikkoreġi żbalji tal-forma mhux intenzjonati bejn il-ftuħ tal-offerti u l-għoti tal-kuntratt, l-entità tal-akkwist għandha tipprovdi l-istess opportunità lill-fornituri parteċipanti kollha.

4.   Biex tiġi kkunsidrata għall-għotja, offerta għandha tiġi ppreżentata bil-miktub u għandha, fi żmien il-ftuħ, tikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-avviżi u d-dokumentazzjoni tal-offerta u tkun ġejja minn fornitur li jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni.

5.   Sakemm l-entità tal-akkwist ma tiddeterminax li mhuwiex fl-interess pubbliku li jingħata kuntratt, l-entità għandha tagħti l-kuntratt lill-fornitur li l-entità għażlet bħala dak li kapaċi jissodisfa t-termini tal-kuntratt u li, abbażi biss tal-kriterji ta' evalwazzjoni speċifikati fl-avviżi u d-dokumentazzjoni tal-offerta, ippreżenta:

(a)

l-iktar offerta vantaġġuża; jew

(b)

meta l-prezz ikun l-uniku kriterju, l-inqas prezz.

6.   Meta l-entità tal-akkwist tirċievi offerta bi prezz li huwa anormalment iktar baxx mill-prezzijiet fl-offerti ppreżentati l-oħrajn, tista' tivverifika mal-fornitur sabiex tara li jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni u li huwa kapaċi jissodisfa t-termini tal-kuntratt.

7.   L-entità tal-akkwist m'għandhiex tuża opzjonijiet, ma tannullax akkwisti, jew ma timmodifikax kuntratti mogħtija b'mod li jevitaw l-obbligi skont dan il-Kapitolu.

Artikolu 133

It-trasparenza tal-informazzjoni dwar l-akkwisti

1.   L-entità tal-akkwist għandha tgħarraf minnufih lill-fornituri parteċipanti bid-deċiżjonijiet tagħha ta' għoti tal-kuntratt u, fuq it-talba ta' fornitur, għandha tagħmel dan bil-miktub. Soġġetta għall-Artikolu 134(2) u (3), entità tal-akkwist għandha, jekk mitluba, tagħti lil fornitur li ma ntgħażilx, spjegazzjoni tar-raġunijiet il-għala l-entità ma għażlitx l-offerta tiegħu u l-vantaġġi relattivi tal-offerta tal-fornitur li ntagħżel.

2.   Mhux aktar tard minn 72 jum wara l-għoti ta' kull kuntratt kopert b'dan il-Kapitolu, l-entità tal-akkwist għandha tippubblika avviż fil-mezz kartaċeju jew elettroniku xieraq elenkat fil-Parti 2 tal-Anness IV. Meta l-entità tippubblika l-avviż esklussivament fuq mezz elettroniku, l-informazzjoni għandha tibqa' faċilment aċċessibbli għal perijodu ta' żmien raġonevoli. L-avviż għandu jinkludi tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

deskrizzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi mixtrija;

(b)

l-isem u l-indirizz tal-entità tal-akkwist;

(c)

l-isem u l-indirizz tal-fornitur rebbieħ;

(d)

il-valur tal-offerta rebbieħa jew l-ogħla u l-anqas offerti li ttieħdu f'kunsiderazzjoni fl-għoti tal-kuntratt;

(e)

id-data tal-għotja; u

(f)

it-tip ta' metodu ta' akkwist użat, u f'każijiet li fihom tkun intużat proċedura ta' offerti limitata skont l-Artikolu 130, deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw l-użu tal-proċedura ta' offerti limitata.

3.   Għal perijodu mhux inqas minn tliet snin mid-data li fiha tagħti kuntratt, kull entità tal-akkwist għandha żżomm:

(a)

id-dokumentazzjoni u r-rapporti tal-proċeduri tal-akkwist u l-għoti ta' kuntratti marbuta ma' akkwist kopert, inklużi r-rapporti meħtieġa skont l-Artikolu 130; u

(b)

id-data li tiżgura t-traċċabilità xierqa tat-twettiq tal-akkwist kopert b'mezzi elettroniċi.

Artikolu 134

Divulgazzjoni ta' informazzjoni

1.   Fuq talba tal-Parti l-oħra, Parti għandha tipprovdi minnufih kull informazzjoni meħtieġa biex tiddetermina jekk akkwist twettaqx b'mod leali, imparzjali u skont dan il-Kapitolu, inkluża informazzjoni dwar il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta rebbieħa. F'fażijiet fejn il-ħruġ tal-informazzjoni jxekkel il-kompetizzjoni fl-offerti fil-ġejjieni, il-Parti li tirċievi l-informazzjoni m'għandhiex tiddivulgaha lil xi fornitur, ħlief wara li tikkonsulta mal-Parti li pprovdiet l-informazzjoni u wara li tikseb il-qbil ta' din tal-aħħar.

2.   Minkejja kull dispożizzjoni oħra ta' dan il-Kapitolu, Parti, inklużi l-entitajiet tal-akkwist tagħha, m'għandhiex tipprovdi informazzjoni lil xi fornitur partikolari li tista' tippreġudika l-kompetizzjoni ġusta bejn il-fornituri.

3.   Xejn f'dan il-Kapitolu m'għandu jiġi interpretat li jobbliga Parti, inklużi l-entitajiet tal-akkwist tagħha, l-awtoritajiet u l-korpi ta' rieżami, milli jiddivulgaw informazzjoni kunfidenzjali fejn id-divulgazzjoni;

(a)

tkun ixxekkel l-infurzar tal-liġi;

(b)

għandha mnejn tippreġudika l-kompetizzjoni ġusta bejn il-fornituri;

(c)

tkun tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta' persuni partikolari, inkluża l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali; jew

(d)

tkun b'xi mod ieħor tmur kontra l-interess pubbliku.

Artikolu 135

Proċeduri domestiċi ta' rieżami

1.   Kull Parti għandha tipprovdi proċedura ta' rieżami amministrattiva jew ta' stħarriġ ġudizzjarju f'waqtha, effettiva, trasparenti u mhux diskriminatorja li permezz tagħha fornitur jista', fil-kuntest ta' akkwist kopert, li fih il-fornitur għandu, jew kellu, interess, tikkontesta:

(a)

ksur ta' dan il-Kapitolu; jew

(b)

fejn il-fornitur ma jkollux id-dritt li jikkontesta direttament ksur ta' dan il-Kapitolu skont il-liġi nazzjonali ta' Parti, nuqqas ta' konformità mal-miżuri tal-Parti li jimplimentaw dan il-Kapitolu,

2.   Ir-regoli proċedurali għall-kontestazzjonijiet kollha skont il-paragrafu 1 għandhom ikunu bil-miktub u jkunu disponibbli b'mod ġenerali.

3.   Fil-każ ta' lment minn fornitur, li jirriżulta fil-kuntest ta' akkwist kopert li fih il-fornitur għandu, jew kellu, interess, li hemm ksur jew nuqqas kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-Parti tal-entità tal-akkwist li twettaq l-akkwist għandha tħeġġeġ lill-entità u lill-fornitur biex isibu soluzzjoni għall-ilment permezz ta' konsultazzjonijiet. L-entità għandha tagħti kunsiderazzjoni imparzjali u f'waqtha għal kull ilment bħal dan b'mod li ma jxekkilx il-parteċipazzjoni tal-fornitur fl-akkwist attwali jew fil-ġejjieni jew id-dritt tiegħu li jfittex miżuri korrettivi skont il-proċedura ta' rieżami amministrattiva jew ta' stħarriġ ġudizzjarju.

4.   Kull fornitur għandu jingħata perijodu ta' żmien twil biżżejjed biex iħejji u jippreżenta oġġezzjoni, li fl-ebda każ m'għandu jkun inqas minn għaxart ijiem miż-żmien meta l-bażi tal-oġġezzjoni saret magħrufa jew kellha ssir raġonevolment magħrufa għall-fornitur.

5.   Kull Parti għandha tistabbilixxi jew tagħżel tal-inqas awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja imparzjali waħda li hija indipendenti mill-entitajiet tal-akkwist tagħha sabiex tilqa' u tirrieżamina oġġezzjoni minn fornitur li tqum fil-kuntest ta' akkwist kopert.

6.   Meta korp li mhuwiex awtorità msemmija fil-paragrafu 5, inizjalment janalizza oġġezzjoni, il-Parti għandha tiżgura li l-fornitur ikun jista' jappella d-deċiżjoni inizjali quddiem awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja imparzjali li hija indipendenti mill-entità tal-akkwist li l-akkwist tagħha huwa s-suġġett tal-oġġezzjoni.

7.   Kull Parti għandha tiżgura li korp ta' reviżjoni li mhuwiex qorti jkollu d-deċiżjoni tiegħu soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja jew ikollu proċeduri li jipprovdu li:

(a)

l-entità tal-akkwist għandha twieġeb bil-miktub għall-appell u tiddivulga d-dokumenti kollha rilevanti lill-korp ta' rieżami;

(b)

il-parteċipanti għall-proċedimenti (minn hawn 'il quddiem imsejħin “parteċipanti”) għandu jkollhom id-dritt li jinstemgħu qabel tittieħed deċiżjoni mill-korp ta' rieżami dwar l-oġġezzjoni;

(c)

il-parteċipanti għandu jkollhom id-dritt li jkunu rappreżentati u akkumpanjati;

(d)

il-parteċipanti għandu jkollhom aċċess għall-proċedimenti kollha;

(e)

il-parteċipanti għandu jkollhom id-dritt li jitolbu li l-proċedimenti jsiru fil-pubbliku u li x-xhieda jistgħu jiġu ppreżentati; u

(f)

il-korp ta' rieżami għandu jieħu d-deċiżjonijiet jew jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fil-ħin, bil-miktub u għandu jinkludi spjegazzjoni tal-bażi għal kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni.

8.   Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm fis-seħħ proċeduri li jipprovdu għal:

(a)

miżuri interim rapidi biex tinżamm l-opportunità tal-fornitur biex jieħu sehem fl-akkwist; u

(b)

meta korp ta' reviżjoni jkun iddetermina li kien hemm ksur jew nuqqas kif imsemmi fil-paragrafu 1, azzjoni korrettiva jew kumpens għat-telf jew id-danni mġarrba, li jistgħu jkunu limitati kemm għall-ispejjeż għat-tħejjija tal-offerta u kemm għall-ispejjeż relatati mal-oġġezzjoni, jew it-tnejn.

9.   Il-miżuri interim rapidi msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 8 jistgħu jirriżultaw fis-sospensjoni tal-proċess tal-akkwist. Il-proċeduri msemmija fil-paragrafu 8 jistgħu jiddisponu li konsekwenzi negattivi prevalenti għall-interessi kkonċernati, inkluż l-interess pubbliku, jistgħu jitqiesu meta ssir deċiżjoni dwar jekk tali miżuri għandhomx jiġu applikati. Kawża ġusta għal nuqqas ta' azzjoni għandha tiġi pprovduta bil-miktub.

Artikolu 136

Modifiki u rettifiki fil-kopertura

1.   Parti tista' tipproponi modifika jew rettifika tal-elementi fl-Anness III li huma relatati ma' dik il-Parti.

2.   Meta Parti tipproponi modifika, dik il-Parti għandha:

(a)

tinnotifika l-Parti l-oħra bil-miktub; u

(b)

tinkludi fin-notifika proposta għal aġġustamenti ta' kumpens xierqa lill-Parti l-oħra sabiex jinżamm livell ta' kopertura paragunabbli ma' dak li kien jeżisti qabel il-modifika.

3.   Minkejja l-punt (b) tal-paragrafu 2, Parti m'għandhiex għalfejn tipprovdi aġġustamenti kumpensatorji jekk:

(a)

il-modifika inkwistjoni hija negliġibbli fl-effett tagħha; jew

(b)

il-modifika tkopri entità li fuqha l-Parti tkun eliminat b'mod effettiv il-kontroll jew l-influwenza tagħha.

4.   Il-Parti l-oħra għandha titqies li tkun aċċettat il-modifika, inkluż għall-finijiet tal-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim) ta' dan it-Titolu, sakemm ma toġġezzjonax bil-miktub fi żmien 45 jum minn meta tirċievi n-notifika msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2 li:

(a)

aġġustament propost skont il-punt (b) tal-paragrafu 2 huwa adegwat sabiex jinżamm livell komparabbli ta' kopertura maqbula reċiprokament;

(b)

il-modifika hija negliġibbli fl-effett tagħha skont il-punt (a) tal-paragrafu 3; jew

(c)

il-modifika tkopri entità li fuqha l-Parti tkun eliminat b'mod effettiv il-kontroll jew l-influwenza tagħha skont il-punt (b) tal-paragrafu 3.

5.   Il-bidliet li ġejjin fil-Partijiet 1 sa 3 tal-Anness III għandhom jitqiesu bħala rettifika, sakemm dawn ma jaffettwawx il-kopertura maqbula reċiprokament prevista f'dan il-Kapitolu:

(a)

bidla fl-isem ta' entità;

(b)

fużjoni ta' żewġ entitajiet jew aktar elenkati fl-istess Parti tal-Anness III; u

(c)

is-separazzjoni ta' entità f'żewġ entitajiet jew aktar, bil-kundizzjoni li l-entitajiet il-ġodda kollha jiżdiedu mal-istess Parti tal-Anness III bħala l-entità oriġinali.

6.   Il-Parti li tipproponi rettifika għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra kull sentejn, wara d-data li fiha dan it-Titolu jibda japplika (23).

7.   Parti tista' tinnotifika lill-Parti l-oħra dwar oġġezzjoni għal rettifika proposta fi żmien 45 jum minn meta tirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 6. Meta Parti tressaq oġġezzjoni, hija għandha tistipula r-raġunijiet għalfejn temmen li r-rettifika proposta mhijiex bidla prevista fil-paragrafu 5, u tiddeskrivi l-effett li r-rettifika proposta dwar il-kopertura maqbula reċiprokament prevista f'dan il-Ftehim. Jekk l-ebda oġġezzjoni bħal din ma titressaq bil-miktub fi żmien 45 jum wara li tkun irċeviet in-notifika, il-Parti għandha titqies li tkun qablet mar-rettifika proposta.

8.   Jekk ma titressaq l-ebda oġġezzjoni rigward modifika jew rettifika proposta fil-perijodu previst mill-paragrafi 4 u 7, il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jemenda l-Anness III sabiex jirrefletti tali modifika jew rettifika. Il-modifika jew ir-rettifika għandha tkun effettiva mill-jum wara d-data tal-skadenza tal-perijodu msemmi fil-paragrafi 4 u 7.

9.   Jekk tkun tressqet oġġezzjoni għal modifika jew rettifika proposta, il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jiddiskuti l-kwistjoni. Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni jista' jiddeċiedi li japprova modifika jew rettifika u jemenda l-Anness III biex jirrefletti dan.

Artikolu 137

Perijodu tranżitorju

Dan il-Kapitolu għandu jibda japplika ħames snin wara d-data li fiha jibda japplika dan it-Titolu. Għall-prodotti elenkati f'Parti 4 tal-Anness III u għas-servizzi koperti fil-Parti 6 tal-Anness III, dan il-Kapitolu għandu japplika tmien snin wara d-data li fiha jibda japplika dan it-Titolu.

KAPITOLU 9

Materja prima u enerġija

Artikolu 138

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu:

(a)

“materja prima” tfisser is-sustanzi użati fil-manifattura ta' prodotti industrijali, għajr prodotti tal-enerġija, prodotti tas-sajd ipproċessati jew prodotti agrikoli, iżda inkluża l-gomma naturali, il-ġlud mhux ikkunzati u l-ġlud mhux ipproċessati, l-injam u l-polpa mill-injam (wood pulp), ħarir, suf, qoton u materji primi oħrajn ta' tessuti veġetali;

(b)

“prodotti tal-enerġija” tfisser, ibbażata fuq is-Sistema Armonizzata ta' Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Merkanzija tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (SA) u n-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea, il-gass naturali, gass naturali likwifikat, gass likwifikat miż-żejt (GPL) (SA 27.11), l-elettriku (SA 27.16), żejt mhux maħdum u prodotti taż-żejt (SA 27.09-27.10 u 27.13-27.15) u l-faħam u fjuwils solidi oħra (SA 27.01-27.04);

(c)

“sħubija” tfisser kull entità legali li hija organizzazzjoni kummerċjali taħt il-ġurisdizzjoni jew il-kontroll ta' Parti jew oħra bħal, u mhux limitata għal, korporazzjoni, fiduċjarja, sħubija, impriża konġunta jew assoċjazzjoni;

(d)

“fornitur ta' servizzi” tfisser fornitur ta' servizzi kif definit fil-punt (q) tal-Artikolu 40;

(e)

“miżura” tfisser miżura kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 40;

(f)

“trasport” tfisser it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-prodotti tal-enerġija permezz ta' pajpijiet għat-trażmissjoni taż-żejt u prodotti taż-żejt u gass naturali bi pressjoni għolja, grilji u linji ta' trażmissjoni tal-elettriku b'vultaġġ għoli, ferroviji, toroq u faċilitajiet oħra li jittrattaw it-trasport tal-prodotti tal-enerġija;

(g)

“teħid mhux awtorizzat” tfisser kull attività li tikkonsisti minn teħid illegali ta' prodotti tal-enerġija minn linji ta' pajpijiet għat-trażmissjoni taż-żejt u prodotti taż-żejt u gass naturali ta' pressjoni għolja, grilji u linji ta' trażmissjoni tal-elettriku ta' vultaġġ għoli, ferroviji, toroq u faċilitajiet oħra li jittrattaw it-trasport tal-prodotti tal-enerġija;

(h)

“sitwazzjoni ta' emerġenza” għall-fini ta' dan il-Kapitolu hija sitwazzjoni li tikkawża interruzzjoni sinifikanti jew fiżika tal-provvista ta' gass naturali, żejt jew enerġija elettrika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan, inkluża l-provvista li tgħaddi minn pajjiżi terzi, jew sitwazzjoni ta' domanda eċċezzjonalment għolja għal prodotti tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea jew ir-Repubblika tal-Każakistan li fiha l-miżuri tas-suq mhumiex biżżejjed u addizzjonalment ikollhom jiġu introdotti miżuri mhux abbażi tas-suq;

(i)

“rekwiżit ta' kontenut domestiku” tfisser:

(i)

fir-rigward ta' prodotti, rekwiżit għal intrapriża biex tixtri jew tuża merkanzija ta' oriġini domestika jew minn xi sors domestiku, sewwa jekk speċifikat f'termini ta' prodotti partikolari, f'termini ta' volum jew valur ta' prodotti, kif ukoll f'termini ta' proporzjon ta' volum jew valur tal-produzzjoni lokali tagħhom;

(ii)

rigward servizzi, rekwiżit li jillimita l-għażla tal-fornituri tas-servizz jew is-servizz fornut għad-detriment tas-servizzi jew il-fornituri tas-servizzi tal-Parti l-oħra;

(j)

“intrapriża tal-istat” tfisser kull intrapriża involuta f'attività kummerċjali u li fuqha xi Parti fil-livell ċentrali jew sottoċentrali direttament jew indirettament tippossjedi aktar minn 50 % tal-kapital sottoskritt jew tal-voti tal-intrapriża marbutin mal-ishma maħruġa mill-intrapriża;

(k)

“persuna ġuridika” tfisser persuna ġuridika kif definita fil-punt (d) tal-Artikolu 40;

(l)

“persuna ġuridika ta' Parti” tfisser persuna ġuridika ta' Parti kif definit fil-punt (e) tal-Artikolu 40.

Artikolu 139

Regolazzjoni tal-prezzijiet

1.   Il-Partijiet għandhom l-għan li l-prezz tal-provvista ta' materja prima jew prodotti tal-enerġija għall-utenti industrijali, jekk regolat mill-gvern ta' Parti, jirkupra l-ispejjeż u jipprovdu għal qligħ raġonevoli.

2.   Jekk il-prezz tal-materja prima jew prodotti tal-enerġija li jinbiegħu fis-suq domestiku huwa differenti mill-prezz tal-esportazzjoni tal-istess prodott, il-Parti esportatriċi għandha, fuq talba tal-Parti l-oħra, tipprovdi informazzjoni dwar din id-differenza, esklużi l-ispejjeż tat-trasport u taxxi fuq l-esportazzjoni.

Artikolu 140

Monopolji kummerċjali u fuq l-esportazzjoni

Il-Partijiet m'għandhomx iżommu jew jistabbilixxu xi monopolju kummerċjali jew fuq l-esportazzjoni għal materja prima jew prodotti tal-enerġija ħlief meta xi Parti teżerċita l-jedd ta' prelazzjoni tagħha li tixtri gass mhux maħdum, gass niexef u deheb.

Artikolu 141

Aċċess u drittijiet għall-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta' idrokarburi (żejt mhux maħdum u gass naturali)

1.   Xejn f'dan il-Ftehim m'għandu jaffettwa s-sovranità sħiħa tal-Partijiet skont il-liġi internazzjonali fuq ir-riżorsi ta' idrokarburi li jinsabu fit-territorju tagħhom u fl-ilmijiet interni, arċipelaġiċi u territorjali kif ukoll drittijiet sovrani għall-finijiet ta' esplorazzjoni u sfruttament tar-riżorsi tal-idrokarburi li jinsabu fiż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi u l-blata kontinentali tagħhom.

2.   Il-Partijiet iżommu d-dritt li jiddeterminaw liema żoni fit-territorju tagħhom, ilmijiet interni, arċipelaġiċi u territorjali, Żoni Ekonomiċi Esklussivi, u l-blata kontinentali tagħhom għandhom ikunu disponibbli sabiex jiġu eżerċitati l-attivitajiet tal-prospettar, it-tiftix għal u l-produzzjoni tal-idrokarburi.

3.   Kull meta tittieħed deċiżjoni sovrana ta' Parti, kif deskritt fil-paragrafu 2, kull Parti għandha tiżgura li ma ssirx diskriminazzjoni kontra l-intrapriżi tal-Parti l-oħra ma jkunux fir-rigward tal-aċċess u l-eżerċizzju tad-drittijiet għall-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-idrokarburi, bil-kundizzjoni li l-intrapriża kkonċernata tiġi stabbilita bħala persuna ġuridika fit-territorju tal-Parti ospitanti li tagħti dan l-aċċess.

4.   Kull Parti tista' titlob entità, li tkun ingħatat awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju tal-attivitajiet għall-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-idrokarburi, biex tħallas kontribuzzjoni finanzjarja jew kontribuzzjoni f'idrokarburi.

5.   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, liċenzji jew awtorizzazzjonijiet oħra, li permezz tagħhom impriża hija intitolata li teżerċita d-drittijiet li tipprospetta, tesplora u tipproduċi l-idrokarburi, jingħataw wara proċedura ppubblikata jew stedina għal applikanti potenzjalment interessati tal-Partijiet biex jippreżentaw applikazzjonijiet permezz ta' avviż. L-avviż għandu jispeċifika t-tip ta' liċenzja jew awtorizzazzjoni oħra, iż-żona ġeografika rilevanti u d-data jew il-limitu ta' żmien proposti għall-għoti ta' liċenzja jew forom oħra ta' awtorizzazzjoni.

6.   Il-paragrafi 3 sa 5 huma mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' intrapriża tal-istat li tikseb aċċess u drittijiet għall-ipprospettar, l-esplorazzjoni għal u l-produzzjoni ta' idrokarburi permezz ta' negozjati diretti mal-Parti tagħha. Meta tali intrapriża tal-istat tiddeċiedi li titrasferixxi b'mod sħiħ jew parzjali d-dritt tagħha ta' prospettar, ta' esplorazzjoni għal, u ta' estrazzjoni ta' idrokarburi, għandhom japplikaw l-obbligi previsti fil-paragrafi 3 sa 5.

7.   L-Artikolu 53 għandu japplika fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-liċenzji u l-proċedura tal-awtorizzazzjoni tal-liċenzji.

Artikolu 142

Kundizzjonijiet għall-investiment f'materja prima u fi prodotti tal-enerġija

Sabiex jitrawwem l-investiment f'attivitajiet ta' prospettar, ta' esplorazzjoni, estrazzjoni u l-estrazzjoni ta' materja prima u prodotti tal-enerġija, l-ebda Parti m'għandha:

(a)

iżżomm jew tadotta miżuri li jipprovdu għal rekwiżiti ta' kontenut lokali li jaffettwaw il-prodotti, il-fornituri tas-servizzi, l-investituri jew l-investimenti tal-Parti l-oħra sakemm mhux previst mod ieħor fil-Protokoll dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Każakistan mad-WTO u l-iskedi tal-GATS ta' impenji speċifiċi tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha;

(b)

iżżomm jew tadotta miżuri fejn intrapriża mill-Parti l-oħra hija obbligata li tittrasferixxi jew tikkondividi d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali sabiex tbigħ prodotti jew servizzi jew li tinvesti fuq it-territorju ta' dik il-Parti. Il-Partijiet m'humiex preklużi milli jinnegozjaw kuntratti ma' investituri li qed ifittxu d-drittijiet ta' prospettar, ta' esplorazzjoni għal, u l-estrazzjoni ta' materja prima u prodotti tal-enerġija għal trasferimenti bħal dawn fuq bażi volontarja, bil-kundizzjoni li jkunu saru skont il-kundizzjonijiet tas-suq u bi prezz tas-suq.

Artikolu 143

Tranżitu

1.   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiffaċilitaw it-tranżitu ta' prodotti tal-enerġija, konsistenti mal-prinċipji tal-libertà tat-tranżitu, u skont l-Artikoli 7(1) u (3) tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija.

2.   Kull Parti għandha tipprojbixxi t-teħid mhux awtorizzat ta' materja prima u prodotti tal-enerġija tranżitati jew trasportati minn ġewwa t-territorju tagħha minn kull entità soġġetta għall-kontroll jew il-ġurisdizzjoni tagħha u għandha tieħu l-miżuri kollha xierqa biex tindirizza dan it-tip ta' teħid mhux awtorizzat.

Artikolu 144

Interruzzjoni

1.   Kull Parti għandha tieħu l-miżuri kollha possibbli biex tiżgura li l-operaturi tal-pajpijiet u l-grilji tat-tranżitu tal-enerġija prinċipali:

(a)

jimminimizzaw ir-riskju ta' interruzzjoni aċċidentali, tnaqqis jew twaqqif tat-tranżitu u/jew it-trasport;

(b)

jirrestawraw mingħajr dewmien l-operazzjoni normali ta' tali tranżitu jew trasport, li jkun ġie interrott, imnaqqas jew mitmum aċċidentalment.

2.   Parti li t-territorju tagħha jintuża għat-tranżitu jew it-trasport, jew għar-riċeviment u l-ħażna ta' prodotti tal-enerġija bħala parti mir-rotta ta' trasport/tranżitu, m'għandhiex, fil-każ ta' tilwima dwar xi kwistjoni li tinvolvi l-Partijiet jew xi waħda jew aktar mill-entitajiet soġġetti għall-kontroll jew il-ġurisdizzjoni ta' xi Parti, tinterrompi jew tnaqqas, jew tippermetti lil xi entità soġġetta għall-kontroll jew il-ġurisdizzjoni tagħha li tinterrompi jew tnaqqas, it-tranżitu, it-trasport, ir-riċeviment u l-ħażna eżistenti bħala parti mir-rotta ta' trasport/tranżitu tal-prodotti tal-enerġija, għajr meta dan ikun previst speċifikament f'kuntratt jew ftehim ieħor li jirregola tali tranżitu, trasport, riċeviment u ħażna bħala parti mir-rotta tat-trasport/tranżitu, qabel il-konklużjoni ta' proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim taħt il-kuntratt rilevanti jew il-proċedura ta' soluzzjoni tat-tilwim stabbilita fil-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim) ta' dan it-Titolu dwar sitwazzjonijiet ta' emerġenza kif definit fil-punt (h) tal-Artikolu 138.

3.   Parti m'għandhiex tinżamm responsabbli għal interruzzjoni jew tnaqqis skont dan l-Artikolu f'sitwazzjonijiet ta' force majeure fejn dik il-Parti ma tkunx tista' tipprovdi prodotti tal-enerġija jew tiżgura t-trasport tagħhom minħabba f'azzjonijiet attribwibbli għal pajjiż terz jew entità taħt il-kontroll jew il-ġuriżdizzjoni ta' pajjiż terz.

Artikolu 145

Aċċess għall-grilji u l-linji ta' trażmissjoni tal-enerġija elettrika b'vultaġġ għoli

1.   Kull Parti għandha tipprovdi lill-intrapriżi tal-Parti l-oħra, stabbiliti bħala persuni ġuridiċi fit-territorju tal-Parti li tagħti l-aċċess, b'aċċess mhux diskriminatorju għall-grilji u l-linji ta' trażmissjoni tal-enerġija elettrika b'vultaġġ għoli, li huma parzjalment jew kompletament il-proprjetà ta' u regolati mill-Parti li tagħti l-aċċess fil-konfini tal-kapaċitajiet eżistenti ta' tali grilji u linji. L-aċċess għandu jiġi allokat b'mod ġust u ekwu.

2.   Meta tapplika miżuri relatati ma' tali grilji u linji ta' trażmissjoni, il-Parti għandha tiżgura li jiġu rrispettati l-prinċipji li ġejjin:

(a)

li l-miżuri legali u regolatorji dwar l-aċċess u tariffi tat-trasportazzjoni jkunu kompletament trasparenti;

(b)

il-miżuri ma jiddiskriminawx rigward l-oriġini tal-produzzjoni tal-elettriku fit-territorju tal-Parti u fir-rigward tad-destinazzjoni tal-elettriku; u

(c)

jiġu applikati tariffi ta' trasport mhux diskriminatorji fir-rigward tal-intrapriżi tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan.

Artikolu 146

Awtoritajiet regolatorji għall-elettriku u l-gass

1.   Kull Parti għandha taħtar awtoritajiet regolatorji u tagħtihom is-setgħa li jirregolaw is-swieq tal-elettriku u l-gass fit-territorju tagħha. Dawk l-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu legalment distinti u funzjonalment indipendenti minn kull awtorità pubblika oħra jew parteċipant ieħor fis-suq.

2.   Id-deċiżjonijiet ta' awtorità regolatorja u l-proċeduri użati minnha għandhom ikunu imparzjali fir-rigward tal-parteċipanti kollha tas-suq.

3.   Parteċipant fis-suq affetwat minn kwalunkwe deċiżjoni ta' awtorità regolatorja għandu jkollu d-dritt li jappella kontra dik id-deċiżjoni għand korp ta' appell. Jekk il-korp ta' appell ma jkunx indipendenti mill-partijiet involuti jew ma jkunx ta' natura ġudizzjarja, id-deċiżjonijiet tal-korp ta' appell għandhom ikunu soġġetti għal rieżami minn awtorità ġuridika imparzjali u indipendenti. Id-deċiżjonijiet tal-korp ta' appell u l-awtorità ġudizzjarja għandhom jagħtu r-raġunijiet u dawn għandhom ikunu bil-miktub. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni finali tal-korp ta' appell jew l-awtorità ġudizzjarja, skont liema hija l-aħħar istanza, tiġi infurzata b'mod effettiv.

Artikolu 147

Is-settur tal-enerġija rinnovabbli

1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għal miżuri li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ u l-investiment bejn il-Partijiet relatat mal-ġenerazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli mhux fossili, fost l-oħrajn enerġija mir-riħ, mix-xemx u mill-ilma, iżda mhux għall-prodotti li minnhom din l-enerġija tiġi ġġenerata.

2.   Kull Parti għandha:

(a)

toqgħod lura milli żżomm jew tadotta miżuri li jirrikjedu l-formazzjoni ta' sħubijiet ma' kumpanniji lokali, sakemm tali sħubijiet ma jitqisux neċessarji għal raġunijiet tekniċi u l-Parti li żżomm jew li tadotta miżuri bħal dawn tista' turi tali raġunijiet tekniċi wara talba mill-Parti l-oħra;

(b)

tiżgura li kwalunkwe regoli dwar il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni, ċertifikazzjoni u liċenzjament, jekk applikabbli, b'mod partikolari fir-rigward ta' tagħmir, impjanti u infrastrutturi tas-sitema ta' trażmissjoni assoċjati, ikunu oġġettivi, trasparenti u mhux arbitrarji u ma jiddiskriminawx kontra applikanti mill-Parti l-oħra.

(c)

tiżgura li l-ispejjeż amministrattivi fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, bħal dawk imħallsa minn konsumaturi, pjanifikaturi, arkitetti, bennejja u stallaturi u fornituri ta' tagħmir, ikunu trasparenti u limitati fl-ammont għall-ispiża approssimattiva tas-servizzi mogħtija;

(d)

tiżgura li l-importazzjoni u l-użu ta' prodotti li joriġinaw mill-Parti l-oħra, jew il-provvista ta' prodotti mill-fornituri tal-Parti l-oħra, ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 (Kummerċ ta' Prodotti) ta' dan it-Titolu;

(e)

tiżgura li l-għoti ta' servizzi mill-fornituri tal-Parti l-oħra jkunu soġġetti għall-Artikolu 53;

(f)

tiżgura li t-termini, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-konnessjoni u l-aċċess għall-grilji ta' trażmissjoni tal-enerġija elettrika jkunu trasparenti u ma jiddiskriminawx kontra fornituri tal-Parti l-oħra, jew kontra l-enerġija elettrika minn sorsi rinnovabbli. Il-Partjiet għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri xierqa relatati mal-grilja u mas-suq sabiex ikunu minimizzati r-restrizzjoniet fuq l-enerġija elettrika prodotta minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

(g)

toqgħod lura milli timponijew iżżomm rekwiżit:

(i)

għal intrapriża tal-Parti l-oħra biex tixtri jew tuża l-prodotti ta' oriġini lokali jew minn xi sors domestiku ieħor tal-Parti li timponi r-rekwiżit, kemm jekk speċifikat f'termini ta' prodotti partikolari, f'termini ta' volum jew valur ta' prodotti, kif ukoll f'termini ta' proporzjon ta' volum jew valur tal-produzzjoni lokali tagħha; jew

(ii)

li x-xiri jew l-użu ta' intrapriża ta' prodotti importati jkun limitat għall-ammont relatat mal-volum jew valur ta' prodotti lokali li hija tesporta.

3.   Fejn jeżistu standards internazzjonali jew reġjonali rigward tagħmir u sistemi għall-ġenerazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u minn sorsi mhux fossili, il-Partijiet għandhom jużaw dawk l-istandards, jew il-partijiet rilevanti tagħhom, bħala bażi għar-regolamenti tekniċi tagħhom għajr meta standards internazzjonali bħal dawn jew partijiet rilevanti ma jkunux effettivi jew xierqa għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi segwiti. Għall-iskopijiet tal-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardardizzazzjoni (ISO) u l-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC) għandhom jiġu kkunsidrati bħala korpi li jistabbilixxu l-istandards internazzjonali rilevanti.

4.   Fejn xieraq, il-Partijiet għandhom jispeċifikaw regolamenti tekniċi bbażati fuq il-ħtiġijiet tal-prodotti f'termini ta' prestazzjoni, inkluża l-prestazzjoni ambjentali, aktar milli d-disinn tal-prodott jew il-karatteristiċi deskrittivi.

5.   Xejn f'dan l-Artikolu m'għandu jinftiehem li jimpedixxi l-adozzjoni jew l-infurzar minn xi waħda mill-Partijiet, ta' miżuri meħtieġa għat-tħaddim sikur tan-netwerks tal-enerġija kkonċernati, jew is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, soġġetti għar-rekwiżit li tali miżuri ma jiġux applikati b'mod li jikkostitwixxi mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikabbli bejn il-prodotti, il-fornituri tas-servizzi jew l-investituri tal-Partijiet fejn jipprevalu l-istess kundizzjonijiet, jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ u l-investiment bejn il-Partijiet.

Artikolu 148

Kooperazzjoni fil-materja prima u prodotti tal-enerġija

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 204 sa 208, il-Partijiet jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni u l-promozzjoni tal-fehim reċiproku bejniethom fil-qasam tal-kummerċ fil-materja prima u fil-prodotti tal-enerġija.

2.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li r-rispett lejn il-prinċipji ta' trasparenza u n-nondiskriminazzjoni u l-iżgurar li r-regoli ma jgħawġux il-kummerċ huma l-aħjar modi biex jinħoloq ambjent favorevoli għall-investiment barrani dirett fil-produzzjoni u l-kummerċ tal-materja prima u l-prodotti tal-enerġija. B'mod aktar ġenerali, tali ambjent jiffavorixxi l-allokazzjoni effiċjenti u l-użu effiċjenti ta' materja prima u prodotti tal-enerġija.

3.   Il-kooperazzjoni u l-promozzjoni tal-fehim reċiproku jkopru kwistjonijiet kummerċjali bilaterali kif ukoll kwistjonijiet ta' interess komuni li jirriżultaw mill-kummerċ internazzjonali. Tali kwistjonijiet jinkludu distorsjonijiet kummerċjali li għandhom impatt fuq is-swieq globali, l-ambjent u l-kwistjonijiet ta' żvilupp speċifikament marbuta mal-kummerċ ta' materja prima u prodotti tal-enerġija kif ukoll ir-responsabilità soċjali korporattiva f'konformità ma' standards rikonoxxuti internazzjonalment bħall-Linji gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta' Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta' Riskju Għoli. Il-kooperazzjoni u l-promozzjoni tal-fehim reċiproku jinkludu skambju ta' data u informazzjoni dwar il-qafas regolatorju tas-setturi tal-materja prima u tal-enerġija. Dan m'għandux jiġi interpretat bħala li jeħtieġ li l-Partijiet jagħtu xi informazzjoni li d-divulgazzjoni tagħha jikkunsidrawha li tmur kontra l-interess tas-sigurtà rispettiv tagħhom.

