EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02015D1500-20151211

Consolidated text: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1500 tas- 7 ta' Settembru 2015 rigward ċerti miżuri ta' ħarsien kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1423 (notifikata bid-dokument C(2015) 6221) (It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/1500/2015-12-11

2015D1500 — MT — 11.12.2015 — 002.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1500

tas-7 ta' Settembru 2015

rigward ċerti miżuri ta' ħarsien kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1423

(notifikata bid-dokument C(2015) 6221)

(It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 234 8.9.2015, p. 19)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2055 tal-10 ta' Novembru 2015

  L 300

31

17.11.2015

►M2

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2311 tad-9 ta' Diċembru 2015

  L 326

65

11.12.2015




▼B

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1500

tas-7 ta' Settembru 2015

rigward ċerti miżuri ta' ħarsien kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1423

(notifikata bid-dokument C(2015) 6221)

(It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern ( 1 ), u b'mod partikulari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern ( 2 ), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman ( 3 ), u b'mod partikulari l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

Il-marda tal-infafet fil-ġilda hija marda virali li primarjament tittieħed minn vettur tal-annimali bovini, ikkaratterizzata minn telfiet sinifikanti u bil-potenzjal li tinfirex sew, l-aktar permezz ta' movimenti u kummerċ tal-annimali suxxettibbli ħajjin u l-prodotti tagħhom. Il-marda mhijiex ta' importanza għas-saħħa pubblika minħabba li l-vajrus tal-marda tal-infafet fil-ġilda ma jistax jiġi trażmess lill-bniedem.

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE ( 4 ) tistabbilixxi miżuri ġenerali għall-kontroll ta' ċertu mard tal-annimali, inkluża l-marda tal-infafet fil-ġilda. Dawn jinkludu l-miżuri li għandhom jittieħdu f'każ ta' suspett u konferma tal-marda tal-infafet fil-ġilda f'azjenda, il-miżuri li għandhom jittieħdu f'żoni ristretti u miżuri addizzjonali oħrajn sabiex tiġi kkontrollata l-marda.

(3)

Fl-20 ta' Awwissu 2015, l-awtoritajiet Griegi nnotifikaw lill-Kummissjoni b'żewġ tifqigħat tal-marda tal-infafet fil-ġilda f'azjendi bovini b'madwar 200 annimal bovin fil-prefettura ta' Feres, fl-unità reġjonali ta' Evros fil-Greċja. Dawn it-tifqigħat jirrappreżentaw l-ewwel okkorrenza tal-marda tal-infafet fil-ġilda fl-Unjoni.

(4)

Il-Greċja applikat il-miżuri fil-qafas tad-Direttiva 92/119/KEE, u b'mod partikolari stabbiliet żoni ta' protezzjoni u sorveljanza madwar it-tifqigħat b'konformità mal-Artikolu 10 ta' dik id-Direttiva.

(5)

Ir-riskju li l-marda tal-infafet fil-ġilda tinfirex lejn żoni oħra tal-Greċja u lejn Stati Membri oħra, partikolarment permezz tal-kummerċ tal-annimali bovini ħajjin u l-prodotti ġerminali tagħhom, għandu jiġi kkontrollat il-moviment ta' ċerti ruminanti selvaġġi u t-tqegħid fis-suq ta' ċerti prodotti li ġejjin mill-annimali bovini.

(6)

Sabiex jiġi evitat it-tixrid tagħha lejn partijiet oħra tal-Greċja, lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1423 ( 5 ) li tipprevedi miżuri protettivi interim u tipprojbixxi l-moviment u d-dispaċċ ta' annimali bovini u s-semen tagħhom kif ukoll it-tqegħid fis-suq ta' ċertu prodotti tal-annimali mill-unità reġjonali ta' Evros jiġu projbiti.

(7)

Wara li tasal aktar informazzjoni dwar il-qagħda epidemjoloġika fil-Greċja huwa possibbli li dawk il-miżuri jiġu ssupplimentati permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskji.

