EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02021R1173-20210719

Consolidated text: Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1173 tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1488

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1173/2021-07-19

02021R1173 — MT — 19.07.2021 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2021/1173

tat-13 ta’ Lulju 2021

dwar l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1488

(ĠU L 256 19.7.2021, p. 3)


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 116, 4.5.2023, p.  29 ((UE) 2021/1173)




▼B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2021/1173

tat-13 ta’ Lulju 2021

dwar l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1488



Artikolu 1

Stabbiliment

1.  
Għall-implimentazzjoni tal-inizjattiva għal Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew, b’dan hija stabbilita Impriża Komuni fis-sens tal-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (l-“Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew”, l-“Impriża Konġunta”) għal perijodu sal-31 ta’ Diċembru 2033.
2.  
Biex jitqies it-tul taż-żmien tal-QFP 2021-2027 u tal-Orizzont Ewropa, tal-Programm Ewropa Diġitali u tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, għandhom jitniedu sejħiet għal proposti u sejħiet għal offerti taħt dan ir-Regolament sal-31 ta’ Diċembru 2027. F’każijiet debitament ġustifikati, is-sejħiet għal proposti jew is-sejħiet għal offerti jistgħu jitniedu sal-31 ta’ Diċembru 2028.
3.  
L-Impriża Konġunta għandu jkollha personalità ġuridika. F’kull Stat Membru, din għandha tgawdi l-aktar kapaċità ġuridika estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi skont il-liġijiet ta’ dak l-Istat Membru. Tista’, b’mod partikolari, takkwista proprjetà immobbli jew mobbli jew tiddisponi minnha u tista’ tkun parti għal proċedimenti ġudizzjarji.
4.  
Is-sede tal-Impriża Konġunta għandha tkun fil-Lussemburgu.
5.  
L-Istatuti tal-Impriża Konġunta (“l-Istatuti”) huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“test ta’ aċċettazzjoni” tfisser test li sar biex jiddetermina jekk ir-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni tas-sistema humiex issodisfati minn supercomputer tal-EuroHPC;

(2) 

“ħin tal-aċċess” tfisser il-ħin tal-computing ta’ supercomputer li jkun magħmul disponibbli għal utent jew għal grupp ta’ utenti biex jeżegwixxu l-programmi tal-kompjuter tagħhom;

(3) 

“entità affiljata” tfisser kwalunkwe entità ġuridika kif definita fl-Artikolu 187(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046;

(4) 

“Ċentru ta’ Eċċellenza tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja ” tfisser proġett kollaborattiv magħżul permezz ta’ sejħa għal proposti miftuħa u kompetittiva biex jiġi promoss l-użu ta’ kapaċitajiet futuri tal-computing ta’ prestazzjoni estrema li jippermettu lill-komunitajiet tal-utenti f’kollaborazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati oħra fil-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja jiskalaw il-kodiċijiet paralleli eżistenti lejn skala ‘eksa’ u prestazzjoni ta’ skalar estrema;

(5) 

“kodisinn” tfisser approċċ kollettiv bejn il-fornituri tat-teknoloġija u l-utenti involuti fi proċess ta’ disinn kollaborattiv u iterattiv għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji, applikazzjonijiet u sistemi ġodda;

(6) 

“kunflitt ta’ interess” tfisser sitwazzjoni li tinvolvi attur finanzjarju jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046;

(7) 

“entità kostitwenti” tfisser entità li tikkostitwixxi Membru Privat tal-Impriża Konġunta, skont l-istatuti ta’ kull Membru Privat;

(8) 

“konsorzju ta’ sħab privati” tfisser assoċjazzjoni ta’ entitajiet legali tal-Unjoni li jingħaqdu bl-għan li jakkwistaw supercomputer ta’ grad industrijali b’mod konġunt mal-Impriża Konġunta; wieħed jew aktar minn dawn is-sħab privati jistgħu jkunu qed jipparteċipaw fil-Membri Privati tal-Impriża Konġunta;

(9) 

“supercomputer tal-EuroHPC” tfisser kwalunkwe sistema tal-computing li tkun kompletament proprjetà tal-Impriża Konġunta jew li tkun koproprjetà ma’ Stati Parteċipanti oħra jew ma’ konsorzju ta’ sħab privati; dan jista’ jkun supercomputer klassiku (supercomputer ta’ livell għoli, supercomputer ta’ grad industrijali, jew supercomputer ta’ livell medju), kompjuter ibridu klassiku-kwantistiku, kompjuter kwantistiku jew simulatur kwantistiku;

(10) 

“skala ‘eksa’” tfisser livell ta’ prestazzjoni b’kapaċità ta’ eżekuzzjoni ta’ għaxar operazzjonijiet b’potenza ta’ tmintax (1018) fis-sekonda (jew 1 Eksaflop);

(11) 

“supercomputer ta’ livell għoli” tfisser sistema tal-computing tal-ogħla klassi żviluppata bl-aktar teknoloġija avvanzata disponibbli f’mument partikolari u li tikseb tal-anqas livelli ta’ prestazzjoni fuq skala ‘eksa’ jew aktar (jiġifieri fuq skala posteksa) għal applikazzjonijiet li jindirizzaw problemi b’kumplessità akbar;

(12) 

“konsorzju tal-hosting” tfisser grupp ta’ Stati Parteċipanti jew konsorzju ta’ sħab privati li qablu li jikkontribwixxu għall-akkwist u għat-tħaddim ta’ supercomputer tal-EuroHPC, inkluż kwalunkwe organizzazzjoni li tirrappreżenta dawn l-Istati Parteċipanti;

(13) 

“entità tal-hosting” tfisser entità legali li tinkludi faċilitajiet għall-hosting u għat-tħaddim ta’ supercomputer tal-EuroHPC u li tkun stabbilita fi Stat Parteċipanti li jkun Stat Membru;

(14) 

“iperkonness” tfisser kapaċità ta’ komunikazzjoni ta’ trasferiment ta’ data f’għaxar bits b’potenza ta’ tnax (1012) fis-sekonda (1 Terabit fis-sekonda) jew aktar;

(15) 

“supercomputer ta’ grad industrijali” tfisser mill-inqas supercomputer ta’ livell medju ddisinjat speċifikament b’rekwiżiti ta’ sigurtà, ta’ kunfidenzjalità u ta’ integrità tad-data għall-utenti industrijali li jkunu aktar eżiġenti minn dawk għal użu xjentifiku;

(16) 

“kontribuzzjonijiet in natura għal azzjonijiet indiretti” ffinanzjati mill-Orizzont Ewropa tfisser kontribuzzjonijiet mill-Istat Parteċipanti jew mill-Membri Privati tal-Impriża Konġunta jew mill-entitajiet kostitwenti tagħhom jew mill-entitajiet affiljati tagħhom, li jikkonsistu fil-kostijiet eliġibbli mġarrba minnhom fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet indiretti, minbarra l-kontribuzzjoni ta’ dik l-Impriża Konġunta, tal-Istati Parteċipanti ta’ dik l-Impriża Konġunta u kull kontribuzzjoni oħra tal-Unjoni għal dawk il-kostijiet;

(17) 

“kontribuzzjonijiet in natura għal azzjonijiet” iffinanzjati mill-Programm Ewropa Diġitali jew mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tfisser kontribuzzjonijiet mill-Istat Parteċipanti jew mill-Membri Privati tal-Impriża Konġunta jew mill-entitajiet kostitwenti tagħhom jew mill-entitajiet affiljati tagħhom, li jikkonsistu fil-kostijiet eliġibbli mġarrba minnhom fl-implimentazzjoni ta’ parti mill-attivitajiet tal-Impriża Konġunta, minbarra l-kontribuzzjoni ta’ dik l-Impriża Konġunta, tal-Istati Parteċipanti ta’ dik l-Impriża Konġunta u kull kontribuzzjoni oħra tal-Unjoni għal dawk il-kostijiet;

(18) 

“supercomputer ta’ livell medju” tfisser supercomputer tal-ogħla klassi b’livell ta’ prestazzjoni ta’ mhux aktar minn grad wieħed anqas minn dak ta’ supercomputer ta’ livell għoli;

(19) 

“Ċentru nazzjonali ta’ Kompetenza tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja” tfisser entità ġuridika, jew konsorzju ta’ entitajiet ġuridiċi, stabbilit fi Stat Parteċipanti, assoċjat ma’ ċentru nazzjonali tas-supercomputing ta’ dak l-Istat Parteċipanti, li jipprovdi lill-utenti mill-industrija, inklużi l-SMEs, l-akkademiċi, u l-amministrazzjonijiet pubbliċi b’aċċess, fuq talba, għas-supercomputers u għall-aħħar teknoloġiji, għodod, applikazzjonijiet u servizzi tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja, u li joffri għarfien espert, ħiliet, taħriġ, networking u komunikazzjoni;

(20) 

“Stat osservatur” tfisser pajjiż eliġibbli biex jipparteċipa fl-azzjonijiet tal-Impriża Konġunta ffinanzjati mill-Orizzont Ewropa jew mill-Programm Ewropa Diġitali li ma jkunx Stat Parteċipanti;

(21) 

“Stat Parteċipanti” tfisser pajjiż li jkun membru tal-Impriża Konġunta;

(22) 

“livell ta’ prestazzjoni” tfisser l-għadd ta’ operazzjonijiet b’punt varjabbli fis-sekonda (flops) li supercomputer jista’ jeżegwixxi;

(23) 

“Membru Privat” tfisser kwalunkwe membru tal-Impriża Konġunta minbarra l-Unjoni jew l-Istati Parteċipanti;

(24) 

“kompjuter kwantistiku” tfisser apparat tal-computing li juża l-liġijiet tal-mekkanika kwantistika sabiex isolvi ċerti kompiti partikolari billi, permezz ta’ dawn, juża anqas riżorsi komputazzjonali mill-kompjuters klassiċi;

(25) 

“simulatur kwantistiku” tfisser apparat kwantistiku kontrollabbli ħafna li jippermetti li jinkiseb għarfien dwar il-proprjetajiet ta’ sistemi kwantistiċi kumplessi jew li jissolvew problemi komputazzjonali speċifiċi inaċċessibbli għall-kompjuters klassiċi;

(26) 

“sigurtà tal-katina tal-provvista” ta’ supercomputer tal-EuroHPC tfisser il-miżuri li jridu jiġu inklużi fl-għażla ta’ kwalunkwe fornitur ta’ dan is-supercomputer biex tkun żgurata d-disponibbiltà tal-komponenti, tat-teknoloġiji, tas-sistemi u tal-għarfien meħtieġa fl-akkwist u fit-tħaddim ta’ dan is-supercomputer; dan ikun jinkludi miżuri biex jittaffew ir-riskji relatati ma’ interruzzjonijiet eventwali fil-provvista ta’ dawn il-komponenti, it-teknoloġiji u s-sistemi, inkluż bidliet fil-prezzijiet jew prestazzjoni inferjuri jew sorsi alternattivi ta’ provvista; dan ikun ikopri l-ħajja kollha tas-supercomputer tal-EuroHPC;

(27) 

“Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni” tfisser id-dokument li jkopri t-tul ta’ żmien tal-Orizzont Ewropa li jidentifika l-prijoritajiet ewlenin u t-teknoloġiji u l-innovazzjonijiet essenzjali meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-Impriża Konġunta;

(28) 

“programm strateġiku pluriennali” tfisser dokument li jistabbilixxi strateġija għall-attivitajiet kollha tal-Impriża Konġunta;

(29) 

“supercomputing” tfisser computing fil-livelli ta’ prestazzjoni li jeħtieġ l-integrazzjoni massiva ta’ elementi individwali tal-computing, inkluż komponenti kwantistiċi, għas-soluzzjoni ta’ problemi li ma jistgħux jiġu trattati minn sistemi standard tal-computing;

(30) 

“kost totali tas-sjieda” ta’ supercomputer tal-EuroHPC tfisser il-kostijiet tal-akkwist kif ukoll il-kostijiet operatorji, inkluż il-manutenzjoni, sakemm is-sjieda tas-supercomputer tiġi ttrasferita lill-entità tal-hosting jew tinbiegħ, jew sakemm is-supercomputer jiġi dekummissjonat mingħajr trasferiment tas-sjieda;

(31) 

“programm ta’ ħidma” tfisser id-dokument imsemmi fil-punt (25) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/695 jew, fejn rilevanti, id-dokument li jiffunzjona wkoll bħala l-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/694, jew fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/1153.

Artikolu 3

Missjoni u objettivi

1.  
Il-missjoni tal-Impriża Konġunta għandha tkun li tiżviluppa, timplimenta, testendi u żżomm fl-Unjoni ekosistema tal-infrastruttura federata, sigura u iperkonnessa u fost l-aqwa fid-dinja tas-supercomputing, tal-computing kwantistiku, tas-servizzi u tad-data; li tappoġġa l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ sistemi innovattivi u kompetittivi tas-supercomputing orjentati lejn id-domanda u mmexxija mill-utenti, ibbażati fuq katina tal-provvista li tiżgura li l-komponenti, it-teknoloġiji u l-għarfien li jillimitaw ir-riskju ta’ interruzzjonijiet u l-iżvilupp ta’ firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet ottimizzati għal dawn is-sistemi; u li twessa’ l-użu ta’ dik l-infrastruttura tas-supercomputing għal numru kbir ta’ utenti pubbliċi u privati, u tappoġġa t-tranżizzjoni doppja u l-iżvilupp ta’ ħiliet ewlenin għax-xjenza u l-industrija Ewropej.
2.  

L-Impriża Konġunta għandu jkollha l-objettivi ġenerali li ġejjin:

(a) 

tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/695 u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu, biex tħalli impatt xjentifiku, ekonomiku, ambjentali, teknoloġiku u soċjetali mill-investimenti tal-Unjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni, b’tali mod li ssaħħaħ il-bażijiet xjentifiċi u teknoloġiċi tal-Unjoni, twettaq il-prijoritajiet strateġiċi tal-Unjoni u tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi u jitwettqu l-politiki tal-Unjoni, u biex tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-isfidi globali, inkluż l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli billi jiġu segwiti l-prinċipji tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima ( 1 );

(b) 

tiżviluppa kooperazzjoni msaħħa u tiżgura l-koordinazzjoni ma’ Sħubiji Ewropej oħra, inkluż permezz ta’ sejħiet konġunti, kif ukoll tfittex li tikseb sinerġiji ma’ attivitajiet u ma’ programmi rilevanti fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali, b’mod partikolari ma’ dawk li jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi, l-edukazzjoni u l-iżvilupp reġjonali, fejn rilevanti;

(c) 

tiżviluppa, timplimenta, testendi u żżomm fl-Unjoni infrastruttura tas-supercomputing u tad-data tal-ogħla klassi, integrata, orjentata lejn id-domanda u mmexxija mill-utenti;

(d) 

tiffedera l-infrastruttura iperkonnessa tas-supercomputing u tad-data u toħloq interkonnessjoni bejn din u l-ispazji tad-data u l-ekosistema tal-cloud Ewropej għall-provvista ta’ servizzi tal-computing u tad-data lil firxa wiesgħa ta’ utenti pubbliċi u privati fl-Ewropa;

(e) 

tippromwovi l-eċċellenza xjentifika u tappoġġa l-adozzjoni u l-użu sistematiku tar-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni ġġenerati fl-Unjoni.

(f) 

tkompli tiżviluppa u tappoġġa ekosistema ferm kompetittiva u innovattiva tas-supercomputing u tad-data mifruxa b’mod wiesa’ fl-Ewropa li tikkontribwixxi għat-tmexxija xjentifika u diġitali tal-Unjoni, li tkun kapaċi tipproduċi b’mod awtonomu teknoloġiji u arkitetturi tal-computing u l-integrazzjoni tagħhom f’sistemi ewlenin tal-computing, u applikazzjonijiet avvanzati ottimizzati għal dawn is-sistemi;

(g) 

twessa’ l-użu tas-servizzi tas-supercomputing u l-iżvilupp ta’ ħiliet ewlenin li jeħtieġu x-xjenza u l-industrija Ewropej.

3.  
L-Impriża Konġunta għandha tikkontribwixxi għas-salvagwardja tal-interessi tal-Unjoni meta takkwista supercomputers u tappoġġa l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji, ta’ sistemi u ta’ applikazzjonijiet tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja. Hija għandha tippermetti approċċ ta’ kodisinn għall-akkwist ta’ supercomputers tal-ogħla klassi, filwaqt li tissalvagwardja s-sigurtà tal-katina tal-provvista tat-teknoloġiji u tas-sistemi akkwistati. Hija għandha tikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni, tappoġġa l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u applikazzjonijiet li jsaħħu l-katina ta’ provvista Ewropea tat-teknoloġija tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u tippromwovi l-integrazzjoni tagħhom f’sistemi ta’ supercomputing li jindirizzaw għadd kbir ta’ ħtiġijiet xjentifiċi, soċjetali, ambjentali u industrijali.

Artikolu 4

Pilastri tal-attività

1.  

