EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22015A1104(01)

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-maniġġar ta' kriżijiet

ĠU L 288, 4.11.2015, p. 4–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

Related Council decision

4.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 288/4


TRADUZZJONI

FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-maniġġar ta' kriżijiet

L-UNJONI EWROPEA

minn naħa waħda, u

IL-BOŻNIJA-ĦERZEGOVINA

min-naħa l-oħra,

minn hawn 'il quddiem imsejħin il-“Partijiet”,

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea (UE) tista' tiddeċiedi li tieħu azzjoni fil-qasam tal-maniġġar ta' kriżijiet.

(2)

L-Unjoni Ewropea għandha tiddeċiedi jekk Stati terzi jkunux mistiedna jipparteċipaw f'operazzjoni tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi. Il-Bożnija-Ħerzegovina tista' taċċetta l-istedina mill-Unjoni Ewropea u toffri l-kontribuzzjoni tagħha. F'dan il-każ, l-Unjoni Ewropea għandha tiddeċiedi dwar jekk taċċettax il-kontribuzzjoni proposta tal-Bożnija-Ħerzegovina.

(3)

Il-kondizzjonijiet rigward il-parteċipazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina f'operazzjonijiet tal-UE għall-maniġġar ta' kriżijiet għandhom ikunu stipulati fi Ftehim li jistabbilixxi qafas għal tali parteċipazzjoni fil-futur, pjuttost minn definizzjoni każ b'każ rigward dawk il-kondizzjonijiet għal kull operazzjoni kkonċernata.

(4)

Tali Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea, u ma għandux jippreġudika n-natura każ b'każ tad-deċiżjonijiet tal-Bożnija-Ħerzegovina li tipparteċipa f'operazzjoni tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi.

(5)

Tali Ftehim għandu jindirizza biss operazzjonijiet tal-UE għall-maniġġar ta' kriżijiet fil-futur u għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehimiet eżistenti possibbli li jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina f'operazzjoni tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi li tkun diġà nbdiet,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Deċiżjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni

1.   Wara d-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea li tistieden lill-Bożnija-Ħerzegovina biex tipparteċipa f'operazzjoni tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi, u ladarba l-Bożnija-Ħerzegovina tkun iddeċiediet li tipparteċipa, il-Bożnija-Ħerzegovina għandha tipprovdi informazzjoni dwar il-kontribuzzjoni proposta tagħha lill-Unjoni Ewropea.

2.   Il-valutazzjoni mill-Unjoni Ewropea tal-kontribuzzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għandha ssir b'konsultazzjoni mal-Bożnija-Ħerzegovina.

3.   L-Unjoni Ewropea għandha tipprovdi lill-Bożnija-Ħerzegovina b'indikazzjoni bikrija tal-kontribuzzjoni probabbli għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni mill-aktar fis possibli bil-ħsieb li tgħin lill-Bożnija-Ħerzegovina fil-formulazzjoni tal-offerta tagħha.

4.   L-Unjoni Ewropea għandha tikkomunika l-eżitu ta' din il-valutazzjoni lill-Bożnija-Ħerzegovina permezz ta' ittra bil-ħsieb li tiżgura l-parteċipazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Qafas

1.   Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha tassoċja ruħha mad-Deċiżjoni tal-Kunsill li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li l-UE twettaq l-operazzjoni għall-maniġġar ta' kriżi, u ma' kwalunkwe deċiżjoni oħra li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li jestendi l-operazzjoni tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi, skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġament implimentattiv meħtieġ.

2.   Il-kontribuzzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għal operazzjonijiet tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija deċiżjonali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Status ta' persunal u forzi

1.   L-istatus ta' persunal issekondat għal operazzjoni ċivili tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi u/jew tal-forzi kkontribwiti lil operazzjoni militari tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi mill-Bożnija-Ħerzegovina għandhom ikunu regolati mill-ftehim dwar l-istatus tal-forzi/missjoni, jekk disponibbli, konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni.

