Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02020D1410-20201008

    Consolidated text: Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1410 tal-25 ta’ Settembru 2020 dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fis-66 sessjoni tal-Kumitat tas-Sistema Armonizzata tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali fir-rigward tal-adozzjoni maħsuba ta’ Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni, deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni, emendi għan-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata jew pariri oħra dwar l-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata, u ta’ rakkomandazzjonijiet biex tiġi żgurata l-uniformità fl-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata taħt il-Konvenzjoni dwar is-Sistema Armonizzata

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1410/2020-10-08

    02020D1410 — MT — 08.10.2020 — 000.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1410

    tal-25 ta’ Settembru 2020

    dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fis-66 sessjoni tal-Kumitat tas-Sistema Armonizzata tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali fir-rigward tal-adozzjoni maħsuba ta’ Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni, deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni, emendi għan-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata jew pariri oħra dwar l-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata, u ta’ rakkomandazzjonijiet biex tiġi żgurata l-uniformità fl-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata taħt il-Konvenzjoni dwar is-Sistema Armonizzata

    (ĠU L 327 8.10.2020, p. 1)


    Ikkoreġuta bi:

     C1

    Rettifika, ĠU L 406, 3.12.2020, p.  67 (2020/1410)

     C2

    Rettifika, ĠU L 410, 7.12.2020, p.  110 (2020/1410)

    ►C3

    Rettifika, ĠU L 410, 7.12.2020, p.  111 (2020/1410)




    ▼B

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1410

    tal-25 ta’ Settembru 2020

    dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fis-66 sessjoni tal-Kumitat tas-Sistema Armonizzata tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali fir-rigward tal-adozzjoni maħsuba ta’ Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni, deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni, emendi għan-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata jew pariri oħra dwar l-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata, u ta’ rakkomandazzjonijiet biex tiġi żgurata l-uniformità fl-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata taħt il-Konvenzjoni dwar is-Sistema Armonizzata



    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li trid tittieħed, f’isem l-Unjoni, fis-66 sessjoni tal-Kumitat tas-Sistema Armonizzata tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali dwar l-approvazzjoni ta’ Noti ta’ Spjegazzjoni, Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni u pariri oħra dwar l-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata u ta’ rakkomandazzjonijiet biex tiġi żgurata l-uniformità fl-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata taħt il-Konvenzjoni dwar is-Sistema Armonizzata, hija stabbilita fl-Anness.

    Artikolu 2

    Jista’ jintlaħaq qbil mir-rappreżentanti tal-Unjoni dwar tibdiliet tekniċi minuri għall-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 mingħajr il-ħtieġa ta’ deċiżjoni ulterjuri mill-Kunsill.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    ▼C3




    ANNESS

    IV.   RAPPORT TAS-SOTTOKUMITAT XJENTIFIKU: Dok. NS0456Eb (SSC/35 - rapport)

    (1) Kwistjonijiet għal deċiżjoni (dok. NC2708Ea)

    (a) 

    L-Annessi A/1 u C/1 – Klassifikazzjoni ta' prodotti INN ġodda (il-Lista 120). L-Unjoni għandha tapprova l-125 klassifikazzjoni (l-Edizzjoni tas-SA tal-2017) u t-tliet riklassifikazzjonijiet konsegwenzjali (l-Edizzjoni tas-SA tal-2022) rakkomandati mis-Sottokumitat Xjentifiku.

    (b) 

    L-Annessi A/2 u C/2 – Klassifikazzjoni ta' prodotti INN ġodda (il-Lista 121). L-Unjoni għandha tapprova l-143 klassifikazzjoni (l-Edizzjoni tas-SA tal-2017) u l-15-il riklassifikazzjoni konsegwenzjali (l-Edizzjoni tas-SA tal-2022) rakkomandati mis-Sottokumitat Xjentifiku.

