Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02017R2063-20180625

Consolidated text: Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2063 tat- 13 ta' Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2063/2018-06-25

02017R2063 — MT — 25.06.2018 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2017/2063

tat-13 ta' Novembru 2017

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela

(ĠU L 295 14.11.2017, p. 21)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/88 tat-22 ta' Jannar 2018

  L 16I

6

22.1.2018

►M2

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/899 tal-25 ta' Ġunju 2018

  L 160I

5

25.6.2018




▼B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2017/2063

tat-13 ta' Novembru 2017

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela



Artikolu 1

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin.

(a) “pretensjoni” tfisser kwalunkwe pretensjoni, kemm jekk asserita permezz ta' proċedimenti legali kif ukoll jekk le, magħmula qabel, fi jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b'rabta magħhom, u b'mod partikolari tinkludi:

(i) pretensjoni għall-prestazzjoni ta' kull obbligu li jirriżulta skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b'rabta magħhom;

(ii) pretensjoni għall-proroga jew għall-ħlas ta' bond, garanzija finanzjarja jew indennizz ta' kwalunkwe forma;

(iii) pretensjoni għall-kumpens fir-rigward ta' kuntratt jew tranżazzjoni;

(iv) kontropretensjoni;

(v) pretensjoni għar-rikonoxximent jew l-infurzar, inkluż permezz tal-proċedura ta' exequatur, ta' sentenza, deċiżjoni arbitrali jew deċiżjoni ekwivalenti, kull fejn issir jew tingħata;

(b) “kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni irrispettivament mill-forma u irrispettivament mil-liġi applikabbli, kemm jekk tikkonsisti f'kuntratt wieħed jew aktar jew f'obbligi simili magħmula bejn l-istess partijiet jew bejn partijiet differenti; għal dan l-iskop, “kuntratt” tinkludi bond, garanzija jew indennità, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, u kreditu, kemm jekk legalment indipendenti kif ukoll jekk le, kif ukoll kwalunkwe dispożizzjoni relatata li tirriżulta mit-tranżazzjoni jew b'konnessjoni magħha;

(c) “awtoritajiet kompetenti” tirriferi għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness III;

(d) “riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta' kull tip, tanġibbli jew intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi, iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, prodotti jew servizzi;

(e) “iffriżar ta' riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta' riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta' fondi, prodotti jew servizzi b'kull mod, inkluż, iżda mhux limitat għall-bejgħ, il-kiri jew l-użu tagħhom bħala ipoteka;

(f) “iffriżar ta' fondi” tfisser il-prevenzjoni ta' kull moviment, trasferiment, alterazzjoni jew użu ta', aċċess għal, jew in-negozjar b'fondi b'kull mod li jirriżulta f'xi tibdil fil-volum, l-ammont, il-post, is-sjieda, il-pussess, in-natura jew id-destinazzjoni tagħhom jew kull tibdil ieħor li jippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż il-ġestjoni ta' portafolli;

(g) “fondi” tfisser assi u benefiċċji finanzjarji ta' kull xorta, li jinkludu, iżda li mhumiex limitati għal, dan li ġej:

(i) flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, kambjali, money orders u strumenti oħra ta' pagament;

(ii) depożiti ma' istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, dejn u obbligi ta' dejn;

(iii) titoli u strumenti ta' dejn innegozjati pubblikament u privatament, inklużi stokks u ishma, ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, warrants, obbligazzjonijiet u kuntratti derivati;

(iv) imgħax, dividendi jew introjtu ieħor minn assi jew il-valur provenjenti jew iġġenerat minnhom;

(v) kreditu, dritt ta' tpaċija, garanziji, garanziji ta' eżekuzzjoni jew impenji finanzjarji oħra;

(vi) ittri ta' kreditu, poloz ta' kargu, poloz ta' bejgħ; kif ukoll

(vii) dokumenti li jagħtu prova ta' interess f'fondi jew f'riżorsi finanzjarji;

(h) “assistenza teknika” tfisser kull appoġġ tekniku relatat ma ' tiswijiet, żvilupp, manifattura, muntaġġ, ittestjar, manutenzjoni jew kwalunkwe servizz tekniku ieħor, u tista' tieħu forom bħal istruzzjoni, pariri, taħriġ, trażmissjoni ta ' tagħrif jew ħiliet prattikċi jew servizzi ta' konsulenza, inkluż forom verbali ta' assistenza;

(i) “servizzi ta' senserija” tfisser:

(i) in-negozjar jew l-arranġament ta' tranżazzjonijiet għax-xiri, il-bejgħ jew il-forniment ta' prodotti u teknoloġija jew servizzi finanzjarji u tekniċi minn pajjiż terz lil xi pajjiż terz ieħor, jew

(ii) il-bejgħ jew ix-xiri ta' prodotti u teknoloġija jew servizzi finanzjarji u tekniċi li jkunu jinsabu f'pajjiż terz għat-trasferiment tagħhom lejn pajjiż terz ieħor;

(j) “territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, skont il-kundizzjonijiet stipulati fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom;

Artikolu 2

1.  Għandu jkun ipprojbit:

(a) li jingħataw, direttament jew indirettament, assistenza teknika, servizzi ta' senserija u servizzi oħra relatati mal-prodotti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Komuni tal-UE ta' Tagħmir Militari (“il-Lista Militari Komuni”) u mal-provvista, manufattura, manutenzjoni u użu ta' prodotti u teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela;

(b) li jingħataw, direttament jew indirettament, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-prodotti u teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, għal kull bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' tali oġġetti, jew għall-provvista ta' assistenza teknika, servizzi ta' senserija u servizzi oħra relatati, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela.