4.   Kull Parti tista' titlob l-organizzazzjoni ta' laqgħa ad hoc relatata mal-materja prima u prodotti tal-enerġija jew sessjoni ad hoc dwar il-materja prima u l-prodotti tal-enerġija matul il-laqgħat tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni. Il-kooperazzjoni bilaterali tista' barra minn hekk, jekk xieraq, tiġi estiża għall-fora multilaterali jew plurilaterali rilevanti li fihom jipparteċipaw iż-żewġ Partijiet.

Artikolu 149

Mekkaniżmu ta' twissija bikrija

1.   Il-Partijiet jistabbilixxu mekkaniżmu ta' twissija bikrija biex jadottaw miżuri prattiċi intenzjonati għall-prevenzjoni u għal reazzjoni rapida fil-każ ta' sitwazzjoni ta' emerġenza jew it-theddida ta' tali.

2.   Il-Partijiet għandhom jieħdu azzjonijiet b'mod konġunt:

(a)

għal evalwazzjoni bikrija tar-riskji u l-problemi potenzjali marbuta mal-provvista u d-domanda ta' gass naturali, żejt jew enerġija elettrika; u

(b)

għall-prevenzjoni u r-reazzjoni rapida fil-każ ta' sitwazzjoni ta' emerġenza jew ta' theddida ta' tali.

3.   F'każ li xi waħda mill-Partijiet issir konxja minn sitwazzjoni ta' emerġenza jew ta' sitwazzjoni li, fl-opinjoni tagħha, tista' twassal għal sitwazzjoni ta' emerġenza, dik il-Parti għandha tinforma lill-Parti l-oħra fl-iqsar żmien possibbli.

4.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, il-Partijiet jaqblu li l-korpi responsabbli huma l-Membru tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-enerġija u l-Ministru tar-Repubblika tal-Każakistan inkarigat mill-kwistjonijiet rispettivi dwar l-enerġija.

5.   Man-notifika, il-Partijiet għandhom jipprovdu valutazzjoni tas-sitwazzjoni lil xulxin.

6.   Kull Parti tista' titlob konsultazzjonijiet fi żmien tlett ijiem kalendarji min-notifika biex:

(a)

titfassal evalwazzjoni komuni tas-sitwazzjoni;

(b)

jiġu żviluppati rakkomandazzjonijiet sabiex tiġi eleminata s-sitwazzjoni ta' emerġenza u biex l-impatt tas-sitwazzjoni ta' emerġenza jiġi minimizzat.

(c)

jinħoloq Grupp ta' Monitoraġġ Speċjali biex, fost l-oħrajn, jiġu monitorati l-flussi ta' enerġija fil-punti rilevanti tal-infrastruttura inkwistjoni.

7.   Il-Partijiet għandhom, fejn xieraq, jikkooperaw ma' pajjiżi terzi biex jeliminaw it-theddida ta' sitwazzjoni ta' emerġenza, jew biex jegħlbu s-sitwazzjoni ta' emerġenza.

8.   Fil-każ li s-sitwazzjoni ta' emerġenza tippersisti, kull Parti tista' tibda proċedura għas-soluzzjoni ta' tilwima ta' emerġenza, skont il-mekkaniżmu speċjali previst fil-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim) ta' dan it-Titolu.

9.   Il-Partijiet għandhom joqogħdu lura minn kull azzjoni li tista' taggrava jew issaħħaħ is-sitwazzjoni ta' emerġenza, kif xieraq f'sitwazzjoni partikolari, mill-mument tan-notifika.

10.   Parti m'għandhiex isseraħ fuq, jew tintroduċi bħala evidenza fi proċeduri tas-soluzzjoni tat-tilwim skont dan il-Ftehim, dan li ġej:

(a)

pożizzjonijiet meħuda jew proposti magħmula mill-Parti l-oħra matul proċedura skont dan l-Artikolu; jew

(b)

kwalunkwe indikazzjoni mill-Parti l-oħra tar-rieda tagħha li taċċetta soluzzjoni għas-sitwazzjoni ta' emerġenza msemmija f'dan l-Artikolu.

11.   Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni jista' jiżviluppa, kif meħtieġ, dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni ddettaljati għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 150

Eċċezzjonijiet

1.   Dan il-Kapitolu huwa mingħajr preġudizzju għal kull eċċezzjoni, riżerva jew restrizzjoni prevista f'dan il-Ftehim.

2.   Dan il-Kapitolu m'għandu japplika la għal proġetti ta' riċerka u ta' żvilupp, u lanqas għal proġetti ta' dimostrazzjoni mwettqa fuq skala mhux kummerċjali.

3.   Xejn f'dan il-Kapitolu m'għandu jinftiehem li jimpedixxi l-adozzjoni jew l-infurzar minn xi waħda mill-Partijiet, ta' miżuri meħtieġa għat-tħaddim sikur tal-infrastruttura tal-enerġija, inkluż it-trasport tal-enerġija u l-faċilitajiet ta' produzzjoni kkonċernati, fl-interess tas-sigurtà nazzjonali jew tas-sigurtà pubblika, inkluża l-prevenzjoni ta' sitwazzjoni ta' emerġenza u r-reazzjoni għaliha, soġġett għar-rekwiżit li tali miżuri ma jiġux applikati b'mod li jkun jikkostitwixxi mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikabbli bejn il-prodotti, il-fornituri tas-servizzi jew l-investituri tal-Partijiet fejn jipprevalu l-istess kundizzjonijiet, jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ u l-investiment bejn il-Partijiet.

KAPITOLU 10

Kummerċ u żvilupp sostenibbli

Artikolu 151

Kuntest u għanijiet

1.   Il-Partijiet ifakkru fl-Aġenda 21 tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp tal-1992, id-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol tal-1998, il-Pjan ta' Implimentazzjoni ta' Johannesburg dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2002, id-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU dwar il-Ġenerazzjoni ta' Impjieg Sħiħ u Produttiv u Xogħol Deċenti għal Kulħadd tal-2006, id-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta tal-2008 u d-Dokument ta' Eżitu tal-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibblil tal-2012 inkorporat fir-Riżoluzzjoni 66/288 adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-27 ta' Lulju 2012, intitolata “Il-Ġejjieni li Nixtiequ”.

2.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jippromwovu l-iżvilupp tal-kummerċ internazzjonali b'mod li jikkontribwixxi għall-objettiv tal-iżvilupp sostenibbli, għall-benessri tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Il-Partijiet għandhom jistinkaw biex jiżguraw li dan l-għan ikun integrat u rifless f'kull livell tar-relazzjoni kummerċjali tagħhom.

Artikolu 152

L-istandards u l-ftehimiet multilaterali dwar l-ambjent u x-xogħol

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-valur tal-governanza u l-ftehimiet internazzjonali dwar l-ambjent bħala risposta tal-komunità internazzjonali għall-problemi ambjentali globali jew reġjunali.

2.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li impjieg produttiv u sħiħ u x-xogħol diċenti għal kulħadd huma elementi ewlenin tal-iżvilupp sostenibbli għall-pajjiżi kollha u għan prijoritarju tal-kooperazzjoni internazzjonali.

3.   F'dak il-kuntest, il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jimplimentaw b'mod effettiv, fil-liġijiet u l-prassi tagħhom, il-ftehimiet ambjentali multilaterali li tagħhom huma parti, flimkien mal-konvenzjonijiet tal-ILO ratifikati mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan, rispettivament.

Artikolu 153

Id-dritt ta' regolamentazzjoni u livelli ta' protezzjoni

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu d-dritt ta' kull Parti li tistabbilixxi l-livelli tagħha ta' protezzjoni domestika tal-ambjent u tax-xogħol, u li tadotta jew timmodifika kif xieraq il-liġi u l-politiki rilevanti tagħha, b'mod konsistenti mal-istandards u l-ftehimiet rikonoxxuti internazzjonalment imsemmija fl-Artikolu 152. Il-Partijiet għandhom jimmiraw lejn livelli għoljin ta' protezzjoni tal-ambjent u tax-xogħol.

2.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li mhuwiex xieraq li jinkoraġġixxu l-kummerċ jew l-investiment billi jnaqqsu l-livelli ta' protezzjoni mogħtija fil-liġi domestika ambjentali jew tax-xogħol.

3.   Parti m'għandhiex tidderoga minn, jew permezz ta' kors ta' azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni rikorrenti jew sostnuta, tonqos milli tinforza b'mod effettiv il-liġi ambjentali u tax-xogħol tagħha, biex tinkoraġġixxi l-kummerċ jew l-investiment.

Artikolu 154

Il-kummerċ u l-investiment li jippromwovu żvilupp sostenibbli

1.   Il-Partijiet jikkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom biex isaħħu l-kontribut tal-kummerċ lejn l-għan ta' żvilupp sostenibbli fid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tiegħu. Għalhekk, huma jaqblu li jippromwovu:

(a)

l-kummerċ u l-investiment fi prodotti u servizzi ambjentali u fi prodotti u teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-klima;

(b)

l-użu ta' skemi ta' assigurazzjoni tas-sostenibbiltà, bħalma huma l-kummerċ ġust u etiku jew l-ekotikkettar; u

(c)

prattiki ta' responsabbiltà soċjali korporattiva.

2.   Il-Partijiet għandhom jiskambjaw l-informazzjoni u jaqsmu l-esperjenzi dwar l-azzjonijiet tagħhom biex jippromwovu l-koerenza u l-appoġġ reċiproku bejn il-kummerċ u għanijiet soċjali u ambjentali. Barra minn hekk, il-Partijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni u d-djalogu tagħhom dwar kwistjonijiet ta' żvilupp sostenibbli li jistgħu jinqalgħu fil-kuntest tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom inkluż dwar aspetti rilevanti stabbiliti fit-Titolu IV (Il-Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Iżvilupp Ekonomiku u Sostenibbli) ta' dan il-Ftehim.

3.   Tali kooperazzjoni u djalogu msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jinvolvu lill-partijiet interessati rilevanti, b'mod partikolari l-imsieħba soċjali, kif ukoll organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħrajn, permezz ta' kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili stabbilita taħt l-Artikolu 251 ta' dan il-Ftehim.

4.   Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni jista' jadotta regoli għal tali kooperazzjoni u djalogu.

Artikolu 155

Soluzzjoni tat-tilwim

Is-subtaqsima 2 tat-Taqsima 3 tal-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim) ta' dan it-Titolu ma tapplikax għal tilwim taħt dan il-Kapitolu. Għal kull tilwima bħal din, wara li l-bord ta' arbitraġġ ikun ressaq ir-rapport finali tiegħu skont l-Artikoli 180 u 182, il-Partijiet, waqt li jikkunsidraw ir-rapport, għandhom jiddiskutu miżuri xierqa biex jiġu implimentati. Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jagħmel monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' kwalunkwe miżuri ta' din ix-xorta u għandu jżomm il-kwistjoni taħt rieżami, inkluż permezz tal-mekkaniżmu msemmi fl-Artikolu 154(3).

KAPITOLU 11

Kompetizzjoni

Artikolu 156

Prinċipji

Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-kompetizzjoni ħielsa u mhux imxekkla fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom. Il-Partijiet jirrikonoxxu li prattiki kummerċjali u interventi statali antikompetittivi, inklużi sussidji, għandhom il-potenzjal li jxekklu l-funzjonament xieraq tas-swieq u jdgħajfu l-benefiċċji tal-liberalizzazzjoni kummerċjali.

Artikolu 157

Leġislazzjoni dwar l-antitrust u tal-fużjonijiet u l-implimentazzjoni tagħha

1.   Kull Parti għandha żżomm fit-territorju tagħha liġi tal-kompetizzjoni komprensiva li tindirizza effettivament ftehimiet dwar l-antikompettitività, prattiki miftiehma u l-kondotta unilaterali antikompetittiva tal-intrapriżi b'setgħa dominanti fis-suq u li jipprovdu kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet.

2.   Kull Parti għandha żżomm awtoritajiet operazzjonalment indipendenti responsabbli, u mgħammra kif xieraq, għall-infurzar effettiv tal-liġijiet dwar il-kompetizzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li japplikaw il-liġijiet rispettivi tagħhom dwar il-kompetizzjoni b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji tal-ġustizzja proċedurali u d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati.

Artikolu 158

Monopolji tal-istat, intrapriżi tal-istat u intrapriżi mogħtija drittijiet jew privileġġi speċjali jew esklussivi

1.   Xejn f'dan il-Kapitolu ma jimpedixxi lil Parti milli taħtar jew iżżomm monopolji tal-Istat, intrapriżi tal-istat, jew milli tafda intrapriżi bi drittjiet jew privileġġi speċjali jew esklussivi skont il-liġi tagħha.

2.   Fir-rigward ta' monopolji tal-Istat, intrapriżi tal-Istat u intrapriżi mogħtija drittijiet speċjali jew esklussivi jew privileġġi li huma involuti f'attivitajiet ekonomiċi, kull Parti għandha tiżgura li tali intrapriżi jkunu soġġetti għal-liġi tal-kompetizzjoni msemmija fl-Artikolu 157. Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu, attività ekonomika tikkonsisti fl-offerta ta' merkanzija u servizzi f'suq. Hija ma tinkludix attivitajiet imwettqa fl-eżerċizzju ta' awtorità governattiva, jiġifieri attivitajiet li la jitwettqu fuq bażi kummerċjali u lanqas f'kompetizzjoni ma' operatur ekonomiku wieħed jew aktar.

3.   L-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni msemmija fl-Artikolu 157 m'għandhiex ixxekklel it-twettiq, skont il-liġi jew fil-fatt, tal-kompiti partikolari tal-interess pubbliku mogħtija lill-intrapriżi inkwistjoni. L-eċċezzjonijiet għandhom ikunu limitati u trasparenti. Il-kummerċ u l-investiment m'għandhomx ikunu affettwati sa tali punt li jkun jimmina l-għan ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 159

Sussidji

1.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, “sussidju” huwa miżura li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1 tal-Ftehim SMK irrispettivament minn jekk jingħatax lil intrapriża għall-produzzjoni ta' prodotti jew għall-provvista ta' servizzi, u li jkun speċifiku skont it-tifsira tal-Artikolu 2 ta' dak il-Ftehim.

2.   Kull Parti għandha tiżgura t-trasparenza fil-qasam tas-sussidji. Għal dak l-għan, kull Parti għandha tirrapporta kull sentejn mid-data tal-applikazzjoni ta' dan it-Titolu lill-Parti l-oħra dwar il-bażi legali, inkluż l-objettiv tal-politika jew l-għan tas-sussidju, it-tul ta' żmien jew kull skadenza oħra, il-forma u, fejn possibbli, l-ammont jew il-baġit u l-benefiċjarji tas-sussidju mogħti mill-gvern jew korp pubbliku tagħha. Tali rapport jitqies li ġie pprovdut jekk l-informazzjoni rilevanti ssir disponibbli fuq websajt aċċessibbli pubblikament jew permezz tal-mekkaniżmu ta' notifika tad-WTO.

3.   Jekk parti tqis li sussidju mogħti mill-Parti l-oħra qed jaffettwa negattivament l-interessi tal-ewwel Parti, l-ewwel Parti tista' titlob li jsiru konsultazzjonijiet dwar il-kwistjoni. Il-Parti rikjesta għandha tagħti konsiderazzjoni xierqa għal talba bħal din. Il-konsultazzjonijiet għandhom b'mod partikolari jkollhom l-għan li jispeċifikaw l-għan tal-politika tas-sussidju, jekk is-sussidju għandux effett ta' inċentiv u jekk huwiex proporzjonat, u kull miżuri meħuda biex jillimitaw il-potenzjal effett ta' tgħawwiġ fuq il-kummerċ u l-investiment tal-Parti li tagħmel it-talba (24).

4.   Sabiex jiġu ffaċilitati l-konsultazzjonijiet, il-Parti rikjesta għandha tipprovdi informazzjoni dwar is-sussidju inkwistjoni f'perijodu ta' mhux aktar minn 90 jum mid-data tal-wasla tat-talba. Jekk il-Parti rikjedenti, wara li tirċievi informazzjoni dwar is-sussidju inkwistjoni, tqis li s-sussidju inkwistjoni jaffettwa b'mod negattiv jew jista' jaffettwa negattivament l-interessi kummerċjali jew ta' investiment tal-Parti rikjedenti b'mod sproporzjonat, il-Parti rikjesta għandha tagħmel l-aħjar sforzi tagħha biex tindirizza l-effetti negattivi fuq l-interessi kummerċjali jew ta' investiment tal-Parti rikjedenti kkawżati mis-sussidju inkwistjoni.

5.   Il-paragrafi 3 u 4 m'għandhomx japplikaw għas-sussidji relatati mas-sajd u l-kummerċ fi prodotti koperti mill-Anness 1 għall-Ftehim tad-WTO dwar l-Agrikoltura.

Artikolu 160

Soluzzjoni tat-tilwim

Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim) ta' dan it-Titolu m'għandhomx japplikaw fir-rigward tal-Artikoli 156 sa 158 u l-Artikolu 159 (3) u (4).

Artikolu 161

Ir-relazzjoni mad-WTO

Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu huma bla preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi ta' Parti, taħt il-Ftehim tad-WTO, b'mod partikolari l-Ftehim SMK u l-Qbil dwar ir-Regoli u l-Proċeduri li Jirregolaw is-Soluzzjonijiet tat-Tilwim.

Artikolu 162

Kunfidenzjalità

Meta jiskambjaw l-informazzjoni skont dan il-Kapitolu, il-Partijiet għandhom jikkunsidraw il-limitazzjonijiet imposti mir-rekwiżiti tas-sigriet professjonali u kummerċjali.

KAPITOLU 12

Intrapriżi tal-istat intrapriżi kkontrollati mill-istat u intrapriżi mogħtija drittijiet jew privileġġi speċjali jew esklussivi

Artikolu 163

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu:

(a)

“intrapriża tal-istat” tfisser kull intrapriża involuta f'attività kummerċjali u li fuqha xi Parti fil-livell ċentrali jew sottoċentrali jkollha sjieda ta' aktar minn 50 % tal-kapital sottoskritt tal-intrapriża jew tal-voti marbutin mal-ishma maħruġa mill-intrapriża;

(b)

“intrapriża kkontrollata mill-istat” tfisser kull intrapriża involuta f'attività kummerċjali u li fuqha xi Parti fil-livell ċentrali jew sottoċentrali teżerċita jew ikollha l-possibbiltà li teżerċita influwenza deċiżiva, direttament jew indirettament, permezz tal-parteċipazzjoni finanzjarja tagħha fiha jew permezz tar-regoli jew prattiki dwar il-funzjonament tagħha, jew permezz ta' kull mezz ieħor rilevanti għall-istabbilizzazzjoni ta' tali influwenza deċiżiva. Influwenza deċiżiva min-naħa ta' Parti għandha tkun preżunta meta Parti, direttament jew indirettament, tkunu tista' taħtar aktar minn nofs il-membri tl-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-intrapriża;

(c)

“intrapriża mogħtija drittijiet jew privileġġi speċjali jew esklussivi” tfisser kull intrapriża, pubblika jew privata, involuta f'attività kummerċjali, li ngħatat minn xi Parti, fil-livell ċentrali jew sottoċentrali, fil-liġi jew fil-fatt, drittijiet jew privileġġi speċjali jew esklussivi. Tali drittijiet jew privileġġi jistgħu jinkludu d-dritt li taġixxi bħala distributur, fornitur ta' netwerk jew intermedjarju ieħor għax-xiri jew il-bejgħ ta' prodott jew għall-provvediment jew it-twettiq ta' servizz. Intrapriżi mogħtija drittijiet jew privileġġi speċjali jew esklussivi jkopru l-monopolji involuti f'attività kummerċjali.

(d)

“monopolju” tfisser entità involuta f'attività kummerċjali, inkluż konsorzju, li f'suq rilevanti fit-territorju ta' Parti tinħatar fil-livell ċentrali jew sottoċentrali bħala l-uniku fornitur jew akkwirent ta' prodott jew servizz, iżda ma tinkludix entità li tkun ingħatat dritt esklussiv ta' proprjetà intellettwali purament minħabba tali għotja;

(e)

“drittijiet speċjali” tfisser drittijiet mogħtija minn Parti fil-livell ċentrali jew sottoċentrali għal numru limitat ta' intrapriżi f'żona ġeografika partikolari jew suq tal-prodotti jew tas-servizzi li l-effett tagħhom ikun li jillimita sostanzjalment il-kapaċità ta' kull intrapriża oħra li twettaq l-attività tagħha fl-istess żona ġeografika taħt kundizzjonijiet sostanzjalment ekwivalenti. L-għoti ta' liċenzja jew permess lil numru limitat ta' intrapriżi għall-allokazzjoni tar-riżorsi skarsi permezz ta' kriterji oġġettivi, proporzjonali u nondiskriminatorji, mhuwiex fih innifisu dritt speċjali;

(f)

“trattament nondiskriminatorju” tfisser trattament nazzjonali jew trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit kif stabbilit f'dan il-Ftehim, skont liema trattament ikun l-aħjar;

(g)

“skont kunsiderazzjonijiet kummerċjali” tfisser konsistenti ma' prattiki kummerċjali abitwali ta' intrapriża privata li topera skont il-prinċipji tal-ekonomija tas-suq fil-kummerċ internazzjonali;

(h)

“taħtar” tfisser li tistabbilixxi jew tawtorizza monopolju, jew li jiġi estiż l-ambitu ta' monopolju, hux fid-dritt jew fil-fatt.

Artikolu 164

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Il-Partijiet jikkonfermaw id-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont il-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu XVII tal-GATT 1994, il-Qbil dwar l-Interpretazzjoni tal-Artikolu XVII tal-GATT 1994, kif ukoll skont il-paragrafi 1, 2 u 5 tal-Artikolu VIII tal-GATS u l-Kapitolu dwar Intrapriżi tal-Istat u Intrapriżi kkontrollati mill-Istat u Intrapriżi bi Privileġġi Speċjali u Esklussivi tal-Protokoll dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Każakistan fid-WTO, li huma b'dan inkorporati u integrati f'dan il-Ftehim u japplikaw.

2.   Dan il-Kapitolu ma japplikax għal akkwist kopert minn Parti jew l-entitajiet tal-akkwist tagħha skont it-tifsira tal-Artikolu 120.

3.   Dan il-Kapitolu għandu japplika għall-attivitajiet ekonomiċi kollha koperti minn dan il-Ftehim. Servizzi li mhumiex elenkati fl-iskeda ta' impenji speċifiċi ta' Parti tal-GATS m'għandhomx ikunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 166 u 167.

Artikolu 165

1.   Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet skont dan il-Kapitolu, xejn f'dan il-Kapitolu ma jimpedixxi lill-Partijiet milli jistabbilixxu jew iżommu intrapriżi tal-Istat jew intrapriżi kkontrollati mill-Istat jew milli jaħtru jew iżommu monopolji jew milli jagħtu lill-intrapriżi drittijiet jew privileġġi speċjali jew esklussivi.

2.   Fejn intrapriża taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-Kapitolu, il-Partijiet la għandhom jeħtieġu u lanqas jinkoraġġixxu tali intrapriża biex taġixxi b'mod inkonsistenti ma' dan il-Ftehim.

Artikolu 166

In-nondiskriminazzjoni

Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Artikolu 142 jew fl-iskeda ta' impenji speċifiċi ta' Parti tal-GATS jew fir-riżervi għat-trattament nazzjonali ta' Parti stabbiliti fl-Anness I, kull Parti għandha tiżgura li fit-territorju tagħha kull intrapriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 163 fil-kuntest tax-xiri jew il-bejgħ tagħha ta' prodott jew servizz, tagħti trattament nondiskriminatorju lill-prodott tal-Parti l-oħra u/jew lil servizz jew fornitur ta' servizz tal-Parti l-oħra.

Artikolu 167

Kunsiderazzjonijiet kummerċjali

Għajr biex jintlaħaq l-iskop, bħal obbligu ta' servizz pubbliku, li għalih ingħataw drittijiet jew privileġġi speċjali jew esklussivi, jew fil-każ ta' intrapriża tal-Istat jew intrapriża kkontrollata mill-Istat biex tissodisfa l-mandat pubbliku tagħha, u sakemm l-imġiba tal-intrapriża fit-twettiq ta' dan l-għan jew il-mandat tkun konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 166 u l-Kapitolu 11 (Kompetizzjoni) ta' dan it-Titolu, kull Parti għandha tiżgura li kull intrapriża msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 163 taġixxi skont il-kunsiderazzjonijiet kummerċjali tagħha fit-territorju rilevanti fix-xiri u l-bejgħ tagħha ta' prodotti, inkluż fir-rigward tal-prezz, il-kwalità, id-disponibbilità, il-kummerċjabilità, it-trasportazzjoni u termini u kundizzjonijiet oħra tax-xiri jew tal-bejgħ, kif ukoll fix-xiri jew il-provvista tagħha ta' servizzi, inkluż meta dawk il-prodotti jew is-servizzi jiġu fornuti lil jew minn investitur tal-Parti l-oħra.

Artikolu 168

Ipprezzar

Li jinżammu prezzijiet differenti fi swieq differenti, jew fl-istess suq, fejn tali differenzi huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali normali, bħall-kundizzjonijiet ta' provvista u domanda, mhijiex fiha nfisha inkonsistenti mal-Artikoli 166 u 166.

Artikolu 169

Governanza korporattiva

1.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-intrapriżi msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 163 josservaw standards għoljin ta' trasparenza u governanza korporattiva skont il-Linji Gwida tal-OECD 2005 dwar il-Governanza Korporattiva tal-Intrapriżi tal-Istat. Żvilupp ulterjuri tal-politika ta' governanza korporattiva f'intrapriżi msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 163 għandu jsir f'konformità ma' dawk il-Linji Gwida.

2.   Kull Parti għandha tiżgura li kull korp regolatorju responsabbli mir-regolamentazzjoni tal-intrapriżi msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 163 ikun legalment distint u funzjonalment indipendenti minn, u mhux responsabbli lejn, xi waħda mill-intrapriżi msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 163.

3.   Kull Parti għandha tiżgura l-infurzar tal-liġijiet u r-regolamenti b'mod konsistenti u nondiskriminatorju fil-livelli kollha tal-gvern, kemm ċentrali kif ukoll lokali, u inkluż fl-intrapriżi msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 163. L-eżenzjonijiet għandhom ikunu limitati u trasparenti.

Artikolu 170

Skambju ta' informazzjoni

1.   Parti li jkollha raġuni biex temmen li l-interessi tagħha skont dan il-Ftehim qed jiġu affettwati ħażin mill-operazzjonijiet ta' intrapriża jew intrapriżi tal-Parti l-oħra msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 163 tista' titlob lil din il-Parti tal-aħħar biex tipprovdi informazzjoni dwar l-operazzjonijiet tal-intrapriża tagħha relatati mat-twettiq tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim. Tali informazzjoni tista' tinkludi informazzjoni organizzattiva, korporattiva u finanzjarja.

2.   Kull Parti għandha, fuq it-talba tal-Parti l-oħra, tagħmel disponibbli informazzjoni li tikkonċerna intrapriżi speċifiċi msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 163 li ma jikkwalifikawx bħala intrapriżi żgħar u ta' daqs medju kif definit fil-liġi tal-Parti rikjesta. It-talbiet għal tali informazzjoni għandhom jindikaw l-intrapriża, il-prodotti/servizzi u s-swieq ikkonċernati, u jinkludu indikazzjonijiet li l-intrapriża qed tinvolvi ruħha fi prattiki li jfixklu l-kummerċ jew l-investiment bejn il-Partijiet.

3.   Kull Parti għandha, fuq it-talba tal-Parti l-oħra, tagħmel disponibbli l-informazzjoni dwar l-eżenzjonijiet, il-miżuri mhux konformi, l-immunitajiet u kwalunkwe miżura oħra, inkluż trattament iktar favorevoli, applikabbli fit-territorju tal-Parti rikjesta għal kull intrapriża msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 163.

4.   Il-paragrafi 1 sa 3 ta' dan l-Artikolu m'għandhomx jeħtieġu li xi Parti tiddivulga informazzjoni konfidenzjali li timpedixxi l-infurzar tal-liġi jew b'xi mod ieħor tkun kontra l-interess pubbliku jew li tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta' xi intrapriżi partikolari.

KAPITOLU 13

Trasparenza

Artikolu 171

1.   Kull Parti għandha twieġeb fil-pront għat-talbiet kollha mill-Parti l-oħra għal informazzjoni speċifika dwar xi waħda mill-miżuri tagħha ta' applikazzjoni ġenerali jew dwar ftehimiet internazzjonali li jappartjenu jew li jaffetwaw lil dan it-Titolu. Kull Parti għandha tistabbilixxi punt ta' informazzjoni wieħed jew aktar sabiex tipprovdi informazzjoni speċifika lil persuni interessati tal-Parti l-oħra, meta mitluba, dwar il-kwistjonijiet kollha bħal dawn (25). Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar il-punti ta' informazzjoni tagħhom fi żmien tliet xhur mid-data ta' applikazzjoni ta' dan it-Titolu. M'hemmx għalfejn li l-punti ta' informazzjoni jkunu depożitarji ta' liġijiet u regolamenti.

2.   Il-liġijiet, ir-regolamenti, id-digrieti, id-deċiżjonijiet u s-sentenzi amministrattivi ta' applikazzjoni ġenerali kollha tal-Partijiet li jirrigwardaw jew jaffettwaw xi kwistjoni rregolata minn dan it-Titolu għandhom jiġu pubblikati fil-pront b'mod li jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli tal-Ftehim tad-WTO, inklużi dawk fl-Artikolu X tal-GATT 1994, l-Artikolu III tal-GATS, u l-Artikolu 63 tal-Ftehim TRIPS tad-WTO. Il-Partijiet għandhom jaġġornaw riżorsi ppubblikati, inklużi websajts, li jinkludu miżuri bħal dawn, fuq bażi regolari u jagħmluhom faċilment disponibbli għall-persuni interessati. Dawn il-miżuri għandhom ikunu disponibbli waqt li jkunu fis-seħħ u għal perijodu raġonevoli wara li ma jibqgħux fis-seħħ.

3.   Il-Partijiet għandhom jippubblikaw kull liġi, regolament, digriet, deċiżjoni u sentenza amministrattiva ta' applikazzjoni ġenerali li tirrigwarda jew taffettwa xi kwistjoni rregolata minn dan it-Titolu, qabel ma tiġi adottata. Il-Partijiet għandhom jipprovdu perijodu ta' żmien raġonevoli, normalment mhux inqas minn 30 jum kalendarju, sabiex persuni interessati jgħaddu l-kummenti tagħhom lill-awtoritajiet responsabbli qabel ma l-miżura rilevanti tiġi ffinalizzata jew sottomessa lill-awtoritajiet responsabbli għall-adozzjoni tagħha. Il-kummenti kollha li jaslu matul il-perijodu għall-kummenti jiġu kkunsidrati.

4.   L-ebda liġi, regolament, digriet, deċiżjoni jew deċiżjoni amministrattiva ta' applikazzjoni ġenerali tal-Partijiet li tirrigwarda jew taffettwa lil xi kwistjoni rregolata minn dan it-Titolu m'għandha ssir effettiva qabel il-pubblikazzjoni.

5.   Xejn f'dan il-Ftehim m'għandu jeħtieġ li Parti tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali, li d-divulgazzjoni tagħha tista' xxekkel l-infurzar tal-liġi, jew tkun kuntrarja b'mod ieħor għall-interess pubbliku, jew li tkun tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta' intrapriżi partikolari, kemm pubbliċi kif ukoll privati.

6.   L-Artikolu 55 għandu japplika fir-rigward ta' dan il-Kapitolu.

KAPITOLU 14

Soluzzjoni tat-tilwim

Taqsima 1

Objettiv u kamp ta' applikazzjoni

Artikolu 172

Għan

L-għan ta' dan il-Kapitolu huwa li jistabbilixxi mekkaniżmu effettiv u effiċjenti biex tiġi evitata u riżolta kull tilwima bejn il-Partijiet rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim bl-għan li jaslu, fejn ikun possibbli, għal soluzzjoni maqbula reċiprokament.

Artikolu 173

Kamp ta' applikazzjoni

Dan il-Kapitolu għandu japplika fir-rigward ta' kull tilwima li tikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta' dan it-Titolu, għajr meta previst mod ieħor.

Taqsima 2

Konsultazzjonijiet u medjazzjoni

Artikolu 174

Konsultazzjonijiet

1.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex isolvu kull tilwima msemmija fl-Artikolu 173 billi jidħlu f'konsultazzjonijiet bona fide bl-għan li jilħqu soluzzjoni maqbula reċiprokament.

2.   Parti għandha tfittex konsultazzjonijiet permezz ta' talba bil-miktub lill-Parti l-oħra, b'kopja mibgħuta lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni, u tidentifika l-miżura inkwistjoni u d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 173 li tikkunsidra applikabbli.

3.   Il-Parti li ssirilha t-talba twieġeb għat-talba għall-konsultazzjonijiet fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-wasla tagħha, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor f'dan il-Ftehim jew miftiehem b'mod ieħor bejn il-Partijiet.

4.   Il-konsultazzjonijiet għandhom jinżammu fi żmien 30 jum mid-data ta' meta tasal it-talba u jsiru fit-territorju tal-Parti li tkun saritilha t-talba, sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor. Il-konsultazzjonijiet għandhom jitqiesu li ġew konklużi fi żmien 30 jum mid-data ta' meta tasal it-talba, sakemm iż-żewg Partijiet ma jaqblux li jkomplu bil-konsultazzjonijiet. Il-konsultazzjonijiet, b'mod partikolari l-informazzjoni kollha ddivulgata u l-pożizzjonijiet meħuda mill-Partijiet matul il-konsultazzjonijiet, għandhom ikunu kunfidenzjali, u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta' xi Parti f'kull proċediment ulterjuri.

5.   Il-konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet ta' urġenza għandhom jitqiesu bħala konklużi fi żmien 15 il-jum mid-data ta' meta tasal it-talba mill-Parti rikjesta, sakemm iż-żewg Partijiet ma jaqblux li jkomplu bil-konsultazzjonijiet.

6.   Jekk il-Parti li ssirilha t-talba ma tirrispondix għat-talba għal konsultazzjonijiet fi żmien għaxart ijiem minn meta tirċeviha, jew jekk il-konsultazzjonijiet ma jsirux fil-perijodi ta' żmien stabbiliti fil-paragrafu 3 jew 4 ta' dan l-Artikolu, rispettivament, jew jekk il-Partijiet jaqblu li ma jkollhomx konsultazzjonijiet, jew jekk il-konsultazzjonijiet ikunu ġew konklużi u ma tkun intlaħqet l-ebda soluzzjoni maqbula reċiprokament, il-Parti li talbet il-konsultazzjonijiet tista' tirrikorri għall-Artikolu 176.

7.   Matul il-konsultazzjonijiet kull Parti għandha tipprovdi biżżejjed informazzjoni fattwali, biex tippermetti eżami sħiħ tal-mod li bih il-miżura inkwistjoni tista' taffettwa t-tħaddim u l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim.

8.   Il-konsultazzjonijiet għandhom jitqiesu bħala konklużi fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mid-data tal-wasla tat-talba għall-konsultazzjonijiet, sakemm il-Partijiet ma jiftiehmux mod ieħor, meta dawn jikkonċernaw sitwazzjonijiet ta' emerġenza kif definiti fil-punt (h) tal-Artikolu 138.

Artikolu 175

Medjazzjoni

Kull Parti tista' titlob lill-Parti l-oħra biex tidħol fi proċedura ta' medjazzjoni rigward kull miżura li taffettwa ħażin il-kummerċ jew l-investiment bejn il-Partijiet skont l-Anness VII.

Taqsima 3

Proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim

Subtaqsima 1

Proċedura ta' arbitraġġ

Artikolu 176

Il-bidu tal-proċedura ta' arbitraġġ

1.   Meta l-Partijiet jonqsu milli jsolvu t-tilwima wara li jkunu rrikorrew għall-konsultazzjonijiet kif previst fl-Artikolu 174, il-Parti li tkun fittxet il-konsultazzjonijiet tista' titlob l-istabbiliment ta' bord ta' arbitraġġ skont dan l-Artikolu.

2.   It-talba għall-istabbiliment ta' bord ta' arbitraġġ għandha issir permezz ta' talba bil-miktub mibgħuta lill-Parti l-oħra u lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni. Il-Parti lmentatriċi għandha tidentifika fit-talba tagħha l-miżura inkwistjoni, u għandha tispjega kif tali miżura tikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 173 b'tali mod li tiġi ppreżentata b'mod ċar il-bażi legali tal-ilment.

Artikolu 177

L-istabbiliment tal-bord ta' arbitraġġ

1.   Il-bord ta' arbitraġġ għandu jkun magħmul minn tliet arbitri.

2.   Fi żmien għaxart ijiem mid-data tat-twassil, lill-Parti konvenuta, tat-talba bil-miktub għall-istabbiliment ta' bord ta' arbitraġġ, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw sabiex jilħqu ftehim dwar il-kompożizzjoni tal-bord ta' arbitraġġ.

3.   Fil-każ li l-Partijiet ma jkunux jistgħu jaqblu dwar il-kompożizzjoni tal-bord ta' arbitraġġ fil-limitu ta' żmien stabbilit fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, kull Parti tista', fi żmien ħamest ijiem mill-iskadenza taż-żmien stabbilit fil-paragrafu 2, taħtar arbitru mil-lista sekondarja ta' dik il-Parti li tinsab fil-lista stabbilita skont l-Artikolu 196. Jekk xi waħda mill-Partijiet tonqos milli taħtar arbitru, l-arbitru għandu, wara talba mill-Parti l-oħra, jintgħażel bil-polza mill-president tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni, jew mid-delegat tal-president, mil-lista sekondarja ta' dik il-Parti li tinsab fil-lista stabbilita skont l-Artikolu 196.

4.   Sakemm il-Partijiet ma jilħqux ftehim dwar il-president tal-bord ta' arbitraġġ fil-limitu ta' żmien stabbilit fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-president tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni jew id-delegat tal-president għandu, wara talba ta' xi waħda mill-Partijiet, jagħżel bil-polza l-president tal-bord ta' arbitraġġ mil-lista sekondarja ta' presidenti li tinsab fil-lista stabbilita skont l-Artikolu 196.

