Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22013A0911(01)

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tan-Niġer dwar l-istatus tal-missjoni ta’ PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger)

ĠU L 242, 11.9.2013, p. 2–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2013/450/oj

Related Council decision

11.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/2


TRADUZZJONI

FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tan-Niġer dwar l-istatus tal-missjoni ta’ PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger)

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “UE”,

min-naħa waħda, u

IR-REPUBBLIKA TAN-NIĠER,

min-naħa l-oħra,

minn hawn ‘il quddiem imsejħin “Partijiet”,

WARA LI KKUNSIDRAW:

l-ittra ta’ stedina tal-Prim Ministru s-Sur Brigi Rafini tal-1 ta’ Ġunju 2012;

id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/392/PESK tas-16 ta’ Lulju 2012 dwar il-missjoni ta’ PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) (1);

il-fatt li dan il-Ftehim mhux ser jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet skont ftehimiet internazzjonali u strumenti oħrajn li jistabbilixxu qrati u tribunali internazzjonali, inkluż l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

QABLU DWAR DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

1.   Dan il-Ftehim għandu japplika għall-missjoni tal-UE u l-persunal tagħha.

2.   Dan il-Ftehim għandu japplika biss fit-territorju tar-Repubblika tan-Niġer.

3.   Għall-iskopijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a)

“EUCAP”, il-missjoni tal-PSDK tal-UE fin-Niġer biex tappoġġa l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-atturi tas-sigurtà tan-Niġer biex jikkumbattu t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata (EUCAP SAHEL Niger), stabbilita mill-Kunsill tal-UE bid-Deċiżjoni 2012/392/PESK, inklużi l-komponenti tagħha, il-forzi tagħha, l-unitajiet tagħha, il-kwartieri ġenerali u l-persunal skjerat fit-territorju tar-Repubblika tan-Niġer u assenjat lill-EUCAP;

(b)

“Kap tal-Missjoni”, il-Kap tal-Missjoni tal-EUCAP;

(c)

“Unjoni Ewropea (UE)” tfisser il-korpi permanenti tal-UE kif ukoll il-persunal tagħhom.

(d)

“Il-persunal tal-EUCAP”, il-Kap tal-Missjoni, il-persunal issekondat mill-Istati Membri tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati mhux membri tal-UE mistiedna mill-UE biex jipparteċipaw fl-EUCAP, il-persunal internazzjonali reklutat fuq bażi kuntrattwali mill-EUCAP biex iħejji, jappoġġa u jimplimenta l-missjoni, u l-persunal fuq missjoni għal Stat ta’ oriġini jew isitituzzjoni tal-UE jew is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) fil-qafas tal-missjoni. M’għandhiex tinkludi kuntratturi kummerċjali jew persunal impjegat lokalment;

(e)

“Kwartieri ġenerali”, il-kwartieri ġenerali prinċipali tal-EUCAP;

(f)

“Stat ta’ oriġini” għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru jew mhux membru tal-UE li għandu persunal sekondat għall-EUCAP;

(g)

“Faċilitajiet” għandha tfisser kull bini, post u art meħtieġa għat-twettiq tal-attivitajiet tal-EUCAP, kif ukoll għall-akkomodazzjoni tal-persunal tal-EUCAP;

(h)

“Persunal impjegat lokalment” għandha tfisser persunal li huma ċittadini jew li għandhom kard tar-residenza permanenti tar-Repubblika tan-Niġer;

(i)

“Kuntrattur” għandha tfisser kwalunkwe persuna li tforni lill-EUCAP b’oġġetti jew servizzi relatati mal-attivitajiet tal-missjoni;

(j)

“Mezzi ta’ trassport tal-EUCAP” għandha tfisser kull vettura jew mezz ieħor ta’ trasport li proprjetà ta’, mikrija jew mogħtija b’lokazzjoni mill-EUCAP;

(k)

“Oġġetti tal-EUCAP” tfisser it-tagħmir, fosthom il-mezzi ta’ trasport, u l-oġġetti li jiġu kkunsmati meħtieġa fl-EUCAP.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   L-EUCAP u l-persunal tagħha għandhom jirrispettaw il-liġijiet, inklużi dawk konswetudinarji, u r-regolamenti tar-Repubblika tan-Niġer u m’għandhom iwettqu l-ebda azzjoni jew attività inkompatibbli mal-objettivi tal-missjoni.

