EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02017R1004-20210714

Consolidated text: Regolament (UE) 2017/1004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta’ qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 (riformulazzjoni)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1004/2021-07-14

02017R1004 — MT — 14.07.2021 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2017/1004 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ Mejju 2017

dwar l-istabbiliment ta’ qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008

(riformulazzjoni)

(ĠU L 157 20.6.2017, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2021/1139 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-7 ta’ Lulju 2021

  L 247

1

13.7.2021




▼B

REGOLAMENT (UE) 2017/1004 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ Mejju 2017

dwar l-istabbiliment ta’ qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008

(riformulazzjoni)



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.  
Bl-għan li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli rigward il-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data bijoloġika, ambjentali, teknika u soċjo-ekonomika fis-settur tas-sajd kif previst fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
2.  
Id-data msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinġabar biss jekk ma jkun jeżisti l-ebda obbligu biex tinġabar skont atti legali tal-Unjoni għajr dan ir-Regolament.
3.  
Għal data meħtieġa għall-ġestjoni tas-sajd li tinġabar skont atti legali oħrajn tal-Unjoni, dan ir-Regolament jiddefinixxi biss regoli għall-użu u t-trażmissjoni ta’ dik id-data.

Artikolu 2

Protezzjoni tad-data

Fejn rilevanti, l-ipproċessar, il-ġestjoni u l-użu ta’ data miġbura skont dan ir-Regolament għandhom ikunu konformi mad-Direttiva 95/46/KE u mar-Regolamenti (KE) Nru 45/2001 u (KE) Nru 223/2009 u mingħajr preġudizzju għalihom.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Barra minn dan, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“settur tas-sajd” tfisser attivitajiet marbuta ma’ sajd kummerċjali, sajd rikreattiv, l-akkwakultura u l-industriji li jipproċessaw il-prodotti tas-sajd;

(2) 

“sajd rikreattiv” tfisser attivitajiet tas-sajd mhux kummerċjali li jisfruttaw ir-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar għar-rikreazzjoni, it-turiżmu jew l-isport;

(3) 

“reġjun tal-baħar” tfisser żona ġeografika stabbilita fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, żona stabbilita minn organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd jew żona definita fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 9(11);

(4) 

“data primarja” tfisser data assoċjata ma’ bastimenti individwali, persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew kampjuni individwali;

(5) 

“metadata” tfisser data li tagħti informazzjoni kwalitattiva u kwantittativa dwar id-data primarja miġbura;

(6) 

“data dettaljata” tfisser data bbażata fuq data primarja f’forma li ma tippermettix li jiġu identifikati persuni fiżiċi jew entitajiet ġuridiċi b’mod dirett jew indirett;

(7) 

“data aggregata” tfisser ir-riżultat tas-sintesi tad-data primarja jew dik dettaljata għal finijiet analitiċi speċifiċi;

(8) 

“osservatur xjentifiku” tfisser persuna maħtura biex tosserva l-operazzjonijiet tas-sajd fil-kuntest tal-ġbir tad-data għal skopijiet xjentifiċi u nominata minn korp inkarigat mill-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali għall-ġbir tad-data;

(9) 

“data xjentifika” tfisser id-data msemmija fl-Artikolu 1(1) li tinġabar, li hija ġestita jew li tintuża skont dan ir-Regolament.



KAPITOLU II

ĠBIR U ĠESTJONI TA’ DATA FIL-QAFAS TA’ PROGRAMMI PLURIENNALI TAL-UNJONI



TAQSIMA 1

Programmi pluriennali tal-Unjoni

Artikolu 4

Stabbiliment ta’ programm pluriennali tal-Unjoni

1.  
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm pluriennali tal-Unjoni għall-ġbir u l-ġestjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 1(1), skont il-kontenut u l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-parti tal-programm pluriennali tal-Unjoni li tkopri materji prevista fil-punt (a) tal-Artikolu 5(1), permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikolu 24.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-parti tal-programm pluriennali tal-Unjoni li tkopri materji previsti fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 5(1) permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 25(2).

2.  
Qabel ma tadotta l-atti delegati u l-atti ta’ implimentazzjoni previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali msemmija fl-Artikolu 9, l-STECF u kwalunkwe korpi xjentifiċi xierqa oħra msemmija fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Artikolu 5

Kontenut u kriterji għall-istabbiliment ta’ programm pluriennali tal-Unjoni

1.  

Il-programm pluriennali tal-Unjoni għandu jistabbilixxi:

(a) 

lista dettaljata tar-rekwiżiti tad-data biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 u 25 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(b) 

lista ta’ stħarriġiet obbligatorji ta’ riċerka fil-post fuq il-baħar;

(c) 

livelli limitu li taħthom mhuwiex mandatarju li l-Istati Membri jiġbru data fuq il-bażi tal-attivitajiet tagħhom tas-sajd u tal-akkwakultura jew iwettqu stħarriġ ta’ riċerka fil-post fuq il-baħar;

2.  