5.   Il-president tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni, jew id-delegat tal-president, għandu jagħżel l-arbitri fi żmien ħamest ijiem mit-talba magħmula minn xi waħda mill-Partijiet imsemmija fil-paragrafu 3 jew 4.

6.   Id-data tal-istabbiliment tal-bord ta' arbitraġġ għandha tkun l-aħħar d-data li fiha t-tliet arbitri magħżula kollha jaċċettaw il-ħatra tagħhom skont ir-Regoli ta' Proċedura fl-Anness V.

7.   F'każ li xi waħda mil-listi previsti fl-Artikolu 196 ma tkunx ġiet stabbilita jew ma tinkludix biżżejjed ismijiet fiż-żmien li fih issir it-talba skont il-paragrafu 3 jew il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, l-arbitri għandhom jintgħażlu bil-polza mill-individwi li jkunu ġew formalment proposti minn Parti waħda jew miż-żewġ Partijiet.

8.   Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, fir-rigward ta' tilwima li tikkonċerna sitwazzjonijiet ta' emerġenza kif definiti fil-punt (h) tal-Artikolu 138 bejn il-Partijiet, it-tieni sentenza tal-paragrafu 3 u l-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu għandha tapplika mingħajr rikors għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, u l-perijodu ta' żmien fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu għandu jkun ta' jumejn.

Artikolu 178

Deċiżjoni preliminari dwar l-urġenza

Jekk Parti titlob dan, il-bord ta' arbitraġġ għandu, fi żmien għaxart ijiem mill-istabbiliment tiegħu, jieħu deċiżjoni preliminari dwar jekk il-każ iqisux bħala wieħed urġenti.

Artikolu 179

Konċiljazzjoni għal tilwimiet urġenti dwar l-enerġija

1.   Rigward tilwima li tikkonċerna sitwazzjonijiet ta' emerġenza kif definiti fil-punt (h) tal-Artikolu 138, kull Parti tista' titlob lill-president tal-bord ta' arbitraġġ biex jaġixxi ta' konċiljatur dwar kull kwistjoni relatata mat-tilwima billi ssir talba lill-bord ta' arbitraġġ.

2.   Il-konċiljatur għandu jfittex li jikseb soluzzjoni miftiehma tat-tilwima jew ifittex li jkun hemm qbil fuq proċedura li twassal għal tali soluzzjoni. Jekk fi żmien 15-il ġurnata mill-ħatra tiegħu il-konċiljatur jonqos milli jikseb tali ftehim, huwa għandu jirrakkomanda soluzzjoni għat-tilwima jew proċedura biex tintlaħaq tali riżoluzzjoni u għandu jiddeċiedi dwar it-termini u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati mid-data li huwa għandu jispeċifika sakemm it-tilwima tiġi riżolta.

3.   Il-Partijiet u l-entitajiet taħt il-kontroll jew il-ġurisdizzjoni tagħhom għandhom jirrispettaw ir-rakkomandazzjonijiet li jsiru skont il-paragrafu 2 dwar it-terimini u l-kundizzjonijiet għal tliet xhur wara d-deċiżjoni tal-konċiljatur jew sas-soluzzjoni tat-tilwima, liema minnhom tiġi l-ewwel.

4.   Il-konċiljatur għandu jirrispetta l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Bordijiet ta' Arbitraġġ u l-Medjaturi (Kodiċi ta' Kondotta) stabbilit fl-Anness VI.

Artikolu 180

Ir-rapporti tal-bord ta' arbitraġġ

1.   Il-bord ta' arbitraġġ għandu jagħmel rapport interim lill-Partijiet li jistabbilixxi r-riżultati tal-fatti, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet rilevanti u r-raġunijiet bażiċi wara kull riżultat u rakkomandazzjoni li jagħmel.

2.   Kull Parti tista' tissottometti talba bil-miktub lill-bord ta' arbitraġġ biex jirrieżamina aspetti preċiżi tar-rapport interim fi żmien 14-il ġurnata mill-ħruġ tiegħu.

3.   Wara li jikkunsidra kull kumment bil-miktub mingħand il-Partijiet dwar ir-rapport interim, il-bord ta' arbitraġġ jista' jimmodifika r-rapport interim tiegħu u jagħmel kull eżami ulterjuri li jqis xieraq.

4.   Ir-rapport finali tal-bord ta' arbitraġġ għandu jistabbilixxi s-sejbiet tal-fatt, l-applikabilità tad-dispożizzjonijiet rilevanti msemmija fl-Artikolu 173 u r-raġunijiet bażiċi wara kull sejba u konklużjoni li jasal għaliha. Ir-rapport finali għandu jinkludi diskussjoni suffiċjenti tal-argumenti li jkunu ssemmew fl-istadju tar-rieżami interim, u jwieġeb b'mod ċar il-mistoqsijiet u l-osservazzjonijiet tal-Partijiet.

Artikolu 181

Ir-rapport interim tal-bord ta' arbitraġġ

1.   Il-bord ta' arbitraġġ għandu jippreżenta rapport interim lill-Partijiet mhux aktar tard minn 90 jum wara d-data tal-istabbiliment tal-bord ta' arbitraġġ. Fejn il-bord ta' arbitraġġ jikkunsidra li din l-iskadenza ma tistax tintlaħaq, il-president tal-bord ta' arbitraġġ għandu jinforma bil-miktub lill-Partijiet u lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni, fejn jiddikjara r-raġunijiet għad-dewmien u d-data li fiha l-bord ta' arbitraġġ jippjana li joħroġ ir-rapport interim. Taħt l-ebda ċirkostanza r-rapport interim m'għandu jiġi notifikat iżjed tard minn 120 jum wara d-data tal-istabbiliment tal-bord ta' arbitraġġ.

2.   F'każijiet ta' urġenza, il-bord ta' arbitraġġ għandu jagħmel kull sforz biex iwassal ir-rapport interim tiegħu fi żmien 45 jum u, f'kull każ, mhux aktar tard minn 60 jum mid-data tal-istabbiliment tal-bord ta' arbitraġġ. Parti tista' tippreżenta talba bil-miktub lill-bord ta' arbitraġġ biex jirrieżamina aspetti preċiżi tar-rapport interim skont l-Artikolu 189(2) fi żmien sebat ijiem mill-preżentazzjoni tar-rapport interim.

3.   F'każ ta' tilwima li tikkonċerna sitwazzjonijiet ta' emerġenza kif definiti fil-punt (h) tal-Artikolu 138 bejn il-Partijiet, ir-rapport interim għandu jiġi ppreżentat 20 jum wara d-data tal-istabbiliment tal-bord ta' arbitraġġ, u kull talba skont l-Artikolu 180(2) għandha tiġi ppreżentata fi żmien ħamest ijiem mill-preżentazzjoni tar-rapport interim. Il-bord ta' arbitraġġ jista' jiddeċiedi wkoll li jgħaddi mingħajr ir-rapport interim.

Artikolu 182

Ir-rapport finali tal-bord ta' arbitraġġ

1.   Il-bord ta' arbitraġġ għandu jippreżenta r-rapport finali tiegħu lill-Partijiet u lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni fi żmien 120 jum mid-data tal-istabbiliment tal-bord ta' arbitraġġ. Fejn jikkunsidra li din l-iskadenza ma tistax tintlaħaq, il-president tal-bord ta' arbitraġġ għandu jinforma bil-miktub lill-Partijiet u lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni, fejn jiddikjara r-raġunijiet għad-dewmien u d-data li fiha l-bord jippjana li jippreżenta r-rapport interim. Taħt l-ebda ċirkostanza r-rapport finali m'għandu jiġi ppreżentat iżjed tard minn 150 jum wara d-data tal-istabbiliment tal-bord ta' arbitraġġ.

2.   F'każijiet ta' urġenza, il-bord ta' arbitraġġ għandu jagħmel kull sforz sabiex jippreżenta r-rapport tiegħu fi żmien 60 jum wara d-data tal-istabbiliment tal-bord ta' arbitraġġ. Taħt l-ebda ċirkostanza r-rapport finali m'għandu jiġi ppreżentat iżjed tard minn 75 jum wara d-data tal-istabbiliment tal-bord ta' arbitraġġ.

3.   F'każ ta' tilwima li tikkonċerna sitwazzjonijiet ta' emerġenza kif definit fil-punt (h)_tal-Artikolu 138, il-bord ta' arbitraġġ għandu jippreżenta r-rapport finali tiegħu fi żmien 40 jum mid-data tal-istabbiliment tal-bord ta' arbitraġġ.

Subtaqsima 2

Konformità

Artikolu 183

Il-konformità mar-rapport finali tal-bord ta' arbitraġġ

Il-Parti konvenuta għandha tieħu kull miżura meħtieġa sabiex tkun konformi minnufih, u f'bona fide mar-rapport finali tal-bord ta' arbitraġġ.

Artikolu 184

Perijodu raġonevoli ta' żmien għall-konformità

1.   Jekk il-konformità immedjata mhix possibbli, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jaqblu dwar il-perijodu ta' żmien meħtieġ għall-konformità mar-rapport finali. F'tali każ, il-Parti konvenuta għandha, mhux iktar minn 30 jum wara li jiġi riċevut ir-rapport finali tal-bord ta' arbitraġġ, twassal notifika lill-Parti lmentatriċi u lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni dwar iż-żmien li teħtieġ għall-konformità (“il-perijodu raġonevoli ta' żmien”).

2.   Jekk ikun hemm nuqqas ta' qbil bejn il-Partijiet rigward it-tul tal-perijodu raġonevoli ta' żmien, il-Parti lmentatriċi tista', fi żmien 20 jum minn meta tkun irċieviet notifika msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, tagħmel talba bil-miktub biex il-bord ta' arbitraġġ stabbilit inizjalment skont l-Artikolu 177 (“il-bord oriġinali ta' arbitraġġ”) jiddetermina t-tul tal-perijodu raġonevoli ta' żmien. Talba bħal din għandha tiġi nnotifikata lill-Parti l-oħra u lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni fl-istess ħin. Il-bord ta' arbitraġġ għandu jinnotifika r-rapport tiegħu lill-Partijiet u lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni fi żmien 20 jum mid-data tal-wasla tat-talba.

3.   Il-Parti konvenuta għandha tinforma bil-miktub lill-Parti lmentatriċi dwar il-progress tagħha sabiex tikkonforma mar-rapport finali tal-bord ta' arbitraġġ. Din in-notifika għandha tingħata bil-miktub u tintbagħat mill-inqas xahar qabel ma jiskadi l-perijodu raġonevoli ta' żmien.

4.   Il-perijodu raġonevoli ta' żmien jista' jiġi estiż permezz ta' qbil reċiproku bejn il-Partijiet.

Artikolu 185

Ir-rieżami ta' kwalunkwe miżura meħuda għall-konformità mar-rapport finali tal-bord ta' arbitraġġ

1.   Il-Parti konvenuta għandha tinforma lill-Parti lmentatriċi u lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni dwar kull miżura li tkun ħadet sabiex tikkonforma mar-rapport finali tal-bord ta' arbitraġġ. Din in-notifika għandha tingħata qabel tmiem il-perijodu raġonevoli ta' żmien.

2.   F'każ li jkun hemm nuqqas ta' qbil bejn il-Partijiet rigward l-eżistenza jew il-konsistenza ta' xi miżura notifikata skont il-paragrafu 1 mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 173, il-Parti lmentatriċi tista' tagħmel talba bil-miktub lill-bord oriġinali ta' arbitraġġ sabiex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Talba bħal din għandha tidentifika l-miżura speċifika inkwistjoni u tispjega kif tali miżura hija inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 173, b'manjiera suffiċjenti biex tiġi ppreżentata l-bażi ġuridika għall-ilment b'mod ċar. Il-bord ta' arbitraġġ għandu jippreżenta r-rapport tiegħu lill-Partijiet u lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni fi żmien 45 jum mid-data tal-wasla tat-talba.

Artikolu 186

Ir-rimedji temporanji f'każ ta' nuqqas ta' konformità

1.   Jekk il-Parti konvenuta tonqos milli tinnotifika xi miżura li tkun ħadet sabiex tikkonforma mar-rapport finali tal-bord ta' arbitraġġ qabel ma jiskadi l-perijodu taż-żmien raġonevoli, jew jekk il-bord ta' arbitraġġ jiddeċiedi li ma tkun teżisti l-ebda miżura meħuda bi skop ta' konformità jew li l-miżura nnotifikata skont l-Artikolu 185(1) tkun inkonsistenti mal-obbligi ta' dik il-Parti skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 173, il-Parti konvenuta għandha, jekk tintalab mill-Parti lmentatriċi u wara konsultazzjonijiet ma' dik il-Parti, tippreżenta offerta għal kumpens.

2.   Jekk il-Parti lmentatriċi tiddeċiedi li ma titlobx offerta għall-kumpens skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, jew, f'każ li ssir talba bħal din, jekk ma jintlaħaqx ftehim dwar kumpens fi żmien 30 jum mid-data tal-iskadenza tal-perijodu raġonevoli ta' żmien jew tal-preżentazzjoni tar-rapport tal-bord ta' arbitraġġ skont l-Artikolu 185(2), il-Parti lmentatriċi għandha tkun intitolata, wara notifika lill-Parti l-oħra u lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni, li tieħu l-miżuri xierqa f'livell ekwivalenti għan-nullifikazzjoni jew l-indebolment (26) ikkawżati mill-ksur. In-notifika għandha tispeċifika miżuri bħal dawn. Il-Parti lmentatriċi tista' timplimenta l-miżuri fi kwalunkwe mument wara li jiskadi l-perijodu ta' għaxart ijiem minn wara d-data tal-wasla tan-notifika mill-Parti konvenuta, sakemm il-Parti konvenuta ma tkunx talbet għal arbitraġġ skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

3.   Jekk il-Parti konvenuta tqis li l-miżuri xierqa ma jkunux f'livell ekwivalenti għan-nullifikazzjoni jew l-indeboliment ikkawżati mill-ksur tal-obbligi ta' dik il-Parti skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 173, il-Parti konvenuta tista' tibgħat talba bil-miktub lill-bord oriġinali ta' arbitraġġ biex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Tali rikjesta għandha tiġi nnotifikata lill-Parti lmentatriċi u lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni qabel ma jiskadi l-perijodu ta' għaxart ijiem imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Il-bord oriġinali ta' arbitraġġ għandu jippreżenta r-rapport tiegħu dwar il-miżuri notifikati mill-Parti lmentatriċi lill-Partijiet u lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni fi żmien 30 jum mid-data tal-preżentazzjoni tat-talba. Il-Parti lmentatriċi m'għandhiex tagħmel effettivi l-miżuri notifikati sakemm il-bord oriġinali ta' arbitraġġ ma jkunx ippreżenta r-rapport tiegħu. Miżura bħal din magħmula effettiva wara l-preżentazzjoni tar-rapport għandha tkun konsistenti mar-rapport tal-bord ta' arbitraġġ.

4.   Il-miżuri magħmula effettivi mill-Parti lmentatriċi kif ukoll il-kumpens previsti f'dan l-Artikolu għandhom ikunu temporanji u m'għandhomx jiġu applikati wara li:

(a)

il-Partijiet ikunu laħqu soluzzjoni maqbula reċiprokament skont l-Artikolu 191;

(b)

il-Partijiet ikunu ftiehmu li l-miżura nnotifikata skont l-Artikolu 185(1) ġġib lill-Parti konvenuta f'konformità mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 173; jew

(c)

kwalunkwe miżura li l-bord ta' arbitraġġ skont Artikolu 185(2) sab li hija inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 173 ġiet irtirata jew emendata sabiex tiġi konformi ma dawk id-dispożizzjonijiet.

Artikolu 187

Ir-rieżami ta' kull miżura li tittieħed għall-konformità wara l-adozzjoni ta' rimedji temporanji għan-nuqqas ta' konformità

1.   Il-Parti konvenuta għandha tinnotifika lill-Parti lmentatriċi u l-Kumitat ta' Kooperazzjoni dwar il-miżura li tkun ħadet biex tkun konformi mar-rapport finali tal-bord ta' arbitraġġ wara l-applikazzjoni tal-kumpens jew it-teħid ta' miżura xierqa mill-Parti lmentatriċi skont l-Artikolu 186, skont il-każ. Bl-eċċezzjoni ta' każijiet skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Parti lmentatriċi għandha ttemm il-miżura fi żmien 30 jum minn meta tirċievi n-notifika. F'każijiet fejn il-kumpens ġie applikat, u bl-eċċezzjoni ta' każijiet skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Parti konvenuta tista' ttemm l-applikazzjoni ta' tali kumpens fi żmien 30 jum mill-wasla tan-notifika tagħha li hi kkonformat mar-rapport finali tal-bord ta' arbitraġġ.

2.   Jekk il-Partijiet ma jilħqux ftehim dwar jekk il-Parti konvenuta tkunx ikkonformat mar-rapport finali tal-bord ta' arbitraġġ fi żmien 30 jum minn meta tirċievi n-notifika skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Parti lmentatriċi għandha tippreżenta talba bil-miktub lill-bord oriġinali ta' arbitraġġ biex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Talba bħal din għandha tiġi nnotifikata lill-Parti l-oħra u lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni fl-istess ħin. Ir-rapport tal-bord ta' arbitraġġ għandu jiġi ppreżentat lill-Partijiet u lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni fi żmien 45 jum mid-data tas-sottomissjoni tat-talba. Jekk il-bord ta' arbitraġġ jiddeċiedi li l-Parti konvenuta tkun ikkonformat mar-rapport finali tal-bord ta' arbitraġġ, il-Parti lmentatriċi għandha ttemm il-miżura xierqa meħuda skont l-Artikolu 186 jew inkella l-Parti konvenuta għandha ttemm il-kumpens, skont kif ikun il-każ. Jekk il-bord ta' arbitraġġ jiddeċiedi li l-Parti konvenuta ma tkunx ikkonformat b'mod sħiħ mar-rapport finali tal-bord ta' arbitraġġ, il-kumpens jew il-miżura xierqa meħuda skont l-Artikolu 186 għandha tiġi adattata fid-dawl tar-rapport tal-bord ta' arbitraġġ.

Artikolu 188

Rimedji għal tilwimiet urġenti dwar l-enerġija

1.   Fir-rigward ta' tilwima li tikkonċerna sitwazzjonijiet ta' emerġenza kif definiti fil-punt (h) tal-Artikolu 138 bejn il-Partijiet, għandu japplika dan l-Artikolu.

2.   Permezz ta' deroga mill-Artikoli 184, 185 u 186, il-Parti lmentatriċi tista' tieħu miżuri xierqa għal livell ekwivalenti għat-tixjin jew l-indebolment ikkawżati minn Parti li tonqos milli tkun konformi mar-rapport finali tal-bord ta' arbitraġġ fi żmien 15-il jum mir-rilaxx tiegħu. Dawn il-miżuri jistgħu jidħlu fis-seħħ minnufih. Tali sospensjoni tista' tinżamm sakemm il-Parti konvenuta ma tkunx ikkonformat mar-rapport finali tal-bord ta' arbitraġġ.

3.   Jekk il-Parti konvenuta kkontestat l-eżistenza ta' nuqqas ta' konformità jew il-proporzjonalità tal-miżura magħmula effettiva mill-Parti lmentatriċi jew in-nuqqas li tikkonforma, din tista' tniedi proċedimenti skont l-Artikolu 186(3) u l-Artikolu 187 li għandhom jiġu eżaminati mingħajr dewmien. Il-Parti lmentatriċi għandha tintalab tneħħi jew tirranġa l-miżuri biss ladarba l-bord ta' arbitraġġ ikun iddeċieda dwar il-kwistjoni, u tista' tibqa' żżomm il-miżuri sakemm jitlestew il-proċedimenti.

Subtaqsima 3

Dispożizzjonijiet komuni

Artikolu 189

Is-sostituzzjoni tal-arbitri

Jekk fi proċedimenti ta' arbitraġġ skont dan il-Kapitolu, il-bord oriġinali ta' arbitraġġ jew uħud mill-membri tiegħu ma jkunux jistgħu jipparteċipaw, jirtiraw, jew jeħtieġ li jiġu sostitwiti għax ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-Kodiċi ta' Kondotta stabbiliti fl-Anness VI, għandha tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikolu 177. Il-limitu ta' żmien għat-twassil tar-rapport jista' jiġi estiż għaż-żmien meħtieġ għall-ħatra ta' arbitru ġdid iżda għal mhux aktar minn 20 jum.

Artikolu 190

Is-sospensjoni u t-tmiem tal-proċeduri ta' arbitraġġ u ta' konformità

Wara talba miż-żewġ Partijiet, il-bord ta' arbitraġġ għandu jissospendi l-ħidma tiegħu f'kull ħin għal perijodu miftiehem mill-Partijiet li ma jaqbiżx it-12-il xahar konsekuttivi. Il-bord ta' arbitraġġ għandu jkompli l-ħidma tiegħu qabel it-tmiem ta' dak il-perijodu wara talba bil-miktub miż-żewġ Partijiet jew kif jintemm dak il-perijodu wara talba bil-miktub ta' kull Parti. Il-Parti rikjedenti għandha tinnotifika lill-president tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni u lill-Parti l-oħra kif xieraq. Jekk Parti ma titlobx li titkompla l-ħidma tal-bord ta' arbitraġġ malli jiskadi l-perijodu ta' sospensjoni li jkun sar qbil dwaru, il-proċedura għandha tintemm. Is-sospensjoni u t-tmiem tal-ħidma tal-bord ta' arbitraġġ huma mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta' kull waħda mill-Partijiet fi proċedimenti oħrajn soġġett għall-Artikolu 197.

Artikolu 191

Soluzzjoni maqbula reċiprokament

Il-Partijiet jistgħu f'kull ħin jaslu għal soluzzjoni ta' tilwima maqbula reċiprokament skont dan il-Kapitolu. Huma għandhom jgħarrfu b'mod konġunt lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni u lill-president tal-bord ta' arbitraġġ, fejn applikabbli, dwar tali soluzzjoni. Jekk is-soluzzjoni tirrikjedi l-approvazzjoni skont il-proċeduri rilevanti domestiċi ta' xi waħda mill-Partijiet, in-notifika għandha tirreferi għal dan ir-rekwiżit, u l-proċedura ta' soluzzjoni tat-tilwim għandha tiġi sospiża. Jekk tali approvazzjoni ma tkunx meħtieġa, jew jekk it-tlestija ta' tali proċeduri domestiċi tiġi notifikata, il-proċedura ta' soluzzjoni tat-tilwim għandha tintemm.

Artikolu 192

Regoli ta' proċedura

1.   Il-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim skont dan il-Kapitolu għandhom ikunu rregolati mir-Regoli ta' Proċedura stabbiliti fl-Anness V u bil-Kodiċi ta' Kondotta stabbilit fl-Anness VI.

2.   Kull smigħ tal-bord ta' arbitraġġ għandu ikun miftuħ għall-pubbliku sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor fir-Regoli ta' Proċedura stabbiliti fl-Anness V.

Artikolu 193

L-informazzjoni u l-pariri tekniċi

Wara talba ta' Parti, jew bl-inizjattiva tiegħu stess, il-bord ta' arbitraġġ jista' jikseb kull informazzjoni li jqis xierqa għall-proċedimenti tal-bord ta' arbitraġġ minn kull sors, inklużi l-Partijiet involuti fit-tilwima. Il-bord ta' arbitraġġ ikollu wkoll id-dritt li jfittex l-opinjoni ta' esperti, kif iqis xieraq. Il-bord ta' arbitraġġ għandu jikkonsulta l-Partijiet qabel ma jagħżel esperti bħal dawn. Persuni fiżiċi jew ġuridiċi stabbiliti fit-territorju ta' Parti jistgħu jissottomettu sommarji tal-fatti amicus curiae quddiem il-bord ta' arbitraġġ skont ir-Regoli ta' Proċedura stipulati fl-Anness V. Kull informazzjoni miksuba skont dan l-Artikolu għandha tiġi divulgata lil kull Parti u titressaq għall-kummenti tagħhom.

Artikolu 194

Ir-regoli ta' interpretazzjoni

Kull bord ta' arbitraġġ għandu jinterpreta d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 173 skont ir-regoli normali tal-interpretazzjoni tad-dritt pubbliku internazzjonali, inklużi dawk kodifikati fil-Konvenzjoni ta' Vjenna tal-1969 dwar il-Liġi tat-Trattati. Il-bord ta' arbitraġġ għandu jqis ukoll l-interpretazzjonijiet rilevanti tal-bordijiet tad-WTO u tal-Korp tal-Appell adottat mill-Korp tas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO (minn issa 'l quddiem imsejjaħ “DSB”). Ir-rapporti tal-bord ta' arbitraġġ ma jistgħux iżidu jew inaqqsu d-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet previsti skont dan il-Ftehim.

Artikolu 195

Id-deċiżjonijiet u r-rapporti tal-bord ta' arbitraġġ

1.   Id-deliberazzjonijiet tal-bord ta' arbitraġġ għandhom ikunu kunfidenzjali. Il-bord ta' arbitraġġ għandu jagħmel kull sforz biex jieħu kull deċiżjoni b'kunsens. Madankollu, fejn ma tistax tintlaħaq deċiżjoni b'kunsens, il-kwistjoni kkonċernata għandha tiġi deċiża b'vot b'maġġoranza. Fl-ebda każ m'għandhom jiġu divulgati l-opinjonijiet kuntrarji tal-arbitri.

2.   Ir-rapporti tal-bord ta' arbitraġġ għandhom jiġu abbozzati mingħajr il-preżenza tal-Partijiet. Ir-rapport finali tal-bord għandu jistabbilixxi s-sejbiet tal-fatt, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet rilevanti msemmija fl-Artikolu 173 u r-raġunijiet bażiċi wara kull sejba u l-konklużjoni li jasal għalihom.

3.   Ir-rapporti tal-bord ta' arbitraġġ għandhom ikunu aċċettati mill-Partijiet mingħajr kundizzjonijiet. Dawn m'għandhom joħolqu l-ebda drittijiet jew obbligi għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

4.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu r-rapport tal-bord ta' arbitraġġ disponibbli pubblikament, soġġett għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali kif previst fir-Regoli ta' Proċedura stabbiliti fl-Anness V.

Taqsima 4

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 196

Listi ta' arbitri

1.   Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni, fuq il-bażi ta' proposti li saru mill-Partijiet, għandu jistabbilixxi lista ta' 15-il persuna li jkunu lesti u jkunu kapaċi jservu bħala arbitri, sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim. Il-lista għandha tkun magħmula minn tliet listi sekondarji: lista sekondarja waħda għal kull Parti u lista sekondarja waħda ta' individwi li ma jkunu ċittadini tal-ebda Parti u li jistgħu jservu bħala president tal-bord ta' arbitraġġ. Kull lista sekondarja għandha tinkludi mill-inqas ħames individwi. Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni jassigura li l-lista tinżamm dejjem f'dan il-livell.

2.   L-arbitri għandu jkollhom għarfien u esperjenza speċjalizzati fil-liġi u l-kummerċ internazzjonali. Dawn għandhom ikunu indipendenti, iservu fil-kapaċitajiet individwali tagħhom u ma jieħdu struzzjonijiet mill-ebda organizzazzjoni jew gvern, u lanqas ma jkunu affiljati mal-gvern ta' xi waħda mill-Partijiet, u għandhom ikunu konformi mal-Kodiċi ta' Kondotta stabbilit fl-Anness VI.

3.   Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni jista' jistabbilixxi listi addizzjonali ta' 15-il individwu b'għarfien u esperjenza f'setturi speċifiċi koperti minn dan il-Ftehim. Soġġett għall-qbil mill-Partijiet, tali listi addizzjonali għandhom jintużaw biex jiffurmaw il-bord ta' arbitraġġ skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 177.

Artikolu 197

Relazzjoni mal-obbligi tad-WTO

1.   Ir-rikors għad-dispożizzjonijiet ta' soluzzjoni tat-tilwim ta' dan it-Titolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kull azzjoni fil-qafas tad-WTO, inkluża azzjoni għas-soluzzjoni tat-tilwim.

2.   Madankollu, Parti m'għandhiex tfittex, għal ebda miżura partikolari, rimedju għal ksur ta' obbligu sostanzjalment ekwivalenti kemm skont dan il-Ftehim kif ukoll skont il-Ftehim tad-WTO fiż-żewġ fora. F'każ bħal dan, ladarba jkun inbeda proċediment ta' soluzzjoni tat-tilwim, il-Parti m'għandhiex tressaq talba li tfittex rimedju għall-ksur ta' obbligu sostanzjalment ekwivalenti skont il-Ftehim l-ieħor fil-forum l-ieħor, ħlief jekk forum magħżul l-ewwel ma jirnexxilux, minħabba raġunijiet proċedurali jew ġuriżdizzjonali, jasal għal sejbiet dwar it-talba għal rimedju ta' dak l-obbligu.

3.   Għall-għanijiet ta' dan l-Artikolu,

(a)

il-proċedimenti tas-soluzzjoni tat-tilwim skont il-Ftehim tad-WTO jitqiesu li jkunu tnedew minn talba ta' Parti għal-istabbiliment ta' bord skont l-Artikolu 6 tal-Qbil dwar ir-Regoli u l-Proċeduri li Jirregolaw is-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO;

(b)

il-proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim skont dan il-Kapitolu jitqiesu li jitnedew permezz ta' talba minn Parti għall-istabbiliment ta' bord ta' arbitraġġ skont l-Artikolu 176(1).

4.   Xejn f'dan il-Ftehim m'għandu jwaqqaf lil Parti milli timplimenta s-sospensjoni ta' obbligi awtorizzati mid-DSB. Il-Ftehim tad-WTO m'għandux jiġi invokat sabiex iwaqqaf Parti milli tapplika rimedji temporanji għal nuqqas ta' konformità skont dan il-Kapitolu.

Artikolu 198

Limiti ta' żmien

1.   L-iskadenzi kollha stabbiliti f'dan il-Kapitolu, fosthom l-iskadenzi sabiex il-bordijiet ta' arbitraġġ jippreżentaw ir-rapporti tagħhom, għandhom jingħaddu f'jiem tal-kalendarju, bl-ewwel jum ikun l-għada tal-att jew il-fatt li għalih jirreferu, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

2.   Kull limitu ta' żmien li jissemma f'dan il-Kapitolu jista' jiġi modifikat bi ftehim reċiproku tal-Partijiet involuti fit-tilwima. Il-bord ta' arbitraġġ jista' f'kull ħin jipproponi lill-Partijiet li jimmodifikaw kull limitu ta' żmien imsemmi f'dan il-Kapitolu, filwaqt li jagħti r-raġunijiet għal dik il-proposta.

TITOLU IV

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-IŻVILUPP EKONOMIKU U SOSTENIBBLI

KAPITOLU 1

Djalogu ekonomiku

Artikolu 199

Il-Partijiet josservaw il-prinċipji tal-ekonomija tas-suq ħieles, jiżguraw politiki makroekonomiċi sodi u għandhom jiżviluppaw u jsaħħu djalogu ekonomiku regolari bl-għan li jkomplu jespandu u japprofondixxu r-rabtiet ekonomiċi ta' benefiċċju reċiproku, kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir ekonomiku.

Artikolu 200

Il-Partijiet għandhom jirrieżaminaw regolarment l-istatus tal-kooperazzjoni bilaterali u jwettqu skambju regolari ta' informazzjoni, għarfien espert u l-aħjar prattiki fil-qasam tal-politika ekonomika, l-iżvilupp ekonomiku u finanzjarju u l-istatistika.

KAPITOLU 2

Kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, inklużi l-awditjar pubbliku u l-kontroll intern

Artikolu 201

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fil-qasam tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, inkluża l-awditjar pubbliku u l-kontroll intern, bl-għan ta' żvilupp ulterjuri ta' sistema ta' ġestjoni tal-finanzi pubbliċi soda, kompatibbli mal-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività kif ukoll mat-trasparenza u r-responsabbiltà.

Il-kooperazzjoni għandha tinkludi:

(a)

il-promozzjoni tal-implimentazzjoni ta' standards internazzjonali rikonoxxuti u ġeneralment aċċettabbli kif ukoll il-konverġenza ma' prattiki tajba tal-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam;

(b)

skambju ta' informazzjoni u esperjenzi f'dan il-qasam.

KAPITOLU 3

Kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni

Artikolu 202

Il-Partijiet għandhom jaħdmu sabiex itejbu l-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tat-tassazzjoni, b'mod partikolari fil-qasam tal-faċilitazzjoni tal-ġbir ta' dħul leġittimu tat-taxxa, u biex jiżviluppaw miżuri f'konformità ma' standards internazzjonali għall-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-tassazzjoni, fosthom it-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni. Il-Partijiet għandhom isaħħu d-djalogu u l-iskambju tal-esperjenza bil-ħsieb li jiġu evitati prattiki tat-taxxa dannużi.

KAPITOLU 4

Kooperazzjoni fil-qasam tal-istatistika

Artikolu 203

Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-armonizzazzjoni ta' metodi u prattika tal-istatistika inkluż il-ġbir u t-tixrid tal-istatistika. Il-kooperazzjoni statistika għandha tiffoka fuq l-iskambju tal-għarfien, it-trawwim ta' prattiki tajba u rispett lejn il-Prinċipji Fundamentali tal-Istatistika Uffiċjali tan-NU u l-Kodiċi ta' Prattika tal-Istatistika Ewropea.

L-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi għal dan l-għan billi tagħti assistenza teknika lir-Repubblika tal-Każakistan.

KAPITOLU 5

Kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija

Artikolu 204

Il-partijiet għandhom ikomplu u jintensifikaw il-kooperazzjoni preżenti tagħhom dwar kwistjonijiet tal-enerġija, bl-objettiv li jtejbu s-sigurtà, l-effiċjenza, is-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-enerġija. Il-kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq sħubija komprensiva u tkun iggwidata mill-prinċipji ta' interess reċiproku, ir-reċiproċità, it-trasparenza u l-prevedibbiltà skont il-prinċipji tal-ekonomija tas-suq u tal-ftehimiet bilaterali u multilaterali relatati eżistenti.

Artikolu 205

Il-kooperazzjoni għandha tinkludi, fost l-oħrajn, l-oqsma li ġejjin:

(a)

l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-politiki dwar l-enerġija, l-elaborazzjoni tal-previżjonijiet u x-xenarji, inklużi kundizzjonijiet tas-suq globali għal prodotti tal-enerġija, kif ukoll it-titjib tas-sistema tal-istatistika fis-settur tal-enerġija;

(b)

il-ħolqien ta' klima ta' investiment attraenti u stabbli u l-inkoraġġiment ta' investimenti reċiproċi fil-qasam tal-enerġija fuq bażi nondiskriminatorja u trasparenti;

(c)

kooperazzjoni effettiva mal-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u istituzzjonijiet finanzjarji u strumenti internazzjonali oħrajn biex jappoġġaw il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ Partijiet dwar l-enerġija;

(d)

it-titjib tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni xjentifika u teknika għall-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-enerġija, b'attenzjoni partikolari tingħata lil teknoloġiji b'effiċjenza enerġetika u li jħarsu l-ambjent, skont il-Kapitlu 3 (Kooperazzjoni fir-Riċerka u l-Innovazzjoni) tat-Titolu VI;

(e)

taħriġ maniġerjali u tekniku fis-settur tal-enerġija permezz, fost l-oħrajn, tal-faċilitazzjoni tal-iskambju ta' persuni f'taħriġ f'korsijiet speċjalizzati f'istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja fl-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan, kif ukoll l-iżvilupp ta' programmi ta' taħriġ konġunti b'konformità mal-prattiki tajba;

(f)

l-estensjoni tal-kooperazzjoni f'fora, inizjattivi u istituzzjonijet multilaterali tal-enerġija.

(g)

il-kooperazzjoni fl-iskambju tal-għarfien u l-esperjenza, kif ukoll it-trasferiment tat-teknoloġija fl-innovazzjoni, inkluż fl-oqsma tat-teknoloġiji tal-enerġija u l-ġestjoni.

Artikolu 206

L-enerġija tal-idrokarburi

Il-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija tal-idrokarburi għandha tkopri l-oqsma li ġejjin:

(a)

il-modernizzazzjoni u t-titjib ta' infrastruttura tal-enerġija ta' interess komuni eżistenti u l-iżvilupp ta' infrastrutturi tal-enerġija ta' interess komuni futuri skont il-prinċipji tas-suq, inkluż dawk immirati lejn id-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija, fornituri, ir-rotot u l-metodi ta' trasportazzjoni, kif ukoll l-istabbiliment tal' kapaċità ġdida ta' ġenerazzjoni u l-integrità, l-effiċjenza, is-sikurezza u s-sigurtà tal-infrastrutturi tal-enerġija, inklużi l-infrastrutturi tal-enerġija elettrika;

(b)

l-iżvilupp ta' swieq tal-enerġija kompetittivi, trasparenti u nondiskriminatorji f'konformità mal-aħjar prattiki permezz ta' riformi regolatorji;

(c)

it-titjib u tisħiħ tal-istabbiltà u s-sigurtà fit-tul tal-kummerċ tal-enerġija, inkluż l-iżgurar tal-prevedibbiltà u l-istabbiltà tad-domanda għall-enerġija, fuq bażi nondiskriminatorja, filwaqt li jiġu mminimizzati l-impatti u r-riskji ambjentali;

(d)

il-promozzjoni ta' livell għoli ta' ħarsien ambjentali u żvilupp sostenibbli fis-settur tal-enerġija, inklużi l-estrazzjoni, il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum;

(e)

it-tisħiħ tas-sikurezza ta' attivitajiet ta' produzjoni u ta' esplorazzjoni offshore tal-idrokarburi, permezz ta' skambju ta' esperjenza dwar il-prevenzjoni tal-aċċidenti, analiżi wara l-inċidenti, politiki ta' rispons u rimedju, kif ukoll l-aħjar prattiki dwar ir-responsabbiltà u l-prattika legali f'każ ta' diżastru.

