Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02014D0486-20220413

Consolidated text: Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/486/PESK tat-22 ta' Lulju 2014 dwar il-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukraina (EUAM Ukraine)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/486/2022-04-13

02014D0486 — MT — 13.04.2022 — 010.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/486/PESK

tat-22 ta' Lulju 2014

dwar il-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukraina (EUAM Ukraine)

(ĠU L 217 23.7.2014, p. 42)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/800/PESK tas-17 ta' Novembru 2014

  L 331

24

18.11.2014

 M2

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/2249 tat-3 ta' Diċembru 2015

  L 318

38

4.12.2015

 M3

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/712 tat-12 ta' Mejju 2016

  L 125

11

13.5.2016

►M4

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/2083 tat-28 ta' Novembru 2016

  L 321

55

29.11.2016

►M5

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/2161 tal-20 ta' Novembru 2017

  L 304

48

21.11.2017

►M6

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/2371 tat-18 ta' Diċembru 2017

  L 337

34

19.12.2017

►M7

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/761 tat-13 ta' Mejju 2019

  L 125

16

14.5.2019

►M8

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/813 tal-20 ta’ Mejju 2021

  L 180

149

21.5.2021

►M9

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/452 tat-18 ta’ Marzu 2022

  L 92

3

21.3.2022

►M10

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/638 tat-13 ta’ April 2022

  L 117

38

19.4.2022




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/486/PESK

tat-22 ta' Lulju 2014

dwar il-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukraina (EUAM Ukraine)



Artikolu 1

Missjoni

L-Unjoni għandha twettaq Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukraina (EUAM Ukraine) biex tgħin lill-Ukraina fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili, inkluż il-pulizija u l-istat tad-dritt.

Artikolu 2

Mandat

1.  

B'appoġġ għall-impenji tal-Ukraina għar-riforma tas-settur tas-sigurtà, il-missjoni ċivili mhux eżekuttiva tal-PSDK għandha tiggwida u tagħti pariri lill-korpi Ukraini rilevanti fit-tfassil ta' strateġiji ta' sigurtà mġedda u fl-implimentazzjoni sussegwenti tal-isforzi ta' riforma komprensivi u koeżivi rilevanti, sabiex:

— 
joħolqu qafas kunċettwali għall-ippjanar u l-implimentazzjoni ta' riformi li jirriżultaw f'servizzi tas-sigurtà sostenibbli li jħaddmu l-istat tad-dritt, b'mod li jikkontribwixxi biex tissaħħaħ il-leġittimità tagħhom u għal aktar kunfidenza u fiduċja mill-pubbliku, b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u b'konsistenza mal-proċess ta' riforma kostituzzjonali;
— 
jorganizzaw mill-ġdid u jirristrutturaw is-servizzi tas-sigurtà b'mod li jippermetti l-irkupru ta' kontroll u responsabbiltà fuqhom.

Biex tilħaq l-għanijiet tagħha, EUAM Ukraine għandha topera skont il-parametri stabbiliti fil-Kunċett ta' Maniġġar ta' Kriżi (KMK) approvat mill-Kunsill fit-23 ta' Ġunju 2014 u fid-dokumenti ta' ippjanar operazzjonali.

2.  
Fi ħdan il-mandat inizjali tagħha, il-missjoni għandha tassisti fi proċess ta' ppjanar komprensiv għar-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili, tappoġġa tħejjija rapida u implimentazzjoni tal-miżuri ta' riforma.

▼M10

Artikolu 2a

Appoġġ lill-awtoritajiet Ukreni biex jiġu ffaċilitati l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ delitti internazzjonali

1.  
EUAM Ukraine għandha tipprovdi appoġġ lill-awtoritajiet Ukreni, b’mod partikolari lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali, lill-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku reġjonali u lill-Aġenziji tal-Infurzar tal-Liġi, sabiex tiffaċilita l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ kwalunkwe delitt internazzjonali mwettaq fil-kuntest tal-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna.
2.  

