EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02013R1311-20170714

Consolidated text: Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom ) Nru 1311/2013 tat- 2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1311/2017-07-14

02013R1311 — MT — 14.07.2017 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, EURATOM) Nru 1311/2013

tat-2 ta' Diċembru 2013

li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020

(ĠU L 347 20.12.2013, p. 884)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2015/623 tal-21 ta' April 2015

  L 103

1

22.4.2015

►M2

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2017/1123 tal-20 ta' Ġunju 2017

  L 163

1

24.6.2017




▼B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, EURATOM) Nru 1311/2013

tat-2 ta' Diċembru 2013

li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020



KAPITOLU 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Il-Qafas Finanzjarju Plurennali

Il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perijodu 2014-2020 (il-QFP) huwa stabbilit fl-Anness.

Artikolu 2

Rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP

Sal-aħħar tal-2016 l-Kummissjoni għandha tippreżenta rieżami tal-funzjonament tal- QFP filwaqt li jieħu kont sħiħ tas-sitwazzjoni ekonomika ta' dak iż-żmien kif ukoll l-aktar projezzjonijiet makroekonomiċi reċenti. Dan ir-rieżami, għandu jkun akkumpanjat, kif adegwat, minn proposta leġislattiva għar-reviżjoni ta' dan ir-Regolament f'konformità mal-proċeduri stabbiliti fit-TFUE. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament, pakketti nazzjonali allokati minn qabel ma għandhomx jitnaqqsu permezz ta' tali reviżjoni.

Artikolu 3

Il-Konformità mal-limiti massimi tal-QFP

1.  Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom, waqt kull proċedura baġitarja u meta jiġi implimentat il-baġit għas-sena kkonċernata, ikunu konformi mal-limiti massimi tan-nefqa annwali stabbiliti fil-QFP.

Is-sublimitu għall-Intestatura 2, kif stabbilit fl-Anness, huwa stabbilit mingħajr preġudizzju għall-flessibbiltà bejn iż-żewġ pilastri tal-Politika Agrikola Komuni (PAK). Il-limitu massimu aġġustat li għandu jiġi applikati għall-pilastru I tal-PAK wara t-trasferimenti bejn il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-pagamenti diretti għandhom jiġu stabbiliti fl-att legali rilevanti u l-QFP għandu jiġi aġġustat kif meħtieġ skont l-aġġustament tekniku previst fl-Artikolu 6(1) ta' dan ir-Regolament.

▼M2

2.  L-istrumenti speċjali previsti fl-Artikoli 9 sa 15 għandhom jiżguraw il-flessibbiltà tal-QFP u għandhom ikunu stabbiliti sabiex jippermettu li l-proċedura baġitarja taħdem bla xkiel. L-approprjazzjonijiet għall-impenji jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mil-limiti massimi tal-intestaturi rilevanti stabbiliti fil-QFP fejn ikun neċessarju li jintużaw ir-riżorsi mir-Riżerva tal-Għajnuna ta' Emerġenza, mill-Fond tas-Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, mill-Istrument tal-Flessibbiltà, mill-Fond Ewropew tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, mill-Marġini ta' Kontinġenza, mill-flessibbiltà speċifika biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u biex tissaħħaħ ir-riċerka u l-marġini globali għall-impenji għat-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari l-impjiegi taż-żgħażagħ, u għall-migrazzjoni u miżuri ta' sigurtà, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 ( 1 ), ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ), u l-Ftehim Interistituzzjonali dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u ġestjoni finanzjarja tajba ( 3 ).

▼B

3.  Fejn ikun meħtieġ li tiġi mmobilizzata garanzija għal self koperta mill-baġit ġenerali tal-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 332/2002 jew ir-Regolament (UE) Nru 407/2010, din għandha tkun lil hinn mil-limiti massimi stabbiliti fil-QFP.

Artikolu 4

Ir-Rispett tal-limitu massimu tar-riżorsi proprji

1.  Għal kull waħda mis-snin koperti mill-QFP, l-approprjazzjonijiet totali għall-ħlasijiet meħtieġa, wara li jsir l-aġġustament annwali u wara li jitqiesu kwalunkwe aġġustamenti jew reviżjonijiet oħra, kif ukoll l-applikazzjoni tal-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 3, ma għandhomx ikunu tali li jipproduċu rata għall-ġbir tar-riżorsi proprji li taqbeż il-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit skont id-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom.