2.   L-EUCAP għandha tkun awtonoma fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tagħha fil-qafas ta’ dan il-Ftehim. Ir-Repubblika tan-Niġer għandha tirrispetta n-natura unitarja u internazzjonali tal-EUCAP.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jinforma regolarment lill-Gvern tar-Repubblika tan-Niġer dwar in-numru ta’ membri tal-persunal tal-EUCAP stazzjonat fit-territorju Niġerjan

Artikolu 3

Identifikazzjoni

1.   Il-membri tal-persunal tal-EUCAP għandhom ikollhom karti ta’ identifikazzjoni distintivi tal-EUCAP li huma obbligati jġorru magħhom il-ħin kollu. Dawn il-karti għandhom jinħarġu mill-Ministeru responsabbli mill-affarijiet barranin fuq talba tal-EUCAP.

2.   Il-mezzi ta’ trasport tal-EUCAP iġorru marka ta’ identifikazzjoni distintiva tal-EUCAP, li tingħata mudell tagħha lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tan-Niġer, u pjanċi tar-reġistrazzjoni speċifiċi mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tan-Niġer.

3.   L-EUCAP għandu jkollha d-dritt li ttajjar il-bandiera tal-UE fil-Kwartieri Ġenerali tagħha u bnadi oħrajn, waħedha jew flimkien mal-bandiera tar-Repubblika tan-Niġer, kif jiddeċiedi l-Kap tal-Missjoni. Il-bnadar jew is-simboli nazzjonali tal-elementi nazzjonali li jiffurmaw l-EUCAP jistgħu jintwerew fil-postijiet u fuq l-uniformijiet tal-EUCAP, kif jiddeċiedi l-Kap tal-Missjoni.

Artikolu 4

Qsim tal-fruntieri u moviment fit-territorju tar-Repubblika tan-Niġer

1.   Għall-persunal tal-EUCAP, hekk kif għall-oġġetti tal-EUCAP, il-qsim tal-fruntieri tar-Repubblika tan-Niġer isir fil-punti uffiċjali tal-qsim tal-fruntiera u permezz tar-rotot tal-ajru internazzjonali.

2.   Ir-Repubblika tan-Niġer għandha tiffaċilita lill-EUCAP u lill-membri tal-persunal tagħha d-dħul fit-territorju tagħha u l-ħruġ minnu. Bl-eċċezzjoni tal-kontroll tal-passaporti fid-dħul fit-territorju tar-Repubblika tan-Niġer u fil-ħruġ tiegħu, il-membri tal-persunal tal-EUCAP bi prova li huma membri tal-persunal tal-Missjoni għandhom jiġu eżentati mid-dispożizzjonijiet marbuta mal-immigrazzjoni fit-territorju tar-Repubblika tan-Niġer. Jingħataw viżi mingħajr ħlas lill-membri ta’ missjoni għal perijodu ta’ sena.

3.   Il-membri tal-persunal tal-EUCAP għandhom ikun eżentati mid-dispożizzjonijiet tar-Repubblika tan-Niġer li jirregolaw ir-reġistrazzjoni u l-kontroll tal-barranin, iżda ma jiksbu ebda dritt għal residenza jew domiċilju permanenti fit-territorju tar-Repubblika tan-Niġer.

4.   L-oġġetti tal-EUCAP li jidħlu fit-territorju tar-Repubblika tan-Niġer, li jgħaddu mit-territorju jew ħerġin minnu, huma eżentati minn kull liċenzja ta’ importazzjoni, ta’ transitu jew ta’ esportazzjoni kif ukoll minn kull ħlas jew taxxa tad-dwana bl-eċċezzjoni tal-ħlas għall-ħżin, trasport u ħlas rilevanti għal servizzi oħra mogħtija.

