EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02013R0020-20170101

Consolidated text: Regolament (UE) Nru 20/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Jannar 2013 li jimplimenta l-klawsola ta’ salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta’ stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/20/2017-01-01

02013R0020 — MT — 01.01.2017 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) Nru 20/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Jannar 2013

li jimplimenta l-klawsola ta’ salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta’ stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra

(ĠU L 017 19.1.2013, p. 13)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2017/540 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta’ Marzu 2017

  L 88

1

31.3.2017




▼B

REGOLAMENT (UE) Nru 20/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Jannar 2013

li jimplimenta l-klawsola ta’ salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta’ stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONI TA’ SALVAGWARDJA

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a) "prodott" tfisser oġġett li joriġina fl-Unjoni jew f'pajjiż tal-Amerika Ċentrali. Prodott suġġett għal investigazzjoni jista' jkopri linja tariffarja waħda jew iktar jew sottosegment tagħhom skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-suq, jew kwalunkwe segmentazzjoni tal-prodott li tkun applikata b'mod komuni fl-industrija tal-Unjoni;

(b) "partijiet interessati" tfisser il-partijiet milquta mill-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat;

(c) "industrija tal-Unjoni" tfisser il-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew ta’ prodotti f'kompetizzjoni diretta bħala unità waħda u li jkunu joperaw fit-territorju tal-Unjoni, jew dawk il-produtturi tal-Unjoni li l-produttività kollettiva tagħhom ta’ prodotti simili jew ta’ prodotti f'kompetizzjoni diretta tikkostitwixxi proporzjon ewlieni tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ dawk il-prodotti, jew, fejn prodott simili jew f'kompetizzjoni diretta jkun biss wieħed minn fost diversi prodotti magħmulin mill-produtturi tal-Unjoni, l-operazzjonijiet speċifiċi li jkunu nvoluti fil-produzzjoni tal-prodott simili jew tal-prodott f'kompetizzjoni diretta;

(d) "dannu serju" tfisser ħsara ġenerali sinifikanti fil-pożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni;

(e) "theddida ta’ dannu serju" tfisser dannu serju li jkun imminenti b'mod ċar;

(f) "deterjorament serju" tfisser tfixkil sinifikanti f'settur jew f'industrija tal-Unjoni;

(g) "theddida ta’ deterjorament serju" tfisser disturbi sinifikanti li jkunu imminenti b'mod ċar;

(h) "perjodu tranżitorju" tfisser għaxar snin mid-data ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, għal prodott li għalih l-Iskeda tal-Parti tal-UE, kif stipulata fl-Anness I (Tneħħija tad-Dazji Doganali) tal-Ftehim (l-Iskeda għat-Tneħħija tat-Tariffi) tistipulalu perjodu għat-tneħħija tat-tariffi ta’ inqas minn għaxar snin, jew il-perijodu ta’ tneħħija tat-tariffi miżjud bi tliet snin għal prodott li għalih l-Iskeda għat-Tneħħija tat-Tariffi tistipula perjodu għat-tneħħija tat-tariffi ta’ għaxar snin jew iktar:

(i) "pajjiż tal-Amerika Ċentrali" tfisser il-Kosta Rika, El Salvador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, in-Nikaragwa jew il-Panama.

Determinazzjoni tal-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu serju skont it-tifsira tal-punt (e) tal-ewwel paragrafu għandha tkun ibbażata fuq fatti verifikabbli u mhux sempliċement fuq allegazzjoni, konġentura jew possibilità remota. Sabiex tiġi determinata l-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu serju għandhom, inter alia, jiġu kkunsidrati t-tbassir, l-istimi u l-analiżijiet magħmulin fuq il-bażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 5(5).

Artikolu 2

Prinċipji

1.  Miżura ta’ salvagwardja tista' tiġi imposta b'konformità ma’ dan ir-Regolament fejn prodott li joriġina f'pajjiż tal-Amerika Ċentrali, bħala riżultat tat-tnaqqis jew it-tneħħija tad-dazji fuq dan il-prodott, jiġi importat fl-Unjoni fi kwantitajiet tant ikbar min-normal, f'termini assoluti jew relattivi mal-produzzjoni tal-Unjoni, u taħt kundizzjonijiet tali li jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw dannu serju lill-industrija tal-Unjoni li tipproduċi prodott simili jew li qiegħed f'kompetizzjoni diretta.

