Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02019D1720-20220110

Consolidated text: Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1720 tal-14 ta’ Ottubru 2019 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1720/2022-01-10

02019D1720 — MT — 10.01.2022 — 005.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/1720

tal-14 ta’ Ottubru 2019

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa

(ĠU L 262 15.10.2019, p. 58)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/607 tat-4 ta’ Mejju 2020

  L 139I

4

4.5.2020

 M2

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/1467 tat-12 ta’ Ottubru 2020

  L 335

18

13.10.2020

►M3

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/1278 tat-30 ta’ Lulju 2021

  L 277I

24

2.8.2021

►M4

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/1800 tal-11 ta’ Ottubru 2021

  L 361

52

12.10.2021

►M5

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/24 tal-10 ta’ Jannar 2022

  L 5I

13

10.1.2022




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/1720

tal-14 ta’ Ottubru 2019

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa



Artikolu 1

1.  

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-transitu minnhom, minn persuni fiżiċi li:

(a) 

jkunu responsabbli għal ksur serju jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem jew għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa;

(b) 

l-azzjonijiet, politiki jew attivitajiet tagħhom b'mod ieħor idgħajfu d-demokrazija jew l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa;

(c) 

jkunu assoċjati ma' dawk imsemmija fil-punti (a) u (b);

kif elenkati fl-Anness.

2.  
Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru li jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu taċ-ċittadini tiegħu stess.
3.  

Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut b'obbligu skont id-dritt internazzjonali, jiġifieri:

(a) 

bħala pajjiż ospitanti ta' organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

(b) 

bħala pajjiż ospitanti ta' konferenza internazzjonali mlaqqa' min-Nazzjonijiet Uniti, jew taħt il-patroċinju tagħha;

(c) 

taħt ftehim multilaterali li jagħti privileġġi u immunitajiet; jew

(d) 

skont it-Trattat ta’ Konċiljazzjoni (il-Patt tal-Lateran) tal-1929 konkluż mis-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.

4.  
Il-paragrafu 3 għandu jitqies bħala li japplika wkoll f'każijiet fejn Stat Membru jkun il-pajjiż ospitanti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).
5.  
Stat Membru li jagħti eżenzjoni skont il-paragrafu 3 jew 4 għandu debitament jinforma lill-Kunsill fi kwalunkwe każ.
6.  
L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti taħt il-paragrafu 1 fejn l-ivvjaġġar ikun ġustifikat għal raġunijiet ta' bżonn umanitarju urġenti, jew għal raġunijiet ta' attendenza għal laqgħat intergovernattivi u dawk promossi jew ospitati mill-Unjoni, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza attwali tal-OSKE, fejn isir djalogu politiku li jippromwovi direttament l-objettivi ta' politika ta' miżuri restrittivi, fosthom il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa.
7.  
Stat Membru li jixtieq jagħti eżenzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 6 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni għandha titqies li tkun ingħatat sakemm ma joġġezzjonax membru wieħed jew aktar tal-Kunsill bil-miktub fi żmien jumejn ta' xogħol minn meta tasal in-notifika dwar l-eżenzjoni proposta. Fil-każ li membru wieħed jew aktar tal-Kunsill iqajmu oġġezzjoni, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.
8.  
Fejn, skont il-paragrafi 3, 4, 6 jew 7, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-transitu minnu, minn persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun strettament limitata għall-iskop li għalih tkun ingħatat u għall-persuni direttament ikkonċernati minnha.

Artikolu 2

1.  

Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta', jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li:

(a) 

jkunu responsabbli għal ksur serju jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem jew għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa;

(b) 

l-azzjonijiet, il-politiki jew l-attivitajiet tagħhom b'xi mod ieħor idgħajfu d-demokrazija jew l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa;

(c) 

jkunu assoċjati mal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmijin fil-punti (a) u (b);

kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.  
L-ebda fond jew riżors ekonomiku ma għandu jsir disponibbli, direttament jew indirettament, lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Anness jew għall-benefiċċju tagħhom.
3.  

