EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12006A/PRO/10

Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (verżjoni konsolidata)
C. Protokolli Annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewopea, t-Trattat li jistabbilixxi l- Komunità Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea dwar l-Enerġija Atomika
Protokoll (Nru 10) dwar it-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea (2001)

ĠU C 321E, 29.12.2006, p. 229–232 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

12006A/PRO/10

Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (verżjoni konsolidata) - C. Protokolli Annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewopea, t-Trattat li jistabbilixxi l- Komunità Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea dwar l-Enerġija Atomika - Protokoll (Nru 10) dwar it-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea (2001)

Official Journal C 321 E , // P. 0229 - 0232


Protokoll (Nru 10)

dwar it-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea (2001)

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA

ADOTTAW id-disposizzjonijiet li ġejjin li huma annessi mat-Trattat dwarl-Unjoni Ewropea u mat-Trattati li jistabilixxu l-Komunitajiet Ewropej:

Artikolu 1

Revoka tal-Protokoll dwar l-istituzzjonijiet

Il-Protokoll dwar l-istituzzjonijiet bil-prospettiva tat-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattati li jistabilixxu l-Komunitajiet Ewropej, qiegħed jiġi abrogat.

Artikolu 2

Disposizzjonijiet li jirrigwardaw il-Parlament Ewropew

1. Fl- 1 ta' Jannar 2004 u b’ seħħ mill-bidu tal-leġislatura 2004-2009, fl-Artikolu 190(2) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunitajiet Ewropej u fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, l-ewwel subparagrafu jiġi sostitwit dan:

"In-numru tar-rappreżentanti maħtura f’kull Stat Membru hywa fissat kif ġej:

Belġju | 22 |

Id-Danimarka | 13 |

Il-Ġermanja | 99 |

Il-Greċja | 22 |

Spanja | 50 |

Franza | 72 |

L-Irlanda | 12 |

L-Italja | 72 |

Il-Lussemburgu | 6 |

L-Olanda | 25 |

L-Awstrija | 17 |

Il-Portugall | 22 |

Il-Finlandja | 13 |

L-Isvezja | 18 |

Ir-Renju-Unit | 72". |

2. Bla ħsara għall-paragrafu 3, in-numru totali tar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew għal-leġislatura 2004-2009 huwa daqs in-numru ta’ rappreżentanti msemmi fl-Artikolu 190(2) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika b’żieda tan-numru ta’ rappreżentanti ta' l-Istati Membri ġodda kif jirriżulta mit-trattati ta’ l-adeżjoni iffirmati sa mhux aktar tard mill- 1 ta’ Jannar 2004.

3. Jekk in-numru totali tal-membri msemmi fil-paragrafu 2 ikun anqas minn 732, għandha ssir korrezzjoni pro rata fin-numru ta’ rappreżentanti li għandhom jiġu eletti f’kull Stat Membru, biex b’hekk in-numru totali jkun kemm jista’ jkun viċin is-732, bla ma din il-korrezzjoni twassal għal numru ta’ rappreżentanti biex jiġu eletti minn kull Stat Membru ogħla minn dak previst fl-Artikolu 190(2) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika għal-leġislatura 1999-2004.

Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni għal dan l-iskop.

4. B'deroga għat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 189 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u mit-tieni paragrafu ta’ Artikolu 107 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, f’każ li jidħlu fis-seħħ trattati ta’ tkabbir wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill prevista fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, in-numru tal-membri tal-Parlament Ewropew jista’ temporanjament jaqbeż is-732 għal matul il-perjodu li għalih tkun tapplika dik id-deċiżjoni. L-istess korrezzjoni bħal dik imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi applikata għan-numru tar-rappreżentanti li għandhom jiġu eletti fl-Istati Membri in kwistjoni.