Sabiex dak il-kompitu jiġi implimentat:

(a) 

EUAM Ukraine għandha, b’mod partikolari, tipprovdi lill-awtoritajiet Ukreni b’pariri strateġiċi dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ delitti internazzjonali, dwar l-emendi meħtieġa għal-leġiżlazzjoni tal-Ukrajna u dwar l-istrateġija ta’ komunikazzjoni relatata. Għandha tipprovdi wkoll taħriġ dwar kwistjonijiet relatati oħrajn. Tista’ tagħti fondi jew tagħmir lill-awtoritajiet Ukreni biex jiffaċilitaw l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ delitti internazzjonali;

(b) 

EUAM Ukraine għandha tiżgura koordinazzjoni mill-qrib mal-Qorti Kriminali Internazzjonali u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (EUROJUST), kif ukoll mal-Istati Membri li jaġixxu b’appoġġ dirett għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ delittti internazzjonali fl-Ukrajna. Għandha tikkoordina ma’ atturi rilevanti oħra kif xieraq.

(c) 

elementi ta’ EUAM Ukraine jistgħu temporanjament iwettqu l-attivitajiet tagħhom mit-territorji tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Istati Membri. Jistgħu jsiru arranġamenti għal dak il-għan bejn EUAM Ukraine u r-Repubblika tal-Moldova jew l-Istati Membri kkonċernati.

▼M10

Artikolu 2b

▼M9

Kompiti temporanji

1.  
Mit-18 ta’ Marzu 2022 sad-data li fiha l-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà jiddeċiedi mod ieħor, l-EUAM Ukraine għandu jkollha l-kompitu temporanju u addizzjonali li tagħti pariri lill-awtoritajiet tal-Ukrajna, b’mod partikolari lis-Servizz tal-Gwardji tal-Fruntiera tal-Ukrajna, is-Servizz Doganali u l-forzi tal-pulizija lokali, bil-għan li jiġi ffaċilitat il-fluss ta’ refuġjati mill-Ukrajna għall-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja u l-fluss ta’ għajnuna umanitarja lejn l-Ukrajna.
2.  

Għall-għan li jingħata parir lill-awtoritajiet tal-Ukrajna, l-EUAM Ukraine għandha wkoll:

— 
toħloq stampa tas-sitwazzjoni tat-traffiku tal-fruntiera bejn l-Ukrajna u l-Unjoni u tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni dwarha bejn l-Ukrajna, l-Istati Membri, u l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“Frontex”);
— 
tidentifika titjib possibbli, u tipprovdi lill-awtoritajiet tal-Ukrajna b’parir strateġiku, fir-rigward tal-faċilitazzjoni tal-qsim tal-fruntiera tal-Ukrajna mal-Unjoni mir-refuġjati u mill-għajnuna umanitarja;
— 
tassisti, tappoġġa, timmonitorja, timmentorja u tagħti parir lill-awtoritajiet tal-Ukrajna dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-fruntieri fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri.
3.  
Sabiex jiġu implimentati l-kompiti temporanji u addizzjonali stabbiliti f’dan l-Artikolu b’appoġġ għall-Ukrajna, elementi tal-EUAM Ukraine jistgħu jkunu temporanjament ibbażati fil-Polonja, fir-Rumanija jew fis-Slovakkja u għandhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom fuq il-post fuq in-naħa Ukrena tal-punti ta’ qsim tal-fruntiera. Jistgħu jsiru arranġamenti għal dak il-għan bejn EUAM Ukraine u dawk l-Istati Membri.

▼B

Artikolu 3

Linja ta' kmand u struttura

1.  
EUAM Ukraine għandu jkollha linja ta' kmand unifikata għall-operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet.
2.  
EUAM Ukraine għandu jkollha l-Kwartieri Ġenerali tagħha fi Kiev.
3.  
EUAM Ukraine għandha tkun strutturata f'konformità mad-dokumenti ta' ppjanar tagħha.