    (c) 

    L-Annessi A/3 u C/3 – Riklassifikazzjoni possibbli ta' ċerti prodotti INN konsegwenzjali fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-Artikolu 16 tat-23 ta' Ġunju 2019. L-Unjoni għandha tapprova r-riklassifikazzjonijiet konsegwenzjali (l-Edizzjoni tas-SA tal-2022) tal-143 prodott INN miftehma mas-Sottokumitat Xjentifiku.

    (d) 

    L-Annessi B/1 u C/6 – Deċiżjonijiet meħuda mill-Kumitat tas-SA fit-63 u fl-64 sessjoni tiegħu u mill-Kunsill tad-WCO fil-133/134 sessjoni tiegħu, li jaffettwaw il-ħidma tas-Sottokumitat Xjentifiku. L-Unjoni għandha tapprova r-riklassifikazzjonijiet ta' "zilucoplan" u "etryptamine" approvati mis-Sottokumitat Xjentifiku, fis-subintestaturi 2933,79 u 2939,80, rispettivament.

    L-Unjoni għandha taqbel mal-klassifikazzjonijiet kollha proposti peress li huma konformi mal-politika ta' klassifikazzjoni attwali fl-Unjoni.

    (2) L-emenda possibbli għan-Noti ta' Spjegazzjoni tal-Kapitolu 29 fir-rigward tal-lista ta' drogi narkotiċi, sustanzi psikotropiċi u prekursuri Dok. NC2738Ea

    L-Unjoni għandha taqbel mal-proposta li tiġi emendata n-NSSA tal-Kapitolu 29, f'konformità mal-parir tas-Sottokumitat Xjentifiku.

    V.   RAPPORT TAS-SOTTOKUMITAT DWAR IR-RIEŻAMI TAS-SA (Dok. NR1403E)

    (1) Kwistjonijiet għal deċiżjoni (Dok. NC2709Ea)

    (a) 

    L-Annessi D/6 u G/11 – Emenda possibbli għan-Nota ta' Spjegazzjoni tal-intestatura 85.24 (SA 2022)

    (b) 

    L-Annessi D/7 u G/12 – Emendi possibbli għan-Noti ta' Spjegazzjoni tas-SA 2022 fir-rigward tal-istampaturi 3D

    (c) 

    L-Annessi E/14 u G/19 – Emenda għan-Noti ta' Spjegazzjoni tal-intestatura 70.19 fir-rigward tal-fibri tal-ħġieġ (HS 2022)

    (d) 

    L-Annessi E/1 sa E/6, E/8 sa E/13, E/15 sa E/18, E/20, E/23 u G/1 sa G/6, G/8, G/13 sa G/18, G/21, G/22, G/24, G/27 – Emenda possibbli għan-Nota ta' Spjegazzjoni tat-Taqsimiet I, II, III, IV, V, VI, VII, VIII, IX, X, XI, XII, XIII, XIV, XV, XVI, XVII, XVIII, XX u XXI.

    (e) 

    L-Annessi E/23 u G/27 – Emendi għan-Noti ta' Spjegazzjoni tal-Kapitolu 97 fir-rigward ta' ċerti oġġetti kulturali (HS 2022)

    (f) 

    L-Annessi E/24 u G/28 – Emendi għan-Noti ta' Spjegazzjoni (GIRs)

    L-Unjoni għandha taqbel mal-emendi kollha proposti fid-dokumenti peress li jirriflettu l-politika ta' klassifikazzjoni attwali fl-Unjoni.

    (2) Il-klassifikazzjoni fis-SA 2022 ta' ċerti vaporizzaturi elettriċi personali li jintremew wara l-użu jew rikarikabbli (Talba mis-Segretarjat) Dok. NC2710Eb

    L-Unjoni tikklassifika l-prodott 1 fis-subintestatura 8543,70 tas-SA 2017 u fis-subintestatura 8543,40 tas-SA 2022. Il-prodott 2 għandu jiġi kklassifikat fl-intestatura 24.04 tas-SA2022 bl-użu ta' GIR 3(b), abbażi tal-karattru essenzjali mogħti mil-likwidu elettroniku.

