EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12012E207

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea
IL-ĦAMES PARTI - L-AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI
TITOLU II - IL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI
Artikolu 207
(ex Artikolu 133 TKE)

ĠU C 326, 26.10.2012, p. 140–141 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/tfeu_2012/art_207/oj

26.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 326/1


TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA)

IL-ĦAMES PARTI

L-AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI

TITOLU II

IL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Artikolu 207

(ex Artikolu 133 TKE)

1.   Il-politika kummerċjali komuni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji uniformi, partikolarment fir-rigward ta' bidliet fir-rati tariffarji, il-konklużjoni ta' ftehim tariffarji u dawk kummerċjali rigward il-kummerċ ta' merkanzija u ta' servizzi, u l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali, l-investiment barrani dirett, il-kisba ta' l-uniformità fil-miżuri ta' liberalizzazzjoni, il-politika dwar l-esportazzjoni kif ukoll il-miżuri għall-protezzjoni tal-kummerċ bħal dawk li għandhom jittieħdu fil-każ ta' dumping jew sussidji. Il-politika kummerċjali komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni.

2.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri li jiddefinixxu l-qafas għall-implementazzjoni tal-politika kummerċjali komuni.

3.   Fejn ikun meħtieġ li jiġu negozjati u konklużi ftehim ma' pajjiż terz wieħed jew aktar jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, għandu japplika l-Artikolu 218 suġġett għad-dispożizzjonijiet speċjali ta' dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni għandha tressaq rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jawtorizzaha sabiex tiftaħ in-negozjati meħtieġa. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu responsabbli sabiex jassiguraw li l-ftehim negozjati jkunu kompatibbli mal-politika u r-regoli interni ta' l-Unjoni.

Il-Kummissjoni għandha twettaq dawn in-negozjati b'konsultazzjoni ma' kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill sabiex jgħin lill-Kummissjoni f'din il-ħidma u fil-qafas ta' direttivi li l-Kunsill jista' jindirizza lilha. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-kumitat speċjali, kif ukoll lill-Parlament Ewropew, dwar il-progress tan-negozjati.

4.   Għan-negozjati u l-konklużjoni tal-ftehim previst fil-paragrafu 3, il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

Għan-negozjati u l-konklużjoni ta' ftehim fl-oqsma tal-kummerċ fis-servizzi u ta' l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali, kif ukoll ta' l-investiment barrani dirett, il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu fejn tali ftehim jinkludu dispożizzjonijiet li għalihom tkun meħtieġa l-unanimità għall-adozzjoni ta' regoli interni.

Il-Kunsill għandu wkoll jaġixxi b'mod unanimu għan-negozjati u għall-konklużjoni ta' ftehim:

a)

fil-qasam tal-kummerċ f'servizzi kulturali u awdjoviżivi, fejn hemm ir-riskju li dawn il-ftehim jippreġudikaw id-diversità kulturali u lingwistika ta' l-Unjoni;

b)

fil-qasam tal-kummerċ f'servizzi soċjali, ta' l-edukazzjoni u tas-saħħa, fejn hemm ir-riskju li dawn il-ftehim jikkawżaw disturb serju għall-organizzazzjoni nazzjonali ta' dawn is-servizzi u jippreġudikaw ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri fil-provvista ta' tali servizzi.

5.   In-negozjati u l-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali fil-qasam tat-trasport għandhom ikunu suġġetti għat-Titolu VI tat-Tielet Parti u għall-Artikolu 218.

6.   L-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija minn dan l-Artikolu fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni m'għandux jolqot id-delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u m'għandux iwassal għal armonizzazzjoni tal-liġijiet jew regolamenti ta' l-Istati Membri safejn it-Trattati jeskludu din l-armonizzazzjoni.


Top