Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02017R2107-20240408

Consolidated text: Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi l-miżuri ta' ġestjoni, ta' konservazzjoni u ta' kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1936/2001, (KE) Nru 1984/2003 u (KE) Nru 520/2007

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2107/2024-04-08

02017R2107 — MT — 08.04.2024 — 003.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2017/2107 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Novembru 2017

li jistabbilixxi l-miżuri ta' ġestjoni, ta' konservazzjoni u ta' kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1936/2001, (KE) Nru 1984/2003 u (KE) Nru 520/2007

(ĠU L 315 30.11.2017, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

REGOLAMENT (UE) 2019/1154 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tal-20 ta' Ġunju 2019

  L 188

1

12.7.2019

►M2

REGOLAMENT (UE) 2023/2053 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tat-13 ta’ Settembru 2023

  L 238

1

27.9.2023

►M3

REGOLAMENT (UE) 2024/897 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tat-13 ta’ Marzu 2024

  L 897

1

19.3.2024




▼B

REGOLAMENT (UE) 2017/2107 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Novembru 2017

li jistabbilixxi l-miżuri ta' ġestjoni, ta' konservazzjoni u ta' kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1936/2001, (KE) Nru 1984/2003 u (KE) Nru 520/2007



TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni, il-konservazzjoni u l-kontroll marbuta mas-sajd ta' speċijiet ta' ħut li jpassu ħafna ġestiti mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT).

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għal:

(a) 

Bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, u bastimenti tal-Unjoni involuti fis-sajd rikreattiv, li jaħdmu fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT, u fil-każ tat-trażbord, barra ż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT ukoll, jekk dawn jittrażbordaw speċijiet li jinqabdu f'dik iż-żona;

(b) 

bastimenti ta' pajjiżi terzi li jkunu spezzjonati fil-portijiet tal-Istati Membri, u li jkunu qed iġorru speċijiet jew prodotti tas-sajd li joriġinaw minn tali speċijiet li qatt qabel ma nħattu jew ġew ittrażbordati fil-portijiet;

(c) 

bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi u bastimenti ta' pajjiżi terzi involuti fis-sajd rikreattiv li joperaw fl-ilmijiet tal-Unjoni.

Artikolu 3

Rabta ma' atti oħrajn tal-Unjoni

Dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stipulati f'Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni ( 1 ) u fir-Regolament (UE) 2016/1627.

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament japplikaw flimkien ma' dawk previsti fir-Regolamenti (KE) Nru 1005/2008 u (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 4

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“speċijiet tal-ICCAT” tfisser l-ispeċijiet elenkati fl-Anness I;

(2) 

“tonn tropikali” tfisser it-tonn obeż, it-tonna safra u l-palamit;

▼M3

(2a) 

“kastardella” tfisser speċijiet tal-familja Istiophoridae ġestiti mill-ICCAT;

▼B

(3) 

“bastiment tas-sajd” tfisser kwalunkwe bastiment mgħammar għall-isfruttament kummerċjali ta' riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jew nassa tat-tonn;

(4) 

“bastiment tal-qbid” tfisser bastiment tas-sajd użat bl-għan tal-qbid ta' riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

(5) 

“bastiment tas-sajd tal-Unjoni” tfisser bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta' Stat Membru u rreġistrat fl-Unjoni;

(6) 

“awtorizzazzjoni tas-sajd” tfisser awtorizzazzjoni maħruġa fir-rigward ta' bastiment tas-sajd tal-Unjoni, li tagħtih id-dritt li jwettaq attivitajiet tas-sajd speċifiċi tul perijodu speċifikat, f'żona partikolari jew għal sajd partikolari f'kundizzjonijiet speċifiċi;

(7) 

“awtorizzazzjoni tas-sajd speċjali” tfisser awtorizzazzjoni maħruġa fir-rigward ta' bastiment tas-sajd tal-Unjoni, li tagħtih id-dritt li jwettaq attivitajiet tas-sajd speċifiċi bl-użu ta' tagħmir speċifiku, tul perijodu speċifikat, f'żona partikolari jew għal sajd partikolari f'kundizzjonijiet speċifiċi;

(8) 

“trażbord” tfisser il-ħatt minn bastiment għal fuq bastiment ieħor ta' parti mill-prodotti tas-sajd jew tal-prodotti tas-sajd kollha;

(9) 

“sajd rikreattiv” tfisser attivitajiet ta' sajd mhux kummerċjali li jisfruttaw ir-riżorsi akkwatiċi bijoloġiċi għar-rikreazzjoni, għat-turiżmu jew għall-isport;

(10) 

data tal-Kompitu I” tfisser id-data ddefinita bħala l-Kompitu I mill-ICCAT fil-manwal tagħha tal-qasam għall-istatistika u t-teħid tal-kampjuni tat-tonn tal-Atlantiku u tal-ħut li jixbah lit-tonn, imsejjaħ “Field manual for statistics and sampling Atlantic tunas and tuna-like fish”;

(11) 

data tal-Kompitu II” tfisser id-data ddefinita bħala l-Kompitu II mill-ICCAT fil-manwal tal-qasam għall-istatistika u t-teħid tal-kampjuni tat-tonn tal-Atlantiku u tal-ħut li jixbah lit-tonn, bit-titlu “Field manual for statistics and sampling Atlantic tunas and tuna-like fish”;

(12) 

“PKK” tfisser il-partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni tal-ICCAT u l-partijiet, l-entitajiet jew l-entitajiet tas-sajd mhux kontraenti tagħha li jikkooperaw magħha;

(13) 

“iż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT” tfisser l-ilmijiet kollha tal-Oċean Atlantiku u tal-ibħra ta' madwaru;

(14) 

“ftehim ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli” tfisser ftehim internazzjonali kif iddefinit fil-punt 37 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(15) 

“it-tul ta' bastiment” tfisser it-tul li jitkejjel f'linja dritta mill-punt ta' quddiem nett tal-pruwa sal-punt ta' wara nett tal-poppa;

(16) 

“bastiment kbir tas-sajd pelaġiku bil-konz” tfisser bastiment tas-sajd pelaġiku bil-konz li minn tarf għall-ieħor ikun fih tul ta' iżjed minn 24 metru;

(17) 

“bastiment kbir tas-sajd” tfisser bastiment tas-sajd li minn tarf għall-ieħor ikun fih tul ta' iżjed minn 20 metru;

(18) 

“bastiment kbir tal-qbid” tfisser bastiment tas-sajd li minn tarf għall-ieħor ikun fih tul ta' iżjed minn 20 metru;

(19) 

“ir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti kbar tas-sajd” tfisser il-lista, li jżomm is-Segretarjat tal-ICCAT, tal-bastimenti l-kbar tas-sajd li huma awtorizzati jistadu l-ispeċijiet tal-ICCAT fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT;

▼M3

(20) 

“bastiment ta’ appoġġ” tfisser bastiment li mhuwiex opra tal-baħar li jinġarr abbord li mhux mgħammar bi rkaptu tas-sajd li jista’ jitħaddem u li jiffaċilita, jgħin jew iħejji l-attivitajiet tas-sajd, inkluż billi jipprovdi bastiment tal-qbid u juża, jisservizzja u jirkupra rkaptu sabiex jinġema’ l-ħut;

▼B

(21) 

“bastiment tal-ġarr” tfisser bastiment ta' appoġġ li jintuża għat-trażbordar u t-tagħbija fuqu ta' speċijiet tal-ICCAT minn fuq bastiment tas-sajd bil-konz pelaġiku kbir;

(22) 

“reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tal-ġarr” tfisser il-lista, li jżomm is-Segretarjat tal-ICCAT, tal-bastimenti li huma awtorizzati biex jirċievu t-trażbordar fuq il-baħar minn bastimenti kbar tas-sajd pelaġiku bil-konz fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT;

(23) 

“reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti awtorizzati għas-sajd tat-tonn tropikali” tfisser il-lista li jżomm is-Segretarjat tal-ICCAT, tal-bastimenti kbar tas-sajd li huma awtorizzati jistadu t-tonn tropikali, iżommuh abbord, jittrażbordawh, jipproċessawh jew iħottuh l-art fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT;

▼M3

(23a) 

“oġġett li jżomm f’wiċċ l-ilma” jew “FOB” tfisser kwalunkwe oġġett naturali jew artifiċjali li jżomm f’wiċċ l-ilma (jiġifieri fil-wiċċ jew taħt il-wiċċ) mingħajr l-ebda kapaċità li jiċċaqlaq waħdu; irkapti biex jinġema’ l-ħut (FADs) u FOBs li huma magħmula mill-bniedem u li jintużaw jew jiġu traċċati intenzjonalment; logs huma FOBs li jintilfu aċċidentalment minn sorsi antropiċi u naturali;

▼M3

(24) 

“irkaptu biex jinġema’ l-ħut” jew “FAD” tfisser oġġett, struttura jew apparat permanenti, semipermanenti jew temporanju ta’ kwalunkwe materjal, magħmul mill-bniedem jew naturali, li jintuża jew jiġi ttraċċat, u li jintuża sabiex jinġema’ l-ħut ħalli mbagħad jinqabad; l-FADs jistgħu jkunu jew ankrati (aFADs) jew inkella mitluqa (dFADs);

▼M3

(24a) 

“sett tal-FAD” tfisser it-tqegħid ta’ rkaptu tas-sajd assoċjat ma’ FAD madwar qatgħa tonn;

▼B

(25) 

“sajd IUU” tfisser attivitajiet tas-sajd definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008;

(26) 

“lista tal-IUU tal-ICCAT” tfisser il-lista ta' bastimenti meqjusa mill-ICCAT li wettqu attivitajiet tas-sajd IUU;

(27) 

“konzijiet” tfisser tagħmir tas-sajd li jinkludi lett prinċipali b'ħafna snanar fuq lettijiet sekondarji iqsar imdendlin minnha (brazzoli) ta' tul u spazjar varjabbli skont l-ispeċijiet fil-mira;

▼M3

(27a) 

“konzijiet mhux fil-fond” tfisser konzijiet li, meta jintużaw, il-maġġoranza tas-snanar fihom ikunu f’fond ta’ inqas minn 100 metru;

▼B

(28) 

“tartaruni tal-borża” tfisser kull xibka tat-tidwir li t-tarf ta' isfel tagħha huwa miġbur permezz ta' xlief tat-tartarun li tgħaddi minn sensiela ta' ħoloq ma' tul il-ħabel tal-qiegħ u li tippermetti li x-xibka tinġabar flimkien u tingħalaq;

(29) 

“sunnara” tfisser virga tal-azzar mgħawġa u ttemprata;

▼M3

(30) 

“snanar tondi” tfisser sunnara bil-ponta mdawra b’mod perpendikulari lura lejn il-manku biex jifformaw għamla ġeneralment ċirkolari jew ovali; is-snanar tondi jenħtieġ li jkollhom spostament ta’ mhux aktar minn 10 gradi;

(31) 

“baga operazzjonali” tfisser kwalunkwe baga strumentata, attivata minn qabel, mixgħula u rilaxxata fil-baħar, li tittrażmetti l-pożizzjoni u kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli bħal stimi minn ekosonda.

▼B

TITOLU II

MIŻURI TA' ĠESTJONI, TA' KONSERVAZZJONI U TA' KONTROLL GĦAL ĊERTI SPEĊIJIET

KAPITOLU I

Tonn tropikali

Artikou 5

Restrizzjonijiet fuq l-għadd ta' bastimenti kbar tas-sajd tal-Unjoni li jistadu għat-tonn obeż

L-għadd u l-kapaċità totali f'tunnellaġġ gross (TG) ta' bastimenti tas-sajd kbar tal-Unjoni li jistadu għat-tonn obeż fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT għandhom jiġu ddeterminati:

(a) 

bħala l-għadd medju u l-kapaċità f'TG tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li kienu jistadu għat-tonn obeż fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT bejn l-1991 u l-1992; u

(b) 

abbażi tar-restrizzjoni fuq l-għadd ta' bastimenti tal-Unjoni li kienu jistadu għat-tonn obeż fl-2005 kif innotifikat lill-ICCAT fit-30 ta' Ġunju 2005.

▼M3

Artikolu 5a

Limitazzjoni tal-kapaċità għat-tonn tropikali

1.  
Sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-pjani annwali tas-sajd u l-pjan annwali tal-ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd għat-tonn tropikali.
2.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kapaċità ġenerali tal-flotta tas-sajd bil-konz u bit-tartarun tal-borża tagħhom tiġi ġestita f’konformità mal-pjan annwali tas-sajd u l-pjan annwali tal-ġestjoni tal-kapaċità imsemmija fil-paragrafu 1, b’mod partikolari sabiex jiġi limitat il-qbid tat-tonn tropikali, b’mod konsistenti mal-limiti fuq il-qbid stabbiliti skont il-liġi tal-Unjoni.
3.  
L-Istati Membri ma għandhomx iżidu n-numru tagħhom ta’ bastimenti ta’ appoġġ min-numri rreġistrati f’Ġunju 2023.
4.  
L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni d-dati li fihom ikun intuża l-limitu kollu tagħhom fuq il-qbid ta’ speċijiet tat-tonn tropikali. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT minnufih.
5.  
Għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża u għall-bastimenti kbar tas-sajd bil-konz (20 metru f’tul totali jew akbar) tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw il-qabdiet tat-tonn tropikali kull xahar lill-Kummissjoni, u dawn jiżdiedu għal kull ġimgħa meta jkunu nqabdu 80 % tal-limiti tagħhom fuq il-qbid.
6.  
Kull tliet xhur, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kwantità ta’ tonn tropikali skont l-ispeċi maqbuda mill-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom fi żmien 15-il jum kalendarju mit-tmiem tal-perjodu li matulu jkunu saru l-qabdiet, jiġifieri sal-15 ta’ April, il-15 ta’ Lulju u l-15 ta’ Ottubru ta’ kull sena u sal-15 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara, sakemm din l-informazzjoni ma tintbagħatx kull xahar lill-Kummissjoni. Dik l-informazzjoni, kemm jekk tintbagħat kull tliet xhur kif ukoll jekk tintbagħat fuq bażi ta’ kull xahar, għandha tintbagħat bl-użu tal-format tar-rapport tad-data dwar il-qabdiet aggregati. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT sat-30 ta’ April, it-30 ta’ Lulju u t-30 ta’ Ottubru ta’ kull sena u sat-30 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

▼B

Artikolu 6

Awtorizzazzjonijiet speċifiċi għall-bastimenti kbar li jistadu għat-tonn tropikali u għall-bastimenti ta' appoġġ

1.  
L-Istati Membri għandhom joħorġu awtorizzazzjonijiet, f'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni ( 2 ), għall-bastimenti kbar tal-qbid li jtajru l-bandiera tagħhom li jistadu għat-tonn tropikali fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT.
2.  
L-Istati Membri għandhom joħorġu awtorizzazzjonijiet għall-bastimenti ta' appoġġ li jtajru l-bandiera tagħhom li jintużaw għal kwalunkwe tip ta' appoġġ għall-bastimenti msemmijin fil-paragrafu 1.

▼M3

Artikolu 6a

Projbizzjoni fuq il-qbid skartat ta’ tonn tropikali maqbud minn bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża tal-Unjoni

1.  
Il-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża tal-Unjoni li huma awtorizzati jistadu għat-tonn tropikali għandhom iżommu abbord, iħottu l-art jew jittrażbordaw fil-port it-tonn tropikali kollu li jinqabad.
2.  
It-tonn tropikali li jinqabad minn bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża tal-Unjoni ma jistax jiġi skartat matul is-settjatura, ladarba x-xibka tkun magħluqa kompletament u jkun ġie rkuprat aktar minn nofs ix-xibka. Jekk ikun hemm problema teknika bil-proċedura tal-għeluq jew tal-irkupru tax-xibka b’tali mod li dik il-projbizzjoni ma tkunx tista’ tiġi applikata, il-kaptani jew il-membri tal-ekwipaġġ f’isimhom, għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jiġi rilaxxat it-tonn fl-ilma malajr kemm jista’ jkun.
3.  

B’deroga mill-paragrafu 1, it-tonn tropikali jista’ jiġi skartat fil-każijiet li ġejjin:

(a) 

fejn il-kaptan jiddetermina li t-tonn tropikali maqbud ikun imħabbel jew mgħaffeġ fit-tartarun tal-borża, tkun saritlu l-ħsara minħabba d-depredazzjoni, jew ikun miet u ddekompona fix-xibka minħabba ħsara fl-irkaptu li ma jkunx ippermetta l-attivitajiet normali tal-irkupru tax-xibka, tas-sajd u ta’ rilaxx tal-ħut ħaj;

(b) 

fejn il-kaptan jiddetermina li t-tonn tropikali jkun inqabad matul l-aħħar sett ta’ vjaġġ u ma jkunx hemm biżżejjed kapaċità ta’ ħżin sabiex jinħażen it-tonn li jinqabad matul dan is-sett; dak il-ħut jista’ jiġi skartat biss dment li:

(i) 

il-kaptan jew il-membri tal-ekwipaġġ jippruvaw jirrilaxxaw it-tonn ħaj malajr kemm jista’ jkun; u

(ii) 

ma ssir l-ebda operazzjoni tas-sajd oħra wara l-iskartar tal-ħut, sakemm it-tonn abbord il-bastiment jinħatt l-art jew jiġi trażbordat.

4.  
Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd għandhom jirrapportaw il-qbid skartat kollu osservat lill-Istati Membri tal-bandiera tal-bastimenti. L-Istati Membri għandhom jibagħtu r-rapporti dwar il-qbid skartat lill-Kummissjoni bħala parti mid-data tal-Kompiti I u II.

▼B

Artikolu 7

Reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti awtorizzati biex jistadu għat-tonn tropikali

1.  
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn 30 jum, wara kwalunkwe okkorrenza li tkun teħtieġ żieda jew modifika fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti awtorizzati li jistadu għat-tonn tropikali, jew xi tneħħija minnu. Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn 45 jum mid-data ta' tali okkorrenza, tgħaddi din l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT.

▼M3

2.  
Bastimenti tas-sajd fuq skala kbira li ma jkunux imniżżla fir-reġistru tal-ICCAT ta’ bastimenti awtorizzati sabiex jaqbdu t-tonn tropikali, inkluż bastimenti ta’ appoġġ, ma għandhomx jitħallew jistadu, iżommu abbord, jittrażbordaw, jittrasportaw, jittrasferixxu, jipproċessaw jew jiżbarkaw it-tonn tropikali miż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT jew iwettqu kull tip ta’ appoġġ għal dawk l-attivitajiet, inkluż l-użu u l-irkupru ta’ FADs jew ta’ bagi. L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandux japplika f’dawn il-każijiet.
3.  
Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li mhumiex awtorizzati jistadu għat-tonn tropikali skont l-Artikolu 6, jistgħu jitħallew iżommu abbord, jittrażbordaw, jittrasportaw, jipproċessaw jew jiżbarkaw qabdiet aċċessorji ta’ tonn tropikali f’konformità ma’ limitu massimu fuq il-qabdiet aċċessorji abbord stabbilit għal dawn il-bastimenti. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, bħala parti mir-rapport annwali, il-limitu massimu ta’ qbid aċċessorju permess għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom u informazzjoni dwar kif jiżguraw il-konformità ma’ dak il-limitu.

Artikolu 8

Lista ta’ bastimenti li jistadu għat-tonn tropikali f’sena partikolari

L-Istati Membri għandhom, sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, jibagħtu lill-Kummissjoni l-lista tal-bastimenti awtorizzati li jtajru l-bandiera tagħhom li jkunu stadu għat-tonn tropikali fiż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT jew li jkunu offrew kwalunkwe tip ta’ appoġġ għall-attività tas-sajd (bastimenti ta’ appoġġ) fis-sena kalendarja preċedenti. Għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża, dik il-lista għandha tinkludi wkoll il-bastimenti ta’ appoġġ li jkunu appoġġaw l-attività tas-sajd, irrispettivament mill-bandiera tagħhom. Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Lulju ta’ kull sena, tinnotifika lis-Segretarjat tal-ICCAT bil-listi li tkun irċeviet mingħand l-Istati Membri.

Artikolu 8a

Età eċċessivament żgħira jew kbira tat-tonn obeż

1.  
Kif xieraq, kwalunkwe porzjon mhux użat jew żejjed ta’ kwota jew limitu fuq il-qbid annwali ta’ Stat Membru għat-tonn obeż jista’ jiżdied ma’ jew għandu jitnaqqas mill-kwota jew il-limitu fuq il-qbid rilevanti matul jew qabel is-sena ta’ aġġustament f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT fis-seħħ għat-tonn obeż.
2.  
L-età eċċessivament żgħira massima tat-tonn obeż li Stat Membru jista’ jirriporta fi kwalunkwe sena partikolari ma għandhiex taqbeż l-ammont permess f’dik is-sena partikolari mill-ICCAT.

▼B

Artikolu 9

Pjanijiet ta' ġestjoni fir-rigward ta' tagħmir biex jinġabar il-ħut

1.  
Fir-rigward ta' bastimenti li jistadu għat-tonn tropikali bit-tartarun tal-borża u bid-dgħajjes tas-sajd bil-lixka flimkien mat-tagħmir biex jinġabar il-ħut (FAD), l-Istati Membri għandhom, sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena, jippreżentaw lill-Kummissjoni l-pjanijiet ta' ġestjoni tagħhom għall-użu ta' dawn il-FADs mill-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak it-tagħrif lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-31 ta' Jannar tas-sena ta' wara.
2.  

L-għan tal-pjanijiet ta' ġestjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun li:

(a) 

jiżdied l-għarfien dwar il-karatteristiċi tal-FAD, dwar il-karatteristiċi tal-bagi, dwar is-sajd bil-FADs, inkluż l-isforz tas-sajd, u dwar l-impatti relatati fuq l-ispeċijiet fil-mira u fuq dawk mhux fil-mira;

(b) 

issir ġestjoni effikaċi tat-tqegħid u tal-irkupru tal-FADs u tas-sinjali, u l-possibbiltà li dawn jintilfu;

(c) 

jitnaqqsu u jiġu limitati l-impatti tal-FADs u tas-sajd permezz tas-sajd bil-FAD fuq l-ekosistema, anki billi, fejn ikun jixraq, tittieħed azzjoni fuq il-komponenti differenti li huma kaġun tal-mortalità mis-sajd (eż. fuq l-għadd ta' FADs li jintużaw, inkluż l-għadd ta' settijiet tal-FAD skont il-bastimenti li jużaw it-tartarun tal-borża, skont il-kapaċità tas-sajd, skont l-għadd ta' bastimenti ta' appoġġ).

3.  
Il-pjanijiet ta' ġestjoni msemmijin fil-paragrafu 1 għandu jkun fihom l-informazzjoni stabbilita fl-Anness II.

▼M3

4.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi kwalunkwe ħin ma jkunux attivi fl-istess ħin aktar minn 300 FADs għal kull bastiment b’bagi operazzjonali.
5.  
L-għadd ta’ FADs b’bagi operazzjonali għandu jiġi vverifikat permezz tal-verifika tal-kontijiet tat-telekomunikazzjoni. Tali verifiki għadhom isiru mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.
6.  
L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża li jtajjru l-bandiera tagħhom sabiex jużaw FOBs, dment li l-bastiment tas-sajd ikollu jew osservatur jew inkella sistema elettronika ta’ monitoraġġ li tiffunzjona abbord li tkun kapaċi tivverifika t-tip ta’ sett u l-kompożizzjoni tal-ispeċijiet, u li tipprovdi informazzjoni dwar l-attivitajiet tas-sajd lill-Kumitat Permanenti tal-ICCAT dwar ir-Riċerka u l-Istatistika.

