Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02021D0710-20230925

    Consolidated text: Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/710 tad-29 ta’ April 2021 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/710/2023-09-25

    02021D0710 — MT — 25.09.2023 — 002.002


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/710

    tad-29 ta’ April 2021

    li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani

    (ĠU L 147 30.4.2021, p. 12)

    Emendata bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/258 tas-6 ta’ Frar 2023

      L 35

    21

    7.2.2023

     M2

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/2065 tal-25 ta’ Settembru 2023

      L 238

    140

    27.9.2023


    Ikkoreġuta bi:

    ►C1

    Rettifika, ĠU L , 12.10.2023, p.  1 ((PESK) 2023/2065)




    ▼B

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/710

    tad-29 ta’ April 2021

    li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani



    ▼M1

    Artikolu 1

    Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

    Il-mandat ta’ Sven KOOPMANS bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani huwa estiż sat-28 ta’ Frar 2025. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm qabel, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ).

    ▼B

    Artikolu 2

    Objettivi ta’ politika

    Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq il-politika li ġejja fir-rigward tal-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani (PPLN):

    (a) 

    l-objettiv ġenerali huwa paċi ġusta, dejjiema u komprensiva li jenħtieġ li tinkiseb abbażi ta’ soluzzjoni ta’ żewġ Stati, b’Iżrael u Stat Palestinjan demokratiku, kontigwu, vijabbli, paċifiku u sovran jgħixu maġenb xulxin ġewwa fruntieri siguri u rikonoxxuti, filwaqt li jgawdu relazzjonijiet normali mal-ġirien tagħhom f’konformità mar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCRs) rilevanti 242 (1967) u 338 (1973) u filwaqt li jitfakkru UNSCRs oħra rilevanti, inkluż UNSCR 2334 (2016), il-prinċipji ta’ Madrid, inkluż art għall-paċi, il-Pjan Direzzjonali, il-ftehimiet li ntlaħqu qabel mill-partijiet, l-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kwartett tal-Lvant nofsani (‘‘il-Kwartett’’) tal-1 ta’ Lulju 2016. Fid-dawl tal-aspetti differenti tar-relazzjonijiet Iżraeljani-Għarab, id-dimensjoni reġjonali tikkostitwixxi komponent essenzjali għal paċi komprensiva;

    (b) 

    biex jintlaħaq dan l-objettiv, il-prijoritajiet ta’ politika huma l-preservazzjoni tas-soluzzjoni ta’ żewġ Stati u l-varar mill-ġdid u l-appoġġ għall-proċess ta’ paċi. Parametri ċari li jiddefinixxu l-bażi għan-negozjati huma elementi ewlenin għal eżitu b’suċċess u l-Unjoni stabbiliet il-pożizzjoni tagħha rigward tali parametri fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2009, Diċembru 2010 u Lulju 2014, li hi ser tkompli tippromwovi b’mod attiv;

    (c) 

    l-Unjoni hija impenjata li taħdem mal-partijiet u mas-sħab fil-komunità internazzjonali, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni fil-Kwartett u ssegwi b’mod attiv inizjattivi internazzjonali xierqa biex tinħoloq dinamika ġdida għan-negozjati.

    Artikolu 3

    Mandat

    1.  

    Sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

    (a) 

    jipprovdi kontribut attiv u effiċjenti mill-Unjoni għal azzjonijiet u inizjattivi li jwasslu għal riżoluzzjoni finali tal-konflitt Iżraeljan-Palestinjan abbażi tas-soluzzjoni ta’ żewġ Stati u f’konformità mal-parametri tal-Unjoni u l-UNSCRs rilevanti, inkluż UNSCR 2334 (2016), u jressaq proposti għal azzjoni tal-Unjoni f’dan ir-rigward;

    (b) 

    jiffaċilita u jżomm kuntatti mill-qrib mal-partijiet kollha tal-proċess ta’ paċi, l-atturi politiċi rilevanti, pajjiżi oħra tar-reġjun, il-membri tal-Kwartett u pajjiżi rilevanti oħra, kif ukoll man-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra, bħal-Lega tal-Istati Għarab, sabiex jaħdem magħhom fit-tisħiħ tal-proċess ta’ paċi;

    (c) 

    jieħu vantaġġ mix-xenarju reġjonali li qed jevolvi fil-Lvant Nofsani u b’mod partikolari n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn Iżrael u għadd ta’ pajjiżi Għarab, sabiex ikompli jmexxi ‘l quddiem il-proċess ta’ paċi u b’hekk jikkontribwixxu għall-istabbiltà reġjonali;

    (d) 

    jagħti attenzjoni partikolari lil fatturi li jaffettwaw id-dimensjoni reġjonali tal-proċess ta’ paċi, lill-involviment mas-sħab Għarab, u lill-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi;

