This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 22014A0520(01)
Nagoya Protocol on Access to Genetic Resources and the Fair and Equitable Sharing of Benefits Arising from their Utilization to the Convention on Biological Diversity
Il-Protokoll ta' Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu tal-Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika
Il-Protokoll ta' Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu tal-Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika
ĠU L 150, 20.5.2014, p. 234–249
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2014/283/oj
20.5.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 150/234 |
IL-PROTOKOLL TA' NAGOYA
dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu tal-Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika
IL-PARTIJIET GĦAL DAN IL-PROTOKOLL,
FILWAQT LI HUMA Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, minn hawn 'il quddiem, “il-Konvenzjoni”,
FILWAQT LI JFAKKRU li l-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tar-riżorsi ġenetiċi huwa wieħed mit-tliet għanijiet ewlenin tal-Konvenzjoni, u li jirrikonoxxu li dan il-Protokoll għandu l-mira tal-implimentazzjoni ta’ dan l-għan fil-qafas tal-Konvenzjoni.
FILWAQT LI JIRRIAFFERMAW id-drittijiet sovrani tal-Istati fuq ir-riżorsi naturali tagħhom u skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni,
FILWAQT LI JKOMPLU JIRRIAFFERMAW l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-kontribut importanti għall-iżvilupp sostenibbli li jingħata permezz tat-trasferiment tat-teknoloġija u l-kooperazzjoni sabiex jikbru l-kapaċitajiet ta' riċerka u innovazzjoni li jżidu l-valur tar-riżorsi ġenetiċi f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, skont l-Artikoli 16 u 19 tal-Konvenzjoni,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li s-sensibilizzazzjoni pubblika dwar il-valur ekonomiku tal-ekosistemi u l-bijodiversità u l-qsim ġust u ekwu ta’ dan il-valur ekonomiku mal-kustodji tal-bijodiversità huma inċentivi importanti għall-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika u l-użu sostenibbli tal-komponenti tagħha,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-kontribut potenzjali tal-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika, il-qerda tal-faqar u s-sostenibbiltà ambjentali u b'hekk li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU r-rabtiet eżistenti bejn l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi u l-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ dawn ir-riżorsi,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza li tingħata ċertezza tad-dritt fir-rigward tal-aċċess għal riżorsi ġenetiċi u l-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tagħhom,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU AKTAR l-importanza li jiġu promossi l-ekwità u l-ġustizzja fin-negozjati ta’ patti bi qbil reċiproku bejn il-fornituri u l-utenti ta’ riżorsi ġenetiċi,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU WKOLL ir-rwol vitali li n-nisa għandhom fl-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji u filwaqt li JAFFERMAW il-ħtieġa tal-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fil-livelli kollha tat-tfassil tal-politika u l-implimentazzjoni għall-konservazzjoni tal-bijodiversità,
FILWAQT LI HUMA DETERMINATI li jkomplu jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni relatati mal-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-ħtieġa ta’ soluzzjoni innovattiva għall-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ riżorsi ġenetiċi u tal-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi fis-sitwazzjonijiet transkonfinali jew li għalihom ma jkunx jista’ jingħata jew jinkiseb kunsens informat minn qabel,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tar-riżorsi ġenetiċi għas-sikurezza tal-ikel, is-saħħa pubblika, il-konservazzjoni tal-bijodiversità, u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU n-natura speċjali tal-bijodiversità agrikola, il-fatturi distintivi tagħha u l-problemi tagħha li jeħtieġu soluzzjonijiet partikolari,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-interdipendenza tal-pajjiżi kollha fir-rigward tar-riżorsi ġenetiċi għall-ikel u l-agrikoltura kif ukoll in-natura u l-importanza partikolari tagħhom biex is-sikurezza tal-ikel tinkiseb mad-dinja kollha u għall-iżvilupp sostenibbli tal-agrikoltura fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-faqar u tat-tibdil fil-klima u filwaqt li jirrikonoxxu r-rwol fundamentali tat-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura u l-Kummissjoni tal-FAO dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi għall-Ikel u l-Agrikoltura f’dan ir-rigward,
FILWAQT LI JQISU r-Regolamenti Internazzjonali dwar is-Saħħa (2005) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-importanza li jiġi żgurat l-aċċess għall-patoġeni tal-bniedem għall-fini ta’ tħejjija u intervent għas-saħħa pubblika,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU x-xogħol li qed isir f’fora internazzjonali oħra li huwa relatat mal-aċċess u l-qsim tal-benifiċċji,
FILWAQT LI JFAKKRU dwar is-Sistema Multilaterali tal-Aċċess u l-Qsim ta’ Benefiċċji stabbilita skont it-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura li ġie żviluppat f’armonija mal-Konvenzjoni,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-istrumenti internazzjonali relatati mal-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji għandhom ikunu komplimentari sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Konvenzjoni,
FILWAQT LI JFAKKRU dwar ir-rilevanza tal-Artikolu 8(j) tal-Konvenzjoni, peress li jirrigwarda l-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi u l-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ dan l-għarfien,
FILWAQT LI JINNOTAW l-interrelazzjoni ta’ bejn ir-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali, in-natura inseparabbli tagħhom għall-komunitajiet indiġeni u lokali, l-importanza tal-għarfien tradizzjonali għall-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika u l-użu sostenibbli tal-komponenti tagħha, u għall-għajxien sostenibbli ta’ dawn il-komunitajiet,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU d-diversità ta’ ċirkostanzi li fihom l-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi jkun miżmum jew proprjetà tal-komunitajiet indiġeni u lokali,
FILWAQT LI JQISU li l-komunitajiet indiġeni u lokali għandhom id-dritt li jidentifikaw is-sidien leġittimi tal-għarfien tradizzjonali tagħhom assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi, fil-komunitajiet tagħhom,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU AKTAR iċ-ċirkostanzi uniċi li bihom l-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi jiġi miżmum fil-pajjiżi, li jista’ jkun f’forma orali, dokumentata jew f’forom oħra, u li jirriflettu wirt kulturali għani rilevanti għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika,
FILWAQT LI JINNOTAW id-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, u
FILWAQT LI JAFFERMAW li xejn f’dan il-Protokoll ma għandu jinftiehem li jnaqqas jew iħassar id-drittijiet eżistenti ta’ komunitajiet indiġeni u lokali,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Għan
L-għan ta’ dan il-Protokoll huwa l-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ riżorsi ġenetiċi, inkluż permezz ta’ aċċess xieraq għal riżorsi ġenetiċi u permezz ta’ trasferiment xieraq tat-teknoloġiji rilevanti, fejn jitqiesu d-drittijiet fuq dawk ir-riżorsi u għat-teknoloġiji, kif ukoll permezz ta’ finanzjament xieraq, biex b’hekk jingħata kontribut għall-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika u l-użu sostenibbli tal-komponenti tagħha.
