EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02016L1164-20200101

Consolidated text: Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat-12 ta' Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/1164/2020-01-01

02016L1164 — MT — 01.01.2020 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2016/1164

tat-12 ta' Lulju 2016

li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern

(ĠU L 193 19.7.2016, p. 1)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2017/952 tad-29 ta' Mejju 2017

  L 144

1

7.6.2017




▼B

DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2016/1164

tat-12 ta' Lulju 2016

li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

▼M1

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

1.  Din id-Direttiva tapplika għall-kontribwenti kollha li huma soġġetti għat-taxxa korporattiva fi Stat Membru wieħed jew aktar, inklużi stabbilimenti permanenti fi Stat Membru wieħed jew aktar ta' entitajiet residenti f'pajjiż terz għall-finijiet tat-taxxa.

2.  L-Artikolu 9a japplika wkoll għall-entitajiet kollha li huma ttrattati bħala trasparenti għall-finijiet ta' taxxa minn Stat Membru.

▼B

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“kostijiet tas-self” tfisser spejjeż tal-mgħax fuq kull tip ta' dejn, kostijiet oħra ekonomikament ekwivalenti għal imgħax u spejjeż li jinġarbu b'rabta mal-ġbir ta' finanzi kif definit fil-liġi nazzjonali, inkluż, iżda mhux limitat għal, pagamenti taħt self bi dritt ta' parteċipazzjoni fil-profitti, imgħax imputat fuq strumenti bħal bonds konvertibbli u bonds mingħajr kupuni, ammonti taħt arranġamenti ta' finanzjament alternattivi, bħall-finanzjament Iżlamiku, l-element tal-kost finanzjarju tal-pagamenti ta' lokazzjoni finanzjarja, imgħax kapitalizzat inkluż fil-valur tal-karta tal-bilanċ ta' assi relatati, jew l-ammortizzament ta' mgħax kapitalizzat, ammonti mkejla b'referenza għal fond għar-ritorn taħt regoli dwar l-ipprezzar ta' trasferiment fejn applikabbli, ammonti ta' mgħax nozzjonali ta' strumenti derivattivi jew arranġamenti ta' hedging relatati ma' self ta' entità, ċertu qligħ u telf tal-kambju fuq self u strumenti konnessi mal-ġbir ta' finanzjament, tariffi ta' garanzija għal arranġamenti ta' finanzjament, tariffi ta' arranġament u kostijiet simili relatati mas-self ta' fondi;

(2) 

“kostijiet tas-self eċċessivi” tfisser l-ammont li bih il-kostijiet tas-self deduċibbli ta' kontribwent jaqbżu l-introjtu mill-imgħax taxxabbli u introjtu taxxabbli ieħor ekonomikament ekwivalenti li l-kontribwent jirċievi skont il-liġi nazzjonali;

(3) 

“perijodu tat-taxxa” tfisser sena tat-taxxa, sena kalendarja jew kull perijodu ieħor adatt għall-finijiet ta' taxxa;

(4) 

“impriża assoċjata” tfisser:

(a) 

entità li fiha l-kontribwent iżżomm, direttament jew indirettament, parteċipazzjoni f'termini ta' drittijiet tal-vot jew pussess ta' kapital ta' 25 fil-mija jew aktar jew ikun intitolat li jirċievi 25 fil-mija jew aktar tal-profitti ta' dik l-entità;

(b) 

individwu jew entità li żżomm, direttament jew indirettament, parteċipazzjoni f'termini ta' drittijiet tal-vot jew pussess ta' kapital ta' 25 fil-mija jew aktar jew tkun intitolata li jirċievi 25 fil-mija jew aktar tal-profitti tal-kontribwent;

Jekk individwu jew entità żżomm direttament jew indirettament parteċipazzjoni ta' 25 fil-mija jew aktar f'kontribwent u entità waħda jew aktar, l-entitajiet kollha kkonċernati, inkluż il-kontribwent, għandhom jitqiesu wkoll bħala impriżi assoċjati.

▼M1

Għall-finijiet tal-Artikoli 9 u 9a:

(a) 

Fejn l-eżitu tad-diskrepanza jirriżulta skont il-punti (b), (c), (d), (e) jew (g) tal-ewwel subparagrafu tal-punt (9) ta' dan l-Artikolu jew fejn huwa meħtieġ aġġustament skont l-Artikolu 9(3) jew l-Artikolu 9a, id-definizzjoni ta' impriża assoċjata hija modifikata biex ir-rekwiżit tal-25 fil-mija jiġi sostitwit b'rekwiżit ta' 50 fil-mija;

(b) 

persuna li taġixxi flimkien ma' persuna oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-vot jew tas-sjieda tal-kapital ta' entità għandha tkun trattata bħala li għandha parteċipazzjoni fid-drittijiet tal-vot jew fis-sjieda tal-kapital kollha ta' dik l-entità li huma miżmuma mill-persuna l-oħra;

(c) 

impriża assoċjata tfisser ukoll entità li hija parti mill-istess grupp konsolidat għal finijiet ta' kontabbiltà finanzjarja bħall-kontribwent, impriża li fiha l-kontribwent għandu influwenza sinifikattiva fil-ġestjoni jew impriża li għandha influwenza sinifikanti fil-ġestjoni tal-kontribwent;

▼B

(5) 

“impriża finanzjarja” tfisser kwalunkwe waħda mill-entitajiet li ġejjin:

(a) 

istituzzjoni ta' kreditu jew ditta ta' investiment kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) jew maniġer ta' fondi ta' investiment alternattivi (AIFM) kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ) jew kumpannija tal-maniġment ta' impriża ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) kif definita fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 );

(b) 

impriża tal-assigurazzjoni kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 );

(c) 

impriża tar-riassigurazzjoni kif definita fil-punt (4) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(d) 

istituzzjoni għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali li taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ), sakemm Stat Membru ma jkunx għażel li ma japplikax id-Direttiva kollha jew parti minnha għal dik l-istituzzjoni skont l-Artikolu 5 ta' dik id-Direttiva jew għad-delegat ta' istituzzjoni għall-provvista ta' irtirar okkupazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 19(1) ta' dik id-Direttiva;

(e) 

istituzzjonijiet tal-pensjoni li joperaw skemi ta' pensjoni li huma kkunsidrati bħala skemi tas-sigurtà soċjali koperti mir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ) u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ), kif ukoll kwalunkwe entità ġuridika stabbilita għall-fini ta' investiment ta' skemi bħal dawn;

