EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02017R2107-20190715

Consolidated text: Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi l-miżuri ta' ġestjoni, ta' konservazzjoni u ta' kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1936/2001, (KE) Nru 1984/2003 u (KE) Nru 520/2007

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2107/2019-07-15

02017R2107 — MT — 15.07.2019 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2017/2107 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Novembru 2017

li jistabbilixxi l-miżuri ta' ġestjoni, ta' konservazzjoni u ta' kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1936/2001, (KE) Nru 1984/2003 u (KE) Nru 520/2007

(ĠU L 315 30.11.2017, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2019/1154 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta' Ġunju 2019

  L 188

1

12.7.2019




▼B

REGOLAMENT (UE) 2017/2107 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Novembru 2017

li jistabbilixxi l-miżuri ta' ġestjoni, ta' konservazzjoni u ta' kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1936/2001, (KE) Nru 1984/2003 u (KE) Nru 520/2007



TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni, il-konservazzjoni u l-kontroll marbuta mas-sajd ta' speċijiet ta' ħut li jpassu ħafna ġestiti mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT).

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għal:

(a) Bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, u bastimenti tal-Unjoni involuti fis-sajd rikreattiv, li jaħdmu fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT, u fil-każ tat-trażbord, barra ż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT ukoll, jekk dawn jittrażbordaw speċijiet li jinqabdu f'dik iż-żona;

(b) bastimenti ta' pajjiżi terzi li jkunu spezzjonati fil-portijiet tal-Istati Membri, u li jkunu qed iġorru speċijiet jew prodotti tas-sajd li joriġinaw minn tali speċijiet li qatt qabel ma nħattu jew ġew ittrażbordati fil-portijiet;

(c) bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi u bastimenti ta' pajjiżi terzi involuti fis-sajd rikreattiv li joperaw fl-ilmijiet tal-Unjoni.

Artikolu 3

Rabta ma' atti oħrajn tal-Unjoni

Dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stipulati f'Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni ( 1 ) u fir-Regolament (UE) 2016/1627.

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament japplikaw flimkien ma' dawk previsti fir-Regolamenti (KE) Nru 1005/2008 u (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 4

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “speċijiet tal-ICCAT” tfisser l-ispeċijiet elenkati fl-Anness I;

(2) “tonn tropikali” tfisser it-tonn obeż, it-tonna safra u l-palamit;

(3) “bastiment tas-sajd” tfisser kwalunkwe bastiment mgħammar għall-isfruttament kummerċjali ta' riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jew nassa tat-tonn;

(4) “bastiment tal-qbid” tfisser bastiment tas-sajd użat bl-għan tal-qbid ta' riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

(5) “bastiment tas-sajd tal-Unjoni” tfisser bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta' Stat Membru u rreġistrat fl-Unjoni;

(6) “awtorizzazzjoni tas-sajd” tfisser awtorizzazzjoni maħruġa fir-rigward ta' bastiment tas-sajd tal-Unjoni, li tagħtih id-dritt li jwettaq attivitajiet tas-sajd speċifiċi tul perijodu speċifikat, f'żona partikolari jew għal sajd partikolari f'kundizzjonijiet speċifiċi;

(7) “awtorizzazzjoni tas-sajd speċjali” tfisser awtorizzazzjoni maħruġa fir-rigward ta' bastiment tas-sajd tal-Unjoni, li tagħtih id-dritt li jwettaq attivitajiet tas-sajd speċifiċi bl-użu ta' tagħmir speċifiku, tul perijodu speċifikat, f'żona partikolari jew għal sajd partikolari f'kundizzjonijiet speċifiċi;

(8) “trażbord” tfisser il-ħatt minn bastiment għal fuq bastiment ieħor ta' parti mill-prodotti tas-sajd jew tal-prodotti tas-sajd kollha;

(9) “sajd rikreattiv” tfisser attivitajiet ta' sajd mhux kummerċjali li jisfruttaw ir-riżorsi akkwatiċi bijoloġiċi għar-rikreazzjoni, għat-turiżmu jew għall-isport;

(10) data tal-Kompitu I” tfisser id-data ddefinita bħala l-Kompitu I mill-ICCAT fil-manwal tagħha tal-qasam għall-istatistika u t-teħid tal-kampjuni tat-tonn tal-Atlantiku u tal-ħut li jixbah lit-tonn, imsejjaħ “Field manual for statistics and sampling Atlantic tunas and tuna-like fish”;

(11) data tal-Kompitu II” tfisser id-data ddefinita bħala l-Kompitu II mill-ICCAT fil-manwal tal-qasam għall-istatistika u t-teħid tal-kampjuni tat-tonn tal-Atlantiku u tal-ħut li jixbah lit-tonn, bit-titlu “Field manual for statistics and sampling Atlantic tunas and tuna-like fish”;

(12) “PKK” tfisser il-partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni tal-ICCAT u l-partijiet, l-entitajiet jew l-entitajiet tas-sajd mhux kontraenti tagħha li jikkooperaw magħha;

(13) “iż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT” tfisser l-ilmijiet kollha tal-Oċean Atlantiku u tal-ibħra ta' madwaru;

(14) “ftehim ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli” tfisser ftehim internazzjonali kif iddefinit fil-punt 37 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(15) “it-tul ta' bastiment” tfisser it-tul li jitkejjel f'linja dritta mill-punt ta' quddiem nett tal-pruwa sal-punt ta' wara nett tal-poppa;

(16) “bastiment kbir tas-sajd pelaġiku bil-konz” tfisser bastiment tas-sajd pelaġiku bil-konz li minn tarf għall-ieħor ikun fih tul ta' iżjed minn 24 metru;

(17) “bastiment kbir tas-sajd” tfisser bastiment tas-sajd li minn tarf għall-ieħor ikun fih tul ta' iżjed minn 20 metru;

(18) “bastiment kbir tal-qbid” tfisser bastiment tas-sajd li minn tarf għall-ieħor ikun fih tul ta' iżjed minn 20 metru;

(19) “ir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti kbar tas-sajd” tfisser il-lista, li jżomm is-Segretarjat tal-ICCAT, tal-bastimenti l-kbar tas-sajd li huma awtorizzati jistadu l-ispeċijiet tal-ICCAT fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT;

(20) “bastiment ta' appoġġ” tfisser bastiment li mhuwiex opra tal-baħar li tinġarr abbord li mhux mgħammar b'tagħmir tas-sajd li jista' jitħaddem u li jiffaċilita, jgħin jew iħejji l-attivitajiet tas-sajd, inkluż billi jipprovdi bastiment tal-qbid;

(21) “bastiment tal-ġarr” tfisser bastiment ta' appoġġ li jintuża għat-trażbordar u t-tagħbija fuqu ta' speċijiet tal-ICCAT minn fuq bastiment tas-sajd bil-konz pelaġiku kbir;

(22) “reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tal-ġarr” tfisser il-lista, li jżomm is-Segretarjat tal-ICCAT, tal-bastimenti li huma awtorizzati biex jirċievu t-trażbordar fuq il-baħar minn bastimenti kbar tas-sajd pelaġiku bil-konz fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT;

(23) “reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti awtorizzati għas-sajd tat-tonn tropikali” tfisser il-lista li jżomm is-Segretarjat tal-ICCAT, tal-bastimenti kbar tas-sajd li huma awtorizzati jistadu t-tonn tropikali, iżommuh abbord, jittrażbordawh, jipproċessawh jew iħottuh l-art fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT;

(24) “tagħmir biex jinġabar il-ħut' (FAD)” tfisser kwalunkwe tagħmir li joqgħod f'wiċċ il-baħar u jintuża bl-iskop li jattira l-ħut;

(25) “sajd IUU” tfisser attivitajiet tas-sajd definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008;

(26) “lista tal-IUU tal-ICCAT” tfisser il-lista ta' bastimenti meqjusa mill-ICCAT li wettqu attivitajiet tas-sajd IUU;

(27) “konzijiet” tfisser tagħmir tas-sajd li jinkludi lett prinċipali b'ħafna snanar fuq lettijiet sekondarji iqsar imdendlin minnha (brazzoli) ta' tul u spazjar varjabbli skont l-ispeċijiet fil-mira;

(28) “tartaruni tal-borża” tfisser kull xibka tat-tidwir li t-tarf ta' isfel tagħha huwa miġbur permezz ta' xlief tat-tartarun li tgħaddi minn sensiela ta' ħoloq ma' tul il-ħabel tal-qiegħ u li tippermetti li x-xibka tinġabar flimkien u tingħalaq;

(29) “sunnara” tfisser virga tal-azzar mgħawġa u ttemprata.



TITOLU II

MIŻURI TA' ĠESTJONI, TA' KONSERVAZZJONI U TA' KONTROLL GĦAL ĊERTI SPEĊIJIET



KAPITOLU I

Tonn tropikali

Artikou 5

Restrizzjonijiet fuq l-għadd ta' bastimenti kbar tas-sajd tal-Unjoni li jistadu għat-tonn obeż

L-għadd u l-kapaċità totali f'tunnellaġġ gross (TG) ta' bastimenti tas-sajd kbar tal-Unjoni li jistadu għat-tonn obeż fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT għandhom jiġu ddeterminati:

(a) bħala l-għadd medju u l-kapaċità f'TG tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li kienu jistadu għat-tonn obeż fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT bejn l-1991 u l-1992; u

(b) abbażi tar-restrizzjoni fuq l-għadd ta' bastimenti tal-Unjoni li kienu jistadu għat-tonn obeż fl-2005 kif innotifikat lill-ICCAT fit-30 ta' Ġunju 2005.

Artikolu 6

Awtorizzazzjonijiet speċifiċi għall-bastimenti kbar li jistadu għat-tonn tropikali u għall-bastimenti ta' appoġġ

1.  L-Istati Membri għandhom joħorġu awtorizzazzjonijiet, f'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni ( 2 ), għall-bastimenti kbar tal-qbid li jtajru l-bandiera tagħhom li jistadu għat-tonn tropikali fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT.

2.  L-Istati Membri għandhom joħorġu awtorizzazzjonijiet għall-bastimenti ta' appoġġ li jtajru l-bandiera tagħhom li jintużaw għal kwalunkwe tip ta' appoġġ għall-bastimenti msemmijin fil-paragrafu 1.

Artikolu 7

Reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti awtorizzati biex jistadu għat-tonn tropikali

1.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn 30 jum, wara kwalunkwe okkorrenza li tkun teħtieġ żieda jew modifika fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti awtorizzati li jistadu għat-tonn tropikali, jew xi tneħħija minnu. Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn 45 jum mid-data ta' tali okkorrenza, tgħaddi din l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT.

2.  Bastimenti kbar tas-sajd li ma jkunux imniżżlin fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti awtorizzati li jistadu għat-tonn tropikali ma għandhomx jitħallew jistadu fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT, jew iżommu abbord, jittrażbordaw, jittrasportaw, jittrasferixxu, jipproċessaw jew iħottu tonn tropikali li jkun ġej minn din iż-żona. L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandux japplika f'dawn il-każijiet.

Artikolu 8

Lista ta' bastimenti li jistadu għat-tonn tropikali f'sena partikolari

L-Istati Membri għandhom, sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, jibagħtu lill-Kummissjoni l-lista tal-bastimenti awtorizzati li jtajru l-bandiera tagħhom u li jkunu stadu għat-tonn tropikali fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT fis-sena kalendarja preċedenti. Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta' Lulju ta' kull sena, tinnotifika lill-ICCAT bil-listi li tkun irċeviet mingħand l-Istati Membri.

Artikolu 9

Pjanijiet ta' ġestjoni fir-rigward ta' tagħmir biex jinġabar il-ħut

1.  Fir-rigward ta' bastimenti li jistadu għat-tonn tropikali bit-tartarun tal-borża u bid-dgħajjes tas-sajd bil-lixka flimkien mat-tagħmir biex jinġabar il-ħut (FAD), l-Istati Membri għandhom, sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena, jippreżentaw lill-Kummissjoni l-pjanijiet ta' ġestjoni tagħhom għall-użu ta' dawn il-FADs mill-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak it-tagħrif lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-31 ta' Jannar tas-sena ta' wara.

2.  L-għan tal-pjanijiet ta' ġestjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun li:

(a) jiżdied l-għarfien dwar il-karatteristiċi tal-FAD, dwar il-karatteristiċi tal-bagi, dwar is-sajd bil-FADs, inkluż l-isforz tas-sajd, u dwar l-impatti relatati fuq l-ispeċijiet fil-mira u fuq dawk mhux fil-mira;

(b) issir ġestjoni effikaċi tat-tqegħid u tal-irkupru tal-FADs u tas-sinjali, u l-possibbiltà li dawn jintilfu;

(c) jitnaqqsu u jiġu limitati l-impatti tal-FADs u tas-sajd permezz tas-sajd bil-FAD fuq l-ekosistema, anki billi, fejn ikun jixraq, tittieħed azzjoni fuq il-komponenti differenti li huma kaġun tal-mortalità mis-sajd (eż. fuq l-għadd ta' FADs li jintużaw, inkluż l-għadd ta' settijiet tal-FAD skont il-bastimenti li jużaw it-tartarun tal-borża, skont il-kapaċità tas-sajd, skont l-għadd ta' bastimenti ta' appoġġ).

3.  Il-pjanijiet ta' ġestjoni msemmijin fil-paragrafu 1 għandu jkun fihom l-informazzjoni stabbilita fl-Anness II.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkunux qed jintużaw aktar minn 500 baga strumentali fl-istess ħin għal kull bastiment li jistad bit-tartarun tal-borża li jtajjar il-bandiera tagħhom u li jistad għat-tonn tropikali flimkien mal-FADs.

Artikolu 10

Rekwiżiti għall-FADs

1.  Il-FADs għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a) il-parti tal-istruttura tal-FAD li tkun f'wiċċ il-baħar għandha jew ma tkunx mgħottija minn ebda materjal jew tkun mgħottija biss b'materjal li jkollu l-inqas riskju li jitħabblu fih speċijiet li ma jkunux fil-mira; u

(b) il-komponenti ta' taħt il-wiċċ għandhom ikunu magħmulin biss minn materjal li ma jistgħux jitħabblu fih l-ispeċijiet mhux fil-mira.

2.  Fl-iddisinjar tal-FADs, għandhom, jekk ikun possibbli, jingħataw prijorità l-materjali bijodegradabbli bil-ħsieb li l-FADs li mhumiex bijodegradabbli jitnaqqsu gradwalment u ma jintużawx iżjed sal-2018.

3.  L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni bħala parti mir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 71, dwar il-miżuri li jittieħdu biex tkun żgurata l-konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT.

Artikolu 11

Informazzjoni dwar il-FADs ippreżentata mill-bastimenti

1.  Għal kull FAD li jitqiegħed, il-bastimenti tal-Unjoni li jistadu bit-tartarun tal-borża u bil-lixka u l-bastimenti ta' appoġġ tal-Unjoni, għandhom jiġbru u jirrappurtaw l-informazzjoni u d-data elenkata hawn taħt:

(a) il-pożizzjoni tal-FAD;

(b) id-data tat-tqegħid tal-FAD;

(c) it-tip ta' FAD (FAD ankrat, FAD artifiċjali għawwiem);

(d) l-identifikatur tal-FAD (jiġifieri marka fuq il-FAD jew ID tas-sinjal, it-tip ta' baga – eż. baga sempliċi jew baga marbuta ma' ekosonda), u kwalunkwe informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta' sid il-FAD;

(e) il-karatteristiċi tad-disinn tal-FAD (id-daqs u l-materjal li minnu tkun magħmula l-parti li żżomm fil-wiċċ tal-istruttura li tiddendel taħt wiċċ il-baħar, u l-parti tal-istruttura li tħabbel).

