Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02014R0615-20180401

Consolidated text: Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 615/2014 tas- 6 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-programmi ta' ħidma li jappoġġaw lis-setturi taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/615/2018-04-01

02014R0615 — MT — 01.04.2018 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 615/2014

tas-6 ta' Ġunju 2014

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-programmi ta' ħidma li jappoġġaw lis-setturi taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda

(ĠU L 168 7.6.2014, p. 95)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1963 tad-9 ta' Awwissu 2017

  L 279

30

28.10.2017




▼B

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 615/2014

tas-6 ta' Ġunju 2014

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-programmi ta' ħidma li jappoġġaw lis-setturi taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda



Artikolu 1

Il-kamp tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli ta' implimentazzjoni għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda, l-emendi tagħhom, għall-ħlas tal-finanzjament mill-UE, inkluż l-avvanzi, il-proċeduri li jridu jiġu segwiti u l-ammont ta' garanzija li jrid jingħata meta tinbagħat talba għall-approvazzjoni ta' programm ta' ħidma u meta jitħallas avvanz fuq l-għajnuna.

Artikolu 2

Emendi lill-programmi ta' ħidma

1.  Skont proċedura li għandha tiġi stipulata mill-Istat Membru, l-organizzazzjonijiet benefiċjarji jistgħu jitolbu li jiġi emendat il-kontenut u l-baġit tal-programm ta' ħidma approvat tagħhom, dejjem jekk dan ma jinvolvix li jinqabeż l-ammont allokat lill-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

2.  It-talbiet kollha għall-emendi lil programm ta' ħidma, inkluż meta jingħaqdu flimkien programmi ta' ħidma differenti, għandhom ikunu akkumpanjati minn dokumenti ta' appoġġ li jagħtu r-raġunijiet għall-bidliet proposti kif ukoll in-natura u l-implikazzjonijiet tagħhom. It-talbiet għandhom jintbagħtu mill-organizzazzjoni benefiċjarja lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru tas-sena ta' qabel is-sena tal-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma.

3.   ►M1  F'każ ta' fużjoni, l-organizzazzjonijiet benefiċjarji li qabel kellhom pjanijiet ta' ħidma separati, għandhom joperaw il-pjanijiet separati b'mod parallel sal-31 ta' Marzu tas-sena ta' wara li tkun seħħet il-fużjoni. ◄

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-organizzazzjonijiet benefiċjarji li jitolbu, minħabba raġunijiet sostanzjati, li jimplimentaw il-programmi ta' ħidma rispettiva tagħhom mingħajr ma jgħaqqduhom.

4.  L-emendi lil programm ta' ħidma għandhom isiru applikabbli xahrejn wara li t-talba għall-emendi tkun waslet għand l-awtorità kompetenti sakemm l-awtorità kompetenti ma tkunx tqis li l-emendi mitluba ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet applikabbli. F'dan il-każ, għandha tinforma lill-organizzazzjoni benefiċjarja li, jekk ikun hemm bżonn, tibgħat programm ta' ħidma rivedut.

5.  Fil-każ li l-finanzjament tal-UE miksub mill-organizzazzjoni benefiċjarja jkun inqas mill-ammont fil-programm ta' ħidma approvat, il-benefiċjarju jista' jadatta l-programm tiegħu għall-finanzjament miksub. Il-benefiċjarju għandu jitlob lill-awtorità kompetenti biex tapprova din l-emenda lill-programm ta' ħidma.

6.  B'deroga mill-paragrafi 2 u 4, l-awtorità kompetenti, matul l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma, tista' taċċetta emendi lil miżura ta' programm ta' ħidma, bil-kundizzjoni li:

(a) l-emenda lill-miżuri tkun notifikata lill-awtorità kompetenti mill-organizzazzjoni benefiċjarja xahrejn qabel il-bidu tal-implimentazzjoni tal-miżura kkonċernata;

(b) in-notifika tkun akkumpanjata minn dokumenti ta' appoġġ li jiġġustifikaw l-għan, in-natura u l-implikazzjonijiet tal-emenda proposta u li juru li l-emenda inkwistjoni ma tbiddel xejn mill-għan inizjali tal-programm ta' ħidma;

▼M1

(c) il-baġit allokat lill-qasam ikkonċernat kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 611/2014 jibqa' stabbli;

(d) it-trasferiment tal-baġit mill-miżura inkwistjoni għal miżuri oħrajn fil-qasam ikkonċernat ma jaqbiżx l-EUR 40 000 .

