EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02020R1794-20201201

Consolidated text: Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1794 tas-16 ta’ Settembru 2020 li jemenda l-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni u mhux organiku (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/1794/2020-12-01

02020R1794 — MT — 01.12.2020 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1794

tas-16 ta’ Settembru 2020

li jemenda l-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni u mhux organiku

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 402 1.12.2020, p. 23)


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 439, 29.12.2020, p.  32 (2020/1794)




▼B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1794

tas-16 ta’ Settembru 2020

li jemenda l-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni u mhux organiku

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Il-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 hija emendata f’konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill- ►C1  1 ta’ Jannar 2022 ◄ .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS

Il-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 hija emendata kif ġej:

(1) 

il-punti 1.8.5.1. sa 1.8.5.5. huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.8.5.1. B’deroga mill-punt 1.8.1, meta d-data miġbura fil-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 26(1) jew is-sistema msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 26(2) turi li l-ħtiġijiet kwalitattivi jew kwantitattivi tal-operatur fir-rigward ta’ materjal riproduttiv organiku tal-pjanti rilevanti ma jintlaħqux, l-operatur jista’ juża materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni f’konformità mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(4).

Fejn materjal riproduttiv organiku tal-pjanti u dak fil-fażi ta’ konverżjoni ma jkunx disponibbli fi kwalità jew kwantità suffiċjenti biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-operatur, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw l-użu ta’ materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti soġġett għall-punti 1.8.5.3. sa 1.8.5.7.

Tali awtorizzazzjoni individwali għandha tinħareġ biss f’waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a) 

meta l-ebda varjetà tal-ispeċi li l-operatur jixtieq jikseb ma tkun irreġistrata fil-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 26(1) jew fis-sistema msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 26(2);

(b) 

meta l-ebda fornitur, jiġifieri operatur li jikkummerċjalizza materjal riproduttiv tal-pjanti, ma jkun jista’ jipproduċi l-materjal riproduttiv organiku tal-pjanti jew fil-fażi ta’ konverżjoni fil-ħin għaż-żrigħ jew għat-tħawwil f’sitwazzjonijiet fejn l-utent ikun ordna l-materjal riproduttiv tal-pjanti fi żmien raġonevoli biex jippermetti l-preparazzjoni u l-provvista ta’ materjal riproduttiv organiku tal-pjanti jew f’fażi ta’ konverżjoni;

(c) 

fejn il-varjetà li l-operatur jixtieq jikseb ma tkunx irreġistrata bħala materjal riproduttiv organiku tal-pjanti jew fil-fażi ta’ konverżjoni fil-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 26(1) jew fis-sistema msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 26(2), u l-operatur ikun jista’ juri li l-ebda waħda mill-alternattivi rreġistrati tal-istess speċi ma hija xierqa b’mod partikolari għall-kundizzjonijiet agronomiċi u pedoklimatiċi u l-proprjetajiet teknoloġiċi neċessarji għall-produzzjoni li trid tinkiseb u li, għalhekk, l-awtorizzazzjoni hija sinifikanti għall-produzzjoni tiegħu jew tagħha;

(d) 

fejn ikun ġustifikat għall-użu fir-riċerka, test bi provi fuq il-post fuq skala żgħira, għal skopijiet ta’ konservazzjoni tal-varjetà jew għal innovazzjoni tal-prodott u bi qbil mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

Qabel ma jitlob kwalunkwe awtorizzazzjoni bħal din, l-operatur għandu jikkonsulta l-bażi ta’ data msemmija fl-Artikolu 26(1) jew is-sistema msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 26(2) sabiex jivverifika jekk huwiex disponibbli materjal riproduttiv organiku tal-pjanti jew fil-fażi ta’ konverżjoni rilevanti u b’hekk jekk it-talba tiegħu tkunx ġustifikata.

Meta jkunu f’konformità mal-Artikolu 6(i), l-operaturi jistgħu jużaw kemm il-materjal riproduttiv organiku tal-pjanti kif ukoll dak fil-fażi ta’ konverżjoni li jkun inkiseb mill-impriża tagħhom stess, irrispettivament mid-disponibbiltà kwalitattiva u kwantitattiva skont il-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 26(1) jew skont is-sistema msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 26(2).

1.8.5.2 B’deroga mill-punt 1.8.1., l-operaturi f’pajjiżi terzi jistgħu jużaw materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(4) meta jkun iġġustifikat li l-materjal riproduttiv organiku tal-pjanti ma jkunx disponibbli fi kwalità jew kwantità suffiċjenti fit-territorju tal-pajjiż terz li fih ikun jinsab l-operatur.

Mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali rilevanti, l-operaturi f’pajjiżi terzi jistgħu jużaw kemm il-materjal riproduttiv organiku tal-pjanti kif ukoll dak fil-fażi ta’ konverżjoni li jkunu nkisbu mill-impriża tagħhom stess.