2.  Għal kull żjara fuq FAD, kemm jekk dan ikun segwita minn sett, kif ukoll jekk ma jkunx, il-bastimenti tal-Unjoni li jistadu bit-tartarun tal-borża u bil-lixka u l-bastimenti ta' appoġġ tal-Unjoni, għandhom jiġbru u jirrappurtaw l-informazzjoni li ġejja:

(a) l-iskop taż-żjara (tqegħid fil-baħar, ġbir, intervent fuq it-tagħmir elettroniku);

(b) il-pożizzjoni tal-FAD;

(c) id-data ta' żjara;

(d) it-tip ta' FAD (FAD ankrat, FAD naturali għawwiem, FAD artifiċjali għawwiem);

(e) l-identifikatur tal-FAD (jiġifieri marka fuq il-FAD jew ID tas-sinjal) jew kwlunkwe informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta' sid il-FAD;

(f) jekk wara ż-żjara jsir sett, ir-riżultati tas-sett f'termini tal-qbid u l-qbid aċċessorju, kemm jekk dan jinżamm jew jiġi skartat, ikunx ħaj jew mejjet, jew, jekk iż-żjara ma tkunx segwita minn sett, ir-raġuni għal din id-deċiżjoni (pereżempju m'hemmx biżżejjed ħut jew ħut żgħir wisq).

3.  Għal kull FAD li jintilef, il-bastimenti tal-Unjoni li jistadu bit-tartarun tal-borża u bil-lixka u l-bastimenti ta' appoġġ tal-Unjoni għandhom jiġbru u jirrappurtaw l-informazzjoni li ġejja:

(a) l-aħħar pożizzjoni rreġistrata;

(b) id-data tal-aħħar pożizzjoni rreġistrata;

(c) l-identifikatur tal-FAD (jiġifieri marka fuq il-FAD jew ID tas-sinjal) jew kwalunkwe informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta' sid il-FAD.

4.  Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom iżommu lista tal-FADs li tqiegħdu, li tiġi aġġornata kull tliet xhur, li jkun fiha għallinqas l-informazzjoni stipulata fl-Anness III.

Artikolu 12

Informazzjoni dwar il-FADs ippreżentata mill-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom jibagħtu, kull sena, lill-Kummissjoni, 15-il jum qabel id-data ta' skadenza stabbilita mill-ICCAT għal dik is-sena, din l-informazzjoni biex tkun disponibbli għas-Segretarjat tal-ICCAT:

(a) l-għadd tal-FADs li realment tqiegħdu, kull tliet xhur, skont it-tip ta' FAD, b'indikazzjoni tal-preżenza jew in-nuqqas ta' sinjal/baga jew ta' ekosonda assoċjati mal-FAD;

(b) l-għadd u t-tip ta' sinjali/bagi (eż. baga b'sinjalazzjoni bir-radju, baga b'ekosonda) li realment tqiegħdu, kull tliet xhur;

(c) l-għadd medju ta' sinjali/bagi attivi, kull tliet xhur, li ġew segwiti minn kull bastiment;

(d) l-għadd medju ta' FADs attivi li ntilfu, kull tliet xhur;

(e) għal kull bastiment ta' appoġġ, l-għadd ta' ġranet li dak ikun għamel ibaħħar, għal kull grad tal-grilja, kull xahar u kull Stat Membru tal-bandiera.

Artikolu 13

Ġurnali ta' abbord

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a) il-ġurnali tas-sajd kemm dawk tal-karta, kif ukoll dawk elettroniċi, u l-ġurnali tal-FAD, fejn japplika, jinġabru fil-pront u jingħataw lix-xjenzjati tal-Unjoni;

(b) id-data tal-Kompitu II li tintbagħat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 50 ikun fiha l-informazzjoni li tkun inġabret mill-ġurnali tas-sajd jew tal-FAD, fejn japplika.

Artikolu 14

Għeluq marbut ma' perijodi ta' żmien u ma' żoni b'rabta mal-ħarsien ta' ħut li jkun għadu qed jikber

1.  Is-sajd jew l-attivitajiet ta' appoġġ tas-sajd bil-mira li jinqabad it-tonn tropikali flimkien ma' oġġetti li jistgħu jaffettwaw l-aggregazzjoni tal-ħut, fosthom il-FADs, għandhom jiġu pprojbiti:

(a) mill-1 ta' Jannar sat-28 ta' Frar ta' kull sena; u

(b) fiż-żona indikata kif ġej:

 Il-limitu tat-Tramuntana — il-Parallel 5° fil-latitudni tat-Tramuntana,

 Il-limitu tan-Nofsinhar — il-Parallel 4° fil-latitudni tan-Nofsinhar,

 Il-limitu tal-Punent — il-Meridjan 20° fil-lonġitudni tal-Punent,

 Il-limitu tal-Lvant — il-kosta tal-Afrika.

2.  Il-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:

(a) l-illanċjar ta' kull oġġett li joqgħod f'wiċċ il-baħar, kemm permezz ta' bagi, kif ukoll mingħajrhom;

(b) is-sajd madwar, taħt, jew b'rabta ma' oġġetti artifiċjali, inklużi l-bastimenti;

(c) is-sajd madwar, taħt, jew b'rabta ma' oġġetti naturali;

(d) l-irmunkar ta' oġġetti li joqogħdu fil-wiċċ minn ġoż-żona għal barra miż-żona.

3.  Kull Stat Membru li l-bastimenti tiegħu jistadu fiż-żona ġeografika fejn hemm għeluq marbut ma' perijodi ta' żmien u ma' żoni għandu:

(a) jieħu l-azzjoni xierqa biex jiżgura li l-bastimenti kollha li jtajru l-bandiera tiegħu, inklużi l-bastimenti ta' appoġġ, jkollhom osservatur abbord meta jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet tas-sajd waqt l-għeluq marbut ma' perijodi ta' żmien u ma' żoni msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Il-programm ta' osservazzjoni għandu jikkonforma mal-Anness IV għal dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 73 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

(b) jissottometti l-informazzjoni li tkun inġabret mill-osservaturi msemmija fil-punt (a), kull sena sat-30 ta' Ġunju, lill-Kummissjoni, li għandha tinnotifika lill-ICCAT sal-31 ta' Lulju;

(c) jieħu azzjoni xierqa kontra l-bastimenti tas-sajd li jkunu qegħdin itajru l-bandiera tiegħu u li ma jikkonformawx mal-għeluq marbut ma' perijodi ta' żmien u ma' żoni msemmi fil-paragrafu 1;

(d) jissottometti rapport dwar il-konformità mal-għeluq marbut ma' perijodi ta' żmien u ma' żoni lill-Kummissjoni bħala parti mir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 71.

Artikolu 15

Sajd tat-tonn tropikali f'ċertu ilmijiet tal-Portugall

Għandu jkun ipprojbit li tinżamm kwalunkwe kwantità ta' tonn tropikali li jkun inqabad bit-tartarun tal-borża fl-ilmijiet li huma taħt is-sovranità jew taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Portugall fis-sottożona X tal-ICES li tinsab aktar 'il fuq minn 36°30′ N jew fiż-żoni tal-CECAF aktar 'il fuq minn 31° N u aktar lejn il-Lvant minn 17°30′ W, jew li din l-ispeċi tinżamm fil-mira għas-sajd bl-użu ta' dak it-tagħmir. L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandux japplika f'dawn il-każijiet.

Artikolu 16

Identifikazzjoni tas-sajd IUU

Jekk is-Segretarju Eżekuttiv tal-ICCAT jinnotifika lill-Kummissjoni dwar possibbiltà ta' ksur minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni tal-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 14(1) u (2), il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tgħarraf lill-Istat Membru li tkun qed tittajjar il-bandiera tiegħu kkonċernat. Dak l-Istat Membru għandu minnufih jinvestiga l-każ u, jekk il-bastiment ikun qed jistad b'rabta ma' oġġetti li jistgħu jaffettwaw l-aggregazzjoni tal-ħut, fosthom il-FADs, għandu jeżiġi li l-bastiment jieqaf mis-sajd u, jekk ikun hemm bżonn, jitlaq minn dik iż-żona mingħajr dewmien. L-Istat Membru tal-bandiera kkonċernat għandu, mingħajr dewmien, jirrapporta lill-Kummissjoni r-riżultati tal-investigazzjoni tiegħu u l-miżuri korrispondenti li jkunu ttieħdu. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lill-Istat kostali u lis-Segretarju Eżekuttiv tal-ICCAT.



KAPITOLU II

Alonga tat-Tramuntana tal-Atlantiku

Artikolu 17

Restrizzjonijiet fuq l-għadd ta' bastimenti

L-għadd massimu ta' bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jkollhom fil-mira l-alonga tat-Tramuntana tal-Atlantiku fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT għandu jkun iddeterminat bħala l-għadd medju ta' bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li kienu qegħdin jistadu bil-mira li jaqbdu l-alonga tat-Tramuntana tal-Atlantiku fil-perijodu ta' bejn l-1993 u l-1995.



KAPITOLU III

Pixxispad



Taqsima 1

Pixxispad fl-Atlantiku

Artikolu 18

Pjanijiet ta' ġestjoni tal-pixxispad tat-Tramuntana tal-Atlantiku

L-Istati Membri li jkunu ġew allokati kwota u li l-bastimenti tagħhom jkunu qed jistadu għall-pixxispad tat-Tramuntana tal-Atlantiku għandhom jippreżentaw il-pjanijiet ta' ġestjoni tagħhom lill-Kummissjoni sal-15 ta' Awwissu ta' kull sena. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi din l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-15 ta' Settembru ta' kull sena.

Artikolu 19

Daqs minimu għall-pixxispad tat-Tramuntana tal-Atlantiku

1.  Is-sajd immirat, iż-żamma abbord jew it-trażbord, il-ħatt l-art, it-trasportazzjoni, il-ħżin, il-wiri jew l-offerta għall-bejgħ, il-bejgħ jew il-kummerċjalizzazzjoni ta' pixxispad li ħaj ikun jiżen inqas minn 25 kg, jew, b'mod alternattiv, li t-tul tax-xedaq ta' taħt tiegħu jkun inqas minn 125 cm, għandu jiġi pprojbit. L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandux japplika f'dawn il-każijiet.

2.  B'deroga mill-paragrafu 1, jistgħu jinżammu abbord, jiġu ttrażbordati, ittrasferiti, jinħattu l-art, jiġu ittrasportati, maħżuna, mibjugħa, murija jew offruti għall-bejgħ, massimu ta' 15 % tal-qabdiet inċidentali ta' pixxispad li ħaj ikun jiżen inqas minn 25 kg, jew li jkollu tul tax-xedaq ta' taħt inqas minn 125 cm.

3.  It-tolleranza ta' 15 % msemmi fil-paragrafu 2 għandha tiġi kkalkulata fuq il-bażi tan-numru ta' pixxispad tal-qabda totali ta' pixxispad li jagħmel il-bastiment kull ħatt l-art.



Taqsima 2

Pixxispad fil-Mediterran

▼M1 —————

▼B



KAPITOLU IV

Marlin blu u marlin abjad fl-Atlantiku

Artikolu 27

Ir-rilaxx tal-marlin blu u tal-marlin abjad li jinqabad ħaj

1.  B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, meta l-kwota tagħhom tkun qed tiġi eżawrita, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom jeħilsu l-marlin blu (Makaira nigricans) u l-marlin abjad (Tetrapturus albidus) kollu li jkun għadu ħaj sa ma jittella' fil-bastiment.

2.  L-Istati Membri msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li l-marlin blu u l-marlin abjad jinħelsu b'mod li jimmassimizzaw iċ-ċansijiet tagħhom li jibqgħu ħajjin.

Artikolu 28

Il-ħatt l-art ta' qabdiet ta' marlin blu u marlin abjad iżjed mill-opportunitajiet ta' sajd

Meta Stat Membru jkun eżawrixxa l-kwota tiegħu, dak l-Istat Membru għandu jiżgura li l-marlin blu u l-marlin abjad mejjet li jinħatt l-art mill-bastiment ma jitqiegħedx għall-bejgħ jew jiġi kkummerċjalizzat. Tali ħatt l-art m'għandux jgħodd kontra l-limiti tal-qbid ta' dak l-Istat Membru kif stipulat fil-paragrafu 1 tar-Rakkomandazzjoni 2015-05 tal-ICCAT, sakemm tali projbizzjoni tkun spjegata b'mod ċar fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 71 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 29

Sajd rikreattiv tal-marlin blu u l-marlin abjad

1.  L-Istati Membri li jkollhom bastimenti li jieħdu sehem fis-sajd rikreattiv għall-qbid tal-marlin blu u l-marlin abjad għandhom iżommu programm ta' osservazzjoni xjentifika ta' 5 % tal-ħatt l-art tal-kompetizzjonijiet tal-marlin blu u l-marlin abjad.

2.  Fis-sajd rikreattiv tal-marlin blu għandu japplika daqs ta' referenza minimu tat-tul tax-xedaq ta' taħt ta' 251 cm.

3.  Fis-sajd rikreattiv tal-marlin abjad għandu japplika daqs ta' referenza minimu tat-tul tax-xedaq ta' taħt ta' 168 cm.

4.  Għandu jkun ipprojbit li l-karkassi sħaħ jew partijiet mill-karkassi tal-marlin blu jew tal-marlin abjad li jinqabad f'sajd rikreattiv jinbiegħ jew jiġi offrut għall-bejgħ.



KAPITOLU V

Klieb il-baħar

Artikolu 30

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.  Fl-attivitajiet tas-sajd li ma jkollhomx il-klieb il-baħar fil-mira, il-klieb il-baħar ħajjin li jkunu qabda inċidentali u li ma jintużawx għall-ikel jew bħala mezz ta' għajxien, għandhom jintelqu lura fil-baħar.

2.  L-Istati Membri għandhom, fejn possibbli, iwettqu riċerka dwar l-ispeċijiet ta' klieb il-baħar li jinqabdu fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT biex tittejjeb l-għażla tat-tagħmir tas-sajd, biex jiġu identifikati żoni potenzjali tat-tkabbir u biex jiġi previst għeluq marbut ma' perijodi ta' żmien jew ma' żoni u miżuri oħrajn, kif ikun xieraq. Din ir-riċerka għandha tipprovdi informazzjoni dwar il-parametri ewlenin bijoloġiċi u ekoloġiċi, dwar il-ġrajja tul il-ħajja u l-karatteristiki tal-imġiba, kif ukoll dwar l-identifikazzjoni ta' żoni potenzjali ta' tagħmir, twelid u tkabbir.

Artikolu 31

Pixxiplamtu (Lamna nasus)

1.  Iż-żamma abbord, it-trażbord jew il-ħatt l-art ta' kwalunkwe parti jew il-karkassa sħiħa ta' pixxiplamtu maqbud flimkien mas-sajd tal-ICCAT għandu jiġi projbit.

2.  Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom minnufih jeħilsu, mingħajr ma jweġġgħu, il-pixxiplamtu li jinqabad b'rabta mal-attivitajiet tas-sajd tal-ICCAT meta dawn jinġibdu qrib il-bastiment.

Artikolu 32

Pixxivolpi għajnu kbira (Alopias superciliosus)

1.  Għandu jkun ipprojbit li l-karkassi sħaħ jew partijiet mill-karkassi tal-pixxivolpi għajnu kbira li jinqabad b'rabta ma' attivitajiet tas-sajd fiż-żoni tal-ICCAT jinżammu abbord, jiġu ttrażbordati jew jinħattu l-art.

2.  Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom minnufih jeħilsu, mingħajr ma jweġġgħu, il-pixxvolpi għajnu kbira li jinqabad b'rabta mal-attivitajiet tas-sajd tal-ICCAT meta dawn jinġibdu qrib il-bastiment.

Artikolu 33

Pixxitondu (Isurus oxyrinchus)

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex inaqqsu l-mortalità fl-attivitajiet tas-sajd li jkollhom fil-mira l-pixxitondu, u għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, bħala parti mir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 71, dwar il-progress li jkun sar.

Artikolu 34

Kelb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniku (Carcharhinus longimanus)

1.  Għandu jkun ipprojbit li l-karkassi sħaħ jew kwalunkwe parti mill-karkassi tal-klieb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniċi li jinqabdu b'rabta ma' attivitajiet tas-sajd fiż-żoni tal-ICCAT jinżammu abbord, jiġu ttrażbordati jew jinħattu l-art.