Id-data msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandha tinkludi:

(a) 

data bijoloġika dwar l-istokkijiet kollha maqbuda jew maqbuda b’mod inċidentali f’attivitajiet ta’ sajd kummerċjali tal-Unjoni u, fejn xieraq, f’attivitajiet ta’ sajd rikreattiv f’ilmijiet ġewwa u barra mill-Unjoni, inkluż is-sajd għas-sallura u s-salamun f’ilmijiet interni rilevanti oħra, kif ukoll għal speċijiet oħra ta’ ħut dijadromi ta’ interess kummerċjali, sabiex ikunu jistgħu jitwettqu ġestjoni u konservazzjoni bbażati fuq l-ekosistema, skont kif meħtieġ għall-funzjonament tal-Politika Komuni tas-Sajd;

(b) 

data biex jiġi vvalutat l-impatt tas-sajd tal-Unjoni fuq l-ekosistema tal-baħar f’ilmijiet ġewwa u barra mill-Unjoni, inkluża data dwar il-qabdiet inċidentali ta’ speċijiet mhux fil-mira, b’mod partikolari speċijiet protetti skont il-liġijiet tal-Unjoni jew internazzjonali, data dwar l-impatti tas-sajd fuq il-ħabitats tal-baħar inklużi ż-żoni vulnerabbli tal-baħar,u data dwar l-impatti tas-sajd fuq il-katini alimentari;

(c) 

data dwar l-attività tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni f’ilmijiet ġewwa u barra mill-Unjoni, inklużi l-livelli tas-sajd, u dwar l-isforzi u l-kapaċità tal-flotta tal-Unjoni;

(d) 

data soċjoekonomika dwar is-sajd biex il-prestazzjoni soċjoekonomika tas-settur tas-sajd tal-Unjoni tkun tista’ tiġi evalwata;

(e) 

data soċjoekonomika u data dwar is-sostenibbiltà rigward l-akkwakultura tal-baħar biex il-prestazzjoni soċjoekonomika u s-sostenibbiltà tas-settur tal-akkwakultura tal-Unjoni, inkluż l-impatt ambjentali tiegħu, ikunu jistgħu jiġu evalwati;

(f) 

data soċjoekonomika dwar is-settur tal-ipproċessar tal-ħut biexil-prestazzjoni soċjoekonomika ta’ dak is-settur tkun tista’ tiġi evalwata.

3.  
Barra minn hekk, id-data msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 tista’ tinkludi data soċjoekonomika u data dwar is-sostenibbiltà rigward l-akkwakultura tal-ilma ħelu biex il-prestazzjoni soċjoekonomika u s-sostenibbiltà tas-settur tal-akkwakultura tal-Unjoni, inkluż l-impatt ambjentali tiegħu, ikunu jistgħu jiġu evalwati.
4.  

Għall-finijiet li tistabbilixxi il-programm pluriennali tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tqis:

(a) 

il-ħtiġijiet ta’ informazzjoni għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-Politika Komuni tas-Sajd, bl-għan li jintlaħqu l-objettivi kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Tali informazzjoni għandha tippermetti wkoll li jiġu determinati l-miri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet pluriennali msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament;

(b) 

il-ħtieġa ta’ data li hija rilevanti, komprensiva u affidabbli għall-iskop ta’ deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tas-sajd u l-protezzjoni tal-ekosistemi, inklużi l-ispeċijiet u l-ħabitats vulnerabbli;

(c) 

il-ħtieġa għal u r-rilevanza tad-data għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fil-livell tal-Unjoni, filwaqt li jitqies il-karattru, fil-biċċa l-kbira lokali, tal-impatti tagħha;

(d) 

il-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-miżuri ta’ politika;

(e) 

l-ispejjeż u l-benefiċċji, b’kont meħud tal-aktar soluzzjonijiet kosteffettivi biex jintlaħaq l-objettiv tal-ġbir tad-data;

(f) 

il-ħtieġa li tiġi evitata l-interruzzjoni tas-serjiet kronoloġiċi eżistenti;

(g) 

il-ħtieġa ta’ simplifikazzjoni u li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-ġbir tad-data, f’konformità mal-Artikolu 1;

(h) 

fejn rilevanti, il-ħtieġa li d-data tkopri s-sajd li hemm nuqqas ta’ data dwaru;

(i) 

l-ispeċifiċitajiet reġjonali u l-ftehimiet reġjonali konklużi fil-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali;

(j) 

l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha;

(k) 

il-kopertura ġeografika u temporali tal-attivitajiet tal-ġbir tad-data.

5.  

Waqt li tkun qed tiġi mfassla l-lista ta’ stħarriġiet obbligatorji ta’ riċerka fil-post fuq il-baħar imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, għandhom jiġu meqjusal-ħtiġijiet li ġejjin:

(a) 

il-ħtiġijiet ta’ informazzjoni għall-ġestjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd, bl-għan li jintlaħqu l-objettivi tagħha kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(b) 

il-ħtiġijiet ta’ informazzjoni li jirriżultaw minn koordinazzjoni u armonizzazzjoni miftiehma f’livell internazzjonali;

(c) 

il-ħtiġijiet ta’ informazzjoni għall-evalwazzjoni ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni;

(d) 

il-ħtiġijiet ta’ informazzjoni għall-monitoraġġ ta’ fatturi varjabbli relatati mal-ekosistemi;

(e) 

il-ħtiġijiet ta’ informazzjoni għal kopertura adegwata ta’ żoni tal-istokkijiet;

(f) 

il-ħtieġa li tiġi evitata d-duplikazzjoni bejn l-istħarriġiet ta’ riċerka fil-post fuq il-baħar; u

(g) 

il-ħtieġa li tiġi evitata l-interruzzjoni tas-serjiet kronoloġiċi.