Artikolu 4

Ippjanar u tnedija ta' EUAM Ukraine

1.  
Il-missjoni għandha titnieda permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill fid-data rrakkomandata mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili ta' EUAM Ukraine ladarba hija tkun laħqet il-kapaċità operazzjonali inizjali tagħha.
2.  
Il-kompiti tal-Element Ewlieni ta' EUAM Ukraine għandhom ikunu li jħejji l-installazzjoni tal-missjoni f'termini ta' loġistika, ta' infrastruttura u ta' sigurtà u li jagħti l-kontribut meħtieġ biex jitfasslu d-dokumenti ta' ippjanar operazzjonali kif ukoll it-tieni dikjarazzjoni tal-impatt baġitarju.

Artikolu 5

Kmandant tal-operazzjoni ċivili

1.  
Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CCPC) għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili ta' EUAM Ukraine. Is-CCPC għandha tkun għad-dispożizzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-ippjanar u t-tmexxija ta' EUAM Ukraine.
2.  
Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u taħt l-awtorità ġenerali tar-RGħ, għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll ta' EUAM Ukraine.
3.  
Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura, fir-rigward tat-tmexxija tal-operazzjonijiet, l-implimentazzjoni korretta u effikaċi tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-KPS, anke bil-ħruġ ta' istruzzjonijiet, kif meħtieġ, lill-Kap tal-Missjoni u bl-għoti ta' pariri u appoġġ tekniku lilu.
4.  
Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-RGħ.
5.  
Il-persunal sekondat kollu għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istat ta' oriġini f'konformità mar-regoli nazzjonali, tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). Dawk l-awtoritajiet għandhom jittrasferixxu l-kontroll operazzjonali tal-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.
6.  
Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jkollu responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta' diliġenza tal-Unjoni jitwettaq korrettament.

Artikolu 6

Kap tal-Missjoni

1.  
Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll ta' EUAM Ukraine fil-livell operattiv fuq il-post. Il-Kap tal-Missjoni għandu jaqa' direttament taħt il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u jaġixxi f'konformità mal-istruzzjonijiet mogħtija minnu.
2.  
Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun ir-rappreżentant ta' EUAM Ukraine fil-qasam ta' responsabbiltà tagħha. Il-Kap tal-Missjoni jista' jiddelega kompiti ta' ġestjoni fi kwistjonijiet ta' persunal u finanzjarji lil membri tal-persunal ta' EUAM Ukraine taħt ir-responsabbiltà ġenerali tiegħu.
3.  
Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita r-responsabbiltà amministrattiva u loġistika għal EUAM Ukraine, inkluż fir-rigward tal-mezzi, ir-riżorsi u t-tagħrif għad-dispożizzjoni tal-missjoni.
4.  
Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet dixxiplinarji tal-persunal. Għall-persunal sekondat, l-azzjonijiet dixxiplinari għandhom jiġu eżerċitati mill-awtorità nazzjonali f'konformità mar-regoli nazzjonali, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE.

Artikolu 7

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.  
Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' EUAM Ukraine. Il-Kunsill għandu jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet adatti f'dan ir-rigward, f'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-TUE. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi b'mod partikolari s-setgħat sabiex jinħatar Kap tal-Missjoni, fuq proposta mir-RGħ, u sabiex jiġu emendati l-kunċett ta' operazzjonijiet (CONOPS) u l-pjan ta' operazzjoni (OPLAN). Is-setgħat tad-deċiżjoni fir-rigward tal-objettivi u t-terminazzjoni ta' EUAM Ukraine għandhom jibqgħu f'idejn il-Kunsill.
2.  
Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f'intervalli regolari.
3.  
Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u mill-Kap tal-Missjoni dwar il-kwistjonijiet li jaqgħu fl-oqsma tar-responsabbiltà rispettivi tagħhom.