▼B

Artikolu 10

Rekwiżiti għall-FADs

1.  

Il-FADs għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a) 

il-parti tal-istruttura tal-FAD li tkun f'wiċċ il-baħar għandha jew ma tkunx mgħottija minn ebda materjal jew tkun mgħottija biss b'materjal li jkollu l-inqas riskju li jitħabblu fih speċijiet li ma jkunux fil-mira; u

(b) 

il-komponenti ta' taħt il-wiċċ għandhom ikunu magħmulin biss minn materjal li ma jistgħux jitħabblu fih l-ispeċijiet mhux fil-mira.

▼M3

2.  

Meta jużaw jew jiddisinjaw l-FADs, l-Istati Membri għandhom:

(a) 

jiżguraw li l-FADs kollha użati ma jitħabblux, f’konformità mal-linji gwida stipulati fl-Anness X;

(b) 

jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li l-FADs kollha jkunu mibnija minn materjali bijodegradabbli, bħal dawk mhux tal-plastik, għajr materjali użati fil-kostruzzjoni ta’ bagi għat-traċċar tal-FAD.

3.  
Kull sena, fil-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-FADs tagħhom, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar il-passi meħuda biex jikkonformaw mal-paragrafu 2.

▼B

Artikolu 11

Informazzjoni dwar il-FADs ippreżentata mill-bastimenti

1.  

Għal kull FAD li jitqiegħed, il-bastimenti tal-Unjoni li jistadu bit-tartarun tal-borża u bil-lixka u l-bastimenti ta' appoġġ tal-Unjoni, għandhom jiġbru u jirrappurtaw l-informazzjoni u d-data elenkata hawn taħt:

(a) 

il-pożizzjoni tal-FAD;

(b) 

id-data tat-tqegħid tal-FAD;

(c) 

it-tip ta' FAD (FAD ankrat, FAD artifiċjali għawwiem);

(d) 

l-identifikatur tal-FAD (jiġifieri marka fuq il-FAD jew ID tas-sinjal, it-tip ta' baga – eż. baga sempliċi jew baga marbuta ma' ekosonda), u kwalunkwe informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta' sid il-FAD;

(e) 

il-karatteristiċi tad-disinn tal-FAD (id-daqs u l-materjal li minnu tkun magħmula l-parti li żżomm fil-wiċċ tal-istruttura li tiddendel taħt wiċċ il-baħar, u l-parti tal-istruttura li tħabbel).

2.  

Għal kull żjara fuq FAD, kemm jekk dan ikun segwita minn sett, kif ukoll jekk ma jkunx, il-bastimenti tal-Unjoni li jistadu bit-tartarun tal-borża u bil-lixka u l-bastimenti ta' appoġġ tal-Unjoni, għandhom jiġbru u jirrappurtaw l-informazzjoni li ġejja:

(a) 

l-iskop taż-żjara (tqegħid fil-baħar, ġbir, intervent fuq it-tagħmir elettroniku);

(b) 

il-pożizzjoni tal-FAD;

(c) 

id-data ta' żjara;

(d) 

it-tip ta' FAD (FAD ankrat, FAD naturali għawwiem, FAD artifiċjali għawwiem);

▼M3

(e) 

deskrizzjoni tal-log jew identifikatur tal-FAD (jiġifieri l-marka tal-FAD u l-ID tal-baga jew kwalunkwe informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tas-sid);

▼B

(f) 

jekk wara ż-żjara jsir sett, ir-riżultati tas-sett f'termini tal-qbid u l-qbid aċċessorju, kemm jekk dan jinżamm jew jiġi skartat, ikunx ħaj jew mejjet, jew, jekk iż-żjara ma tkunx segwita minn sett, ir-raġuni għal din id-deċiżjoni (pereżempju m'hemmx biżżejjed ħut jew ħut żgħir wisq);

▼M3

(g) 

ID tal-baga.

▼B

3.  

Għal kull FAD li jintilef, il-bastimenti tal-Unjoni li jistadu bit-tartarun tal-borża u bil-lixka u l-bastimenti ta' appoġġ tal-Unjoni għandhom jiġbru u jirrappurtaw l-informazzjoni li ġejja:

(a) 

l-aħħar pożizzjoni rreġistrata;

(b) 

id-data tal-aħħar pożizzjoni rreġistrata;

▼M3

(c) 

l-identifikatur tal-FAD (jiġifieri, l-marka tal-FAD u l-ID tal-baga).

4.  
Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom iżommu lista tal-FADs użati li jkun fiha mill-inqas l-informazzjoni stipulata fl-Anness III u għandhom jaġġornaw il-lista kull xahar f’konformità mar-rekwiżiti tad-data tal-Kompitu II.

▼B

Artikolu 12

Informazzjoni dwar il-FADs ippreżentata mill-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom jibagħtu, kull sena, lill-Kummissjoni, 15-il jum qabel id-data ta' skadenza stabbilita mill-ICCAT għal dik is-sena, din l-informazzjoni biex tkun disponibbli għas-Segretarjat tal-ICCAT:

(a) 

l-għadd tal-FADs li realment tqiegħdu, kull tliet xhur, skont it-tip ta' FAD, b'indikazzjoni tal-preżenza jew in-nuqqas ta' sinjal/baga jew ta' ekosonda assoċjati mal-FAD;

▼M3

(b) 

in-numru u t-tip ta’ sinjali markaturi/bagi (eż. radju, sonar biss, sonar b’ekosonda) użati kull xahar f’konformità mar-rekwiżiti tad-data tal-Kompitu II;

(c) 

in-numru medju ta’ sinjali markaturi/bagi attivati u diżattivati kull xahar li jkunu ġew segwiti minn kull bastiment;

(d) 

in-numru medju ta’ FADs mitlufa b’bagi attivi, kull xahar;

▼B

(e) 

għal kull bastiment ta' appoġġ, l-għadd ta' ġranet li dak ikun għamel ibaħħar, għal kull grad tal-grilja, kull xahar u kull Stat Membru tal-bandiera;

▼M3

(f) 

il-qabdiet bit-tartarun tal-borża u bid-dgħajjes tas-sajd bil-lixka, l-isforz u n-numru ta’ settijiet (għat-tartaruni tal-borża) skont il-mezz ta’ sajd (FOB assoċjat ma’ oġġetti li jżommu f’wiċċ l-ilma u ġlib ħieles) f’konformità mar-rekwiżiti tad-data tal-Kompitu II;

(g) 

meta l-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża jitwettqu flimkien mad-dgħajjes tas-sajd bil-lixka, rapporti dwar il-qabdiet u l-isforz tal-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża assoċjati mad-dgħajjes tas-sajd bil-lixka f’konformità mar-rekwiżiti tad-data tal-Kompitu I u II.

▼B

Artikolu 13

Ġurnali ta' abbord

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a) 

il-ġurnali tas-sajd kemm dawk tal-karta, kif ukoll dawk elettroniċi, u l-ġurnali tal-FAD, fejn japplika, jinġabru fil-pront u jingħataw lix-xjenzjati tal-Unjoni;

(b) 

id-data tal-Kompitu II li tintbagħat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 50 ikun fiha l-informazzjoni li tkun inġabret mill-ġurnali tas-sajd jew tal-FAD, fejn japplika.

▼M3

Artikolu 14

Kopertura tal-osservaturi u projbizzjoni tal-użu tal-FAD b’rabta mal-protezzjoni tal-frieħ

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom ma jużawx FADs mitluqa għal perjodu ta’ 15-il jum qabel il-bidu tal-perjodi ta’ għeluq stabbiliti skont il-liġi tal-Unjoni.
2.  

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom li huma awtorizzati jistadu għat-tonn tropikali jistabbilixxu kopertura minima tal-osservaturi, kif ġej:

(a) 

għall-bastimenti tas-sajd bil-konz tagħhom b’tul totali ta’ 20 metru jew aktar, kopertura minima mill-osservaturi ta’ 10 % tal-isforz tas-sajd sal-2022, permezz tal-preżenza ta’ osservatur abbord f’konformità mal-Anness IV jew permezz ta’ sistema ta’ monitoraġġ elettronika approvata;

(b) 

għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża tagħhom, kopertura mill-osservaturi ta’ 100 % tal-isforz tas-sajd, permezz tal-preżenza ta’ osservatur abbord f’konformità mal-Anness IV jew permezz ta’ sistema ta’ monitoraġġ elettronika approvata.

Sat-30 ta’ April, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw l-informazzjoni miġbura mill-osservaturi jew mis-sistema ta’ monitoraġġ elettronika approvata mis-sena ta’ qabel lis-Segretarjat tal-ICCAT u lill-Kumitat Permanenti tal-ICCAT dwar ir-Riċerka u l-Istatistika, filwaqt li jittieħed kont tar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità msemmija fl-Artikolu 72.

▼B

Artikolu 15

Sajd tat-tonn tropikali f'ċertu ilmijiet tal-Portugall

Għandu jkun ipprojbit li tinżamm kwalunkwe kwantità ta' tonn tropikali li jkun inqabad bit-tartarun tal-borża fl-ilmijiet li huma taħt is-sovranità jew taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Portugall fis-sottożona X tal-ICES li tinsab aktar 'il fuq minn 36°30′ N jew fiż-żoni tal-CECAF aktar 'il fuq minn 31° N u aktar lejn il-Lvant minn 17°30′ W, jew li din l-ispeċi tinżamm fil-mira għas-sajd bl-użu ta' dak it-tagħmir. L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandux japplika f'dawn il-każijiet.

▼M3

Artikolu 16

Identifikazzjoni tas-sajd IUU

Jekk is-Segretarju Eżekuttiv tal-ICCAT jinnotifika lill-Kummissjoni dwar possibbiltà ta’ ksur minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni tal-Artikolu 7(2) jew l-Artikolu 14(1) jew (2), il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tgħarraf lill-Istat Membru tal-bandiera tiegħu kkonċernat. Dak l-Istat Membru għandu minnufih jinvestiga l-każ u, jekk il-bastiment ikun qed jistad b’rabta ma’ oġġetti li jistgħu jaffettwaw l-aggregazzjoni tal-ħut, fosthom l-FADs, matul il-perjodu ta’ għeluq, għandu jeżiġi li l-bastiment jieqaf mis-sajd u, jekk ikun hemm bżonn, li jitlaq minn dik iż-żona mingħajr dewmien. L-Istat Membru tal-bandiera kkonċernat għandu, mingħajr dewmien, jirrapporta lill-Kummissjoni r-riżultati tal-investigazzjoni tiegħu u l-miżuri korrispondenti li jkunu ttieħdu. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lill-Istat kostali u lis-Segretarju Eżekuttiv tal-ICCAT.

KAPITOLU II

Alonga

Taqsima 1

alonga tat-tramuntana u tan-nofsinhar tal-atlantiku

▼B

Artikolu 17

Restrizzjonijiet fuq l-għadd ta' bastimenti

L-għadd massimu ta' bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jkollhom fil-mira l-alonga tat-Tramuntana tal-Atlantiku fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT għandu jkun iddeterminat bħala l-għadd medju ta' bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li kienu qegħdin jistadu bil-mira li jaqbdu l-alonga tat-Tramuntana tal-Atlantiku fil-perijodu ta' bejn l-1993 u l-1995.

▼M3

Artikolu 17a

Awtorizzazzjonijiet speċifiċi għal bastimenti tal-qbid fuq skala kbira li jistadu l-alonga tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku

1.  
F’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ), l-Istati Membri għandhom joħorġu awtorizzazzjonijiet tas-sajd lil bastimenti tal-qbid fuq skala kbira li jtajru l-bandiera tagħhom sabiex jistadu l-alonga tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku fiż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT.
2.  
Bastimenti tas-sajd fuq skala kbira li ma jkunux imniżżla fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti awtorizzati jistadu l-alonga tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku ma għandhomx jitħallew jistadu, iżommu abbord, jittrażbordaw, jittrasportaw, jittrasferixxu, jipproċessaw jew iħottu l-art l-alonga tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku miż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT. L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandux japplika f’dawn il-każijiet.
3.  
Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li mhumiex awtorizzati jistadu l-alonga tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku, skont il-paragrafu 1, jistgħu jitħallew iżommu abbord, jittrażbordaw, jittrasportaw, jipproċessaw jew iħottu l-art qabdiet aċċessorji ta’ alonga tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku f’konformità ma’ limitu massimu fuq il-qabdiet aċċessorji abbord għal dawn il-bastimenti. Bħala parti mir-rapport annwali, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni l-limitu massimu ta’ qabdiet aċċessorji li jippermettu għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom.

Artikolu 17b

Età eċċessivament żgħira jew kbira tal-alonga tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku

1.  
Kif xieraq, kwalunkwe porzjon mhux użat jew żejjed ta’ kwota jew limitu fuq il-qbid annwali ta’ Stat Membru għall-alonga tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku jista’ jiżdied ma’ jew għandu jitnaqqas mill-kwota jew il-limitu fuq il-qbid rilevanti matul jew qabel is-sena ta’ aġġustament f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT fis-seħħ għall-alonga tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku.
2.  
L-età eċċessivament żgħira massima tal-alonga tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku li Stat Membru jista’ jirriporta fi kwalunkwe sena partikolari ma għandhiex taqbeż l-ammont permess f’dik is-sena partikolari mill-ICCAT.

Artikolu 17c

Reġistru tal-qabdiet tal-alonga tan-Nofsinhar tal-Atlantiku

L-Istati Membri tal-bandiera tal-bastimenti li jistadu l-alonga tan-Nofsinhar tal-Atlantiku għandhom jirrapportaw il-qabda akkurata u vvalidata tagħhom tal-alonga tan-Nofsinhar tal-Atlantiku lis-Segretarjat tal-ICCAT bħala parti mid-data tal-Kompitu I u tal-Kompitu II imsemmija fl-Artikolu 50.

Taqsima 2

Alonga tal-Mediterran:

Artikolu 17d

Sajd rikreattiv għall-alonga tal-Mediterran

1.  
Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe projbizzjoni tas-sajd rikreattiv skont il-liġi nazzjonali jew dik tal-Unjoni, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi involuti fis-sajd rikreattiv ma għandhomx jaqbdu, iżommu abbord, jittrażbordaw jew iħottu l-art aktar minn tliet kampjuni tal-alonga tal-Mediterran għal kull bastiment kuljum.
2.  
Għandu jkun ipprojbit li tiġi kkummerċjalizzata l-alonga tal-Mediterran maqbuda fis-sajd rikreattiv.
3.  
L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat tal-ICCAT il-lista tal-bastimenti tas-sajd kollha involuti fis-sajd rikreattiv, awtorizzati li jistadu għall-alonga tal-Mediterran, mill-inqas 15-il jum qabel l-eżerċizzju tal-attivitajiet. Il-bastimenti mhux inklużi f’dik il-lista ma għandhomx ikunu awtorizzati jistadi għall-alonga tal-Mediterran.

▼B

KAPITOLU III

Pixxispad

Taqsima 1

Pixxispad fl-Atlantiku

Artikolu 18

Pjanijiet ta' ġestjoni tal-pixxispad tat-Tramuntana tal-Atlantiku

L-Istati Membri li jkunu ġew allokati kwota u li l-bastimenti tagħhom jkunu qed jistadu għall-pixxispad tat-Tramuntana tal-Atlantiku għandhom jippreżentaw il-pjanijiet ta' ġestjoni tagħhom lill-Kummissjoni sal-15 ta' Awwissu ta' kull sena. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi din l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-15 ta' Settembru ta' kull sena.

▼M3

Artikolu 18a

Awtorizzazzjonijiet speċifiċi għal bastimenti tal-qbid fuq skala kbira li jistadu l-pixxispad tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku

1.  
F’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2403, l-Istati Membri għandhom joħorġu awtorizzazzjonijiet tas-sajd lil bastimenti tal-qbid fuq skala kbira li jtajru l-bandiera tagħhom sabiex jistadu l-pixxispad tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku fiż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT.
2.  
Bastimenti tas-sajd fuq skala kbira li ma jkunux imniżżla fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti awtorizzati jistadu l-pixxispad tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku ma għandhomx jitħallew jistadu, iżommu abbord, jittrażbordaw, jittrasportaw, jittrasferixxu, jipproċessaw jew iħottu l-art il-pixxispad tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku miż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT. L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandux japplika f’dawn il-każijiet.
3.  
Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li mhumiex awtorizzati jistadu l-pixxispad tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku, skont il-paragrafu 1, jistgħu jitħallew iżommu abbord, jittrażbordaw, jittrasportaw, jipproċessaw jew iħottu l-art qabdiet aċċessorji ta’ pixxispad tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku f’konformità ma’ limitu massimu fuq il-qabdiet aċċessorji abbord għal dawn il-bastimenti. Bħala parti mir-rapport annwali, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni l-limitu massimu ta’ qabdiet aċċessorji li jippermettu għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom.

Artikolu 18b

Età eċċessivament żgħira tal-pixxispad tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku

1.  
Kwalunkwe porzjon mhux użat ta’ kwota jew limitu fuq il-qbid annwali ta’ Stat Membru għall-pixxispad tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku jista’ jiżdied mal-kwota jew il-limitu fuq il-qbid rilevanti matul jew qabel is-sena ta’ aġġustament f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT fis-seħħ għall-pixxispad tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku.
2.  
L-età eċċessivament żgħira massima tal-pixxispad tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku li Stat Membru jista’ jirriporta fi kwalunkwe sena partikolari ma għandhiex taqbeż l-ammont permess f’dik is-sena partikolari mill-ICCAT.

▼B

Artikolu 19

Daqs minimu għall-pixxispad tat-Tramuntana tal-Atlantiku

1.  
Is-sajd immirat, iż-żamma abbord jew it-trażbord, il-ħatt l-art, it-trasportazzjoni, il-ħżin, il-wiri jew l-offerta għall-bejgħ, il-bejgħ jew il-kummerċjalizzazzjoni ta' pixxispad li ħaj ikun jiżen inqas minn 25 kg, jew, b'mod alternattiv, li t-tul tax-xedaq ta' taħt tiegħu jkun inqas minn 125 cm, għandu jiġi pprojbit. L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandux japplika f'dawn il-każijiet.
2.  
B'deroga mill-paragrafu 1, jistgħu jinżammu abbord, jiġu ttrażbordati, ittrasferiti, jinħattu l-art, jiġu ittrasportati, maħżuna, mibjugħa, murija jew offruti għall-bejgħ, massimu ta' 15 % tal-qabdiet inċidentali ta' pixxispad li ħaj ikun jiżen inqas minn 25 kg, jew li jkollu tul tax-xedaq ta' taħt inqas minn 125 cm.
3.  
It-tolleranza ta' 15 % msemmi fil-paragrafu 2 għandha tiġi kkalkulata fuq il-bażi tan-numru ta' pixxispad tal-qabda totali ta' pixxispad li jagħmel il-bastiment kull ħatt l-art.

Taqsima 2

Pixxispad fil-Mediterran

▼M3

KAPITOLU IV

Kastardella, pixxivela, marlin blu, marlin abjad u pastardella imperjali

Artikolu 27

Rilaxx tal-marlin blu, il-marlin abjad u l-pastardella imperjali li jinqabad ħaj

1.  
Sa fejn ikun possibbli, il-bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiku u l-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża tal-Unjoni għandhom jirrilaxxaw minnufih il-marlin blu (Makaira nigricans), il-marlin abjad (Tetrapturus albidus) u l-pastardella imperjali (Tetrapturus georgei) kollha li jkunu ħajjin mar-ritorn, b’kunsiderazzjoni xierqa għas-sikurezza tal-membri tal-ekwipaġġ, b’mod li jikkawża l-inqas ħsara u li jimmassimizza s-sopravivenza wara r-rilaxx.
2.  
L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-implimentazzjoni tal-istandards minimi għall-proċeduri ta’ trattament sikur u ta’ rilaxx ħaj speċifikati fl-Anness 1 tar-Rakkomandazzjoni 19-05 tal-ICCAT billi jipproduċu linji gwida għall-flotta tagħhom. Għar-rilaxx sikur tal-marlin blu, il-marlin abjad u l-pastardella imperjali ħajjin li jinqabdu, il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, fuq il-gverta tagħhom u b’mod faċilment aċċessibbli għall-membri tal-ekwipaġġ, għandu jkollhom disponibbli dan li ġej: apparat tal-irfigħ, taljatur tal-bolts, żganċatur jew sbokkatur, u taljalenez.
3.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kaptani u l-membri tal-ekwipaġġ tal-bastimenti tas-sajd tagħhom ikunu mħarrġa b’mod adegwat, ikunu konxji minn u jużaw tekniki xierqa ta’ mitigazzjoni, identifikazzjoni, trattament u rilaxx, u jżommu abbord it-tagħmir kollu meħtieġ għar-rilaxx tal-marlin blu, il-marlin abjad u l-pastardella imperjali f’konformità mal-linji gwida dwar l-istandards minimi għal proċeduri ta’ trattament sikur u ta’ rilaxx ħaj imsemmija fil-paragrafu 2.
4.  
L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jimminimizzaw il-mortalità ta’ wara r-rilaxx tal-marlin blu, il-marlin abjad u l-pastardella imperjali fis-sajd tal-ICCAT tagħhom.
5.  
L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiku u lill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża li jtajru l-bandiera tagħhom jistadu u jżommu abbord, jittrażbordaw jew iħottu l-art il-marlin blu u l-marlin abjad u l-pastardella imperjali li jkunu mejtin, fi ħdan il-limitu fuq il-qbid tagħhom.

Artikolu 28

Ħatt l-art tal-marlin blu, il-marlin abjad u l-pastardella imperjali lil hinn mill-opportunitajiet tas-sajd

Meta Stat Membru jkun eżawrixxa l-kwota tiegħu, dak l-Istat Membru għandu jiżgura li l-marlin blu, il-marlin abjad u l-pastardella imperjali li jinħatt l-art li jkun mejjet meta jinġibed qrib il-bastiment ma jitqiegħedx għall-bejgħ jew jiġi kkummerċjalizzat. Tali ħatt l-art m’għandux jinqata’ mil-limiti fuq il-qbid ta’ dak l-Istat Membru kif stipulat abbażi tal-limitu fuq il-ħatt l-art tal-Unjoni stabbilit fil-paragrafu 2 tar-Rakkomandazzjoni 19-05 tal-ICCAT, dment li tali projbizzjoni tkun spjegata ċar fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 71 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 29

Sajd rikreattiv tal-marlin blu, il-marlin abjad u l-pastardella imperjali

1.  
L-Istati Membri tal-bandiera tal-bastimenti li jipparteċipaw fis-sajd rikreattiv tal-marlin blu, il-marlin abjad u l-pastardella imperjali għandhom iżommu kopertura tal-osservaturi xjentifiċi ta’ 5 % tal-ħatt l-art tal-kompetizzjonijiet tal-marlin blu, il-marlin abjad u l-pastardella imperjali.
2.  
Fis-sajd rikreattiv tal-marlin blu għandu japplika daqs minimu għall-konservazzjoni ta’ 251 cm f’tul mix-xedaq t’isfel sal-qasma tad-denb.
3.  
Fis-sajd rikreattiv tal-marlin abjad u l-pastardella imperjali għandu japplika daqs minimu għall-konservazzjoni ta’ 168 cm f’tul mix-xedaq t’isfel sal-qasma tad-denb.
4.  
Għandu jkun ipprojbit li jinbiegħu jew jiġu offruti għall-bejgħ il-karkassa sħiħa jew partijiet mill-karkassa tal-marlin blu, il-marlin abjad jew il-pastardella imperjali li jinqabad f’sajd rikreattiv.
5.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li fis-sajd rikreattiv, kwalunkwe ħut rilaxxat għandu jiġi rilaxxat b’mod li jikkawża l-inqas ħsara.

