This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 22011A0823(01)
Agreement between the European Union and the Republic of Serbia on security procedures for exchanging and protecting classified information
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata
ĠU L 216, 23.8.2011, p. 2–4
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata
Official Journal L 216 , 23/08/2011 P. 0002 - 0004
TRADUZZJONI Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa "l-UE", u R-REPUBBLIKA TAS-SERBJA, minn hawn ’il quddiem imsejħin "il-Partijiet"; WARA LI KKUNSIDRAW li l-Partijiet jikkondividu l-objettivi li jsaħħu s-sigurtà tagħhom stess b’kull mod; WARA LI KKUNSIDRAW li l-Partijiet jaqblu li għandhom jiġu żviluppati bejniethom konsultazzjonijiet u kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni relatati mas-sigurtà; WARA LI KKUNSIDRAW li, f’dan il-kuntest, teżisti għalhekk ħtieġa permanenti għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata bejn il-Partijiet; WAQT LI JIRRIKONOXXU li konsultazzjoni u kooperazzjoni sħiħa u effettiva tista’ teħtieġ l-aċċess għal informazzjoni klassifikata u l-iskambju tagħha u ta’ materjal relatat tal-Partijiet; KONXJI li tali aċċess għal, u skambju ta’, informazzjoni klassifikata u materjal relatat jeħtieġu li jittieħdu miżuri adegwati ta’ sigurtà, FTIEHMU KIF ĠEJ: Artikolu 1 1. Sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-tisħiħ tas-sigurtà ta’ kull wieħed mill-Partijiet b’kull mod, il-Ftehim bejn l-UE u r-Repubblika tas-Serbja dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (minn hawn ’il quddiem "il-Ftehim") għandu japplika għal informazzjoni jew materjal ikklassifikat fi kwalunkwe forma u fi kwalunkwe qasam jew ipprovduti inkella skambjati bejn il-Partijiet. 2. Kull Parti għandha tipproteġi l-informazzjoni klassifikata li tirċievi mill-Parti l-oħra minn żvelar mhux awtorizzat f’konformità mat-termini mniżżlin hawnhekk u f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet. Artikolu 2 Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, "informazzjoni klassifikata" għandha tfisser kwalunkwe informazzjoni jew materjal, fi kwalunkwe forma, li: (a) jiġu ddeterminati minn waħda mill-Partijiet bħala li jeħtieġu protezzjoni, billi l-iżvelar mhux awtorizzat tagħhom jista’ joħloq livelli varji ta’ dannu jew ħsara għall-interessi tar-Repubblika tas-Serbja, jew tal-UE jew ta’ Stat Membru wieħed jew aktar tagħha; u (b) ikollhom marka ta’ klassifikazzjoni. Artikolu 3 L-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-UE li għalihom japplika dan il-Ftehim għandhom ikunu: il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem "il-Kunsill"), is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (minn hawn ’il quddiem "is-SEAE") u l-Kummissjoni Ewropea. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, dawn l-istituzzjonijiet u l-entitajiet għandhom jissejħu "l-UE". Artikolu 4 Kull waħda mill-Partijiet, u l-entitajiet tagħhom kif imsemmija fl-Artikolu 3, għandha tiżgura li jkollha fis-seħħ sistema ta’ sigurtà u miżuri ta’ sigurtà, ibbażati fuq il-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti fil-liġijiet jew fir-regolamenti rispettivi tagħhom, u riflessi fl-arranġamenti ta’ sigurtà li għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 12, sabiex ikun żgurat li qed jiġi applikat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni għal informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim. Artikolu 5 Kull waħda mill-Partijiet, u l-entitajiet tagħhom kif imsemmija fl-Artikolu 3, għandha: (a) tipproteġi l-informazzjoni klassifikata pprovduta minn jew skambjata mal-Parti l-oħra taħt dan il-Ftehim b’mod li jkun mill-inqas ekwivalenti għal dik mogħtija lilha mill-Parti provvedenti; (b) tiżgura li l-informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim iżżomm il-marka tal-klassifikazzjoni ta’ sigurtà mogħtija lilha mill-Parti provvedenti, u li ma tbaxxix il-livell tal-klassifikazzjoni tagħha jew tiddeklassifikaha mingħajr kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti provvedenti. Il-Parti riċeventi għandha tipproteġi l-informazzjoni klassifikata skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-regolamenti ta’ sigurtà tagħha stess għal informazzjoni jew materjal li jkollu klassifikazzjoni ta’ sigurtà ekwivalenti kif speċifikat fl-Artikolu 7; (c) ma tużax tali informazzjoni klassifikata għal għanijiet li mhumiex dawk stabbiliti mill-oriġinatur jew dawk li għalihom tiġi pprovduta jew skambjata l-informazzjoni; (d) ma tiżvelax tali informazzjoni klassifikata lil partijiet terzi, jew lil kwalunkwe istituzzjoni jew entità tal-UE mhux imsemmija fl-Artikolu 3, mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti provvedenti; (e) ma tippermettix l-aċċess għal informazzjoni klassifikata lil individwi ħlief jekk ikollhom il-ħtieġa ta’ tagħrif u jkunu ngħataw l-approvazzjoni adatta tas-sigurtà u awtorizzati mill-Parti rilevanti; (f) tiżgura s-sigurtà tal-faċilitajiet fejn tinżamm l-informazzjoni klassifikata pprovduta mill-Parti l-oħra; u (g) tiżgura li l-individwi kollha li għandhom aċċess għal informazzjoni klassifikata huma infurmati bir-responsabbiltajiet tagħhom li jipproteġu l-informazzjoni skont ir-regoli u r-regolamenti applikabbli. Artikolu 6 1. L-informazzjoni klassifikata għandha tiġi żvelata jew rilaxxata f’konformità mal-prinċipju tal-kunsens tal-oriġinatur. 2. Sabiex isir rilaxx lil riċevituri oħra diversi mill-Partijiet, ser tittieħed deċiżjoni dwar l-iżvelar jew ir-rilaxx ta’ informazzjoni klassifikata mill-Parti riċeventi fuq bażi ta’ każ b’każ suġġett għall-kunsens tal-Parti provvedenti u skont il-prinċipju tal-kunsens tal-oriġinatur. 3. Ma għandu jkun possibbli l-ebda rilaxx ġeneriku sakemm ma jkunux ġew maqbula proċeduri bejn il-Partijiet rigward ċerti kategoriji ta’ informazzjoni, rilevanti għall-ħtiġiet speċifiċi tagħhom. 4. Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jitqies bħala bażi għal rilaxx mandatorju ta’ informazzjoni klassifikata bejn il-Partijiet. 5. L-informazzjoni klassifikata riċevuta mill-Parti provvedenti tista’ tiġi pprovduta lil kuntrattur jew lil kuntrattur prospettiv biss bil-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti provvedenti. Qabel tali rilaxx, il-Parti riċeventi għandha tiżgura li l-kuntrattur jew il-kuntrattur prospettiv u l-faċilità tal-kuntrattur huma kapaċi jipproteġu l-informazzjoni u jkollhom approvazzjoni ta’ sigurtà adegwata. Artikolu 7 Sabiex jiġi stabbilit livell ekwivalenti ta’ protezzjoni għal informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata bejn il-Partijiet, il-klassifikazzjonijiet tas-sigurtà għandhom jikkorrispondu kif ġej: UE | Repubblika tas-Serbja | RESTREINT UE | ИНТΕРНО РС jew INTERNO RS | CONFIDENTIEL UE | ПОΒΕРЉИВО РС jew POVERLJIVO RS | SECRET UE | СТРОГО ПОΒΕРЉИВО РС jew STROGO POVERLJIVO RS | TRES SECRET UE/EU TOP SECRET | ДРЖАВНА ТАЈНА РС jew DRŽAVNA TAJNA RS | Artikolu 8 1. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-persuni kollha li, fit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom jeħtieġu aċċess, jew li d-dmirijiet jew il-funzjonijiet tagħhom jistgħu jagħtu aċċess, għal informazzjoni klassifikata CONFIDENTIEL UE, ПОΒΕРЉИВО РС jew POVJERLJIVO RS, jew ogħla, ipprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim ikunu ngħataw l-approvazzjoni ta’ sigurtà adegwata qabel ma dawn jingħataw aċċess għal tali informazzjoni. 2. Il-proċeduri għall-approvazzjoni tas-sigurtà għandhom jitfasslu biex jiġi determinat jekk individwu jistax, b’kont meħud tal-lealtà u l-affidabbiltà tiegħu, ikollu aċċess għal informazzjoni klassifikata. Artikolu 9 Il-Partijiet għandhom jipprovdu assistenza reċiproka fir-rigward tas-sigurtà tal-informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim u materji ta’ interess komuni ta’ sigurtà. L-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 12 għandhom imexxu konsultazzjonijiet u żjajjar ta’ evalwazzjoni reċiproċi ta’ sigurtà biex tiġi stmata l-effettività tal-arranġamenti tas-sigurtà fil-qasam tar-responsabbiltà rispettiva tagħhom stabbiliti skont dak l-Artikolu. Artikolu 10 1. Għall-fini ta’ dan il-Ftehim: (a) fir-rigward tal-UE, il-korrispondenza kollha għandha tintbagħat mill-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill u għandha tintbagħat minnu/minnha lill-Istati Membri u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 3, soġġett għall-paragrafu 2; (b) fir-rigward tar-Repubblika tas-Serbja, il-korrispondenza kollha għandha tintbagħat permezz tal-Uffiċċju tal-Kunsill għas-Sigurtà Nazzjonali u l-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Klassifikata. 