EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12012E214

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea
IL-ĦAMES PARTI - L-AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI
TITOLU III - IL-KOPERAZZJONI MAL-PAJJIŻI TERZI U L-GĦAJNUNA UMANITARJA
Kapitolu 3 - L-għajnuna umanitarja
Artikolu 214

ĠU C 326, 26.10.2012, p. 143–143 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/tfeu_2012/art_214/oj

26.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 326/1


TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA)

IL-ĦAMES PARTI

L-AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI

TITOLU III

IL-KOPERAZZJONI MAL-PAJJIŻI TERZI U L-GĦAJNUNA UMANITARJA

KAPITOLU 3

L-GĦAJNUNA UMANITARJA

Artikolu 214

1.   L-azzjonijiet ta' l-Unjoni fil-qasam ta' l-għajnuna umanitarja għandhom jitwettqu fil-qafas tal-prinċipji u l-objettivi ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni. Dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu maħsuba sabiex jipprovdu assistenza u għajnuna mingħajr dewmien għal popolazzjonijiet f'pajjiżi terzi li jkunu vittma ta' diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem, u sabiex jipproteġuhom, sabiex jaffrontaw il-ħtiġijiet umanitarji li jirriżultaw minn dawn is-sitwazzjonijiet differenti. L-azzjonijiet ta' l-Unjoni u dawk ta' l-Istati Membri għandhom jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin.

2.   L-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja għandhom jitwettqu skond il-prinċipji tad-dritt internazzjonali u l-prinċipji ta' l-imparzjalità, in-newtralità u n-non diskriminazzjoni.

3.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri li jiddefinixxu l-qafas li fih għandhom jiġu implimentati l-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja ta' l-Unjoni.

4.   L-Unjoni tista' tikkonkludi kwalunkwe ftehim, ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, li jgħin sabiex jitwettqu l-objettivi previsti fil-paragrafu 1 u fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

L-ewwel subparagrafu ma jippreġudikax il-kompetenza ta' l-Istati Membri li jinnegozjaw f'sedi internazzjonali u li jikkonkludu ftehim.

5.   Sabiex jiġi stabbilit qafas għal kontribuzzjonijiet konġunti minn żgħażagħ Ewropej għall-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja ta' l-Unjoni, għandu jkun stabbilit Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu r-regoli u l-proċeduri għall-funzjonament ta' dan il-korp.

6.   Il-Kummissjoni tista' tieħu kwalunkwe inizjattiva utli sabiex tippromwovi l-koordinazzjoni bejn l-azzjonijiet ta' l-Unjoni u dawk ta' l-Istati Membri, sabiex issaħħaħ l-effiċjenza u l-komplementarità tal-miżuri ta' għajnuna umanitarja ta' l-Unjoni u dawk nazzjonali.

7.   L-Unjoni għandha tassigura li l-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja tagħha jkunu koordinati u koerenti ma' dawk ta' organizzazzjonijiet u aġenziji internazzjonali, b'mod partikolari dawk li jiffurmaw parti mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.


Top