Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22015A0319(01)

Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu

ĠU L 75, 19.3.2015, p. 4–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/convention/2015/451/oj

Related Council decision

19.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 75/4


KONVENZJONI DWAR IL-KUMMERĊ INTERNAZZJONALI FL-ISPEĊIJIET TA' FAWNA U FLORA SELVAĠĠI FIL-PERIKLU

Iffirmat f'Washington D.C. fit-3 ta' Marzu 1973

Emendat f'Bonn fit-22 ta' Ġunju 1979

Emendat f'Gaborone fit-30 ta' April 1983

L-ISTATI KONTRAENTI,

JIRRIKONOXXU LI l-fawna u l-flora selvaġġi fil-ħafna għamliet sbieħ u varjati tagħhom huma parti mhux sostitwibbli tas-sistemi naturali tad-dinja li għandhom ikunu protetti għal din il-ġenerazzjoni u dawk futuri;

KONXJI tal-valur dejjem jikber tal-fawna u l-flora selvaġġi mill-aspetti estetiċi, xjentifiċi, kulturali, rikreattivi u ekonomiċi;

JIRRIKONOXXU LI l-popli u l-Istati huma u għandhom ikunu l-aħjar protetturi tal-fawna u l-flora selvaġġi tagħhom;

JIRRIKONOXXU, ukoll, li l-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali għall-protezzjoni ta' ċerti speċijiet ta' fawna u flora selvaġġi kontra l-isfruttament żejjed permezz tal-kummerċ internazzjonali;

KONVINTI bl-urġenza li jieħdu miżuri xierqa għal din il-fini,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu I

Definizzjonijiet

Għall-fini tal-Konvenzjoni preżenti, sakemm il-kuntest ma jkunx jirrikjedi mod ieħor:

(a)

“Speċi” tfisser kwalunkwe speċi, subspeċi, jew popolazzjoni ġeografikament separata tiegħu;

(b)

“Eżemplari” tfisser:

(i)

kwalunkwe annimal jew pjanta, sew jekk ħajjin kif ukoll mejtin;

(ii)

fil-każ ta' annimal: għall-ispeċijiet inklużi fl-Appendiċijiet I u II, kwalunkwe parti jew derivata rikonoxxibbli faċilment tagħhom; u għall-ispeċijiet inklużi fl-Appendiċi III, kwalunkwe parti jew derivatta rikonoxxibbli faċilment tagħhom kif speċifikat fl-Appendiċi III f'rabta mal-ispeċijiet; u

(iii)

fil-każ ta' pjanta: għall-ispeċijiet inklużi fl-Appendiċi I, kwalunkwe parti jew derivata rikonoxxibbli faċilment tagħhom; u għall-ispeċijiet inklużi fl-Appendiċijiet II u III, kwalunkwe parti jew derivata rikonoxxibbli faċilment tagħhom kif speċifikat fl-Appendiċijiet II u III f'rabta mal-ispeċijiet;

(c)

“Kummerċ” tfisser esportazzjoni, esportazzjoni mill-ġdid, importazzjoni u introduzzjoni mill-baħar;

(d)

“Esportazzjoni mill-ġdid” tfisser esportazzjoni ta' kwalunkwe eżemplari li preċedentament ikun ġie importat;

(e)

“Introduzzjoni mill-baħar” tfisser trasportazzjoni fi Stat ta' eżemplari ta' kwalunkwe speċi li kienu ttieħdu mill-ambjent marittimu mhux taħt il-ġurisdizzjoni ta' kwalunkwe Stat;

(f)

“Awtorità Xjentifika” tfisser awtorità nazzjonali xjentifika innominata f'konformità mal-Artikolu IX;

(g)

“Awtorità ta' Ġestjoni” tfisser awtorità nazzjonali ta' ġestjoni nominata f'konformità mal-Artikolu IX;

(h)

“Parti” tfisser Stat li għalih tkun daħħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni preżenti.

Artikolu II

Prinċipji Fundamentali

1.   L-Appendiċi I għandu jinkludi l-ispeċijiet kollha li jinsabu fil-periklu li jinqerdu li huma jew li jistgħu ikunu affettwati mill-kummerċ. Il-kummerċ fl-eżemplari ta' dawn l-ispeċijiet għandu jkun suġġett għal regolamentazzjoni partikolarment stretta sabiex ma jipperikolax aktar is-sopravivenza tagħhom u għandu jkun awtorizzat biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

2.   L-Appendiċi II għandu jinkludi:

(a)

l-ispeċijiet kollha li għalkemm bħalissa mhumiex neċessarjament fil-periklu li jinqerdu jistgħu jispiċċaw hekk sakemm il-kummerċ fl-eżemplari ta' speċijiet bħal dawn ma jkunx suġġett għal regolamentazzjoni stretta sabiex tkun evitata utilizzazzjoni li tkun inkompatibbli mas-sopravivenza tagħhom; u

(b)

l-ispeċijiet l-oħrajn li għandhom ikunu suġġetti għar-regolamentazzjoni sabiex il-kummerċ fl-eżemplari ta' ċerti speċijiet imsemmija fis-subparagrafu (a) ta' dan il-paragrafu jistgħu jinġiebu taħt kontroll effettiv.

3.   L-Appendiċi III għandu jinkludi l-ispeċijiet kollha li kwalunkwe Parti tidentifika bħala li huma suġġetti għal regolamentazzjoni fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħha għall-fini ta' prevenzjoni jew restrizzjoni tal-isfruttament, u bħala li jkunu jeħtieġu l-kooperazzjoni ta' Partijiet oħrajn fil-kontroll tal-kummerċ.

4.   Il-Partijiet ma għandhomx jippermettu kummerċ fl-eżemplari ta' speċijiet inklużi fl-Appendiċijiet I, II u III ħlief f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni preżenti.

Artikolu III

Regolamentazzjoni tal-Kummerċ f'Eżemplari ta' Speċijiet Inklużi fl-Appendiċi I

1.   Il-kummerċ kollu fl-eżemplari ta' speċijiet inklużi fl-Appendiċi I għandu jkun f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

2.   L-esportazzjoni ta' kwalunkwe eżemplari ta' speċi inkluż fl-Appendiċi I għandha tirrikjedi l-għoti minn qabel u l-preżentazzjoni ta' permess tal-esportazzjoni. Permess tal-esportazzjoni għandu jingħata biss meta jkunu ntlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Awtorità Xjentifika tal-Istat tal-esportazzjoni tkun irrakkomandat li esportazzjoni bħal din mhux se tkun detrimentali għas-sopravivenza ta' dik l-ispeċi;

(b)

Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tal-esportazzjoni tkun sodisfatta li l-eżemplari ma nkisibx b'kontravenzjoni tal-liġijiet ta' dak l-Istat fir-rigward tal-protezzjoni tal-fawna u l-flora;

(c)

Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tal-esportazzjoni tkun sodisfatta li kwalunkwe eżemplari ħaj ikun hekk ippreparat u ttrasportat sabiex ikun minimizzat ir-riskju ta' korriment, ħsara għas-saħħa jew trattament krudili; u

(d)

Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tal-esportazzjoni tkun sodisfatta li għal dak l-eżemplari jkun ingħata permess tal-importazzjoni.