(8)

Id-definizzjonijiet użati għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni huma dawk previsti fil-leġiżlazzjoni eżistenti u, b'mod partikolari, fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/119/KEE, l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE ( 6 ) u l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE ( 7 ). Madankollu, xi termini speċifiċi huma speċifikament maħluqa u użati għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni u għandhom għalhekk jiġi ddefiniti fiha.

(9)

Huwa neċessarju li tiġi ddefinita l-parti tat-territorju tal-Greċja li hija meqjusa bħala ħielsa mill-marda tal-infafet fil-ġilda u li mhix soġġetta għar-restrizzjonijiet skont id-Direttiva 92/119/KEE u d-Deċiżjoni preżenti. Huwa għalhekk xieraq li tiġi stabbilita żona ristretta f'Anness, filwaqt li jitqies il-livell ta' riskju għat-tixrid tal-marda. Il-konfini ġeografiċi ta' tali żona għandhom jissejsu fuq ir-riskju u l-eżitu ta' traċċar ta' kuntatti possibbli mal-azjenda infettata, ir-rwol possibbli tal-vetturi u tal-possibilità li jkunu implimentati kontrolli suffiċjenti fuq iċ-ċaqliq ta' annimali u prodotti. It-tali żona għandha tinkludi kull żona ta' protezzjoni u sorveljanza stabbilita skont id-Direttiva 92/119/KEE. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Greċja, it-territorju kollu tal-unità reġjonali ta' Evros fil-Greċja għandu jitqies bħala żona ristretta.

(10)

Huwa meħtieġ ukoll li jkunu previsti ċerti restrizzjonijiet fuq id-dispaċċ ta' annimali ta' speċijiet suxxettibbli u l-prodotti ġerminali tagħhom minn din iż-żona ristretta, kif ukoll restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali u prodotti sekondarji tal-annimali minn tali żona.

(11)

F'każ ta' tifqigħa tal-marda tal-infafet fil-ġilda, l-Artikolu 19 tad-Direttiva 92/119/KEE jipprevedi l-possibbiltà li jiġi applikat it-tilqim kontra dik il-marda. Fil-preżent, it-tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja huwa pprojbit. Madankollu, il-Greċja indikat l-intenzjoni tagħha li tipproċedi b'tilqim ta' emerġenza kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda. Ir-riskju tat-tixrid tal-marda permezz ta' annimali u l-prodotti tagħhom f'każ ta' annimali mlaqqma hija differenti minn f'każ ta' annimali mhux imlaqqma. Għalhekk, dawk ir-riskji għandhom jiġu indirizzati b'mod separat u mhumiex is-suġġett ta' din id-Deċiżjoni.

(12)

F'termini ta' riskju ta' tixrid tal-marda tal-infafet fil-ġilda, komoditajiet differenti joħolqu livelli differenti ta' riskju. Kif intqal fl-Opinjoni Xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar il-marda tal-infafet fil-ġilda ( 8 ), il-moviment ta' annimali bovini ħajjin, semen bovina u ġlud mhux ipproċessati u ġlud ta' annimali bovini infettati, joħolqu aktar riskji mil-lat ta' esponiment u konsegwenzi minn prodotti oħra bħall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, ġlud ittrattati jew laħam frisk, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li joriġinaw minn annimali bovini, fejn ma jkunx hemm evidenza xjentifika jew sperimentali dwar ir-rwol tagħhom fit-trażmissjoni tal-marda. Għalhekk, il-miżuri f'din id-Deċiżjoni jeħtieġ li jkunu bbilanċjati u proporzjonati għar-riskji.