▼B

7.  Jekk l-awtorità kompetenti ma tagħmilx oġġezzjonijiet abbażi ta' nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 6 fi żmien xahar min-notifika tal-emenda tal-miżura, l-emenda għandha titiqes li ġiet aċċettata.

▼M1

Artikolu 3

Avvanzi

1.  Organizzazzjoni benefiċjarja tista' tissottometti l-applikazzjonijiet għall-avvanzi sad-dati li jridu jiġu stabbiliti mill-Istat Membru.

2.  It-total tal-avvanzi mħallsa f'sena speċifika tal-implimentazzjoni ta' programm ta' ħidma, ma jistax jaqbeż id-90 % tal-ammont għall-għajnuna approvat inizjalment għal dak il-programm ta' ħidma.

3.  L-Istati Membru jista' jistabbilixxu ammont minimu għall-avvanzi u l-iskadenzi għall-ħlas tal-avvanzi.

Artikolu 4

Garanziji li jridu jiġu ppreżentati

1.  Il-garanzija msemmija fl-Artikolu 7(3)(g) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 611/2014 għandha tkun minn tal-inqas 10 % tal-finanzjament tal-UE li wieħed japplika għalih.

2.  L-avvanzi msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jitħallsu soġġetti tal-preżentazzjoni ta' garanzija skont il-Kapitolu IV tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 ( 1 ). L-ammont ta' din il-garanzija għandu jkun daqs 110 % tal-avvanz.

3.  L-organizzazzjonijiet benefiċjarji jistgħu jippreżentaw talba lill-Istat Membru kkonċernat għar-rilaxx tal-garanzija imsemmija fil-paragrafu 2,, qabel id-data li trid tiġi stabbilita mill-Istat Membru u sa mhux aktar tard mit-tmiem ta' kull sena ta' implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma. Minbarra d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 5(2)(b) u (c), ma' din it-talba għandha tinhemeż deskrizzjoni dettaljata tal-istadji tal-programm ta' ħidma li jkunu ġew implimentati, imqassmin skont l-oqsma u l-miżuri kif deskritt fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 611/2014. L-Istat Membru għandu jivverifika dawk id-dokumenti u jirrilaxxa l-garanzija li tikkorrispondi mal-ispiża kkonċernata sa mhux aktar tard mit-tieni xahar wara dak meta tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni.

▼B

Artikolu 5

Ħlas tal-finanzjament tal-UE

▼M1

1.  Għall-finijiet tal-ħlas tal-finanzjament tal-UE skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, organizzazzjoni benefiċjarja għandha tippreżenta applikazzjoni għall-finanzjament lill-aġenzija għall-ħlas tal-Istat Membru, fis-sena kalendarja meta tintemm is-sena ta' implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma u sa mhux aktar tard mid-data stabbilita mill-Istat Membru li tippermetti għal konformità mal-paragrafu 5.

L-aġenzija tal-pagamenti tal-Istat Membru tista' tħallas il-bilanċ tal-finanzjament tal-UE lill-organizzazzjonijiet benefiċjarji li jkun jikkorrispondi għal kull sena ta' implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma wara li ssir verifika li, abbażi tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 9 jew abbażi tar-rapport ta' spezzjoni msemmi fl-Artikolu 7, il-miżuri li jikkorrispondu għal kull parti tal-avvanz imsemmi fl-Artikolu 3 jkunu tabilħaqq twettqu.

