EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02019R1842-20220619

Consolidated text: Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1842 tal-31 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ arranġamenti ulterjuri għall-aġġustamenti għall-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet minħabba bidliet fil-livell tal-attività

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/1842/2022-06-19

02019R1842 — MT — 19.06.2022 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1842

tal-31 ta’ Ottubru 2019

li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ arranġamenti ulterjuri għall-aġġustamenti għall-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet minħabba bidliet fil-livell tal-attività

(ĠU L 282 4.11.2019, p. 20)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/827 tal-20 ta’ Mejju 2022

  L 147

25

30.5.2022




▼B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1842

tal-31 ta’ Ottubru 2019

li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ arranġamenti ulterjuri għall-aġġustamenti għall-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet minħabba bidliet fil-livell tal-attività



Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għall-allokazzjoni bla ħlas ta’ kwoti f’konformità mal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE għall-perjodu ta’ skambju mill-2021 sal-2030.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“livell ta’ attività medju” tfisser, għal kull subinstallazzjoni, il-medja aritmetika tal-livelli ta’ attività annwali relatati għas-sentejn kalendarji ta’ qabel it-tressiq ta’ rapport imsemmi fl-Artikolu 3(1);

(2) 

“installazzjoni eżistenti” tfisser installazzjoni eżistenti kif iddefinit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331;

(3) 

“subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana” tfisser subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana kif iddefinit fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331;

(4) 

“subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil” tfisser subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil kif iddefinit fl-Artikolu 2(6) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331;

(5) 

“perjodu ta’ allokazzjoni” tfisser perjodu ta’ allokazzjoni kif iddefinit fl-Artikolu 2(15) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331;

(6) 

“grupp” tfisser grupp kif iddefinit fl-Artikolu 2(11) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ).

Artikolu 3

Rekwiżiti ta’ rappurtar

1.  
Mill-2021 ’il quddiem, l-operaturi ta’ installazzjonijiet li jkunu ngħataw allokazzjoni bla ħlas, skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE, għall-perjodu ta’ skambju mill-2021 sal-2030, għandhom jirrappurtaw kull sena dwar il-livell ta’ attività ta’ kull subinstallazzjoni fis-sena kalendarja ta’ qabel. Fl-2021, dan ir-rapport għandu jinkludi data għas-sentejn ta’ qabel it-tressiq tiegħu.

L-installazzjonijiet li jkunu daħlu ġodda jistgħu jressqu r-rapporti msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331 fis-sena wara l-ewwel jum tal-operati.

2.  
Ir-rapport dwar il-livell ta’ attività għandu jkun fih informazzjoni dwar il-livell ta’ attività ta’ kull subinstallazzjoni u dwar kull wieħed mill-parametri elenkati fit-taqsima 1, għajr 1.3(c), u fit-taqsima 2.3 u 2.7 tal-Anness IV tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331. Ir-rapport dwar il-livell ta’ attività għandu jkun fih ukoll informazzjoni rigward l-istruttura tal-grupp, jekk għandu, li l-installazzjoni tappartieni għalih, u rigward jekk xi subinstallazzjoni tkunx waqfet milli topera.

L-awtorità kompetenti tista’ tirrikjedi lill-operaturi li jirrappurtaw ukoll dwar kwalunkwe mill-parametri addizzjonali inklużi fl-Anness IV tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331 fir-rapport dwar il-livell ta’ attività, jew imsemmija fil-paragrafu 1 tiegħu.

3.  
Ir-rapport dwar il-livell ta’ attività għandu jitressaq sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena matul is-snin mill-2021 għal 2030, lill-awtorità kompetenti li tagħti l-allokazzjoni bla ħlas, sakemm l-awtorità kompetenti ma tkunx stabbiliet skadenza aktar bikrija għas-sottomissjoni inkwistjoni. Ir-rapport għandu jitressaq flimkien ma’ rapport ta’ verifika fuq ir-rapport dwar il-livell ta’ attività f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067.

L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu t-tressiq ta’ rapport preliminari dwar il-livell ta’ attività, li jkun jinkludi kull informazzjoni disponibbli fil-mument tas-sottomissjoni. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu skadenzi għat-tressiq tar-rapport preliminari dwar il-livell ta’ attività.