2.   L-istatus tal-persunal ikkontribwit għall-kwartieri ġenerali jew elementi ta' kmand li jinsabu barra l-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi, għandu jkun regolat minn arranġamenti bejn il-kwartieri ġenerali u l-elementi ta' kmand ikkonċernati u l-Bożnija-Ħerzegovina.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-ftehim dwar l-istatus tal-forzi/missjoni msemmi fil-paragrafu 1, il-Bożnija-Ħerzegovina għandha teżerċita ġurisdizzjoni fuq il-persunal tagħha li jipparteċipa fl-operazzjoni tal-UE għall-maniġġarta' kriżi. F'każijiet fejn il-forzi tal-Bożnija-Ħerzegovina joperaw abbord bastiment jew inġenju tal-ajru ta' Stat Membru tal-UE, dan l-Istat tal-aħħar għandu jeżerċita l-ġurisdizzjoni f'konformità mal-liġijiet u l-proċeduri interni tiegħu.

4.   Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha tkun responsabbli biex tirrispondi għal kull talba marbuta mal-parteċipazzjoni f'operazzjoni tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi, li tiġi minn jew li tikkonċerna xi membru tal-persunal tagħha. Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha tkun responsabbli biex tressaq kwalunkwe azzjoni, b'mod partikolari legali jew dixxiplinarja, kontra membri tal-persunal tagħha, skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha.

5.   Il-Partijiet jaqblu li jirrinunzjaw għat-talbiet kollha, ħlief għal dawk kuntrattwali, kontra xulxin għal dannu, telf jew distruzzjoni ta' assi ta' proprjetà ta'/operati minn Parti jew oħra, jew għall-korriment jew mewt ta' persunal ta' Parti jew oħra, li jirriżultaw mit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom konnessi mal-attivitajiet taħt dan il-ftehim, ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja.

6.   Il-Bożnija-Ħerzegovina tintrabat li tagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta' talbiet kontra kull Stat li jipparteċipa f'operazzjoni ta' maniġġar ta' kriżi tal-UE li fiha tipparteċipa l-Bożnija-Ħerzegovina, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim.

7.   L-Unjoni Ewropea tintrabat li tiżgura li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta' drittijiet, għal kull parteċipazzjoni futura tal-Bożnija-Ħerzegovina f'operazzjoni tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi, u li jagħmlu dan meta jiffirmaw dan il-Ftehim.

Artikolu 4

Informazzjoni klassifikata

1.   Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha tieħu miżuri adatti sabiex tiżgura li l-informazzjoni klassifikata tal-UE tkun imħarsa skont ir-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta' Marzu 2011 dwar ir-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (1), u skont gwida ulterjuri maħruġa minn awtoritajiet kompetenti, inkluż il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE dwar operazzjoni militari tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi jew il-Kap tal-Missjoni tal-UE dwar operazzjoni ċivili tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi.

2.   Fejn l-UE u l-Bożnija-Ħerzegovina jkunu kkonkludew ftehim dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata, id-dispożizzjonijiet ta' tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta' operazzjoni tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi.

TAQSIMA II

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR PARTEĊIPAZZJONI F'OPERAZZJONIJIET ĊIVILI GĦALL-MANIĠĠAR TA' KRIŻIJIET

Artikolu 5

Persunal issekondat lil operazzjoni ċivili tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi

1.   Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha tiżgura li l-persunal tagħha ssekondat lill-operazzjoni ċivili tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi jidħol għall-missjoni tiegħu b'mod konformi ma':

(a)

id-Deċiżjoni tal-Kunsill u emendi sussegwenti kif previst fl-Artikolu 2(1);

(b)

il-Pjan tal-Operazzjoni;

(c)

il-miżuri implimentattivi.

2.   Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha tinforma fi żmien xieraq lill-Kap tal-Missjoni tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar kull bidla fil-kontribuzzjoni tagħha lill-operazzjoni ċivili tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi.

3.   Il-persunal issekondat lill-operazzjoni ċivili tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi għandu jissottometti ruħu għal eżami mediku, vaċċinazzjoni u jkun medikament iċċertifikat b'saħħtu għax-xogħol minn awtoritá kompetenti mill-Bożnija-Ħerzegovina. Il-persunal issekondat lill-operazzjoni ċivili tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi għandu jipproduċi kopja ta' din iċ-ċertifikazzjoni.

Artikolu 6

Linja ta' kmand

1.   Persunal issekondat mill-Bożnija-Ħerzegovina għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu u jġib ruħu billi jżomm f'moħħu biss l-interessi tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi.