2.  Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom minnufih jeħilsu, mingħajr ma jweġġgħu, il-kelb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniku li jinqabad b'rabta mal-attivitajiet tas-sajd tal-ICCAT meta dawn jinġibdu qrib il-bastiment.

Artikolu 35

Kurazzi

1.  Għandu jkun ipprojbit li l-karkassi sħaħ jew partijiet mill-karkassi tal-kurazzi tal-familja Sphyrnidae (minbarra s-Sphyrna tiburo) li jinqabdu b'rabta ma' attivitajiet tas-sajd fiż-żoni tal-ICCAT jinżammu abbord, jiġu ttrażbordati jew jinħattu l-art.

2.  Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom minnufih jeħilsu, mingħajr ma jweġġgħu, il-kurazzi li jinqabdu b'rabta mal-attivitajiet tas-sajd tal-ICCAT meta dawn jinġibdu qrib il-bastiment.

Artikolu 36

Kelb il-baħar ħariri (Carcharhinus falciformis)

1.  Għandhom ikunu pprojbiti ż-żamma abbord, it-trażbord jew il-ħatt l-art ta' kwalunkwe parti jew tal-karkassa sħiħa tal-kelb il-baħar ħariri maqbuda fis-sajd tal-ICCAT.

2.  Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jeħilsu minnufih, mingħajr ma jweġġgħu, il-kelb il-baħar ħariri b'rabta mas-sajd tal-ICCAT, mhux aktar tard minn qabel ma l-qabda titqiegħed fl-istivi tal-ħut, filwaqt li titqies kif xieraq is-sikurezza tal-membri tal-ekwipaġġ.

3.  Il-bastimenti li jużaw it-tartarun tal-borża tal-Unjoni li jieħdu sehem f'attivitajiet tas-sajd tal-ICCAT għandhom jwettqu miżuri addizzjonali biex iżidu r-rata ta' sopravvivenza tal-kelb il-baħar ħariri li jkun inqabad b'mod inċidentali. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, bħala parti mir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 71, dwar il-progress li jkun sar.

Artikolu 37

Il-kampjunar ta' speċijiet ta' kelb il-baħar minn osservaturi xjentifiċi u minn individwi oħra awtorizzati

1.  B'deroga mill-projbizzjoni li jinżammu abbord il-pixxiplamtu, il-pixxivolpi għajnu kbira, il-kelb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniku, il-kurazza (tal-familja Sphyrnidae, minbarra s-Sphyrna tiburo), u l-kelb il-baħar ħariri, kif stipulat fl-Artikoli 31, 32, 34, 35 u 36, il-ġbir ta' kampjuni bijoloġiċi waqt attivitajiet tas-sajd kummerċjali minn osservaturi xjentifiċi jew minn individwi awtorizzati mill-PKK biex jieħdu kampjuni bijoloġiċi, għandu jkun permess skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-kampjuni bijoloġiċi jittieħdu biss minn annimali li jkunu mejtin meta jittellgħu x-xbieki;

(b) il-kampjuni bijoloġiċi jittieħdu fil-qafas ta' proġett ta' riċerka li jkun innotifikat lill-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka u l-Istatistika tal-ICCAT u li jkun ġie żviluppat b'kont meħud tal-prijoritajiet rakkomandati għar-riċerka ta' dak il-Kumitat. Il-proġett ta' riċerka jenħtieġ li jinkludi dokument dettaljat li jiddeskrivi l-objettiv tal-proġett, il-metodoloġiji li għandhom jintużaw, in-numru u t-tip ta' kampjuni li għandhom jinġabru u l-ħin u ż-żona tal-kampjunar;

(c) il-kampjuni bijoloġiċi jinżammu abbord sakemm il-bastiment jasal fil-port tal-ħatt l-art jew sat-trażbord; u

(d) l-awtorizzazzjoni tal-Istat Membru tal-bandiera jew, fil-każ ta' bastimenti noleġġati, tal-PKK noleġġatur u tal-Istat Membru tal-bandiera, trid takkumpanja l-kampjuni kollha li jinġabru f'konformità ma' dan l-Artikolu sal-port tal-aħħar ħatt l-art. Dawn il-kampjuni u partijiet oħra tal-eżemplari mill-klieb il-baħar li jkunu ttieħdu ma għandhomx jinbiegħu jew jiġu kkummerċjalizzati.

2.  Il-kampjuni bijoloġiċi msemmija fil-paragrafu 1 jista' jinkludi, b'mod partikolari, il-vertebri, it-tessut, is-sistema riproduttiva, l-istonku, il-kampjuni tal-ġilda, il-valvijiet spirali, ix-xedaq, ħut sħiħ jew skeletri, għal studji tat-tassonomija u għall-inventarji tal-fawna.

3.  Il-kampanja tal-kampjunar tista' tibda biss ladarba tinħareġ l-awtorizzazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat.



KAPITOLU VI

Għasafar tal-baħar

Artikolu 38

Miżuri ta' mitigazzjoni għall-għasafar tal-baħar fiż-żona bejn l-20° fin-Nofsinhar u l-25° fin-Nofsinhar

1.  Il-bastimenti kollha li jistadu bejn l-20° u l-25° fin-Nofsinhar għandhom iġorru magħhom u jużaw il-lettijiet bin-naffara (lettijiet tori) u arbli għal-lettijiet bin-naffara (arbli tori) li jissodisfaw ir-rekwiżiti u l-linji gwida Supplementari stabbiliti fl-Anness V.

2.  Il-lettijiet tori dejjem għandhom jintefgħu qabel ma jiġu kalati l-konzijiet.

3.  Fejn prattiku, għandu jintuża t-tieni arblu tori u lett tori meta jkun hemm abbundanza kbira ta' għasafar jew ħafna attività mill-għasafar.

4.  Għandhom jinġarru lettijiet tori ta' riżerva mill-bastimenti kollha u dawn għandhom ikunu lesti għal użu immedjat.

5.  Il-bastimenti li jistadu bil-konzijiet li jkollhom fil-mira l-pixxispad u jużaw tagħmir tal-konz monofilament għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżiti tal-paragrafi 1, 2, u 3, sakemm jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-konzijiet jiġu ssettjati billejl, u l-lejl huwa ddefinit bħala dak il-ħin bejn l-inżul tax-xemx/iż-żerniq nawtiku kif inhu mniżżel fl-almanakk nawtiku tal-inżul tax-xemx/iż-żerniq għall-pożizzjoni ġeografika fejn isir is-sajd; u

(b) jużaw piż minimu ta' tornikett ta' 60 g mqiegħed mhux aktar minn 3 m mis-sunnara biex jintlaħqu rati ottimi ta' għarqa.

L-Istati Membri tal-bandiera tal-bastimenti soġġetti għall-eżenzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bis-sejbiet xjentifiċi tagħhom li jirriżultaw mill-programmi ta' osservazzjoni tagħhom ta' dawk il-bastimenti.

Artikolu 39

Miżuri ta' mitigazzjoni għall-għasafar tal-baħar fiż-żona fin-Nofsinhar ta' 25° fin-Nofsinhar

Il-bastimenti li jużaw il-konzijiet għandhom japplikaw għallinqas tnejn mill-miżuri ta' mitigazzjoni li jidhru hawn taħt, f'konformità mar-rekwiżiti u l-linji gwida supplementari stabbiliti fl-Anness V:

(a) l-issettjar billejl bl-inqas dawl possibbli fuq il-gverta;

(b) lettijiet bin-naffara (lettijiet tori);

(c) żieda ta' ċombi mal-lett.

Artikolu 40

Obbligi ta' rappurtar dwar l-għasafar tal-baħar

1.  Il-bastimenti li jużaw il-konzijiet għandhom jiġbru u jipprovdu lill-Istati Membri tal-bandiera tagħhom l-informazzjoni dwar l-interazzjonijiet mal-għasafar tal-baħar, fosthom meta dawn ikunu parti mill-qabda inċidentali. L-Istati Membri għandhom jgħaddu dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT mingħajr dewmien.

2.  L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 38 u 39 u dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tal-Unjoni biex jitnaqqas il-qbid inċidentali ta' għasafar tal-baħar fit-tagħmir tas-sajd.



KAPITOLU VII

Fkieren tal-baħar

Artikolu 41

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-fkieren tal-baħar

1.  Il-bastimenti li jużaw it-tartarun tal-borża għandhom jevitaw li jagħlqu lill-fkieren tal-baħar fil-borża u għandhom jeħilsu l-fkieren tal-baħar li jingħalqu jew jitħabblu fix-xbieki, anki fuq il-FADs. Għandhom jirrapportaw l-interazzjonijiet bejn it-tartaruni tal-borża jew il-FADs u l-fkieren tal-baħar lill-Istat Membru tal-bandiera tagħhom.

2.  Il-bastimenti pelaġiċi tas-sajd bil-konz għandhom iġorru u jużaw tagħmir li jippermetti li l-fkieren tal-baħar jinqabdu mingħajr ma ssirilhom ħsara, jitneħħewlhom ix-xbieki li jkunu tħabblu fihom u jinħelsu b'mod li jimmassimizzaw iċ-ċansijiet tagħhom li jibqgħu ħajjin.

3.  Is-sajjieda ta' fuq il-bastimenti pelaġiċi tas-sajd bil-konz għandhom jużaw it-tagħmir imsemmi fil-paragrafu 2, f'konformità mal-Anness VI, sabiex jimmassimizzaw il-probabbiltà li l-fkieren jibqgħu ħajjin.

4.  L-Istati Membri għandhom iħarrġu lis-sajjieda fuq bastimenti pelaġiċi tas-sajd bil-konz fit-tekniki tal-qbid bl-idejn u l-ħelsien tal-fkieren.

Artikolu 42

Obbligi ta' rappurtar dwar il-fkieren tal-baħar

1.  L-Istati Membri għandhom jiġbru u jgħaddu lill-Kummissjoni, sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, l-informazzjoni dwar l-interazzjonijiet tal-bastimenti tagħhom mal-fkieren tal-baħar fl-attivitajiet tas-sajd b'rabta mal-ICCAT, skont it-tipi ta' tagħmir. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-31 ta' Lulju ta' kull sena. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi:

(a) ir-rati tal-qbid, il-karatteristiċi tat-tagħmir, il-ħinijiet u ż-żoni, l-ispeċijiet fil-mira u l-istat tal-fkieren meta jinħelsu (jiġifieri mejtin u skartati jew meħlusa ħajjin);

(b) diżaggregazzjoni tal-interazzjonijiet tal-fkieren tal-baħar skont l-ispeċi; u

(c) kif inqabdu b'sunnara jew b'xibka (inklużi l-FAD), it-tip ta' lixka, id-daqs u t-tip ta' sunnara, u d-daqs tal-annimal.

2.  L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, bħala parti mir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 71, dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 41 u dwar azzjonijiet rilevanti oħrajn li jkunu twettqu biex jimplimentaw, fir-rigward tal-attivitajiet tas-sajd tal-ICCAT, il-Linji Gwida għat-tnaqqis tal-mortalità tal-fkieren waqt attivitajiet tas-sajd ippubblikati fl-2010 mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO).



KAPITOLU VIII

Opportunitajiet tas-sajd għat-tonn u għall-pixxispad

Artikolu 43

Prinċipju ġenerali

F'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, meta jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet tat-tonn u tal-pixxispad disponibbli għalihom, l-Istati Membri għandhom jużaw kriterji trasparenti u oġġettivi, inkluż dawk ta' natura ambjentali, soċjali u ekonomika, u għandhom jagħmlu wkoll ħilithom biex iqassmu l-kwoti nazzjonali b'mod ġust bejn id-diversi sezzjonijiet tal-flotta b'kunsiderazzjoni speċjali għas-sajd tradizzjonali u artiġjanali, u biex jipprovdu inċentivi għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jużaw irkaptu selettiv tas-sajd jew li jużaw tekniki tas-sajd b'impatt ambjentali mnaqqas.



TITOLU III

MIŻURI TA' KONTROLL KOMUNI



KAPITOLU I

Awtorizzazzjonijiet

Artikolu 44

Reġistru tal-ICCAT ta' bastimenti tas-sajd kbar

1.  L-Istati Membri għandhom joħorġu awtorizzazzjonijiet, f'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni ( 3 ), għall-bastimenti tas-sajd kbar li jtajru l-bandiera tagħhom u li iwettqu sajd immirat, iżommu abbord, jittrażbordaw jew iħottu l-art l-ispeċijiet tal-ICCAT fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT.

2.  Fiż-żmien tal-awtorizzazzjoni, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-listi tal-bastimenti tas-sajd kbar awtorizzati skont il-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tressaq dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT biex tiddaħħal fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tas-sajd il-kbar.

3.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn 30 jum, bi kwalunkwe okkorrenza li tkun teħtieġ żieda, tnaqqis jew modifikazzjoni fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tas-sajd il-kbar. Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard minn 45 jum mid-data ta' tali okkorrenza, tgħaddi dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT.

4.  Bastimenti kbar li ma jkunux imniżżlin fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti l-kbar tas-sajd ma għandhomx jitħallew iwettqu sajd immirat, iżommu abbord, jittrażbordaw, jew iħottu l-art l-ispeċijiet tal-ICCAT miż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT. L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandux japplika f'dawn il-każijiet.



KAPITOLU II

Noleġġ

Artikolu 45

Kamp ta' applikazzjoni

Dan il-Kapitolu għandu japplika għall-arranġamenti tan-noleġġ, minbarra n-noleġġ ta' bastimenti mingħajr ekwipaġġ, bejn il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u dawk tal-PKK, meta l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni kkonċernati ma jibdlux il-bandiera tagħhom.

Artikolu 46

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.  Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandu jkollhom il-permess li jipparteċipaw f'arranġament ta' noleġġ mal-PKK biss bħala bastimenti noleġġati, soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-bastimenti noleġġati għandu jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa mill-PKK noleġġatur u ma għandhomx ikunu fil-lista tal-IUU tal-ICCAT;

(b) il-bastimenti noleġġati ma għandhomx ikunu awtorizzati li jistadu b'iktar minn arranġament tan-noleġġ wieħed fl-istess ħin;

(c) il-qabdiet tal-bastimenti noleġġati għandhom jinħattu biss fil-portijiet tal-PKK noleġġaturi, sakemm ma jkunx hemm stipulat mod ieħor fl-arranġament tan-noleġġ; u

(d) il-kumpanija tan-noleġġ għandha tkun stabbilita legalment fil-PKK noleġġatur.

2.  Kwalunkwe trażbord li jsir fuq il-baħar għandu jkun debitament awtorizzat minn qabel mill-PKK noleġġatur u għandu jikkonforma mal-Kapitolu IV ta' dan it-Titolu.

Artikolu 47

Notifika

1.  Meta jsir l-arranġament tan-noleġġ, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-kunsens tiegħu dwar l-arranġament tan-noleġġ.

2.  Jekk, fi żmien 15-il jum kalendarju wara li tintbagħat lill-Kummissjoni n-notifika msemmija fil-paragrafu 1, din ma tkunx talbet aktar informazzjoni, il-bastiment noleġġat jista' jibda bl-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati.

3.  L-Istat Membru tal-bandiera għandu jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bit-tmiem ta' kull noleġġ.

4.  Il-Kummissjoni għandha tgħaddi mingħajr dewmien l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 3 lis-Segretarjat tal-ICCAT.



KAPITOLU III

Kontroll tal-qabdiet

Artikolu 48

Konformità mal-kwoti u mar-rekwiżiti dwar id-daqsijiet minimi

1.  Sal-20 ta' Awwissu ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw l-informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-qabdiet tal-ispeċijiet tal-ICCAT matul is-sena ta' qabel li kienu suġġetti għall-kwoti u dwar il-konformità mad-daqsijiet minimi.

2.  Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-15 ta' Settembru ta' kull sena.