2.  Fejn ikun meħtieġ, il-limiti massimi stabbiliti fil-QFP għandhom jitbaxxew permezz ta' reviżjoni sabiex tiġi żgurata konformità mal-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit skont id-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom.

Artikolu 5

Marġini globali għall-pagamenti

1.  Kull sena, mill-2015 'l quddiem, bħala parti mill-aġġustament tekniku msemmi fl-Artikolu 6, il-Kummissjoni għandha taġġusta l-limitu massimu għall-pagamenti għas-snin 2015-2020 'l fuq b'ammont ekwivalenti għad-differenza bejn il-pagamenti mwettqa u l-limitu massimu tal-pagamenti tal-QFP tas-sena n-1.

▼M2

2.  L-aġġustamenti annwali ma għandhomx jaqbżu l-ammonti massimi li ġejjin (prezzijiet tal-2011) għas-snin 2018-2020 meta mqabbla mal-limitu massimu tal-pagament oriġinali tas-snin rilevanti:

2018 - EUR 7 biljuni

2019 - EUR 11-il biljun

2020 - EUR 13-il biljun.

▼B

3.  Kull aġġustament 'l fuq għandu jkun ikkumpensat bi tnaqqis korrispondenti tal-limitu massimu tal-pagament għas-sena n-1.

Artikolu 6

Aġġustamenti tekniċi

1.  Kull sena l-Kummissjoni, biex taġixxi qabel il-proċedura baġitarja għas-sena n+1, għandha tagħmel l-aġġustamenti tekniċi li ġejjin fil-QFP:

(a) valutazzjoni mill-ġdid, skont il-prezzijiet tas-sena n+1, tal-limiti massimi u tal-figuri ġlobali għall-approprjazzjonijiet għall-impenji kif ukoll għall-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet;

(b) kalkolu tal-marġini disponibbli taħt il-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit skont id-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom;

(c) kalkolu tal-ammont assolut tal-Marġini ta' Kontinġenża previst fl-Artikolu 13;

(d) kalkolu tal-marġini globali għall-pagamenti previst fl-Artikolu 5;

(e) kalkolu tal-marġini globali għall-pagamenti previst fl-Artikolu 14;

▼M2

(f) kalkolu tal-ammonti li għandhom ikunu disponibbli għall-Istrument ta' Flessibbiltà skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1).

▼B

2.  Il-Kummissjoni għandha twettaq dawn l-aġġustamenti tekniċi msemmija fil-paragrafu 1 fuq il-bażi ta’ deflatur fiss ta’ 2 % kull sena.

3.  Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-riżultati tal-aġġustamenti tekniċi msemmija f’paragrafu 1 u l-previżjonijiet ekonomiċi li fuqhom ikunu bbażati.

4.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7 u 8 l-ebda aġġustament tekniku ieħor ma' għandu jsir fir-rigward tas-sena inkwistjoni, la matul is-sena u lanqas bħala korezzjonijiet ex-post fis-snin sussegwenti.

Artikolu 7

Aġġustament tal-pakketti tal-politika tal-koeżjoni

1.  B'kont meħud tas-sitwazzjoni partikolarment diffiċli tal-Istati Membri li qed ibatu mill-kriżi, il-Kummissjoni għandha fl-2016, flimkien mal-aġġustamenti tekniċi għas-sena 2017, terġa' teżamina l-allokazzjonijiet totali tal-Istati Membri kollha taħt il-mira "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi" tal-politika ta' koeżjoni għas-snin 2017 sa 2020, filwaqt li tapplika l-metodu ta' allokazzjoni definit fl-att bażiku rilevanti abbażi tal-aktar statistika reċenti disponibbli u tal-paragun, għall-Istati Membri li għandhom limitu massimu, bejn il-PDG nazzjonali akkumulat osservat fis-senin 2014 u 2015, u l-PDG nazzjonali akkumulat stmat fl-2012. Hija għandha taġġusta dawk l-allokazzjonijiet totali meta jkun hemm diverġenza kumulattiva ta' aktar minn +/- 5 %.