6.  
Għall-istokkijiet li huma soġġetti għal limiti fuq il-qabdiet, ir-regoli dwar il-parteċipazzjoni minn Stati Membri differenti fl-istħarriġiet ta’ riċerka fuq il-baħar imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom ikunu bbażati fuq is-sehem tal-Istati Membri rilevanti fil-qabdiet totali permissibbli li huma disponibbli għall-Unjoni għall-istokkijiet ikkonċernati. Għall-istokkijiet li mhumiex soġġetti għal limiti fuq il-qabdiet, dawk ir-regoli għandhom ikunu bbażati fuq is-sehem relattiv tal-Istati Membri rilevanti fl-isfruttament totali tal-istokk ikkonċernat.
7.  
Għall-istokkijiet li huma soġġetti għal limiti fuq il-qabdiet, il-livell limitu msemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1 għandu jkun stabbilit abbażi tas-sehem tal-Istat Membru rilevanti fil-qabdiet totali permissibbli li huma disponibbli għall-Unjoni għall-istokk ikkonċernat. Għall-istokkijiet li mhumiex soġġetti għal limiti fuq il-qabdiet, dak il-livell limitu għandu jiġi stabbilit abbażi tas-sehem relattiv tal-Istat Membru rilevanti fl-isfruttament totali tal-istokk ikkonċernat. Fir-rigward tal-akkwakultura u s-settur tal-ipproċessar, tali livelli limitu għandhom ikunu proporzjonati ma-d-daqs relattiv ta’ dawk is-setturi ta’ Stat Membru.



TAQSIMA 2

Implimentazzjoni tal-Programm Pluriennali tal-Unjoni mill-Istati Membri

Artikolu 6

Pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali

▼M1

1.  
Mingħajr ħsara għall-obbligi attwali dwar il-ġbir ta' data skont id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jiġbru data fil-qafas ta' pjan ta' ħidma mfassal skont il-programm pluriennali tal-Unjoni (il-'pjan ta' ħidma nazzjonali'). L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjanijiet ta' ħidma nazzjonali tagħhom lill-Kummissjoni b'mezzi elettroniċi sal-15 ta' Ottubru tas-sena li tiġi qabel is-sena li minnha għandu japplika l-pjan ta' ħidma nazzjonali, dment li ma jkunx għadu japplika pjan eżistenti, f'liema każ huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dan.
2.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li japprovaw il-pjanijiet ta' ħidma nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 sal-31 ta' Diċembru tas-sena li tiġi qabel is-sena li minnha għandu japplika l-pjan ta' ħidma nazzjonali. Meta tkun qed tapprova l-pjanijiet ta' ħidma nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tqis l-evalwazzjoni mwettqa mill-STECF f'konformità mal-Artikolu 10. Jekk din l-evalwazzjoni tindika li pjan ta' ħidma nazzjonali ma jikkonformax ma' dan l-Artikolu jew li ma jiżgurax ir-rilevanza xjentifika tad-data jew il-kwalità suffiċjenti tal-metodi u l-proċeduri proposti, il-Kummissjoni għandha tgħarraf minnufih lill-Istat Membru kkonċernat u tindika emendi għal dak il-pjan ta' ħidma li l-Kummissjoni tqis meħtieġa. Sussegwentement, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta pjan ta' ħidma nazzjonali rivedut lill-Kummissjoni.

▼B

3.  

Il-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali għandhom jinkludu deskrizzjoni dettaljata ta’ dan li ġej:

(a) 

id-data li trid tinġabar skont il-programm pluriennali tal-Unjoni;

(b) 

id-distribuzzjoni temporali u ġeografika u kull kemm tkun se tinġabar id-data;

(c) 

is-sors tad-data, il-proċeduri u l-metodi għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data fis-settijiet ta’ data li jkunu se jiġu pprovduti lill-utenti finali tad-data xjentifika;

(d) 

il-qafas ta’ garanzija tal-kwalità u ta’ kontroll tal-kwalità sabiex tiġi żgurata kwalità xierqa tad-data b’konformità mal-Artikolu 14;

(e) 

f’liema format u meta d-data għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti finali ta’ data xjentifika, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet definiti mill-utenti finali ta’ data xjentifika, fejn dawn ikunu magħrufa;

(f) 

l-arranġamenti internazzjonali u reġjonali ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni, inklużi ftehimiet bilaterali u multilaterali konklużi biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament; u

(g) 

kif ġew meqjusal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

4.  
Waqt it-tħejjija tal-pjan ta’ ħidma nazzjonali tiegħu, kull Stat Membru għandu, fil-qafas tal-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali msemmija fl-Artikolu 9, jikkoopera u jikkoordina l-isforzi tiegħu ma’ Stati Membri oħra, b’mod partikolari dawk li jinsabu fl-istess reġjun tal-baħar, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm kopertura suffiċjenti u effiċjenti u li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-attivitajiet ta’ ġbir ta’ data. F’dak il-proċess, l-Istati Membri għandhom jimmiraw ukoll li jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-livell xieraq. Fejn ikun xieraq, tali kooperazzjoni u koordinazzjoni jistgħu jseħħu wkoll barra l-qafas tal-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali.

