EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02020H0912-20201026

Consolidated text: Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 tat-30 ta’ Ġunju 2020 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2020/912/2020-10-26

02020H0912 — MT — 26.10.2020 — 004.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/912

tat-30 ta’ Ġunju 2020

dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni

(ĠU L 208I 1.7.2020, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1052 tas-16 ta’ Lulju 2020

  L 230

26

17.7.2020

 M2

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1144 tat-30 ta’ Lulju 2020

  L 248

26

31.7.2020

 M3

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1186 tas-7 ta’ Awwissu 2020

  L 261

83

11.8.2020

►M4

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1551 tat-22 ta’ Ottubru 2020

  L 354

19

26.10.2020




▼B

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/912

tat-30 ta’ Ġunju 2020

dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni



▼M4

1. Mit-22 ta’ Ottubru 2020, l-Istati Membri jenħtieġ li jneħħu gradwalment ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE b’mod ikkoordinat fir-rigward tar-residenti tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I.

▼B

Sabiex jiġu determinati l-pajjiżi terzi li għalihom għandha titneħħa r-restrizzjoni attwali fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, għandhom japplikaw il-metodoloġija u l-kriterji stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2020 ( 1 ) dwar it-tielet valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE. Il-kriterji huma relatati mas-sitwazzjoni epidemjoloġika u l-miżuri ta’ konteniment, inkluż it-tbegħid fiżiku, kif ukoll ma’ kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u soċjali, u huma applikati b’mod kumulattiv.

2. Fir-rigward tas-sitwazzjoni epidemjoloġika, il-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I għandhom jissodisfaw b’mod partikolari l-kriterji li ġejjin:

— 
numru ta’ każijiet ġodda tal-COVID-19 qrib jew inqas mill-medja tal-UE kif tinsab fil-15 ta’ Ġunju 2020, għal kull 100 000 abitant fl-14-il jum ta’ qabel;
— 
ix-xejra ta’ każijiet ġodda tul l-istess perijodu meta mqabbla mal-14-il jum ta’ qabel hija stabbli jew qed tonqos; u
— 
ir-rispons ġenerali għall-COVID-19 b’kont meħud tal-informazzjoni disponibbli dwar aspetti bħall-ittestjar, is-sorveljanza, it-traċċar tal-kuntatti, il-konteniment, it-trattament u r-rappurtar kif ukoll l-affidabbiltà tal-informazzjoni u s-sorsi tad-data disponibbli u, jekk ikun meħtieġ, għandu jittieħed kont ukoll tal-punteġġ medju totali dwar id-dimensjonijiet kollha tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (IHR). Għandu jittieħed kont ukoll tal-informazzjoni pprovduta mid-Delegazzjonijiet tal-UE abbażi tal-lista ta’ kontroll annessa għall-Komunikazzjoni tal-11 ta’ Ġunju 2020.

3. Meta jiġi deċiż jekk ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE tapplikax għal ċittadin ta’ pajjiż terz, ir-residenza f’pajjiż terz li għalih ikunu tneħħew ir-restrizzjonijiet fuq vjaġġar mhux essenzjali għandha tkun il-fattur determinanti (u mhux in-nazzjonalità).

4. Il-lista tal-pajjiżi terzi msemmija fl-Anness I għandha tkun riveduta kull ġimagħtejn u, jekk meħtieġ, aġġornata mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-aġenziji u s-servizzi rilevanti tal-UE wara valutazzjoni ġenerali bbażata fuq il-metodoloġija, il-kriterji u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jistgħu jitneħħew jew jiġu introdotti mill-ġdid totalment jew parzjalment għal pajjiż terz speċifiku diġà elenkat fl-Anness I, skont bidliet f’xi wħud mill-kondizzjonijiet stabbiliti hawn fuq u, bħala konsegwenza, fil-valutazzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika. Jeħtieġ li d-deċiżjonijiet jittieħdu malajr f’każ li s-sitwazzjoni f’pajjiż terz tmur għall-agħar malajr.

5. Meta restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar jibqgħu japplikaw għal pajjiż terz, il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin għandhom jiġu eżentati mir-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar, indipendentement mill-iskop tal-ivvjaġġar:

(a) 

ċittadini tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20(1) TFUE u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, skont ftehimiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u dawk il-pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra, igawdu drittijiet ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dawk ta’ ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll il-membri tal-familja rispettivi tagħhom ( 2 );

(b) 

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul skont id-Direttiva dwar ir-Residenza fit-Tul ( 3 ), u persuni li jiksbu d-dritt tagħhom li jirrisjedu minn Direttivi oħra tal-UE jew mil-liġi nazzjonali jew li jkollhom viżi nazzjonali għal soġġorn twil, kif ukoll il-membri tal-familja rispettivi tagħhom.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri xierqa, bħar-rekwiżit li persuni bħal dawn ikunu soġġetti għal miżuri ta’ awtoiżolament jew miżuri simili meta jirritornaw minn pajjiż terz li għalih tinżamm ir-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar, sakemm jimponu l-istess rekwiżiti fuq iċ-ċittadini tagħhom stess.