5.   L-inġenji tal-ajru użati f’appoġġ għall-missjoni m’għandhomx ikunu soġġetti għall-obbligi lokali ta’ liċenzja lokali jew ta’ reġistrazzjoni. L-istandards u r-regolamenti internazzjonali relevanti għandhom ikomplu japplikaw. Jekk meħtieġ, għandhom jiġu konklużi l-arranġamenti supplimentari kif imsemmi fl-Artikolu 19. Madankollu, il-vetturi jridu jiġu koperti minn mill-inqas assigurazzjoni ta’ “responsabbiltà ċivili”.

6.   Il-membri tal-persunal tal-missjoni EUCAP jistgħu jsuqu vetturi bil-mutur u jinnavigaw bastimenti u joperaw inġenji tal-ajru fit-territorju tar-Repubblika tan-Niġer dment li jkollhom liċenzji tas-sewqan, ċertifikati ta’ kaptan ta’ bastiment jew liċenzji ta’ bdot nazzjonali jew internazzjonali validi, kif adatt. Ir-Repubblika tan-Niġer għandha taċċetta bħala validi l-liċenzji jew permessi tas-sewqan li jkollhom il-membri tal-persunal tal-EUCAP mingħajr ma jkunu soġġetti la għal taxxa u lanqas għal imposti.

7.   L-EUCAP u l-membri tal-persunal tagħha, kif ukoll l-oġġetti tagħhom għandhom ikunu jistgħu jiċċaqilqu b’mod ħieles u mingħajr restrizzjoni fl-ispazji marbuta mal-attivitajiet tagħhom li jiġu determinati bi qbil komuni mal-awtoritajiet kompetenti Niġerjani. Jekk meħtieġ, l-arranġamenti supplimentari jistgħu jiġu konklużi skont l-Artikolu 19.

8.   Fl-aħħar tal-missjoni, il-membri tal-persunal tal-EUCAP u l-membri tal-persunal impjegati fuq il-post mill-EUCAP kif ukoll il-mezzi ta’ trasport tal-EUCAP, li fihom jivvjaġġaw matul il-missjoni tagħhom, jistgħu jużaw it-toroq, il-pontijiet, it-traġetti, l-ajruporti u l-portijiet. L-EUCAP m’għandhiex tkun eżentata minn ħlasijiet jew kontribuzzjonijiet ta’ ammont raġonevoli għas-servizzi li hija tibbenefika minnhom fuq talba tagħha skont l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għal dawk previsti għall-persunal tar-Repubblika tan-Niġer.

Artikolu 5

Privileġġi u immunitajiet mogħtija lill-EUCAP mir-Repubblika tan-Niġer

1.   Il-faċilitajiet tal-EUCAP għandhom ikunu invjolabbli. L-aġenti tar-Repubblika tan-Niġer m’għandhomx jidħlu fihom mingħajr il-kunsens tal-Kap tal-Missjoni.

2.   Il-faċilitajiet u l-oġġetti tal-EUCAP għandhom ikunu ħielsa minn kull tfittxija, rekwiżizzjoni, sekwestru jew miżura ta’eżekuzzjoni.

3.   L-EUCAP, kif ukoll l-oġġetti tagħha, irrispettivament minn fejn jinsabu u mid-detentur tagħhom, għandhom igawdu l-immunità minn kull forma ta’ proċess legali.

4.   L-arkivji u d-dokumenti tal-EUCAP għandhom ikunu dejjem invjolabbli, ikunu fejn ikunu.

5.   Il-korrispondenza uffiċjali tal-EUCAP għandha tkun invjolabbli. “Korrispondenza uffiċjali” tfisser kull korrispondenza relatata mal-missjoni u l-funzjonijiet tagħha.