L-awtorità kompetenti tista’ tissospendi l-ħruġ ta’ allokazzjonijiet bla ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet lil installazzjoni sakemm l-awtorità kompetenti tkun stabbiliet li ma hemm ebda rekwiżit biex l-allokazzjoni tiġi aġġustata għal dik l-installazzjoni, jew il-Kummissjoni tkun adottat Deċiżjoni skont l-Artikolu 23(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331 rigward l-aġġustamenti għall-allokazzjoni lil dik l-installazzjoni.

Fejn applikabbli, l-awtorità kompetenti għandha tirkupra kull kwota żejda li tirriżulta minn allokazzjoni żejda, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 48(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1122 ( 2 ).

L-awtorità kompetenti tista’ tirrikjedi li l-operaturi u l-verifikaturi jużaw mudelli elettroniċi jew formati ta’ fajl speċifiċi għat-tressiq tar-rapporti dwar il-livell ta’ attività.

4.  

L-awtorità kompetenti għandha tivvaluta r-rapport dwar il-livell ta’ attività msemmi fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu skont ir-rekwiżiti tal-Artikoli 7 sa 12 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331. L-awtorità kompetenti tista’ tagħmel stima konservattiva tal-valur ta’ xi parametru fi kwalunkwe mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a) 

ebda rapport dwar il-livell ta’ attività vverifikat ma jkun tressaq mill-operatur sal-iskadenza msemmija fil-paragrafu 3, u l-ħruġ tal-kwoti ma jkunx ġie sospiż;

(b) 

il-valur ivverifikat imressaq ma jkunx konformi ma’ dan ir-Regolament jew mar-Regolament Delegat (UE) 2019/331;

(c) 

ir-rapport dwar il-livell ta’ attività ta’ operatur ma jkunx ġie vverifikat skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067.

L-awtorità kompetenti ma għandhiex iżżid l-allokazzjoni lil installazzjoni abbażi ta’ stima li tkun saret fis-sitwazzjoni tal-punt (a).

Fejn verifikatur ikun iddikjara, fir-rapport ta’ verifika f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067, l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet skorretti materjali li ma jkunux ġew ikkoreġuti mill-operatur qabel il-ħruġ tar-rapport tal-verifika, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta dawk id-dikjarazzjonijiet skorretti, u għandha tagħmel stima konservattiva tal-valur ta’ parametru, fejn possibbli. L-awtorità kompetenti għandha tgħarraf lill-operatur jekk humiex meħtieġa korrezzjonijiet għar-rapport dwar il-livell ta’ attività, kif ukoll x’inhuma dawk il-korrezzjonijiet. L-operatur għandu jagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-verifikatur.

Artikolu 4

Livelli ta’ attività medji

1.  
L-awtorità kompetenti għandha tiddetermina l-livell ta’ attività medju ta’ kull subinstallazzjoni abbażi tar-rapporti dwar il-livell ta’ attività għall-perjodu ta’ sentejn rilevanti.
2.  
Il-livell ta’ attività medju tas-subinstallazzjonijiet il-ġodda u tal-installazzjonijiet li jidħlu ġodda ma għandhomx jiġu kkalkolati għall-ewwel tliet snin kalendarji tal-operat.