L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tawtorizza r-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li tingħata disponibbiltà għal ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, taħt il-kondizzjonijiet li hi tqis xierqa, wara li tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

(a) 

neċessarji biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness u l-membri tal-familja dipendenti ta' tali persuni fiżiċi, inklużi pagamenti għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteki, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u imposti ta' servizzi pubbliċi;

(b) 

maħsuba esklużivament għall-pagament ta' tariffi professjonali raġonevoli u għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta' servizzi legali;

(c) 

maħsuba esklużivament għall-pagament ta' tariffi jew imposti ta' servizzi ta' kustodja jew ġestjoni normali ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d) 

neċessarji għal spejjeż straordinarji, sakemm l-awtorità kompetenti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom hija tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, għall-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(e) 

ser jitħallsu f'kont, jew jinħarġu minn kont, ta' missjoni diplomatika jew konsulari, jew ta' organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi immunitajiet skont id-dritt internazzjonali, sa fejn tali pagamenti jkunu maħsubin biex jintużaw għal finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari, jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu.

4.  

B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li jkunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta' sentenza arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu ġew elenkati fl-Anness, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b) 

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw esklużivament biex jiġu sodisfatti pretensjonijiet garantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c) 

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness; u

(d) 

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu.

5.  
Il-paragrafu 1 ma għandux iżomm lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness milli jagħmlu ħlas dovut taħt kuntratt jew ftehim konkluż, jew obbligu li rriżulta, qabel id-data li fiha tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikunu ġew elenkati fih, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ikun iddetermina li l-ħlas ma jiġix riċevut, direttament jew indirettament, minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmi fil-paragrafu 1.
6.  

Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda ma' kontijiet iffriżati ta':

(a) 

imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b) 

pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data meta dawk il-kontijiet ikunu saru soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2; jew

(c) 

pagamenti dovuti taħt deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali li ngħataw fl-Unjoni jew li huma eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat;

dment li kwalunkwe tali imgħax, dħul u pagament ieħor jibqa' soġġett għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1.

Artikolu 3

B'deroga mill-Artikolu 2(1) u (2), l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati li jappartjenu lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness, jew li tingħata disponibbiltà għal ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness, taħt dawk il-kondizzjonijiet li l-awtoritajiet kompetenti jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-provvista ta' tali fondi jew riżorsi ekonomiċi hija neċessarja għal skopijiet umanitarji, bħall-għoti jew il-faċilitazzjoni tal-għoti ta' assistenza inklużi provvisti mediċinali, oġġetti tal-ikel jew it-trasferiment ta' ħaddiema umanitarji u assistenza relatata jew għall-evakwazzjonijiet min-Nikaragwa.

Artikolu 4

1.  
Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'unanimità fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-"Rappreżentant Għoli"), għandu jistabbilixxi u jemenda l-lista stabbilita fl-Anness.
2.  
Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, inklużi r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati, direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' notifika, biex b'hekk tali persuna, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.
3.  
Fejn jitressqu osservazzjonijiet, jew tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati skont il-każ.

Artikolu 5

1.  
L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmijin fl-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1).
2.  
L-Anness għandu jinkludi wkoll l-informazzjoni disponibbli meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward ta' persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet u l-psewdonimi, id-data u l-post ta' twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 6

1.  

Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli għandhom jipproċessaw data personali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom taħt din id-Deċiżjoni, b'mod partikolari:

(a) 

fir-rigward tal-Kunsill, il-preparazzjoni u l-emendar tal-Anness;

(b) 

fir-rigward tar-Rappreżentant Għoli, il-preparazzjoni ta' emendi għall-Anness.

2.  
Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw, fejn applikabbli, data rilevanti b'rabta ma' reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi elenkati, u ma' kundanni penali jew miżuri ta' sigurtà li jikkonċernaw lit-tali persuni, biss sa fejn tali proċessar ikun meħtieġ għall-preparazzjoni tal-Anness.
3.  
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli huma nominati bħala "kontrollur" fis-sens tal-Artikolu 3(8) tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom taħt ir-Regolament (UE) Nru 2018/1725.

Artikolu 7

Ebda pretensjoni b'konnessjoni ma' xi kuntratt jew tranżazzjoni li l-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti taħt din id-Deċiżjoni, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kull forma, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

(a) 

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness;

(b) 

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu permezz ta', jew f'isem, waħda mill-persuni, entitajiet jew korpi imsemmijin fil-punt (a).

Artikolu 8

Sabiex l-impatt tal-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni jkun kemm jista' jkun qawwi, l-Unjoni għandha tħeġġeġ lil Stati terzi biex jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk previsti f'din id-Deċiżjoni.

▼M4

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-15 ta’ Ottubru 2022 u għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.

▼B

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.