6.   Fir-rigward ta’ oġġetti mixtrija jew importata, is-servizzi pprovduti u l-faċilitajiet użati minnha u għall-finijiet tal-operazzjoni, l-EUCAP għandha tkun eżentata mill-imposti, it-taxxi u l-ħlasijiet ta’ natura simili kollha nazzjonali, reġjonali u komunali. L-EUCAP m’għandhiex tkun eżentata minn ħlas tas-servizzi mogħtija.

Artikolu 6

Privileġġi u immunitajiet mogħtija lill-persunal tal-EUCAP mir-Repubblika tan-Niġer

1.   Il-persunal tal-EUCAP m’għandu jkun soġġett għall-ebda forma ta’ arrest jew detenzjoni. F’każ ta’ ksur tal-liġi li jiġi nnotat minn awtorità ta’ pulizija ġudizzjarja kompetenti tar-Repubblika tan-Niġer, din għandha tkun awtorizzata li żżomm il-persuna li wettqet ir-reat taħt arrest, sakemm jaslu l-awtoritajiet kompetenti tal-EUCAP.

2.   Id-dokumenti, il-korrispondenza u l-oġġetti tal-persunal tal-EUCAP għandhom igawdu l-invjolabbiltà, ħlief fil-każ ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni awtorizzati skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu.

3.   Il-persunal tal-EUCAP igawdi mill-immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali tar-Repubblika tan-Niġer, ħlief f’każ ta’ rinunzja espressa mill-awtorità kompetenti. Madankollu, f’każ ta’ ksur tal-liġi kriminali, l-awtoritajiet kompetenti Niġerjani għandhom jiġbru l-elementi ta’ prova li jippreżentaw lill-Kap tal-Missjoni tal-EUCAP. Dan jieħu immedjatament id-dispożizzjonijiet biex jibgħat lura l-membru tal-persunal ikkonċernat lejn l-Istat ta’ Oriġini tiegħu sabiex isiru l-proċeduri legali, dmenti li d-deċiżjoni li jsiru proċeduri legali tappartjeni bis-sovranità kollha tagħha għall-awtorità ġudizzjarja tal-oriġini. F’dan il-każ, il-gvern tan-Niġer għandu jinżamm regolarment infurmat dwar it-twettiq tal-azzjoni ġudizzjarja involuta.

4.   Il-persunal tal-EUCAP għandu jgawdi l-immunità mill-ġurisdizzjoni ċivili u amministrattiva tar-Repubblika tan-Niġer fir-rigward ta’ dak li jingħad u jinkiteb u l-atti kollha li jwettaq fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu. Jekk jittieħdu xi passi ċivili kontra l-persunal tal-EUCAP quddiem qorti tar-Repubblika tan-Niġer, il-Kap tal-Missjoni u l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ Oriġini, is-SEAE jew l-istituzzjoni kkonċernata tal-UE għandhom jiġu notifikati minnufih. Qabel il-bidu tal-proċediment quddiem il-qorti kompetenti, il-Kap tal-missjoni għandu jiċċertifika bil-miktub jekk l-att kriminali twettaqx mill-membru tal-persunal ikkonċernat jew le fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu. Jekk l-att inkwistjoni jkun twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-proċedura m’għandhiex tinbeda u għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16. Jekk l-att ma jkunx twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-proċedura tista’ titkompla. Jekk il-persunal tal-EUCAP jibda proċedimenti, ma jistax jinvoka l-immunità mill-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe kontro-talba relatata direttament mat-talba prinċipali.

5.   Il-persunal tal-EUCAP mhux obbligat li jagħti xhieda.

6.   L-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni ma tista’ tittieħed fir-rigward tal-persunal tal-EUCAP, ħlief fil-każ li jiġi istitwit kontrih proċediment ċivili mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu. L-oġġetti tal-persunal tal-EUCAP, iċċertifikata mill-Kap tal-Missjoni bħala meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tal-persunal imsemmi, għandhom ikunu ħielsa minn sekwestru għas-sodisfazzjon ta’ sentenza, deċiżjoni jew ordni. Fil-kuntest ta’ proċedimenti ċivili, il-persunal tal-EUCAP m’għandu jkun soġġett għall-ebda restrizzjoni tal-libertà personali tiegħu jew għal kwalunke miżura oħra ta’ kostrinġiment.