    (3) Il-klassifikazzjoni fis-SA 2022 ta' ċerti kollezzjonijiet u biċċiet tal-kollezzjoni ta' interess numismatiku (Talba mis-Segretarjat) Dok. NC2711Ea

    L-Unjoni għandha tesprimi l-bżonn għal informazzjoni addizzjonali dwar il-prodotti biex tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni.

    L-Unjoni ma għandhiex taqbel mal-proposta li tiġi emendata n-NSSA, sakemm ma jkunx hemm kjarifika u gwida dwar kif issir distinzjoni bejn is-subintestaturi l-ġodda taħt l-intestatura 97.05.

    (4) Il-klassifikazzjoni fis-SA 2022 ta' ċerti cartridges għall-istampaturi 3D (Talba mis-Segretarjat) Dok. NC2712Ea

    L-Unjoni tikklassifika l-prodotti fil-Kapitolu 39 skont il-materjal kostitwenti, f'konformità mad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-276/00. Hemm bżonn informazzjoni addizzjonali biex jiġu kklassifikati l-prodotti fil-livell tas-subintestatura. L-emenda proposta għan-NSSA ma għandhiex tiġi appoġġata, peress li l-prattika attwali fl-Unjoni hija li l-cartridges tal-istampaturi ma jiġux ikklassifikati bħala partijiet mill-istampaturi.

    (5) Il-klassifikazzjoni fis-SA 2022 ta' magna tal-laminazzjoni tal-folji għall-manifattura addittiva Dok. NC2744Ea

    L-Unjoni tikklassifika l-prodott fl-intestatura 84.85 (l-għażla II).

    VI.   RAPPORT TAL-GRUPP TA' ĦIDMA PRESESSJONALI Dok. NC2714Ea u l-Annessi A sa T

    L-Unjoni għandha tadotta t-test ippreżentat fl-Annessi A sa T, soġġett għal xi suġġerimenti editorjali, bir-rimarki li ġejjin:

    (1) L-emenda għall-Ġabra ta' Opinjonijiet ta' Klassifikazzjoni biex tiġi riflessa d-deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni ta' prodott fl-intestatura 18.06 (subintestatura 1806,32)

    L-Unjoni għandha tissuġġerixxi li titħassar il-lista ta' ingredjenti li mhumiex meħtieġa għall-finijiet ta' klassifikazzjoni.

    (2) L-emenda għall-Ġabra ta' Opinjonijiet ta' Klassifikazzjoni biex tiġi riflessa d-deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni ta' żewġ tipi ta' zkuk tat-tabakk ("Zkuk tat-tabakk imqatta' rrumblat espandut (CRES)" u "Zkuk tat-tabakk espandut (ETS)") fl-intestatura 24.03 (subintestatura 2403,99)

    L-Unjoni għandha tinsisti li jinżamm it-test "ma jistax jitpejjep direttament" peress li dan kien il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni.

    (3) L-emenda għall-Ġabra ta' Opinjonijiet ta' Klassifikazzjoni biex tiġi riflessa d-deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni ta' Ċelloli tal-Karburant b'Ossidu Solidu (SOFC) fl-intestatura 85.01 (subintestatura 8501,62)

    L-Unjoni għandha tissuġġerixxi l-użu tad-deskrizzjoni tal-prodott mit-test fil-kaxxa fid-dokument ta' ħidma inizjali (dok. NC2655E1b).

    VII.   TALBIET GĦAL RIEŻAMI (RIŻERVI)

    (1) Ir-rieżami tal-klassifikazzjoni ta' ċerti sip feeds djetetiċi (Prodotti 1 sa 5) (Talba mill-Istati Uniti) Dok. NC2715Ea

    L-Unjoni tikklassifika l-prodotti bħala xarbiet fl-intestatura 22.02, f'konformità mad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-114/80 u mal-Opinjonijiet ta' Klassifikazzjoni 2202,99/2-4.