ANNESS

▼M5

A.   Persuni fiżiċi msemmija fl-Artikoli 1(1) u 2(1)

▼M1



 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

Ramón Antonio AVELLÁN MEDAL

Data tat-twelid: 11 ta’ Novembru 1954

Post tat-twelid: Jinotepe, in-Nikaragwa

Numru tal-passaport: A0008696

Maħruġ: 17 ta’ Ottubru 2011

Validu sa: 17 ta’ Ottubru 2021

Ġeneru: raġel

Deputat Direttur Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa (NNP) u eks kap tal-pulizija f’Masaya. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa, inkluż billi kkoordina r-repressjoni tad-dimostranti f’Masaya fl-2018.

4.5.2020

2.

Sonia CASTRO GONZÁLEZ

Data tat-twelid: 29 ta’ Settembru 1967

Post tat-twelid: Carazo, in-Nikaragwa

Numru tal-passaport: A00001526

Maħruġ: 19 ta’ Novembru 2019

Validu sa: 19 ta’ Novembru 2028

Numru tal-ID: 0422909670000N

Ġeneru: mara

Konsulent speċjali għall-President tan-Nikaragwa dwar kwistjonijiet ta’ saħħa u eks Ministru għas-Saħħa. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa, inkluż billi xekklet l-aċċess għal assistenza medika ta’ emerġenza għall-popolazzjoni ċivili midruba involuta fid-dimostrazzjonijiet u ordnat lill-persunal tal-isptarijiet biex jirrapportaw lid-dimostranti li ttieħdu l-isptar mill-pulizija.

4.5.2020

3.

Francisco Javier DÍAZ MADRIZ

Data tat-twelid: 3 ta’ Awwissu 1961

Ġeneru: raġel

Direttur Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa (NNP) mit-23 ta’ Awwissu 2018 u eks Deputat Direttur Ġenerali tal-NNP. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa, inkluż billi mexxa l-forzi tal-pulizija biex iwettqu vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili, inkluż l-użu eċċessiv tal-forza, arresti u detenzjonijiet arbitrarji u tortura.

4.5.2020

4.

Néstor MONCADA LAU

Data tat-twelid: 2 ta’ Marzu 1954

Ġeneru: raġel

Konsulent personali għall-President tan-Nikaragwa dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali. F’din il-kapaċità, huwa kien direttament involut u responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali u għall-istabbiliment ta’ politiki repressivi mwettqa mill-Istat tan-Nikaragwa kontra persuni li jieħdu sehem f’dimostrazzjonijiet, rappreżentanti tal-oppożizzjoni u ġurnalisti fin-Nikaragwa minn April 2018 ’il quddiem.

4.5.2020

5.

Luís PÉREZ OLIVAS

Data tat-twelid: 8 ta’ Jannar 1956

Ġeneru: raġel

Kummissarju Ġenerali u Uffiċjal Prinċipali għall-Assistenza Legali (DAEJ) fiċ-ċentru penitenzjarju “El Chipote”. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż it-tortura, l-użu ta’ forza estensiva, it-trattament ħażin tad-detenuti u forom oħra ta’ trattament degradanti.

4.5.2020

6.

Justo PASTOR URBINA

Data tat-twelid: 29 ta’ Jannar 1956

Ġeneru: raġel

Kap tal-Unità tal-Operazzjonijiet Speċjali tal-Pulizija (DOEP). Kien direttament involut fl-implimentazzjoni ta’ politiki repressivi kontra d-dimostranti u l-oppożizzjoni fin-Nikaragwa, b’mod partikolari f’Managua. F’dan il-kuntest, huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa.

4.5.2020

▼M3

7.

Rosario María MURILLO ZAMBRANA

Psewdonimu: Rosario María MURILLO DE ORTEGA

Pożizzjoni(jiet): Viċi President tar-Repubblika tan-Nikaragwa (mill-2017), mart il-President Daniel Ortega

Data tat-twelid: 22 ta’ Ġunju 1951

Post tat-twelid: Managua, in-Nikaragwa

Sess: mara

Nazzjonalità: Nikaragwana

Numru tal-passaport: A00000106 (in-Nikaragwa)

Viċi President tan-Nikaragwa, First Lady tan-Nikaragwa u mexxejja taż-Żgħażagħ Sandinisti. Skont il-President Daniel Ortega, Rosario María Murillo Zambrana tikkondividi nofs is-setgħa miegħu. Hija qdiet rwol strumentali biex tħeġġeġ u tiġġustifika r-repressjoni tad-dimostrazzjonijiet tal-opoożizzjoni mill-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa fl-2018. F’Ġunju 2021, hija heddet pubblikament lill-oppożizzjoni tan-Nikaragwa u skreditat lill-ġurnalisti indipendenti.

