EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22006D0877

2006/877/KE: Deċiżjoni Nru 3/2006 tal-Kumitat ta’ l-Ambaxxaturi AKP-KE tas- 27 ta' Settembru 2006 dwar ir-Regolament Finanzjarju taċ-Ċentru Tekniku ta' Koperazzjoni Agrikola u Rurali (ĊTA)

ĠU L 350, 12.12.2006, p. 1–9 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/877/oj

12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


DEĊIŻJONI Nru 3/2006 TAL-KUMITAT TA’ L-AMBAXXATURI AKP-KE

tas-27 ta' Settembru 2006

dwar ir-Regolament Finanzjarju taċ-Ċentru Tekniku ta' Koperazzjoni Agrikola u Rurali (ĊTA)

(2006/877/KE)

IL-KUMITAT TA’ L-AMBAXXATURI AKP-KE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Membri tal-grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat fit-23 ta' Ġunju 2000 f'Kotonù (1) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(4)(b) u (d) ta' l-Anness III tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern tat-18 ta' Settembru 2000 bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, li ltaqgħu mal-Kunsill, dwar il-Finanzjament u l-Amministrazzjoni ta' l-għajnuna Komunitarja taħt il-Protokoll Finanzjarju għall-Ftehim ta' Sħubija bejn l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha iffirmat f'Kotonù (Benin) fit-23 ta' Ġunju 2000 u l-allokazzjoni ta' l-assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u t-Territorji Barranin li għalihom tapplika l-Parti Erbgħa tat-Trattat KE (2),

Wara li kkunsidra r-Regolament Finanzjarju tas-27 ta' Marzu 2003 applikabbli għad-9 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (3),

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, imfassla bi qbil maċ-Ċentru Tekniku ta' Koperazzjoni Agrikola u Rurali,

Billi:

(1)

L-Artikolu 3(4)(b) ta' l-Anness III tal-Ftehim jeħtieġ li l-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi jistabbilixxi, wara l-iffirmar tal-Ftehim, ir-Regolament Finanzjarju taċ-Ċentru Tekniku ta' Koperazzjoni Agrikola u Rurali (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “iċ-Ċentru”).

(2)

L-Artikolu 3(4)(d) ta' l-Anness III għall-Ftehim jeħtieġ li l-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi jistabbilixxi, wara l-firma tal-Ftehim, il-proċeduri għall-adozzjoni tal-baġit taċ-Ċentru,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

KAPITOLU I

PRINĊIPJI ĠENERALI

TAQSIMA 1

Prinċipji ta' unità, ta' preċiżjoni baġitarja, ta' ekwilibriju u ta' unità tal-kontijiet

Artikolu 1

1.   Il-punti kollha ta' dħul u nefqa taċ-Ċentru għandhom jiġu inklużi fl-istimi li għandhom ikunu bbażati fuq programm ta' ħidma annwali kkalkolat li għandu jkun imfassal għal kull sena finanzjarja u għandhom jitniżżlu fil-baġit.

2.   Id-dħul u n-nefqa mniżżla fil-baġit għandhom ikunu f'bilanċ.

Artikolu 2

Il-baġit għandu jiġi stabbilit u implimentat f'euro u l-kontijiet għandhom jiġu preżentati f'euro. Madankollu, għall-ħtiġijiet tat-tmexxija tiegħu, iċ-Ċentru hu awtorizzat iwettaq operazzjonijiet fil-muniti nazzjonali ta' l-Istati Membri ta' l-UE u ta' l-Istati AKP.

Artikolu 3

1.   Id-dħul għandu jinkludi l-kontribuzzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “FEŻ”), l-ammonti imposti f'taxxi fuq is-salarji, il-pagi u l-emolumenti oħra mħallsa miċ-Ċentru, u dħul varju ieħor.

2.   Id-dħul jista' jinkludi wkoll kontribuzzjonijiet magħmula minn donaturi oħra għall-baġit taċ-Ċentru.

3.   Iċ-Ċentru jista' wkoll jawtorizza l-ġestjoni ta' riżorsi f'isem partijiet terzi u maħsuba għall-kofinanzjament ta' attivitajiet definiti fl-Anness III tal-Ftehim. Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-amministrazzjoni ta' dawn ir-riżorsi huma stabbiliti fl-Artikolu 34 ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

L-istimi tan-nefqa għandhom jinkludu l-infiq amministrattiv u operattiv. Dawn għandhom jiġu sseparati b'mod ċar fil-baġit.

Artikolu 5

1.   Is-sena finanzjarja għandha tibda fl-1 ta' Jannar u tispiċċa fil-31 ta' Diċembru.

2.   L-approprjazzjonijiet imniżżla fil-baġit għandhom ikunu awtorizzati għal perijodu ta' sena finanzjarja.

Madankollu, l-approprjazzjonijiet li jkunu saru debitament matul sena finanzjarja imma li ma jkunux tħallsu sal-31 ta' Diċembru ta' dik is-sena għandhom jitressqu awtomatikament għas-sena finanzjarja ta' wara. L-approprjazzjonijiet li jkunu tressqu għas-sena finanzjarja ta' wara għandhom jiġu distinti fil-kontijiet tas-sena attwali.

L-approprjazzjonijiet diżimpenjati fi tmiem sena finanzjarja għandhom jiġu trasferiti għall-allokazzjoni ta' ħames snin ippjanata għaċ-Ċentru fil-Ftehim.

3.   Fl-aħħar ta' kull protokoll finanzjarju għall-Ftehim, kwalunkwe approprjazzjoni impenjata iżda mhux imħallsa għandha tiġi mressqa awtomatikament għall-protokoll finanzjarju ta' wara għall-Ftehim. L-approprjazzjonijiet impenjati iżda mhux imħallsa fl-aħħar tal-Ftehim għandhom jiġu mressqa biss matul il-perijodu transitorju bejn il-Ftehim u l-Ftehim li jmiss jew, jekk xieraq, matul il-perijodu ta' riżoluzzjoni ta' tnax-il xahar.