3.   L-importazzjoni ta' kwalunkwe eżemplari ta' speċi inkluż fl-Appendiċi I għandha tirrikjedi l-għoti minn qabel u l-preżentazzjoni ta' permess tal-importazzjoni u, permess tal-esportazzjoni jew ċertifikat tal-esportazzjoni mill-ġdid. Permess tal-importazzjoni għandu jingħata biss meta l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ntlaħqu:

(a)

Awtorità Xjentifika tal-Istat tal-importazzjoni tkun irrakkomandat li l-importazzjoni se tkun għal skopijiet li mhumiex detrimentali għas-sopravivenza tal-ispeċi involut;

(b)

Awtorità Xjentifika tal-Istat tal-importazzjoni tkun sodisfatta li r-riċevitur propost ta' eżemplari ħaj ikun mgħammar sewwa sabiex jilqa u jieħu kura tiegħu; u

(c)

Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tal-importazzjoni tkun sodifatta li l-eżemplari mhux se jintuża għal skopijiet primarjament kummerċjali.

4.   L-esportazzjoni mill-ġdid ta' kwalunkwe eżemplari ta' speċi inkluż fl-Appendiċi I għandha tirrikjedi l-għoti minn qabel u l-preżentazzjoni ta' ċertifikat tal-esportazzjoni mill-ġdid. Ċertifikat tal-esportazzjoni mill-ġdid għandu jingħata biss meta jkunu ntlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tal-esportazzjoni mill-ġdid tkun sodisfatta li l-eżemplari kien ġie importat f'dak l-Istat f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni preżenti;

(b)

Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tal-esportazzjoni mill-ġdid tkun sodisfatta li kwalunkwe eżemplari ħaj ikun hekk ippreparat u ttrasportat sabiex ikun minimizzat ir-riskju ta' korriment, ħsara għas-saħħa jew trattament krudili; u

(c)

Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tal-esportazzjoni mill-ġdid tkun sodisfatta li l-permess tal-importazzjoni jkun ingħata għal kwalunkwe eżemplari ħaj.

5.   L-introduzzjoni mill-baħar ta' kwalunkwe eżemplari ta' speċi inkluż fl-Appendiċi I għandha tirrikjedi l-għoti minn qabel ta' ċertifikat minn Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tal-introduzzjoni. Ċertifikat għandu jingħata biss meta l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ntlaħqu:

(a)

Awtorità Xjentifika tal-Istat tal-introduzzjoni tkun irrakkomandat li l-introduzzjoni mhux se tkun detrimentali għas-sopravivenza tal-ispeċi involut;

(b)

Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tal-introduzzjoni tkun sodisfatta li r-riċevitur propost ta' eżemplari ħaj ikun mgħammar sewwa sabiex jilqa u jieħu kura tiegħu; u

(c)

Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tal-introduzzjoni tkun sodifatta li l-eżemplari mhux se jintuża għal skopijiet primarjament kummerċjali.

Artikolu IV

Regolamentazzjoni tal-Kummerċ f'Eżemplari ta' Speċijiet Inklużi fl-Appendiċi II

1.   Il-kummerċ kollu fl-eżemplari ta' speċijiet inklużi fl-Appendiċi II għandu jkun f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

2.   L-esportazzjoni ta' kwalunkwe eżemplari ta' speċi inkluż fl-Appendiċi II għandha tirrikjedi l-għoti minn qabel u l-preżentazzjoni ta' permess tal-esportazzjoni. Permess tal-esportazzjoni għandu jingħata biss meta l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ntlaħqu:

(a)

Awtorità Xjentifika tal-Istat tal-esportazzjoni tkun irrakkomandat li esportazzjoni bħal din mhux se tkun detrimentali għas-sopravivenza ta' dik l-ispeċi;

(b)

Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tal-esportazzjoni tkun sodisfatta li l-eżemplari ma nkisibx b'kontravenzjoni tal-liġijiet ta' dak l-Istat fir-rigward tal-protezzjoni tal-fawna u l-flora; u

(c)

Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tal-esportazzjoni tkun sodisfatta li kwalunkwe eżemplari ħaj ikun hekk ippreparat u ttrasportat sabiex ikun minimizzat ir-riskju ta' korriment, ħsara għas-saħħa jew trattament krudili.

3.   Awtorità Xjentifika f'kull Parti għandha tagħmel monitoraġġ kemm tal-permessi tal-esportazzjoni mogħtija minn dak l-Istat għal eżemplari ta' speċijiet inklużi fl-Appendiċi II kif ukoll l-esportazzjonijiet attwali ta' eżemplari bħal dawn. Kull meta Awtorità Xjentifika tiddetermina li l-esportazzjoni ta' eżemplari ta' kwalunkwe speċi bħal dan għandha tkun limitata sabiex iżżomm dik l-ispeċi fil-firxa kollha tagħha f'livell kostanti mar-rwol tiegħu fl-ekosistemi li fihom jokkorri u ferm ogħla mil-livell li fih dik l-ispeċi jista' jsir eliġibbli għall-inklużjoni fl-Appendiċi I, l-Awtorità Xjentifika għandha tirrakkomanda lill-Awtorità ta' Ġestjoni li tixraq bil-miżuri adattati li għandhom jittieħdu sabiex ikun limitat l-għoti ta' permessi tal-esportazzjoni għall-eżemplari ta' dik l-ispeċi.

4.   L-importazzjoni ta' kwalunkwe eżemplari ta' speċi inkluż fl-Appendiċi II għandha tirrikjedi l-preżentazzjoni minn qabel tal-permess tal-esportazzjoni jew taċ-ċertifikat tal-esportazzjoni mill-ġdid.

5.   L-esportazzjoni mill-ġdid ta' kwalunkwe eżemplari ta' speċi inkluż fl-Appendiċi II għandha tirrikjedi l-għoti minn qabel u l-preżentazzjoni ta' ċertifikat tal-esportazzjoni mill-ġdid. Ċertifikat tal-esportazzjoni mill-ġdid għandu jingħata biss meta l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ntlaħqu:

(a)

Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tal-esportazzjoni mill-ġdid tkun sodisfatta li l-eżemplari kien ġie importat f'dak l-Istat f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni preżenti; u

(b)

Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tal-esportazzjoni mill-ġdid tkun sodisfatta li kwalunkwe eżemplari ħaj ikun hekk ippreparat u ttrasportat sabiex ikun minimizzat ir-riskju ta' korriment, ħsara għas-saħħa jew trattament krudili.

6.   L-introduzzjoni mill-baħar ta' kwalunkwe eżemplari ta' speċi inkluż fl-Appendiċi II għandha tirrikjedi l-għoti minn qabel ta' ċertifikat minn Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tal-introduzzjoni. Ċertifikat għandu jingħata biss meta l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ntlaħqu:

(a)

Awtorità Xjentifika tal-Istat tal-introduzzjoni tirrakkomanda li l-introduzzjoni mhux se tkun detrimentali għas-sopravivenza tal-ispeċi involut; u

(b)

Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tal-introduzzjoni tkun sodisfatta li kwalunkwe eżemplari ħaj ikun hekk amministrat sabiex ikun minimizzat ir-riskju ta' korriment, ħsara għas-saħħa jew trattament krudili.

7.   Iċ-ċertifikati msemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu jistgħu jingħataw fuq ir-rakkomandazzjoni ta' Awtorità Xjentifika, b'konsultazzjoni ma' awtoritajiet xjentifiċi nazzjonali oħrajn jew, fejn jixraq, awtoritajiet xjentifiċi internazzjonali, fir-rigward ta' perjodi li ma jaqbżux sena waħda għall-għadd totali ta' eżemplari li għandhom ikunu ntrodotti matul perjodi bħal dawn.