▼M1

5.  
Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu r-regoli dwar il-proċeduri, il-format u l-iskedi ta’ żmien għall-preżentazzjoni tal-pjanijiet ta' ħidma nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 25(2).

▼B

Artikolu 7

Korrispondenti nazzjonali

1.  
Kull Stat Membru għandu jaħtar korrispondent nazzjonali u għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bih. Il-korrispondent nazzjonali għandu jkun il-kuntatt ewlieni għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri rigward it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali.
2.  

Barra minn hekk, il-korrispondent nazzjonali għandu, b’mod partikolari, iwettaq il-kompiti li ġejjin:

(a) 

jikkoordina t-tħejjija tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 11;

(b) 

jiżgura li ssir it-trażmissjoni tal-informazzjoni fi ħdan l-Istat Membru; u

(c) 

jikkoordina l-attendenza ta’ esperti rilevanti f’laqgħat ta’ gruppi ta’ esperti organizzati mill-Kummissjoni, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali rilevanti msemmija fl-Artikolu 9.

3.  
Jekk diversi korpi fi Stat Membru jkunu qed jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma nazzjonali, il-korrispondent nazzjonali għandu jkun responsabbli għall-koordinazzjoni ta’ dik il-ħidma.
4.  
Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-korrispondent nazzjonali tiegħu jkollu mandat suffiċjenti biex jirrappreżenta lill-Istat Membru tiegħu fil-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali msemmija fl-Artikolu 9.

Artikolu 8

Kooperazzjoni fi ħdan l-Unjoni

L-Istati Membri għandhom jikkooperaw u jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom biex ikomplu jtejbu aktar il-kwalità, il-puntwalità u l-kopertura tad-data sabiex ikun jista’ jseħħ titjib ulterjuri tal-affidabbiltà tal-metodi tal-ġbir tad-data, bl-għan li jtejbu l-attivitajiet tagħhom ta’ ġbir tad-data.

Artikolu 9

Koordinazzjoni u kooperazzjoni reġjonali

1.  
Kif previst fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet ta’ ġbir ta’ data tagħhom ma’ Stati Membri oħra fl-istess reġjun tal-baħar, filwaqt li għandhom jagħmlu kull sforz biex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi li għandhom sovranità jew ġurisdizzjoni fuq l-ilmijiet fl-istess reġjun tal-baħar.
2.  
Sabiex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni reġjonali, gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri rilevanti għal kull reġjun tal-baħar.
3.  
Il-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali għandhom l-għan li jiżviluppaw u jimplimentaw proċeduri, metodi, assigurazzjoni tal-kwalità u kontroll tal-kwalità għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data bl-għan li jkun jista’ jseħħ titjib ulterjuri tal-affidabbiltà tal-parir xjentifiku. Għal dak il-għan, il-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali għandhom jimmiraw biex jiżviluppaw u jimplimentawi bażijiet tad-data reġjonali.
4.  
Il-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali għandhom ikunu magħmula minn esperti nnominati mill-Istati Membri, inklużi korrispondenti nazzjonali, u minn esperti mill-Kummissjoni.
5.  
Il-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali għandhom ifasslu u jaqblu dwar regoli ta’ proċeduri għall-attivitajiet tagħhom.
6.  
F’każijiet fejn ikun hemm kwistjonijiet li jaffettwaw bosta reġjuni tal-baħar, il-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali għandhom jikkoordinaw bejniethom u mal-Kummissjoni.
7.  
Ir-rappreżentanti tal-utenti finali rilevanti ta’ data xjentifika, inklużi l-korpi xjentifiċi xierqa kif imsemmi fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, il-Kunsilli Konsultattivi, u l-pajjiżi terzi għandhom jiġu mistiedna jattendu għal-laqgħat tal-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali bħala osservaturi, fejn ikun meħtieġ.
8.  
Il-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali jistgħu jħejju abbozzi ta’ pjanijiet ta’ ħidma reġjonali, li għandhom ikunu kompatibbli ma’ dan ir-Regolament u mal-programm pluriennali tal-Unjoni. Dawk l-abbozzi ta’ pjanijiet ta’ ħidma reġjonali jistgħu jinkludu l-proċeduri, il-metodi, il-garanzija tal-kwalità u l-kontroll tal-kwalità għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data kif imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2 u fil-paragrafu 5 tal-Artikolu 5, strateġiji ta’ kampjunar ikkoordinati f’livell reġjonali u l-kundizzjonijiet biex id-data tintbagħat fil-bażijiet tad-data reġjonali. Dawn jista’ jkun fihom ukoll arranġamenti għal qsim tal-ispejjeż għall-parteċipazzjoni fl-istħarriġiet ta’ riċerka fil-post fuq il-baħar.
9.  
Fejn jiġi mħejji abbozz ta’ pjan ta’ ħidma reġjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom iressquh lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Ottubru tas-sena li tiġi qabel is-sena li minnha għandu japplika l-pjan ta’ ħidma reġjonali, kemm-il darba ma jkunx għadu japplika pjan eżistenti, f’liema każ l-Istati Membri kkonċernati għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dan. Il-Kummissjoni tista’ tapprova abbozz ta’ pjan ta’ ħidma reġjonali permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dan l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 25(2). Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tqis, fejn rilevanti, l-evalwazzjoni tal-STECF kif imsemmi fl-Artikolu 10. Jekk din il-valutazzjoni tindika li abbozz ta’ pjan ta’ ħidma reġjonali ma jikkonformax ma’ dan l-Artikolu jew ma jiżgurax ir-rilevanza xjentifika tad-data jew il-kwalità suffiċjenti tal-metodi u l-proċeduri proposti, il-Kummissjoni għandha tinforma immedjatament lill-Istati Membri kkonċernati u tindika emendi għal dak l-abbozz ta’ pjan ta’ ħidma li l-Kummissjoni tqis li huma meħtieġa. Sussegwentement, l-Istati Membri kkonċernati għandhom iressqu abbozz ta’ pjan ta’ ħidma reġjonali rivedut lill-Kummissjoni.
10.  
Pjan ta’ ħidma reġjonali għandu jitqies li jissostitwixxi jew jissupplimenta l-partijiet rilevanti tal-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali ta’ kull Stat Membru kkonċernat.
11.  
Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw regoli dwar il-proċeduri, l-arranġamenti tal-qsim tal-ispejjeż għall-parteċipazzjoni fl-istħarriġiet ta’ riċerka fil-post fuq il-baħar, iż-żona ta’ reġjun tal-baħar għall-fini ta’ ġbir ta’ data, u l-format u l-iskedi ta’ żmien għas-sottomissjoni u l-approvazzjoni ta’ pjanijiet ta’ ħidma reġjonali, kif imsemmi fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 25(2).