4.   Jekk, fil-bidu ta' sena finanzjarja, il-baġit ma jkunx għadu ġie adottat, id-Direttur jista', sabiex jiżgura l-kontinwità ta' l-operazzjonijiet taċ-Ċentru, iġarrab spejjeż ta' kull xahar sakemm dawn ma jkunux ogħla minn wieħed minn tnax ta' l-approprjazzjonijiet imdaħħla taħt l-artikolu rilevanti fil-baġit għas-sena finanzjarja preċedenti.

Madankollu, għall-ispejjeż operattivi li jitħallsu kull trimestru bil-quddiem u approvati fil-baġit tas-sena finanzjarja preċedenti, l-operazzjonijiet ta' impenn jistgħu jiġu implimentati għal kull artikolu sakemm dawn ma jkunux ogħla minn kwart tat-total ta' l-approprjazzjonijet awtorizzati għas-sena finanzjarja preċedenti.

TAQSIMA 2

Prinċipji ta' tmexxija finanzjarja soda

Artikolu 6

1.   L-approprjazzjonijiet tal-baġit għandhom jintużaw skond tmexxija finanzjarja soda, jiġifieri abbażi tal-prinċipji ta' ekonomija, effiċjenza u effikaċja.

2.   Il-prinċipju ta' ekonomija jeħtieġ li r-riżorsi jsiru disponibbli f'ħin debitu u b'mod kost-effikaċi kemm jista' jkun, u li l-mezzi għandhom ikunu xierqa f'termini ta' kwantità u kwalità.

Il-prinċipju ta' effiċjenza jeħtieġ li l-mezzi implimentati jkunu proporzjonati b'mod dirett għar-riżultati miksuba.

Il-prinċipju ta' effikaċja hu kkonċernat bit-twettiq ta' l-objettivi speċifiċi stabbiliti u għall-kisba ta' riżultati maħsuba.

3.   L-objettivi għandhom jiġu definiti b'mod ċar u l-implimentazzjoni tagħhom għandha tiġi mmonitorjata permezz ta' indikaturi miżurabbli. Jekk ikun il-każ, proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati minn riżorsi tal-FEŻ għandhom ikunu appoġġati b'valutazzjonijiet ex-ante. Ir-riżultat ta' dawk il-valutazzjonijiet għandu jiġi inkluż fid-dokumenti ppreżentati lill-Kummissjoni b'appoġġ tal-kontribuzzjoni annwali tal-FEŻ mitluba miċ-Ċentru.

KAPITOLU II

STABBILIMENT TAL-BAĠIT

Artikolu 7

1.   Fil-qafas tal-karta ta' l-istrateġija globali u fil-limiti tal-baġit ġenerali allokat għaċ-Ċentru mill-Protokoll Finanzjarju, id-Direttur għandu jipprepara abbozz tal-programm ta' ħidma u tal-baġit annwali. L-abbozzi għandhom jiġu approvati mill-Bord Eżekuttiv mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju tas-sena ta' qabel l-implimentazzjoni tagħhom u għandhom jiġu ppreżentati lill-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi għall-adozzjoni.

2.   Iċ-Ċentru għandu jittrasmetti kopja ta' l- abbozz tal-programm ta' ħidma u tal-baġit annwali lill-Kummissjoni li għandha tibda l-proċeduri Komunitarji meħtieġa għall-approvazzjoni tagħhom.

3.   Il-baġit għandu jkun disponibbli għall-impenn mid-data meta l-awtorità Komunitarja tadotta d-deċiżjoni dwar l-iffinanzjar tal-kontribuzzjoni tal-FEŻ mitluba. Iċ-Ċentru għandu jiġi infurmat dwar dik id-deċiżjoni.

Artikolu 8

1.   L-arranġamenti tal-ħlas li jirregolaw il-kontribuzzjoni tal-FEŻ għandhom jitniżżlu fi ftehim ta' għotja ffirmat bejn il-Kummisjoni u ċ-Ċentru.

2.   Il-kontribuzzjoni tas-snin finanzjarji ta' qabel li tikkorrispondi għal approprjazzjonijiet imħassra għandha titħallas lura lill-FEŻ miċ-Ċentru abbażi ta' rendikonti finanzjarji verifikati.

3.   Il-baġit għandu jiġi suddiviż f'titoli (intestaturi tal-baġit), kapitoli, artikoli u punti skond in-natura jew l-għan tad-dħul jew tan-nefqa.

Artikolu 9

Fejn meħtieġ, id-Direttur jista' jippreżenta abbozz ta' baġit supplimentari jew li jemenda li għandu jiġi stabbilit fl-istess forma u soġġett għall-istess proċeduri tal-baġit li l-estimi tiegħu huwa jemenda.

KAPITOLU III

IMPLIMENTAZZJONI TAL-BAĠIT

Artikolu 10

1.   Id-Direttur għandu jiżgura li l-baġit jiġi implimentat taħt ir-responsabbiltà tiegħu stess u fil-limitu ta' l-approprjazzjonijiet allokati. Id-Direttur għandu jirrapporta dwar it-tmexxija tiegħu lill-Bord Eżekuttiv.

2.   Id-Direttur għandu japplika l-approprjazzjonijiet tal-baġit skond il-prinċipji ta' tmexxija finanzjarja soda msemmija fl-Artikolu 6.

Artikolu 11

1.   L-ebda dħul jew nefqa ma tista' ssir jekk ma tkunx imposta għall-oġġett xieraq tal-baġit.

L-ebda nefqa li taqbeż l-approprjazzjonijiet awtorizzati għas-sena finanzjarja kkonċernata jew l-approprijazzjonjiet trasferiti mis-snin finanzjarji ta' qabel ma tista' tiġi impenjata jew awtorizzata.