    (2) Ir-rieżami tal-klassifikazzjoni ta' arloġġ tal-idejn tal-ġiri bil-GPS u bil-monitoraġġ tal-polz (Talbiet mill-Istati Uniti u l-Ġappun) Dok. NC2716Ea

    L-Unjoni tikklassifika l-prodott fis-subintestatura 9102,12 bħala arloġġ tal-idejn, f'konformità man-NSNM għall-intestatura 91.02.

    (3) Ir-rieżami tal-klassifikazzjoni ta' Sterilizzatur (Talba mill-Ukrajna) Dok. NC2717Ea

    L-Unjoni tikklassifika l-prodott fl-intestatura 84.19, peress li din hija l-intestatura speċifika għall-isterilizzaturi. Il-bidla fit-temperatura sseħħ u għandha effett importanti fuq il-proċess sterilizzanti. L-apparat ma jissodisfa l-ebda funzjoni mekkanika.

    (4) Ir-rieżami tal-klassifikazzjoni ta' żewġ prodotti msejħa "Ġeneraturi RF u Networks ta' Korrispondenza RF" (Talba mill-Korea t'Isfel) Dok. NC2718Ea, NC2745Eb, NC2747Ea

    L-Unjoni tikklassifika l-prodotti fl-intestatura 84.86 peress li huma magni identifikabbli użati biss jew prinċipalment għall-manifattura ta' apparati semikondutturi.

    VIII.   STUDJI ULTERJURI

    (1) Il-klassifikazzjoni tal-insetti li jittieklu (Proposta mis-Segretarjat) Dok. NC2719Ea

    L-Unjoni għandha tappoġġa t-trasferimenti possibbli mill-intestaturi 02.10 u 04.10 għall-prodott 1. Il-prodott 2 jista' jiġi ttrasferit jew mill-intestatura 04.10 jew mill-Kapitolu 16. Il-prodott 3 jista' jiġi ttrasferit mill-Kapitolu 16. Il-prodott 4 jista' jiġi ttrasferit mill-Kapitolu 16 jew 21.

    (2) L-emenda possibbli għan-Nota ta' Spjegazzjoni tal-intestatura 27.11 biex tiġi ċċarata l-klassifikazzjoni tal-gass likwifikat miż-żejt (LPG) (Proposta mis-Segretarjat) Dok. NC2720Ea

    L-Unjoni għandha tappoġġa l-ħolqien ta' subintestatura fin-Nota ta' Spjegazzjoni tas-subintestatura 2711,19.

    (3) L-emenda għan-Noti ta' Spjegazzjoni tar-Regola 3(b) biex tiġi ċċarata l-klassifikazzjoni tas-settijiet tad-Dok. NC2721Ea

    L-Unjoni għandha tappoġġa ż-żamma tal-istatus quo u l-prattiki ta' klassifikazzjoni attwali.

    (4) L-emenda possibbli għan-Nota ta' Spjegazzjoni tal-intestatura 91.02 Dok. NC2722Ea

    L-Unjoni tippreferi tistenna deċiżjoni definittiva dwar il-klassifikazzjoni fil-punt VII.2 qabel timxi bl-emenda għan-NSSA.

    (5) L-emenda possibbli għan-Nota ta' Spjegazzjoni tal-intestatura 87.03 fir-rigward ta' vetturi ibridi mikro Dok. NC2723Ea

    L-Unjoni għandha tappoġġa l-emenda għan-NSSA peress li din tiċċara l-klassifikazzjoni tat-tip ta' vettura l-ġdid.

    (6) Il-klassifikazzjoni tal-vetturi ibridi ħfief Dok. NC2724Ea

    L-Unjoni tikklassifika l-prodott fis-subintestatura 8703,40, peress li l-mutur elettriku huwa ddisinjat biex jagħti spinta lill-vettura billi jappoġġa t-tħaddim tal-magna.

    (7) Klassifikazzjoni ta' prodott tax-xema' (Talba mill-Ekwador) Dok. NC2725Ea

    L-Unjoni tikklassifika l-prodott fl-intestatura 34.04, peress li l-analiżi fil-laboratorju kkonfermat li l-prodott kellu karatteristika bħax-xema'.