Artikolu 2
Użu ta’ termini
It-termini definiti fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni għandhom japplikaw għal dan il-Protokoll. Barra minn hekk, għall-fini ta' dan il-Protokoll:
(a) |
“Konferenza tal-Partijiet” tfisser il-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni; |
(b) |
“Konvenzjoni” tfisser il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika; |
(c) |
“Użu ta’ riżorsi ġenetiċi” tfisser it-twettiq ta’ riċerka u żvilupp dwar il-kompożizzjoni ġenetika u/jew bijokemikali ta’ riżorsi ġenetiċi, inkluż permezz tal-applikazzjoni tal-bijoteknoloġija kif definit fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni; |
(d) |
“Bijoteknoloġija” kif definita fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tfisser kwalunkwe applikazzjoni teknoloġika li tuża sistemi bijoloġiċi, organiżmi ħajjin, jew derivattivi tagħhom, biex tagħmel jew timmodifika prodotti jew proċessi għal użu speċifiku; |
(e) |
“Derivattiv” tfisser kompost bijokemikali li jiġi b’mod naturali u li jkun ir-riżultat tal-espressjoni ġenetika jew il-metaboliżmu ta' riżorsi bijoloġiċi jew ġenetiċi, anke jekk ma jkollux unitajiet funzjonali tal-eredità. |
Artikolu 3
Kamp ta' applikazzjoni
Il-Protokoll għandu jkun applikabbli għar-riżorsi ġenetiċi fl-ambitu tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni u għall-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ dawn ir-riżorsi Il-Protokoll għandu jkun applikabbli wkoll għall-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi fl-ambitu tal-Konvenzjoni u għall-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ dan l-għarfien.
Artikolu 4
Rabta mal-ftehimiet u l-instrumenti internazzjonali
1. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll ma għandhomx jaffettwaw id-drittijiet u l-obbligi ta' ebda Parti Kontraenti li jkunu ġejjin minn ftehim internazzjonali eżistenti, ħlief fejn il-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jikkawża ħsara serja jew theddida għad-diversità bijoloġika. Dan il-paragrafu mhux maħsub biex joħloq xi ġerarkija bejn dan il-Protokoll u instrumenti internazzjonali oħra.
2. Xejn f’dan il-Protokoll ma għandu jżomm lill-Partijiet milli jiżviluppaw u jimplimentaw ftehimiet internazzjonali oħra rilevanti, ikluż ftehimiet oħra speċjalizzati ta’ aċċess u qsim tal-benefiċċji, sakemm dawn ikunu komplimentari u ma jmorrux kontra l-għanijiet tal-Konvenzjoni u ta’ dan il-Protokoll.
3. Dan il-Protokoll għandu jiġi implimentat b’mod komplimentari reċiproku ma’ instrumenti internazzjonali oħra rilevanti għal dan il-Protokoll. Il-ħidma jew prattiki utli u rilevanti li qed isiru bħalissa fl-ambitu ta’ dawn l-istrumenti internazzjonali u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti għandhom jitqiesu b’mod xieraq, sakemm dawn ikunu komplimentari u ma jmorrux kontra l-għanijiet tal-Konvenzjoni u ta’ dan il-Protokoll.
4. Dan il-Protokoll huwa l-istrument għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni relatati mal-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji, Meta jkun applikabbli strument internazzjonali speċjalizzat għall-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji li jkun konsistenti ma’, u ma jmurx kontra l-għanijiet tal-Konvenzjoni u ta’ dan il-Protokoll, dan il-Protokoll ma jkunx applikabbli għall-Parti jew Partijiet tal-istrument speċjalizzat fir-rigward tar-riżors ġenetiku speċifiku kopert mill-istrument speċjalizzat u għall-fini tiegħu.
Artikolu 5
Qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji
1. Skont il-paragrafi 3 u 7 tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni, il-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tar-riżorsi ġenetiċi kif ukoll mill-applikazzjonijiet u kummerċjalizzazzjoni sussegwenti għandhom jiġu maqsuma b’mod ġust u ekwu mal-Parti li tipprovdi dawn ir-riżorsi, li hija l-pajjiż tal-oriġini ta' dawn ir-riżorsi jew xi Parti li tkun kisbet ir-riżorsi ġenetiċi skont il-Konvenzjoni. Dan il-qsim għandu jkun fuq patti bi qbil reċiproku.
2. Kull Parti għandha tieħu miżuri leġiżlattivi, amministrattivi jew ta’ politika, skont ma jkun xieraq, bil-għan li tiżgura li l-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ riżorsi ġenetiċi li jkunu miżmuma minn komunitajiet indiġeni u lokali, skont il-leġiżlazzjoni interna fir-rigward tad-drittijiet stabbiliti ta’ dawk il-komunitajiet indiġeni u lokali fuq dawk ir-riżorsi ġenetiċi, jiġu maqsuma b’mod ġust u ekwu mal-komunitajiet konċernati, abbażi ta’ patti bi qbil reċiproku.
3. Sabiex timplimenta l-paragrafu 1 ta’ hawn fuq, kull Parti għandha tieħu miżuri leġiżlattivi, amministrattivi jew ta’ politika, skont ma jkun xieraq.
4. Il-benefiċċji jistgħu jkunu kemm benefiċċji monetarji kif ukoll mhux monetarji, u jinkludu dawk elenkati fl-Anness iżda mhumiex limitati għalihom biss.
5. Kull Parti għandha tieħu miżuri leġiżlattivi, amministrattivi jew ta’ politika, skont ma jkun xieraq, sabiex benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi jiġu maqsuma b’mod ġust u ekwu mal-komunitajiet indiġeni u lokali li jkollhom dan l-għarfien. Dan il-qsim għandu jkun fuq patti bi qbil reċiproku.
Artikolu 6
Aċċess għar-riżorsi ġenetiċi
1. Fl-eżerċizzju tad-drittijiet sovrani fuq riżorsi naturali, u suġġett għar-rekwiżiti fil-leġiżlazzjoni jew rekwiżiti regolatorji interni dwar l-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji, l-aċċess għal riżorsi ġenetiċi biex jintużaw għandu jkun suġġett għall-kunsens informat minn qabel tal-Parti li tipprovdi dawn ir-riżorsi, li hija l-pajjiż tal-oriġini ta' dawn ir-riżorsi jew xi Parti li tkun kisbet ir-riżorsi ġenetiċi skont il-Konvenzjoni, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor minn dik il-Parti.
2. Skont id-dritt intern, kull Parti għandha tieħu miżuri, skont ma jkun xieraq, bil-għan li tiżgura li jinkiseb il-kunsens informat minn qabel jew l-approvazzjoni u l-involviment tal-komunitajiet indiġeni u lokali biex jinkiseb aċċess għal riżorsi ġenetiċi, meta dawn ikollhom id-dritt stabbilit li jagħtu l-aċċess għal dawn ir-riżorsi.
