Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22009A0804(01)

Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Korea dwar koperazzjoni fir-rigward ta’ attivitajiet anti-kompetittivi

ĠU L 202, 4.8.2009, p. 36–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2009/586/oj

Related Council decision

22009A0804(01)

Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Korea dwar koperazzjoni fir-rigward ta’ attivitajiet anti-kompetittivi

Official Journal L 202 , 04/08/2009 P. 0036 - 0041


Ftehim

bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Korea dwar koperazzjoni fir-rigward ta’ attivitajiet anti-kompetittivi

IL-KOMUNITÀ EWROPEA,

minn naħa waħda, u

L-GVERN TAR-REPUBBLIKA TAL-KOREA,

min-naħa l-oħra,

(minn hawn ‘il quddiem imsejħa "il-Partijiet");

FILWAQT li jirrikonoxxu li l-ekonomiji tad-dinja, b’mod partikolari dawk tal-Komunità Ewropea u tar-Repubblika tal-Korea, qed isiru dejjem aktar interrelatati;

FILWAQT li jinnutaw li l-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Korea huma tal-istess fehma li l-infurzar korrett u effikaċi tal-liġijiet dwar il-kompetizzjoni huwa kwistjoni ta’ importanza għat-tħaddim effiċjenti tas-swieq rispettivi tagħhom, kif ukoll għall-ġid ekonomiku tal-konsumaturi taż-żewġ Partijiet u għall-kummerċ bejniethom;

FILWAQT li jinnutaw li l-infurzar korrett u effikaċi tal-liġijiet dwar il-kompetizzjoni tal-Partijiet jissaħħaħ permezz tal-koperazzjoni, u f’każijiet adegwati, tal-koordinazzjoni bejniethom fl-applikazzjoni ta’ dawk il-liġijiet;

FILWAQT li jirrikonoxxu wkoll li l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Partijiet ser tikkontribwixxi biex ittejjeb u ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħhom; u

FILWAQT li jżommu preżenti li minn żmien għall-ieħor jista’ jkun hemm differenzi bejn il-Partijiet rigward l-applikazzjoni tal-liġijiet tagħhom dwar il-kompetizzjoni għal kondotta jew transazzjonijiet li jimplikaw interessi sinifikanti taż-żewġ Partijiet;

FILWAQT li jieħdu nota tar-Rakkomandazzjoni rriveduta tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku Rigward il-Koperazzjoni bejn Pajjiżi Membri dwar Prattika Anti-Kompetittiva li Jolqtu lill-Kummerċ Internazzjonali, adottata fis- 27 u t- 28 ta’ Lulju 1995;

WARA LI KKUNSIDRAW il-Memorandum ta’ Ftehim konkluż bejn id-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust tar-Repubblika tal-Korea fit- 28 ta’ Ottubru 2004,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għan u Definizzjonijiet

1. L-għan ta’ dan il-Ftehim huwa li jikkontribwixxi għall-infurzar effikaċi tal-liġijiet dwar il-kompetizzjoni ta’ kull Parti permezz tal-promozzjoni tal-koperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritàjiet tal-kompetizzjoni tal-Partijiet u li jevita jew inaqqas il-possibbiltà ta’ konflitti bejn il-Partijiet f’kull kwistjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni tal-liġijiet dwar il-Kompetizzjoni ta’ kull Parti.

2. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, it-termini li ġejjin għandhom ikollhom dawn id-definizzjonijiet:

(a) it-terminu "attivitajiet anti-kompetittivi" ifisser kwalunkwe attività li tista’ tkun suġġetta għal sanzjonijiet jew miżuri korrettivi oħrajn taħt il-liġijiet dwar il-kompetizzjoni ta’ waħda mill-Partijiet jew taż-żewġ Partijiet.

(b) it-termini "awtorità tal-kompetizzjoni" u "awtoritajiet tal-kompetizzjoni" ifissru

(i) għall-Komunità Ewropea, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, fir-rigward tar-responsabbilitajiet tagħha taħt il-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Komunità Ewropea; u

(ii) għar-Repubblika tal-Korea, il-Kummissjoni tal-Kummerċ Ġust tal-Korea.