▼B

2.  L-applikazzjonijiet għall-finanzjament tal-UE għandhom jitfasslu skont mudell ipprovdut mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru. Biex tkun ammissibbli, l-applikazzjoni għandu jkollha magħha:

(a) rapport li jinkludi l-elementi li ġejjin:

(i) deskrizzjoni dettaljata tal-istadji tal-programm ta' ħidma li ġew implimentati, imqassma skont l-oqsma u l-miżuri kif deskritti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014;

(ii) fejn ikun xieraq, il-ġustifikazzjoni u r-riperkussjonijiet finanzjarji tad-distakk bejn l-istadji tal-programm ta' ħidma approvat mill-Istat Membru u l-istadji tal-programm ta' ħidma li tabilħaqq ġew implimentati;

(iii) valutazzjoni tal-programm ta' ħidma kif implimentat ibbażata fuq l-indikaturi stipulati fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014;

(b) fatturi u dokumenti tal-bank li juru l-ħlas tal-ispejjeż imġarrba matul il-perjodu tal-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma;

(c) fejn ikun xieraq, id-dokumenti ta' appoġġ li juru l-ħlas tal-kontributi finanzjarji tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji u tal-Istat Membru kkonċernat;

3.  L-applikazzjonijiet għall-finanzjament li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jitqiesu bħala mhux eliġibbli u għandhom jiġu miċħuda. L-organizzazzjoni benefiċjarja kkonċernata tista' tibgħat applikazzjoni ġdida għall-finanzjament flimkien mal-evidenza ġustifikatorja u l-elementi neqsin fi żmien perjodu ta' żmien li għandu jiġi stabbilit mill-Istat Membru.

4.  L-applikazzjonijiet dwar infiq għal miżuri mwettqa u li jkunu tħallsu aktar minn xahrejn wara li jintemm il-perjodu ta' implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma għandhom jiġu miċħuda.

5.   ►M1  L-Istat Membru għandu jħallas il-finanzjament tal-UE dovut u, kif xieraq, ir-rilaxx tal-garanzija msemmija fl-Artikolu 4(2), sa mhux aktar tard mill-15 ta' Ottubru tas-sena kalendarja meta tintemm is-sena ta' implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma u ladarba jkunu saru l-eżami tad-dokumenti ta' sostenn u l-verifiki msemmija fl-Artikolu 6. ◄ Il-garanzija msemmija fl-Artikolu 7(3)(g) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014 għandha tiġi rilaxxata wara t-tlestija tal-programm ta' ħidma sħiħ, tal-eżami tad-dokumenti ta' appoġġ u tal-kontrolli msemmija fl-Artikolu 6.

▼M1

Artikolu 5a

Ħlasijiet parzjali

1.  L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-organizzazzjonijiet benefiċjarji japplikaw għall-ħlas tal-parti tal-għajnuna li tkun tikkorrispondi għall-ammonti li jkunu diġà ntefqu fil-kuntest tal-programm ta' ħidma.

2.  L-applikazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu sottomessi f'kull ħin, iżda mhux iktar minn darbtejn fis-sena ta' implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma. Minbarra d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 5(2)(b) u (c), mal-applikazzjonijiet għandha tintehemż deskrizzjoni dettaljata tal-istadji tal-programm ta' ħidma li jkunu ġew implimentati, imqassmin skont l-oqsma u l-miżuri kif deskritt fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 611/2014.

3.  Il-ħlasijiet għall-applikazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 ma jistgħux jaqbżu t-80 % tal-parti tal-għajnuna li tikkorrispondi għall-ammonti li jkunu diġà ntefqu fil-programm ta' ħidma għall-perjodu kkonċernat. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu ammont minimu għall-ħlasijiet parzjali u l-iskadenzi għas-sottomissjonijiet tal-applikazzjonijiet.

▼B

Artikolu 6

Kontrolli fuq il-post

1.  L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-finanzjament tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-konformità mal-aspetti li ġejjin:

(a) il-konformità mal-kundizzjoni għar-rikonoxximent tal-benefiċjarji stipulati fl-Artikoli 152, 154, 156, 157 u 158 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

(b) l-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma approvati, b'mod partikolari l-miżuri ta' investiment u tas-servizzi;

(c) in-nefqa tabilħaqq imġarrba mqabbla mal-finanzjament li ntalab u l-kontribut finanzjarju mill-operaturi taż-żebbuġ ikkonċernati.