3. B’segwitu għall-paragrafu 1 ta’ hawn fuq, kull Parti li teħtieġ il-kunsens informat minn qabel għandha tieħu l-miżuri leġiżlattivi, amministrattivi jew ta’ politika meħtieġa, skont ma jkun xieraq, biex:
(a) |
Tipprovdi ċ-ċertezza, iċ-ċarezza u t-trasparenza tal-leġiżlazzjoni jew ir-rekwiżiti regolatorji interni tagħhom dwar l-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji; |
(b) |
Tipprovdi regoli u proċeduri ġusti u mhux arbitrarji dwar l-aċċess għal riżorsi ġenetiċi; |
(c) |
Tipprovdi informazzjoni dwar kif wieħed japplika għal kunsens informat minn qabel; |
(d) |
Tipprovdi deċiżjoni bil-miktub ċara u trasparenti minn awtorità kompetenti nazzjonali, b’mod kosteffettiv u f’perjodu ta’ żmien raġonevoli; |
(e) |
Tipprovdi biex, fil-ħin tal-aċċess, jinħareġ permess jew ekwivalent tiegħu li jservi ta’ prova tad-deċiżjoni li jingħata l-kunsens informat minn qabel u ta’ li jkunu ġew stabbiliti patti bi qbil reċiproku, u tinnotifika liċ-Ċentru ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar l-Aċċess u l-Qsim tal-Benefiċċji skont il-ħtieġa. |
(f) |
Fejn applikabbli, u suġġett għal-leġiżlazzjoni interna, tistipula kriterji u/jew proċessi għall-ksib ta’ kunsens informat minn qabel jew l-approvazzjoni u l-involviment tal-komunitajiet indiġeni u lokali għall-aċċess għal riżorsi ġenetiċi; u |
(g) |
Tistabbilixxi regoli u proċeduri ċari biex tesiġi u jiġu stabbiliti patti bi qbil reċiproku. Dawn it-termini għandhom jiġu stipulati bil-miktub u jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn:
|
Artikolu 7
Aċċess għal għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi
Skont id-dritt intern, kull Parti għandha tieħu miżuri, skont ma jkun xieraq, bil-għan li tiżgura li għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi li jkun miżmum minn komunitajiet indiġeni u lokali jiġi aċċessat bil-kunsens informat minn qabel jew bl-approvazzjoni u l-involviment ta’ dawk il-komunitajiet indiġeni u lokali, u li jkunu ġew stabbiliti patti bi qbil reċiproku.
Artikolu 8
Konsiderazzjonijiet speċjali
Fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni jew rekwiżiti regolatorji tagħha dwar l-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji, kull Parti għandha:
(a) |
Toħloq kondizzjonijiet biex tippromwovi u tinkoraġġixxi r-riċerka li tikkontribwixxi għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bioloġika, b’mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluż permezz ta’ miżuri simplifikati fir-rigward tal-aċċess għall-fini ta’ riċerka mhux kummerċjali, fejn titqies il-ħtieġa li jiġi indirizzat il-bdil fl-intenzjoni għal dik ir-riċerka; |
(b) |
Tagħti l-attenzjoni meħtieġa għal każijiet ta’ emerġenza preżenti jew imminenti li jikkawżaw theddida jew ħsara għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, kif determinat fil-livell nazzjonali jew internazzjonali. Il-Partijiet jistgħu jqisu l-ħtieġa ta’ aċċess pront għar-riżorsi ġenetiċi u tal-qsim ġust u ekwu pront tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ dawn ir-riżorsi ġenetiċi, inkluż l-aċċess għal trattamenti affordabbli minn dawk li jeħtiġuhom, speċjalment f’pajjiżi li qed jiżviluppaw; |
(c) |
Tqis l-importanza tar-riżorsi ġenetiċi għall-ikel u l-agrikoltura u r-rwol speċjali tagħhom għas-sikurezza tal-ikel. |
Artikolu 9
Kontribut għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli
Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu lill-utenti u lill-fornituri biex jużaw il-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tar-riżorsi ġenetiċi għall-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika u għall-użu sostenibbli tal-komponenti tagħha.
Artikolu 10
Mekkaniżmu globali multilaterali għall-qsim tal-benefiċċji
Il-Partijiet għandhom iqisu l-ħtieġa u l-modilatijiet ta’ mekkaniżmu globali multilaterali għall-qsim tal-benefiċċji sabiex jindirizza l-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ riżorsi ġenetiċi u tal-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi li jseħħu fis-sitwazzjonijiet transkonfinali jew li għalihom ma jkunx jista’ jingħata jew jinkiseb kunsens informat minn qabel. Il-benefiċċji li jitqassmu bejn l-utenti ta’ riżorsi ġenetiċi u ta' għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi permezz ta’ dan il-mekkaniżmu għandhom jintużaw bħala appoġġ għall-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika u l-użu sostenibbli tal-komponenti tagħha, fuq livell globali.
Artikolu 11
Kooperazzjoni transkonfinali
1. Fil-każijiet fejn l-istess riżorsi ġenetiċi jkunu jinsabu in situ fit-territorju ta’ aktar minn Parti waħda, dawk il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jikkooperaw, skont ma jkun xieraq, bl-involviment tal-komunitajiet indiġeni u lokali konċernati, fejn applikabbli, bil-għan li dan il-Protokoll jiġi implimentat.
2. Fil-każijiet fejn l-istess għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi jkun kondiviż bejn komunità indiġena u lokali waħda jew aktar f’diversi Partijiet, dawk il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jikkooperaw, skont ma jkun xieraq, bl-involviment tal-komunitajiet indiġeni u lokali konċernati, bil-għan li dan il-Protokoll jiġi implimentat.
Artikolu 12
Għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi
1. Meta jimplimentaw l-obbligi tagħhom skont dan il-Protokoll, il-Partijiet għandhom iqisu, skont id-dritt intern, il-liġijiet konswetudinarji, il-protokolli u l-proċeduri tal-komunitajiet indiġeni u lokali, kif applikabbli, fir-rigward tal-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi.
2. Il-Partijiet, bil-parteċipazzjoni effikaċi tal-komunitajiet indiġeni u lokali konċernati, għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi sabiex jinformaw lill-utenti potenzjali ta’ għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi dwar l-obbligi tagħhom, inkluż il-miżuri li jsiru disponibbli permezz taċ-Ċentru ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar l-Aċċess u l-Qsim tal-Benefiċċji għall-aċċess u l-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ dan l-għarfien.
3. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jappoġġaw, skont ma jkun xieraq, l-iżvilupp min-naħa tal-komunitajiet indiġeni u lokali, inkluż in-nisa f'dawn il-komunitajiet, ta’:
(a) |
Protokolli komunitarji fir-rigward tal-aċċess għal għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi u l-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ dan l-għarfien; |
(b) |
Rekwiżiti minimi fil-patti bi qbil reċiproku sabiex jiġi żgurat il-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi; u |
(c) |
Klawżoli kuntrattwali mudell għall-qsim tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi. |
4. Kemm jista’ jkun, meta jimplimentaw dan il-Protokoll, il-Partijiet ma għandhomx jirristrinġu l-użu u l-iskambju konswetudinarju tar-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi fil-komunitajiet indiġeni u lokali u bejniethom skont l-għanijiet tal-Konvenzjoni.