Artikolu 207

Sorsi ta' enerġija rinnovabbli

Il-kooperazzjoni għandha ssir fl-oqsma ta':

(a)

l-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli f'manjiera ekonomikament u ambjentalment soda, inkluża l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet regolatorji, iċ-ċertifikazzjoni u l-istandardizzazzjoni, kif ukoll dwar l-iżvilupp teknoloġiku.

(b)

l-iffaċilitar tal-iskambji bejn ir-Repubblika tal-Każakistan u l-istituzzjonijiet Ewropej, il-laboratorji u l-entitajiet tas-settur privat, inkluż permezz ta' programmi konġunti bl-għan li tiġi implimentata l-aħjar prattiki lejn il-ħolqien tal-enerġija futura u ekonomija ekoloġika;

(c)

it-twettiq ta' seminars konġunti, konferenzi u programmi ta' taħriġ, u l-iskambju ta' informazzjoni u data statistika miftuħa fuq bażi regolari, kif ukoll informazzjoni dwar l-iżvilupp ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

Artikolu 208

L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-konservazzjoni tal-enerġija

Il-kooperazzjoni fil-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-konservazzjoni tal-enerġija, inkluż fis-settur tal-faħam, l-ivvampjar ta' gassijiet (u l-użu ta' gass assoċjat), bini, tagħmir u trasport, għandha issir, fost l-oħrajn, permezz ta':

(a)

l-iskambju ta' informazzjoni dwar politiki tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u oqfsa legali u regolatorji u l-pjanijiet ta' azzjoni;

(b)

il-faċilitazzjoni tal-iskambju ta' esperjenzi u kompetenzi fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-konservazzjoni tal-enerġija;

(c)

it-tnedija u l-implimentazzjoni ta' proġetti, inklużi proġetti ta' dimostrazzjoni, għall-introduzzjoni ta' teknoloġiji u soluzzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-konservazzjoni tal-enerġija;

(d)

programmi u korsijiet ta' taħriġ fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' dan l-Artikolu.

KAPITOLU 6

Kooperazzjoni fil-qasam tat-trasport

Artikolu 209

Il-Partijiet għandhom jikkoperaw dwar:

(a)

l-espansjoni u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni tagħhom dwar it-trasport, sabiex jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp ta' sistemi ta' trasport sostenibbli;

(b)

enfasi fuq l-aspetti soċjali u ambjentali tas-sistemi tat-trasport;

(c)

il-promozzjoni ta' operazzjonijiet tat-trasport effiċjenti, sikuri u mingħajr periklu;

(d)

it-titjib tal-konnessjonijiet ewlenin tat-trasport bejn it-territorji tagħhom.

Artikolu 210

Il-kooperazzjoni msemmija f'dan il-Kapitolu għandha tkopri, fost l-oħrajn, l-oqsma li ġejjin:

(a)

l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar il-politiki tat-trasport;

(b)

it-titjib tat-trasport ta' passiġġieri u merkanzija, iż-żieda tal-fluwidità tal-flussi tat-trasport billi jitneħħew ostakli amministrattivi, tekniċi u oħrajn, ikun hemm mira għal integrazzjoni iktar qariba tas-suq, it-titjib tan-netwerks tat-trasport u l-aġġornament tal-infrastruttura;

(c)

l-iskambju ta' informazzjoni u attivitajiet konġunti fil-livell reġjonali u internazzjonali u l-implimentazzjoni ta' ftehimiet u konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli;

(d)

l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar is-sikurezza u l-iżvilupp sostenibbli tat-trasport marittimu.

Ir-Repubblika tal-Każakistan għandha iġġib il-ftehimiet bilaterali tagħha dwar l-avjazzjoni konformi mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea f'konformità mal-leġislazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 211

Għandu jsir djalogu regolari dwar il-kwistjonijiet koperti f'dan il-Kapitolu.

KAPITOLU 7

Kooperazzjoni fil-qasam tal-ambjent

Artikolu 212

Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw u jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fir-rigward ta' kwistjonijiet ambjentali, u b'hekk jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp sostenibbli u l-amministrazzjoni tajba fil-ħarsien tal-ambjent.

Il-kooperazzjoni għandha ssir fl-oqsma li ġejjin:

(a)

il-valutazzjonijiet, il-monitoraġġ u l-kontroll ambjentali;

(b)

l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar l-ambjent, it-titjib tal-aċċess għall-informazzjoni, it-titjib tal-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali;

(c)

il-leġislazzjoni fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent;

(d)

il-kwalità tal-arja;

(e)

it-trattament tal-iskart;

(f)

il-ġestjoni tal-kwalità tal-ilma, inkluż l-ambjent marittimu;

(g)

il-ġestjoni integrata tar-riżorsi tal-ilma, inkluża l-promozzjoni ta' teknoloġiji avvanzati għall-iffrankar tal-ilma;

(h)

il-konservazzjoni u l-protezzjoni tad-diversità bijoloġika u tal-pajsaġġ;

(i)

il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

(j)

it-tniġġis industrijali u emissjonijiet industrijali;

(k)

il-klassifikazzjoni u l-ġestjoni sikura tal-kimiki;

(l)

l-inizjattivi tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan fil-qasam tal-ekonomija ekoloġika; u

(m)

l-iskambju reċiproku ta' esperjenza dwar il-politika għall-iżvilupp sostenibbli tas-sajd.

Artikolu 213

Il-kooperazzjoni fil-qasam tal-ħarsien ambjentali għandha titwettaq bil-kunsens reċiproku tal-Partijiet fil-forom li ġejjin, fost oħrajn:

(a)

l-iskambju ta' teknoloġiji, informazzjoni xjentifika u teknika, u attivitajiet ta' riċerka fil-qasam tal-ħarsien ambjentali;

(b)

l-iskambju ta' esperjenza dwar it-titjib tal-leġislazzjoni u metodoloġiji ambjentali.

Artikolu 214

Il-Partijiet għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-implimentazzjoni ta', u l-kooperazzjoni fi, kwistjonijiet ambjentali fil-qafas ta' ftehimiet ambjentali multilaterali rilevanti u jaqblu li jintensifikaw il-kooperazzjoni f'livell reġjonali.

Il-Partijiet għandhom jiskambjaw esperjenzi fil-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-ambjent f'setturi oħra, inkluż l-iskambju tal-aħjar prattiki, iż-żieda tal-għarfien u l-kompetenza, l-edukazzjoni ambjentali u s-sensibilizzazzjoni fl-oqsma msemmija f'dan il-Kapitolu.

KAPITOLU 8

Kooperazzjoni fil-qasam tat-tibdil fil-klima

Artikolu 215

Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw u jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom biex jikkumbattu t-tibdil fil-klima u jadattaw għal dan it-tibdil. Il-kooperazzjoni għandha titwettaq waqt li jitqiesu l-interessi tal-Partijiet fuq il-bażi tal-ugwaljanza u l-benefiċċju reċiproku kif ukoll waqt li titqies l-interdipendenza eżistenti bejn l-impenji bilaterali u multilaterali f'dan il-qasam.

Artikolu 216

Il-kooperazzjoni għandha tippromwovi miżuri fil-livell domestiku u internazzjonali, inkluż fl-oqsma li ġejjin:

(a)

il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;

(b)

l-adattament għat-tibdil fil-klima;

(c)

l-approċċi tas-suq u mhux tas-suq biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima;

(d)

ir-riċerka, l-iżvilupp, id-dimostrazzjoni, it-tħaddim u d-diffużjoni ta' teknoloġiji ta' adattament ġodda b'livell baxx ta' karbonju li jkunu sikuri u sostenibbli;

(e)

l-iskambju tal-għarfien espert dwar il-klima u l-appoġġ għal setturi oħra;

(f)

is-sensibilizzazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ.

Artikolu 217

Il-Partijiet għandhom, fost l-oħrajn, jiskambjaw informazzjoni u kompetenzi, jimplimentaw attivitajiet ta' riċerka konġunti u jiskambjaw informazzjoni dwar teknoloġiji aktar nodfa, jimplimentaw attivitajiet konġunti fil-livell reġjonali u internazzjonali, inkluż fir-rigward ta' ftehimiet ambjentali multilaterali applikabbli għall-Partijiet, bħall-Konvenzjoni ta' Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima, u attivitajiet konġunti fil-qafas ta' aġenziji rilevanti, kif xieraq.

KAPITOLU 9

Kooperazzjoni fil-qasam tal-industrija

Artikolu 218

Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw u jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fl-industrija, inklużi fi kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp ta' inċentivi effettivi u kundizzjonijiet favorevoli għal aktar diversifikazzjoni u żieda fil-kompetittività tal-industrija tal-manifattura.

Għal dak il-għan, il-Partijiet għandhom jikkooperaw, inkluż permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki u esperjenza, fis-setturi li ġejjin:

(a)

il-produttività u l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi;

(b)

miżuri ta' appoġġ pubbliku għas-setturi tal-industrija, ibbażati fuq ir-rekwiżiti tad-WTO u fuq regoli applikabbli oħra tal-Partijiet;

(c)

l-implimentazzjoni tal-politika industrijali f'kuntest ta' approfondiment tal-integrazzjoni;

(d)

għodod li jsaħħu l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tal-politika industrijali;

(e)

l-attività ta' investiment fl-industrija tal-manifattura, it-tnaqqas fil-konsum tal-enerġija tagħha, kif ukoll l-iskambju ta' esperjenzi dwar l-implimentazzjoni tal-politiki tal-produttività tax-xogħol;

(f)

il-kundizzjonijiet għall-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda tal-produzzjoni, ta' industriji b'teknoloġija għolja, u t-trasferiment tal-għarfien u tat-teknoloġija, kif ukoll żvilupp ulterjuri ta' infrastruttura bażika u ambjent favorevoli għar-raggruppamenti ta' innovazzjoni;

(g)

l-investiment u l-kummerċ fil-minjieri u l-produzzjoni ta' materja prima, bl-objettivi li jippromwovu fehim reċiproku u t-trasparenza reċiproka, it-titjib tal-ambjent tan-negozju, u l-promozzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-estrazzjoni mhux tal-enerġija, b'mod partikolari minerali metalliċi u minerali industrijali;

(h)

il-bini tal-kapaċitajiet tar-riżorsi umani fl-industrija tal-manifattura;

(i)

il-promozzjoni ta' inizjattivi kummerċjali u l-kooperazzjoni industrijali bejn intrapriżi tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan

Dan il-Ftehim ma jeskludix kooperazzjoni industrijali ikbar bejn il-Partijiet, u jistgħu jiġu konklużi arranġamenti separati.

KAPITOLU 10

Kooperazzjoni fil-qasam tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju

Artikolu 219

Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw u jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-impriżi żgħar u medji (SMEs) biex irawmu ambjent tan-negozju li jwassal għall-iżvilupp u l-ħolqien ta' SMEs b'suċċess.

Għal dak il-għan, il-Partijiet għandhom jikkoperaw fl-oqsma li ġejjin:

(a)

fl-iskambju ta' informazzjoni dwar il-politika tal-iżvilupp tal-SMEs;

(b)

l-iskambju tal-aħjar prattiki rigward inizjattivi li jsaħħu l-intraprenditorija bħala kompetenza ewlenija;

(c)

il-promozzjoni ta' kuntatti aħjar bejn l-assoċjazzjonijiet tan-negozju taż-żewġ partijiet permezz ta' djalogu iktar mill-qrib;

(d)

il-kondiviżjoni ta' esperjenza fl-appoġġ lejn il-kapaċità tal-SMEs biex ikollhom aċċess għas-swieq internazzjonali;

(e)

l-iskambju tal-esperjenza fil-qasam ta' titjib tal-impatt tal-qafas regolatorju fuq l-SMEs;

(f)

l-iskambju tal-aħjar prattiki fl-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs.

KAPITOLU 11

Kooperazzjoni fil-qasam tal-liġi tal-kumpanniji

Artikolu 220

Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta' sett ta' regoli u prattiki effettivi fl-oqsma tal-liġi tal-kumpanniji u l-governanza korporattiva, kif ukoll fil-kontabilità u l-awditjar, ġewwa ekonomija tas-suq li tiffunzjona b'ambjent ta' negozju prevedibbli u trasparenti, u jissottolinjaw l-importanza tal-promozzjoni ta' konverġenza regolatorja f'dan il-qasam.

Il-Partijiet għandhom jikkoperaw dwar dan li ġej:

(a)

l-iskambju tal-aħjar prattiki biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-aċċess għall-informazzjoni rigward l-organizzazzjoni u r-rappreżentazzjoni ta' kumpanniji reġistrati b'mod trasparenti u aċċessibbli faċilment;

(b)

l-iżvilupp ulterjuri tal-politika tal-governanza korporattiva f'konformità ma' standards internazzjonali u b'mod partikolari tal-OECD;

(c)

it-trawwim tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni konsistenti tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) għall-kontijiet konsolidati ta' kumpanniji elenkati;

(d)

l-approssimazzjoni tar-regoli tal-kontabilità u tar-rappurtar finanzjarju, inkluż fir-rigward tal-SMEs;

(e)

ir-regolamentazzjoni u s-sorveljanza tal-professjonijiet tal-awdituri u l-kontabilisti;

(f)

l-istandards internazzjonali tal-awditjar u l-Kodiċi ta' Etika tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC), bl-għan li jittejjeb il-livell professjonali tal-awdituri permezz tal-osservanza ta' standards u ta' normi etiċi minn organizzazzjonijiet professjonali, organizzazzjonijiet tal-awditjar u tal-awdituri.

KAPITOLU 12

Kooperazzjoni fil-qasam bankarju, tal-assigurazzjoni u servizzi finanzjarji oħrajn

Artikolu 221

Il-Partijiet jaqblu dwar l-importanza ta' leġislazzjoni u prattiki effettivi u li jikkooperaw fil-qasam tas-servizzi finanzjarji bl-objettivi li:

(a)

jtejbu r-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji;

(b)

jiżguraw il-protezzjoni effettiva u xierqa għall-investituri u l-konsumaturi tas-servizzi finanzjarji;

(c)

jikkontribwixxu lejn l-istabbiltà u l-integrità tas-sistema finanzjarja globali;

(d)

jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-atturi differenti tas-sistema finanzjarja, inklużi r-regolaturi u s-superviżuri;

(e)

jippromwovu superviżjoni indipendenti u effettiva.

Il-Partijiet għandhom jippromwovu konverġenza regolatorja ma' standards internazzjonali rikonoxxuti għal sistemi finanzjarji sodi.

KAPITOLU 13

Kooperazzjoni fil-qasam tas-soċjetà tal-informazzjoni

Artikolu 222

Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni għall-benefiċċju taċ-ċittadini u n-negozji permezz tad-disponibbiltà wiesgħa tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) u permezz ta' kwalità aħjar ta' servizzi bi prezzijiet li l-konsumaturi jifilħu jħallsu. Din il-kooperazzjoni għandha jkollha fil-mira tagħha l-promozzjoni tal-iżvilupp tal-kompetizzjoni fi, u l-ftuħ ta' swieq tal-ICT, kif ukoll l-inkoraġġiment tal-investimenti f'dan is-settur.

Artikolu 223

Il-kooperazzjoni għandha tkopri, fost l-oħrajn, l-iskambju tal-informazzjoni u l-aħjar prattiki dwar l-implimentazzjoni tal-inizjattivi tas-soċjetà tal-informazzjoni, b'enfasi b'mod partikolari fuq:

(a)

l-iżvilupp ta' qafas regolatorju effettiv għas-settur tal-ICT;

(b)

il-promozzjoni tal-aċċess għall-broadband;

(c)

l-iżvilupp ta' servizzi elettroniċi interoperabbli;

(d)

l-iżgurar tal-protezzjoni tad-data; u

(e)

l-iżvilupp tas-servizzi tar-roaming.

Artikolu 224

Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni bejn ir-regolaturi fil-qasam tal-ICT, inklużi l-komunikazzjonijiet elettroniċi, fl-Unjon Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan.

KAPITOLU 14

Kooperazzjoni fil-qasam tat-turiżmu

Artikolu 225

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fil-qasam tat-turiżmu, bl-għan li jsaħħu l-iżvilupp ta' industrija tat-turiżmu kompetitittiva u sostenibbli bħala ġeneratur tat-tkabbir ekonomiku, l-għoti ta' setgħa, l-impjiegi u l-iskambji fis-settur tat-turiżmu.

Artikolu 226

Il-kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji li ġejjin:

(a)

ir-rispett lejn l-integrità u l-interessi tal-komunitajiet lokali, speċjalment f'żoni rurali;

(b)

l-importanza li jiġi ppreservat il-wirt kulturali u storiku; u

(c)

l-interazzjoni pożittiva bejn it-turiżmu u l-preservazzjoni ambjentali.

Artikolu 227

Il-kooperazzjoni għandha tiffoka fuq is-suġġetti li ġejjin:

(a)

l-iskambju ta' informazzjoni, l-aħjar prattiki, l-esperjenza u l-kompetenzi, inkluż dwar it-teknoloġiji innovattivi;

(b)

l-istabbiliment ta' sħubija strateġika bejn partijiet ikkonċernati pubbliċi, privati u komunitarji sabiex jiġi appoġġat l-iżvilupp sostenibbli tat-turiżmu;

(c)

il-promozzjoni u l-iżvilupp tal-prodotti u s-swieq tat-turiżmu, l-infrastruttura, ir-riżorsi umani u l-istrutturi istituzzjonali kif ukoll l-identifikazzjoni u l-eliminazzjoni tal-ostakli għas-servizzi tal-ivvjaġġar;

(d)

l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki u strateġiji effiċjenti inklużi aspetti legali, amministrattivi u finanzjarji xierqa;

(e)

it-taħriġ fit-turiżmu u l-bini tal-kapaċitajiet sabiex jitjiebu l-istandards tas-servizzi; u

(f)

l-iżvilupp u l-promozzjoni ta' turiżmu li jinvolvi lill-popolazzjoni lokali u tipi oħra ta' turiżmu b'mod sostenibbli.

KAPITOLU 15

Kooperazzjoni fil-qasam tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali

Artikolu 228

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jippromwovu l-iżvilupp agrikolu u rurali, b'mod partikolari permezz ta' konverġenza gradwali tal-politiki u l-leġislazzjoni.

Artikolu 229

Il-kooperazzjoni għandha tkopri, fost l-oħrajn, l-oqsma li ġejjin:

(a)

il-faċilitazzjoni tal-fehim reċiproku tal-politiki dwar l-iżvilupp agrikolu u rurali;

(b)

l-iskambju tal-aħjar prattiki fl-ippjanar, l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar l-iżvilupp agrikolu u rurali;

(c)

l-iskambju tal-għarfien u l-aħjar prattiki fir-rigward tal-politiki tal-iżvilupp rurali għall-promozzjoni tal-benessri ekonomiku u soċjali tal-komunitajiet rurali;

(d)

il-promozzjoni tal-modernizzazzjoni u s-sostenibbiltà tal-produzzjoni agrikola;

(e)

it-titjib tal-kompetittività tas-settur agrikolu u l-effiċjenza u t-trasparenza tas-swieq;

(f)

l-iskambju ta' esperjenza dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, dwar politiki tal-kwalità u l-mekkaniżmi ta' kontroll tagħhom, dwar l-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel u dwar l-iżvilupp tal-produzzjoni ta' prodotti agrikoli organiċi;

(g)

it-tixrid tal-għarfien u l-promozzjoni ta' servizzi ta' estensjoni għall-produtturi agrikoli;

(h)

il-promozzjoni tal-kooperazzjoni fi proġetti ta' investimenti agroindustrijali, b'mod partikolari fl-iżvilupp ta' setturi tat-trobbija tal-bhejjem u tal-kultivazzjoni tal-uċuħ tar-raba';

(i)

l-iskambju ta' esperjenza f'politiki relatati mal-iżvilupp sostenibbli ta' negozju agrikolu, u l-ipproċessar u d-distribuzzjoni ta' prodotti agrikoli.

KAPITOLU 16

Kooperazzjoni fl-impjiegi, fir-relazzjonijiet industrijali, il-politika soċjali u l-opportunitajiet indaqs

Artikolu 230

Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-iżvilupp ta' djalogu u jikkooperaw sabiex jippromwovu l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO, il-politika tal-impjiegi, il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, id-djalogu soċjali, il-protezzjoni soċjali, l-inklużjoni soċjali u l-antidiskriminazzjoni, kif ukoll it-trattament ġust tal-ħaddiema li jkunu jirresjiedu u jaħdmu legalment fil-Parti l-oħra.

Artikolu 231

Il-Partijiet għandhom ifittxu li jilħqu l-għanijiet koperti mill-Artikolu 230, inkluż permezz tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta' prattiki f'dawn l-oqsma li ġejjin:

(a)

it-titjib tal-kwalità tal-ħajja u l-iżgurar ta' ambjent soċjali aħjar;

(b)

it-titjib tal-inklużjoni soċjali u l-livell ta' protezzjoni soċjali għall-ħaddiema kollha u l-immodernizzar tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali, f'termini ta' kwalità, aċċessibbiltà, u sostenibbiltà finanzjarja;

(c)

it-tnaqqis tal-faqar u t-titjib tal-koeżjoni soċjali u l-protezzjoni ta' persuni vulnerabbli;

(d)

il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fl-impjiegi u l-affarijiet socjali skont l-obbligi ta' kull Parti taħt l-istandards u l-konvenzjonijiet internazzjonali;

(e)

il-promozzjoni ta' miżuri attivi tas-suq tax-xogħol u t-titjib fl-effiċjenza tas-servizzi tal-impjiegi;

(f)

l-immirar lejn aktar impjiegi u impjiegi aħjar b'kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti;

(g)

it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, kif ukoll il-livell ta' protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali;

(h)

it-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri permezz tal-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja soċjali u ekonomika u l-iżgurar ta' opportunitajiet indaqs bejn l-irġiel u n-nisa fl-impjiegi, l-edukazzjoni, it-taħriġ, l-ekonomija, is-soċjetà u t-teħid tad-deċiżjonijiet;

(i)

it-titjib tal-kwalità tal-liġi tax-xogħol u l-iżgurar ta' protezzjoni aħjar għall-ħaddiema;

(j)

it-tisħiħ u l-promozzjoni tad-djalogu soċjali, inkluż iż-żieda tal-kapaċità tal-imsieħba soċjali.

Artikolu 232

Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jimplimentaw b'mod effettiv il-konvenzjonijiet tal-ILO applikabbli.

Il-Partijiet, waqt li jqisu d-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU dwar il-Ġenerazzjoni ta' Impjieg Sħiħ u Produttiv u Xogħol Deċenti għal Kulħadd tal-2006, jirrikonoxxu li impjieg sħiħ u produttiv u xogħol deċenti għall-kulħadd huma elementi prinċipali għall-iżvilupp sostenibbli.

Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu, b'konformità mad-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol tal-1998, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, b'mod partikolari l-imsieħba soċjali fl-iżvilupp tal-politika soċjali rispettiva tagħhom, u fil-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan taħt dan il-Ftehim.

Il-Partijiet għandhom jimmiraw li jtejbu l-kooperazzjoni fil-kwistjonijiet marbuta max-xogħol diċenti, mal-impjiegi u mal-politika soċjali fil-fora u fl-organizzazzjonijiet rilevanti kollha.

KAPITOLU 17

Kooperazzjoni fil-qasam tas-saħħa

Artikolu 233

Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw il-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tas-saħħa pubblika, bl-għan li jgħollu l-livell tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u jnaqqsu l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa, f'konformità ma' prinċipji u valuri tas-saħħa komuni, u bħala prekundizzjoni għall-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir ekonomiku.

Artikolu 234

Il-kooperazzjoni għandha tindirizza l-prevenzjoni u l-kontroll ta' mard li jittieħed u mard li ma jitteħidx, inkluż permezz tal-iskambju ta' informazzjoni dwar is-saħħa, il-promozzjoni ta' approċċ fejn is-saħħa titqies fit-tfassil tal-politiki kollha, il-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, u bil-promozzjoni tal-implimentazzjoni ta' ftehimiet internazzjonali dwar is-saħħa, bħall-Konvenzjoni Qafas tal- Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk tal-2003 u r-Regolamenti Internazzjonali dwar is-Saħħa.

TITOLU V

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-LIBERTÀ, IS-SIGURTÀ U L-ĠUSTIZZJA

Artikolu 235

L-Istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali

Fil-kooperazzjoni tagħhom taħt dan it-Titolu, il-Partijiet għandhom jagħtu importanza partikolari lill-promozzjoni tal-istat tad-dritt, inkluża l-indipendenza tal-ġudikatura, l-aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal proċess ġust, u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jissaħħaħ il-funzjonament tal-istituzzjonijiet, inkluż l-infurzar tal-liġi, il-prosekuzzjoni, l-amministrazzjoni tal-ġustizzja u l-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-ġlieda kontriha.

Artikolu 236

Kooperazzjoni legali

Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw kooperazzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fir-rigward tan-negozjar, ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet multilaterali dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili u, b'mod partikolari, il-konvenzjonijiet tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni fil-kwistjonijiet kriminali, inkluż fl-assistenza ġuridika reċiproka. Dan jista' jinkludi, fejn xieraq u soġġett għall-proċeduri applikabbli, l-adeżjoni ma', u l-implimentazzjoni, tal-konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa fi proċedimenti kriminali mir-Repubblika tal-Każakistan, l-implimentazzjoni ta' strumenti internazzjonali rilevanti tan-NU, u kooperazzjoni mal-Eurojust.

Artikolu 237

Il-protezzjoni tad-data personali

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali, permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki u l-esperjenza, waqt li jittieħed kont tal-isrumenti u standards legali Ewropej u internazzjonali.

Dan jista' jinkludi, fejn xieraq u soġġett għall-proċeduri applikabbli, l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Każakistan mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta' Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali u l-Protokoll addizzjonali tagħha u l-implementazzjoni tagħhom.

Artikolu 238

Il-kooperazzjoni fil-migrazzjoni, l-ażil u l-ġestjoni tal-fruntieri

1.   Il-Partijiet jaffermaw l-importanza li jagħtu lill-ġestjoni tal-flussi ta' migrazzjoni. Il-kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq konsultazzjoni reċiproka bejn il-Partijiet u għandha tiġi implimentata skont il-leġislazzjoni rilevanti fis-seħħ.

2.   Fil-qafas ta' kooperazzjoni għall-prevenzjoni u t-trattament tal-migrazzjoni irregolari, il-Partijiet jaqblu li:

(a)

ir-Repubblika tal-Każakistan għandha taċċetta mill-ġdid iċ-ċittadini kollha tagħha preżenti b'mod irregolari fit-territorju ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, wara talba minn dan tal-aħħar u mingħajr dewmien bla bżonn; u

(b)

kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea għandu jaċċetta mill-ġdid iċ-ċittadini kollha tiegħu preżenti b'mod irregolari fit-territorju tar-Repubblika tal-Każakistan, wara talba minn din tal-aħħar u mingħajr dewmien bla bżonn.

3.   L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan għandhom jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom b'dokumenti xierqa ta' identità għall-finijiet tal-paragrafu 2 mingħajr formalitajiet oħra minbarra dawk imsemmija f'dan l-Artikolu u mingħajr dewmien bla bżonn. Meta l-persuna li tkun se tiġi riammessa ma jkollha l-ebda dokument jew provi oħra tan-nazzjonalità tagħha ir-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tal-Istat Membru kkonċernat jew tar-Repubblika tal-Każakistan għandhom, wara talba mir-Repubblika tal-Każakistan jew l-Istat Membru kkonċernat, jagħmlu arranġamenti biex tiġi intervistata dik il-persuna biex tiġi stabbilita n-nazzjonalità tagħha mingħajr aktar formalitajiet u dewmien bla bżonn.

4.   Il-Partijiet jaqblu li jistabbilixxu djalogu komprensiv dwar kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni rilevanti f'konformità mal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità, fost l-oħrajn bil-ħsieb li jikkunsidraw negozjar possibli ta' ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan li jirregola l-obbligi speċifiċi għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan dwar l-ammissjoni mill-ġdid, inkluża obbligazzjoni għall-ammissjoni mill-ġdid ta' ċittadini ta' pajjiżi oħra u persuni apolidi, kif ukoll bil-ħsieb li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà ta' negozjar, b'mod parallel, ta' ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Każakistan.

Artikolu 239

Protezzjoni konsulari

Ir-Repubblika tal-Każakistan taqbel li l-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta' kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea rrappreżentat fir-Repubblika tal-Każakistan għandhom jipprovdu protezzjoni lil kull ċittadin ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li ma jkollux rappreżentazzjoni permanenti aċċessibbli fir-Repubblika tal-Każakistan, bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 240

Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jipprevjenu l-użu tas-setturi finanzjarji u dawk rilevanti nonfinanzjarji tagħhom għall-ħasil ta' redditu minn attivitajiet kriminali inġenerali u partikolarment reati rigward drogi, kif ukoll għall-għan tal-finanzjament tat-terroriżmu, skont l-istandards internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, kif adottat mit-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja. Din il-kooperazzjoni testendi għall-irkupru, il-qbid, il-konfiska u r-ritorn tal-assi jew il-fondi li jkunu ġejjin mir-rikavat tal-kriminalità.

Il-kooperazzjoni għandha tippermetti l-iskambju tal-informazzjoni rilevanti fil-qafas tal-leġislazzjoni rilevanti u l-impenji internazzjonali tal-Partijiet.

Artikolu 241

Drogi illeċiti

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw dwar approċċ ibbilanċjat u integrat għall-kwistjonijiet dwar id-drogi, b'mod partikolari dwar kwistjonijiet ta' traffikar illeċitu ta' drogi narkotiċi, sustanzi psikotropiċi u l-prekursuri tagħhom. Il-politika u l-azzjonijiet relatati mad-drogi jkollhom l-għan li jsaħħu l-istrutturi għall-ġlieda kontra l-provvista u d-domanda ta' drogi illeċiti u sustanzi psikotropiċi u l-prekursuri tagħhom, permezz tat-titjib tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet kompetenti bl-għan li jitnaqqsu t-traffikar, il-provvista ta' u d-domanda għal drogi illeċiti, it-tisħiħ ta' miżuri ta' prevenzjoni, it-trattament u r-rijabilitazzjoni, u dan bir-rispett dovut għad-drittijiet tal-bniedem.

Il-kooperazzjoni għandha wkoll fil-mira tagħha li tnaqqas id-dannu relatat mad-droga, li tindirizza l-produzzjoni u l-użu ta' drogi sintetiċi, u li tikseb il-prevenzjoni effettiva tad-devjazzjoni ta' prekursuri tad-droga li jintużaw għall-manifattura illeċita ta' drogi u sustanzi psikotropiċi.

Il-Partijiet għandhom jaqblu dwar il-mezzi ta' kooperazzjoni sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet. L-azzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq prinċipji miftiehma b'mod komuni skont il-konvenzjonijiet u l-istrumenti internazzjonali rilevanti u l-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-Ażja Ċentrali dwar id-Drogi.

Artikolu 242

Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u transnazzjonali u l-korruzzjoni

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw bl-għan li jipprevjenu u jiġġieldu kontra kull forma ta' attivita kriminali organizzata, ekonomika, finanzjarja u transnazzjonali, inkluż il-kuntrabandu, il-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni u t-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar tad-drogi, it-traffikar tal-armi tan-nar, l-approprjazzjoni indebita ta' fondi, il-frodi, il-falsifikazzjoni, dokumenti falsifikati, u l-korruzzjoni pubblika u privata, billi jikkonformaw b'mod sħiħ mal-obbligi internazzjonali eżistenti tagħhom f'dan il-qasam.

Il-Partijiet għandhom jippromwovu t-tisħiħ ta' kooperazzjoni bilaterali, reġjonali u internazzjonali fost il-korpi tal-infurzar tal-liġi, inkluż l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-kooperazzjoni possibbli ma' aġenziji tal-Unjoni Ewropea.

Il-Partijiet huma impenjati li jimplimentaw b'mod effettiv l-istandards internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari dawk minquxa fil-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (UNTOC) tal-2000 u t-tliet Protokolli tagħha, u l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni tal-2003. Il-kooperazzjoni tista' tinkludi, fejn xieraq u soġġetta għall-proċeduri applikabbli, l-adeżjoni mal-istrumenti rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa u l-implementazzjoni tagħhom dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni mir-Repubblika tal-Każakistan.

Artikolu 243

Il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità

Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni, inkluż permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki, bl-għan li jipprevjenu u jiġġieldu l-atti kriminali mwettqa permezz ta' netwerks ta' komunikazzjoni elettroniċi u sistemi ta' informazzjoni, jew kontra sistemi u netwerks ta' din ix-xorta.

TITOLU VI

POLITIKI OĦRA TA' KOOPERAZZJONI

KAPITOLU 1

Kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ

Artikolu 244

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ bl-għan li jiġu promossi l-modernizzazzjoni tas-sistemi edukattivi u ta' taħriġ mir-Repubblika tal-Każakistan u l-konverġenza ma' politiki u prattiki tal-Unjoni Ewropea. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja u jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni u t-trasparenza fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Barra minn hekk, il-Partijiet għandhom jenfasizzaw miżuri mfassla biex titrawwem il-kooperazzjoni interistituzzjonali, jinkoraġġixxu l-mobbiltà tal-istudenti, il-persunal akkademiku u amministrattiv, ir-riċerkaturi u ż-żgħażagħ, u jinkoraġġixxu l-iskambju ta' informazzjoni u tal-esperjenza.

Il-Partijiet għandhom jippromwovu koordinazzjoni magħquda ta' attività tas-sistema tal-edukazzjoni skont l-istandards Ewropej u internazzjonali u l-aħjar prattiki.

KAPITOLU 2

Kooperazzjoni fil-qasam tal-kultura

Artikolu 245

Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni kulturali li tirrispetta d-diversità kulturali, sabiex isaħħu l-fehim reċiproku u l-għarfien dwar il-kulturi rispettivi tagħhom.

Il-Partijiet għandhom jistinkaw sabiex jieħdu miżuri xierqa għall-promozzjoni ta' skambji kulturali u biex jinkoraġġixxu inizjattivi konġunti f'diversi sferi kulturali.

Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin u jiżviluppaw il-kooperazzjoni ta' benefiċċju reċiproku fil-qafas tat-trattati internazzjonali multilaterali u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (Unesco). Il-Partijiet għandhom ikomplu jiskambjaw opinjonijiet dwar id-diversità kulturali, u jimmiraw, fost oħrajn, li jippromwovu l-prinċipji tal-Konvenzjoni tal-Unesco dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' Espressjonijiet Kulturali tal-2005 u jimplimentaw proġetti skont id-Deċennju Internazzjonali għall-Avviċinament tal-Kulturi 2013-2022, ipproklamata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU.

Il-Partijiet għandhom jippromwovu attivitajiet, programmi u pjanijiet konġunti, kif ukoll l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qasam tat-taħriġ u l-bini tal-kapaċità ta' artisti u professjonisti u organizzazzjonijiet kulturali.

KAPITOLU 3

Kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni

Artikolu 246

Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni:

(a)

fl-oqsma kollha tar-riċerka ċivili u tal-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku fuq il-bażi ta' benefiċċju reċiproku u soġġett għal protezzjoni xierqa u effettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; u

(b)

biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp tal-innovazzjoni.

Artikolu 247

Il-kooperazzjoni għandha tinkludi:

(a)

id-djalogu politiku u l-iskambju ta' informazzjoni xjentifika u teknoloġika;

(b)

l-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki rigward l-innovazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp, inklużi strumenti ta' appoġġ għal bidu ta' negozji bbażati fuq it-teknoloġija, l-iżvilupp tar-raggruppamenti u l-aċċess għall-finanzjament;

(c)

il-faċilitazzjoni ta' aċċess adegwat għall-programmi ta' riċerka u ta' innovazzjoni rispettivi ta' kull Parti;

(d)

iż-żieda fil-kapaċità tar-riċerka fl-entitajiet ta' riċerka tar-Repubblika tal-Każakistan u l-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Unjoni Ewropea u f'inizjattivi potenzjali oħra ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea;

(e)

l-iżvilupp u l-promozzjoni ta' proġetti konġunti għar-riċerka u l-innovazzjoni;

(f)

il-promozzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati miksuba minn proġetti konġunti ta' riċerka u innovazzjoni;

(g)

l-iffaċilitar għall-aċċess għat-teknoloġija ġdida għas-swieq domestiċi tal-Partijiet;

(h)

l-organizzazzjoni ta' attivitajiet ta' taħriġ u programmi ta' mobbiltà għal xjenzati, riċerkaturi u persunal ieħor involuti f'attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni fiż-żewġ Partijiet;

(i)

il-faċilitazzjoni, fil-qafas tal-leġislazzjoni applikabbli, tal-moviment liberu tal-ħaddiema fir-riċerka li jipparteċipaw fl-attivitajiet koperti minn dan il-Ftehim u l-moviment transfruntier tal-prodotti maħsuba għall-użu f'attivitajiet bħal dawn;

(j)

forom oħra ta' kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż permezz ta' approċċi u inizjattivi reġjonali, fuq il-bażi ta' qbil reċiproku.

Artikolu 248

Fit-twettiq tal-attivitajiet ta' kooperazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 247, għandhom jiġu mfittxija sinerġiji ma' attivitajiet reġjonali u attivitajiet oħra mwettqa fil-qafas usa' ta' kooperazzjoni finanzjarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan kif stabbilit fl-Artikoli 261 u 262.

KAPITOLU 4

Kooperazzjoni fl-oqsma tal-midja u awdjoviżivi

Artikolu 249

Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-midja u awdjoviżivi, inkluż permezz tal-iskambju ta' informazzjoni u t-taħriġ għall-ġurnalisti u għal professjonisti oħra tal-midja, iċ-ċinema u awdjoviżivi.