Artikolu 10

Evalwazzjoni tal-pjanijiet ta’ ħidma mill-STECF

L-STECF għandu jevalwa l-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali u l-abbozzi tal-pjanijiet ta’ ħidma reġjonali msemmija fl-Artikoli 6 u 9. Meta jsir dan, għandu jieħu kont ta’:

(a) 

il-konformità tal-pjanijiet ta’ ħidma u kwalunkwe emenda fihom mal-Artikoli 6 u 9, u

(b) 

ir-rilevanza xjentifika tad-data koperta mill-pjanijiet ta’ ħidma għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) u l-kwalità tal-metodi u l-proċeduri proposti.

Artikolu 11

Evalwazzjoni u approvazzjoni tar-riżultati tal-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali

1.  
L-Istati Membri għandhom fuq bażi annwali jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw regoli dwar il-proċeduri, il-format u l-iskedi ta’ żmien għas-sottomissjoni u l-approvazzjoni tar-rapporti annwali. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 25(2).
2.  

Skont l-Artikolu 10, l-STECF għandu jevalwa:

(a) 

it-twettiq ta’ pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali; u

(b) 

il-kwalità tad-data miġbura mill-Istati Membri.

3.  

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali abbażi ta’:

(a) 

l-evalwazzjoni mill-STECF; u

(b) 

il-konsultazzjoni ta’ organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd adatti li għalihom l-Unjoni hija parti kontraenti jew osservatur u korpi xjentifiċi internazzjonali rilevanti.



TAQSIMA 3

Ħtiġijiet għall-proċess tal-ġbir ta’ data

Artikolu 12

Aċċess għal siti ta’ kampjunar

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sabiex iwettqu dmirijiethom, il-kolletturi ta’ data maħtura mill-korp inkarigat mill-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma nazzjonali jkollhom aċċess għall-qabdiet u l-bastimenti kollha, u għal siti oħra ta’ kampjunar, kif ukoll għar-reġistri kollha tan-negozju u għal kwalunkwe data meħtieġa oħra.
2.  
Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jaċċettaw abbord osservaturi xjentifiċi u jikkooperaw magħhom sabiex jippermettulhom jaqdu dmirijiethom filwaqt li jkunu abbord bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, kif ukoll l-użu ta’ metodi alternattivi ta’ ġbir ta’ data fejn xieraq, stabbiliti fil-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-obbligi internazzjonali.
3.  
Il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw abbord lill-osservaturi xjentifiċi li jkunu qed joperaw taħt l-iskema ta’ monitoraġġ fuq il-baħar abbażi biss ta’ nuqqas evidenti ta’ spazju fuq il-bastiment jew inkella għal raġunijiet ta’ sikurezza skont il-liġi nazzjonali. F’każijiet bħal dawn, id-data għandha tinġabar permezz ta’ metodi alternattivi ta’ ġbir ta’ data li huma stabbiliti fil-pjan ta’ ħidma nazzjonali u mfassla u kkontrollati mill-korp inkarigat mill-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma nazzjonali.