2.   Il-persunal kollu għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tiegħu.

3.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kontroll operattiv lill-Unjoni Ewropea.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi fuq il-post.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jmexxi l-operazzjoni ċivili tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi u jieħu f'idejh l-amministrazzjoni tagħha ta' kuljum.

6.   Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha jkollha l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' amministrazzjoni ta' kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jkunu qed jipparteċipaw fl-operazzjoni, skont l-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1).

7.   Il-Kap tal-Missjoni tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari tal-persunal tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi. Fejn meħtieġ, għandha tittieħed azzjoni dixxiplinarja mill-awtoritá nazzjonali kkonċernata.

8.   Għandu jinħatar Punt ta' Kuntatt mal-Kontinġent Nazzjonali (“NPC”) mill-Bożnija-Ħerzegovina biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-operazzjoni. L-NPC għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi dwar kwistjonijiet nazzjonali u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta' kuljum tal-kontinġent.

9.   Id-deċiżjoni li tintemm l-operazzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea, wara konsultazzjoni mal-Bożnija-Ħerzegovina jekk hija tkun għadha qed tikkontribwixxi għall-operazzjoni ċivili tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi fid-data tat-terminazzjoni tal-operazzjoni.

Artikolu 7

Aspetti finanzjarji

1.   Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni ħlief għall-ispejjeż kurrenti, kif stabbilit fil-baġit operattiv tal-operazzjoni. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8.

2.   F'każ ta' mewt, korriment, telf jew ħsara lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni, il-Bożnija-Ħerzegovina għandha, meta r-responsabbiltà tagħha tkun ġiet stabbilita, tħallas kumpens skont il-kondizzjonijiet previsti fil-ftehim applikabbli dwar l-status tal-missjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1).

Artikolu 8

Kontribuzzjoni għall-baġit operattiv

1.   Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-baġit tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Bożnija-Ħerzegovina għall-baġit operattiv għandha tiġi kkalkolata abbażi ta' waħda mill-formoli li ġejjin, skont liema waħda tipproduċi l-inqas ammont:

(a)

is-sehem tal-ammont ta' referenza li jkun proporzjonali għall-proporzjon tad-dħul nazzjonali gross tal-Bożnija-Ħerzegovina fit-total tal-ING tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-baġit operattiv tal-operazzjoni;

jew

(b)

is-sehem tal-ammont ta' referenza għall-baġit operattiv li jkun proporzjonali għall-proporzjon tan-numru tal-persunal tal-Bożnija-Ħerzegovina li jkunu qegħdin jipparteċipaw fl-operazzjoni għan-numru totali ta' persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni.

3.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, il-Bożnija-Ħerzegovina ma għandha tagħmel l-ebda kontribuzzjoni għall-finanzjament ta' allowances per diem imħallsa lill-persunal tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

4.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni Ewropea għandha, bħala prinċipju, teżenta lill-Bożnija-Ħerzegovina minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal operazzjoni ċivili partikolari tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi meta:

(a)

l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li l-Bożnija-Ħerzegovina tipprovdi kontribuzzjoni sinifikanti li hija essenzjali għal din l-operazzjoni;

jew

(b)

il-Bożnija-Ħerzegovina jkollha ING per capita li ma jaqbiżx dak ta' ebda Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

5.   Għandu jiġi ffirmat arranġament dwar il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tal-Bożnija-Ħerzegovina għall-baġit operattiv tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi, bejn il-Kap tal-Missjoni tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi u s-servizzi amministrattivi rilevanti tal-Bożnija-Ħerzegovina. Dak l-arranġament għandu jinkludi, inter alia, id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ammont ikkonċernat;

(b)

l-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja;

(c)

il-proċedura għall-verifika tal-kontijiet.

TAQSIMA III

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR PARTEĊIPAZZJONI F'OPERAZZJONIJIET MILITARI GĦALL-MANIĠĠAR TA' KRIŻIJIET

Artikolu 9

Parteċipazzjoni fl-operazzjoni militari tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi

1.   Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha tiżgura li l-forzi tagħa u l-persunal li jipparteċipaw fl-operazzjoni militari tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi jidħlu għall-missjoni tagħhom b'mod konformi ma'

(a)

id-Deċiżjoni tal-Kunsill u emendi sussegwenti kif imsemmija fl-Artikolu 2(1);

(b)

il-Pjan ta' Operazzjoni;

(c)

il-miżuri implimentattivi.