Artikolu 49

Kampjunar tal-qabdiet

1.  Il-kampjunar tal-qabdiet biex jittejjeb l-għarfien dwar il-bijoloġija tal-ispeċi tal-ICCAT rilevanti, u biex jiġu stmati l-parametri meħtieġa għall-evalwazzjoni tagħhom, għandu jitwettaq f'konformità mar-Regolament (UE) 2017/1004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ), id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1251 ( 5 ) u l-“Field manual for statistics and sampling Atlantic tunas and tuna-like fishes” ippubblikat fl-1990 mill-ICCAT.

2.  Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti dettaljati għall-kampjunar tal-qabdiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 75(2).

Artikolu 50

Notifika dwar il-qabdiet u l-isforz tas-sajd

1.  Sakemm ma jiġix stabbilit mod ieħor mill-Kummissjoni biex jintlaħqu l-limiti taż-żmien annwali stipulati mill-ICCAT, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, id-data li ġejja (data tal-Kompitu I):

(a) informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-flotta tagħhom għas-sena ta' qabel;

(b) stimi tad-data tal-qabda nominali annwali (inkluża d-data dwar il-qabdiet aċċessorji u dwar il-qbid skartat) li tikkonċerna l-ispeċijiet tal-ICCAT għas-sena ta' qabel.

2.  Sakemm ma jiġix stabbilit mod ieħor mill-Kummissjoni biex jintlaħqu l-limiti taż-żmien annwali stipulati mill-ICCAT, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, id-data li ġejja (id-data tal-Kompitu II) għall-ispeċijiet tal-ICCAT:

(a)  data tal-qabda u tal-isforz tas-sajd għas-sena ta' qabel, b'diżaggregazzjoni dettaljata skont l-ispazju u ż-żmien; dik id-data għandha tinkludi l-istimi tal-qabdiet skartati u tar-rilaxxi, flimkien ma' indikazzjoni tal-istat tal-ħut (kienx ħaj jew mejjet);

(b) kwalunkwe data li jkollhom dwar il-qabdiet tas-sajd rikreattiv għas-sena ta' qabel.

3.  Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 lis-Segretarjat tal-ICCAT mingħajr dewmien.

4.  Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti dettaljati għad-data tal-Kompiti I u II imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu rispettivament. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 75(2).



KAPITOLU IV

Trażbord

Artikolu 51

Kamp ta' applikazzjoni

1.  Dan il-Kapitolu għandu japplika għall-operazzjonijiet ta' trażbord li ġejjin:

(a) l-operazzjonijiet ta' trażbord imwettqa fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT fir-rigward ta' speċijiet tal-ICCAT u ta' speċijiet oħra li jinqabdu b'rabta ma' dawk l-ispeċijiet; u

(b) l-operazzjonijiet tat-trażbord imwettqa barra miż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT fir-rigward ta' speċijiet tal-ICCAT u ta' speċijiet oħra li jinqabdu b'rabta ma' dawk l-ispeċijiet li nġabru fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT.

2.  B'deroga mill-punt (b) tal-paragrafu 1, dan il-Kapitolu ma għandux japplika għat-trażbordi ta' ħut li jinqabad fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT fuq il-baħar barra miż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT, meta dan it-trażbord ikun suġġett għal programm ta' trażbordar stabbilit minn RFMO oħra tat-tonn.

3.  Dan il-Kapitolu ma għandux japplika għall-bastimenti tas-sajd bil-ħarpun li jkunu qegħdin jittrażbordaw il-pixxispad frisk fuq il-baħar.

Artikolu 52

Trażbord f'port

1.  L-operazzjonijiet ta' trażbordar kollha għandhom jitwettqu f'portijiet magħżulin, minbarra dawk li jitwettqu minn bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar, skont l-Artikoli 53 sa 60.

2.  Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jikkonformaw mal-obbligi stipulati fl-Anness VII meta jkunu qegħdin iwettqu t-trażbordar f'port.

3.  Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 17 sa 22 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u l-Artikoli 4, 6, 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008.

Artikolu 53

Trażbord fuq il-baħar

It-trażbord fuq il-baħar minn bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar għandhom jitwettqu f'konformità mal-Artikoli 54 sa 60.

Artikolu 54

Reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tal-ġarr

1.  L-Istati Membri għandhom joħorġu awtorizzazzjonijiet, f'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni ( 6 ), għall-bastimenti tal-ġarr biex jirċievu t-trażbordi fuq il-baħar minn bastimenti tas-sajd bil-konz pelagiċi kbar fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT.

2.  Fiż-żmien tal-awtorizzazzjoni, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-listi tal-bastimenti tal-ġarr awtorizzati skont il-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tressaq dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT biex tiddaħħal fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tal-ġarr.

3.  L-Istati Membri tal-bandiera għandhom minnufih jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe żieda, tnaqqis jew modifika fil-listi tagħhom tal-bastimenti tal-ġarr. Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tgħaddi dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT.

4.  In-notifika msemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandha tirrifletti l-format u t-tqassim stabbilit mis-Segretarjat tal-ICCAT u għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

 isem il-bastiment, numru fir-reġistru,

 in-numru tar-reġistrazzjoni tal-ICCAT (jekk hemm),

 in-numru tal-IMO (jekk hemm),

 l-isem ta' qabel (jekk hemm),

 il-bandiera ta' qabel (jekk hemm),

 id-dettalji tat-tħassir ta' qabel minn reġistri oħrajn (jekk hemm),

 is-sinjal tas-sejħa internazzjonali bir-radju,

 it-tip ta' bastiment, it-tul, it-tunnellaġġ gross irreġistrat u l-kapaċità tal-ġarr,

 l-isem u l-indirizz tal-proprjetarju/i u l-operatur(i),

 iż-żmien awtorizzat għat-trażbordar.

5.  It-trażbordi fuq il-baħar imsemmijin fl-Artikolu 53 jistgħu jittieħdu biss minn bastimenti tal-ġarr li jkunu elenkati fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tal-ġarr.

Artikolu 55

Awtorizzazzjoni għall-bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar li jittrażbordaw fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT

1.  L-Istati Membri għandhom joħorġu l-awtorizzazzjonijiet, f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni ( 7 ), għall-bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar li jtajru l-bandiera tagħhom li jittrażbordaw fuq il-baħar.

2.  Fiż-żmien tal-awtorizzazzjoni, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-listi tal-bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar awtorizzati skont il-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tgħaddi dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT.

3.  L-Istati Membri tal-bandiera għandhom minnufih jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe żieda, tnaqqis jew modifika fil-listi tagħhom tal-bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar li huma awtorizzati jittrażbordaw fuq il-baħar. Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tgħaddi dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT.

4.  In-notifika msemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandha tirrifletti l-format u t-tqassim stabbilit mis-Segretarjat tal-ICCAT u għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

 isem il-bastiment, numru fir-reġistru,

 in-numru tar-reġistrazzjoni tal-ICCAT,

 iż-żmien awtorizzat għat-trażbordar fuq il-baħar,

 il-bandiera/bnadar, l-isem/ismijiet u n-numru/numri tar-reġistrazzjoni tal-bastiment(i) tal-ġarr awtorizzati biex jintużaw mill-bastiment(i) tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar.

Artikolu 56

Awtorizzazzjonijiet minn qabel għat-trażbord fuq il-baħar

1.  It-trażbordar minn bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar f'ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni ta' PKK huma suġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel mingħand dik il-PKK. Għandu jinżamm l-oriġinal, jew tinżamm kopja ta' dik l-awtorizzazzjoni fuq il-bastiment u meta tintalab mill-osservatur reġjonali tal-ICCAT tingħatalu.

2.  Il-bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar ma għandhomx jitħallew jittrażbordaw fuq il-baħar, sakemm ma jkunux kisbu awtorizzazzjoni minn qabel mill-Istat Membru li tiegħu tittajjar il-bandiera. Għandu jinżamm l-oriġinal, jew tinżamm kopja tad-dokumenti ta' dik l-awtorizzazzjoni fuq il-bastiment u meta tintalab mill-osservatur reġjonali tal-ICCAT tingħatalu.

3.  Biex jirċievu l-awtorizzazzjonijiet minn qabel imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-kaptan jew il-proprjetarju tal-bastiment tas-sajd bil-konz pelaġiku kbir għandu, mill-inqas 24 siegħa qabel it-trażbordar ippjanat, jinnotifika lill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-bandiera tiegħu u lill-PKK tal-kosta dwar l-informazzjoni li ġejja:

(a) l-isem tal-bastiment tas-sajd bil-konz pelaġiku kbir u n-numru tiegħu fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar li huma awtorizzati biex jittrażbordaw fuq il-baħar;

(b) l-isem tal-bastiment tal-ġarr u n-numru tiegħu fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tal-ġarr;

(c) il-prodott li ser jiġi ttrażbordat, skont l-ispeċi, fejn din tkun magħrufa, u, jekk inhu possibbli, skont l-istokk;

(d) il-kwantitajiet ta' speċijiet tal-ICCAT li ser jiġu ttrażbordati, fejn hu possibbli, skont l-istokk;

(e) il-kwantitajiet ta' speċijiet oħrajn li jkunu nqabdu mal-ispeċijiet tal-ICCAT li ser jiġu ttrażbordati, skont l-ispeċi, jekk din tkun magħrufa;

(f) id-data u l-post tat-trażbord;

(g) il-pożizzjoni ġeografika tal-qabdiet, skont l-ispeċi u, fejn rilevanti, skont l-istokk, li hija konsistenti maż-żoni statistiċi tal-ICCAT.

Artikolu 57

Dikjarazzjoni tat-trażbord tal-ICCAT

1.  Il-kaptan jew il-proprjetarju tal-bastiment tas-sajd bil-konz pelaġiku kbir għandu, mhux aktar tard minn 15-il jum wara t-trażbord, jimla d-dikjarazzjoni tat-trażbordar tal-ICCAT u jibgħatha lill-Istat Membru tal-bandiera tiegħu u lill-PKK tal-kosta.

2.  Il-kaptan tal-bastiment tal-ġarr li jkun qed jirċievi l-konsenja għandu, fi żmien 24 siegħa mit-tlestija tat-trażbord, jimla d-dikjarazzjoni tat-trażbordar tal-ICCAT u jibgħatha lis-Segretarjat tal-ICCAT, lill-PKK tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd bil-konz pelaġiku kbir u lill-Istat Membru tal-bandiera tiegħu, flimkien man-numru tiegħu tar-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tal-ġarr.

3.  Il-kaptan tal-bastiment tal-ġarr li jkun qed jirċievi l-konsenja għandu, mill-inqas 48 siegħa qabel il-ħatt l-art, jibgħat id-dikjarazzjoni tat-trażbord tal-ICCAT lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat fejn ser isir il-ħatt l-art, flimkien man-numru tal-bastiment tiegħu tar-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tal-ġarr.

4.  L-ispeċijiet kollha tal-ICCAT u kwalunkwe speċi oħra li tkun inqabdet flimkien ma' dawk l-ispeċijiet li jinħattu l-art, jew li jiġu importati fiż-żona jew fit-territorju ta' PKK, kemm jekk ma jkunux ipproċessati, kif ukoll jekk ikunu ġew ipproċessati abbord, u li jkunu ġew ittrażbordati fuq il-baħar, għandu jkollhom magħhom id-dikjarazzjoni tat-trażbordar tal-ICCAT sakemm isir l-ewwel bejgħ tagħhom.

Artikolu 58

Programm ta' osservazzjoni reġjonali tal-ICCAT għat-trażbord fuq il-baħar

1.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-bastimenti tal-ġarr kollha li jittrażbordaw fuq il-baħar ikollhom osservatur reġjonali tal-ICCAT abbord, skont il-programm ta' osservazzjoni reġjonali tal-ICCAT għat-trażbordar fuq il-baħar, kif stipulat fl-Anness VIII.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 73 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-osservatur reġjonali tal-ICCAT għandu jkollu l-kompitu li jivverifika l-konformità ma' dan il-Kapitolu, u, b'mod partikolari, li l-kwantitajiet trażbordati jkunu konsistenti mal-qabda rrappurtata fid-dikjarazzjoni tat-trażbord tal-ICCAT u mal-qabdiet irreġistrati fil-ġurnal ta' abbord tal-bastiment tas-sajd.

3.  Il-bastimenti għandhom ikunu pprojbiti milli jibdew jew ikomplu t-trażbord fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT jekk ma jkunx hemm osservatur reġjonali tal-ICCAT abbord, minbarra f'każijiet ta' force majeure li jkunu ġew debitament innotifikati lis-Segretarjat tal-ICCAT.

Artikolu 59

Obbligi ta' rappurtar

1.  L-Istat Membru tal-bandiera ta' bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar li jkunu ttrażbordaw u l-Istat Membru tal-bandiera ta' bastimenti tal-ġarr li jkunu rċevew it-trażbordi fis-sena ta' qabel għandu jibgħat lill-Kummissjoni sal-15 ta' Awwissu ta' kull sena:

(a) il-kwantitajiet ta' qabdiet tal-ispeċijiet tal-ICCAT, skont l-ispeċi u, jekk ikun possibbli, skont l-istokk, li jkunu ġew ittrażbordati fis-sena ta' qabel;

(b) il-kwantitajiet ta' speċijiet oħrajn li jkunu nqabdu mal-ispeċijiet tal-ICCAT skont l-ispeċi, fejn din tkun magħrufa, li jkunu ġew ittrażbordati fis-sena ta' qabel;

(c) il-lista tal-bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar li jkunu ttrażbordaw fis-sena ta' qabel;

(d) rapport komprensiv li jivvaluta l-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapporti tal-osservaturi reġjonali tal-ICCAT assenjati għall-bastimenti tal-ġarr li jkunu rċevew it-trażbordi mill-bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar.

2.  Il-Kummissjoni għandha tgħaddi l-informazzjoni li tirċievi lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-15 ta' Settembru ta' kull sena skont il-paragrafu 1.

Artikolu 60

Konsistenza tad-data rrappurtata

L-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd bil-konz pelaġiku kbir li jkun qed iwettaq it-trażbordi fuq il-baħar għandu jeżamina l-informazzjoni li jkun irċieva skont dan ir-Regolament sabiex jiddetermina li hemm konsistenza bejn il-qabdiet irrappurtati, it-trażbordi u l-ħatt l-art ta' kull bastiment, anki b'kooperazzjoni mal-Istat fejn ser isir il-ħatt l-art kif ikun meħtieġ. Dik il-verifika għandha titwettaq b'mod li jiżgura li l-bastiment ikollu l-inqas interferenza u inkonvenjenza possibbli, u li jiġi evitat deterjorament tal-kwalità tal-ħut.



KAPITOLU V

Programmi ta' Osservazzjoni Xjentifika

Artikolu 61

Twaqqif ta' programmi nazzjonali ta'osservazzjoni xjentifika

1.  L-Istati Membri għandhom iwaqqfu programmi nazzjonali ta' osservazzjoni xjentifika li jiżguraw dawn li ġejjin:

(a) kopertura minima ta' osservazzjoni ta' 5 % tal-isforz tas-sajd f'kull wieħed minn dawn is-setturi tas-sajd: bil-konzijiet pelaġiċi, bit-tartarun tal-borża, u bil-lixka;

(b) għall-bastimenti nolleġġati, b'deroga mill-punt (a), kopertura minima ta' osservazzjoni ta' 10 % tal-isforz tas-sajd f'kull wieħed minn dawn is-setturi tas-sajd: bil-konzijiet pelaġiċi, bit-tartarun tal-borża, u bil-lixka;

(c) kopertura rappreżentattiva taż-żmien u tal-ispazju tat-tħaddim tal-flotta biex ikun żgurat il-ġbir ta' data adegwata u rilevanti, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tal-flotot u tal-attivitajiet tas-sajd;

(d) il-ġbir tad-data dwar kull aspett tal-operazzjoni tas-sajd, inkluż dak tal-qabda, kif speċifikat fl-Artikolu 63(1).