7.   L-immunità mill-ġurisdizzjoni li jgawdi l-persunal tal-EUCAP fin-Niġer ma teżentahx mill-ġurisdizzjoni tal-Istat ta’ Orġini.

8.   Il-persunal tal-EUCAP huwa eżentat mir-regolamenti dwar materji ta’ sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fin-Niġer.

9.   Il-persunal tal-EUCAP għandu jkun eżentat minn kull forma ta’ taxxa fir-Repubblika tan-Niġer kemm fuq ir-remunerazzjoni u l-emolumenti mħallsa lilu mill-EUCAP jew mill-Istati ta’ Oriġini, kif ukoll fuq kull dħul li jirċievi minn barra r-Repubblika tan-Niġer.

10.   Il-persunal tal-EUCAP huwa awtorizzat jimporta, sitt xhur qabel il-wasla tiegħu fin-Niġer, mingħajr taxxi u dazji doganali, oġġetti personali skont ir-regolamenti fis-seħħ fin-Niġer.

11.   Il-bagalji personali tal-persunal tal-EUCAP għandhom ikunu eżentati mill-ispezzjoni manwali, sakemm m’hemmx raġunijiet serji li jkun maħsub li jkun fihom oġġetti li mhumiex għall-użu personali tal-persunal jew dak tal-EUCAP, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom hi pprojbita mil-liġi jew ikkontrollata mir-regolamenti ta’ kwarantina tar-Repubblika tan-Niġer. Bl-istess mod, l-ispezzjoni għandha titwettaq biss fil-preżenza tal-persunal tal-EUCAP ikkonċernat jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-EUCAP.

Artikolu 7

Persunal impjegat lokalment

Il-persunal impjegat lokalment m’għandu jibbenefika minn ebda privileġġ jew immunità. Madankollu, ir-Repubblika tan-Niġer teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha fuq dak il-persunal b’tali mod li ma tfixkilx eċċessivament it-twettiq tal-funzjonijiet tal-Missjoni.

Artikolu 8

Dixxiplina

L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat ta’ Oriġini għandhom id-dritt li jeżerċitaw is-setgħat dixxiplinarji kollha mogħtija lilhom bil-liġi tal-Istat ta’ Oriġini fit-territorju Niġerjan fir-rigward tal-persunal kollu tal-EUCAP soġġett għal din il-liġi.

Artikolu 9

Sigurtà

1.   Ir-Repubblika tan-Niġer għandha tiżgura s-sigurtà tal-persunal tal-EUCAP.

2.   Għal dak il-għan, ir-Repubblika tan-Niġer għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-protezzjoni u s-sigurtà tal-EUCAP u l-persunal tagħha. Kwalunkwe dispożizzjoni speċifika proposta mir-Repubblika tan-Niġer għandu jintlaħaq qbil dwarha mill-Kap tal-Missjoni qabel ma tiġi implimentata. Ir-Repubblika tan-Niġer għandha tagħti l-appoġġ tagħha mingħajr ħlas lill-attivitajiet relatati mal-evakwazzjoni ta’ membri tal-persunal tal-EUCAP għal raġunijiet mediċi. Jekk meħtieġ, għandhom jiġu konklużi l-modalitajiet supplimentari kif imsemmi fl-Artikolu 19.

3.   Il-membri tal-persunal tal-EUCAP maħturin mill-Kap tal-Missjoni u li l-lista tagħhom tiġi komunikata lill-awtoritajiet Niġerjani kompetenti, jistgħu jżommu u jġorru armi fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom.

Artikolu 10

Uniformi

1.   Il-membri tal-persunal tal-EUCAP għandhom jilbsu l-uniformi nazzjonali jew ilbies ċivili, kif ukoll ikollhom il-marka distintiva tal-EUCAP. Il-persunal ta’ appoġġ ċivili għandu jilbes ilbies ċivili kif ukoll il-marka distintiva tal-EUCAP.