(ċ) it-terminu "awtorità kompetenti tal-Istat Membru" ifisser awtorità waħda għal kull Stat Membru tal-Komunità Ewropea għall-applikazzjoni ta’ liġijiet tal-kompetizzjoni. mal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim ser tiġi notifikata lista ta’ tali awtoritajiet mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej lill-Gvern tar-Repubblika tal-Korea. Il-Kummissjoni ser tinnotifika lill-Gvern tar-Repubblika tal-Korea lista aġġornata kull darba li dan ikun meħtieġ.

(d) it-terminu "liġijiet dwar il-kompetizzjoni" ifisser:

(i) għall-Komunità Ewropea, l-Artikoli 81, 82, u 85 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, u r-Regolamenti li jimplimentawhom kif ukoll kull emenda għalihom; u

(ii) għar-Repubblika tal-Korea, ir-Regolament dwar il-Monopolju u l-Att dwar il-Kummerċ Ġust, u r-regolamenti li jimplimentawhom kif ukoll kull emenda għalihom;

(e) it-terminu "attivitajiet ta’ infurzar" ifisser kwalunkwe applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni li ssir permezz ta’ investigazzjoni jew proċedimenti mwettqin mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Parti.

Artikolu 2

Notifiki

1. L-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ kull Parti għandha tinnotifika lill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti l-oħra fir-rigward tal-attivitajiet ta’ infurzar li l-awtorità tal-kompetizzjoni li tkun qed tagħmel in-notifika tikkunsidra li jistgħu jaffetwaw interessi importanti tal-Parti l-oħra.

2. L-attivitajiet ta’ infurzar li jistghu jolqtu l-interessi importanti tal-Parti l-oħra u li huma rilevanti għall-attivitajiet ta’ infurzar tal-Parti l-oħra jinkludu fost l-oħrajn:

(a) L-attivitajiet ta’ infurzar kontra ċittadin jew ċittadini tal-Parti l-oħra (fil-każ tal-Komunità Ewropea, ċittadin jew ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea), jew kontra kumpannija jew kumpanniji inkorporati jew organizzati taħt il-liġijiet jew ir-regolamenti applikabbli fit-territorju tal-Parti l-oħra;

(b) L-attivitajiet ta’ infurzar kontra attivitajiet anti-kompetittivi li mhumiex konċentrazzjonijiet li jsiru jew li jkunu saru wkoll f’parti sinifikanti fit-territorju tal-Parti l-oħra;

(ċ) L-attivitajiet ta’ infurzar li jinvolvu konċentrazzjoni fejn parti waħda jew aktar tat-tranżazzjoni hija/huma kumpannija/i inkorporata/i jew organizzata/i taħt il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tat-territorju tal-Parti l-oħra;

(d) L-attivitajiet ta’ infurzar li jinvolvu konċentrazzjoni fejn kumpannija li tikkontrolla parti waħda jew aktar mill-partijiet tat-tranżazzjoni hija kumpannija inkorporata jew organizzata taħt il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tat-territorju tal-Parti l-oħra;

(e) L-attivitajiet ta’ infurzar li jinvolvu kondotta li hemm is-suspett li kienet inkoraġġuta, meħtieġa jew approvata mill-Parti l-oħra; u

(f) L-attivitajiet ta’ infurzar li jinvolvu rimedji li jeħtieġu jew jipprojbixxu espressament kondotta fit-territorju tal-Parti oħra jew li fihom obbligi vinkolanti għall-impriżi f’dak it-territorju.

3. Għandhom jingħataw notifiki għal konċentrazzjonijiet konformement mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu:

(a) fil-każ tal-Komunità Ewropea:

(i) meta jinbdew proċedimenti taħt l-Artikolu 6(1)c tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004;

(ii) meta tinħareġ Dikjazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet.

(b) fil-każ tar-Repubblika tal-Korea:

(i) mhux aktar tard miż-żmien minn meta l-awtorità tal-kompetizzjoni tipproduċi talba bil-miktub jew biex testendi l-perijodu ta’ reviżjoni jew biex titlob li jiġu ppreżentati materjali addizzjonali rigward konċentrazzjonijiet li għandhom effetti potenzjalment anti-kompetittivi; u

(ii) meta jinħareġ ir-rapport tal-eżami.