2.  Miżura ta’ salvagwardja tista' tieħu waħda mill-forom li ġejjin:

(a) is-sospensjoni ta’ tnaqqis ulterjuri tar-rata tad-dazju doganali fuq il-prodott ikkonċernat stipulat fl-Iskeda għat-Tneħħija tat-tariffi;

(b) żieda tar-rata ta’ dazju doganali fuq il-prodott ikkonċernat sa livell li ma jaqbiżx l-inqas minn dawn:

 ir-rata applikata ta’ dazju doganali tan-nazzjon l-aktar iffavorit ("MFN") fuq il-prodott li tkun effettiva fiż-żmien meta tittieħed il-miżura; jew

 ir-rata applikata ta’ dazju doganali tal-MFN fuq il-prodott li tkun fis-seħħ lejlet id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

3.  Miżura ta’ salvagwardja ma għandhiex tiġi applikata fil-limiti tal-kwoti tariffarji preferenzjali bla dazju mogħtija mill-Ftehim.

Artikolu 3

Monitoraġġ

1.  Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ mill-qrib tal-evoluzzjoni tal-istatistika għall-importazzjonijiet tal-banana minn pajjiżi tal-Amerika Ċentrali. Għal dak l-għan, għandha tikkoopera u twettaq skambju ta’ data b'mod regolari mal-Istati Membri u l-industrija tal-Unjoni.

2.  Fuq talba debitament iġġustifikata mill-industriji kkonċernati, il-Kummissjoni tista' tikkunsidra li twessa' l-ambitu tal-monitoraġġ għal setturi oħra.

3.  Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali ta’ monitoraġġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar statistika aġġornata fuq l-importazzjonijiet ta’ banana minn pajjiżi tal-Amerika Ċentrali u dawk is-setturi li għalihom ġie estiż il-monitoraġġ.

4.  Il-Kummissjoni twettaq monitoraġġ tal-osservanza mill-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali tal-istandards soċjali u ambjentali stabbiliti fit-Titolu VIII tal-Parti IV tal-Ftehim.

Artikolu 4

Il-ftuħ ta’ proċeduri

1.  Proċedura għandha tinfetaħ fuq talba ta’ Stat Membru, minn kwalunkwe persuna ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika, li tkun qed taġixxi f'isem l-industrija tal-Unjoni, jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess jekk il-Kummissjoni jidhrilha li hemm biżżejjed evidenza prima facie, kif stabbilit abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 5(5), li tiġġustifika tali ftuħ.

2.  It-talba għall-ftuħ ta’ proċedura għandha tinkludi evidenza li l-kundizzjonijiet biex tiġi imposta l-miżura ta’ salvagwardja stipulata fl-Artikolu 2(1) ikunu ġew sodisfatti. It-talba għandha ġeneralment tinkludi t-tagħrif li ġej: ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f'termini assoluti u relattivi, is-sehem tas-suq domestiku meħud minn importazzjonijiet miżjuda, u l-bidliet fil-livelli ta’ bejgħ, produzzjoni, produttività, użu tal-kapaċità, qligħ u telf, u impjiegi.

3.  Proċedura tista' tinfetaħ ukoll fil-każ li jkun hemm żieda qawwija tal-importazzjonijiet ikkonċentrati fi Stat Membru, jew f'reġjun ultraperiferiku, wieħed jew aktar, kemm-il darba jkun hemm biżżejjed evidenza prima facie li l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ikunu ġew sodisfatti, skont l-Artikolu 5(5).

4.  Stat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni f'każ li x-xejriet fl-importazzjonijiet minn pajjiż fl-Amerika Ċentrali jidhru li jirrikjedu miżuri ta’ salvagwardja. Dan it-tagħrif għandu jinkludi l-evidenza disponibbli skont l-Artikolu 5(5).

5.  Il-Kummissjoni għandha tipprovdi dik l-informazzjoni lill-Istati Membri meta tirċievi talba biex tinbeda proċedura jew meta tqis xieraq il-bidu ta’ proċedura fuq inizjattiva proprja, skont il-paragrafu 1.

6.  Meta jkun jidher li hemm biżżejjed provi prima facie kif stabbilit skont l-Artikolu 5(5) li jiġġustifikaw ftuħ ta’ proċedura, il-Kummissjoni għandha tiftaħ proċeduri u għandha tippubblika avviż dwarhom f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-ftuħ għandu jseħħ fi żmien xahar minn meta l-Kummissjoni tirċievi t-talba jew l-informazzjoni skont il-paragrafu 1.