2.  Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għall-eżekuzzjoni ta' kuntratti konklużi qabel it-13 ta' Novembru 2017 jew għal kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratti, sakemm dawn ikunu konformi mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK ( 1 ), b'mod partikolari mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2 tagħha, u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jfittxu jwettqu l-kuntratt ikunu nnotifikaw il-kuntratt lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti fi żmien 5 ġranet ta' xogħol mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Għandu jkun ipprojbit:

(a) il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta' tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, kemm jekk joriġina fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela;

(b) li tingħata assistenza teknika u servizzi ta' senerija u servizzi oħrajn relatati mat-tagħmir imsemmi fil-punt (a), direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela;

(c) li jingħataw finanzjament jew assistenza finanzjarja, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, relatati mat-tagħmir imsemmi fil-punt (a), direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela.

Artikolu 4

1.  B'deroga mill-Artikoli 2 and 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif elenkati fl-Anness III jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kundizzjonijiet li jqisu xierqa:

(a) il-provvista ta' finanzjament u assistenza finanzjarja u assistenza teknika relatata ma':

(i) tagħmir militari mhux letali maħsub biss għall-użu umanitarju jew protettiv, jew għal programmi ta' bini ta' istituzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew ta' organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali;

(ii) materjal maħsub għal operazzjonijiet tan-NU u tal-Unjoni ta' maniġġar tal-kriżijiet jew għal organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali;

(b) il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna u finanzjament u assistenza finanzjarja u teknika assoċjati, maħsuba biss għall-użu umanitarju jew protettiv jew għal programmi ta' bini ta' istituzzjonijiet tan-NU jew tal-Unjoni, jew għal operazzjonijiet tan-NU u tal-Unjoni ta' maniġġar tal-kriżijiet jew għal organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali;

(c) il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir għat-tneħħija ta' mini u materjal għall-użu f'operazzjonijiet tat-tneħħija ta' mini u finanzjament u assistenza finanzjarja u teknika assoċjati.

2.  L-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jingħataw biss qabel l-attività li jkunu ntalbu għaliha.

Artikolu 5

L-Artikoli 2 u 3 ma għandhomx japplikawx għal ilbies protettiv, inklużi ġkieket rinforzati u elmi militari, temporanjament esportati lejn il-Venezwela mill-persunal tan-NU, il-persunal tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, rappreżentanti tal-midja, u ħaddiema umanitarji u fl-iżvilupp u l-persunal assoċjat għall-użu personali tagħhom biss.

Artikolu 6

1.  Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta' tagħmir, teknoloġija jew software identifikati fl-Anness II, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kemm jekk le, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Venezwela jew għall-użu fil-Venezwela, sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti, kif identifikata fuq is-siti web elenkati fl-Anness III, ma tkunx tat awtorizzazzjoni minn qabel.

2.  L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness III, ma għandhomx jagħtu awtorizzazzjoni taħt il-paragrafu 1 jekk dawn ikollhom raġunijiet validi biex jiddeterminaw li t-tagħmir, it-teknoloġija jew is-software inkwistjoni jkunu jintużaw għar-repressjoni interna mill-gvern, il-korpi pubbliċi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji tal-Venezwela jew kwalunkwe persuna jew entità li topera jew f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom.

3.  L-Anness II għandu jinkludi tagħmir, teknoloġija jew software maħsubin primarjament għall-użu fil-monitoraġġ jew l-interċettazzjoni tal-komunikazzjonijiet bl-internet jew bit-telefon.

4.  L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu, fi żmien erba' ġimgħat mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 7

1.  Sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti, kif identifikata fuq is-siti web elenkati fl-Anness III, ma tkunx tat awtorizzazzjoni minn qabelskont l-Artikolu 6(2), għandu jkun ipprojbit:

(a) il-forniment, direttament jew indirettament, ta' għajnuna teknika jew servizzi ta' senserija relatati mat-tagħmir, it-teknoloġija jew is-software identifikati fl-Anness II, jew relatati mal-istallazzjoni, il-provvista, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu tat-tagħmir u t-teknoloġija identifikati fl-Anness II jew mal-provvista, l-installazzjoni, l-operat jew l-aġġornar ta' kull software identifikat fl-Anness II, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Venezwela jew għall-użu fil-Venezwela;

(b) il-forniment, direttament jew indirettament, ta' finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mat-tagħmir, it-teknoloġija u s-software identifikati fl-Anness II lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Venezwela jew għall-użu fil-Venezwela;

(c) il-fornuiment ta' kwalunkwe servizzi ta' monitoraġġ jew ta' interċettazzjoni tat-telekomunikazzjoni jew tal-internet ta' kwalunkwe tip lil, jew għall-benefiċċju dirett jew indirett tal-gvern, il-korpi pubbliċi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji tal-Venezwela, jew ta' kwalunkwe persuna jew entità li joperaw f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom.

2.  Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1, “servizzi ta' monitoraġġ jew ta' interċettazzjoni tat-telekomunikazzjoni jew tal-internet” tfisser dawk is-servizzi li jipprovdu, b'mod partikolari bl-użu ta' tagħmir, teknoloġija jew software kif identifikat fl-Anness II, aċċess għal u twassil tad-data assoċjata ma' telekomunikazzjonijiet jew telefonati deħlin jew ħerġin għall-finijiet tal-estrazzjoni, id-dekodifikar, ir-reġistrar, l-ipproċessar, l-analiżi jew il-ħżin tagħha, jew kwalunkwe attività relatata oħra.