(f) 

fond ta' investiment alternattiv (AIF) ġestit minn AIFM kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE jew AIF taħt superviżjoni skont il-liġi nazzjonali applikabbli;

(g) 

UCITS fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(h) 

kontroparti ċentrali kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 );

(i) 

depożitorju ċentrali tat-titoli kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 );

(6) 

“trasferiment tal-assi” tfisser operazzjoni li permezz tagħha Stat Membru jitlef id-dritt li jintaxxa l-assi trasferiti, waqt li l-assi jibqgħu taħt is-sjieda legali jew ekonomika tal-istess kontribwent;

(7) 

“trasferiment tar-residenza tat-taxxa” tfisser operazzjoni li permezz tagħha kontribwent ma jibqax residenti fi Stat Membru għall-finijiet tat-taxxa, waqt li jikseb residenza tat-taxxa fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz;

(8) 

“trasferiment ta' attività eżerċitata minn stabbiliment permanenti” tfisser operazzjoni li permezz tagħha kontribwent ma jibqax ikollu preżenza taxxabbli fi Stat Membru waqt li jikseb tali preżenza fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz mingħajr ma jsir residenti f'dak l-Istat Membru jew pajjiż terz għall-finijiet tat-taxxa;

▼M1

(9) 

“diskrepanza ibrida” tfisser sitwazzjoni li tinvolvi kontribwent jew, fir-rigward tal-Artikolu 9(3), entità fejn:

(a) 

pagament taħt strument finanzjarju jwassal għal eżitu ta' tnaqqis mingħajr inklużjoni u:

(i) 

pagament bħal dan mhuwiex inkluż f'perijodu ta' żmien raġonevoli; u

(ii) 

l-eżitu ta' diskrepanza huwa attribwibbli għad-differenzi fil-karatterizzazzjoni tal-istrument jew il-pagament magħmul taħtu.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, pagament taħt strument finanzjarju għandu jiġi ttrattat bħala inkluż fl-introjtu f'perijodu raġonevoli ta' żmien meta:

(i) 

il-pagament huwa inkluż mill-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju f'perijodu ta' taxxa li jibda fi żmien 12-il xahar minn tmiem il-perijodu tat-taxxa tal-pagatur; jew

(ii) 

huwa raġonevoli li wieħed jistenna li l-pagament ser jiġi inkluż mill-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju f'perijodu tat-taxxa futur u t-termini tal-pagament huma dawk li jkunu mistennija li jiġu miftiehma bejn impriżi indipendenti;

(b) 

pagament lil entità ibrida jwassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni u dak l-eżitu ta' diskrepanza huwa r-riżultat ta' differenzi fl-allokazzjoni ta' pagamenti li saru lill-entità ibrida skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni fejn tkun stabbilita jew irreġistrata l-entità ibrida u l-ġurisdizzjoni ta' kwalunkwe persuna li jkollha parteċipazzjoni f'dik l-entità ibrida;

(c) 

pagament lil entità bi stabbiliment permanenti wieħed jew aktar iwassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni u dak l-eżitu ta' diskrepanza huwa r-riżultat ta' differenzi fl-allokazzjoni ta' pagamenti bejn l-uffiċċju prinċipali u stabbiliment permanenti jew bejn żewġ stabbilimenti permanenti jew aktar tal-istess entità skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjonijiet fejn topera l-entità;

(d) 

pagament iwassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni bħala riżultat ta' pagament lil stabbiliment permanenti injorat;

(e) 

pagament minn entità ibrida jwassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni u dik id-diskrepanza hija r-riżultat tal-fatt li l-pagament jiġi injorat skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju;

(f) 

pagament meqjus bejn l-uffiċċju prinċipali u stabbiliment permanenti jew bejn żewġ stabbilimenti permanenti jew aktar li jwassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni fejn dik id-diskrepanza hija r-riżultat tal-fatt li l-pagament jiġi injorat skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju; jew

(g) 

isir eżitu ta' tnaqqis doppju.

Għall-finijiet ta' dan il-punt (9):

(a) 

pagament li jirrappreżenta r-redditu sottostanti fuq strument finanzjarju trasferit ma għandux jagħti lok għal diskrepanza ibrida skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu meta l-pagament isir minn kummerċjant finanzjarju fil-kuntest ta' trasferiment ibridu fis-suq dment li l-ġuriżdizzjoni tal-pagatur titlob lill-kummerċjant finanzjarju jinkludi bħala introjtu l-ammonti kollha rċevuti b'rabta mal-istrument finanzjarju trasferit;

(b) 

diskrepanza ibrida għandha tirriżulta biss skont il-punti (e), (f) jew (g) tal-ewwel subparagrafu sal-punt li l-ġurisdizzjoni tal-pagatur tippermetti li t-tnaqqis ikun ikkumpensat b'ammont li mhuwiex introjtu b'inklużjoni doppja;

(c) 

eżitu ta' diskrepanza m'għandux jiġu trattat bħala diskrepanza ibrida sakemm ma tirriżultax bejn impriżi assoċjati, bejn kontribwent u impriża assoċjata, bejn l-uffiċċju prinċipali u stabbiliment permanenti, bejn żewġ stabbilimenti permanenti jew aktar tal-istess entità jew taħt arranġament strutturat.

Għall-finijiet ta' dan il-punt (9) u l-Artikoli 9, 9a u 9b:

(a) 

“eżitu ta' diskrepanza” tfisser tnaqqis doppju jew tnaqqis mingħajr inklużjoni;

(b) 

“tnaqqis doppju” tfisser tnaqqis tal-istess pagament, spejjeż jew telf fil-ġurisdizzjoni li fiha l-pagament għandu s-sors tiegħu, l-ispejjeż ikunu saru jew it-telf ikun iġġarrab (ġurisdizzjoni tal-pagatur) u f'ġurisdizzjoni oħra (ġurisdizzjoni tal-investitur). Fil-każ ta' pagament minn entità ibrida jew stabbiliment permanenti, il-ġurisdizzjoni tal-pagatur hija l-ġurisdizzjoni fejn l-entità ibrida jew l-istabbiliment permanenti jkun stabbilit jew sitwat;

(c) 