    (8) L-emenda possibbli għan-Nota ta' Spjegazzjoni tal-intestatura 95.03 (Proposta mill-Unjoni) Dok. NC2667Ea

    L-Unjoni għandha tibqa' flessibbli għal kwalunkwe kumment editorjali addizzjonali dwar il-proposta oriġinali tal-UE.

    (9) L-emenda possibbli għan-Nota ta' Spjegazzjoni tal-intestatura 95.05 (Proposta mill-Unjoni) Dok. NC2668Ea, NC2668Ea

    L-Unjoni għandha tibqa' flessibbli għal kwalunkwe kumment editorjali addizzjonali dwar il-proposta oriġinali tal-UE.

    (10) Il-klassifikazzjoni ta' ċerti żjut essenzjali mqiegħda għall-bejgħ bl-imnut (Talba mill-Costa Rica) Dok. NC2672Ea

    L-Unjoni tikklassifika l-prodott fl-intestatura 33.01. Dan il-prodott huwa żejt essenzjali tal-lavanda li fih tipi ta' alkoħol monoterpeniċi, għalhekk mhuwiex deterpenat u huwa kopert mill-intestatura 33.01. Dan jinkiseb permezz ta' proċess ta' distillazzjoni bil-fwar li, għaldaqstant, huwa konformi man-NSSA tal-intestatura 33.01.

    (11) Klassifikazzjoni ta' żewġ lostraturi tal-art (Talba mill-Costa Rica) Dok. NC2673Ea

    L-Unjoni tikklassifika l-prodotti fl-intestatura 84.79. Minħabba l-karatteristiċi tekniċi tagħhom, huma mhumiex tat-tip li normalment jintuża għal skopijiet domestiċi u meta titqies in-Nota 4(a) tal-Kapitolu 85 jenħtieġ li jkunu kklassifikati fis-subintestatura 84.79.

    (12) Il-klassifikazzjoni ta' "Boom Lift Artikolat Awtonomu" (Talba mill-Korea t'Isfel) Dok. NC2674Ea

    L-Unjoni tikklassifika l-prodott fl-intestatura 84.28 abbażi tar-Regolament (KE) Nru 738/2000 għal prodott simili.

    (13) Il-klassifikazzjoni ta' ċerti preparazzjonijiet tal-ikel (Talba mill-Istati Uniti) Dok. NC2676Ea, NC2742Ea

    L-Unjoni għandha titlob informazzjoni addizzjonali dwar l-erba' prodotti kkonċernati kollha biex tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni.

    Prodott 1: kontenut ta' proteina. Jekk dan ikun għoli ħafna (aktar minn 85 %), tista' tiġi kkunsidrata l-intestatura 35.04. Abbażi tal-informazzjoni attwali, il-prodott jista' jiġi kklassifikat fis-subintestatura 2106,10 f'konformità mal-Opinjoni ta' Klassifikazzjoni 2106,90/5.

    Prodott 2: l-Unjoni tikklassifikah fl-intestatura 22.02 jekk ikun direttament tajjeb għax-xorb, jew fl-intestatura 21.06 jekk ikun irid jiġi dilwit qabel jinxtorob.

    Prodott 3: l-Unjoni tikklassifikah fl-intestatura 2101,20, madankollu, ikun ta' għajnuna jekk ikun hemm informazzjoni addizzjonali dwar il-kontenut ta' kafeina.

    Prodott 4: id-deskrizzjoni tal-prodott toħloq konfużjoni, peress li mhuwiex ċar x'inhu l-ingredjent prinċipali. Jekk ikun fih il-kawkaw, jista' jiġi kklassifikat fl-intestatura 18.06, jekk le fl-intestatura 19.05.

    (14) Il-klassifikazzjoni ta' "magna tat-tqattigħ" (Talba mill-Federazzjoni Russa) Dok. NC2677Ea

    L-Unjoni għandha tinnota li peress li l-magna fiha bosta funzjonijiet, il-klassifikazzjoni diffiċli li tiġi ddeterminata, u li din tista' tiġi kklassifikata fl-intestaturi 84.30 u 84.32, għalhekk tikklassifikaha fl-intestatura 84.32, bl-użu ta' GIR 3(c).