Artikolu 8

1.  Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu jew li huma l-proprjetà ta', jew li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta' xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Annessi IV u V għandhom jiġu ffriżati.

2.  L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha ssir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Annessi IV u V.

3.  L-Anness IV għandu jinkludi:

(a) persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi responsabbli għal vjolazzjonijiet jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem jew għal ripressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela;

(b) persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-azzjonijiet, il-politiki jew l-attivitajiet tagħhom b'xi mod ieħor jimminaw id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Venezwela.

4.  L-Anness V għandu jinkludi l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi assoċjati mal-persuni u entitajiet imsemmija fil-paragrafu 3.

5.  L-Annessi IV u V għandhom jinkludu r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi kkonċernati.

6.  L-Annessi IV u V għandhom jinkludu wkoll, fejn disponibbli, informazzjoni neċessarja għall-identifikazzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward ta' persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, inklużi l-psewdonimi, id-data u l-post ta' twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaporti u tal-karti tal-identità, is-sess, l-indirizz jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi entitajiet u korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 9

1.  B'deroga mill-Artikolu 8, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness III, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew id-disponibbiltà ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, bil-kundizzjonijiet li jqisu li jkunu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu:

(a) neċessarji biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi elenkati fl-Anness IV jew V, u tal-familjari dipendenti ta' dawn il-persuni fiżiċi, inklużi pagamenti għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteki, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni u spejjeż ta' servizzi pubbliċi;

(b) maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż ta' spejjeż marbutin mal-għoti ta' servizzi legali;

(c) maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi jew imposti għal servizzi ta' kustodja jew ġestjoni normali ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d) neċessarji għal spejjeż straordinarji, sakemm l-awtorità kompetenti relevanti tkun innotifikat ir-raġunijiet għaliex hi kkunsidrat li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mill-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(e) se jitħallsu f'kont jew minn kont ta' missjoni diplomatika jew konsulari jew ta' organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi minn immunitajiet f'konformità mad-dritt internazzjonali, sakemm tali pagamenti jkunu maħsuba għall-iskopijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

2.  L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.

Artikolu 10

1.  B'deroga mill-Artikolu 8, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness III, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma soġġetti għal deċiżjoni arbitrarja li tkun ittieħdet qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fl-Artikolu 8 ġew inklużi fl-Anness IV jew V, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva fl-Unjoni, jew għal deċiżjoni ġudizzjarja eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel, fi jew wara dik id-data;

(b) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi se jintużaw esklużivament sabiex jiġu ssodisfati l-pretensjonijiet iggarantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c) id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness IV jew V; u

(d) ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

2.  L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.

Artikolu 11

1.  B'deroga mill-Artikolu 8 u bil-kundizzjoni li pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness IV jew V jkun dovut skont kuntratt jew ftehim li ġie konkluż, jew skont obbligu li rriżulta għall-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat, sa minn qabel id-data ta' meta dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp iddaħħlu fl-Anness IV jew V, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu adattati, ir-rilaxx ta' ċerti fondi ffriżati jew ta' riżorsi ekonomiċi, dejjem jekk l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li:

(a) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi għandhom jintużaw għal pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness IV jew V;

(b) il-pagament ma jiksirx l-Artikolu 8(2).

2.  L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 1 fi żmien erba' ġimgħat mill-awtorizzazzjoni.

3.  L-Artikolu 8(2) ma għandux jipprevjeni l-ikkreditar ta' kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta' kreditu li jirċievu fondi ttrasferiti minn partijiet terzi fil-kont ta' persuna fiżika jew ġuridika, ta' entità jew ta' korp elenkati, bil-kundizzjoni li kull żieda f'dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu għandha tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti b'kull tali tranżazzjoni, mingħajr dewmien.

4.  Sakemm kull imgħax, qligħ u pagamenti oħra jiġu ffriżati f'konformità mal-Artikolu 8, l-Artikolu 8(2) ma għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta':

(a) imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b) pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmijin fl-Artikolu 8 jkunu ġew inklużi fl-Anness IV jew V; jew

(c) pagamenti dovuti skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali meħuda fi Stat Membru jew infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 12

1.  Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a) ifornu minnufih kull informazzjoni li tiffaċilita l-osservanza ta' dan ir-Regolament, bħall-informazzjoni fuq kontijiet u l-ammonti ffriżati f'konformità mal-Artikolu 8, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, u għandhom jittrażmettu din l-informazzjoni, direttament jew permezz tal-Istat Membru, lill-Kummissjoni; u

(b) jikkooperaw mal-awtorità kompetenti f'kull verifika tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a).

2.  Kull informazzjoni addizzjonali li l-Kummissjoni tirċievi direttament għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

3.  Kull informazzjoni pprovduta jew li tasal skont dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-għanijiet li għalihom tkun ngħatat jew waslet.

Artikolu 13

1.  L-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi jew iċ-ċaħda li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, imwettaq in bona fide abbażi tal-fatt li tali azzjoni tkun konformi ma' dan ir-Regolament, ma għandu joħloq responsabbiltà tal-ebda tip min-naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawh, jew tad-diretturi jew l-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma b'riżultat ta' negliġenza.

2.  Azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma għandhom joħolqu l-ebda tip ta' responsabbiltà min-naħa tagħhom jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonata, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jevitaw il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament.

Artikolu 15

1.  Ebda pretensjoni b'konnessjoni ma' xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn il-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kull pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kull forma, ma għandha tiġi ssodisfata, jekk din issir minn:

(a) persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati, elenkati fl-Annessi IV u V;

(b) kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li taġixxi permezz ta' waħda mill-persuni, entitajiet jew korpi imsemmija fil-punt (a) jew f'isimhom.