4. Meta tkun meħtieġa notifika taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fir-rigward ta’ kwistjonijiet li mhumiex konċentrazzjonijiet, għandha tingħata notifika:

(a) fil-każ tal-Komunità Ewropea:

(i) meta tinħareġ Dikjazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet;

(ii) meta tiġi adottata deċiżjoni jew riżoluzzjoni.

(b) fil-każ tar-Repubblika tal-Korea:

(i) meta jinħareġ ir-rapport tal-eżami;

(ii) meta titressaq akkuża kriminali;

(iii) meta tiġi adottata deċiżjoni.

5. In-notifiki għandhom jinkludu b’mod partikolari l-ismijiet tal-partijiet involuti fl-investigazzjoni, l-attivitajiet li jkunu qed jiġu eżaminati u s-swieq relatati, id-dispożizzjonijiet legali rilevanti u d-data tal-attivitajiet ta’ infurzar.

Artikolu 3

Koperazzjoni fl-infurzar

1. L-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ kull Parti għandha tagħti assistenza lill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti l-oħra fl-attivitajiet tagħha ta’ infurzar sal-limitu li hu konsistenti mal-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti li tkun qiegħda tagħti l-assistenza u l-interessi importanti ta’ dik il-Parti, u tar-riżorsi disponibbli tagħha.

2. L-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ kull Parti għandha, sal-limitu li hu konsistenti mal-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti, u l-interessi importanti ta’ dik il-Parti:

(a) tinforma lill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti l-oħra fir-rigward tal-attivitajiet ta’ infurzar li jinvolvu attivitajiet anti-kompetittivi li l-awtorità tal-kompetizzjoni informanti tikkunsidra li jista’ jkollhom effett negattiv fuq il-kompetizzjoni fit-territorju tal-Parti l-oħra;

(b) tipprovdi lill-awtortità tal-kompetizzjoni tal-Parti l-oħra bi kwalunkwe informazzjoni sinifikanti fil-pussess tagħha u li tiġi għall-attenzjoni tagħha, dwar l-attivitajiet anti-kompetittivi li l-awtorità tal-kompetizzjoni li tkun qiegħda tipprovdi din l-informazzjoni tikkunsidra li hi rilevanti għall-attivitajiet ta’ infurzar jew li teħtieġhom mill-awtorità kompetenti tal-Parti l-oħra; u

(ċ) tipprovdi lill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti l-oħra, fuq talba u konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, b’informazzjoni li tkun fil-pussess tagħha li tkun rilevanti għall-attivitajiet ta’ infurzar tal-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti l-oħra.

Artikolu 4

Koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ infurzar

1. Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni taż-żewġ Partijiet qegħdin jidħlu għal attivitajiet ta’ infurzar fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati, huma għandhom jikkunsidraw il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tagħhom ta’ infurzar sal-limitu li hu kompatibbli mal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom.

2. Meta l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Partijiet jiġu biex jikkunsidraw jekk attivitajiet partikolari ta’ infurzar għandhomx jiġu kkoordinati, huma għandhom iqisu l-fatturi li ġejjin, fost l-oħrajn:

(a) l-effett ta’ din il-koordinazzjoni fuq il-kapaċità tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni taż-żewġ Partijiet li jilħqu l-objettivi tal-attivitajiet tagħhom ta’ infurzar;

(b) il-kapaċitajiet relattivi tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Partijiet li jiksbu l-informazzjoni meħtieġa biex iwettqu l-attivitajiet ta’ infurzar;

(ċ) il-possibilità li jiġu evitati obbligi konfliġġenti u piżijiet mhux meħtieġa fuq il-persuni suġġetti għall-attivitajiet ta’ infurzar;

(d) l-opportunità li jsir użu aktar effiċjenti mir-riżorsi tagħhom permezz ta’ koordinazzjoni.

3. Fi kwalunkwe attività koordinata ta’ infurzar, l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ kull Parti għandha tfittex li twettaq l-attivitajiet ta’ infurzar filwaqt li tikkunsidra b’reqqa l-objettivi tal-attivitajiet ta’ infurzar mill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti l-oħra.

4. Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni taż-żewġ Partijiet jidħlu għal attivitajiet ta’ infurzar fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati, l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ kull Parti għandha tikkunsidra, fuq talba mill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti l-oħra u, fejn hu konsistenti mal-interessi importanti tal-Parti rikjesta, filwaqt li tinvestiga jekk il-kumpanniji/persuni li jkunu pprovdew informazzjoni kunfidenzjali relatata ma’ dawk l-attivitajiet ta’ infurzar jagħtux il-kunsens tagħhom għall-iskambju ta’ din l-informazzjoni mal-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti l-oħra ("rinunzja tal-kunfidenzjalità").

5. Suġġett għal notifika adatta lill-awtorità kompetenti tal-Parti l-oħra, l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ kull Parti tista’, fi kwalunkwe ħin, tillimita l-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ infurzar u tipproċedi indipendentement fir-rigward ta’ attività speċifika ta’ infurzar.

Artikolu 5

Evitar ta’ konflitti (Korteżija negattiva)

1. L-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ kull Parti għandha tikkunsidra b’reqqa l-interessi importanti tal-Parti l-oħra fil-fażijiet kollha tal-attivitajiet tagħha ta’ infurzar, inklużi d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-bidu tal-attivitajiet ta’ infurzar, l-ambitu tal-attivitajiet ta’ infurzar u n-natura tas-sanzjonijiet jew għajnuna oħra mfittxija f’kull każ.

2. Jekk xi attività speċifika ta’ infurzar prevista minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Parti waħda tista’ tolqot l-interessi importanti tal-Parti l-oħra, l-ewwel Parti, mingħajr ħsara għad-diskrezzjoni sħiħa tagħha, għandha tagħmel l-isforzi kollha biex:

(a) tipprovdi lill-Parti l-oħra avviż fil-ħin rigward żviluppi sinifikanti dwar l-interessi ta’ din tal-aħħar,

(b) tagħti lill-Parti l-oħra opportunità biex tipprovdi kummenti, u

(ċ) tikkunsidra l-kummenti tal-Parti l-oħra, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ l-indipendenza ta’ kull Parti li tieħu d-deċiżjoni tagħha.

L-applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu hija mingħajr ħsara għall-obbligi tal-Partijiet taħt l-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 2.

3. Fejn waħda mill-Partijiet tqis li l-attivitajiet ta’ infurzar mill-awtorità tal-kompetizzjoni tagħha jistgħu jolqtu negattivament l-interessi importanti tal-Parti l-oħra, il-Partijiet għandhom jikkunsidraw il-fatturi li ġejjin, flimkien ma’ kwalunkwe fattur ieħor li jista’ jkun rilevanti fiċ-ċirkustanzi meta jkunu qegħdin ifittxu soluzzjonijiet adatti tal-interessi f’kompetizzjoni:

(a) l-importanza relattiva tal-effetti tal-attivitajiet anti-kompetittivi fuq l-interessi importanti tal-Parti li tkun qed tinforza meta mqabbla mal-effetti fuq l-interessi importanti tal-Parti l-oħra;

(b) l-importanza relattiva għall-attivitajiet anti-kompetittivi tal-kondotta jew it-tranżazzjonijiet li jkunu qegħdin isiru fit-territorju ta’ Parti waħda meta mqabbla mal-kondotta jew it-tranżazzjonijiet li jkunu qegħdin isiru fit-territorju tal-Parti l-oħra;

(ċ) sa liema punt l-attivitajiet ta’ infurzar mill-Parti l-oħra fir-rigward tal-istess persuni, kemm fiżiċi kif ukoll ġuridiċi, ikunu milquta;

(d) sa liema punt persuni privati, kemm fiżiċi kif ukoll ġuridiċi, ser ikunu suġġetti għal rekwiżiti kontradittorji miż-żewġ Partijiet.

Artikolu 6

Korteżija pożittiva

1. Jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Parti waħda temmen li l-attivitajiet anti-kompetittivi mwettqin fit-territorju tal-Parti l-oħra qed jolqtu negattivament l-interessi importanti tal-ewwel Parti, din l-awtorità tal-kompetizzjoni, filwaqt li tqis l-importanza li jiġu evitati l-konflitti fir-rigward tal-ġurisdizzjoni u filwaqt li tqis li l-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti l-oħra tista’ tkun f’pożizzjoni li twettaq attivitajiet ta’ infurzar aktar effikaċi fir-rigward ta’ attivitajiet anti-kompetittivi bħal dawn, tista’ titlob li l-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti l-oħra biex tibda attivitajiet adegwati ta’ infurzar.