2.   Id-dħul u n-nefqa għandhom jitniżżlu bis-sħiħ fil-kontijiet mingħajr ebda tpaċija bejniethom.

B'deroga minn dik ir-regola, dawn li ġejjin għandhom jitnaqqsu mill-ammonti awtorizzati:

(a)

multi mogħtija lil parti għal kuntratt,

(b)

aġġustamenti ta' ammonti mħallsa bi żball, li jistgħu jsiru permezz ta' tnaqqis meta ssir validazzjoni sussegwenti taħt il-kapitolu, l-artikolu u s-sena finanzjarja li fir-rigward tagħhom sar il-ħlas żejjed,

(ċ)

(ċ) il-valur ta' vetturi, tagħmir u installazzjonijiet meħuda bħala tpartit parzjali wara x-xiri ta' oġġetti ġodda ta' l-istess xorta; il-prezz nett tax-xiri għandu jitniżżel fil-kontijiet bħala l-infiq storiku għall-valutazzjoni ta' l-inventarju,

(d)

skontijiet imnaqqsa fuq il-fatturi u l-kontijiet.

Ukoll b'deroga mir-regola, l-ammonti li ġejjin jistgħu jerġgħu jintużaw għall-istess kategorija (linja) tan-nefqa tal-bidu:

(a)

rifużjonijiet ta' ammonti mħallsa bi żball;

(b)

ammonti riċevuti minn indennizzi ta' l-assigurazzjoni;

ċ)

rikavati mill-bejgħ ta' vetturi, tagħmir u installazzjonijiet likwidati meta ġew mibdula;

(d)

id-dħul miksub mill-bejgħ ta' pubblikazzjonijiet u ta' films;

(e)

id-differenzi fir-rati tal-kambju rreġistrati matul l-implimentazzjoni baġitarja jistgħu jiġu paċuti. Ir-riżultat finali, kemm jekk pożittiv jew negattiv, għandu jidher fir-rendikont finanzjarju.

Artikolu 12

It-trasferimenti minn titolu għall-ieħor għandhom jiġu sottomessi għall-approvazzjoni tal-Bord Eżekuttiv. It-trasferimenti minn kapitolu għall-ieħor u minn artikolu għall-ieħor fi ħdan kapitolu għandhom jiġu deċiżi mid-Direttur, li għandu jinforma b'dan lill-Bord Eżekuttiv.

Artikolu 13

Id-dħul taċ-Ċentru għandu jitħallas minn kont jew diversi kontijiet miftuħa f'isem iċ-Ċentru.

KAPITOLU IV

IL-KONTROLL FINANZJARJU

Artikolu 14

1.   Kontrollur finanzjarju maħtur mill-Bord Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-approvazzjoni bil-quddiem ta' l-impenn u l-awtorizzazzjoni tal-punti kollha tan-nefqa, id-dħul u l-avvanzi.

2.   Il-kontrollur finanzjarju għandu jkollu esperjenza ppruvata f'regolamenti finanzjarji ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u verifika.

3.   Il-kontrollur finanzjarju għandu jkun soġġett għall-kondizzjonijiet ta' ħidma tal-persunal taċ-Ċentru. Għall-finijiet amministrattivi, huwa għandu jirrapporta lid-Direttur taċ-Ċentru. Madankollu, kwalunkwe miżura relatata ma' azzjoni dixxiplinarja, sospensjoni, terminazzjoni ta' servizz jew proċedimenti legali għandha tiġi adottata mill-Bord Eżekuttiv abbażi ta' proposta raġunata mid-Direttur.

4.   Il-kontrolli magħmula mill-kontrollur finanzjarju għandhom jirriżultaw fl-għoti jew ir-rifjut ta' l-endorsjar. Il-fini ta' l-endorsjar għandu jkun biex jiġi żgurat li:

(a)

in-nefqa jew id-dħul huma konsistenti mal-baġit u r-regolamenti;

(b)

il-prinċipji ta' tmexxija finanzjarja soda msemmija fl-Artikolu 6 ġew applikati.

Il-kontrolli għandhom isiru skond ir-regoli ta' proċedura interna ppreżentati mid-Direttur lill-Bord Eżekuttiv u approvati minn dan ta' l-aħħar.

5.   Rifjuti li jsir endorsjar għandhom ikunu soġġetti għal dikjarazzjoni ta' raġunijiet bil-miktub indirizzata lid-Direttur. Sakemm ir-raġuni ma hijiex in-nuqqas ta' approprjazzjonijiet biżżejjed, id-Direttur jista', permezz ta' deċiżjoni raġunata u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, ma jqisx ir-rifjut għall-endorsjar tal-kontrollur finanzjarju. Id-Direttur għandu jinforma lill-Bord Eżekuttiv bil-miktub bi kwalunkwe tali deċiżjoni fil-laqgħa tiegħu li jmiss.

6.   Il-kontrollur finanzjarju għandu jkollu aċċess għad-dokumenti kollha ta' appoġġ u kwalunkwe dokument ieħor rigward in-nefqa jew id-dħul li għandhom jiġu vverifikati. Huwa jista' jagħmel verifiki fuq il-post.

7.   Il-kontrollur finanzjarju għandu jgawdi minn indipendenza sħiħa fil-qadi ta' dmirijietu. Il-kontrollur finanzjarju m'għandu jirċievi l-ebda istruzzjonijiet u m'għandux ikun soġġett għal restrizzjonijiet fil-qadi ta' dmirijietu.

8.   Id-Direttur jista' jitlob l-opinjoni tal-kontroll finanzjarju dwar kwistjonijiet relatati ma' l-analiżi, l-organizzazzjoni u t-titjib tal-proċeduri interni taċ-Ċentru. Id-Direttur jista' wkoll jitlob lill-kontrollur finanzjarju biex jirrevedi dokumenti biex jaċċerta ruħu li operazzjonijiet iffinanzjati mill-baġit twettqu sewwa.

9.   Fi tmiem kull sena finanzjarja u l-aktar tard sat-30 ta' April tas-sena ta' wara, il-kontrollur finanzjarju għandu jfassal rapport annwali li jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-amministrazzjoni finanzjarja u l-implimentazzjoni tal-baġit. Il-kontrollur finanzjarju għandu jibgħat ir-rapport tiegħu lid-Direttur, li għandu jissottomettieh flimkien mal-kummenti tiegħu lill-Bord Eżekuttiv fil-laqgħa tiegħu li jmiss.