Artikolu 8

Persunal

1.  
Il-persunal ta' EUAM Ukraine għandu jikkonsisti, primarjament, minn persunal issekondat mill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew is-SEAE. Kull Stat Membru, kull istituzzjoni tal-Unjoni, u s-SEAE għandhom jassumu l-ispejjeż relatati ma' kwalunkwe persunal issekondat minnhom, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-istazzjonament, is-salarji, il-kopertura medika u allowances minbarra l-allowances applikabbli ta' kuljum.
2.  
Kull Stat Membru, kull istituzzjoni tal-Unjoni, u s-SEAE għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni relatata mas-sekondar minn, jew li jikkonċerna membru tal-persunal issekondat minnu/ha, u biex iressqu kwalunkwe azzjoni kontra dik il-persuna.
3.  
Il-persunal internazzjonali u lokali jistgħu jiġu reklutati wkoll fuq bażi kuntrattwali minn EUAM Ukraine jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux jistgħu jiġu provduti minn persunal issekondat mill-Istati Membri. Eċċezzjonalment, u f'każijiet debitament ġustifikati, fejn ma jkun hemm disponibbli l-ebda applikant kwalifikat mill-Istati Membri, jistgħu jiġu reklutati ċittadini minn Stati terzi parteċipanti fuq bażi kuntrattwali, kif adatt.
4.  
Il-kundizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti li għandhom jiġu konklużi bejn EUAM Ukraine u l-membri tal-persunal ikkonċernati.

Artikolu 9

Status ta' EUAM Ukraine u l-persunal tagħha

L-istatus ta' EUAM Ukraine u l-persunal tagħha, inklużi, fejn ikun kunsiljabbli, il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħrajn meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel ta' EUAM Ukraine, għandhom ikunu l-oġġett ta' ftehim konkluż taħt l-Artikolu 37 tat-TUE u f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 10

Parteċipazzjoni ta' Stati terzi

1.  
Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, jistgħu jiġu mistiedna Stati terzi sabiex jikkontribwixxu għal EUAM Ukraine, sakemm dawn jerfgħu l-ispejjeż tal-persunal sekondat minnhom, inklużi s-salarji, l-assigurazzjoni li tkopri r-riskji kollha, l-allowances ta' sussistenza ta' kuljum u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-Ukraina, u sakemm huma jikkontribwixxu għall-ispejjeż operattivi ta' EUAM Ukraine, kif meħtieġ.
2.  
L-Istati Terzi li jagħtu kontribuzzjonijiet lil EUAM Ukraine għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi daqs l-Istati Membri fil-ġestjoni ta' kuljum ta' EUAM Ukraine.
3.  
Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti u sabiex jistabbilixxi Kumitat ta' Kontributuri.
4.  
L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehimiet konklużi f'konformità mal-Artikolu 37 tat-TUE. Fejn l-Unjoni u Stat terz jikkonkludu jew ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' dak l-Istat terz f'operazzjonijiet tal-Unjoni ta' maniġġar ta' kriżi, id-dispożizzjonijiet ta' dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta' EUAM Ukraine.

Artikolu 11

Sigurtà

1.  
Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar mill-Kap tal-Missjoni tal-miżuri ta' sigurtà u jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effikaċi tagħhom minn EUAM Ukraine f'konformità mal-Artikolu 5.
2.  
Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà ta' EUAM Ukraine u sabiex jiżgura konformità mar-rekwiżiti minimi ta' sigurtà applikabbli għal EUAM Ukraine, f'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal stazzjonat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-TUE.
3.  
Il-Kap tal-Missjoni għandu jiġi megħjun minn Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Missjoni (MSO), li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib mas-SEAE.
4.  
Fir-rigward tas-sigurtà, il-persunal ta' EUAM Ukraine għandu jirċievi taħriġ obbligatorju ta' sigurtà, adattat għar-riskju kif evalwat fil-qasam tar-riorganizzazzjoni. Għandu jingħata wkoll taħriġ regolari ta' aġġornament, fuq il-post tal-operazzjonijiet, li jkun organizzat mill-MSO.
5.  
Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE ( 1 ).

Artikolu 12

Kapaċità tal-Għassa

Il-Kapaċità tal-Għassa għandha tiġi attivata għal EUAM Ukraine.

Artikolu 13

Arranġamenti legali

EUAM Ukraine għandu jkollha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, li tikkonkludi kuntratti u arranġamenti amministrattivi, li timpjega persunal, li jkollha kontijiet bankarji, li takkwista u tiddisponi mill-assi u tħallas l-obbligazzjonijiet tagħha, u li tkun parti għal proċeduri legali, kif meħtieġ sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni.

