EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12016E/PRO/19

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea
PROTOKOLL (Nru 19) DWAR L-ACQUIS TA' SCHENGEN INTEGRAT FIL-QAFAS TA' L-UNJONI EWROPEA

ĠU C 202, 7.6.2016, p. 290–292 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/tfeu_2016/pro_19/oj

   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea

C 202/290


PROTOKOLL (Nru 19)

DWAR L-ACQUIS TA' SCHENGEN INTEGRAT FIL-QAFAS TA' L-UNJONI EWROPEA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WAQT LI JINNUTAW li l-ftehim dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli fuq il-fruntieri komuni iffirmati minn uħud mill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea f' Schengen fl-14 ta’ Ġunju 1985 u fid-19 ta' Ġunju 1990, kif ukoll il-ftehim relatati u r-regoli adottati fuq il-bażi ta’ dawn il-ftehim, ġew integrati fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea bit-Trattat ta' Amsterdam tat-2 ta' Ottubru 1997;

WAQT LI JIXTIEQU jippreservaw l-acquis ta' Schengen, kif ġie żviluppat mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Amsterdam, u jiżviluppaw dan l-acquis sabiex jikkontribwixxu għall-kisba ta' l-objettiv li ċ-ċittadini jkollhom spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni;

WAQT LI JIEĦDU KONT tal-pożizzjoni speċjali tad-Danimarka;

WAQT LI JIEĦDU KONT tal-fatt li l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ma humiex partijiet mill-ftehim imsemmija hawn fuq u ma ffermawhomx; li għandu jkun hemm dispożizzjoni, madanakollu, sabiex tippermetti lil dawk l-Istati Membri ma jipparteċipawx fid-diżpożizzjonijiet kollha ta' l-acquis ta' Schengen;

WAQT LI JIRRIKONOXXU li, bħala konsegwenza, huwa meħtieġ li jsir użu mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati li jirrigwardaw koperazzjoni aktar mill-qrib bejn uħud mill-Istati Membri;

WAQT LI JIEĦDU KONT tal-ħtieġa li jżommu relazzjoni speċjali mar-Repubblika ta' l-Islanda u mar-Renju tan-Norveġja, ġaladarba dawn iż-żewġ Stati, kif ukoll l-Istati Nordiċi membri ta' l-Unjoni Ewropea, huma marbuta bid-dispożizzjonijiet ta' l-Unjoni Nordika tal-passaporti;

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja huma awtorizzati li jistabbilixxu bejniethom koperazzjoni msaħħa fl-oqsma koperti mid-dispożizzjonijiet definiti mill-Kunsill, li jikkostitwixxu l-acquis ta' Schengen. (1) Din il-koperazzjoni għandha titwettaq fil-qafas istituzzjonali u legali ta' l-Unjoni Ewropea u f’dak li għandu x’jaqsam mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati.

Artikolu 2

L-acquis ta' Schengen għandu japplika għall-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003 u ta' l-Artikolu 4 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tal-25 ta' April 2005. (2) Il-Kunsill għandu jissostitwixxi l-Kumitat Eżekuttiv stabbilit mill-ftehim ta' Schengen.

Artikolu 3

Il-parteċipazzjoni tad-Danimarka fl-adozzjoni ta' miżuri li jikkostitwixxu żvilupp ta' l-acquis ta' Schengen, kif ukoll l-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri u l-applikazzjoni tagħhom għad-Danimarka, għandhom ikunu regolati mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka.

Artikolu 4

L-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jistgħu fi kwalunkwe żmien jitolbu li jieħdu sehem f’parti jew fid-dispożizzjonijiet kollha ta’ l-acquis ta' Schengen.

Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar it-talba bl-unanimità tal-membri tiegħu msemmija fl-Artikolu 1 u tar-rappreżentant tal-Gvern ta' l-Istat konċernat.

Artikolu 5

1.   Il-proposti u l-inizjattivi sabiex jinbena fuq l-acquis ta' Schengen għandhom ikunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati.

F'dan il-kuntest, jekk l-Irlanda jew ir-Renju Unit ma jkunux għarrfu bil-kitba lill-Kunsill fi żmien perijodu raġonevoli li jixtiequ jieħdu sehem, l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 329 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea għandha titqies li tkun ingħatat lill-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1 kif ukoll lill-Irlanda jew lir-Renju Unit jekk xi wieħed minnhom ikun jixtieq jieħu sehem fl-oqsma ta' koperazzjoni in kwistjoni.