Għalhekk hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, u għall-imminar tad-demokrazija fin-Nikaragwa.

2.8.2021

8.

Gustavo Eduardo PORRAS CORTÉS

Pożizzjoni(jiet): President tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tan-Nikaragwa (minn Jannar 2017)

Data tat-twelid: 11 ta’ Ottubru 1954

Post tat-twelid: Managua, in-Nikaragwa

Sess: raġel

Nazzjonalità: Nikaragwana

President tal-Assemblea Nazzjonali tan-Nikaragwa minn Jannar 2017 u membru tad-direzzjoni nazzjonali tal-Front Nazzjonali għal-Liberazzjoni Sandinista (FSLN) mill-1996. Fil-pożizzjoni tiegħu bħala l-President tal-Assemblea Nazzjonali tan-Nikaragwa, huwa responsabbli għall-promozzjoni tal-adozzjoni ta’ diversi atti legali repressivi, fosthom liġi dwar l-amnestija li tipprekludi kwalunkwe investigazzjoni tal-awturi ta’ ksur massiv tad-drittijiet tal-bniedem fl-2018, u liġijiet li jimminaw il-libertà u l-proċess demokratiku fin-Nikaragwa.

Għalhekk huwa responsabbli għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, kif ukoll għall-imminar serju tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa.

2.8.2021

9.

Juan Antonio VALLE VALLE

Pożizzjoni(jiet): Mexxej fil-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa

Grad: Ġeneral/Kummissarju Għoli

Data tat-twelid: 4 ta’ Mejju 1963

Post tat-twelid: Matagalpa, in-Nikaragwa

Sess: raġel

Nazzjonalità: Nikaragwana

Mexxej fil-grad ta’ kummissarju għoli (it-tieni l-għola grad) tal-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa (NNP) u f’pożizzjoni ta’ tmexxija fil-pulizija f’Managua, Juan Antonio Valle Valle huwa responsabbli għal atti ta’ brutalità ripetuta mill-pulizija u użu eċċessiv tal-forza li rriżultaw fl-imwiet ta’ mijiet ta’ ċittadini, għal arresti u detenzjonijiet arbitrarji, għal ksur tal-libertà tal-espressjoni u għall-prevenzjoni ta’ dimostrazzjonijiet kontra l-gvern.

Għalhekk huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa.

2.8.2021

10.

Ana Julia GUIDO OCHOA

Psewdonimu: Ana Julia GUIDO DE ROMERO

Pożizzjoni(jiet): Avukat Ġenerali tar-Repubblika tan-Nikaragwa

Data tat-twelid: 16 ta’ Frar 1959

Post tat-twelid: Matagalpa, in-Nikaragwa

Sess: mara

Nazzjonalità: Nikaragwana

Fil-pożizzjoni tagħha bħala Avukat Ġenerali, l-ogħla impjegat taċ-ċivil fl-Uffiċċju tal-Prosekutur, Ana Julia Guido Ochoa, li hija leali lejn ir-reġim ta’ Ortega, hija responsabbli għall-prosekuzzjoni politikament motivata ta’ bosta dimostranti u membri tal-oppożizzjoni politika. Hija ħolqot unità speċjalizzata li fasslet allegazzjonijiet kontra d-dimostranti u ressqet akkużi kontrihom. Barra minn hekk, hija responsabbli għall-iskwalifika mill-kariga pubblika tal-kandidat prinċipali tal-oppożizzjoni għall-elezzjonijiet ġenerali.

Għalhekk hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika u għall-imminar tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fin-Nikaragwa.

2.8.2021

11.

Fidel de Jesús DOMÍNGUEZ ÁLVAREZ

Pożizzjoni(jiet): Kap tal-pulizija f’Leon, Kummissarju Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali

Data tat-twelid: 21 ta’ Marzu 1960

Sess: raġel

Nazzjonalità: Nikaragwana

Fil-pożizzjoni tiegħu bħala kap tal-pulizija f’Leon mit-23 ta’ Awwissu 2018, Fidel de Jesús Domínguez Alvarez huwa responsabbli għal għadd ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari arresti u detenzjonijiet arbitrarji, inkluż il-ħtif ta’ membri tal-familja ta’ avversarju politiku, l-użu eċċessiv tal-forza u l-ksur tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-media.