2. It-talba għandha kemm jista’ jkun tkun speċifika dwar in-natura tal-attivitajiet anti-kompetittivi u l-effett tagħhom fuq l-interessi importanti tal-Parti tal-awtorità tal-kompetizzjoni rikjedenti, u għandha tinkludi offerta ta’ tali informazzjoni ulterjuri u ta’ koperazzjoni oħra abbażi ta’ dak li tkun tista’ toffri l-awtorità tal-kompetizzjoni rikjedenti.

3. L-awtorità rikjedenti għandha tqis b’reqqa jekk għandhiex tibda attivitajiet ta’ infurzar jew jekk inkella għandhiex iżżid l-attivitajiet ta’ infurzar li jkunu għaddejjin fir-rigward tal-attivitajiet anti-kompetittivi identifikati fit-talba. L-awtorità tal-kompetizzjoni rikjesta għandha tinforma lill-awtorità tal-kompetizzjoni rikjedenti bid-deċiżjoni tagħħa mill-aktar fis possibbli fil-prattika. Jekk l-attivitajiet ta’ infurzar ikunu ġew mibdija, l-awtorità tal-kompetizzjoni rikjesta għandha tinforma lill-awtorità tal-kompetizzjoni rikjedenti bl-eżitu tagħhom u, safejn ikun possibbli, tal-iżviluppi sinifikanti li jkunu saru sadanittant.

4. Xejn f’dan l-Artikolu m’għandu jillimita d-diskrezzjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti rikjesta taħt il-liġijiet tal-kompetizzjoni u l-politika ta’ infurzar tagħha dwar jekk għandhiex twettaq attivitajiet ta’ infurzar fir-rigward tal-attivitajiet anti-kompetittivi li jkunu ġew identifikati fit-talba, jew jipprekludi lill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti rikjedenti milli tirtira t-talba tagħha.

Artikolu 7

Kunfidenzjalità

1. Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dan il-Ftehim, l-ebda Parti m’hi meħtieġa tikkomunika informazzjoni lill-Parti l-oħra jekk din il-komunikazzjoni tkun ipprojbita mil-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti li jkollha l-informazzjoni jew jekk din l-informazzjoni ma tkunx kompatibbli mal-interessi importanti tagħha.

2. (a) Taħt il-Ftehim, il-Komunita Ewropea mhijiex meħtieġa tikkomunika lir-Repubblika tal-Korea informazzjoni kunfidenzjali koperta mill-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 u l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, minbarra l-informazzjoni kkomunikata taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4) ta’ dan il-Ftehim.

(b) Taħt dan il-Ftehim, il-Gvern tar-Repubblika tal-Korea mhuwiex meħtieġ jikkomunika lill-Komunità Ewropea informazzjoni kunfidenzjali koperta mill-Artikolu 62 tar-Regolament tal-Monopolju u l-Att dwar il-Kummerċ Ħieles u l-Artikolu 9 tal-Att dwar l-Iżvelar ta’ Informazzjoni minn Aġenziji Pubbliċi, minbarra l-informazzjoni kkomunikata taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4) ta’ dan il-Ftehim.

3. (a) L-informazzjoni li mhijiex l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, ikkomunikata minn Parti lil Parti oħra taħt dan il-Ftehim għandha tintuża mill-Parti riċevitriċi għall-iskop uniku li tinvestiga attivitajiet anti-kompetittivi konformement mal-liġijiet tal-kompetizzjoni tagħha relatati mal-kwistjoni speċifikata fit-talba.

(b) Meta Parti tikkomunika informazzjoni kunfidenzjali taħt dan il-Ftehim, il-Parti riċevitriċi għandha, f’konsistenza mal-liġijiet u r-regolamenti tagħha, iżżomm l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kkomunikata.

4. Parti tista’ teħtieġ li dik l-informazzjoni kkomunikata taħt dan il-Ftehim tintuża bla ħsara għat-termini u l-kondizzjonijiet li hi tista’ tispeċifika. Il-Parti riċevitriċi m’għandhiex tuża din l-informazzjoni b’mod kuntrarju għal dawn it-termini u l-kondizzjonijiet mingħajr il-kunsens minn qabel tal-Parti l-oħra.