TAQSIMA 4

Proċess tal-ġestjoni ta’ data

Artikolu 13

Ħżin ta’ data

L-Istati Membri għandhom:

(a) 

jiżguraw li d-data primarja miġbura skont il-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali tinħażen b’mod sikur f’bażijiet ta’ data kompjuterizzati u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li din id-data tkun trattata bħala kunfidenzjali;

(b) 

jiżguraw li metadata relatata mad-data primarja soċjoekonomika miġbura skont il-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali tinħażen b’mod sikur f’bażijiet ta’ data kompjuterizzati;

(c) 

jieħdu l-miżuri tekniċi kollha meħtieġa biex jipproteġu din id-data minn kwalunkwe distruzzjoni aċċidentali jew illegali, telf aċċidentali, deterjorament, jew konsultazzjoni jew distribuzzjoni mhux awtorizzata.

Artikolu 14

Kontroll tal-kwalità u validazzjoni ta’ data

1.  
L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-kwalità u l-kompletezza ta’ data primarja miġbura skont il-programmi ta’ ħidma nazzjonali, id-data dettaljata u aggregata li ġejja minnha li hija trasmessa lill-utenti finali ta’ data xjentifika.
2.  

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a) 

id-data primarja miġbura skont il-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali tiġi kkontrollata kif adatt għal żbalji permezz ta’ proċeduri adatti għall-kontroll tal-kwalità;

(b) 

id-data dettaljata u aggregata miksuba mid-data primarja miġbura skont il-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali tiġi vvalidata qabel ma tkun trasmessa lill-utenti finali ta’ data xjentifika;

(c) 

il-proċeduri ta’ assigurazzjoni tal-kwalità applikati għal data primarja, iddettaljata u aggregata msemmija fil-punti (a) u (b) jiġu żviluppati skont il-proċeduri adottati mill-korpi xjentifiċi internazzjonali, l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, l-STECF u l-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali.



KAPITOLU III

UŻU TA’ DATA

Artikolu 15

Aċċess għal u trażmissjoni ta’ data primarja

1.  
Għall-fini tal-verifika tal-eżistenza ta’ data primarja miġbura skont l-Artikolu 6(1) minbarra data soċjoekonomika, l-Istati membri għandhom jiżguraw li l-Kummissjoni għandha aċċess għall-bażijiet ta’ data kompjuterizzati nazzjonali msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 13.
2.  
Għall-fini tal-verifika tad-data soċjoekonomika miġbura skont l-Artikolu 6(1) l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Kummissjoni għandha aċċess għall-bażijiet ta’ data kompjuterizzati nazzjonali msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 13.
3.  
L-Istati Membri għandhom jikkonkludu ftehimiet mal-Kummissjoni biex jiġi żgurat aċċess effettiv u bla xkiel għall-bażijiet ta’ data kompjuterizzati nazzjonali tagħhom imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, mingħajr preġudizzju għall-obbligi stabbiliti minn regoli oħrajn tal-Unjoni.
4.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data primarja miġbura fl-istħarriġ ta’ riċerka fuq il-baħar tiġi trażmessa lill-organizzazzjonijiet xjentifiċi internazzjonali u lil korpi xjentifiċi adatti fi ħdan l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd skont l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri.

Artikolu 16

Ipproċessar ta’ data primarja

1.  

L-Istati Membri għandhom jipproċessaw id-data primarja f’settijiet ta’ data dettaljati jew aggregati skont:

(a) 

l-istandards internazzjonali rilevanti, fejn applikabbli;

(b) 

il-protokolli maqbula f’livell internazzjonali jew reġjonali, fejn applikabbli.

2.  
L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-utenti finali ta’ data xjentifika u lill-Kummissjoni, kull fejn meħtieġ, deskrizzjoni tal-metodi applikati sabiex jipproċessaw id-data mitluba u l-proprjetajiet statistiċi tagħha.

Artikolu 17

Proċedura biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ data dettaljata u aggregata