Artikolu 29a

Ġbir ta’ data għall-pixxivela

L-Istati Membri għandhom jiġbru data dwar il-qabdiet ta’ pixxivela, inkluż il-qbid skartat ħaj u mejjet, u għandhom jirrapportaw dik id-data kull sena bħala parti mis-sottomissjoni tad-data tal-Kompitu I u tal-Kompitu II tagħhom, biex jappoġġaw il-proċess ta’ valutazzjoni tal-istokk.

Artikolu 29b

Ġbir ta’ data u rapportar għall-kastardella, il-marlin blu, il-marlin abjad u l-pastardella imperjali

1.  
L-Istati Membri għandhom jimplimentaw programmi ta’ ġbir ta’ data li jiżguraw ir-rapportar ta’ data akkurata dwar il-qbid, l-isforz, id-daqs u l-qbid skartat tal-kastardella lill-ICCAT, f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-ICCAT għas-sottomissjoni tad-data tal-Kompitu I u II.
2.  
L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni l-listi ta’ kontroll tagħhom għall-kastardella kif stipulat fl-Anness 1 tar-Rakkomandazzjoni 18-05 tal-ICCAT, inkluż informazzjoni dwar l-azzjonijiet li jkunu ħadu fl-ambitu domestiku biex jimmonitorjaw il-qabdiet u biex jikkonservaw u jimmaniġġaw il-kastardella.
3.  
In-nuqqas ta’ rapportar tad-data tal-Kompitu I, inkluż il-qbid skartat mejjet, għall-marlin blu, il-marlin abjad u l-pastardella imperjali f’konformità mar-Riżoluzzjoni 01-06 u r-Rakkomandazzjoni 11-15 tal-ICCAT għandu jirriżulta fi projbizzjoni taż-żamma ta’ dawn l-ispeċijiet.

▼B

KAPITOLU V

Klieb il-baħar

Artikolu 30

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.  
Fl-attivitajiet tas-sajd li ma jkollhomx il-klieb il-baħar fil-mira, il-klieb il-baħar ħajjin li jkunu qabda inċidentali u li ma jintużawx għall-ikel jew bħala mezz ta' għajxien, għandhom jintelqu lura fil-baħar.
2.  
L-Istati Membri għandhom, fejn possibbli, iwettqu riċerka dwar l-ispeċijiet ta' klieb il-baħar li jinqabdu fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT biex tittejjeb l-għażla tat-tagħmir tas-sajd, biex jiġu identifikati żoni potenzjali tat-tkabbir u biex jiġi previst għeluq marbut ma' perijodi ta' żmien jew ma' żoni u miżuri oħrajn, kif ikun xieraq. Din ir-riċerka għandha tipprovdi informazzjoni dwar il-parametri ewlenin bijoloġiċi u ekoloġiċi, dwar il-ġrajja tul il-ħajja u l-karatteristiki tal-imġiba, kif ukoll dwar l-identifikazzjoni ta' żoni potenzjali ta' tagħmir, twelid u tkabbir.

Artikolu 31

Pixxiplamtu (Lamna nasus)

1.  
Iż-żamma abbord, it-trażbord jew il-ħatt l-art ta' kwalunkwe parti jew il-karkassa sħiħa ta' pixxiplamtu maqbud flimkien mas-sajd tal-ICCAT għandu jiġi projbit.
2.  
Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom minnufih jeħilsu, mingħajr ma jweġġgħu, il-pixxiplamtu li jinqabad b'rabta mal-attivitajiet tas-sajd tal-ICCAT meta dawn jinġibdu qrib il-bastiment.

Artikolu 32

Pixxivolpi għajnu kbira (Alopias superciliosus)

1.  
Għandu jkun ipprojbit li l-karkassi sħaħ jew partijiet mill-karkassi tal-pixxivolpi għajnu kbira li jinqabad b'rabta ma' attivitajiet tas-sajd fiż-żoni tal-ICCAT jinżammu abbord, jiġu ttrażbordati jew jinħattu l-art.
2.  
Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom minnufih jeħilsu, mingħajr ma jweġġgħu, il-pixxvolpi għajnu kbira li jinqabad b'rabta mal-attivitajiet tas-sajd tal-ICCAT meta dawn jinġibdu qrib il-bastiment.

▼M3

Artikolu 33

Pixxitondu tat-Tramuntana tal-Atlantiku (Isurus oxyrinchus)

1.  
Il-pixxitondu tat-Tramuntana tal-Atlantiku li jinqabad mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ma għandux isirlu ħsara u għandu jiġi rilaxxat fil-baħar minnufih sa fejn ikun prattikabbli, b’kunsiderazzjoni xierqa tas-sikurezza tal-membri tal-ekwipaġġ.
2.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom japplikaw l-istandards minimi għall-proċeduri ta’ trattament sikur u ta’ rilaxx għall-pixxitondu tat-Tramuntana tal-Atlantiku kif stipulat fl-Anness IX.

Artikolu 33a

Pixxitondu tan-Nofsinhar tal-Atlantiku (Isurus oxyrinchus)

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom japplikaw l-istandards minimi għall-proċeduri ta’ trattament sikur u ta’ rilaxx għall-pixxitondu tan-Nofsinhar tal-Atlantiku kif stipulat fl-Anness IX.
2.  
L-Istati Membri għandhom jirrapportaw kull xahar lill-Kummissjoni l-ħatt l-art permissibbli kollu tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, ta’ pixxitondu tan-Nofsinhar tal-Atlantiku. Dawn ir-rapporti għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum minn tmiem ix-xahar kalendarju li fih ikunu saru l-qabdiet. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni kull sena l-qbid skartat mejjet, ir-rilaxx ħaj u l-qabdiet totali tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom.
3.  
Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, l-Istati Membri tal-bandiera tal-bastimenti li jkunu qabdu (il-ħatt l-art u l-qbid skartat mejjet) il-pixxitondu tan-Nofsinhar tal-Atlantiku għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-metodoloġija statistika użata biex jiġi stmat il-qbid skartat mejjet u r-rilaxx ħaj. L-Istati Membri b’sajd artiġjanali u fuq skala żgħira għandhom jipprovdu wkoll informazzjoni dwar il-programmi tagħhom ta’ ġbir ta’ data.
4.  
Bħala parti mis-sottomissjonijiet annwali tagħhom tad-data tal-Kompitu I u tal-Kompitu II, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni d-data rilevanti kollha għall-pixxitondu tan-Nofsinhar tal-Atlantiku, inkluż stimi tal-qbid skartat mejjet u r-rilaxx ħaj bl-użu tal-metodi approvati mill-Kumitat Permanenti tal-ICCAT dwar ir-Riċerka u l-Istatistika.
5.  
Il-bastimenti tas-sajd li jżommu l-pixxitondu tan-Nofsinhar tal-Atlantiku m’għandhomx jittrażbordaw, parzjalment jew kompletament, il-pixxitondu tan-Nofsinhar tal-Atlantiku li jinqabad b’rabta mas-sajd tal-ICCAT.

▼B

Artikolu 34

Kelb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniku (Carcharhinus longimanus)

1.  
Għandu jkun ipprojbit li l-karkassi sħaħ jew kwalunkwe parti mill-karkassi tal-klieb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniċi li jinqabdu b'rabta ma' attivitajiet tas-sajd fiż-żoni tal-ICCAT jinżammu abbord, jiġu ttrażbordati jew jinħattu l-art.
2.  
Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom minnufih jeħilsu, mingħajr ma jweġġgħu, il-kelb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniku li jinqabad b'rabta mal-attivitajiet tas-sajd tal-ICCAT meta dawn jinġibdu qrib il-bastiment.

Artikolu 35

Kurazzi

1.  
Għandu jkun ipprojbit li l-karkassi sħaħ jew partijiet mill-karkassi tal-kurazzi tal-familja Sphyrnidae (minbarra s-Sphyrna tiburo) li jinqabdu b'rabta ma' attivitajiet tas-sajd fiż-żoni tal-ICCAT jinżammu abbord, jiġu ttrażbordati jew jinħattu l-art.
2.  
Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom minnufih jeħilsu, mingħajr ma jweġġgħu, il-kurazzi li jinqabdu b'rabta mal-attivitajiet tas-sajd tal-ICCAT meta dawn jinġibdu qrib il-bastiment.

Artikolu 36

Kelb il-baħar ħariri (Carcharhinus falciformis)

1.  
Għandhom ikunu pprojbiti ż-żamma abbord, it-trażbord jew il-ħatt l-art ta' kwalunkwe parti jew tal-karkassa sħiħa tal-kelb il-baħar ħariri maqbuda fis-sajd tal-ICCAT.
2.  
Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jeħilsu minnufih, mingħajr ma jweġġgħu, il-kelb il-baħar ħariri b'rabta mas-sajd tal-ICCAT, mhux aktar tard minn qabel ma l-qabda titqiegħed fl-istivi tal-ħut, filwaqt li titqies kif xieraq is-sikurezza tal-membri tal-ekwipaġġ.
3.  
Il-bastimenti li jużaw it-tartarun tal-borża tal-Unjoni li jieħdu sehem f'attivitajiet tas-sajd tal-ICCAT għandhom jwettqu miżuri addizzjonali biex iżidu r-rata ta' sopravvivenza tal-kelb il-baħar ħariri li jkun inqabad b'mod inċidentali. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, bħala parti mir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 71, dwar il-progress li jkun sar.

▼M3

Artikolu 36a

Ġbir ta’ data għall-klieb il-baħar

1.  
L-Istati Membri għandhom jimplimentaw programmi ta’ ġbir ta’ data li jiżguraw ir-rapportar akkurat ta’ data dwar il-qbid, l-isforz, id-daqs u l-qbid skartat tal-klieb il-baħar lill-ICCAT, f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti għall-forniment tad-data tal-Kompitu I u tal-Kompitu II.
2.  
L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni l-listi ta’ kontroll tagħhom għall-implimentazzjoni dwar il-klieb il-baħar kif stipulat fl-Anness 1 tar-Rakkomandazzjoni 18-06 tal-ICCAT, inkluż informazzjoni dwar l-azzjonijiet li jkunu ħadu fl-ambitu domestiku biex jimmonitorjaw il-qabdiet u biex jikkonservaw u jimmaniġġaw il-klieb il-baħar.

▼B

Artikolu 37

Il-kampjunar ta' speċijiet ta' kelb il-baħar minn osservaturi xjentifiċi u minn individwi oħra awtorizzati

1.  

B'deroga mill-projbizzjoni li jinżammu abbord il-pixxiplamtu, il-pixxivolpi għajnu kbira, il-kelb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniku, il-kurazza (tal-familja Sphyrnidae, minbarra s-Sphyrna tiburo), u l-kelb il-baħar ħariri, kif stipulat fl-Artikoli 31, 32, 34, 35 u 36, il-ġbir ta' kampjuni bijoloġiċi waqt attivitajiet tas-sajd kummerċjali minn osservaturi xjentifiċi jew minn individwi awtorizzati mill-PKK biex jieħdu kampjuni bijoloġiċi, għandu jkun permess skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

il-kampjuni bijoloġiċi jittieħdu biss minn annimali li jkunu mejtin meta jittellgħu x-xbieki;

(b) 

il-kampjuni bijoloġiċi jittieħdu fil-qafas ta' proġett ta' riċerka li jkun innotifikat lill-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka u l-Istatistika tal-ICCAT u li jkun ġie żviluppat b'kont meħud tal-prijoritajiet rakkomandati għar-riċerka ta' dak il-Kumitat. Il-proġett ta' riċerka jenħtieġ li jinkludi dokument dettaljat li jiddeskrivi l-objettiv tal-proġett, il-metodoloġiji li għandhom jintużaw, in-numru u t-tip ta' kampjuni li għandhom jinġabru u l-ħin u ż-żona tal-kampjunar;

(c) 

il-kampjuni bijoloġiċi jinżammu abbord sakemm il-bastiment jasal fil-port tal-ħatt l-art jew sat-trażbord; u

(d) 

l-awtorizzazzjoni tal-Istat Membru tal-bandiera jew, fil-każ ta' bastimenti noleġġati, tal-PKK noleġġatur u tal-Istat Membru tal-bandiera, trid takkumpanja l-kampjuni kollha li jinġabru f'konformità ma' dan l-Artikolu sal-port tal-aħħar ħatt l-art. Dawn il-kampjuni u partijiet oħra tal-eżemplari mill-klieb il-baħar li jkunu ttieħdu ma għandhomx jinbiegħu jew jiġu kkummerċjalizzati.

2.  
Il-kampjuni bijoloġiċi msemmija fil-paragrafu 1 jista' jinkludi, b'mod partikolari, il-vertebri, it-tessut, is-sistema riproduttiva, l-istonku, il-kampjuni tal-ġilda, il-valvijiet spirali, ix-xedaq, ħut sħiħ jew skeletri, għal studji tat-tassonomija u għall-inventarji tal-fawna.
3.  
Il-kampanja tal-kampjunar tista' tibda biss ladarba tinħareġ l-awtorizzazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat.

KAPITOLU VI

Għasafar tal-baħar

Artikolu 38

Miżuri ta' mitigazzjoni għall-għasafar tal-baħar fiż-żona bejn l-20° fin-Nofsinhar u l-25° fin-Nofsinhar

1.  
Il-bastimenti kollha li jistadu bejn l-20° u l-25° fin-Nofsinhar għandhom iġorru magħhom u jużaw il-lettijiet bin-naffara (lettijiet tori) u arbli għal-lettijiet bin-naffara (arbli tori) li jissodisfaw ir-rekwiżiti u l-linji gwida Supplementari stabbiliti fl-Anness V.
2.  
Il-lettijiet tori dejjem għandhom jintefgħu qabel ma jiġu kalati l-konzijiet.
3.  
Fejn prattiku, għandu jintuża t-tieni arblu tori u lett tori meta jkun hemm abbundanza kbira ta' għasafar jew ħafna attività mill-għasafar.
4.  
Għandhom jinġarru lettijiet tori ta' riżerva mill-bastimenti kollha u dawn għandhom ikunu lesti għal użu immedjat.
5.  

Il-bastimenti li jistadu bil-konzijiet li jkollhom fil-mira l-pixxispad u jużaw tagħmir tal-konz monofilament għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżiti tal-paragrafi 1, 2, u 3, sakemm jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

il-konzijiet jiġu ssettjati billejl, u l-lejl huwa ddefinit bħala dak il-ħin bejn l-inżul tax-xemx/iż-żerniq nawtiku kif inhu mniżżel fl-almanakk nawtiku tal-inżul tax-xemx/iż-żerniq għall-pożizzjoni ġeografika fejn isir is-sajd; u

(b) 

jużaw piż minimu ta' tornikett ta' 60 g mqiegħed mhux aktar minn 3 m mis-sunnara biex jintlaħqu rati ottimi ta' għarqa.

L-Istati Membri tal-bandiera tal-bastimenti soġġetti għall-eżenzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bis-sejbiet xjentifiċi tagħhom li jirriżultaw mill-programmi ta' osservazzjoni tagħhom ta' dawk il-bastimenti.

Artikolu 39

Miżuri ta' mitigazzjoni għall-għasafar tal-baħar fiż-żona fin-Nofsinhar ta' 25° fin-Nofsinhar

Il-bastimenti li jużaw il-konzijiet għandhom japplikaw għallinqas tnejn mill-miżuri ta' mitigazzjoni li jidhru hawn taħt, f'konformità mar-rekwiżiti u l-linji gwida supplementari stabbiliti fl-Anness V:

(a) 

l-issettjar billejl bl-inqas dawl possibbli fuq il-gverta;

(b) 

lettijiet bin-naffara (lettijiet tori);

(c) 

żieda ta' ċombi mal-lett.

Artikolu 40

Obbligi ta' rappurtar dwar l-għasafar tal-baħar

1.  
Il-bastimenti li jużaw il-konzijiet għandhom jiġbru u jipprovdu lill-Istati Membri tal-bandiera tagħhom l-informazzjoni dwar l-interazzjonijiet mal-għasafar tal-baħar, fosthom meta dawn ikunu parti mill-qabda inċidentali. L-Istati Membri għandhom jgħaddu dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT mingħajr dewmien.
2.  
L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 38 u 39 u dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tal-Unjoni biex jitnaqqas il-qbid inċidentali ta' għasafar tal-baħar fit-tagħmir tas-sajd.

KAPITOLU VII

Fkieren tal-baħar

Artikolu 41

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-fkieren tal-baħar

1.  
Il-bastimenti li jużaw it-tartarun tal-borża għandhom jevitaw li jagħlqu lill-fkieren tal-baħar fil-borża u għandhom jeħilsu l-fkieren tal-baħar li jingħalqu jew jitħabblu fix-xbieki, anki fuq il-FADs. Għandhom jirrapportaw l-interazzjonijiet bejn it-tartaruni tal-borża jew il-FADs u l-fkieren tal-baħar lill-Istat Membru tal-bandiera tagħhom.
2.  
Il-bastimenti pelaġiċi tas-sajd bil-konz għandhom iġorru u jużaw tagħmir li jippermetti li l-fkieren tal-baħar jinqabdu mingħajr ma ssirilhom ħsara, jitneħħewlhom ix-xbieki li jkunu tħabblu fihom u jinħelsu b'mod li jimmassimizzaw iċ-ċansijiet tagħhom li jibqgħu ħajjin.

▼M3

2a.  

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom li jistadu bil-konzijiet mhux fil-fond:

(a) 

jużaw biss snanar tondi kbar;

(b) 

jużaw biss lixka tal-ħut bil-pinen; jew

(c) 

jużaw miżuri oħra li jkunu ġew rieżaminati u jitqiesu effettivi u approvati mill-ICCAT bħala kapaċi jnaqqsu r-rata ta’ interazzjoni tal-fkieren tal-baħar f’sajd bil-konz mhux fil-fond.

▼B

3.  
Is-sajjieda ta' fuq il-bastimenti pelaġiċi tas-sajd bil-konz għandhom jużaw it-tagħmir imsemmi fil-paragrafu 2, f'konformità mal-Anness VI, sabiex jimmassimizzaw il-probabbiltà li l-fkieren jibqgħu ħajjin.

▼M3

4.  

L-Istati Membri għandhom:

(a) 

jiżguraw li l-interazzjonijiet mal-fkieren tal-baħar jitnaqqsu u jiġu eliminati sa fejn ikun prattikabbli, fejn inkontri mal-fkieren tal-baħar ġew dokumentati u rrapportati lill-Kumitat Permanenti tal-ICCAT dwar ir-Riċerka u l-Istatistika, permezz tal-użu jew it-tkomplija tal-użu ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-qabdiet aċċessorji li ġejjin:

(i) 

tipi ta’ rkaptu alternattivi jew ġodda u modifiki tal-irkaptu;

(ii) 

restrizzjonijiet u għeluq spazjutemporali ta’ żoni tas-sajd f’każijiet fejn ikun hemm riskju ogħla ta’ interazzjoni mal-fkieren tal-baħar;

(iii) 

immarkar effettiv ta’ rkaptu b’xibka statika li jippermetti li l-fkieren tal-baħar jarawh, bħall-użu ta’ kuluri tax-xibka, rifletturi passivi tad-dawl, dijametru eħxen tal-ispag, sufra jew materjali oħra fix-xibka;

(iv) 

modifiki fl-imġiba u fl-istrateġija tas-sajd (eż. tnaqqis fil-ħin tal-immersjoni, eċċ.);

(b) 

jirrikjedu li l-bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża li jtajru l-bandiera tagħhom:

(i) 

jevitaw li jdawru l-fkieren tal-baħar sa fejn ikun prattikabbli;

(ii) 

jirrilaxxaw fkieren tal-baħar imdawrin jew li jkunu tħabblu, inkluż fuq FADs, fejn ikun fattibbli; u

(iii) 

jiżguraw li l-FADs użati jkunu mibnija skont l-Anness X biex jeliminaw b’mod effettiv ir-riskji ta’ tħabbil tal-fkieren tal-baħar;

(c) 

jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jiżguraw ir-rilaxx sikur tal-fkieren tal-baħar b’mod li jimmassimizza l-probabbiltà tas-sopravivenza tagħhom billi jeħtieġu li:

(i) 

il-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża u bil-konz u tipi oħra ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom li jużaw irkaptu li jistgħu jitħabblu fih il-fkieren tal-baħar, iġorru abbord żganċaturi, taljalenez u liftijiet bil-qoffa jew koppijiet, kif xieraq għal kull tip ta’ rkaptu u konsistenti mal-“Aħjar prattiki ta’ trattament u rilaxx tal-fkieren tal-baħar” tal-Linji Gwida tal-FAO biex titnaqqas il-mortalità tal-fkieren tal-baħar fl-operazzjonijiet tas-sajd (2009) (“il-linji gwida tal-FAO”);

(ii) 

is-sidien, l-operaturi u l-membri tal-ekwipaġġ tal-bastimenti msemmija fil-punt (i), kif ukoll kwalunkwe osservatur abbord, jużaw it-tagħmir imsemmi f’ dak il-punt f’konformità mal-prattiki ta’ trattament u rilaxx sikuri tal-fkieren tal-baħar fl-Anness VI, u b’konsistenza mal-linji gwida tal-FAO;

(iii) 

is-sidien, l-operaturi, u l-membri tal-ekwipaġġ tal-bastimenti msemmija fil-punt (i) jiġu mħeġġa jkollhom taħriġ fl-użu tat-tagħmir imsemmi f’dak il-punt;

(d) 

jirrikjedu li s-sajjieda tagħhom fuq bastimenti li jistadu speċijiet koperti mill-Konvenzjoni tal-ICCAT jtellgħu abbord, jekk ikun prattikabbli, kwalunkwe fekruna tal-baħar maqbuda li tkun f’koma jew inattiva mill-aktar fis possibbli u jiffavorixxu l-irkupru tagħha, inkluż jippruvaw jirrianimawha f’konformità mat-Taqsima C tal-Anness VI qabel ma jirritornawha l-baħar;

(e) 

jiżguraw li s-sajjieda jkunu konxji mit-tekniki xierqa ta’ mitigazzjoni u trattament u li jużawhom, kif deskritt fl-Anness VI.

5.  
L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex iżidu, lil hinn mil-livell minimu ta’ 5 %, sa 10 % sal-1 ta’ Jannar 2024, il-kopertura tal-osservaturi xjentifiċi tal-bastimenti tas-sajd bil-konz fis-sajd tal-ICCAT fejn inkontri mal-fkieren tal-baħar ikunu ġew dokumentati u rrapportati lill-Kumitat Permanenti tal-ICCAT dwar ir-Riċerka u l-Istatistika. Din iż-żieda tista’ tinkiseb permezz ta’ osservaturi umani jew sistemi ta’ monitoraġġ elettroniku, jew it-tnejn li huma.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, għal bastimenti li b’kollox ikunu iqsar minn 15-il metru, meta jista’ jkun hemm tħassib straordinarju dwar is-sikurezza li ma jippermettix li jintbagħat osservatur abbord, Stat Membru jista’ juża approċċ alternattiv għall-monitoraġġ xjentifiku biex jiġbor data ekwivalenti għal dik speċifikata f’dan ir-Regolament b’mod li jiżgura kopertura komparabbli. L-approċċi alternattivi implimentati skont dan is-subparagrafu għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni tal-ICCAT fil-laqgħa annwali qabel ma jiġu implimentati.

6.  