5. Kull Parti tista’ tillimita l-informazzjoni kunfidenzjali li tikkomunika lill-Parti l-oħra meta ma jkunx possibbli għall-Parti tal-aħħar li tagħti l-assigurazzjoni mitluba minnha fir-rigward tal-kunfidenzjalità, fir-rigward tat-termini u l-kondizzjonijiet li hija tispeċifika, jew fir-rigward tal-limitazzjonijiet tal-finijiet li għalihom tkun ser tiġi użata l-informazzjoni.

6. Dan l-Artikolu m’għandux jipprekludi l-użu jew l-iżvelar tal-informazzjoni, barra minn dik disponibbli għall-pubbliku, mill-Parti riċevitriċi sa fejn:

(a) il-Parti li tkun qed tipprovdi l-informazzjoni tkun tat il-permess tagħha bil-miktub minn qabel għal dan l-użu jew l-iżvelar, jew

(b) ikun hemm obbligu li jsir hekk taħt il-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti riċevitriċi tal-informazzjoni. F’dan il-każ, il-Parti riċevitriċi:

(i) m’ għandhiex tieħu azzjoni li tista’ tirriżulta f’obbligu legali li tagħmel disponibbli għal parti terza jew għal awtoritajiet oħrajn, l-informazzjoni pprovduta b’mod kunfidenzjali taħt dan il-Ftehim mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti li tkun qiegħda tipprovdi l-informazzjoni;

(ii) għandha, kull fejn ikun possibbli, tavża bil-quddiem dwar kwalunkwe użu jew żvelar bħal dan lill-Parti li tkun ipprovdiet l-informazzjoni, u, fuq talba, tikkonsulta mal-Parti l-oħra u tikkunsidra b’mod dovut l-interessi importanti tagħha; u

(iii) għandha, sakemm ma jkunx miftiehem f’mod ieħor mal-Parti li tkun ipprovdiet l-informazzjoni, tuża l-miżuri kollha disponibbli taħt il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli biex tinżamm il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni fir-rigward tal-applikazzjonijiet minn parti terza jew awtoritajiet oħrajn għall-iżvelar tal-informazzjoni kkonċernata.

7. L-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Komunità Ewropea:

(a) ser tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew lill-Istati Membri li l-interessi importanti tagħhom ikunu milquta bin-notifiki mibgħuta lilhom mill-awtorità tal-kompetizzjoni Koreana;

(b) ser tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn l-Istati Membri jew lill-Istati Membri bi kwalkunkwe koperazzjoni u koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ infurzar; u

(ċ) għandha tiżgura li l-informazzjoni, minbarra dik l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, ikkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew lill-Istati Membri taħt is-subparagrafi (a) u (b) ta’ hawn fuq ma tintużax għal xi għan li hu differenti minn dak speċifikat fl-Artikolu 1(1) ta’ dan il-Ftehim, kif ukoll li dik l-informazzjoni mhijiex żvelata.

Artikolu 8

Konsultazzjoni

1. Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw bejniethom, fuq talba ta’ wieħed mill-Partijiet, dwar kwalunkwe kwistjoni li tista’ tqum fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

2. L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Partijiet għandhom jiltaqgħu mill-anqas darba fis-sena u jistgħu:

(a) jiskambjaw informazzjoni dwar l-isforzi u l-prijoritajiet tal-infurzar attwali fir-rigward tal-liġijiet tal-kompetizzjoni ta’ kull Parti;

(b) jiskambjaw informazzjoni dwar is-setturi ekonomiċi ta’ interess komuni;

(ċ) jiddiskutu kwistjonijiet dwar politika li huma ta’ interess reċiproku; u

(d) jiddiskutu kwistjonijiet oħrajn ta’ interess reċiproku fir-rigward tal-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni ta’ kull Parti.

Artikolu 9

Komunikazzjonijiet taħt il-Ftehim

Il-komunikazzjonijiet taħt dan il-Ftehim jistgħu jsiru direttament bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Partijiet. In-notifiki taħt l-Artikolu 2(3) u t-talbiet taħt l-Artikolu 6(1) għandhom, madankollu, jiġu kkonfermati fil-pront bil-miktub permezz ta’ mezzi diplomatiċi u għandhom ikun fihom l-informazzjoni li tkun ġiet skambjata fil-bidu bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.