KAPITOLU V

L-AMMINISTRAZZJONI TAL-BAĠIT

Artikolu 15

1.   Il-baġit taċ-Ċentru għandu jkun amministrat skond il-prinċipju li uffiċjali ta' awtorizzazzjoni u uffiċjali ta' kontabbiltà jwettqu funzjonijiet separati. L-approprjazzjonijiet għandhom ikunu amministrati mill-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni, li hu waħdu għandu jkollu s-setgħa li jidħol f'impenji rigward nefqa, jistabbilixxi s-somom li għandhom jinġabru u joħroġ l-ordnijiet biex isir il-ġbir u l-ħlas.

2.   L-operazzjonijiet tal-ġbir u tal-ħlas għandhom isiru mill-uffiċjal ta' kontabbiltà.

3.   L-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni ma jistax jeżerċita l-funzjonijiet ta' uffiċjal ta' kontabbiltà.

Artikolu 16

1.   Il-miżuri kollha li jistgħu jagħtu lok għal nefqa li trid titħallas miċ-Ċentru għandhom jiġu preċeduti minn proposta ta' impenn akkumpanjata minn dokumenti ta' appoġġ, li għandhom jiġu trasmessi bil-quddiem lill-kontrollur finanzjarju għall-approvazzjoni bil-quddiem tiegħu.

2.   In-nefqa rikorrenti tista' tiġi koperta b'impenn proviżorju.

3.   Għandu jinżamm kont ta' l-ordnijiet ta' l-impenni u tal-ħlas. Għandhom jinżammu reġistrazzjonijiet tal-kontabbiltà ta' impenji u awtorizzazzjonijiet.

Artikolu 17

1.   Il-fini ta' validazzjoni ta' nefqa mill-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni għandu jkun li:

(a)

jivverifika l-eżistenza tad-drittijiet tal-kreditur,

(b)

jiddetermina u jivverifika l-eżistenza u l-ammont tal-pretensjoni ta' kreditu,

(ċ)

jivverifika l-kondizzjonijiet li taħthom għandu jsir il-ħlas.

2.   Kull ħlas ta' xi nefqa mġarrba għandu jkun ibbażżat fuq dokumenti ta' appoġġ li jikkonfermaw id-drittijiet tal-pretendent għal servizzi effettivament ipprovduti, għal merkanzija effettivament fornita jew għal xogħol li effettivament ikun sar, jew abbażi ta' dokumenti oħra li juġġistifikaw il-ħlas.

Kull deċiżjoni ta' ħlas għandha tiġi approvata mill-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni kompetenti.

Artikolu 18

1.   L-awtorizzazzjoni għandha tkun l-att li bih l-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni, permezz tal-ħruġ ta' ordni ta' ħlas, jagħti istruzzjonijiet lill-uffiċjal ta' kontabbiltà biex iħallas oġġett ta' nefqa li hu jkun għadda.

2.   Flimkien ma’ l-ordni tal-ħlas irid ikun hemm id-dokumenti ta’ evidenza oriġinali kollha; ma’ dawn irid ikun hemm ċertifikat iffirmat li jikkonferma s-somom eżatti li jkollhom jitħallsu, il-konferma tal-wasla tal-provvisti u t-twettiq tas-servizz.

3.   Il-kopji tad-dokumenti ta' appoġġ, ċertifikati bħala kopji awtentiċi mill-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni, jistgħu, f'xi każijiet, jiġu aċċettati minflok l-oriġinali.

4.   L-ordni tal-ħlas għandu jiġi trasmess lill-uffiċjal ta' kontabbiltà għal ħlas.

5.   Jekk applikabbli, l-ordni tal-ħlas trasmess lill-uffiċjal ta' kontabbiltà għandu jkun akkumpanjat b'ċertifikat li jikkonferma li l-assi rilevanti ġew irreġistrati fl-inventarju.

Artikolu 19

1.   Il-ħlas hu l-att finali li jeħles liċ-Ċentru mill-obbligi tiegħu lejn il-kredituri.

2.   Il-ħlas għandu jsir mill-uffiċjal ta' kontabbiltà fil-limiti tal-fondi disponibbli.

3.   F'każ ta' żball ta' sustanza jew ta' kontestazzjoni fir-rigward tal-validità tal-kwittanza jew ta' nuqqas ta' konformità mal-proċeduri preskritti b'dan ir-Regolament Finanzjarju, l-uffiċjal ta' kontabbiltà għandu jissospendi l-ħlas. L-uffiċjal ta' kontabbiltà għandu jinforma minnufih lill-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni u lill-kontrollur finanzjarju dwar is-sospensjoni u r-raġunijiet tiegħu għaliha.

Meta l-ħlasijiet jiġu sospiżi, id-Direttur jista' jitlob bil-miktub u taħt ir-responsabbiltà tiegħu li l-ħlas jista' jsir. F'tali każijiet, id-Direttur għandu jinforma lill-Bord Eżekuttiv bil-miktub fil-laqgħa tiegħu li jmiss.

Artikolu 20

1.   Bħala regola ġenerali l-ħlasijiet jistgħu jsiru permezz ta' bank jew ta' uffiċju tal-posta f'kont tal-bank, preferibbilment permezz ta' trasferiment bankarju jew, jekk ikun hemm raġunijiet talba, b'ċekk. Il-munita użata għandha tkun l-euro, ħlief f'każijiet eċċezzjonali ġustifikati kif dovut u approvati miċ-Ċentru.

2.   Ċekkijiet u transferimenti bil-posta jew bankarji għandhom ikollhom żewġ firem: dik ta' l-uffiċjal ta' kontabbiltà u dik ta' l-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni jew rappreżentant.