Fil-Baħar Mediterran:

(a) 

m’għandux japplika l-paragrafu 2a;

(b) 

il-paragrafi 4 u 5 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2026.

▼B

Artikolu 42

Obbligi ta' rappurtar dwar il-fkieren tal-baħar

1.  

L-Istati Membri għandhom jiġbru u jgħaddu lill-Kummissjoni, sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, l-informazzjoni dwar l-interazzjonijiet tal-bastimenti tagħhom mal-fkieren tal-baħar fl-attivitajiet tas-sajd b'rabta mal-ICCAT, skont it-tipi ta' tagħmir. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-31 ta' Lulju ta' kull sena. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi:

(a) 

ir-rati tal-qbid, il-karatteristiċi tat-tagħmir, il-ħinijiet u ż-żoni, l-ispeċijiet fil-mira u l-istat tal-fkieren meta jinħelsu (jiġifieri mejtin u skartati jew meħlusa ħajjin);

(b) 

diżaggregazzjoni tal-interazzjonijiet tal-fkieren tal-baħar skont l-ispeċi; u

(c) 

kif inqabdu b'sunnara jew b'xibka (inklużi l-FAD), it-tip ta' lixka, id-daqs u t-tip ta' sunnara, u d-daqs tal-annimal.

2.  
L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, bħala parti mir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 71, dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 41 u dwar azzjonijiet rilevanti oħrajn li jkunu twettqu biex jimplimentaw, fir-rigward tal-attivitajiet tas-sajd tal-ICCAT, il-Linji Gwida għat-tnaqqis tal-mortalità tal-fkieren waqt attivitajiet tas-sajd ippubblikati fl-2010 mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO).

KAPITOLU VIII

Opportunitajiet tas-sajd għat-tonn u għall-pixxispad

▼M2 —————

▼B

TITOLU III

MIŻURI TA' KONTROLL KOMUNI

KAPITOLU I

Awtorizzazzjonijiet

Artikolu 44

Reġistru tal-ICCAT ta' bastimenti tas-sajd kbar

1.  
L-Istati Membri għandhom joħorġu awtorizzazzjonijiet, f'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni ( 4 ), għall-bastimenti tas-sajd kbar li jtajru l-bandiera tagħhom u li iwettqu sajd immirat, iżommu abbord, jittrażbordaw jew iħottu l-art l-ispeċijiet tal-ICCAT fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT.
2.  
Fiż-żmien tal-awtorizzazzjoni, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-listi tal-bastimenti tas-sajd kbar awtorizzati skont il-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tressaq dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT biex tiddaħħal fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tas-sajd il-kbar.
3.  
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn 30 jum, bi kwalunkwe okkorrenza li tkun teħtieġ żieda, tnaqqis jew modifikazzjoni fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tas-sajd il-kbar. Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard minn 45 jum mid-data ta' tali okkorrenza, tgħaddi dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT.
4.  
Bastimenti kbar li ma jkunux imniżżlin fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti l-kbar tas-sajd ma għandhomx jitħallew iwettqu sajd immirat, iżommu abbord, jittrażbordaw, jew iħottu l-art l-ispeċijiet tal-ICCAT miż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT. L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandux japplika f'dawn il-każijiet.

▼M3

Artikolu 44a

Sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti

Meta l-bastimenti tas-sajd ikunu installaw apparat ta’ lokalizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-apparat ta’ lokalizzazzjoni tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom ikun operazzjonali b’mod permanenti u kontinwu, u li l-informazzjoni tinġabar u tiġi trażmessa lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru mill-inqas darba fis-siegħa għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża u mill-inqas darba kull sagħtejn għall-bastimenti l-oħra kollha li jistadu l-ispeċijiet tal-ICCAT.

Fil-każ ta’ ħsara teknika jew nuqqas ta’ tħaddim tal-apparat ta’ lokalizzazzjoni mgħammar abbord bastiment tas-sajd tal-Unjoni, l-apparat għandu jissewwa jew jinbidel mill-aktar fis possibbli u f’kwalunkwe każ mill-inqas fi żmien xahar minn meta dan iseħħ, dment li l-bastiment ikun għadu jopera fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT. Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni m’għandhomx jibdew vjaġġ tas-sajd jekk l-apparat ta’ lokalizzazzjoni ma jkunx issewwa jew inbidel.

▼B

KAPITOLU II

Noleġġ

Artikolu 45

Kamp ta' applikazzjoni

Dan il-Kapitolu għandu japplika għall-arranġamenti tan-noleġġ, minbarra n-noleġġ ta' bastimenti mingħajr ekwipaġġ, bejn il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u dawk tal-PKK, meta l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni kkonċernati ma jibdlux il-bandiera tagħhom.

Artikolu 46

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.  

Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandu jkollhom il-permess li jipparteċipaw f'arranġament ta' noleġġ mal-PKK biss bħala bastimenti noleġġati, soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

il-bastimenti noleġġati għandu jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa mill-PKK noleġġatur u ma għandhomx ikunu fil-lista tal-IUU tal-ICCAT;

(b) 

il-bastimenti noleġġati ma għandhomx ikunu awtorizzati li jistadu b'iktar minn arranġament tan-noleġġ wieħed fl-istess ħin;

(c) 

il-qabdiet tal-bastimenti noleġġati għandhom jinħattu biss fil-portijiet tal-PKK noleġġaturi, sakemm ma jkunx hemm stipulat mod ieħor fl-arranġament tan-noleġġ; u

(d) 

il-kumpanija tan-noleġġ għandha tkun stabbilita legalment fil-PKK noleġġatur.

2.  
Kwalunkwe trażbord li jsir fuq il-baħar għandu jkun debitament awtorizzat minn qabel mill-PKK noleġġatur u għandu jikkonforma mal-Kapitolu IV ta' dan it-Titolu.

Artikolu 47

Notifika

1.  
Meta jsir l-arranġament tan-noleġġ, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-kunsens tiegħu dwar l-arranġament tan-noleġġ.
2.  
Jekk, fi żmien 15-il jum kalendarju wara li tintbagħat lill-Kummissjoni n-notifika msemmija fil-paragrafu 1, din ma tkunx talbet aktar informazzjoni, il-bastiment noleġġat jista' jibda bl-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati.
3.  
L-Istat Membru tal-bandiera għandu jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bit-tmiem ta' kull noleġġ.
4.  
Il-Kummissjoni għandha tgħaddi mingħajr dewmien l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 3 lis-Segretarjat tal-ICCAT.

KAPITOLU III

Kontroll tal-qabdiet

Artikolu 48

Konformità mal-kwoti u mar-rekwiżiti dwar id-daqsijiet minimi

1.  
Sal-20 ta' Awwissu ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw l-informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-qabdiet tal-ispeċijiet tal-ICCAT matul is-sena ta' qabel li kienu suġġetti għall-kwoti u dwar il-konformità mad-daqsijiet minimi.
2.  
Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-15 ta' Settembru ta' kull sena.

Artikolu 49

Kampjunar tal-qabdiet

1.  
Il-kampjunar tal-qabdiet biex jittejjeb l-għarfien dwar il-bijoloġija tal-ispeċi tal-ICCAT rilevanti, u biex jiġu stmati l-parametri meħtieġa għall-evalwazzjoni tagħhom, għandu jitwettaq f'konformità mar-Regolament (UE) 2017/1004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ), id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1251 ( 6 ) u l-“Field manual for statistics and sampling Atlantic tunas and tuna-like fishes” ippubblikat fl-1990 mill-ICCAT.
2.  
Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti dettaljati għall-kampjunar tal-qabdiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 75(2).

Artikolu 50

Notifika dwar il-qabdiet u l-isforz tas-sajd

1.  

Sakemm ma jiġix stabbilit mod ieħor mill-Kummissjoni biex jintlaħqu l-limiti taż-żmien annwali stipulati mill-ICCAT, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, id-data li ġejja (data tal-Kompitu I):

(a) 

informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-flotta tagħhom għas-sena ta' qabel;

(b) 

stimi tad-data tal-qabda nominali annwali (inkluża d-data dwar il-qabdiet aċċessorji u dwar il-qbid skartat) li tikkonċerna l-ispeċijiet tal-ICCAT għas-sena ta' qabel.

2.  

Sakemm ma jiġix stabbilit mod ieħor mill-Kummissjoni biex jintlaħqu l-limiti taż-żmien annwali stipulati mill-ICCAT, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, id-data li ġejja (id-data tal-Kompitu II) għall-ispeċijiet tal-ICCAT:

(a) 

data tal-qabda u tal-isforz tas-sajd għas-sena ta' qabel, b'diżaggregazzjoni dettaljata skont l-ispazju u ż-żmien; dik id-data għandha tinkludi l-istimi tal-qabdiet skartati u tar-rilaxxi, flimkien ma' indikazzjoni tal-istat tal-ħut (kienx ħaj jew mejjet);

(b) 

kwalunkwe data li jkollhom dwar il-qabdiet tas-sajd rikreattiv għas-sena ta' qabel.

3.  
Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 lis-Segretarjat tal-ICCAT mingħajr dewmien.
4.  
Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti dettaljati għad-data tal-Kompiti I u II imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu rispettivament. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 75(2).

KAPITOLU IV

Trażbord

Artikolu 51

Kamp ta' applikazzjoni

1.  

Dan il-Kapitolu għandu japplika għall-operazzjonijiet ta' trażbord li ġejjin:

(a) 

l-operazzjonijiet ta' trażbord imwettqa fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT fir-rigward ta' speċijiet tal-ICCAT u ta' speċijiet oħra li jinqabdu b'rabta ma' dawk l-ispeċijiet; u

(b) 

l-operazzjonijiet tat-trażbord imwettqa barra miż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT fir-rigward ta' speċijiet tal-ICCAT u ta' speċijiet oħra li jinqabdu b'rabta ma' dawk l-ispeċijiet li nġabru fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT.

2.  
B'deroga mill-punt (b) tal-paragrafu 1, dan il-Kapitolu ma għandux japplika għat-trażbordi ta' ħut li jinqabad fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT fuq il-baħar barra miż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT, meta dan it-trażbord ikun suġġett għal programm ta' trażbordar stabbilit minn RFMO oħra tat-tonn.
3.  
Dan il-Kapitolu ma għandux japplika għall-bastimenti tas-sajd bil-ħarpun li jkunu qegħdin jittrażbordaw il-pixxispad frisk fuq il-baħar.

Artikolu 52

Trażbord f'port

1.  
L-operazzjonijiet ta' trażbordar kollha għandhom jitwettqu f'portijiet magħżulin, minbarra dawk li jitwettqu minn bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar, skont l-Artikoli 53 sa 60.
2.  
Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jikkonformaw mal-obbligi stipulati fl-Anness VII meta jkunu qegħdin iwettqu t-trażbordar f'port.
3.  
Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 17 sa 22 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u l-Artikoli 4, 6, 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008.

Artikolu 53

Trażbord fuq il-baħar

It-trażbord fuq il-baħar minn bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar għandhom jitwettqu f'konformità mal-Artikoli 54 sa 60.

Artikolu 54

Reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tal-ġarr

1.  
L-Istati Membri għandhom joħorġu awtorizzazzjonijiet, f'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni ( 7 ), għall-bastimenti tal-ġarr biex jirċievu t-trażbordi fuq il-baħar minn bastimenti tas-sajd bil-konz pelagiċi kbar fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT.
2.  
Fiż-żmien tal-awtorizzazzjoni, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-listi tal-bastimenti tal-ġarr awtorizzati skont il-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tressaq dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT biex tiddaħħal fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tal-ġarr.
3.  
L-Istati Membri tal-bandiera għandhom minnufih jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe żieda, tnaqqis jew modifika fil-listi tagħhom tal-bastimenti tal-ġarr. Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tgħaddi dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT.

▼M3

4.  

In-notifika msemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandha tirrifletti l-format u t-tqassim stabbiliti mis-Segretarjat Eżekuttiv tal-ICCAT u għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

— 
isem il-bastiment, in-numru fir-reġistru,
— 
in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-ICCAT (jekk ikun hemm),
— 
in-numru IMO,
— 
l-isem preċedenti (jekk ikun hemm),
— 
il-bandiera preċedenti (jekk ikun hemm),
— 
id-dettalji preċedenti tat-tħassir minn reġistri oħra (jekk ikun hemm),
— 
is-sinjal tas-sejħa internazzjonali bir-radju,
— 
it-tip ta’ bastimenti, it-tul, it-tunnellaġġ gross reġistrat (GRT) u l-kapaċità tat-trasport,
— 
l-ismijiet u l-indirizzi tas-sidien u tal-operaturi,
— 
it-tip ta’ trażbord awtorizzat (jiġifieri fil-port, fuq il-baħar),
— 
il-perjodu ta’ żmien awtorizzat għat-trażbord.

▼B

5.  
It-trażbordi fuq il-baħar imsemmijin fl-Artikolu 53 jistgħu jittieħdu biss minn bastimenti tal-ġarr li jkunu elenkati fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tal-ġarr.

Artikolu 55

Awtorizzazzjoni għall-bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar li jittrażbordaw fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT

1.  
L-Istati Membri għandhom joħorġu l-awtorizzazzjonijiet, f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni ( 8 ), għall-bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar li jtajru l-bandiera tagħhom li jittrażbordaw fuq il-baħar.
2.  
Fiż-żmien tal-awtorizzazzjoni, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-listi tal-bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar awtorizzati skont il-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tgħaddi dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT.
3.  
L-Istati Membri tal-bandiera għandhom minnufih jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe żieda, tnaqqis jew modifika fil-listi tagħhom tal-bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar li huma awtorizzati jittrażbordaw fuq il-baħar. Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tgħaddi dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT.
4.  

In-notifika msemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandha tirrifletti l-format u t-tqassim stabbilit mis-Segretarjat tal-ICCAT u għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

— 
isem il-bastiment, numru fir-reġistru,
— 
in-numru tar-reġistrazzjoni tal-ICCAT,
— 
iż-żmien awtorizzat għat-trażbordar fuq il-baħar,
— 
il-bandiera/bnadar, l-isem/ismijiet u n-numru/numri tar-reġistrazzjoni tal-bastiment(i) tal-ġarr awtorizzati biex jintużaw mill-bastiment(i) tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar.

Artikolu 56

Awtorizzazzjonijiet minn qabel għat-trażbord fuq il-baħar

1.  
It-trażbordar minn bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar f'ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni ta' PKK huma suġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel mingħand dik il-PKK. Għandu jinżamm l-oriġinal, jew tinżamm kopja ta' dik l-awtorizzazzjoni fuq il-bastiment u meta tintalab mill-osservatur reġjonali tal-ICCAT tingħatalu.
2.  
Il-bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar ma għandhomx jitħallew jittrażbordaw fuq il-baħar, sakemm ma jkunux kisbu awtorizzazzjoni minn qabel mill-Istat Membru li tiegħu tittajjar il-bandiera. Għandu jinżamm l-oriġinal, jew tinżamm kopja tad-dokumenti ta' dik l-awtorizzazzjoni fuq il-bastiment u meta tintalab mill-osservatur reġjonali tal-ICCAT tingħatalu.
3.  

Biex jirċievu l-awtorizzazzjonijiet minn qabel imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-kaptan jew il-proprjetarju tal-bastiment tas-sajd bil-konz pelaġiku kbir għandu, mill-inqas 24 siegħa qabel it-trażbordar ippjanat, jinnotifika lill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-bandiera tiegħu u lill-PKK tal-kosta dwar l-informazzjoni li ġejja:

(a) 

l-isem tal-bastiment tas-sajd bil-konz pelaġiku kbir u n-numru tiegħu fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar li huma awtorizzati biex jittrażbordaw fuq il-baħar;

(b) 

l-isem tal-bastiment tal-ġarr u n-numru tiegħu fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tal-ġarr;

(c) 

il-prodott li ser jiġi ttrażbordat, skont l-ispeċi, fejn din tkun magħrufa, u, jekk inhu possibbli, skont l-istokk;

(d) 

il-kwantitajiet ta' speċijiet tal-ICCAT li ser jiġu ttrażbordati, fejn hu possibbli, skont l-istokk;

(e) 

il-kwantitajiet ta' speċijiet oħrajn li jkunu nqabdu mal-ispeċijiet tal-ICCAT li ser jiġu ttrażbordati, skont l-ispeċi, jekk din tkun magħrufa;

(f) 

id-data u l-post tat-trażbord;

(g) 

il-pożizzjoni ġeografika tal-qabdiet, skont l-ispeċi u, fejn rilevanti, skont l-istokk, li hija konsistenti maż-żoni statistiċi tal-ICCAT.

Artikolu 57

Dikjarazzjoni tat-trażbord tal-ICCAT

1.  
Il-kaptan jew il-proprjetarju tal-bastiment tas-sajd bil-konz pelaġiku kbir għandu, mhux aktar tard minn 15-il jum wara t-trażbord, jimla d-dikjarazzjoni tat-trażbordar tal-ICCAT u jibgħatha lill-Istat Membru tal-bandiera tiegħu u lill-PKK tal-kosta.
2.  
Il-kaptan tal-bastiment tal-ġarr li jkun qed jirċievi l-konsenja għandu, fi żmien 24 siegħa mit-tlestija tat-trażbord, jimla d-dikjarazzjoni tat-trażbordar tal-ICCAT u jibgħatha lis-Segretarjat tal-ICCAT, lill-PKK tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd bil-konz pelaġiku kbir u lill-Istat Membru tal-bandiera tiegħu, flimkien man-numru tiegħu tar-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tal-ġarr.
3.  
Il-kaptan tal-bastiment tal-ġarr li jkun qed jirċievi l-konsenja għandu, mill-inqas 48 siegħa qabel il-ħatt l-art, jibgħat id-dikjarazzjoni tat-trażbord tal-ICCAT lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat fejn ser isir il-ħatt l-art, flimkien man-numru tal-bastiment tiegħu tar-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tal-ġarr.
4.  
L-ispeċijiet kollha tal-ICCAT u kwalunkwe speċi oħra li tkun inqabdet flimkien ma' dawk l-ispeċijiet li jinħattu l-art, jew li jiġu importati fiż-żona jew fit-territorju ta' PKK, kemm jekk ma jkunux ipproċessati, kif ukoll jekk ikunu ġew ipproċessati abbord, u li jkunu ġew ittrażbordati fuq il-baħar, għandu jkollhom magħhom id-dikjarazzjoni tat-trażbordar tal-ICCAT sakemm isir l-ewwel bejgħ tagħhom.

Artikolu 58

Programm ta' osservazzjoni reġjonali tal-ICCAT għat-trażbord fuq il-baħar

1.  
Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-bastimenti tal-ġarr kollha li jittrażbordaw fuq il-baħar ikollhom osservatur reġjonali tal-ICCAT abbord, skont il-programm ta' osservazzjoni reġjonali tal-ICCAT għat-trażbordar fuq il-baħar, kif stipulat fl-Anness VIII.
2.  
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 73 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-osservatur reġjonali tal-ICCAT għandu jkollu l-kompitu li jivverifika l-konformità ma' dan il-Kapitolu, u, b'mod partikolari, li l-kwantitajiet trażbordati jkunu konsistenti mal-qabda rrappurtata fid-dikjarazzjoni tat-trażbord tal-ICCAT u mal-qabdiet irreġistrati fil-ġurnal ta' abbord tal-bastiment tas-sajd.
3.  
Il-bastimenti għandhom ikunu pprojbiti milli jibdew jew ikomplu t-trażbord fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT jekk ma jkunx hemm osservatur reġjonali tal-ICCAT abbord, minbarra f'każijiet ta' force majeure li jkunu ġew debitament innotifikati lis-Segretarjat tal-ICCAT.

▼M3

Artikolu 58a

Is-saħħa u s-sikurezza tal-osservaturi fil-programm ta’ osservazzjoni reġjonali tal-ICCAT għat-trażbord fuq il-baħar

1.  

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull bastiment li jtajjar il-bandiera tagħhom li jkollu osservatur reġjonali tal-ICCAT abbord ikun mgħammar b’tagħmir ta’ sikurezza xieraq għal kull vjaġġ fl-intier tiegħu, inkluż dan li ġej:

(a) 

ċattra tas-salvataġġ ta’ kapaċità suffiċjenti għall-persuni kollha abbord u b’ċertifikat ta’ spezzjoni li jkun validu tul il-preżenza tal-osservatur;

(b) 

biżżejjed ġkieket tas-salvataġġ jew ilbies ta’ sopravivenza għall-persuni kollha abbord, u f’konformità mal-istandards internazzjonali rilevanti; u

(c) 

sinjal markatur ta’ emerġenza bir-radju li jindika l-pożizzjoni (EPIRB) irreġistrat kif xieraq u transponder tat-tiftix u s-salvataġġ (SART) li ma jiskadix qabel tmiem il-preżenza tal-osservatur.

2.  
Kull bastiment tas-sajd tal-Unjoni li jkollu osservatur reġjonali tal-ICCAT abbord għandu jiżviluppa u jimplimenta pjan ta’ azzjoni ta’ emerġenza (“EAP”) li għandu jiġi segwit f’każ li osservatur imut, jiġi nieqes jew ikun preżunt li waqa’ l-baħar, li jkun qed ibati minn mard jew korriment serji li jheddu s-saħħa, s-sikurezza jew il-benesseri tal-osservatur, jew jekk ikun ġie attakkat, intimidat, mhedded jew ingħata fastidju. Dan l-EAP għandu jinkludi, fost oħrajn, l-elementi stipulati fl-Anness 1 tar-Rakkomandazzjoni 19-10 tal-ICCAT.
3.  
Kull bastiment tas-sajd tal-Unjoni li jkollu osservatur reġjonali tal-ICCAT abbord għandu jissottometti EAP lill-Kummissjoni, biex jintbagħat lill-ICCAT sabiex jittella’ fuq is-sit web tal-ICCAT. EAP ġdid jew emendat għandu jiġi pprovdut lill-Kummissjoni biex jintbagħat lill-ICCAT sabiex jittella’ fuq is-sit web tal-ICCAT meta jsir disponibbli.
4.  
Bastiment tas-sajd tal-Unjoni m’għandux ikun eliġibbli biex ikollu osservatur reġjonali tal-ICCAT abbord ħlief jekk ikun ippreżenta EAP. Barra minn hekk, jekk il-Kummissjoni tidentifika xi inkonsistenzi mal-istandards stipulati fl-Anness 1 tar-Rakkomandazzjoni 19-10 tal-ICCAT abbażi tal-informazzjoni fl-EAP, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li l-preżenza ta’ osservatur fuq bastiment tal-Istat Membru tal-bandiera kkonċernat għandha tiġi posposta sakemm l-inkonsistenza tkun ġiet indirizzata b’mod suffiċjenti.

▼B

Artikolu 59

Obbligi ta' rappurtar

1.  

L-Istat Membru tal-bandiera ta' bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar li jkunu ttrażbordaw u l-Istat Membru tal-bandiera ta' bastimenti tal-ġarr li jkunu rċevew it-trażbordi fis-sena ta' qabel għandu jibgħat lill-Kummissjoni sal-15 ta' Awwissu ta' kull sena:

(a) 

il-kwantitajiet ta' qabdiet tal-ispeċijiet tal-ICCAT, skont l-ispeċi u, jekk ikun possibbli, skont l-istokk, li jkunu ġew ittrażbordati fis-sena ta' qabel;

(b) 

il-kwantitajiet ta' speċijiet oħrajn li jkunu nqabdu mal-ispeċijiet tal-ICCAT skont l-ispeċi, fejn din tkun magħrufa, li jkunu ġew ittrażbordati fis-sena ta' qabel;

(c) 

il-lista tal-bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar li jkunu ttrażbordaw fis-sena ta' qabel;

(d) 

rapport komprensiv li jivvaluta l-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapporti tal-osservaturi reġjonali tal-ICCAT assenjati għall-bastimenti tal-ġarr li jkunu rċevew it-trażbordi mill-bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar.