Artikolu V

Regolamentazzjoni tal-Kummerċ f'Eżemplari ta' Speċijiet Inklużi fl-Appendiċi III

1.   Il-kummerċ kollu fl-eżemplari ta' speċijiet inklużi fl-Appendiċi III għandu jkun f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

2.   L-esportazzjoni ta' kwalunkwe eżemplari ta' speċi inkluż fl-Appendiċi III minn kwalunkwe Stat li jkun inkluda dik l-ispeċi fl-Appendiċi III għandha tirrikjedi l-għoti minn qabel u l-preżentazzjoni tal-permess tal-esportazzjoni. Permess tal-esportazzjoni għandu jingħata biss meta l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ntlaħqu:

(a)

Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tal-esportazzjoni tkun sodisfatta li l-eżemplari ma jkunx inkiseb b'kontravenzjoni tal-liġijiet ta' dak l-Istat fir-rigward tal-protezzjoni tal-fawna u l-flora; u

(b)

Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tal-esportazzjoni tkun sodisfatta li kwalunkwe eżemplari ħaj ikun hekk ippreparat u ttrasportat sabiex ikun minimizzat ir-riskju ta' korriment, ħsara għas-saħħa jew trattament krudili.

3.   L-importazzjoni ta' kwalunkwe eżemplari ta' speċi inkluż fl-Appendiċi III għandha tirrikejdi, ħlief fiċ-ċirkostanzi li għalihom japplika l-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, il-preżentazzjoni bil-quddiem ta' ċertifikat tal-oriġini u, meta l-importazzjoni tkun minn Stat li jkun inkluda dik l-ispeċi fl-Appendiċi III, permess tal-esportazzjoni.

4.   Fil-każ tal-esportazzjoni mill-ġdid, ċertifikat mogħti mill-Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tal-esportazzjoni mill-ġdid li l-eżemplari kien ġie pproċesat f'dak l-Istat jew ikun qiegħed jiġi esportat mill-ġdid għandu jkun aċċettat mill-Istat tal-importazzjoni bħala evidenza li kien hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni preżenti fir-rigward tal-eżemplari konċernat.

Artikolu VI

Permessi u Ċertifikati

1.   Il-permessi u ċ-ċertifikati mogħtija skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli III, IV u V għandhom ikunu f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

2.   Il-permess tal-esportazzjoni għandu jinkludi l-informazzjoni speċifikata fil-mudell mhemuż fl-Appendiċi IV, u jista jkun użat biss għall-esportazzjoni matul perjodu ta' sitt xhur mid-data li fiha jkun ingħata.

3.   Kull permess jew ċertifikat għandu jinkludi t-titolu tal-Konvenzjoni preżenti, l-isem u kwalunkwe timbru ta' identifikazzjoni tal-Awtorità ta' Ġestjoni li tkun ħarġitu u numru tal-kontroll assenjat mill-Awtorità ta' Ġestjoni.

4.   Kwalunkwe kopja tal-permess jew taċ-ċertifikat maħruġin mill-Awtorità ta' Ġestjoni għandhom ikunu mmarkati b'mod ċar bħala kopji biss u l-ebda kopja minn dawn ma tista' tintuża minflok l-oriġinali, ħlief sal-limitu mħaddan hemmhekk.

5.   Għal kull konsenja ta' eżemplari għandu jkun meħtieġ permess jew ċertifikat separat.

6.   Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tal-importazzjoni ta' kwalunkwe eżemplari għandha tikkanċella u żżomm il-permess tal-esportazzjoni jew iċ-ċertifikat tal-esportazzjoni mill-ġdid u kwalunkwe permess tal-importazzjoni korrispondenti ippreżentat fir-rigward tal-importazzjoni ta' dak l-eżemplari.

7.   Fejn jixraq u fattibbli Awtorità ta' Ġestjoni tista' timmarka kwalunkwe eżemplari sabiex tgħin fl-identifikazzjoni tal-eżemplari. Għal din il-fini “marka” tfisser timbru li ma jitħassarx, siġill taċ-ċomb jew meżżi adattati oħrajn tal-identifikazzjoni tal-eżemplari, iddisinjata b'tali mod li kemm jista jkun possibbli tkun diffiċli li tiġi imitata minn persuni mhux awtorizzati.

Artikolu VII

Eżenzjonijiet u Dispożizzjonijiet Speċjali Oħrajn Marbutin mal-Kummerċ

1.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli III, IV u V ma għandhomx japplikaw għat-transitu jew it-trasbord ta' eżemplari matul jew fit-territorju ta' Parti sakemm l-eżemplari jibqgħu fil-kontroll tad-Dwana.

2.   Fejn Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tal-esportazzjoni jew tal-esportazzjoni mill-ġdid tkun sodisfatta li eżemplari ikun inkiseb qabel mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni preżenti jkunu saru applikabbli għal dak l-eżemplari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli III, IV u V ma għandhomx japplikaw għal dak l-eżemplari fejn l-Awtorità ta' Ġestjoni toħroġ ċertifikat f'dak is-sens.

3.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli III, IV u V ma għandhomx japplikaw għal eżemplari li huma effetti personali jew domestiċi. Din l-eżenzjoni ma għandhiex tapplika fejn:

(a)

fil-każ ta' eżemplari ta' speċi inkluż fl-Appendiċi I, dawn ikunu inkisbu mis-sid barra mill-Istat tar-residenza normali tiegħu, u jkunu qiegħdin jiġu importati f'dak l-Istat; jew

(b)

fil-każ ta' eżemplari ta' speċijiet inklużi fl-Appendiċi II:

(i)

dawn inkisbu mis-sid barra mill-Istat tar-residenza normali tiegħu u fi Stat fejn tkun seħħet it-tneħħija tagħhom mis-selvaġġ;

(ii)

dawn ikunu qed jiġu importati fl-Istat tar-residenza normali tas-sid; u

(iii)

l-Istat fejn seħħet it-tneħħija mis-selvaġġ jirrikjedi l-għoti minn qabel tal-permessi tal-esportazzjoni qabel kwalunkwe esportazzjoni ta' eżemplari bħal dawn;

sakemm Awtorità ta' Ġestjoni tkun sodisfatta li l-eżemplari nkisbu qabel ma bdew japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni preżenti għal dawn l-eżemplari,

4.   L-eżemplari ta' speċi ta' annimal inkluż fl-Appendiċi I imrobbi fil-kaptività għal skopijiet kummerċjali, jew ta' speċi ta' pjanta inkluż fl-Appendiċi I propagat artifiċjalment għal skopijiet kummerċjali, għandhom ikunu meqjusa bħala li huma eżemplari ta' speċijiet inklużi fl-Appendiċi II.

5.   Fejn Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tal-esportazzjoni tkun sodisfatta li kwalunkwe eżemplari ta' speċi ta' annimal kien imrobbi fil-kaptività jew kwalunkwe eżemplari ta' speċi ta' pjanta kien propagat artifiċjalment, jew huma parti ta' annimal jew pjanta bħal dawn jew kienu derivati minnhom, għandu jkun aċċettat ċertifikat minn dik l-Awtorità ta' Ġestjoni f'dak is-sens minflok kwalunkwe permess jew ċertifikat meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli III, IV jew V.