Artikolu 5

Aġġustamenti għall-allokazzjoni bla ħlas minħabba tibdil fil-livell ta’ attività

1.  
Kull sena l-awtorità kompetenti għandha tqabbel il-livell ta’ attività medju ta’ kull subinstallazzjoni, iddeterminat skont l-Artikolu 4, mal-livell ta’ attività storiku li jkun intuża inizjalment għad-determinazzjoni tal-allokazzjoni bla ħlas. Meta l-valur assolut tad-differenza bejn il-livell ta’ attività medju u l-livell ta’ attività storiku ta’ dik is-subinstallazzjoni jkun iktar minn 15 %, l-allokazzjoni bla ħlas ta’ kwoti lil dik l-installazzjoni għandha tiġi aġġustata. Dak l-aġġustament għandu japplika mis-sena wara s-sentejn kalendarji użati għad-determinazzjoni tal-livell ta’ attività medju, u dejjem jekk l-aġġustament tal-ammont preliminari annwali tal-kwoti tal-emissjonijiet allokat bla ħlas lis-subinstallazzjoni jkun tal-anqas 100 kwota tal-emissjonijiet. Dak l-aġġustament għandu jsir billi tiżdied jew titnaqqas l-allokazzjoni bla ħlas għas-subinstallazzjoni rilevanti, bil-bidla perċentwali eżatta fil-livell ta’ attività medju meta mqabbel mal-livell ta’ attività storiku li jkun intuża inizjalment għad-determinazzjoni tal-allokazzjoni bla ħlas.
2.  
Meta jkun sar aġġustament skont il-paragrafu 1, matul perjodu tal-allokazzjoni, aġġustamenti ulterjuri jistgħu jsiru biss jekk il-valur assolut tad-differenza bejn il-livell ta’ attività medju u l-livell ta’ attività storiku ta’ dik is-subinstallazzjoni jaqbeż l-eqreb intervall ta’ 5 %, lil hinn mill-bidla ta’ 15 %, li jkun ikkaġuna l-aġġustament preċedenti tal-allokazzjoni bla ħlas lil dik l-installazzjoni, billi tiżdied jew titnaqqas l-allokazzjoni bla ħlas għas-subinstallazzjoni rilevanti bil-bidla perċentwali eżatta fil-livell ta’ attività medju meta mqabbel mal-livell ta’ attività storiku li jkun intuża inizjalment għad-determinazzjoni tal-allokazzjoni bla ħlas, u dejjem jekk l-aġġustament tal-ammont preliminari annwali ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokat bla ħlas lill-subinstallazzjoni jkun tal-anqas 100 kwota tal-emissjonijiet.
3.  
Jekk iż-żieda jew it-tnaqqis tal-livell ta’ attività medju ta’ subinstallazzjoni ma jibqax iktar minn 15 % meta mqabbel mal-livell ta’ attività storiku li jkun intuża inizjalment għad-determinazzjoni tal-allokazzjoni bla ħlas, l-allokazzjoni bla ħlas ta’ kwoti lil dik is-subinstallazzjoni għandha tkun daqs l-allokazzjoni inizjali ddeterminata bl-Artikolu 16 jew 18 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331, mis-sena wara s-sentejn kalendarji użati għad-determinazzjoni tal-livell ta’ attività medju.
4.  
Jekk subinstallazzjoni tkun waqfet mill-operat, l-allokazzjoni bla ħlas ta’ din is-subinstallazzjoni għandha tiġi stabbilita għal żero mis-sena wara t-twaqqif tal-operati.
5.  
Għas-subinstallazzjonijiet il-ġodda u għall-installazzjonijiet li jidħlu ġodda, għall-ewwel tliet snin kalendarji tal-operat, l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet ma għandhiex tiġi aġġustata. Għall-ewwel u t-tieni snin kalendarji tal-operat, l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet għandha tkun ibbażata fuq il-livell ta’ attività ta’ kull sena rispettivament; għat-tielet sena kalendarja tal-operat, l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet għandha tkun ibbażata fuq il-livell ta’ attività storiku użat għad-determinazzjoni tal-allokazzjoni bla ħlas.
6.  
L-ammont annwali finali tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati bla ħlas lil installazzjoni għandu jkun is-somma tal-kwoti tal-emissjonijiet tas-subinstallazzjonijiet kollha, ikkalkolata skont l-Artikolu 16 jew 18, kif xieraq, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331.