2.  
Il-Kummissjoni għandha tgħaddi l-informazzjoni li tirċievi lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-15 ta' Settembru ta' kull sena skont il-paragrafu 1.

Artikolu 60

Konsistenza tad-data rrappurtata

L-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd bil-konz pelaġiku kbir li jkun qed iwettaq it-trażbordi fuq il-baħar għandu jeżamina l-informazzjoni li jkun irċieva skont dan ir-Regolament sabiex jiddetermina li hemm konsistenza bejn il-qabdiet irrappurtati, it-trażbordi u l-ħatt l-art ta' kull bastiment, anki b'kooperazzjoni mal-Istat fejn ser isir il-ħatt l-art kif ikun meħtieġ. Dik il-verifika għandha titwettaq b'mod li jiżgura li l-bastiment ikollu l-inqas interferenza u inkonvenjenza possibbli, u li jiġi evitat deterjorament tal-kwalità tal-ħut.

KAPITOLU V

Programmi ta' Osservazzjoni Xjentifika

Artikolu 61

Twaqqif ta' programmi nazzjonali ta'osservazzjoni xjentifika

1.  

L-Istati Membri għandhom iwaqqfu programmi nazzjonali ta' osservazzjoni xjentifika li jiżguraw dawn li ġejjin:

▼M3

(a) 

kopertura ta’ mill-inqas 5 % mill-osservaturi tal-isforz tas-sajd f’kull wieħed mit-tipi ta’ sajd bil-konz pelaġiku, bit-tartarun tal-borża, bid-dgħajsa tas-sajd bil-lixka, bin-nases, bl-għażel u bix-xbieki tat-tkarkir, li jistadu għall-ispeċijiet tal-ICCAT;

▼B

(b) 

għall-bastimenti nolleġġati, b'deroga mill-punt (a), kopertura minima ta' osservazzjoni ta' 10 % tal-isforz tas-sajd f'kull wieħed minn dawn is-setturi tas-sajd: bil-konzijiet pelaġiċi, bit-tartarun tal-borża, u bil-lixka;

(c) 

kopertura rappreżentattiva taż-żmien u tal-ispazju tat-tħaddim tal-flotta biex ikun żgurat il-ġbir ta' data adegwata u rilevanti, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tal-flotot u tal-attivitajiet tas-sajd;

(d) 

il-ġbir tad-data dwar kull aspett tal-operazzjoni tas-sajd, inkluż dak tal-qabda, kif speċifikat fl-Artikolu 63(1).

▼M3

2.  

Il-perċentwali tal-kopertura ta’ osservazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (b), għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

(a) 

għas-sajd bit-tartarun tal-borża, f’għadd ta’ settijiet jew vjaġġi;

(b) 

għas-sajd bil-konz pelaġiku, f’jiem ta’ sajd, għadd ta’ settijiet, jew vjaġġi;

(c) 

għas-sajd bid-dgħajjes tas-sajd bil-lixka u bin-nases, f’jiem ta’ sajd;

(d) 

għas-sajd bl-għażel, f’sigħat jew jiem ta’ sajd; u

(e) 

għas-sajd bix-xbieki tat-tkarkir, f’numru ta’ tagħbijiet jew jiem ta’ sajd.

▼B

3.  
B'deroga mill-punt (a) tal-paragrafu 1, għall-bastimenti b'tul totali ta' inqas minn 15-il metru, fejn ikun hemm tħassib straordinarju dwar is-sikurezza li jipprekludi li jkun hemm osservatur abbord il-bastiment, Stat Membru jista' juża metodu alternattiv għall-monitoraġġ xjentifiku. Dak il-metodu alternattiv għandu jiżgura kopertura ta' osservazzjoni li tkun taqbel ma' dik speċifikata fil-punt (a) tal-paragrafu 1 u ma' ġbir ekwivalenti ta' data. L-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta d-dettalji tal-metodu alternattiv lill-Kummissjoni.
4.  
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta d-dettalji tal-metodu alternattiv imsemmi fil-paragrafu 3 lill-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka u l-Istatistika tal-ICCAT għall-evalwazzjoni. Il-metodi alternattivi għandhom ikunu suġġetti għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni tal-ICCAT fil-laqgħa annwali tal-ICCAT qabel ma jiġu applikati.

Artikolu 62

Kwalifiki tal-osservaturi xjentifiċi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-osservaturi jkunu segwew it-taħriġ meħtieġ, ikunu kwalifikati kif xieraq u li jkunu approvati qabel ma jiġu assenjati. L-osservaturi għandu jkollhom il-kwalifiki li ġejjin:

(a) 

għarfien u esperjenza biżżejjed biex ikunu jistgħu jidentifikaw l-ispeċijiet u jiġbru l-informazzjoni dwar konfigurazzjonijiet differenti ta' tagħmir tas-sajd;

(b) 

biżżejjed għarfien tal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tal-ICCAT;

(c) 

il-kapaċità li josservaw u jirreġistraw b'mod preċiż id-data li trid tinġabar skont il-programm;

(d) 

il-kapaċità li jiġbru l-kampjuni bijoloġiċi;

(e) 

ma għandhomx ikunu membri tal-ekwipaġġ tal-bastiment tas-sajd li jkun qed jiġi osservat; u

(f) 

ma għandhomx ikunu impjegati tal-kumpanija tal-bastimenti tas-sajd involuta fl-attività tas-sajd li qed tiġi osservata.

▼M3

Artikolu 63

Responsabbiltajiet tal-osservaturi xjentifiċi

1.  

Kull Stat Membru għandu jeħtieġ li l-osservaturi jwettqu, b’mod partikolari, il-kompiti li ġejjin:

(a) 

jirreġistraw l-attività tas-sajd tal-bastiment osservat u jirrapportaw dwarha, b’mod li mill-anqas għandu jinkludi dawn li ġejjin:

(i) 

ġbir ta’ data, inkluż il-kwantifikazzjoni tal-qbid, il-qbid aċċessorju u l-qbid skartat totali tal-ispeċijiet fil-mira (inkluż il-klieb il-baħar, il-fkieren tal-baħar, il-mammiferi tal-baħar u l-għasafar tal-baħar), stimar jew kejl tal-kompożizzjoni tad-daqs fejn dan ikun jista’ jsir, l-istat tad-dispożizzjoni (jiġifieri miżmum, skartat mejjet, rilaxxat ħaj), u l-ġbir ta’ kampjuni bijoloġiċi għall-istudji tal-istorja tal-ħajja (eż. il-gonadi, l-otoliti, il-vertebri u l-qxur);

(ii) 

informazzjoni dwar it-tikketti kollha misjuba;

(iii) 

informazzjoni dwar l-operazzjoni tas-sajd, inkluż il-post tal-qbid skont il-latitudni u l-lonġitudni, l-informazzjoni dwar l-isforz tas-sajd (eż. l-għadd ta’ settijiet, l-għadd ta’ snanar), id-data ta’ kull operazzjoni tas-sajd, inkluż, kif xieraq, il-ħinijiet tal-bidu u tal-waqfien tal-attività tas-sajd, l-użu ta’ oġġetti biex jinġema’ l-ħut, inkluż l-FADs, u l-kundizzjoni ġenerali tal-annimali rilaxxati b’rabta mar-rati ta’ sopravivenza (jiġifieri mejtin jew ħajjin, midruba);

(b) 

josservaw u jirreġistraw l-użu ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni sabiex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali u informazzjoni rilevanti oħra;

(c) 

sa fejn ikun possibbli, josservaw u jirrapportaw dwar il-kundizzjonijiet ambjentali (eż. il-kundizzjonijiet tal-baħar, il-klima u parametri idroloġiċi);

(d) 

josservaw il-FADs u jirrapportaw dwarhom, f’konformità mal-programm ta’ osservazzjoni reġjonali tal-ICCAT adottat skont il-programm pluriennali għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tat-tonn tropikali; u

(e) 

iwettqu kwalunkwe kompitu xjentifiku ieħor kif irrakkomandat mill-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka u l-Istatistika tal-ICCAT u miftiehem mill-Kummissjoni.

2.  

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-osservaturi:

(a) 

ma jbagħbsux it-tagħmir elettroniku tal-bastiment;

(b) 

ikunu familjari mal-proċeduri ta’ emerġenza abbord il-bastiment, inkluż il-post fejn jinsabu ċ-ċattri tas-salvataġġ, l-apparat tat-tifi tan-nar u l-kaxxi għall-ewwel għajnuna;

(c) 

jikkomunikaw skont il-bżonn mal-kaptan dwar kwistjonijiet u kompiti rilevanti għall-osservatur;

(d) 

ma jfixklux jew jindaħlu fl-attivitajiet tas-sajd u fl-operat normali tal-bastiment;

(e) 

jipparteċipaw f’sessjonijiet ta’ debriefing mar-rappreżentanti xierqa tal-istitut xjentifiku jew tal-awtorità domestika responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ osservazzjoni.

3.  

Il-kaptan tal-bastiment li lilu jiġi assenjat l-osservatur għandu:

(a) 

jippermetti aċċess xieraq għall-bastiment u għall-operazzjonijiet tiegħu;

(b) 

jippermetti lill-osservatur iwettaq il-kompiti ta’ osservatur b’mod effettiv, inkluż billi:

(i) 

jipprovdi aċċess xieraq għall-irkaptu, id-dokumenti (inkluż il-ġurnali ta’ abbord elettroniċi u fiżiċi) u l-qabdiet tal-bastiment;

(ii) 

jikkomunika fi kwalunkwe ħin mar-rappreżentanti xierqa tal-istitut xjentifiku jew tal-awtorità domestika;

(iii) 

jiżgura aċċess xieraq għat-tagħmir elettroniku u għal tagħmir ieħor rilevanti għas-sajd, inkluż:

— 
tagħmir ta’ navigazzjoni bis-satellita,
— 
mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika;
(iv) 

jiżgura li ħadd abbord il-bastiment osservat ma jbagħbas jew jeqred it-tagħmir jew id-dokumentazzjoni tal-osservatur, jostakola, jinterferixxi ma’, jew inkella jaġixxi b’mod li jista’ jipprevjeni mingħajr bżonn lill-osservatur milli jwettaq kompiti ta’ osservatur;

(c) 

jipprovdi akkomodazzjoni lill-osservaturi, inkluż l-irmiġġ, l-ikel u faċilitajiet sanitarji u mediċi adegwati, ugwali għal dawk tal-uffiċjali;

(d) 

jagħti biżżejjed spazju lill-osservatur fuq il-pont tan-navigazzjoni jew fil-kamra tat-tmunier sabiex iwettaq il-kompiti ta’ osservatur, kif ukoll spazju fuq il-gverta li jkun xieraq sabiex iwettaq il-kompiti ta’ osservatur.

4.  

Kull Stat Membru għandu:

(a) 

jeħtieġ li meta l-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jkunu qegħdin jistadu għall-ispeċijiet tal-ICCAT, dawn ikollhom osservatur xjentifiku abbord f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(b) 

jissorvelja s-sikurezza tal-osservaturi tiegħu;

(c) 

fejn ikun fattibbli u xieraq, iħeġġeġ lill-istitut xjentifiku jew lill-awtorità domestika tiegħu sabiex jidħlu fi ftehimiet mal-istituti xjentifiċi jew l-awtoritajiet domestiċi ta’ Stati Membri jew PKK oħra sabiex jiskambjaw ir-rapporti u d-data tal-osservaturi bejniethom;

(d) 

jipprovdi, fir-rapport annwali tiegħu sabiex jintuża mill-Kummissjoni u mill-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka u l-Istatistika tal-ICCAT, informazzjoni speċifika dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 16-14 tal-ICCAT, li għandha tinkludi:

(i) 

dettalji dwar l-istruttura u d-disinn tal-programmi ta’ osservazzjoni xjentifika tagħhom, inkluż, fost l-oħrajn:

— 
il-livell fil-mira tal-kopertura tal-osservaturi skont it-tip ta’ sajd u rkaptu, kif ukoll kif dan qed jitkejjel,
— 
id-data li trid tinġabar,
— 
il-protokolli fis-seħħ għall-ġbir tad-data u għall-manipulazzjoni,
— 
informazzjoni dwar kif jintgħażlu l-bastimenti li jkunu ser jiġu koperti sabiex jintlaħaq il-livell fil-mira tal-kopertura tal-osservaturi tal-Istati Membri,
— 
ir-rekwiżiti marbutin mat-taħriġ tal-osservaturi, u
— 
ir-rekwiżiti għall-kwalifiki tal-osservaturi;
(ii) 

l-għadd ta’ bastimenti mmonitorjati, il-livell ta’ kopertura miksub skont it-tip ta’ sajd u rkaptu, u d-dettalji dwar kif ġew ikkalkolati dawk il-livelli ta’ kopertura;

(e) 

wara s-sottomissjoni inizjali tal-informazzjoni meħtieġa skont il-punt (d)(i), jirrapporta l-bidliet fl-istruttura u d-disinn tal-programmi tal-osservaturi tiegħu fir-rapport annwali tiegħu meta jseħħu dawn il-bidliet biss; u jkompli jirrapporta, kull sena, l-informazzjoni meħtieġa skont il-punt (d)(ii) lill-Kummissjoni;

(f) 

kull sena, permezz tal-formati elettroniċi ddeżinjati li jiġu żviluppati mill-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka u l-Istatistika tal-ICCAT, jirrapporta lill-dak il-Kumitat l-informazzjoni miġbura permezz tal-programmi ta’ osservazzjoni domestiċi sabiex din tintuża mill-Kummissjoni, b’mod partikolari għall-valutazzjoni tal-istokkijiet u għal skopijiet xjentifiċi oħra, f’konformità mal-proċeduri stabbiliti għal rekwiżiti oħra għar-rapportar tad-data u b’konsistenza mar-rekwiżiti domestiċi ta’ kunfidenzjalità;

(g) 

jiżgura l-implimentazzjoni ta’ protokolli robusti għall-ġbir ta’ data mill-osservaturi tiegħu meta jkunu qegħdin iwettqu l-kompiti tagħhom imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, inkluż l-użu ta’ fotografija meta jkun meħtieġ u xieraq.

▼B

Artikolu 64

Preżentazzjoni tal-informazzjoni miġbura

Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni li tkun inġabret fil-programmi nazzjonali ta' osservazzjoni xjentifika. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi din l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-31 ta' Lulju ta' kull sena.

KAPITOLU VI

Kontroll ta' bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi fil-portijiet tal-Istati Membri

Artikolu 65

Obbligi ta' rappurtar dwar portijiet u punti ta' kuntatt magħżulin

1.  

L-Istati Membri li jkunu jixtiequ jagħtu aċċess għall-portijiet tagħhom lil bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin iġorru speċijiet tal-ICCAT jew prodotti tas-sajd li joriġinaw minn dawn l-ispeċijiet li ma jkunux għadhom inħattu l-art jew ġew ittrażbordati f'portijiet għandhom:

(a) 

jagħżlu l-portijiet tagħhom li għalihom il-bastimenti ta' pajjiżi terzi jkunu jistgħu jitolbu l-aċċess skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008;

(b) 

jagħżlu punt ta' kuntatt fejn ikunu jistgħu jirċievu avviż minn qabel skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008;

(c) 

jagħżlu punt ta' kuntatt minn fejn ikunu jistgħu jibagħtu r-rapporti tal-ispezzjonijiet tal-portijiet, skont l-Artikolu 66 ta' dan ir-Regolament.

2.  
L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni kwalunkwe bidla fil-lista tal-portijiet u tal-punti ta' kuntatt magħżulin mill-inqas 30 jum qabel ma jsiru effettivi t-tibdiliet. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT mill-inqas 14-il jum qabel ma jsiru effettivi t-tibdiliet.

Artikolu 66

Obbligi ta' rappurtar rigward l-ispezzjonijiet tal-portijiet

1.  
L-Istat Membru li jkun qed iwettaq l-ispezzjoni għandu jitrażmetti lill-Kummissjoni kopja tar-rapport dwar l-ispezzjoni tal-port imsemmi fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 mhux aktar tard minn 10 ijiem wara li titlesta l-ispezzjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT mhux aktar tard minn 14-il jum wara d-data tat-tlestija tal-ispezzjoni.
2.  
Jekk ir-rapport tal-ispezzjoni tal-port ma jkunx jista' jiġi trażmess fil-perijodu ta' 10 ijiem imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istat Membru li jkun qed iwettaq l-ispezzjoni għandu jinnotifika lill-Kummissjoni f'dak il-perijodu dwar ir-raġunijiet għad-dewmien, u jinfurmaha meta ser jitressaq ir-rapport.
3.  
Jekk l-informazzjoni li tkun inġabret waqt l-ispezzjoni tagħti x'jifhem li bastiment ta' pajjiż terz għamel xi ksur tal-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni tal-ICCAT, għandu japplika l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008.

▼M3

4.  
Kull Stat Membru għandu jispezzjona, kull sena, mill-anqas 5 % tal-operazzjonijiet ta’ żbark u ta’ trażbord imwettqa minn bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi fil-portijiet deżinjati tiegħu.
5.  
L-Istati Membri tal-bandiera għandhom jikkunsidraw u jaġixxu fuq rapporti ta’ ksur minn spetturi ta’ Stat tal-port fuq bażi simili għar-rapporti mill-ispetturi tagħhom stess, f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/2403.

▼B

KAPITOLU VII

Infurzar

▼M3

Artikolu 66a

Ilmiħ ta’ bastimenti

1.  
Permezz ta’ operazzjonijiet ta’ spezzjoni u sorveljanza mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom fiż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT, l-Istati Membri għandhom jiġbru kemm jista’ jkun informazzjoni meta bastiment tas-sajd tal-Unjoni, bastiment tas-sajd ta’ pajjiż terz jew bastiment mingħajr nazzjonalità jintlemaħ jistad jew b’xi mod involut f’attivitajiet relatati mas-sajd (eż. trażbord) u jkun preżunt li jkun involut f’sajd IUU.
2.  
L-Istati Membri għandhom jiġbru informazzjoni dwar l-ilmiħ ta’ bastimenti f’konformità mal-iskeda ta’ informazzjoni dwar l-ilmiħ stipulata fl-Anness tar-Rakkomandazzjoni 19-09 tal-ICCAT.
3.  

Meta jintlemaħ bastiment skont il-paragrafu 1, l-Istat Membru kkonċernat (“l-Istat Membru li jilmaħ”) għandu, mingħajr dewmien mhux iġġustifikat, jinnotifika u jipprovdi kwalunkwe immaġni rreġistrata tal-bastiment lill-awtoritajiet xierqa tal-Istat Membru tal-bandiera jew ta’ PKK jew ta’ bandiera mhux ta’ PKK tal-bastiment li jkun intlemaħ, u:

(a) 

jekk il-bastiment li jkun intlemaħ ikollu bandiera ta’ Stat Membru, l-Istat Membru tal-bandiera għandu, mingħajr dewmien mhux iġġustifikat, jieħu azzjoni xierqa fir-rigward tal-bastiment ikkonċernat; kemm l-Istat Membru li jilmħu kif ukoll l-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment li jintlemaħ għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-ilmiħ lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA), inkluż dettalji dwar kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu li tittieħed;

(b) 

jekk il-bastiment li jkun intlemaħ ikollu bandiera ta’ PKK ieħor, mhux ta’ PKK, jew ikollu bandiera indeterminata jew mingħajr nazzjonalità, l-Istat Membru li jilmħu għandu, mingħajr dewmien mhux iġġustifikat, jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-EFCA l-informazzjoni xierqa kollha relatata mal-ilmiħ; il-Kummissjoni għandha, kif ikun xieraq, tittrażmetti l-informazzjoni dwar l-ilmiħ lis-Segretarjat tal-ICCAT.

▼B

Artikolu 67

Każijiet ta' ksur allegat li jiġu rrappurtati mill-Istati Membri

1.  
Barra mir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 48(4) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, mill-inqas 140 jum qabel il-laqgħa annwali tal-ICCAT, kwalunkwe informazzjoni dokumentata li tindika l-possibbiltà ta' nuqqas ta' konformità min-naħa ta' PKK mal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tal-ICCAT. Il-Kummissjoni għandha teżamina dik l-informazzjoni u, jekk ikun jixraq, tibgħatha lis-Segretarjat tal-ICCAT mill-inqas 120 jum qabel il-laqgħa annwali tal-ICCAT.
2.  
L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-lista tal-bastimenti tas-sajd b'tul totali ta' 12-il metru jew aktar, tal-bastimenti fejn jiġu pproċessati l-ħut, tal-laneġ tal-irmonk, tal-bastimenti li jagħmlu t-trażbordar, u tal-bastimenti tal-għajnuna li jkun allegat dwarhom li qegħdin iwettqu sajd IUU fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT fis-sena attwali u fis-sena ta' qabilha, flimkien mal-evidenza li ssostni l-preżunzjoni tas-sajd IUU. Dik il-lista għandha tintbagħat mill-inqas 140 jum qabel il-laqgħa annwali tal-ICCAT. Il-Kummissjoni għandha teżamina dik l-informazzjoni u, jekk din tkun iddokumentata biżżejjed, tibgħatha lis-Segretarjat tal-ICCAT mill-inqas 120 jum qabel il-laqgħa annwali tal-ICCAT, biex jiġi stabbilit l-abbozz tal-lista tal-IUU tal-ICCAT.

Artikolu 68

Abbozz tal-lista tal-IUU tal-ICCAT

L-Istati Membri għandhom jissorveljaw mill-qrib il-bastimenti li jkunu mniżżlin fl-abbozz tal-lista tal-IUU tal-ICCAT li tiġi ċċirkolata mis-Segretarju Eżekuttiv tal-ICCAT, biex jiddeterminaw l-attivitajiet u l-bidliet possibbli fl-ismijiet, il-bnadar, jew il-proprjetarji rreġistrati ta' dawk il-bastimenti.

Artikolu 69

Nuqqasijiet ta' konformità allegati li jiġu rrappurtati mis-Segretarju Eżekuttiv tal-ICCAT

1.  
Jekk il-Kummissjoni tirċievi xi informazzjoni mingħand is-Segretarju Eżekuttiv tal-ICCAT li tindika nuqqas ta' konformità ssuspettat ta' Stat Membru, il-Kummissjoni għandha mingħajr dwemien, tibgħat dik l-informazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat.
2.  
L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, mill-inqas 45 jum qabel il-laqgħa annwali tal-ICCAT, bis-sejbiet ta' kwalunkwe investigazzjoni li ssir b'rabta mal-allegazzjonijiet ta' nuqqas ta' konformità u kwalunkwe azzjoni li titwettaq biex tindirizza kwistjonijiet ta' nuqqas ta' konformità. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarju Eżekuttiv tal-ICCAT mill-inqas 30 jum qabel il-laqgħa annwali tal-ICCAT.

▼M3

Artikolu 69a

Bastimenti IUU

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li bastimenti inklużi fil-lista tal-IUU tal-ICCAT ma jkunux awtorizzati li jħottu l-art, jittrażbordaw, jerġgħu jfornu l-fjuwil, jerġgħu jfornu jew jidħlu fi tranżazzjonijiet kummerċjali oħra.

