Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12003T003

ATT li jirrigwarda l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea - L-EWWEL PARTI: PRINĊIPJI - Artikolu 3

ĠU L 236, 23.9.2003, p. 33–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/acc_2003/act_1/art_3/sign

12003T003



Official Journal L 236 , 23/09/2003 P. 0033 - 0034


Artikolu 3

1. Id-disposizzjonijiet ta' l-acquis tax-Schengen kif integrat fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea permezz tal-Protokoll anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (minn issa 'l quddiem imsejjaħ il-"Protokoll tax-Schengen"), u l-atti li jibnu fuqu jew li għandhom x'jaqsmu miegħu b'mod ieħor, elenkati fl-Anness 1 ma' dan l-Att, kif ukoll kull att ieħor bħal dan li jista' jiġi adottat qabel id-data ta' l-adeżjoni, għandhom jorbtu u jkunu applikabbli fl-Istati Membri l-ġodda mid-data ta' l-adeżjoni.

2. Dawk id-disposizzjonjiet ta' l-acquis tax-Schengen kif integrat fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea u l-atti li jibnu fuqu jew li għandhom x'jaqsmu miegħu b'mod ieħor li ma hemmx riferenza għalihom fil-paragrafu 1, filwaqt li jorbtu fuq l-Istati Membri l-ġodda mid-data ta' l-adeżjoni, għandhom japplikaw biss fi Stat Membru ġdid skond deċiżjoni tal-Kunsill għal dan l-iskop wara verifika bi qbil mal-proċeduri applikabbli ta' evalwazzjoni tax-Schengen li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha ta' l-acquis konċernat ikunu sodisfatti f'dak l-Istat Membru l-ġdid u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Il-Kunsill għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu billi jaġixxi bl-unanimità tal-membri tiegħu rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri li fir-rigward tagħhom id-disposizzjonijiet li hemm referenza għalihom f'dan il-paragrafu diġà daħlu fis-seħħu tar-rappreżentant tal-Gvern ta' l-Istat Membru li fir-rigward tiegħu dawn id-disposizzjonijiet iridu jidħlu fis-seħħ. Il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw il-Gvernijiet ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għandhom jieħdu sehem f'din id-deċiżjoni safejn u sakemm tirrigwarda id-disposizzjonijiet ta' l-acquis tax-Schengen u l-atti li jibnu fuqu jew li għandhom x'jaqsmu miegħu b'mod ieħor li jipparteċipaw fihom dawn l-Istati Membri.

3. Kull Ftehim milħuq mill-Kunsill taħt l-Artikolu 6 tal-Protokoll tax-Schengen għandu jorbot l-Istati Membri l-ġodda mid-data ta' l-adeżjoni.

4. L-Istati Membri l-ġodda jintrabtu li għal dawk il-konvenzjonijiet u strumenti fil-qasam tal-ġustizzja u affarijiet interni li huma inseparabbli mill-kisba tal-miri tat-Trattat ta' l-UE:

- jidħlu għal dawk li, sad-data ta' l-Adeżjoni, jkunu ġew miftuħa għall-firma mill-Istati Membri attwali, u għal dawk li kienu fformulati mill-Kunsill bi qbil mat-Titolu VI tat-Trattat ta' l-UE u rrakkomandati lill-Istati Membri għall-adozzjoni;

- jintroduċu arranġamenti amministrattivi u oħrajn, bħal ma huma dawk adottati sad-data ta' l-Adeżjoni mill-Istati Membri attwali jew mill-Kunsill, biex jiffaċilitaw il-koperazzjoni prattika bejn l-istituzzjonijiet ta' l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tal-ġustizzja u affarijiet interni.

--------------------------------------------------

Top