“tnaqqis mingħajr inklużjoni” tfisser it-tnaqqis ta' pagament jew pagament meqjus bejn l-uffiċċju prinċipali u l-istabbiliment permanenti jew bejn żewġ stabbilimenti permanenti jew aktar fi kwalunkwe ġurisdizzjoni li fiha dak il-pagament jew pagament meqjus huwa ttrattat li sar (ġurisdizzjoni tal-pagatur) mingħajr inklużjoni korrispondenti għall-finijiet ta' taxxa ta' dak il-pagament jew pagament meqjus fil-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju. Il-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju hija kwalunkwe ġurisdizzjoni fejn dak il-pagament jew pagament meqjus ikun ġie riċevut, jew jiġi ttrattat bħala riċevut skont il-liġijiet ta' kwalunkwe ġurisdizzjoni oħra;

(d) 

“tnaqqis” tfisser l-ammont li jiġi ttrattat bħala deduċibbli mill-introjtu taxxabbli taħt il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-pagatur jew tal-investitur. It-terminu “deduċibbli” għandu jiġi interpretat skont dan;

(e) 

“inklużjoni” tfisser l-ammont li jitqies fl-introjtu taxxabbli skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju. Pagament skont strument finanzjarju m'għandux jiġi ttrattat bħala inkluż sal-punt li l-pagament jikkwalifika għal kwalunkwe ħelsien mit-taxxa biss minħabba l-mod li bih il-pagament huwa kkaratterizzat skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju. It-terminu “inkluż” għandu jiġi interpretat skont dan;

(f) 

“ħelsien mit-taxxa” tfisser eżenzjoni mit-taxxa, tnaqqis fir-rata tat-taxxa jew kwalunkwe kreditu jew rifużjoni tat-taxxa (għajr kreditu għal taxxi miżmuma fis-sors);

(g) 

“introjtu ta' inklużjoni doppja” tfisser kull entrata ta' introjtu li huwa inkluż skont il-liġijiet taż-żewġ ġurisdizzjonijiet fejn ikun irriżulta l-eżitu ta' diskrepanza;

(h) 

“persuna” tfisser individwu jew entità;

(i) 

“entità ibrida” tfisser kwalunkwe entità jew arranġament li titqies bħala entità taxxabbli skont il-liġijiet ta' ġurisdizzjoni waħda u li l-introjtu jew in-nefqa tagħha titqies bħala introjtu jew nefqa ta' persuna waħda oħra jew aktar skont il-liġijiet ta' ġurisdizzjoni oħra;

(j) 

“strument finanzjarju” tfisser kwalunkwe strument sal-punt li dan jagħti lok għal redditu ta' ekwità jew ta' finanzjament li huwa intaxxat skont ir-regoli tat-tassazzjoni fuq dejn, ekwità jew derivati skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjonijiet tal-benefiċjarju jew tal-pagatur u jinkludi trasferiment ibridu;

(k) 

“kummerċjant finanzjarju” tfisser persuna jew entità involuta fin-negozju fejn isir xiri u bejgħ b'mod regolari ta' strumenti finanzjarji f'isimha għal skopijiet ta' qligħ;

(l) 

“trasferiment ibridu” tfisser kwalunkwe arranġament biex isir trasferiment ta' strument finanzjarju fejn ir-redditu sottostanti fuq l-istrument finanzjarju trasferit huwa trattat għal finijiet ta' taxxa bħala derivat simultanjament minn iktar minn waħda mill-partijiet għal dak l-arranġament;

(m) 

“trasferiment ibridu fis-suq” tfisser kwalunkwe trasferiment ibridu li kummerċjant finanzjarju jkun daħal fih matul il-perkors normali tan-negozju, u mhux bħala parti minn arranġament strutturat;

(n) 

“stabbiliment permanenti injorat” tfisser kwalunkwe arranġament li jiġi ttrattat bħala li jwassal għal stabbiliment permanenti skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-uffiċċju prinċipali u li mhuwiex ittrattat bħala li jwassal għal stabbiliment permanenti skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni l-oħra;

▼M1

(10) 

“grupp konsolidat għal finijiet ta' kontabbiltà finanzjarja” tfisser grupp li jikkonsisti mill-entitajiet kollha li huma kompletament inklużi f'rapporti finanzjarji kkonsolidati mfassla skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju jew is-sistema nazzjonali ta' rappurtar finanzjarju ta' Stat Membru;

(11) 

“arranġament strutturat” tfisser arranġament li jinvolvi diskrepanza ibrida fejn l-eżitu ta' diskrepanza huwa pprezzat fit-termini tal-arranġament jew arranġament li tfassal biex jipproduċi eżitu ta' diskrepanza ibrida, ħlief jekk il-kontribwent jew impriża assoċjata ma setax ikun raġonevolment mistenni minnhom li jkunu konxji tad-diskrepanza ibrida u ma kkondividewx fil-valur tal-benefiċċju tat-taxxa li jirriżulta mid-diskrepanza ibrida.

▼B

Artikolu 3

Livell minimu ta' protezzjoni

Din id-Direttiva ma għandhiex tipprekludi l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali jew dawk ibbażati fuq ftehimiet, li għandhom l-għan li jissalvagwardjaw livell ogħla ta' protezzjoni għall-bażijiet tat-taxxa korporattiva nazzjonali.



KAPITOLU II

MIŻURI KONTRA L-EVITAR TAT-TAXXA

Artikolu 4

Regola dwar il-limitazzjoni tal-imgħax

1.  Il-kostijiet tas-self eċċessivi għandhom ikunu deduċibbli, fil-perijodu fiskali li fih jiġġarrbu, sa 30 fil-mija biss tal-qligħ tal-kontribwent qabel l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-ammortizzament (EBITDA).

Għall-fini ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu wkoll iqisu bħala kontribwent:

(a) 

entità li tista' jew tinħtieġ tapplika regoli f'isem grupp, kif definit skont il-liġi nazzjonali tat-taxxa;

(b) 

entità fi grupp, kif definit skont il-liġi nazzjonali tat-taxxa, li ma tikkonsolidax ir-riżultati tal-membri tagħha għall-finijiet ta' taxxa.

F'tali ċirkustanzi, il-kostijiet tas-self eċċessivi u l-EBITDA jistgħu jiġu kkalkolati fil-livell tal-grupp u jinkludu r-riżultati tal-membri kollha tiegħu.