2.   L-ilbies tal-uniformi għandu jkun soġġett għar-regoli adottati mill-Kap tal-Missjoni.

Artikolu 11

Kooperazzjoni u Aċċess għall-Informazzjoni

1.   Ir-Repubblika tan-Niġer għandha tipprovdi kooperazzjoni u appoġġ totali lill-EUCAP u lill-persunal tagħha. Jekk meħtieġ, għandhom jiġu konklużi l-modalitajiet supplimentari kif imsemmi fl-Artikolu 19.

2.   Il-Kap tal-Missjoni u r-rappreżentant maħtur mill-Gvern tar-Repubblika tan-Niġer għandhom jikkonsultaw lil xulxin regolarment u jieħdu l-miżuri xierqa biex jiġi żgurat kuntatt mill-qrib u reċiproku f’kull livell xieraq. Ir-Repubblika tan-Niġer tista’ tinnomina uffiċjal ta’ kuntatt fi ħdan l-EUCAP.

Artikolu 12

Appoġġ min-Niġer

1.   Ir-Repubblika tan-Niġer taċċetta, fuq talba tal-EUCAP, li tgħin biex jinstabu l-faċilitajiet xierqa.

2.   Ir-Repubblika tan-Niġer għandha tipprovdi, mingħajr ħlas, jekk meħtieġa u disponibbli, faċilitajiet li huma proprjetà tagħha, sakemm tali faċilitajiet jintalbu għat-twettiq ta’ attivitajiet amministrattivi u operattivi tal-EUCAP.

3.   Fil-limiti tal-mezzi u l-kapaċitajiet tagħha, ir-Repubblika tan-Niġer għandha tikkontribwixxi fit-tħejjija, l-istabbiliment, it-twettiq u l-appoġġ għall-missjoni.

4.   L-EUCAP għandu jkollha l-kapaċità legali meħtieġa skont il-liġijiet u r-regolamenti tar-Repubblika tan-Niġer biex twettaq il-missjoni tagħha, u b’mod partikolari għall-iskop tal-ftuħ ta’ kontijiet bankarji u biex tinkiseb jew titneħħa l-proprjetà mobbli u li tkun parti għal proċedimenti legali.

5.   Il-liġi applikabbli għall-kuntratti konklużi mill-EUCAP fir-Repubblika tan-Niġer għandha tkun deċiża fil-kuntratti msemmija.

Artikolu 13

Modifika tal-faċilitajiet li huma proprjetà tal-Istat

1.   L-EUCAP hija awtorizzata tibni, tittrasforma jew timmodifika faċilitajiet li huma proprjetà tar-Repubblika tan-Niġer biex twieġeb għall-ħtiġijiet operazzjonali tagħha b’rabta mal-istrutturi kkonċernati.

2.   Ir-Repubblika tan-Niġer ma għandha titlob l-ebda kumpens lill-EUCAP għall-kostruzzjonijiet, it-trasformazzjonijiet jew il-modifiki tagħha.

Artikolu 14

Membri deċeduti tal-EUCAP

1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkollu d-dritt li jieħu r-responsabbiltà għal u jagħmel arranġamenti adatti għar-ripatrijazzjoni ta’ kwalunkwe membru deċedut tal-persunal tal-EUCAP, kif ukoll tal-proprjetà personali tiegħu, f’konformità mar-regolamenti fis-seħħ fin-Niġer.

2.   Ma għandha ssir awtopsja fuq ebda membru deċedut tal-persunal EUCAP mingħajr il-qbil tal-Istat konċernat u jekk mhux fil-preżenza ta’ rappreżentant tal-EUCAP jew tal-Istat konċernat.

3.   Ir-Repubblika tan-Niġer u l-EUCAP għandhom jikkooperaw kemm jista’ jkun possibbli biex jiżguraw li persunal deċedut tal-EUCAP jiġi ripatrijat malajr.