Artikolu 13
Punti ta' riferiment nazzjonali u awtoritajiet kompetentI nazzjonali
1. Kull Parti għandha taħtar punt ta’ riferiment nazzjonali għall-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji. Il-punt ta’ riferiment nazzjonali għandu jagħmel l-informazzjoni disponibbli kif ġej:
(a) |
Għall-applikanti li jitolbu aċċess għar-riżorsi ġenetiċi, informazzjoni dwar il-proċeduri ta’ kif jiksbu l-kunsens informat minn qabel u ta’ kif jistabbilixxu patti bi qbil reċiproku, inkluż il-qsim tal-benefiċċji; |
(b) |
Għal applikanti li jitolbu aċċess għal għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi, meta jkun possibbli, informazzjoni dwar il-proċeduri ta’ kif jiksbu l-kunsens informat minn qabel jew l-approvazzjoni u l-involviment, skont ma jkun xieraq, ta’ komunitajiet indiġeni u lokali, u ta’ kif jistabbilixxu patti bi qbil reċiproku, inkluż il-qsim tal-benefiċji; u |
(c) |
Informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, il-komunitajiet indiġeni u lokali rilevanti u l-partijiet interessati rilevanti. |
Il-punt ta’ riferiment nazzjonali għandu jkun responsabbli għall-komunikazzjoni mas-Segretarjat.
2. Kull Parti għandha taħtar awtorità kompetenti nazzjonali waħda jew aktar għall-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom, skont il-miżuri leġiżlattivi, amministrattivi u ta’ politika interni applikabbli, ikunu responsabbli għall-għoti tal-aċċess jew, jekk applikabbli, għall-ħruġ ta’ prova bil-miktub li r-rekwiżiti għall-aċċes ġew issodisfati u jkunu responsabbli biex jagħtu parir dwar il-proċeduri u r-rekwiżiti applikabbli għall-ksib ta’ kunsens informat minn qabel u għall-ikkuntrattar ta’ patti bi qbil reċiproku.
3. Parti tista’ taħtar entità waħda biex taqdi l-funzjonijiet kemm ta’ punt ta’ riferiment kif ukoll ta’ awtorità kompetenti nazzjonali.
4. Kull Parti għandha, mhux aktar tard mid-data tagħha tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-protokoll, tinnotifika lis-Segretarjat bl-informazzjoni ta’ kuntatt tal-punt ta’ riferiment tagħha u tal-awtorità jew awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Fejn Parti taħtar aktar minn awtorità kompetenti nazzjonali waħda, hija għandha tagħti lis-Segretarjat, man-notifika tagħha, informazzjoni rilevanti dwar ir-responsabbiltajiet rispettivi ta’ dawn l-awtoritajiet. Fejn applikabbli, din l-informazzjoni għandha, tal-anqas, tispeċifika liema awtorità kompetenti hija responsabbli għar-riżorsi ġenetiċi mitluba. Kull Parti għandha wara dan tinnotifika lis-Segretarjat mill-ewwel b'kull tibdil fil-ħatra tal-punt ta' riferiment nazzjonali tagħha jew fl-informazzjoni ta’ kuntatt jew fir-responsabbiltajiet tal-awtorità jew awtoritajiet nazzjonali kompetenti tagħha.
5. Is-Segretarjat għandu jagħmel l-informazzjoni li jirċievi skont il-paragrafu 4 ta’ hawn fuq disponibbli permezz taċ-Ċentru ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar l-Aċċess u l-Qsim tal-Benefiċċji.
Artikolu 14
Iċ-ċentru ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar l-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji u l-iskambju ta’ informazzjoni
1. Ċentru ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar l-Aċċess u l-Qsim tal-Benefiċċji huwa hawnhekk stabbilit bħala parti minn mekkaniżmu taċ-ċentri ta' skambju skont l-Artikolu 18, paragrafu 3, tal-Konvenzjoni. Dan għandu jservi ta’ mezz għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji. B’mod partikolari, għandu jipprovdi aċċess għall-informazzjoni li kull Parti tagħmel disponibbli għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll.
2. Mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, kull Parti għandha tagħmel disponibbli, liċ-Ċentru ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar l-Aċċess u l-Qsim tal-Benefiċċji, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa minn dan il-Protokoll, kif ukoll l-informazzjoni meħtieġa skont id-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa bejn il-Partijiet għal dan il-Protokoll. L-informazzjoni għandha tinkludi:
(a) |
Miżuri leġiżlattivi, amministrattivi u ta’ politika dwar l-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji; |
(b) |
Informazzjoni dwar il-punt ta' riferiment nazzjonali u l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti nazzjonali; u |
(c) |
Permessi, jew ekwivalenti tagħhom, li jinħarġu fil-mument tal-aċċess bħala prova tad-deċiżjoni li jingħata kunsens informat minn qabel u li ġew stabbiliti patti bi qbil reċiproku. |
3. Informazzjoni addizzjonali, jekk tkun disponibbli u adatta, tista’ tinkludi:
(a) |
Awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-komunitajiet indiġeni u lokali, u informazzjoni skont kif jiġi deċiż; |
(b) |
Klawżoli kuntrattwali mudell; |
(c) |
Metodi u għodod żviluppati għall-monitoraġġ tar-riżorsi ġenetiċi; u |
(d) |
Kodiċi ta’ kondotta u l-aħjar prassi. |
4. Il-modalitajiet tal-operat taċ-Ċentru ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar l-Aċċess u l-Qsim tal-Benefiċċji, inklużi r-rapporti dwar l-attivitajiet tiegħu, għandhom jiġu kkunsidrati u jsiru deċiżjonijiet fuqhom fil-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Protokoll fl-ewwel laqgħa tagħha, u minn hemm 'il quddiem jibqgħu jiġu analizzati.
Artikolu 15
Konformità mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni jew rekwiżiti regolatorji interni dwar l-aċċess u l-qsim ta’ benefiċċji
1. Kull Parti għandha tieħu miżuri leġiżlattivi, amministrattivi u ta’ politika adatti, effikaċi u proporzjonati sabiex tiżgura li r-riżorsi ġenetiċi li jintużaw fil-ġurisdizzjoni tagħha jkunu ġew aċċessati skont il-kunsens informat minn qabel u li jkunu ġew stabbiliti patti ta’ qbil reċiproku, kif meħtieġ mir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni jew rekwiżiti regolatorji interni dwar l-aċċess u l-qsim ta’ benefiċċji tal-Parti l-oħra.
2. Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri adatti, effikaċi u proporżjonati sabiex jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-miżuri adottati skont il-paragrafu 1 ta’ hawn fuq.
3. Kemm jista’ jkun u sakemm ikun xieraq, il-Partijiet għandhom jikkooperaw f’każijiet ta’ ksur allegat tar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni jew rekwiżiti regolatorji interni dwar l-aċċess u l-qsim ta’ benefiċċji msemmija fil-paragrafu 1 ta’ hawn fuq.