2.  Il-kopertura ta' osservazzjoni msemmija fil-punt (a) u (b) tal-paragrafu 1(a) u (b) għandha tiġi kkalkulata kif ġej:

(a) l-għadd ta' settijiet jew vjaġġi għall-attivitajiet tas-sajd bit-tartarun tal-borża;

(b) skont l-għadd ta' jiem ta' sajd, l-għadd ta' settijiet jew vjaġġi għall-attivitajiet tas-sajd bil-konz pelaġiku; jew

(c) skont l-għadd ta' jiem ta' sajd għall-attivitajiet ta' sajd bil-lixka.

3.  B'deroga mill-punt (a) tal-paragrafu 1, għall-bastimenti b'tul totali ta' inqas minn 15-il metru, fejn ikun hemm tħassib straordinarju dwar is-sikurezza li jipprekludi li jkun hemm osservatur abbord il-bastiment, Stat Membru jista' juża metodu alternattiv għall-monitoraġġ xjentifiku. Dak il-metodu alternattiv għandu jiżgura kopertura ta' osservazzjoni li tkun taqbel ma' dik speċifikata fil-punt (a) tal-paragrafu 1 u ma' ġbir ekwivalenti ta' data. L-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta d-dettalji tal-metodu alternattiv lill-Kummissjoni.

4.  Il-Kummissjoni għandha tippreżenta d-dettalji tal-metodu alternattiv imsemmi fil-paragrafu 3 lill-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka u l-Istatistika tal-ICCAT għall-evalwazzjoni. Il-metodi alternattivi għandhom ikunu suġġetti għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni tal-ICCAT fil-laqgħa annwali tal-ICCAT qabel ma jiġu applikati.

Artikolu 62

Kwalifiki tal-osservaturi xjentifiċi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-osservaturi jkunu segwew it-taħriġ meħtieġ, ikunu kwalifikati kif xieraq u li jkunu approvati qabel ma jiġu assenjati. L-osservaturi għandu jkollhom il-kwalifiki li ġejjin:

(a) għarfien u esperjenza biżżejjed biex ikunu jistgħu jidentifikaw l-ispeċijiet u jiġbru l-informazzjoni dwar konfigurazzjonijiet differenti ta' tagħmir tas-sajd;

(b) biżżejjed għarfien tal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tal-ICCAT;

(c) il-kapaċità li josservaw u jirreġistraw b'mod preċiż id-data li trid tinġabar skont il-programm;

(d) il-kapaċità li jiġbru l-kampjuni bijoloġiċi;

(e) ma għandhomx ikunu membri tal-ekwipaġġ tal-bastiment tas-sajd li jkun qed jiġi osservat; u

(f) ma għandhomx ikunu impjegati tal-kumpanija tal-bastimenti tas-sajd involuta fl-attività tas-sajd li qed tiġi osservata.

Artikolu 63

Responsabbiltajiet tal-osservaturi xjentifiċi

1.  B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu mill-osservaturi li:

(a) jirreġistraw u jirrappurtaw informazzjoni dwar l-attività tas-sajd li għandha tinkludi, mill-inqas dawn li ġejjin:

(i) id-data dwar it-total tal-qabda fil-mira, tal-qabda aċċessorja u tal-iskart (dan jinkludi l-klieb il-baħar, il-fkieren tal-baħar, il-mammiferi marini u l-għasafar tal-baħar), il-kompożizzjoni tad-daqsijiet, dak li jsir minnhom (jiġifieri, miżmumin, skartati mejta, meħlusa ħajjin), u kampjuni bijoloġiċi għall-istudji tal-ġrajja tal-ħajja (eż. gonadi, otoliti, xewk, skalji);

(ii) informazzjoni dwar l-operazzjonijiet tas-sajd, li tinkludi ż-żona tal-qbid skont il-latitudni u l-lonġitudni, informazzjoni dwar l-isforz tas-sajd (eż. l-għadd ta' settijiet, l-għadd ta' snanar, eċċ.) id-data ta' kull operazzjoni tas-sajd, li tinkludi, skont ir-rilevanza, il-ħinijiet tal-bidu u tat-tmiem tal-attività tas-sajd;

(b) josservaw u jirreġistraw l-użu ta' miżuri ta' mitigazzjoni tal-qabdiet aċċessorji u informazzjoni rilevanti oħra;

(c) jippreżentaw kwalunkwe proposta li jqisu li tkun xierqa biex isiru iżjed effiċjenti l-miżuri għall-konservazzjoni u tal-monitoraġġ xjentifiku.

2.  L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li jintużaw protokolli għall-ġbir tad-data li jkunu robusti, u fejn hemm bżonn, jintużaw ukoll il-kameras u r-ritratti.

3.  Il-kaptani tal-bastimenti għandhom jiggarantixxu l-aċċess xieraq għall-bastiment u għall-operazzjonijiet tiegħu biex l-osservaturi jkunu jistgħu jwettqu xogħlhom b'mod effettiv.

Artikolu 64

Preżentazzjoni tal-informazzjoni miġbura

Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni li tkun inġabret fil-programmi nazzjonali ta' osservazzjoni xjentifika. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi din l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-31 ta' Lulju ta' kull sena.



KAPITOLU VI

Kontroll ta' bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi fil-portijiet tal-Istati Membri

Artikolu 65

Obbligi ta' rappurtar dwar portijiet u punti ta' kuntatt magħżulin

1.  L-Istati Membri li jkunu jixtiequ jagħtu aċċess għall-portijiet tagħhom lil bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin iġorru speċijiet tal-ICCAT jew prodotti tas-sajd li joriġinaw minn dawn l-ispeċijiet li ma jkunux għadhom inħattu l-art jew ġew ittrażbordati f'portijiet għandhom:

(a) jagħżlu l-portijiet tagħhom li għalihom il-bastimenti ta' pajjiżi terzi jkunu jistgħu jitolbu l-aċċess skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008;

(b) jagħżlu punt ta' kuntatt fejn ikunu jistgħu jirċievu avviż minn qabel skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008;

(c) jagħżlu punt ta' kuntatt minn fejn ikunu jistgħu jibagħtu r-rapporti tal-ispezzjonijiet tal-portijiet, skont l-Artikolu 66 ta' dan ir-Regolament.

2.  L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni kwalunkwe bidla fil-lista tal-portijiet u tal-punti ta' kuntatt magħżulin mill-inqas 30 jum qabel ma jsiru effettivi t-tibdiliet. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT mill-inqas 14-il jum qabel ma jsiru effettivi t-tibdiliet.

Artikolu 66

Obbligi ta' rappurtar rigward l-ispezzjonijiet tal-portijiet

1.  L-Istat Membru li jkun qed iwettaq l-ispezzjoni għandu jitrażmetti lill-Kummissjoni kopja tar-rapport dwar l-ispezzjoni tal-port imsemmi fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 mhux aktar tard minn 10 ijiem wara li titlesta l-ispezzjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT mhux aktar tard minn 14-il jum wara d-data tat-tlestija tal-ispezzjoni.

2.  Jekk ir-rapport tal-ispezzjoni tal-port ma jkunx jista' jiġi trażmess fil-perijodu ta' 10 ijiem imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istat Membru li jkun qed iwettaq l-ispezzjoni għandu jinnotifika lill-Kummissjoni f'dak il-perijodu dwar ir-raġunijiet għad-dewmien, u jinfurmaha meta ser jitressaq ir-rapport.

3.  Jekk l-informazzjoni li tkun inġabret waqt l-ispezzjoni tagħti x'jifhem li bastiment ta' pajjiż terz għamel xi ksur tal-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni tal-ICCAT, għandu japplika l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008.



KAPITOLU VII

Infurzar

Artikolu 67

Każijiet ta' ksur allegat li jiġu rrappurtati mill-Istati Membri

1.  Barra mir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 48(4) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, mill-inqas 140 jum qabel il-laqgħa annwali tal-ICCAT, kwalunkwe informazzjoni dokumentata li tindika l-possibbiltà ta' nuqqas ta' konformità min-naħa ta' PKK mal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tal-ICCAT. Il-Kummissjoni għandha teżamina dik l-informazzjoni u, jekk ikun jixraq, tibgħatha lis-Segretarjat tal-ICCAT mill-inqas 120 jum qabel il-laqgħa annwali tal-ICCAT.

2.  L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-lista tal-bastimenti tas-sajd b'tul totali ta' 12-il metru jew aktar, tal-bastimenti fejn jiġu pproċessati l-ħut, tal-laneġ tal-irmonk, tal-bastimenti li jagħmlu t-trażbordar, u tal-bastimenti tal-għajnuna li jkun allegat dwarhom li qegħdin iwettqu sajd IUU fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT fis-sena attwali u fis-sena ta' qabilha, flimkien mal-evidenza li ssostni l-preżunzjoni tas-sajd IUU. Dik il-lista għandha tintbagħat mill-inqas 140 jum qabel il-laqgħa annwali tal-ICCAT. Il-Kummissjoni għandha teżamina dik l-informazzjoni u, jekk din tkun iddokumentata biżżejjed, tibgħatha lis-Segretarjat tal-ICCAT mill-inqas 120 jum qabel il-laqgħa annwali tal-ICCAT, biex jiġi stabbilit l-abbozz tal-lista tal-IUU tal-ICCAT.

Artikolu 68

Abbozz tal-lista tal-IUU tal-ICCAT

L-Istati Membri għandhom jissorveljaw mill-qrib il-bastimenti li jkunu mniżżlin fl-abbozz tal-lista tal-IUU tal-ICCAT li tiġi ċċirkolata mis-Segretarju Eżekuttiv tal-ICCAT, biex jiddeterminaw l-attivitajiet u l-bidliet possibbli fl-ismijiet, il-bnadar, jew il-proprjetarji rreġistrati ta' dawk il-bastimenti.

Artikolu 69

Nuqqasijiet ta' konformità allegati li jiġu rrappurtati mis-Segretarju Eżekuttiv tal-ICCAT

1.  Jekk il-Kummissjoni tirċievi xi informazzjoni mingħand is-Segretarju Eżekuttiv tal-ICCAT li tindika nuqqas ta' konformità ssuspettat ta' Stat Membru, il-Kummissjoni għandha mingħajr dwemien, tibgħat dik l-informazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat.

2.  L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, mill-inqas 45 jum qabel il-laqgħa annwali tal-ICCAT, bis-sejbiet ta' kwalunkwe investigazzjoni li ssir b'rabta mal-allegazzjonijiet ta' nuqqas ta' konformità u kwalunkwe azzjoni li titwettaq biex tindirizza kwistjonijiet ta' nuqqas ta' konformità. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarju Eżekuttiv tal-ICCAT mill-inqas 30 jum qabel il-laqgħa annwali tal-ICCAT.

Artikolu 70

Każijiet ta' ksur allegat li jiġu rrappurtati minn PKK

1.  L-Istati Membri għandhom jagħżlu punt ta' kuntatt fejn jistgħu jirċievu r-rapporti dwar l-ispezzjonijiet tal-portijiet mingħand PKK.

2.  L-Istati Membri għandhom jitrażmettu lill-Kummissjoni kwalunkwe bidla għall-punt ta' kuntatt imsemmi fil-paragrafu 1 mill-inqas 30 jum qabel ma jsiru effettivi dawn il-bidliet. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT mill-inqas 14-il jum qabel ma jsiru effettivi t-tibdiliet.

3.  Jekk il-punt ta' kuntatt magħżul minn Stat Membru jirċievi rapport dwar l-ispezzjoni ta' port mingħand PKK li jagħti l-evidenza li bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta' dak l-Istat Membru jkun ikkommetta ksur tal-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni tal-ICCAT, l-Istat Membru għandu minnufih jinvestiga l-ksur u, fi żmien 160 jum minn meta jkun irċieva tali rapport dwar l-ispezzjoni ta' port, jinforma lill-Kummissjoni dwar l-istatus tal-investigazzjoni u b'kwalunkwe azzjoni ta' infurzar li tkun twettqet.

4.  Jekk l-Istat Membru tal-bandiera ma jkunx jista' jlaħħaq mal-iskadenza msemmija fil-paragrafu 3, dan għandu jagħti r-raġunijiet għal dan id-dewmien lill-Kummissjoni u jinfurmaha meta ser iressaq ir-rapport dwar l-istatus tal-investigazzjoni.

5.  Il-Kummissjoni għandha tibgħat din l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT fi żmien 180 jum wara li tirċievi r-rapport dwar l-ispezzjoni ta' port u fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 71, għandha tinkludi l-informazzjoni dwar l-istatus tal-investigazzjoni u dwar kwalunkwe azzjoni ta' infurzar li jkun wettaq l-Istat Membru tal-bandiera.



TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 71

Rapport annwali

1.  Sal-20 ta' Awwissu ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport annwali lill-Kummissjoni dwar is-sena kalendarja preċedenti, li jkun fih l-informazzjoni dwar is-sajd, ir-riċerka, l-istatistika, il-ġestjoni, l-attivitajiet ta' spezzjoni u ta' prevenzjoni tas-sajd IUU u kwalunkwe informazzjoni oħra, jekk rilevanti.

2.  Ir-rapport annwali għandu jinkludi l-informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu għall-mitigazzjoni tal-qbid inċidentali u biex jitnaqqas l-iskart, u informazzjoni dwar kull riċerka rilevanti f'dak il-qasam.

3.  Il-Kummissjoni għandha tiġbor l-informazzjoni li tirċievi skont il-paragrafu 1 u 2 u għandha tibgħatha lis-Segretarjat tal-ICCAT mingħajr dewmien.

4.  Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni fir-rigward tar-regoli dettaljati għall-format tar-rapport annwali msemmi f'dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 75(2).

Artikolu 72

Kunfidenzjalità

Id-data li tinġabar u tinqasam fil-qafas ta' dan ir-Regolament għandha tiġi ttrattata skont ir-regoli applikabbli dwar il-kunfidenzjalità skont l-Artikoli 112 u 113 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 73

Proċedura għall-emendi

1.  Meta jkun meħtieġ, sabiex timplimenta fil-liġi tal-Unjoni l-emendi għar-rakkomandazzjonijiet eżistenti tal-ICCAT, li jsiru vinkolanti għall-Unjoni, u sakemm l-emendi għal-liġi tal-Unjoni ma jmorrux lil hinn mir-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 74 għall-fini li temenda:

(a) l-Annessi II sa VIII;

(b) il-limiti taż-żmien stipulati fl-Artikolu 7(1), fl-Artikolu 8, fl-Artikoli 9(1) u 10(2), fl-Artikolu 14(1) u (3), fl-Artikolu 18, fl-Artikolu 20(2), (3) u (4), fl-Artikolu 22(2), fl-Artikolu 23(1) u (2), fl-Artikolu 26(1) u (3), fl-Artikoli 40(1), 42(1), 44(3) u 47(2), fl-Artikolu 48(1) u (2), fl-Artikolu 50(1) u (2), fl-Artikolu 56(3), fl-Artikolu 57(1), (2) u (3), fl-Artikolu 59(1) u (2), fl-Artikolu 64, fl-Artikolu 65(2), fl-Artikolu 66(1) u (2), fl-Artikolu 67(1) u (2), fl-Artikolu 69(2), fl-Artikolu 70(2), (3) u (5), u fl-Artikolu 71(1);

(c) iż-żona stipulata fil-punt (b) tal-Artikolu 14(1);

(d) id-daqsijiet minimi stipulati fl-Artikolu 19(1) u (2), fl-Artikolu 24(2) u fl-Artikolu 29(2) u (3);

(e) it-tolleranzi stipulati fl-Artikolu 19(2) u (3), fl-Artikolu 21, u fl-Artikolu 24(3);

(f) l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-snanar u tal-konzijiet stipulati fl-Artikoli 25 u l-punt (b) tal-Artikolu 38(5);

(g) il-kopertura tal-osservazzjoni xjentifika stipulata fl-Artikoli 29(1), u l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 61(1);

(h) it-tip ta' informazzjoni u data stipulati fl-Artikolu 11(1), (2) u (3), fl-Artikolu 12, fl-Artikoli 20(2), 26(1) u 42(1), fl-Artikolu 50(1) u (2), u l-Artikoli 54(4), 55(4), 56(3) u 59(1);

(i) l-għadd massimu ta' bagi strumentali stipulat fl-Artikolu 9(4).