(13)

Il-movimenti ta' annimali bovini ħajjin mill-unità reġjonali ta' Evros għandhom ikomplu jiġu pprojbiti sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-marda. Skont l-opinjoni xjentifika tal-EFSA dwar il-marda tal-infafet fil-ġilda u tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), il-fawna selvaġġa, jiġifieri ċerti ruminanti selvaġġi eżotiċi jistgħu potenzjalment ikollhom rwol fit-trażmissjoni tal-marda, b'mod partikolari fl-Afrika fejn il-marda hija endemika. Għalhekk xi miżuri preventivi għandhom ukoll japplikaw għar-ruminanti selvaġġi. Fin-nuqqas ta' regoli iktar preċiżi fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-istandards internazzjonali xierqa għal dawn il-movimenti pprovduti mill-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OIE (OIE Terrestrial Animal Health Code) ( 9 ) għandhom jintużaw għal dan l-għan.

(14)

Billi l-Greċja talbet għal eżenzjoni mill-projbizzjoni tad-dispaċċ ta' annimali bovini direttament għall-qatla minn azjendi li jinsabu fiż-żona ristretta barra ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza u tali eżenzjoni hija prevista fl-Artikolu 11.11.5. tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OIE, huwa xieraq li jkun permess id-dispaċċ ta' kunsinni bħal dawn taħt ċerti kundizzjonijiet.

(15)

Bl-istess mod, it-trażmissjoni tal-mard permezz ta' semen u embrijuni ta' annimali tal-ispeċi bovina ma tistax tiġi eskluża. Għalhekk, ċerti miżuri ta' protezzjoni għandhom jiġu pprovduti għal dawk il-prodotti. Fin-nuqqas ta' standards tal-Unjoni, l-opinjoni xjentifika tal-EFSA dwar il-marda tal-infafet fil-ġilda u r-rakkomandazzjonijiet xierqa tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OIE għandhom jintużaw għal dan l-għan.

(16)

Skont l-opinjoni xjentifika tal-EFSA dwar il-marda tal-infafet fil-ġilda, it-trażmissjoni tal-vajrus tal-marda tal-infafet fil-ġilda permezz tal-isperma (tgħammir naturali inkella b'inseminazzjoni artifiċjali) intweriet b'mod sperimentali, u l-vajrus tal-marda tal-infafet fil-ġilda ġie iżolat f'semen ta' barrin infettati għall-għan sperimentali. Il-ġbir u l-użu ta' semen ta' annimali tal-ispeċi tal-bovini li joriġinaw fiż-żona ristretta għandhom għalhekk ikunu pprojbiti.

(17)

Skont l-Artikolu 4.7.14 tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OIE, il-marda tal-infafet fil-ġilda hija assenjata skont il-Manwal tas-Soċjetà Internazzjonali tat-Trasferiment tal-Embrijuni bħala marda tal-Kategorija 4 jew aġent patoġeniku, l-istess bħal dawk li għalihom twettqu l-istudji, jew li l-istudji jinsabu għaddejjin dwarhom, li jindika li l-ebda konklużjoni ma għadha possibbli fir-rigward tal-livell ta' riskju ta' trażmissjoni jew li r-riskju tat-trażmissjoni permezz ta'trasferiment ta' embrijuni jista' ma jkunx negliġibbli anki jekk l-embrijuni jiġu ttrattati kif jixraq skont dan il-Manwal bejn il-ġbir u t-trasferiment. Il-ġbir u l-użu ta' embrijuni ta' annimali tal-ispeċi tal-bovini li joriġinaw fiż-żona ristretta għandhom għalhekk ikunu pprojbiti.