Artikolu 16
Konformità mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni jew rekwiżiti regolatorji interni dwar l-aċċess u l-qsim ta’ benefiċċji għal għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi
1. Kull Parti għandha tieħu miżuri leġiżlattivi, amministrattivi u ta’ politika adatti, effikaċi u proporżjonati, skont ma jkun xieraq, sabiex tiżgura li l-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi li jintużaw fil-ġurisdizzjoni tagħha jkun ġie aċċessat skont il-kunsens informat minn qabel jew l-approvazzjoni u l-involviment tal-komunitajiet indiġeni u lokali u li jkunu ġew stabbiliti patti ta’ qbil reċiproku, kif meħtieġ mir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni jew rekwiżiti regolatorji interni dwar l-aċċess u l-qsim ta’ benefiċċji tal-Parti l-oħra fejn ikunu jinsabu dawn il-komunitajiet indiġeni u lokali.
2. Kull Parti għandha tieħu miżuri adatti, effikaċi u proporżjonati sabiex tindirizza sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-miżuri adottati skont il-paragrafu 1 ta’ hawn fuq.
3. Kemm jista’ jkun u sakemm ikun xieraq, il-Partijiet għandhom jikkooperaw f’każijiet ta’ ksur allegat tar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni jew rekwiżiti regolatorji interni dwar l-aċċess u l-qsim ta’ benefiċċji msemmija fil-paragrafu 1 ta’ hawn fuq.
Artikolu 17
Monitoraġġ tal-użu tar-riżorsi ġenetiċi
1. Bħala appoġġ għall-konformità, kull Parti għandha tieħu miżuri, skont ma jkun xieraq, sabiex timmonitorja u żżid it-trasparenza fir-rigward tal-użu tar-riżorsi ġenetiċi. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu:
(a) |
Il-ħatra ta’ punt ta’ spezzjoni wieħed jew aktar, kif ġej:
|
(b) |
Inkoraġġiment lill-utenti u l-fornituri tar-riżorsi ġenetiċi sabiex jinkludu dispożizzjonijiet fil-patti ta’ qbil reċiproku għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn il-patti, inkluż permezz ta’ rekwiżiti ta’ rappurtar; u |
(c) |
Inkoraġġiment għall-użu ta’ għodod u sistemi ta’ komunikazzjoni li jkunu kosteffikaċi. |
2. Permess, jew ekwivalent tiegħu, li jinħareġ skont il-paragrafu 3(e) tal-Artikolu 6 u li jkun disponibbli għaċ-Ċentru ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar l-Aċċess u l-Qsim tal-Benefiċċji, għandu jikkostitwixxi ċertifikat ta’ konformità rikonoxxut internazzjonalment.
3. Ċertifikat ta’ konformità rikonoxxut internazzjonalment għandu jservi bħala prova li r-riżors ġenetiku kopert minnu ġie aċċessat skont kunsens informat minn qabel u li ġew stabbiliti patti ta’ qbil reċiproku, kif meħtieġ mir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni jew rekwiżiti regolatorji interni dwar l-aċċess u l-qsim ta’ benefiċċji tal-Parti li tipprovdi l-kunsens informat minn qabel.
4. Bħala minimu, iċ-ċertifikat ta’ konformità rikonoxxut internazzjonalment għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja, meta din ma tkunx kunfidenzjali:
(a) |
Awtorità emittenti; |
(b) |
Data tal-ħruġ; |
(c) |
Fornitur; |
(d) |
Identifikatur uniku taċ-ċertifikat; |
(e) |
Il-persuna jew l-entità li tkun ingħatat il-kunsens informat minn qabel; |
(f) |
Is-suġġett jew ir-riżorsi ġenetiċi koperti miċ-ċertifikat; |
(g) |
Konferma li ġew stabbiliti patti bi qbil reċiproku; |
(h) |
Konferma li ġie miksub kunsens informat minn qabel; u |
(i) |
Użu kummerċjali u/jew mhux kummerċjali. |
Artikolu 18
Konformità mal-patti ta’ qbil reċiproku
1. Meta timplimenta l-paragrafu 3(g)(i) tal-Artikolu 6 u l-Artikolu 7, kull Parti għandha tinkoraġġixxi lill-fornituri u l-utenti tar-riżorsi ġenetiċi u/jew tal-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi sabiex jinkludu dispożizzjonijiet fil-patti bi qbil reċiproku li jkopru, fejn ikun xieraq, is-soluzzjoni tat-tilwim, inkluż:
(a) |
Il-ġurisdizzjoni li għaliha jkunu suġġetti l-proċessi ta’ soluzzjoni tat-tilwim kollha; |
(b) |
Il-liġi applikabbli; u/jew |
(c) |
L-għażliet possibbli ta’ soluzzjonijet alternattivi tat-tilwim, bħall-medjazzjoni jew l-arbitraġġ. |
2. Kull Parti għandha tiżgura li s-sistemi ġuridiċi tagħha joffru l-possibbiltà li jiġu ppreżentati rikorsi, b’konformità mar-rekwiżiti ġurisdizzjonali applikabbli, f’każijiet ta’ tilwim li jinqala’ minn patti bi qbil reċiproku.
3. Kull Parti għandha tieħu miżuri effikaċi, skont ma jkun xieraq, fir-rigward ta’:
(a) |
L-aċċess għall-ġustizzja; u |
(b) |
L-użu ta' mekkaniżmi fir-rigward tar-rikonoxximent reċiproku u l-infurzar ta’ sentenzi barranin u sentenzi tal-arbitraġġ. |
4. Il-Konferenza tal-Partijiet, li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Protokoll, għandha tirrevedi l-effikaċja ta’ dan l-artikolu, skont l-Artikolu 31 ta’ dan il-Protokoll.
Artikolu 19
Klawżoli kuntrattwali mudell
1. Kull Parti għandha tinkoraġġixxi, skont ma jkun xieraq, l-iżvilupp, l-aġġornament u l-użu ta’ klawżoli kuntrattwali mudelli settorjali u transsettorjali għall-patti bi qbil reċiproku.
2. Il-Konferenza tal-Partijiet, li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Protokoll, għandha tagħmel bilanċ perjodiku tal-użu tal-klawżoli kuntrattwali mudelli settorjali u transsettorjali.
Artikolu 20
Kodiċi ta’ kondotta, linji gwida u l-aħjar prassi u/jew standards
1. Kull Parti għandha tinkoraġġixxi, skont ma jkun xieraq, l-iżvilupp, l-aġġornament u l-użu ta’ kodiċi ta’ kondotta volontarji, linji gwida u l-aħjar prassi u/jew standards fir-rigward tal-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji.
2. Il-Konferenza tal-Partijiet, li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Protokoll, għandha tagħmel bilanċ perjodiku tal-użu ta’ kodiċi ta’ kondotta volontarji, linji gwida u l-aħjar prassi u/jew standards u tqis l-adozzjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta, linji gwida u l-aħjar prassi u/jew standards speċifiċi.