Artikolu 3

Disposizzjonijiet li jirrigwardaw il-peżatura tal-voti fil-Kunsill

1 [1]. (Revokat)

2. Ma' kull adeżjoni, il-għatba msemmija fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 205(2) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 118(2) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika tiġi kalkulata b'mod li l-għatba tal-maġġoranza kwalifikata espressa f'voti ma taqbiżx dik li toħroġ mil-lista li hemm fid-Dikjarazzjoni dwar it-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea inkluża fl-Att Finali tal-Konferenza li adottat it-Trattat ta' Nizza.

Artikolu 4

Disposizzjonijiet rigward il-Kummissjoni

1. Fl- 1 ta’ Novembru 2004 [2] u b’seħħ minn meta l-ewwel Kummissjoni ta' wara dik id-data tibda tiffunzjona l-Artikolu 213(1) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u l-Artikolu 126(1) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

"1. Il-Membri tal-Kummissjoni jintgħażlu fuq bażi tal-kapaċità ġenerali tagħhom u ma jkun hemm l-ebda dubju dwar l-indipendenza tagħhom.

Il-Kummissjoni tinkludi ċittadin ta' kull Stat Membru.

In-numru tal-Membri tal-Kummissjoni jista’ jinbidel mill-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità.".

2. Meta l-Unjoni tkun tikkonsisti minn 27 Stat Membru, l-Artikolu 213 (1) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u l-Artikolu 126 (1) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

"1. Il-Membri tal-Kummissjoni jintgħażlu fuq bażi tal-kapaċità ġenerali tagħhom u ma jkun hemm l-ebda dubju dwar l-indipendenza tagħhom.

In-numru tal-membri tal-Kummissjoni għandu jkun inqas min-numru ta’ l-Istati Membri. Il-Membri tal-Kummissjoni għandhom jintgħażlu skond sistema ta’ rotazzjoni b'mod ugwali li l-modalitajiet tagħha jiġu stabbiliti mill-Kunsill li jaġixxi b'unanimità.

In-numru tal-membri tal-Kummissjoni jiġi ffissat mill-Kunsill b’unanimita.".

Din l-emenda tidħol tapplika mid-data li fiha l-ewwel Kummissjoni wara d-data ta' l-adeżjoni tas-seba’ u għoxrin Stat Membru tibda tiffunzjona.

3. Il-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità wara li jkun ġie iffirmat it-trattat ta' l-adeżjoni tas-seba’ u għoxrin Stat Membru ta’ l-Unjoni, għandu jistabilixxi:

- in-numru tal-Membri tal-Kummissjoni;

- il-modalitajiet tas-sistema ta' rotazzjoni b'mod ugwali li juru il-ġabra tal-kriterji u tar-regoli kollha meħtieġa biex tiġi stabbilita awtomatikament il-komposizzjoni tal-kulleġġi suċċessivi fuq il-bażi tal-prinċipji li ġejjin:

a) l-Istati Membri jiġu trattati strettament indaqs rigward id-determinazzjoni tas-sekwenza u tal-perjodu tal-presenża ta' ċittadini tagħhom fi ħdan il-Kummissjoni; b’konsegwenza ta’ dan, id-differenza bejn in-numru totali ta’ perjodi fil-kariga li jkunu għamlu ċittadini ta’ xi żewġ Stati Membri, ma tista' tkun qatt iżjed minn waħda:

b) bla ħsara għall-punt (a), kull kulleġġ suċċessiv ikun kompost b'mod li jirrifletti b’mod sodisfaċenti il-varjetà demografika u ġeografika ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni.

4. Kull Stat li jidħol fl-Unjoni jkollu d-dritt, ma' l-adeżjoni tiegħu, li jkollu ċittadin tiegħu bħala Membru tal-Kummissjoni sakemm ma jkunx japplika l-paragrafu 2.

[1] Il-paragrafu ġie rrevokat bl-Att ta' Adeżjoni tas-sena 2003.

[2] Il-paragrafu ġie emendat bl-Att ta' Adeżjoni tas-sena 2003.

--------------------------------------------------

Top