2.  L-EBITDA għandu jiġi kkalkolat billi mal-introjtu soġġett għat-taxxa korporattiva fl-Istat Membru tal-kontribwent jerġgħu jinżdiedu l-ammonti aġġustati għat-taxxa għal kostijiet tas-self eċċessivi kif ukoll l-ammonti aġġustati għat-taxxa għad-deprezzament u l-ammortizzament. Introjtu eżenti mit-taxxa jkun eskluż minn l-EBITDA ta' kontribwent.

3.  B'deroga mill-paragrafu 1, il-kontribwent jista' jingħatalu d-dritt:

(a) 

li jnaqqas kostijiet tas-self eċċessivi sa EUR 3 000 000 ;

(b) 

li jnaqqas kompletament kostijiet tas-self eċċessivi jekk il-kontribwent ikun entità awtonoma.

Għall-finijiet tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-ammont ta' EUR 3 000 000 għandu jitqies għall-grupp kollu kemm hu.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, entità awtonoma tfisser kontribwent li mhuwiex parti minn grupp konsolidat għal finijiet ta' kontabbiltà finanzjarja u ma għandu l-ebda intrapriża assoċjata jew stabbiliment permanenti.

4.  L-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kamp ta' applikazzjoni tal-paragrafu 1 il-kostijiet tas-self eċċessivi mġarrba fuq:

(a) 

self li kien konkluż qabel is-17 ta' Ġunju 2016, iżda l-esklużjoni ma għandhiex testendi għal kwalunkwe modifika sussegwenti għal tali self;

(b) 

self użat għall-finanzjament ta' proġett ta' infrastruttura pubblika fit-tul fejn l-operatur tal-proġett, il-kostijiet tas-self, l-assi u l-introjtu huma kollha fl-Unjoni.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, proġett ta' infrastruttura pubblika fit-tul ifisser proġett li jipprovdi, itejjeb, jopera u/jew iżomm ass fuq skala kbira li jitqies bħala li huwa fl-interess pubbliku ġenerali minn Stat Membru.

Fejn japplika l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, kwalunkwe introjtu li jirriżulta minn proġett ta' infrastruttura pubblika fit-tul għandu jiġi eskluż mill-EBITDA tal-kontribwent, u kwalunkwe kost tas-self eċċessiv ma għandux jiġi inkluż fil-kostijiet tas-self eċċessivi tal-grupp fir-rigward ta' partijiet terzi msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 5.

5.  Meta l-kontribwent ikun membru ta' grupp konsolidat għal finijiet ta' kontabbiltà finanzjarja, il-kontribwent jista' jingħata d-dritt li jew:

(a) 

inaqqas kompletament il-kostijiet tas-self eċċessivi tiegħu jekk ikun jista' juri li l-proporzjon tal-ekwità tiegħu fuq l-assi totali tiegħu huwa ugwali jew ogħla mill-proporzjon ekwivalenti tal-grupp u soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i) 

il-proporzjon tal-ekwità tal-kontribwent fuq l-assi totali tiegħu huwa kkunsidrat ugwali għall-proporzjon ekwivalenti tal-grupp jekk il-proporzjon tal-ekwità tal-kontribwent fuq l-assi totali tiegħu huwa aktar baxx sa żewġ punti perċentwali; u

▼M1

(ii) 

l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha huma vvalutati bl-istess metodu bħal fir-rapporti finanzjarji konsolidati mfassla skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju jew is-sistema nazzjonali ta' rappurtar finanzjarju ta' Stat Membru;

▼B

jew

(b) 

inaqqas kostijiet tas-self eċċessivi għal ammont li jaqbeż dak li kien ikun intitolat li jnaqqas skont il-paragrafu 1. Dan il-limitu ogħla għat-tnaqqis tal-kostijiet tas-self eċċessivi għandu jirreferi għall-grupp konsolidat għal finijiet ta' kontabbiltà finanzjarja li l-kontribwent ikun membru tiegħu u għandu jiġi kkalkolat f'żewġ fażijiet:

(i) 

l-ewwel, il-proporzjon tal-grupp huwa determinat billi jiġu diviżi l-kostijiet tas-self eċċessivi tal-grupp fir-rigward ta' partijiet terzi fuq l-EBITDA tal-grupp; u

(ii) 

it-tieni, il-proporzjon tal-grupp jiġi mmultiplikat bl-EBITDA tal-kontribwent ikkalkulat skont il-paragrafu 2.

6.  L-Istat Membru tal-kontribwent jista' jipprevedi regoli jew:

(a) 

biex jiġu riportati 'l quddiem, mingħajr limitu ta' żmien, il-kostijiet tas-self eċċessivi li ma jistgħux jitnaqqsu fil-perijodu fiskali attwali skont il-paragrafi 1 sa 5;

(b) 

biex jiġu riportati 'l quddiem, mingħajr limitu ta' żmien, u lura, għal massimu ta' tliet snin, il-kostijiet tas-self eċċessivi li ma jistgħux jitnaqqsu fil-perijodu fiskali attwali skont il-paragrafi 1 sa 5; jew

(c) 

biex jiġu riportati 'l quddiem, mingħajr limitu ta' żmien, kostijiet tas-self eċċessivi u, għal żmien massimu ta' ħames snin, kapaċità tal-imgħax mhux użata, li ma tistax titnaqqas fil-perijodu fiskali attwali skont il-paragrafi 1 sa 5.

7.  L-Istati Membri jistgħu jeskludu impriżi finanzjarji mill-kamp ta' applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 6, inkluż meta tali impriżi finanzjarji huma parti minn grupp konsolidat għal finijiet ta' kontabbiltà finanzjarja.

▼M1

8.  Għall-finijiet tal-paragrafi 1 sa 7, il-kontribwent jista' jingħata d-dritt li juża rapporti finanzjarji konsolidati mħejjija taħt standards tal-kontabbiltà oħrajn minbarra l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju jew is-sistema nazzjonali ta' rappurtar finanzjarju ta' Stat Membru.