Għalhekk huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika.

2.8.2021

12.

Alba Luz RAMOS VANEGAS

Pożizzjoni(jiet): President tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tar-Repubblika tan-Nikaragwa

Data tat-twelid: 3 ta’ Ġunju 1949

Sess: mara

Nazzjonalità: Nikaragwana

Numru tal-passaport: A0009864 (in-Nikaragwa)

Fil-pożizzjoni tagħha bħala President tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tan-Nikaragwa, hija responsabbli għall-istrumentalizzazzjoni tal-ġudikatura favur l-interessi tar-reġim ta’ Ortega, permezz tal-kriminalizzazzjoni selettiva tal-attivitajiet tal-oppożizzjoni, u b’hekk tipperpetwa x-xejra ta’ ksur tad-drittijiet għal proċess ġust, arresti arbitrarji, u l-iskwalifika ta’ partiti politiċi u kandidati tal-oppożizzjoni.

Għalhekk hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, u għall-imminar serju tal-istat tad-dritt fin-Nikaragwa.

2.8.2021

13.

Juan Carlos ORTEGA MURILLO

Pożizzjoni(jiet): Direttur fil-Canal 8 u Difuso Comunicaciones. Mexxej tal-Moviment Sandinista tal-4 ta’ Mejju, Iben il-President u Viċi President tar-Repubblika tan-Nikaragwa

Data tat-twelid: 17 ta’ Ottubru 1982

Nazzjonalità: Nikaragwana

Iben il-President Daniel Ortega u l-First Lady u l-Viċi President Rosario Murillo. Direttur ta’ wieħed mill-istazzjonijiet televiżivi ewlenin ta’ propaganda, Canal 8, u l-mexxej tal-Moviment Sandinista tal-4 ta’ Mejju. Fil-pożizzjoni tiegħu, huwa kkontribwixxa għar-restrizzjoni tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-media. Huwa hedded pubblikament lin-negozjanti tan-Nikaragwa li jopponu r-reġim ta’ Ortega. Għalhekk huwa responsabbli għall-imminartad-demokrazija u r-ripressjoni tas-soċjetà ċivili fin-Nikaragwa. Minħabba li huwa iben il-Viċi President Rosario Murillo, huwa assoċjat ma’ persuni responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u r-ripressjoni tas-soċjetà ċivili fin-Nikaragwa.

2.8.2021

14.

Bayardo ARCE CASTAÑO

Pożizzjoni(jiet): Konsulent Ekonomiku għall-President tar-Repubblika tan-Nikaragwa

Data tat-twelid: 21 ta’ Marzu 1950

Sess: raġel

Nazzjonalità: Nikaragwana

Fil-pożizzjoni tiegħu bħala Konsulent Ekonomiku għall-President Daniel Ortega, Bayardo Arce Castano għandu influwenza sinifikanti fuq il-politiki tar-reġim ta’ Ortega. Huwa għalhekk assoċjat ma’ persuni responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa.

Huwa appoġġa l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni li tipprevjeni lil kandidati tal-oppożizzjoni milli jieħdu sehem fl-elezzjonijiet. Għalhekk huwa responsabbli għal repressjoni kontra s-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa.

2.8.2021

▼M5

15.

Camila Antonia ORTEGA MURILLO

Pożizzjoni: Bint Daniel Ortega u Rosario Murillo, Konsulent għall-Presidenza, Koordinatur tal-Kummissjoni għal Ekonomija Kreattiva, Direttur tal-istazzjon televiżiv Canal 13

Data tat-twelid: 4.11.1987

Post tat-twelid: Managua, in-Nikaragwa

Sess: mara

Nazzjonalità: Nikaragwana

Numru tal-passaport: A00000114 (Nikaragwa)

Numru tal-ID: 001-041187-0001B

Camila Antonia Ortega Murillo, hija involuta mill-qrib f'azzjonijiet li jappoġġaw lill-koppja presidenzjali Daniel Ortega u Rosario Murillo, bħala konsulent għall-Presidenza, assistent personali tal-Viċi President u Koordinatur tal-Kummissjoni Nazzjonali għal Ekonomija Kreattiva. Hija wkoll id-Direttur tal-pjattaforma Nicaragua Diseña u tal-istazzjon televiżiv Canal 13.