L-Impriża Konġunta għandha timplimenta l-missjoni msemmija fl-Artikolu 3 skont il-pilastri tal-attivitajiet li ġejjin:

(a) 

il-pilastru amministrattiv, li jkopri l-attivitajiet ġenerali għall-operazzjoni u l-ġestjoni tal-Impriża Konġunta;

(b) 

il-pilastru tal-infrastruttura, li jinkludi l-attivitajiet għall-akkwist, l-implimentazzjoni, l-upgrade u l-operazzjoni tal-infrastruttura sigura, iperkonnessa u ta’ klassi dinjija tas-supercomputing, tal-computing kwantistiku u tad-data, inkluż il-promozzjoni tal-adozzjoni u l-użu sistematiku tar-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni ġġenerati fl-Unjoni;

(c) 

il-pilastru tal-federazzjoni ta’ servizzi tas-supercomputing, li jkopri l-attivitajiet kollha għall-provvista tal-aċċess madwar l-Unjoni għal riżorsi u servizzi federati u siguri tas-supercomputing u tad-data madwar l-Ewropa għall-komunità xjentifika u tar-riċerka, l-industrija, inklużi l-SMEs, u s-settur pubbliku, b’mod partikolari f’kooperazzjoni ma’ PRACE u GÉANT; dawk l-attivitajiet għandhom jinkludu:

(i) 

l-appoġġ għall-interkonnessjoni tar-riżorsi tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja, tal-computing kwantistiku u tad-data li huma proprjetà sħiħa jew parzjali tal-Impriża Konġunta jew magħmula disponibbli fuq bażi volontarja mill-Istati Parteċipanti;

(ii) 

l-appoġġ għall-interkonnessjoni tal-infrastrutturi tad-data tas-supercomputing, u tal-computing kwantistiku mal-ispazji komuni Ewropej tad-data u mal-infrastrutturi federati u siguri tal-cloud u tad-data tal-Unjoni;

(iii) 

l-appoġġ għall-iżvilupp, l-akkwist u l-operazzjoni ta’ pjattaforma għall-federazzjoni mingħajr xkiel u l-provvista sigura ta’ servizzi tal-infrastruttura tas-servizzi u tad-data tas-supercomputing u tal-computing kwantistiku, għall-istabbiliment ta’ punt uniku ta’ aċċess għal kwalunkwe servizz tas-supercomputing jew tad-data ġestit mill-Impriża Konġunta, fejn kwalunkwe utent jiġi pprovdut b’punt uniku ta’ dħul;

(d) 

il-pilastru tat-teknoloġija, li jindirizza attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-iżvilupp ta’ ekosistema tas-supercomputing ta’ klassi dinjija, kompetittiva u innovattiva madwar l-Ewropa li tindirizza t-teknoloġiji tal-hardware u tas-software, u l-integrazzjoni tagħhom f’sistemi tal-computing, filwaqt li jkopri l-katina tal-valur xjentifika u industrijali sħiħa, għall-kontribuzzjoni għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni; dan għandu jiffoka wkoll fuq teknoloġiji tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja effiċjenti fl-użu tal-enerġija, li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà ambjentali; dawk l-attivitajiet għandhom jindirizzaw fost l-oħrajn:

(i) 

komponenti ta’ mikropproċessar b’konsum baxx tal-enerġija, komponenti tal-interkonnessjoni, arkitettutra tas-sistema u teknoloġiji relatati bħal algoritmi, kodiċijiet tas-software, għodod, u ambjenti ġodda;

(ii) 

paradigmi emerġenti tal-computing u l-integrazzjoni tagħhom f’sistemi ewlenin tas-supercomputing permezz ta’ approċċ ta’ kodisinn; dawn it-teknoloġiji għandhom ikunu marbuta mal-iżvilupp, l-akkwist u l-implimentazzjoni ta’ supercomputers ta’ livell għoli, inkluż kompjuters kwantistiċi, u infrastrutturi;

(iii) 

it-teknoloġiji u s-sistemi għall-interkonnessjoni u l-operazzjoni ta’ sistemi klassiċi tas-supercomputing ma’ teknoloġiji oħra, spiss komplementari, tal-computing, bħall-computing kwantistiku jew teknoloġiji tal-computing emerġenti oħra u l-iżgurar tal-operazzjoni effettiva tagħhom;

(iv) 

algoritmi u teknoloġiji tas-software ġodda li joffru żidiet sostanzjali tal-prestazzjoni;

(e) 

il-pilastru tal-applikazzjoni, li jindirizza attivitajiet għall-kisba u ż-żamma tal-eċċellenza Ewropea fl-applikazzjonijiet ewlenin tal-computing u tad-data u l-kodiċijiet għax-xjenza, l-industrija, inklużi l-SMEs, u s-settur pubbliku; dawk l-attivitajiet għandhom jindirizzaw fost l-oħrajn:

(i) 

l-applikazzjonijiet, inkluż algoritmi ġodda u żviluppi tas-software, għall-utenti pubbliċi u privati li jibbenefikaw mill-isfruttar tar-riżorsi u l-kapaċitajiet ta’ supercomputers ta’ livell għoli u l-konverġenza tagħhom ma’ teknoloġiji diġitali avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali, l-analitika tad-data ta’ prestazzjoni għolja, teknoloġiji tal-cloud, eċċ. permezz tal-kodisinn, l-iżvilupp u l-ottimizzazzjoni ta’ kodiċijiet u applikazzjonijiet ta’ swieq pilota emerġenti fuq skala kbira u ffaċilitati mill-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja;

(ii) 

l-appoġġ, fost l-oħrajn, liċ-Ċentri ta’ Eċċellenza tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja fl-applikazzjonijiet u fil-proġetti dimostranti pilota u bankijiet ta’ ttestjar fuq skala kbira ffaċilitati mill-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja għall-applikazzjonijiet u s-servizzi diġitali avvanzati tal-big data f’firxa wiesgħa ta’ setturi xjentifiċi, pubbliċi u industrijali;

(f) 

il-pilastru tat-twessigħ tal-użu u tal-ħiliet, bil-għan li jiġu żviluppati kapaċitajiet u ħiliet li jrawmu l-eċċellenza fis-supercomputing, fil-computing kwantistiku, u fl-użu tad-data, filwaqt li jittieħed kont tas-sinerġiji ma’ programmi u strumenti oħra, b’mod partikolari l-Programm Ewropa Diġitali, jitwessa’ l-użu xjentifiku u industrijali tar-riżorsi tas-supercomputing u tal-applikazzjonijiet tad-data u jitrawmu l-aċċess u l-użu industrijali ta’ infrastrutturi tas-supercomputing u tad-data għall-innovazzjoni adattata għall-ħtiġijiet industrijali, kif ukoll li l-Ewropa tiġi pprovduta b’komunità xjentifika ewlenija esperta u b’forza tax-xogħol b’livell għoli ta’ ħiliet għat-tmexxija xjentifika u t-trasformazzjoni diġitali tal-industrija u l-amministrazzjoni pubblika, inkluż l-appoġġ u n-networking ta’ Ċentri ta’ Kompetenza tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja nazzjonali u ta’ Ċentri ta’ Eċċellenza tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja;

(g) 

il-pilastru tal-kooperazzjoni internazzjonali: Skont l-objettivi tal-politika esterna u mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni, id-definizzjoni, l-implimentazzjoni u l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet rilevanti għall-promozzjoni tal-kollaborazzjoni internazzjonali fis-supercomputing biex jingħelbu sfidi xjentifiċi u soċjetali globali, filwaqt li tiġi promossa l-kompetittività tal-provvista Ewropea tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u tal-ekosistema Ewropea tal-utenti.

2.  
Barra mill-attivitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1, l-Impriża Konġunta tista’ tiġi fdata bl-implimentazzjoni ta’ kompiti addizzjonali fil-każ ta’ finanzjament kumulattiv, komplementari jew kombinat bejn programmi tal-Unjoni f’konformità mal-programm ta’ ħidma rilevanti tal-Kummissjoni.

Artikolu 5

Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

1.  

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta, inkluż l-approprjazzjonijiet taż-ŻEE, għandhom ikunu sa EUR 3 081 300 000 , inkluż EUR 92 000 000 għall-kostijiet amministrattivi, bil-kondizzjoni li l-ammont huwa korrispost mill-kontribuzzjoni tal-Istati Parteċipanti, imqassmin kif ġej:

(a) 

sa EUR 900 000 000 mill-Orizzont Ewropa;

(b) 

sa EUR 1 981 300 000 mill-Programm Ewropa Diġitali;

(c) 

sa EUR 200 000 000 mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

2.  
Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha titħallas mill-approprjazzjonijiet fil-baġit ġenerali tal-Unjoni allokati lil kull programm rilevanti.
3.  
Jistgħu jiġu allokati fondi addizzjonali tal-Unjoni li jikkumplementaw il-kontribuzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu lill-Impriża Konġunta biex jappoġġaw il-pilastri tagħha msemmija fl-Artikolu 4, ħlief dawk imsemmijin fl-Artikolu 4(1)(a).
4.  
Il-kontribuzzjonijiet mill-programmi tal-Unjoni li jikkorrispondu għal attivitajiet addizzjonali fdati lill-Impriża Konġunta f’konformità mal-paragrafu 3 ma għandhomx jitqiesu fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Unjoni.
5.  
Jistgħu jiġu allokati fondi addizzjonali tal-Unjoni li jikkumplementaw il-kontribuzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu lill-Impriża Konġunta minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Orizzont Ewropa, mill-Programm Ewropa Diġitali jew mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa skont il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni rispettivi tagħhom. Dawk il-fondi addizzjonali tal-Unjoni ma għandhomx jaffettwaw il-kontribuzzjoni tal-Istati Parteċipanti msemmija fl-Artikolu 7(1), sakemm l-Istati Parteċipanti ma jaqblux mod ieħor.
6.  
Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu għandha tintuża għall-Impriża Konġunta biex tipprovdi appoġġ finanzjarju għal azzjonijiet indiretti kif definiti fil-punt (43) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/695, li jikkorrispondu għall-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni tal-Impriża Konġunta.
7.  
Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1(b) għandha tintuża għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet fl-Unjoni kollha kemm hi, inkluż l-akkwist, l-upgrade u l-operazzjoni ta’ Kompjuters ta’ Prestazzjoni Għolja, ta’ kompjuters kwantistiċi jew ta’ simulaturi kwantistiċi, għall-federazzjoni tal-infrastruttura tas-servizzi u tad-data tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u tal-computing kwantistiku u għat-twessigħ tal-użu tagħha, u għall-iżvilupp ta’ ħiliet u taħriġ avvanzati.
8.  
Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1(c) għandha tintuża għall-interkonnessjoni tar-riżorsi tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u tad-data u għall-ħolqien ta’ infrastruttura integrata, pan-Ewropa u iperkonnessa tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u tad-data.

Artikolu 6

Kontribuzzjonijiet oħra tal-Unjoni

Kontribuzzjonijiet minn programmi tal-Unjoni għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 5(1) li huma parti minn kofinanzjament mill-Unjoni għal programm implimentat minn wieħed mill-Istati Parteċipanti li huwa Stat Membru ma għandhomx jitqiesu fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 5.

Artikolu 7

Kontribuzzjonijiet ta’ membri għajr l-Unjoni

1.  
L-Istati Parteċipanti għandhom jagħmlu kontribuzzjoni totali li hi proporzjonata għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 5(1). L-Istati Parteċipanti għandhom jirranġaw bejniethom il-kontribuzzjonijiet kollettivi tagħhom u kif ser iwassluhom. Dan m’għandux jaffettwa l-kapaċità ta’ kull Stat Parteċipanti li jiddefinixxi l-kontribuzzjoni finanzjarja nazzjonali tiegħu skont l-Artikolu 8.
2.  
Il-Membri Privati tal-Impriża Konġunta għandhom jagħmlu kontribuzzjonijiet ta’ mill-inqas EUR 900 000 000 lill-Impriża Konġunta, jew jagħmlu arranġamenti biex l-entitajiet kostitwenti u l-entitajiet affiljati tagħhom jagħmlu tali kontribuzzjoni.
3.  
Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkonsistu mill-kontribuzzjonijiet kif stabbiliti fl-Artikolu 15 tal-Istatuti.
4.  
Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(3)(f) tal-Istatuti jistgħu jiġu pprovduti minn kull Stat Parteċipanti lill-benefiċjarji stabbiliti f’dak l-Istat Parteċipanti. L-Istati Parteċipanti jistgħu jikkumplementaw il-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta, fir-rata massima applikabbli ta’ rimborż stabbilita fl-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2021/695, l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2021/694 u fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2021/1153. Tali kontribuzzjonijiet għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
5.  
Il-membri tal-Impriża Konġunta għajr l-Unjoni għandhom jirrapportaw sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena lill-Bord tat-Tmexxija kif definit fl-Artikolu 5 tal-Istatuti, dwar il-valur tal-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu magħmula fis-sena finanzjarja preċedenti.
6.  
►C1  Għall-fini li jinstab il-valur tal-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(3)(b) sa (g) tal-Istatuti, ◄ il-kostijiet għandhom jiġu ddeterminati f’konformità mal-prattiki normali tal-kontabbiltà tal-kostijiet tal-entitajiet ikkonċernati, mal-istandards kontabilistiċi applikabbli tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-entità u mal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità u l-Istandards Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju applikabbli. Il-kostijiet għandhom jiġu ċċertifikati minn awditur estern indipendenti maħtur mill-entità kkonċernata jew mill-awtoritajiet tal-awditjar tal-Istat Parteċipanti. Jekk miċ-ċertifikazzjoni tfeġġ xi inċertezza, l-Impriża Konġunta tista’ tivverifika l-metodu ta’ valwazzjoni. Jekk ikun baqa’ xi inċertezzi, il-metodu ta’ valwazzjoni jista’ jiġi awditjat mill-Impriża Konġunta.
7.  

Il-Kummissjoni tista’ ttemm, tnaqqas proporzjonalment jew tissospendi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta jew tiskatta l-proċedura ta’ stralċ imsemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatuti fil-każijiet li ġejjin:

(a) 

jekk l-Impriża Konġunta tonqos milli tissodisfa l-kondizzjonijiet għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni; jew

(b) 

jekk il-membri għajr l-Unjoni jew l-entitajiet kostitwenti tagħhom jew l-entitajiet affiljati tagħhom jonqsu milli jikkontribwixxu, jikkontribwixxu biss parzjalment jew ma jirrispettawx l-iskadenzi fir-rigward tal-kontribuzzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu; jew

(c) 

bħala riżultat tal-evalwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 24.

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttemm, tnaqqas proporzjonalment jew tissospendi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni ma għandhiex tfixkel ir-rimborż tal-kostijiet eliġibbli mġarrba mill-membri għajr l-Unjoni qabel ma d-deċiżjoni tiġi nnotifikata lill-Impriża Konġunta.

Artikolu 8

Ġestjoni ta’ kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti

1.  
Kull Stat Parteċipanti għandu jagħmel impenn indikattiv tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji nazzjonali tagħhom f’azzjonijiet indiretti lill-Impriża Konġunta. Tali impenn għandu jsir kull sena lill-Impriża Konġunta qabel l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma.

Flimkien mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2021/695, jew fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/694 u fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/1153, il-programm ta’ ħidma jista’ jinkludi, bħala anness, kriterji ta’ eliġibbiltà rigward il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet legali nazzjonali.

Kull Stat Parteċipanti għandu jafda lill-Impriża Konġunta bl-evalwazzjoni tal-proposti skont ir-regoli tal-Orizzont Ewropa.

L-għażla ta’ proposti għandha tkun ibbażata fuq il-lista ta’ klassifikazzjoni pprovduta mill-kumitat ta’ evalwazzjoni. Il-Bord tat-Tmexxija jista’ jiddevja minn dik il-lista f’każijiet debitament ġustifikati kif jinsab fil-programm ta’ ħidma biex jiżgura l-konsistenza ġenerali tal-approċċ ta’ portafoll.

Kull Stat Parteċipanti għandu dritt ta’ veto fuq il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw l-użu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji nazzjonali tiegħu stess lill-Impriża Konġunta għall-applikanti stabbiliti f’dawk l-Istati Parteċipanti, abbażi ta’ prijoritajiet strateġiċi nazzjonali.

2.  
Kull Stat Parteċipanti għandu jikkonkludi ftehim amministrattiv wieħed jew aktar mal-Impriża Konġunta li jistabbilixxi l-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni għall-pagament ta’ kontribuzzjonijiet, u r-rappurtar dwarhom, lill-applikanti stabbiliti f’dak l-Istat Parteċipanti. Tali ftehim għandu jinkludi l-iskeda, il-kondizzjonijiet ta’ pagament, ir-rekwiżiti ta’ rappurtar u ta’ awditjar.

Kull Stat Parteċipanti għandu jagħmel ħiltu biex jissinkronizza l-iskeda ta’ pagamenti, ir-rappurtar u l-awditi tiegħu ma’ dawk tal-Impriża Konġunta u jikkonvergi r-regoli dwar l-eliġibbiltà tal-kostijiet mar-regoli tal-Orizzont Ewropa.

3.  
Fil-ftehim imsemmi fil-paragrafu 2, kull Stat Parteċipanti jista’ jafda lill-Impriża Konġunta bil-pagament tal-kontribuzzjoni tagħha lill-benefiċjari tagħha. Wara l-għażla ta’ proposti. l-Istat Parteċipanti għandu jimpenja l-ammont neċessarju għall-pagamenti. L-awtoritajiet tal-awditjar tal-Istat Parteċipanti jistgħu jawditjaw il-kontribuzzjonijiet nazzjonali rispettivi tagħhom.

Artikolu 9

Entità tal-hosting

1.  
Is-supercomputers tal-EuroHPC għandhom ikunu jinsabu fi Stat Parteċipanti li jkun Stat Membru. F’każ li Stat Parteċipanti diġà jkun qed jospita supercomputer tal-EuroHPC li huwa supercomputer ta’ livell għoli jew medju, ma għandux ikun eliġibbli biex jipparteċipa f’sejħa għal espressjonijiet ta’ interess ġdida għall-ġenerazzjoni inkrimentali ta’ tali supercomputers qabel mill-inqas ħames snin mid-data ta’ għażla wara sejħa għal espressjonijiet ta’ interess preċedenti. F’każ tal-akkwist ta’ kompjuters kwantistiċi u simulaturi kwantistiċi, jew l-upgrade ta’ supercomputer tal-EuroHPC b’aċċelleraturi kwantistiċi, dak il-perijodu jitnaqqas għal sentejn.
2.  
Għas-supercomputers tal-EuroHPC imsemmija fl-Artikoli 11, 12 u 14, l-entità tal-hosting tista’ tirrappreżenta Stat Parteċipanti li jkun Stat Membru jew konsorzju tal-hosting. L-entità tal-hosting u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Parteċipanti jew tal-Istati Parteċipanti f’konsorzju tal-hosting għandhom jidħlu fi ftehim għal dak il-għan.
3.  
L-Impriża Konġunta għandha tafda lill-entità tal-hosting bl-operazzjoni ta’ kull supercomputer tal-EuroHPC individwali li jkun kompletament proprjetà tal-Impriża Konġunta, jew li jkun proprjetà konġunta f’konformità mal-Artikoli 11, 12 u 14.
4.  
L-entitajiet tal-hosting imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jintgħażlu f’konformità mal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu u r-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta msemmija fl-Artikolu 19.
5.  

Wara sejħa għal espressjoni ta’ interess, l-entità tal-hosting imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u l-Istat Parteċipanti korrispondenti fejn tkun stabbilita l-entità tal-hosting jew il-konsorzju tal-hosting korrispondenti għandhom jintgħażlu mill-Bord tat-Tmexxija bi proċess ġust u trasparenti bbażat, fost l-oħrajn, fuq il-kriterji li ġejjin:

(a) 

il-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tas-sistema ġenerali definiti fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess;

(b) 

il-kost totali tas-sjieda tas-supercomputer tal-EuroHPC, inkluż stima preċiża u metodu ta’ verifika tal-kostijiet operatorji ta’ dan is-supercomputer tul il-ħajja tiegħu;

(c) 

l-esperjenza tal-entità tal-hosting fl-installazzjoni u fl-operazzjoni ta’ sistemi simili;

(d) 

il-kwalità tal-infrastruttura fiżika u tal-IT tal-faċilità tal-hosting, is-sigurtà tagħha u l-konnettività tagħha mal-bqija tal-Unjoni;

(e) 

il-kwalità tas-servizz lill-utenti, jiġifieri l-kapaċità tal-konformità mal-ftehim dwar il-livell ta’ servizz mogħti fost id-dokumenti mehmuża mal-proċedura ta’ għażla;

(f) 

il-provvista ta’ dokument ta’ sostenn xieraq li jagħti prova tal-impenn tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-entità tal-hosting jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Parteċipanti tal-konsorzju tal-hosting biex ikopru s-sehem tal-kost totali tas-sjieda tas-supercomputer tal-EuroHPC li ma jkunx kopert mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 5 jew kwalunkwe kontribuzzjoni oħra tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 6, jew sakemm is-sjieda tiegħu tiġi trasferita mill-Impriża Konġunta lil dik l-entità tal-hosting inkella sakemm is-supercomputer jinbiegħ jew jiġi dekummissjonat f’każ li ma jsir l-ebda trasferiment tas-sjieda.