    (15) Il-klassifikazzjoni ta' ċerti tajers pnewmatiċi ġodda, tal-gomma, intiżi għall-vetturi użati għat-trasport ta' oġġetti fil-kostruzzjoni, fix-xogħol tal-minjieri jew fl-industrija (Talba mill-Federazzjoni Russa) Dok. NC2678Ea, NC2748Ea

    L-Unjoni għandha tikkondividi l-parir tas-Segretarjat tad-WCO, u tikklassifika ż-żewġ prodotti fis-subintestatura 4011,20.

    (16) Il-klassifikazzjoni ta' ċerti preparazzjonijiet ta' tip użat fl-għalf tal-annimali (Talba mill-Kanada) Dok. NC2679Ea, NC2743Ea

    Abbażi tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-144/15, l-Unjoni tikklassifika l-prodott fl-intestatura 23.09.

    (17) Il-klassifikazzjoni tal-prodott imsejjaħ "Kaxxa tad-Dawl għall-Ittrejsjar" (Talba mill-Ġappun) Dok. NC2681Ea

    L-Unjoni tikklassifika l-prodott fl-intestatura 94.05, billi dan għandu funzjoni b'użi multipli u mhuwiex mgħammar b'xi strument tat-tpinġija.

    (18) Il-klassifikazzjoni ta' kontrollur tal-veloċità elettroniku (Talba mit-Tuneżija) Dok. NC2682Ea

    L-Unjoni tikklassifika l-prodott fl-intestatura 85.04, kif issuġġerit mis-Segretarjat tad-WCO.

    (19) L-emenda possibbli għan-Nota ta' Spjegazzjoni tal-intestatura 27.10 (Proposta mill-Ġappun) Dok. NC2641Ea, NC2739Ea

    L-Unjoni għandha toqgħod lura milli tieħu sehem f'diskussjonijiet peress li l-opinjoni ta' klassifikazzjoni li minnha tirriżulta din l-emenda ma tistax tiġi applikata fl-Unjoni minħabba d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-330/13. Ikun aħjar li wieħed jaħseb fl-emenda għas-SA fil-futur u fit-tqassim mill-ġdid tan-Nota 2 tal-Kapitolu 27.

    (20) Jaf hemm allinjament ħażin bejn it-test Ingliż u dak Franċiż fin-Noti ta' Spjegazzjoni tal-intestatura 85.01 Dok. NC2688Ea

    L-Unjoni għandha taqbel mal-emenda proposta li jintuża t-terminu Franċiż "onduleur" bħal f'partijiet oħra tan-Nomenklatura tas-SA.

    IX.   MISTOQSIJIET ĠODDA

    (1) Il-klassifikazzjoni ta' ċerti kontenituri taż-żibel fit-toroq (Talba mit-Tuneżija) Dok. NC2726Ea

    L-Unjoni tikklassifika l-prodotti fl-intestatura 39.26 minħabba d-daqs akbar tal-kontenituri, mhux għall-użu domestiku. L-Unjoni tinnota li d-deskrizzjoni tal-prodott jenħtieġ li tinkludi l-kapaċità tal-kontenituri f'litri.

    (2) Il-klassifikazzjoni ta' ċerti preparazzjonijiet tal-ikel fil-forma likwida (Talba mit-Tuneżija) Dok. NC2727Ea

    L-Unjoni għandha titlob aktar informazzjoni dwar il-kontenuti tal-prodotti (ilma jew meraq, sustanzi żejtnin, ingredjenti oħra minbarra l-vitamini, dożaġġ).