2.   Il-persunal issekondat mill-Bożnija-Ħerzegovina għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu billi jżomm f'moħħu biss l-interessi tal-operazzjoni militari tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi.

3.   Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha tinforma lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE fi żmien xieraq dwar kull bidla fil-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni.

Artikolu 10

Linja ta' kmand

1.   Il-forzi u l-persunal kollha li jipparteċipaw fl-operazzjoni militari tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi għandhom jibqgħu taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kmand Operattiv u Tattiku u/jew il-kontroll tal-forzi u tal-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE, li għandu d-dritt li jiddelega l-awtorità tiegħu.

3.   Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha jkollha l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' tmexxija ta' kuljum tal-operazzjoni bħal Stati Membri parteċipanti tal-Unjoni Ewropea.

4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jista', wara konsultazzjonijiet mal-Bożnija-Ħerzegovina, fi kwalunkwe ħin jitlob l-irtirar tal-kontribuzzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina.

5.   Għandu jinħatar Rappreżentant Militari Superjuri (SMR) mill-Bożnija-Ħerzegovina biex jirrappreżenta l-kontinġent tal-Bożnija-Ħerzegovina fl-operazzjoni militari tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi. L-SMR għandu jikkonsulta mal-Kmandant tal-Forza tal-UE dwar il-kwistjonijiet kollha li jolqtu l-operazzjoni u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta' kuljum tal-kontinġent tal-Bożnija-Ħerzegovina.

Artikolu 11

Aspetti finanzjarji

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, il-Bożnija-Ħerzegovina għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni sakemm l-ispejjeż ma jkunux suġġetti għal finanzjament komuni kif previst fl-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1), kif ukoll fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/871/PESK tad-19 ta' Diċembru 2011 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (Athena) (2).

2.   F'każ ta' mewt, korriment, telf jew dannu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni, il-Bożnija-Ħerzegovina għandha, meta r-responsabbiltà tagħha tkun ġiet stabbilita, tħallas kumpens skont il-kondizzjonijiet previsti fil-ftehim applikabbli dwar l-istatus tal-forzi, imsemmi fl-Artikolu 3(1).

Artikolu 12

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż komuni

1.   Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Bożnija-Ħerzegovina għall-ispejjeż komuni għandha tiġi kkalkolata abbażi ta' waħda miż-żewġ formoli li ġejjin, skont liema waħda tipproduċi l-inqas ammont:

(a)

is-sehem tal-ispejjeż komuni li jkun proporzjonali għall-proporzjon tal-ING tal-Bożnija-Ħerzegovina fit-total tal-ING tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni;

jew

(b)

is-sehem tal-ispejjeż komuni li jkun proporzjonali għall-proporzjon tan-numru tal-persunal mill-Bożnija-Ħerzegovina li jkunu qegħdin jipparteċipaw fl-operazzjoni għan-numru totali ta' persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni.

Fejn tintuża l-formula taħt il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu u l-Bożnija-Ħerzegovina tikkontribwixxi biss persunal għall-Operazzjoni jew għall-Kwartieri Ġenerali tal-Forzi, il-proporzjon użat għandu jkun dak tal-persunal tiegħu għal dak tan-numru totali tal-persunal rispettiv tal-kwartieri ġenerali. F'każijiet oħra, il-proporzjon għandu jkun dak tal-persunal kollu kkontribwit mill-Bożnija-Ħerzegovina għal dak tal-persunal totali tal-operazzjoni.

3.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni Ewropea għandha, bħala prinċipju, teżenta lill-Bożnija-Ħerzegovina minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-ispejjeż komuni ta' operazzjoni militari partikolari tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi meta:

(a)

l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li l-Bożnija-Ħerzegovina tipprovdi kontribuzzjoni sinifikanti għall-assi u/jew għall-kapaċitajiet li jkunu essenzjali għall-operazzjoni;

jew

(b)

il-Bożnija-Ħerzegovina jkollha ING per capita li ma jaqbiżx dak ta' ebda Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

4.   Għandu jiġi konkluż arranġament bejn l-Amministratur previst fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/871/PESK u l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina. Dak l-arranġament għandu jinkludi, inter alia, dispożizzjonijiet dwar:

(a)

l-ammont ikkonċernat;

(b)

l-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja;

(c)

il-proċedura tal-verifika tal-kontijiet.