Hija responsabbli għall-użu ta’ Nicaragua Diseña biex tappoġġa l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari frodulenti, li saru fis-7 ta' Novembru 2021, billi ħolqot kontijiet foloz fuq pjattaformi differenti tal-media soċjali.

Bħala d-Direttur ta' Canal 13, hija kkontribwiet għat-tixrid tad-diskors ta' mibegħda tar-reġim ta’ Ortega kontra l-oppożizzjoni ċivika, filwaqt li llimitat il-pluralità editorjali u ppersegwitat ġurnalisti u mezzi tal-media indipendenti fin-Nikaragwa, biex b'hekk eliminat il-libertà tal-espressjoni u l-kompetizzjoni elettorali reali. Hija kellha rwol ċentrali fit-trażżin tal-pluraliżmu politiku u d-diżartikolazzjoni definittiva tad-demokrazija tan-Nikaragwa.

Hija għalhekk assoċjata ma' persuni responsabbli għall-imminar tad-demokrazija u għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u hija qed tappoġġa tali repressjoni u ksur.

10.1.2022

16.

Laureano Facundo ORTEGA MURILLO

Iben Daniel Ortega u Rosario Murillo, Konsulent għall-Presidenza

Data tat-twelid: 20.11.1982

Post tat-twelid: Managua, in-Nikaragwa

Sess: raġel

Nazzjonalità: Nikaragwana

Numru tal-passaport: A00000684 (Nikaragwa)

Numru tal-ID: 001-201182-0046M

Laureano Facundo Ortega Murillo huwa involut mill-qrib f'azzjonijiet li jappoġġaw lill-koppja presidenzjali Daniel Ortega u Rosario Murillo, bħala konsulent għall-Presidenza. Huwa ġġustifika u appoġġa l-priġunerija arbitrarja u illegali ta' mexxejja tal-oppożizzjoni politika u prekandidati presidenzjali tan-Nikaragwa, mexxejja studenteski u rurali jew ġurnalisti indipendenti, li kollha kemm huma rrefera għalihom bħala “terroristi”. Billi kkontribwixxa għall-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni elettorali reali, huwa kellu rwol ċentrali fit-trażżin tal-pluraliżmu politiku u d-diżartikolazzjoni definittiva tad-demokrazija tan-Nikaragwa.

Huwa aġixxa bħala konsulent ekonomiku għal missieru Daniel Ortega u r-reġim ta’ Ortega permezz tal-aġenzija governattiva ProNicaragua. Barra minn hekk, huwa responsabbli għall-operat ta' BanCorp – entità li l-għan ewlieni tagħha huwa li tassisti, tisponsorja u tappoġġa finanzjarjament l-attivitajiet repressivi ta' ommu, il-Viċi President Rosario Murillo.

Huwa għalhekk assoċjat ma' persuni responsabbli għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u huwa qed jappoġġa tali repressjoni u ksur.

10.1.2022

17.

Brenda Isabel ROCHA CHACÓN

President tal-Kunsill Elettorali Suprem

Data tat-twelid: 10.2.1967

Post tat-twelid: Bonanza, in-Nikaragwa

Sess: mara

Nazzjonalità: Nikaragwana

Brenda Isabel Rocha Chacón ilha minn Mejju 2021 President tal-Kunsill Elettorali Suprem (Supreme Electoral Council-SEC) – korp responsabbli għat-tħejjija, l-organizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-elezzjonijiet ġenerali tas-7 ta' Novembru 2021, li, minħabba n-nuqqas ta' trasparenza tagħhom, ta' oppożizzjoni vera u ta’ dibattitu demokratiku, dgħajjef l-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi. Is-SEC ċaħħad lill-oppożizzjoni mill-opportunità li toħroġ għal elezzjonijiet ħielsa u żgura l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet f'kondizzjonijiet mhux demokratiċi.

Għalhekk hija responsabbli għar-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika u għall-imminar tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa.

10.1.2022

18.

Cairo Melvin AMADOR ARRIETA

Viċi-President tal-Kunsill Elettorali Suprem

Data tat-twelid: 1952

Sess: raġel

Nazzjonalità: Nikaragwana

Cairo Melvin Amador Arrieta ilu minn Mejju 2021 il-Viċi-President tal-Kunsill Elettorali Suprem (SEC) – korp responsabbli għat-tħejjija, l-organizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-elezzjonijiet ġenerali tas-7 ta' Novembru 2021, li minħabba n-nuqqas ta' trasparenza tagħhom, ta' oppożizzjoni vera u ta’ dibattitu demokratiku, dgħajjef l-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi. Is-SEC ċaħħad lill-oppożizzjoni mill-opportunità li toħroġ għall-elezzjonijiet u żgura l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet f'kondizzjonijiet mhux demokratiċi.