2.  Kwalunkwe emenda adottata f'konformità mal-paragrafu 1 għandha tkun strettament limitata għall-implimentazzjoni tal-emendi għar-rakkomandazzjoni tal-ICCAT ikkonċernata fil-liġi tal-Unjoni.

Artikolu 74

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 73 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mit-3 ta' Diċembru 2017. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.  Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 73 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Qabel tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.  Att delegat adottat skont l-Artikolu 73 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu jiġi estiż b'xahrejn b'inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 75

Proċedura fil-kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura stabbilit bl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 76

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1936/2001

Fir-Regolament (KE) Nru 1936/2001, l-Artikoli 4, 5, 6, 6(a), 7, 8a, 8b, 8c, 9, 9a u 10 sa 19 huma mħassra.

Artikolu 77

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1984/2003

Ir-Regolament (KE) Nru 1984/2003 huwa emendat kif ġej:

(a) fl-Artikolu 3, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(g)

bastiment tas-sajd kbir : bastiment tas-sajd b'tul totali ta' 20 metru jew iżjed;

(h)

bastiment tas-sajd bil-konz pelaġiku kbir : tfisser bastiment tas-sajd bil-konz pelaġiku b'tul totali ta' 24 metru jew iżjed.”;

(b) fl-Artikolu 4(2), jiżdied il-punt li ġej:

“(c) jekk is-sajd ikun sar minn bastiment tas-sajd kbir, jista' jiġi aċċettat biss jekk dak il-bastiment ikun elenkat fir-reġistru tal-bastimenti tal-ICCAT.”;

(c) fl-Artikolu 5(2), jiżdied il-punt li ġej:

“(c) jekk is-sajd ikun sar minn bastiment tas-sajd kbir, jista' jiġi vvalidat biss jekk dak il-bastiment ikun elenkat fir-reġistru tal-bastimenti tal-ICCAT.”;

(d) fil-Kapitolu 2, tiżdied it-Taqsima li ġejja:

“Taqsima 4

Rekwiżiti fuq l-Istati Membri rigward il-prodotti trażbordati fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT

Artikolu 7a

Dokumenti ta' statistika u rappurtaġġ

1.  Meta jkun qed jivvalida d-dokumenti tal-istatistika, l-Istat Membru tal-bandiera ta' bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar għandhom jiżguraw li t-trażbordi jkunu konsistenti mal-ammont tal-qabda rrappurtat minn kull bastiment.

2.  L-Istat Membru tal-bandiera tal-bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar għandu jivvalida d-dokumenti tal-istatistika dwar il-ħut ittrażbordat, wara li jkun ikkonferma li t-trażbord ikun sar b'konformità mal-Artikoli 51 sa 58 tar-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *1 ). Dik il-konferma għandha tkun ibbażata fuq l-informazzjoni li tkun inġabret permezz tal-programm ta' osservazzjoni reġjonali tal-ICCAT għat-trażbordar fuq il-baħar.

3.  L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-ispeċijiet koperti mill-programmi ta' dokumentazzjoni statistika li jinqabdu minn bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT, meta jiġu impurtati fiż-żoni jew fit-territorji tagħhom, ikollhom magħhom id-dokumenti tal-istatistika vvalidati għall-bastimenti li huma elenkati fil-lista tal-bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar awtorizzati li jittrażbordaw fuq il-baħar tal-ICCAT, u kopja tad-dikjarazzjoni tat-trażbord tal-ICCAT.

Artikolu 78

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 520/2007

Fir-Regolament (KE) Nru 520/2007, jitħassru l-Artikolu 4(1), it-Titolu II u l-Annessi II, III u IV.

Artikolu 79

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

SPEĊI TAL-ICCAT



Familja

Isem bil-Latin

Isem Malti

Scombridae

Acanthocybium solandri

Pizzintun tal-istrixxi

Allothunnus fallai

Tonn Irqiq

Auxis rochei

Żgamirru

Auxis thazard

Tumbrell

Euthynnus alletteratus

Kubrita/Palamit iswed tal-Atlantiku

Gasterochisma melampus

Tonn farfett

Katsuwonus pelamis

Palamit

Orcynopsis unicolor

Plamtu bla rigi

Sarda sarda

Plamtu

Scomberomorus brasiliensis

Kavall tal-Brażil

Scomberomorus cavalla

Kavall irjali

Scomberomorus maculatus

Kavall tat-tikek Scomberomorus regalis

Scomberomorus regalis

Pizzintun irjali tal-Atlantiku

Scomberomorus tritor

Kavall tal-Afrika tal-Punent

Thunnus alalunga

Alonga

Thunnus albacares

Tonna safra

Thunnus atlanticus

Tonna sewda

Thunnus maccoyii

Tonna tan-Nofsinhar

Thunnus obesus

Tonn obeż

Thunnus thynnus

Tonn

Istiophoridae

Istiophorus albicans

Pixxivela tal-Atlantiku

Makaira indica

Marlin iswed

Makaira nigricans

Marlin blu tal-Atlantiku

Tetrapturus albidus

Marlin abjad tal-Atlantiku

Tetrapturus belone

Pastardella

Tetrapturus georgii

Pastardella imperjali

Tetrapturus pfluegeri

Pastardella munqarha twil

Xiphiidae

Xiphias gladius

Pixxispad

Alopiidae

Alopias superciliosus

Pixxivolpi għajnu kbira

Carcharhinidae

Carcharhinus falciformis

Kelb il-baħar ħariri

Carcharhinus longimanus

Kelb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniku

Prionace glauca

Ħuta Kaħla

Lamnidae

Isurus oxyrinchus

Pixxitondu

Lamna nasus

Pixxiplamtu

Sphyrnidae

Sphyrna spp.

Kurazza

Coryphaenidae

Coryphaena hippurus

Lampuka




ANNESS II

LINJI GWIDA GĦAT-TĦEJJIJA TAL-PJANIJIET TA' ĠESTJONI TAT-TAGĦMIR BIEX JINĠABAR IL-ĦUT (FAD)

Il-pjan ta' ġestjoni tal-FAD għall-flotot tas-sajd tat-tartarun tal-borża u tas-sajd bil-lixka tal-PKK irid ikun fih dawn li ġejjin:

(1) Deskrizzjoni

(a) Tipi ta' FAD: AFAD = ankrati; DFAD = għawwiema

(b) Tip ta' sinjal/baga

(c) Għadd massimu ta' FAD li ser jitqiegħu għal kull tartarun tal-borża u għal kull tip ta' FAD

(d) Distanza minima bejn l-AFAD

(e) Politika għat-tnaqqis u għall-użu tal-qbid inċidentali

(f) Kunsiderazzjoni tal-interazzjoni ma' tipi oħra ta' tagħmir

(g) Dikjarazzjoni jew politika dwar “is-sjieda tal-FAD”;

(2) Arranġamenti istituzzjonali

(a) Responsabbiltajiet istituzzjonali għall-pjan ta' ġestjoni tal-FAD

(b) Proċessi tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tqegħid tal-FAD

(c) Obbligi tal-proprjetarji u tal-kaptani tal-bastimenti fir-rigward tat-tqegħid u l-użu tal-FAD

(d) Politika ta' sostituzzjoni tal-FAD

(e) Obbligi addizzjonali tar-rappurtar minbarra dan ir-Regolament

(f) Politika ta' riżoluzzjoni ta' kunflitti fir-rigward tal-FADs

(g) Id-dettalji ta' kwalunkwe żona jew perijodu magħluqa, pereżempju: ilmijiet territorjali, korsiji tal-bastimenti, qrubija ma' żoni tas-sajd artiġjanali, eċċ.

(3) Speċifikazzjonijiet u rekwiżiti għall-bini tal-FAD

(a) Karatteristiċi tad-disinn tal-FAD (deskrizzjoni)

(b) Rekwiżiti tad-dawl

(c) Rifletturi tar-radar

(d) Distanza viżibbli

(e) Marki u identifikatur tal-FAD

(f) Marki u identifikaturi tal-bagi ta' sinjalazzjoni bir-radju (rekwiżit ta' numri tas-sensiela)

(g) Marki u identifikaturi tal-bagi b'ekosonda (rekwiżit ta' numri tas-sensiela)

(h) Riċetrażmettituri bis-satellita

(i) Riċerka li saret fuq FADs bijodegradabbli

(j) Prevenzjoni tat-telfa jew tal-abbandun tal-FADs

(k) Ġestjoni tal-irkupru tal-FADs;

(4) Perijodu applikabbli għall-pjan ta' ġestjoni tal-FAD

(5) Mezzi ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' ġestjoni tal-FAD.




ANNESS III

LISTA TAL-FADS LI TQIEGĦDU FUQ BAŻI TA' KULL TLIET XHUR



Identifikatur tal-FAD

Tipi ta' FAD u ta' tagħmir elettroniku

Karatteristiki tal-Arkitettura tal-FAD

Osservazzjoni

Marka tal-FAD

Identità tas-sinjal assoċjat

Tip ta' FAD

Tip ta' sinjal assoċjat u/jew ta' tagħmir elettroniku

Parti għawwiema tal-FAD

Struttura tal-FAD imdendla taħt l-ilma

Dimensjonijiet

Materjali

Dimensjonijiet

Materjali

 (1)

 (1)

 (2)

 (3)

 (4)

 (5)

 (4)

 (6)

 (7)

(1)   Jekk il-marka tal-FAD u l-Identità tas-sinjal assoċjat ma jkunux hemm jew ma jkunux jistgħu jinqraw, semmi dan il-fatt u agħti l-informazzjoni kollha li għandek li tista' tgħin biex jiġi identifikat sid l-FAD.

(2)   FAD ankrat, FAD naturali għawwiem, FAD artifiċjali għawwiem.

(3)   Eż. GPS, sonda, eċċ. Jekk ma hemmx tagħmir elettroniku assoċjat mal-FAD, indika dan in-nuqqas ta' tagħmir.

(4)   Eż. l-wisa', it-tul, l-għoli, il-fond, id-daqsijiet tat-toqob tax-xbieki, eċċ.

(5)   Semmi b'liema materjali huma magħmula l-istruttura u l-qoxra ta' barraa, u għid humiex bijodegradabbli.

(6)   Eż. xbieki, ħbula, weraq tal-palm, eċċ... u semmi l-karatteristiċi tal-materjal li jħabblu u/jew huma bijodegradabbli.

(7)   F'din it-taqsima għandhom jiġu rrappurtati l-ispeċifikazzjonijiet tad-dawl, ir-rifletturi tar-radar u d-distanzi viżibbli.




ANNESS IV

IR-REKWIŻITI GĦALL-PROGRAMM TA' OSSERVAZZJONI GĦALL-BASTIMENTI LI JISTADU GĦAT-TONN TROPIKALI FIŻ-ŻONI ĠEOGRAFIĊI FEJN HEMM GĦELUQ MARBUT MA' PERIJODU TA' ŻMIEN U MA' ŻONI

1. L-osservaturi għandu jkollhom il-kwalifiki li ġejjin biex iwettqu l-kompiti tagħhom:

 esperjenza biżżejjed li jkunu jafu jidentifikaw l-ispeċijiet u t-tagħmir tas-sajd,

 biżżejjed għarfien tal-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni tal-ICCAT attestat minn ċertifikat mogħti lilhom mill-Istat Membru u bbażat fuq il-linji gwida għat-taħriġ tal-ICCAT,

 il-kapaċità li josservaw u jirreġistraw b'mod preċiż,

 biżżejjed għarfien tal-lingwa tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment li qed ikun osservat.

2. L-osservaturi ma għandhomx ikunu membri tal-ekwipaġġ tal-bastiment tas-sajd li qed ikun osservat u għandhom:

(a) ikunu nattivi ta' waħda mill-PKK;

(b) ikunu kapaċi jwettqu l-kompiti stabbiliti fil-punt 3:

(c) ma jkollhomx interessi finanzjarji jew ta' xi benefiċċju attwali fis-sajd tat-tonn tropikali.

Kompiti tal-osservaturi

3. Il-kompiti tal-osservaturi għandhom ikunu, b'mod partikolari:

(a) li jissorveljaw il-konformità tal-bastiment tas-sajd mal-miżuri rilevanti ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni adottati mill-Kummissjoni tal-ICCAT.

B'mod partikolari, l-osservaturi għandhom:

(i) jirreġistraw l-attivitajiet tas-sajd li jitwettqu u jagħmlu r-rapporti dwarhom;

(ii) josservaw u jistmaw il-qabdiet u jivverifikaw l-entrati li jiddaħħlu fil-ġurnal ta' abbord;

(iii) josservaw u jniżżlu fir-reġistru bastimenti li jistgħu jkunu qegħdin jistadu b'mod li jkun kontraenti għall-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tal-ICCAT;

(iv) jivverifikaw il-pożizzjoni tal-bastiment waqt li dan ikun qed iwettaq l-attività tas-sajd;

(v) iwettqu ħidma xjentifika bħall-ġbir ta' data tal-Kompitu II meta jintalbu jagħmlu dan mill-ICCAT, abbażi ta' direttivi mill-Kumitat Permanenti tal-ICCAT dwar ir-Riċerka u l-Istatistika.

(b) li jirrappurtaw minnufih, filwaqt li joqogħdu attenti għas-sikurezza tal-osservatur, kwalunkwe attività ta' sajd b'rabta mal-FADs li jkun għamel il-bastiment f'dik iż-żona u waqt il-perijodu msemmi fl-Artikolu 11;

(c) li jistabbilixxu rapporti ġenerali fejn jikkompilaw l-informazzjoni li tkun inġabret skont dan il-punt 3 u joffru l-opportunità lill-kaptan biex idaħħlu fihom kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

4. L-osservaturi għandhom jittrattaw l-informazzjoni kollha dwar l-operazzjonijiet ta' sajd u ta' trażbord tal-bastimenti bħala kunfidenzjali u jaċċettaw dan ir-rekwiżit bil-miktub bħala kundizzjoni tal-ħatra tagħhom bħala osservaturi.

5. L-osservaturi għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fil-liġijiet u fir-regolamenti tal-Istat Membru tal-bandiera li għandu l-ġuriżdizzjoni fuq il-bastiment li jkun assenjat għalih l-osservatur.

6. L-osservaturi għandhom jirrispettaw il-ġerarkija u r-regoli ġenerali tal-imġiba li japplikaw għall-membri tal-ekwipaġġ kollu, dejjem jekk dawn ir-regoli ma jostakolawx il-kompiti tal-osservatur f'dan il-programm, u bl-obbligi tiegħu stabbiliti fil-punt 7.

Obbligi tal-Istat Membru tal-bandiera

7. Ir-responsabbiltajiet rigward l-osservaturi tal-Istati Membri tal-bastimenti tas-sajd u tal-kaptani tagħhom għandhom jinkludu, b'mod partikolari, dan li ġej:

(a) l-osservaturi għandhom jingħataw aċċess għall-ekwipaġġ, għall-irkaptu u għat-tagħmir;

(b) jekk jitolbu dan, l-osservaturi għandhom jingħataw aċċess ukoll għat-tagħmir elenkat hawn taħt, jekk dan ikun fuq il-bastimenti li jkunu assenjati għalih, biex jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-kompiti tagħhom stabbiliti fil-punt 3:

(i) tagħmir ta' navigazzjoni bis-satellita;

(ii) l-iskrins li juru r-radars meta dawn ikunu qed jintużaw;

(iii) il-mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi.

(c) l-osservaturi għandu jkollhom l-istess kumditajiet bħall-uffiċjali, li jinkludu l-akkomodazzjoni, l-ikel, u faċilitajiet sanitarji;

(d) l-osservaturi għandhom jingħataw post komdu fuq il-briġġ jew fil-kamra tat-tmunier biex jagħmlu x-xogħol klerikali, u spazju fuq il-gverta fejn ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom ta' osservaturi; u

(e) l-Istat Membru tal-bandiera għandu jiżgura li l-kaptani, l-ekwipaġġ u s-sidien tal-bastimenti ma jostakolawx, ma jintimidawx, ma jindaħlux, ma jinfluwenzawx u ma jxaħħmux jew lanqas jippruvaw ixaħħmu lill-osservaturi waqt it-twettiq ta' xogħlhom.