Barra minn hekk, l-ivvjaġġar essenzjali għandu jkun permess għall-kategoriji speċifiċi ta’ vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali msemmija fl-Anness II ( 4 ). L-Istati Membri jistgħu jintroduċu miżuri ta’ sigurtà addizzjonali għal dawn il-vjaġġaturi, speċjalment meta l-vjaġġ tagħhom joriġina minn reġjun b’riskju għoli.

Il-lista ta’ kategoriji speċifiċi ta’ vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali msemmija fl-Anness II tista’ tiġi riveduta mill-Kunsill, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, skont konsiderazzjonijiet soċjali u ekonomiċi kif ukoll skont il-valutazzjoni ġenerali tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika, abbażi tal-metodoloġija, il-kriterji u l-informazzjoni msemmija hawn fuq.

6. Sabiex titneħħa r-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE fir-rigward tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I, ir-reċiproċità għandha titqies ukoll b’mod regolari u fuq bażi ta’ każ b’każ.

7. Stat Membru ma għandux jiddeċiedi li jneħħi r-restrizzjoni fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE għal pajjiż terz speċifiku qabel ma t-tneħħija tar-restrizzjoni tkun ġiet ikkoordinata f’konformità ma’ din ir-Rakkomandazzjoni.

8. Ir-residenti ta’ Andorra, Monaco, San Marino u l-Vatikan/is-Santa Sede għandhom jitqiesu bħala residenti tal-UE għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

9. Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tiġi implimentata mill-Istati Membri kollha fil-fruntieri esterni kollha.

▼M4




ANNESS I

Pajjiżi terzi u Reġjuni Amministrattivi Speċjali, li r-residenti tagħhom jenħtieġ li ma jiġux affettwati minn restrizzjoni temporanja fil-fruntieri esterni fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE:

I. 

STATI

1. 

AWSTRALJA

2. 

ĠAPPUN

3. 

NEW ZEALAND

4. 

RWANDA

5. 

SINGAPORE

6. 

KOREA T’ISFEL

7. 

TAJLANDJA

8. 

URUGWAJ

9. 

ĊINA ( 5 )

II. 

REĠJUNI AMMINISTRATTIVI SPEĊJALI TAR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

1. 

Hong Kong SAR (5) 

2. 

Macao SAR (5) 

▼B




ANNESS II

Kategoriji speċifiċi ta’ vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali:

i. 

Professjonisti tal-kura tas-saħħa, riċerkaturi tas-saħħa, u professjonisti tal-kura tal-anzjani;

ii. 

Ħaddiema fruntaliera;

iii. 

Ħaddiema staġjonali fl-agrikoltura;

iv. 

Persunal tat-trasport;

v. 

Diplomatiċi, persunal ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u persuni mistiedna minn organizzazzjonijiet internazzjonali li l-preżenza fiżika tagħhom hija meħtieġa għall-funzjonament tajjeb ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, persunal militari u ħaddiema tal-għajnuna umanitarja u persunal tal-protezzjoni ċivili fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom;

vi. 

Passiġġieri fi tranżitu;

vii. 

Passiġġieri li jivvjaġġaw minħabba raġunijiet imperattivi ta’ familja;

viii. 

Baħħara

ix. 

Persuni fi bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jew għal raġunijiet umanitarji oħra

x. 

Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jivvjaġġaw għal skopijiet ta’ studju;

xi. 

Ħaddiema ta’ pajjiżi terzi bi kwalifiki għolja jekk l-impjieg tagħhom ikun meħtieġ minn perspettiva ekonomika u x-xogħol ma jkunx jista’ jiġi pospost jew isir f’pajjiż ieħor.



( 1 ) COM(2020) 399, 11 ta’ Ġunju 2020.

( 2 ) Kif definit fl-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44.

( 4 ) [Ara wkoll il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu (COM (2020) 115), tal-11 ta’ Ġunju 2020 (COM(2020) 399), kif ukoll il-Gwida tat-30 ta’ Marzu 2020 (C(2020) 2050, 30 ta’ Marzu 2020).]

( 5 ) soġġett għall-konferma tar-reċiproċità

Top