Artikolu 6

Tibdil ieħor fl-operat tal-installazzjoni

1.  
Meta operatur jiddemostra, abbażi tad-data mressqa fir-rapport dwar il-livell ta’ attività, kif ukoll abbażi ta’ kwalunkwe data addizzjonali mitluba mill-awtorità kompetenti, li t-tnaqqis fil-livell ta’ attività ta’ subinstallazzjoni, li għaliha l-ammont ta’ allokazzjoni bla ħlas ikun ġie ddeterminat abbażi ta’ parametru referenzjarju tas-sħana jew tal-fjuwil, mhuwiex relatat ma’ bidla fil-livelli ta’ produzzjoni tas-subinstallazzjoni, iżda huwa dovut għal żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija min-naħa ta’ dik is-subinstallazzjoni skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, meta mqabbel ma’ dak ibbażat fuq id-data ta’ referenza jew fuq ir-rapport tad-data ta’ installazzjoni li daħlet ġdida, b’iktar minn 15 %, ma għandu jsir ebda aġġustament tal-allokazzjoni bla ħlas.
2.  
Meta operatur jonqos milli jiddemostra, fuq talba tal-awtorità kompetenti, abbażi tad-data mressqa fir-rapport dwar il-livell ta’ attività u abbażi ta’ kwalunkwe data addizzjonali mitluba mill-awtorità kompetenti, li ż-żieda fil-livell ta’ attività ta’ subinstallazzjoni, li għaliha l-ammont ta’ allokazzjoni bla ħlas ikun ġie ddeterminat abbażi ta’ parametru referenzjarju tas-sħana jew tal-fjuwil, hija relatata ma’ bidla fil-livelli ta’ produzzjoni tas-subinstallazzjoni u mhijiex dovuta għat-tnaqqis fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija min-naħa ta’ dik is-subinstallazzjoni skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, meta mqabbel ma’ dik ibbażata fuq id-data ta’ referenza jew ir-rapport tad-data tal-awtorità kompetenti, b’iktar minn 15 %, l-awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta l-aġġustament tal-allokazzjoni bla ħlas.
3.  
Għas-subinstallazzjonijiet ta’ parametru referenzjarju tas-sħana u għas-subinstallazzjonijiet ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil, il-bidla fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għandha tkun iddeterminata billi jitqabblu l-kwozjenti tal-ammont ta’ tisħin jew fjuwil użat għall-produzzjoni ta’ kull prodott u l-ammonti tal-produzzjoni rispettiva tagħhom, skont ir-rapport ta’ data ta’ referenza, u wara li tkun saret il-bidla fl-operat tas-subinstallazzjoni. Tali determinazzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għandha ssir għall-produzzjoni ta’ kull prodott kopert minn kull kodiċi PRODCOM tas-subinstallazzjoni fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3924/91 ( 3 ).

Skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-ammonti ta’ tisħin u ta’ fjuwil użati għall-produzzjoni ta’ kull prodott għandhom ikunu ddeterminati bi qbil mal-metodoloġiji stabbiliti fil-pjan ta’ metodoloġija ta’ monitoraġġ kif approvat skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331.

4.  
Meta r-rapport dwar il-livell ta’ attività mressaq f’konformità mal-Artikolu 3 jindika li l-medja mobbli ta’ sentejn ta’ parametru elenkat fl-Artikolu 16(5), fl-Artikolu 19, 20, 21 jew 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331, minbarra l-livelli ta’ attività, tkun inbidlet b’aktar minn 15 % għal subinstallazzjoni meta mqabbel mal-valuri użati għad-determinazzjoni tal-livell inizjali tal-allokazzjoni bla ħlas, l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti lil dik l-installazzjoni għandha tiġi aġġustata, mis-sena wara s-sentejn użati għad-determinazzjoni tal-bidla fil-parametri, dejjem jekk l-aġġustament tal-ammont preliminari annwali tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati bla ħlas lis-subinstallazzjoni jkun tal-anqas 100 kwota tal-emissjonijiet, billi tiżdied jew titnaqqas l-allokazzjoni bla ħlas għas-subinstallazzjoni rilevanti bl-użu tal-valur eżatt il-ġdid ta’ dak il-parametru.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi. ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19.

( 2 ) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1122 tat-12 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-funzjonament tar-Reġistru tal-Unjoni (ĠU L 177, 2.7.2019, p. 3).

( 3 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3924/91 tad-19 ta’ Diċembru 1991 dwar it-twaqqif ta’ stħarriġ fil-Komunità dwar il-produzzjoni industrijali (ĠU L 374, 31.12.1991, p. 1).

Top