    (e) 

    jaħdem kif ikun meħtieġ biex jippromwovi u jikkontribwixxi għal qafas ġdid possibbli ta’ negozjati f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha u l-Istati Membri;

    (f) 

    jappoġġa u jikkontribwixxi b’mod attiv għal negozjati ta’ paċi bejn il-partijiet, anke billi jressaq proposti f’isem l-Unjoni u f’konformità mal-politika konsolidata li ilha li ġiet stabbilita fil-kuntest ta’ dawk in-negozjati;

    (g) 

    jiżgura preżenza kontinwa tal-Unjoni fil-fora internazzjonali rilevanti;

    (h) 

    jikkontribwixxi għall-immaniġġar u l-prevenzjoni ta’ kriżijiet, anke fir-rigward ta’ Gaża;

    (i) 

    jikkontribwixxi, fejn mitlub, għall-implimentazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali milħuqa bejn il-partijiet u jinvolvi ruħu magħhom diplomatikament fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mat-termini ta’ dawk il-ftehimiet;

    (j) 

    jikkontribwixxi għal sforzi politiċi biex issir bidla fundamentali li twassal għal soluzzjoni sostenibbli għall-Istrixxa ta’ Gaża li hija parti integrali ta’ Stat Palestinjan futur u li għandha tiġi indirizzata fin-negozjati;

    (k) 

    jinvolvi ruħu b’mod kostruttiv mal-firmatarji ta’ ftehimiet fil-qafas tal-proċess ta’ paċi sabiex jippromwovi konformità man-normi bażiċi tad-demokrazija, inkluż ir-rispett lejn id-dritt umanitarju internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

    (l) 

    jagħmel proposti għall-interventi tal-Unjoni fil-proċess ta’ paċi u dwar l-aħjar mod kif jiġu segwiti l-inizjattivi tal-Unjoni u l-isforzi tal-Unjoni relatati mal-proċess ta’ paċi attwali, bħall-kontribut tal-Unjoni għar-riformi Palestinjani u inklużi l-aspetti politiċi tal-proġetti rilevanti tal-Unjoni għall-iżvilupp;

    (m) 

    jimpenja lill-partijiet biex joqogħdu lura minn azzjonijiet unilaterali li jheddu l-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta’ żewġ Stati, notevolment f’Ġerusalemm u fiż-Żona C tax-Xatt tal-Punent Okkupat;

    (n) 

    jirrapporta regolarment, bħala Mibgħut tal-Kwartett, dwar il-progress u l-evoluzzjoni fin-negozjati, kif ukoll dwar l-attivitajiet tal-Kwartett, u jikkontribwixxi għat-tħejjija tal-laqgħat tal-Mibgħuta tal-Kwartett abbażi tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni u permezz ta’ koordinazzjoni ma’ membri oħra tal-Kwartett;

    (o) 

    jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem f’kooperazzjoni mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż il-Linji Gwida tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati kif ukoll dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni kontrihom, u tal-politika tal-Unjoni rigward il-UNSCR 1325 (2000) dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, anke bil-monitoraġġ u r-rappurtar dwar l-iżviluppi kif ukoll bil-formulazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet f’dak ir-rigward;

    (p) 

    jikkontribwixxi għal komprensjoni u viżibbiltà aħjar tar-rwol tal-Unjoni fost l-opinjonisti ewlenin fir-reġjun;

    (q) 

    jinvolvi ruħu, kif meħtieġ, mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, inkluż in-nisa u ż-żgħażagħ, kif ukoll ma’ dawk involuti f’miżuri biex tinbena l-fiduċja bejn il-partijiet.

    2.  
    Ir-RSUE għandu jappoġġa l-ħidma tar-RGħ, filwaqt li jżomm ħarsa ġenerali fuq l-attivitajiet kollha tal-Unjoni fir-reġjun relatati mal-PPLN.

    Artikolu 4

    Implimentazzjoni tal-mandat

    1.  
    Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.
    2.  
    Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġjat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta’ kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.
    3.  
    Ir-RSUE għandu jiżgura konċertazzjoni u kooperazzjoni sistematiċi u ċari mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti rilevanti tiegħu.
    4.  
    Ir-RSUE ser jagħmel żjarat regolari fir-reġjun u ser jiżgura koordinazzjoni mill-qrib mad-Delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni fir-reġjun kollu, inkluż l-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-Unjoni f’Ġerusalemm, id-Delegazzjoni tal-Unjoni f’Tel Aviv u, permezz tagħhom, mar-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri.