2.  L-aġġustamenti meħtieġa għandhom jitqassmu fi proporzjonijiet ugwali fuq is-snin 2017-2020 u l-limiti massimi li jikkorrispondu magħhom tal-QFP għandhom jiġu mmodifikati skont dan. Il-limiti massimi tal-pagamenti għandhom ukoll ikunu modifikati kif meħtieġ sabiex jiġi żgurat progress ordnat f'rabta mal-approprjazzjonijiet għall-impenji.

3.  Fl-aġġustamenti tekniċi tagħha għas-sena 2017, wara r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-eliġibbiltà tal-Istati Membri għall-Fond ta' Koeżjoni previst fl-Artikolu 90(5) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni ( 4 ), f'każ li Stat Membru jsir eliġibbli għall-ewwel darba għall-Fond ta' Koeżjoni jew inkella jitlef eliġibbiltà eżistenti tiegħu, il-Kummissjoni għandha żżid jew tnaqqas l-ammonti li jirriżultaw mill-fondi allokati lill-Istati Membri għas-snin 2017 sal-2020.

4.  L-aġġustamenti mitluba li jirriżultaw mill-paragrafu 3 jitqassmu fi proporzjonijiet indaqs tul is-snin 2017-2020 u l-limiti massimi korrispondenti tal-QFP jkunu mmodifikati skont kif meħtieġ. Il-limiti massimi tal-pagamenti għandhom ukoll ikunu modifikati skont kif meħtieġ sabiex jiġi żgurat progress ordnat f'rabta mal-approprjazzjonijiet għall-impenji.

5.  L-effett nett totali, kemm jekk pożittiv kif ukoll jekk negattiv, tal-aġġustamentimsemmija fil-paragrafi 1u 3, ma għandux jaqbeż EUR 4 biljun.

Artikolu 8

Aġġustamenti relatati ma' miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-fondi mal-governanza ekonomika tajba

Fil-każ tat-tneħħija ta’ sospensjoni mill-Kummissjoni tal-impenji baġitarji li jirrigwardaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali jew il-Fond Ewropew Marittimu u għas-Sajd fil-kuntest ta' miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-fondi mal-governanza ekonomika tajba, il-Kummissjoni, f'konformità mal-att bażiku rilevanti, għandha tittrasferixxi l-impenji sospiżi għas-snin ta’ wara. L-impenji sospiżi tas-sena 'n' ma jistgħux jerġgħu jidħlu fil-baġit ta’ wara s-sena 'n+3'.



KAPITOLU 2

Strumenti speċjali

Artikolu 9

Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza

1.  L-għan tar-Riżerva tal-Għajnuna għall-Emerġenza huwa li tipprovdi reazzjoni rapida għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ għajnuna ta' pajjiżi terzi wara li jkunu seħħew ġrajjiet li ma setgħux ikunu previsti meta l-baġit ġie stabbilit, l-ewwel u qabel kollox għal ħidmiet umanitarji, iżda wkoll għall-ġestjoni tal-kriżijiet ċivili u għall-protezzjoni, u sitwazzjonijiet ta' pressjoni partikolari li tirriżulta minn flussi migratorji fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, fejn iċ-ċirkustanzi jkunu jeħtieġu hekk.

▼M2

2.  L-ammont annwali tar-Riżerva huwa stabbilit għal EUR 300 miljun (prezzijiet tal-2011) u jista' jintuża sas-sena n + 1 f'konformità mar-Regolament Finanzjarju. Ir-Riżerva għandha tiddaħħal fil-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dispożizzjoni. Għandu jintuża l-ewwel il-porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-sena preċedenti. Dak il-porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax fis-sena n + 1 jiskadi.