2.  L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru għandhom jimplimentaw pjan ta' kontroll tal-programm ta' ħidma li jiffoka fuq kampjun tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji magħżula fuq il-bażi ta' analiżi tar-riskju u kull sena għandu jkopri minimu ta' 30 % tal-organizzazzonijiet benefiċjarji li jingħataw finanzjament mill-UE skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. L-għażla għandha ssir b'tali mod li jiġi żgurat li:

(a) l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-għaqdiet kollha tagħhom ikunu soġġetti għal kontrolli fuq il-post mill-inqas darba matul l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma approgat wara l-ħlas tal-avvanz u qabel il-ħlas tal-aħħar parti tal-finanzjament tal-UE;

(b) l-organizzazzjonijiet interprofessjonali kollha jiġu ċċekkjati f'kull sena tal-implimentazzjoni ta' kull programm ta' ħidma approvat. Jekk ikunu rċevew avvanz matul is-sena, il-kontroll għandu jiġi skedat wara d-data li fiha jkun tħallas l-avvanz.

Jekk il-kontrolli juru xi irregolaritajiet, l-awtorità kompetenti għandha tagħmel kontrolli addizzjonali matul is-sena msemmija u għandha żżid in-numru ta' organizzazzjonijiet benefiċjarji li jridu jiġu ċċekkjati fis-sena ta' wara.

3.  L-awtorità kompetenti għandha tagħżel liema organizzazzjonijiet benefiċjarji trid tiċċekkja abbażi ta' analiżi tar-riskju bbażata fuq il-kriterji li ġejjin:

(a) l-ammont ta' finanzjament għall-programm ta' ħidma approvat;

(b) in-natura tal-miżuri ffinanzjati fil-programm ta' ħidma;

(c) l-ammont ta' progress fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma;

(d) il-konklużjonijiet tal-kontrolli fuq il-post preċedenti jew il-verfiki preċedenti mwettqa matul il-proċedura ta' rikonoxximent indikata fl-Artikoli 154(4) u 158(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

(e) kriterji oħra tar-riskju li jridu jiġu definiti mill-Istati Membri.

4.  Il-kontrolli fuq il-post ma għandhomx ikunu mħabbra. Madankollu, sabiex tkun iffaċilitata l-organizzazzjoni prattika tal-kontrolli, tista' tingħata twissija bil-quddiem ta' mhux aktar minn 48 siegħa lill-organizzazzjoni benefiċjarja li trid tiġi ċċekkjata.

5.  It-tul ta' kull kontroll fuq il-post għandha tikkorrispondi mal-ammont ta' progress fl-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma approvat u l-infiq impenjat f'investimenti u servizzi.

▼M1

6.  L-Istati Membri jistgħu jwettqu l-verifika tal-konformità mal-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-benefiċjarji, kif imsemmi fil-paragrafu 1(a), abbażi tad-dokumenti biss.

▼B

Artikolu 7

Rapporti dwar l-ispezzjoni

Għandu jitfassal rapport dettaljat dwar l-ispezzjoni għal kull spezzjoni fuq il-post rikjest skont l-Artikolu 6 li, b'mod partikolari, jindika:

(a) id-data u t-tul tal-ispezzjoni;

(b) lista ta' dawk preżenti;

(c) lista tal-fatturi ċċekkjati;

(d) numri ta' referenzi tal-fatturi magħżula mir-reġistru tal-bejgħ u x-xiri, u r-reġistru tal-VAT li fih ikunu ġew irreġistrati l-fatturi magħżula;

(e) dokumenti tal-bank li juru l-ħlas tal-ammonti magħżula;

(f) indikazzjoni tal-miżuri li diġà twettqu li ġew analizzati speċifikament fuq il-post;

(g) ir-riżultat tal-kontroll.