6.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli III, IV u V ma għandhomx japplikaw għal self mhux kummerċjali, donazzjoni jew skambju bejn xjenzati jew istituzzjonijiet xjentifiċi reġistrati minn Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tagħhom, ta' eżemplari ta' erbarju, eżemplari oħrajn tal-mużew li huma ppreservati, imnixxfa jew impjantati, materjal ħaj tal-pjanti li jkollu tikketta maħruġa jew approvata minn Awtorità ta' Ġestjoni.

7.   Awtorità ta' Ġestjoni ta' kwalunkwe Stat tista' twarrab ir-rekwiżiti tal-Artikoli III, IV u V u tippermetti l-moviment mingħajr permessi jew ċertifikati ta' eżemplari li jifformaw parti minn żu li jivvjaġġa, ċirklu, wirja tal-annimali, wirja tal-pjanti jew kwalunkwe wirja oħra li tivvjaġġa sakemm:

(a)

l-esportatur jew l-importatur jirreġistraw id-dettalji kollha ta' dawk l-eżemplari ma' dik l-Awtorità ta' Ġestjoni;

(b)

l-eżemplari jinsabu fi kwalunkwe mill-kategoriji speċifikati fil-paragrafu 2 jew 5 ta' dan l-Artikolu; u

(c)

l-Awtorità ta' Ġestjoni tkun sodisfatta li kwalunkwe eżemplari ħaj ikun hekk ttrasportat u ttrattat sabiex ikun minimizzat ir-riskju ta' korriment, ħsara għas-saħħa jew trattament krudili.

Artikolu VIII

Miżuri li Għandhom Jittieħdu mill-Partijiet

1.   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jinforzaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni preżenti u jipprojbixxu l-kummerċ f'eżemplari li ma jkunux f'konformità magħhom. Dawn għandhom jinkludu miżuri:

(a)

li jippenalizzaw il-kummerċ f'eżemplari bħal dawn, jew il-pussess tagħhom, jew it-tnejn li huma; u

(b)

li jipprovdu għall-konfiska jew ir-ritorn lejn l-Istat tal-esportazzjoni ta' eżemplari bħall-dawn.

2.   Minbarra l-miżuri meħuda skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, Parti tista', meta tħoss li dan ikun meħtieġ, tipprovdi għal kwalunkwe metodu ta' rimborż intern għall-ispejjeż imġarrba b'riżultat tal-konfiska ta' eżemplari li jkun ġie kumerċjalizzat bi ksur tal-miżuri meħuda fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni preżenti.

3.   Sa kemm ikun possibbli, il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-eżemplari għandhom jgħaddu minn kwalunkwe formalità meħtieġa għall-kummerċ bl-anqas dewmien possibbli. Sabiex tiffaċilita passaġġ bħal dan, Parti tista' tinnomina l-portijiet tal-ħruġ u l-portijiet tad-dħul ta' fejn l-eżemplari għandhom ikunu ppreżentati għar-rilaxx. Il-Partijiet għandhom jiżguraw ukoll li l-eżemplari ħajjin kollha, matul kwalunkwe l-perjodu ta' transitu, żamma jew trasport, ikunu ttrattati kif suppost sabiex ikun minimizzat ir-riskju ta' korriment, ħsara għas-saħħa jew trattament krudili.

4.   Fejn eżemplari ħaj ikun ikkonfiskat b'riżultat tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu:

(a)

l-eżemplari għandu jingħata lil Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tal-konfiska;

(b)

l-Awtorità ta' Ġestjoni għandha, wara konsultazzjoni mal-Istat tal-esportazzjoni, tirritorna l-eżemplari lejn dak l-Istat bl-ispejjeż imħallsa minn dak l-Istat, jew lejn ċentru tas-salvataġġ jew post ieħor bħal dan li l-Awtorità ta' Ġestjoni tħoss li jkun xieraq u konsistenti mal-iskopijiet tal-Konvenzjoni preżenti; u

(c)

l-Awtorità ta' Ġestjoni tista' tikseb rakkomandazzjoni ta' Awtorità Xjentifika, jew tista', meta tikkonsidra li dan ikun mixtieq, tikkonsulta mas-Segretarjat sabiex tiffaċilita d-deċiżjoni skont is-subparagrafu (b) ta' dan il-paragrafu, inkluż l-għażla ta' ċentru tas-salvataġġ jew post ieħor.

5.   Ċentru tas-salvataġġ kif jissemma fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu tfisser istituzzjoni innominata minn Awtorità ta' Ġestjoni sabiex tieħu ħsieb il-benessri tal-eżemplari ħajjin, partikolarment dawk li jkunu ġew konfiskati.

6.   Kull Parti għandha żżomm ir-rekords tal-kummerċ ta' eżemplari ta' speċijiet inklużi fl-Appendiċijiet I, II u III li għandhom ikopru:

(a)

l-ismijiet u l-indirizzi tal-esportaturi u l-importaturi; u

(b)

l-għadd u t-tip ta' permessi u ċertifikati mogħtija; l-Istati li magħhom sar kummerċ bħal dan; l-għadd jew il-kwantitajiet u t-tipi ta' eżemplari, ismijiet tal-ispeċijiet kif inklużi fl-Appendiċijiet I, II u III u, fejn applikabbli, id-daqs u s-sess tal-eżemplari konċernati.

7.   Kull Parti għandha tipprepara rapporti perjodiċi dwar l-implementazzjoni tagħha tal-Konvenzjoni preżenti u għandha tittrażmetti lis-Segretarjat:

(a)

rapport annwali li jkun fih sommarju tal-informazzjoni speċifikata fis-subparagrafu (b) tal-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu; u

(b)

rapport ta' kull sentejn dwar il-miżuri leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi meħuda għall-infurzar tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni preżenti.

8.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu għandha tkun disponibbli għall-pubbliku fejn din ma tkunx inkonsistenti mal-liġi tal-Parti konċernata.

Artikolu IX

Awtoritajiet ta' Ġestjoni u Xjentifiċi

1.   Għall-fini tal-Konvenzjoni preżenti kull Parti għandha tinnomina:

(a)

Awtoritá ta' Ġestjoni kompetenti waħda jew aktar biex tagħti l-permessi jew iċ-ċertifikati f'isem dik il-Parti; u

(b)

Awtorità Xjentifika waħda jew aktar.

2.   Stat li jiddepożita strument ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni għandu f'dak il-mument jinforma lill-Gvern Depożitarju bl-isem u l-indirizz tal-Awtorità ta' Ġestjoni awtorizzata biex tikkomunika ma' Partijiet oħrajn u mas-Segretarjat.

3.   Kwalunkwe tibdil fin-nominazzjonijiet jew l-awtorizzazzjonijiet skont id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu ikkomunikati mill-Parti konċernata lis-Segretarjat għat-trażmissjoni lill-Partijiet l-oħrajn kollha.

4.   Kwalunkwe Awtorità ta' Ġestjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandha, jekk hekk tkun mitluba mis-Segretarjat jew mill-Awtorità ta' Ġestjoni ta' Parti oħra, tikkomunika lilhom l-impresjonijiet tat-timbri, siġilli jew tagħmir ieħor użat sabiex jawtentikaw il-permessi jew iċ-ċertifikati.