Artikolu 21
Sensibilizzazzjoni
Kull Parti għandha tieħu miżuri biex iżżid is-sensibilizzazzjoni għall-importanza tar-riżorsi ġenetiċi u tal-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi, u l-kwistjonijiet relatati tal-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, inter alia:
(a) |
Il-promozzjoni ta’ dan il-Protokoll, inkluż tal-għanijiet tiegħu; |
(b) |
L-organizzazzjoni ta’ laqgħat tal-komunitajiet indiġeni u lokali u tal-partijiet interessati rilevanti; |
(c) |
Il-ħolqien u l-manutenzjoni ta’ help desk għall-komunitajiet indiġeni u lokali u l-partijiet interessati rilevanti; |
(d) |
It-tixrid ta’ informazzjoni permezz ta’ ċentru ta’ skambju ta’ informazzjoni nazzjonali; |
(e) |
Il-promozzjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta volontarji, linji gwida u l-aħjar prassi u/jew standards b’konsultazzjoni mal-komunitajiet indiġeni u lokali u l-partijiet interessati rilevanti; |
(f) |
Il-promozzjoni, skont ma jkun xieraq, tal-iskambju ta’ esperjenzi fuq livell nazzjonali, reġjonali u internazzjonali; |
(g) |
It-tagħlim u t-taħriġ tal-utenti u l-fornituri tar-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi dwar l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji; |
(h) |
L-involviment tal-komunitajiet indiġeni u lokali u tal-partijiet interessati rilevanti fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll; u |
(i) |
Is-sensibilizzazzjoni dwar il-protokolli u l-proċeduri komunitarji tal-komunitajiet indiġeni u lokali. |
Artikolu 22
Kapaċità
1. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fil-ħolqien u l-iżvilupp tal-kapaċità u biex isaħħu r-riżorsi umani u l-kapaċitajiet istituzzjonali sabiex dan il-Protokoll jiġi implimentat b’mod effikaċi fil-Partijiet li huma pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment fil-pajjiżi l-inqas żviluppati u fl-Istati li huma gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw fosthom, u l-Partijiet b'ekonomija fi stat ta’ tranżizzjoni, inkluż permezz ta' istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet globali, reġjonali, subreġjonali u nazzjonali eżistenti. F’dan il-kuntest, il-Partijiet għandhom jiffaċilitaw l-involviment tal-komunitajiet indiġeni u lokali u tal-partijiet interessati rilevanti, inkluż l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u s-settur privat.
2. Il-ħtieġa ta’ riżorsi finanzjarji tal-Partijiet li huma pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment il-pajjiżi l-inqas żviluppati u l-Istati li huma gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw fosthom, u l-Partijiet b'ekonomija fi stat ta’ tranżizzjoni, b’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni, għandha titqies bi sħiħ fil-ħolqien u l-iżvilupp tal-kapaċità għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll.
3. Bħala bażi għall-miżuri adatti fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-Partijiet li huma pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment il-pajjiżi l-inqas żviluppati u l-Istati li huma gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw fosthom, u l-Partijiet b'ekonomija fi stat ta’ tranżizzjoni għandhom jidentifikaw il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet nazzjonali tagħhom fir-rigward tal-kapaċità billi jwettqu awtovalutazzjonijiet tal-kapaċità nazzjonali. Meta jagħmlu hekk, dawn il-Partijiet għandhom jappoġġaw il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-komunitajiet indiġeni u lokali u tal-partijiet interessati rilevanti fir-rigward tal-kapaċità, kif dawn ikunu ġew identifikati minnhom, fejn jenfasizzaw il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-kapaċità fir-rigward tan-nisa.
4. Bħala appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-ħolqien u l-iżvilupp tal-kapaċità jistgħu jindirizzaw, inter alia, dawn l-oqsma importanti:
(a) |
Kapaċità għall-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ dan il-Protokoll u biex dawn jiġu ssodisfati; |
(b) |
Kapaċità għan-negozjar ta’ patti bi qbil reċiproku; |
(c) |
Kapaċità għall-iżvilupp, implimentazzjoni u infurzar ta’ miżuri leġiżlattivi, amministrattivi u ta’ politika nazzjonali dwar l-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji; u |
(d) |
Kapaċità tal-pajjiżi biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet endoġeni ta’ riċerka tagħhom sabiex iżidu l-valur għar-riżorsi ġenetiċi tagħhom stess. |
5. Il-miżuri skont il-paragrafi 1 sa 4 jistgħu jinkludu, inter alia:
(a) |
Żvilupp ġuridiku u istituzzjonali; |
(b) |
Promozzjoni ta’ ekwità u ġustizzja fin-negozjati, bħal taħriġ għan-negozjar ta’ patti bi qbil reċiproku; |
(c) |
Il-monitoraġġ u l-infurzar tal-konformità; |
(d) |
L-użu tal-aqwa għodod disponibbli għall-komunikazzjoni u ta’ sistemi bbażati fuq l-internet għall-attivitajiet ta’ aċċess u qsim ta' benefiċċji; |
(e) |
Żvilupp u użu ta’ metodi ta’ valwazzjoni; |
(f) |
Bijoprospettar, riċerka assoċjata u studji tassonomiċi; |
(g) |
Trasferiment ta’ teknoloġija, u infrastruttura u kapaċità teknika sabiex dan it-trasferiment ta’ teknoloġija jkun sostenibbli; |
(h) |
Tkabbir tal-kontribut tal-attivitajiet ta’ aċċess u qsim ta’ benefiċċji għall-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika u l-użu sostenibbli tal-komponenti tagħha; |
(i) |
Miżuri speċjali biex tiżdied il-kapaċità tal-partijiet interessati rilevanti fir-rigward tal-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji; u |
(j) |
Miżuri speċjali biex tiżdied il-kapaċità tal-komunitajiet indiġeni u lokali, b’enfasi għat-tkabbir tal-kapaċità tan-nisa ta’ dawk il-komunitajiet fir-rigward tar-riżorsi ġenetiċi u/jew tal-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi. |
6. L-informazzjoni dwar inizjattivi għall-ħolqien u l-iżvilupp tal-kapaċità fuq livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, li jittieħdu skont il-paragrafi 1 sa 5 ta’ hawn fuq, għandha tingħata liċ-Ċentru ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar l-Aċċess u l-Qsim tal-Benefiċċji bil-għan li jiġu promossi s-sinerġija u l-koordinazzjoni fil-ħolqien u l-iżvilupp tal-kapaċità għall-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji.
Artikolu 23
Trasferiment ta’ teknoloġija, kollaborazzjoni u kooperazzjoni
Skont l-Artikoli 15, 16, 18 u 19 tal-Konvenzjoni, il-Partijiet għandhom jikkollaboraw u jikkooperaw fi programmi ta’ riċerka u żvilupp tekniċi u xjentifiċi, inkluż attivitajiet ta’ riċerka bijoteknoloġika, bħala mezz biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan il-Protokoll Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jippromwovu u jinkoraġġixxu l-aċċess għat-teknoloġija u t-trasferiment ta' teknoloġija fil-Partijiet li huma pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment fil-pajjiżi l-inqas żviluppati u fl-Istati li huma gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw fosthom, u l-Partijiet b'ekonomija fi stat ta’ tranżizzjoni, sabiex jippermettu li tiġi żviluppata u msaħħa bażi teknoloġika u xjentifika soda u vijabbli biex jinkisbu l-għanijiet tal-Konvenzjoni u ta’ dan il-Protokoll. Fejn ikun possibbli u xieraq, dawn l-attivatijiet ta’ kollaborazzjoni għandhom jitwettqu mal-Parti jew Partijiet, u fil-pajjiż ta’ dik/dawk il-Parti/jiet, li jipprovdu r-riżorsi ġenetiċi, jiġifieri l-pajjiż/i ta’ oriġini ta’ dawn ir-riżorsi jew il-Parti/jiet li jkunu akkwistaw ir-riżorsi ġenetiċi skont il-Konvenzjoni.