TAQSIMA IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Arranġamenti biex jiġi implimentat il-Ftehim

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8(5) u 12(4), kull arranġament tekniku u amministrattiv meħtieġ għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż bejn ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina.

Artikolu 14

Nonkonformità

Jekk waħda mill-Partijiet tonqos milli tikkonforma mal-obbligi tagħha taħt dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra jkollha d-dritt li ttemm dan il-Ftehim billi tibgħat notifika bil-miktub minn xahar qabel.

Artikolu 15

Riżoluzzjoni ta' disputi

Id-disputi li jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu riżolti b'mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni meħtieġa għal dan il-għan.

2.   Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat b'mod provviżorju mid-data tal-firma.

3.   Dan il-Ftehim għandu jkun suġġett għal reviżjoni regolari.

4.   Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat abbażi ta' ftehim reċiproku bil-miktub bejn il-Partijiet.

5.   Dan il-Ftehim jista' jiġi ddenunzjat minn kull Parti b'notifika bil-miktub ta' denunzja mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali denunzja għandha jkollha effett sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tirċievi n-notifika.

6.   Dan il-Ftehim għandu jitfassal duplikatament bil-lingwi li ġejjin: Ingliża, Bosnijaka, Kroata, u Serba, bit-testi kollha ugwalment awtentiċi. F'każ ta' disputa, għandha tipprevalixxi l-versjoni Ingliża ta' dan il-Ftehim.


(1)  ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.

(2)  ĠU L 343, 23.12.2011, p. 35.


TEST GĦAD-DIKJARAZZJONIJIET

Test għall-Istati Membri tal-UE:

“L-Istati Membri tal-UE li japplikaw Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE dwar operazzjoni tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi li fiha tipparteċipa l-Bożnija-Ħerzegovina ser jippruvaw, safejn is-sistemi legali interni tagħhom hekk jippermettu, jirrinunzjaw safejn possibbli għal pretensjonijiet kontra l-Bożnija-Ħerzegovina għal korriment, mewt ta' persunal tagħhom, jew dannu lil, jew telf ta', kwalunkwe assi li jkunu proprjetà tagħhom u użati mill-operazzjoni tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:

kienu kkawżati minn persunal mill-Bożnija-Ħerzegovina fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu f'konnessjoni mal-operazzjoni tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi, ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew ta' kondotta skorretta volontarja,

jew irriżultaw mill-użu ta' kwalunkwe assi li jkunu proprjetà tal-Bożnija-Ħerzegovina, sakemm l-assi jkunu ntużaw b'konnessjoni mal-operazzjoni u ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew kondotta skorretta volontarja tal-persunal tal-operazzjoni tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi mill-Bożnija-Ħerzegovina li juża dawk l-assi.”.

Test għall-Bożnija-Ħerzegovina:

“Il-Bożnija-Ħerzegovina waqt li tapplika Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE dwar operazzjoni tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi ser tipprova, safejn is-sistema legali interna tagħha hekk tippermetti, tirrinunzja, safejn possibbli, għal pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat ieħor li jipparteċipa fl-operazzjoni tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi għal korriment, mewt ta' persunal tiegħu, jew dannu lil, jew telf ta', kwalunkwe assi li jkunu proprjetà tagħha stess u użati mill-operazzjoni tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:

kienu kkawżati minn persunal fl-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tagħhom b'konnessjoni mal-operazzjoni tal-UE għall-maniġġar ta' kriżit, ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew ta' kondotta skorretta volontarja,

jew irriżultaw mill-użu ta' kwalunkwe assi li jkunu proprjetà tal-Istati parteċipanti fl-operazzjoni tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi, sakemm l-assi jkunu ntużaw b'konnessjoni mal-operazzjoni u ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew kondotta skorretta volontarja tal-persunal tal-operazzjoni tal-UE għall-maniġġar ta' kriżi li juża dawk l-assi.”.


Top