7.  L-avviż imsemmi fil-paragrafu 6 għandu:

(a) jagħti taqsira tat-tagħrif li wasal, u jesiġi li t-tagħrif rilevanti kollu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni;

(b) jiddikjara l-perjodu li fih il-partijiet interessati jistgħu jgħarrfu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw it-tagħrif, jekk iridu li dawn il-fehmiet u t-tagħrif jitqiesu matul il-proċedura;

(c) jiddikjara l-perjodu li fih il-partijiet interessati jistgħu japplikaw biex jinstemgħu oralment mill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikolu 5(9).

Artikolu 5

L-investigazzjonijiet

1.  Wara l-ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni għandha tibda investigazzjoni. Il-perjodu stipulat fil-paragrafu 3 għandu jibda dakinhar li d-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-investigazzjoni tkun ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.  Il-Kummissjoni tista' titlob li l-Istati Membri jipprovdu t-tagħrif u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jissodisfaw din it-talba. Jekk dan it-tagħrif ikun ta’ interess ġenerali u ma jkunx kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 12, għandu jiżdied mal-fajls mhux kunfidenzjali kif previst fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu.

3.  L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża, fejn ikun possibbli, fi żmien sitt xhur mill-ftuħ tagħha. Dan il-limitu ta’ żmien jista' jiġi estiż b'perjodu addizzjonali ta’ tliet xhur f'ċirkostanzi eċċezzjonali bħall-involviment ta’ numru aktar għoli mis-soltu ta’ partijiet interessati jew sitwazzjonijiet tas-suq kumplessi. Il-Kummissjoni għandha tavża lill-partijiet interessati kollha bi kwalunkwe estensjoni ta’ dan it-tip u tispjega r-raġunijiet għaliha.

4.  Il-Kummissjoni għandha titlob it-tagħrif kollu li jidhrilha li jkun meħtieġ biex tkun tista' tiddetermina dwar il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1), u għandha, fejn jidhrilha li jkun xieraq, tfittex li tivverifika dan it-tagħrif.

5.  Fl-investigazzjoni l-Kummissjoni għandha tagħmel stima tal-fatturi rilevanti kollha ta’ natura oġġettiva u kwantifikabbli li għandhom influwenza fuq il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni, b'mod partikolari, ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f'termini assoluti u relattivi, is-sehem tas-suq domestiku meħud mill-importazzjonijiet miżjuda, it-tibdil fil-livelli tal-bejgħ, tal-produzzjoni, tal-produttività, tal-użu tal-kapaċità, tal-qligħ u tat-telf, u tal-impjiegi. Din il-lista mhix eżawrjenti u l-Kummissjoni tista' tqis fatturi oħra rilevanti meta tkun qed tiddetermina l-eżistenza ta’ dannu serju jew theddida ta’ dannu serju, bħalma huma il-ħażniet, il-prezzijiet, ir-redditu fuq il-kapital użat, il-likwidità, u fatturi oħra li jkunu qed jikkawżaw jew għandhom mnejn ikkawżaw dannu serju, jew jheddu li jikkawżaw dannu serju lill-industrija tal-Unjoni.

6.  Il-partijiet interessati li jkunu ppreżentaw informazzjoni skont l-Artikolu 4(7)(b) u r-rappreżentanti tal-pajjiż tal-Amerika Ċentrali kkonċernat jistgħu, fuq talba bil-miktub, jispezzjonaw it-tagħrif kollu li jkun tpoġġa għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni b'konnessjoni mal-investigazzjoni għajr id-dokumenti interni mħejjija mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni li dan it-tagħrif ikun rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każ tagħhom u mhux kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 12 u li jintuża mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni. Il-partijiet interessati li jkunu ppreżentaw informazzjoni jistgħu jikkomunikaw il-fehmiet tagħhom dwar it-tagħrif lill-Kummissjoni. Fejn ikun hemm biżżejjed evidenza prima facie li ssostni dawk il-fehmiet il-Kummissjoni għandha tikkunsidrahom.

7.  Il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-data u l-istatistika kollha li jintużaw għall-investigazzjoni jkunu disponibbli, jinftiehmu, trasparenti u verifikabbli.