ANNESS V

STANDARDS TEKNIĊI MINIMI GĦALL-MIŻURI TA' MITIGAZZJONI



Miżuri ta' mitigazzjoni

Deskrizzjoni

Speċifikazzjoni

L-issettjar billejl bl-inqas dawl possibbli fuq il-gverta

Ma jsirx issettjar bejn is-sebħ nawtiku u l-inżul ix-xemx nawtiku. Id-dawl fuq il-gverta għandu jinżamm baxx kemm jista' jkun

L-inżul ix-xemx u s-sebħ nawtiċi huma ddefiniti skont kif stabbilit fit-tabelli fl-Almanakk Nawtiku għal-latitudni, għall-ħin lokali u għad-data rilevanti. Id-dawl minimu fuq il-gverta jeħtieġ li ma jmurx kontra l-istandards minimi tas-sikurezza u tan-navigazzjoni.

Lettijiet bin-naffara tal-għasafar (lettijiet tori)

Il-lettijiet bin-naffara tal-għasafar għandhom jiġu skjerati waqt il-kalar tal-konzijiet biex jiskoraġġixxu lill-għasafar milli javviċinaw il-brazzol

Għall-bastimenti li jkun fihom tul ta' 35 m jew iżjed:

— ikalaw mill-inqas lett bin-naffara wieħed. Fejn prattiku, il-bastimenti huma mħeġġa li jużaw arblu tori ieħor u lett bin-naffara ieħor fi żminijiet meta jkun hemm ħafna għasafar jew ħafna attività mill-għasafar; iż-żewġ lettijiet tori jeħtieġ li jintużaw fl-istess ħin, wieħed ma' kull naħa tal-konz li jkun qed jiġi kalat;

— l-għoli barra mill-ilma tal-lettijiet bin-naffara jrid ikun daqs 100 m jew iżjed;

— għandhom jintużaw ukoll naffara twal biżżejjed li jaslu sa wiċċ il-baħar meta dan ikun kalm;

— in-naffara t-twal iridu jitqiegħdu b'intervalli ta' mhux aktar minn 5 m.

Għall-bastimenti li jkun fihom inqas tul minn 35 m:

— ikalaw mill-inqas lett bin-naffara wieħed;

— l-għoli barra mill-ilma tal-lettijiet bin-naffara jrid ikun daqs 75 m jew iżjed;

— għandhom jintużaw naffara twal u/jew qosra (iżda itwal minn metru 1 m) u dawn iridu jitqiegħdu b'intervalli skont dan ta' hawn taħt:

— 

— Qosra: intervalli ta' mhux aktar minn 2 m.

— Twal: intervalli ta' mhux aktar minn 5 m għall-ewwel 55 m tal-lett bin-naffara.

Linji gwida supplimentari għat-tfassil u l-iskjerar tal-lettijiet bin-naffara jinsabu hawn taħt fil-Linji Gwida Supplimentari dwar it-Tfassil u l-Iskjerar tal-lettijiet tori.

Żieda ta' piżijiet mal-lett

Piżijiet li jridu jitqiegħdu mal-brazzola qabel ma jiġi kalat il-lett

Li jkunu itqal minn total ta' 45 g marbutin mhux iżjed minn metru wieħed 'il bogħod mis-sunnara; jew

Li jkunu itqal minn total ta' 60 g marbutin mhux iżjed minn 3,5 m 'il bogħod mis-sunnara; jew

Li jkunu itqal minn total ta' 98 g marbutin mhux iżjed minn 4 m 'l bogħod mis-sunnara.




LINJI GWIDA SUPPLIMENTARI GĦAT-TFASSIL U T-TQEGĦID TAL-LETTIJIET TORI

Preambolu

L-istandards tekniċi minimi għall-iskjerar tal-lettijiet tori jinsabu fit-Tabella aktar 'il fuq. Dawn il-linji gwida supplimentari huma maħsubin biex jgħinu għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tar-regolamenti dwar il-lettijiet tori għall-bastimenti tas-sajd bil-konz. Filwaqt li dawn il-linji gwida huma relattivament espliċiti, hija mħeġġa l-esperimentazzjoni li żżomm mar-rekwiżiti tat-Tabella ta' fuq, bil-għan li tittejjeb l-effikaċja tal-lettijiet tori. Il-linji gwida jqisu l-varjabbli ambjentali u operazzjonali bħalma huma l-kundizzjonijiet tat-temp, il-veloċità tal-kalar, u d-daqs tal-bastiment, li kollha kemm huma jinfluwenzaw il-prestazzjoni tal-lettijiet tori u t-tfassil tagħhom biex jipproteġu l-lixki mill-għasafar. It-tfassil u l-użu tal-lettijiet tori jista' jinbidel biex iqis dawn il-varjabbli, dejjem jekk dan it-tibdil ma jikkompromettix il-prestazzjoni tal-lettijiet. Huwa ppjanat titjib kontinwu tat-tfassil tal-lettijiet tori u għaldaqstant jeħtieġ li jsir rieżami ta' dawn il-linji gwida fil-ġejjieni.

Tfassil tal-lettijiet tori

1. Armar xieraq li jiġi rmunkat mal-parti tal-lett tori li tkun fl-ilma jista' jgħin biex jgħolli l-parti 'l fuq mill-ilma.

2. Il-parti ta' taħt l-ilma msemmija hawn fuq jeħtieġ li tkun ħafifa biżżejjed biex il-movimenti tagħha ma jistgħux ikunu previsti, biex l-għasafar ma jidrawx il-movimenti, u tqila biżżejjed biex il-pożizzjoni tal-lett ma tiġix affettwata mir-riħ.

3. L-aħjar metodu huwa li l-lett jintrabat mal-bastiment permezz ta' tornikett ċilindriku b'saħħtu biex inaqqas it-tħabbil tal-lett.

4. In-naffara jeħtieġ li jkunu ta' materjal li jidher sew u li jiċċaqlaq ħafna u b'mod imprevedibbli (eż. ħabel irqiq imma b'saħħtu miksi b'tubu aħmar tal-poliuretan) marbutin ma' tornikett bi tliet fergħat b'saħħtu (li wkoll inaqqas it-tħabbil) li jkun marbut mal-lett tori.

5. Kull naffar jeħtieġ li jkun magħmul minn żewġ strixex jew iżjed.

6. Kull par naffara jeħtieġ li jkun jista' jinqala' permezz ta' klippa għall-effiċjenza tal-ħżin tal-lett.

Tqegħid tal-lettijiet tori

1. Il-lett jeħtieġ li jkun jiddendel minn arblu li jkun imwaħħal fuq il-bastiment. L-arblu tori jeħtieġ li jkun fl-ogħla pożizzjoni possibbli biex il-lett jipproteġi l-lixki fuq distanza kbira wara l-bastiment u ma jitħabbilx mat-tagħmir tas-sajd. Aktar ma jkun twil l-arblu, aktar jipproteġi l-lixki. Pereżempju, tul ta' madwar 7 m 'il fuq minn wiċċ l-ilma jista' jagħti madwar 100 m ta' protezzjoni lil-lixka.

2. Jekk il-bastimenti jużaw lett tori wieħed biss, dan jeħtieġ li jiġi kalat fin-naħa minn fejn ikun ġej ir-riħ lejn il-lixki mgħaddsa. Jekk is-snanar bil-lixka jkunu kalati 'l barra mit-tranja, il-punt fejn jintrabat il-lett tori mal-bastiment jeħtieġ li jkun għadd sew ta' metri 'l barra mill-ġenb tal-bastiment fejn ikunu tqiegħdu l-lixki. Jekk il-bastimenti jużaw żewġ lettijiet tori, is-snanar bil-lixki jeħtieġ li jitqiegħdu fiż-żona maż-żewġ lettijiet tori.

3. It-tqegħid ta' diversi lettijiet tori huwa mħeġġeġ biex tingħata saħansitra aktar protezzjoni tal-lixki mill-għasafar.

4. Billi hemm ċans li l-lettijiet jinqasmu jew jitħabblu, jeħtieġ li jkun hemm lettijiet tori żejda abbord biex jitpoġġew minflok il-lettijiet imħassra biex l-operazzjonijiet tas-sajd jibqgħu għaddejjin mingħajr interruzzjoni. Fil-lett tori jistgħu jiġu inkorporati partijiet li jinkisru faċilment biex jitnaqqsu l-problemi ta' sikurezza u problemi fl-operazzjoni jekk wieħed mis-sufruni tal-konz jitgħaqqad fil-parti ta' taħt l-ilma tal-lett tori jew jitħabbel fiha.

5. Meta s-sajjieda jużaw magna li tkala l-lixka (BCM), iridu jiżguraw li l-lett bil-brazzjoni u l-magna jkunu kkoordinati billi jiżguraw li BCM tixħet direttament taħt il-protezzjoni tal-linji tori. Meta jużaw BCM (jew għadd ta' BCMs) li jippermetti/u li jintefgħu lixkiet kemm fil-bord ix-xellug kemm fil-bord il-lemin, jeħtieġ li jintużaw żewġ lettijiet tori.

6. Meta jkunu qegħdin ikalaw il-lettijiet sekondarji bl-idejn, jeħtieġ li s-sajjieda jiżguraw li s-snanar bil-lixka u l-partijiet tal-lettijiet sekondarji li jitfgħu mkebbin jintefgħu taħt iż-żona ta' protezzjoni tal-lett tori filwaqt li jevitaw it-turbolenza tal-iskrun li tista' tnaqqas ir-rata ta' veloċità tagħhom biex jinżlu taħt il-baħar.

7. Is-sajjieda huma mħeġġa li jinstallaw xi vinċijiet manwali, tal-elettriku jew idrawliċi biex iħeffu l-iskjerar u l-ġbid lura fuq il-bastiment tal-lettijiet tori.




ANNESS VI

REKWIŻITI DETTALJATI GĦAR-RILAXX TAL-FKIEREN TAL-BAĦAR

Dwar prattiki ta' trattament li ma jikkawżawx ħsara:

(i) Meta fekruna tal-baħar jkollha tittella' mill-ilma, għandhom jintużaw jew lift bil-qoffa xierqa jew xibka fuq manku twil biex jittellgħu fkieren tal-baħar li jkun nqabdu b'sunnara jew li jkunu tħabblu fix-xbieki. Fekruna tal-baħar qatt ma għandha tittella' minn ġol-ilma billi jinġibed il-lett li tkun imqabbda miegħu jew imħabbla fih. Jekk il-fekruna tal-baħar ma tkunx tista' tittella' mill-ilma mingħajr ma tiġi mweġġa', il-membri tal-ekwipaġġ jeħtieġ li jaqtgħu l-lett kemm jista' jkun qrib is-sunnara, mingħajr ma jweġġgħuha iżjed bla bżonn.

(ii) Fil-każijiet meta l-fkieren tal-baħar jittellgħu abbord, l-operaturi tal-bastiment jew il-membri tal-ekwipaġġ għandhom jivvalutaw il-kundizzjoni tal-fkieren tal-baħar li jkunu nqabdu jew tħabblu qabel ma jirrilaxxawhom. Il-fkieren tal-baħar li jsibu diffikultà biex jiċċaqilqu jew li ma jurux sinjali risponsivi għandhom jinżammu abbord kemm jista' jkun, u għandhom jingħataw il-kura biex ikollhom l-aktar ċans possibbli li jibqgħu ħajjin, qabel ma jiġu rrilaxxati. Dawk il-prattiki huma deskritti aktar fid-dettall fil-Linji Gwida tal-FAO għat-tnaqqis tal-mortalità tal-fkieren tal-baħar waqt l-operazzjonijiet tas-sajd.

(iii) Sakemm dan jista' jsir, il-fkieren tal-baħar li jintmissu waqt operazzjonijiet tas-sajd jew waqt programmi tal-osservaturi nazzjonali (eż. attivitajiet ta' mmarkar) għandhom jiġu ttrattati b'mod li jkun konsistenti mal-linji gwida tal-FAO għat-tnaqqis tal-mortalità tal-fkieren tal-baħar waqt attivitajiet tas-sajd.

Dwar l-użu ta' għodod għall-qtugħ tal-lettijiet:

(i) Il-bastimenti tas-sajd bil-konz għandu jkollhom abbord għodod għall-qtugħ tal-lettijiet li għandhom jintużaw meta ma jkunx possibbli li titneħħa s-sunnara mingħajr ma jitweġġgħu l-fkieren tal-baħar biex jiġu rrilaxxati.

(ii) Tipi oħra ta' bastimenti li jużaw tagħmir li jistgħu jitħabblu fih il-fkieren tal-baħar għandu jkollhom abbord għodod għall-qtugħ tal-lettijiet li jitħabblu l-fkieren tal-baħar fihom, u jużaw dawn l-għodod biex jaqilgħu l-lettijiet minn mal-fkieren tal-baħar u jeħilsuhom fil-baħar mingħajr danni.

Dwar l-użu ta' għodod biex jinqalgħu s-snanar:

(i) Il-bastimenti tas-sajd bil-konz għandu jkollhom abbord għodod li jaqilgħu s-snanar mill-fkieren tal-baħar.

(ii) Meta fekruna tal-baħar tkun belgħet sunnara, ħadd ma għandu jipprova jneħħi din is-sunnara. Minflok, il-lett għandu jinqata' kemm jista' jkun qrib is-sunnara mingħajr ma jsir iżjed dannu bla bżonn lill-fekruna tal-baħar.




ANNESS VII

TRAŻBORD FIL-PORTIJIET

1.

It-trażbord fil-portijiet minn bastimenti tal-Unjoni jew f'portijiet tal-Unjoni ta' speċijiet ta' tonn jew ta' ħut li jixbah it-tonn, u ta' kwalunkwe speċi oħra li tinqabad flimkien ma' dawk l-ispeċijiet fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT għandu jsegwi l-proċeduri li ġejjin:

Obbligi tan-notifikar

2.   Bastiment tas-sajd

2.1

Mill-inqas 48 siegħa qabel ma jinbdew l-operazzjonijiet tat-trażbordar, il-kaptan tal-bastiment tas-sajd għandu jagħti l-isem tal-bastiment tal-ġarr u d-data/l-ħin tat-trażbord lill-awtoritajiet Statali tal-port.

2.2

Fil-ħin tat-trażbord, il-kaptan ta' bastiment tas-sajd għandu jinforma lill-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment dwar dawn li ġejjin;

 il-kwantitajiet ta' tonn u ta' speċijiet li jixbħu lit-tonn, fejn hu possibbli skont l-istokk, li ser jiġu ttrażbordati,

 il-kwantitajiet ta' speċijiet oħrajn li jkunu nqabdu mal-ispeċijiet tat-tonn u dawk li jixbhu lit-tonn skont l-ispeċi, fejn din tkun magħrufa, li ser jiġu ttrażbordati,

 id-data u l-post tat-trażbord,

 l-isem, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-bandiera tal-bastiment tal-ġarr li ser jirċievi l-ħut, u

 il-pożizzjoni ġeografika tal-qabdiet, skont l-ispeċi u, fejn rilevanti, skont l-istokk, li hija konsistenti maż-żoni statistiċi tal-ICCAT.

2.3

Il-kaptan tal-bastiment tas-sajd ikkonċernat għandu jimla u jibgħat id-dikjarazzjoni tat-trażbord tal-ICCAT lill-Istat Membru tal-bandiera tiegħu, flimkien mal-għadd ta' bastimenti tiegħu fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tas-sajd, fejn hu applikabbli, sa mhux aktar minn 15-il jum wara t-trażbord.