Artikolu 250

Il-Partijiet għandhom jiskambjaw l-informazzjoni u l-aħjar prattiki għall-promozzjoni tal-indipendenza u l-professjonaliżmu tal-midja, ibbażati fuq l-istandards stabbiliti fil-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli, inklużi dawk tal-Unesco u tal-Kunsill tal-Ewropa, fejn xieraq.

KAPITOLU 5

Kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili

Artikolu 251

Il-Partijiet għandhom ikomplu u jsaħħu d-djalogu tagħhom, fil-forma ta' laqgħat u konsultazzjonijiet, u għandhom jikkooperaw dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili, bl-għanijiet li ġejjin:

(a)

biex jissaħħu l-kuntatti u jsir skambju ta' informazzjoni u esperjenza bejn is-setturi kollha tas-soċjetà ċivili fl-Unjoni Ewropea u fir-Repubblika tal-Każakistan, biex ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili minn Parti jsiru midħla tal-proċessi ta' konsultazzjoni u ta' djalogu mal-istituzzjonijiet pubbliċi u s-sħab ċivili użati mill-Parti l-oħra, bl-għan, b'mod partikolari, li jkun hemm aktar ingaġġ min-naħa tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-tfassil tal-politika pubblika;

(b)

biex jiġi żgurat l-involviment tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan, b'mod partikolari fl-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim;

(c)

biex jikoraġġixxu iktar bini ta' kapaċità, indipendenza utrasparenza fis-soċjetà ċivili u jkun appoġġat ir-rwol tagħha fl-iżvilupp ekonomiku, soċjali u politiku tal-Partijiet.

Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet mhux governattivi mill-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan.

Il-Partijiet għandhom jagħtu appoġġ lill-istituzzjonijiet u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi rispettivi li jimplimentaw l-attivitajiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. Il-Partijiet għandhom jikkondividu l-informazzjoni rilevanti kollha dwar programmi ta' kooperazzjoni, formalment u b'mod regolari, minn tal-inqas darba fis-sena.

KAPITOLU 6

Kooperazzjoni fil-qasam tal-isport u l-attività fiżika

Artikolu 252

Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-isport u l-attività fiżika sabiex jgħinu fl-iżvilupp ta' stil ta' san fost l-etajiet kollha, biex jippromwovu l-funzjoni soċjali u l-valuri edukattivi tal-isport u għall-ġlieda kontra t-theddid għall-isport bħad-doping, ir-razziżmu, u l-vjolenza. Il-kooperazzjoni għandha tinkludi, b'mod partikolari, l-iskambju ta' informazzjoni u prattiki tajba.

KAPITOLU 7

Kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili

Artikolu 253

Il-Partijiet jirrikonoxxu l-ħtieġa li jimmaniġġaw, ir-riskji ta' diżastru naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, kemm dawk domestiċi kif ukoll dawk globali

Sabiex iżidu r-reżiljenza tas-soċjetajiet u l-infrastruttura tagħhom, il-Partijiet jaffermaw l-intenzjoni tagħhom għat-titjib tal-miżuri ta' prevenzjoni, ta' mitigazzjoni, ta' preparatezza, u ta' reazzjoni għad-diżastri naturali u diżastri kkawżati mill-bniedem u għall-kooperazzjoni, kif xieraq, f'livell politiku bilaterali u multilaterali sabiex itejbu r-riżultati tal-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri globali.

Il-kooperazzjoni, skont id-disponibbiltà tar-riżorsi suffiċjenti, għandha tappoġġa:

(a)

l-interazzjoni tal-korpi kompetenti, ta' organizzazzjonijiet oħra u ta' individwi li jwettqu attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni ċivili;

(b)

il-koordinazzjoni ta' assistenza reċiproka, jekk mitluba, f'każ ta' diżastri;

(c)

l-iskambju ta' esperjenza fis-sensibilizzazzjoni tal-popolazzjoni dwar il-preparatezza għad-diżastri;

(d)

taħriġ, taħriġ mill-ġdid, titjib tal-ħiliet u taħriġ speċjalizzat fil-qasam tal-protezzjoni ċivili u fl-użu ta' sistemi ta' twissija bikrija.

KAPITOLU 8

Kooperazzjoni fuq l-attivitajiet spazjali

Artikolu 254

Il-Partijiet għandhom jippromwovu, fejn xieraq, kooperazzjoni għal żmien twil fl-oqsma tar-riċerka u żvilupp tal-ispazju ċivili. Il-Partijiet għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil inizjattivi li jipprevedu l-kumplimentarjetà tal-attivitajiet spazjali rispettivi tagħhom.

Artikolu 255

Il-partijiet jistgħu jikkooperaw fl-oqsma tan-navigazzjoni satellitari, l-osservazzjoni tad-dinja, ir-riċerka spazjali u oqsma oħrajn skont l-interessi tal-Partijiet.

KAPITOLU 9

Kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur

Artikolu 256

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur u jilħqu l-kompatibilità bejn is-sistemi tagħhom tal-protezzjoni tal-konsumatur.

Il-kooperazzjoni tista' tinkludi, fejn xieraq:

(a)

l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-politika tal-konsumatur, inklużi r-rekwiżiti tal-kwalità u s-sikurezza tal-prodott, u l-organizzazzjoni ta' sistema ta' sorveljanza tas-suq u mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni;

(b)

il-promozzjoni tal-iskambju ta' esperjenza dwar is-sistemi ta' protezzjoni tal-konsumatur, inkluża l-leġislazzjoni dwar il-konsumatur u l-infurzar tagħha, is-sigurtà tal-prodotti tal-konsumatur, is-sensibilizzazzjoni ta', u l-għoti tas-setgħa lill-konsumatur, kif ukoll mezz ta' rimedju għall-konsumatur;

(c)

il-promozzjoni ta' attivitajiet ta' taħriġ għall-uffiċjali amministrattivi u rappreżentanti oħra tal-interessi tal-konsumatur;

(d)

l-inkoraġġiment tal-iżvilupp ta' assoċjazzjonijiet indipendenti tal-konsumatur u kuntatt bejn ir-rappreżentanti tal-konsumatur.

KAPITOLU 10

Kooperazzjoni reġjonali

Artikolu 257

Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-fehim reċiproku u l-kooperazzjoni bilaterali fil-qasam tal-politika reġjonali bl-għan li jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u li tiżdied il-parteċipazzjoni tar-reġjuni kollha fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-Partijiet.

Artikolu 258

Il-Partijiet għandhom jappoġġaw u jsaħħu l-involviment tal-awtoritajiet fil-livell lokali u dak reġjonali fil-kooperazzjoni reġjonali, skont ftehimiet u arranġamenti internazzjonali eżistenti, sabiex jiġu żviluppati miżuri ta' bini ta' kapaċità u jiġi promoss it-tisħiħ ta' netwerks ekonomiċi u kummerċjali reġjonali.

Artikolu 259

Il-Partijiet għandhom isaħħu u jħeġġu l-iżvilupp ta' elementi ta' kooperazzjoni reġjonali fl-oqsma koperti minn dan il-Ftehim, fost l-oħrajn, it-trasport, l-enerġija, in-netwerks tal-komunikazzjoni, il-kultura, l-edukazzjoni, ir-riċerka, it-turiżmu, ir-riżorsi tal-ilma u tal-ambjent, il-protezzjoni ċivili u oqsma oħra li għandhom influwenza fuq il-kooperazzjoni reġjonali.

KAPITOLU 11

Kooperazzjoni fil-qasam tas-servizz ċivili

Artikolu 260

1.   Il-Partijiet għandhom jiffaċilitaw l-iskambju ta' esperjenza u għarfien fl-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki internazzjonali fis-servizzi pubbliċi u ċivili u fil-bini tal-kapaċità għall-impjegati taċ-ċivil u l-impjegati pubbliċi u l-iżvilupp u t-taħriġ professjonali tagħhom.

2.   Il-Partijiet għandhom jiffaċilitaw id-djalogu dwar miżuri mmirati biex itejbu l-kwalità tas-servizzi pubbliċi u dwar sforzi konġunti biex jippromwovu l-kooperazzjoni multilaterali fil-qafas tal-qalba tas-servizz ċivili reġjonali fir-Repubblika tal-Każakistan.

3.   Fil-qafas imsemmi fil-paragrafu 2, il-Partijiet għandhom jikkooperaw billi jiffaċilitaw, fost l-oħrajn:

(a)

l-iskambju ta' esperti;

(b)

l-organizzazzjoni ta' seminars; u

(c)

l-organizzazzjoni ta' attivitajiet ta' taħriġ.

TITOLU VII

KOOPERAZZJONI FINANZJARJA U TEKNIKA

Artikolu 261

Il-partijiet għandhom ikomplu u jintensifikaw il-kooperazzjoni teknika u finanzjarja attwali, ibbażata fuq sħubija komprensiva u l-prinċipji tal-interess reċiproku, ir-reċiproċità, it-trasparenza, il-prevedibbiltà u l-protezzjoni reċiproka tal-interessi tal-Partijiet.

Sabiex jinkisbu l-objettivi ta' dan il-Ftehim, ir-Repubblika tal-Każakistan tista' tirċievi għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea fil-forma ta' għotjiet u self, possibbilment bi sħubija mal-Bank Ewropew tal-Investiment u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn.

L-assistenza finanzjarja tista' tingħata f'konformità mar-regolamenti rilevanti li jirregolaw il-qafas finanzjarju multiannwali tal-Unjoni Ewropea (27), b'mod partikolari f'forma ta' skambji ta' esperti, it-twettiq ta' riċerka, l-organizzazzjoni ta' fora, konferenzi, seminars u korsijiet ta' taħriġ, għotjiet b'appoġġ għall-programmi u proġetti tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni. Ir-Regolament Finanzjarju (28) u r-Regoli ta' Implimentazzjoni (29) għandhom japplikaw għall-finanzjament mill-Unjoni Ewropea.

L-assistenza finanzjarja għandha tkun ibbażata fuq programmi ta' azzjoni anwali stabbiliti mill-Unjoni Ewropea, wara konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Każakistan.

L-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan jistgħu jikkofinanzjaw programmi u proġetti. Il-Partijiet għandhom jikkoordinaw il-programmi u l-proġetti ta' kooperazzjoni finanzjarja u teknika u jiskambjaw informazzjoni dwar is-sorsi kollha ta' assistenza.

L-effikaċja tal-għajnuna, kif stipulat fid-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-OECD dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna, l-“Istrateġija ta' Qafas dwar ir-Riforma tal-Kooperazzjoni Teknika” tal-Unjoni Ewropea, ir-rapporti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, u t-tagħlimiet meħuda minn programmi ta' kooperazzjoni implementati u attwali tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tal-Każakistan, għandhom ikunu l-bażi għat-twassil tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni Ewropea lir-Repubblika tal-Każakistan.

Artikolu 262

Il-Partijiet għandhom jimplimentaw l-għajnuna finanzjarja u teknika f'konformità mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba u jikkooperaw fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Każakistan. Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri effettivi sabiex jipprevjenu u jiġġieldu l-irregolaritajiet (30), il-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra għad-detriment tal-baġit tal-Unjoni Ewropea u tal-baġit tar-Repubblika tal-Każakistan, permezz ta' assistenza legali reċiproka u assistenza oħra fl-oqsma koperti b'dan il-Ftehim.

Kull ftehim jew strument finanzjarju ulterjuri li għandu jiġi konkluż bejn il-Partijiet matul l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jipprovdi għal klawżoli speċifiċi ta' kooperazzjoni finanzjarja li jkopru spezzjonijiet u kontrolli fuq il-post.

Artikolu 263

Sabiex jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli, il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jiżguraw li l-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jsiru f'koordinazzjoni mill-qrib ma' kontribuzzjonijiet minn sorsi oħra, pajjiżi terzi u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.

Artikolu 264

Prevenzjoni

Il-Partijiet għandhom jivverifikaw regolarment li l-operazzjonijiet iffinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea u kofinanzjati minn fondi tar-Repubblika tal-Każakistan ikunu ġew implimentati kif xieraq u għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jipprevjenu l-irregolaritajiet, il-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra għad-detriment tal-fondi tal-Unjoni Ewropea u tal-fondi ta' kofinanzjament tar-Repubblika tal-Każakistan. Il-Partijiet għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar kull miżura preventiva meħuda.

Artikolu 265

Komunikazzjoni

Il-Partijiet għandhom jinfurmaw lil xulxin, waqt li jinnotifikaw b'mod partikolari l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u l-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Każakistan, dwar każijiet jew każijiet suspettati ta' frodi, korruzzjoni, jew kull irregolarità oħra marbuta mal-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni Ewropea u tal-fondi ta' kofinanzjament tar-Repubblika tal-Każakistan.

Il-Partijiet għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar kull miżura meħuda fir-rigward ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 266

Spezzjonijiet fuq il-post

L-ispezzjonijiet fuq il-post fir-rigward tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni Ewropea għandhom jitħejjew u jitmexxew permezz tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Każakistan, skont il-leġislazzjoni tar-Repubblika tal-Każakistan.

Fil-qafas ta' dan il-Ftehim, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi għandu jkun awtorizzat li jwettaq spezzjonijiet fuq il-post sabiex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, skont ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (31) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 (32) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Artikolu 267

L-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni

Il-korpi kompetenti tar-Repubblika tal-Każakistan għandhom jinvestigaw u jressqu l-qorti, skont il-leġislazzjoni tar-Repubblika tal-Każakistan, każijiet u każijiet suspettati ta' frodi, korruzzjoni u kull attività illegali oħra għad-detriment tal-fondi tal-Unjoni Ewropea u tal-fondi ta' kofinanzjament tar-Repubblika tal-Każakistan. Fejn ikun xieraq, u wara talba formali, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi jista' jassisti l-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Każakistan f'dan il-kompitu.

TITOLU VIII

IL-QAFAS ISTITUZZJONALI

Artikolu 268

Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni

1.   B'dan qed jiġi stabbilit il-Kunsill ta' Kooperazzjoni. Dan għandu jissorvelja u jirrieżamina regolarment l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim. Huwa għandu jiltaqa' f'livell ministerjali darba fis-sena. Huwa għandu jeżamina kull kwistjoni maġġuri li tinqala' fil-kuntest tal-qafas ta' dan il-Ftehim u kull kwistjoni bilaterali jew internazzjonali li tkun ta' interess reċiproku għall-finijiet tal-kisba tal-objettivi ta' dan il-Ftehim.

2.   Għall-finijiet tal-kisba tal-għanijiet ta' dan il-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jieħu d-deċiżjonijiet fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, fil-każijiet previsti fih. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jorbtu lill-Partijiet, li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw id-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu. Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista' jagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet. Huwa għandu jadotta d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet, wara t-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi tagħhom.

3.   Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jaġġorna jew jemenda l-Annessi ta' dan il-Ftehim, abbażi ta' kunsens bejn il-Partijiet, mingħajr preġudizzju lejn ebda dispożizzjoni speċifika skont it-Titolu III (Kummerċ u Negozju).

4.   Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista' jiddelega kull waħda mis-setgħat li għandu lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni, inkluża s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet vinkolanti.

5.   Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet.

6.   Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jiġi ppresedut b'mod alternat minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u rappreżentant tar-Repubblika tal-Każakistan.

7.   Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu.

8.   Kull waħda mill-Partijiet tista' tirreferi kull tilwima dwar l-implimentazzjoni jew l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni, skont l-Artikolu 278.

Artikolu 269

Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni u sottokumitati speċjalizzati

1.   B'dan qed jiġi stabbilit Kumitat ta' Kooperazzjoni. Huwa għandu jassisti lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni fit-twettiq ta' dmirijietu.

2.   Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet, fil-prinċipju f'livell ta' impjegat taċ-ċivil anzjan.

3.   Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jiġi ppresedut b'mod alternat minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u rappreżentant tar-Repubblika tal-Każakistan.

4.   Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jieħu d-deċiżjonijiet fil-każijiet previsti f'dan il-Ftehim u f'oqsma li fihom il-Kunsill ta' Kooperazzjoni ddelega s-setgħat lilu. Dawk id-deċiżjonijiet għandhom ikunu vinkolanti fuq il-Partijiet, li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw id-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu. Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet, wara t-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi tagħhom. Ir-responsabbiltajiet tiegħu għandhom jinkludu t-tħejjija ta' laqgħat tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni.

5.   Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni jista' jiltaqa' f'konfigurazzjoni speċifika biex jindirizza l-kwistjonijiet rilevanti marbuta mat-Titolu III (Kummerċ u Negozju).

6.   Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi sottokumitati jew korp speċjalizzat ieħor li jista' jassistih fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu u għandu jiddetermina l-kompożizzjoni u d-dmirijiet ta' dawn is-sottokumitati jew korpi u kif għandhom jiffunzjonaw.

7.   Fir-Regoli ta' Proċedura tiegħu, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jiddetermina d-doveri u l-funzjonament tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni u ta' kull sottokumitat jew korp stabbilit mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni.

Artikolu 270

Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari

1.   B'dan qed jiġi stabbilit il-Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari. Dan għandu jkun magħmul minn Membri tal-Parlament Ewropew, min-naħa waħda, u Membri tal-Parlament tar-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra, u għandu jkun forum għalihom sabiex jiltaqgħu u jiskambjaw il-fehmiet. Huwa għandu jiltaqa' f'intervalli li jiddetermina huwa stess.

2.   L-attività tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari għandu jkollha l-għan li tiżviluppa kooperazzjoni parlamentari effettiva u ta' benefiċċju reċiproku bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament tar-Repubblika tal-Każakistan.

3.   Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu.

4.   Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari għandu jiġi ppresedut b'mod alternat mill-Parlament Ewropew u mill-Parlament tar-Repubblika tal-Każakistan rispettivament, skont id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti fir-regoli ta' proċedura tiegħu.

5.   Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari jista' jitlob l-informazzjoni rilevanti li tirrigwarda l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni, li mbagħad jagħti l-informazzjoni mitluba lill-Kumitat.

6.   Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari għandu jiġi infurmat bid-deċiżjonijiet u bir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni.

7.   Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni.

TITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 271

Aċċess għall-qrati u organi amministrattivi

Fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, kull Parti timpenja ruħha biex tiżgura li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi tal-Parti l-oħra jkollhom aċċess, liberu mid-diskriminazzjoni u taħt kundizzjonijiet simili għal dawk tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi tagħhom stess, għall-qrati u għall-korpi amministrattivi kompetenti tagħhom, sabiex jiddefendu d-drittijiet individwali u d-drittijiet ta' proprjetà tagħhom.

Artikolu 272

Delega ta' awtorità

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor f'dan il-Ftehim, kull Parti għandha tiżgura li persuna li tkun ġiet delegata awtorità regolatorja, amministrattiva jew governattiva oħra minn Parti f'kull livell ta' gvern, bħas-setgħa li tagħti liċenzji ta' importazzjoni jew esportazzjoni jew liċenzji għal attivitajiet ekonomiċi oħrajn, għall-approvazzjoni ta' tranżazzjonijiet kummerċjali jew l-impożizzjoni ta' kwoti, tariffi jew ħlasijiet oħra, taġixxi, fl-eżerċizzju ta' dik l-awtorità, skont l-obbligi ta' dik il-Parti kif stabbilit f'dan il-Ftehim.

Artikolu 273

Restrizzjonijiet f'każ ta' bilanċ ta' pagamenti u diffikultajiet finanzjarji esterni

1.   Fejn Parti tesperjenza diffikultajiet serji fil-bilanċ ta' pagamenti jew diffikultajiet finanzjarji esterni, jew fejn ikun hemm theddida ta' dan, hija tista' tadotta jew iżżomm miżuri ta' salvagwardja jew miżuri restrittivi li jaffettwaw il-movimenti ta' kapital, pagamenti jew trasferimenti ta' flus.

2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom:

(a)

ma jittrattawx Parti b'mod inqas favorevoli minn persuna li mhijiex Parti f'sitwazzjonijiet simili;

(b)

ikunu konsistenti mal-Artikoli ta' Ftehim tal-Fond Monetarju Internazzjonali, kif applikabbli;

(c)

jevitaw ħsara mhux meħtieġa għall-interessi kummerċjali, ekonomiċi jew finanzjarji tal-Parti l-oħra;

(d)

ikunu temporanji u eliminati gradwalment b'mod progressiv hekk kif is-sitwazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1 titjieb.

3.   Fil-każ ta' kummerċ fi prodotti, Parti tista' tadotta jew iżżomm miżuri restrittivi sabiex tissalvagwardja l-pożizzjoni tal-bilanċ ta' pagamenti jew il-pożizzjoni finanzjarja esterna tagħha. Tali miżuri għandhom ikunu skont il-GATT 1994 u l-Qbil dwar id-Dispożizzjonijiet tal-Bilanċ tal-Pagamenti tal-GATT 1994.

4.   Fil-każ ta' kummerċ fis-servizzi, Parti tista' tadotta miżuri restrittivi sabiex tissalvagwardja il-pożizzjoni tal-bilanċ ta' pagamenti jew il-pożizzjoni finanzjarja esterna tagħha. Tali miżuri għandhom ikunu skont il-GATS.

5.   Kull Parti li żżomm jew li tkun adottat miżuri restrittivi msemmija fil-paragrafu 1 u 2 għandha tinforma minnufih lill-Parti l-oħra dwarhom u tippreżenta, kemm jista' jkun malajr, skeda taż-żmien għat-tneħħija tagħhom.

6.   Meta r-restrizzjonijiet jiġu adottati jew miżmuma skont dan l-Artikolu, għandhom isiru konsultazzjoni minnufih fil-Kumitat ta' Kooperazzjoni, jekk dawn il-konsultazzjonijiet ma jitwettqux b'xi mod ieħor barra l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-Ftehim.

7.   Il-konsultazzjonijiet għandhom jivvalutaw il-bilanċ ta' pagamenti jew id-diffikultajiet finanzjarji esterni li wasslu għall-miżuri rispettivi, waqt li jitqiesu, fost l-oħrajn, fatturi bħal:

(a)

in-natura tad-diffikultajiet u l-firxa tagħhom;

(b)

l-ambjent ekonomiku u kummerċjali estern; jew

(c)

miżuri korrettivi alternattivi li jistgħu jkunu disponibbli.

8.   Il-konsultazzjonijiet għandhom jindirizzaw il-konformità ta' kull miżura restrittiva mal-paragrafi 1 u 2.

9.   F'konsultazzjonijiet bħal dawn, is-sejbiet statistiċi kollha u fatti oħrajn ippreżentati mill-FMI li għandhom x'jaqsmu mal-munita barranija, ir-riżervi monetarji u l-bilanċ tal-pagamenti għandhom jiġu aċċettati mill-Partijiet u l-konklużjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq il-valutazzjoni mill-FMI tal-pożizzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti u tal-pożizzjoni finanzjarja esterna tal-Parti kkonċernata.

Artikolu 274

Miżuri relatati ma' interessi essenzjali ta' sigurtà

Xejn f'dan il-Ftehim m'għandu jinftiehem:

(a)

li jeħtieġ li xi Parti tagħti xi informazzjoni, li d-divulgazzjoni tagħha tqis bħala kuntrarju għall-interessi tas-sigurtà essenzjali tagħha;

(b)

li jipprevjeni lil xi Parti milli tieħu azzjoni li hi tikkunsidra meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi tas-sigurtà essenzali tagħha:

(i)

marbuta mal-produzzjoni jew mal-kummerċ ta' armi, munizzjoni jew materjal tal-gwerra;

(ii)

marbuta ma' attivitajiet ekonomiċi mwettqa direttament jew indirettament biex jiġi fornut stabbiliment militari;

(iii)

marbuta ma' materjal fissili u fużjonabbli jew ma' materjali derivati minnhom;

(iv)

marbuta ma' akkwist pubbliku mill-gvern indispensabbli għas-sikurezza nazzjonali jew għall-finijiet ta' difiża; jew

(v)

meħuda fiż-żmien ta' gwerra jew emerġenza oħra fir-relazzjonijiet internazzjonali; jew

(c)

li timpedixxi lil xi Parti milli tieħu xi tip ta' azzjoni biex tfittex li twettaq l-obbligi li hi aċċettat biex iżomm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

Artikolu 275

In-nondiskriminazzjoni

1.   Fl-oqsma li huma koperti minn dan il-Ftehim u mingħajr preġudizzju għal xi dispożizzjoni speċjali inklużi fih:

(a)

l-arranġamenti applikati mir-Repubblika tal-Każakistan fir-rigward tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha m'għandhom jagħtu lok għall-ebda diskriminazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi tagħhom;

(b)

l-arranġamenti applikati mill-Unjoni Ewropea jew mill-Istati Membri tagħha fir-rigward tar-Repubblika tal-Każakistan m'għandhom jagħtu lok għall-ebda diskriminazzjoni bejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi tar-Repubblika tal-Każakistan.

2.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Partijiet li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġislazzjoni fiskali tagħhom għall-kontribwenti li mhumiex f'sitwazzjonijiet identiċi fejn għandu x'jaqsam il-post ta' residenza tagħhom.

Artikolu 276

It-tassazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu japplika biss għall-miżuri ta' tassazzjoni sa fejn tali applikazzjoni tkun neċessarja biex tagħti effett lid-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

2.   Xejn f'dan il-Ftehim m'għandu jinftiehem li jimpedixxi l-adozzjoni jew l-infurzar ta' xi miżura mmirata lejn l-impediment tal-evitar jew l-evażjoni tat-taxxi skont id-dispożizzjonijiet tat-taxxa fi ftehimiet sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja, arranġamenti oħra ta' taxxa jew leġislazzjoni fiskali domestika.

Artikolu 277

It-twettiq tal-obbligi

1.   Il-Partijiet għandhom jieħdu kull miżura meħtieġa għat-twettiq tal-obbligi tagħhom skont dan il-Ftehim. Huma għandhom jiżguraw li l-għanijiet stabbiliti f'dan il-Ftehim jintlaħqu.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin minnufih permezz ta' kanali xierqa, wara t-talba ta' xi waħda mill-Partijiet, sabiex tiġi diskussa kull kwistjoni li tikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim u aspetti rilevanti oħra tar-relazzjonijiet bejn il-Partijiet.

3.   Kull Parti għandha tirreferi lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni kull tilwima relatata mal-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim skont l-Artikolu 278.

4.   Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista' jsolvi tilwima skont l-Artikolu 278 u permezz ta' deċiżjoni vinkolanti.

Artikolu 278

Soluzzjoni tat-tilwim

1.   Meta tinqala' tilwima bejn il-Partijiet rigward l-interpertazzjoni jew l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, waħda mill-Partijiet għandha tippreżenta talba formali lill-Parti l-oħra u lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni biex il-kwistjoni tat-tilwima tiġi solvuta. B'deroga, it-tilwimiet dwar l-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni tat-Titolu III (Kummerċ u Negozju) għandhom jiġu rregolati esklussivament mill-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim) tat-Titolu III (Kummerċ u Negozju).

2.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex isolvu t-tilwima billi b'rieda tajba jersqu għall-konsultazzjonijit mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 268, bl-għan li jaslu għal soluzzjoni aċċettabbli b'mod reċiproku, kemm jista' jkun malajr. Il-konsultazzjonijiet dwar tilwima jistgħu jsiru wkoll f'laqgħat tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni jew f'kull sottokumitat jew korp rilevanti ieħor stabbilit fuq il-bażi tal-Artikolu 269, kif miftiehem bejn il-Partijiet jew wara talba ta' xi waħda mill-Partijiet. Il-konsultazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll bil-miktub.

3.   Il-Partijiet għandhom jipprovdu lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni, lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni jew lil kull sottokumitat jew korp rilevanti ieħor bl-informazzjoni kollha meħtieġa għal eżami dettaljat tas-sitwazzjoni.

4.   Tilwima għandha titqies riżolta meta l-Kunsill ta' Kooperazzjoni jieħu deċiżjoni vinkolanti biex isolvi l-kwistjoni kif previst fl-Artikolu 277, jew meta huwa jkun iddikjara li t-tilwima waslet fi tmiemha.

5.   L-informazzjoni kollha divulgata matul il-konsultazzjoni għandha tibqa' kunfidenzjali.

Artikolu 279

Miżuri xierqa fil-każ tan-nuqqas ta' eżekuzzjoni tal-obbligi

1.   Jekk il-kwistjoni ma tissolviex fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika ta' talba formali għal soluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 278, u jekk il-Parti lmentatriċi tqis li l-Parti l-oħra tkun naqset milli twettaq xi obbligu skont dan il-Ftehim, din tista' tieħu l-miżuri xierqa, għajr fil-każ ta' tilwimiet li jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni tat-Titolu III (Kummerċ u Negozju).

2.   B'deroga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, kull Parti tista' tieħu miżuri xierqa minnufih fir-rigward ta' dan il-Ftehim skont id-dritt internazzjonali f'każ ta':

(a)

denunzja ta' dan il-Ftehim mhux sanzjonata mir-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 60(3) tal-Konvenzjoni ta' Vjenna tal-1969 dwar il-Liġi tat-Trattati; jew

(b)

ksur mill-Parti l-oħra ta' xi wieħed mill-elementi essenzjali ta' dan il-Ftehim imsemmi fl-Artikoli 1 u 11 ta' dan il-Ftehim.

F'dawk il-każijiet, il-miżura xierqa għandha tiġi nnotifikata minnufih lill-Parti l-oħra. Fuq talba tal-Parti l-oħra, il-konsultazzjonijiet għandhom jinżammu għal perijodu sa 20 jum. Wara dan il-perijodu, għandha tapplika din il-miżura.

3.   Fl-għażla tal-miżuri xierqa, għandha tingħata prijorità lil dawk li l-inqas ixekklu l-funzjonament ta' dan il-Ftehim u li huma proporzjonati man-natura u s-serjetà tal-ksur. Dawk il-miżuri għandhom jiġu notifikati minnufih lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni u għandhom jkunu s-suġġett ta' konsultazzjonijiet immedjati, li matulhom kull Parti jkollha d-dritt li tneħħi l-ksur inkwistjoni.

Artikolu 280

L-aċċess pubbliku għad-dokumenti uffiċjali

Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim għandhom ikunu mingħajr preġudizzjoni għall-applikazzjoni tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Partijiet rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti uffiċjali.

Artikolu 281

Id-dħul fis-seħħ, l-applikazzjoni provviżorja, id-durata u t-terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea permezz ta' mezzi diplomatiċi dwar it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dak l-għan.

2.   It-Titolu III (Kummerċ u Negozju) għandu japplika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fih, mid-data tad-dħul fis-seħħ imsemmija fil-paragrafu 1, bil-kundizzjoni li r-Repubblika tal-Każakistan tkun saret membru tad-WTO sa dik id-data. Fil-każ li r-Repubblika tal-Każakistan issir Membru tad-WTO wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, it-Titolu III (Kummerċ u Negozju) għandu japplika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fih, mid-data li fiha r-Repubblika tal-Każakistan tkun saret Membru tad-WTO.

3.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan jistgħu japplikaw dan il-Ftehim b'mod provviżorju, b'mod sħiħ jew partijiet minnu, skont il-proċeduri interni ripettivi u l-leġislazzjoni, kif applikabbli.

4.   L-applikazzjoni provviżorja tibda fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara d-data li fiha:

(a)

l-Unjoni Ewropea tkun innotifikat lir-Repubblika tal-Każakistan dwar it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa, b'indikazzjoni, fejn rilevanti, tal-partijiet ta' dan il-Ftehim li għandhom ikunu applikati b'mod provviżorju; u

(b)

ir-Repubblika tal-Każakistan tkun għarrfet lill-Unjoni Ewropea dwar ir-ratifika ta' dan il-Ftehim.

5.   It-Titolu III (Kummerċ u Negozju) ta' dan il-Ftehim għandu japplika b'mod provviżorju, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fih, mid-data tal-applikazzjoni provviżorja msemmija fil-paragrafu 4, sakemm ir-Repubblika tal-Każakistan tkun saret membru tad-WTO sa dik id-data. Fil-każ li r-Repubblika tal-Każakistan issir membru tad-WTO wara d-data tal-applikazzjoni provviżorja ta' dan il-Ftehim iżda qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, it-Titolu III (Kummerċ u Negozju) għandu japplika b'mod provviżorju, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fih, mid-data li fiha r-Repubblika tal-Każakistan issir Membru tad-WTO.

6.   Għall-iskop tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan il-Ftehim, inklużi l-Annessi u l-Protokolli tiegħu, kull referenza f'tali dispożizzjonijiet għad-“data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim” għandha tinftiehem li tirreferi wkoll għad-“data minn meta dan il-Ftehim jiġi applikat b'mod provviżorju” skont il-paragrafi 4 u 5.

7.   Mad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fit-23 ta' Jannar 1995 u fis-seħħ mill-1 ta' Lulju 1999, għandu jintemm.

Matul il-perijodu tal-applikazzjoni provviżorja, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra, li ġie ffirmat fi Brussell fit-23 ta' Jannar 1995 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999, jibqgħu japplikaw sakemm ma jkunux koperti mill-applikazzjoni provviżorja ta' dan il-Ftehim.

8.   Dan il-Ftehim jissostitwixxi l-Ftehim imsemmi fil-paragrafu 7. Ir-referenzi għal dak il-ftehim fil-ftehimiet l-oħrajn kollha bejn il-Partijiet għandhom jiġu interpretati bħala li jirreferu għal dan il-Ftehim.

9.   Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perijodu indefinit, bil-possibbiltà ta' terminazzjoni minn kull waħda mill-Partijiet permezz ta' notifika bil-miktub mibgħuta lill-Parti l-oħra permezz ta' mezzi diplomatiċi. It-terminazzjoni għandha ssir effettiva sitt xhur wara l-wasla tan-notifika għand waħda mill-Partijiet sabiex jintemm dan il-Ftehim. Tali terminazzjoni m'għandhiex taffettwa l-proġetti għaddejjin mibdija skont dan il-Ftehim qabel il-wasla tan-notifika.

10.   Kull Parti tista' ttemm l-applikazzjoni provviżorja permezz ta' notifika bil-miktub mibgħuta lill-Parti l-oħra permezz ta' mezzi diplomatiċi. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ sitt xhur wara l-wasla tan-notifika għand waħda mill-Partijiet sabiex tintemm l-applikazzjoni provviżorja ta' dan il-Ftehim. Tali terminazzjoni m'għandhiex taffettwa l-proġetti għaddejjin mibdija skont dan il-Ftehim qabel il-wasla tan-notifika.

Artikolu 282

Ftehimiet eżistenti bejn il-Partijiet relatati ma' oqsma speċifiċi ta' kooperazzjoni li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali ġenerali tagħhom kif regolati b'dan il-Ftehim u għandhom jiffurmaw parti minn qafas istituzzjonali komuni.

Artikolu 283

1.   Il-Partijiet jistgħu b'kunsens reċiproku jemendaw, jirrevedu, u jespandu dan il-Ftehim bil-ħsieb li jtejbu l-livell ta' kooperazzjoni.

2.   Il-Partijiet jistgħu jikkumplimentaw dan il-Ftehim billi jikkonkludu ftehimiet internazzjonali speċifiċi bejniethom f'kull qasam li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu. Dawn il-ftehimiet internazzjonali speċifiċi bejn il-Partijiet għandhom ikunu parti integrali mir-relazzjonijiet bilaterali ġenerali tagħhom, kif irregolati b'dan il-Ftehim u għandhom jiffurmaw parti minn qafas istituzzjonali komuni.

Artikolu 284

Annessi u Protokolli

L-Annessi u l-Protokolli ta' dan il-Ftehim għandhom jiffurmaw parti integrali minnu.

Artikolu 285

Id-definizzjoni ta' il-Partijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, it-terminu “il-Partijiet” għandu jfisser l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha, jew l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, skont is-setgħat rispettivi tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra.

Artikolu 286

Applikazzjoni territorjali

Dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorji li fihom jiġu applikati t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u bil-kundizzjonijiet stipulati f'dawk it-Trattati, u għat-territorju tar-Repubblika tal-Każakistan.

Artikolu 287

Testi awtentiċi

Dan il-Ftehim huwa mfassal f'żewġ kopji, bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża, Svediża, Każakistana u Russa, b'kull test ugwalment awtentiku.

B'XHIEDA TA' DAN, ir-rappreżentanti rispettivi ffirmaw dan il-Ftehim.

Съставено в Астана на двадесет и първи декември две хиляди и петнадесета година.

Hecho en Astana, el veintiuno de diciembre de dos mil quince.

V Astaně dne dvacátého prvního prosince dva tisíce patnáct.

Udfærdiget i Astana den enogtyvende december to tusind og femten.

Geschehen zu Astana am einundzwanzigsten Dezember zweitausendfünfzehn.

Kahe tuhande viieteistkümnenda aasta detsembrikuu kahekümne esimesel päeval Astanas.

Έγινε στην Άστανα, στις είκοσι μία Δεκεμβρίου δύο χιλιάδες δεκαπέντε.

Done at Astana on the twenty first day of December in the year two thousand and fifteen.

Fait à Astana, le vingt et un décembre deux mille quinze.

Sastavljeno u Astani dvadeset prvog prosinca dvije tisuće petnaeste.

Fatto a Astana, addì ventuno dicembre duemilaquindici.

Astanā, divi tūkstoši piecpadsmitā gada divdesmit pirmajā decembrī.

Priimta du tūkstančiai penkioliktų metų gruodžio dvidešimt pirmą dieną Astanoje.

Kelt Asztanában, a kétezer-tizenötödik év december havának huszonegyedik napján.

Magħmul f’Astana, fil-wieħed u għoxrin jum ta’ Diċembru fis-sena elfejn u ħmistax.

Gedaan te Astana, eenentwintig december tweeduizend vijftien.

Sporządzono w Astanie dnia dwudziestego pierwszego grudnia roku dwa tysiące piętnastego.

Feito em Astana, em vinte e um de dezembro de dois mil e quinze.

Întocmit la Astana la douăzeci și unu decembrie două mii cincisprezece.