8.  Il-Kummissjoni, hekk kif jitwaqqaf il-qafas tekniku neċessarju, għandha tiżgura l-aċċess bl-internet protett b'password għall-fajl mhux kunfidenzjali ("pjattaforma onlajn"), li hija għandha ġġestixxi u li permezz tiegħu għandu jitqassam it-tagħrif kollu rilevanti u mhux kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 12. Il-partijiet interessati, l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew għandhom jingħataw aċċess għal din il-pjattaforma onlajn.

9.  Il-Kummissjoni għandha tisma' lill-partijiet interessati, b'mod partikolari meta jkunu għamlu applikazzjoni bil-miktub fil-perjodu stipulat fl-avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fejn juru li fil-verità x'aktarx ikunu sejrin jintlaqtu mir-riżultat tal-investigazzjoni u li jeżistu raġunijiet speċjali biex jinstemgħu oralment.

Il-Kummissjoni għandha tisma' lill-partijiet interessati f'okkażjonijiet oħra jekk ikun hemm raġunijiet speċjali għal dan.

10.  Meta t-tagħrif ma jitressaqx fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni, jew l-investigazzjoni tiġi mxekkla b'mod sinifikanti, il-Kummissjoni tista' tislet riżultati abbażi tal-fatti disponibbli. Fejn il-Kummissjoni ssib li xi parti interessata jew parti terza tkun ipprovdiet tagħrif falz jew qarrieqi, ma għandhiex tagħti kas ta’ dan it-tagħrif u tista' tagħmel użu mill-fatti disponibbli.

11.  Il-Kummissjoni għandha tinnotifika l-pajjiż mill-Amerika Ċentrali kkonċernat bil-miktub bil-ftuħ ta’ investigazzjoni.

Artikolu 6

Miżuri ta’ sorveljanza preventivi

1.  Il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri ta’ sorveljanza fir-rigward ta’ importazzjonijiet minn pajjiż tal- Amerika Ċentrali meta:

(a) it-tendenza fuq l-importazzjonijiet ta’ prodott tkun tali li tkun tista' twassal għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 2 u 4; jew

(b) ikun hemm żieda fl-importazzjonijiet tal-banana ikkonċentrata fi Stat Membru wieħed jew aktar, jew f'wieħed jew aktar minn fost ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni

2.  Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’ sorveljanza preventiva għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni b'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 14(2).

3.  Il-miżuri ta’ sorveljanza preventiva għandu jkollhom perjodu ta’ validità limitat. Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor, dawn ma jibqgħux validi fi tmiem it-tieni perjodu ta’ sitt xhur wara l-ewwel sitt xhur mill-introduzzjoni tagħhom.

Artikolu 7

Impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja provviżorji

1.  Miżuri ta’ salvagwardja provviżorji għandhom jiġu applikati f'ċirkostanzi kritiċi fejn dewmien jikkawża dannu li jkun diffiċli li jissewwa, skont determinazzjoni preliminari abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 5(5) li hemm biżżejjed evidenza prima facie li l-importazzjonijiet ta’ prodott li joriġina minn pajjiż tal-Amerika Ċentrali jkunu żdiedu bħala riżultat tat-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta’ dazju doganali skont l-Iskeda ta’ Eliminazzjoni Tariffarja, u li dawn l-importazzjonijiet jikkawżaw dannu serju, jew theddida ta’ dan, lill-industrija tal-Unjoni.

Il-Kummissjonigħandha tadotta miżuri ta’ salvagwardja provviżorji f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 14(2). F'każijiet ta’ raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, inkluż il-każ imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’ salvagwardja provviżorji applikabbli minnufih b'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(4).

2.  Fejn Stat Membru jitlob intervent immedjat mill-Kummissjoni u fejn il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi t-talba.

3.  Il-miżuri ta’ salvagwardja provviżorji ma għandhomx japplikaw għal aktar minn 200 jum tal-kalendarju.

4.  Jekk il-miżuri ta’ salvagwardja provviżorji jitħassru minħabba li l-investigazzjoni turi li ma ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(1), kull dazju doganali miġbur bħala riżultat ta’ dawn il-miżuri ta’ salvagwardja provviżorji għandu jintradd lura awtomatikament.

5.  Il-miżuri ta’ salvagwardja provviżorji għandhom japplikaw għal kull prodott li jitqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni libera wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawk il-miżuri. Madankollu, dawn il-miżuri ma għandhomx jipprevjenu r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti li diġà jinsabu fi triqithom lejn l-Unjoni meta d-destinazzjoni ta’ dawk il-prodotti ma tkunx tista' tinbidel.

