Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22012D0126

    Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 126/2012 tat- 13 ta’ Lulju 2012 li temenda l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim taż-ŻEE

    ĠU L 309, 8.11.2012, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/126/oj

    8.11.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 309/4


    DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

    Nru 126/2012

    tat-13 ta’ Lulju 2012

    li temenda l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim taż-ŻEE

    IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat mill-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”, u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi l-proċeduri relatati mal-applikazzjoni ta’ ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE (1) għandu jkun inkorporat fil-Ftehim.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 339/93 (2) għandu jkun inkorporat fil-Ftehim.

    (3)

    Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE (3) għandha tkun inkorporata fil-Ftehim.

    (4)

    Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tistabbilixxi prinċipji komuni u dispożizzjonijiet ta’ referenza għal leġiżlazzjoni tal-ġejjieni li tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, kif ukoll test ta’ referenza għal-leġiżlazzjoni eżistenti.

    (5)

    Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1995 li tistabbilixxi proċedura għall-iskambju tat-tagħrif dwar il-miżuri nazzjonali li jidderogaw mill-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija ġewwa l-Komunità (4) li hi inkorporata fil-Ftehim u għalhekk għandha tkun irrevokata skont il-Ftehim.

    (6)

    Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 tat-8 ta’ Frar 1993 dwar kontrolli għall-konformità mar-regoli dwar is-sigurtà tal-prodotti fil-każ ta’ prodotti importati minn pajjiżi terzi (5), li hu inkorporat fil-Ftehim u li konsegwentement għandu jitħassar skont il-Ftehim.

    (7)

    Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE tat-22 ta’ Lulju 1993 dwar il-moduli għall-fażijiet diversi tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità u r-regoli għattwaħħil u għall-użu tal-marka ta’ konformità CE li huma maħsubin sabiex jintużaw fid-direttivi ta’ armonizzazzjoni teknika (6) li hi inkorporata fil-Ftehim u għalhekk għandha tkun irrevokata skont il-Ftehim.

    (8)

    Għalhekk, l-Anness II tal-Ftehim taż-ŻEE għandu jiġi emendat kif xieraq,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Kapitolu XIX tal-Anness II tal-Ftehim jiġi emendat kif ġej:

    1.

    It-test tal-punt 3b (ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93) ikun sostitwit b’dan li ġej:

    32008 R 0765: Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

    (a)

    Dan li ġej jiġi miżjud fit-tmiem tal-Artikolu 4(2):

    ‘Il-Liechtenstein jirrikorri wkoll għall-korp nazzjonali ta’ akkreditament tal-Isvizzera għas-setturi tal-prodotti koperti mill-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar ir-rikonoxximent reċiproku fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità u li fir-rigward tagħhom ir-rekwiżiti tal-UE u dawk Svizzeri huma meqjusa bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 1(2) u (3) ta’ dak il-Ftehim’.

    (b)

    Il-prodotti esportati mil-Liechtenstein għall-Partijiet Kontraenti l-oħra jistgħu jkunu soġġetti għall-kontrolli fuq il-fruntiera skont l-Artikoli 27-29.”.

    2.

    It-test tal-punt 3d (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    32008 D 0768: Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82).”

    3.

    It-test tal-punt 3f (id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    32008 R 0764: Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi l-proċeduri relatati mal-applikazzjoni ta’ ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 21).

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

    Ir-Regolament japplika biss għall-prodotti koperti mill-Artikolu 8(3) tal-Ftehim.

    Ir-Regolament ma japplikax għal-Liechtenstein fir-rigward ta’ prodotti koperti mill-Anness I, mill-Kapitoli XII u XXVII tal-Anness II u mill-Protokoll 47 tal-Ftehim, sakemm l-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli hija estiża għal-Liechtenstein.”

    4.

    Dan li ġej jiddaħħal fil-punt 3h (id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

    “, kif emendat permezz ta’:

    32008 R 0765: Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 (ĠU L 218, 13.8.2008. p. 30).”

    Artikolu 2

    It-testi tar-Regolamenti (KE) Nru 764/2008 u Nru 765/2008 u tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE, bil-lingwa Islandiża u b’dik Norveġiża, li għandhom ikunu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ikunu awtentiċi.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-14 ta’ Lulju 2012, sakemm in-notifiki kollha taħt l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ikunu saru lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (*).

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni tiġi ppubblikata fis-Sezzjoni taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2012.

    Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

    Il-President

    Atle LEIKVOLL


    (1)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 21.

    (2)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.

    (3)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82.

    (4)  ĠU L 321, 30.12.1995, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13 Volum 015 pp. 427 - 431).

    (5)  ĠU L 40, 17.2.1993, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13 Volum 012 pp. 3 - 6).

    (6)  ĠU L 220, 30.8.1993, p. 23 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13 Volum 012 pp. 195 - 211).

    (*)  Rekwiżiti kostituzzjonali indikati.


    Top