Artikolu 14

Arranġamenti finanzjarji

▼M5

1.  
L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUAM Ukraine sat-30 ta' Novembru 2014 għandu jkun ta' EUR 2 680 000 .

L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUAM Ukraine għall-perijodu mill-1 ta' Diċembru 2014 sat-30 ta' Novembru 2015 għandu jkun ta' EUR 13 100 000 .

L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUAM Ukraine għall-perijodu mill-1 ta' Diċembru 2015 sat-30 ta' Novembru 2016 għandu jkun ta' EUR 17 670 000 .

L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUAM Ukraine għall-perijodu mill-1 ta' Diċembru 2016 sat-30 ta' Novembru 2017 għandu jkun ta' EUR 20 800 000 .

▼M6

L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUAM Ukraine għall-perijodu mill-1 ta' Diċembru 2017 sal-31 ta' Mejju 2019 għandu jkun ta' EUR 33 843 302,49 .

▼M7

L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUAM Ukraine għall-perijodu mill-1 ta' Ġunju 2019 sal-31 ta' Mejju 2021 għandu jkun ta' EUR 54 138 700 .

▼M8

L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUAM Ukraine għall-perijodu mill-1 ta’ Ġunju 2021 sal-31 ta’ Mejju 2024 għandu jkun ta’ EUR 88 500 000 .

▼B

2.  
In-nefqa kollha għandha tiġi amministrata f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist minn EUAM Ukraine għandha tkun miftuħa mingħajr limitazzjonijiet. Minbarra dan, m'għandha tapplika l-ebda regola ta' oriġini għall-prodotti mixtrija minn EUAM Ukraine. Soġġett għal approvazzjoni mill-Kummissjoni, il-Missjoni tista' tikkonkludi arranġamenti tekniċi ma' Stati Membri, l-Istat ospitanti, Stati terzi parteċipanti u ma' atturi internazzjonali oħra fir-rigward tal-provvista ta' tagħmir, servizzi u siti lil EUAM Ukraine.
3.  
EUAM Ukraine għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-missjoni. Għal dan il-għan, EUAM Ukraine għandha tiffirma ftehim mal-Kummissjoni.
4.  
Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar l-istatus ta' EUAM Ukraine u l-persunal tagħha, EUAM Ukraine għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-mandat li jibda minn …, bl-eċċezzjoni ta' kwalunkwe pretensjoni relatata ma' mġiba ħażina ħafna mill-Kap tal-Missjoni, li għalihom il-Kap tal-Missjoni għandu jġorr ir-responsabbiltà.
5.  
L-implimentazzjoni tal-arranġamenti finanzjarji għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand kif previst fl-Artikoli 4, 5 u 6 u r-rekwiżiti operazzjonali ta' EUAM Ukraine, inkluż il-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tat-timijiet tagħha.
6.  
In-nefqa għandha tkun eliġibbli mid-data tal-firma tal-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3.

Artikolu 15

Ċellula ta' proġetti

1.  
EUAM Ukraine għandu jkollha Ċellula ta' Proġetti għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti. EUAM Ukraine għandha, kif meħtieġ, tiffaċilita u tipprovdi konsulenza dwar proġetti implimentati mill-Istati Membri u l-Istati terzi taħt ir-responsabbiltà tagħhom, f'oqsma relatati ma' EUAM Ukraine u b'appoġġ tal-objettivi tagħha.
2.  

Soġġetta għall-paragrafu 3, EUAM Ukraine għandha tkun awtorizzata li tuża l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri jew ta' Stati terzi għall-implimentazzjoni ta' proġetti identifikati bħala li jissupplimentaw b'mod konsistenti azzjonijiet oħra ta' EUAM Ukraine, jekk il-proġett ikun:

— 
previst fid-dikjarazzjoni finanzjarja ta' din id-deċiżjoni; jew
— 
inkluż matul il-mandat permezz ta' modifika ta' din id-dikjarazzjoni finanzjarja fuq talba tal-Kap tal-Missjoni.