Artikolu 24
Dawk li mhumiex partijiet
Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu lil min mhux Parti biex jaderixxi ma’ dan il-Protokoll u biex jikkontribwixxi informazzjoni xierqa liċ-Ċentru ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar l-Aċċess u l-Qsim tal-Benefiċċji.
Artikolu 25
Mekkaniżmu finanzjarju u riżorsi finanzjarji
1. Filwaqt li jikkunsidraw ir-riżorsi finanzjarji għall-implimentazzjoni ta' dan il-Protokoll, il-Partijiet għandhom jikkunsidraw id-disposizzjonijiet tal-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni.
2. Il-mekkaniżmu finanzjarju tal-Konvenzjoni għandu jkun il-mekkaniżmu finanzjarju għal dan il-Protokoll.
3. Fir-rigward il-ħolqien u l-iżvilupp tal-kapaċità msemmija fl-Artikolu 22 ta' dan il-Protokoll, il-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet fil-Protokoll, meta tipprovdi gwida rigward il-mekkaniżmu finanzjarju msemmi fil-paragrafu 2 ta’ hawn fuq, għall-konsiderazzjoni tal-Konferenza tal-Partijiet, għandha tqis il-ħtieġa ta’ riżorsi finanzjarji ta’ Partijiet li huma pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment il-pajjiżi l-inqas żviluppati u l-Istati li huma gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw fosthom, u l-Partijiet b'ekonomija fi stat ta’ tranżizzjoni, kif ukoll il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-komunitajiet indiġeni u lokali, inkluż in-nisa ta’ dawn il-komunitajiet.
4. Fil-kontest tal-paragrafu 1 ta’ hawn fuq, il-Partijiet għandhom ukoll jikkunsidraw il-ħtiġijiet ta' Partijiet li huma pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment il-pajjiżi l-inqas żviluppati u l-Istati li huma gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw fosthom, u tal-Partijiet b'ekonomija fi stat ta’ tranżizzjoni, fl-isforzi tagħhom biex jidentifikaw u jimplimentaw il-ħtiġijiet fil-ħolqien u l-iżvilupp tal-kapaċità tagħhom għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll.
5. Il-gwida għall-mekkaniżmu finanzjarju tal-Konvenzjoni f'deċiżjonijiet rilevanti tal-Konferenza tal-Partijiet, inklużi dawk li sar qbil fuqhom qabel l-adozzjoni ta’ dan il-Protokoll, għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.
6. Il-Partijiet li huma pajjiżi żviluppati jistgħu wkoll jipprovdu, u l-Partijiet li huma pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-Partijiet b'ekonomija fi stat ta’ tranżizzjoni jistgħu jibbenefikaw minn riżorsi finanzjarji u riżorsi oħra għall-implimentazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll permezz ta' mezzi bilaterali, reġjonali u multilaterali.
Artikolu 26
Konferenza tal-partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-partijiet għal dan il-protokoll.
1. Il-Konferenza tal-Partijiet għandha sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Protokoll.
2. Il-Partijiet għall-Konvenzjoni li ma humiex Partijiet għal dan il-Protokoll jistgħu jipparteċipaw bħala osservaturi fil-proċeduri ta’ kwalunkwe laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll. Meta l-Konferenza tal-Partijiet isservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Protokoll, id-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt dan il-Protokoll għandhom jittieħdu biss minn dawk li huma Partijiet għalih.
3. Meta l-Konferenza tal-Partijiet isservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Protokoll, kwalunkwe membru tal-Bureau tal-Konferenza tal-Partijiet li jirrappreżenta Parti għall-Konvenzjoni imma li, għal dak il-ħin, ma tkunx Parti għal dan il-Protokoll, għandha tkun mibdula b'membru li jkun elett minn u minn fost il-Partijiet għal dan il-Protokoll.
4. Il-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala laqgħa għal dan il-Protokoll għandha żżomm l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll taħt analiżi regolari u għandha tieħu, skont il-mandat tagħha, id-deċiżjonijiet meħtieġa biex jippromovu l-implimentazzjoni effikaċi tagħha. Għandha twettaq il-funzjonijiet assenjati lilha b’dan il-Protokoll u għandha:
(a) |
Tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll; |
(b) |
Tistabbilixxi dawk il-korpi sussidjarji li jkun jidhrilha meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll; |
(c) |
Tfittex u tutilizza, fejn xieraq, is-servizzi u l-koperazzjoni ta’, u l-informazzjoni provduta mill-organizzazzjonijiet kompetenti internazzjonali u korpi intergovernattivi u korpi mhux governattivi; |
(d) |
Tistabbilixxi l-forma u l-intervalli għat-trasmissjoni ta’ informazzjoni li għandha tingħata skont l-Artikolu 29 ta’ dan il-Protokoll u tikkunsidra din l-informazzjoni kif ukoll ir-rapporti sottomessi minn kwalunkwe korp sussidjarju; |
(e) |
Tikkunsidra u tadotta, kif meħtieġ, emendi għal dan il-Protokoll u għall-Anness tiegħu, kif ukoll kwalunkwe anness addizzjonali għal dan il-Protokoll, li jitqiesu meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan il-Protokoll; u |
(f) |
Teżerċita funzjonijiet oħra bħal dawn li jistgħu jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll. |
5. Ir-regoli tal-proċedura tal-Konferenza tal-Partijiet u regoli finanzjarji tal-Konvenzjoni għandhom ikunu applikati, mutatis mutandis, taħt dan il-Protokoll, ħlief fejn ikun deċiż mod ieħor b’kunsens mill-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Protokoll.
6. L-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Protokoll għandha tissejjaħ mis-Segretarjat u tinżamm fl-istess ħin mal-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet li hija skedata wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Protokoll. Laqgħat ordinarji sussegwenti tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Protokoll għandhom isiru fl-istess ħin ma’ laqgħat ordinarji tal-Konferenza tal-Partijiet, jekk ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Protokoll.
7. Laqgħat straordinarji tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Protokoll għandhom isiru fi żminijiet oħrajn skont ma jitqies meħtieġ mill-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Protokoll, jew fuq talba bil-miktub minn kwalunkwe Parti, dejjem jekk, fi żmien sitt xhur minn meta t-talba tkun ikkomunikata lill-Partijiet mis-Segretarjat, hija jkollha l-appoġġ ta’ mill-inqas terz tal-Partijiet.