Artikolu 15

Komunikazzjoni

1.   L-EUCAP tista’ tinstalla u topera stazzjonijiet tar-radju li jibagħtu u jirċievu, kif ukoll sistemi bis-satellita għall-ħtiġijiet tal-missjoni tagħha u dan f’konformità mar-regolamenti fis-seħħ fin-Niġer, b’rabta mas-servizzi kompetenti. Hija għandha tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tan-Niġer bil-ħsieb li jiġu evitati konflitti fl-użu tal-frekwenzi adatti. Ir-Repubblika tan-Niġer għandha tagħti aċċess mingħajr ħlas għall-ispektrum tal-frekwenza.

2.   L-EUCAP għandu jkollha d-dritt għal komunikazzjoni, mingħajr ebda restrizzjoni, bir-radju (inkluż radju bis-satellita, mobbli jew portabbli), bit-telefon, bit-telegrafu, bil-faks u b’mezzi oħrajn, kif ukoll id-dritt li tinstalla t-tagħmir meħtieġ biex tiżgura l-komunikazzjoni meħtieġa ġewwa u bejn il-faċilitajiet tal-EUCAP, inkluż id-dritt li tqiegħed kejbils u linji fissi għall-finijiet tal-operazzjoni.

3.   Fil-faċilitajiet tagħha stess l-EUCAP tista’ tagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex tiżgura t-trasmissjoni tal-posta indirizzata lill-EUCAP jew lill-persunal tagħha jew li tkun qed tintbagħat mill-EUCAP jew mill-persunal tagħha.

Artikolu 16

Talbiet ta’ indennizz f’każ ta’ mewt, korriment, dannu jew telf

1.   L-EUCAP u l-persunal tagħha, l-UE u l-Istati ta’ Oriġini m’għandhomx jinżammu responsabbli għall-ħsara jew it-telf ta’ proprjetà ċivili jew tal-gvern relatati mal-ħtiġijiet operattivi jew ikkawżati mill-attivitajiet marbuta ma’ diżordnijiet ċivili jew tal-protezzjoni tal-EUCAP.

2.   Bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni bonarja, it-talbiet għal indennizz għal ħsara jew telf ta’ proprjetà ċivili jew tal-gvern li ma jinsbaux fil-paragrafu 1, kif ukoll talbiet għal indennizz f’każ ta’ mewt jew korriment ta’ persuni u ħsara jew telf ta’ proprjetà tal-EUCAP, għandhom jitressqu lill-EUCAP permezz tal-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tan-Niġer safejn ikunu konċernati t-talbiet imressqa minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi Niġerjani, jew lill-awtoritajiet kompetenti Niġerjani safejn ikunu konċernati t-talbiet imressqa mill-EUCAP.

3.   Jekk ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni bonarja, it-talba għal indennizz għandha tintbagħat lil kummissjoni ta’ indennizz magħmula minn numru indaqs ta’ rappreżentanti tal-EUCAP u rappreżentanti tar-Repubblika tan-Niġer. Is-soluzzjoni tat-talbiet għandha tintlaħaq bi qbil komuni.

4.   Meta ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni fil-kummissjoni ta’ indennizz, it-talbiet:

(a)

ta’ 40 000 EUR jew inqas, jiġu riżolti b’mezzi diplomatiċi bejn ir-Repubblika tan-Niġer u r-Rappreżentant tal-UE;

(b)

‘il fuq mill-ammont imsemmi fil-punt a), jitressqu quddiem tribunal tal-arbitraġġ, fejn id-deċiżjonijiet tiegħu għandhom ikunu vinkolanti.