▼B

Artikolu 70

Każijiet ta' ksur allegat li jiġu rrappurtati minn PKK

1.  
L-Istati Membri għandhom jagħżlu punt ta' kuntatt fejn jistgħu jirċievu r-rapporti dwar l-ispezzjonijiet tal-portijiet mingħand PKK.
2.  
L-Istati Membri għandhom jitrażmettu lill-Kummissjoni kwalunkwe bidla għall-punt ta' kuntatt imsemmi fil-paragrafu 1 mill-inqas 30 jum qabel ma jsiru effettivi dawn il-bidliet. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT mill-inqas 14-il jum qabel ma jsiru effettivi t-tibdiliet.
3.  
Jekk il-punt ta' kuntatt magħżul minn Stat Membru jirċievi rapport dwar l-ispezzjoni ta' port mingħand PKK li jagħti l-evidenza li bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta' dak l-Istat Membru jkun ikkommetta ksur tal-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni tal-ICCAT, l-Istat Membru għandu minnufih jinvestiga l-ksur u, fi żmien 160 jum minn meta jkun irċieva tali rapport dwar l-ispezzjoni ta' port, jinforma lill-Kummissjoni dwar l-istatus tal-investigazzjoni u b'kwalunkwe azzjoni ta' infurzar li tkun twettqet.
4.  
Jekk l-Istat Membru tal-bandiera ma jkunx jista' jlaħħaq mal-iskadenza msemmija fil-paragrafu 3, dan għandu jagħti r-raġunijiet għal dan id-dewmien lill-Kummissjoni u jinfurmaha meta ser iressaq ir-rapport dwar l-istatus tal-investigazzjoni.
5.  
Il-Kummissjoni għandha tibgħat din l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT fi żmien 180 jum wara li tirċievi r-rapport dwar l-ispezzjoni ta' port u fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 71, għandha tinkludi l-informazzjoni dwar l-istatus tal-investigazzjoni u dwar kwalunkwe azzjoni ta' infurzar li jkun wettaq l-Istat Membru tal-bandiera.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 71

Rapport annwali

1.  
Sa ►M3  l-1 ta’ Awwissu ◄ ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport annwali lill-Kummissjoni dwar is-sena kalendarja preċedenti, li jkun fih l-informazzjoni dwar is-sajd, ir-riċerka, l-istatistika, il-ġestjoni, l-attivitajiet ta' spezzjoni u ta' prevenzjoni tas-sajd IUU u kwalunkwe informazzjoni oħra, jekk rilevanti.
2.  
Ir-rapport annwali għandu jinkludi l-informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu għall-mitigazzjoni tal-qbid inċidentali u biex jitnaqqas l-iskart, u informazzjoni dwar kull riċerka rilevanti f'dak il-qasam.
3.  
Il-Kummissjoni għandha tiġbor l-informazzjoni li tirċievi skont il-paragrafu 1 u 2 u għandha tibgħatha lis-Segretarjat tal-ICCAT mingħajr dewmien.
4.  
Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni fir-rigward tar-regoli dettaljati għall-format tar-rapport annwali msemmi f'dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 75(2).

Artikolu 72

Kunfidenzjalità

Id-data li tinġabar u tinqasam fil-qafas ta' dan ir-Regolament għandha tiġi ttrattata skont ir-regoli applikabbli dwar il-kunfidenzjalità skont l-Artikoli 112 u 113 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 73

Proċedura għall-emendi

1.  

Meta jkun meħtieġ, sabiex timplimenta fil-liġi tal-Unjoni l-emendi għar-rakkomandazzjonijiet eżistenti tal-ICCAT, li jsiru vinkolanti għall-Unjoni, u sakemm l-emendi għal-liġi tal-Unjoni ma jmorrux lil hinn mir-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 74 għall-fini li temenda:

▼M3

(a) 

l-Annessi I sa X;

(aa) 

il-limitazzjonijiet tal-kapaċità għat-tonn tropikali skont l-Artikolu 5a relatati mar-rappurtar annwali tal-pjan tas-sajd u tal-pjan ta’ ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd, imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu, kif ukoll l-għadd ta’ bastimenti ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu;

(b) 

il-limiti taż-żmien stipulati fl-Artikolu 7(1), fl-Artikolu 8, fl-Artikolu 9(1), fl-Artikolu 14(1), fl-Artikolu 18, fl-Artikolu 20(2), (3) u (4), fl-Artikolu 22(2), fl-Artikolu 23(1) u (2), fl-Artikolu 26(1) u (3), fl-Artikolu 40(1), fl-Artikolu 42(1), fl-Artikolu 44(3), fl-Artikolu 47(2), fl-Artikolu 48(1) u (2), fl-Artikolu 50(1) u (2), fl-Artikolu 56(3), fl-Artikolu 57(1), (2) u (3), fl-Artikolu 59(1) u (2), fl-Artikolu 64, fl-Artikolu 65(2), fl-Artikolu 66(1) u (2), fl-Artikolu 67(1) u (2), fl-Artikolu 69(2), fl-Artikolu 70(2), (3) u (5), u fl-Artikolu 71(1);

(ba) 

ir-riport annwali għat-tonn obeż skont l-Artikolu 8a;

(bb) 

ir-rekwiżiti għall-FADs skont l-Artikolu 10(1) u (2);

(bc) 

ir-referenzi għar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT imsemmija fl-Artikolu 10(2), l-Artikolu 28, l-Artikolu 27(3), l-Artikolu 29b(2) u (3), l-Artikolu 36a(2), l-Artikolu 58a(2) u (4), l-Artikolu 63(4), il-punt (d), u l-Artikolu 66a(2);

(c) 

il-kopertura minima tal-osservaturi skont l-Artikolu 14(2);

(ca) 

ir-restrizzjonijiet fuq l-għadd ta’ bastimenti tal-qbid tal-Unjoni li jimmiraw għall-alonga tat-Tramuntana tal-Atlantiku skont l-Artikolu 17;

(cb) 

ir-riport annwali tal-alonga tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku skont l-Artikolu 17b;

(cc) 

il-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-pixxispad tat-Tramuntana tal-Atlantiku skont l-Artikolu 18;

(cd) 

ir-riport annwali tal-pixxispad tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku skont l-Artikolu 18b;

▼B

(d) 

id-daqsijiet minimi stipulati fl-Artikolu 19(1) u (2), fl-Artikolu 24(2) u fl-Artikolu 29(2) u (3);

(e) 

it-tolleranzi stipulati fl-Artikolu 19(2) u (3), fl-Artikolu 21, u fl-Artikolu 24(3);

(f) 

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-snanar u tal-konzijiet stipulati fl-Artikoli 25 u l-punt (b) tal-Artikolu 38(5);

(g) 

il-kopertura tal-osservazzjoni xjentifika stipulata fl-Artikoli 29(1), u l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 61(1);

(h) 

it-tip ta' informazzjoni u data stipulati fl-Artikolu 11(1), (2) u (3), fl-Artikolu 12, fl-Artikoli 20(2), 26(1) u 42(1), fl-Artikolu 50(1) u (2), u l-Artikoli 54(4), 55(4), 56(3) u 59(1);

(i) 

l-għadd massimu ta' bagi strumentali stipulat fl-Artikolu 9(4);

▼M3

(j) 

ir-rekwiżiti sabiex tiġi mmassimizzata s-sopravivenza tal-fkieren tal-baħar skont l-Artikolu 41;

(k) 

il-kalkolu tal-perċentwali tal-kopertura skont l-Artikolu 61(2).

▼B

2.  
Kwalunkwe emenda adottata f'konformità mal-paragrafu 1 għandha tkun strettament limitata għall-implimentazzjoni tal-emendi għar-rakkomandazzjoni tal-ICCAT ikkonċernata fil-liġi tal-Unjoni.

Artikolu 74

Eżerċizzju tad-delega

1.  
Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2.  
Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 73 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mit-3 ta' Diċembru 2017. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.
3.  
Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 73 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.  
Qabel tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.  
Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.  
Att delegat adottat skont l-Artikolu 73 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu jiġi estiż b'xahrejn b'inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 75

Proċedura fil-kumitat

1.  
Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura stabbilit bl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.  
Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 76

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1936/2001

Fir-Regolament (KE) Nru 1936/2001, l-Artikoli 4, 5, 6, 6(a), 7, 8a, 8b, 8c, 9, 9a u 10 sa 19 huma mħassra.

Artikolu 77

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1984/2003

Ir-Regolament (KE) Nru 1984/2003 huwa emendat kif ġej:

(a) 

fl-Artikolu 3, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(g)

bastiment tas-sajd kbir : bastiment tas-sajd b'tul totali ta' 20 metru jew iżjed;

(h)

bastiment tas-sajd bil-konz pelaġiku kbir : tfisser bastiment tas-sajd bil-konz pelaġiku b'tul totali ta' 24 metru jew iżjed.”;

(b) 

fl-Artikolu 4(2), jiżdied il-punt li ġej:

“(c) jekk is-sajd ikun sar minn bastiment tas-sajd kbir, jista' jiġi aċċettat biss jekk dak il-bastiment ikun elenkat fir-reġistru tal-bastimenti tal-ICCAT.”;

(c) 

fl-Artikolu 5(2), jiżdied il-punt li ġej:

“(c) jekk is-sajd ikun sar minn bastiment tas-sajd kbir, jista' jiġi vvalidat biss jekk dak il-bastiment ikun elenkat fir-reġistru tal-bastimenti tal-ICCAT.”;

(d) 

fil-Kapitolu 2, tiżdied it-Taqsima li ġejja:

“Taqsima 4

Rekwiżiti fuq l-Istati Membri rigward il-prodotti trażbordati fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT

Artikolu 7a

Dokumenti ta' statistika u rappurtaġġ

1.  
Meta jkun qed jivvalida d-dokumenti tal-istatistika, l-Istat Membru tal-bandiera ta' bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar għandhom jiżguraw li t-trażbordi jkunu konsistenti mal-ammont tal-qabda rrappurtat minn kull bastiment.
2.  
L-Istat Membru tal-bandiera tal-bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar għandu jivvalida d-dokumenti tal-istatistika dwar il-ħut ittrażbordat, wara li jkun ikkonferma li t-trażbord ikun sar b'konformità mal-Artikoli 51 sa 58 tar-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *1 ). Dik il-konferma għandha tkun ibbażata fuq l-informazzjoni li tkun inġabret permezz tal-programm ta' osservazzjoni reġjonali tal-ICCAT għat-trażbordar fuq il-baħar.
3.  
L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-ispeċijiet koperti mill-programmi ta' dokumentazzjoni statistika li jinqabdu minn bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT, meta jiġu impurtati fiż-żoni jew fit-territorji tagħhom, ikollhom magħhom id-dokumenti tal-istatistika vvalidati għall-bastimenti li huma elenkati fil-lista tal-bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar awtorizzati li jittrażbordaw fuq il-baħar tal-ICCAT, u kopja tad-dikjarazzjoni tat-trażbord tal-ICCAT.

Artikolu 78

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 520/2007

Fir-Regolament (KE) Nru 520/2007, jitħassru l-Artikolu 4(1), it-Titolu II u l-Annessi II, III u IV.

Artikolu 79

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

▼M3




ANNESS I

Speċi tal-ICCAT



Familja

Isem bil-Latin

Isem bil-Malti

Scombridae

Acanthocybium solandri

Pizzintun tal-istrixxi

Allothunnus fallai

Tonn irqiq

Auxis rochei

Żgamirru

Auxis thazard

Tumbrell

Euthynnus alletteratus

Kubrita

Gasterochisma melampus

Tonn farfett

Katsuwonus pelamis

Palamit

Orcynopsis unicolor

Plamtu bla rigi

Sarda sarda

Plamtu

Scomberomorus brasiliensis

Pizzintun tal-Brażil

Scomberomorus cavalla

Kavall sultan

Scomberomorus maculatus

Pizzintun tat-tbajja’

Scomberomorus regalis

Pizzintun irjali tal-Atlantiku

Scomberomorus tritor

Pizzintun tal-Punent tal-Afrika

Thunnus alalunga

Alonga

Thunnus albacares

Tonna safra

Thunnus atlanticus

Tonna sewda

Thunnus maccoyii

Tonna tan-Nofsinhar

Thunnus obesus

Tonn obeż

Thunnus thynnus

Tonna

Istiophoridae

Istiophorus albicans

Pixxivela tal-Atlantiku

Makaira indica

Marlin iswed

Makaira nigricans

Marlin blu

Tetrapturus albidus

Marlin abjad

Tetrapturus belone

Pastardella

Tetrapturus georgii

Pastardella imperjali

Tetrapturus pfluegeri

Pastardella munqarha twil

Xiphiidae

Xiphias gladius

Pixxispad

Alopiidae

Alopias superciliosus

Pixxivolpi għajnu kbira

Alopias vulpinus

Pixxivolpi

Carcharhinidae

Carcharhinus falciformis

Kelb il-baħar ħariri

Carcharhinus galapagensis

Kelb il-baħar tal-Galapagos

Carcharhinus longimanus

Kelb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniku

Prionace glauca

Ħuta kaħla

Lamnidae

Carcharodon carcharias

Kelb abjad

Isurus oxyrinchus

Pixxitondu

Isurus paucus

Pixxitondu tal-pinna twila

Lamna nasus

Pixxiplamtu

Sphyrnidae

Sphyrna lewini

Kurazza rara

Sphyrna mokarran

Kurazza kbira

Sphyrna zygaena

Kurazza komuni

Rhincodontidae

Rhincodon typus

Kelb balena

Pseudocarchariidae

Pseudocarcharias kamoharai

Kelb kukkudrill

Cetorhinidae

Cetorhinus maximus

Gabdoll

Dasyatidae

Pteroplatytrygon violacea

Boll vjola

Mobulidae

Manta alfredi

Mhux Applikabbli (1)

Manta birostris

Manta ġiganta

Mobula hypostoma

Mobula minuri

Mobula japonica

Mhux Applikabbli (1)

Mobula mobular

Baqra

Mobula tarapacana

Mobula taċ-Ċilì

Mobula thurstoni

Mobula denbha lixx

(1)   

Isem komuni mhux disponibbli.

▼B




ANNESS II

LINJI GWIDA GĦAT-TĦEJJIJA TAL-PJANIJIET TA' ĠESTJONI TAT-TAGĦMIR BIEX JINĠABAR IL-ĦUT (FAD)

Il-pjan ta' ġestjoni tal-FAD għall-flotot tas-sajd tat-tartarun tal-borża u tas-sajd bil-lixka tal-PKK irid ikun fih dawn li ġejjin:

(1) 

Deskrizzjoni

(a) 

Tipi ta' FAD: AFAD = ankrati; DFAD = għawwiema

(b) 

Tip ta' sinjal/baga

(c) 

Għadd massimu ta' FAD li ser jitqiegħu għal kull tartarun tal-borża u għal kull tip ta' FAD

(d) 

Distanza minima bejn l-AFAD

(e) 

Politika għat-tnaqqis u għall-użu tal-qbid inċidentali

(f) 

Kunsiderazzjoni tal-interazzjoni ma' tipi oħra ta' tagħmir

(g) 

Dikjarazzjoni jew politika dwar “is-sjieda tal-FAD”;

(2) 

Arranġamenti istituzzjonali

(a) 

Responsabbiltajiet istituzzjonali għall-pjan ta' ġestjoni tal-FAD

(b) 

Proċessi tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tqegħid tal-FAD

(c) 

Obbligi tal-proprjetarji u tal-kaptani tal-bastimenti fir-rigward tat-tqegħid u l-użu tal-FAD

(d) 

Politika ta' sostituzzjoni tal-FAD

(e) 

Obbligi addizzjonali tar-rappurtar minbarra dan ir-Regolament

(f) 

Politika ta' riżoluzzjoni ta' kunflitti fir-rigward tal-FADs

(g) 

Id-dettalji ta' kwalunkwe żona jew perijodu magħluqa, pereżempju: ilmijiet territorjali, korsiji tal-bastimenti, qrubija ma' żoni tas-sajd artiġjanali, eċċ.

(3) 

Speċifikazzjonijiet u rekwiżiti għall-bini tal-FAD

(a) 

Karatteristiċi tad-disinn tal-FAD (deskrizzjoni)

(b) 

Rekwiżiti tad-dawl

(c) 

Rifletturi tar-radar

(d) 

Distanza viżibbli

(e) 

Marki u identifikatur tal-FAD

(f) 

Marki u identifikaturi tal-bagi ta' sinjalazzjoni bir-radju (rekwiżit ta' numri tas-sensiela)

(g) 

Marki u identifikaturi tal-bagi b'ekosonda (rekwiżit ta' numri tas-sensiela)

(h) 

Riċetrażmettituri bis-satellita

(i) 

Riċerka li saret fuq FADs bijodegradabbli

(j) 

Prevenzjoni tat-telfa jew tal-abbandun tal-FADs

(k) 

Ġestjoni tal-irkupru tal-FADs;

(4) 

Perijodu applikabbli għall-pjan ta' ġestjoni tal-FAD

(5) 

Mezzi ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' ġestjoni tal-FAD.




ANNESS III

LISTA TAL-FADS LI TQIEGĦDU FUQ BAŻI TA' KULL TLIET XHUR



Identifikatur tal-FAD

Tipi ta' FAD u ta' tagħmir elettroniku

Karatteristiki tal-Arkitettura tal-FAD

Osservazzjoni

Marka tal-FAD

Identità tas-sinjal assoċjat

Tip ta' FAD

Tip ta' sinjal assoċjat u/jew ta' tagħmir elettroniku

Parti għawwiema tal-FAD

Struttura tal-FAD imdendla taħt l-ilma

Dimensjonijiet

Materjali

Dimensjonijiet

Materjali

 (1)

 (1)

 (2)

 (3)

 (4)

 (5)

 (4)

 (6)

 (7)

(1)   

Jekk il-marka tal-FAD u l-Identità tas-sinjal assoċjat ma jkunux hemm jew ma jkunux jistgħu jinqraw, semmi dan il-fatt u agħti l-informazzjoni kollha li għandek li tista' tgħin biex jiġi identifikat sid l-FAD.

(2)   

FAD ankrat, FAD naturali għawwiem, FAD artifiċjali għawwiem.

(3)   

Eż. GPS, sonda, eċċ. Jekk ma hemmx tagħmir elettroniku assoċjat mal-FAD, indika dan in-nuqqas ta' tagħmir.

(4)   

Eż. l-wisa', it-tul, l-għoli, il-fond, id-daqsijiet tat-toqob tax-xbieki, eċċ.

(5)   

Semmi b'liema materjali huma magħmula l-istruttura u l-qoxra ta' barraa, u għid humiex bijodegradabbli.

(6)   

Eż. xbieki, ħbula, weraq tal-palm, eċċ... u semmi l-karatteristiċi tal-materjal li jħabblu u/jew huma bijodegradabbli.

(7)   

F'din it-taqsima għandhom jiġu rrappurtati l-ispeċifikazzjonijiet tad-dawl, ir-rifletturi tar-radar u d-distanzi viżibbli.




ANNESS IV

IR-REKWIŻITI GĦALL-PROGRAMM TA' OSSERVAZZJONI GĦALL-BASTIMENTI LI JISTADU GĦAT-TONN TROPIKALI FIŻ-ŻONI ĠEOGRAFIĊI FEJN HEMM GĦELUQ MARBUT MA' PERIJODU TA' ŻMIEN U MA' ŻONI

1. L-osservaturi għandu jkollhom il-kwalifiki li ġejjin biex iwettqu l-kompiti tagħhom:

— 
esperjenza biżżejjed li jkunu jafu jidentifikaw l-ispeċijiet u t-tagħmir tas-sajd,
— 
biżżejjed għarfien tal-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni tal-ICCAT attestat minn ċertifikat mogħti lilhom mill-Istat Membru u bbażat fuq il-linji gwida għat-taħriġ tal-ICCAT,
— 
il-kapaċità li josservaw u jirreġistraw b'mod preċiż,
— 
biżżejjed għarfien tal-lingwa tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment li qed ikun osservat.

2. L-osservaturi ma għandhomx ikunu membri tal-ekwipaġġ tal-bastiment tas-sajd li qed ikun osservat u għandhom:

(a) 

ikunu nattivi ta' waħda mill-PKK;

(b) 

ikunu kapaċi jwettqu l-kompiti stabbiliti fil-punt 3:

(c) 

ma jkollhomx interessi finanzjarji jew ta' xi benefiċċju attwali fis-sajd tat-tonn tropikali.

Kompiti tal-osservaturi

3. Il-kompiti tal-osservaturi għandhom ikunu, b'mod partikolari:

(a) 

li jissorveljaw il-konformità tal-bastiment tas-sajd mal-miżuri rilevanti ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni adottati mill-Kummissjoni tal-ICCAT.

B'mod partikolari, l-osservaturi għandhom:

(i) 

jirreġistraw l-attivitajiet tas-sajd li jitwettqu u jagħmlu r-rapporti dwarhom;

(ii) 

josservaw u jistmaw il-qabdiet u jivverifikaw l-entrati li jiddaħħlu fil-ġurnal ta' abbord;

(iii) 

josservaw u jniżżlu fir-reġistru bastimenti li jistgħu jkunu qegħdin jistadu b'mod li jkun kontraenti għall-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tal-ICCAT;

(iv) 

jivverifikaw il-pożizzjoni tal-bastiment waqt li dan ikun qed iwettaq l-attività tas-sajd;

(v) 

iwettqu ħidma xjentifika bħall-ġbir ta' data tal-Kompitu II meta jintalbu jagħmlu dan mill-ICCAT, abbażi ta' direttivi mill-Kumitat Permanenti tal-ICCAT dwar ir-Riċerka u l-Istatistika.

(b) 

li jirrappurtaw minnufih, filwaqt li joqogħdu attenti għas-sikurezza tal-osservatur, kwalunkwe attività ta' sajd b'rabta mal-FADs li jkun għamel il-bastiment f'dik iż-żona u waqt il-perijodu msemmi fl-Artikolu 11;

(c) 

li jistabbilixxu rapporti ġenerali fejn jikkompilaw l-informazzjoni li tkun inġabret skont dan il-punt 3 u joffru l-opportunità lill-kaptan biex idaħħlu fihom kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

4. L-osservaturi għandhom jittrattaw l-informazzjoni kollha dwar l-operazzjonijiet ta' sajd u ta' trażbord tal-bastimenti bħala kunfidenzjali u jaċċettaw dan ir-rekwiżit bil-miktub bħala kundizzjoni tal-ħatra tagħhom bħala osservaturi.

5. L-osservaturi għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fil-liġijiet u fir-regolamenti tal-Istat Membru tal-bandiera li għandu l-ġuriżdizzjoni fuq il-bastiment li jkun assenjat għalih l-osservatur.

6. L-osservaturi għandhom jirrispettaw il-ġerarkija u r-regoli ġenerali tal-imġiba li japplikaw għall-membri tal-ekwipaġġ kollu, dejjem jekk dawn ir-regoli ma jostakolawx il-kompiti tal-osservatur f'dan il-programm, u bl-obbligi tiegħu stabbiliti fil-punt 7.

Obbligi tal-Istat Membru tal-bandiera

7. Ir-responsabbiltajiet rigward l-osservaturi tal-Istati Membri tal-bastimenti tas-sajd u tal-kaptani tagħhom għandhom jinkludu, b'mod partikolari, dan li ġej:

(a) 

l-osservaturi għandhom jingħataw aċċess għall-ekwipaġġ, għall-irkaptu u għat-tagħmir;

(b) 

jekk jitolbu dan, l-osservaturi għandhom jingħataw aċċess ukoll għat-tagħmir elenkat hawn taħt, jekk dan ikun fuq il-bastimenti li jkunu assenjati għalih, biex jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-kompiti tagħhom stabbiliti fil-punt 3:

(i) 

tagħmir ta' navigazzjoni bis-satellita;

(ii) 

l-iskrins li juru r-radars meta dawn ikunu qed jintużaw;

(iii) 

il-mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi.