2.  F'kull proċediment għall-eżekuzzjoni ta' pretensjoni, l-obbligu ta' prova li l-issodisfar tal-pretensjoni mhux ipprojbit bil-paragrafu 1, għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed ifittxu l-eżekuzzjoni ta' dik il-pretensjoni.

3.  Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tan-nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' obbligi kuntrattwali f'konformità ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 16

1.  Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin bil-miżuri li jkunu ttieħdu skont dan ir-Regolament u jikkondividu kull informazzjoni oħra rilevanti għad-dispożizzjoni tagħhom b'rabta ma' dan ir-Regolament, partikolarment informazzjoni li tirrigwarda:

(a) fondi ffriżati skont l-Artikolu 8 u awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikoli 9 sa 11;

(b) problemi ta' ksur u eżekuzzjoni u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

2.  L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni b'kull informazzjoni rilevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom li jista' jkollha impatt fuq l-implimentazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 17

1.  Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissottoponi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 8, hu għandu jemenda l-Anness IV jew V skont il-każ.

2.  Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista, lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp msemmijin fil-paragrafu 1, direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, sakemm tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.  Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrivedi d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp skont il-każ.

4.  Il-lista li tinsab fl-Annessi IV u V għandha tiġi riveduta f'intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar.

5.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda l-Anness III abbażi ta' informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.

Artikolu 18

1.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penalii applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dawn ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti.

Artikolu 19

1.  L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw l-awtoritajiet kompetenti msemmija f'dan ir-Regolament u jidentifikawhom fuq is-siti web elenkati fl-Anness III. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-bidliet kollha fl-indirizzi tas-siti web tagħhom elenkati fl-Anness III.

2.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta' kuntatt ta' dawk l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kull emenda sussegwenti.

3.  Fejn dan ir-Regolament jistipula obbligu li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata jew infurmata, jew li ssir xi komunikazzjoni magħha b'xi mod ieħor, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li għandhom jintużaw għal din il-komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness III.

Artikolu 20

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a) fit-territorju tal-Unjoni, inkluż fl-ispazju tal-ajru tagħha;

(b) abbord kull inġenju tal-ajru jew kull bastiment taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru;

(c) għal kull persuna fit-territorju tal-Unjoni jew barra minnu li tkun ċittadina ta' Stat Membru;

(d) għal kull persuna ġuridika, entità jew korp ġuridiku, fit-territorju tal-Unjoni jew barra minnu, li jkunu inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru;

(e) għal kull persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta' kwalunkwe kummerċ li jkun sar, interament jew parzjalment, fl-Unjoni.

Artikolu 21

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

Lista ta' tagħmir li jista' jkun jintuża għar-repressjoni interna kif imsemmi fl-Artikolu 3

1. Armi tan-nar, munizzjon u aċċessorji relatati magħhom, kif ġej:

1.1. Armi tan-nar mhux ikkontrollati mil-LM 1 u l-LM 2 tal-Lista Militari Komuni;

1.2. Munizzjon iddisinjat speċifikament għall-armi tan-nar elenkati fil-punt 1.1 u komponenti ddisinjati speċifikament għalihom;

1.3. Miri tal-armi mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni.

2. Bombi u granati mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni.

3. Vetturi kif ġej:

3.1. Vetturi mgħammra b'kanun tal-ilma, speċifikament iddisinjati jew immodifikati għall-fini tal-kontroll tal-irvellijiet;

3.2. Vetturi ddisinjati jew immodifikati speċifikament biex ikunu elettrifikati biex jimbuttaw lill-attakkanti;

3.3. Vetturi ddisinjati jew immodifikati speċifikament biex ineħħu barrikati, inkluż tagħmir għall-kostruzzjoni bi protezzjoni ballistika;

3.4. Vetturi ddisinjati speċifikament għat-trasport jew it-trasferiment ta' priġunieri u/jew detenuti;

3.5. Vetturi ddisinjati speċifikament għall-iskjerament tal-barrikati mobbli;

3.6. Komponenti għall-vetturi speċifikati fil-punti 3.1 sa 3.5 mfassla speċifikament għall-finijiet ta' kontroll tal-irvellijiet.

Nota 1 Din l-entrata ma tkoprix il-vetturi ddisinjati apposta għall-finijiet ta' tifi tan-nar.

Nota 2 Għall-finijiet tal-entrata 3.5, it-terminu “vetturi” jinkludi l-karrijiet.

4. Sustanzi splussivi u tagħmir relatat kif ġej:

4.1. Tagħmir u strumenti ddisinjati speċifikament biex jagħtu bidu għall-isplużjonijiet b'mezzi elettriċi jew mhux elettriċi, inkluż settijiet tat-tqabbid, detonaturi, tagħmir li jqabbad, busters u korda tad-detonaturi, u komponenti ddisinjati b'mod speċjali għal dak l-iskop; minbarra dawk iddisinjati speċifikament għal użu kummerċjali speċifiku li jikkonsistu fl-attwazzjoni jew l-operar b'mezzi splussivi ta' tagħmir jew tagħmir ieħor li l-funzjoni tagħhom mhijiex il-ħolqien ta' splużjonijiet (pereżempju, neffieħa tal-airbags tal-karozzi, tagħmir li jipprevjeni ż-żieda f'daqqa tal-elettriku ta' attwaturi ta' bexxiexa għat-tifi tan-nar);

4.2. Kargi splussivi ta' qtugħ lineari mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni;

4.3. Splussivi oħra mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni u sustanzi relatati kif ġej:

(a) amatol;

(b) nitroċelluloża (li fiha aktar minn 12,5 % nitroġenu);

(c) nitroglikol;

(d) tetranitrat tal-penteritritol (PETN);

(e) klorur tal-pikril;

(f) 2,4,6-trinitrutoluwen (TNT).