(18)

Ma hemm l-ebda evidenza xjentifika jew sperimentali li tissuġġerixxi t-trażmissjoni tal-vajrus fost l-annimali suxxettibbli permezz ta' laħam frisk, preparazzjonijiet tal-laħam jew prodotti tal-laħam. Għalkemm l-opinjoni xjentifika tal-EFSA dwar il-marda tal-infafet fil-ġilda tindika li l-vajrus jista' jgħix fil-laħam għal perjodu ta' żmien mhux indikat, il-projbizzjoni eżistenti tal-Unjoni fuq l-għalf ta' proteini ruminanti lil ruminanti teskludi l-possibbiltà ta' trażmissjoni orali improbabbli ta' vajrus possibbli. Biex jiġi evitat ir-riskju li tinfirex il-marda, it-tqegħid fis-suq ta' laħam frisk, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam minn annimali bovini li joriġinaw fl-unità reġjonali ta' Evros għandhom ikunu permessi biss meta l-laħam frisk prodott minn annimali bovini jkun miżmum f'azjendi ħielsa mill-marda li jinsabu fiż-żona ristretta stabbilita barra ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza. Laħam bħal dan għandu jitqiegħed fis-suq fit-territorju tal-Greċja biss.

(19)

Barra minn hekk, id-dispaċċ ta' kunsinni ta' laħam frisk, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam miksuba minn laħam frisk miksub minn annimali miżmuma barra ż-żona ristretta u pproċessat fi stabbilimenti li jinsabu fiż-żona ristretta barra ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza jistgħu jkunu permessi taħt ċerti kundizzjonijiet.

(20)

Kolostru, prodotti tal-ħalib u prodotti tal-ħalib użati bħala għalf tal-annimali jista' jkollhom rwol importanti fit-tixrid tal-marda, b'mod partikolari, meta l-kolostru, il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib ma jkunux ġew ittrattati bis-sħana jew aċidifikati biżżejjed biex jiġi inattivat il-vajrus.

(21)

Il-Greċja talbet għal eżenzjoni mill-projbizzjoni tad-dispaċċ ta' ħalib ippastorizzat u prodotti tal-ħalib għall-konsum mill-bniedem minn azjendi li jinsabu fiż-żona ristretta barra ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza, billi l-Opinjoni Xjentifika tal-EFSA dwar riskji ta' saħħet l-annimali mit-tmigħ ta' annimali bi prodotti tal-ħalib lesti għall-użu mingħajr trattamenti ulterjuri ( 10 ) tispeċifika b'mod iktar preċiż xi metodi li jistgħu jtaffu r-riskji li tinfirex il-marda tal-infafet fil-ġilda permezz tal-ħalib u prodotti tal-ħalib, u huwa possibbli li jiġi permess id-dispaċċ ta' kunsinni ta' ħalib u prodotti tal-ħalib għall-konsum uman taħt ċerti kundizzjonijiet.

(22)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 ( 11 ), jistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni għar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 12 ), inklużi r-rekwiżiti għall-ipproċessar sikur ta' prodotti sekondarji u derivati tal-annimali. Għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-marda tal-infafet fil-ġilda, it-tqegħid fis-suq ta' prodotti sekondarji tal-annimali mhux ipproċessati għandu jiġi pprojbit. Ir-referenza għal prodotti sekondarji proċessati tal-annimali f'din id-Deċiżjoni għandha tinqara bħala referenza għall-istandards tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 142/2011.

(23)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni għandhom jissostitwixxu l-miżuri interim ta' ħarsien kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja previsti fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1423. Għalhekk dik id-Deċiżjoni għandha tiġi revokata.

(24)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:



Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.  Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi ċerti miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali ta' protezzjoni fir-rigward tal-marda tal-infafet fil-ġilda kkonfermata fil-Greċja.

2.  F'każ ta' kunflitt, il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni għandhom jieħdu l-preċedenza fuq il-miżuri adottati mill-Greċja fil-qafas tad-Direttiva 92/119/KEE.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet segwenti:

(a) “annimal bovin” tfisser ungalat tal-ispeċijiet Bos taurus, Bos indicus, Bison bison u Bubalus bubalis;

(b) “żona ristretta” hija parti mit-territorju ta' Stat Membru elenkata fl-Anness għal din id-Deċiżjoni li tinkludi ż-żona fejn ġiet ikkonfermata l-marda tal-infafet fil-ġilda u kwalunkwe żona ta' protezzjoni u sorveljanza stabbilita skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/119/KEE.