8. In-Nazzjonijiet Uniti, l-aġenziji speċjalizzati tagħha u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika, kif ukoll kwalunkwe Stat membru tagħhom jew osservaturi fihom li ma humiex Parti għall-Konvenzjoni, jistgħu jkunu rrappreżentati bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Protokoll. Kwalunkwe korp jew aġenzija, kemm jekk nazzjonali kif ukoll jekk internazzjonali, governattiva jew mhux governattiva, li tkun kwalifikata f'oqsma koperti minn dan il-Protokoll u li tkun informat lis-Segretarjat bix-xewqa tagħha li tkun rappreżentata fil-laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Protokoll bħala osservatur, tista’ tiġi aċċettati, sakemm ma jkunx hemm l-oġġezzjoni ta’ mill-inqas terz tal-Partijiet preżenti. Ħlief għal fejn huwa pprovdut mod ieħor minn dan l-Artikolu, id-dħul u l-parteċipazzjoni ta’ osservaturi għandu jkun suġġett għar-regoli ta’ proċedura, kif imsemmi fil-paragrafu 5 ta’ hawn fuq.
Artikolu 27
Korpi sussidjarji
1. Kwalunkwe korp sussidjarju stabbilit minn jew fl-ambitu tal-Konvenzjoni jista’ jagħti servizzi lil dan il-Protokoll, inkluż b’deċiżjoni mill-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Protokoll. Kwalunkwe deċiżjoni ta' dan it-tip għandha tispeċifika l-kompiti li għandhom isiru.
2. Partijiet għall-Konvenzjoni li mhumiex Partijiet għal dan il-Protokoll jistgħu jipparteċipaw bħala osservaturi fil-proċeduri ta’ kwalunkwe laqgħa ta’ korpi sussidjarji ta’ dan it-tip. Meta korp sussidjarju tal-Konvenzjoni jservi bħala korp sussidjarju ta’ dan il-Protokoll, id-deċiżjonijiet fl-ambitu tal-Protokoll għandhom jittieħdu biss mill-Partijiet għal dan il-Protokoll.
3. Meta korp sussidjarju tal-Konvenzjoni jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw lil dan il-Protokoll, kwalunkwe membru tal-bureau ta’ dak il-korp sussidjarju li jirrappreżenta Parti għall-Konvenzjoni imma, li sa dak iż-żmien, ma tkunx Parti għal dan il-Protokoll, għandu jkun sostitut minn membru elett minn u minn fost il-Partijiet għal dan il-Protokoll.
Artikolu 28
Segretarjat
1. Is-Segretarjat stabbilit bl-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni għandu jservi bħala s-segretarjat għal dan il-Protokoll.
2. Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni, dwar il-funzjonijiet tas-Segretarjat għandu japplika, mutatis mutandis, għal dan il-Protokoll.
3. Sakemm ikunu distinti, l-ispejjeż tas-servizzi tas-segretarjat għal dan il-Protokoll għandhom jitħallsu mill-Partijiet għalih. Il-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Protokoll għandha, fl-ewwel laqgħa tagħha, tiddeċiedi dwar l-arranġamenti baġitarji neċessarji għal dan il-għan.
Artikolu 29
Monitoraġġ u rappurtar
Kull Parti għandha tagħmel monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha skont dan il-Protokoll, u għandha, f'intervalli li għandhom jiġu determinati mill-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Protokoll, tirrapporta lill-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Protokoll dwar il-miżuri li tkun ħadet għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll.
Artikolu 30
Proċeduri u mekkaniżmi għall-promozzjoni tal-konformità ma’ dan il-protokoll
Il-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Protokoll għandha, fl-ewwel laqgħa tagħha, tikkunsidra u tapprova proċeduri u mekkaniżmi istituzzjonali ta’ kooperazzjoni li jippromwovu l-konformità tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll u li jindirizzaw il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità. Dawn il-proċeduri u mekkaniżmi għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li joffru pariri u assistenza, fejn ikun xieraq. Għandhom ikunu separati minn, u mingħajr preġudizzju għal, proċeduri u mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni.
Artikolu 31
Evalwazzjoni u reviżjoni
Il-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Protokoll għandha twettaq, erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Protokoll u, wara dan, f'perjodi ta' żmien kif tiddeċiedi l-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Protokoll, evalwazzjoni tal-effikaċja ta’ dan il-Protokoll.
Artikolu 32
Firma
Dan il-Protokoll għandu jkun miftuħ għall-iffirmar mill-Partijiet għall-Konvenzjoni fil-Kwartieri tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York mit-2 ta' Frar 2011 sal-1 ta' Frar 2012.
Artikolu 33
Dħul fis-seħħ
1. Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fid-dsatax-il jum wara d-data tad-depożitu tal-ħamsin strument ta’ ratifikazzjoni, aċċettazzjoni jew adeżjoni minn Stati jew organizzazzjonijiet ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali li huma Partijiet għall-Konvenzjoni.
2. Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ għal Stat jew organizzazzjoni ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali li tirratifika, taċċetta jew tapprova dan il-Protokoll jew taċċedi għalih wara li jkun iddepożitat il-ħamsin strument kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ hawn fuq, fid-disgħin jum wara d-data li fiha dak l-Istat jew l-organizzazzjoni ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali tiddepożita l-istrumenti tagħha tar-ratifikazzjoni, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni, jew fid-data meta l-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ għal dak l-Istat jew l-organizzazzjoni ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali, liema waħda minnhom tkun l-aktar tard.
3. Għall-fini tal-paragrafi 1 u 2 ta’ hawn fuq, kull strument depożitat minn organizzazzjoni ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali ma għandux jitqies bħala addizzjonali ma’ dawk depożitati mill-Istati Membri ta’ din l-organizzazzjoni.
Artikolu 34
Riżervi
Ma jistgħux isiru riżervi għal dan il-Protokoll.
Artikolu 35
Irtirar
1. Fi kwalunkwe żmien wara sentejn mid-data li fiha dan il-Protokoll ikun daħal fis-seħħ għal xi Parti, dik il-Parti tista’ tirtira minn dan il-Protokoll billi tagħti notifika bil-miktub lid-Depożitarju.
2. Kull irtirar bħal dan għandu jsir wara li tgħaddi sena mid-data li fiha d-Depożitarju jirċievi n-notifika, jew xi data oħra aktar tard kif speċifikat fin-notifika tal-irtirar.
Artikolu 36
Testi awtentiċi
L-oriġinal ta’ dan il-Protokoll, li t-testi tiegħu bl-Għarbi, biċ-Ċiniż, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bir-Russu u bl-Ispanjol huma ugwalment awtentiċi, għandu jiġi depożitat mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
B'XHIEDA TA' DAN, il-firmatarji ta’ hawn taħt, li huma awtorizzati kif xieraq biex jagħmlu hekk, iffirmaw dan il-Protokoll fid-dati indikati.
MAGĦMUL f’Nagoya f'dan id-disgħa u għoxrin jum ta’ Ottubru tas-sena elfejn u għaxra.
ANNESS
BENEFIĊĊJI MONETARJI U MHUX MONETARJI
1. |
Il-benefiċċji monetarji jistgħu jinkludu dawn ta’ hawn taħt, iżda mhumiex limitati għalihom biss:
|
2. |
Il-benefiċċji mhux monetarji jistgħu jinkludu dawn ta’ hawn taħt, iżda mhumiex limitati għalihom biss:
|