5. Tagħmir protettiv mhux ikkontrollat mil-LM 13 tal-Lista Militari Komuni kif ġej:

5.1. Korazza kontra l-balal li tipprovdi protezzjoni ballistika u/jew kontra ferimenti b'arma bil-ponta jew sikkina;

5.2. Elmi li jipprovdu protezzjoni ballistika u/jew frammentarja, elmi għal kontra l-irvellijiet, tarki għal kontra l-irvellijiet u tarki ballistiċi.

Nota: Din l-entrata ma tikkontrollax:

 tagħmir iddisinjat speċifikament għal attivitajiet sportivi;

 tagħmir iddisinjat speċifikament sabiex jissodisfa rekwiżiti ta' sikurezza okkupazzjonali.

6. Simulaturi, minbarra dawk ikkontrollati mil-LM 14 tal-Lista Militari Komuni, għal taħriġ fl-użu ta' armi tan-nar, u software iddisinjat speċifikament għalihom.

7. Tagħmir ta' viżjoni fid-dlam, tagħmir għal immaġnijiet termiċi u tubi tal-intensifikazzjoni tal-immaġni, minbarra dawk ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni.

8. Fildiferru mxewwek (barbed wire) bix-xfafar.

9. Skieken militari, skieken tal-ġlied u bajunetti b'xafra itwal minn 10 cm

10. Tagħmir ta' produzzjoni ddisinjat speċifikament għall-oġġetti speċifikati f'din il-lista.

11. Teknoloġija speċifika għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew l-użu tal-oġġetti speċifikati f'din il-lista.




ANNESS II

It-tagħmir, it-teknoloġija u s-software imsemmijin fl-Artikoli 6 u 7

Nota ġenerali

Minkejja l-kontenut ta' dan l-Anness, huwa ma għandux japplika għal:

(a) tagħmir, teknoloġija jew software li huma speċifikati fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 428/2009 ( 2 ) jew il-Lista Militari Komuni; jew

(b) software li huwa mfassal għall-installazzjoni mill-utent mingħajr aktar appoġġ sostanzjali mill-fornitur u li huwa ġeneralment disponibbli għall-pubbliku billi jinbiegħ mill-ħwienet, mingħajr restrizzjoni, permezz ta':

(i) tranżazzjonijiet fil-ħanut;

(ii) tranżazzjonijiet permezz ta' bejgħ bil-korrispondenza;

(iii) tranżazzjonijiet elettroniċi; jew

(iv) tranżazzjonijiet permezz ta' ordnijiet bit-telefon; jew

(c) software li huwa fid-dominju pubbliku.

Il-kategoriji A, B, C, D u E jirreferu għall-kategoriji li jirriferi għalihom ir-Regolament (KE) Nru 428/2009.

It-tagħmir, teknoloġija u software imsemmija fl-Artikoli 6 u 7 huwa:

A. Lista ta' tagħmir

 Tagħmir għall-ispezzjoni approfondita tal-pakketti

 Tagħmir ta' Interċettar ta' Netwerk li jinkludi Tagħmir ta' Ġestjoni tal-Interċettar (IMS) u tagħmir ta' Data Retention Link Intelligence

 Tagħmir ta' monitoraġġ tal-Frekwenzi tar-Radju

 Tagħmir ta' disturbazzjoni ta' Netwerks u Satelliti

 Tagħmir ta' Infettar Telekomandat

 Tagħmir ta' għarfien/ipproċessar tal-kelliem

 Tagħmir ta' interċettar u sorveljanza IMSI ( 3 ), MSIDN ( 4 ), IMEI ( 5 ), TMSI ( 6 )

 Tagħmir tattiku ta' interċettar u sorveljanza SMS ( 7 ) /GSM ( 8 ) /GPS ( 9 ) / GPRS ( 10 ) /UMTS ( 11 ) /CDMA ( 12 ) /PSTN ( 13 )

 Tagħmir ta' interċettar u sorveljanza tal-informazzjoni DHCP ( 14 ), SMTP ( 15 ), GTP ( 16 )

 Tagħmir ta' għarfien ta' xejriet u klassifikazzjoni ta' xejriet

 Tagħmir forensiku li jaħdem mill-bogħod

 Tagħmir ta' mutur għall-ipproċessar semantiku (semantic processing engine)

 Tagħmir ta' kriptanaliżi WEP u WPA

 Tagħmir ta' interċettar għall-protokolli proprjetarji u standard tal-VoIP

B. Mhux użati

C. Mhux użati

D. “Software” għall-“iżvilupp”, il-“produzzjoni” jew l-“użu” tat-tagħmir speċifikat f'A hawn fuq.

E. “Teknoloġija” għall-“iżvilupp”, “il-produzzjoni” jew l“użu” tat-tagħmir speċifikat f'A hawn fuq.

Tagħmir, teknoloġija u software li jaqgħu f'dawn il-kategoriji huma fl-ambitu ta' dan l-Anness biss sal-punt li jaqgħu taħt id-deskrizzjoni ġenerali “sistemi ta' interċettar u sorveljanza tal-komunikazzjonijiet bl-internet, bit-telefon u bis-satellita”.

Għall-fini ta' dan l-Anness, is-“sorveljanza” tfisser l-akkwist, l-estrazzjoni, id-dekodifikar, ir-reġistrar, l-ipproċessar, l-analiżi u l-arkivjar tal-kontenut tat-telefonati jew id-dejta tan-netwerk.