Artikolu 3

Projbizzjoni fuq il-moviment u t-tqassim ta' ċerti annimali u s-semen u l-embrijuni tagħhom, u t-tqegħid fis-suq ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali u prodotti sekondarji tal-annimali

1.  Il-Greċja għandha tipprojbixxi d-dispaċċ tal-prodotti li ġejjin miż-żona ristretta lejn partijiet oħra tal-Greċja, lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi:

(a) annimali bovini ħajjin u ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq;

(b) semen, ova u embrijuni ta' annimali mill-ispeċi tal-bovini;

2.  Il-Greċja għandha tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq barra miż-żona ristretta tal-prodotti li ġejjin li huma prodotti minn annimali bovini u ruminanti selvaġġi kkaċċjati fiż-żona ristretta jew miżmuma fiha:

(a) laħam frisk u preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam prodotti minn tali laħam frisk;

(b) kolostru, ħalib u prodotti tal-ħalib minn annimali bovini;

(c) ġlud friski ta'annimali bovini u ruminanti selvaġġi, għajr dawk imsemmija fil-punt (d);

(d) prodotti sekondarji mhux proċessati ta' annimali bovini, sakemm mhux destinati, taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-awtorità kompetenti, għar-rimi f'impjant approvat skont ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 fit-territorju tal-Greċja.

Artikolu 4

Deroga mill-projbizzjoni fuq id-dispaċċ ta' annimali bovini ħajjin u ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq għal qtil dirett u d-dispaċċ ta' laħam frisk, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam miksuba minn dawn l-annimali

▼M1

1.  B'deroga mill-projbizzjoni prevista fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1), l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza d-dispaċċ ta' annimali bovini u ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq minn azjendi li jinsabu fiż-żona ristretta għal biċċerija li tinsab f'partijiet oħra tal-Greċja dejjem jekk:

(a) l-annimali kienu residenti mit-twelid jew għal dawn l-aħħar 28 jum, fi stabbiliment fejn l-ebda każ tal-marda tal-infafet fil-ġilda ma ġie rrappurtat uffiċjalment matul dak il-perjodu;

(b) l-annimali ġew spezzjonati klinikament waqt it-tagħbija u ma ppreżentawx xi sintomi kliniċi tal-marda tal-infafet fil-ġilda;

(c) l-annimali jiġu ttrasportati għall-qatla immedjata b'mod dirett, mingħajr waqfien jew ħatt;

(d) il-biċċerija tiġi nnominata għal dan il-għan mill-awtorità kompetenti;

(e) l-awtorità kompetenti tal-biċċerija għandha tiġi informata mill-awtorità tad-dispaċċ kompetenti bl-intenzjoni li jintbagħtu l-annimali f'dik il-biċċerija u tinnotifika lill-awtorità kompetenti tad-dispaċċ bil-wasla tagħhom;

(f) mal-wasla fil-biċċerija, dawn l-annimali jinżammu u jinqatlu separatament minn annimali oħra fi żmien inqas minn 36 siegħa;

(g) l-annimali maħsuba li se jiġu soġġetti għal moviment

(i) jew ma ġewx vaċċinati kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda u nżammu f'azjendi

 fejn il-vaċċinazzjoni ma twettqitx u li jinsabu barra ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza; jew

 fejn il-vaċċinazzjoni twettqet u li jinsabu barra ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza u perjodu ta' stennija ta' mill-inqas seba (7) t'ijiem wara l-vaċċinazzjoni fil-merħla skada; jew

 li jinsabu f'żona ta' sorveljanza miżmuma għal aktar minn 30 jum minħabba l-okkorrenza ta' każijiet oħra tal-marda; jew

(ii) ġew vaċċinati kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda mill-inqas 28 jum qabel il-moviment u ġew minn azjenda li fiha l-annimali kollha suxxettibbli kienu ġew vaċċinati għall-inqas 28 jum qabel il-moviment maħsub.