V Astane dvadsiateho prvého decembra dvetisícpätnásť.

V Astani, dne enaindvajsetega decembra leta dva tisoč petnajst.

Tehty Astanassa kahdentenakymmenentenäensimmäisenä päivänä joulukuuta vuonna kaksituhattaviisitoista.

Som skedde i Astana den tjugoförsta december år tjugohundrafemton.

Екі мың он бесінші жылғы жиырма бірінші желтоқсанда Астанада жасалды.

Совершено в Астане двадцать первого декабря две тысячи пятнадцатого года.

Voor het Koninkrijk België

Pour le Royaume de Belgique

Für das Königreich Belgien

Image

Deze handtekening verbindt eveneens de Vlaamse Gemeenschap, de Franse Gemeenschap, de Duitstalige Gemeenschap, het Vlaamse Gewest, het Waalse Gewest en het Brussels Hoofdstedelijk Gewest.

Cette signature engage également la Communauté française, la Communauté flamande, la Communauté germanophone, la Région wallonne, la Région flamande et la Région de Bruxelles-Capitale.

Diese Unterschrift bindet zugleich die Deutschsprachige Gemeinschaft, die Flämische Gemeinschaft, die Französische Gemeinschaft, die Wallonische Region, die Flämische Region und die Region Brüssel-Hauptstadt.

За Република България

Image

Za Českou republiku

Image

For Kongeriget Danmark

Image

Für die Bundesrepublik Deutschland

Image

Eesti Vabariigi nimel

Image

Thar cheann Na hÉireann

For Ireland

Image

Για την Ελληνική Δημοκρατία

Image

Por el Reino de España

Image

Pour la République française

Image

Za Republiku Hrvatsku

Image

Per la Repubblica italiana

Image

Για την Κυπριακή Δημοκρατία

Image

Latvijas Republikas vārdā –

Image

Lietuvos Respublikos vardu

Image

Pour la Grand-Duché de Luxembourg

Image

Magyarország részéről

Image

Għar-Repubblika ta' Malta

Image

Voor het Koninkrijk der Nederlanden

Image

Für die Republik Österreich

Image

W imieniu Rzeczypospolitej Polskiej

Image

Pela República Portuguesa

Image

Pentru România

Image

Za Republiko Slovenijo

Image

Za Slovenskú republiku

Image

Suomen tasavallan puolesta

För Republiken Finland

Image

För Konungariket Sverige

Image

For the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland

Image

За Европейския съюз

Рог la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l'Union européenne

Za Europsku uniju

Per l'Unione europea

Eiropas Savienības vārdā –

Europos Sąjungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

Image

Казакстан Республикасы ушін

За Республику Казахстан

Image


(1)  Il-fatt biss li tkun meħtieġa viża għall-persuni fiżiċi ta' ċerti pajjiżi u mhux għal dawk ta' pajjiżi oħra m'għandux jitqies bħala li jħassar jew idgħajjef il-benefiċċji skont dan il-Ftehim.

(2)  Persuna ġuridika tkun ikkontrollata minn persuna ġuridika oħra jekk din tal-aħħar ikollha s-setgħa li taħtar maġġoranza tad-diretturi tagħha jew inkella li tidderieġi legalment l-azzjonijiet tagħha.

(3)  It-termini “kostituzzjoni” u “akkwiżizzjoni” ta' persuna ġuridika għandu jinftiehem bħala li jinkludi l-parteċipazzjoni kapitali f'persuna ġuridika bl-iskop li jiġu stabbiliti jew miżmuma rabtiet ekonomiċi fit-tul.

(4)  Uffiċċji rappreżentattivi ta' persuna ġuridika tal-Parti l-oħra ma jitħallewx iwettqu attività ekonomika fuq bażi kummerċjali fit-territorju tar-Repubblika tal-Każakistan. L-Unjoni Ewropea tirriżerva d-dritt li tirreċiproka f'dan ir-rigward.

(5)  Għal aktar ċarezza, għall-fini ta' dan il-kapitolu, is-servizzi għandhom jitqiesu li huma dawk elenkati fid-dokument tad-WTO MTN.GNS/W/120 fil-verżjoni aġġornata tiegħu.

(6)  Għar-Repubblika tal-Każakistan ir-referenza tinkludi l-Kapitolu dwar is-Servizzi tal-Protokoll dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Każakistan fid-WTO.

(7)  Għal aktar ċarezza, l-imsieħba għandhom ikunu parti mill-istess persuna ġuridika.

(8)  Il-kuntratt ta' servizz għandhom jikkonforma mal-liġijiet, ir-regolamenti u r-rekwiżiti legali tal-Parti fejn jitwettaq il-kuntratt.

(9)  Għal aktar ċarezza, ir-riżervi jinkludu wkoll riżervi fid-definizzjonijiet tal-kategoriji ta' ħaddiema bi trasferiment intraażjendali jew viżitaturi kummerċjali għal finijiet ta' stabbiliment.

(10)  Ir-rekwiżiti l-oħra kollha, il-liġijiet u r-regolamenti dwar id-dħul, il-permanenza u x-xogħol għandhom ikomplu japplikaw.

(11)  Għal aktar ċarezza, għar-Repubblika tal-Każakistan, “test tal-ħtiġijiet ekonomiċi” tfisser proċeduri mwettqa minn persuna ġuridika tar-Repubblika tal-Każakistan meta tattira fornituri ta' servizzi kuntrattwali, fejn irrid jittieħed kont tal-amissjoni ta' forza tax-xogħol barranija ibbażata fuq il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol nazzjonali. Dawn il-kondizzjonijiet jiġu ssodisfati meta wara l-pubblikazzjoni ta' avviż ta' post battal fil-mezzi tax-xandir u wara tfittxija għal persuna kompetenti fid-database tal-awtorità kompetenti, l-ebda applikant ma jissodisfa r-rekwiżiti deskritti f'dak l-impjieg. Dan m'għandux jieħu aktar minn xahar. Huwa biss wara din il-proċedura li l-persuna ġuridika tista' tiffinalizza l-proċedura għar-reklutaġġ ta' fornituri ta' servizzi kuntrattwali.

(12)  Għal aktar ċarezza, ir-riżervi jinkludu wkoll riżervi fid-definizzjonijiet tal-kategoriji.

(13)  Għar-Repubblika tal-Każakistan ir-referenza tinkludi t-Taqsima dwar is-Servizzi tal-Protokoll rigward l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Każakistan fid-WTO.

(14)  It-tariffi tal-liċenzji ma jinkludux it-tariffi għall-użu ta' riżorsi naturali, il-pagamenti għall-irkant, l-offerta ta' prezzijiet jew mezzi oħra nondiskriminatorji għall-għoti ta' konċessjonijiet, jew kontribuzzjonijiet mandatorji għall-provvista ta' servizzi universali.

(15)  L-eċċezzjoni tal-ordni pubbliku tista' tiġi invokata biss meta jkun hemm theddida serja ġenwina u suffiċjenti għal wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà.

(16)  Il-miżuri li huma mmirati lejn l-assigurazzjoni tal-impożizzjoni jew il-ġbir effettiv jew ekwu ta' taxxi diretti jinkludu miżuri meħuda mill-Parti skont is-sistema tat-tassazzjoni tagħha li:

(i)

japplikaw għal investituri u fornituri ta' servizzi mhux residenti b'rikonoxximent tal-fatt li l-obbligu tat-taxxa ta' persuni mhux residenti huwa determinat fir-rigward ta' oġġetti taxxabbli li jinkisbu jew jinsabu fit-territorju tal-Parti;

(ii)

japplikaw għal dawk li mhumiex residenti sabiex jassiguraw l-impożizzjoni jew il-ġbir ta' taxxi fit-territorju tal-Parti;

(iii)

japplikaw għal persuni mhux residenti jew għar-residenti sabiex jipprevjenu l-evitar jew l-evażjoni tat-taxxi, inklużi l-miżuri ta' konformità;

(iv)

japplikaw għall-konsumaturi ta' servizzi pprovduti fi jew mit-territorju ta' Parti oħra sabiex jiżguraw l-impożizzjoni jew il-ġbir ta' taxxi fuq tali konsumaturi derivati minn sorsi fit-territorju tal-Parti;

(v)

jagħżlu investituri u fornituri ta' servizzi soġġetti għat-taxxa fuq oġġetti taxxabbli madwar id-dinja kollha minn investituri u fornituri ta' servizzi oħra, b'rikonoxximent tad-differenza fin-natura tal-bażi tat-taxxa bejniethom; jew

(vi)

jistabbilixxu, jallokaw jew jaqsmu d-dħul, il-profitt, il-qligħ, it-telf, it-tnaqqis jew il-kreditu ta' persuni jew fergħat residenti, jew bejn persuni jew fergħat relatati tal-istess persuna, sabiex jissalvagwardjaw il-bażi tat-taxxa tal-Parti.

It-termini jew il-kunċetti tat-taxxa fil-punt (f) u f'din in-nota f'qiegħ il-paġna huma determinati skont id-definizzjonijiet u kunċetti tat-taxxa, jew definizzjonijiet u kunċetti ekwivalenti jew simili, skont il-liġi nazzjonali tal-Parti li tieħu l-miżura.

(17)  It-terminu “reġjonali” jirreferi għal organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika li jistabbilixxu suq intern li jiżgura l-moviment liberu ta' merkanzija u servizzi.

(18)  Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu, “reġistrazzjoni” tfisser l-inkorporazzjoni ta' ħsejjes, jew tar-rappreżentazzjonijiet tagħhom, li minnhom jistgħu jkunu perċepiti, riprodotti jew ikkomunikati permezz ta' apparat.

(19)  Parti tista' skont il-liġi nazzjonali tillimita d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għal atti ta' bejgħ mill-ġdid li jinvolvu negozjanti f'xogħlijiet tal-arti.

(20)  Fl-Unjoni Ewropea din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal prodotti modulari.

(21)  It-terminu “prodott farmaċewtiku” f'dan il-Kapitolu jirreferi, fil-każ tal-Unjoni Ewropea, għal prodotti mediċinali kif definiti fid-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem.

(22)  Għall-finijiet tal-Artikoli 98 sa 110, it-terminu “drittijiet tal-proprjetà intellettwali” għandu jinkludi mill-inqas id-drittijiet li ġejjin: id-drittijiet tal-awtur; id-drittijiet relatati mad-dritt tal-awtur; id-dritt sui generis tal-ħallieq ta' database; drittijiet ta' min joħloq topografiji ta' prodott semikunduttur; drittijiet tat-trademarks; drittijiet tad-disinn; drittijiet tal-privattivi, inklużi d-drittijiet miksuba minn ċertifikati ta' ħarsien supplementari; indikazzjonijiet ġeografiċi; id-drittijiet ta' mudelli ta' utilità; id-drittijiet għal varjetajiet ta' pjanti u ismijiet kummerċjali, sa fejn dawn ikunu protetti bħala drittijiet esklussivi mil-liġi nazzjonali.

(23)  L-Unjoni Ewropea għandha titqies li tkun ikkonformat ma' dan l-obbligu jekk tinnotifika kull rettifika lir-Repubblika tal-Każakistan b'mod parallel għaċ-ċiklu ta' notifiki fil-qafas tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi tad-WTO.

(24)  Sussidju huwa proporzjonat jekk l-ammont tiegħu huwa limitat għal dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan.

(25)  Il-punt ta' informazzjoni għar-Repubblika tal-Każakistan huwa l-punt ta' informazzjoni stabbilit skont il-Ftehim GATS.

(26)  “Nullifikazzjoni u indeboliment” hija interpretata bħala “nullifikazzjoni u indeboliment” skont il-Qbil dwar ir-Regoli u l-Proċeduri li Jirregolaw is-Soluzzjonijiet għat-Tilwim tad-WTO.

(27)  B'mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perijodu 2014-2020 (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44) u r-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 95).

(28)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(29)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(30)  Kif definit fir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, “irregolarità” għandha tfisser kull ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea, ta' dan il-Ftehim jew ftehimiet u kuntratti li jsegwu minnu, li jirriżulta minn att jew nuqqas ta' operatur ekonomiku, li għandu, jew li jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew il-baġits mmexxija minnha, jew permezz ta' tnaqqis jew telf tad-dħul li jakkumula mir-riżorsi proprji miġbura direttament f'isem l-Unjoni Ewropea, jew permezz ta' nefqa mhux ġustifikata.

(31)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2; Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 09 Volum 01 p. 303).

(32)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).


ANNESS I

RIŻERVI F'KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU 46

A.   RIŻERVI MIR-REPUBBLIKA TAL-KAŻAKISTAN

Ir-Repubblika tal-Każakistan tirriżerva d-dritt li żżomm jew li tadotta kull miżura inkonsistenti ma' impenji ta' trattament nazzjonali kif stipulati hawn taħt:

1.   Is-settur tas-sottosuperfiċe

1.1.

L-użu tas-superfiċje u tas-sottosuperfiċe tar-Repubblika tal-Każakistan huwa soġġett għall-istabbiliment fil-forma ta' persuna ġuridika tar-Repubblika tal-Każakistan (jiġifieri kumpannija sussidjarja).

1.2.

L-Istat għandu dritt ta' prijorità biex jixtri d-dritt għall-użu tas-sottosuperfiċe (jew parti minnha) u/jew oġġett relatat mad-drittijiet tal-użu tas-sottosuperfiċe.

2.   Riżorsi u oġġetti strateġiċi

Ir-Repubblika tal-Każakistan tista' tirrifjuta li tippermetti persuni ġuridiċi kkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi tal-Unjoni Ewropea u l-fergħat tagħhom stabbiliti fit-territorju tar-Repubblika tal-Każakistan sabiex iwettqu tranżazzjonijiet fir-rigward tal-użu ta' riżorsi strateġiċi u/jew ix-xiri ta' oġġetti strateġiċi fir-Repubblika tal-Każakistan, jekk dan l-użu jew xiri jista' jwassal għal konċentrazzjoni ta' drittijiet b'persuna jew grupp ta' persuni mill-istess pajjiżi. Il-konformità ma' din il-kundizzjoni hija wkoll mandatorja fir-rigward ta' affiljati kif definiti fil-leġislazzjoni rilevanti tar-Repubblika tal-Każakistan (1). Ir-Repubblika tal-Każakistan tista' tistabbilixxi limiti fuq id-drittijiet tas-sjieda u t-trasferiment tad-drittijiet ta' sjieda għal riżorsi u oġġetti strateġiċi tar-Repubblika tal-Każakistan bbażati fuq l-interessi tas-sigurtà nazzjonali.

3.   Il-proprjetà immobbli

3.1.

Persuni ġuridiċi kkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi tal-Unjoni Ewropea u l-fergħat tagħhom stabbiliti fit-territorju tar-Repubblika tal-Każakistan ma jistgħux b'mod privat jippossjedu artijiet użati għall-għanijiet ta' biedja/produzzjoni agrikola jew għall-ippjanar tal-foresti. Persuni ġuridiċi kkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi tal-Unjoni Ewropea u l-fergħat tagħhom stabbiliti fit-territorju tar-Repubblika tal-Każakistan jistgħu jista' jkun li jingħataw id-dritt tal-użu tal-art b'mod temporanju għall-għanijiet ta' biedja/produzzjoni agrikola għal perijodu ta' mhux aktar minn għaxar snin, li jista' jiġġedded.

3.2.

Sjieda privata ta' rqajja' tal-art li jinsabu fiż-żona tal-fruntiera, fl-art qrib il-fruntiera u fi ħdan il-portijiet marittimi tar-Repubblika tal-Każakistan hija projbita għal persuni ġuridiċi kkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi tal-Unjoni Ewropea u tal-fergħat tagħhom stabbiliti fit-territorju tar-Repubblika tal-Każakistan.

3.3.

Kuntratti ta' kera ta' ħbula ta' art għall-għanijiet agrikoli ħdejn il-fruntiera tal-Istat tar-Repubblika tal-Każakistan huma ristretti għal persuni ġuridiċi kkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi tal-Unjoni Ewropea u l-fergħat tagħhom stabbiliti fit-territorju tar-Repubblika tal-Każakistan.

3.4.

Id-dritt ta' użu tal-art b'mod permanenti ma jistax jingħata lil persuni ġuridiċi kkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi tal-Unjoni Ewropea u l-fergħat tagħhom stabbiliti fit-territorju tar-Repubblika tal-Każakistan.

4.   Fawna

4.1.

L-użu u l-aċċess għar-riżorsi bijoloġiċi u l-postijiet għas-sajd li jinsabu fl-ilmijiet interni u marittimi li jaqgħu taħt is-sovranità jew fil-ġurisdizzjoni tar-Repubblika tal-Każakistan huwa ristrett għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika tal-Każakistan u rreġistrati fit-territorju tar-Repubblika tal-Każakistan sakemm mhux stipulat mod ieħor. Bastimenti tas-sajd li huma l-proprjetà ta' sussidjarji ta' persuni ġuridiċi tal-Unjoni Ewropea stabbiliti fil-forma ta' persuna ġuridika tar-Repubblika tal-Każakistan m'għandhomx ikunu pprojbiti milli jtajru l-bandiera tar-Repubblika tal-Każakistan.

4.2.

Il-prijorità fl-għoti ta' speċijiet selvaġġi għall-użu f'żona partikolari jew żona tal-ilma tingħata lil persuni ġuridiċi tar-Repubblika tal-Każakistan.

5.   Ir-rekwiżiti tal-istabbiliment għall-ħruġ ta' liċenzji

Kumpanniji li jipproduċu prodotti suġġetti għal liċenzja minħabba raġunijiet importanti ta' saħħa pubblika, ta' sikurezza jew ta' sigurtà nazzjonali għandhom ikunu stabbiliti fil-forma ta' persuna ġuridika tar-Repubblika tal-Każakistan.

6.   Il-blata kontinentali

Jistgħu jiġu introdotti limitazzjonijiet fil-blata kontinentali tar-Repubblika tal-Każakistan.

B.   RIŻERVI MILL-UNJONI EWROPEA

L-Unjoni Ewropea tirriżerva d-dritt li żżomm jew li tadotta kull miżura inkonsistenti mal-impenji tat-trattament nazzjonali differenzjat skont l-Istati Membri tagħha, fejn applikabbli, kif stabbilit hawn taħt.

1.   Xogħol fil-minjieri u fil-barrieri inklużi l-estrazzjoni ta' żejt u ta' gass naturali

F'uħud mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jistgħu japplikaw xi restrizzjonijiet; l-Unjoni Ewropea tista' tapplika restrizzjonijiet lil persuni ġuridiċi kkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi tar-Repubblika tal-Każakistan li jirrappreżentaw aktar minn 5 % tal-importazzjonijiet taż-żejt jew tal-gass naturali fl-Unjoni Ewropea.

2.   Il-produzzjoni ta' prodotti tal-petroleum, tal-gass, tal-elettriku, fwar, il-misħun u s-sħana

F'uħud mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jistgħu japplikaw xi restrizzjonijiet; l-Unjoni Ewropea tista' tapplika restrizzjonijiet lil persuni ġuridiċi kkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi tar-Repubblika tal-Każakistan li jirrappreżentaw aktar minn 5 % tal-importazzjonijiet taż-żejt jew tal-gass naturali fl-Unjoni Ewropea.

3.   Sajd

L-użu u l-aċċess għar-riżorsi bijoloġiċi u l-postijiet tas-sajd li jinsabu fl-ilmijiet marittimi li jaqgħu taħt is-sovranità jew fil-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma ristretti għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u rreġistrati fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux stipulat mod ieħor.

4.   L-akkwist ta' proprjetà immobbli, inkluża l-art

F'ċerti Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, jistgħu japplikaw restrizzjonijiet għall-akkwist ta' proprjetà immobbli, inkluża l-art, minn persuni ġuridiċi kkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi tar-Repubblika tal-Każakistan.

5.   L-agrikoltura inkluża l-kaċċa

F'uħud mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, it-trattament nazzjonali ma japplikax għal persuni ġuridiċi kkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi tar-Repubblika tal-Każakistan u li jixtiequ jibdew intrapriża agrikola; l-akkwist ta' dwieli minn persuni ġuridiċi kkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi tar-Repubblika tal-Każakistan huwa soġġett għal notifika jew awtorizzazzjoni, skont kif meħtieġ.

6.   L-attivitajiet tal-akkwakultura

It-trattament nazzjonali ma japplikax għal attivitajiet tal-akkwakultura fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

7.   L-estrazzjoni u l-ipproċessar ta' materjali fissili u fużjonabbli jew materjali li huma dderivati minnhom

F'uħud mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jistgħu japplikaw xi restrizzjonijiet.


(1)  L-Artikolu 64 tal-Liġi Nru 415 tat-13 ta' Mejju 2003 dwar il-kumpanniji b'ishma konġunti fir-Repubblika tal-Każakistan u l-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 220-I tat-22 ta' April 1998 dwar il-kumpanniji b'responsabbiltà limitata u kumpanniji b'responsabbiltà addizzjonali fir-Repubblika tal-Każakistan.


ANNESS II

LIMITAZZJONIJIET APPLIKATI MIR-REPUBBLIKA TAL-KAŻAKISTAN SKONT L-ARTIKOLU 48(2)

Persuna ġuridika tal-Unjoni Ewropea li tattira ħaddiema bi trasferiment intraażjendali (intra-corporate transferees, ICTs) f'settur mhux tas-servizzi trid tkun involuta fil-produzzjoni ta' prodotti (1).

L-impjieg tal-ICTs bħala maniġers u speċjalisti għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta' test tal-ħtiġijiet ekonomiċi (2). Wara li jiskadi perijodu ta' ħames snin minn meta r-Repubblika tal-Każakistan tissieħeb fid-WTO, it-test tal-ħtiġijiet ekonomiċi m'għandux jiġi applikat (3).

L-għadd ta' ICTs huwa limitat għal 50 % tal-għadd totali ta' eżekuttivi, maniġers u speċjalisti f'kull kategorija f'kumpanniji b'minimu ta' tliet individwi.

Id-dħul u l-permanenza temporanja ta' ICTs tal-Parti għandhom ikunu permessi għal tliet snin, ibbażati fuq il-permessi, maħruġa kull sena mill-korp awtorizzat.


(1)  L-attrazzjoni tal-ICTs fil-kuntratti għall-użu tas-sottosuperfiċe titwettaq bi qbil mal-Protokoll dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Każakistan mad-WTO.

(2)  Il-permess tax-xogħol jinħareġ biss wara li titlesta t-tfittxija ta' kandidati xierqa fid-database tal-awtorità kompetenti u wara l-pubblikazzjoni ta' avviż ta' pożizzjoni vakanti fil-midja tal-massa. Dawn il-proċeduri m'għandhomx jieħdu aktar minn 1 xahar. Il-permess għall-ICTs għandu jingħata wara li dawn il-proċeduri jkunu tlestew sakemm il-kumpannija ma tkunx identifikat kanditat lokali li jilħaq il-ħtiġijiet tagħha.

(3)  Ir-rekwiżiti, il-liġijiet u r-regolamenti l-oħra kollha dwar id-dħul, il-permanenza u x-xogħol għandhom ikomplu japplikaw.


ANNESS III

IL-KAMP TA' APPLIKAZZJONI TAL-KAPITOLU 8 (AKKWIST PUBBLIKU MILL-GVERN) TAT-TITOLU III (KUMMERĊ U NEGOZJU)

PARTI 1

L-ENTITAJIET TAL-GVERN ĊENTRALI LI L-AKKWIST TAGĦHOM HUWA KOPERT

Livelli limitu msemmija fl-Artikolu 120(2)(c) ta' dan il-Ftehim.

 

300 000 Dritt Speċjali ta' Prelevament (SDRs) għal prodotti u għal servizzi li mhumiex servizzi ta' kostruzzjoni (il-Partijiet 4 u 5 ta' dan l-Anness)

 

7 miljun SDR għal servizzi ta' kostruzzjoni (il-Parti 6 ta' dan l-Anness)

Għall-Unjoni Ewropea:

L-entitajiet tal-gvern ċentrali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea elenkati fl-Anness 1 tal-Unjoni Ewropea għall-Appendiċi 1 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwisti Pubbliċi. Il-kopertura tal-Kapitolu 8 (Akkwist Pubbliku mill-Gvern) tat-Titolu III (Kummerċ u Negozju) ta' dan il-Ftehim ma tinkludix l-entitajiet immarkati b'asterisk (*) f'dik il-lista, u lanqas lill-Ministeri tad-Difiża msemmija fih.

Nota:

Il-lista tal-entitajiet tal-akkwist tkopri wkoll kull entità subordinata ta' kull entità tal-akkwist elenkata ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea sakemm ma jkollhiex personalità ġuridika separata.

Għar-Repubblika tal-Każakistan:

Il-Ministeru tal-Investimenti u l-Iżvilupp tar-Repubblika tal-Każakistan

Il-Ministeru tal-Enerġija tar-Repubblika tal-Każakistan

Il-Ministeru tal-Agrikoltura tar-Repubblika tal-Każakistan

Il-Ministeru tal-Ekonomija Nazzjonali tar-Repubblika tal-Każakistan

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Każakistan

Il-Ministeru tas-Saħħa u l-Iżvilupp Soċjali tar-Repubblika tal-Każakistan

Il-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Każakistan

Il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Każakistan

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xjenza tar-Repubblika tal-Każakistan

Il-Ministeru tal-Kultura u l-Isport tar-Repubblika tal-Każakistan

Il-Kumitat tal-Kontijiet għall-Kontroll fuq l-Eżekuzzjoni tal-Baġit Republikan

L-Aġenzija għall-Affarijiet tas-Servizz Ċivili u l-Eżekuzzjoni ta' Kontra l-Korruzzjoni tar-Repubblika tal-Każakistan

Iċ-Ċentru Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Nota:

L-organizzazzjoni u t-twettiq tal-proċeduri ta' akkwist għall-korpi tal-Istat imsemmija hawn fuq jistgħu jitwettqu minn istituzzjoni waħda, determinata skont il-leġislazzjoni tar-Repubblika tal-Każakistan.

PARTI 2

ENTITAJIET REĠJONALI U TAL-GVERN LOKALI LI L-AKKWIST TAGĦHOM HUWA KOPERT

Livelli limitu msemmija fl-Artikolu 120(2)(c) ta' dan il-Ftehim.

 

400 000 Dritt Speċjali ta' Prelevament (SDRs) għal prodotti u għal servizzi li mhumiex servizzi ta' kostruzzjoni (il-Partijiet 4 u 5 ta' dan l-Anness)

 

7 miljun SDR għal servizzi ta' kostruzzjoni (il-Parti 6 ta' dan l-Anness)

Għall-Unjoni Ewropea:

L-entitajiet tal-gvern reġjonali kollha tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea

Noti:

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, “entitajiet tal-gvern reġjonali” għandha tinftiehem bħala l-entitajiet ta' akkwist tal-unitajiet amministrattivi li jaqgħu taħt NUTS 1 u 2, kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (1).

Għar-Repubblika tal-Każakistan:

L-Amministrazzjoni tal-oblast ta' Almaty

L-Amministrazzjoni tal-oblast ta' Atyrau

L-Amministrazzjoni tal-oblast ta' Aktobe

L-Amministrazzjoni tal-oblast ta' Akmola

L-amministrazzjoni tal-oblast tal-Każakistan tal-Lvant

L-Amministrazzjoni tal-oblast ta' Zhambyl

L-Amministrazzjoni tal-oblast tal-Każakistan tal-Punent

L-Amministrazzjoni tal-oblast ta' Karaganda

L-Amministrazzjoni tal-oblast ta' Kyzlorda

L-Amministrazzjoni tal-oblast ta' Kostanay

L-Amministrazzjoni tal-oblast ta' Mangistau

L-Amministrazzjoni tal-oblast ta' Pavlodar

L-Amministrazzjoni tal-oblast tal-Każakistan tat-Tramuntana

L-Amministrazzjoni tal-oblast tal-Każakistan ta' Isfel

L-Amministrazzjoni tal-belt ta' Astana

L-Amministrazzjoni tal-belt ta' Almaty

Nota: L-organizzazzjoni u t-twettiq tal-proċeduri ta' akkwist għall-korpi tal-Istat imsemmija hawn fuq jistgħu jitwettqu minn istituzzjoni waħda, determinata skont il-leġislazzjoni tar-Repubblika tal-Każakistan.

PARTI 3

L-ENTITAJIET L-OĦRA KOLLHA LI L-AKKWIST TAGĦHOM HU KOPERT

(Xejn)

PARTI 4

IL-PRODOTTI KOPERTI

Għall-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan:

1.

Dan il-Ftehim japplika għall-akkwist tal-prodotti kollha akkwistati mill-entitajiet elenkati fil-Partijiet 1 sa 3 ta' dan l-Anness, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor f'dan il-Ftehim.

2.

Lista ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 137 ta' dan il-Ftehim:

In-numri tal-kodiċi tas-SA tas-Sistema Armonizzata ta' Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Merkanzija tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (SA) prevista fit-tabella segwenti jidentifikaw il-prodotti msemmija fl-Artikolu 137 ta' dan il-Ftehim. Id-deskrizzjoni tingħata biss għall-informazzjoni.

Nru.

Kodiċijiet SA

Il-gruppi ta' prodotti

1

0401 sa 0402

Ħalib u krema

2

0701 sa 0707

Ċerti ħxejjex li jittieklu

3

2501 sa 2530

Prodotti oћra minerali li mhumiex metallici

4

2801 sa 2940

Ċerti sustanzi kimiċi u prodotti kimiċi

5

3101 sa 3826

Ċerti sustanzi kimiċi u prodotti kimiċi

6

3917

Tubi, pajpijiet, hoses, u fittings oħrajn, tal-plastik

7

4801

Karta tal-gazzetti, f'rombli jew folji

8

4803

Srievet tal-karti tat-tojlit jew tal-wiċċ, xugamani jew ħrieqi u karta oħra tad-dar — domestiċi jew prodotti iġjeniċi-sanitarji

9

5101 sa 6006

Tessuti u oġġetti ta' tessuti

10

7201 sa 8113

Metalli bażi u oġġetti ta' metalli bażi

11

8201 sa 8311

Prodotti tal-metall ipproċessat, ħlief makkinarju u tagħmir

12

8429

Buldowżers imħaddma weħidhom, gafef, vetturi mekkaniċi li jqaxxru t-triq, vetturi mekkaniċi li jillivellaw, barraxa, luħ mekkaniċi, skavaturi, tagħmir li jgħabbi bil-luħ, magni li jikkumpattaw it-triq u rombli tat-toroq

13

8501 sa 8517

Ċertu makkinarju u tagħmir

14

8535 sa 8548

Ċertu tagħmir elettriku

15

870130

Trakters għat-tqegħid tal-linji

16

870190

Tratturi oħra tan-nru 8701 (ħlief tratturi tal-intestatura 8709 )

17

8702

Vetturi b'mutur għat-trasport għal għaxar persuni jew aktar, inkluż ix-xufier

18

8703

Karozzi bil-mutur u vetturi oħrajn bil-mutur prinċipalment maħsubin għat-trasport ta' persuni (ħlief dawk tal-intestatura 8702 ), inklużi station wagons u karozzi tat-tlielaq

19

8704

Vetturi bil-mutur għat-trasport ta' prodotti

20

8705

Vetturi bil-mutur b'għanijiet speċjali, ħlief dawk prinċipalment maħsubin għat-trasport ta' persuni jew prodotti (pereżempju, trakkijiet għall-ħsarat, trakkijiet bil-krejn, vetturi għat-tifi tan-nar, trakkijiet tal-miksers tal-konkos, trakkijiet għall-knis tat-toroq, trakkijiet għall-bexx, ħwienet tax-xogħol mobbli, unitajiet radjoloġiċi mobbli)

21

8716

Karrijiet u semikarrijiet; vetturi oħrajn, mhux immexxijin b'mod mekkaniku; u partijiet minnhom

22

8802

Ħelikopters u inġenji tal-ispazju

23

940350

Għamara tal-għuda ta' tip użat fil-kamra tas-sodda

24

9405

Lampi u tagħmir tad-dawl

PARTI 5

IS-SERVIZZI KOPERTI

Għall-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan:

Dan il-Ftehim japplika għall-akkwist mill-entitajiet elenkati fil-Partijiet1 sa 3 ta' dan l-Anness, tas-servizzi li ġejjin, li huma identifikati skont id-Diviżjoni 51 tal-Klassifikazzjoni Ċentrali Provviżorja tal-Prodotti tan-Nazzjonijiet Uniti, (CPCprov) kif jidhru f'din il-Lista ta' Klassifika Settorjali tas-Servizzi tad-WTO (MTN.GNS/W/120) (2):

Deskrizzjoni

Nru ta' Referenza CPCprov.

Servizzi tat-telekomunikazzjoni

752 (3)

Servizzi ta' awditjar finanzjarju

86211

Servizzi ta' verifika tal-kontijiet

86212

Servizzi ta' riċerka dwar is-swieq

86401

Servizzi ta' konsulenza maniġerjali

865

Servizzi relatati ma' konsulenza maniġerjali

866 (4)

Servizzi tal-arkitettura

8671

Servizzi tal-inġinerija

8672

Servizzi ta' inġinerija integrata

8673

Servizzi arkitettoniċi relatati mal-ippjanar tal-ibliet u mat-tisbiħ tal-pajsaġġ

8674

Servizzi relatati ta' konsulenza xjentifika u teknika

8675 (5)

Nota:

Is-servizzi koperti huma soġġetti għal-limitazzjonijiet u kundizzjonijiet speċifikati fl-Iskeda ta' kull Parti ta' Impenji Speċifiċi skont il-GATS.

PARTI 6

IS-SERVIZZI TA' KOSTRUZZJONI KOPERTI

Għall-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan:

Dan il-Ftehim japplika għall-akkwist mill-entitajiet elenkati fil-Partijiet1 sa 3 ta' dan l-Anness tas-servizzi ta' kostruzzjoni kollha elenkati f'CPCprov.

Nota:

Is-servizzi koperti huma soġġetti għal-limitazzjonijiet u kundizzjonijiet speċifikati fl-Iskeda ta' kull Parti ta' Impenji Speċifiċi skont il-GATS.

PARTI 7

NOTI ĠENERALI

Għall-Unjoni Ewropea:

1.

Il-Kapitolu 8 (Akkwist Pubbliku mill-Gvern) tat-Titolu III (Kummerċ u Negozju) ta' dan il-Ftehim ma jkoprix:

(a)

l-akkwist ta' prodotti agrikoli li jsiru biex ikunu avvanzati programmi ta' sostenn agrikolu u programmi ta' alimentazzjoni tal-bniedem (pereżempju għajnuna għall-ikel inkluża dik umanitarja ta' emerġenza); u

(b)

l-akkwist għall-akkwiżizzjoni, l-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-koproduzzjoni ta' materjal ta' programmi minn xandara u kuntratti għal ħin ta' xandir.

2.

L-akkwist mill-entitajiet tal-akkwist kopert taħt il-Partijiet 1 u 2 ta' dan l-Anness b'rabta mal-attivitajiet fl-oqsma tal-ilma tax-xorb, l-enerġija, it-trasport u s-settur postali mhuwiex kopert b'dan il-Ftehim, sakemm ma jkunx kopert taħt il-Parti 3 ta' dan l-Anness.

3.

Fir-rigward tal-Gżejjer Åland, għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet speċjali tal-Protokoll Nru 2 dwar il-Gżejjer Åland għat-Trattat tal-Adeżjoni tal-Awstrija, tal-Finlandja u l-Iżvezja mal-Unjoni Ewropea.

4.

sa fejn l-akkwist minn entitajiet fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà huma kkonċernati, il-kopertura għandha tkun limitata għal prodotti li mhumiex sensittivi u li m'għandhomx x'jaqsmu mal-gwerra.

5.

L-akkwist mill-entitajiet tal-akkwist ta' komponenti ta' prodotti jew servizzi tal-akkwist li huma stess mhumiex koperti b'dan il-Ftehim m'għandux jitqies bħala akkwist kopert.

Għar-Repubblika tal-Każakistan:

1.

Il-Kapitolu 8 (Akkwist Pubbliku mill-Gvern) tat-Titolu III (Kummerċ u Negozju) ta' dan il-Ftehim ma jkoprix:

(a)

l-akkwist ta' prodotti agrikoli li jsir biex ikunu avvanzati programmi ta' sostenn agrikolu, inkluż l-akkwist għall-għanijiet ta' sigurtà alimentari, u ta' programmi ta' alimentazzjoni tal-bniedem (pereżempju għajnuna għall-ikel, inkluża dik umanitarja ta' emerġenza).

(b)

l-akkwist għall-kisba, l-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-koproduzzjoni ta' materjal ta' programmi minn xandara u kuntratti għal ħin ta' xandir;

(c)

l-akkwist ta' prodotti, xogħlijiet u servizzi skont l-Artikolu 41(3) tal-Liġi Nru 303-III dwar l-Akkwisti Pubbliċi tal-21 ta' Lulju 2007 meta tinvolvi l-informazzjoni li tikkostitwixxi sigriet statali;

(d)

akkwist fil-qasam tar-riċerka u l-esplorazzjoni tal-ispazju għal skopijiet paċifiċi, il-kooperazzjoni internazzjonali fl-implimentazzjoni ta' proġetti u programmi konġunti fil-qasam tal-attivitajiet spazjali;

(e)

l-akkwist ta' prodotti, xogħlijiet u servizzi li huma esklussivament provduti minn persuna fiżika jew monopolju tal-Istat; jew

(f)

l-akkwist ta' servizzi finanzjarji, sakemm ma jkunx speċifikat fil-Parti 5 ta' dan l-Anness.

2.

Il-Kapitolu 8 (Akkwist Pubbliku mill-Gvern) tat-Titolu III (Kummerċ u Negozju) ta' dan il-Ftehim ma japplika għall-ebda twarrib għall-benefiċċju ta' negozji żgħar jew negozji proprjetà ta' minoranzi jew negozji li jimpjegaw persuni bi bżonnijiet speċjali. Twarrib tfisser kull forma ta' preferenza, bħalma hu d-dritt esklussiv biex ikun ipprovdut prodott, servizz, jew kull preferenza ta' prezz.