Għalhekk huwa responsabbli għar-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika u għall-imminar tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa.

10.1.2022

19.

Lumberto Ignacio CAMPBELL HOOKER

Membru tal-Kunsill Elettorali Suprem, aġent President tal-Kunsill Elettorali Suprem fl-2018

Data tat-twelid: 03.12.1949

Post tat-twelid: Raas, Nicaragwa

Sess: raġel

Nazzjonalità: Nikaragwana

Numru tal-passaport: A00001109 (Nikaragwa)

Numru tal-ID: 6010302490003J

Lumberto Ignacio Campbell Hooker ilu mill-2014 membru tal-Kunsill Elettorali Suprem (SEC) – korp responsabbli għat-tħejjija, l-organizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-elezzjonijiet ġenerali tas-7 ta' Novembru 2021, li minħabba n-nuqqas ta' trasparenza tagħhom, ta' oppożizzjoni vera u ta’ dibattitu demokratiku, dgħajjef l-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi. Is-SEC ċaħħad lill-oppożizzjoni mill-opportunità li toħroġ għal elezzjonijiet ħielsa u żgura l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet f'kondizzjonijiet mhux demokratiċi.

Huwa tkellem mal-media matul l-elezzjonijiet tas-7 ta' Novembru 2021, u ġġustifika u faħħar l-organizzazzjoni tagħhom.

Għalhekk huwa responsabbli għar-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika u għall-imminar tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa.

10.1.2022

20.

Nahima Janett DÍAZ FLORES

Direttur tal-Istitut tan-Nikaragwa għat-Telekomunikazzjoni u s-Servizzi tal-Posta, bint id-Direttur Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa Francisco Javier Díaz Madriz

Data tat-twelid: 28.6.1989

Sess: mara

Nazzjonalità: Nikaragwana

Nahima Janett Díaz Flores hija d-Direttur tal-Istitut tan-Nikaragwa għat-Telekomunikazzjoni u s-Servizzi tal-Posta (Nicaraguan Institute of Telecommunications and Posts-TELCOR), l-entità regolatorja għat-telekomunikazzjoni u s-servizzi tal-posta. TELCOR intuża mill-awtoritajiet tan-Nikaragwa biex isikket lill-media indipendenti, inkluż tliet organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet mill-2018.Matul il-kampanja tal-elezzjonijiet ġenerali tal-2021, TELCOR kien qed jimplimenta kampanji ta' diżinformazzjoni fuq skala kbira. Bħala l-istituzzjoni responsabbli mill-implimentazzjoni tal-“liġi dwar iċ-ċibersigurtà”, TELCOR kien qed imexxi u jopera azzjonijiet ta' sorveljanza fir-rigward tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika.

Fil-pożizzjoni tagħha, Nahima Díaz Flores aġixxiet bħala sostenitur tar-reġim ta’ Ortega, u kienet mexxiet u operat azzjonijiet ta' diżinformazzjoni u sorveljanza permezz ta' TELCOR fir-rigward tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika. Hija għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, u għad-dgħajfien tad-demokrazija fin-Nikaragwa.

10.1.2022

21.

Luis Ángel MONTENEGRO ESPINOZA

Supretendent tas-Suprintendenza tal-Banek u Istituzzjonijiet Finanzjarji oħra tan-Nikaragwa

Data tat-twelid: 1.1.1949

Post tat-twelid: Esteli, in-Nikaragwa

Sess: raġel

Indirizz: Planes De Puntaldia Casa #16, Managua, Nicaragua

Nazzjonalità: Nikaragwana

Numru tal-ID: 1610101490000S

Luis Ángel Montenegro Espinoza huwa s-Supretendent tas-Suprintendenza tal-Banek u Istituzzjonijiet Finanzjarji oħra tan-Nikaragwa (Superintendency of Banks and other Financial Institutions - (SIBOIF). F’ dik il-pożizzjoni huwa responsabbli għall-persekuzzjoni tal-atturi finanzjarji li rreżistew il-politiki tar-reġim ta' Ortega, kif ukoll għall-infurzar tal-kontroll tar-reġim fuq is-settur finanzjarju.