6.  

Għas-supercomputers tal-EuroHPC ta’ grad industrijali msemmija fl-Artikolu 1, l-entità tal-hosting għandha tidħol fi ftehim ma’ konsorzju ta’ sħab privati għat-tħejjija tal-akkwist u għall-operazzjoni ta’ tali supercomputers jew partizzjonijiet ta’ supercomputers tal-EuroHPC.

Il-hosting ta’ supercomputer tal-EuroHPC ta’ grad industrijali għandu jirrispetta l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-Impriża Konġunta għandha tinkariga lill-entità tal-hosting bl-operazzjoni ta’ kull supercomputer tal-EuroHPC ta’ grad industrijali individwali li jkun proprjetà tagħha b’mod konġunt f’konformità mal-Artikolu 13;

(b) 

l-entitajiet tal-hosting għandhom jintgħażlu f’konformità mal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu u mar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta msemmija fl-Artikolu 19;

(c) 

wara sejħa għal espressjoni ta’ interess, l-entità tal-hosting u l-konsorzju ta’ sħab privati assoċjat magħha għandhom jintgħażlu mill-Bord tat-Tmexxija bi proċess ġust u trasparenti bbażat, fost l-oħrajn, fuq il-bażi ta’ dawn li ġejjin:

(i) 

il-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 5(a) sa 5(e) ta’ dan l-Artikolu; u

(ii) 

il-provvista ta’ dokument ta’ sostenn adegwat li jagħti prova tal-impenn tal-konsorzju ta’ sħab privati biex ikopru s-sehem tal-kost totali tas-sjieda tas-supercomputer tal-EuroHPC li mhux kopert mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 5 jew minn kwalunkwe kontribuzzjoni oħra tal-Unjoni kif stabbilita fl-Artikolu 6.

7.  
L-entità tal-hosting magħżula tista’ tiddeċiedi li tistieden, soġġett għall-ftehim minn qabel tal-Kummissjoni, Stati Parteċipanti addizzjonali, jew konsorzju ta’ sħab privati, biex jingħaqdu mal-konsorzju tal-hosting. Il-kontribuzzjoni finanzjarja jew in natura, jew kwalunkwe impenn ieħor tal-Istati Parteċipanti jew tal-Membri Privati li jingħaqdu, ma għandhomx jaffettwaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni u d-drittijiet ta’ sjieda korrispondenti u l-perċentwal tal-ħin ta’ aċċess allokat lill-Unjoni fir-rigward ta’ dak is-supercomputer tal-EuroHPC kif definit fl-Artikoli 11, 12, 13, u 14.

Artikolu 10

Ftehim ta’ hosting

1.  
L-Impriża Konġunta għandha tikkonkludi ftehim ta’ hosting ma’ kull entità tal-hosting magħżula qabel it-tnedija tal-proċedura għall-akkwist ta’ supercomputer tal-EuroHPC.
2.  

Il-ftehim ta’ hosting għandu jindirizza b’mod partikolari l-elementi li ġejjin rigward is-supercomputers tal-EuroHPC:

(a) 

id-drittijiet u l-obbligi tul il-proċedura għall-akkwist tas-supercomputer, inkluż it-testijiet ta’ aċċettazzjoni tas-supercomputer;

(b) 

il-kondizzjonijiet tar-responsabbiltà għall-operazzjoni tas-supercomputer;

(c) 

il-kwalità tas-servizz offrut lill-utenti meta joperaw is-supercomputer, kif stabbilit fil-ftehim dwar il-livell ta’ servizz;

(d) 

il-pjanijiet rigward l-effiċjenza enerġetika u s-sostenibbiltà ambjentali tas-supercomputer;

(e) 

il-kondizzjonijiet tal-aċċess tas-sehem tal-Unjoni tal-ħin ta’ aċċess għas-supercomputer, kif deċiż mill-Bord tat-Tmexxija f’konformità mal-Artikolu 17;

(f) 

il-modalitajiet ta’ kontabbiltà tal-ħinijiet ta’ aċċess;

(g) 

is-sehem mill-kost totali tas-sjieda li l-entità tal-hosting għandha tagħmel arranġamenti biex jiġu koperti mill-Istat Parteċipanti fejn tkun stabbilita l-entità tal-hosting jew mill-Istati Parteċipanti fil-konsorzju tal-hosting;

(h) 

il-kondizzjonijiet għat-trasferiment tas-sjieda msemmija fl-Artikoli 11(5), 12(7), 13(6) u 14(6), inkluż, f’każ ta’ supercomputers tal-EuroHPC, id-dispożizzjonijiet għall-kalkolu tal-valur residwu tagħhom u għad-dekommissjonar tagħhom;

(i) 

l-obbligu tal-entità tal-hosting li tipprovdi aċċess għas-supercomputers tal-EuroHPC, filwaqt li tiżgura s-sigurtà tas-supercomputers, il-protezzjoni tad-data personali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, il-protezzjoni tal-privatezza tal-komunikazzjonijiet elettroniċi f’konformità mad-Direttiva 2002/58/KE, il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/943 u l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ data oħra koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali;

(j) 

l-obbligu tal-entità tal-hosting li tistabbilixxi proċedura tal-awditu ċertifikat li tkopri l-kostijiet tal-operazzjoni tas-supercomputer tal-EuroHPC u l-ħinijiet ta’ aċċess tal-utenti;

(k) 

l-obbligu tal-entità tal-hosting biex sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena tippreżenta lill-Bord tat-Tmexxija rapport tal-awditjar u data dwar l-użu tal-ħin ta’ aċċess fis-sena finanzjarja preċedenti;

(l) 

il-kondizzjonijiet speċifiċi applikabbli meta l-entità tal-hosting topera supercomputer tal-EuroHPC għal użu industrijali.

3.  
Il-ftehim ta’ hosting għandu jkun irregolat bid-dritt tal-Unjoni, issupplimentat għal kwalunkwe kwistjoni mhux koperta minn dan ir-Regolament jew minn atti legali oħra tal-Unjoni, bil-liġi tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-entità tal-hosting.
4.  
Il-ftehim ta’ hosting għandu jkun fih klawżola ta’ arbitraġġ, skont it-tifsira tal-Artikolu 272 TFUE, li tagħti ġuriżdizzjoni fuq il-materji kollha koperti mill-ftehim ta’ hosting lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
5.  
Wara li jiġi konkluż il-ftehim ta’ hosting, u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Impriża Konġunta, bl-appoġġ tal-entità tal-hosting magħżula, għandha tniedi l-proċeduri għall-akkwist tas-supercomputer tal-EuroHPC f’konformità mar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta msemmija fl-Artikolu 19.
6.  
Għal supercomputers ta’ livell medju, wara li jiġi konkluż il-ftehim ta’ hosting, l-Impriża Konġunta, jew l-entità tal-hosting, għandha tniedi f’isem iż-żewġ partijiet kontraenti l-proċeduri għall-akkwist tas-supercomputer tal-EuroHPC f’konformità mar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta msemmija fl-Artikolu 19.

Artikolu 11

Akkwist u sjieda ta’ supercomputers ta’ livell għoli

1.  
L-Impriża Konġunta għandha takkwista s-supercomputers ta’ livell għoli u għandu jkollha s-sjieda tagħhom.
2.  
Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) għandha tkopri sa 50 % tal-kostijiet tal-akkwist b’żieda sa 50 % tal-kostijiet operatorji tas-supercomputers ta’ livell għoli.

Il-bqija tal-kost totali tas-sjieda tas-supercomputers ta’ livell għoli għandha tiġi koperta mill-Istat Parteċipanti fejn tkun stabbilita l-entità tal-hosting jew mill-Istati Parteċipanti fil-konsorzju tal-hosting, possibbilment issupplimentat mill-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6.

3.  
L-għażla tal-fornitur tas-supercomputer ta’ livell għoli għandha tkun ibbażata fuq speċifikazzjonijiet ta’ offerta li għandhom jieħdu kont tar-rekwiżiti tal-utenti u tal-ispeċifikazzjonijiet tas-sistema ġenerali pprovduti mill-entità tal-hosting magħżula fl-applikazzjonijiet tagħha għas-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess. L-għażla għandha tindirizza wkoll is-sigurtà tal-katina tal-provvista.
4.  
L-Impriża Konġunta tista’ taġixxi bħala l-ewwel utent u takkwista supercomputers ta’ livell għoli li jintegraw teknoloġiji primarjament żviluppati fl-Unjoni li jkunu orjentati lejn id-domanda, immexxija mill-utenti u kompetittivi.
5.  
Il-Bord tat-Tmexxija jista’ jiddeċiedi fil-programm ta’ ħidma, jekk debitament ġustifikat għal raġunijiet ta’ sigurtà, dwar kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni ta’ fornituri fl-akkwist tas-supercomputers ta’ livell għoli f’konformità mal-Artikolu 12(6) tar-Regolament (UE) 2021/694 jew dwar limitu tal-parteċipazzjoni ta’ fornituri għal raġunijiet ta’ sigurtà jew azzjonijiet direttament relatati mal-awtonomija strateġika tal-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(4) ta’ dak ir-Regolament.
6.  
Mingħajr preġudizzju għall-istralċ tal-Impriża Konġunta, kif imsemmi fl-Artikolu 23(4) tal-Istatuti, mhux qabel ħames snin wara li s-supercomputers ta’ livell għoli installati f’entità tal-hosting jgħaddu b’suċċess it-test ta’ aċċettazzjoni mill-Impriża Konġunta, is-sjieda tas-supercomputer ta’ livell għoli tista’ tiġi trasferita lill-entità tal-hosting rispettiva, is-supercomputer jista’ jinbiegħ lil entità oħra jew jiġi ddekummissjonat b’deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija u f’konformità mal-ftehim ta’ hosting. F’każ ta’ trasferiment tas-sjieda ta’ supercomputer ta’ livell għoli, l-entità tal-hosting għandha tirrimborża lill-Impriża Konġunta l-valur residwu tas-supercomputer li jiġi trasferit. Jekk ma jkun hemm l-ebda trasferiment ta’ sjieda lill-entità tal-hosting iżda deċiżjoni għad-dekummissjonar, il-kostijiet rilevanti għandhom jiġu kondiviżi b’mod ugwali bejn l-Impriża Konġunta u l-entità tal-hosting. L-Impriża Konġunta ma għandhiex tkun responsabbli għal xi kost imġarrab wara t-trasferiment tas-sjieda tas-supercomputer ta’ livell għoli jew wara l-bejgħ jew id-dekummissjonar tiegħu.

Artikolu 12

Akkwist u sjieda ta’ kompjuters kwantistiċi u ta’ simulaturi kwantistiċi

1.  
L-Impriża Konġunta għandha takkwista kompjuters kwantistiċi u simulaturi kwantistiċi, li jistgħu jvarjaw minn piloti u sistemi sperimentali sa prototipi u sistemi operazzjonali bħala magni awtonomi jew ibridizzati b’magni ta’ livell għoli jew medju tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u aċċessibbli permezz tal-cloud, u għandha tkun sidthom.
2.  
Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) għandha tkopri sa 50 % tal-kostijiet tal-akkwist b’żieda sa 50 % tal-kostijiet operatorji tal-kompjuters kwantistiċi u tas-simulaturi kwantistiċi.

Il-bqija tal-kost totali tas-sjieda tal-kompjuters kwantistiċi u tas-simulaturi kwantistiċi għandha tiġi koperta mill-Istat Parteċipanti fejn tkun stabbilita l-entità tal-hosting jew mill-Istati Parteċipanti fil-konsorzju tal-hosting, possibbilment issupplimentati mill-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6.

3.  
L-għażla tal-fornitur tas-supercomputers kwantistiċi u tas-simulaturi kwantistiċi għandha tkun ibbażata fuq speċifikazzjonijiet ta’ offerta li għandhom jieħdu kont ta’ rekwiżiti tal-utenti u ta’ speċifikazzjonijiet tas-sistema ġenerali pprovduti mill-entità tal-hosting magħżula fl-applikazzjonijiet tagħha għas-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess. L-għażla għandha tindirizza wkoll is-sigurtà tal-katina tal-provvista.
4.  
L-Impriża Konġunta tista’ taġixxi bħala l-ewwel utent u takkwista kompjuters kwantistiċi u simulaturi kwantistiċi li jintegraw teknoloġiji primarjament żviluppati fl-Unjoni.
5.  
Il-Bord tat-Tmexxija jista’ jiddeċiedi fil-programm ta’ ħidma, jekk debitament ġustifikat għal raġunijiet ta’ sigurtà, dwar kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni ta’ fornituri fl-akkwist tal-kompjuters kwantistiċi u tas-simulaturi kwantistiċi f’konformità mal-Artikolu 12(6) tar-Regolament (UE) 2021/694 jew dwar limitu tal-parteċipazzjoni ta’ fornituri għal raġunijiet ta’ sigurtà jew azzjonijiet direttament relatati mal-awtonomija strateġika tal-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(4) ta’ dak ir-Regolament.
6.  
Il-kompjuters kwantistiċi u s-simulaturi kwantistiċi għandhom ikunu jinsabu f’entità tal-hosting ta’ supercomputer tal-EuroHPC jew f’ċentru tas-supercomputing li jinsab fl-Unjoni.
7.  
Mingħajr preġudizzju għall-istralċ tal-Impriża Konġunta, kif imsemmi fl-Artikolu 23(4) tal-Istatuti, mhux qabel erba’ snin wara li l-kompjuters kwantistiċi jew is-simulaturi kwantistiċi installati f’entità tal-hosting jgħaddu b’suċċess it-test ta’ aċċettazzjoni mill-Impriża Konġunta, is-sjieda tal-kompjuter kwantistiku jew tas-simulatur kwantistiku tista’ tiġi trasferita lil dik l-entità tal-hosting, il-kompjuter kwantistiku jew is-simulatur kwantistiku jista’ jinbiegħ lil entità oħra jew jiġi ddekummissjonat b’deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija u f’konformità mal-ftehim ta’ hosting. F’każ ta’ trasferiment tas-sjieda ta’ kompjuter kwantistiku jew ta’ simulatur kwantistiku, l-entità tal-hosting għandha tirrimborża lill-Impriża Konġunta l-valur residwu tas-supercomputer li jiġi trasferit. Jekk ma jkun hemm l-ebda trasferiment tas-sjieda lill-entità tal-hosting iżda deċiżjoni għad-dekummissjonar, il-kostijiet rilevanti għandhom jiġu kondiviżi b’mod ugwali bejn l-Impriża Konġunta u l-entità tal-hosting. L-Impriża Konġunta ma għandhiex tkun responsabbli għal xi kost imġarrab wara t-trasferiment tas-sjieda tal-kompjuter kwantistiku jew tas-simulatur kwantistiku jew wara l-bejgħ jew id-dekummissjonar tiegħu.

Artikolu 13

Akkwist u sjieda tas-supercomputers tal-EuroHPC ta’ grad industrijali

1.  
L-Impriża Konġunta għandha takkwista flimkien ma’ konsorzju ta’ sħab privati, mill-inqas supercomputers ta’ livell medju, jew partizzjonijiet ta’ supercomputer tal-EuroHPC, primarjament destinati għall-użu mill-industrija, u għandha tkun proprjetarju jew koproprjetarju tagħhom ma’ konsorzju ta’ sħab privati.
2.  
Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) għandha tkopri sa 35 % tal-kostijiet tal-akkwist tas-supercomputers tal-EuroHPC, jew tal-partizzjonijiet tas-supercomputers tal-EuroHPC. Il-kost totali li jifdal tas-sjieda tas-supercomputers tal-EuroHPC, jew tal-partizzjonijiet tas-supercomputers tal-EuroHPC, għandu jkun kopert mill-konsorzju ta’ sħab privati.
3.  
L-għażla tal-fornitur ta’ supercomputer tal-EuroHPC ta’ livell industrijali għandha tkun ibbażata fuq speċifikazzjonijiet ta’ offerta li għandhom jieħdu kont ta’ rekwiżiti tal-utenti u ta’ speċifikazzjonijiet tas-sistema ġenerali pprovduti mill-entità tal-hosting magħżula fl-applikazzjonijiet tagħha għas-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess. L-għażla għandha tindirizza wkoll is-sigurtà tal-katina tal-provvista.
4.  
Il-Bord tat-Tmexxija jista’ jiddeċiedi fil-programm ta’ ħidma, jekk debitament ġustifikat għal raġunijiet ta’ sigurtà, dwar kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni ta’ fornituri fl-akkwist tas-supercomputers tal-EuroHPC ta’ livell industrijali f’konformità mal-Artikolu 12(6) tar-Regolament (UE) 2021/694 jew dwar limitu tal-parteċipazzjoni ta’ fornituri għal raġunijiet ta’ sigurtà jew azzjonijiet direttament relatati mal-awtonomija strateġika tal-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(4) ta’ dak ir-Regolament.
5.  
Is-supercomputers tal-EuroHPC jew il-partizzjonijiet tas-supercomputers tal-EuroHPC għall-użu industrijali għandhom ikunu ospitati f’entità tal-hosting ta’ supercomputers tal-EuroHPC.
6.  
Mingħajr preġudizzju għall-istralċ tal-Impriża Konġunta, kif imsemmi fl-Artikolu 23(4) tal-Istatuti, mhux qabel erba’ snin wara li s-supercomputers tal-EuroHPC installati f’entità tal-hosting jgħaddu b’suċċess it-test ta’ aċċettazzjoni mill-Impriża Konġunta, is-sjieda tas-supercomputer tal-EuroHPC tista’ tiġi trasferita lill-konsorzju ta’ sħab privati, is-supercomputer tal-EuroHPC jista’ jinbiegħ lil entità oħra jew jiġi dekummissjonat b’deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija u f’konformità mal-konsorzju ta’ sħab privati. F’każ ta’ trasferiment tas-sjieda ta’ supercomputer tal-EuroHPC, il-konsorzju ta’ sħab privati għandu jirrimborża lill-Impriża Konġunta l-valur residwu tas-supercomputer tal-EuroHPC trasferit. Jekk ma jkun hemm l-ebda trasferiment tas-sjieda lill-konsorzju ta’ sħab privati iżda deċiżjoni għad-dekummissjonar, il-kostijiet rilevanti għandhom ikunu koperti mill-konsorzju ta’ sħab privati. L-Impriża Konġunta ma għandhiex tkun responsabbli għal xi kost imġarrab wara t-trasferiment tas-sjieda tas-supercomputer tal-EuroHPC jew wara l-bejgħ jew id-dekummissjonar tiegħu.