3.

Il-Kapitolu 8 (Akkwist Pubbliku mill-Gvern) tat-Titolu III (Kummerċ u Negozju) ta' dan il-Ftehim ma jkoprix l-akkwist magħmul minn entità koperta f'isem xi entità mhux koperta.

4.

L-akkwist mill-entitajiet tal-akkwist ta' komponenti ta' prodotti jew servizzi tal-akkwist li huma stess mhumiex koperti b'dan il-Ftehim m'għandux jitqies bħala akkwist kopert.

5.

L-akkwist mill-entitajiet tal-akkwist koperti taħt il-Partijiet 1 u 2 ta' dan l-Anness f'rabta mal-attivitajiet fl-oqsma tal-ilma tax-xorb, l-enerġija, it-trasport u s-settur postali mhuwiex kopert b'dan il-Ftehim, sakemm ma jkunx kopert minn Parti 3 ta' dan l-Anness.


(1)  ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1.

(2)  Għajr għas-servizzi li l-entitajiet tal-akkwist iridu jixtru minn entità oħra skont dritt esklussiv stabbilit minn liġi, regolament, jew dispożizzjoni amministrattiva li jkunu ġew ippubblikati.

(3)  Fir-rigward tar-Repubblika tal-Każakistan, ħlief għal servizzi ta' telekomunikazzjoni u tar-radju lokali, inklużi servizzi ta' komunikazzjoni bis-satellita, minbarra servizzi ta' komunikazzjoni pprovduti minn operaturi tas-satellita barranin lil persuni ġuridiċi tar-Repubblika tal-Każakistan li jkollhom liċenzja għal servizzi ta' telekomunikazzjoni, kif stipulati fl-Iskeda tal-GATS ta' Impenji Speċifiċi tar-Repubblika tal-Każakistan.

(4)  Għajr għal servizzi ta' arbitraġġ u konċiljazzjoni.

(5)  Ħlief għal kejl tal-art bl-għan li jiġu stabbiliti limiti legali, stħarriġ mill-ajru u l-kartografija mill-ajru ħlief għal CPC 86754 kif stipulat fl-Iskeda tal-GATS ta' Impenji Speċifiċi tar-Repubblika tal-Każakistan.


ANNESS IV

IL-MEZZI GĦALL-PUBBLIKAZZJONI TA' INFORMAZZJONI DWAR L-AKKWIST U L-AVVIŻI TAL-KAPITOLU 8 (AKKWIST PUBBLIKU MILL-GVERN) TAT-TITOLU III (KUMMERĊ U NEGOZJU)

PARTI 1

IL-MEZZI GĦALL-PUBBLIKAZZJONI TA' INFORMAZZJONI DWAR L-AKKWIST

Għall-UNJONI EWROPEA:

 

IL-ĠURNAL UFFIĊJALI TAL-UNJONI EWROPEA

http://simap.europa.eu

 

IL-BELĠJU

Liġijiet, regolamenti rjali, regolamenti ministerjali, ċirkularijiet ministerjali — le Moniteur Belge

Ġurisprudenza- Pasicrisie

 

IL-BULGARIJA

Liġijiet u Regolamenti — Държавен вестник (Ġurnal tal-Istat)

Deċiżjonijiet ġudizzjarji — www.sac.government.bg

Deċiżjonijiet amministrattivi ta' applikazzjoni ġenerali u proċeduri — www.aop.bg u www.cpc.bg

 

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

Liġijiet u Regolamenti — Sbírka zákonů České republiky (Ġabra ta' liġijiet tar-Repubblika Ċeka)

Id-Deċiżjonijiet tal-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni — Ġabra ta' Deċiżjonijiet tal-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni

 

ID-DANIMARKA

Liġijiet u regolamenti — Lovtidende

Deċiżjonijiet ġudizzjarji — Ugeskrift for Retsvaesen

Deċiżjonijiet u proċeduri amministrattivi — Ministerialtidende

Deċiżjonijiet tal-Bord ta' Appell għall-Akkwist Pubbliku — Konkurrencerådets Dokumentation

 

IL-ĠERMANJA

Leġislazzjoni u regolamenti — Bundesanzeiger

Deċiżjonijiet ġudizzjarji: Entscheidungsammlungen des Bundesverfassungsgerichts, Bundesgerichtshofs, Bundesverwaltungsgerichts,

Bundesfinanzhofs sowie der Oberlandesgerichte

 

L-ESTONJA

Liġijiet, regolamenti u deċiżjonijiet ammnistrattivi ta' applikazzjoni ġenerali: Riigi Teataja

Deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-Qorti Suprema tal-Estonja: Riigi Teataja (il-parti 3)

 

L-IRLANDA

Leġislazzjoni u regolamenti — Iris Oifigiúil (Gazzetta Uffiċjali tal-Gvern Irlandiż)

 

IL-GREĊJA

Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Ellenika — Εφημερίδα της Κυβερνήσεως της Ελληνικής Δημοκρατίας

 

SPANJA

Leġislazzjoni — Boletin Oficial del Estado

Deċiżjonijiet ġudizzjarji — ebda pubblikazzjoni uffiċjali

 

FRANZA

Leġislazzjoni — Journal Officiel de la République française

Ġurisprudenza — Recueil des arrêts du Conseil d'Etat

Revue des marchés publics

 

IL-KROAZJA

Narodne novine — http://www.nn.hr

 

L-ITALJA

Leġislazzjoni — Gazetta Ufficiale

Ġurisprudenza — ebda pubblikazzjoni uffiċjali

 

ĊIPRU

Leġislazzjoni — Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika (Επίσημη Εφημερίδα της Δημοκρατίας)

Deċiżjonijiet ġudizzjarji: Id-Deċiżjonijiet tal-Qorti Għolja Suprema — Uffiċċju tal-Istampar (Αποφάσεις Ανωτάτου Δικαστηρίου 1999 — Τυπογραφείο της Δημοκρατίας)

 

IL-LATVJA

Leġislazzjoni — “Latvijas Vēstnesis” (Gazzetta Uffiċjali)

 

IL-LITWANJA

Liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi — Gazzetta Uffiċjali (“Valstybės Žinios”) tar-Repubblika tal-Litwanja

Deċiżjonijiet ġudizzjarji, ġurisprudenza — Bullettin tal-Qorti Suprema tal-Litwanja “Teismų praktika”; Bullettin tal-Qorti Suprema tal-Qorti Amministrattiva tal-Litwanja “Administracinių teismų praktika”

 

IL-LUSSEMBURGU

Leġislazzjoni — Memorial

Ġurisprudenza- Pasicrisie

 

L-UNGERIJA

Leġislazzjoni — Magyar Közlöny (Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Ungerija)

Ġurisprudenza- Közbeszerzési Értesítő — a Közbeszerzések Tanácsa

Hivatalos Lapja (Il-Bulettin dwar l-Akkwisti Pubbliċi– Ġurnal Uffiċjali tal-Kunsill tal-Akkwisti Pubbliċi)

 

MALTA

Leġislazzjoni — Il-Gazzetta tal-Gvern

 

IL-PAJJIŻI L-BAXXI

Leġislazzjoni — Nederlandse Staatscourant u/jew Staatsblad

Ġurisprudenza — ebda pubblikazzjoni uffiċjali

 

L-AWSTRIJA

Leġislazzjoni — Österreichisches Bundesgesetzblatt Amtsblatt zur Wiener Zeitung

Deċiżjonijiet ġudizzjarji, ġurisprudenza — Sammlung von Entscheidungen des Verfassungsgerichtshofes

Sammlung der Entscheidungen des Verwaltungsgerichtshofes -administrativrechtlicher und finanzrechtlicher Teil

Amtliche Sammlung der Entscheidungen des OGH in Zivilsachen

 

Il-POLONJA

Leġislazzjoni- Dziennik Ustaw Rzeczypospolitej Polskiej (Il-Ġurnal tal-Liġijiet — ir-Repubblika tal-Polonja)

Deċiżjonijiet ġudizzjarji, ġurisprudenza — “Zamówienia publiczne w orzecznictwie. Wybrane orzeczenia zespołu arbitrów i Sądu Okręgowego w Warszawie” (Selection of judgments of arbitration panels and Regional Court in Warsaw)

 

IL-PORTUGALL

Leġislazzjoni — Diário da República Portuguesa 1a Série A e 2a série

Publikazzjonijiet Ġudizzjarji — Boletim do Ministério da Justiça

Colectânea de Acordos do SupremoTribunal Administrativo;

Colectânea de Jurisprudencia das Relações

 

IR-RUMANIJA

Liġijiet u Regolamenti — Monitorul Oficial al României (Ġurnal Uffiċjali tar-Rumanija)

Deċiżjonijiet ġudizzjarji, deċiżjonijiet amministrattivi ta' applikazzjoni ġenerali u l-proċeduri — www.anrmap.ro

 

IS-SLOVENJA

Leġislazzjoni — Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja

Deċiżjonijiet ġudizzjarji — ebda pubblikazzjoni uffiċjali

 

IS-SLOVAKKJA

Leġislazzjoni — Zbierka zákonov (Ġabra ta' Liġijiet)

Deċiżjonijiet ġudizzjarji — ebda pubblikazzjoni uffiċjali

 

IL-FINLANDJA

Suomen Säädöskokoelma — Finlands Författningssamling (Il-Ġabra tal-Istatuti tal-Finlandja)

 

L-IŻVEZJA

Svensk Författningssamling (Il-Kodiċi Żvediż tal-Istatuti)

 

IR-RENJU UNIT

Leġislazzjoni — — HM Stationery Office

Ġurisprudenza — Law Reports

“Entitajiet Pubbliċi” — HM Stationery Office

Għar-REPUBBLIKA TAL-KAŻAKISTAN:

 

Il-websajt tar-Repubblika tal-Każakistan dwar l-akkwist pubbliku mill-gvern http://goszakup.gov.kz

 

Is-sistema ta' informazzjoni ġuridika ta' Atti Legali Regolatorji tar-Repubblika tal-Każakistan http://adilet.zan.kz

PARTI 2

IL-MEZZI GĦALL-PUBBLIKAZZJONI TAL-AVVIŻI

Għall-Unjoni Ewropea:

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea http://simap.europa.eu

Għar-Repubblika tal-Każakistan:

Il-websajt tar-Repubblika tal-Każakistan dwar l-akkwist pubbliku mill-gvern http://goszakup.gov.kz


ANNESS V

REGOLI TA' PROĊEDURA GĦALL-ARBITRAĠĠ SKONT IL-KAPITOLU 14 (SOLUZZJONI TAT-TILWIM) TAT-TITOLU III (KUMMERĊ U NEGOZJU)

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.

Fil-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim) tat-Titolu III (Kummerċ u Negozju) ta' dan il-Ftehim u skont dawn ir-regoli:

(a)

“konsulent” tfisser persuna miżmuma minn Parti involuta fit-tilwima biex tagħti pariri jew tassisti lil dik il-Parti fil-proċedimenti tal-bord ta' arbitraġġ;

(b)

“arbitru” tfisser membru ta' bord ta' arbitraġġ stabbilit skont l-Artikolu 177 ta' dan il-Ftehim;

(c)

“assistent” tfisser persuna li, skont it-termini tal-ħatra ta' arbitru, twettaq riċerka jew tipprovdi assistenza lil dak l-arbitru;

(d)

“Parti lmentatriċi” tfisser kull Parti li titlob l-istabbiliment ta' bord ta' arbitraġġ skont l-Artikolu 176 ta' dan il-Ftehim;

(e)

“Parti konvenuta” tfisser il-Parti li allegatament qiegħda tikser id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 173 ta' dan il-Ftehim;

(f)

“bord ta' arbitraġġ” tfisser bord stabbilit skont l-Artikolu 177 ta' dan il-Ftehim;

(g)

“rappreżentant ta' Parti” tfisser persuna impjegata jew kull persuna maħtura minn Parti għall-għanijiet ta' tilwim skont dan il-Ftehim;

(h)

“jum” tfisser jum kalendarju;

(i)

“jum ta' negozju” tfisser jum ieħor għajr btala pubblika, is-Sibt u l-Ħadd.

2.

Il-Partijiet għandhom jaqsmu l-ispejjeż li jirriżultaw minn kwistjonijiet organizzattivi, inklużi ir-rimunerazzjoni u l-ispejjeż tal-arbitri.

Notifiki

3.

It-talba għal konsultazzjonijiet u t-talba għall-istabbiliment ta' bord ta' arbitraġġ għandu jitwasslu lill-Parti l-oħra permezz ta' komunikazzjoni elettronika, bil-faks, bil-posta rreġistrata, b'kurrier, jew b'kull mezz ieħor tat-telekomunikazzjoni li jipprovdi prova li d-dokument ikun intbagħat.

4.

Kull Parti involuta fit-tilwima u l-bord ta' arbitraġġ għandha tibgħat kull dokument għajr it-talba għall-konsultazzjonijiet u t-talba għall-istabbiliment ta' bord ta' arbitraġġ bil-posta elettronika u bil-faks, bil-posta reġistrata, b'kurrier, jew b'kull mezz ieħor tat-telekomunikazzjoni li jipprovdi prova li d-dokument ikun intbagħat lill-Parti l-oħra, u fejn rilevanti, għal kull wieħed mill-arbitri. Sakemm ma jkunx ippruvat mod ieħor, messaġġ bil-posta elettronika għandu jitqies li jkun wasal fl-istess jum li jintbagħat. Jekk xi wieħed mid-dokumenti ta' sostenn huwa kunfidenzjali jew kbir wisq biex jintbagħat bil-posta elettronika, il-Parti li tibgħat id-dokument tista' tipprovdi dan id-dokument f'format elettroniku ieħor lill-Parti l-oħra, u fejn rilevanti, lil kull wieħed mill-arbitri, fi żmien jum wieħed mill-wasla tal-posta elettronika. F'dawn il-każijiet, il-Parti li tibgħat id-dokument għandha tinforma b'dan lill-Parti l-oħra, u fejn rilevanti, lil kull wieħed mill-arbitri, permezz tal-posta elettronika, u tindika l-kontenut tad-dokument.

5.

In-notifiki kollha għandhom ikunu indirizzati lill-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan u lid-Direttorat-Ġenerali għall-Kummerċ tal-Kummissjoni Ewropea, rispettivament. Fi żmien 30 jum minn meta tibda l-applikazzjoni tat-Titolu III (Kummerċ u Negozju) ta' dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jiskambjaw id-dettalji għall-komunikazzjonijiet elettroniċi skont ir-regoli 3 u 4 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura. Kull bidla ta' indirizz tal-posta elettronika jew komunikazzjoni elettronika oħra għandha tiġi notifikata mingħajr dewmien lill-Parti l-oħra u lill-bord ta' arbitraġġ, fejn applikabbli.

6.

Żbalji żgħar ta' natura klerikali li jistgħu jsiru f'kull talba, avviż, sottomissjoni bil-miktub jew dokument ieħor relatat mal-proċediment tal-bord ta' arbitraġġ jistgħu jiġu rranġati billi jintbagħat minnufih dokument ġdid li jindika l-bidliet b'mod ċar.

7.

Jekk l-aħħar data għall-konsenja ta' dokument tkun nhar ta' Sibt, nhar ta' Ħadd jew f'festa pubblika għall-Unjoni Ewropea u għar-Repubblika tal-Każakistan, l-aħħar data għall-konsenja għandha tkun il-jum ta' xogħol li jkun imiss. Meta dokument jintbagħat lil Parti f'jum li jkun vaganza għal dik il-Parti, id-dokument għandu jitqies li jkun intbagħat fil-jum ta' xogħol li jkun imiss. Id-data tal-wasla ta' dokument għandha titqies li tkun l-istess data tal-konsenja tiegħu.

Il-Bidu tal-arbitraġġ

8.

(a)

Jekk, skont l-Artikolu 177 ta' dan il-Ftehim jew skont ir-regoli 19, 20 jew 47 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura, xi membru tal-bord ta' arbitraġġ jiġi magħżul bil-polza, il-polza għandha ssir f'ħin u f'post determinati mill-Parti lmentatriċi u tiġi kkomunikata minnufih lill-Parti konvenuta. Il-Parti konvenuta tista' tagħżel li tkun preżenti meta tittella' l-polza. F'kull każ, il-polza għandha tittella' bil-Parti/Partijiet li tkun/jkunu preżenti.

(b)

Jekk, skont l-Artikolu 177 ta' dan il-Ftehim jew skont ir-regoli 19, 20 jew 47 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura, xi membru tal-bord ta' arbitraġġ jintgħażel bil-polza u jkun hemm żewġ presidenti tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni, iż-żewġ presidenti, jew id-delegati tagħhom, jew president wieħed waħdu f'każijiet fejn il-president l-ieħor jew id-delegat tiegħu ma jaċċettax li jipparteċipa fil-polza, għandhom jagħmlu l-għażla permezz tal-polza.

(c)

Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw l-arbitri magħżula bil-ħatra tagħhom.

(d)

Arbitru li jinħatar skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 177 ta' dan il-Ftehim għandu jikkonferma d-disponibbiltà tiegħu biex iservi bħala membru tal-bord ta' arbitraġġ għall-Kumitat ta' Kooperazzjoni fi żmien ħamest ijiem mid-data li fiha ġie infurmat dwar il-ħatra tiegħu.

(e)

Sakemm il-Partijiet involuti fit-tilwima ma jiftehmux mod ieħor, il-Partijiet għandhom jorganizzaw laqgħa mal-bord ta' arbitraġġ, personalment jew b'mezzi oħra ta' komunikazzjoni, fi żmien sebat ijiem mill-istabbiliment tal-bord ta' arbitraġġ. Il-Partijiet u l-bord ta' arbitraġġ għandhom jiddeterminaw dawk il-kwistjonijiet li l-Partijiet jew il-bord ta' arbitraġġ iqisu xierqa, inklużi r-rimunerazzjoni u l-ispejjeż li għandhom jitħallsu lill-arbitri. Ir-rimunerazzjoni u l-ispejjeż għandhom ikunu konformi mal-istandards tad-WTO.

9.

(a)

Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, fi żmien ħamest ijiem mid-data tal-għażla tal-arbitri, it-termini ta' referenza tal-bord ta' arbitraġġ għandhom ikunu kif ġej:

“biex jeżamina, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim invokat mill-Partijiet involuti fit-tilwima, il-kwistjoni msemmija fit-talba għall-istabbiliment tal-bord ta' arbitraġġ, biex jiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 173 u biex jagħti rapport f'konformità mal-Artikoli 180, 181, 182 u 195 ta' dan il-Ftehim.”

(b)

Il-Partijiet iridu jinnotifikaw lill-bord ta' arbitraġġ it-termini ta' referenza maqbula fi żmien tlett ijiem mid-data tal-ftehim tagħhom.

Is-Sottomissjonijiet inizjali

10.

Il-Parti lmentatriċi għandha tippreżenta s-sottomissjoni inizjali tagħha bil-miktub mhux aktar tard minn 20 jum wara d-data tal-istabbiliment tal-bord ta' arbitraġġ. Il-Parti konvenuta għandha tippreżenta l-kontrosottomissjoni tagħha bil-miktub mhux aktar tard minn 20 jum wara d-data li fiha tkun irċeviet is-sottomissjoni inizjali bil-miktub.

Il-Ħidma tal-bordijiet ta' arbitraġġ

11.

Il-president tal-bord ta' arbitraġġ għandu jippresjedi fil-laqgħat kollha tal-bord. Bord ta' arbitraġġ jista' jiddelega l-awtorità lill-president biex jieħu deċiżjonijiet amministrattivi u proċedurali.

12.

Sakemm ma jkunx hemm dispożizzjonijiet mod ieħor fil-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim) tat-Titolu III (Kummerċ u Negozju) ta' dan il-Ftehim, il-bord ta' arbitraġġ jista' jwettaq l-attivitajiet tiegħu b'kull mezz, inkuż b'komunikazzjoni bit-telefown, faks jew kollegamenti bil-kompjuter.

13.

L-arbitri biss jistgħu jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-bord ta' arbitraġġ, iżda l-bord ta' arbitraġġ jista' jippermetti lill-assistenti tiegħu jkunu preżenti waqt id-deliberazzjonijiet tiegħu.

14.

L-abbozzar ta' kull rapport għandu jibqa' r-responsabbiltà esklussiva tal-bord ta' arbitraġġ u ma jistax jiġi ddelegat.

15.

Meta tqum xi kwistjoni proċedurali li ma tkunx koperta mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim) tat-Titolu III (Kummerċ u Negozju) ta' dan il-Ftehim u l-Annessi minn V sa VII tiegħu, il-bord ta' arbitraġġ, wara li jikkonsulta l-Partijiet, jista' jadotta proċedura xierqa li tkun kompatibbli ma' dawk id-dispożizzjonijiet.

16.

Meta l-bord ta' arbitraġġ jikkunsidra li hemm il-ħtieġa li jiġi modifikat xi limitu ta' żmien għall-proċedimenti tiegħu minbarra l-limiti ta' żmien stipulati fil-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim) tat-Titolu III (Kummerċ u Negozju) ta' dan il-Ftehim jew li jsir xi aġġustament proċedurali jew amministrattiv, għandu jinforma lill-Partijiet involuti fit-tilwima bil-miktub dwar ir-raġunijiet għall-bidla jew għall-aġġustament u dwar il-perijodu ta' żmien jew l-aġġustament meħtieġ.

Sostituzzjoni

17.

Jekk arbitru ma jkunx jista' jipparteċipa fi proċediment ta' arbitraġġ skont il-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim) tat-Titolu III (Kummerċ u Negozju) ta' dan il-Ftehim, jirtira minnu, jew ikollu jiġi sostitwit minħabba nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tal-Kodiċi ta' Kondotta stipulat fl-Anness VI ta' dan il-Ftehim, għandu jintgħażel sostitut skont l-Artikolu 177 ta' dan il-Ftehim u skont ir-Regola 8 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura.

18.

Meta Parti involuta fit-tilwima tqis li arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi ta' Kondotta u għaldaqstant għandu jiġi sostitwit, din il-Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra involuta fit-tilwima fi żmien 15-il jum minn meta tkun kisbet evidenza taċ-ċirkostanzi sottostanti għall-ksur materjali tal-Kodiċi ta' Kondotta min-naħa tal-arbitru.

19.

Meta Parti involuta fit-tilwima tqis li xi arbitru għajr il-president ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi ta' Kondotta, il-Partijiet involuti fit-tilwima għandhom jikkonsultaw u, jekk jaqblu dwar il-ħtieġa li jinbidel l-arbitru, jagħżlu arbitru ġdid skont l-Artikolu 177 ta' dan il-Ftehim u r-Regola 8 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura.

Jekk il-Partijiet involuti fit-tilwima jonqsu milli jaqblu dwar il-ħtieġa li jinbidel arbitru, kull Parti involuta fit-tilwima tista' titlob li din il-kwistjoni tiġi riferuta lill-president tal-bord ta' arbitraġġ, u d-deċiżjoni tiegħu għandha tkun finali.

Jekk, skont talba bħal din, il-president isib li xi arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi ta' Kondotta, l-arbitru l-ġdid għandu jintgħażel skont l-Artikolu 177 ta' dan il-Ftehim u r-Regola 8 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura.

20.

Meta Parti tqis li l-president tal-bord ta' arbitraġġ ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw u, jekk jaqblu dwar il-ħtieġa li jinbidel il-president, jagħżlu president ġdid skont l-Artikolu 177 ta' dan il-Ftehim u r-regola 8 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura.

Jekk il-Partijiet jonqsu milli jaqblu dwar il-ħtieġa li jibdlu l-president, kull Parti tista' titlob li din il-kwistjoni tingħadda lil xi wieħed minn fost il-grupp ta' individwi li jkun fadal mil-lista sekondarja ta' presidenti msemmija fl-Artikolu 196(1) ta' dan il-Ftehim. Ismu jew isimha għandu jittella' bil-polza mill-president tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni, jew mid-delegat tal-president. Id-deċiżjoni minn dik il-persuna magħżula dwar il-bżonn li jinbidel il-president għandha tkun finali.

Jekk din il-persuna magħżula tiddeċiedi li l-president oriġinali ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi ta' Kondotta, hija għandha tagħżel president ġdid bil-polza minn fost il-grupp ta' individwi li jkun fadal mil-lista sekondarja ta' presidenti msemmija fl-Artikolu 196(1) ta' dan il-Ftehim. L-għażla tal-president il-ġdid għandha ssir fi żmien ħamest ijiem mid-data tad-deċiżjoni msemmija f'dan il-paragrafu.

21.

Il-proċedimenti tal-bord ta' arbitraġġ għandhom jiġu sospiżi matul il-perijodu ta' żmien li jittieħed sabiex jitwettqu l-proċeduri previsti fir-regoli 18, 19 u 20 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura.

Seduti ta' smigħ

22.

Il-president tal-bord ta' arbitraġġ għandu jistabbilixxi d-data u l-ħin għas-seduta ta' smigħ f'konsultazzjoni mal-Partijiet involuti fit-tilwima u l-membri l-oħra tal-bord ta' arbitraġġ, u għandu jikkonferma dan bil-miktub lill-Partijiet involuti fit-tilwima. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli pubblikament ukoll mill-Parti inkarigata mill-amministrazzjoni loġistika tal-proċedimenti, sakemm is-seduta ma tkunx magħluqa għall-pubbliku. Sakemm ma jkunx hemm Parti li ma taqbilx, il-bord ta' arbitraġġ jista' jiddeċiedi li ma jlaqqax seduta.

23.

Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, is-seduta għandha ssir fi Brussell jekk il-Parti lmentatriċi tkun ir-Repubblika tal-Każakistan, u f'Astana jekk il-Parti lmentatriċi tkun l-Unjoni Ewropea.

24.

Il-bord ta' arbitraġġ jista' jitlob li jkun hemm aktar minn seduta ta' smigħ waħda jekk il-Partijiet jaqblu dwar dan.

25.

L-arbitri kollha għandhom ikunu preżenti fil-ħin kollu ta' kull seduta.

26.

Il-persuni li ġejjin jistgħu jkunu preżenti għas-seduta, irrespettivament minn jekk il-proċedimenti jkunux miftuħin għall-pubbliku jew le:

(a)

rappreżentanti tal-Partijiet involuti fit-tilwima;

(b)

konsulenti tal-Partijiet involuti fit-tilwima;

(c)

persunal amministrattiv, interpreti, tradutturi u korrispondenti tal-qrati; u

(d)

assistenti tal-arbitri.

Ir-rappreżentanti u l-konsulenti tal-Partijiet involuti fit-tilwima biss jistgħu jindirizzaw lill-bord ta' arbitraġġ.

27.

Mhux aktar tard minn ħamest ijiem qabel id-data ta' seduta, kull Parti involuta fit-tilwima għandha tagħti lista lill-bord ta' arbitraġġ bl-ismijiet ta' dawk l-individwi li jkunu sejrin itellgħu argumenti bil-fomm jew jagħmlu preżentazzjonijiet matul is-seduta f'isem dik il-Parti, u ta' rappreżentanti jew konsulenti oħra li jattendu s-seduta.

28.

Il-bord ta' arbitraġġ għandu jmexxi s-seduta b'dan il-mod, filwaqt li jiżgura li l-Parti lmentatriċi u l-Parti konvenuta jingħataw l-istess ħin:

L-Argument

(a)

l-argument tal-Parti lmentatriċi

(b)

l-argument tal-Parti konvenuta

Il-Kontroargument

(a)

l-argument tal-Parti lmentatriċi

(b)

il-kontrorisposta tal-Parti konvenuta

29.

Il-bord ta' arbitraġġ jista' jindirizza direttament mistoqsijiet liż-żewġ Partijiet involuti fit-tilwima f'kull ħin matul is-seduta.

30.

Il-bord ta' arbitraġġ għandu jagħmel arranġamenti, mill-aktar fis possibbli, għat-tlestija u l-konsenja lill-Partijiet involuti fit-tilwima tat-traskrizzjoni ta' kull seduta. Il-Partijiet involuti fit-tilwima jistgħu jikkummentaw dwar it-traskrizzjoni, u l-bord ta' arbitraġġ jista' jikkunsidra dawn il-kummenti.

31.

Kull Parti involuta fit-tilwima tista' tagħti sottomissjoni supplimentari bil-miktub rigward kull kwistjoni li tkun qamet matul is-seduta fi żmien għaxart ijiem mid-data tas-seduta.

Mistoqsijiet bil-miktub

32.

Il-bord ta' arbitraġġ jista' f'kull ħin matul il-proċedimenti, jindirizza mistoqsijiet bil-miktub lil Parti waħda jew liż-żewġ Partijiet involuti fit-tilwima jew lit-tnejn li huma. Kull Parti involuta fit-tilwima tirċievi kopja ta' kull mistoqsija magħmula mill-bord ta' arbitraġġ.

33.

Kull Parti involuta fit-tilwima għandha tipprovdi lill-Parti l-oħra involuta fit-tilwima b'kopja tar-risposta tagħha bil-miktub għall-mistoqsijiet li l-bord ta' arbitraġġ ikun għamel. Kull Parti involuta fit-tilwima għandha tingħata l-opportunità li tagħti l-kummenti tagħha bil-miktub għat-tweġibiet mogħtija mill-Parti l-oħra fi żmien ħamest ijiem mill-wasla tat-tweġibiet.

Kunfidenzjalità

34.

Kull Parti involuta fit-tilwim u l-konsulenti tagħha għandhom jittrattaw bħala kunfidenzjali kull informazzjoni imressqa lill-bord ta' arbitraġġ mill-Parti l-oħra involuta fit-tilwima u li dik il-Parti tkun indikat bħala kunfidenzjali. Meta Parti involuta fit-tilwima għandha tissottometti verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjonijiet tagħha bil-miktub lill-bord ta' arbitraġġ, din għandha wkoll, wara talba mill-Parti l-oħra, u mhux aktar tard minn 15-il jum wara d-data jew tat-talba jew tas-sottomissjoni, skont liema minnhom tiġi l-aktar tard, tagħti sommarju mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni li hemm fis-sottomissjonijiet tagħha li jistgħu jkunu divulgati lill-pubbliku, u spjegazzjoni għalfejn l-informazzjoni mhux divulgata hija kunfidenzjali. Ma hemm xejn f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura li jipprekludi Parti involuta fit-tilwima milli tiżvela stqarrijiet biex turi l-pożizzjonijiet tagħha lill-pubbliku, sakemm meta tirreferi għal informazzjoni mressqa mill-Parti l-oħra, ma tikxifx informazzjoni mmarkata mill-Parti l-oħra bħala kunfidenzjali.

Il-bord ta' arbitraġġ għandu jiltaqa' f'seduta magħluqa meta s-sottomissjoni u l-argumenti ta' xi Parti jkun fihom informazzjoni kunfidenzjali. Il-Partijiet involuti fit-tilwima u l-konsulenti tagħhom għandhom iżommu l-kunfidenzjalità tas-seduta tal-bord ta' arbitraġġ meta s-seduta ssir f'sessjoni fil-magħluq.

Verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-bord ta' arbitraġġ

35.

Jekk ir-rapport tal-bord ta' arbitraġġ ikun fih informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali minn Parti, il-bord ta' arbitraġġ għandu jħejji verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport. Il-Partijiet għandhom jingħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar il-verżjoni mhux kunfidenzjali u l-bord ta' arbitraġġ iqis il-kummenti tagħhom meta jipproduċi l-verżjoni finali mhux kunfidenzjali tar-rapport.

Kuntatti ex parte

36.

Il-bord ta' arbitraġġ m'għandux jiltaqa' jew jikkomunika ma' Parti fl-assenza tal-Parti l-oħra.

37.

L-ebda membru tal-bord ta' arbitraġġ ma jista' jiddiskuti xi punt mis-suġġett tal-proċedimenti ma' Parti waħda jew maż-żewġ Partijiet involuti fit-tilwima fl-assenza tal-arbitri l-oħra.

Sottomissjonijiet amicus curiae

38.

Sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor fi żmien tlett ijiem mid-data tat-twaqqif tal-bord ta' arbitraġġ, il-bord ta' arbitraġġ jista' jirċievi sottomissjonijiet bil-miktub mingħajr ma jkun talab għalihom, minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi stabbiliti fit-territorji ta' Parti involuta fit-tilwima li huma indipendenti mill-gvernijiet tal-Partijiet involuti fit-tilwima, sakemm ikunu saru fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-istabbiliment tal-bord ta' arbitraġġ, ikunu konċiżi u f'ebda każ ma jkunu itwal minn 15-il paġna ttajpjati bi spazju doppju u jkunu direttament rilevanti għal kwistjoni fattwali jew legali li tkun qed tiġi kkunsidrata mill-bord ta' arbitraġġ.

39.

Is-sottomissjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tal-persuna li tkun qiegħda tagħmel is-sottomissjoni, jekk hux fiżika jew ġuridika, inkluża n-nazzjonalità jew il-post ta' stabbiliment tagħha, in-natura tal-attivitajiet tagħha, l-istatus ġuridiku tagħha, l-għanijiet ġenerali u s-sorsi tal-finanzjament tagħha, u għandha tispeċifika n-natura tal-interess li dik il-persuna għandha fil-proċediment tal-bord ta' arbitraġġ. Din għandha tiġi abbozzata bil-lingwi magħżula mill-Partijiet involuti fit-tilwima skont ir-regoli 42 u 43 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura.

40.

Il-bord ta' arbitraġġ għandu jelenka fir-rapport tiegħu s-sottomissjonijiet kollha li jkun irċieva li jkunu konformi mar-regoli 38 u 39 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura. Il-bord ta' arbitraġġ m'għandux ikun obbligat jindirizza, fir-rapport tiegħu, l-argumenti li saru f'dawn is-sottomissjonijiet. Kull sottomissjoni bħal din għandha tiġi nnotifikata lill-Partijiet involuti fit-tilwima għall-kummenti tagħhom. Il-kummenti tal-Partijiet involuti fit-tilwima għandhom jintbagħtu fi żmien għaxart ijiem mill-wasla tas-sottomissjoni, u kull tali kumment għandu jittieħed inkonsiderazzjoni mill-bord ta' arbitraġġ.

Każijiet urġenti

41.

Fil-każijiet ta' urġenza msemmijin fil-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim) tat-Titolu III (Kummerċ u Negozju) ta' dan il-Ftehim, il-bord ta' arbitraġġ għandu, wara konsultazzjoni mal-Partijiet, jaġġusta l-limiti ta' żmien imsemmijin f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura kif xieraq u għandu jinnotifika lill-Partijiet b'dawn l-aġġustamenti.

Traduzzjoni u interpretazzjoni

42.

Matul il-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 174 ta' dan il-Ftehim, u mhux aktar tard mil-laqgħa msemmija fir-regola 8(e) ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura, il-Partijiet involuti fit-tilwima għandhom jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jilħqu qbil dwar lingwa ta' ħidma komuni għall-proċedimenti quddiem il-bord ta' arbitraġġ.

43.

Jekk il-Partijiet involuti fit-tilwima ma jkunux jistgħu jaqblu dwar lingwa ta' ħidma komuni, kull Parti għandha tagħmel is-sottomissjonijiet bil-miktub fil-lingwa tal-għażla tagħha. F'tali każ, fl-istess ħin din il-Parti għandha tipprovdi traduzzjoni fil-lingwa magħżula mill-Parti l-oħra, sakemm is-sottomissjonijiet ma jkunux miktuba f'waħda mil-lingwi ta' ħidma tad-WTO. Il-Parti konvenuta għandha tagħmel l-arranġamenti għall-interpretazzjoni tas-sottomissjonijiet orali fil-lingwi magħżulin mill-Partijiet.

44.

Ir-rapporti tal-bord ta' arbitraġġ għandhom jinħarġu bil-lingwa jew lingwi magħżula mill-Partijiet involuti fit-tilwima.

45.

Kull Parti involuta fit-tilwima tista' tipprovdi kummenti dwar l-akkuratezza ta' kull verżjoni tradotta ta' dokument imfassla f'konformità ma' dawn ir-Regoli ta' Proċedura.

46.

Kull Parti għandha tħallas l-ispejjeż tat-traduzzjoni tas-sottomissjonijiet miktuba tagħha. L-ispejjeż li jirriżultaw mit-traduzzjoni ta' rapport tal-bord ta' arbitraġġ għandhom jinqasmu b'mod ugwali bejn il-Partijiet involuti fit-tilwima.

Proċeduri oħra

47.

Dawn ir-Regoli ta' Proċedura huma applikabbli wkoll għall-proċeduri stabbiliti skont l-Artikolu 174, 184(2), 185(2), 186(3) u 187(2) ta' dan il-Ftehim. Madankollu, il-limiti ta' żmien stabbiliti f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura għandhom jiġu aġġustati mill-bord ta' arbitraġġ skont il-limiti ta' żmien speċjali stipulati għall-adozzjoni ta' rapport mill-bord ta' arbitraġġ f'dawk il-proċeduri l-oħra.


ANNESS VI

KODIĊI TA' KONDOTTA GĦALL-MEMBRI TAL-BORDIJIET TA' ARBITRAĠĠ U GĦALL-MEDJATURI SKONT IL-KAPITOLU 14 (SOLUZZJONI TAT-TILWIM) TAT-TITOLU III (KUMMERĊ U NEGOZJU)

Definizzjonijiet

1.