3.   Għal raġunijiet ġustifikati kif dovut, id-Direttur jista' jawtorizza ħlas fi flus kontanti. Għandha tinħareġ irċevuta għal dawn il-ħlasijiet fi flus kontanti.

4.   F'każ ta' ġestjoni kompjuterizzata ta' dħul u nfiq, il-firem jistgħu jsiru permezz tal-kompjuter jew b'mezzi elettroniċi.

5.   Fin-nuqqas tar-rati tal-kambju proprji użati, ir-rati ta' konverżjoni li għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-ħlasijiet f'euro li għandhom isiru jew tad-dħul li għandhom jinġabru f'muniti lokali ta' l-AKP għandhom ikunu dawk fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xogħol tax-xahar tad-data reali li fiha ssir l-operazzjoni, kif irreġistrati mill-bank jew mill-uffiċċju postali taċ-Ċentru.

Artikolu 21

1.   Jistgħu jsiru kontijiet ta' imprest skond il-kondizzjonijiet stabbiliti miċ-Ċentru sabiex isir il-ħlas ta' ċerti kategoriji ta' nefqa ddefiniti fir-regolamenti interni taħt il-proċeduri ta' implimentazzjoni.

2.   Kull deċiżjoni sabiex jingħata kont ta' imprest għandha tittieħed mid-Direttur abbażi ta' proposta ta' impenn mill-membru tal-persunal responsabbli mill-fajl. Qabel ma tiġi sottomessa lid-Direttur, kull proposta għandha tiġi approvata mill-uffiċjal ta' kontabbiltà u mill-kontrollur finanzjarju.

3.   Il-miżuri li jirregolaw il-kontijiet ta' imprest għandu jkun fihom ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi b'mod partikolari:

(a)

il-ħatra ta' l-amministraturi tal-kontijiet ta' imprest,

(b)

ir-responsabbiltà ta' l-amministraturi tal-kontijiet ta' imprest,

(ċ)

l-ammont massimu ta' l-imprest li jista' jingħata bil-quddiem,

(d)

in-natura u l-ammont massimu ta' kull punt ta' nefqa li għandu jsir,

(e)

l-arranġamenti u l-limiti ta' żmien biex jingħataw id-dokumenti ta' appoġġ.

4.   L-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni u l-uffiċjal ta' kontabbiltà għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jagħtu l-ħlas bil-quddiem awtorizzat għall-ammonti eżatti involuti fil-limiti ta' żmien meħtieġa.

Artikolu 22

1.   Id-Direttur għandu jkun l-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet imniżżla fil-baġit taċ-Ċentru.

2.   Id-Direttur jista' jiddelega xi wħud minn dmirijietu lil xi aġent taħt l-awtorità tiegħu. Kull deċiżjoni biex jiddelega xi poteri għandha tindika t-tul ta' żmien u l-limitu ta' din id-delega.

Artikolu 23

1.   Id-Direttur għandu jaħtar uffiċjal ta' kontabbiltà li jkun responsabbli għal:

(a)

l-eżekuzzjoni tajba tal-ħlasijiet, il-ġbir tad-dħul u l-irkupru tal-krediti;

(b)

it-tħejjija u l-preżentazzjoni tar-rendikonti finanzjarji skond l-Artikolu 25;

(ċ)

iż-żamma tal-kontijiet skond l-Artikolu 25;

(d)

l-implimentazzjoni tar-regoli ta' kontabbiltà u l-metodi kif ukoll tal-pjan ta' kontabbiltà, bl-użu ta' regoli mfassla mill-uffiċjal ta' kontabbiltà tal-Kummissjoni;

(e)

id-definizzjoni u l-validazzjoni tas-sistemi tal-kontijiet kif ukoll, fejn ikun il-każ, tas-sistemi definiti mill-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni u li huma maħsuba biex jipprovdu u jiġġustifikaw informazzjoni dwar il-kontijiet;

f)

tmexxija tat-teżor bi qbil komuni mad-Direttur.

2.   L-uffiċjal ta' kontabbiltà għandu jikseb mingħand l-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni, li jiggarantixxi l-affidabbiltà tiegħu, l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti l-kontijiet li jippreżentaw stampa vera u ġusta ta' l-assi finanzjarji taċ-Ċentru u ta' l-implimentazzjoni tal-baġit.

3.   Skond il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u l-Artikolu 21, l-uffiċjal ta' kontabbiltà għandu jkun l-uniku persuna awtorizzata biex tamministra l-kontanti u t-titoli. L-uffiċjal ta' kontabbiltà għandu jkun responsabbli għall-kustodja tagħhom.

4.   L-uffiċjal ta' kontabbiltà jista', biex jagħmel il-kompiti fdati lilu u bil-kunsens tad-Direttur, jiddelega ċerti funzjonijiet lil impjegati taċ-Ċentru li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà diretta ta' l-uffiċjal ta' kontabbiltà. L-awtorità jew il-prokuratur rilevanti għandu jiddefinixxi l-kompiti fdati lill-mandanti, kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

Artikolu 24

1.   L-irkupru ta' kull somma dovuta liċ-Ċentru għandu jwassal għall-ħruġ ta' ordni ta' ġbir mill-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni. Ordnijiet ta' ġbir għandhom jiġu approvati mill-kontrollur finanzjarju.

2.   L-uffiċjal ta' kontabbiltà għandu jassumi r-responsabbiltà għall-ordnijiet ta' ġbir li jagħtih l-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni.

3.   Għandha tinħareġ irċevuta għal kull ħlas fi flus kontanti li jsir lill-uffiċjal ta' kontabbiltà jew lill-amministratur ta' l-imprest.

KAPITOLU VI

KONTIJIET, PREŻENTAZZJONI U KONTROLL TAR-RENDIKONTI FINANZJARJI, VERIFIKA, QORTI TA' L-AWDITURI, OLAF

Artikolu 25

1.   Il-kontijiet għandhom jinżammu f'euro, bil-metodu tal-kontabbiltà bilanċjata u abbażi tas-sena kalendarja. Huma għandhom juru d-dħul u n-nefqa kollha mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena u għandhom jinkludu d-dokumenti ta' appoġġ oriġinali.