(c) 

l-osservaturi għandu jkollhom l-istess kumditajiet bħall-uffiċjali, li jinkludu l-akkomodazzjoni, l-ikel, u faċilitajiet sanitarji;

(d) 

l-osservaturi għandhom jingħataw post komdu fuq il-briġġ jew fil-kamra tat-tmunier biex jagħmlu x-xogħol klerikali, u spazju fuq il-gverta fejn ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom ta' osservaturi; u

(e) 

l-Istat Membru tal-bandiera għandu jiżgura li l-kaptani, l-ekwipaġġ u s-sidien tal-bastimenti ma jostakolawx, ma jintimidawx, ma jindaħlux, ma jinfluwenzawx u ma jxaħħmux jew lanqas jippruvaw ixaħħmu lill-osservaturi waqt it-twettiq ta' xogħlhom.




ANNESS V

STANDARDS TEKNIĊI MINIMI GĦALL-MIŻURI TA' MITIGAZZJONI



Miżuri ta' mitigazzjoni

Deskrizzjoni

Speċifikazzjoni

L-issettjar billejl bl-inqas dawl possibbli fuq il-gverta

Ma jsirx issettjar bejn is-sebħ nawtiku u l-inżul ix-xemx nawtiku. Id-dawl fuq il-gverta għandu jinżamm baxx kemm jista' jkun

L-inżul ix-xemx u s-sebħ nawtiċi huma ddefiniti skont kif stabbilit fit-tabelli fl-Almanakk Nawtiku għal-latitudni, għall-ħin lokali u għad-data rilevanti. Id-dawl minimu fuq il-gverta jeħtieġ li ma jmurx kontra l-istandards minimi tas-sikurezza u tan-navigazzjoni.

Lettijiet bin-naffara tal-għasafar (lettijiet tori)

Il-lettijiet bin-naffara tal-għasafar għandhom jiġu skjerati waqt il-kalar tal-konzijiet biex jiskoraġġixxu lill-għasafar milli javviċinaw il-brazzol

Għall-bastimenti li jkun fihom tul ta' 35 m jew iżjed:

— ikalaw mill-inqas lett bin-naffara wieħed. Fejn prattiku, il-bastimenti huma mħeġġa li jużaw arblu tori ieħor u lett bin-naffara ieħor fi żminijiet meta jkun hemm ħafna għasafar jew ħafna attività mill-għasafar; iż-żewġ lettijiet tori jeħtieġ li jintużaw fl-istess ħin, wieħed ma' kull naħa tal-konz li jkun qed jiġi kalat;

— l-għoli barra mill-ilma tal-lettijiet bin-naffara jrid ikun daqs 100 m jew iżjed;

— għandhom jintużaw ukoll naffara twal biżżejjed li jaslu sa wiċċ il-baħar meta dan ikun kalm;

— in-naffara t-twal iridu jitqiegħdu b'intervalli ta' mhux aktar minn 5 m.

Għall-bastimenti li jkun fihom inqas tul minn 35 m:

— ikalaw mill-inqas lett bin-naffara wieħed;

— l-għoli barra mill-ilma tal-lettijiet bin-naffara jrid ikun daqs 75 m jew iżjed;

— għandhom jintużaw naffara twal u/jew qosra (iżda itwal minn metru 1 m) u dawn iridu jitqiegħdu b'intervalli skont dan ta' hawn taħt:

— 

— Qosra: intervalli ta' mhux aktar minn 2 m.

— Twal: intervalli ta' mhux aktar minn 5 m għall-ewwel 55 m tal-lett bin-naffara.

Linji gwida supplimentari għat-tfassil u l-iskjerar tal-lettijiet bin-naffara jinsabu hawn taħt fil-Linji Gwida Supplimentari dwar it-Tfassil u l-Iskjerar tal-lettijiet tori.

Żieda ta' piżijiet mal-lett

Piżijiet li jridu jitqiegħdu mal-brazzola qabel ma jiġi kalat il-lett

Li jkunu itqal minn total ta' 45 g marbutin mhux iżjed minn metru wieħed 'il bogħod mis-sunnara; jew

Li jkunu itqal minn total ta' 60 g marbutin mhux iżjed minn 3,5 m 'il bogħod mis-sunnara; jew

Li jkunu itqal minn total ta' 98 g marbutin mhux iżjed minn 4 m 'l bogħod mis-sunnara.




LINJI GWIDA SUPPLIMENTARI GĦAT-TFASSIL U T-TQEGĦID TAL-LETTIJIET TORI

Preambolu

L-istandards tekniċi minimi għall-iskjerar tal-lettijiet tori jinsabu fit-Tabella aktar 'il fuq. Dawn il-linji gwida supplimentari huma maħsubin biex jgħinu għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tar-regolamenti dwar il-lettijiet tori għall-bastimenti tas-sajd bil-konz. Filwaqt li dawn il-linji gwida huma relattivament espliċiti, hija mħeġġa l-esperimentazzjoni li żżomm mar-rekwiżiti tat-Tabella ta' fuq, bil-għan li tittejjeb l-effikaċja tal-lettijiet tori. Il-linji gwida jqisu l-varjabbli ambjentali u operazzjonali bħalma huma l-kundizzjonijiet tat-temp, il-veloċità tal-kalar, u d-daqs tal-bastiment, li kollha kemm huma jinfluwenzaw il-prestazzjoni tal-lettijiet tori u t-tfassil tagħhom biex jipproteġu l-lixki mill-għasafar. It-tfassil u l-użu tal-lettijiet tori jista' jinbidel biex iqis dawn il-varjabbli, dejjem jekk dan it-tibdil ma jikkompromettix il-prestazzjoni tal-lettijiet. Huwa ppjanat titjib kontinwu tat-tfassil tal-lettijiet tori u għaldaqstant jeħtieġ li jsir rieżami ta' dawn il-linji gwida fil-ġejjieni.

Tfassil tal-lettijiet tori

1. Armar xieraq li jiġi rmunkat mal-parti tal-lett tori li tkun fl-ilma jista' jgħin biex jgħolli l-parti 'l fuq mill-ilma.

2. Il-parti ta' taħt l-ilma msemmija hawn fuq jeħtieġ li tkun ħafifa biżżejjed biex il-movimenti tagħha ma jistgħux ikunu previsti, biex l-għasafar ma jidrawx il-movimenti, u tqila biżżejjed biex il-pożizzjoni tal-lett ma tiġix affettwata mir-riħ.

3. L-aħjar metodu huwa li l-lett jintrabat mal-bastiment permezz ta' tornikett ċilindriku b'saħħtu biex inaqqas it-tħabbil tal-lett.

4. In-naffara jeħtieġ li jkunu ta' materjal li jidher sew u li jiċċaqlaq ħafna u b'mod imprevedibbli (eż. ħabel irqiq imma b'saħħtu miksi b'tubu aħmar tal-poliuretan) marbutin ma' tornikett bi tliet fergħat b'saħħtu (li wkoll inaqqas it-tħabbil) li jkun marbut mal-lett tori.

5. Kull naffar jeħtieġ li jkun magħmul minn żewġ strixex jew iżjed.

6. Kull par naffara jeħtieġ li jkun jista' jinqala' permezz ta' klippa għall-effiċjenza tal-ħżin tal-lett.

Tqegħid tal-lettijiet tori

1. Il-lett jeħtieġ li jkun jiddendel minn arblu li jkun imwaħħal fuq il-bastiment. L-arblu tori jeħtieġ li jkun fl-ogħla pożizzjoni possibbli biex il-lett jipproteġi l-lixki fuq distanza kbira wara l-bastiment u ma jitħabbilx mat-tagħmir tas-sajd. Aktar ma jkun twil l-arblu, aktar jipproteġi l-lixki. Pereżempju, tul ta' madwar 7 m 'il fuq minn wiċċ l-ilma jista' jagħti madwar 100 m ta' protezzjoni lil-lixka.

2. Jekk il-bastimenti jużaw lett tori wieħed biss, dan jeħtieġ li jiġi kalat fin-naħa minn fejn ikun ġej ir-riħ lejn il-lixki mgħaddsa. Jekk is-snanar bil-lixka jkunu kalati 'l barra mit-tranja, il-punt fejn jintrabat il-lett tori mal-bastiment jeħtieġ li jkun għadd sew ta' metri 'l barra mill-ġenb tal-bastiment fejn ikunu tqiegħdu l-lixki. Jekk il-bastimenti jużaw żewġ lettijiet tori, is-snanar bil-lixki jeħtieġ li jitqiegħdu fiż-żona maż-żewġ lettijiet tori.

3. It-tqegħid ta' diversi lettijiet tori huwa mħeġġeġ biex tingħata saħansitra aktar protezzjoni tal-lixki mill-għasafar.

4. Billi hemm ċans li l-lettijiet jinqasmu jew jitħabblu, jeħtieġ li jkun hemm lettijiet tori żejda abbord biex jitpoġġew minflok il-lettijiet imħassra biex l-operazzjonijiet tas-sajd jibqgħu għaddejjin mingħajr interruzzjoni. Fil-lett tori jistgħu jiġu inkorporati partijiet li jinkisru faċilment biex jitnaqqsu l-problemi ta' sikurezza u problemi fl-operazzjoni jekk wieħed mis-sufruni tal-konz jitgħaqqad fil-parti ta' taħt l-ilma tal-lett tori jew jitħabbel fiha.

5. Meta s-sajjieda jużaw magna li tkala l-lixka (BCM), iridu jiżguraw li l-lett bil-brazzjoni u l-magna jkunu kkoordinati billi jiżguraw li BCM tixħet direttament taħt il-protezzjoni tal-linji tori. Meta jużaw BCM (jew għadd ta' BCMs) li jippermetti/u li jintefgħu lixkiet kemm fil-bord ix-xellug kemm fil-bord il-lemin, jeħtieġ li jintużaw żewġ lettijiet tori.

6. Meta jkunu qegħdin ikalaw il-lettijiet sekondarji bl-idejn, jeħtieġ li s-sajjieda jiżguraw li s-snanar bil-lixka u l-partijiet tal-lettijiet sekondarji li jitfgħu mkebbin jintefgħu taħt iż-żona ta' protezzjoni tal-lett tori filwaqt li jevitaw it-turbolenza tal-iskrun li tista' tnaqqas ir-rata ta' veloċità tagħhom biex jinżlu taħt il-baħar.

7. Is-sajjieda huma mħeġġa li jinstallaw xi vinċijiet manwali, tal-elettriku jew idrawliċi biex iħeffu l-iskjerar u l-ġbid lura fuq il-bastiment tal-lettijiet tori.

▼M3




ANNESS VI

Prattiki ta’ trattament u rilaxx sikuri għall-fkieren tal-baħar

A.   Trattament u rilaxx sikuri mit-tartarun tal-borża

1. Kull meta fekruna tal-baħar tidher fix-xibka, għandhom isiru l-isforzi raġonevoli kollha biex il-fekruna tal-baħar tiġi salvata qabel ma titħabbel fix-xibka.

2. Fekruna tal-baħar qatt ma għandha tittella’ minn ġol-ilma billi tinġibed il-lenza tas-sajd li tkun imqabbda magħha jew imħabbla fiha.

3. F’każ li fekruna tal-baħar titħabbel waqt it-tkebbib tax-xibka, it-tkebbib tax-xibka għandu jitwaqqaf malli l-fekruna toħroġ mill-ilma; il-fekruna għandha tinħall mingħajr ma titweġġa’ qabel ma terġa’ tibda titkebbeb ix-xibka.

4. F’każ li, minkejja l-miżuri meħuda, fekruna tal-baħar tittella’ aċċidentalment abbord il-bastiment u tkun ħajja u attiva, jew mejta, il-fekruna tal-baħar għandha tiġi rilaxxata malajr kemm jista’ jkun.

5. Jekk fekruna tal-baħar tittella’ abbord il-bastiment u tkun f’koma jew inattiva, għandha tiġi ppruvata r-risuxxitazzjoni f’konformità mat-Taqsima C.

B.   Trattament u rilaxx sikuri mill-konz

1. Meta jkun prattikabbli, u jekk l-operatur jew il-membri tal-ekwipaġġ abbord ikunu mħarrġa b’mod xieraq, fkieren tal-baħar f’koma għandhom jittellgħu abbord immedjatament.

2. Malli tintlemaħ fekruna tal-baħar, il-veloċità tal-bastiment u tar-rukkell tal-lenza għandha titnaqqas u d-direzzjoni tal-bastiment tiġi aġġustata biex timxi lejn il-fekruna tal-baħar, filwaqt li titnaqqas it-tensjoni fuq il-lenza.

3. Fekruna tal-baħar qatt ma għandha tittella’ minn ġol-ilma billi tinġibed il-lenza tas-sajd li tkun imqabbda magħha jew imħabbla fiha.

4. Jekk fekruna tal-baħar tkun kbira wisq jew igganċjata b’tali mod li tipprekludi t-tlugħ sikur mingħajr ma tikkawża aktar ħsara jew korriment lill-fekruna tal-baħar, għandhom jintużaw taljalenez biex jaqtgħu l-lenza u jitneħħew kemm jista’ jkun lenez qabel tinħeles il-fekruna tal-baħar.

5. Jekk fekruna tal-baħar tiġi osservata li tkun inqabdet b’sunnara jew tħabblet ma’ rkaptu tal-konz waqt l-operazzjonijiet tal-ġbid, l-operatur tal-bastiment għandu jieqaf immedjatament mill-operazzjonijiet tal-ġbid sakemm il-fekruna tal-baħar titneħħa mill-irkaptu tal-konz jew tittella’ abbord il-bastiment.

6. Jekk fekruna tal-baħar tinqabad b’sunnara esternament jew is-sunnara tkun kompletament viżibbli, is-sunnara għandha titneħħa mill-fekruna tal-baħar malajr u bir-reqqa kemm jista’ jkun. Jekk sunnara ma tkunx tista’ titneħħa mill-fekruna tal-baħar (eż. tkun inbelgħet jew qiegħda fis-saqaf tal-ħalq), il-lenza għandha tinqata’ kemm jista’ jkun qrib is-sunnara.

7. Fkieren tal-baħar ħajjin għandhom jiġu rilaxxati lura l-baħar wara li jiġu ttrattati bil-mod li ġej:

(a) 

il-magna tal-bastiment titqiegħed f’ingranaġġ newtrali sabiex l-iskrun ikun diżingaġġat u l-bastiment jitwaqqaf, u l-fekruna tal-baħar tiġi rilaxxata ‘l hinn mill-irkaptu li qed jintuża; u

(b) 

jiġi osservat li l-fekruna tal-baħar tinsab f’distanza sikura ‘l hinn mill-bastiment qabel ma jitqabbad l-iskrun u jitkomplew l-operazzjonijiet.

8. Jekk il-fekruna tal-baħar mtella’ abbord il-bastiment tkun f’koma jew inattiva, għandha tiġi ppruvata r-risuxxitazzjoni f’konformità mat-Taqsima C.

C.   Risuxxitazzjoni għal fekruna tal-baħar abbord

1. Meta tiġi ttrattata fekruna tal-baħar, għandhom isiru tentattivi biex l-annimal jinżamm mill-qoxra, filwaqt li jiġi evitat ir-reġjun tar-ras u l-għonq, u l-flippers.

2. Għandu jkun hemm insistenza biex jitneħħa jew jinħa;ll kwalunkwe oġġett barrani mill-fekruna tal-baħar, bħal kwalunkwe oġġetti tal-plastik, xibka, jew snanar imqabbdin, eċċ.

3. Il-fekruna tal-baħar għandha titqiegħed fuq il-qoxra tal-qiegħ tagħha (plastron) sabiex il-fekruna tal-baħar tkun dritta ‘l fuq, iżolata b’mod sikur u mmobilizzata fuq wiċċ artab, bħal tajer tal-karozzi mingħajr rimm, kuxxin tad-dgħajsa jew ħabel imkebbeb. L-iskop primarju tal-wiċċ artab huwa li jgħolli l-fekruna tal-baħar mill-gverta biex jgħin fit-trażżin tagħha. Għolli s-saqajn ta’ wara tagħha mill-inqas 6 pulzieri (15-il cm) għal perjodu ta’ 4 sa 24 siegħa. Il-grad tal-elevazzjoni jiddependi fuq id-daqs tal-fekruna; elevazzjonijiet ogħla huma meħtieġa għal fkieren tal-baħar akbar. Perjodikament, bandal il-fekruna tal-baħar bil-mod mix-xellug għal-lemin u mil-lemin għax-xellug billi żżomm it-tarf ta’ barra tal-qoxra (karapaċa) u erfa’ naħa waħda madwar 3 pulzieri (8 cm) imbagħad alterna lin-naħa l-oħra. Miss l-għajn bil-mod u oqros id-denb (test tar-rifless) perjodikament biex tara jekk hemmx rispons.

4. Il-fkieren tal-baħar li jkunu qed jiġu risuxxitati għandhom jitqiegħdu fid-dell u jinżammu niedja jew umdużi iżda taħt l-ebda ċirkostanza ma għandhom jitqiegħdu f’kontenitur li fih l-ilma. Xugaman imxarrab bl-ilma mqiegħed fuq ir-ras, il-karapaċa u l-flippers huwa l-aktar metodu effettiv biex iżżomm fekruna tal-baħar niedja.

5. Fkieren tal-baħar li jerġgħu jieħdu l-ħajja u jsiru attivi għandhom jiġu rilaxxati minn fuq il-poppa tad-dgħajsa biss meta l-irkaptu tas-sajd ma jkunx qed jintuża (jiġifieri ma jkunx qed jiġi ssettjat jew miġbud b’mod attiv), meta l-ingranaġġ tal-magna jkun f’pożizzjoni newtrali, u f’żoni fejn mhux probabbli li jerġgħu jinqabdu jew isofru korriment minn bastimenti.

6. Il-fkieren tal-baħar li jonqsu milli jirrispondu għat-test tar-rifless jew jonqsu milli jiċċaqilqu fi żmien 4 sigħat (sa 24 siegħa, jekk possibbli) għandhom jiġu ritornati fl-ilma bl-istess mod bħal dak għall-fkieren tal-baħar li jiċċaqilqu b’mod attiv.

▼B




ANNESS VII

TRAŻBORD FIL-PORTIJIET

1.

It-trażbord fil-portijiet minn bastimenti tal-Unjoni jew f'portijiet tal-Unjoni ta' speċijiet ta' tonn jew ta' ħut li jixbah it-tonn, u ta' kwalunkwe speċi oħra li tinqabad flimkien ma' dawk l-ispeċijiet fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT għandu jsegwi l-proċeduri li ġejjin:

Obbligi tan-notifikar

2.   Bastiment tas-sajd

2.1

Mill-inqas 48 siegħa qabel ma jinbdew l-operazzjonijiet tat-trażbordar, il-kaptan tal-bastiment tas-sajd għandu jagħti l-isem tal-bastiment tal-ġarr u d-data/l-ħin tat-trażbord lill-awtoritajiet Statali tal-port.

2.2

Fil-ħin tat-trażbord, il-kaptan ta' bastiment tas-sajd għandu jinforma lill-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment dwar dawn li ġejjin;

— 
il-kwantitajiet ta' tonn u ta' speċijiet li jixbħu lit-tonn, fejn hu possibbli skont l-istokk, li ser jiġu ttrażbordati,
— 
il-kwantitajiet ta' speċijiet oħrajn li jkunu nqabdu mal-ispeċijiet tat-tonn u dawk li jixbhu lit-tonn skont l-ispeċi, fejn din tkun magħrufa, li ser jiġu ttrażbordati,
— 
id-data u l-post tat-trażbord,
— 
l-isem, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-bandiera tal-bastiment tal-ġarr li ser jirċievi l-ħut, u
— 
il-pożizzjoni ġeografika tal-qabdiet, skont l-ispeċi u, fejn rilevanti, skont l-istokk, li hija konsistenti maż-żoni statistiċi tal-ICCAT.

2.3

Il-kaptan tal-bastiment tas-sajd ikkonċernat għandu jimla u jibgħat id-dikjarazzjoni tat-trażbord tal-ICCAT lill-Istat Membru tal-bandiera tiegħu, flimkien mal-għadd ta' bastimenti tiegħu fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tas-sajd, fejn hu applikabbli, sa mhux aktar minn 15-il jum wara t-trażbord.

3.   Bastiment li jirċievi l-ħut

3.1

Mhux aktar tard minn 24 siegħa qabel ma jibda t-trażbord u fi tmiemu, il-kaptan tal-bastiment tal-ġarr li jkun qed jirċievi l-ħut għandu jinforma lill-awtoritajiet Statali tal-port bil-kwantitajiet tal-qabdiet tat-tonn u tal-ispeċijiet li jixbħu lit-tonn li jkunu ser jiġu jew li jkunu ġew ittrażbordati għal fuq il-bastiment tiegħu, u jimla u jibgħat id-dikjarazzjoni tat-trażbord lill-awtoritajiet kompetenti fi żmien 24 siegħa.

3.2

Mill-inqas 48 siegħa qabel il-ħatt l-art, il-kaptan tal-bastiment tal-ġarr li jkun qed jirċievi l-ħut għandu jimla u jibgħat id-dikjarazzjoni tat-trażbord tal-ICCAT lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ser isir il-ħatt l-art.

Il-kooperazzjoni bejn l-Istat tal-Port u l-Istat fejn ser isir il-ħatt l-art

4.

L-Istat tal-port u l-Istat fejn ser isir il-ħatt l-art imsemmijin fil-punti ta' hawn fuq għandhom jeżaminaw l-informazzjoni li jirċievu skont id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness, inkluż b'kooperazzjoni mal-PKK tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd, biex jiżguraw li jkun hemm konsistenza bejn il-qabdiet irrappurtati, it-trażbordi u l-ħatt l-art ta' kull bastiment. Dik il-verifika għandha titwettaq b'mod li jiżgura li l-bastiment ikollu l-inqas interferenza u inkonvenjenza possibbli u li ma jikkawżax deterjorament tal-kwalità tal-ħut.

Rappurtar

5.

Fir-rapport annwali tiegħu lill-ICCAT, kull Stat Membru tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd għandu jinkludi d-dettalji tat-trażbordi tal-bastimenti tiegħu.




ANNESS VIII

PROGRAMM TA' OSSERVAZZJONI REĠJONALI TAL-ICCAT GĦALL-OPERAZZJONIJIET TA' TRAŻBORDAR FUQ IL-BAĦAR

1. L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-bastimenti tal-ġarr li jkunu fir-reġistru tal-ICCAT ta' bastimenti awtorizzati biex jirċievu t-trażbordi fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT u li jittrażbordaw fuq il-baħar, ikollhom abbord osservatur tal-ICCAT matul kull operazzjoni ta' trażbordar li ssir fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT.

2. L-osservaturi għandhom jinħatru mill-ICCAT u għandhom ikunu abbord il-bastimenti tal-ġarr awtorizzati li jirċievu t-trażbordi fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT mingħand bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar (LSPLVs) li jkunu jtajru l-bandiera tal-PKK li jimplimentaw il-programm ta' osservazzjoni reġjonali tal-ICCAT.

Ħatra tal-osservaturi

3. L-osservaturi maħtura għandu jkollhom il-kwalifiki li ġejjin biex iwettqu l-kompiti tagħhom:

— 
il-kapaċità ppruvata li jidentifikaw l-ispeċijiet tal-ICCAT u t-tagħmir tas-sajd u għandha tingħata preferenza qawwija lil dawk li jkollhom l-esperjenza bħala osservaturi fuq bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar,
— 
għarfien sodisfaċenti tal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tal-ICCAT,
— 
il-kapaċità li josservaw u jirreġistraw b'mod preċiż,
— 
għarfien sodisfaċenti tal-lingwa tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment li qed ikun osservat.