F'dan il-Kodiċi ta' Kondotta:

(a)

“arbitru” tfisser membru ta' bord ta' arbitraġġ stabbilit b'mod effettiv skont l-Artikolu 177 ta' dan il-Ftehim;

(b)

“kandidat” tfisser individwu li ismu jkun fil-lista tal-arbitri msemmija fl-Artikolu 196 ta' dan il-Ftehim u li jkun qed jiġi kkunsidrat għall-għażla bħala membru ta' bord ta' arbitraġġ skont l-Artikolu 177 ta' dan il-Ftehim;

(c)

“assistent” tfisser persuna li, skont it-termini tal-ħatra ta' arbitru, iwettaq riċerka jew jipprovdi assistenza lill-arbitru;

(d)

“proċediment”, fejn mhux speċifikat mod ieħor, tfisser proċediment tal-bord ta' arbitraġġ skont il-Kaptiolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim) tat-Titolu III (Kummerċ u Negozju) ta' dan il-Ftehim;

(e)

“persunal”, fir-rigward ta' arbitru, tfisser persuni taħt id-direzzjoni u l-kontroll tal-arbitru, minbarra l-assistenti;

(f)

“medjatur” tfisser persuna li tmexxi proċedura ta' medjazzjoni skont l-Anness VII ta' dan il-Ftehim.

Responsabbiltajiet għall-proċess

2.

Kull kandidat u arbitru għandu jevita kondotta skorretta u l-impressjoni ta' kondotta skorretta, ikun indipendenti u imparzjali, jevita kunflitti ta' interess diretti jew indiretti u josserva standards għoljin ta' kondotta sabiex jinżammu l-integrità u l-imparzjalità tal-mekkaniżmu tas-soluzzjoni tat-tilwim. Arbitri preċedenti jridu jkunu konformi mal-obbligi stabbiliti fir-regoi 15, 16, 17 u 18 ta' dan il-Kodiċi tal-Kondotta.

Obbligi dwar id-divulgazzjoni

3.

Qabel ma tkun ikkonfermata l-għażla ta' persuna bħala arbitru skont il-Kapitolu 14 (Soluzzjon tat-Tilwim) tat-Titolu III (Kummerċ u Negozju) ta' dan il-Ftehim, kandidat għandu jiddikjara kull interess, relazzjoni jew kwistjoni li tista' taffettwa l-indipendenza jew l-imparzjalità tiegħu, jew li tista' toħloq raġonevolment dehra ta' kondotta mhux xierqa jew preġudizzju fir-rigward tal-proċedimenti. Għal dan l-għan, kandidat għandu jagħmel l-isforzi raġonevoli kollha sabiex isir konxju ta' kull interess, relazzjoni u kwistjoni ta' dan it-tip.

4.

Kandidat jew arbitru għandu jikkomunika bil-miktub kwistjonijiet relatati ma' ksur attwali jew potenzjali ta' dan il-Kodiċi ta' Kondotta lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni biss għall-kunsiderazzjoni mill-Partijiet.

5.

Malli jintgħażel, arbitru għandu jibqa' jagħmel l-isforzi raġonevoli kollha biex isir konxju minn kull interess, relazzjoni jew kwistjoni msemmija fir-regola 3 ta' dan il-Kodiċi ta' Kondotta u jiddivulgahom. L-obbligu ta' divulgazzjoni huwa dmir kontinwu li jitlob li arbitru jiddivulga interessi, relazzjonijiet jew kwistjonijiet bħal dawn li jistgħu jitfaċċaw matul kull stadju tal-proċedimenti. L-arbitru għandu jiddivulga interessi, relazzjonijiet jew kwistjonijiet bħal dawn billi jinforma lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni, bil-miktub, biex ikunu kkunsidrati mill-Partijiet.

Id-dmirijiet tal-arbitri

6.

Wara l-konferma tal-għażla tiegħu, arbitru għandu jkun disponibbli biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu u għandu jwettaqhom bir-reqqa u minnufih matul il-proċediment, b'mod ġust u b'diliġenza.

7.

Arbitru għandu jikkunsidra biss dawk il-kwistjonijiet li jkunu tqajmu waqt il-proċediment u li jitqiesu meħtieġa għal rapport tal-bord ta' arbitraġġ u dan id-dmir m'għandu jiġi delegat lill-ebda persuna oħra.

8.

Arbitru għandu jwettaq il-passi kollha xierqa biex jiżgura li l-assistent u l-persunal tiegħu jkunu konxji mir-regoli 2, 3, 4, 5, 16, 17 u 18 ta' din il-Kodiċi ta' Kondotta u jikkonformaw magħhom.

9.

Arbitru m'għandux jieħu sehem f'kuntatti ex parte li jikkonċernaw il-proċedimenti.

L-indipendenza u l-imparzjalità tal-arbitri

10.

Arbitru għandu jkun indipendenti u imparzjali u jevita li joħloq impressjoni ta' kondotta mhux xierqa jew preġudizzju, u m'għandux ikun influwenzat mill-interess personali, pressjoni esterna, kunsiderazzjonijiet politiċi, fama pubblika, u lealtà lejn xi Parti jew biża' mill-kritika.

11.

Arbitru m'għandux jidħol, direttament jew indirettament, għal obbligi jew jaċċetta xi benefiċċju li jista' b'xi mod ifixkel, jew jidher li jfixkel, fit-twettiq xieraq ta' dmirijietu.

12.

Arbitru m'għandux juża l-pożizzjoni tiegħu fuq il-bord ta' arbitraġġ biex imexxi 'l quddiem interessi personali jew privati. Abitru għandu jevita azzjonijiet li jistgħu joħolqu l-impressjoni li huwa jinsab f'pożizzjoni li fiha jiġi influwenzat minn persuni oħra.

13.

Arbitru m'għandux iħalli relazzjonijiet jew responsabbiltajiet finanzjarji, kummerċjali, professjonali, personali jew soċjali jinfluwenzaw il-kondotta jew il-ġudizzju tiegħu.

14.

Arbitru għandu jevita li jidħol f'xi relazzjoni jew li jakkwista xi interess finanzjarju li għandu mnejn jaffettwa l-imparzjalità tiegħu jew li jista' raġonevolment joħloq impressjoni ta' kondotta mhux xierqa jew ta' preġudizzju.

L-obbligi ta' arbitri preċedenti

15.

L-arbitri preċedenti kollha għandhom jevitaw azzjonijiet li jistgħu joħolqu impressjoni li kienu ppreġudikati fit-twettiq ta' dmirijiethom jew li bbenefikaw mid-deċiżjonijiet jew mir-rapport tal-bord ta' arbitraġġ.

Kunfidenzjalità

16.

L-ebda arbitru jew arbitru preċedenti m'għandu jiddivulga fl-ebda mument jew juża informazzjoni mhux pubblika li tikkonċerna proċediment jew informazzjoni akkwistata waqt proċediment għajr għall-finijiet ta' dak il-proċediment u, fl-ebda każ, m'għandu jiddivulga jew juża tali informazzjoni biex jikseb vantaġġ personali jew vantaġġ għal oħrajn jew biex jaffettwa ħażin l-interessi ta' oħrajn.

17.

Arbitru m'għandux jiddivulga rapport tal-bord ta' arbitraġġ jew partijiet minnu qabel il-pubblikazzjoni tiegħu skont il-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim) tat-Titolu III (Kummer u Negozju) ta' dan il-Ftehim.

18.

L-arbitru jew arbitru preċedenti fl-ebda mument m'għandu jiddivulga d-deliberazzjonijiet tal-bord ta' arbitraġġ, jew il-fehma ta' xi arbitru.

Spejjeż

19.

Kull arbitru għandu jżomm rekord u jagħti rendikont finali tal-ħin dedikat għall-proċedura u tal-ispejjeż tiegħu, kif ukoll il-ħin u l-ispejjeż tal-assistenti u l-persunal tiegħu.

Medjaturi

20.

Id-dixxiplini mfissra f'dan il-Kodiċi ta' Kondotta kif japplikaw għall-arbitri jew arbitri preċedenti għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-medjaturi.


ANNESS VII

MEKKANIŻMU TA' MEDJAZZJONI SKONT IL-KAPITOLU 14 (SOLUZZJONI TAT-TILWIM) TAT-TITOLU III (KUMMERĊ U NEGOZJU)

Artikolu 1

Għan

L-għan ta' dan l-Anness hu li jiffaċilita s-sejba ta' soluzzjoni maqbula reċiprokament permezz ta' proċedura komprensiva u mingħajr dewmien bl-assistenza ta' medjatur.

Taqsima A

Proċedura taħt il-mekkaniżmu ta' medjazzjoni

Artikolu 2

Talba għal informazzjoni

1.   Qabel jingħata bidu għall-proċedura ta' medjazzjoni, Parti tista' tagħmel talba bil-miktub għal informazzjoni rigward miżura li tkun qed tolqot ħażin il-kummerċ jew l-investiment bejn il-Partijiet. Il-Parti li ssirilha talba bħal din għandha tipprovdi, fi żmien 20 jum mill-wasla tat-talba, risposta bil-miktub li tinkludi l-kummenti tagħha dwar l-informazzjoni li jkun hemm fit-talba.

2.   Fejn il-Parti li twieġeb tikkunsidra li ma tkunx tista' twieġeb fi żmien 20 jum mill-wasla tat-talba, hija għandha tinforma minnufih lill-Parti rikjedenti bir-raġunijiet għad-dewmien, flimkien ma' stima tal-iqsar perijodu li fih tkun tista' tipprovdi t-tweġiba tagħha.

Artikolu 3

Bidu tal-proċedura

1.   Parti tista' titlob li l-Partijiet jidħlu fi proċedura ta' medjazzjoni f'kull ħin, permezz ta' talba bil-miktub mibgħuta lill-Parti l-oħra. It-talba għandha tkun dettaljata biżżejjed li tippreżenta b'mod ċar it-tħassib tal-Parti rikjedenti u għandha:

(a)

tidentifika l-miżura speċifika inkwistjoni;

(b)

tipprovdi dikjarazzjoni tal-effetti negattivi allegati li l-Parti rikjedenti temmen li l-miżura għandha, jew se jkollha, fuq il-kummerċ jew l-investiment bejn il-Partijiet; u

(c)

tispjega kif il-Parti rikjedenti tqis li dawk l-effetti huma marbuta mal-miżura.

2.   Il-proċedura ta' medjazzjoni tista' tinbeda biss bi qbil reċiproku bejn il-Partijiet. Meta ssir talba skont il-paragrafu 1, il-Parti rikjesta għandha tagħti kunsiderazzjoni simpatetika lit-talba u tibgħat aċċettazzjoni jew ċaħda bil-miktub lill-Parti rikjedenti fi żmien għaxart ijiem mill-wasla tagħha.

Artikolu 4

L-għażla tal-medjatur

1.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jaqblu dwar medjatur fi żmien 15-il jum mill-għoti tal-aċċettazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) ta' dan l-Anness.

2.   Jekk il-Partijiet ma jkunux jistgħu jaqblu dwar il-medjatur fiż-żmien stipulat fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, kull Parti tista' titlob lill-president jew lid-delegat tiegħu tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni, biex jagħżel il-medjatur bil-polza mil-lista stabbilita skont l-Artikolu 196(1) ta' dan il-Ftehim. Ir-rappreżentanti taż-żewġ Partijiet għandhom ikunu mistiedna minn qabel, u jiġu avżati sew bil-quddiem, biex ikunu preżenti meta tittella' l-polza. F'kull każ, il-polza għandha tittella' bil-Parti/Partijiet li tkun/ikunu preżenti.

3.   Il-president tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni, jew id-delegat tal-president, għandu jagħżel il-medjatur fi żmien ħamest ijiem mit-talba msemmija fil-paragrafu 2.

4.   Jekk il-lista msemmija fl-Artikolu 196(1) ta' dan il-Ftehim ma tkunx ġiet stabbilita fiż-żmien li fih issir it-talba skont l-Artikolu 3 ta' dan l-Anness, il-medjatur għandu jintgħażel bil-polza mill-individwi li jkunu ġew formalment proposti minn Parti waħda jew miż-żewġ Partijiet.

5.   Medjatur m'għandux ikun ċittadin ta' waħda mill-Partijiet, sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.

6.   Il-medjatur għandu jassisti, b'mod imparzjali u trasparenti, lill-Partijiet f'li jiċċaraw il-miżura u l-effetti possibbli tagħha fuq il-kummerċ, u f'li jilħqu soluzzjoni maqbula reċiprokament.

7.   Il-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri u l-Medjaturi tal-Bordijiet ta' Arbitraġġ stipulat fl-Anness VI ta' dan il-Ftehim għandu japplika għal medjaturi, mutatis mutandis.

8.   Ir-Regoli minn 3 sa 7 (Notifiki) u minn 42 sa 46 (Traduzzjoni u interpretazzjoni) tar-Regoli ta' Proċedura għall-Arbitraġġ stabbiliti fl-Anness V ta' dan il-Ftehim għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 5

Ir-Regoli tal-Proċedura ta' Medjazzjoni

1.   Fi żmien għaxart ijiem mill-ħatra tal-medjatur, il-Parti li tkun sejħet għall-proċedura ta' medjazzjoni għandha tippreżenta deskrizzjoni dettaljata tat-tħassib tagħha bil-miktub, lill-medjatur u lill-Parti l-oħra, b'mod partikolari dwar l-operazzjoni tal-miżura inkwistjoni u tal-effetti tagħha fuq il-kummerċ. Fi żmien 20 jum mill-wasla ta' din id-deskrizzjoni, il-Parti l-oħra tista' tressaq il-kummenti tagħha dwar din id-deskrizzjoni bil-miktub,. Kull Parti tista' tinkludi kull informazzjoni li jidhrilha li hija rilevanti fid-deskrizzjoni jew fil-kummenti tagħha.

2.   Il-medjatur jista' jiddeċiedi l-aktar mod xieraq biex jiċċara l-miżura kkonċernata u l-effetti potenzjali tagħha fuq il-kummerċ. B'mod partikolari, il-medjatur jista' jorganizza laqgħat bejn il-Partijiet, jikkonsulta lill-Partijiet b'mod konġunt jew individwalment, jikkonsulta lill-esperti u l-partijiet ikkonċernati rilevanti u jfittex l-assistenza tagħhom, u jipprovdi kull appoġġ addizzjonali mitlub mill-Partijiet. Il-medjatur għandu jikkonsulta mal-Partijiet qabel ifittex l-assistenza jew jikkonsulta lill-esperti u l-partijiet ikkonċernati rilevanti.

3.   Il-medjatur m'għandux jagħti pariri jew kummenti dwar il-konsistenza tal-miżura inkwistjoni ma' dan il-Ftehim. Il-medjatur jista' joffri pariri u jipproponi soluzzjoni għall-kunsiderazzjoni tal-Partijiet Il-Partijiet jistgħu jaċċettaw jew jirrifjutaw is-soluzzjoni proposta jew jaqblu dwar soluzzjoni differenti.

4.   Il-proċedura ta' medjazzjoni għandha ssir fit-territorju tal-Parti rikjesta, jew bi ftehim reċiproku f'xi post ieħor jew permezz ta' mezzi oħrajn.

5.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu soluzzjoni maqbula reċiprokament fi żmien 60 jum mill-ħatra tal-medjatur. Sakemm jinltaħaq ftehim aħħari, il-Partijiet jistgħu jikkonsidraw soluzzjonijiet interim possibbli.

6.   Is-soluzzjoni maqbula reċiprokament jew is-soluzzjoni interim tista' tiġi adottata permezz ta' deċiżjoni tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni. Soluzzjonijiet maqbula reċiprokament għandhom ikunu disponibbli b'mod pubbliku. Il-verżjoni divulgata lill-pubbliku m'għandhiex tinkludi xi informazzjoni li Parti tkun iddikjarat bħala kunfidenzjali.

7.   Jekk mitlub mill-Partijiet, il-medjatur għandu jippreżenta abbozz ta' rapport fattwali lill-Partijiet, waqt li jipprovdi sommarju qsir dwar: (i) il-miżura inkwistjoni; (ii) il-proċeduri li ġew segwiti; u (iii) kull soluzzjoni maqbula reċiprokament, inklużi soluzzjonijiet interim possibbli. Il-medjatur għandu jagħti lill-Partijiet 15-il jum biex jikkummentaw dwar l-abbozz tar-rapport. Wara li jikkunsidra l-kummenti tal-Partijiet ippreżentati matul dak il-perijodu, il-medjatur għandu jippreżenta rapport fattwali finali bil-miktub lill-Partijiet fi żmien 15-il jum. Ir-rapport fattwali m'għandu jinkludi ebda interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim.

8.   Il-proċedura għandha tintemm:

(a)

bl-adozzjoni ta' soluzzjoni maqbula reċiprokament mill-Partijiet, fid-data tal-adozzjoni tagħha;

(b)

permezz ta' ftehim reċiproku tal-Partijiet f'kull stadju tal-proċedura, fid-data ta' dak il-ftehim;

(c)

permezz ta' dikjarazzjoni bil-miktub tal-medjatur, wara konsultazzjoni mal-Partijiet, li sforzi ulterjuri ta' medjazzjoni ma jwasslu mkien, fid-data ta' dik id-dikjarazzjoni; jew

(d)

permezz ta' dikjarazzjoni bil-miktub ta' Parti wara li jkunu ġew esplorati soluzzjonijiet maqbula reċiprokament skont il-proċedura ta' medjazzjoni u wara li jkunu ġew ikkunsidrati kull parir jew soluzzjoni proposti mill-medjatur, fid-data ta' dik id-dikjarazzjoni.

Taqsima B

Implimentazzjoni

Artikolu 6

L-implimentazzjoni ta' soluzzjoni maqbula reċiprokament

1.   Fejn il-Partijiet jilħqu ftehim dwar soluzzjoni, kull Parti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex timplimenta s-soluzzjoni maqbula reċiprokament fiż-żmien miftiehem.

2.   Il-Parti ta' implementazzjoni għandha tgħarraf lill-Parti l-oħra bil-miktub b'kull pass jew miżura li tieħu biex timplimenta s-soluzzjoni maqbula reċiprokament.

Taqsima C

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 7

Il-kunfidenzjalità u r-relazzjoni mas-soluzzjoni tat-tilwim

1.   Sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(6) ta' dan l-Anness, il-passi kollha tal-proċedura, inkluż kull parir jew soluzzjoni proposta, huma kunfidenzjali. Madankollu, kull Parti tista' tiddivulga lill-pubbliku l-fatt li qed issir medjazzjoni.

2.   Il-proċedura ta' medjazzjoni hija bla preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet skont il-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim) tat-Titolu III (Kummerċ u Negozju) ta' dan il-Ftehim, jew kull ftehim ieħor.

3.   Konsultazzjonijiet skont il-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim) tat-Titolu III (Kummerċ u Negozju) ta' dan il-Ftehim mhumiex meħtieġa qabel ma titnieda l-proċedura ta' medjazzjoni. Madankollu, Parti għandha normalment tiddisponi mid-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta' kooperazzjoni jew konsultazzjoni rilevanti previsti f'dan il-Ftehim qabel it-tnedija tal-proċedura ta' medjazzjoni.

4.   Parti m'għandhiex isserraħ fuq, u ma tintroduċix bħala evidenza fi proċeduri oħra ta' soluzzjoni tat-tilwim skont dan il-Ftehim jew kull ftehim ieħor, u bord ma jistax jikkunsidra:

(a)

pożizzjonijiet meħuda mill-Parti l-oħra matul il-proċess ta' proċedura ta' medjazzjoni jew informazzjoni miġbura skont l-Artikolu 5(2) ta' dan l-Anness;

(b)

il-fatt li l-Parti l-oħra indikat ir-rieda li taċċetta soluzzjoni għall-miżura soġġetta għall-medjazzjoni; jew

(c)

pariri mogħtija jew proposti magħmula mill-medjatur.

5.   Medjatur ma jistax iservi bħala membru ta' bord fi proċedura ta' soluzzjoni tat-tilwim skont dan il-Ftehim jew skont il-Ftehim tad-WTO li jinvolvi l-istess kwistjoni li għaliha hu kien medjatur.

Artikolu 8

Limiti taż-żmien

Kull limitu ta' żmien imsemmi f'dan l-Anness jista' jiġi modifikat bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet.

Artikolu 9

Spejjeż

1.   Kull Parti għandha ġġarrab l-ispejjeż kollha tagħha li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni fil-proċedura ta' medjazzjoni.

2.   Il-Partijiet għandhom jaqsmu b'mod konġunt u indaqs l-ispejjeż li jirriżultaw minn kwistjonijiet organizzazzjonali, inklużi r-remunerazzjoni u l-ispejjeż tal-medjatur. Ir-remunerazzjoni tal-medjatur għandha tkun bi qbil ma' dak previst għall-president tal-bord ta' arbitraġġ skont ir-regola 8(e) tar-Regoli ta' Proċedura stipulati fl-Anness V ta' dan il-Ftehim.


PROTOKOLL

dwar Assistenza Amministrattiva Reċiproka fi kwistjonijiet doganali

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan il-Protokoll:

(a)

“leġislazzjoni doganali” tfisser id-dispożizzjonijiet legali jew regolatorji li japplikaw fit-territorji tal-Partijiet, li jirregolaw l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu ta' prodotti u t-tqegħid tagħhom taħt kull sistema jew proċedura doganali, inklużi miżuri ta' projbizzjoni, restrizzjoni u kontroll tagħhom;

(b)

“awtorità applikanti” tfisser awtorità amministrattiva kompetenti li tagħmel talba għall-għajnuna skont dan il-Protokoll u li tkun inħatret minn Parti għal dan l-għan;

(c)

“awtorità rikjesta” tfisser awtorità amministrattiva kompetenti li tirċievi talba għall-għajnuna skont dan il-Protokoll u li tkun inħatret minn Parti għal dak l-għan;

(d)

“data personali” tfisser kull informazzjoni li jkollha x'taqsam ma' individwu identifikat jew identifikabbli;

(e)

“operazzjoni bi ksur tal-leġislazzjoni doganali” tfisser kull ksur jew attentat ta' ksur tal-leġislazzjoni doganali.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom, il-Partijiet għandhom jassistu lil xulxin bil-mod u bil-kundizzjonijiet stipulati f'dan il-Protokoll, biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tal-leġislazzjoni doganali tagħhom, billi jipprevjenu, jinvestigaw u jiġġieldu l-operazzjonijiet fi ksur ta' dik il-leġislazzjoni.

2.   L-assistenza fi kwistjonijiet doganali, kif previst f'dan il-Protokoll, għandha tapplika għal kull awtorità amministrattiva tal-Partijiet li hija kompetenti għall-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll. Din m'għandhiex tippreġudika r-regoli li jirregolaw l-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet kriminali u lanqas m'għandha tkopri l-iskambju ta' informazzjoni miksuba taħt setgħat eżerċitati fuq talba ta' awtorità ġudizzjarja, ħlief fejn il-komunikazzjoni ta' tali informazzjoni tkun awtorizzata minn dik l-awtorità.

3.   L-assistenza biex jiġu rkuprati dazji, taxxi jew multi mhijiex koperta minn dan il-Protokoll.

Artikolu 3

Assistenza wara talba

1.   Wara talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità rikjesta għandha tipprovdi lil tal-ewwel bl-informazzjoni rilevanti kollha li tippermettilha li tiżgura li l-leġislazzjoni doganali tkun applikata korrettament, inkluża informazzjoni dwar attivitajiet aċċertati jew ipprogrammati li huma, jew jistgħu jkunu, operazzjonijiet li jiksru l-leġislazzjoni doganali.

2.   Wara talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità rikjesta għandha tinforma lil tal-ewwel dwar:

(a)

ċirkostanzi (fatti u kundizzjonijiet) ta' esportazzjoni ta' merkanzija mit-territorju ta' Parti u ta' importazzjoni fit-territorju tal-Parti l-oħra, li jispeċifikaw, fejn ikun xieraq, il-proċedura doganali li ġiet applikata għal dawk il-prodotti;

(b)

ċirkostanzi (fatti u kundizzjonijiet) ta' importazzjoni ta' merkanzija lejn it-territorju ta' Parti u ta' esportazzjoni mit-territorju tal-Parti l-oħra, li jispeċifikaw, fejn ikun xieraq, il-proċedura doganali applikata għal dik il-merkanzija.

3.   Wara talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità rikjesta għandha, fil-qafas tad-dispożizzjonijiet legali jew regolatorji tagħha, tieħu l-passi neċessarji biex tiżgura li tiġi eżerċitata sorveljanza speċjali ta':

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi li fir-rigward tagħhom ikun hemm bażi raġonevoli sabiex wieħed jemmen li huma, jew kienu, involuti f'operazzjonijiet li jiksru l-leġislazzjoni doganali;

(b)

postijiet fejn tinħażen il-merkanzija li fir-rigward tagħha jkun hemm bażi raġonevoli biex wieħed jissuspetta li qed isiru operazzjonijiet li jiksru leġislazzjoni doganali;

(c)

merkanzija ttrasportata jew maħsuba għat-trasport li fir-rigward tagħha jkun hemm bażi raġonevoli biex wieħed jissuspetta li qed isiru operazzjonijiet li jiksru l-leġislazzjoni doganali;

(d)

mezzi tat-trasport li qed iġorru merkanzija fejn hemm raġunijiet raġonevoli li wieħed jissuspetta li qed isiru operazzjonijiet li jiksru l-leġislazzjoni doganali.

Artikolu 4

Assistenza spontanja

Il-Partijiet għandhom jgħinu lil xulxin fuq l-inizjattiva tagħhom stess u skont id-dispożizzjonijiet legali jew regolatorji tagħhom, jekk jikkunsidraw li dan huwa neċessarju għall-applikazzjoni korretta tal-leġislazzjoni doganali, partikolarment billi jipprovdu informazzjoni dwar:

(a)

attivitajiet li huma, jew jidhru li huma, operazzjonijiet li jiksru l-leġislazzjoni doganali u li jistgħu jinteressaw lill-Parti l-oħra;

(b)

mezzi jew metodi ġodda użati fit-twettiq ta' operazzjonijiet li jiksru l-leġislazzjoni doganali;

(c)

merkanzija magħrufa li hija soġġetta għal operazzjonijiet li jiksru l-leġislazzjoni doganali;

(d)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi li fir-rigward tagħhom ikun hemm bażi raġonevoli sabiex wieħed jemmen li huma, jew kienu, involuti f'operazzjonijiet li jiksru l-leġislazzjoni doganali;

(e)

mezzi ta' trasport li fir-rigward tagħhom ikun hemm bażi raġonevoli sabiex wieħed jemmen li kienu intużaw, qed jintużaw, jew jistgħu jintużaw f'operazzjonijiet li jiksru l-leġislazzjoni doganali.

Artikolu 5

Konsenja u notifika

Fuq talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità rikjesta għandha, skont id-dispożizzjonijiet legali jew regolatorji applikabbli għal din tal-aħħar, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex twassal kull dokument, jew tinnotifika kull deċiżjoni li toriġina mill-awtorità applikanti u li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-Protokoll, lil destinatarju residenti jew stabbilit fit-territorju tal-awtorità rikjesta.

It-talbiet għat-tqassim ta' dokumenti jew notifika ta' deċiżjonijiet għandhom isiru bil-miktub f'lingwa uffiċjali tal-awtorità rikjesta jew f'lingwa aċċettabbli għal dik l-awtorità.

Artikolu 6

Forma u sustanza tat-talbiet għall-assistenza

1.   It-talbiet skont dan il-Protokoll għandhom isiru bil-miktub. Huma għandhom ikunu akkumpanjati mid-dokumenti meħtieġa biex ikun hemm konformità mat-talba. Meta jkun meħtieġ minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, jistgħu jiġu aċċettati talbiet orali, iżda dawn iridu jiġu kkonfermati minnufih bil-miktub.

2.   Talbiet skont il-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-awtorità applikanti;

(b)

l-oġġett tat-talba u r-raġuni għaliha,

(c)

il-miżura mitluba;

(d)

id-dispożizzjonijiet legali jew regolatorji u elementi legali oħra involuti;

(e)

indikazzjonijiet kemm jista' jkun eżatti u komprensivi dwar il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jkunu l-mira tal-istħarriġiet;

(f)

sommarju tal-fatti rilevanti u tal-istħarriġiet li jkunu diġà saru;

(g)

kull informazzjoni rilevanti oħra meħtieġa għall-eżekuzzjoni tat-talba.

3.   It-talbiet għandhom isiru f'lingwa uffiċjali tal-awtorità rikjesta jew f'lingwa aċċettabbli minn din l-awtorità. Dan ir-rekwiżit m'għandu japplika għall-ebda dokument li jakkumpanja t-talba skont il-paragrafu 1.

4.   Jekk talba ma tkunx konformi mar-rekwiżiti formali stipulati fil-paragrafi 1 sa 3, tista' tintalab korrezzjoni jew it-tlestija tagħha; fil-frattemp jistgħu jiġu ordnati miżuri ta' prekawzjoni.

Artikolu 7

L-eżekuzzjoni tat-talbiet

1.   Biex tkun konformi ma' talba għall-għajnuna, l-awtorità rikjesta għandha tipproċedi, fil-limiti tal-kompetenza u tar-riżorsi disponibbli tagħha, daqslikieku kienet qiegħda taġixxi għal rasha jew fuq it-talba ta' awtoritajiet oħra ta' dik l-istess Parti, billi tforni informazzjoni li diġà tkun fil-pussess tal-awtorità, tagħmel stħarriġiet xierqa jew tagħmel l-arranġamenti biex dawn jitwettqu. Din għandha tapplika wkoll għal kull awtorità oħra li lilha tkun ġiet indirizzata t-talba mill-awtorità rikjesta meta din tal-aħħar ma tkunx tista' taġixxi waħidha.

2.   It-talbiet għall-assistenza għandhom jiġu eżegwiti b'konformità mad-dispożizzjonijiet legali jew regolatorji tal-Parti rikjesta. F'każ li t-talba ma tkunx tista' titwettaq, il-Parti rikjedenti għandha tiġi mgħarrfa b'dan mingħajr dewmien.

3.   Uffiċjali debitament awtorizzati ta' Parti jistgħu, bi ftehim mal-Parti l-oħra u soġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati minn din tal-aħħar, ikunu preżenti fl-uffiċċji tal-awtorità rikjesta jew ta' kull awtorità kkonċernata oħra skont il-paragrafu 1biex jiksbu informazzjoni li jkollha x'taqsam ma' attivitajiet li huma, jew li jistgħu jkunu, operazzjonijiet li jiksru l-leġislazzjoni doganali li l-awtorità applikanti teħtieġ għall-għanijiet ta' dan il-Protokoll.

4.   L-uffiċjali debitament awtorizzati ta' Parti jistgħu, bi ftehim mal-Parti l-oħra u soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti minn din tal-aħħar, ikunu preżenti għall-istħarriġiet imwettqa fit-territorju ta' din tal-aħħar.

Artikolu 8

Il-forma li fiha l-informazzjoni għandha tkun ikkomunikata

1.   L-awtorità rikjesta għandha tikkomunika r-riżultati tal-istħarriġiet lill-awtorità applikanti bil-miktub flimkien ma' dokumenti rilevanti, kopji ċċertifikati jew elementi oħra.

2.   Din l-informazzjoni tista' tkun f'forma kompjuterizzata.

3.   Dokumenti oriġinali għandhom jiġu trażmessi biss wara talba, f'każi fejn kopji ċċertifikati ma jkunux suffiċjenti. Dawn l-oriġinali għandhom jintbagħtu lura mal-ewwel opportunità.

Artikolu 9

Eċċezzjonijiet għall-obbligu ta' għoti ta' assistenza

1.   L-assistenza tista' tiġi rrifjutata jew tista' tkun suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet jew rekwiżiti, f'każijiet fejn Parti tkun tal-opinjoni li l-assistenza taħt dan il-Protokoll:

(a)

tkun x'aktarx tippreġudika s-sovranità tar-Repubblika tal-Każakistan jew dik ta' Stat Membru tal-Unjoni li jkun intalab biex jipprovdi l-assistenza skont dan il-Protokoll; jew

(b)

tkun x'aktarx li tippreġudika l-politika pubblika, is-sigurtà jew interessi essenzjali oħra, b'mod partikolari fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 10(2) ta' dan il-Protokoll; jew

(c)

tkun tikser sigriet industrijali, kummerċjali jew professjonali.

2.   L-assistenza tista' tiġi posposta mill-awtorità rikjesta fuq il-bażi li din tista' tfixkel investigazzjoni, prosekuzzjoni jew proċediment li jkunu għaddejjin. F'każ bħal dan, l-awtorità rikjesta għandha tikkonsulta mal-awtorità applikanti biex tiddeċiedi jekk l-assistenza tkunx tista' tingħata soġġetta għal dawk it-termini u l-kundizzjonijiet li l-awtorità rikjesta tista' tesiġi.

3.   Fejn l-awtorità applikanti tfittex assistenza li hija stess ma tkunx tista' tipprovdi jekk tintalab tagħmel dan, hija għandha tiġbed l-attenzjoni għal dan il-fatt fit-talba tagħha. Imbagħad ikun fid-diskrezzjoni tal-awtorità rikjesta biex tiddeċiedi kif twieġeb għal talba bħal din.

4.   Għall-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, id-deċiżjoni tal-awtorità rikjesta u r-raġunijiet għal din id-deċiżjoni għalhekk iridu jiġu kkomunikati lill-awtorità applikanti mingħajr dewmien.

Artikolu 10

L-iskambju ta' informazzjoni u l-kunfidenzjalità

1.   Kull informazzjoni kkomunikata f'kull forma skont dan il-Protokoll għandha tkun ta' natura kunfidenzjali jew ristretta, skont ir-regoli applikabbli f'kull Parti. Din għandha tkun koperta bl-obbligu tas-sigriet uffiċjali u tgawdi l-protezzjoni li tingħata lil informazzjoni simili taħt il-liġijiet rilevanti tal-Parti li rċevietha u d-dispożizzjonijiet korrispondenti applikabbli għall-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

2.   Data personali tista' tiġi skambjata biss meta l-Parti li tirċeviha tintrabat li tipproteġi din id-data b'mod li huwa kkunsidrat bħala adegwat mill-Parti li tista' tipprovdiha.

3.   L-użu, fi proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi istitwiti fir-rigward ta' operazzjonijiet li jiksru l-leġislazzjoni doganali, ta' informazzjoni miksuba skont dan il-Protokoll, jitqies li jkun għall-finijiet ta' dan il-Protokoll. Għalhekk, il-Partijiet jistgħu, fir-rekords tagħhom ta' evidenza, f'rapporti u f'testimonjanzi u fi proċedimenti u akkużi miġjubin quddiem il-qrati, jużaw bħala evidenza informazzjoni miksuba u dokumenti kkonsultati skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll. L-awtorità kompetenti li forniet dik l-informazzjoni jew tat aċċess għal dawn id-dokumenti għandha tiġi nnotifikata b'tali użu.

4.   L-informazzjoni miksuba skont dan il-Protokoll għandha tintuża biss għall-finijiet stipulati f'dan il-Protokoll. Meta Parti tkun tixtieq tuża informazzjoni bħal din għal finijiet oħra, hija għandha tikseb il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-awtorità li tkun tat l-informazzjoni. Użu bħal dan imbagħad għandu jkun soġġett għal kwalunkwe restrizzjoni stabbilita minn din l-awtorità tal-aħħar.

Artikolu 11

Esperti u xhieda

Uffiċjal ta' awtorità rikjesta jista' jiġi awtorizzat biex jidher, fil-limitazzjonijiet tal-awtorizzazzjoni mogħtija, bħala espert jew xhud fi proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi fir-rigward ta' kwistjonijiet koperti minn dan il-Protokoll, u jista' jipproduċi oġġetti, dokumenti jew kopji ċertifikati tagħhom, kif jista' jkun meħtieġ għall-proċedimenti. It-talba lill-uffiċjal għandha ssir mill-awtorità applikanti u trid tindika speċifikament quddiem liema awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja l-uffiċjal se jkollu jidher, dwar liema kwistjonijiet u f'liema kapaċità (titlu jew kwalifika).

Artikolu 12

Spejjeż ta' assistenza

Il-Partijiet għandhom jirrinunzjaw kull talba kontra xulxin għar-rimborż ta' spejjeż imġarrba skont dan il-Protokoll, għajr, kif xieraq, għal spejjeż relatati ma' esperti u xhieda, u għal dawk relatati ma' interpreti u tradutturi li ma jkunux impjegati fis-servizz pubbliku.

Artikolu 13

Implimentazzjoni

1.   L-implimentazzjoni ta' dan il-Protokoll għandha tkun fdata, minn naħa waħda, lill-awtoritajiet doganali tar-Repubblika tal-Każakistan u, min-naħa l-oħra, lis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni Ewropea u lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, kif ikun xieraq. Huma għandhom jiddeċiedu dwar kull miżura prattika u arranġament neċessarju għall-applikazzjoni tiegħu, waqt li jikkunsidraw ir-regoli fis-seħħ, partikolarment fil-qasam tal-protezzjoni tad-data.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin u sussegwentement iżommu lil xulxin infurmati dwar ir-regoli dettaljati tal-implimentazzjoni li jiġu adottati skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll.

Artikolu 14

Ftehimiet Oħra

1.   Meta jitqiesu l-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll:

(a)

m'għandhomx jaffettwaw l-obbligi tal-Partijiet taħt l-ebda ftehim jew konvenzjoni internazzjonali oħra;

(b)

għandhom jitqiesu bħala kumplimentari għal ftehimiet dwar assistenza reċiproka li jkunu ġew jew jistgħu jiġu konklużi bejn Stati Membri individwali tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan; u

(c)

m'għandhomx jaffettwaw id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jirregolaw il-komunikazzjoni bejn is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea dwar kwalunkwe informazzjoni miksuba taħt dan il-Protokoll li tista' tkun ta' interess għall-Unjoni Ewropea jew għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

2.   Minkejja l-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll għandhom jieħdu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta' kull Ftehim bilaterali dwar l-assistenza reċiproka li tkun ġiet jew li tista' tiġi konkluża bejn Stati Membri individwali tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan sa fejn id-dispożizzjonijiet ta' din tal-aħħar ikunu inkompatibbli ma' dawk ta' dan il-Protokoll.

3.   Fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-applikabbiltà ta' dan il-Protokoll, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin sabiex isolvu l-kwistjoni fil-qafas ta' djalogu regolari dwar kwistjonijiet doganali bejn il-Partijiet.


Top