Artikolu X

Kummerċ ma' Stati li ma humiex Partijiet għall-Konvenzjoni

Fejn l-esportazzjoni jew l-esportazzjoni mill-ġdid hija lejn, jew l-importazzjoni hija minn, Stat li mhuwiex Parti għall-Konvenzjoni preżenti, tista' tkun aċċettata dokumentazzjoni komparabbli maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti f'dak l-Istat li sostanzjalment tkun konformi mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni preżenti għall-permessi u ċ-ċertifikati minn kwalunkwe Parti, minflok.

Artikolu XI

Konferenza tal-Partijiet

1.   Is-Segretarjat għandu jsejjaħ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet mhux aktar tard minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni preżenti.

2.   Minn hemm 'il quddiem is-Segretarjat għandu jsejjaħ laqgħat regolari mill-anqas darba kull sentejn, sakemm il-Konferenza ma tkunx iddeċidiet mod ieħor, u laqgħat straordinarji fi kwalunkwe mument b'domanda bil-miktub ta' mill-anqas terz tal-Partijiet.

3.   Fil-laqgħat, sew jekk regolari kif ukoll straordinarji, il-Partijiet għandhom jirrevedu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni preżenti u jistgħu:

(a)

jagħmlu dispożizzjoni bħal din skont il-ħtieġa biex iħeġġu lis-Segretarjat iwettaq dmirijietu, u jadotta d-dispożizzjonijiet finanzjarji;

(b)

jikkonsidraw u jadottaw emendi fl-Appendiċijiet I u II f'konformità mal-Artikolu XV;

(c)

jirrevedu l-progress li sar fir-restawr u l-konservazzjoni tal-ispeċijiet inklużi fl-Appendiċijiet I, II u III;

(d)

jirċievu u jikkonsidraw kwalunkwe rapport preżentat mis-Segretarjat jew minn kwalunkwe Parti; u

(e)

fejn xieraq, jagħmlu rakkommandazzjonijiet għat-titjib tal-effettività tal-Konvenzjoni preżenti.

4.   Waqt kull laqgħa regolari, il-Partijiet jistgħu jiddeterminaw il-mument u l-post tal-laqgħa regolari sussegwenti li għandha ssir f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

5.   Waqt kwalunkwe laqgħa, il-Partijiet jistgħu jiddeterminaw u jadottaw regoli tal-proċedura għal-laqgħa.

6.   In-Nazzjonijiet Uniti, l-Aġenziji Speċjalizzati tagħha u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika, kif ukoll kwalunkwe Stat li mhux Parti għall-Konvenzjoni preżenti, jistgħu jkunu rappreżentati fil-laqgħat tal-Konfernza minn osservaturi, li għandu jkollhom id-dritt jipparteċipaw iżda mhux jivvotaw.

7.   Kwalunkwe korp jew aġenzija teknikament kwalifikati fil-protezzjoni, konservazzjoni jew ġestjoni tal-fawna u l-flora selvaġġi, fil-kategoriji li ġejjin, li jkunu informaw lis-Segretarjat bix-xewqa tagħhom li jkunu rappreżentati fil-laqgħat tal-Konferenza minn osservaturi, għandhom ikunu ammessi sakemm ma jkunx hemm oġġezzjoni ta' mill-anqas terz tal-Partijiet preżenti:

(a)

aġenziji jew korpi internazzjonali, governattivi jew nongovernattivi, u aġenziji u korpi governattivi nazzjonali; u

(b)

aġenziji jew korpi nongovernattivi nazzjonali li jkunu ġew approvati għal dan l-iskop mill-Istat li jkunu jinsabu fih.

Ladarba ammessi, dawn l-osservaturi għandu jkollhom id-dritt jipparteċipaw iżda mhux jivvotaw.

Artikolu XII

Is-Segretarjat

1.   Mad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni preżenti, id-Direttur Eżekuttiv tal-Programm tal-Ambjent tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jipprovdi Segretarjat. Sal-limitu u l-manjiera li huwa jikkonsidra bħala xierqa, jista jkun assisstit minn aġenziji jew korpi adattati, intergovernattivi jew nongovernattivi, internazzjonali jew nazzjonali, li huma teknikament kwalifikati fil-protezzjoni, il-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-fawna u l-flora selvaġġi.

2.   Il-funzjoniet tas-Segretarjat għandhom ikunu:

(a)

li jirranġa għal-laqgħat tal-Partijiet u l-organizzazzjoni tagħhom;

(b)

li jwettaq il-funzjonijiet fdati lilu skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli XV u XVI tal-Konvenzjoni preżenti;

(c)

li jwettaq studji xjentifiċi u tekniċi f'konformità mal-programmi awtorizzati mill-Konferenza tal-Partijiet hekk kif jikkontribwixxu għall-implementazzjoni tal-Konvenzjoni preżenti, inklużi studji li jikkonċernaw l-istandards għall-preparazzjoni xierqa u l-konsenja ta' eżemplari ħajjin u l-mezzi ta' identifikazzjoni tal-eżemplari;

(d)

li jistudja r-rapporti tal-Partijiet u li jitlob mill-Partijiet informazzjoni ulterjuri bħal din fir-rigward tagħhom skont ma jħoss li jkun meħtieġ sabiex jiżgura l-implementazzjoni tal-Konvenzjoni preżenti;

(e)

li jistieden l-attenzjoni tal-Partijiet għal kwalunkwe kwistjoni rilevanti għall-għanijiet tal-Konvenzjoni preżenti;

(f)

li jippubblika perjodikament u jqassam lill-Partijiet l-edizzjonijiet attwali tal-Appendiċijiet I, II u III flimkien ma' kwalunkwe informazzjoni li se tiffaċilita l-identifikazzjoni tal-eżemplari tal-ispeċijiet inklużi f'dawk l-Appendiċijiet;

(g)

li jipprepara rapporti annwali lill-Partijiet dwar xogħlu u dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni preżenti u rapporti oħrajn bħal dawk skont ma jistgħu jitolbu l-laqgħat tal-Partijiet;

(h)

li jagħmel rakkommandazzjonijiet għall-implementazzjoni tal-għanijiet u d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni preżenti, inkluż l-iskambju ta' informazzjoni ta' natura xjentifika jew teknika;

(i)

li jwettaq kwalunkwe funzjoni oħra hekk kif tista' tkun fdata lilu mill-Partijiet.

Artikolu XIII

Miżuri Internazzjonali

1.   Meta s-Segretarjat fid-dawl tal-informazzjoni li tkun waslitlu jkun sodisfatt li kwalunkwe speċi inkluż fl-Appendiċi I jew II qed jiġi affettwat b'mod avvers mill-kummerċ fl-eżemplari ta' dik l-ispeċi jew li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni preżenti ma jkunux effettivament implementati, dan għandu jikkomunika informazzjoni bħal din lill-Awtorità ta' Ġestjoni awtorizzata tal-Parti jew Partijiet konċernata/i.

2.   Meta kwalunkwe Parti tirċievi komunika kif hemm indikat fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, din għandha, kemm jista' jkun malajr, tinforma lis-Segretarjat dwar kwalunkwe fatt rilevanti sa fejn jippermettu l-liġijiet tagħha u, fejn jixraq, tipproponi azzjoni ta' rimedju. Fejn il-Parti tikkonsidra li tkun mixtieqa inkjesta, inkjesta bħal din għandha titwettaq minn persuna waħda jew aktar espressament awtorizzata/i minn dik il-Parti.