Hu nħatar għal dik il-pożizzjoni direttament minn Daniel Ortega, bħala premju għal-lealtà tiegħu. Fir-rwol preċedenti tiegħu bħala Kontrollur Ġenerali tar-Repubblika huwa żgura li l-attivitajiet finanzjarji korrotti ta' Ortega ma jiġux awditjati u kkontribwixxa bl-istess mod għall-kontroll tar-reġim min-naħa ta' Ortega.

Huwa għalhekk responsabbli għall-imminar tal-istat tad-dritt fin-Nikaragwa kif ukoll għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika.

10.1.2022

B.   Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 2(1)



 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa

La Policía Nacional Nicaragüense

Kwartieri ġenerali: Managua, in-Nikaragwa

Data tal-istabbiliment: 22.08.1979

Sit web: http://www.policia.gob.ni/

Il-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa hija responsabbli għat-trattament degradanti, inkluż tortura fiżika u psikoloġika, ta’dawk li opponew ir-reġim ta' Ortega. Hija responsabbli għall-priġunerija illegali ta' prekandidati presidenzjali, mexxejja tas-soċjetà ċivili, mexxejja studenteski u rurali jew ġurnalisti indipendenti mingħajr ebda garanzija legali u demokratika.

Il-Pulizija Nazzjonali kienet strumentali biex Daniel Ortega jevita li jiffaċċa kwalunkwe oppożizzjoni demokratika reali matul l-elezzjonijiet ġenerali tas-7 ta' Novembru 2021. Qabel dawk l-elezzjonijiet, il-Pulizija Nazzjonali wettqet sorveljanza u persekuzzjoni kontinwi tal-mexxejja tal-oppożizzjoni, dħul illegali fid-djar residenzjali, u arresti arbitrarji ta' membri tal-oppożizzjoni, u heddet b'mod sistematiku impjegati pubbliċi.

Fl-2018, il-Pulizija Nazzjonali kienet involuta fil-qtil ta' dimostranti paċifiċi madwar in-Nikaragwa.

Il-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa hija għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, u għad-dgħajfien tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fin-Nikaragwa.

10.1.2022

2.

Kunsill Elettorali Suprem

Consejo Supremo Electoral

Indirizz: Pista Juan Pablo II, Managua 14005, Nicaragua

Sit web: https://www.cse.gob.ni/

Email: info@cse.gob.ni

Il-Kunsill Elettorali Suprem (SEC) huwa l-korp responsabbli għat-tħejjija, l-organizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-elezzjonijiet ġenerali tas-7 ta' Novembru 2021, li minħabba n-nuqqas ta' trasparenza tagħhom, ta' oppożizzjoni vera u ta’ dibattitu demokratiku, dgħajjef l-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi. Is-SEC ċaħħad lill-oppożizzjoni mill-opportunità li toħroġ għal elezzjonijiet ħielsa u żgura l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet f'kondizzjonijiet mhux demokratiċi.

Is-SEC huwa għaldaqstant responsabbli għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, kif ukoll għall-imminar serju tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa.

10.1.2022

3.

L-Istitut tan-Nikaragwa għat-Telekomunikazzjoni u s-Servizzi tal-Posta

Indirizz: Avenida Bolívar, Esquina diagonal al edifico de la Cancillería, Aptdo 2664, Managua, 10000, Nicaragua

Data ta' reġistrazzjoni: 12.6.1982

Sit web: https://www.telcor.gob.ni

L-Istitut tan-Nikaragwa għat-Telekomunikazzjoni u s-Servizzi tal-Posta (TELCOR) huwa l-entità regolatorja għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni u postali. Dan intuża mill-awtoritajiet tan-Nikaragwa biex isikket lill-media indipendenti, inkluż tliet organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet mill-2018 'l hawn, matul ir-repressjoni tal-2018 u wara l-elezzjonijiet ġenerali tal-2021. Matul il-kampanja tal-elezzjonijiet ġenerali, TELCOR kien qed jimplimenta kampanja ta' diżinformazzjoni fuq skala kbira. Bħala l-istituzzjoni responsabbli mill-implimentazzjoni tal-“liġi dwar iċ-ċibersigurtà”, TELCOR kien qed imexxi u jopera azzjonijiet ta' sorveljanza fir-rigward tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika.

TELCOR huwa għaldaqstant responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika.

10.1.2022



( 1 ) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

Top