Il-kontijiet għandhom jingħalqu fl-aħħar ta' kull sena finanzjarja sabiex ikunu jistgħu jsiru r-rendikonti finanzjarji taċ-Ċentru.

2.   L-entrati fil-kontijiet għandhom isiru abbażi ta' sistema ta' kontabbiltà li tinkludi nomenklatura ta' oġġetti baġitarji li jagħmlu distinzjoni ċara bejn il-kontijiet li jipppermettu t-tfassil tal-karta tal-bilanċ u dawk li jippermettu t-tfassil tal-kont tad-dħul u n-nefqa. Dawn l-entrati għandhom jitniżżlu f'kotba jew fuq kards, li jagħmluha possibbli li jsir bilanċ ġenerali ta' kull xahar. Kull ħlas bil-quddiem għandu jitniżżel fuq kont miftuħ u jiġi rregolarizzat mhux aktar tard mill-aħħar tas-sena finanzjarja ta' wara, ħlief fil-każ ta' impresti permanenti.

3.   Iċ-Ċentru għandu jistabbilixxi karta tal-bilanċ u kont tad-dħul u n-nefqa mhux aktar tard mit-30 ta' April tas-sena N+1.

Il-karta tal-bilanċ għandha turi l-assi u d-djun taċ-Ċentru fil-31 ta' Diċembru tas-sena finanzjarja ta' qabel.

Il-kont tad-dħul u n-nefqa għandu jinkludi:

(a)

Tabella “Dħul” li tinkludi:

estimi ta' dħul għas-sena kalendarja;

tibdil rigward l-estimi ta' dħul;

drittijiet li nħolqu matul is-sena kalendarja;

ammonti li jridu jiġu rkuprati fl-aħħar tas-sena kalendarja;

dħul addizzjonali.

(b)

Tabella “Nefqa” li tinkludi:

tabella ta' sommarju ta' approprjazzjonijiet impenjati, approprazzjonijiet li ġew trasferiti minn sena N u approprjazzjonijiet imħassra;

tabella ta' sommarju ta' approprjazzjonijiet li ġew trasferiti minn sena N-1 u approprjazzjonijiet imħassra;

tabella li tagħti ħarsa ġenerali ta' impenji u awtorizzazzjonijiet għas-sena N;

tabell li tagħti ħarsa ġenerali ta' impenji u awtorizzazzjonijiet għal approprjazzjonijiet trasferiti minn sena N-1.

(ċ)

Noti dwar ir-rendikonti finanzjarji li jinkludu:

il-prinċipji ta' kontabbiltà applikati;

noti dettaljati u kalkoli li jispjegaw il-punti fil-linji fir-rendikonti;

kwalunkwe spjegazzjoni meħtieġa biex tiġi żgurata t-trasparenza tal-kontijiet.

4.   Kull trimestru għandu jitfassal rendikont u jintbagħat lill-Kumitat li juri s-sitwazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit attwali u l-użu ta' l-approprjazzjonijiet trasferiti; dan ir-rendikont għandu jiġi ċċertifikat mill-kontrollur finanzjarju u mibgħut lill-Bord ta' Tmexxija.

Artikolu 26

1.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jaħtar kumpannija ta' awdituri ta' fama internazzjonali għal massimu ta' 3 snin abbażi ta' rakkomandazzjoni mid-Direttur taċ-Ċentru u wara sejħa għal offerti.

2.   Il-mandat ta' l-awdituri għandu jkun jikkonsisti f' li jivverifikaw il-kotba u l-flus kontanti taċ-Ċentru, li jassiguraw ruħhom li l-inventarji u l-karti tal-bilanċ ikunu saru b'mod regolari u in bona fide u li jiżguraw li l-informazzjoni mogħtija rigward il-kontijiet taċ-Ċentru tkun korretta.

3.   Il-fini tal-verifika, li għandha tkun ibbażata fuq reġistrazzjonijiet u, jekk meħtieġ, titwettaq fuq il-post, għandu jkun li jiġi stabbilit li d-dħul inġabar u n-nefqa saret b'mod legali u regolari u li t-tmexxija finanzjarja kienet tajba.

4.   L-awdituri għandhom jiċċertifikaw li r-rendikonti finanzjarji ġew imfassla sewwa u skond l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà, u li jagħtu stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja taċ-Ċentru.

5.   L-awdituri għandhom jippreparaw rapport l-aktar tard sat-30 ta' Ġunju wara t-tmien ta' kull sena finanzjarja. Ir-rapport għandu jintbagħat lid-Direttur, li għandu jgħaddih flimkien mal-kummenti tiegħu, jekk hemm, lill-Bord Eżekuttiv, li għandu jippreżentah lill-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi bir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

Abbażi ta' dan ir-rapport u r-rendikonti finanzjarji għas-sena finanzjarja, il-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi għandu jagħti kwittanza lid-Direttur fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-baġit.

6.   L-awdituri għandhom jagħtu parir liċ-Ċentru dwar kif jitratta r-riskji, billi joħroġ opinjonijiet indipendenti dwar il-kwalità tas-sistemi ta' tmexxija u kontroll u billi joħroġ rakkomandazzjonijiet li jtejbu l-kondizzjonijiet ta' implimentazzjoni ta' l-operazzjonijiet u jippromwovu tmexxija finanzjarja soda.

L-awdituri għandhom ikunu responsabbli għall-:

(a)

valutazzjoni ta' l-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistemi ta' tmexxija interni u tal-prestazzjoni taċ-Ċentru fl-eżekuzzjoni tal-programmi u fit-teħid tal-passi meħtieġa fid-dawl ta' riskji assoċjati;

u

(b)

valutazzjoni ta' l-adegwatezza u l-kwalità is-sistemi ta' kontroll intern għall-operazzjonijiet ta' implimentazzjoni tal-baġit.

