Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12006E/PRO/02

    Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea (Verżjoni konsolidata)
    B. Protokolli Annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewopea u t-Trattat li jistabbilixxi l- Komunità Ewropea
    Il-Protokoll (no 2) li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea (1997)

    ĠU C 321E, 29.12.2006, p. 191–195 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/tec_2006/pro_2/oj

    12006E/PRO/02

    Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea (Verżjoni konsolidata) - B. Protokolli Annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewopea u t-Trattat li jistabbilixxi l- Komunità Ewropea - Il-Protokoll (no 2) li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea (1997)

    Official Journal C 321 E , 29/12/2006 P. 0191 - 0195


    Il-Protokoll (no 2)

    li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea (1997)

    IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

    WAQT LI JINNUTAW li l-ftehim dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli fuq il-fruntieri komuni iffermati minn uħud mill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea f' Schengen fl- 14 ta’ Ġunju 1985 u fid- 19 ta' Ġunju 1990, kif ukoll il-ftehim relatati u r-regoli adottati fuq il-bażi ta’ dawn l-akkordji, għandhom il-mira li jsaħħu l-integrazzjoni Ewropea u, partikolarment, jabilitaw lill-Unjoni Ewropea li tiżviluppa aktar malajr f’żona ta’ libertà, sigurta' u ġustizzja,

    WAQT LI JIXTIEQU jinkorporaw l-ftehim u r-regoli msemmija hawn fuq fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea,

    FILWAQT LI JIKKONFERMAW li d-disposizzjonijiet ta' l-Acquis ta’ Schengen huma applikabli biss jekk u sakemm dawn ikunu kompatibbli mal-ligi ta' l-Unjoni Ewropea u tal-Komunità,

    WAQT LI JIEĦDU KONT tal-pożizzjoni speċjali tad-Danimarka,

    WAQT LI JIEĦDU KONT tal-fatt li l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ma humiex partijiet mil-ftehim imsemmija hawn fuq u ma ffermawhomx; li għandu jkun hemm disposizzjoni, madanakollu, biex tippermetti lil dawk l-Istati Membri li jaċċettaw, kollha kemm huma jew in parti id-disposizzjonijiet ta' l-akkordji msemmija,

    WAQT LI JIRRIKONOXXU li, bħala konsegwenza, huwa meħtieġ li jsir użu mid-disposizzjonijiet tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea li jirrigwardaw kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn uħud mill-Istati Membri u li dawk id-disposizzjonijiet għandhom ikunu użati biss meta ma jkunx hemm triq oħra,

    WAQT LI JIEĦDU KONT tal-ħtieġa li jżommu relazzjoni speċjali mar-Repubblika ta' l-Islanda u mar-Renju tan-Norveġja, liema żewġ Stati kienu ikkonfermaw l-intenzjoni tagħhom li jkunu marbuta bid-disposizzjoniet imsemmija hawn fuq, fuq il-bażi tal-ftehim iffermati fil-Lussemburgu fid- 19 ta’ Diċembru 1996,

    WARA LI FTEHMU DWAR id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabilixxi l-Komunita' Ewropea:

    Artikolu 1

    Ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja, firmatarji tal-ftehim ta’ Schengen, huma awtorizzati li jistabilixxu kooperazzjoni aktar mill-qrib bejniethom fl-ambitu ta' dawk il-ftehim u disposizzjonijiet relattivi, kif inhuma elenkati fl-Anness ta’ dan il-Protokoll, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsemmi bħala l-"Acquis ta’ Schengen". Din il-kooperazzjoni għandha titwettaq fil-qafas istituzzjonali u legali ta' l-Unjoni Ewropea u f’dak li għandu x’jaqsam mad-disposizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea.

    Artikolu 2

    1. Mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, l-Acquis ta' Schengen, inklużi d-deċiżjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv li kien ġie mistabilixxi bil-ftehim ta’ Schengen li kienu ġew adottati qabel din id-data, għandhom japplikaw immedjetament għat-tlettax-il Stat Membru li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Minn dik l-istess data, il-Kunsill għandu jissostitwixxi lilu nnifsu minflok l-imsemmi Kumitat Eżekuttiv.

    Il-Kunsill, li jaġixxi bl-unanimità tal-Membri msemmija fl-Artikolu 1, għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ dan il-paragrafu. Il-Kunsill, li jaġixxi unanimament, għandu jiddetermina, b’konformita' mad-disposizzjonijiet relevanti tat-Trattati, il-bażi legali għal kull waħda minn dawn id-disposizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-Acquis ta' Schengen.

    F’dak li jirrigwarda dawk id-disposizzjonijiet u deċiżjonijiet u skond dik id-determinazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandha teżerċita il-funzjonijiet mogħtija lilha bid-disposizzjonijiet rilevanti applikabli tat-Trattati. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja m'għandux ikollha kompetenza dwar il-miżuri jew deċiżjonijiet li jirrelataw maż-żamma ta' l-ordni u l-liġi u mal-ħarsien tas-sigurtà nterna.

    Sakemm il-miżuri msemmija hawn fuq ma jkunux ittieħdu u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, paragrafu 2, id-disposizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkonstitwixxu l-Acquis ta' Schengen għandhom jitqiesu bħala atti bbażati fuq it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    2. Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw għall-Istati Membri li jkunu iffirmaw il-protokolli ta' l-Adeżjoni għall-ftahim ta’ Schengen, mid-dati deċiżi mill-Kunsill, li jaġixxi bl-unanimità tal-Membri msemmija fl-Artikolu 1, sakemm il-kondizzjonijiet ta' l-Adeżjoni ta' xi uħud mill-Istati għall-Acquis ta’ Schengen ma jkunux intlaħqu qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam.