EUAM Ukraine għandha tikkonkludi arranġament ma' dawk l-Istati, li jkopri b'mod partikolari l-proċeduri speċifiċi għat-trattament ta' kull ilment minn partijiet terzi dwar ħsara kkawżata minħabba atti jew ommissjonijiet minn EUAM Ukraine fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati. L-Istati li jikkontribwixxu ma jistgħu f'ebda ċirkostanza jżommu lill-Unjoni jew lir-RGħ responsabbli għal atti jew ommissjonijiet minn EUAM Ukraine fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati.

3.  
Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati terzi liċ-Ċellula ta' Proġetti għandhom ikunu soġġetti għall-aċċettazzjoni tal-KPS.

Artikolu 16

Konsistenza tar-rispons u l-koordiment tal-Unjoni

1.  
Ir-RGħ għandha tiżgura l-konsistenza tal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni mal-azzjoni esterna tal-Unjoni inġenerali.
2.  
Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi f'koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjoni tal-Unjoni fl-Ukraina sabiex jiżgura l-konsistenza tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea fl-Ukraina. Mingħajr ma jinterferixxi fil-linja ta' kmand, il-Kap tad-Delegazzjoni fi Kiev għandu jagħti direttivi politiċi fuq livell lokali lill-Kap tal-Missjoni EUAM Ukraine. Il-Kap tal-Missjoni EUAM Ukraine u l-Kap tad-Delegazzjoni fi Kiev għandhom jagħtu bidu għall-konsultazzjonijiet kif meħtieġ.
3.  
Għandha tiġi stabbilita kooperazzjoni bejn EUAM Ukraine u l-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntiera bejn il-Moldova u l-Ukraina (EUBAM Moldova-Ukraina).
4.  
Barra minn hekk, għandhom jitfittxu l-kooperazzjoni sistematika, il-koordinazzjoni u l-komplimentarjetà mal-attivitajiet ta' sħab internazzjonali oħra rilevanti, b'mod partikolari mal-OSKE sabiex tiġi żgurata azzjoni effettiva.

Artikolu 17

Rilaxx ta' informazzjoni

1.  
Ir-RGħ għandha tkun awtorizzata, jekk meħtieġ u skont il-ħtiġijiet ta' EUAM Ukraine, tikkomunika lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni, informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” ġenerata għall-finijiet ta' EUAM Ukraine, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

▼M4

1a.  
Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat li jgħaddi lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“Frontex”) informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE ġġenerati għall-finijiet ta' EUAM Ukraine, sal-livell ta' klassifikazzjoni determinat mill-Kunsill f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. Għandhom jiġu fformulati arranġamenti bejn ir-RGħ u Frontex għal dan l-iskop.

▼B

2.  
Fil-każ ta' ħtieġa operazzjonali speċifika u immedjata, ir-RGħ għandha tkun awtorizzata ukoll tikkomunika lill-Istat ospitanti kull informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewropea sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” ġenerata għall-finijiet ta' EUAM Ukraine, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. Għandhom jitfasslu arranġamenti għal dan il-għan bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti.
3.  
Ir-RGħ għandha tkun awtorizzata tikkomunika lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokumenti mhux klassifikati tal-Unjoni Ewropea marbuta mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar EUAM Ukraine u li jkunu koperti mill-obbligu ta' segretezza professjonali f'konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill ( 2 ).
4.  
Ir-RGħ tista' tiddelega tali awtorizzazzjonijiet, kif ukoll il-kompetenza li jiġu konklużi l-arranġamenti msemmijin fil-paragrafu 2, lil uffiċjali tas-SEAE, lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u/jew lill-Kap tal-Missjoni skont l-Anness VI, taqsima VII tad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

▼M8

Artikolu 18

Rieżami strateġiku

Għandha titwettaq valutazzjoni strateġika tal-EUAM Ukraine wara l-31 ta’ Mejju 2023, iffokata fuq l-evoluzzjoni fid-dimensjoni politika.

▼B

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ u dewmien

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

▼M8

Għandha tapplika sal-31 ta’ Mejju 2024.



( 1 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

( 2 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta' Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).

Top