Obbligi tal-osservaturi

4. L-osservaturi għandhom:

(a) 

ikunu temmew it-taħriġ tekniku meħtieġ skont il-linji gwida stabbiliti mill-ICCAT;

(b) 

ma jkollhomx in-nazzjonalità jew iċiċttadinanza tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tal-ġarr li qed jirċievi;

(c) 

ikunu kapaċi jwettqu l-kompiti stabbiliti fil-punt 5;

(d) 

ikunu fil-lista tal-osservaturi li jżomm l-ICCAT;

(e) 

ma jkunux membri tal-ekwipaġġ tal-LSPLV jew tal-bastiment tal-ġarr jew impjegati tal-kumpanija tal-LSPLV jew tal-kumpanija tal-bastiment tal-ġarr.

5. L-osservatur għandu jissorvelja l-konformità tal-LSPLV u tal-bastiment tal-ġarr mal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni rilevanti adottati mill-ICCAT. Il-kompiti tal-osservaturi, b'mod partikolari, għandhom ikunu:

5.1 

Iżuru l-LSPLV li jkun biħsiebu jittrażborda l-ħut fuq bastiment tal-ġarr, filwaqt li jqisu l-kwistjonijiet imsemmijin fil-punt 9, u li, qabel ma jsir it-trażbord:

(a) 

jivverifikaw il-validità tal-awtorizzazzjoni jew tal-liċenzja tas-sajd biex jaqbdu t-tonn u l-ispeċijiet li jixbħu lit-tonn li jinqabdu ma' dawk l-ispeċijiet fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT;

(b) 

jeżaminaw l-awtorizzazzjonijiet minn qabel mingħand il-PKK tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd, u fejn hu rilevanti, mingħand l-Istat tal-kosta, biex jittrażborda fuq il-baħar;

(c) 

jivverifikaw u jirreġistraw il-kwantità totali tal-qabda abbord skont l-ispeċi u, jekk ikun possibbli, skont l-istokk, u l-kwantitajiet li ser jiġu ttrażbordati għal fuq il-bastiment tal-ġarr;

(d) 

jivverifikaw li s-sistema ta' monitoraġġ tal-bastiment (VMS) tkun qed tiffunzjona u jeżaminaw il-ġurnal ta' abbord, u jekk ikun possibbli, jivverifikaw l-entrati li jkun fih;

(e) 

jivverifikaw jekk xi parti mill-qabda li jkun hemm abbord tkun ġiet permezz ta' trasferiment minn bastimenti oħrajn, u jivverifikaw id-dokumenti dwar dawn it-trasferimenti;

(f) 

jekk ikun hemm indikazzjoni li l-bastiment tas-sajd ikun għamel xi ksur, jirrappurtaw minnufih il-ksur lill-kaptan tal-bastiment tal-ġarr (filwaqt li joqogħdu attenti għas-sikurezza) u lill-kumpanija li tkun qed timplimenta l-programm ta' osservazzjoni, li minnufih għandhom jibagħtu din l-informazzjoni lill-awtoritajiet tal-PKK tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd; u

(g) 

jirreġistraw ir-riżultati ta' dawn il-kompiti fuq il-bastiment tas-sajd fir-rapport tal-osservatur.

5.2 

Josservaw l-attivitajiet tal-bastiment tal-ġarr u:

(a) 

jirreġistraw l-attivitajiet ta' trażbordar li jitwettqu, u jagħmlu r-rapporti dwarhom;

(b) 

jivverifikaw il-pożizzjoni tal-bastiment waqt li dan ikun qed iwettaq l-attività tat-trażbordar;

(c) 

josservaw u jistmaw il-kwantitajiet ta' tonn u ta' speċijiet li jixbħu lit-tonn li jiġu ttrażbordati, skont l-ispeċi, jekk din tkun magħrufa, u, jekk ikun possibbli, skont l-istokk;

(d) 

josservaw u jistmaw il-kwantitajiet ta' speċijiet oħrajn li jkunu nqabdu mal-ispeċijiet tat-tonn u dawk li jixbhu lit-tonn, skont l-ispeċi, jekk din tkun magħrufa;

(e) 

jivverifikaw u jirreġistraw l-isem tal-LSPLV ikkonċernat u n-numru tiegħu fir-reġistru tal-ICCAT;

(f) 

jivverifikaw id-data fid-dikjarazzjoni tat-trażbord, inkluż permezz ta' qbil mal-ġurnal ta' abbord tal-LSPVL, jekk ikun possibbli;

(g) 

jiċċertifikaw id-data li tkun imniżżla fid-dikjarazzjoni tat-trażbord;

(h) 

jikkontrofirmaw id-dikjarazzjoni tat-trażbord; u

(i) 

josservaw u jistmaw il-kwantitajiet tal-prodotti skont l-ispeċi meta dawn jiġu żbarkati fil-port fejn ikun żbarka l-osservatur biex jivverifika l-konsistenza mal-kwantitajiet li jkun irċieva l-bastiment tal-ġarr waqt it-trażbordar fuq il-baħar.

5.3 

Barra minn hekk, l-osservatur għandu:

(a) 

kuljum joħroġ rapport tal-attivitajiet ta' trażbordar tal-bastiment tal-ġarr;

(b) 

jikteb rapporti ġenerali fejn jikkompila l-informazzjoni li tkun inġabret skont il-kompiti tal-osservatur u joffri l-opportunità lill-kaptan biex idaħħal fihom kwalunkwe informazzjoni rilevanti;

(c) 

jippreżenta dawn ir-rapport ġenerali msemmija fil-punt (b) lis-Segretarjat tal-ICCAT fi żmien 20 jum mit-tmiem tal-perijodu tal-osservazzjoni;

(d) 

jeżerċita kwalunkwe funzjoni oħra ddefinita mill-ICCAT.

6. L-osservaturi għandhom jittrattaw l-informazzjoni kollha dwar l-operazzjonijiet tas-sajd tal-LSPLV u tal-proprjetarji tal-LSPLV bħala kunfidenzjali u jaċċettaw dan ir-rekwiżit bil-miktub bħala kundizzjoni tal-ħatra tagħhom bħala osservaturi.

7. L-osservaturi għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fil-liġijiet u fir-regolamenti tal-Istat Membru tal-bandiera, u fejn ikun rilevanti, tal-Istat tal-kosta, li jkollu l-ġuriżdizzjoni fuq il-bastiment li jkun assenjat għalih l-osservatur.

8. L-osservaturi għandhom jirrispettaw il-ġerarkija u r-regoli ġenerali tal-imġiba li japplikaw għall-membri tal-ekwipaġġ kollu, buil-kundizzjoni li dawn ir-regoli ma jostakolawx il-kompiti tal-osservatur f'dan il-programm u l-obbligi tal-persunal tal-bastiment stabbiliti fil-punt 9.

Responsabbiltajiet tal-Istati tal-bandiera tal-bastimenti tal-ġarr

9. Il-kundizzjonijiet assoċjati mal-implimentazzjoni tal-programm ta' osservazzjoni reġjonali fir-rigward tal-Istati Membri tal-bastimenti tal-ġarr u l-kaptani tagħhom jinkludu, b'mod partikolari, dawn li ġejjin:

(a) 

L-osservaturi għandhom jingħataw aċċess għall-ekwipaġġ, għad-dokumentazzjoni pertinenti, u għall-irkaptu u t-tagħmir.

(b) 

Jekk jitolbu dan, l-osservaturi għandhom jingħataw aċċess ukoll għat-tagħmir elenkat hawn taħt, jekk dan ikun fuq il-bastimenti li jkunu assenjati għalihom, biex jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-kompiti tagħhom stabbiliti fil-punt 5:

(i) 

tagħmir ta' navigazzjoni bis-satellita;

(ii) 

l-iskrins li juru r-radars meta dawn ikunu qed jintużaw;

(iii) 

il-mezzi ta' komunikazzjoni elettronika; u

(iv) 

il-miżien li jintuża biex jintiżen il-prodott trażbordat.

(c) 

L-osservaturi għandhom jiġu pprovduti bl-akkomodazzjoni, inkluż fejn joqgħodu, ikel u faċilitajiet sanitarji xierqa, daqs dawk tal-uffiċjali.

(d) 

L-osservaturi għandhom jingħataw post komdu fuq il-briġġ jew fil-kamra tat-tmunier biex jagħmlu x-xogħol klerikali, u spazju adegwat fuq il-gverta fejn ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom ta' osservaturi.

(e) 

L-osservaturi għandhom jingħataw l-opportunità li jiddeċiedu huma liema huma l-aħjar post u l-aħjar metodu biex isegwu l-operazzjonijiet tat-trażbordar u biex jistmaw l-ispeċijiet/l-istokkijiet u l-kwantitajiet ittrażbordati. F'dan ir-rigward, il-kaptan tal-bastiment tal-ġarr, filwaqt li joqgħod attent għal kwistjonijiet ta' sikurezza u għal kwistjonijiet prattiċi, għandu jissodisfa l-ħtiġijiet tal-osservaturi, u dan jinkludi li jekk l-osservatur jitlob hekk, ipoġġi l-prodott temporanjament fuq il-gverta tal-bastiment tal-ġarr biex l-osservaturi jkunu jistgħu jeżaminawh, u jagħti biżżejjed ħin lill-osservaturi biex iwettqu l-kompiti tagħhom. L-osservazzjonijiet għandhom jitwettqu b'mod li jnaqqas kemm jista' jkun l-interferenza u jevita kompromess fuq il-kwalità tal-prodotti ttrażbordati.

(f) 

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-punt 10, il-kaptan tal-bastiment tal-ġarr għandu jiżgura li l-osservatur jingħata l-għajnuna kollha li jkollu bżonn biex ikollu trasport sikur bejn il-bastimenti tal-ġarr u tas-sajd sakemm jippermettu l-kundizzjonijiet tat-temp u kundizzjonijiet oħra. u

(g) 

L-Istati Membri tal-bandiera għandhom jiżguraw li l-kaptani, l-ekwipaġġ u l-proprjetarji tal-bastimenti ma jostakolawx, ma jintimidawx, ma jindaħlux, ma jinfluwenzawx u ma jxaħħmux jew lanqas jippruvaw ixaħħmu lill-osservaturi waqt it-twettiq ta' xogħlhom.

Responsabbiltajiet tal-LSPLV waqt it-trażbordi

10. L-osservaturi għandhom jitħallew iżuru l-bastiment tas-sajd, jekk jippermettu l-kundizzjonijiet tat-temp u kundizzjonijiet oħrajn, u għandhom jingħataw aċċess għall-persunal, għad-dokumentazzjoni pertinenti kollha, u għaż-żoni kollha fuq il-bastiment, li jkunu meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom stabbiliti fil-punt 5. Il-kaptan tal-bastiment tas-sajd għandu jiżgura li l-osservatur jingħata l-għajnuna kollha li jkollu bżonn biex ikollu trasport sikur bejn il-bastimenti tal-ġarr u tas-sajd. Jekk ikun hemm kundizzjonijiet li jikkawżaw riskju inaċċettabbli għas-sikurezza tal-osservatur li jipprevjenu li żjara fuq l-LSPLV tkun tista' ssir qabel ma jinbdew l-operazzjonijiet tat-trażbordar, dawn l-operazzjonijiet xorta waħda jistgħu jsiru.

Miżati tal-osservaturi

11. L-ispejjeż għall-implimentazzjoni ta' dan il-programm għandhom jitħallsu mill-PKK tal-bandiera tal-LSPLV li jkunu jridu jwettqu operazzjonijiet ta' trażbordar. Il-miżata għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-ispejjeż totali tal-programm. Dik il-miżata għandha titħallas f'kont speċjali tas-Segretarjat tal-ICCAT u dan tal-aħħar għandu jamministra l-kont għall-implimentazzjoni tal-programm.

12. Kif meħtieġ skont il-punt 11, sakemm ma jkunux tħallsu l-miżati fir-rigward tiegħu, l-ebda LSPLV ma jista' jieħu sehem fil-programm tat-trażbord fuq il-baħar.

▼M3




ANNESS IX

Standards minimi għal trattament sikur u proċeduri ta’ rilaxx ħaj għall-pixxitondu tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku

Dan l-Anness jistabbilixxi standards minimi għal prattiki ta’ trattament sikur għall-pixxitondu tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku, u jinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi kemm għas-sajd bil-konz kif ukoll għas-sajd bil-tartarun tal-borża.

Dawn l-istandards minimi huma xierqa għal pixxitondu ħaj meta jiġi rilaxxat, sew jekk taħt politiki ta’ ebda żamma kif ukoll jekk volontarjament. Dawn l-istandards minimi ma jissostitwixxu l-ebda regola tas-sikurezza aktar stretta li setgħet ġiet stabbilita skont il-liġi nazzjonali.

1. 

Is-sikurezza l-ewwel: Dawn l-istandards minimi għandhom jitqiesu fid-dawl tas-sikurezza u l-prattikabbiltà għall-membri tal-ekwipaġġ. Is-sikurezza tal-membri tal-ekwipaġġ għandha dejjem tiġi l-ewwel. Bħala minimu, il-membri tal-ekwipaġġ għandhom jilbsu ingwanti xierqa u jevitaw li jaħdmu viċin il-ħalq tal-klieb il-baħar.

2. 

Taħriġ: Il-materjali tat-taħriġ huma disponibbli għall-Istati Membri fit-tliet lingwi uffiċjali tal-ICCAT.

3. 

Metodu ta’ rilaxx: Sa fejn ikun prattikabbli, il-klieb il-baħar kollha li jkunu qed jiġu rilaxxati għandhom jibqgħu fl-ilma l-ħin kollu sakemm ma jkunx meħtieġ li jittellgħu klieb il-baħar għall-identifikazzjoni tal-ispeċi. Dan jinkludi l-qtugħ tal-lenza biex jinħeles il-kelb il-baħar waqt li jkun għadu fl-ilma, bl-użu ta’ taljaturi tal-bolts jew żganċaturi biex ineħħu s-sunnara jekk possibbli, jew jaqtgħu l-lenza kemm jista’ jkun qrib is-sunnara (titħalla l-inqas lenza mdendla kemm jista’ jkun possibbli).

4. 

Kun ippreparat: L-għodod għandhom jiġu ppreparati minn qabel (eż. bragi tal-kanvas jew tax-xibka, streċers għall-ġarr jew l-irfigħ, xibka jew grilja b’malji kbar biex tkopri bokkaporti jew hoppers fis-sajd bit-tartarun tal-borża u tagħmir tal-qtugħ bil-manek twal u żganċaturi fis-sajd bil-konz, elenkati taħt it-Taqsima E).

A.   Rakkomandazzjonijiet ġenerali għas-sajd kollu

1. Jekk dan jista’ jsir bla periklu operazzjonali, waqqaf il-bastiment jew naqqas sostanzjalment il-veloċità tiegħu.

2. Meta l-kelb il-baħar jitħabbel (fi xbieki, lenza tas-sajd, eċċ.), jekk ikun sikur li tagħmel dan, aqta’ b’attenzjoni x-xibka jew il-lenza biex jinħeles il-kelb il-baħar u jiġi rilaxxat fil-baħar malajr kemm jista’ jkun mingħajr l-ebda tħabbil imwaħħal miegħu.

3. Fejn ikun fattibbli, u filwaqt li żżomm il-kelb il-baħar fl-ilma, ipprova kejjel it-tul tal-kelb il-baħar.

4. Biex tevita l-gdim, poġġi oġġett, bħal ħuta jew lasta kbira jew arblu tal-injam, f’ħalqu.

5. Jekk, għal kwalunkwe raġuni, kelb il-baħar irid jinġieb fuq il-gverta, imminimizza allura l-ħin li tieħu biex terġa’ titfgħu lura fl-ilma biex iżżid iċ-ċans tas-sopravivenza tiegħu u jitnaqqsu r-riskji għall-membri tal-ekwipaġġ.

B.   Prattiki speċifiċi ta’ trattament sikur għas-sajd bil-konz

1. Ġib il-kelb il-baħar kemm jista’ jkun qrib il-bastiment mingħajr ma tpoġġi tensjoni żejda fuq il-brazzol biex tevita l-possibbiltà li ganċ rilaxxat jew il-qtugħ ta’ brazzol ikunu jistgħu jisparaw ganċ, piżijiet u partijiet oħra lejn il-bastimenti u l-membri tal-ekwipaġġ b’veloċità kbira.

2. Orbot l-aktar naħa l-bogħod tal-konz prinċipali mad-dgħajsa biex kwalunkwe rkaptu li jkun fadal fl-ilma jiġbed il-lenza u l-kelb il-baħar.

3. Jekk igganċjat, u s-sunnara tkun viżibbli fil-ġisem jew fil-ħalq, uża żganċatur jew taljatur tal-boltijiet b’manku twil biex tneħħi l-ponta mgħawġa lura tas-sunnara, u mbagħad neħħi s-sunnara.

4. Jekk ma jkunx possibbli li tneħħi s-sunnara jew is-sunnara ma tkunx jidher, aqta’ l-lenza tat-traċċa (jew brazzol, gwida) kemm jista’ jkun viċin is-sunnara (idealment tħalli l-inqas materjal ta’ lenza u/jew gwida kemm jista’ jkun u mingħajr piżijiet imwaħħla mal-kelb il-baħar).

C.   Prattiki speċifiċi ta’ trattament sikur għas-sajd bit-tartarun tal-borża

1. Jekk fit-tartarun tal-borża: Skennja x-xibka kemm jista’ jkun ‘il quddiem biex tara kwalunkwe kelb il-baħar kmieni sabiex tkun tista’ tirreaġixxi malajr. Evita li terfa’ l-klieb il-baħar fix-xibka lejn it-tarjola motorizzata. Naqqas il-veloċità tal-bastiment biex tnaqqas it-tensjoni tax-xibka u ħalli l-kelb il-baħar imħabbel jitneħħa mix-xibka. Jekk meħtieġ, uża tagħmir li jaqta’ biex taqta’ x-xibka.

2. Jekk fil-braga jew fuq il-gverta: Uża xibka tal-merkanzija b’malji kbar mibnija apposta jew braga tal-kanvas jew apparat simili. Jekk jippermetti l-arranġament tal-bastiment, il-klieb il-baħar jistgħu wkoll jiġu rilaxxati billi titbattal il-braga direttament fuq hopper u rampa tar-rilaxx miżmuma f’angolu li tkun konnessa ma’ fetħa fir-railing tal-gverta ta’ fuq, mingħajr il-ħtieġa li jitgħollew jew jiġu manipulati mill-membri tal-ekwipaġġ.

D.   Rakkomandazzjonijiet speċifiċi u prattiki speċifiċi ta’ trattament sikur għas-sajd kollu

1. Sa fejn ikun prattikabbli, terfax il-klieb il-baħar mill-ilma bl-użu tal-brazzol, speċjalment jekk imqabbda bis-sunnara, sakemm ma jkunx meħtieġ li jintrefgħu klieb il-baħar għall-identifikazzjoni tal-ispeċi.

2. Terfax il-klieb il-baħar bl-użu ta’ wajers jew kejbils irqaq, jew mid-denb biss.

3. Tolqotx kelb il-baħar ma’ xi wiċċ, pereżempju biex tneħħi l-annimal mil-lenza.

4. Tipprovax tneħħi xi sunnara li tkun inbelgħet fil-fond u ma tkunx viżibbli.

5. Tipprovax tneħħi sunnara billi tiġbed il-brazzol b’mod qawwi.

6. Taqtax id-denb jew kwalunkwe parti oħra tal-ġisem.

7. Taqtax u ttaqqabx toqob fil-kelb il-baħar.

8. Tinfidx kelb il-baħar b’gaffa u tagħtihx bis-sieq, u ddaħħalx idejk fil-qasmiet tal-garġi.

9. Tesponix il-kelb il-baħar għax-xemx għal perjodi estiżi.

10. Tkebbibx subgħajk, idejk jew dirgħajk mal-lenza meta ttella’ kelb il-baħar fuq id-dgħajsa (jista’ jirriżulta f’korriment serju).

E.   Għodod utli għat-trattament u r-rilaxx sikur:

(a) 

ingwanti (il-ġilda tal-kelb il-baħar hija ħarxa; jiżguraw it-trattament sikur tal-kelb il-baħar u jipproteġu l-idejn tal-membri tal-ekwipaġġ mill-gdim);

(b) 

xugaman jew drapp (xugaman jew drapp imxarrba fl-ilma baħar jistgħu jitqiegħdu fuq għajnejn il-kelb il-baħar biex jikkalmawh);

(c) 

żganċatur (eż. żganċatur tad-denb tal-ħanżir, taljaturi tal-boltijiet jew tnalji li jaqtgħu);

(d) 

xedd tal-klieb il-baħar jew streċer (jekk meħtieġ);

(e) 

ħabel tal-irmonk (biex jintrabat kelb il-baħar igganċjat jekk jeħtieġ li jitneħħa mill-ilma);

(f) 

manka tal-ilma mielaħ (jekk ikun antiċipat li jista’ jkun meħtieġ aktar minn 5 minuti biex kelb il-baħar jiġi rilaxxat, imbagħad poġġi pajp f’ħalqu sabiex jintefa’ l-ilma baħar fih b’mod moderat; ara li l-pompa tal-gverta tkun ilha taħdem għal diversi minuti qabel tpoġġiha f’ħalq il-klieb il-baħar);

(g) 

apparat jew metodu tal-kejl (eż. immarka arblu, gwida u galleġġant, jew tejp tal-kejl);

(h) 

skeda tad-data għar-reġistrazzjoni tal-qabda kollha;

(i) 

irkaptu għall-ittikkettar (jekk applikabbli).




ANNESS X

Linji gwida għat-tnaqqis tal-impatt ekoloġiku tal-Fads fis-Sajd tal-ICCAT

1. Il-parti tal-istruttura tal-FAD li tkun f’wiċċ il-baħar ma għandhiex tkun mgħottija jew, jekk tkun mgħottija, għandha tkun mgħottija biss b’materjal li jkollu l-inqas riskju li jitħabblu fih speċijiet aċċessorji.

2. Il-komponenti ta’ taħt il-wiċċ tal-FAD għandhom ikunu komposti esklużivament minn materjal li ma jitħabbilx (eż. ebda ħbula jew kanvas).

3. Meta jiġu ddisinjati l-FADs, l-użu ta’ materjali bijodegradabbli għandu jkun prijoritizzat.



( 1 ) Numru ta' proċedura 2015/0289 (COD), għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

( 2 ) Numru ta' proċedura 2015/0289 (COD), għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

( 3 ) Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).

( 4 ) Numru ta' proċedura 2015/0289 (COD), għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

( 5 ) Ir-Regolament (UE) 2017/1004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta' qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 (ĠU L 157, 20.6.2017, p. 1).

( 6 ) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1251 tat-12 ta' Lulju 2016 li tadotta programm multiannwali tal-Unjoni għall-ġbir, għall-ġestjoni u għall-użu ta' dejta fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakoltura għall-perjodu 2017-2019 (ĠU L 207, 1.8.2016, p. 113).

( 7 ) Numru ta' proċedura 2015/0289 (COD), għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

( 8 ) Numru ta' proċedura 2015/0289 (COD), għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

( *1 ) Ir-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi l-miżuri ta' ġestjoni, ta' konservazzjoni u ta' kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1936/2001, (KE) Nru 1984/2003 u (KE) Nru 520/2007 (ĠU L 315, 30.11.2017, p. 1).”.

Top