2.   Fejn jitqies li l-Irlanda jew ir-Renju Unit jkunu taw notifika skond deċiżjoni skond l-Artikolu 4, dawn jistgħu madankollu jgħarfu lill-Kunsill bil-miktub, fi żmien 3 xhur, li ma jixtiequx jieħdu sehem f'tali proposta jew inizjattiva. F'dak il-każ, l-Irlanda jew ir-Renju Unit m'għandhomx jieħdu sehem fl-adozzjoni tagħha. Mid-data ta' din in-notifika ta' l-aħħar, il-proċedura għall-adozzjoni tal-miżura li tibni fuq l-acquis ta' Schengen għandha tiġi sospiża sa tmiem il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 3 jew 4 jew sakemm tiġi rtirata dik in-notifika fi kwalunkwe mument matul din il-proċedura.

3.   Għall-Istat Membru li jkun għamel in-notifika msemmija fil-paragrafu 2, kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Kunsill skond l-Artikolu 4 għandha tieqaf milli tapplika, mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżura proposta, safejn jitqies meħtieġ mill-Kunsill u taħt il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu determinati f'deċiżjoni tal-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni. Dik id-deċiżjoni għandha tittieħed skond il-kriterji li ġejjin: il-Kunsill għandu jfittex li jżomm l-akbar livell possibbli ta' parteċipazzjoni ta' l-Istat Membru kkonċernat mingħajr ma tintlaqat serjament l-operabbiltà prattika tad-diversi partijiet ta' l-acquis ta' Schengen u filwaqt li tiġi rispettata l-koerenza tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-proposta tagħha mill-iktar fis possibbli wara n-notifika msemmija fil-paragrafu 2. Il-Kunsill għandu, jekk meħtieġ wara li jkun sejjaħ żewġ laqgħat suċċessivi, jaġixxi fi żmien erba' xhur mill-proposta tal-Kummissjoni.

4.   Jekk, sa tmiem il-perijodu ta' erba' xhur, il-Kunsill ma jkun adotta l-ebda deċiżjoni, Stat Membru jista', mingħajr dewmien, jitlob li l-kwistjoni tiġi mressqa lill-Kunsill Ewropew. F'dak il-każ, il-Kunsill Ewropew għandu, fil-laqgħa li jmiss tiegħu, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq il-proposta mill-Kummissjoni, jieħu deċiżjoni skond il-kriterji msemmija fil-paragrafu 3.

5.   Jekk, sa tmiem il-proċedura prevista fil-paragrafi 3 jew 4, il-Kunsill jew, skond il-każ, il-Kunsill Ewropew ma jkun adotta l-ebda deċiżjoni, is-sospensjoni tal-proċedura għall-adozzjoni tal-miżura li tibni fuq l-acquis ta' Schengen għandha tintemm. Jekk, sussegwentement, l-imsemmija miżura tiġi adottata, kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Kunsill skond l-Artikolu 4 għandha, mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dik il-miżura, tieqaf milli tapplika għall-Istat Membru kkonċernat safejn u taħt il-kondizzjonijiet deċiżi mill-Kummissjoni, sakemm qabel l-adozzjoni tal-miżura, l-imsemmi Stat Membru ma jkunx irtira n-notifika tiegħu msemmija fil-paragrafu 2. Il-Kummissjoni għandha taġixxi sad-data ta' din l-adozzjoni. Meta tieħu d-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-kriterji msemmija fil-paragrafu 3.

Artikolu 6

Ir-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja għandhom ikunu assoċjati fl-implementazzjoni ta' l-Acquis ta’ Schengen u l-iżvilupp ulterjuri tiegħu. Proċeduri xierqa għandhom ikunu mifthiema għal dak l-effett fi Ftehim li għandu jiġi finaliżżat ma' dawk l-Istati mill-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità tal-Membri msemmija fl-Artikolu 1. Dawn il-ftehim għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-kontribuzzjoni ta’ l-Islanda u n-Norveġja għal kull konsegwenza finanzjarja li tirriżulta mill-implementazzjoni ta’ dan il-Protokoll.

Ftehim separat għandu jiġi konkluż ma' l-Islanda u n-Norveġja mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament, sabiex jistabbilixxi drittijiet u l-obbligi bejn l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq minn-naħa l-waħda, u l-Islanda u n-Norveġja mill-oħra, f’dawk l-oqsma ta' l-Acquis ta’ Schengen li japplikaw għal dawn l-Istati.

Artikolu 7

Għall-għanijiet tan-negozjati għall-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda fl-Unjoni Ewropea, l-Acquis ta’ Schengen u miżuri oħra meħuda mill-istituzzjonijiet f' dan l-ambitu tiegħu, għandhom jitqiesu bħala acquis li għandu jiġi aċċettat kollu kemm hu mill-Istati kollha kandidati għall-adeżjoni.


(1)  B'konformità mal-Att tal-Adeżjoni tad-9 ta' Diċembru 2011, ir-Repubblika tal-Kroazja saret Membru tal-Unjoni Ewropea minn dakinhar.

(2)  Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-Att tal-Adeżjoni tad-9 ta' Diċembru 2011.


Top