Artikolu 14

Akkwist u sjieda tas-supercomputers ta’ livell medju

1.  
L-Impriża Konġunta għandha takkwista, b’mod konġunt mal-awtoritajiet kontraenti tal-Istat Parteċipanti fejn tinsab l-entità tal-hosting jew mal-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Parteċipanti fil-konsorzju tal-hosting, is-supercomputers ta’ livell medju u għandha tkun koproprjetarju tagħhom.
2.  
Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) għandha tkopri sa 35 % tal-kostijiet tal-akkwist u sa 35 % tal-kostijiet operatorji tas-supercomputers ta’ livell medju. Il-bqija tal-kost totali tas-sjieda tas-supercomputers ta’ livell medju għandha tiġi koperta mill-Istat Parteċipanti fejn tkun stabbilita l-entità tal-hosting jew mill-Istati Parteċipanti fil-konsorzju tal-hosting, possibbilment issupplimentat mill-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6.
3.  
L-għażla tal-fornitur tas-supercomputer ta’ livell medju għandha tkun ibbażata fuq speċifikazzjonijiet ta’ offerta li għandhom jieħdu kont ta’ rekwiżiti tal-utenti u ta’ speċifikazzjonijiet tas-sistema ġenerali pprovduti mill-entità tal-hosting magħżula fl-applikazzjonijiet tagħha għas-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess. L-għażla għandha tindirizza wkoll is-sigurtà tal-katina tal-provvista.
4.  
L-Impriża Konġunta tista’ taġixxi bħala l-ewwel utent u takkwista supercomputers ta’ livell medju li jintegraw teknoloġiji orjentati lejn id-domanda, mmexxija mill-utenti u kompetittivi primarjament żviluppati fl-Unjoni.
5.  
Il-Bord tat-Tmexxija jista’ jiddeċiedi fil-programm ta’ ħidma, jekk debitament ġustifikat għal raġunijiet ta’ sigurtà, li jimponi kondizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni ta’ fornituri fl-akkwist tal-kompjuters ta’ livell medju f’konformità mal-Artikolu 12(6) tar-Regolament (UE) 2021/694 jew li jillimita l-parteċipazzjoni ta’ fornituri għal raġunijiet ta’ sigurtà jew azzjonijiet direttament relatati mal-awtonomija strateġika tal-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(4) ta’ dak ir-Regolament.
6.  
Mingħajr preġudizzju għall-istralċ tal-Impriża Konġunta, kif imsemmi fl-Artikolu 23(4) tal-Istatuti, il-parti tas-sjieda tas-supercomputer proprjetà tal-Impriża Konġunta għandha tiġi trasferita lill-entità tal-hosting wara d-deprezzament sħiħ tas-supercomputer. L-entità tal-hosting għandha tirrimborża lill-Impriża Konġunta l-valur residwu tas-supercomputer trasferit. L-Impriża Konġunta ma għandhiex tkun responsabbli għal xi kost imġarrab wara t-trasferiment tas-sjieda tas-supercomputer ta’ livell medju.

Artikolu 15

Upgrading fil-kwalità tas-supercomputers

1.  
L-Impriża Konġunta tista’ tniedi sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għall-upgrade tas-supercomputers tal-EuroHPC li tkun proprjetarju jew koproprjetarju tagħhom. Il-kontribuzzjoni massima tal-UE għal tali upgrades ma tistax taqbeż EUR 150 miljun għall-perijodu 2021-2027.
2.  
Entità tal-hosting għandha tkun eliġibbli li tirrispondi għal din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess sa mhux qabel sena wara d-data ta’ għażla tal-entità tal-hosting tas-supercomputer tal-EuroHPC, u mhux aktar tard minn tliet snin wara din id-data. Supercomputer tal-EuroHPC jista’ jkollu upgrade darba biss.
3.  

L-entità tal-hosting għandha tintgħażel mill-Bord tat-Tmexxija permezz ta’ proċess ġust u trasparenti bbażat fuq, fost l-oħrajn, il-kriterji li ġejjin:

(a) 

ġustifikazzjoni tal-upgrade;

(b) 

kompatibbiltà mas-supercomputer tal-EuroHPC oriġinali;

(c) 

żieda fil-prestazzjoni tal-kapaċità operazzjonali tas-supercomputer tal-EuroHPC;

(d) 

il-provvista ta’ dokument ta’ sostenn xieraq li jagħti prova tal-impenn tal-Istat Membru fejn tinsab l-entità tal-hosting jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Parteċipanti tal-konsorzju tal-hosting biex ikopru s-sehem tal-kost tal-upgrading fil-kwalità tas-supercomputer tal-EuroHPC li ma jkunx kopert mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 5 jew kwalunkwe kontribuzzjoni oħra tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 6, sakemm is-sjieda tiegħu tiġi trasferita mill-Impriża Konġunta lil dik l-entità tal-hosting jew sakemm is-supercomputer jinbiegħ jew jiġi dekummissjonat jekk ma jkun hemm l-ebda trasferiment tas-sjieda.

4.  
L-Impriża Konġunta għandha takkwista, b’mod konġunt mal-awtoritajiet kontraenti tal-Istat Parteċipanti fejn tkun stabbilita l-entità tal-hosting jew mal-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Parteċipanti fil-konsorzju tal-hosting magħżul, l-upgrade tas-supercomputer u għandu jkollha s-sjieda tiegħu taħt l-istess kondizzjonijiet ta’ sjieda tas-supercomputer tal-EuroHPC oriġinali.
5.  
Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-upgrade għandha tkopri sa 35 % tal-kostijiet ta’ akkwist tal-upgrade, iddeprezzati tul il-ħajja li s-supercomputer oriġinali jkun mistenni li jifdallu u sa 35 % tal-kostijiet operatorji addizzjonali. Il-kost totali tal-upgrade ma għandux jaqbeż 30 % tal-kost totali ta’ akkwist tas-supercomputer tal-EuroHPC oriġinali.
6.  
Is-sehem tal-ħin tal-aċċess tal-Unjoni għall-upgrade tas-supercomputer tal-EuroHPC għandu jibqa’ l-istess tul il-ħajja tal-magna. Jekk l-upgrade jinvolvi żieda fil-kapaċità, il-ħin tal-aċċess addizzjonali għandu jkun direttament proporzjonali għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni.

Artikolu 16

Użu tas-supercomputers tal-EuroHPC

1.  
Mingħajr preġudizzju tal-Artikolu 17(9), l-użu tas-supercomputers tal-EuroHPC għandu jkun miftuħ għall-utenti mis-setturi pubbliċi u privati u għandu jiffoka fuq applikazzjonijiet ċivili. Bl-eċċezzjoni tas-supercomputers tal-EuroHPC ta’ grad industrijali, l-użu tagħhom għandu jkun primarjament għal finijiet ta’ riċerka u innovazzjoni skont il-programmi ta’ finanzjament pubbliku, għal applikazzjonijiet tas-settur pubbliku u għal attivitajiet privati ta’ innovazzjoni tal-SMEs, fejn xieraq.
2.  
Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddefinixxi l-kondizzjonijiet ġenerali ta’ aċċess għall-użu tas-supercomputers tal-EuroHPC f’konformità mal-Artikolu 17 u jista’ jiddefinixxi kondizzjonijiet speċifiċi ta’ aċċess għal tipi differenti ta’ utenti jew ta’ applikazzjonijiet. Is-sigurtà u l-kwalità tas-servizz għandhom ikunu l-istess għall-utenti kollha f’kull kategorija ta’ utenti, ħlief għas-supercomputers tal-EuroHPC ta’ grad industrijali, li s-sigurtà u l-kwalità tas-servizz tagħhom għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti industrijali, f’konformità mal-Artikolu 13(1).
3.  
L-utenti li jkunu residenti, stabbiliti jew li jinsabu fi Stat Membru jew f’pajjiż terz assoċjat ma’ Orizzont 2020 għandhom jingħataw aċċess għas-sehem tal-ħin ta’ aċċess tal-Unjoni tas-supercomputers akkwistati mill-Impriża Konġunta EuroHPC stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1488.
4.  
L-utenti li jkunu residenti, stabbiliti jew li jinsabu fi Stat Membru jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm Ewropa Diġitali jew mal-Orizzont Ewropa għandhom jingħataw is-sehem tal-Unjoni tal-ħin ta’ aċċess għas-supercomputers tal-EuroHPC akkwistati wara l-2020.
5.  
F’każijiet debitament ġustifikati, filwaqt li jittieħed kont tal-interessi tal-Unjoni, il-Bord tat-Tmexxija jista’ jiddeċiedi li jagħti l-ħin ta’ aċċess għas-supercomputers tal-EuroHPC lil entitajiet li jkunu residenti, stabbiliti jew li jinsabu f’xi pajjiż terz u lil organizzazzjonijiet internazzjonali.

Artikolu 17

Allokazzjoni tal-ħin ta’ aċċess tal-Unjoni għas-supercomputers tal-EuroHPC

1.  
Is-sehem tal-ħin ta’ aċċess tal-Unjoni għal kull supercomputer tal-EuroHPC ta’ livell għoli u kwantistiku għandu jkun direttament proporzjonali għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) għall-kost totali tas-sjieda tas-supercomputer tal-EuroHPC u b’hekk ma għandux jaqbeż 50 % tal-ħin ta’ aċċess totali tas-supercomputer tal-EuroHPC.
2.  
Is-sehem tal-ħin ta’ aċċess tal-Unjoni għal kull supercomputer tal-EuroHPC ta’ livell medju għandu jkun direttament proporzjonali għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni, imsemmija fl-Artikolu 5(1), għall-kost tal-akkwist u dak operatorju tas-supercomputer u ma għandux jaqbeż 35 % tal-ħin ta’ aċċess totali tas-supercomputer.
3.  
Is-sehem tal-ħin ta’ aċċess tal-Unjoni għal kull supercomputer tal-EuroHPC ta’ grad industrijali għandu jkun direttament proporzjonali għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni, imsemmija fl-Artikolu 5(1), għall-kost ta’ akkwist tas-supercomputer u ma għandux jaqbeż 35 % tal-ħin ta’ aċċess totali tas-supercomputer.
4.  
Kull Stat Parteċipanti fejn tinsab entità tal-hosting jew kull Stat Parteċipanti f’konsorzju tal-hosting għandu jiġi allokat il-ħin ta’ aċċess li jifdal għal kull supercomputer tal-EuroHPC. F’każ ta’ konsorzju tal-hosting, l-Istati Parteċipanti għandhom jaqblu bejniethom dwar it-tqassim tal-ħin ta’ aċċess għas-supercomputer.
5.  
Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddefinixxi d-drittijiet ta’ aċċess għas-sehem tal-ħin ta’ aċċess tal-Unjoni għas-supercomputers tal-EuroHPC.
6.  
L-użu tas-sehem tal-ħin ta’ aċċess tal-Unjoni għas-supercomputers tal-EuroHPC għandu jkun mingħajr ħlas għall-utenti mis-settur pubbliku msemmija fl-Artikolu 16(4). Dan għandu wkoll ikun mingħajr ħlas għal utenti industrijali għall-applikazzjonijiet relatati mal-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni ffinanzjati mill-Orizzont Ewropa kif ukoll dawk mogħtija Siġill ta’ Eċċellenza taħt l-Orizzont Ewropa jew il-Programm Ewropa Diġitali u għall-attivitajiet ta’ innovazzjoni privati tal-SMEs, fejn xieraq. Bħala prinċipju ta’ gwida, l-allokazzjoni tal-ħin tal-aċċess għal tali attivitajiet għandha tkun ibbażata fuq proċess ta’ rieżami bejn il-pari li jkun ġust u trasparenti ddefinit mill-Bord tat-Tmexxija wara sejħiet għal espressjonijiet ta’ interess kontinwament miftuħa mnedija mill-Impriża Konġunta.
7.  
Bl-eċċezzjoni ta’ utenti tal-SMEs li jwettqu attivitajiet privati tal-innovazzjoni, utenti oħra għandhom jadottaw approċċ tax-xjenza miftuħa għat-tixrid tal-għarfien miksub permezz tal-aċċess għas-supercomputers tal-Impriża Konġunta, f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2021/695. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddefinixxi aktar ir-regoli applikabbli dwar ix-xjenza miftuħa.
8.  
Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddefinixxi regoli speċifiċi għall-kondizzjonijiet ta’ aċċess li jitbiegħdu mill-prinċipji ta’ gwida msemmija fil-paragrafu 6. Dawn jikkonċernaw l-allokazzjoni tal-ħin ta’ aċċess għal proġetti u attivitajiet meqjusa bħala strateġiċi għall-Unjoni.
9.  
Fuq talba tal-Unjoni, id-Direttur Eżekuttiv għandu jagħti aċċess dirett għas-supercomputers tal-EuroHPC għal inizjattivi li l-Unjoni tqis essenzjali għall-provvista ta’ servizzi relatati mas-saħħa jew mal-klima jew ma’ servizzi kruċjali oħra ta’ appoġġ f’emerġenzi għall-ġid tal-pubbliku, għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u ġestjoni tal-kriżijiet jew għal każijiet li l-Unjoni tqis essenzjali għas-sigurtà u d-difiża tagħha. Il-modalitajiet u l-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ tali aċċess għandhom jiġu ddefiniti fil-kondizzjonijiet ta’ aċċess adottati mill-Bord tat-Tmexxija.
10.  
Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddefinixxi l-kondizzjonijiet li japplikaw għall-użu industrijali biex jingħata aċċess għas-sehem mill-ħin tal-aċċess tal-Unjoni għal riżorsi siguri tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u tad-data għal applikazzjonijiet għajr dawk speċifikati fil-paragrafu 6.
11.  

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jissorvelja b’mod regolari s-sehem mill-ħin tal-aċċess tal-Unjoni mogħti għal kull Stat Parteċipanti u għal kull kategorija ta’ utent, inkluż għal finijiet kummerċjali. Huwa jista’ jiddeċiedi fost l-oħrajn li:

(a) 

jadatta mill-ġdid il-ħinijiet tal-aċċess għal kull kategorija ta’ attività jew ta’ utent, bil-għan li jiġi ottimizzat l-użu tal-kapaċitajiet tas-supercomputers tal-EuroHPC;

(b) 

jipproponi miżuri addizzjonali ta’ appoġġ biex jingħataw opportunitajiet xierqa ta’ aċċess lil utenti li jkollhom l-għan li jgħollu l-livell ta’ ħiliet u ta’ għarfien espert tagħhom f’sistemi tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja.

Artikolu 18

Ħin tal-aċċess tal-Unjoni għal supercomputers tal-EuroHPC għal finijiet kummerċjali

1.  
Kondizzjonijiet speċifiċi għandhom japplikaw għall-utenti tal-industrija kollha għal finijiet kummerċjali fuq is-sehem tal-Unjoni tal-ħin tal-aċċess. Dan is-servizz għal użu kummerċjali għandu jkun servizz bi ħlas skont l-użu, ibbażat fuq il-prezzijiet tas-suq. Il-livell tat-tariffa għandu jiġi stabbilit mill-Bord tat-Tmexxija.
2.  
It-tariffi ġġenerati mill-użu kummerċjali tas-sehem tal-Unjoni tal-ħin ta’ aċċess għandhom jikkostitwixxu dħul għall-baġit tal-Impriża Konġunta u għandhom jintużaw biex ikopru l-kostijiet operatorji tal-Impriża Konġunta.
3.  
Il-ħin ta’ aċċess totali allokat għas-servizzi kummerċjali ma għandux jaqbeż 20 % tal-ħin ta’ aċċess totali tal-Unjoni ta’ kull supercomputer tal-EuroHPC. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni tal-ħin ta’ aċċess tal-Unjoni għall-utenti ta’ servizzi kummerċjali, filwaqt li jittieħed kont tal-eżitu tal-monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 17(11).
4.  
Il-kwalità tas-servizzi kummerċjali għandha tkun l-istess għall-utenti kollha.

Artikolu 19

Regoli finanzjarji

1.  
L-Impriża Konġunta għandha tadotta r-regoli finanzjarji speċifiċi tagħha f’konformità mal-Artikolu 71 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
2.  
Ir-regoli finanzjarji għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Impriża Konġunta.

Artikolu 20

Persunal

1.  
Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (“Regolamenti tal-Persunal”) u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (“Kondizzjonijiet tal-Impjieg”) stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 ( 2 ), u r-regoli adottati b’mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-fini tal-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għall-persunal tal-Impriża Konġunta.
2.  
Fir-rigward tal-persunal tal-Impriża Konġunta, il-Bord tat-Tmexxija għandu jeżerċita s-setgħat mogħtija bir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra u bil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg lill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti (“is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra”).
3.  
F’konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq l-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg li tiddelega s-setgħat rilevanti tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u li tiddefinixxi l-kondizzjonijiet li fihom tista’ tiġi sospiża dik id-delega. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun awtorizzat jissottodelega dawk is-setgħat.
4.  
Fejn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali jirrikjedu dan, il-Bord tat-Tmexxija jista’ jiddeċiedi li jissospendi b’mod temporanju d-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u kwalunkwe sottodelega sussegwenti ta’ dawk is-setgħat minn dan tal-aħħar. F’tali każijiet, il-Bord tat-Tmexxija għandu jeżerċita s-setgħat tal-awtorità tal-ħatra huwa stess jew għandu jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil membru tal-persunal tal-Impriża Konġunta għajr id-Direttur Eżekuttiv.
5.  
Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta regoli ta’ implimentazzjoni xierqa li jagħtu effett lir-Regolamenti tal-Persunal u lill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, f’konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.
6.  
Ir-riżorsi tal-persunal għandhom jiġu stabbiliti fil-pjan ta’ stabbiliment tal-persunal tal-Impriża Konġunta, filwaqt li jiġi indikat in-numru ta’ pożizzjonijiet temporanji skont il-grupp ta’ funzjoni u skont il-grad, kif ukoll skont in-numru ta’ persunal bil-kuntratt espress f’ekwivalenti għal fulltime, f’konformità mal-baġit annwali tagħha.
7.  
Il-persunal tal-Impriża Konġunta għandu jikkonsisti minn persunal temporanju u persunal bil-kuntratt.
8.  
Il-kostijiet kollha relatati mal-persunal għandhom jiġġarbu mill-Impriża Konġunta.

Artikolu 21

Esperti nazzjonali sekondati u trainees

1.  
L-Impriża Konġunta tista’ tagħmel użu minn esperti nazzjonali sekondati u trainees li ma jkunux impjegati mill-Impriża Konġunta. L-għadd ta’ esperti nazzjonali sekondati espress f’ekwivalenti għal fulltime għandu jiżdied mal-informazzjoni dwar ir-riżorsi tal-persunal kif imsemmi fl-Artikolu 20(6) f’konformità mal-baġit annwali.
2.  
Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta deċiżjoni li tistipula r-regoli dwar is-sekondar ta’ esperti nazzjonali lill-Impriża Konġunta u dwar l-użu ta’ trainees.

Artikolu 22

Privileġġi u Immunitajiet

Il-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE, għandu japplika għall-Impriża Konġunta u l-persunal tagħha.