3.   L-informazzjoni pprovduta mill-Parti jew li tirriżulta minn kwalunkwe inkjesta kif speċifikat fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi riveduta mill-Konferenza tal-Partijiet sussegwenti li tista' tagħmel kwalunkwe rakkommandazzjoni li tħoss li tkun xierqa.

Artikolu XIV

Effett fuq il-Leġiżlazzjoni Domestika u l-Konvenzjonijiet Internazzjonali

1.   Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni preżenti ma għandhom bl-ebda mod jaffettwaw id-dritt tal-Partijiet li jadottaw:

(a)

miżuri domestiċi aktar stretti fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-kummerċ, teħid, pussess jew trasport ta' eżemplari ta' speċijiet inklużi fl-Appendiċijiet I, II u III, jew il-projbizzjoni kompluta tagħhom; jew

(b)

miżuri domestiċi li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kummerċ, teħid, pussess, jew trasport ta' speċijiet mhux inklużi fl-Appendiċi I, II jew III.

2.   Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni preżenti ma għandhom bl-ebda mod jaffettwaw id-dispożizzjonijiet ta' kwalunkwe miżura domestika jew l-obbligi tal-Partijiet li jirriżultaw minn kwalunkwe trattat, konvenzjoni, jew ftehim internazzjonali li jirrigwardaw aspetti oħrajn ta' kummerċ, teħid, pussess jew trasport ta' eżemplari li huma fis-seħħ jew li sussegwentament jistgħu jidħlu fis-seħħ għal kwalunkwe Parti, inkluż kwalunkwe miżura tad-Dwana, is-saħħa pubblika, l-oqsma ta' kwarantina veterinarja jew tal-pjanti.

3.   Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni preżenti ma għandhom bl-ebda mod jaffettwaw id-dispożizzjonijiet ta', jew l-obbligi li jirriżultaw minn, kwalunkwe trattat, konvenzjoni jew ftehim internazzjonali konklużi jew li jistgħu jkunu konklużi bejn l-Istati li joħolqu unjoni jew ftehim reġjonali tal-kummerċ li jistabbilixxi jew li jżomm kontroll Doganali estern komuni u li jneħħi l-kontroll Doganali bejn il-Partijiet tiegħu sa fejn jirrigwarda l-kummerċ bejn l-Istati Membri ta' dik l-unjoni jew ftehim.

4.   Stat li huwa Parti għall-Konvenzjoni preżenti, li huwa wkoll Parti ta' kwalunkwe trattat, konvenzjoni jew ftehim internazzjonali ieħor/oħra li huma fis-seħħ fil-mument li l-Konvenzjoni preżenti tidħol fis-seħħ u skont id-dispożizzjonijiet li permezz tagħhom tingħata protezzjoni għall-ispeċijiet marittimi inklużi fl-Appendiċi II, għandu jkun ħieles mill-obbligi imposti fuqu permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni preżenti fir-rigward tal-kummerċ ta' eżemplari ta' speċijiet inklużi fl-Appendiċi II li jittieħdu minn vapuri reġistrati f'dak l-Istat u f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' trattat, konvenzjoni jew ftehim internazzjonali ieħor/oħra bħal dawk.

5.   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli III, IV u V, kwalunkwe esportazzjoni ta' eżemplari meħud f'konformità mal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu għandu jkun jirrikjedi biss ċertifikat minn Awtorità ta' Ġestjoni tal-Istat tal-introduzzjoni għall-fini li l-eżemplari ttieħed f'konformità mad-disposizzjonijiet tat-trattat, konvenzjoni jew ftehim internazzjonali ieħor/oħra konċernat(a).

6.   Xejn fil-Konvenzjoni preżenti ma għandu jippreġudika l-kodifika u l-iżvilupp tal-liġi marittima tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Marittima imsejħa permezz tar-Riżoluzzjoni 2750 C (XXV) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u l-anqas id-dikjarazzjonijiet u l-opinjonijiet legali preżenti u futuri ta' kwalunkwe Stat li jikkonċernaw il-liġi marittima u n-natura u l-limitu tal-ġurisdizzjoni tal-Istat kostali jew tal-bandiera.

Artikolu XV

Emendi fl-Appendiċijiet I u II

1.   Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw fir-rigward ta' emendi għall-Appendiċijiet I u II fil-laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet:

(a)

Kwalunkwe Parti tista' tipproponi emenda fl-Appendiċi I jew II għall-konsiderazzjoni waqt il-laqgħa sussegwenti. It-test tal-emenda proposta għandu jkun ikkomunikat lis-Segretarjat mill-anqas 150 jum qabel il-laqgħa. Is-Segretarjat għandu jikkonsulta mal-Partijiet u l-korpi interessati l-oħrajn dwar l-emenda f'konformità mad-dispożizzjonijiet tas-subparagrafi (b) u (c) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u għandu jikkomunika t-tweġiba lill-Partijiet kollha mhux aktar tard minn 30 jum qabel il-laqgħa.

(b)

L-emendi għandhom jiġu adottati b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Partijiet preżenti u li jivvutaw. Għal din il-fini “Partijiet preżenti u li jivvutaw” tfisser il-Partijiet li jkunu preżenti għal-laqgħa u li jivvutaw fl-affermattiv jew fin-negattiv. Il-Partijiet li jastjenu mill-vot ma għandhomx jingħaddu maż-żewġ terzi meħtieġa għall-adozzjoni ta' emenda.

(c)

L-emendi adottati waqt laqgħa għandhom jidħlu fis-seħħ 90 jum wara dik il-laqgħa għall-Partijiet kollha ħlief għal dawk li jkunu għamlu riżerva f'konformità mal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

2.   Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw fir-rigward ta' emendi għall-Appendiċijiet I u II bejn il-laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet:

(a)

Kwalunkwe Parti tista' tipproponi emenda fl-Appendiċi I jew II għall-konsiderazzjoni bejn il-laqgħat permezz tal-proċeduri postali kif stabbiliti f'dan il-paragrafu.

(b)

Għall-ispeċijiet marittimi, is-Segretarjat, malli jirċievi t-test tal-emenda proposta, għandu immedjatament jikkomunikah lill-Partijiet. Għandu jikkonsulta wkoll mal-korpi intergovernattivi li għandhom funzjoni fir-rigward ta' dawk l-ispeċijiet, speċjalment bil-ħsieb li tinkiseb dejta xjentifika li dawn il-korpi jkunu jistgħu jipprovdu u biex tkun żgurata l-koordinazzjoni ma' kwalunkwe miżura tal-konservazzjoni inforzati minn korpi bħal dawn. Is-Segretarjat għandu jikkomunika l-opinjonijiet espressi u d-dejta pprovduta minn dawk il-korpi u s-sejbiet u r-rakkommandazzjonijiet tiegħu wkoll lill-Partijiet malajr kemm jista jkun.

(c)

Għall-ispeċijiet l-oħrajn apparti mill-ispeċijiet marittimi, is-Segretarjat għandu, malli jirċievi t-test tal-emenda proposta, immedjatament jikkomunikah lill-Partijiet u, malajr kemm jista jkun wara dan, ir-rakkommandazzjonijiet tiegħu.

(d)

Kwalunkwe Parti tista', fi żmien 60 jum mid-data li fiha s-Segretarjat ikun ikkomunika r-rakkommandazzjonijiet tiegħu lill-Partijiet, skont is-subparagrafu (b) jew (c) ta' dan il-paragrafu, tittrażmetti lis-Segretarjat kwalunkwe kumment dwar l-emenda proposta flimkien ma' kwalunkwe dejta u informazzjoni xjentifika rilevanti.