    Artikolu 5

    Finanzjament

    ▼C1

    1.  
    L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2023 sat-28 ta’ Frar 2025 għandu jkun ta’ EUR 2 789 113,31 .

    ▼B

    2.  
    In-nefqa għandha tiġi amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
    3.  
    L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont lill-Kummissjoni għal kull nefqa.

    Artikolu 6

    Formazzjoni u kompożizzjoni tat-tim

    1.  
    Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jitpoġġew għad-dispożizzjoni, ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-formazzjoni ta’ tim. It-tim għandu jinkludi t-tagħrif espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim.
    2.  
    L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu wkoll jiġu assenjati sabiex jaħdmu mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.
    3.  
    Il-persunal kollu sekondat għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru li jibagħtu, l-istituzzjoni tal-Unjoni jew is-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.
    4.  
    Il-persunal tar-RSUE għandu jitqiegħed fl-istess post tad-dipartiment rilevanti tas-SEAE, mad-Delegazzjoni tal-Unjoni f’Tel Aviv u mal-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-Unjoni f’Ġerusalemm sabiex ikunu żgurati l-koerenza u l-konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.

    Artikolu 7

    Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal tiegħu

    Il-privileġġi, immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għall-ikkompletar u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jinftiehmu mal-pajjiżi ospitanti, kif xieraq. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ kollu għal dan l-għan.

    Artikolu 8

    Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE

    Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE ( 1 ).

    Artikolu 9

    Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

    1.  
    L-Istati Membri, il-Kummissjoni, u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kull informazzjoni rilevanti.
    2.  
    Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u/jew l-Istati Membri għandhom, skont il-każ, jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

    Artikolu 10

    Sigurtà

    F’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta’ persunal skjerat barra l-Unjoni f’kapaċità operattiva skont it-Titlu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f’konformità mal-mandat tar-RSUE u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ta’ responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b’mod partikolari billi:

    (a) 

    jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi, li jirregolaw il-ġestjoni taċ-ċaqliq mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona ta’ responsabbiltà, kif ukoll il-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà u pjan ta’ kontinġenza u evakwazzjoni tal-missjoni;

    (b) 

    jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli, kif ikunu jeħtieġu l-kundizzjonijiet fiż-żona ta’ responsabbiltà;

    (c) 

    jiżgura li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li jiġu skjerati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew it-taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu, jew kif jaslu, fiż-żona ta’ responsabbiltà, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati lil dik iż-żona mis-SEAE;

    (d) 

    jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet miftehmin kollha li jsiru wara valutazzjonijiet regolari ta’ sigurtà u jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapport ta’ progress u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

    Artikolu 11

    Rappurtar

    Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment rapporti lir-RGħ u lill-KPS. Ir-RSUE għandu jipprovdi rapport ukoll lill-gruppi ta’ ħidma oħrajn tal-Kunsill kif ikun neċessarju. Għandhom jiġu ċċirkolati rapporti regolari permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. Ir-RSUE jista’ jkun involut fl-għoti ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

    Artikolu 12

    Koordinazzjoni

    1.  
    Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jiġu utilizzati konsistentement, sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni. Għandu jintalab kuntatt mal-Istati Membri fejn xieraq. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tas-servizzi tal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jipprovdi sessjonijiet ta’ informazzjoni regolari lid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u lill-Missjonijiet tal-Istati Membri, inkluż l-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-Unjoni f’Ġerusalemm u d-Delegazzjoni tal-Unjoni f’Tel Aviv.
    2.  
    Fuq il-post, għandu jinżamm kuntatt mill-qrib mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-Istati Membri, mal-Kapijiet ta’ Delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal- politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni rilevanti. Huma għandhom jagħmlu kull sforz biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni f’Tel Aviv u l-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-Unjoni f’Ġerusalemm, għandu jipprovdi lill-Kapijiet tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) u tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EUBAM Rafah) bi gwida politika lokali. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kuntatt ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fil-kamp.

    Artikolu 13

    Assistenza rigward pretensjonijiet

    Ir-RSUE u l-persunal tar-RSUE għandhom jassistu fl-għoti ta’ elementi sabiex tingħata risposta għal kwalunkwe pretensjoni u kwalunkwe obbligu li jkunu jirriżultaw mill-mandati tar-RSUE preċedenti għall-PPLN, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għall-fajls rilevanti għal dawn l-għanijiet.

    Artikolu 14

    Rieżami

    L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħrajn mill-Unjoni għar-reġjun għandhom jinżammu taħt rieżami regolari. ►M1  Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti ta’ progress regolari u rapport komprensiv finali dwar l-implementazzjoni tal-mandat sat-30 ta’ Novembru 2024. ◄

    Artikolu 15

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.



    ( 1 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

    Top