▼B

Artikolu 5

Tassazzjoni tal-ħruġ

1.  Kontribwent għandu jkun soġġett għat-taxxa f'ammont ugwali għall-valur tas-suq tal-assi trasferiti, fil-ħin tal-ħruġ tal-assi, bil-valur tagħhom għall-finijiet tat-taxxa mnaqqas, fi kwalunkwe waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a) 

kontribwent jittrasferixxi assi mill-uffiċċju prinċipali tiegħu għall-istabbiliment permanenti tiegħu fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz sa fejn l-Istat Membru tal-uffiċċju prinċipali ma għadx għandu d-dritt li jintaxxa l-assi trasferiti minħabba t-trasferiment;

(b) 

kontribwent jittrasferixxi assi mill-istabbiliment permanenti tiegħu fi Stat Membru għall-uffiċċju prinċipali tiegħu jew stabbiliment permanenti ieħor fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz sa fejn l-Istat Membru tal-istabbiliment permanenti ma għadx għandu d-dritt li jintaxxa l-assi trasferiti minħabba t-trasferiment;

(c) 

kontribwent jittrasferixxi r-residenza tat-taxxa tiegħu lejn Stat Membru ieħor jew pajjiż terz, ħlief għal dawk l-assi li jibqgħu effettivament marbutin ma' stabbiliment permanenti fl-ewwel Stat Membru;

(d) 

kontribwent jittrasferixxi l-attività mwettqa mill-istabbiliment permanenti tiegħu fi Stat Membru għal Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz sa fejn l-Istat Membru tal-istabbiliment permanenti ma għadx għandu d-dritt li jintaxxa l-assi trasferiti minħabba t-trasferiment.

2.  Kontribwent għandu jingħata d-dritt li jiddifferixxi l-pagament ta' taxxa tal-ħruġ imsemmija fil-paragrafu 1, billi jħallsu b'pagamenti rateali fuq ħames snin, fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a) 

kontribwent jittrasferixxi assi mill-uffiċċju prinċipali tiegħu għall-istabbiliment permanenti tiegħu fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz li huwa parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-Ftehim ŻEE);

(b) 

kontribwent jittrasferixxi assi mill-istabbiliment permanenti tiegħu fi Stat Membru għall-uffiċċju prinċipali tiegħu jew stabbiliment permanenti ieħor fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz li huwa parti għall-Ftehim ŻEE;

(c) 

kontribwent jittrasferixxi r-residenza tat-taxxa tiegħu lejn Stat Membru ieħor jew pajjiż terz li huwa parti għall-Ftehim ŻEE;

(d) 

kontribwent jittrasferixxi l-attività mwettqa mill-istabbiliment permanenti tiegħu għal Stat Membru ieħor jew pajjiż terz li huwa parti għall-Ftehim ŻEE.

Dan il-paragrafu għandu japplika għal pajjiżi terzi li huma parti għall-Ftehim ŻEE jekk ikunu kkonkludew ftehim mal-Istat Membru tal-kontribwent jew mal-Unjoni dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta' pretensjonijiet ta' taxxa, ekwivalenti għall-assistenza reċiproka prevista fid-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE ( 10 ).

3.  Jekk kontribwent jiddifferixxi l-pagament f'konformità mal-paragrafu 2, l-imgħax jista' jiġi impost f'konformità mal-leġislazzjoni tal-Istat Membru tal-kontribwent jew tal-istabbiliment permanenti, skont il-każ.

Jekk jista' jintwera riskju jew hemm riskju attwali li ma jkunx hemm irkupru, il-kontribwenti jistgħu jinħtieġu wkoll jipprovdu garanzija bħala kondizzjoni għad-differiment tal-pagament f'konformità mal-paragrafu 2.

It-tieni subparagrafu ma għandux japplika meta l-leġislazzjoni fl-Istat Membru tal-kontribwent jew tal-istabbiliment permanenti tipprevedi l-possibbiltà tal-irkupru tad-dejn tat-taxxa permezz ta' kontribwent ieħor li huwa membru tal-istess grupp u huwa residenti f'dak l-Istat Membru għall-finijiet tat-taxxa.

4.  Meta japplika l-paragrafu 2, id-differiment tal-pagament għandu jieqaf minnufih u d-dejn tat-taxxa jkun jista' jiġi rkuprat fil-każijiet li ġejjin:

(a) 

l-assi trasferiti jew l-attività mwettqa mill-istabbiliment permanenti tal-kontribwent jinbiegħu jew b'mod ieħor ċeduti;

(b) 

l-assi trasferiti sussegwentement jiġu trasferiti lejn pajjiż terz;

(c) 

ir-residenza tat-taxxa tal-kontribwent jew l-attività mwettqa mill-istabbiliment permanenti tiegħu sussegwentement jiġu trasferiti lejn pajjiż terz;

(d) 

il-kontribwent ifalli jew jiġi likwidat;

(e) 

il-kontribwent jonqos milli jonora l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-pagamenti rateali u ma jirrettifikax is-sitwazzjoni tiegħu fuq perijodu ta' żmien raġonevoli, li ma jistax jaqbeż 12-il xahar.

Il-punti (b) u (c) ma għandhomx japplikaw għal pajjiżi terzi li huma parti għall-Ftehim ŻEE jekk ikunu kkonkludew ftehim mal-Istat Membru tal-kontribwent jew mal-Unjoni dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta' pretensjonijiet ta' taxxa, ekwivalenti għall-assistenza reċiproka prevista fid-Direttiva 2010/24/UE.

5.  Meta t-trasferiment tal-assi, tar-residenza tat-taxxa jew tal-attività mwettqa mill-istabbiliment permanenti jkun lejn Stat Membru ieħor, dak l-Istat Membru għandu jaċċetta l-valur stabbilit mill-Istat Membru tal-kontribwent jew tal-istabbiliment permanenti bħala l-valur inizjali tal-assi għall-finijiet ta' taxxa, sakemm dan ma jirriflettix il-valur tas-suq.

6.  Għall-finijiet tal-paragrafi 1 sa 5, “valur tas-suq” huwa l-ammont li bih ass jista' jiġi skambjat jew obbligi reċiproċi jistgħu jiġu saldati bejn xerrejja u bejjiegħa disponibbli mhux relatati fi tranżazzjoni diretta.

7.  Sakemm l-assi jkunu destinati li jerġgħu lura lejn l-Istat Membru tat-trasferent fi żmien 12-il xahar, dan l-Artikolu ma għandux japplika għal trasferimenti ta' assi relatati mal-finanzjament ta' titoli, assi depożitati bħala kollateral jew meta t-trasferiment tal-assi jseħħ sabiex jintlaħqu rekwiżiti ta' kapital prudenzjali jew għall-fini tal-ġestjoni tal-likwidità.