5.   It-tribunal tal-arbitraġġ għandu jkun magħmul minn tliet arbitri, fejn l-ewwel wieħed minnhom ikun maħtur mir-Repubblika tan-Niġer, it-tieni mill-EUCAP u t-tielet konġuntament mir-Repubblika tan-Niġer u mill-EUCAP. Jekk waħda mill-partijiet ma taħtarx arbitru fi żmien xahrejn jew jekk ma jistax jintlaħaq qbil bejn ir-Repubblika tan-Niġer u l-EUCAP dwar il-ħatra tat-tielet arbitru, l-arbitru inkwistjoni għandu jinħatar mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

6.   Għandhom jiġi konklużi modalitajiet amministrattivi meħtieġa bejn l-EUCAP u l-awtoritajiet amministrattivi tar-Repubblika tan-Niġer sabiex jiġi determinat il-mandat tal-kummissjoni ta’ indennizz u tat-tribunal tal-arbitraġġ, il-proċeduri applikabbli fi ħdan dawn l-organi u l-kundizzjonijiet li bihom għandhom jiġu ppreżentati t-talbiet ta’ indennizz.

Artikolu 17

Riżoluzzjoni ta’ tilwim

1.   Il-kwistjonijiet kollha li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu eżaminati mir-rappreżentanti tal-EUCAP u l-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tan-Niġer flimkien.

2.   F’nuqqas ta’ kwalunkwe soluzzjoni minn qabel, id-disputi fir-rigward tal-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu deċiżi bejn ir-Repubblika tan-Niġer u rappreżentanti tal-UE b’mezzi diplomatiċi.

Artikolu 18

Dispożizzjonijiet oħra

1.   Kull meta dan il-Ftehim jirreferi għall-privileġġi, l-immunitajiet u d-drittijiet tal-EUCAP u tal-persunal tagħha, il-Gvern tar-Repubblika tan-Niġer għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom u għall-konformità magħhom mill-awtoritajiet lokali kompetenti.

2.   L-ebda dispożizzjoni f’dan il-Ftehim ma għandha l-għan li tikkostitwixxi deroga, jew li tiġi interpretata li tikostitwixxi deroga mid-drittijiet li jistgħu jkunu rikonoxxuti skont ftehimiet oħra ma’ Stat Membru tal-UE jew ma’ Stat ieħor li jikkontribwixxi għall-EUCAP taħt strumenti ta’ ftehim oħrajn.

Artikolu 19

Arranġamenti ta’ implimentazzjoni

Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-kwistjonijiet operattivi, amministrattivi u tekniċi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ modalitajiet separati konklużi bejn il-Kap tal-Missjoni u l-awtoritajiet amministrattivi tar-Repubblika tan-Niġer.

Artikolu 20

Dispożizzjonijiet finali

1.   Il-ftehim preżenti ser jiġi ppubblikat minn kull parti għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tiegħu. Dan jibqa’ fis-seħħ sad-data tat-tluq tal-aħħar membru tal-persunal tal-EUCAP, liema data hija notifikata mill-EUCAP.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Artikolu 4(8), l-Artikolu 5(1), (2), (3) u (6), l-Artikolu 6(1), (3), (5), (7), (8) u (9), u l-Artikoli 12 u 15 għandhom jitqiesu bħala applikabbli mid-data tal-iskjerament tal-ewwel membru tal-persunal tal-EUCAP, jekk dik id-data kienet qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

3.   Bidliet għal dan il-Ftehim għandhom isiru bil-kunsens reċiproku bil-miktub tal-partijiet. Dawn il-bidliet għandhom jitwettqu bħala protokolli separati, li jiffurmaw parti integrali ta’ dan il-Ftehim u għandhom jidħlu fis-seħħ skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Dan il-Ftehim għandu jibqa’ validu sakemm waħda mill-Partijiet ma tinfurmax bil-miktub lill-Parti l-oħra dwar ix-xewqa tagħha li ttemm dan il-Ftehim. It-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tidħol fis-seħħ sitt xhur wara d-data ta’ meta tkun waslet din in-notifika. It-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim m’għandhiex tolqot id-drittijiet jew l-obbligi li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni tiegħu qabel tali terminazzjoni.

Magħmul fi Niamey, fit-tletin ta’ Lulju 2013, f’żewġ verżjonijiet oriġinali bil-lingwa Franċiża.

Għall-Unjoni Ewropea

Għar-Repubblika tan-Niġer


(1)  ĠU L 187, 17.7.2012, p. 48.


Top