Artikolu 8

Tmiem tal-investigazzjonijiet u l-proċeduri mingħajr miżuri

1.  Meta l-fatti kif finalment stabbiliti juru li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(1) ma jkunux sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni biex jintemmu l-investigazzjoni u l-proċedura b'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(3).

2.  Il-Kummissjoni għandha tippubblika, waqt li tqis kif dovut il-protezzjoni tat-tagħrif kunfidenzjali fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 12, rapport fejn tippreżenta s-sejbiet tagħha u l-konklużjonijiet motivati li tkun waslet għalihom dwar kull konsiderazzjoni rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi.

Artikolu 9

Impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja definittivi

1.  Meta l-fatti kif finalment stabbiliti juru li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(1) ikunu sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tirreferi l-kwistjoni lill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni għal eżami b'konformità mal-Artikolu 116 tal-Ftehim. Meta ma tkun saret l-ebda rakkomandazzjoni mill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni jew ma tkun intlaħqet l-ebda soluzzjoni sodisfaċenti fi żmien 30 jum minn meta ġietlu rreferita l-kwistjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni biex jiġu imposti miżuri ta’ salvagwardja definittivi b'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(3).

2.  Il-Kummissjoni għandha tippubblika, waqt li tqis kif dovut il-protezzjoni tat-tagħrif kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 12, rapport li jkun fih taqsira tal-fatti materjali u l-kunsiderazzjonijiet rilevanti għad-determinazzjoni.

Artikolu 10

Tul ta’ żmien u reviżjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja

1.  Miżura ta’ salvagwardja għandha tibqa' fis-seħħ biss għall-perjodu taż-żmien meħtieġ biex jitranġa jew ma jitħalliex li jsir dannu serju għall-industrija tal-Unjoni u jkun jista' jsir l-aġġustament. Dak il-perjodu ma għandux jaqbeż is-sentejn, għajr jekk jiġi estiż skont il-paragrafu 3.

2.  Miżura ta’ salvagwardja għandha tibqa' fis-seħħ, sakemm joħroġ ir-riżultat tar-reviżjoni skont il-paragrafu 3, tul kwalunkwe perjodu ta’ estensjoni.

3.  Il-perjodu inizjali ta’ tul ta’ żmien ta’ miżura ta’ salvagwardja jista' jiġi eċċezzjonalment estiż b'mhux iktar minn sentejn kemm-il darba l-miżura ta’ salvagwardja tibqa' meħtieġa biex jitranġa jew ma jitħalliex isir dannu serju għall-industrija tal-Unjoni u li jkun hemm evidenza li l-industrija tal-Unjoni tkun qed taġġusta ruħha.

4.  Kull estensjoni skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi ppreċeduta minn investigazzjoni fuq talba ta’ Stat Membru, minn kwalunkwe persuna ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika, li tkun qed taġixxi f'isem l-industrija tal-Unjoni, jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess jekk ikun hemm biżżejjed evidenza prima facie li l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jkunu sodisfatti, abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 5(5).

5.  Il-ftuħ ta’ investigazzjoni għandu jiġi ppubblikat skont l-Artikolu 4(6) u (7). L-investigazzjoni u kull deċiżjoni dwar estensjoni skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom isiru skont l-Artikoli 5, 8 u 9.

6.  It-tul ta’ żmien totali ta’ miżura ta’ salvagwardja ma għandux jaqbeż l-erba' snin, inkluża kwalunkwe miżura ta’ salvagwardja provviżorja.

7.  Miżura ta’ salvagwardja ma għandhiex tiġi applikata wara l-iskadenza tal-perjodu tranżitorju, għajr bil-kunsens tal-pajjiż ikkonċernat tal-Amerika Ċentrali.

8.  L-ebda miżura ta’ salvagwardja ma għandha tiġi applikata għall-importazzjoni ta’ prodott li kien diġà suġġett qabel għal din il-miżura, sakemm ma jkunx għadda perjodu li jammonta għal nofs dak li kien hemm waqt l-applikazzjoni tal-miżura ta’ salvagwardja għall-perjodu li jippreċedih bl-eżatt.