▼B

2.  Kull dispaċċ ta' annimali bovini u ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq skont il-paragrafu 1 għandu jseħħ biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-mezz ta' trasport ikun imnaddaf u diżinfettat kif xieraq qabel u wara t-tagħbija ta' tali annimali b'konformità mal-Artikolu 9;

(b) qabel u matul it-trasport, l-annimali jkunu protetti kontra attakki ta' insetti vettorjali.

3.  L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li laħam frisk, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam miksuba minn dawn l-annimali jitqiegħdu fis-suq skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 5 u 6, rispettivament.

▼M1

Artikolu 5

Deroga mill-projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq ta' laħam frisk u preparazzjonijiet tal-laħam ta' annimali bovini u ruminanti selvaġġi

1.  B'deroga mill-projbizzjoni prevista fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 3(2), l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza t-tqegħid fis-suq barra ż-żona ristretta tal-laħam frisk, eskluż il-ġewwieni minbarra l-fwied, u preparazzjonijiet tal-laħam tiegħu, kif ukoll ġlud friski miksuba minn annimali bovini u ruminanti selvaġġi:

(a) miżmuma f'azjendi fiż-żona ristretta li ma kinux taħt restrizzjonijiet skont id-Direttiva 92/119/KEE; jew

(b) li nqatlu jew ġew ikkaċċjati qabel il-21 ta' Awwissu 2015; jew

(c) huma msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 4.

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li laħam frisk, eskluż il-ġewwieni minbarra l-fwied, u preparazzjonijiet tal-laħam tiegħu, kif ukoll il-ġlud friski msemmija fl-ewwel subparagrafu ma jintbagħtux lil Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi.

2.  L-awtorità kompetenti għandha tawtorizza biss il-bgħit lejn Stati Membri oħra ta' konsenji ta' laħam frisk u preparazzjonijiet tal-laħam prodotti minn dan il-laħam frisk miksuba minn annimali bovini li huma miżmuma u maqtula barra ż-żona ristretta, sakemm dan il-laħam u l-preparazzjonijiet tal-laħam kienu prodotti, maħżuna u mqandla mingħajr ma ġew f'kuntatt ma' laħam u preparazzjoniiet tal-laħam mhux awtorizzati biex jintbagħtu lil Stati Membri oħra, u l-kunsinni huma akkumpanjati minn ċertifikat uffiċjali tas-saħħa kif stabbilit fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 599/2004 ( 13 ), li mal-Parti II tiegħu għandu jkollu l-attestazzjoni li ġejja:

“Laħam frisk jew preparazzjonijiet tal-laħam li jikkonformaw mad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1500 tas-7 ta' Settembru 2015 dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja”.

Artikolu 6

Deroga mill-projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq ta' prodotti tal-laħam li jikkonsistu fi, jew li fihom, laħam ta' annimali bovini u ruminanti selvaġġi

1.  B'deroga mill-projbizzjoni prevista fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2), l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza it-tqegħid fis-suq ta' prodotti tal-laħam prodotti fiż-żona ristretta minn laħam frisk ta' annimali bovini u ruminanti selvaġġi:

(a) miżmuma f'azjendi fiż-żona ristretta li ma kinux taħt restrizzjonijiet skont id-Direttiva 92/119/KEE; jew

(b) li nqatlu jew ġew ikkaċċjati qabel il-21 ta' Awwissu 2015; jew

(c) huma msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 4; jew

(d) miżmuma u maqtula barra miż-żona ristretta.

2.  L-awtorità kompetenti għandha tawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tal-laħam imsemmija fil-paragrafu 1, li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tal-punti (a), (b) jew (c) ta' dak il-paragrafu, fit-territorju tal-Greċja biss, sakemm il-prodotti tal-laħam li jkunu ġew suġġett għal trattament mhux speċifiku li jiżgura li l-wiċċ maqtugħ tal-prodotti tal-laħam ma jibqax juri l-karatteristiċi ta' laħam frisk.

