Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12012M021

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea
TITOLU V - DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR L-AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI U DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR IL-POLITIKA ESTERA U TA' SIGURTÀ KOMUNI
Kapitolu 1 - Dwar l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni
Artikolu 21

ĠU C 326, 26.10.2012, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/teu_2012/art_21/oj

26.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 326/1


TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA)

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR L-AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI U DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR IL-POLITIKA ESTERA U TA' SIGURTÀ KOMUNI

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR L-AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI

Artikolu 21

1.   L-azzjoni ta' l-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun gwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha u li hija tfittex li tippromwovi fil-bqija tad-dinja: id-demokrazija, l-Istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji ta' l-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali.

L-Unjoni għandha tfittex li tiżviluppa relazzjonijiet u tibni sħubija mal-pajjiżi terzi u ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali jew globali, li jikkondividu l-prinċipji msemmija fl-ewwel subparagrafu. Hija għandha tippromwovi soluzzjonijiet multilaterali għal problemi komuni, b'mod partikolari fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti.

2.   L-Unjoni għandha tiddefinixxi u twettaq politika u azzjonijiet komuni, u għandha taħdem sabiex tassigura grad għoli ta' koperazzjoni fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet internazzjonali, sabiex:

a)

tissalvagwardja l-valuri, l-interessi fundamentali, is-sigurtà, l-indipendenza u l-integrità tagħha;

b)

tikkonsolida u tappoġġa d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali;

c)

tippreserva l-paċi, tipprevjeni l-kunflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skond l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll skond il-prinċipji ta' l-Att Finali ta' Helsinki u skond l-objettivi tal-Karta ta' Pariġi, inklużi dawk dwar il-fruntieri esterni;

d)

tagħti appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli fuq il-pjan ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-għan primarju li jinqered il-faqar;

e)

tinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-pajjiżi kollha fl-ekonomija dinjija, permezz tat-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali;

f)

tgħin sabiex jiġu żviluppati miżuri internazzjonali sabiex tiġi preservata u mtejba l-kwalità ta' l-ambjent u l-immaniġġar sostenibbli tar-riżorsi naturali globali, sabiex jiġi assigurat l-iżvilupp sostenibbli;

g)

tgħin lill-popolazzjonijiet, il-pajjiżi u r-reġjuni li jiffaċċjaw diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem; u

h)

tippromwovi sistema internazzjonali bbażata fuq koperazzjoni multilaterali msaħħa u t-tmexxija globali tajba.

3.   L-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji u tfittex li twettaq l-objettivi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta' l-azzjoni esterna tagħha fl-oqsma differenti koperti minn dan it-Titolu u mill-ħames parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, kif ukoll fil-politika l-oħra tagħha fl-aspetti esterni tagħha.

L-Unjoni għandha tara li jkun hemm koerenza bejn l-oqsma differenti ta' l-azzjoni esterna tagħha u bejn dawn u l-politika l-oħra tagħha. Il-Kunsill u l-Kummissjoni, assistiti mir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandhom jassiguraw dik il-koerenza u għandhom jikkoperaw għal dan il-għan.


Top