7.   L-awdituri għandhom jivverifikaw l-attivitajiet u l-unitajiet kollha taċ-Ċentru. Huma għandu jkollhom aċċess sħiħ u mingħajr limitu għall-informazzjoni kollha meħtieġa għall-qadi ta' dmirijiethom.

Artikolu 27

Il-Kummissjoni (f'isem il-Komunità), il-Qorti ta' l-Awdituri u l-Uffiċċju Ewropew għall-Ġlieda kontra l-Frodi (OLAF), jistgħu jikkontrollaw il-finanzjament irċevut miċ-Ċentru mill-FEŻ skond ir-Regolament Finanzjarju tad-Disa' FEŻ.

Il-Qorti ta' l-Awdituri tista' tiċċekkja li d-dħul ġie rċevut u n-nefqa saret b'mod legali u sewwa u li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim u tar-Regolament Finanzjarju tad-Disa' FEŻ ġew rispettati.

KAPITOLU VII

RESPONSABBILTÀ TA' L-UFFIĊJALI TA' AWTORIZZAZZJONI, TA' L-UFFIĊJALI TA' KONTABBILTÀ U TA' L-AMMINISTRATURI TA' L-IMPRESTI

Artikolu 28

Meta uffiċjali ta' awtorizzazzjoni jistabbilixxu drittijiet li għandhom jiġu rkuprati jew joħorġu ordnijiet ta' rkupru, jidħlu f'impenji ta' nefqa jew jiffirmaw ordni ta' ħlas mingħajr ma jkunu konformi ma' dan ir-Regolament Finanzjarju, huma jpoġġu lilhom infushom f'sitwazzjoni ta' azzjoni dixxiplinarja u, fejn opportun, għal ħlas ta' kumpens. Dan japplika wkoll jekk jonqsu milli joħolqu dokument li jistabbilixxi dejn jew jekk jittraskuraw il-ħruġ ta' ordnijiet ta' rkupru jew jittardjaw il-ħruġ tagħhom mingħajr raġuni ġustifikata.

L-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni għandu jkun responsabbli li jwieġeb għal azzjoni dixxiplinarja u, fejn xieraq għall-ħlas ta' kumpens fejn l-iżball ikun sar intenzjonalment biss jew jekk kien ir-riżultat ta' negliġenza gravi min-naħa tiegħu.

Artikolu 29

1.   L-uffiċjal ta' kontabbiltà għandu jkun responsabbli li jwieġeb għal azzjoni dixxiplinarja u, fejn xieraq, għall-ħlas ta' kumpens fir-rigward ta' ħlasijiet li huwa jagħmel fi ksur ta' l-Artikolu 19.

L-uffiċjal ta' kontabbiltà għandu jkun responsabbli li jwieġeb għal azzjoni dixxiplinarja u għall-ħlas ta' kumpens jekk tali telf jew deterjorament ikunu kkawżati intenzjonalment jew jirriżultaw minn negliġenza gravi min-naħa tiegħu.

Taħt l-istess kondizzjonijiet, l-uffiċjal ta' kontabbiltà għandu jkun responsabbli mill-eżekuzzjoni korretta ta' l-ordnijiet li jirċievi rigward l-użu u l-amministrazzjoni tal-kontijiet taċ-ċekkijiet tal-bank u tal-posta, u b'mod partikolari:

(a)

meta l-ġbir jew il-ħlas li jagħmel ma jkunux jaqblu ma' l-ammont li jidher fl-ordnijiet korrispondenti ta' ġbir jew ta' ħlas;

(b)

meta jagħmel ħlasijiet lil xi parti oħra li mhix dik li għandha d-dritt għalihom.

2.   L-amministraturi ta' l-impresti għandhom ikunu responsabbli li jwieġbu għal azzjoni dixxiplinarja u, fejn xieraq, għall-ħlas ta' kumpens fil-każijiet li ġejjin:

(a)

meta ma jkunux jistgħu juru l-mandat dovut permezz ta' dokumenti xierqa għall-ħlas li jagħmlu;

(b)

meta jħallsu lil xi parti oħra li mhix dik li għandha d-dritt għalihom.

Huma għandhom ikunu responsabbli li jwieġbu għal azzjoni dixxiplinarja u għall-ħlas ta' kumpens ta' kwalunke telfa jew deterjorament tal-fondi, l-assi u d-dokumenti li jżommu jekk tali telfa jew deterjorament ikunu saru intenzjonalment jew jirriżultaw minn negliġenza gravi min-naħa tagħhom.

Artikolu 30

1.   L-uffiċjali ta' kontabbiltà u l-amministraturi ta' l-impresti għandhom jassiguraw ruħhom kontra r-riskji li joħorġu skond l-Artikolu 29.

Iċ-Ċentru għandu jkopri l-ispejjeż ta' assigurazzjoni marbuta ma' dan. Hu għandu jispeċifika l-impjegati li jeżerċitaw il-karigi ta' uffiċjali ta' kontabbiltà u ta' amministraturi ta' l-impresti kif ukoll il-kondizzjonijiet li taħthom huwa jkopri l-ispejjeż ta' l-assigurazzjoni mħallsa minn dawn l-impjegati biex iħarsu lilhom infushom mir-riskji li joħorġu minn dmirijiethom.

2.   Għandhom jingħataw allowances speċjali lill-uffiċjali ta' kontabbiltà u lill-amministraturi ta' l-impresti. Il-livell ta' dawn l-allowances għandu jiġi imniżżel f'regolament stabbilit miċ-Ċentru u approvat mill-Bord Eżekuttiv. Is-somom li jikkorrispondu għal dawn l-allowances għandhom jiġu kreditati kull xahar f'kont li ċ-Ċentru jiftaħ f'isem kull uffiċjal sabiex jiġi stabbilit fond ta' garanzija maħsub biex ikopri kull nuqqas bankarju jew ta' flus kontanti li l-aġent konċernat jista' jassumi responsabbiltà għalih, sakemm tali nuqqas ma jkunx ġie kopert mir-rimborsi tal-kumpanniji ta' assigurazzjoni.