Artikolu 23

Responsabbiltà tal-Impriża Konġunta

1.  
Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Impriża Konġunta għandha tiġi rregolata mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali rilevanti u mil-liġi applikabbli għall-ftehim, id-deċiżjoni jew il-kuntratt inkwistjoni.
2.  
F’każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Impriża Konġunta għandha, f’konformità mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kwalunkwe ħsara kkawżata mill-persunal tagħha fil-qadi ta’ dmirijietu.
3.  
Kwalunkwe pagament mill-Impriża Konġunta fir-rigward tar-responsabbiltà msemmija fil-paragrafi 1 u 2, u l-kostijiet u n-nefqiet imġarrba f’dak ir-rigward, għandhom jitqiesu bħala nefqa tal-Impriża Konġunta u għandhom jiġu koperti mir-riżorsi tagħha.
4.  
L-Impriża Konġunta għandha tkun unikament responsabbli biex tissoddisfa l-obbligi tagħha.
5.  
L-Impriża Konġunta ma għandha tkun responsabbli għal ebda dannu li jirriżulta mill-azzjonijiet tal-entità tal-hosting rigward l-operazzjoni mill-entità tal-hosting tas-supercomputers li jkunu proprjetà tal-Impriża Konġunta EuroHPC.

Artikolu 24

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.  
L-attivitajiet tal-Impriża Konġunta għandhom ikunu soġġetti għal monitoraġġ kontinwu u rieżamijiet perjodiċi f’konformità mar-regoli finanzjarji tagħha, biex jiġu żgurati l-akbar impatt u eċċellenza, kif ukoll l-aktar użu effettiv u effiċjenti tar-riżorsi. L-eżiti tar-rieżamijiet perjodiċi u ta’ monitoraġġ għandhom jikkontribwixxu għall-monitoraġġ tas-Sħubiji Ewropej u l-evalwazzjonijiet tal-Impriża Konġunta bħala parti mill-evalwazzjonijiet tal-Orizzont Ewropa msemmijin fl-Artikoli 50 u 52 tar-Regolament (UE) 2021/695.
2.  
L-Impriża Konġunta għandha torganizza l-monitoraġġ kontinwu tal-attivitajiet ta’ ġestjoni u ta’ implimentazzjoni tagħha u rieżamijiet perjodiċi tal-eżiti, tar-riżultati u tal-impatti tal-proġetti implimentati skont l-Artikolu 50 u l-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/695.
3.  
L-evalwazzjonijiet tal-operazzjonijiet tal-Impriżi Konġunti għandhom jitwettqu fil-ħin biex jikkontribwixxu għall-evalwazzjoni interim u l-evalwazzjoni finali tal-Orizzont Ewropa u l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet relatat kif speċifikat fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) 2021/695.
4.  
Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni interim u evalwazzjoni finali tal-Impriża Konġunta bħala parti mill-evalwazzjonijiet tal-Orizzont Ewropa msemmijin fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) 2021/695. L-evalwazzjoni interim għandha titwettaq bl-assistenza ta’ esperti indipendenti fuq il-bażi ta’ proċess trasparenti ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-Orizzont Ewropa, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni tal-Orizzont Ewropa. L-evalwazzjonijiet għandhom jeżaminaw kif l-Impriża Konġunta twettaq il-missjoni tagħha f’konformità mal-objettivi ekonomiċi, teknoloġiċi, xjentifiċi, soċjetali u politiċi tagħha, inkluż l-objettivi relatati mal-klima, u jevalwaw l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza, u l-valur miżjud tal-Unjoni tal-attivitajiet tagħha bħala parti mill-Orizzont Ewropa, is-sinerġiji u l-komplementaritajiet tagħha mal-inizjattivi rilevanti Ewropej, nazzjonali u, fejn rilevanti, reġjonali, inkluż sinerġiji ma’ partijiet oħra tal-Orizzont Ewropa, bħal missjonijiet, raggruppamenti jew programmi tematiċi jew speċifiċi. L-evalwazzjonijiet għandhom jieħdu kont tal-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali, u għandhom, fejn rilevanti, jinkludu wkoll valutazzjoni tal-impatt xjentifiku, soċjetali, ekonomiku u rilevanti fit-tul għall-politika tal-Impriża Konġunta. Huma għandhom jinkludu wkoll valutazzjoni tal-aktar mod effettiv ta’ intervent ta’ politika għal kwalunkwe azzjoni futura, kif ukoll ir-rilevanza u l-koerenza ta’ kwalunkwe tiġdid possibbli tal-Impriża Konġunta fix-xenarju ġenerali tas-Sħubiji Ewropej u l-prijoritajiet ta’ politika tagħha.
5.  
Abbażi tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni interim imsemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ taġixxi f’konformità mal-Artikolu 7(7) jew tieħu kwalunkwe azzjoni xierqa oħra.
6.  
Il-Kummissjoni tista’ twettaq evalwazzjonijiet ulterjuri dwar temi jew suġġetti ta’ rilevanza strateġika, bl-assistenza ta’ esperti indipendenti esterni magħżula abbażi ta’ proċess trasparenti, biex teżamina l-progress li sar mill-Impriża Konġunta lejn l-objettivi stabbiliti, tidentifika l-fatturi li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet u tidentifika l-aħjar prattiki. Billi twettaq dawk l-evalwazzjonijiet ulterjuri, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra bis-sħiħ l-impatt amministrattiv fuq l-Impriża Konġunta.
7.  
L-Impriża Konġunta għandha twettaq rieżamijiet perjodiċi tal-attivitajiet tagħha biex tinforma l-evalwazzjoni interim u l-evalwazzjoni finali tal-Impriża Konġunta bħala parti mill-evalwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) 2021/695.
8.  
Ir-rieżamijiet u l-evalwazzjonijiet perjodiċi għandhom jinformaw l-istralċ jew it-tiġdid possibbli tal-Impriża Konġunta, f’konformità mal-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/695. Fi żmien sitt xhur wara l-istralċ tal-Impriża Konġunta, iżda mhux aktar tard minn sentejn wara li tiskatta l-proċedura ta’ stralċ imsemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatuti, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali tal-Impriża Konġunta. Ir-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni finali għandhom jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
9.  
Il-Kummissjoni għandha tippubblika u tikkomunika r-riżultati tal-evalwazzjonijiet tal-Impriża Konġunta, li għandhom jinkludu l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni u l-osservazzjonijiet mill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bħala parti mill-evalwazzjonijiet tal-Orizzont Ewropa msemmija fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) 2021/695.

Artikolu 25

Ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-liġi applikabbli

1.  

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni:

(a) 

skont kwalunkwe klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fi ftehimiet jew f’kuntratti konklużi mill-Impriża Konġunta, jew fid-deċiżjonijiet tagħha;

(b) 

f’tilwimiet relatati ma’ kumpens għal dannu kkawżat mill-persunal tal-Impriża Konġunta waqt il-qadi ta’ dmirijietu;

(c) 

fi kwalunkwe tilwima bejn l-Impriża Konġunta u l-persunal tagħha fil-limiti u skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal jew fil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

2.  
Fir-rigward ta’ xi kwistjoni oħra mhux koperta minn dan ir-Regolament jew minn atti legali oħra tal-Unjoni, għandha tapplika l-liġi tal-Istat Membru fejn tinsab is-sede tal-Impriża Konġunta.

Artikolu 26

Ilmenti quddiem l-Ombudsman

Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Impriża Konġunta fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament jistgħu jiffurmaw is-suġġett ta’ lmenti quddiem l-Ombudsman f’konformità mal-Artikolu 228 TFUE.

Artikolu 27

Awditi ex post

1.  
L-awditi ex post tan-nefqa fuq azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit tal-Orizzont Ewropa għandhom jitwettqu f’konformità mal-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) 2021/695 bħala parti mill-azzjonijiet indiretti tal-Orizzont Ewropa, b’mod partikolari skont l-istrateġija tal-awditjar imsemmija fl-Artikolu 53(2) ta’ dak ir-Regolament.
2.  
L-awditi ex post tan-nefqa fuq azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit tal-Programm Ewropa Diġitali għandhom jitwettqu mill-Impriża Konġunta f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/694.
3.  
L-awditi ex post tan-nefqa fuq azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għandhom jitwettqu mill-Impriża Konġunta f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2021/1153, bħala parti mill-azzjonijiet tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

Artikolu 28

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-membri

1.  
L-Impriża Konġunta għandha tagħti aċċess lill-persunal tal-Kummissjoni u lil persuni oħra awtorizzati mill-Impriża Konġunta rispettiva jew mill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri jew, għall-fini tal-awditu msemmi fl-Artikolu 8(3), lill-awtoritajiet tal-awditjar tal-Istati Parteċipanti, għas-siti u l-bini tagħha u għall-informazzjoni kollha, inkluż l-informazzjoni f’format elettroniku, meħtieġa sabiex iwettqu l-awditi tagħhom.
2.  
L-OLAF u l-UPPE jistgħu jwettqu investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, f’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 ( 3 ) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ) u bil-ħsieb li jistabbilixxu jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ ftehim, deċiżjoni jew kuntratt iffinanzjat skont dan ir-Regolament.
3.  
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, ftehimiet, deċiżjonijiet u kuntratti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li espressament jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Impriża Konġunta rispettiva, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-UPPE u lill-OLAF, u, għall-fini tal-awditu msemmi fl-Artikolu 8(3), lill-awtoritajiet ta’ awditjar tal-Istati Parteċipanti, biex iwettqu tali awditi, kontrolli fuq il-post u investigazzjonijiet skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.
4.  
L-Impriża Konġunta għandha tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-membri tagħha jkunu protetti b’mod adegwat billi tagħmel jew tikkummissjona kontrolli interni u esterni xierqa.
5.  
L-Impriża Konġunta għandha taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) ( 5 ). L-Impriża Konġunta għandha tadotta l-miżuri meħtieġa biex jiġu ffaċilitati l-investigazzjonijiet interni mwettqa mill-OLAF.

Artikolu 29

Kunfidenzjalità

L-Impriża Konġunta għandha tiżgura l-protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva li d-divulgazzjoni tagħha tista’ tagħmel ħsara lill-interessi tal-membri tagħha jew tal-parteċipanti fl-attivitajiet tal-Impriża Konġunta.

Artikolu 30

Trasparenza

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ) għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Impriża Konġunta.

Artikolu 31

Proċessar ta’ data personali

Fejn l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament tirrikjedi l-proċessar ta’ data personali, din għandha tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ).

Artikolu 32

Aċċess għar-riżultati u l-informazzjoni dwar il-proposti

1.  
L-Impriża Konġunta għandha tipprovdi lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, kif ukoll lill-awtoritajiet tal-Istati Parteċipanti, aċċess għall-informazzjoni kollha relatata mal-azzjonijiet indiretti li tiffinanzja. Tali informazzjoni għandha tinkludi r-riżultati tal-benefiċjarji li jipparteċipaw f’azzjonijiet indiretti tal-Impriża Konġunta jew kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa neċessarja għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki jew tal-programmi tal-Unjoni. Tali drittijiet tal-aċċess huma limitati għal użu mhux kummerċjali u mhux kompetittiv u għandhom jikkonformaw mar-regoli applikabbli dwar il-kunfidenzjalità.
2.  
Għall-finijiet tal-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki jew tal-programmi tal-Unjoni, l-Impriża Konġunta għandha tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni inkluża fil-proposti ppreżentati. Dan għandu japplika mutatis mutandis għall-Istati Parteċipanti rigward proposti li jinkludu applikanti stabbiliti fit-territorji tagħhom, limitati għal użu mhux kummerċjali u mhux kompetittiv u f’konformità mar-regoli ta’ kunfidenzjalità applikabbli.

Artikolu 33

Regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni applikabbli għall-azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-Orizzont Ewropa

1.  
Ir-Regolament (UE) 2021/695 għandu japplika għall-azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-Impriża Konġunta skont Orizzont Ewropa. F’konformità ma’ dak ir-Regolament, l-Impriża Konġunta għandha titqies bħala korp ta’ finanzjament u għandha tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-azzjonijiet indiretti kif stipulat fl-Artikolu 1 tal-Istatuti.
2.  
Ir-Regolament (UE) 2021/695 għandu japplika wkoll għall-azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Parteċipanti msemmija fl-Artikolu 15(3)(f) tal-Istatuti.

Artikolu 34

Rati ta’ rimborż

Għall-azzjonijiet indiretti ffinanzjati taħt l-Orizzont Ewropa, b’deroga mill-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2021/695, u għall-attivitajiet iffinanzjati taħt il-Programm Ewropa Diġitali, l-Impriża Konġunta tista’ tapplika rati ta’ rimborż differenti għall-finanzjament tal-Unjoni fi ħdan azzjoni skont it-tip ta’ parteċipant, jiġifieri SMEs, u t-tip ta’ azzjoni. Ir-rati ta’ rimborż għandhom jiġu indikati fil-programm ta’ ħidma.

Artikolu 35

Regoli applikabbli għall-attivitajiet iffinanzjati mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

Ir-Regolament (UE) 2021/1153 għandu japplika għall-attivitajiet iffinanzjati mill-Impriża Konġunta permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

Artikolu 36

Regoli applikabbli għall-attivitajiet iffinanzjati mill-Programm Ewropa Diġitali

Ir-Regolament (UE) 2021/694 għandu japplika għall-attivitajiet iffinanzjati mill-Impriża Konġunta permezz tal-Programm Ewropa Diġitali.

Artikolu 37

Appoġġ mingħand l-Istat Membru ospitanti

L-Impriża Konġunta u l-Istat Membru fejn tinsab is-sede jistgħu jikkonkludu ftehim amministrattiv dwar il-privileġġi u l-immunitajiet u appoġġ ieħor li dak l-Istat għandu jagħti lill-Impriża Konġunta.

Artikolu 38

Tħassir

1.  
Mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet mibdija taħt ir-Regolament (UE) 2018/1488, inkluż il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni annwali u l-obbligi finanzjarji relatati ma’ dawk l-azzjonijiet, jitħassar ir-Regolament (UE) 2018/1488.

Fir-rigward tal-azzjonijiet mibdija skont l-Artikoli 10, 11, 13 u 14 tar-Regolament (UE) 2018/1488, kif ukoll l-Artikoli 6 u 7 tal-Istatuti mehmuża ma’ dak ir-Regolament, huwa għandu jibqa’ japplika sakemm jitlestew u sa fejn ikun meħtieġ.

Azzjonijiet li jirriżultaw minn sejħiet għal proposti u sejħa għal offerti previsti minn pjanijiet ta’ implimentazzjoni annwali adottati skont ir-Regolament (UE) 2018/1488 għandhom ukoll jitqiesu bħala azzjonijiet mibdija skont dak ir-Regolament.

2.  
Ir-referenzi kollha għar-Regolament (UE) 2018/1488 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 39

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.  
Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal ingaġġat skont ir-Regolament (UE) 2018/1488. Għal dak il-għan, il-kuntratti ta’ impjieg tal-persunal għandhom ikomplu taħt dan ir-Regolament f’konformità mar-Regolamenti tal-Persunal u mal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.
2.  
Id-Direttur Eżekuttiv maħtur skont ir-Regolament (UE) 2018/1488 għandu, għall-perijodu li jifdal tal-mandat, jiġi assenjat il-funzjonijiet tad-Direttur Eżekuttiv previsti f’dan ir-Regolament b’effett mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Il-kondizzjonijiet l-oħra tal-kuntratt ma jinbidlux.
3.  
Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor bejn il-membri, id-drittijiet u l-obbligi kollha inkluż l-assi, id-djun jew l-obbligazzjonijiet tal-membri miżmuma skont ir-Regolament (UE) 2018/1488 għandhom jiġu trasferiti lill-membri skont dan ir-Regolament.
4.  
Fl-ewwel laqgħa tiegħu wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta lista ta’ deċiżjonijiet adottati skont ir-Regolament (UE) 2018/1488 li għandhom jibqgħu japplikaw skont dan ir-Regolament. Kull approprjazzjoni mhux użata skont ir-Regolament (UE) 2018/1488 għandha tiġi trasferita lill-Impriża Konġunta stabbilita taħt dan ir-Regolament.
5.  
Id-drittijiet u l-obbligi kollha inkluż l-assi, id-djun jew l-obbligazzjonijiet tal-Impriża Konġunta u kull approprjazzjoni mhux użata taħt ir-Regolament (UE) 2018/1488 għandhom jiġu trasferiti lill-Impriża Konġunta stabbilita taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 40

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS

STATUTI TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA GĦALL-COMPUTING TA’ PRESTAZZJONI GĦOLJA EWROPEW

Artikolu 1

Kompiti

L-Impriża Konġunta għandha twettaq il-kompiti li ġejjin:

(a) 

timmobilizza fondi mis-settur pubbliku u privat għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta;

(b) 

tappoġġa l-implimentazzjoni tal-missjoni, tal-objettivi u tal-pilastri tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta elenkati fl-Artikoli 3 u 4 ta’ dan ir-Regolament; dawk l-attivitajiet ser ikunu ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni li jirriżulta mir-Regolament (UE) 2021/695 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa, ir-Regolament (UE) 2021/694 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u r-Regolament (UE) 2021/1153 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, f’konformità mal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti rispettivi tagħhom u b’kontribuzzjonijiet mingħand l-Istati Parteċipanti rilevanti għall-Impriża Konġunta; għal dak il-għan, l-Impriża Konġunta għandha tniedi sejħiet għal proposti, sejħiet għal offerti, u kwalunkwe strument jew proċedura oħra previsti f’Orizzont Ewropa, fil-Programm Ewropa Diġitali, u fil-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;

(c) 

tibda u timmaniġġa s-sejħiet għal espressjoni ta’ interess għall-hosting jew l-upgrade tas-supercomputers tal-EuroHPC u tevalwa l-offerti riċevuti, bl-appoġġ ta’ esperti esterni indipendenti;

(d) 

tagħżel l-entità tal-hosting tas-supercomputers tal-EuroHPC b’mod ġust, miftuħ u trasparenti, f’konformità mal-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament;

(e) 

tikkonkludi ftehim ta’ hosting f’konformità mal-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament mal-entità tal-hosting għat-tħaddim u għall-manutenzjoni tas-supercomputers tal-EuroHPC u tissorvelja l-konformità kuntrattwali mal-ftehim ta’ hosting, inkluż it-test tal-aċċettazzjoni tas-supercomputers akkwistati;

(f) 

tiddefinixxi l-kondizzjonijiet ġenerali u speċifiċi għall-allokazzjoni tas-sehem tal-Unjoni tal-ħin tal-aċċess għas-supercomputers tal-EuroHPC u tissorvelja l-aċċess għal dawk is-supercomputers f’konformità mal-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament;

(g) 

tiżgura l-kontribut tal-operazzjonijiet tagħha biex jintlaħqu l-objettivi tal-Orizzont Ewropa, l-ippjanar pluriennali strateġiku, ir-rappurtar, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni u rekwiżiti oħra ta’ dak il-programm bħall-implimentazzjoni tal-qafas komuni ta’ feedback għall-politika;

(h) 

tniedi sejħiet miftuħa għal proposti u tagħti finanzjament f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/695, u fil-limiti tal-fondi disponibbli, għal azzjonijiet indiretti, prinċipalment fil-forma ta’ għotjiet;

(i) 

tniedi sejħiet miftuħa għal proposti u sejħiet għal offerti u tagħti finanzjament f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/694 u r-Regolament (UE) 2021/1153 fil-limiti tal-fondi disponibbli;

(j) 

tissorvelja l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u timmaniġġa l-ftehimiet ta’ għotja u l-kuntratti ta’ akkwist;

(k) 

tiżgura l-effiċjenza tal-inizjattiva tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew, abbażi ta’ sett ta’ miżuri xierqa;

(l) 

tissorvelja l-progress ġenerali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Impriża Konġunta;

(m) 

tiżviluppa kooperazzjoni mill-qrib u tiżgura koordinazzjoni ma’ attivitajiet tal-Unjoni u nazzjonali, korpi u partijiet konċernati, biex jinħolqu sinerġiji u jitjieb l-użu tar-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja;

(n) 

tiżviluppa kooperazzjoni mill-qrib u tiżgura koordinazzjoni ma’ Sħubijiet Ewropej oħra, kif ukoll sinerġiji operazzjonali ta’ ċentralizzazzjoni tal-funzjonijiet amministrattivi ma’ Impriżi Konġunti oħra;

(o) 

tiddefinixxi l-programm strateġiku pluriennali, tfassal u timplimenta l-programmi ta’ ħidma annwali korrispondenti għat-twettiq tagħhom u tagħmel kull aġġustament meħtieġ fil-programm strateġiku pluriennali;

(p) 

tkun involuta f’attivitajiet ta’ informazzjoni, komunikazzjoni, sfruttament u disseminazzjoni billi tapplika mutatis mutandis l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2021/695, fost l-oħrajn billi tagħmel l-informazzjoni dettaljata dwar ir-riżultati tas-sejħiet għal proposti disponibbli u aċċessibbli fuq bażi tad-data elettronika komuni tal-Orizzont Ewropa;

(q) 

twettaq kull kompitu ieħor meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Membri

1.  