Artikolu 11

Ir-reġjuni ultraperifiċi tal-Unjoni

Meta kwalunkwe prodott li jkun joriġina f'pajjiż tal-Amerika Ċentrali jkun qed jiġi importat fi kwantitajiet daqstant ikbar min-normal u b'tali kundizzjonijiet li jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw deterjorament serju fil-qagħda ekonomika ta’ reġjun ultraperiferiku tal-Unjoni jew aktar imsemmija fl-Artikolu 349 TFUE, tista' tiġi imposta miżura ta’ salvagwardja, b'konformità ma’ dan il-kapitolu.

Artikolu 12

Kunfidenzjalità

1.  It-tagħrif li jasal skont dan ir-Regolament għandu jintuża biss għall-għan li għalih ikun intalab.

2.  La tagħrif ta’ natura kunfidenzjali u lanqas tagħrif li jintbagħat fuq bażi kunfidenzjali skont dan ir-Regolament ma għandu jiġi żvelat mingħajr il-kunsens espress ta’ min jipprovdi dan it-tagħrif.

3.  Kull talba għall-kunfidenzjalità għandha tagħti r-raġunijiet għaliex it-tagħrif ikun kunfidenzjali. Madankollu, jekk min jipprovdi t-tagħrif jitlob li t-tagħrif ma jsirx pubbliku jew ma jiġix żvelat, fil-forma sħiħa tiegħu jew fil-qosor, u jekk dik it-talba ma tkunx iġġustifikata, it-tagħrif jista' jitwarrab.

4.  It-tagħrif għandu f'kull każ jitqies bħala kunfidenzjali jekk l-iżvelar tiegħu x'aktarx li jkollu effett negattiv sinifikanti fuq min jipprovdih jew fuq is-sors ta’ dan it-tagħrif.

5.  Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx jipprekludu r-referenza mill-awtoritajiet tal-Unjoni għal tagħrif ġenerali u b'mod partikolari għar-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati d-deċiżjonijiet meħuda skont dan ir-Regolament. Dawk l-awtoritajiet għandhom, madankollu, iqisu l-interess leġittimu tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati li ma jiġux żvelati s-sigrieti kummerċjali tagħhom.

Artikolu 13

Rapport

1.  Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni, l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-obbligi stabbiliti fil-Parti IV tal-Ftehim u ta’ dan ir-Regolament.

2.  Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri provviżorji u definittivi, miżuri ta’ sorveljanza preventivi, miżuri ta’ sorveljanza u ta’ salvagwardja reġjonali u t-tmiem ta’ investigazzjonijiet u proċeduri mingħajr miżuri.

3.  Ir-rapport għandu jinkludi tagħrif dwar l-attivitajiet tal-korpi varji responsabbli mill-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-Ftehim, inkluż dwar l-issodisfar tal-obbligi skont it-Titolu VIII tal-Parti IV tal-Ftehim u dwar l-attivitajiet mal-gruppi konsultattivi tas-soċjetà ċivili.

4.  Ir-rapport għandu jippreżenta ġabra fil-qosor tal-istatistika u l-evoluzzjoni tal-kummerċ mal-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali u għandu jinkludi statistika aġġornata dwar l-importazzjonijiet tal-banana mill-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali.

5.  Il-Parlament Ewropew jista', fi żmien xahar mill-preżentazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni, jistieden lill-Kummissjoni għal laqgħa ad hoc tal-kumitat reponsabbli tiegħu sabiex tippreżenta u tispjega kwalunkwe kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

6.  Mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-preżentazzjoni tar-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tippubblikah.

Artikolu 14

Proċedura ta’ kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet ( 1 ). Il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu.

5.  Il-Kumitat jista' jeżamina kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, imqajma mill-Kummissjoni jew fuq talba ta’ Stat Membru. L-Istati Membri jistgħu jitolbu tagħrif u jistgħu jwettqu skambju ta’ fehmiet fil-Kumitat jew direttament mal-Kummissjoni.



KAPITOLU II

MEKKANIŻMU TA’ STABBILIZZAZZJONI GĦALL-BANANA

Artikolu 15

Mekkaniżmu ta’ stabbilizzazzjoni għall-banana

▼M1

1.  Għall-banana li toriġina fl-Amerika Ċentrali li taqa’ taħt l-intestatura 0803 90 10 tan-Nomenklatura Magħquda (Banana friska, minbarra pjantaġġini) u elenkata fil-kategorija “ST” fl-Iskeda għat-Tneħħija tat-Tariffi, taħt l-intestatura 0803 00 19 għandu japplika mekkaniżmu ta’ stabbilizzazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2019.