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-prodotti tal-laħam imsemmija fl-ewwel subparagrafu ma jintbagħtux lil Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi.

3.  L-awtorità kompetenti għandha tawtorizza biss il-bgħit ta' kunsinji ta' prodotti tal-laħam prodotti minn laħam frisk miksub minn annimali li għalihom jirreferi l-paragrafu 1(a), (b) u (c) lejn Stati Membri oħra, bil-kundizzjoni li l-prodotti tal-laħam ġew soġġetti għal trattament speċifiku f'kontenituri ssiġillati ermetikament sa valur Fo ta' tlieta jew aktar, u jkunu akkumpanjati minn ċertifikat uffiċjali tas-saħħa kif stabbilit fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 599/2004, li mal-Parti II tiegħu għandu jkollu l-attestazzjoni li ġejja:

“Prodotti tal-laħam konformi mad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1500 tas-7 ta' Settembru 2015 dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja”.

4.  L-awtorità kompetenti għandha tawtorizza biss il-bgħit lejn Stati Membri oħra ta' kunsinni tal-prodotti tal-laħam prodotti minn laħam frisk miksub mill-annimali msemmija fil-paragrafu 1(d), sakemm il-prodotti tal-laħam ikunu ġew soġġetti għal trattament mhux speċifiku, li jiżgura li l-wiċċ maqtugħ tal-prodotti tal-laħam ma jkunx għadu juri l-karatteristiċi ta' laħam frisk u jkun akkumpanjat b'ċertifikat uffiċjali tas-saħħa kif jistipula l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 599/2004 u li l-Parti II tiegħu għandha tkun akkumpanjata mill-attestazzjoni li ġejja:

“Prodotti tal-laħam konformi mad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1500 tas-7 ta' Settembru 2015 dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja”.

Artikolu 7

Deroga mill-projbizzjoni fuq id-dispaċċ u t-tqegħid fis-suq tal-ħalib u prodotti tal-ħalib

1.  B'deroga mill-projbizzjoni prevista fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2), l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' ħalib għall-konsum uman, miksub minn annimali bovini miżmuma f'azjendi li jinsabu fiż-żona ristretta, u l-prodotti tal-ħalib magħmulin minnu, sakemm il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib ikun sarilhom it-trattament deskritt fil-punti minn 1.1 sa 1.5 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE ( 14 ).

2.  L-awtorità kompetenti għandha tawtorizza biss il-bgħit lejn Stati Membri oħra ta' kunsinni ta' ħalib u prodotti tal-ħalib miskuba minn annimali bovini miżmuma f'azjendi li jinsabu fiż-żona ristretta, sakemm il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib huma maħsuba għall-konsum mill-bniedem, ġew sottoposti għat-trattament imsemmi fil-paragrafu 1 u l-kunsinni huma akkumpanjati minn ċertifikat uffiċjali tas-saħħa kif stabbilit fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 599/2004, li mal-Parti II tiegħu għandu jkollu l-attestazzjoni li ġejja:

“Ħalib jew prodotti tal-ħalib konformi mad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1500 tas-7 ta' Settembru 2015 dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja”.

Artikolu 8

Marka speċjali għal laħam frisk, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam imsemmija fl-Artikoli 5(1) u 6(2) rispettivament

▼B

Il-Greċja għandha tassigura li laħam frisk, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam imsemmija fl-Artikolu 5(1), u l- Artikolu 6(2) rispettivament jiġu mmarkati b'marka sanitarja jew b'marka ta' identifikazzjoni speċjali li ma tkunx ovali u li ma tkunx tixbaħ:

(a) lill-marka tas-saħħa għal-laħam frisk stabbilita fil-Kapitolu III tat-Taqsima I tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 15 );

(b) lill-marka ta' identifikazzjoni għall-preparazzjonijiet tal-laħam u għall-prodotti tal-laħam li fihom jew li jikkonsistu minn laħam tal-bovini stabbilita fit-Taqsima I tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 16 ).