Il-membri tal-Impriża Konġunta għandhom ikunu:

(a) 

l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni;

(b) 

l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, Czechia, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, l-Iżlanda, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Ungerija, l-Iżvezja;

(c) 

il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro, it-Turkija u l-Iżvizzera, bil-kondizzjoni li dawk il-pajjiżi terzi jkunu assoċjati ma’ tal-anqas wieħed mill-programmi rilevanti msemmija fl-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament.

(d) 

malli dawn l-Istatuti jiġu aċċettati permezz ta’ ittra ta’ approvazzjoni, l-Assoċjazzjoni tal-Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja (ETP4HPC) reġistrata taħt il-liġi Olandiża bl-uffiċċju reġistrat tagħha f’Amsterdam (in-Netherlands) u l-assoċjazzjoni Data, AI and Robotics (DAIRO) reġistrata taħt il-liġi Belġjana bl-uffiċċju reġistrat tagħha fi Brussell (il-Belġju).

2.  
Kull Stat Parteċipanti għandu jaħtar ir-rappreżentant tiegħu fil-Bord tat-Tmexxija u għandu jiddeżinja l-entità jew l-entitajiet nazzjonali responsabbli għat-twettiq tal-obbligi tiegħu skont dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Bidliet fis-sħubija

1.  
Dment li jikkontribwixxu f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament jew għall-finanzjament imsemmi fl-Artikolu 15 ta’ dawn l-Istatuti biex jiġu ssodisfati l-missjoni u l-objettivi tal-Impriża Konġunta stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jew il-pajjiżi terzi assoċjati mal-Orizzont Ewropa jew mal-Programm Ewropa Diġitali li mhumiex elenkati fl-Artikolu 2(1)(b) ta’ dawn l-Istatuti jistgħu japplikaw biex isiru membri tal-Impriża Konġunta.
2.  
Kull applikazzjoni ta’ Stat Membru jew pajjiż terz assoċjat mal-Orizzont Ewropa jew mal-Programm Ewropa Diġitali biex isir membru tal-Impriża Konġunta għandha tiġi indirizzata lill-Bord tat-Tmexxija. Il-pajjiżi kandidati għandhom jipprovdu aċċettazzjoni bil-miktub ta’ dawn l-Istatuti, u ta’ kull dispożizzjoni oħra li tirregola l-funzjonament tal-Impriża Konġunta. Il-kandidati għandhom jipprovdu wkoll il-motivazzjoni tagħhom għat-talba ta’ sħubija fl-Impriża Konġunta u jindikaw kif l-istrateġija nazzjonali tagħhom għas-supercomputing hi allinjata mal-objettivi tal-Impriża Konġunta. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jivvaluta l-applikazzjoni, iqis ir-rilevanza u l-potenzjal ta’ valur miżjud tal-applikant li jissodisfa l-missjoni u l-objettivi tal-Impriża Konġunta u jista’ jiddeċiedi li jitlob kjarifiki dwar il-kandidatura qabel ma japprova l-applikazzjoni.

▼C1

3.  
Dment li tikkontribwixxi għall-finanzjament imsemmi fl-Artikolu 15 ta’ dawn l-Istatuti biex jiġu ssodisfati l-missjoni u l-objettivi tal-Impriża Konġunta stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, u li hija taċċetta dawn l-Istatuti, kwalunkwe entità legali li mhijiex elenkata fl-Artikolu 2(1)(d) ta’ dawn l-Istatuti u li hija stabbilita fi Stat Membru li jappoġġa direttament jew indirettament ir-riċerka u l-innovazzjoni fi Stat Membru tista’ tapplika biex issir Membru Privat tal-Impriża Konġunta f’konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

▼B

4.  
Kull applikazzjoni għal sħubija bħala Membru Privat fl-Impriża Konġunta li ssir f’konformità mal-paragrafu 3 għandha tiġi indirizzata lill-Bord tat-Tmexxija. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jivvaluta l-applikazzjoni, iqis ir-rilevanza u l-potenzjal ta’ valur miżjud tal-applikant li jissodisfa l-missjoni u l-objettivi tal-Impriża Konġunta, u għandu jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni.
5.  
Kull membru jista’ jtemm is-sħubija tiegħu fl-Impriża Konġunta. Dan it-tmiem għandu jsir effettiv u irrevokabbli sitt xhur wara n-notifika lid-Direttur Eżekuttiv, li għandu jinforma b’dan lill-membri l-oħra tal-Bord tat-Tmexxija u lill-Membri Privati. Mid-data tat-tmiem, l-eks membru għandu jiġi rrilaxxat minn kull obbligu għajr dawk approvati jew li jkunu saru mill-Impriża Konġunta qabel in-notifika tat-tmiem tas-sħubija.
6.  
Kull Membru Privat għandu jinforma lill-Impriża Konġunta darba fis-sena b’kull bidla sinifikanti fil-kompożizzjoni tal-Membru Privat. Meta l-Kummissjoni jkun jidhrilha li aktarx il-bidla fil-kompożizzjoni taffettwa l-interess tal-Unjoni jew tal-Impriża Konġunta għal raġunijiet ta’ sigurtà, din tista’ tipproponi lill-Bord tat-Tmexxija biex ittemm is-sħubija tal-Membru Privat ikkonċernat. It-tmiem għandu jsir effettiv u irrevokabbli fi żmien sitt xhur mid-deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija jew fid-data speċifikata f’dik id-deċiżjoni, skont liema minnhom tiġi l-ewwel.
7.  
Is-sħubija fl-Impriża Konġunta ma tistax tiġi trasferita lil xi parti terza mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Bord tat-Tmexxija.
8.  
Meta ssir xi bidla fis-sħubija skont dan l-Artikolu, l-Impriża Konġunta għandha tippubblika minnufih lista aġġornata tal-membri u d-data ta’ din il-bidla, fuq is-sit web tagħha.

Artikolu 4

Korpi tal-Impriża Konġunta

1.  

Il-korpi tal-Impriża Konġunta għandhom ikunu:

(a) 

il-Bord tat-Tmexxija;

(b) 

id-Direttur Eżekuttiv;

(c) 

il-Bord Konsultattiv Industrijali u Xjentifiku magħmul mill-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u mill-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura.

2.  
Meta jwettaq il-kompiti tiegħu, kull korp tal-Impriża Konġunta għandu jsegwi biss l-objettivi stabbiliti f’dan ir-Regolament u għandu jaġixxi biss fl-ambitu tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta għall-finijiet li għalihom kienet stabbilita.

Artikolu 5

Kompożizzjoni tal-Bord tat-Tmexxija

1.  
Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, u tal-Istati Parteċipanti.
2.  
Il-Kummissjoni u kull Stat Parteċipanti għandhom jaħtru rappreżentant wieħed fil-Bord tat-Tmexxija.

Artikolu 6

Funzjonament tal-Bord tat-Tmexxija

1.  
Ir-rappreżentanti tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jagħmlu kull sforz biex jintlaħaq konsensus. Jekk ma jintlaħaq konsensus, għandu jittieħed vot.
2.  
L-Unjoni għandu jkollha 50 % tad-drittijiet tal-vot. Id-drittijiet tal-vot tal-Unjoni għandhom ikunu indiviżibbli.
3.  
Għall-kompiti msemmija fl-Artikolu 7(3) ta’ dawn l-Istatuti, il-50 % li jifdal mid-drittijiet tal-vot għandhom jiġu ddistribwiti b’mod ugwali fost l-Istati Parteċipanti kollha.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, id-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jittieħdu b’maġġoranza li tikkonsisti mill-vot tal-Unjoni u mill-inqas 50 % tal-voti kollha tal-Istati Parteċipanti, inkluż il-voti tal-membri assenti.

4.  
Għall-kompiti msemmija fl-Artikolu 7(4) ta’ dawn l-Istatuti, għajr il-punti (f), (g) u (h), il-50 % li jifdal mid-drittijiet tal-vot għandhom jinżammu mill-Istati Parteċipanti li huma Stati Membri.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, id-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jittieħdu b’maġġoranza kwalifikata. Maġġoranza kwalifikata għandha titqies stabbilita jekk din tkun tirrappreżenta lill-Unjoni u mill-inqas 55 % tal-Istati Parteċipanti li jkunu Stati Membri, li flimkien jagħmlu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni totali ta’ dawn l-Istati. Biex tiġi ddeterminata l-popolazzjoni, għandhom jintużaw iċ-ċifri li jinsabu fl-Anness III għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE ( 8 ).

5.  
Għall-kompiti msemmija fl-Artikolu 7(4)(f), (g) u (h) ta’ dawn l-Istatuti, u għal kull supercomputer tal-EuroHPC, id-drittijiet tal-vot tal-Istati Parteċipanti għandhom jiġu ddistribwiti b’mod proporzjonat skont il-kontribuzzjonijiet finanzjarji impenjati tagħhom u skont il-kontribuzzjonijiet in natura tagħhom lil dak is-supercomputer sakemm is-sjieda tiegħu tiġi trasferita lill-entità tal-hosting f’konformità mal-Artikolu 9(3) ta’ dan ir-Regolament jew sakemm dan jinbiegħ jew jiġi dekummissjonat; il-kontribuzzjonijiet in natura għandhom jitqiesu biss jekk ikunu ġew iċċertifikati ex ante minn espert jew awditur indipendenti.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, id-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jittieħdu b’maġġoranza ta’ mill-inqas 75 % tal-voti kollha, inkluż il-voti tal-membri assenti.

6.  
Għall-kompiti msemmija fl-Artikolu 7(5), 7(6) u 7(7) ta’ dawn l-Istatuti, id-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jittieħdu f’żewġ stadji.

Fl-ewwel stadju, il-50 % li jifdal mid-drittijiet tal-vot għandhom jiġu ddistribwiti b’mod ugwali bejn l-Istati Parteċipanti kollha. Id-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jittieħdu b’maġġoranza li tikkonsisti mill-vot tal-Unjoni u mill-inqas 55 % tal-voti kollha tal-Istati Parteċipanti, inkluż il-voti tal-membri assenti.

Fit-tieni stadju, il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddeċiedi bil-maġġoranza kwalifikata msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

7.  
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi preċedenti, il-pajjiżi li kienu membri tal-Impriża Konġunta skont ir-Regolament (UE) 2018/1488 u li kkontribwew għall-akkwist jew għat-tħaddim tas-supercomputers akkwistati mill-Impriża Konġunta EuroHPC, stabbilita taħt dak ir-Regolament, iżda li ma jkunux għadhom membri tal-Impriża Konġunta EuroHPC, għandhom iżommu drittijiet tal-vot limitati esklużivament għal deċiżjonijiet relatati ma’ dawk is-supercomputers f’konformità mal-Artikoli 6(5) u 7(5) tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta EuroHPC annessi mar-Regolament (UE) 2018/1488.
8.  
Il-Bord tat-Tmexxija għandu jeleġġi president għal perijodu ta’ sentejn. Il-mandat tal-president jista’ jiġi estiż darba biss, wara deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija.
9.  
Il-viċi president tal-Bord tat-Tmexxija għandu jkun ir-rappreżentant tal-Kummissjoni, li jissostitwixxi lill-president meta jkun meħtieġ.
10.  
Il-Bord tat-Tmexxija għandu jagħmel il-laqgħat ordinarji tiegħu mill-inqas darbtejn fis-sena. Jista’ jorganizza laqgħat straordinarji fuq talba tal-Kummissjoni, ta’ maġġoranza tar-rappreżentanti tal-Istati Parteċipanti, fuq talba tal-president, jew fuq talba tad-Direttur Eżekuttiv f’konformità mal-Artikolu 15(5) ta’ dawn l-Istatuti. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jitlaqqa’ mill-president tiegħu u l-laqgħat normalment għandhom isiru fis-sede tal-Impriża Konġunta.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkollu d-dritt li jattendi l-laqgħat u jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet, iżda ma għandu jkollu l-ebda dritt tal-vot. Skont il-każ, il-Bord tat-Tmexxija jista’ jistieden lil persuni oħra biex jattendu l-laqgħat tiegħu bħala osservaturi.

Kull Stat osservatur jista’ jaħtar delegat wieħed fuq il-Bord tat-Tmexxija, li għandu jirċievi d-dokumenti rilevanti kollha u jista’ jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Bord tat-Tmexxija skont il-każ. Dawk id-delegati ma għandu jkollhom l-ebda dritt tal-vot u għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni sensittiva f’konformità mal-Artikolu 29 ta’ dan ir-Regolament u soġġetti għar-regoli dwar il-kunflitt ta’ interess.

11.  
Ir-rappreżentanti tal-membri ma għandhomx ikunu responsabbli personalment għal xi azzjoni meħuda fil-kapaċità tagħhom bħala rappreżentanti fuq il-Bord tat-Tmexxija.
12.  
Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta u jippubblika r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Dawk ir-regoli għandhom jinkludu proċeduri speċifiċi biex jiġu identifikati u evitati l-kunflitti ta’ interess u biex tkun żgurata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni sensittiva.
13.  
Kull meta jiġu diskussi kwistjonijiet fil-kompiti tagħhom, il-presidenti tal-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u għall-Innovazzjoni u tal-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura tal-Impriża Konġunta għandhom ikunu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija bħala osservaturi u jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tiegħu, iżda ma għandu jkollhom l-ebda dritt tal-vot. Għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni sensittiva f’konformità mal-Artikolu 29 ta’ dan ir-Regolament u jkunu soġġetti għar-regoli dwar il-kunflitt ta’ interess.
14.  
Il-presidenti tal-Membri Privati tal-Impriża Konġunta għandhom ikunu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija bħala osservatur u jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tiegħu, iżda ma għandu jkollhom l-ebda dritt tal-vot. Għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni sensittiva f’konformità mal-Artikolu 29 ta’ dan ir-Regolament u jkunu soġġetti għar-regoli dwar il-kunflitt ta’ interess.

Artikolu 7

Kompiti tal-Bord tat-Tmexxija

1.  
Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkollu r-responsabbiltà ġenerali għall-orjentazzjoni strateġika u għat-tħaddim tal-Impriża Konġunta u għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha. Għandu jiżgura li l-prinċipji tal-korrettezza u tat-trasparenza jiġu applikati sew fl-allokazzjoni tal-finanzjament pubbliku.
2.  
Il-Kummissjoni, fir-rwol tagħha fil-Bord tat-Tmexxija, għandha tfittex li tiżgura koordinazzjoni bejn l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta u l-attivitajiet rilevanti tal-programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni biex jiġu promossi s-sinerġiji meta tkun qed tiġi żviluppata ekosistema ta’ infrastruttura integrata tas-supercomputing u d-data u meta jkunu qed jiġu identifikati l-prijoritajiet li tkopri r-riċerka kollaborattiva.
3.  

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jwettaq b’mod partikolari dawn il-kompiti amministrattivi ġenerali tal-Impriża Konġunta li ġejjin:

(a) 

jivvaluta, jaċċetta jew jirrifjuta l-applikazzjonijiet għal sħubija f’konformità mal-Artikolu 3(2) ta’ dawn l-Istatuti;

(b) 

jiddeċiedi dwar it-tmiem tas-sħubija fl-Impriża Konġunta ta’ xi membru li ma jissodisfax l-obbligi tiegħu;

(c) 

jiddiskuti u jadotta r-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta f’konformità mal-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament;

(d) 

jiddiskuti u jadotta l-baġit amministrattiv annwali tal-Impriża Konġunta, inkluż il-pjan ta’ stabbiliment tal-persunal korrispondenti li jindika l-għadd ta’ pożizzjonijiet temporanji skont il-grupp ta’ funzjoni u skont il-grad, l-għadd ta’ persunal kuntrattwali u ta’ esperti nazzjonali sekondati espressi f’ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time;

(e) 

jaħtar, ineħħi u jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv, jipprovdi gwida u jimmonitorja l-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv;

(f) 

jiddiskuti u japprova r-rapport tal-attività annwali kkonsolidat, inkluż in-nefqa korrispondenti msemmija fl-Artikolu 18(1) ta’ dawn l-Istatuti;

(g) 

jeżerċita s-setgħat tal-awtorità tal-ħatra fir-rigward tal-persunal, f’konformità mal-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament;

(h) 

fejn xieraq, jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg f’konformità mal-Artikolu 20(3) ta’ dan ir-Regolament;

(i) 

fejn xieraq, jistabbilixxi regoli dwar is-sekondar ta’ esperti nazzjonali mal-Impriża Konġunta u dwar l-involviment tat-trainees f’konformità mal-Artikolu 21(2) ta’ dan ir-Regolament;

(j) 

fejn xieraq, jistabbilixxi gruppi konsultattivi minbarra l-korpi tal-Impriża Konġunta msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dawn l-Istatuti;

(k) 

jistabbilixxi regoli u kriterji speċifiċi għall-għażla, il-ħatra u t-tneħħija ta’ membri tal-gruppi konsultattivi stabbiliti skont il-punti (j), inkluż kunsiderazzjonijiet ta’ diversità tal-ġeneru u dik ġeografika, u japprova r-regoli ta’ proċedura stabbiliti b’mod awtonomu minn dawn il-gruppi konsultattivi;

(l) 

jiddiskuti u japprova l-istruttura organizzazzjonali tal-Uffiċċju tal-Programm skont rakkomandazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv;

(m) 

fejn xieraq, jagħmel talba lill-Kummissjoni biex jiġi emendat dan ir-Regolament, li tiġi proposta minn membru tal-Impriża Konġunta;

(n) 

jiddefinixxi l-kondizzjonijiet tal-aċċess ġenerali u speċifiċi biex jintuża s-sehem tal-Unjoni tal-ħin tal-aċċess għas-supercomputers tal-EuroHPC f’konformità mal-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament;

(o) 

jistabbilixxi l-livell tat-tariffa tas-servizzi kummerċjali msemmija fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament, u jiddeċiedi fuq l-allokazzjoni tal-ħin tal-aċċess għal dawk is-servizzi;

(p) 

jiddiskuti u japprova l-politika tal-komunikazzjoni tal-Impriża Konġunta skont rakkomandazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv;

(q) 

ikun responsabbli għal kwalunkwe kompitu li ma jkunx allokat speċifikament lil korp partikolari tal-Impriża Konġunta; jista’ jassenja dawn il-kompiti lil xi korp tal-Impriża Konġunta.