2. Madankollu, il-korrispondenza minn Parti waħda li tkun aċċessibbli biss għal uffiċjali, organi jew servizzi kompetenti speċifiċi ta’ dik il-Parti tista’, għal raġunijiet operattivi, tiġi indirizzata u tkun aċċessibbli biss għal uffiċjali, organi jew servizzi kompetenti speċifiċi tal-Parti l-oħra magħżula b’mod speċifiku bħala riċevituri, b’kont meħud tal-kompetenzi tagħhom u skont il-prinċipju ta’ ħtieġa ta’ tagħrif. Sa fejn tkun ikkonċernata l-UE, tali korrispondenza għandha tiġi trasmessa permezz tal-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill, l-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kummissjoni Ewropea, jew l-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tas-SEAE, kif adatt. Sa fejn tkun ikkonċernata r-Repubblika tas-Serbja, tali korrispondenza għandha tiġi trasmessa permezz tal-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Missjoni tar-Repubblika tas-Serbia għall-UE. Artikolu 11 Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tas-Serbja, is-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill u l-Membru tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għal kwistjonijiet ta’ siġurtà għandhom jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Artikolu 12 1. Sabiex dan il-Ftehim jiġi implimentat, għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti ta’ sigurtà bejn it-tliet awtoritajiet indikati hawn taħt, fejn kull waħda taġixxi taħt id-direzzjoni u f’isem is-superjuri organizzattivi tagħha, sabiex jiġu stabbiliti l-istandards għall-protezzjoni reċiproka ta’ informazzjoni klassifikata soġġett għal dan il-Ftehim: - l-Uffiċċju tal-Kunsill għas-Sigurtà Nazzjonali u l-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Klassifikata, għal informazzjoni kklassifikata pprovduta lir-Repubblika tas-Serbja taħt dan il-Ftehim; - l-uffiċċju tas-Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, għal informazzjoni klassifikata pprovduta lill-UE taħt dan il-Ftehim; - id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea, għal informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u fil-bini tagħha. 2. Qabel ma tiġi pprovduta jew skambjata informazzjoni klassifikata bejn il-Partijiet taħt dan il-Ftehim, l-awtoritajiet tas-sigurtà kompetenti msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jaqblu li l-Parti riċeventi tkun tista’ tipproteġi l-informazzjoni b’mod konsistenti mal-arranġamenti ta’ sigurtà li għandhom jiġu stabbiliti skont dak il-paragrafu. Artikolu 13 1. L-awtorità kompetenti ta’ kwalunkwe Parti msemmija fl-Artikolu 12 għandha tinforma immedjatament lill-awtorità kompetenti tal-Parti l-oħra bi kwalunkwe każ ta’ żvelar mhux awtorizzat ippruvat jew suspettat jew telf ta’ informazzjoni klassifikata pprovduta minn dik il-Parti, u għandha twettaq investigazzjoni u għandha tirrapporta r-riżultati lill-Parti l-oħra. 2. L-awtoritajiet kompetenti msemmijin fl-Artikolu 12 għandhom jistabbilixxu l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti f’każijiet bħal dawn. Artikolu 14 Kull Parti għandha tassumi l-ispejjeż tagħha stess fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Artikolu 15 Xejn f’dan il-Ftehim m’għandu jbiddel il-ftehimiet jew l-arranġamenti eżistenti bejn il-Partijiet, lanqas ftehimiet bejn ir-Repubblika tas-Serbja u l-Istati Membri tal-UE. Dan il-Ftehim m’għandux jipprekludi lill-Partijiet milli jikkonkludu ftehimiet oħra relatati mal-provvediment jew l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim sakemm dan ma jkunx inkompatibbli mal-obbligi taħt dan il-Ftehim. Artikolu 16 Kwalunkwe differenza bejn il-Partijiet li tirriżulta mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tiġi indirizzata permezz ta’ negozjar bejniethom. Matul in-negozjar iż-żewġ Partijiet għandhom ikomplu jwettqu l-obbligi kollha tagħhom taħt dan il-Ftehim. Artikolu 17 1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni meħtieġa għal dan l-għan. 2. Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bi kwalunkwe tibdil fil-liġijiet u r-regolamenti tagħha li jista’ jaffettwa l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata msemmija f’dan il-Ftehim. 3. Dan il-Ftehim jista’ jiġi rivedut sabiex jiġu kkunsidrati emendi possibbli fuq talba ta’ kwalunkwe Parti. 4. Kwalunkwe emenda magħmula lil dan il-Ftehim għandha ssir biss bil-miktub u bi ftehim komuni bejn il-Partijiet. Għandha tidħol fis-seħħ ma’ notifika reċiproca kif previst taħt il-paragrafu 1. Artikolu 18 Dan il-Ftehim jista’ jiġi terminat minn Parti waħda b’notifika bil-miktub tat-terminazzjoni mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali terminazzjoni għandha ssir effettiva sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tkun irċeviet in-notifika, iżda ma għandhiex taffettwa l-obbligi li l-Partijiet ikunu daħlu għalihom taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. B’mod partikolari, kull informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata skont dan il-Ftehim għandha tibqa’ tiġi protetta skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti hawnhekk. B’xiehda ta’ dan is-sottoskritti, debitament awtorizzati rispettivament, iffirmaw dan il-Ftehim. Magħmul duplikatament f’Belgrad, dan is- sitta u għoxrin jum ta’ Mejju fis-sena 2011, kull eżemplari bl-Ingliż. Għall-Unjoni Ewropea Għar-Repubblika tas-Serbja --------------------------------------------------