Artikolu 9

Rekwiżiti dwar il-vetturi tat-trasport, it-tindif u d-diżinfezzjoni

1.  L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li, għal kwalunkwe vettura li tkun ġiet f'kuntatt ma' speċijiet suxxettibbli fiż-żona ristretta u għandha l-ħsieb li tħalli din l-istess żona, l-operatur jew is-sewwieq ta' din il-vettura jipprovdi evidenza li turi li, wara l-aħħar kuntatt mal-annimali, il-vettura tnaddfet u ġiet diżinfettata b'mod li l-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda tiġi inattivata.

2.  L-awtorità kompetenti għandha tiddefinixxi l-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata mill-operatur/mis-sewwieq tal-vettura għall-ġarr tal-bhejjem sabiex turi li d-diżinfezzjoni meħtieġa tkun seħħet.

Artikolu 10

Rekwiżiti ta' Informazzjoni

Il-Greċja għandha tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, fil-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, bir-riżultati ta' sorveljanza għall-marda tal-infafet fil-ġilda mwettqa fiż-żona ristretta.

Artikolu 11

Revoka

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1423 jiġi mħassar.

Artikolu 12

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tapplika ►M1  il-31 ta' Diċembru 2016 ◄ .

Artikolu 13

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

▼M2




ANNESS

IŻ-ŻONI RISTRETTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2(b)

L-unitajiet reġjonali li ġejjin fil-Greċja:

 L-unità reġjonali ta' Evros

 L-unità reġjonali ta' Rodopi

 L-unità reġjonali ta' Xanthi

 L-unità reġjonali ta' Kavala

 L-unità reġjonali ta' Chalkidiki

 L-unità reġjonali ta' Thessaloniki

 L-unità reġjonali ta' Kilkis

 L-unità reġjonali ta' Limnos

 L-unità reġjonali ta' Drama

 L-unità reġjonali ta' Serres.



( 1 ) ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

( 2 ) ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

( 3 ) ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

( 4 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE tas-17 ta' Diċembru 1992 li tintroduċi miżuri ġenerali Komunitarji għall-kontroll ta' ċertu mard tal-annimali u l-miżuri speċifiċi li għandhom x'jaqsmu mal-marda vexxikolari tal-ħnieżer (ĠU L 62, 15.3.1993, p. 69).

( 5 ) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1423 tal-21 ta' Awwissu 2015 dwar ċerti miżuri interim ta' protezzjoni kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja (ĠU L 222, 25.8.2015, p. 7).

( 6 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta' Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffettwaw il-kummerċ ta' annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità (ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64).

( 7 ) Id-Direttiva 92/65/KEE tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta' u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali, semen, ova u embrijuni mhux soġġetti għal ħtiġijiet ta' saħħa tal-annimali meħtieġa f'regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54).

( 8 EFSA Journal 2015;13(1):3986 [73 pp.].

( 9 ) 24th Edition, 2015.

( 10 EFSA Journal (2006) 347, p. 1.

( 11 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta' Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).

( 12 ) Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).

( 13 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 599/2004 tat-30 ta' Marzu 2004 li jikkonċerna l-adozzjoni ta' mudell armonizzat ta' ċertifikat u rapport tal-ispezzjoni marbuta mal-kummerċ intra-Komunitarju fl-annimali u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 94, 31.3.2004, p. 44).

( 14 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE tad-29 ta' Settembru 2003 dwar miżuri tal-Komunità fuq il-kontroll tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer li tirrevoka id-Direttiva 85/511/KEE u d-Deċiżjoni 89/531/KEE u 91/665/KEE u temmenda d-Direttiva 92/46/KEE (ĠU L 306, 22.11.2003, p. 1).

( 15 ) Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġiniw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206).

( 16 ) Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).

Top