ANNESS III

Siti web b'informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni

IL-BELĠJU

https://diplomatie.belgium.be/nl/Beleid/beleidsthemas/vrede_en_veiligheid/sancties

https://diplomatie.belgium.be/fr/politique/themes_politiques/paix_et_securite/sanctions

https://diplomatie.belgium.be/en/policy/policy_areas/peace_and_security/sanctions

IL-BULGARIJA

http://www.mfa.bg/en/pages/135/index.html

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

www.financnianalytickyurad.cz/mezinarodni-sankce.html

ID-DANIMARKA

http://um.dk/da/Udenrigspolitik/folkeretten/sanktioner/

IL-ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/DE/Themen/Aussenwirtschaft/aussenwirtschaftsrecht,did=404888.html

L-ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

L-IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

IL-GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

SPANJA

http://www.exteriores.gob.es/Portal/en/PoliticaExteriorCooperacion/GlobalizacionOportunidadesRiesgos/Paginas/SancionesInternacionales.aspx

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/fr/autorites-sanctions/

IL-KROAZJA

http://www.mvep.hr/sankcije

L-ITALJA

http://www.esteri.it/MAE/IT/Politica_Europea/Deroghe.htm

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/sanctions

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

IL-LUSSEMBURGU

http://www.mae.lu/sanctions

L-UNGERIJA

http://www.kormany.hu/download/9/2a/f0000/EU%20szankci%C3%B3s%20t%C3%A1j%C3%A9koztat%C3%B3_20170214_final.pdf

MALTA

https://www.gov.mt/en/Government/Government%20of%20Malta/Ministries%20and%20Entities/Officially%20Appointed%20Bodies/Pages/Boards/Sanctions-Monitoring-Board-.aspx

IN-NETHERLANDS

https://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-sancties

L-AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

IL-POLONJA

http://www.msz.gov.pl

IL-PORTUGALL

http://www.portugal.gov.pt/pt/ministerios/mne/quero-saber-mais/sobre-o-ministerio/medidas-restritivas/medidas-restritivas.aspx

IR-RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/omejevalni_ukrepi

IS-SLOVAKKJA

https://www.mzv.sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

IL-FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

L-IŻVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

IR-RENJU UNIT

https://www.gov.uk/sanctions-embargoes-and-restrictions

Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

European Commission

Service for Foreign Policy Instruments (FPI)

EEAS 07/99

B-1049 Brussels, Belgium

Posta elettronika: relex-sanctions@ec.europa.eu




ANNESS IV

Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 8(3)

▼M1



 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

Néstor Luis Reverol Torres

Data tat-twelid: 28 ta' Ottubru 1964

Ministru għall-Intern, il-Ġustizzja u l-Paċi; ex Kmandant Ġenerali tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela, inkluża l-projbizzjoni u r-repressjoni ta' dimostrazzjonijiet politiċi.

22.1.2018

2.

Gustavo Enrique González López

Data tat-twelid: 2 ta' Novembru 1960

Kap tas-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence Bolivarjan (SEBIN). Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem (inklużi d-detenzjoni arbitrarja, trattament inuman u degradanti, u tortura) u r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela.

22.1.2018

3.

Tibisay Lucena Ramírez

Data tat-twelid: 26 ta' April 1959

President tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (Consejo Nacional Electoral – CNE). L-azzjonijiet u l-politiki tagħha dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż bil-faċilitazzjoni tat-twaqqif ta' Assemblea Kostitwenti billi naqset milli tiżgura li s-CNE jibqa' istituzzjoni imparzjali u indipendenti skont il-Kostituzzjoni tal-Venezwela.

22.1.2018

4.

Antonio José Benavides Torres

Data tat-twelid: 13 ta' Ġunju 1961

Kap tal-Gvern tad-Distrett Kapitali (Distrito Capital). Kmandant Ġenerali tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana sal-21 ta' Ġunju 2017. Involut fir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela, u responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana taħt il-kmand tiegħu. L-azzjonijiet u l-politiki tiegħu bħala Kmandant Ġenerali tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana, inkluż li l-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana tmexxi fis-sorveljanza ta' dimostrazzjonijiet ċivili u t-tħabrik pubbliku biex il-qrati militari jkollhom ġurisdizzjoni fuq il-persuni ċivili, dgħajfu l-istat tad-dritt fil-Venezwela.

22.1.2018

5.

Maikel José Moreno Pérez

Data tat-twelid: 12 ta' Diċembru 1965

President, u ex Viċi President, tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tal-Venezuela (Tribunal Supremo de Justicia). F'dawn ir-rwoli, huwa appoġġa u ffaċilita l-azzjonijiet u l-politiki tal-Gvern li dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, u huwa responsabbli għal azzjonijiet u dikjarazzjonijiet li użurpaw l-awtorità tal-Assemblea Nazzjonali.

22.1.2018

6.

Tarek William Saab Halabi

Data tat-twelid: 10 ta' Settembru 1963

Avukat Ġenerali tal-Venezwela maħtur mill-Assemblea Kostitwenti. F'dan ir-rwol u r-rwoli preċedenti bħala Ombudsman u President tal-Kunsill Morali Repubblikan, huwa dgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela billi pubblikament appoġġa azzjonijiet kontra avversarji tal-Gvern u l-irtirar ta' kompetenzi mill-Assemblea Nazzjonali.

22.1.2018

7.