Artikolu 6

Regola ġenerali kontra l-abbuż

1.  Għall-finijiet tal-ikkalkolar tal-obbligazzjoni ta' taxxa korporattiva, Stat Membru għandu jinjora arranġament jew sensiela ta' arranġamenti li, peress li jkunu ġew stabbiliti għall-fini ewlieni jew għal wieħed mill-finijiet ewlenin li jinkiseb benefiċċju fiskali li jmur kontra l-objettiv jew il-fini tal-liġi applikabbli tat-taxxa, ma jkunux ġenwini fir-rigward tal-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha. Arranġament jista' jinkludi aktar minn pass wieħed jew parti waħda.

2.  Għall-finijiet tal-paragrafu 1, arranġament jew sensiela tagħhom għandhom jitqiesu mhux ġenwini sa fejn ma jkunux ġew stabbiliti għal raġunijiet kummerċjali validi li jirriflettu r-realtà ekonomika.

3.  Meta arranġamenti jew sensiela tagħhom tiġi injorata f'konformità mal-paragrafu 1, l-obbligazzjoni ta' taxxa għandha tkun ikkalkolata f'konformità mal-liġi nazzjonali.

Artikolu 7

Regoli dwar il-kumpanniji kkontrollati minn barra l-pajjiż

1.  L-Istat Membru ta' kontribwent għandu jittratta entità, jew stabbiliment permanenti li l-profitti tiegħu mhumiex soġġetti għat-taxxa jew huma eżentati mit-taxxa f'dak l-Istat Membru, bħala kumpannija barranija kkontrollata meta jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

fil-kas ta' entità, il-kontribwent waħdu, jew flimkien mal-impriżi assoċjati tiegħu jkollu parteċipazzjoni diretta jew indiretta ta' aktar minn 50 fil-mija tad-drittijiet tal-vot, jew ikollu sjieda direttament jew indirettament ta' aktar minn 50 fil-mija tal-kapital jew huwa ntitolat li jirċievi aktar minn 50 fil-mija tal-profitti ta' dik l-entità; u

(b) 

it-taxxa korporattiva attwali mħallsa fuq il-profitti tagħha mill-entità jew stabbiliment permanenti hija anqas mid-differenza bejn it-taxxa korporattiva li kienet tkun imposta fuq l-entità jew stabbiliment permanenti taħt is-sistema tat-taxxa korporattiva applikabbli fl-Istat Membru tal-kontribwent u t-taxxa korporattiva attwali mħallsa fuq il-profitti tagħha mill-entità jew stabbiliment permanenti.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-istabbiliment permanenti ta' kumpannija barranija kkontrollata li mhux soġġett għat-taxxa jew huwa eżentat mit-taxxa fil-ġurisdizzjoni tal-kumpannija barranija kkontrollata ma għandux jittieħed kont tiegħu. Barra minn hekk it-taxxa korporattiva li kienet tkun imposta fl-Istat Membru tal-kontribwent tfisser kif ikkomputata skont ir-regoli tal-Istat Membru tal-kontribwent.

2.  Meta entità jew stabbiliment permanenti jiġi trattat bħala kumpannija barranija kkontrollata skont il-paragrafu 1, l-Istat Membru tal-kontribwent għandu jinkludi fil-bażi tat-taxxa:

(a) 

l-introjtu mhux iddistribwit tal-entità jew l-introjtu tal-istabbiliment permanenti li ġej mill-kategoriji li ġejjin:

(i) 

imgħax jew kwalunkwe introjtu ieħor iġġenerat minn assi finanzjarji;

(ii) 

royalties jew kwalunkwe introjtu ieħor iġġenerat minn proprjetà intellettwali;

(iii) 

dividendi u introjtu miċ-ċessjoni ta' ishma;

(iv) 

introjtu minn self finanzjarju;

(v) 

introjtu minn attivitajiet tal-assigurazzjoni, dawk bankarji u dawk finanzjarji oħra;

(vi) 

introjtu minn kumpanniji ta' fatturazzjoni li jaqilgħu introjtu fuq bejgħ u servizzi minn oġġetti u servizzi mixtrija minn, jew mibjugħa lil, intrapriżi assoċjati, u li ma jżidu l-ebda valur ekonomiku jew iżidu ftit;

Dan il-punt ma għandux japplika fejn il-kumpannija barranija kkontrollata twettaq attività ekonomika sostantiva appoġġata minn persunal, tagħmir, assi u proprjetajiet, kif jixhdu l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti.

Meta l-kumpannija barranija kkontrollata tkun residenti jew tinsab f'pajjiż terz li mhux parti mill-Ftehim ŻEE, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jżommu lura milli japplikaw is-subparagrafu preċedenti.

jew

(b) 

l-introjtu mhux iddistribwit tal-entità jew stabbiliment permanenti li jirriżulta minn arranġamenti mhux ġenwini li ġew stabbiliti għall-fini essenzjali li jinkiseb benefiċċju fiskali.

Għall-finijiet ta' dan il-punt, arranġament jew sensiela tagħhom għandhom jitqiesu bħala mhux ġenwini sa fejn l-entità jew l-istabbiliment permanenti ma jkunx il-propjetarju tal-assi jew ma jkunx ħa r-riskji li jiġġeneraw l-introjtu kollu tiegħu, jew parti minnu, li kieku ma kienx ikkontrollat minn kumpannija fejn jitwettqu l-funzjonijiet tal-persuni sinifikanti, li huma rilevanti għal dawk l-assi u riskji, u li huma strumentali biex jiġi ġġenerat l-introjtu tal-kumpannija kkontrollata.

3.  Meta, skont ir-regoli ta' Stat Membru, il-bażi tat-taxxa ta' kontribwent tiġi kkalkolata skont il-punt (a) tal-paragrafu 2, l-Istat Membru jista' jagħżel li ma jittrattax entità jew stabbiliment permanenti bħala kumpannija barranija kkontrollata skont il-paragrafu 1 jekk terz jew inqas tal-introjtu li takkumula l-entità jew l-istabbiliment permanenti jaqa' fil-kategoriji taħt il-punt (a) tal-paragrafu 2.

Meta, skont ir-regoli ta' Stat Membru, il-bażi tat-taxxa tal-kontribwent hija kkalkolata skont il-punt (a) tal-paragrafu 2, l-Istat Membru jista' jagħżel li ma jittrattax impriżi finanzjarji bħala kumpanniji kkontrollati minn barra l-pajjiż jekk terz jew aktar tal-introjtu tal-entità mill-kategoriji taħt il-punt (a) tal-paragrafu 2 jiġi minn transazzjonijiet mal-kontribwent jew mal-intrapriżi assoċjati tiegħu.