1.  
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċessi u teknoloġiji elettroniċi xierqa sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u ta’ dan ir-Regolament. Huma għandhom iżommu lura minn kwalunkwe restrizzjoni mhux meħtieġa fuq it-tixrid ta’ data dettaljata u aggregata għall-utenti finali ta’ data xjentifika u partijiet interessati oħra.
2.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw salvagwardji xierqa, f’każ li d-data tinkludi informazzjoni relatata ma’ persuni fiżiċi jew entitajiet ġuridiċi identifikati jew identifikabbli. Stat Membru jista’ jirrifjuta li jittrażmetti d-data dettaljata u aggregata rilevanti jekk ikun hemm ir-riskju li jiġu identifikati persuni fiżiċi jew entitajiet ġuridiċi, f’liema każ l-Istat Membru kkonċernat għandu jipproponi mezzi alternattivi biex jissodisfa l-ħtiġijiet identifikati mill-utenti finali ta’ data xjentifika li jiżguraw l-anonimità.
3.  
Fil-każ ta’ talbiet magħmula minn utenti finali ta’ data xjentifika sabiex isservi bħala bażi għall-pariri lill-ġesturi tas-sajd, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data rilevanti dettaljata u aggregata tiġi aġġornata u magħmula disponibbli għall-utenti finali rilevanti ta’ data xjentifika fil-limitu ta’ żmien stabbilit fit-talba, li ma jistax ikun ta’ anqas minn xahar mid-data tal-wasla ta’ talba għal dik id-data.
4.  
Fil-każ ta’ talbiet ta’ xort’oħra minn dawk imsemmija fil-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data rilevanti tiġi aġġornata u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-utenti finali rilevanti ta’ data xjentifika u partijiet interessati oħra f’perijodu ta’ żmien raġonevoli. Fi żmien xahrejn mid-data ta’ meta taslilhom it-talba, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-parti li tkun qed tagħmel it-talba dwar id-durata ta’ tali żmien, li għandha tkun proporzjonata mal-ambitu tat-talba, u tal-ħtieġa possibbli ta’ pproċessar addizzjonali tad-data mitluba.
5.  
Fil-każijiet fejn it-talba għal data minn utenti finali oħra ta’ data xjentifika minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 3 jew partijiet interessati oħra tirrikjedi pproċessar addizzjonali ta’ data diġà miġbura, l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-parti li tkun qed tagħmel it-talba l-ispejjeż attwali tal-ipproċessar addizzjonali tad-data meħtieġ qabel it-trasmissjoni tagħha.
6.  
F’każijiet debitament ġustifikati, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza l-estensjoni tal-iskadenza msemmija fil-paragrafu 3.
7.  
F’każijiet fejn tintalab data dettaljata għal skopijiet ta’ pubblikazzjoni xjentifika, l-Istati Membri, sabiex jipproteġu l-interessi professjonali tal-kolletturi tad-data maħtura mill-korp inkarigat mill-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma nazzjonali, jistgħu jeħtieġu li l-pubblikazzjoni ta’ data tiddewwem bi 3 snin mid-data li għaliha tirreferi d-data. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-utenti finali ta’ data xjentifika u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deċiżjoni ta’ dan it-tip, u bir-raġunijiet li jkunu wasslu għat-teħid ta’ dik id-deċiżjoni.

Artikolu 18

Sistemi kompatibbli ta’ skambju u ħżin ta’ data

1.  
Bil-ħsieb li jitnaqqsu l-ispejjeż u jiġi ffaċilitat l-aċċess għal data dettaljata u aggregata għall-utenti finali ta’ data xjentifika u għal partijiet interessati oħra, l-Istati Membri, il-Kummissjoni, il-korpi konsultattivi xjentifiċi u kwalunkwe utenti finali rilevanti ta’ data xjentifika għandhom jikkooperaw biex jiġu żviluppati sistemi kompatibbli ta’ skambju u ħżin ta’ data, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/2/KE. Dawk is-sistemi għandhom jiffaċilitaw ukoll it-tixrid ta’ informazzjoni lil partijiet interessati oħrajn. Sistemi bħal dawn jistgħu jieħdu l-forma ta’ bażijiet tad-data reġjonali. Il-pjanijiet ta’ ħidma reġjonali msemmija fl-Artikolu 9(8) ta’ dan ir-Regolament jistgħu jservu bħala bażi għal ftehim dwar sistemi ta’ dan it-tip.
2.  
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw regoli dwar proċeduri, formati, kodiċijiet u skedi ta’ żmien li għandhom jintużaw sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà ta’ sistemi ta’ skambju u ħżin ta’ data, u li tistabbilixxi salvagwardji, fejn xieraq, f’każ li s-sistemi ta’ skambju u ta’ ħżin ta’ data msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jinkludu informazzjoni relatata ma’ persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 25(2).

Artikolu 19

Reviżjoni ta’ ċaħda li tkun ipprovduta data

Jekk Stat Membru jiċħad li jipprovdi data skont l-Artikolu 17(7), l-utent finali ta’ data xjentifika jista’ jitlob lill-Kummissjoni sabiex tanalizza ċ-ċaħda. Jekk il-Kummissjoni ssib li ċ-ċaħda mhijiex debitament iġġustifikata, tista’ teħtieġ li l-Istat Membru jipprovdi d-data lill-utent finali ta’ data xjentifika fi żmien xahar.

Artikolu 20

Obbligi għall-utenti finali ta’ data xjentifika u partijiet interessati oħra

1.  

L-utenti finali ta’ data xjentifika, u partijiet interessati oħra għandhom:

(a) 

jużaw id-data biss għall-fini ddikjarata fit-talba tagħhom għall-informazzjoni skont l-Artikolu 17;

(b) 

jirrikonoxxu kif xieraq is-sorsi ta’ data;

(c) 

ikunu responsabbli għall-użu korrett u adatt ta’ data rigward l-etika xjentifika;

(d) 

jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati bi kwalunkwe problemi suspettati li jista’ jkollha d-data;

(e) 

jipprovdu lill-Istati Membri kkonċernati u lill-Kummissjoni r-referenzi għar-riżultati tal-użu ta’ data;

(f) 

ma jgħaddux id-data mitluba lil partijiet terzi mingħajr qbil mill-Istat Membru kkonċernat;

(g) 

ma jbigħux id-data lil kwalunkwe parti terza.