Artikolu 8

Pagamenti mħallsa skorrettament u penali

1.  Fil-każ li r-rikonoxximent fl-Artikoli 154 u 158 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jiġi rtirat minħabba li l-organizzazzjoni benefiċjarja ma tkunx issodisfat l-obbligi tagħha intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja, l-organizzazzjoni benefiċjarja kkonċernata ma għandhiex tkun eliġibbli biex tirċievi l-finanzjament tal-Unjoni għall-programm ta' ħidma sħiħ.

2.  Jekk miżura partikolari ma tkunx ġiet implimentata f'konformità ma' programm ta' ħidma, l-organizzazzjoni benefiċjarja ma għandhiex tkun eliġibbli għall-finanzjament tal-miżura kkonċernata.

3.  F'każ ta' miżura li sussegwentement tinstab li mhix eliġibbli, u li ġiet implimentata f'konformità ma' programm ta' ħidma approvat, l-Istat Membru jista' jiddeċiedi li jħallas il-finanzjament rilevanti dovut jew li ma jipproċedix bl-irkupru tal-ammonti li diġà tħallsu, jekk din id-deċiżjoni tkun permessa f'każijiet komparabbli ffinanzjati mill-baġit nazzjonali u jekk l-organizzazzjoni benefiċjarja ma tkunx aġixxiet b'negliġenza jew b'mod intenzjonat.

4.  Fil-każ ta' negliġenza serja jew dikjarazzjonijiet foloz, l-organizzazzjoni benefiċjarja ma għandhiex tkun eliġibbli biex tirċievi:

(a) finanzjament pubbliku għall-programm ta' ħidma sħiħ u

(b) finanzjament tal-Unjoni skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għall-perjodu kollu ta' tliet snin wara dak li fih tkun ġiet skoperta l-irregolarità.

5.  Meta organizzazzjoni benefiċjarja titqies li mhijiex eliġibbli għall-finanzjament skont il-paragrafi 1, 2 jew 4, l-awtorità kompetenti għandha tirkupra l-finanzjament pubbliku li diġà jkun tħallas lil dik l-organizzazzjoni.

6.  Fejn meħtieġ, għandu jiżdied l-imgħax fuq il-kontribut tal-Unjoni rkuprat skont il-paragrafu 5, ikkalkulat fuq il-bażi ta':

(a) il-perjodu bejn il-pagament u r-rimborż mill-benefiċjarju;

(b) ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-ġdid ewlenin tiegħu ppubblikati fis-serje “C” ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-seħħ fid-data li fiha jkun sar il-pagament skorrett, biż-żieda ta' tliet punti perċentwali.

7.  L-ammonti relevanti tal-finanzjament tal-Unjoni rkuprati skont dan l-Artikolu għandhom jitħallsu lill-aġenzija tal-pagamenti u jitnaqqsu min-nefqa ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija.

Artikolu 9

Rapport tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji

1.  Qabel l-1 ta' Mejju kull sena, l-organizzazzjonijiet benefiċjarji għandhom jibagħtu rapport annwali lill-awtoritajiet kompetenti dwar l-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma għas-sena preċedenti ta' implimentazzjoni. Dan ir-rapport għandu jkopri dan li ġej:

(a) l-istadji tal-programm ta' xogħol implimentati jew li qed jiġu implimentati;

(b) l-emendi ewlenin għall-programmi ta' ħidma;

(c) valutazzjoni tar-riżultati diġà miksuba bbażata fuq l-indikaturi stipulati fl-Artikolu 7(3)(f) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014.

Għas-sena finali ta' implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma, rapport finali għandu jissostitwixxi r-rapport stipulat fl-ewwel subparagrafu.

2.  Ir-rapport finali għandu jevalwa l-programm ta' ħidma u jkun magħmul minn talanqas dan li ġej:

(a) rendikont, ibbażat fuq l-indikaturi stipulati fl-Artikolu 7(3)(f) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014u l-kriterji l-oħra kollha rilevanti, li juri kemm ġew tabilħaqq issodisfati l-għanijiet tal-programmi;

(b) rendikont tal-bidliet fil-programm ta' ħidma;

(c) indikazzjoni tal-fatturi li jridu jitqiesu fit-tfassil tal-programm ta' ħidma li jmiss, skont il-każ.