3.   Bastiment li jirċievi l-ħut

3.1

Mhux aktar tard minn 24 siegħa qabel ma jibda t-trażbord u fi tmiemu, il-kaptan tal-bastiment tal-ġarr li jkun qed jirċievi l-ħut għandu jinforma lill-awtoritajiet Statali tal-port bil-kwantitajiet tal-qabdiet tat-tonn u tal-ispeċijiet li jixbħu lit-tonn li jkunu ser jiġu jew li jkunu ġew ittrażbordati għal fuq il-bastiment tiegħu, u jimla u jibgħat id-dikjarazzjoni tat-trażbord lill-awtoritajiet kompetenti fi żmien 24 siegħa.

3.2

Mill-inqas 48 siegħa qabel il-ħatt l-art, il-kaptan tal-bastiment tal-ġarr li jkun qed jirċievi l-ħut għandu jimla u jibgħat id-dikjarazzjoni tat-trażbord tal-ICCAT lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ser isir il-ħatt l-art.

Il-kooperazzjoni bejn l-Istat tal-Port u l-Istat fejn ser isir il-ħatt l-art

4.

L-Istat tal-port u l-Istat fejn ser isir il-ħatt l-art imsemmijin fil-punti ta' hawn fuq għandhom jeżaminaw l-informazzjoni li jirċievu skont id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness, inkluż b'kooperazzjoni mal-PKK tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd, biex jiżguraw li jkun hemm konsistenza bejn il-qabdiet irrappurtati, it-trażbordi u l-ħatt l-art ta' kull bastiment. Dik il-verifika għandha titwettaq b'mod li jiżgura li l-bastiment ikollu l-inqas interferenza u inkonvenjenza possibbli u li ma jikkawżax deterjorament tal-kwalità tal-ħut.

Rappurtar

5.

Fir-rapport annwali tiegħu lill-ICCAT, kull Stat Membru tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd għandu jinkludi d-dettalji tat-trażbordi tal-bastimenti tiegħu.




ANNESS VIII

PROGRAMM TA' OSSERVAZZJONI REĠJONALI TAL-ICCAT GĦALL-OPERAZZJONIJIET TA' TRAŻBORDAR FUQ IL-BAĦAR

1. L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-bastimenti tal-ġarr li jkunu fir-reġistru tal-ICCAT ta' bastimenti awtorizzati biex jirċievu t-trażbordi fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT u li jittrażbordaw fuq il-baħar, ikollhom abbord osservatur tal-ICCAT matul kull operazzjoni ta' trażbordar li ssir fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT.

2. L-osservaturi għandhom jinħatru mill-ICCAT u għandhom ikunu abbord il-bastimenti tal-ġarr awtorizzati li jirċievu t-trażbordi fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT mingħand bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar (LSPLVs) li jkunu jtajru l-bandiera tal-PKK li jimplimentaw il-programm ta' osservazzjoni reġjonali tal-ICCAT.

Ħatra tal-osservaturi

3. L-osservaturi maħtura għandu jkollhom il-kwalifiki li ġejjin biex iwettqu l-kompiti tagħhom:

 il-kapaċità ppruvata li jidentifikaw l-ispeċijiet tal-ICCAT u t-tagħmir tas-sajd u għandha tingħata preferenza qawwija lil dawk li jkollhom l-esperjenza bħala osservaturi fuq bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi kbar,

 għarfien sodisfaċenti tal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tal-ICCAT,

 il-kapaċità li josservaw u jirreġistraw b'mod preċiż,

 għarfien sodisfaċenti tal-lingwa tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment li qed ikun osservat.

Obbligi tal-osservaturi

4. L-osservaturi għandhom:

(a) ikunu temmew it-taħriġ tekniku meħtieġ skont il-linji gwida stabbiliti mill-ICCAT;

(b) ma jkollhomx in-nazzjonalità jew iċiċttadinanza tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tal-ġarr li qed jirċievi;

(c) ikunu kapaċi jwettqu l-kompiti stabbiliti fil-punt 5;

(d) ikunu fil-lista tal-osservaturi li jżomm l-ICCAT;

(e) ma jkunux membri tal-ekwipaġġ tal-LSPLV jew tal-bastiment tal-ġarr jew impjegati tal-kumpanija tal-LSPLV jew tal-kumpanija tal-bastiment tal-ġarr.

5. L-osservatur għandu jissorvelja l-konformità tal-LSPLV u tal-bastiment tal-ġarr mal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni rilevanti adottati mill-ICCAT. Il-kompiti tal-osservaturi, b'mod partikolari, għandhom ikunu:

5.1 Iżuru l-LSPLV li jkun biħsiebu jittrażborda l-ħut fuq bastiment tal-ġarr, filwaqt li jqisu l-kwistjonijiet imsemmijin fil-punt 9, u li, qabel ma jsir it-trażbord:

(a) jivverifikaw il-validità tal-awtorizzazzjoni jew tal-liċenzja tas-sajd biex jaqbdu t-tonn u l-ispeċijiet li jixbħu lit-tonn li jinqabdu ma' dawk l-ispeċijiet fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT;

(b) jeżaminaw l-awtorizzazzjonijiet minn qabel mingħand il-PKK tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd, u fejn hu rilevanti, mingħand l-Istat tal-kosta, biex jittrażborda fuq il-baħar;

(c) jivverifikaw u jirreġistraw il-kwantità totali tal-qabda abbord skont l-ispeċi u, jekk ikun possibbli, skont l-istokk, u l-kwantitajiet li ser jiġu ttrażbordati għal fuq il-bastiment tal-ġarr;

(d) jivverifikaw li s-sistema ta' monitoraġġ tal-bastiment (VMS) tkun qed tiffunzjona u jeżaminaw il-ġurnal ta' abbord, u jekk ikun possibbli, jivverifikaw l-entrati li jkun fih;

(e) jivverifikaw jekk xi parti mill-qabda li jkun hemm abbord tkun ġiet permezz ta' trasferiment minn bastimenti oħrajn, u jivverifikaw id-dokumenti dwar dawn it-trasferimenti;

(f) jekk ikun hemm indikazzjoni li l-bastiment tas-sajd ikun għamel xi ksur, jirrappurtaw minnufih il-ksur lill-kaptan tal-bastiment tal-ġarr (filwaqt li joqogħdu attenti għas-sikurezza) u lill-kumpanija li tkun qed timplimenta l-programm ta' osservazzjoni, li minnufih għandhom jibagħtu din l-informazzjoni lill-awtoritajiet tal-PKK tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd; u

(g) jirreġistraw ir-riżultati ta' dawn il-kompiti fuq il-bastiment tas-sajd fir-rapport tal-osservatur.

5.2 Josservaw l-attivitajiet tal-bastiment tal-ġarr u:

(a) jirreġistraw l-attivitajiet ta' trażbordar li jitwettqu, u jagħmlu r-rapporti dwarhom;

(b) jivverifikaw il-pożizzjoni tal-bastiment waqt li dan ikun qed iwettaq l-attività tat-trażbordar;

(c) josservaw u jistmaw il-kwantitajiet ta' tonn u ta' speċijiet li jixbħu lit-tonn li jiġu ttrażbordati, skont l-ispeċi, jekk din tkun magħrufa, u, jekk ikun possibbli, skont l-istokk;

(d) josservaw u jistmaw il-kwantitajiet ta' speċijiet oħrajn li jkunu nqabdu mal-ispeċijiet tat-tonn u dawk li jixbhu lit-tonn, skont l-ispeċi, jekk din tkun magħrufa;

(e) jivverifikaw u jirreġistraw l-isem tal-LSPLV ikkonċernat u n-numru tiegħu fir-reġistru tal-ICCAT;

(f) jivverifikaw id-data fid-dikjarazzjoni tat-trażbord, inkluż permezz ta' qbil mal-ġurnal ta' abbord tal-LSPVL, jekk ikun possibbli;

(g) jiċċertifikaw id-data li tkun imniżżla fid-dikjarazzjoni tat-trażbord;

(h) jikkontrofirmaw id-dikjarazzjoni tat-trażbord; u

(i) josservaw u jistmaw il-kwantitajiet tal-prodotti skont l-ispeċi meta dawn jiġu żbarkati fil-port fejn ikun żbarka l-osservatur biex jivverifika l-konsistenza mal-kwantitajiet li jkun irċieva l-bastiment tal-ġarr waqt it-trażbordar fuq il-baħar.

5.3 Barra minn hekk, l-osservatur għandu:

(a) kuljum joħroġ rapport tal-attivitajiet ta' trażbordar tal-bastiment tal-ġarr;

(b) jikteb rapporti ġenerali fejn jikkompila l-informazzjoni li tkun inġabret skont il-kompiti tal-osservatur u joffri l-opportunità lill-kaptan biex idaħħal fihom kwalunkwe informazzjoni rilevanti;

(c) jippreżenta dawn ir-rapport ġenerali msemmija fil-punt (b) lis-Segretarjat tal-ICCAT fi żmien 20 jum mit-tmiem tal-perijodu tal-osservazzjoni;

(d) jeżerċita kwalunkwe funzjoni oħra ddefinita mill-ICCAT.

6. L-osservaturi għandhom jittrattaw l-informazzjoni kollha dwar l-operazzjonijiet tas-sajd tal-LSPLV u tal-proprjetarji tal-LSPLV bħala kunfidenzjali u jaċċettaw dan ir-rekwiżit bil-miktub bħala kundizzjoni tal-ħatra tagħhom bħala osservaturi.

7. L-osservaturi għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fil-liġijiet u fir-regolamenti tal-Istat Membru tal-bandiera, u fejn ikun rilevanti, tal-Istat tal-kosta, li jkollu l-ġuriżdizzjoni fuq il-bastiment li jkun assenjat għalih l-osservatur.

8. L-osservaturi għandhom jirrispettaw il-ġerarkija u r-regoli ġenerali tal-imġiba li japplikaw għall-membri tal-ekwipaġġ kollu, buil-kundizzjoni li dawn ir-regoli ma jostakolawx il-kompiti tal-osservatur f'dan il-programm u l-obbligi tal-persunal tal-bastiment stabbiliti fil-punt 9.

Responsabbiltajiet tal-Istati tal-bandiera tal-bastimenti tal-ġarr

9. Il-kundizzjonijiet assoċjati mal-implimentazzjoni tal-programm ta' osservazzjoni reġjonali fir-rigward tal-Istati Membri tal-bastimenti tal-ġarr u l-kaptani tagħhom jinkludu, b'mod partikolari, dawn li ġejjin:

(a) L-osservaturi għandhom jingħataw aċċess għall-ekwipaġġ, għad-dokumentazzjoni pertinenti, u għall-irkaptu u t-tagħmir.

(b) Jekk jitolbu dan, l-osservaturi għandhom jingħataw aċċess ukoll għat-tagħmir elenkat hawn taħt, jekk dan ikun fuq il-bastimenti li jkunu assenjati għalihom, biex jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-kompiti tagħhom stabbiliti fil-punt 5:

(i) tagħmir ta' navigazzjoni bis-satellita;

(ii) l-iskrins li juru r-radars meta dawn ikunu qed jintużaw;

(iii) il-mezzi ta' komunikazzjoni elettronika; u

(iv) il-miżien li jintuża biex jintiżen il-prodott trażbordat.

(c) L-osservaturi għandhom jiġu pprovduti bl-akkomodazzjoni, inkluż fejn joqgħodu, ikel u faċilitajiet sanitarji xierqa, daqs dawk tal-uffiċjali.

(d) L-osservaturi għandhom jingħataw post komdu fuq il-briġġ jew fil-kamra tat-tmunier biex jagħmlu x-xogħol klerikali, u spazju adegwat fuq il-gverta fejn ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom ta' osservaturi.

(e) L-osservaturi għandhom jingħataw l-opportunità li jiddeċiedu huma liema huma l-aħjar post u l-aħjar metodu biex isegwu l-operazzjonijiet tat-trażbordar u biex jistmaw l-ispeċijiet/l-istokkijiet u l-kwantitajiet ittrażbordati. F'dan ir-rigward, il-kaptan tal-bastiment tal-ġarr, filwaqt li joqgħod attent għal kwistjonijiet ta' sikurezza u għal kwistjonijiet prattiċi, għandu jissodisfa l-ħtiġijiet tal-osservaturi, u dan jinkludi li jekk l-osservatur jitlob hekk, ipoġġi l-prodott temporanjament fuq il-gverta tal-bastiment tal-ġarr biex l-osservaturi jkunu jistgħu jeżaminawh, u jagħti biżżejjed ħin lill-osservaturi biex iwettqu l-kompiti tagħhom. L-osservazzjonijiet għandhom jitwettqu b'mod li jnaqqas kemm jista' jkun l-interferenza u jevita kompromess fuq il-kwalità tal-prodotti ttrażbordati.

(f) Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-punt 10, il-kaptan tal-bastiment tal-ġarr għandu jiżgura li l-osservatur jingħata l-għajnuna kollha li jkollu bżonn biex ikollu trasport sikur bejn il-bastimenti tal-ġarr u tas-sajd sakemm jippermettu l-kundizzjonijiet tat-temp u kundizzjonijiet oħra. u

(g) L-Istati Membri tal-bandiera għandhom jiżguraw li l-kaptani, l-ekwipaġġ u l-proprjetarji tal-bastimenti ma jostakolawx, ma jintimidawx, ma jindaħlux, ma jinfluwenzawx u ma jxaħħmux jew lanqas jippruvaw ixaħħmu lill-osservaturi waqt it-twettiq ta' xogħlhom.

Responsabbiltajiet tal-LSPLV waqt it-trażbordi

10. L-osservaturi għandhom jitħallew iżuru l-bastiment tas-sajd, jekk jippermettu l-kundizzjonijiet tat-temp u kundizzjonijiet oħrajn, u għandhom jingħataw aċċess għall-persunal, għad-dokumentazzjoni pertinenti kollha, u għaż-żoni kollha fuq il-bastiment, li jkunu meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom stabbiliti fil-punt 5. Il-kaptan tal-bastiment tas-sajd għandu jiżgura li l-osservatur jingħata l-għajnuna kollha li jkollu bżonn biex ikollu trasport sikur bejn il-bastimenti tal-ġarr u tas-sajd. Jekk ikun hemm kundizzjonijiet li jikkawżaw riskju inaċċettabbli għas-sikurezza tal-osservatur li jipprevjenu li żjara fuq l-LSPLV tkun tista' ssir qabel ma jinbdew l-operazzjonijiet tat-trażbordar, dawn l-operazzjonijiet xorta waħda jistgħu jsiru.

Miżati tal-osservaturi

11. L-ispejjeż għall-implimentazzjoni ta' dan il-programm għandhom jitħallsu mill-PKK tal-bandiera tal-LSPLV li jkunu jridu jwettqu operazzjonijiet ta' trażbordar. Il-miżata għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-ispejjeż totali tal-programm. Dik il-miżata għandha titħallas f'kont speċjali tas-Segretarjat tal-ICCAT u dan tal-aħħar għandu jamministra l-kont għall-implimentazzjoni tal-programm.

12. Kif meħtieġ skont il-punt 11, sakemm ma jkunux tħallsu l-miżati fir-rigward tiegħu, l-ebda LSPLV ma jista' jieħu sehem fil-programm tat-trażbord fuq il-baħar.



( 1 ) Numru ta' proċedura 2015/0289 (COD), għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

( 2 ) Numru ta' proċedura 2015/0289 (COD), għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

( 3 ) Numru ta' proċedura 2015/0289 (COD), għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

( 4 ) Ir-Regolament (UE) 2017/1004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta' qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 (ĠU L 157, 20.6.2017, p. 1).

( 5 ) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1251 tat-12 ta' Lulju 2016 li tadotta programm multiannwali tal-Unjoni għall-ġbir, għall-ġestjoni u għall-użu ta' dejta fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakoltura għall-perjodu 2017-2019 (ĠU L 207, 1.8.2016, p. 113).

( 6 ) Numru ta' proċedura 2015/0289 (COD), għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

( 7 ) Numru ta' proċedura 2015/0289 (COD), għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

( *1 ) Ir-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi l-miżuri ta' ġestjoni, ta' konservazzjoni u ta' kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1936/2001, (KE) Nru 1984/2003 u (KE) Nru 520/2007 (ĠU L 315, 30.11.2017, p. 1).”.

Top