    Artikolu 3

    Wara d-determinazzjoni msemmija fl-Artikolu 2, paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, id-Danimarka tibqa' żżomm l-istess drittijiet u obbligi vis-a-vis l-firmatarji l-oħra tal-ftehim ta’ Schengen, kif qabel l-imsemmija determinazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma' dawk il-partijiet ta' l-acquis ta’ Schengen li jkun stabbilit li jkollhom bażi legali fit-Titolu IV tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea.

    F’dak li għandu x’jaqsam ma' dawk il-partijiet ta' l-Acquis ta’ Schengen li jkun stabbilit li għandhom il-bażi legali fit-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, id-Danimarka għandu jibqa' jkollha l-istess drittijiet u obbligi bħall-firmatarji l-oħra tal-ftehim ta’ Schengen.

    Artikolu 4

    L-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, li ma humiex marbuta bl-Acquis Schengen, jistgħu fi kwalunkwe żmien jitolbu li jieħdu sehem f’parti jew fid-disposizzjonijiet kollha ta’ dan l-Acquis.

    Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar it-talba bl-unanimità tal-membri tiegħu msemmija fl-Artikolu 1 u tar-rappreżentant tal-Gvern ta' l-Istat konċernat.

    Artikolu 5

    1. Il-proposti u l-inizjattivi għall-iżvilupp ta' l-Acquis ta’ Schengen għandhom ikunu soġġetti għad-disposizzjonijiet pertinenti tat-Trattati.

    F’dan il-kuntest, jekk la l-Irlanda u lanqas ir-Renju Unit jew it-tnejn ma jkunu għarrfu bil-kitba lill-president tal-Kunsill fi żmien perjodu raġjonevoli li huma jkunu jixtiequ jieħdu sehem, l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 11 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea jew l-Artikolu 40 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandhom jitqiesu li jkunu ġew mogħtija lill-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1 u lill-Irlanda jew lir-Renju Unit meta xi wieħed minnhom ikun jixtieq jieħu sehem fl-oqsma ta’ kooperazzjoni in kwistjoni.

    2. Id-disposizzjonijiet pertinenti tat-Trattati msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw anke jekk il-Kunsill ma jkunx adotta l-miżuri msemmija fl-Artikolu 2, paragrafu 1, it-tieni subparagrafu.

    Artikolu 6

    Ir-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja għandhom ikunu assoċjati fl-implementazzjoni ta' l-Acquis ta’ Schengen u l-iżvilupp ulterjuri tiegħu fuq il-bażi tal-Ftehim iffermat fil-Lussemburgu fid- 19 ta’ Diċembru 1996. Proċeduri xierqa għandhom ikunu mifthiema għal dak l-effett fi Ftehim li għandu jiġi finaliżżat ma' dawk l-Istati mill-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità tal-Membri msemmija fl-Artikolu 1. Dawn il-ftehim għandhom jinkludu disposizzjonijiet dwar il-kontribuzzjoni ta’ l-Islanda u n-Norveġja għal kull konsegwenza finanzjarja li tirriżulta mill-implementazzjoni ta’ dan il-Protokoll.

    Ftehim separat għandu jiġi konkluż ma' l-Islanda u n-Norveġja mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament, biex jistabilixxi drittijiet u l-obbligi bejn l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq minn-naħa l-waħda, u l-Islanda u n-Norveġja mill-oħra, f’dawk l-oqsma ta' l-Acquis ta’ Schengen li japplikaw għal dawn l-Istati.

    Artikolu 7

    Il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, jadotta l-arranġamenti dettaljati għall-integrazzjoni tas-Segretarjat ta’ Schengen fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

    Artikolu 8

    Għall-iskopijiet tan-negozjati għall-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda fl-Unjoni Ewropea, l-Acquis ta’ Schengen u miżuri oħra meħudha mill-istituzzjonijiet f' dan l-ambitu tiegħu, għandhom jitqiesu bħala acquis li għandu jiġi aċċettat kollu kemm hu mill-Istati kollha kandidati għall-adeżjoni.

    --------------------------------------------------

    ANNESS

    L-ACQUIS TA’ SCHENGEN

    1. Il-Ftehim, iffermat f’Schengen fl- 14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franciża dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom.

    2. Il-Konvenzjoni, iffermata f’Schengen fid- 19 ta’ Ġunju 1990, bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju ta' l-Olanda, li jimplementa il-Ftehim dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli matul il-fruntieri komuni tagħhom, iffermat f’Schengen fl- 14 ta’ Ġunju 1985, bl-Atti Finali u d-dikjarazzjonijiet komuni relattivi.

    3. Il-Protokolli u l-Ftehim ta' Adeżjoni għall-Ftehim ta' l-1985 u l-Konvenzjoni ta' l-Implementazzjoni ta' l-1990 ma' l-Italja (iffermata f’Pariġi fis- 27 ta’ Novembru 1990), Spanja u l-Portugall (iffermati f’Bonn fil- 25 ta’ Ġunju 1991), il-Greċja (iffermat f’Madrid fis- 6 ta’ Novembru 1992), l-Awstrija (iffermat fi Brussel fit- 28 ta’ April 1995) u d-Danimarka, l-Finlandja u l-Isvezja (iffermati fil-Lussemburgu fid- 19 ta’ Diċembru 1996), bl-Atti Finali u d-dikjarazzjonijiet relativi.

    4. Id-Deċiżjonijiet u d-dikjarazzjonijiet adottati mill-Kumitat Eżekuttiv stabbilit bil-Konvenzjoni ta' l-Implementazzjoni ta' l-1990, kif ukoll l-atti adottati għall-implementazzjoni tal-Konvenzjoni mill-organi li fuqhom il-Kumitat Eżekuttiv għadda poteri biex jittieħdu d-deċiżjonijiet.

    --------------------------------------------------

    Top