2.  Volum ta’ importazzjoni annwali separat ta’ skattament huwa stabbilit għall-importazzjonijiet tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1, kif indikat fit-tabella fl-Anness. L-importazzjoni tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 bir-rata tad-dazju doganali preferenzjali għandha, flimkien mal-prova tal-oriġini stabbilita fl-Anness II (Dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva) tal-Ftehim mal-Amerika Ċentrali, tkun soġġetta għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat ta’ esportazzjoni maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż tal-Amerika Ċentrali minn fejn jiġu esportati l-prodotti. Malli jintlaħaq il-volum tal-iskattament għal pajjiż tal-Amerika Ċentrali matul is-sena kalendarja korrispondenti, il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura ta’ urġenza msemmija fl-Artikolu 14(4), tadotta att ta’ implimentazzjoni li permezz tiegħu għandha jew tissospendi temporanjament id-dazju doganali preferenzjali li jiġi applikat għall-prodotti oriġinarji korrispondenti matul l-istess sena għal perijodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur u li ma jaqbiżx tmiem is-sena kalendarja, jew tiddetermina li tali sospensjoni mhijiex xierqa.

2a.  Meta l-volumi tal-importazzjonijiet jilħqu 80 % tal-volum ta’ importazzjoni ta’ skattament, kif indikat fl-Anness għal dan ir-Regolament, għal waħda jew aktar mill-partijiet tal-Ftehim, il-Kummissjoni għandha formalment tiġbed l-attenzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bil-miktub. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-informazzjoni rilevanti dwar ix-xejriet fil-qasam tal-banana u tal-istatistika dwar l-importazzjoni dwar l-importazzjonijiet mill-pajjiżi soġġetti għall-mekkaniżmu ta’ stabbilizzazzjoni u l-limiti massimi rilevanti tagħhom sabiex jiġu antiċipati x-xejriet tal-importazzjoni matul il-bqija tas-sena kalendarja.

▼B

3.  Meta tiddeċiedi liema miżuri għandhom japplikaw skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tqis l-impatt tal-importazzjonijiet ikkonċernati fuq il-qagħda tas-suq tal-Unjoni għall-banana. Dak l-eżami għandu jinkludi fatturi bħal: l-effett tal-importazzjonijiet fuq il-livell ta’ prezzijiet fl-Unjoni, l-iżvilupp tal-importazzjonijiet minn sorsi oħra, l-istabilità ġenerali tas-suq tal-Unjoni.

4.  Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tissospendi d-dazju doganali preferenzjali applikabbli, hija għandha tapplika l-iżgħar mir-rati bażi tad-dazju doganali jew ir-rata MFN tad-dazju li tkun tapplika fiż-żmien meta tittieħed din l-azzjoni.

5.  Meta l-Kummissjoni tapplika l-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 4, hija għandha immedjatament tidħol f'konsultazzjonijiet mal-pajjiż jew pajjiżi tal-Amerika Ċentrali affettwati biex tanalizza u tivvaluta s-sitwazzjoni abbażi tad-data fattwali disponibbli.

6.  L-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ stabbilizzazzjoni għall-banana stabbilit f'dan il-Kapitolu ssir mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura definita fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, miżuri meħuda skont id-dispożizzjonijiet taż-żewġ kapitoli ma għandhomx jiġu applikati b'mod simultanju.

7.  Il-miżuri msemmijin fil-paragrafi 2 u 4 għandhom ikunu applikabbli biss waqt il-perjodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2019.



KAPITOLU III

REGOLI TA’ IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 16

Regoli ta’ implimentazzjoni

Id-dispożizzjoni applikabbli għall-finijiet tal-adozzjoni tar-regoli ta’ implimentazzjoni neċessarji għall-applikazzjoni tar-regoli li jinsabu fl-Appendiċi 2A tal-Anness II (dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ "prodotti oriġinarji" u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva), u l-Appendiċi 2 tal-Anness I ("Tneħħija tad-Dazji Doganali") tal-Ftehim għandha tkun l-Artikolu 247a tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.



KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-data ta’ applikazzjoni tal-Ftehim kif previst fl-Artikolu 353 tiegħu. Għandu jiġi ppubblikat avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jispeċifika d-data ta’ applikazzjoni tal-Ftehim.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS



Tabella li tirrigwarda l-volumi ta' importazzjonijiet ta' skattar għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana stipulata fl-Appendiċi 3 tal-Anness I tal-Ftehim

Sena

Volum ta' importazzjoni ta' skattar, f'tunnellati

Il-Kosta Rika

Il-Panama

Il-Ħonduras

Il-Gwatemala

In-Nikaragwa

El Salvador

Sal-31 ta' Diċembru 2010

1 025 000

375 000

50 000

50 000

10 000

2 000

1.1-31.12.2011

1 076 250

393 750

52 500

52 500

10 500

2 100

1.1-31.12.2012

1 127 500

412 500

55 000

55 000

11 000

2 200

1.1-31.12.2013

1 178 750

431 250

57 500

57 500

11 500

2 300

1.1-31.12.2014

1 230 000

450 000

60 000

60 000

12 000

2 400

1.1-31.12.2015

1 281 250

468 750

62 500

62 500

12 500

2 500

1.1-31.12.2016

1 332 500

487 500

65 000

65 000

13 000

2 600

1.1-31.12.2017

1 383 750

506 250

67 500

67 500

13 500

2 700

1.1-31.12.2018

1 435 000

525 000

70 000

70 000

14 000

2 800

1.1-31.12.2019

1 486 250

543 750

72 500

72 500

14 500

2 900

1.1.2020 u wara din id-data

mhux applikabbli

mhux applikabbli

mhux applikabbli

mhux applikabbli

mhux applikabbli

mhux applikabbli




DIKJARAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Il-Kummissjoni tilqa’ l-ftehim fl-ewwel qari bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ir-Regolament (UE) Nru 20/2013 tal-15 ta' Jannar 2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra ( 2 ).

Kif previst fir-Regolament (UE) Nru 20/2013, il-Kummissjoni ser tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Parti IV tal-Ftehim u ser tkun lesta tiddiskuti mal-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew kwalunkwe kwistjoni li tirriżulta mill-implimentazzjoni tal-Parti IV tal-Ftehim.

Il-Kummissjoni ser tagħti importanza partikolari lill-implimentazzjoni effettiva tal-impenji dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fil-Ftehim, b’kont meħud tal-informazzjoni speċifika mogħtija mill-korpi ta’ monitoraġġ tal-Konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-ftehimiet ambjentali multilaterali elenkati fit-Titolu VIII tal-Parti IV tal-Ftehim. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ser tfittex ukoll il-fehmiet tal-gruppi konsultattivi rilevanti tas-soċjetà ċivili.

Wara l-iskadenza tal-Mekkanizmu ta’ Stabbilizzazzjoni għall-Banana fil-31 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni ser tivvaluta s-sitwazzjoni tas-suq tal-Unjoni għall-banana u l-istat tal-produtturi tal-banana tal-Unjoni. Il-Kummissjoni ser tirrapporta r-riżultati tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u tinkludi valutazzjoni preliminari tat-tħaddim tal-“Programme d'Options Spécifiques à l'Éloignement et l'Insularité” (POSEI) għall-preservazzjoni tal-produzzjoni tal-banana fl-Unjoni.




DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jaqblu dwar l-importanza ta’ kooperazzjoni mill-qrib fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Parti IV tal-Ftehim u r-Regolament (UE) Nru 20/2013 tal-15 ta' Jannar 2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra ( 3 ). Għal dan il-għan jaqblu dwar li ġej:

 Fuq talba mill-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni ser tirrapporta lilu kwalunkwe tħassib speċifiku relatat mal-implimentazzjoni mill-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali tal-impenji tagħhom dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli.

 Jekk il-Parlament Ewropew jadotta rakkomandazzjoni biex tinbeda investigazzjoni ta’ salvagwardja, il-Kummissjoni ser teżamina bir-reqqa jekk jintlaħqux il-kondizzjonijiet taħt ir-Regolament (UE) Nru 20/2013 għal inizjazzjoni ex-officio. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kondizzjonijiet ma ntlaħqux, hi ser tippreżenta rapport lill-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew li jinkludi spjegazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti għall-ftuħ ta' tali investigazzjoni.



( 1 ) ĠU L 84, 31.3.2009, p. 1.

( 2 ) Ara paġna 13 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

( 3 ) Ara paġna 13 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

Top