3.  Id-dejta miġbura u l-istudji mfassla fl-implimentazzjoni tal-miżuri skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014 għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit tal-Internet tal-organizzazzjoni benefiċjarja wara t-tlestija tal-miżura relevanti.

Artikolu 10

Komunikazzjoni mill-Istati Membri

1.   ►M1  Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar, qabel il-bidu tal-programm ta' ħidma l-ġdid għal tliet snin, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-miżuri nazzjonali li jimplimentaw dan ir-Regolament, u b'mod partikolari dawk li għandhom x'jaqsmu ma': ◄

(a) il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji stipulati fl-Artikoli 152, 156 u 157 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

(b) il-kundizzjonijiet addizzjonali li jispeċifikaw il-miżuri eliġibbli adottati skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014;

▼M1

(c) l-allokazzjoni minima tal-finanzjament tal-Unjoni lil oqsma speċifiċi msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 611/2014, l-għanijiet u l-prijoritajiet tas-settur taż-żebbuġ imsemmija fl-Artikolu 6(1)(a) ta' dak ir-Regolament ta' Delega, u l-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi msemmija fl-Artikolu 7(3)(f) ta' dak ir-Regolament ta' Delega;

(d) id-dati msemmija fl-Artikoli 5(1) u 5a(3) ta' dan ir-Regolament;

▼B

(e) l-arranġamenti għas-sistema ta' avvanzi msemmija fl-Artikolu 3 u, fejn xieraq, is-sistema ta' ħlas tal-fondi nazzjonali,

(f) l-applikazzjoni tal-kontrolli msemmija fl-Artikolu 6 u tal-penali u l-korrezzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8.

2.  Mhux aktar tard mill-1 ta' Mejju ta' kull sena ta' implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma approvat, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni d-dejta dwar:

(a) il-programmi ta' ħidma u l-karatteristiċi tagħhom, imqassma skont it-tip ta' organizzazzjoni benefiċjarja, skont il-qasam u l-miżuri u skont iż-żona reġjonali;

(b) l-ammont ta' finanzjament allokat għal kull programm ta' ħidma;

(c) l-iskeda ppjanata ta' finanzjament tal-Unjoni skont is-sena tal-baġit għall-perjodu totali kopert bil-programmi ta' ħidma.

3.   ►M1  Sa mhux aktar tard mill-20 ta' Ottubru ta' wara kull sena ta' implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament li mill-anqas ikun magħmul minn din l-informazzjoni li ġejja: ◄

(a) in-numru ta' programmi ta' ħidma ffinanzjati, il-benefiċjarji, l-erja tal-artijiet bis-siġar taż-żebbuġ, l-imtieħen, il-faċilitajiet tal-ipproċessar u l-volumi ta' żejt u żebbuġ tal-mejda kkonċernati;

(b) il-karatteristiċi tal-miżuri żviluppati f'kull wieħed mill-oqsma tal-miżuri;

(c) kull diskrepanza bejn il-miżuri ppjanati u l-miżuri li tabilħaqq twettqu, u l-implikazzjonijiet tagħhom fil-livell tan-nefqa;

(d) il-valutazzjoni u l-evalwazzjoni tal-programmi ta' ħidma li jqisu, fost l-oħrajn il-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2)(a)(iii);

(e) l-istatistika tal-kontrolli u r-rapporti tal-ispezzjonijiet li saru skont l-Artikoli 6 u 7 u l-penali jew il-korrezzjonijiet applikati skont l-Artikolu 8;

(f) in-nefqa skont il-programm ta' ħidma u skont il-qasam u l-miżuri, u l-kontribut finanzjarju tal-Unjoni, dak nazzjonali u dak tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji.

4.  Il-komunikazzjonijiet ipprovduti f'dan l-Artikolu għandhom isiru skont id-dispożizzjonjiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 ( 2 ).

5.  L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jippubblikaw fuq is-siti tal-Internet tagħhom id-dejta kollha miġbura u l-istudji mfassla fit-twettiq tal-miżuri skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014, mat-tlestija tagħhom.

Artikolu 11

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18).

( 2 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta' Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3).

Top