(e)

Is-Segretarjat għandu jikkomunika t-tweġibiet li jkun irċieva flimkien mar-rakkommandazzjonijiet tiegħu lill-Partijiet malajr kemm jista jkun.

(f)

Jekk fi żmien 30 jum mid-data li fiha t-tweġibiet u r-rakkommandazzjonijiet kienu ġew ikkomunikati permezz tad-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (e) ta' dan il-paragrafu, is-Segretarjat ma jkun irċieva l-ebda oġġezzjoni dwar l-emenda proposta, l-emenda għandha tidħol fis-seħħ 90 jum wara dan għall-Partijiet kollha ħlief dawk li jkunu għamlu riżerva f'konformità mal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

(g)

Jekk is-Segretarjat jirċievi oġġezzjoni mingħand kwalunkwe Parti, l-emenda proposta għandha tiġi sottomessa għal vot postali f'konformità mad-disposizzjonijiet tas-subparagrafi (h), (i) u (j) ta' dan il-paragrafu.

(h)

Is-Segretarjat għandu jinnotifika lill-Partijiet li tkun waslet għandu notifika ta' oġġezzjoni.

(i)

Jekk is-Segretarjat ma jkunx irċieva voti favur, kontra jew b'astensjoni mingħand mill-anqas nofs il-Partijiet fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika skont is-subparagrafu (h) ta' dan il-paragrafu, l-emenda proposta għandha titmexxa għall-laqgħa sussegwenti tal-Konferenza għal aktar konsiderazzjoni.

(j)

Sakemm ikunu waslu l-voti mingħand nofs il-Partijiet, l-emenda għandha tiġi adottata b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Partijiet li jkunu ivvutaw fl-affermattiv jew negattiv.

(k)

Is-Segretarjat għandu jinnotifika lill-Partijiet kollha bir-riżultat tal-vot.

(l)

Jekk l-emenda proposta tiġi adottata, din għandha tidħol fis-seħħ 90 jum wara d-data tan-notifika mis-Segretarjat tal-aċċettazzjoni tagħha għall-Partijiet kollha ħlief dawk li jkunu għamlu riżerva f'konformità mal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

3.   Matul il-perjodu ta' 90 jum previst permezz tas-subparagrafu (c) tal-paragrafu 1 jew is-subparagrafu (l) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, kwalunkwe Parti tista' permezz ta' notifika bil-miktub lill-Gvern Depożitarju tagħmel riżerva fir-rigward tal-emenda. Sakemm tkun irtirata riżerva bħal din il-Parti għandha tkun trattata bħala Stat u mhux Parti għall-Konvenzjoni preżenti fir-rigward tal-kummerċ fl-ispeċi konċernat.

Artikolu XVI

L-Appendiċi III u Emendi għalih

1.   Kwalunkwe Parti, fi kwalunkwe mument, tista' tissottometti lista tal-ispeċijiet li tidentifika bħala li huma suġġetti għar-regolamentazzjoni fil-ġurisdizzjoni tagħha għall-iskop imsemmi fil-paragrafu 3 tal-Artikolu II, lis-Segretarjat. L-Appendiċi III għandu jinkludi l-ismijiet tal-Partijiet li jissottomettu l-ispeċijiet għall-inklużjoni fih, l-ismijiet xjentifiċi tal-ispeċijiet hekk sottomessi, u kwalunkwe partijiet jew derivattivi tal-annimali jew pjanti konċernati li huma speċifikati fir-rigward tal-ispeċijiet għall-fini tas-subparagrafu (b) tal-Artikolu I.

2.   Kull lista sottomessa skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tkun ikkommunikata lill-Partijiet mis-Segretarjat malajr kemm jista' jkun wara li jkun irċevieha. Il-lista għandha tidħol fis-seħħ bħala parti mill-Appendiċi III, 90 jum wara d-data ta' komunikazzjoni bħal din Fi kwalunkwe mument wara l-komunikazzjoni ta' lista bħal din, kwalunkwe Parti tista', permezz ta' notifika bil-miktub lill-Gvern Depożitarju, tippreżenta riżerva fir-rigward ta' kwalunkwe speċi jew kwalunkwe parti jew derivattiva, u sakemm tali riżerva tkun irtirata, l-Istat għandu jkun ittrattat bħala Stat u mhux bħala Parti għall-Konvenzjoni preżenti fir-rigward tal-kummerċ fl-ispeċi jew il-parti jew d-derivattiva konċernati.

3.   Parti li tkun issottomettiet speċi għall-inklużjoni fl-Appendiċi III tista' tirtirha fi kwalunkwe mument permezz ta' notifika lis-Segretarjat li għandu jikkommunika l-irtirar lill-Partijiet kollha. L-irtirar għandu jidħol fis-seħħ 30 jum wara d-data ta' komunikazzjoni bħal din.

4.   Kwalunkwe Parti li tissottometti lista skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tissottometti lis-Segretarjat kopja tal-liġijiet u r-regolamenti domestiċi kollha applikabbli għall-protezzjoni ta' speċijiet bħal dawn, flimkien ma' kwalunkwe interpretazzjoni li l-Parti tista' tqis li hija xierqa jew li s-Segretarjat jista' jitlob. Il-Parti għandha, sakemm l-ispeċi konċernat ikun inkluż fl-Appendiċi III, tissottometti kwalunkwe emenda ta' tali liġijiet u regolamenti jew kwalunkwe interpretazzjoni hekk kif ikunu adottati.

Artikolu XVII

Emendar tal-Konvenzjoni

1.   Għandha titlaqqa, mis-Segretarjat, laqgħa straordinarja tal-Konferenza tal-Partijiet fuq domanda bil-miktub ta' mill-anqas terz tal-Partijiet għal konsiderazzjoni u adozzjoni tal-emendi fil-Konvenzjoni preżenti. Emendi bħal dawn għandhom jiġu adottati b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Partijiet preżenti u li jivvutaw. Għal din il-fini “Partijiet preżenti u li jivvutaw” tfisser il-Partijiet li jkunu preżenti u li ivvutaw fl-affermattiv jew negattiv. Il-Partijiet li jastjenu milli jivvutaw ma għandhomx jingħaddu maż-żewġ terzi meħtieġa għall-adozzjoni ta' emenda.

2.   It-test ta' kwalunkwe emenda proposta għandu jkun ikkomunikat lis-Segretarjat u lill-Partijiet kollha mill-anqas 90 jum qabel il-laqgħa.

3.   Emenda għandha tidħol fis-seħħ għall-Partijiet li jkunu aċċettawha 60 jum wara li żewġ terzi tal-Partijiet ikunu ddepożitaw strument tal-aċċettazzjoni tal-emenda għand il-Gvern Depożitarju. Minn hemm 'il quddiem, l-emenda għandha tidħol fis-seħħ għal kwalunkwe Parti oħra 60 jum wara li l-Parti tiddepożita l-istrument tal-aċċettazzjoni tagħha tal-emenda.

Artikolu XVIII

Riżoluzzjoni ta' Disputi

1.   Kwalunkwe disputa li tista' tinqala bejn żewġ Partijiet jew aktar fir-rigward tal-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni preżenti, għandha tkun suġġetta għal negozjati bejn il-Partijiet involuti fid-disputa.