Diosdado Cabello Rondón

Data tat-twelid: 15 ta' April 1963

Membru tal-Assemblea Kostitwenti u l-Ewwel Viċi President tal-Partit Soċjalista Magħqud tal-Venezwela (PSUV). Involut f'azzjonijiet li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż bl-użu tal-media biex jiġu attakkati u mhedda pubblikament l-oppożizzjoni politika, media oħra u s-soċjetà ċivili.

22.1.2018

▼M2

8.

Tareck Zaidan El-Aissami Maddah

Viċi President tal-Ekonomija u Ministru għall-Industrija u l-Produzzjoni Nazzjonali

Data tat-twelid: 12 ta' Novembru 1974

Viċi President tal-Ekonomija u Ministru għall-Industrija u l-Produzzjoni Nazzjonali. Bħala l-eks Viċi President tal-Venezwela b'sorveljanza tad-direzzjoni tas-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence Bolivarjan (SEBIN), Maddah huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-organizzazzjoni, inkluż id-detenzjoni arbitrarja, l-investigazzjonijiet motivati politikament, it-trattament inuman u degradanti, u t-tortura. Huwa wkoll responsabbli għall-appoġġ u l-implimentazzjoni ta' politiki u attivitajiet li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt, inkluż il-projbizzjoni ta' dimostrazzjonijiet pubbliċi, u t-tmexxija tal-“kmand anti-coup” tal-President Maduro immirat lejn is-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika.

25.6.2018

9.

Sergio José Rivero Marcano

Spettur Ġeneral tal-Forzi Armati Nazzjonali Bolivarjana

Data tat-twelid: 8 ta' Novembru 1964

Kmandant Ġenerali tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana sas-16 ta' Jannar 2018. Involut fir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela, u responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana taħt il-kmand tiegħu, inkluż l-użu eċċessiv tal-forza, u d-detenzjoni arbitrarja u l-abbuż ta' membri tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni. L-azzjonijiet u l-politiki tiegħu bħala Kmandant Ġeneral tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana, inkluż l-assalt mill-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana ta' membri tal-Assemblea Nazzjonali eletta demokratikament u l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti li jirrappurtaw dwar l-elezzjonijiet frodulenti għall-Assemblea Kostitwenti li hija illeġittima, dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela.

25.6.2018

10.

Jesús Rafael Suárez Chourio

Kmandant Ġeneral tal-Armata Bolivarjana

Data tat-twelid: 19 ta' Lulju 1962

Kmandant Ġeneral tal-Armata Nazzjonali Bolivarjana tal-Venezwela u eks-Kmandant tar-Reġjun ta' Difiża Komprensiv tal-Venezwela taż-Żona Ċentrali (REDI Ċentrali). Responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem minn forzi taħt il-kmand tiegħu, inkluż l-użu eċċessiv tal-forza u l-maltrattament tad-detenuti. Huwa attakka l-oppożizzjoni demokratika u appoġġa l-użu ta' qrati militari biex jipproċessa dimostranti ċivili.

25.6.2018

11.

Iván Hernández Dala

Kap tad-Direttorat Ġenerali ta' Kontrospjunaġġ Militari

Data tat-twelid: 18 ta' Mejju 1966

Kap tad-Direttorat Ġenerali ta' Kontrospjunaġġ Militari (DGCIM) minn Jannar 2014 u Kap tal-Gwardja Presidenzjali minn Settembru 2015. Bħala l-Kap tad-DGCIM, Iván Hernández Dala huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika mwettqa minn membri tad-DGCIM taħt il-kmand tiegħu, inkluż l-użu eċċessiv tal-forza u l-maltrattament tad-detenuti.

25.6.2018

12.

Delcy Eloina Rodríguez Gómez

Viċi President tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela

Data tat-twelid: 18 ta' Mejju 1969

Viċi President tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, eks-President tal-Assemblea Kostitwenti illeġittima u eks-membru tal-Kummissjoni Presidenzjali għall- Assemblea Kostitwenti Nazzjonali illeġittima. L-azzjonijiet tagħha rigward il-Kummissjoni Presidenzjali u mbagħad bħala President tal-Assemblea Kostitwenti illeġittima mminaw id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż l-użurpazzjoni tas-setgħat tal-Assemblea Nazzjonali biex jintużaw kontra l-oppożizzjoni u biex dawn ma jitħallewx jieħdu sehem fil-proċess politiku.

25.6.2018

13.

Elías José Jaua Milano

Ministru tas-Setgħa Popolari għall-Edukazzjoni

Data tat-twelid: 16 ta' Diċembru 1969

Ministru tas-Setgħa Popolari għall-Edukazzjoni. Eks-President tal-Kummissjoni Presidenzjali għall-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali illeġittima. Responsabbli li dgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela permezz tar-rwol tiegħu li wassal biex tiġi stabbilita l-Assemblea Kostitwenti illeġittima.

25.6.2018

14.

Sandra Oblitas Ruzza

Viċi President tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali

Data tat-twelid: 7 ta' Ġunju 1969

Viċi President tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) u President tal-Kummissjoni tar-Reġistru Elettorali u Ċivili. Responsabbli għall-attivitajiet tas-CNE li mminaw id-demokrazija fil-Venezwela, inkluż l-iffaċilitar tal-istabbiliment tal-Assemblea Kostitwenti illeġittima u l-manipulazzjoni tal-proċess elettorali.

25.6.2018

15.