Artikolu 10

Liġijiet eżistenti

1. Dan il-Ftehim għandu jkun implimentat fil-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet.

2. Xejn f’dan il-Ftehim m’għandhu jinftiehem li jkun ta’ ħsara għall-politika jew għall-ġurisdizzjoni legali ta’ kwalunkwe waħda mill-partijiet fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-ġurisdizzjoni.

3. Xejn f’dan il-Ftehim m’għandu jinftiehem li jinċidi fuq id-drittijiet jew l-obbligi ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet taħt xi ftehim internazzjonali ieħor jew taħt il-liġijiet tar-Repubblika tal-Korea u tal-Komunità Ewropea.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ, terminazzjoni u reviżjoni

1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data meta l-Partijiet jiskambjaw notifiki bil-miktub li r-rekwiżiti legali rispettivi tagħhom għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim ikunu ġew sodisfatti.

2. Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ sa sittin (60) jum wara d-data li fiha waħda mill-Partijiet tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub permezz tal-mezz diplomatiku tal-intenzjoni tagħha li ttemm dan il-Ftehim.

3. Il-Partijiet għandhom jikkunsidraw li jirrivedu l-operazzjoni ta’ dan il-Ftehim sa mhux aktar tard minn ħames (5) snin mid-data ta’ dħul fis-seħħ, bil-ħsieb li jivvalutaw l-attivitajiet koperattivi tagħhom, jidentifikaw oqsma addizzjonali li fihom ikunu jistghu jikoperaw u jidentifikaw kwalunkwe mod ieħor li fih jista’ jiġi mtejjeb dan il-Ftehim. Il-Partijiet jaqblu li din ir-reviżjoni tkun tinkludi, fost l-oħrajn, analiżi ta’ każijiet attwali jew potenzjali biex jiddeterminaw jekk l-interessi tagħhom ikunux jistgħu jinqdew aħjar permezz ta’ koperazzjoni aktar mill-qrib.

4. Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat bil-kunsens reċiproku bil-miktub tal-Partijiet. Din l-emenda għandha tidħol fis-seħħ permezz tal-istess proċeduri bħal dawk stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

B’XHIEDA TA’ DAN, is-sottoskritti, li huma debitament awtorizzati biex jagħmlu dan mill-Partijiet rispettivi tagħhom, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul f’żewġ kopji, it- 23 ta’ Mejju 2009 bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estona, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana, Ungeriża u Koreana. F’kull każ ta’ diverġenza, it-test Ingliż u dak Korean għandhom jieħdu preċedenza fuq it-testi bil-lingwi l-oħrajn.

За Европейската общност

Por la Comunidad Europea

Za Evropské společenství

For Det Europæiske Fællesskab

Für die Europäische Gemeinschaft

Euroopa Ühenduse nimel

Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

For the European Community

Pour la Communauté européenne

Per la Comunità europea

Eiropas Kopienas vārdā

Europos bendrijos vardu

Az Európai Közösség részéről

Għall-Komunitá Ewropea

Voor de Europese Gemeenschap

W imieniu Wspólnoty Europejskiej

Pela Comunidade Europeia

Pentru Comunitatea Europeană

Za Európske spoločenstvo

Za Evropsko skupnost

Euroopan yhteisön puolesta

På Europeiska gemenskapen vägnar

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

За правителството на Република Корея

Por el Gobierno de la República de Corea

Za vládu Korejské republiky

For Republikken Koreas regering

Für die Regierung der Republik Korea

Korea Vabariigi Valitsuse nimel

Για την Κυβέρνηση της Δημοκρατίας της Κορέας

For the Government of the Republic of Korea

Pour le gouvernement de la République de Corée

Per il governo della Repubblica di Corea

Korejas Republikas valdības vārdā

Korėjos Respublikos Vyriausybės vardu

A Koreai Köztársaság kormánya részéről

Għall-Gvern tar-Repubblika tal-Korea

Voor de Regering van de Republiek Korea

W imieniu rządu Republiki Korei

Pelo Governo da República da Coreia

Pentru Guvernul Republicii Coreea

Za vládu Kórejskej republiky

Za Vlado Republike Korejo

Korean tasavallan hallituksen puolesta

På Republiken Koreas regerings vägnar

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

Top