2.  
L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe non-konformità mill-utenti finali ta’ data xjentifika jew partijiet interessati oħra.
3.  
Fejn l-utenti finali ta’ data xjentifika jew partijiet interessati oħra jonqsu milli jikkonformaw ma’ kwalunkwe waħda mill-ħtiġiet imniżżlin fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat li jillimita jew jiċħad lil dawk l-utenti ta’ data aċċess għal data.



KAPITOLU IV

APPOĠĠ GĦAL PARIR XJENTIFIKU

Artikolu 21

Parteċipazzjoni f’laqgħat ta’ korpi internazzjonali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-esperti nazzjonali tagħhom jipparteċipaw f’laqgħat rilevanti ta’ organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd li għalihom l-Unjoni hija parti kontraenti jew osservatur u ta’ korpi xjentifiċi internazzjonali.

Artikolu 22

Koordinazzjoni u kooperazzjoni internazzjonali

1.  
L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkoordinaw l-isforzi tagħhom u jikkooperaw sabiex itejbu aktar il-kwalità, il-puntwalità u l-kopertura tad-data sabiex ikun jista’ jseħħ titjib ulterjuri tal-affidabbiltà tal-parir xjentifiku, il-kwalità tal-pjanijiet ta’ ħidma u l-metodi ta’ ħidma ta’ organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd li għalihom l-Unjoni hija parti kontraenti jew osservatur u ta’ korpi xjentifiċi internazzjonali.
2.  
Tali koordinazzjoni u kooperazzjoni għandhom isseħħu mingħajr preġudizzju għal dibattitu xjentifiku miftuħ u għandhom jimmiraw li jippromwovu parir xjentifiku imparzjali.



KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 23

Monitoraġġ

1.  
Il-Kummissjoni, flimkien mal-STECF, għandhom jissorveljaw il-progress tal-pjanijiet ta’ ħidma fil-Kumitat għas-sajd u l-akkwakultura msemmi fl-Artikolu 25.
2.  
Mhux aktar tard mill-11 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 24

Eżerċitar tad-delega

1.  
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.  
Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 4(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ tliet snin mill-10 ta’ Lulju 2017. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tliet snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.
3.  
Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 4(1) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Tali deċiżjoni ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li jkunu diġà fis-seħħ.
4.  
Qabel ma’ taddotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.  
Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.  
Att delegat adottat skont l-Artikoli 4(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 25

Proċedura ta’ kumitat

1.  
Waqt li timplimenta dan ir-Regolament il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għas-sajd u l-akkwakultura stabbilit mill-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.  
Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 26

Tħassir u dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.  
Ir-Regolament (KE) Nru 199/2008 huwa mħassar b’effett mill-10 ta’ Lulju 2017.
2.  

Minkejja l-paragrafu 1:

(a) 

id-dispożizzjonijiet imħassra għandhom jibqgħu applikabbli għal programmi nazzjonali approvati qabel l-10 ta’ Lulju 2017;

(b) 

tal-programm pluriennali tal-Unjoni fis-seħħ fl-10 ta’ Lulju 2017, kif imsemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008, għandu jibqa’ applikabbli għall-perijodu tad-durata tiegħu jew sa ma jkun ġie adottat programm pluriennali tal-Unjoni ġdid skont dan ir-Regolament, skont liema minnhom iseħħ l-ewwel.

3.  
Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jittieħdu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni stabbilita fl-Anness hawnekk.

Artikolu 27

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS



Tabella ta’ Korrelazzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 199/2008

Dan ir-Regolament

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(2)

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(2)

Artikolu 1(3)

Artikolu 1(3)

Artikolu 2

Artikolu 2(a), (c) sa (h)

Artikolu 3(1) sa (7)

Artikolu 2(b), (i), (j), (k),

Artikolu 3(8) u (9)

Artikolu 3

Artikoli 4 u 5

Artikolu 4

Artikolu 6

Artikolu 5

Artikoli 8 u 9

Artikolu 7

Artikolu 6

Artikolu 10

Artikolu 7

Artikolu 11

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 12(1)

Artikolu 11

Artikolu 12(2) u (3)

Artikolu 12

Artikolu 5(1)(b) u (5)

Artikolu 13

Artikolu 13

Artikolu 14

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 16

Artikolu 15

Artikolu 17

Artikolu 16

Artikolu 18, 19 u 20

Artikolu 17

Artikolu 21

Artikolu 19

Artikolu 22

Artikolu 20

Artikolu 23

Artikolu 21

Artikolu 24

Artikolu 22

Artikoli 25 u 27

Artikoli 24 u 25

Artikolu 26

Artikolu 23(1)

Artikolu 23(2)

Artikolu 28

Artikolu 26

Artikolu 29

Artikolu 27

Anness

Anness

Top