    (3) Il-klassifikazzjoni ta' żewġ prodotti li fihom il-kannabidiol (CBD) (Talba mis-Segretarjat) Dok. NC2728Ea

    L-Unjoni għandha tipproponi li l-kwistjoni tintbagħat quddiem is-Sottokumitat Xjentifiku, sabiex tintalab informazzjoni dwar (i) jekk il-prodotti jkollhomx biżżejjed ingredjenti attivi biex jagħtu effett terapewtiku jew profilattiku, u dwar (ii) l-ammont minimu ta' CBD bħala ingredjent attiv fi kwalunkwe prodott biex dan ikollu effett terapewtiku jew profilattiku.

    (4) Il-klassifikazzjoni tal-ħut imnixxef li sussegwentement jiġi trattat bl-ilma (ħut imnixxef riidratat) (Talba min-Norveġja) Dok. NC2729Ea

    L-Unjoni tista' tikklassifika l-prodott fil-Kapitolu 3, iżda hemm bżonn aktar informazzjoni dwar jekk it-togħma u l-konsistenza tal-prodott humiex ta' ħut imnixxef jew ta' ħut frisk.

    (5) Il-klassifikazzjoni ta' ċerti ġeneraturi tat-togħlija bil-fwar għall-kmamar tal-fwar (Talba mill-Eġittu) Dok. NC2730Ea

    L-Unjoni tikklassifika l-prodotti fl-intestatura 84.02 kif propost mis-Segretarjat tad-WCO, f'konformità mat-test tal-intestatura u n-NSSA tal-intestatura 84.02.

    (6) Il-klassifikazzjoni tal-prodott imsejjaħ "Flakes tal-fażola tas-sojja" (Talba minn Madagascar) Dok. NC2731Ea

    L-Unjoni tikklassifika l-prodott fl-intestatura 23.04, simili għall-prodott tal-Opinjoni ta' Klassifikazzjoni 2304,00/1.

    (7) Il-klassifikazzjoni ta' stufa tal-etanol b'żewġ berners (Talba mill-Kenja) Dok. NC2732Ea

    L-Unjoni tikklassifika l-prodott fis-subintestatura 7321,12., bħala karburant tal-etanol fil-forma likwida f'temperatura ambjentali u għalhekk jaqbel mat-test tas-subintestatura.

    (8) Il-klassifikazzjoni ta' kiosk interattiv li jirċievi l-ilmenti (Talba mill-Eġittu) Dok. NC2733Ea

    L-Unjoni għandha titlob informazzjoni addizzjonali: jekk il-prodott jistax jiffunzjona flimkien ma' apparat USB u kif, jew jistax jintuża biss permezz ta' skrin tattili.

    XI.   LISTA ADDIZZJONALI

    (1) Il-klassifikazzjoni tal-prodott imsejjaħ "ċfaċagħ żgħar tal-qamħirrum" (Talba mill-UE) Dok. NC2736Ea

    L-Unjoni talbet Opinjoni ta' Klassifikazzjoni.

    (2) Il-klassifikazzjoni ta' sett ta' ġenerazzjoni tal-elettriku bid-diżil b'potenza nominali doppja (Talba mill-Ghana) Dok. NC2737Ea

    L-Unjoni tikklassifika l-prodott fis-subintestatura 8502,13.

    (3) Il-klassifikazzjoni ta' modulu TFT-LCD (Talba mill-Korea t'Isfel) Dok. NC2740Ea

    F'konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 957/2006, ir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1201/2011 u Nru 1202/2011, u meta titqies in-Nota 2(b) tat-Taqsima XVI, l-Unjoni tikklassifika l-prodott fis-subintestatura 8529,90.

    (4) It-Tħassir tal-Opinjonijiet ta' Klassifikazzjoni 8528,69/1 u 8528,69/2 Dok. NC2741Ea

    Peress li l-prodotti ma għadhomx aktar fis-suq, l-Unjoni għandha tappoġġa t-tħassir ta' dawk l-Opinjonijiet ta' Klassifikazzjoni.

    (5) Il-klassifikazzjoni tal-prodott imsejjaħ "trab tal-ġewż tal-Indi bix-xaħam parzjalment imneħħi" (Talba mill-Unjoni) Dok. NC2746Ea

    L-Unjoni talbet Opinjoni ta' Klassifikazzjoni.

    Top