▼B

Artikolu 10

Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea

1  Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea huwa maħsub biex jippermetti għajnuna finanzjarja rapida fil-każ li jiġru diżastri kbar fit-territorju ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż kandidat, kif iddefinit fl-att bażiku rilevanti. Għandu jkun hemm limitu fuq l-ammont annwali disponibbli għal dak il-Fond ta' EUR 500 miljun (prezzijiet tal-2011). Fl-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena, mill-inqas kwart mill-ammont annwali għandu jibqa’ disponibbli biex ikopri ħtiġijiet li jinqalgħu sa tmiem dik is-sena. Il-porzjon tal-ammont annwali mhux imdaħħal fil-baġit jista' jintuża sas-sena n+1. Il-porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-sena preċedenti għandu jiddaħħal l-ewwel. Dak il-porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax fis-sena n+1 jiskadi.

2.  F’każijiet eċċezzjonali u jekk ir-riżorsi finanzjarji li jifdal disponibbli fil-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea fis-sena meta jkun seħħ id-diżastru, kif imfisser fl-att bażiku rilevanti, ma jkunux biżżejjed sabiex ikopru l-ammont ta' assistenza meqjus bħala neċessarju mill-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' tipproponi li d-differenza tkun iffinanzjata permezz tal-ammonti annwali disponibbli għas-sena ta' wara.

▼M2

Artikolu 11

Strument ta' Flessibbiltà

1.  L-Istrument ta' Flessibbiltà hu maħsub biex jippermetti l-finanzjament, għal sena finanzjarja partikolari, ta' nefqa identifikata b'mod ċar li ma setgħetx tkun iffinanzjata fil-limiti massimi disponibbli ta' intestatura waħda jew aktar. Soġġett għat-tieni subparagrafu, għandu jkun hemm limitu massimu ta' EUR 600 miljun (prezzijiet tal-2011) għall-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta' Flessibbiltà.

Kull sena, mill-2017 'il quddiem, l-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta' Flessibbiltà għandu jiżdied:

(a) b'ammont ekwivalenti għall-porzjon tal-ammont annwali għall-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea li jkun skada fis-sena ta' qabel skont l-Artikolu 10(1);

(b) b'ammont ekwivalenti għall-porzjon tal-ammont annwali għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni li jkun skada fis-sena ta' qabel.

L-ammonti li jsiru disponibbli għall-Istrument ta' Flessibbiltà skont it-tieni subparagrafu għandhom jintużaw skont il-kondizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.

2.  Il-porzjon li ma jintużax tal-ammont annwali tal-Istrument ta' Flessibbiltà jista' jintuża sas-sena n + 3. Il-porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-snin ta' qabel għandu jintuża l-ewwel, skont iż-żmien. Dak il-porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax fis-sena n + 3 jiskadi.

▼B

Artikolu 12

Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

1.  Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, li l-objettivi u l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu huma definiti fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011).

2.  L-approprjazzjonijiet għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandhom jiddaħħlu bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Artikolu 13

Marġini ta' Kontinġenza

1.  Marġini ta' Kontinġenza ta' mhux iżjed minn 0,03 % tad-Dħul Nazzjonali Gross tal-Unjoni għandu jiġi kostitwit barra mil-limiti massimi tal-QFP, bħala strument tal-aħħar-rimedju b'reazzjoni għal ċirkostanzi mhux previsti. Dan jista' jiġi mmobilizzat biss f'rabta ma' baġit emendatorju jew annwali.

2.  L-użu tal-marġini ta' kontinġenza ma għandux jaqbeż, fi kwalunkwe sena partikolari, l-ammont massimu previst fl-aġġustament tekniku annwali tal-QFP, u għandu jkun konsistenti mal-limitu massimu tar-riżorsi proprji.

3.  L-ammonti magħmulin disponibbli permezz tal-mobilizzazzjoni tal-Marġini ta' Kontinġenza għandhom jiġu kollha kkumpensati mal-marġini f'waħda jew aktar mill-intestaturi tal-QFP għas-sena finanzjarja attwali jew dawk futuri.

4.  L-ammonti hekk ikkumpensati ma għandhomx jiġu mobilizzati aktar fil-kuntest tal-QFP. L-użu tal-Marġini ta' Kontinġenza ma għandux jirriżulta fil-qbiż tal-limiti totali tal-approprjazzjonijiet ta' impenji u pagamenti stipulati fil-QFP għas-sena finanzjarja attwali jew dawk futuri.