4.  L-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kamp ta' applikazzjoni tal-punt (b) tal-paragrafu 2 entità jew stabbiliment permanenti:

(a) 

bi profitti kontabilistiċi ta' mhux aktar minn EUR 750 000 , u b'introjtu mhux mill-kummerċ ta' mhux aktar minn EUR 75 000 ; jew

(b) 

li l-profitti kontabilistiċi tiegħu jammontaw għal mhux aktar minn 10 fil-mija tal-kostijiet operatorji għall-perijodu tat-taxxa.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, il-kostijiet operatorji ma jistgħux jinkludu l-kost tal-oġġetti mibjugħa barra l-pajjiż fejn l-entità hija residenti, jew fejn jinsab l-istabbiliment permanenti, għall-finijiet tat-taxxa u pagamenti lil intrapriżi assoċjati.

Artikolu 8

Komputazzjoni tal-introjtu ta' kumpannija barranija kkontrollata

1.  Meta japplika l-punt (a) tal-Artikolu 7(2), l-introjtu li għandu jkun inkluż fil-bażi tat-taxxa għandu jkun ikkalkolat f'konformità mar-regoli tal-liġi dwar it-taxxa korporattiva tal-Istat Membru fejn jinsab il-kontribwent jew huwa residenti għall-finijiet ta' taxxa. It-telf tal-entità jew tal-istabbiliment permanenti ma għandux ikun inkluż fil-bażi tat-taxxa iżda jista' jiġi riportat 'il quddiem, f'konformità mal-liġi nazzjonali, u jittieħed kont tiegħu f'perijodi fiskali sussegwenti.

2.  Meta japplika punt (b) tal-Artikolu 7(2), l-introjtu li għandu jkun inkluż fil-bażi tat-taxxa tal-kontribwent għandu jkun limitat għal ammonti ġġenerati permezz ta' assi u riskji marbutin ma' funzjonijiet ta' persuni sinifikanti li jitwettqu mill-kumpannija li tikkontrolla. L-attribuzzjoni ta' introjtu ta' kumpannija barranija kkontrollata għandha tkun ikkalkolata f'konformità mal-prinċipju tad-distakkament.

3.  L-introjtu li għandu jkun inkluż fil-bażi tat-taxxa għandu jkun ikkalkolat fi proporzjon mal-parteċipazzjoni tal-kontribwent fl-entità kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 7(1).

4.  L-introjtu għandu jkun inkluż fil-perijodu fiskali tal-kontribwent li fih tintemm is-sena fiskali tal-entità.

5.  Meta l-entità tiddistribwixxi l-profitti lill-kontribwent, u dawk il-profitti distribwiti jkunu inklużi fl-introjtu taxxabbli tal-kontribwent, l-ammonti tal-introjtu inklużi preċedentement fil-bażi tat-taxxa skont l-Artikolu 7 għandhom jitnaqqsu mill-bażi tat-taxxa meta jiġi kkalkolat l-ammont ta' taxxa dovuta fuq il-profitti distribwiti, sabiex ikun żgurat li ma jkunx hemm tassazzjoni doppja.

6.  Meta l-kontribwent iċedi l-parteċipazzjoni tiegħu fl-entità jew mill-attività mwettqa mill-istabbiliment permanenti, u kwalunkwe parti tar-rikavat miċ-ċessjoni tkun ġiet inkluża qabel fil-bażi tat-taxxa skont l-Artikolu 7, dak l-ammont għandu jitnaqqas mill-bażi tat-taxxa meta jiġi kkalkolat l-ammont ta' taxxa dovuta għal dak ir-rikavat, sabiex ikun żgurat li ma jkunx hemm tassazzjoni doppja.

7.  L-Istat Membru tal-kontribwent għandu jippermetti tnaqqis tat-taxxa mħallsa mill-entità jew mill-istabbiliment permanenti mill-obbligazzjoni ta' taxxa tal-kontribwent fl-istat tar-residenza jew il-post tat-taxxa tiegħu. It-tnaqqis għandu jiġi kkalkulat skont il-liġi nazzjonali.

▼M1

Artikolu 9

Diskrepanzi ibridi

1.  Sal-punt li diskrepanza ibrida tirriżulta fi tnaqqis doppju:

(a) 

it-tnaqqis għandu jiġi miċħud fl-Istat Membru li huwa l-ġurisdizzjoni tal-investitur; u

(b) 

fejn it-tnaqqis ma jiġix miċħud fil-ġurisdizzjoni tal-investitur, it-tnaqqis għandu jiġi miċħud fl-Istat Membru li huwa l-ġurisdizzjoni tal-pagatur.

Madankollu, kwalunkwe tnaqqis bħal dan għandu jkun eliġibbli li jkun ikkumpensat b'introjtu b'inklużjoni doppja jekk l-introjtu jirriżulta f'perijodu tat-taxxa kurrenti jew f'wieħed sussegwenti.

2.  Sal-punt li diskrepanza ibrida tirriżulta fi tnaqqis mingħajr inklużjoni:

(a) 

it-tnaqqis għandu jiġi miċħud fl-Istat Membru li huwa l-ġurisdizzjoni tal-pagatur; u

(b) 

meta t-tnaqqis ma jiġix miċħud fil-ġurisdizzjoni tal-pagatur, l-ammont tal-pagament li altrimenti jwassal għal eżitu ta' diskrepanza għandu jiġu inkluż fl-introjtu fl-Istat Membru li huwa l-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju.

3.  Stat Membru għandu jiċħad tnaqqis għal kwalunkwe pagament minn kontribwent sal-punt li pagament bħal dak jiffinanzja direttament jew indirettament spejjeż deduċibbli li jwasslu għal diskrepanza ibrida permezz ta' tranżazzjoni jew serje ta' tranżazzjonijiet bejn impriżi assoċjati jew li sar bħala parti minn arranġament strutturat ħlief sal-punt li waħda mill-ġurisdizzjonijiet involuta fit-transazzjoni jew fis-serje ta' transazzjonijiet ma tkunx għamlet aġġustament ekwivalenti fir-rigward ta' diskrepanza ibrida bħal dik.