L-awtoritajiet jew il-korpi ta’ kontroll rikonoxxuti f’konformità mal-Artikolu 46(1) jistgħu jawtorizzaw operaturi f’pajjiżi terzi biex jużaw materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni jew dak mhux organiku f’unità tal-produzzjoni organika, meta l-materjal riproduttiv organiku tal-pjanti ma jkunx disponibbli fi kwalità jew kwantità suffiċjenti fit-territorju tal-pajjiż terz fejn jinsab l-operatur, skont il-kundizzjonijiet stipulati taħt il-punti 1.8.5.3, 1.8.5.4 u 1.8.5.5.

1.8.5.3 Il-materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti ma għandux ikun trattat bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti wara l-ħsad ħlief dawk awtorizzati għat-trattament tal-materjal riproduttiv tal-pjanti f’konformità mal-Artikolu 24(1) ta’ dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx ġie preskritt trattament kimiku f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/2031 għal finijiet fitosanitarji mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għall-varjetajiet kollha u l-materjal eteroġenju kollu ta’ speċijiet partikolari fiż-żona fejn irid jintuża l-materjal riproduttiv tal-pjanti.

Meta jintuża l-materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti li jkun ġie ttrattat bit-trattament kimiku preskritt imsemmi fl-ewwel paragrafu, il-pakkett li fuqu jkun qed jikber il-materjal riproduttiv tal-pjanti ttrattat għandu jkun soġġett, fejn xieraq, għal perjodu ta’ konverżjoni kif previst fil-punti 1.7.3. u 1.7.4.

1.8.5.4 L-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti mhux organiku għandha tinkiseb qabel ma jinżergħu jew jitħawlu l-għelejjel.

1.8.5.5 L-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti għandha tingħata lil utenti individwali għal staġun wieħed kull darba, u l-awtoritajiet kompetenti, l-awtorita ta’ kontroll u l-korp responsabbli għall-awtorizzazzjonijiet għandha telenka l-kwantitajiet tal-materjal riproduttiv tal-pjanti awtorizzat.”

(2) 

jiddaħħlu l-punti 1.8.5.6. u 1.8.5.7. li ġejjin:

“1.8.5.6. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom joħolqu lista uffiċjali ta’ speċijiet, ta’ sottospeċijiet jew ta’ varjetajiet (raggruppati jekk applikabbli) li għalihom jiġi stabbilit li l-materjal riproduttiv organiku tal-pjanti jew dak fil-fażi ta’ konverżjoni jkun disponibbli fi kwantitajiet suffiċjenti u għall-varjetajiet xierqa fit-territorju tagħhom. L-ebda awtorizzazzjoni ma għandha tinħareġ għall-ispeċijiet, is-sottospeċijiet jew il-varjetajiet inklużi f’dik il-lista fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat skont il-punt 1.8.5.1. sakemm dawn ma jkunux ġustifikati minn wieħed mill-iskopijiet imsemmija fil-punt 1.8.5.1.(d). Jekk il-kwantità jew il-kwalità tal-materjal riproduttiv organiku tal-pjanti jew dak fil-fażi ta’ konverżjoni disponibbli għall-ispeċijiet, is-sottospeċijiet jew il-varjetajiet fuq il-lista tirriżulta li ma tkunx biżżejjed jew li mhijiex xierqa, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jneħħu speċi, sottospeċi jew varjetà mil-lista.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom iżommu l-lista tagħhom aġġornata kull sena u għandhom jagħmlu dik il-lista disponibbli għall-pubbliku.

Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena u għall-ewwel darba sat-30 ta’ Ġunju 2022, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-link għas-sit web fejn il-lista aġġornata tkun disponibbli pubblikament. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-links għal-listi nazzjonali aġġornati fuq sit web apposta.

1.8.5.7 B’deroga mill-punt 1.8.5.5., l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu ta’ kull sena jagħtu awtorizzazzjoni ġenerali lill-operaturi kollha kkonċernati għall-użu ta’:

(a) 

speċi jew sottospeċi meta u jekk kemm-il darba l-ebda varjetà ma tkun reġistrata fil-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 26(1) jew fis-sistema msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 26(2);

(b) 

għal varjetà partikolari meta u jekk kemm-il darba jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 1.8.5.1.(c).

Meta jużaw awtorizzazzjoni ġenerali, l-operaturi għandhom iżommu rekords tal-kwantità użata u l-awtorità kompetenti responsabbli għall-awtorizzazzjonijiet għandha telenka l-kwantitajiet ta’ materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti awtorizzat.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom iżommu l-lista tagħhom tal-ispeċijiet, is-sottospeċijiet jew tal-varjetajiet li għalihom tkun inħarġet awtorizzazzjoni ġenerali aġġornata kull sena u għandhom jagħmlu dik il-lista disponibbli għall-pubbliku.

Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena u għall-ewwel darba sat-30 ta’ Ġunju 2022, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-link għas-sit web fejn il-lista aġġornata tkun disponibbli pubblikament. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-links għal-listi nazzjonali aġġornati fuq sit web apposta.”

Top