▼M2

Artikolu 14

Marġini globali għal impenji għat-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari l-impjiegi taż-żgħażagħ, u għall-migrazzjoni u miżuri ta' sigurtà

1.  Il-marġini li għadhom disponibbli taħt il-limitu massimu tal-QFP għal approprjazzjonijiet ta' impenn għandhom jikkostitwixxu Marġini Globali tal-QFP għall-impenji, li għandhom isiru disponibbli barra mil-limiti massimi stabbiliti fil-QFP għas-snin 2016 sa 2020 għal għanijiet ta' politika marbuta mat-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari l-impjieg taż-żgħażagħ, u mal-migrazzjoni u s-sigurtà.

2.  Kull sena, bħala parti mill-aġġustament tekniku previst fl-Artikolu 6, il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-ammont disponibbli. Il-Marġini Globali tal-QFP jew parti minnu jista' jiġi mmobilizzat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja skont l-Artikolu 314 tat-TFUE.

▼B

Artikolu 15

Flessibbiltà speċifika biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u tissaħħaħ ir-riċerka

Sa EUR 2 543 miljun (fil-prezzijiet tal-2011) jistgħu jingħataw minn qabel fl-2014 u l-2015, bħala parti mill-proċedura baġitarja annwali, għal objettivi ta' politika speċifiċi relatati mal-qgħad fost iż-żgħażagħ, ir-riċerka, ERASMUS b'mod partikolari għall-apprendistati, u l-impriżi żgħar u ta' daqs medju. Dak l-ammont għandu jiġi kkumpensat b'mod sħiħ kontra approprjazzjonijiet fi u/jew bejn l-intestaturi sabiex ma jinbidlux il-limiti massimi annwali totali għall-perijodu 2014-2020 u l-allokazzjoni totali għal kull intestatura jew sotto-intestatura matul il-perijodu.

Artikolu 16

Kontribuzzjoni għall-finanzjament ta' proġetti fuq skala kbira

1.  Ammont massimu ta' EUR 6 300 miljun (fi prezzijiet tal-2011) ikun disponibbli għall-programmi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo) mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-perijodu 2014-2020.

2.  Ammont massimu ta' EUR 2 707 miljun (fi prezzijiet tal-2011) ikun disponibbli għall-proġett Internazzjonali tar-Reattur Esperimentali Termonukleari (ITER) mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-perijodu 2014-2020.

3.  Ammont massimu ta' EUR 3 786 miljun (fi prezzijiet tal-2011) ikun disponibbli għal Copernicus (il-Programm Ewropew ta’ Osservazzjoni tad-Dinja) mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-perijodu 2014-2020.



KAPITOLU 3

Reviżjoni

Artikolu 17

Reviżjoni tal-QFP

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2), l-Artikoli 18 sa 22 u l-Artikolu 25, f'ċirkostanzi mhux previsti, il-QFP jista' jiġi rivedut f'konformità mal-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit f'konformità mad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom.

2.  Bħala regola ġenerali, kull proposta għal reviżjoni tal-QFP skont il-paragrafu 1 għandha tiġi ppreżentata u adottata qabel il-bidu tal-proċedura baġitarja għas-sena jew l-ewwel sena tas-snin ikkonċernati.

3.  Kwalunkwe proposta għalreviżjoni tal-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 għandha teżamina l-possibbiltà għar-riallokazzjoni tan-nefqa bejn il-programmi koperti mill-intestatura kkonċernata mir-reviżjoni, b’referenza partikolari għal kwalunkwe nuqqas ta' utilizzazzjoni mistennija tal-approprjazzjonijiet. L-objettiv għandu jkun li ammont sinifikanti, f'termini assoluti u bħala perċentwali tan-nefqa l-ġdida ppjanata, ikun fil-limitu eżistenti għall-intestatura.

4.  Kwalunkwe reviżjoni tal-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 tqis il-possibbiltà ta' kumpens għal kull żieda fil-limitu massimu għal intestatura waħda permezz tat-tnaqqis tal-limitu massimu għal intestatura oħra.