4.  Stat Membru jista' jeskludi mill-kamp ta' applikazzjoni:

(a) 

tal-punt (b) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu diskrepanzi ibridi kif definiti fil-punti (b), (c), (d) jew (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(9);

(b) 

tal-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu diskrepanzi ibridi li jirriżultaw minn pagament ta' imgħax permezz ta' strument finanzjarju lil intrapriża assoċjata fejn:

(i) 

l-istrument finanzjarju jkollu karatteristiċi ta' konverżjoni, rikapitalizzazzjoni interna jew valwazzjoni negattiva;

(ii) 

l-istrument finanzjarju jkun inħareġ bl-iskop waħdieni li jissodisfa r-rekwiżiti tal-kapaċità tal-assorbiment tat-telf applikabbli għas-settur bankarju u l-istrument finanzjarju jkun rikonoxxut bħala tali fir-rekwiżiti tal-kapaċità tal-assorbiment tat-telf tal-kontribwent;

(iii) 

l-istrument finanzjarju jkun inħareġ

— 
b'rabta ma' strumenti finanzjarji b'karatteristiċi ta' konverżjoni, rikapitalizzazzjoni interna jew valwazzjoni negattiva fil-livell ta' impriża prinċipali;
— 
fil-livell meħtieġ biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-kapaċità tal-assorbiment tat-telf applikabbli;
— 
mhux bħala parti minn arranġament strutturat; u
(iv) 

it-tnaqqis nett ġenerali għall-grupp konsolidat taħt l-arranġament ma jaqbiżx l-ammont li kien ikun li kieku l-kontribwent ħareġ tali strument finanzjarju direttament fis-suq.

Il-punt (b) għandu japplika sal-31 ta' Diċembru 2022.

5.  Sal-punt li diskrepanza ibrida tinvolvi introjtu ta' stabbiliment permanenti injorat li mhuwiex soġġett għal tassazzjoni fl-Istat Membru li fih huwa residenti l-kontribwent għall-finijiet ta' taxxa, dak l-Istat Membru għandu jitlob lill-kontribwent jinkludi l-introjtu li altrimenti jkun attribwit lill-istabbiliment permanenti injorat. Dan japplika sakemm l-Istat Membru ma jkunx obbligat jeżenta l-introjtu taħt trattat dwar it-taxxa doppja li l-Istat Membru jkun daħal fih ma' pajjiż terz.

6.  Sal-punt li trasferiment ibridu huwa maħsub biex jipproduċi ħelsien mit-taxxa mis-sors fuq pagament derivat minn strument finanzjarju trasferit lil aktar minn waħda mill-partijiet involuti, l-Istat Membru tal-kontribwent għandu jillimita l-benefiċċju ta' tali ħelsien fi proporzjon mal-introjtu taxxabbli nett fir-rigward ta' tali pagament.

▼M1

Artikolu 9b

Diskrepanzi tar-residenza tat-taxxa

Sal-punt li tnaqqis għal pagament, spiża jew telf ta' kontribwent li huwa residenti għal finijiet ta' taxxa f'żewġ ġurisdizzjonijiet jew aktar huwa deduċibbli mill-bażi tat-taxxa fiż-żewġ ġurisdizzjonijiet, l-Istat Membru tal-kontribwent għandu jiċħad it-tnaqqis sal-punt li dik il-ġurisdizzjoni l-oħra tippermetti li t-tnaqqis doppju jkun ikkumpensat b'introjtu li mhuwiex introjtu b'inklużjoni doppja. Jekk iż-żewġ ġurisdizzjonijiet huma Stati Membri, l-Istat Membru fejn il-kontribwent ma jitqiesx bħala residenti skont it-trattat dwar tassazzjoni doppja bejn iż-żewġ Stati Membri kkonċernati għandu jiċħad it-tnaqqis.

▼B



KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 10

Rieżami

1.  Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari l-impatt tal-Artikolu 4, sad-9 ta' Awwissu 2020 u tirrapporta lill-Kunsill dwarha. Ir-rapport mill-Kummissjoni għandu, jekk ikun il-każ, jiġi akkumpanjat minn proposta leġislattiva.

▼M1

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni tal-Artikoli 9 u 9b, u b'mod partikolari l-konsegwenzi tal-eżenzjoni stabbilita fil-punt (b) tal-Artikolu 9(4), sal-1 ta' Jannar 2022 u tirrapporta lill-Kunsill dwarha.

▼B

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

3.  L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 11(6) għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni qabel l-1 ta' Lulju 2017 kull informazzjoni neċessarja sabiex tiġi evalwata l-effettività tar-regoli nazzjonali mmirati biex jipprevjenu r-riskji tal-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitti (BEPS).

Artikolu 11

Traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom, sal-31 ta' Diċembru 2018, jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2019.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

3.  Fejn din id-Direttiva ssemmi ammont monetarju f'euro (EUR), l-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro jistgħu jagħżlu li jikkalkulaw il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-12 ta' Lulju 2016.

4.  B'deroga mill-Artikolu 5(2), l-Estonja tista' tikkunsidra, dment li ma tintaxxax profitti mhux distribwiti, trasferiment ta' assi f'forma monetarja jew nonmonetarja, inkluż il-forma kontanti, minn stabbiliment permanenti li jinsab fl-Estonja għal uffiċċju prinċipali jew stabbiliment permanenti ieħor fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz li huwa parti għall-Ftehim ŻEE bħala profitt imqassam u titlob it-taxxa fuq id-dħul, mingħajr ma tagħti lill-kontribwenti d-dritt li jiddeferixxu mill-ħlas ta' tali taxxa.

5.  B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom, sal-31 ta' Diċembru 2019, jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 5. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2020.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

▼M1

5a.  B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom, sal-31 ta' Diċembru 2019, jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 9. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2020.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-mument tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

▼B

6.  B'deroga mill-Artikolu 4, l-Istati Membri li għandhom regoli nazzjonali mmirati biex jipprevjenu r-riskji ta' BEPS fit-8 ta' Awwissu 2016, li huma effettivi ndaqs għar-regola dwar il-limitazzjoni tal-imgħax stipulata f'din id-Direttiva, jistgħu japplikaw dawn ir-regoli mmirati sa tmiem l-ewwel sena fiskali sħiħa wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-ftehim bejn il-membri tal-OECD fuq is-sit web uffiċjali fuq standard minimu fir-rigward tal-Azzjoni 4 tal-BEPS, iżda mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2024.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 13

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.



( 1 ) Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).

( 2 ) Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

( 3 ) Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal- impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

( 4 ) Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

( 5 ) Id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' irtirar okkupazzjonali (ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10).

( 6 ) Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).

( 7 ) Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1).

( 8 ) Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

( 9 ) Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).

( 10 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta' Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta' talbiet relatati ma' taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU L 84, 31.3.2010, p. 1).

Top