2.   Jekk id-disputa ma tistax tissolva f'konformità mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Partijiet jistgħu, b'kunsens reċiproku, jissottomettu d-disputa għall-arbitraġġ, b'mod partikolari dak tal-Qorti Permanenti tal-Arbitraġġ fl-Aja, u l-Partijiet li jissottomettu d-disputa għandhom ikunu marbuta mid-deċiżjoni tal-arbitraġġ.

Artikolu XIX

Iffirmar

Il-Konvenzjoni preżenti għandha tkun miftuħa għall-iffirmar f'Washington sat-30 ta' April 1973 u wara f'Berne sal-31 ta' Diċembru 1974.

Artikolu XX

Ratifika, Aċċettazzjoni, Approvazzjoni

Il-Konvenzjoni preżenti għandha tkun suġġetta għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni. L-istrumenti ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni għandhom ikunu depożitati mal-Gvern tal-Konfederazzjoni Svizzera li għandu jkun il-Gvern Depożitarju.

Artikolu XXI

Adeżjoni

1.   Il-Konvenzjoni preżenti għandha tkun miftuħa indefinittivament għall-adeżjoni. L-istrumenti tal-adeżjoni għandhom ikunu depożitati mal-Gvern Depożitarju.

2.   Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-adeżjoni minn organizzazzjonijiet ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali magħmula minn Stati sovrani li għandhom il-kompetenza fir-rigward tan-negozjar, konklużjoni u implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali f'kwistjonijiet ittrasferiti lilhom mill-Istati Membri tagħhom u koperti minn din il-Konvenzjoni.

3.   Fl-istrumenti tagħhom tal-adeżjoni, organizzazzjonijiet bħal dawn għandhom jiddikjaraw il-limitu tal-kompetenza tagħhom fir-rigward tal-kwistjonijiet amministrati mill-Konvenzjoni. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jinfurmaw ukoll lill-Gvern Depożitarju dwar kwalunkwe modifika sostanzjali fil-limitu tal-kompetenza tagħhom. In-notifiki mingħand organizzazzjonijiet tal-integrazzjoni ekonomika reġjonali dwar il-komptenza tagħhom fir-rigward ta' kwistjonijiet amministrati minn din il-Konvenzjoni u l-modiki fihom għandhom jitqassmu lill-Partijiet mill-Gvern Depożitarju.

4.   F'kwistjonijiet li huma fil-kompetenza tagħhom, organizzazzjonijiet tal-integrazzjoni ekonomika reġjonali bħal dawn għandhom jeżerċitaw id-drittijiet u jissodisfaw l-obbligi li din il-Konvenzjoni tattribwixxi lill-Istati Membri tagħhom, li huma Partijiet tal-Konvenzjoni. F'każijiet bħal dawn l-Istati Membri tal-organizzazzjonijiet mhux se jkunu intitolati jeżerċitaw drittijiet bħal dawn individwalment.

5.   Fl-oqsma tal-kompetenza tagħhom, l-organizzazzjonijiet tal-integrazzjoni ekonomika reġjonali għandhom jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw b'għadd ta' voti li huwa daqs l-għadd tal-Istati Membri tagħhom li huma Partijiet tal-Konvenzjoni. Organizzazzjonijiet bħal dawn ma għandhomx jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw jekk l-Istati Membri tagħhom jeżerċitaw d-dritt tagħhom, u viċi versa.

6.   Kwalunkwe referenza għal “Parti” fis-sens użat fl-Artikolu 1(h) ta' din il-Konvenzjoni, lil “Stat”/“Stati” jew lil “Parti tal-Istat”/“Partijiet tal-Istat” tal-Konvenzjoni għandhom jiftiehmu bħala li jinkludu referenza għal kwalunkwe organizzazzjoni tal-integrazzjoni ekonomika reġjonali li jkollha l-kompetenza fir-rigward tan-negozjar, il-konklużjoni u l-applikazzjoni tal-ftehimiet internazzjoni f'kwistjonijiet koperti minn din il-Konvenzjoni.

Artikolu XXII

Dħul fis-Seħħ

1.   Il-Konvenzjoni preżenti għandha tidħol fis-seħħ 90 jum wara d-data tad-depożitu tal-għaxar strument ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni, mal-Gvern Depożitarju.

2.   Għall kull Stat li jirratifika, jaċċetta jew japprova l-Konvenzjoni preżenti jew jaċċedi magħha wara d-depożitu tal-għaxar strument ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni, il-Konvenzjoni preżenti għandha tidħol fis-seħħ 90 jum wara d-depożitu minn Stat bħal dak tal-istrument tiegħu ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni.

Artikolu XXIII

Riżervi

1.   Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni preżenti ma għandhomx ikunu suġġetti għal riżervi ġenerali. Riżervi speċifiċi jistgħu ikunu rreġistrati f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu u l-Artikoli XV u XVI.

2.   Kwalunkwe Stat jista', mad-depożitu tal-istrument tiegħu ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni, jirreġistra riżerva speċifika fir-rigward ta':

(a)

kwalunkwe speċi inkluż fl-Appendiċi I, II jew III; jew

(b)

kwalunkwe parti jew derivattiva speċifikata f'rabta ma' speċi inkluż fl-Appendiċi III.

3.   Sakemm Parti tirtira r-riżerva tagħha rreġistrata skont id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, għandha tkun ittrattata bħala Stat u mhux Parti għall-Konvenzjoni preżenti fir-rigward tal-kummerċ fl-ispeċi partikolari jew tal-partijiet jew derivattivi speċifikati f'riżerva bħal din.

Artikolu XXIV

Denunzja

Kwalunkwe Parti tista' tiddenunzja l-Konvenzjoni preżenti b'notifika bil-miktub lill-Gvern Depożitarju. Id-denunzja għandha tidħol fis-seħħ fi żmien tnax il-xahar minn meta l-Gvern Depożitarju jkun irċieva n-notifika.

Artikolu XXV

Depożitarju

1.   L-oriġinal tal-Konvenzjoni preżenti, fil-lingwa Ċiniża, Ingliża, Franċiża, Russa u Spanjola, fejn kull verżjoni hija ugwalment awtentika, għandu jkun depożitat mal-Gvern Depożitarju, li għandu jitrażmetti kopji ċċertifikati tagħha lill-Istati kollha li ffirmawha jew li ddepożitaw l-istrumenti tal-adeżjoni lilha.

2.   Il-Gvern Depożitarju għandu jinforma lill-Istati firmatarji u aderenti kollha u lis-Segretarjat bil-firem, id-depożitu tal-istrumenti ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni, bid-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni preżenti, l-emendi fiha, ir-reġistrazzjoni u l-irtirar tar-riżervi u n-notifiki ta' denunzja.

3.   Malli l-Konvenzjoni preżenti tidħol fis-seħħ, għandha tiġi trażmessa kopja ċċertifikata tagħha mill-Gvern Depożitarju lis-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti għar-reġistrazzjoni u l-pubblikazzjoni f'konformità mal-Artikolu 102 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

B'xhieda ta' dan il-Plenipotenzarji hawn taħt iffirmati, debitament awtorizzati għal dan il-għan, iffirmaw il-Konvenzjoni preżenti.

Magħmul f'Washington dan it-tielet jum ta' Marzu, Elf, Disa' Mija u Tlieta u Sebgħin.

 


Top