5.  Kwalunkwe reviżjoni fil-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 għandha żżomm relazzjoni xierqa bejn l-impenji u l-ħlasijiet.

Artikolu 18

Aġġustamenti relatati mal-implimentazzjoni

Meta tinnotifika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati tal-aġġustamenti tekniċi fil-QFP, il-Kummissjoni għandha tippreżenta kwalunkwe proposta biex jiġu riveduti l-approprjazzjonijiet totali għall-ħlasijiet li din tkun tqis bħala meħtieġa, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-implimentazzjoni, biex tiżgura tmexxija tajba tal-limiti massimi tal-pagamenti annwali u b'mod partikolari l-progress ordnat tagħhom fir-rigward tal-approprjazzjonijiet għall-impenji. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiddeċiedu dwar dawk il-proposti qabel l-1 ta’ Mejju tas-sena n.

Artikolu 19

Reviżjoni wara regoli jew programmi ġodda tal-Fondi Strutturali, tal-Fond ta’ Koeżjoni, tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, tal-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd, tal-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil u tal-Fond għas-Sigurtà Interna

1.  Fil-każ tal-adozzjoni wara l-1 ta' Jannar 2014 ta' regoli ġodda jew programmi taħt ġestjoni kondiviża għall-Fondi Strutturali, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew Marittimu u għas-Sajd, il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil u għall-Fond għas-Sigurtà Interna, il-QFP għandu jiġi rivedut sabiex jiġu trasferiti għal snin sussegwenti, lil hinn mil-limiti massimi tan-nefqa korrispondenti, l-allokazzjonijiet li ma jintużawx fl-2014.

2.  Ir-reviżjoni li tikkonċerna t-trasferiment ta' allokazzjonijiet mhux użati għas-sena 2014, jiġi adottat qabel l-1 ta' Mejju 2015.

Artikolu 20

Reviżjoni tal-QFP fil-każ ta'reviżjoni tat-Trattati

F'każ li reviżjoni tat-Trattati b'implikazzjonijiet baġitarji isseħħ bejn l-2014 u l-2020, il-QFP għandu jiġi rivedut kif xieraq.

Artikolu 21

Reviżjoni tal-QFP fil-każ ta' tkabbir tal-Unjoni

Jekk ikun hemm adeżjoni jew adeżjonijiet għall-Unjoni bejn l-2014 u l-2020, il-QFP għandu jiġi rivedut biex jitqiesu l-ħtiġijiet tan-nefqa li jirriżultaw minn dan.

Artikolu 22

Reviżjoni tal-QFP f’każ ta’ riunifikazzjoni ta’ Ċipru

Fil-każ ta' riunifikazzjoni ta' Ċipru matul l-2014 u l-2020, il-QFP għandu jiġi rivedut sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-ftehim komprensiv dwar il-problema ta' Ċipru u l-ħtiġijiet finanzjarji addizzjonali li jirriżultaw mir-riunifikazzjoni.

Artikolu 23

Koperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (minn hawn 'il quddiem "l-istituzzjonijiet") jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw il-proċedura baġitarja annwali.

L-istituzzjonijiet jikkooperaw b’rieda tajba matul il-proċedura bil-ħsieb li jirrikonċiljaw il-pożizzjonijiet tagħhom. L-istituzzjonijiet għandhom, fl-istadji kollha tal-proċedura, jikkooperaw permezz ta’ kuntatti interistituzzjonali xierqa sabiex isegwu l-progress tax-xogħol u janalizzaw il-grad ta’ konverġenza.

L-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw li l-kalendarji tax-xogħol rispettivi tagħhom ikunu kkoordinati kemm jista' jkun sabiex il-proċedimenti jkunu jistgħu jitwettqu b'mod koerenti u konverġenti, u li jwasslu għall-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Jistgħu jiġu organizzati trilogi f’kull stadju tal-proċedura u f'livelli differenti tar-rappreżentazzjoni, skont in-natura tad-diskussjonijiet mistennija. Kull istituzzjoni, f'konformità mar-regoli ta’ proċedura tagħha stess, taħtar il-parteċipanti tagħha għal kull laqgħa, tiddefinixxi l-mandat tagħha għan-negozjati u tinforma lill-istituzzjonijiet l-oħra bl-arranġamenti għal-laqgħat fi żmien adegwat.