Il-bilanċ favur (credit balance) f'dawn il-kontijiet ta' garanzija għandu jitħallas lill-persuni konċernati wara li dawn jieqfu mill-ħatra tagħhom bħala uffiċjali ta' kontabbiltà jew ta' amministraturi ta' l-impresti u jirċievu l-kwittanza finali rigward it-tmexxija tagħhom.

3.   Il-kwittanza lill-uffiċjali ta' kontabbiltà u lill-amministraturi ta' l-impresti ser tingħata mid-Direttur, abbażi tar-rapport ta' l-awdituri esterni, fi żmiem sentejn mill-għoti tar-rendikonti finanzjarji lill-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi.

Artikolu 31

Ir-responsabbiltà għal ħlas ta' kumpens u għal azzjoni dixxiplinarja ta' l-uffiċjali ta' awtorizzazzjoni, ta' l-uffiċjali ta' kontabbiltà u ta' l-amministraturi ta' l-impresti għandha tiġi determinata skond id-dispożizzjonijiet tar-regoli applikabbli għall-persunal taċ-Ċentru.

Artikolu 32

B'konnessjoni ma' l-implimentazzjoni tal-baġit, il-membri kollha tal-persunal huma pprojbiti li jaġixxu f'każijiet fejn l-interessi tagħhom jistgħu jkunu kunfliġġenti ma' dawk taċ-Ċentru. Jekk jiġri dan, il-membru tal-persunal ikkonċernat għandu jastjeni minn kull azzjoni u jirreferi dan lill-awtorità ta' fuqu.

Ikun hemm kunflitt ta' interess meta, b'konnessjoni ma' l-implimentazzjoni tal-baġit, il-membru tal-persunal ma jkunx jista' jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b'mod imparzjali u oġġettiv minħabba rbit familjari jew personali, affinitajiet nazzjonali jew politiċi, interessi ekonomiċi jew għal kwalunkwe raġuni oħra li torbot l-interessi tiegħu ma' dawk tal-benefiċjarju.

KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 33

L-għoti ta' kuntratti għandu jikkonforma mar-regolamenti ġenerali dwar is-servizzi, ix-xogħlijiet u l-fornimenti kif stabbilit bid-Deċiżjoni 2/2002 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE tas-7 ta' Ottubru 2002 dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 28, 29 u 30 ta' l-anness IV għall-Ftehim ta' Kotonù (4).

L-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-regolamenti ġenerali ta' hawn fuq għandhom jiġu stabbiliti f'regolament intern approvat mill-Bord Eżekuttiv wara li jkun kiseb l-opinjoni tal-Kummissjoni.

Artikolu 34

1.   Skond il-mandat tiegħu, iċ-Ċentru jista' wkoll imexxi approprjazzjonijiet f'isem partijiet terzi. Il-lista ta' dawn ir-riżorsi għandha tingħata f'anness għall-baġit taċ-Ċentru.

2.   Dan ir-Regolament Finanzjarju għandu jkun applikabbli għat-tmexxija ta' dawn ir-riżorsi.

3.   Għandhom jinżammu kontijiet separatri għat-tmexxija ta' dawn ir-riżorsi f'isem partijiet terzi.

4.   Ir-rendikonti finanzjarji ta' kull fond immexxi miċ-Ċentru f'isem parti terza għandhom jinkludu karta tal-bilanċ u kont ta' dħul u nefqa, li jindikaw is-sitwazzjoni fil-31 ta' Diċembru tas-sena finanzjarja kkonċernata. Huma għandhom jiġu ċċertifikati skond id-dispożizzjonijiet tal-ftehim iffirmat bejn iċ-Ċentru u l-parti terza.

Fin-nuqqas ta' tali dispożizzjonijiet, iċ-ċertifikazzjoni għandha ssir mill-awdituri esterni taċ-Ċentru.

5.   Dawn ir-rendikonti finanzjarji għandhom jiġu annessi għar-rendikonti finanzjarji taċ-Ċentru.

Artikolu 35

1.   Għandu jinżamm inventarju kwantitattiv permanenti tal-proprjetà mobbli u mmobbli kollha taċ-Ċentru. Proprjetà mobbli ta' valur ta' EUR 350 jew aktar biss għandha titniżżel fl-inventarju. In-numru ta' l-inventarju għandu jitniżżel fuq kull fattura qabel ma' din titħallas.

2.   Kwalunkwe bejgħ ta' proprjetà mobbli u ta' tagħmir li għandhom prezz ta' iktar minn 350 euro kull wieħed għandu jiġi pubbliċizzat kif xieraq.

3.   Reġistrazzjoni ffirmata kemm mid-Direttur kif ukoll mill-persuna responsabbli għat-tagħmir għandha ssir kulmeta kwalunkwe proprjetà jew oġġett fl-inventarju jiġu likwidati, mormija jew jidhru nieqsa minħabba telf, serq jew kwalunkwe raġuni oħra.

4.   L-inventarji fiżiċi u ta' kontabbiltà għandhom jitqabblu fl-aħħar ta' kull sena finanzjarja. Ir-rikonċiljazzjoni għandha tiġi approvata mill-awdituri esterni.

Artikolu 36

L-Istati AKP, l-Istati Membri u l-Komunità għandhom ikunu marbuta, għal dak li jikkonċerna lil kull wieħed minnhom, li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw din id-Deċiżjoni.

Artikolu 37

Ir-Regolament Finanzjarju taċ-Ċentru approvat mid-Deċiżjoni tal-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi AKP-KEE Nru 2/91 tad-19 ta' April 1991 huwa b' dan imħassar.

Artikolu 38

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussel fis-27 ta' Settembru 2006.

Għall-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi

Il-President

R. MAKONGO


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Ftehim kif emendat l-aħħar bil-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4).

(2)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 355.

(3)  ĠU L 83, 1.4.2003, p. 1.

(4)  ĠU L 320, 23.11.2002, p. 1.


Top