This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 22015D2160
Decision of the EEA Joint Committee No 293/2014 of 12 December 2014 amending Annex XIV (Competition) to the EEA Agreement [2015/2160]
Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 293/2014 tat-12 ta’ Diċembru 2014 li temenda l-Anness XIV (Kompetizzjoni) tal-Ftehim ŻEE [2015/2160]
Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 293/2014 tat-12 ta’ Diċembru 2014 li temenda l-Anness XIV (Kompetizzjoni) tal-Ftehim ŻEE [2015/2160]
ĠU L 311, 26.11.2015, p. 47–48
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
26.11.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 311/47 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE
Nru 293/2014
tat-12 ta’ Diċembru 2014
li temenda l-Anness XIV (Kompetizzjoni) tal-Ftehim ŻEE [2015/2160]
IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 316/2014 tal-21 ta’ Marzu 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija (1) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE. |
(2) |
L-Anness XIV tal-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
It-test tal-punt 5 (ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 772/2004) tal-Anness XIV tal-Ftehim ŻEE jiġi ssostitwit bis-segwenti:
“32014 R 0316: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 316/2014 tal-21 ta’ Marzu 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija (ĠU L 93, 28.3.2014, p. 17).
Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament jinqraw, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, bl-adattamenti segwenti:
(a) |
Fl-Artikolu 6(1) jiddaħħal il-kliem segwenti ‘jew id-dispożizzjoni korrispondenti fl-Artikolu 29(1) tal-Kapitolu II tal-Parti I tal-Protokoll 4 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja’ wara l-kliem ‘skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003’. |
(b) |
Fl-Artikolu 6(2) jiddaħħal il-kliem segwenti ‘jew id-dispożizzjoni korrispondenti fl-Artikolu 29(2) tal-Kapitolu II tal-Parti I tal-Protokoll 4 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja’ wara l-kliem ‘skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003’. |
(c) |
Is-segwenti jiddaħħal fi tmiem l-Artikolu 7: ‘Skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tista’ permezz ta’ rakkomandazzjoni tiddikjara li, meta netwerks paralleli ta’ ftehimiet simili dwar trasferiment ta’ teknoloġija jkunu jkopru aktar minn 50 % ta’ suq rilevanti fl-Istati EFTA, dan ir-Regolament ma jkunx japplika għal ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija li jkun fihom limitazzjonijiet speċifiċi għal dak is-suq. Għandha tkun indirizzata rakkomandazzjoni skont il-paragrafu 1 lill-Istat tal-EFTA jew l-Istati tal-EFTA li fih jew fihom ikun jinsab is-suq rilevanti inkwistjoni. Il-Kummissjoni tkun mgħarrfa dwar il-ħruġ ta’ tali rakkomandazzjoni. Fi żmien tliet xhur mill-ħruġ ta’ rakkomandazzjoni skont il-paragrafu 1, l-Istati tal-EFTA kollha indirizzati għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA dwar jekk jaċċettawx ir-rakkomandazzjoni. Jekk it-terminu perentorju ta’ tliet xhur jiskadi mingħajr risposta, dan jinftiehem bħala aċċettazzjoni min-naħa tal-Istat tal-EFTA li ma jkunx irrisponda fil-ħin. Skont il-Ftehim, jekk Stat tal-EFTA destinatarju tar-rakkomandazzjoni jew jaċċetta r-rakkommandazzjoni inkella ma jirrispondix fil-ħin, għandu jiġi impost fuqu obbligu ġuridiku li jimplimenta r-rakkommandazzjoni fi żmien tliet xhur mill-ħruġ tagħha. Jekk fi żmien l-iskadenza ta’ tliet xhur, Stat tal-EFTA destinatarju jinnotifika lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA li ma jaċċettax ir-rakkomandazzjoni tagħha, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tinnotifika lill-Kummissjoni b’din ir-risposta. F’każ li l-Kummissjoni ma taqbilx mal-pożizzjoni tal-Istat tal-EFTA inkwistjoni, ikun japplika l-Artikolu 92(2) tal-Ftehim. L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u l-Kummissjoni għandhom jiskambjaw it-tagħrif u jikkonsultaw lil xulxin dwar l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Meta netwerks paralleli ta’ ftehimiet simili dwar trasferiment ta’ teknoloġija jkunu jkopru aktar minn 50 % ta’ suq rilevanti fit-territorju tal-Ftehim ŻEE, iż-żewġ awtoritajiet ta’ sorveljanza jistgħu jagħtu bidu għal kooperazzjoni bl-għan li jadottaw miżuri separati. Jekk iż-żewġ awtoritajiet ta’ sorveljanza jaqblu dwar suq rilevanti u dwar l-adegwatezza tal-adozzjoni ta’ miżura skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni tadotta Regolament indirizzat lill-Istati Membri tal-KE, u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tadotta rakkomandazzjoni b’kunsiderazzjonijiet korrispondenti għall-Istat tal-EFTA jew l-Istati tal-EFTA li fih jew fihom ikun jinsab is-suq rilevanti inkwistjoni.’ ” |
Artikolu 2
It-testi tar-Regolament (UE) Nru 316/2014 bil-lingwa Iżlandiża u dik Norveġiża, li se jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ikunu awtentiċi.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fit-13 ta’ Diċembru 2014, dment li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*).
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni tiġi ppubblikata fit-Taqsima dwar iż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2014.
Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-President
Kurt JÄGER
(1) ĠU L 93, 28.3.2014, p. 17.
(*) L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali ma huma indikati.