Artikolu 24

Unità tal-baġit

L-infiq u d-dħul kollu tal-Unjoni u l-Euratom għandhom jiġu inklużi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament Finanzjarju, inkluża n-nefqa li tirriżulta minn kwalunkwe deċiżjoni rilevanti meħuda b'mod unanimu mill-Kunsill wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, fil-qafas tal-Artikolu 332 TFUE.

Artikolu 25

Tranżizzjoni lejn il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss

Qabel l-1 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għal qafas finanzjarju pluriennali ġdid.

Jekk ma jiġi adottat l-ebda regolament tal-Kunsill li jiddetermina qafas finanzjarju pluriennali ġdid qabel il-31 ta' Diċembru 2020, il-limiti massimi u d-dispożizzjonijiet l-oħra li jikkorrispondu għall-aħħar sena tal-QFP eżistenti għandhom jiġu estiżi sakemm jiġi adottat regolament li jiddetermina qafas finanzjarju ġdid. Jekk Stat Membru ġdid jissieħeb fl-Unjoni wara l-2020, il-qafas finanzjarju estiż għandu, jekk meħtieġ, jiġi rivedut sabiex jieħu l-adeżjoni inkunsiderazzjoni.

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

▼M1




ANNESS



QAFAS FINANZJARJU PLURIENNALI (UE-28)

(EUR miljuni — prezzijiet tal-2011)

APPROPRJAZZJONIJIET TA' IMPENN

2014

2015

2016

2017

2018

2019

2020

Total 2014-2020

1.  Tkabbir Intelliġenti u Inklussiv

49 713

72 047

62 771

64 277

65 528

67 214

69 004

450 554

1a:  Kompetittività għat-Tkabbir u l-Impjiegi

15 605

16 321

16 726

17 693

18 490

19 700

21 079

125 614

1b:  Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

34 108

55 726

46 045

46 584

47 038

47 514

47 925

324 940

2.  Tkabbir Sostenibbli: Riżorsi Naturali

46 981

59 765

58 204

53 448

52 466

51 503

50 558

372 925

inkluża: Nefqa marbuta mas-suq u pagamenti diretti

41 254

40 938

40 418

39 834

39 076

38 332

37 602

277 454

3.  Sigurtà u ċittadinanza

1 637

2 269

2 306

2 289

2 312

2 391

2 469

15 673

4.  Ewropa Globali

7 854

8 083

8 281

8 375

8 553

8 764

8 794

58 704

5.  Amministrazzjoni

8 218

8 385

8 589

8 807

9 007

9 206

9 417

61 629

Inkluża: nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet

6 649

6 791

6 955

7 110

7 278

7 425

7 590

49 798

6.  Kumpens

27

0

0

0

0

0

0

27

TOTAL TAL-APPROPRJAZZJONIJIET TA' IMPENN

114 430

150 549

140 151

137 196

137 866

139 078

140 242

959 512

bħala perċentwal tal-ING

0,88 %

1,13 %

1,03 %

1,00 %

0,99 %

0,98 %

0,98 %

1,00 %

 

TOTAL TAL-APPROPRJAZZJONIET TA' PAGAMENT

128 030

131 095

131 046

126 777

129 778

130 893

130 781

908 400

bħala perċentwal tal-ING

0,98 %

0,98 %

0,97 %

0,92 %

0,93 %

0,93 %

0,91 %

0,95 %

Marġini disponibbli

0,25 %

0,25 %

0,26 %

0,31 %

0,30 %

0,30 %

0,32 %

0,28 %

Limitu tar-Riżorsi Proprji bħala perċentwal tal-ING

1,23 %

1,23 %

1,23 %

1,23 %

1,23 %

1,23 %

1,23 %

1,23 %



( 1 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3).

( 2 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).

( 3 ) Il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1).

( 4 ) Regolament (UE) Nru 1303/2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' 17 ta' Diċembru 2013 Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (Ara paġna 320 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

Top