4.  

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jwettaq, b’mod partikolari, il-kompiti li ġejjin relatati mal-akkwist u t-tħaddim tas-supercomputers tal-EuroHPC u d-dħul ġenerat imsemmi fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament:

(a) 

jiddiskuti u jadotta l-parti tal-programm strateġiku pluriennali li hija relatata mal-akkwist ta’ supercomputers tal-EuroHPC imsemmi fl-Artikolu 18(1) ta’ dawn l-Istatuti;

(b) 

jiddiskuti u jadotta l-parti tal-programm ta’ ħidma annwali li hi relatata mal-akkwist ta’ supercomputers tal-EuroHPC u l-għażla ta’ entitajiet tal-hosting u l-istimi tan-nefqa korrispondenti msemmija fl-Artikolu 18(4) ta’ dawn l-Istatuti;

(c) 

japprova t-tnedija tas-sejħiet għal espressjoni ta’ interess, f’konformità mal-programm ta’ ħidma annwali;

(d) 

japprova l-għażla tal-entitajiet tal-hosting għas-supercomputers tal-EuroHPC magħżula bi proċess ġust, miftuħ u trasparenti f’konformità mal-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament;

(e) 

jiddeċiedi kull sena dwar l-użu ta’ kull dħul iġġenerat mit-tariffi għas-servizzi kummerċjali msemmija fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament;

(f) 

japprova t-tnedija tas-sejħiet għal offerti, f’konformità mal-programm ta’ ħidma annwali;

(g) 

japprova l-offerti magħżula għal finanzjament;

(h) 

jiddeċiedi dwar il-possibbiltà ta’ trasferiment tas-sjieda tas-supercomputers tal-EuroHPC lil entità tal-hosting, il-bejgħ tagħhom lil entità oħra jew id-dekummissjonar tagħhom, f’konformità mal-Artikoli 11(5), 12(7) u 14(6) ta’ dan ir-Regolament;

(i) 

jiddeċiedi dwar il-possibbiltà ta’ trasferiment tas-sjieda tas-supercomputers tal-EuroHPC lil konsorzju ta’ sħab privati, dwar il-bejgħ tagħhom lil entità oħra jew dwar id-dekummissjonar tagħhom, f’konformità mal-Artikolu 13(6) ta’ dan ir-Regolament.

5.  

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jwettaq, b’mod partikolari, il-kompiti li ġejjin relatati mal-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll l-użu tad-data u l-attivitajiet tal-ħiliet tal-Impriża Konġunta:

(a) 

jiddiskuti u jadotta l-parti tal-programm strateġiku pluriennali li hija relatata mal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni msemmija fl-Artikolu 18(1) ta’ dawn l-Istatuti fil-bidu tal-inizjattiva u jemendaha tul id-durata kollha tal-Orizzont Ewropa, jekk ikun meħtieġ; il-programm strateġiku pluriennali għandu jidentifika, fost oħrajn, is-sħubijiet Ewropej l-oħra li magħhom l-Impriża Konġunta għandha tistabbilixxi kollaborazzjoni formali u regolari, kif ukoll il-possibbiltajiet għal sinerġiji bejn l-azzjonijiet tal-Impriża Konġunta u l-inizjattivi u l-politiki nazzjonali jew reġjonali bbażati fuq informazzjoni li jirċievu l-Istati Parteċipanti;

(b) 

jiddiskuti u jadotta l-parti tal-programm ta’ ħidma annwali li hi relatata mal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni u l-istimi tan-nefqa korrispondenti msemmija fl-Artikolu 18(4) ta’ dawn l-Istatuti biex jimplimenta l-programm strateġiku pluriennali, inkluż il-kontenut tas-sejħiet għal proposti; ir-rata ta’ finanzjament applikabbli għal kull suġġett tas-sejħa, kif ukoll ir-regoli relatati mal-proċeduri ta’ preżentazzjoni, ta’ evalwazzjoni, tal-għażla, tal-għoti u ta’ rieżami;

(c) 

japprova t-tnedija tas-sejħiet għal proposti, f’konformità mal-programm ta’ ħidma annwali;

(d) 

japprova l-lista ta’ azzjonijiet magħżula għal finanzjament abbażi tar-rakkomandazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament;

(e) 

ikun responsabbli għall-monitoraġġ mill-qrib u f’waqtu tal-progress tal-programm ta’ riċerka u innovazzjoni tal-Impriża Konġunta u tal-azzjonijiet individwali b’rabta mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni u l-programm strateġiku pluriennali u jieħu miżuri korrettivi fejn meħtieġ biex jiżgura li l-Impriża Konġunta tilħaq l-objettivi tagħha.

6.  

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jwettaq, b’mod partikolari, il-kompiti li ġejjin relatati mal-attivitajiet għall-iżvilupp u t-twessigħ tal-kapaċitajiet tal-Impriża Konġunta:

(a) 

jiddiskuti u jadotta l-parti tal-programm strateġiku pluriennali li hi relatata mal-iżvilupp u t-twessigħ tal-kapaċitajiet imsemmija fl-Artikolu 18(1) ta’ dawn l-Istatuti;

(b) 

jiddiskuti u jadotta l-parti tal-programm ta’ ħidma annwali li hi relatata mal-attivitajiet tal-iżvilupp u t-twessigħ tal-kapaċitajiet u l-istimi tan-nefqa korrispondenti msemmija fl-Artikolu 18(4) ta’ dawn l-Istatuti;

(c) 

japprova t-tnedija tas-sejħiet għal proposti u tas-sejħiet għal offerti, f’konformità mal-programm ta’ ħidma annwali;

(d) 

japprova l-lista ta’ azzjonijiet magħżula għal finanzjament abbażi tar-rakkomandazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv.

7.  

Il-Bord tat-Tmexxija għandu, b’mod partikolari, iwettaq il-kompiti li ġejjin relatati mal-federazzjoni u l-konnettività tal-attivitajiet tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u tal-infrastruttura tad-data, kif ukoll tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali tal-Impriża Konġunta:

(a) 

jiddiskuti u jadotta l-parti tal-programm strateġiku pluriennali li huwa relatat mal-federazzjoni u l-konnettività tal-attivitajiet ta’ Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u tal-infrastruttura tad-data, kif ukoll l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali msemmija fl-Artikolu 18(1) ta’ dawn l-Istatuti;

(b) 

jiddiskuti u jadotta l-parti tal-programm ta’ ħidma annwali li hi relatata mal-federazzjoni u l-konnettività tal-attivitajiet tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u tal-infrastruttura tad-data, kif ukoll mal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali u l-istimi tan-nefqa korrispondenti msemmija fl-Artikolu 18(4) ta’ dawn l-Istatuti;

(c) 

japprova t-tnedija tas-sejħiet għal proposti u tas-sejħiet għal offerti, f’konformità mal-programm ta’ ħidma annwali;

(d) 

japprova l-lista ta’ azzjonijiet magħżula għal finanzjament abbażi tar-rakkomandazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv.

Artikolu 8

Ħatra, tneħħija jew estensjoni tal-mandat tad-Direttur Eżekuttiv

1.  
Il-Kummissjoni għandha tipproponi lista ta’ kandidati għal Direttur Eżekuttiv wara konsultazzjoni mal-membri tal-Impriża Konġunta għajr l-Unjoni. Għall-finijiet ta’ din il-konsultazzjoni, il-membri tal-Impriża Konġunta għajr l-Unjoni, bi qbil komuni, għandhom jaħtru r-rappreżentanti tagħhom kif ukoll osservatur f’isem il-Bord tat-Tmexxija.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jaħtar il-Bord tat-Tmexxija minn lista ta’ kandidati proposti mill-Kummissjoni, wara proċedura tal-għażla miftuħa u trasparenti.

2.  
Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun membru tal-persunal u għandu jinħatar bħala aġent temporanju tal-Impriża Konġunta skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

Għall-fini tal-konklużjoni tal-kuntratt tad-Direttur Eżekuttiv, l-Impriża Konġunta għandha tiġi rrappreżentata mill-president tal-Bord tat-Tmexxija.

3.  
Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta’ erba’ snin. Sa tmiem dak il-perijodu, il-Kummissjoni, filwaqt li tassoċja l-membri għajr dawk tal-Unjoni, kif xieraq, għandha tagħmel valutazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv u tal-kompiti u l-isfidi futuri tal-Impriża Konġunta.
4.  
Il-Bord tat-Tmexxija, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni li tqis il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jista’ jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba waħda, għal perijodu ta’ mhux aktar minn erba’ snin.
5.  
Direttur Eżekuttiv li l-mandat tiegħu jkun ġie estiż ma jistax jipparteċipa fi proċedura tal-għażla oħra għall-istess kariga fi tmiem il-perijodu ġenerali.
6.  
Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jitneħħa mill-kariga biss b’deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija skont l-Artikolu 7(3)(e) ta’ dawn l-Istatuti, li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni li tassoċja l-membri għajr dawk tal-Unjoni kif xieraq.
7.  
Il-Kummissjoni tista’ taħtar uffiċjal tal-Kummissjoni biex jaġixxi bħala Direttur Eżekuttiv interim u jeżerċita d-dmirijiet assenjati lid-Direttur Eżekuttiv għal kwalunkwe perijodu li matulu l-pożizzjoni ta’ Direttur Eżekuttiv tkun battala.

Artikolu 9

Kompiti tad-Direttur Eżekuttiv

1.  
Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun il-kap eżekuttiv responsabbli għall-ġestjoni ta’ kuljum tal-Impriża Konġunta f’konformità mad-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija.
2.  
Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Impriża Konġunta. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli quddiem il-Bord tat-Tmexxija u jaqdi dmirijietu b’indipendenza sħiħa fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilu.
3.  
Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-baġit tal-Impriża Konġunta.
4.  

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jwettaq, b’mod partikolari, il-kompiti li ġejjin b’mod indipendenti:

(a) 

jippreżenta għad-diskussjoni u għall-adozzjoni lill-Bord tat-Tmexxija l-abbozz tal-programm strateġiku pluriennali msemmi fl-Artikolu 18(1) ta’ dawn l-Istatuti;

(b) 

iħejji u jippreżenta lill-Bord tat-Tmexxija għad-diskussjoni u għall-adozzjoni l-abbozz tal-baġit annwali, inkluż il-programm ta’ stabbiliment tal-persunal korrispondenti filwaqt li jindika l-għadd ta’ pożizzjonijiet temporanji f’kull grad u grupp ta’ funzjonijiet u l-għadd ta’ persunal kuntrattwali u ta’ esperti nazzjonali sekondati espress f’ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time;

(c) 

iħejji u jippreżenta għad-diskussjoni u għall-adozzjoni lill-Bord tat-Tmexxija l-abbozz tal-programm ta’ ħidma annwali, inkluż l-ambitu tas-sejħiet għal proposti, tas-sejħiet għal espressjoni ta’ interess u tas-sejħiet għal offerti meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-programm tal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, tal-programm tal-akkwist, tal-programm tal-attivitajiet tal-iżvilupp u t-twessigħ tal-kapaċitajiet u tal-programm tal-attivitajiet ta’ federazzjoni, ta’ konnettività u ta’ kooperazzjoni internazzjonali, kif propost mill-Bord Konsultattiv Industrijali u Xjentifiku, u l-istimi tan-nefqa korrispondenti, kif propost mill-Istati Parteċipanti u mill-Kummissjoni;

(d) 

jippreżenta l-kontijiet annwali lill-Bord tat-Tmexxija għall-opinjoni tiegħu;

(e) 

iħejji u jippreżenta r-rapport annwali kkonsolidat tal-attività għall-approvazzjoni tal-Bord tat-Tmexxija, inkluż l-informazzjoni dwar in-nefqa korrispondenti;

(f) 

jiffirma l-ftehimiet ta’ għotja, il-kuntratti u d-deċiżjonijiet individwali, li jkunu fil-kompetenza tiegħu f’isem l-Impriża Konġunta;

(g) 

jiffirma l-kuntratti tal-akkwist;

(h) 

jimmonitorja t-tħaddim tas-supercomputers tal-EuroHPC li huma proprjetà jew iffinanzjati mill-Impriża Konġunta, inkluż l-allokazzjoni tas-sehem tal-Unjoni tal-ħin tal-aċċess, il-konformità mad-drittijiet tal-aċċess għall-utenti akkademiċi u industrijali, u l-kwalità tas-servizzi mogħtija;

(i) 

jipproponi l-politika tal-komunikazzjoni tal-Impriża Konġunta lill-Bord tat-Tmexxija;

(j) 

jorganizza, jidderieġi u jissorvelja l-operazzjonijiet u l-persunal tal-Impriża Konġunta fil-limiti tad-delega mill-Bord tat-Tmexxija kif previst fl-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-Regolament;

(k) 

jistabbilixxi u jiżgura l-funzjonament ta’ sistema effettiva u effiċjenti tal-kontroll intern u jirrapporta kull bidla sinifikanti li ssirilha lill-Bord tat-Tmexxija;

(l) 

jiżgura li jsiru l-valutazzjoni tar-riskju u l-ġestjoni tar-riskju;

(m) 

jagħmel l-arranġamenti, kif xieraq, għall-istabbiliment ta’ kapaċità tal-awditjar intern tal-Impriża Konġunta;

(n) 

jalloka l-ħin tal-aċċess għall-emerġenzi u l-ġestjoni tal-kriżijiet, bi qbil mal-politika ta’ aċċess definita mill-Bord tat-Tmexxija;

(o) 

jieħu kull miżura oħra meħtieġa għall-valutazzjoni tal-progress tal-Impriża Konġunta biex jintlaħqu l-objettivi tagħha kif stabbilit fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament;

(p) 

iwettaq kull kompitu ieħor fdat jew delegat lid-Direttur Eżekuttiv mill-Bord tat-Tmexxija.

5.  

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jwaqqaf Uffiċċju tal-Programm għall-eżekuzzjoni, taħt ir-responsabbiltà tiegħu, tal-kompiti kollha ta’ appoġġ li jirriżultaw minn dan ir-Regolament. L-Uffiċċju tal-Programm għandu jkun magħmul mill-persunal tal-Impriża Konġunta u b’mod partikolari għandu jwettaq dawn il-kompiti li ġejjin:

(a) 

jappoġġa l-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ sistema kontabilistika xierqa skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta msemmija fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament;

(b) 

jimmaniġġa s-sejħiet għal proposti kif previst fil-programm ta’ ħidma annwali u jamministra l-ftehimiet ta’ għotja u d-deċiżjonijiet;

(c) 

jimmaniġġa s-sejħiet għal offerti kif previsti fil-programm ta’ ħidma annwali u jamministra l-kuntratti;

(d) 

jimmaniġġa l-proċess tal-għażla tal-entitajiet tal-hosting u jamministra l-ftehimiet ta’ hosting;

(e) 

jipprovdi lill-membri u lill-korpi l-oħra tal-Impriża Konġunta bl-informazzjoni rilevanti kollha u bl-appoġġ li jeħtieġu biex jaqdu dmirijiethom, u jwieġeb it-talbiet speċifiċi tagħhom;

(f) 

jaġixxi bħala s-segretarjat tal-korpi tal-Impriża Konġunta u jagħti appoġġ lill-gruppi konsultattivi stabbiliti mill-Bord tat-Tmexxija.

Artikolu 10

Kompożizzjoni tal-Bord Konsultattiv Industrijali u Xjentifiku

1.  
Il-Bord Konsultattiv Industrijali u Xjentifiku għandu jkun magħmul mill-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u mill-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura.
2.  
Il-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għandu jkun magħmul minn mhux aktar minn tnax-il membru, li minnhom mhux aktar minn sitta għandhom jinħatru mill-Membri Privati b’kont meħud tal-impenji tagħhom mal-Impriża Konġunta u mhux aktar minn sitta għandhom jinħatru mill-Bord tat-Tmexxija, f’konformità mal-Artikolu 7(3)(k) ta’ dawn l-Istatuti.
3.  
Il-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni jista’ jinkludi sa sitt osservaturi proposti mill-Istati Parteċipanti u maħtura mill-Bord tat-Tmexxija.
4.  
Il-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura għandu jkun magħmul minn tnax-il membru. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jaħtar il-membri tal-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura, f’konformità mal-Artikolu 7(3)(k) ta’ dawn l-Istatuti.
5.  
Il-membri tal-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura għandhom jinħatru għal perijodu ta’ mhux aktar minn sentejn, li jista’ jiġġedded darba.
6.  
Il-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura għandhom jiltaqgħu mill-inqas darba fis-sena biex jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom.

Artikolu 11

Funzjonament tal-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni

1.  
Il-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għandu jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena.
2.  
Il-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni jista’ jaħtar gruppi ta’ ħidma meta meħtieġ, bil-koordinazzjoni ġenerali ta’ membru wieħed jew aktar.
3.  
Il-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għandu jeleġġi l-president tiegħu.
4.  
Il-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu, inkluż in-nomina tal-entitajiet kostitwenti li għandhom jirrappreżentaw lill-Grupp Konsultattiv u d-durata tan-nomina tagħhom.

Artikolu 12

Funzjonament tal-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura

1.  
Il-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura għandu jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena.
2.  
Il-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura jista’ jaħtar gruppi ta’ ħidma meta meħtieġ, bil-koordinazzjoni ġenerali ta’ membru wieħed jew aktar.
3.  
Il-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura għandu jeleġġi l-president tiegħu.
4.  
Il-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu, inkluż in-nomina tal-entitajiet kostitwenti li għandhom jirrappreżentaw lill-Grupp Konsultattiv u d-durata tan-nomina tagħhom.

Artikolu 13

Kompiti tal-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni

1.  