Freddy Alirio Bernal Rosales

Data tat-twelid: 16 ta' Ġunju 1962

Il-Kap taċ-Ċentru ta' Kontroll Nazzjonali tal-Kumitat għall-Provvista u l-Produzzjoni Lokali (CLAP) u l-Kummissarju Ġenerali ta' SEBIN. Responsabbli li dgħajjef id-demokrazija permezz tal-manipulazzjoni tad-distribuzzjonijiet tal-programm CLAP fost il-votanti. Barra minn hekk bħala Kummissarju Ġenerali ta' SEBIN, huwa responsabbli għall-attivitajiet ta' SEBIN li jinkludu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem bħad-detenzjoni arbitrarja.

25.6.2018

16.

Katherine Nayarith Harrington Padrón

Viċi Prosekutur Ġenerali (tradotta wkoll bħala Viċi Avukat Ġenerali)

Data tat-twelid: 5 ta' Diċembru 1971

Viċi Prosekutur Ġenerali (tradotta wkoll bħala Viċi Avukat Ġenerali) minn Lulju 2017. Maħtura Viċi Prosekutur Ġenerali mill-Qorti Suprema minflok mill-Assemblea Nazzjonali, bi ksur tal-Kostituzzjoni. Responsabbli li dgħajfet id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż billi tat bidu għal prosekuzzjonijiet politikament motivati u naqset milli tinvestiga allegazzjonijiet ta' ksur ta' drittijiet tal-bniedem mir-reġim ta' Maduro.

25.6.2018

17.

Socorro Elizabeth Hernández Hernández

Data tat-twelid: 11 ta' Marzu 1952

Rettur u Membru tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) u membru tal-Bord Elettorali Nazzjonali (JNE). Responsabbli għall-attivitajiet tas-CNE li mminaw id-demokrazija fil-Venezwela, inkluż l-iffaċilitar tal-istabbiliment tal-Assemblea Kostitwenti illeġittima u l-manipulazzjoni tal-proċess elettorali b'rabta mal-elezzjoni revokatorja presidenzjali li ġiet ikkanċellata fl-2016, il-posponiment tal-elezzjonijiet tal-gvernaturi fl-2016, u r-rilokazzjoni ta' postijiet tal-votazzjoni fi żmien qasir qabel l-elezzjonijiet tal-gvernaturi fl-2017.

25.6.2018

18.

Xavier Antonio Moreno Reyes

Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali

Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE). Responsabbli li approva d-deċiżjonijiet tas-CNE li mminaw id-demokrazija fil-Venezwela, inkluż l-iffaċilitar tal-istabbiliment tal-Assemblea Kostitwenti illeġittima u l-manipulazzjoni tal-proċess elettorali.

25.6.2018

▼B




ANNESS V

Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 8(4)



( 1 ) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat- 8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).

( 2 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).

( 3 ) “IMSI” tirreferi għall-identità internazzjonali tal-abbonati tal-mowbajl (International Mobile Subscriber Identity). Din hija kodiċi ta' identifikazzjoni uniku għal kull biċċa apparat ta' telefonija mobbli, integrata fil-karta SIM u li tippermetti l-identifikazzjoni ta' tali SIM permezz tan-netwerks GSM u UMTS.

( 4 ) “MSISDN” tirreferi għal Mobile Subscriber Integrated Services Digital Network Number (numru tas-servizzi integrati tan-netwerk diġitali għall-abbonat ta' telefonija mobbli). Huwa numru uniku li jidentifika s-sottoskrizzjoni f'netwerk tal-mowbajls GSM jew UMTS. Fi kliem sempliċi, huwa n-numru tat-telefon għas-SIM card fit-telefon mobbli u għalhekk jidentifika lill-abbonat tat-telefon mobbli kif ukoll l-IMSI, iżda sabiex is-sejħiet jiġu trażmessi mingħandu.

( 5 ) “IMEI” tirreferi għall-identità internazzjonali tal-apparat tal-mowbajl (International Mobile Equipment Identity). Huwa numru li normalment ikun uniku, biex jidentifika l-mowbajls GSM, WCDMA u IDEN kif ukoll xi telefowns satellitari. Normalment issibu stampat fil-kompartiment tal-batterija tal-mowbajl. L-interċettazzjoni telefonika (wiretapping) jista' jiġi speċifikat permezz tan-numru IMEI kif ukoll l-IMSI u l-MSISDN.

( 6 ) “TMSI” tirreferi għal Temporary Mobile Subscriber Identity (identità temporanja tal-abbonat mobbli). Hija l-identità li tintbagħat l-aktar komunement bejn l-apparat mobbli u n-netwerk.

( 7 ) “SMS” tirreferi għal Short Message System (sistema ta' messaġġi qosra).

( 8 ) “GSM” tirreferi għal Global System for Mobile Communications (sistema globali għall-komunikazzjoni mobbli).

( 9 ) “GPS” tirreferi għal Global Positioning System (sistema ta' pożizzjonament globali).

( 10 ) “GPRS” tirreferi għal General Package Radio Service (servizz ġenerali tar-radju f'pakketti).

( 11 ) “UMTS” tirreferi għal Universal Mobile Telecommunication System (sistema universali ta' komunikazzjoni mobbli).

( 12 ) “CDMA” tirreferi għal Code Division Multiple Access (aċċess multiplu b'diviżjoni tal-kodiċi).

( 13 ) “PSTN” tirreferi għal Public Switch Telephone Network (netwerk telefoniku pubbliku bl-iswiċċ).

( 14 ) “DHCP” tirreferi għal Dynamic Host Configuration Protocol (protokoll ta' konfigurazzjoni dinamika tal-host).

( 15 ) “SMTP” tirreferi għal Simple Mail Transfer Protocol (protokoll ta' trasferiment sempliċi tal-posta).

( 16 ) “GTP” tirreferi għal GPRS Tunneling Protocol.

Top