Il-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għandu:

(a) 

ifassal il-kontribut tiegħu għall-abbozz ta’ programm strateġiku pluriennali fir-rigward tal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni msemmija fl-Artikolu 18(1) ta’ dawn l-Istatuti u jirrieżaminah regolarment f’konformità mal-evoluzzjoni tad-domanda xjentifika u industrijali;

(b) 

jorganizza konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa għall-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati kollha li jkollhom interess fl-oqsma tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u tal-computing kwantistiku, biex jinfurmahom, u jiġbor feedback, dwar l-abbozz tal-programm strateġiku pluriennali u dwar l-abbozz tal-attivitajiet relatati tal-programm ta’ ħidma għar-riċerka u l-innovazzjoni għal sena partikolari.

2.  

Il-kontribut għall-programm strateġiku pluriennali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi:

(a) 

l-aġenda strateġika tar-riċerka u l-innovazzjoni li tidentifika l-prijoritajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji u applikazzjonijiet tal-utenti finali għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja f’oqsma differenti ta’ applikazzjoni biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja, tal-computing kwantistiku u ta’ ekosistema tad-data fl-Unjoni, biex iżidu r-reżiljenza tal-Unjoni u biex jgħinu jinħolqu swieq u applikazzjonijiet soċjetali ġodda, u miżuri li jippromwovu l-iżvilupp u l-adozzjoni tat-teknoloġija Ewropea;

(b) 

attivitajiet potenzjali ta’ kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni li jżidu l-valur u li jkunu ta’ interess reċiproku;

(c) 

prijoritajiet ta’ taħriġ u ta’ edukazzjoni biex jiġu indirizzati kompetenzi ewlenin u d-diskrepanza fil-ħiliet fit-teknoloġiji u fl-applikazzjonijiet tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u tal-computing kwantistiku, b’mod partikolari għall-industrija.

Artikolu 14

Kompiti tal-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura

1.  

Il-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura għandu jagħti pariri lill-Bord tat-Tmexxija għall-akkwist u t-tħaddim tas-supercomputers tal-EuroHPC. Għal dak il-għan, għandu:

(a) 

ifassal il-kontribut tiegħu għall-abbozz ta’ programm strateġiku pluriennali msemmi fl-Artikolu 18(1) ta’ dawn l-Istatuti fir-rigward tal-akkwist ta’ kompjuters tal-EuroHPC u attivitajiet tal-iżvilupp u t-twessigħ tal-kapaċitajiet u jirrieżaminah regolarment skont l-evoluzzjoni tad-domanda xjentifika u industrijali;

(b) 

jorganizza konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa għall-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati kollha li jkollhom interess fil-qasam tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja, inkluż il-computing kwantistiku, biex jinfurmahom, u jiġbor feedback, dwar l-abbozz tal-programm strateġiku pluriennali għall-akkwist u t-tħaddim tas-supercomputers tal-EuroHPC u dwar l-abbozz tal-attivitajiet relatati tal-programm ta’ ħidma għal sena partikolari.

2.  

Il-kontribut għall-abbozz ta’ programm strateġiku pluriennali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jindirizza:

(a) 

l-akkwist tas-supercomputers tal-EuroHPC filwaqt li jqis, fost l-oħrajn, l-ippjanar tal-akkwist, iż-żidiet fil-kapaċità meħtieġa, it-tipi ta’ applikazzjonijiet u komunitajiet tal-utenti li jridu jiġu indirizzati, ir-rekwiżiti tal-utenti rilevanti u l-arkitetturi tas-sistemi xierqa, ir-rekwiżiti tal-utenti, u l-arkitettura tal-infrastruttura;

(b) 

il-federazzjoni u l-interkonnessjoni ta’ din l-infrastruttura, filwaqt li jqis, fost l-oħrajn, l-integrazzjoni mal-infrastrutturi nazzjonali tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u tal-computing kwantistiku, u l-arkitettura tal-infrastruttura iperkonnessa u federata; u

(c) 

l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, inkluż iċ-Ċentri ta’ Kompetenza tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u l-attivitajiet ta’ twessigħ u ta’ taħriġ għall-utenti finali, kif ukoll l-opportunitajiet għall-promozzjoni tal-adozzjoni u tal-użu ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi Ewropej b’mod partikolari miċ-Ċentri ta’ Kompetenza tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja.

Artikolu 15

Sorsi ta’ finanzjament

1.  
L-Impriża Konġunta għandha tiġi ffinanzjata b’mod konġunt mill-membri tagħha b’kontribuzzjonijiet finanzjarji mħallsin b’pagamenti parzjali u b’kontribuzzjonijiet in natura kif stabbilit fil-paragrafi 2 u 3.
2.  
Il-kostijiet amministrattivi tal-Impriża Konġunta ma għandhomx jaqbżu t-EUR 92 000 000 u għandhom ikunu koperti mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament.

Jekk ma tintużax parti mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-kostijiet amministrattivi, din tista’ tkun disponibbli biex tkopri l-kostijiet operatorji tal-Impriża Konġunta.

3.  

Il-kostijiet operatorji tal-Impriża Konġunta għandhom jiġu koperti b’dawn:

(a) 

il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni;

(b) 

il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mingħand l-Istat Parteċipanti fejn tkun stabbilita l-entità tal-hosting jew mingħand l-Istati Parteċipanti f’konsorzju tal-hosting lill-Impriża Konġunta, inkluż il-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni li huma meqjusa kontribuzzjonijiet tal-Istati Parteċipanti skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) 2021/695, għall-akkwist tas-supercomputers tal-EuroHPC jew tal-magni kwantistiċi tal-ogħla livell u għat-tħaddim tagħhom dment li s-sjieda tagħhom tiġi trasferita lill-entità tal-hosting, jinbiegħu jew jiġu dekummissjonati f’konformità mal-Artikoli 11(5) u 12(7) ta’ dan ir-Regolament, li minnhom jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet tal-Impriża Konġunta u kull kontribuzzjoni oħra tal-Unjoni għal dawk il-kostijiet;

(c) 

kontribuzzjonijiet in natura tal-Istati Parteċipanti fejn l-entità ospitanti hija stabbilita jew tal-Istati Parteċipanti f’konsorzju ospitanti, inkluż il-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni li huma meqjusa kontribuzzjonijiet tal-Istati Parteċipanti skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) 2021/695, magħmula mill-kostijiet operatorji tas-supercomputers tal-EuroHPC ta’ proprjetà tal-Impriża Konġunta, imġarrba mill-entitajiet ospitanti, li minnhom jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet tal-Impriża Konġunta u kwalunkwe kontribuzzjoni oħra tal-Unjoni għal dawk il-kostijiet;

(d) 

kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istat Parteċipanti fejn hi stabbilita l-entità tal-hosting jew tal-Istati Parteċipanti f’konsorzju tal-hosting, inkluż il-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni li huma meqjusa kontribuzzjonijiet tal-Istati Parteċipanti skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) 2021/695, magħmula mill-kostijiet imġarrba għall-akkwist, b’mod konġunt mal-Impriża Konġunta, tas-supercomputers tal-EuroHPC ta’ livell medju, li minnhom jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet tal-Impriża Konġunta u kull kontribuzzjoni oħra tal-Unjoni għal dawk il-kostijiet;

(e) 

il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mingħand konsorzju ta’ sħab privati li jikkonsistu mill-kostijiet imġarrba għall-akkwist u t-tħaddim, flimkien mal-Impriża Konġunta, tas-supercomputers tal-EuroHPC ta’ grad industrijali, li minnhom jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet tal-Impriża Konġunta u kull kontribuzzjoni oħra tal-Unjoni għal dawk il-kostijiet, dment li s-sjieda tagħhom tiġi trasferita lill-entità tal-hosting, jinbiegħu jew jiġu dekummissjonati f’konformità mal-Artikolu 13(6) ta’ dan ir-Regolament;

(f) 

kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Parteċipanti għall-kostijiet eliġibbli mġarrba mill-benefiċjarji stabbiliti f’dak l-Istat Parteċipanti, inkluż il-kontribuzzjonijiet li huma meqjusa kontribuzzjonijiet tal-Istati Parteċipanti skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) 2021/695, fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet indiretti li jikkorrispondu mal-aġenda tar-riċerka u l-innovazzjoni bħala komplement għar-rimborż ta’ dawn il-kostijiet magħmula mill-Impriża Konġunta, li minnhom jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet tal-Impriża Konġunta u kull kontribuzzjoni oħra tal-Unjoni għal dawk il-kostijiet. Dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;

▼C1

(g) 

kontribuzzjonijiet in natura mingħand il-Membri Privati jew mingħand l-entitajiet kostitwenti u l-entitajiet affiljati tagħhom kif definit fl-Artikolu 2, il-punti (16) u (17) ta’ dan ir-Regolament.

▼B

4.  

Ir-riżorsi tal-Impriża Konġunta mdaħħla fil-baġit tagħha għandhom ikunu jikkonsistu minn dawn il-kontribuzzjonijiet:

(a) 

kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni għall-kostijiet amministrattivi;

(b) 

kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri għall-kostijiet operatorji;

(c) 

kull dħul iġġenerat mill-Impriża Konġunta;

(d) 

kull kontribuzzjoni finanzjarja, riżorsa u dħul ieħor.

(e) 

kull imgħax iġġenerat mill-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-Impriża Konġunta għandu jitqies bħala dħul tagħha.

5.  
Jekk xi membru tal-Impriża Konġunta jonqos mill-impenji tiegħu fir-rigward tal-kontribuzzjoni finanzjarja tiegħu, id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu nota ta’ dan bil-miktub u għandu jistabbilixxi perijodu raġonevoli li matulu l-membru għandu jirrimedja dan in-nuqqas. Jekk is-sitwazzjoni ma tiġix rimedjata qabel jagħlaq dak iż-żmien, id-Direttur Eżekuttiv għandu jlaqqa’ l-Bord tat-Tmexxija biex jiddeċiedi jekk għandhiex tiġi revokata s-sħubija tal-membru li qed jonqos mill-impenji tiegħu jew jekk għandhomx jittieħdu xi miżuri oħra sakemm ma jissodisfax l-impenji tiegħu. Id-drittijiet tal-vot li jkollu l-membru li jonqos mill-impenji tiegħu għandhom jiġu sospiżi sakemm jiġi rimedjat in-nuqqas fl-impenji tiegħu. L-Impriża Konġunta jew kwalunkwe membru tagħha ma għandhomx ikunu obbligati jkopru l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-membri inadempjenti.
6.  
Ir-riżorsi u l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta għandhom ikunu maħsuba biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.
7.  
L-Impriża Konġunta għandha tkun il-proprjetarju tal-assi kollha ġġenerati minnha jew trasferit lilha biex jintlaħqu l-objettivi tagħha stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament. Dan ma għandux jinkludi s-supercomputers tal-EuroHPC li s-sjieda tagħhom tkun ġiet trasferita mill-Impriża Konġunta lil entità tal-hosting f’konformità mal-Artikoli 11(5), 12(7), 13(6) u 14(6) ta’ dan ir-Regolament.
8.  
Għajr f’każ ta’ stralċ tal-Impriża Konġunta, kull dħul eċċessiv fuq in-nefqa ma għandux jitħallas lill-membri tal-Impriża Konġunta.

Artikolu 16

Impenji finanzjarji

L-impenji finanzjarji tal-Impriża Konġunta ma għandhomx jaqbżu l-ammont tar-riżorsi finanzjarji disponibbli jew impenjati għall-baġit tagħha mill-membri tagħha. Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi impenji pluriennali.

Artikolu 17

Sena finanzjarja

Is-sena finanzjarja għandha tkun mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru.

Artikolu 18

Ippjanar operazzjonali u finanzjarju

1.  
Il-programm strateġiku pluriennali għandu jispeċifika l-istrateġija u l-pjanijiet biex jintlaħqu l-objettivi tal-Impriża Konġunta stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament. Dan għandu jinkludi li ġej: l-akkwist ta’ supercomputers; l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni inkluż l-aġenda strateġika ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni; l-attivitajiet tal-iżvilupp u t-twessigħ tal-kapaċitajiet; l-attivitajiet ta’ federazzjoni, konnettività u kooperazzjoni internazzjonali. Ser jinkludi wkoll il-perspettivi finanzjarji pluriennali riċevuti mingħand l-Istati Parteċipanti u l-Kummissjoni.
2.  
Il-Membri Privati għandhom jabbozzaw l-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni u għandhom jippreżentawha lill-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.
3.  
Il-Bord Konsultattiv Industrijali u Xjentifiku għandu jikkonsolida l-programm strateġiku pluriennali u jippreżentah lid-Direttur Eżekuttiv. Għandu jkun il-bażi għad-Direttur Eżekuttiv biex jabbozza l-programm ta’ ħidma annwali.
4.  
L-abbozz tal-programm għandu jinkludi l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, l-attivitajiet ta’ akkwist, l-attivitajiet tal-iżvilupp u t-twessigħ tal-kapaċitajiet, l-attivitajiet ta’ federazzjoni u ta’ konnettività, l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali, l-attivitajiet amministrattivi u l-istimi tal-nefqa korrispondenti għas-sena ta’ wara.
5.  
Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta lill-Bord tat-Tmexxija l-ftehimiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-Regolament li jappoġġaw l-istimi tan-nefqa.
6.  
Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jiġi adottat sal-aħħar tas-sena ta’ qabel l-implimentazzjoni tiegħu. Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.
7.  
Id-Direttur Eżekuttiv għandu jħejji l-abbozz tal-baġit annwali għas-sena ta’ wara u għandu jippreżentah lill-Bord tat-Tmexxija għall-adozzjoni.
8.  
Il-baġit annwali għal sena partikolari għandu jiġi adottat mill-Bord tat-Tmexxija sa tmiem is-sena ta’ qabel l-implimentazzjoni tiegħu.
9.  
Il-baġit annwali għandu jiġi adattat biex jitqies l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni kif stabbilit fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Artikolu 19

Rappurtar operazzjonali u finanzjarju

1.  

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jirrapporta kull sena lill-Bord tat-Tmexxija dwar il-qadi ta’ dmirijietu f’konformità mar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta msemmija fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament. Fost l-oħrajn, ir-rapport ikkonsolidat tal-attività annwali għandu jkun fih informazzjoni dwar dawn il-materji:

(a) 

l-azzjonijiet ta’ riċerka, innovazzjoni u azzjonijiet oħrajn li twettqu, u n-nefqa korrispondenti;

(b) 

l-akkwist u t-tħaddim tal-infrastruttura, inkluż l-użu tal-infrastruttura u l-aċċess għaliha, fosthom il-ħin tal-aċċess użat effettivament minn kull Stat Parteċipanti;

(c) 

il-proposti u l-offerti mressqa, inkluż elenku mqassam skont it-tip ta’ parteċipanti, fosthom l-SMEs, u skont il-pajjiż;

(d) 

l-azzjonijiet indiretti magħżula għal finanzjament, inkluż elenku diżaggregat skont it-tip ta’ parteċipanti, fosthom l-SMEs, u skont il-pajjiż, u li jispeċifika l-kontribuzzjonijiet tal-Impriża Konġunta lill-parteċipanti u l-azzjonijiet individwali;

(e) 

l-offerti magħżula għal finanzjament, inkluż elenku mqassam skont it-tip ta’ kuntratturi, fosthom l-SMEs, u skont il-pajjiż, u li jispeċifika l-kontribuzzjonijiet tal-Impriża Konġunta lill-kuntratturi u l-azzjonijiet tal-akkwist individwali;

(f) 

l-eżitu tal-attivitajiet tal-akkwist;

(g) 

il-progress biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament u proposti għal aktar ħidma meħtieġa biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

2.  
L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Impriża Konġunta għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri f’konformità mar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta.
3.  
Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri f’konformità mar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta.
4.  
Il-proċedura ta’ kwittanza għandha titwettaq f’konformità mar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta.

Artikolu 20

Awditu intern

1.  
L-awditur intern tal-Kummissjoni għandu jeżerċita l-istess setgħat fuq l-Impriża Konġunta bħal dawk eżerċitati fir-rigward tal-Kummissjoni.
2.  
L-Impriża Konġunta għandha tkun kapaċi twettaq l-awditu intern tagħha stess.

Artikolu 21

Responsabbiltà tal-membri u assigurazzjoni

1.  
Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-membri tal-Impriża Konġunta għad-djun tal-Impriża Komuni għandha tkun limitata għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom li jkunu saru lill-Impriża Konġunta.
2.  
L-Impriża Konġunta għandu jkollha u żżomm assigurazzjoni xierqa.

Artikolu 22

Kunflitt ta’ interess

1.  
L-Impriża Konġunta, il-korpi u l-persunal tagħha għandhom jevitaw kull kunflitt ta’ interess fit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom.
2.  
Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess fir-rigward tal-persuni li jservu fil-Bord tat-Tmexxija u fil-korpi jew il-gruppi l-oħra tal-Impriża Konġunta.

Artikolu 23

Stralċ

1.  
L-istralċ tal-Impriża Konġunta għandu jibda fi tmiem il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.
2.  
Minbarra l-paragrafu 1, l-istralċ għandu jiskatta awtomatikament jekk l-Unjoni jew il-membri kollha għajr dawk tal-Unjoni jirtiraw mill-Impriża Konġunta.
3.  
Għall-fini li jitwettqu l-proċeduri biex jinbdew il-proċedimenti tal-istralċ tal-Impriża Konġunta, il-Bord tat-Tmexxija għandu jaħtar likwidatur wieħed jew aktar, li għandhom jikkonformaw mad-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija.
4.  
Meta l-Impriża Konġunta tkun qed tiġi stralċjata, l-assi tagħha għandhom jintużaw biex ikopru r-responsabbiltajiet tagħha u n-nefqa relatata mal-istralċ tagħha. Is-supercomputers li jkunu proprjetà tal-Impriża Konġunta għandhom jiġu trasferiti lill-entitajiet tal-hosting rispettivi jew lil konsorzju ta’ sħab privati, jinbiegħu jew jiġu dekummissjonati b’deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija u f’konformità mal-ftehim ta’ hosting. Il-membri tal-Impriża Konġunta ma għandhomx ikunu responsabbli għal kostijiet imġarrba wara t-trasferiment ta’ sjieda ta’ supercomputer jew il-bejgħ jew id-dekummissjonar tiegħu. F’każ ta’ trasferiment tas-sjieda, l-entità tal-hosting jew il-konsorzju ta’ sħab privati għandhom jirrimborżaw lill-Impriża Konġunta l-valur residwu tas-supercomputers li jiġu trasferiti. Kull surplus għandu jiġi distribwit bejn il-membri eżistenti fiż-żmien tal-istralċ b’mod proporzjonat għall-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom lill-Impriża Konġunta. Kull surplus bħal dan distribwit lill-Unjoni, għandu jiġi rritornat fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.
(5)  
Għandha tiġi stabbilita proċedura ad hoc li tiżgura l-ġestjoni xierqa ta’ kull ftehim konkluż jew deċiżjoni adottata mill-Impriża Konġunta, kif ukoll ta’ kull kuntratt tal-akkwist b’durata itwal mid-durata tal-Impriża Konġunta.



( 1 ) ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

( 2 ) ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

( 3 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

( 4 ) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal- Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

( 5 ) ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

( 6 ) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

( 7 ) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

( 8 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).

Top