Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02013D0391-20151012

    Consolidated text: Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/391/PESK tat- 22 ta’ Lulju 2013 b’appoġġ għall-implimentazzjoni prattika tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtá tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/391/2015-10-12

    2013D0391 — MT — 12.10.2015 — 001.001


    Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

    ►B

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/391/PESK

    tat-22 ta’ Lulju 2013

    b’appoġġ għall-implimentazzjoni prattika tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtá tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom

    (ĠU L 198 23.7.2013, p. 40)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/1838 tat-12 ta' Ottubru 2015

      L 266

    96

    13.10.2015




    ▼B

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/391/PESK

    tat-22 ta’ Lulju 2013

    b’appoġġ għall-implimentazzjoni prattika tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtá tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom



    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 26(2) u 31(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta’ miżuri biex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni li jeħtieġ li jittieħdu kemm fl-Unjoni kif ukoll f’pajjiżi terzi.

    (2)

    L-Unjoni qiegħda timplimenta din l-Istrateġija attivament u qiegħda tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b’mod partikolari billi tagħmel disponibbli riżorsi finanzjarji b’appoġġ għal proġetti speċifiċi mmexxijin minn istituzzjonijiet multilaterali, b’hekk l-Istati fil-bżonn jingħataw assistenza teknika u ħila esperta fir-rigward ta’ firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ nonproliferazzjoni, u l-promozzjoni tar-rwol tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU).

    (3)

    Fit-28 ta’ April 2004, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta ir-Riżoluzzjoni 1540 (2004) (“UNSCR 1540 (2004)”), li kienet l-ewwel strument internazzjonali biex jiġu ttrattati b’mod integrat u komprensiv l-armi ta’ qerda massiva, il-mezzi ta’ kunsinna tagħhom u l-materjal relatat. UNSCR 1540 (2004) stabbilixxiet obbligi vinkolanti għall-Istati kollha li kellhom l-għan li jimpedixxu u jiskoraġġixxu lill-atturi li mhumiex Stati milli jaċċedu għal tali armi u materjal relatat mal-armi. Hija appellat ukoll lill-Istati biex jippreżentaw rapport lill-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà stabbilit bir-Riżoluzzjoni 1540 (2004) (“il-Kumitat 1540”) dwar il-passi li ħadu jew li biħsiebhom jieħdu sabiex jimplimentaw il-UNSCR 1540 (2004).

    (4)

    Fis-27 ta’ April 2006, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1673 (2006) u ddeċieda li l-Kumitat 1540 għandu jintensifika l-isforzi tiegħu sabiex jippromwovi l-implimentazzjoni sħiħa tal-UNSCR 1540 (2004) permezz ta’ programmi ta’ ħidma, attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, assistenza, djalogu u kooperazzjoni. Huwa stieden ukoll lill-Kumitat 1540 biex jesplora mal-Istati u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u subreġjonali l-possibbiltà ta’ kondiviżjoni tal-esperjenzi u l-lezzjonijiet meħuda, u d-disponibbiltà ta’ programmi li jistgħu jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004).

    (5)

    Fl-20 ta’ April 2011, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1977 (2011) u ddeċieda li jestendi l-mandat tal-Kumitat 1540 għal perijodu ta’ 10 snin sal-25 ta’ April 2021. Huwa ddeċieda wkoll li l-Kumitat 1540 kellu jkomplì jintensifika l-isforzi tiegħu biex jippromwovi l-implimentazzjoni sħiħa mill-Istati kollha tal-UNSCR 1540 (2004), b’mod partikolari fir-rigward ta’ oqsma bħal: (a) iż-żamma ta’ kontijiet, (b) il-protezzjoni fiżika, (c) il-kontrolli fil-fruntieri u l-isforzi tal-infurzar tal-liġi u (d) il-kontrolli nazzjonali tal-esportazzjonijiet u t-trasbordjar inklużi l-kontrolli fuq l-għoti ta’ fondi u servizzi bħall-finanzjament għal tali esportazzjonijiet u trasbordjar.

    (6)

    L-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/419/PESK tat-12 ta’ Ġunju 2006 b’appoġġ għall-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1540 (2004) tan-Nazzjonijiet Uniti u fil-qafas tal-implementazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Distruzzjoni Massiva ( 1 ) u l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/368/PESK tal-14 ta’ Mejju 2008 b’appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Distruzzjoni Massiva ( 2 ) kkontribwixxiet għat-tnaqqis sinifikanti tal-għadd ta’ Stati li ma jirrappurtawx u l-għadd ta’ Stati li ma ppreżentawx l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa mill-Kumitat 1540 b’segwitu għall-preżentazzjoni ta’ rapporti mhux kompluti.

    (7)

    L-Uffiċċju għad-Diżarm fi ħdan is-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti, li huwa responsabbli għall-għoti ta’ appoġġ sostantiv u loġistiku lill-Kumitat 1540 u lill-esperti tiegħu, għandu jiġi fdat bl-implimentazzjoni teknika tal-proġetti li għandhom jitwettqu taħt din id-Deċiżjoni.

    (8)

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi implimentata f’konformità mal-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv, konkluż mill-Kummissjoni Ewropea man-Nazzjonijiet Uniti dwar l-amministrazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Unjoni għal programmi jew proġetti amministrati min-Nazzjonijiet Uniti,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:



    Artikolu 1

    1.  F’konformità mal-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, li tistabbilixxi l-objettiv tal-promozzjoni tar-rwol tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tat-tisħiħ tal-ħila esperta tiegħu sabiex jaffronta l-isfidi tal-proliferazzjoni, l-Unjoni għandha tappoġġa wkoll l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“UNSCR 1540 (2004)”) u r-Riżoluzzjoni 1977 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

    2.  Il-proġetti b’appoġġ għall-UNSCR 1540 (2004), li jikkorrispondu għal miżuri tal-Istrateġija tal-UE, għandhom jikkonsistu f’workshops subreġjonali, żjarat fil-pajjiż, laqgħat, avvenimenti, taħriġ u sforzi ta’ relazzjonijiet pubbliċi.

    3.  L-għanijiet tal-proġetti għandhom jikkonsistu fi:

     it-tisħiħ tal-isforzi u l-kapaċitajiet nazzjonali u reġjonali rilevanti primarjament permezz tal-bini ta’ kapaċità u l-faċilitazzjoni tal-assistenza;

     kontribut għall-implimentazzjoni prattika ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi tar-Rieżami Komprensiv tal-2009 tal-istat ta’ implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004), b’mod partikolari fl-oqsma tal-assistenza teknika, il-kooperazzjoni internazzjonali u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku;

     it-tnedija, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjani ta’ Azzjoni Nazzjonali fuq talba tal-Istati.

    4.  Deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti hija mniżżla fl-Anness.

    Artikolu 2

    1.  Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ “ir-Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.  L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mis-Segretarjat tan-NU (Uffiċċju għall-Affarijiet ta’ Diżarm) (“Segretarjat tan-NU (ODA)”). Huwa għandu jwettaq dan il-kompitu taħt ir-responsabbiltà u l-kontroll tar-Rappreżentant Għoli.

    3.  Għal dan il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mas-Segretarjat tan-NU (ODA).

    Artikolu 3

    1.  L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implementazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta’ EUR 750 000 , li għandu jiġi ffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

    2.  L-infiq iffinanzjat mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandu jiġi amministrat f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

    3.  Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 2. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament mas-Segretarjat tan-NU (ODA). Dak il-ftehim ta’ finanzjament għandu jistipula li s-Segretarjat tan-NU (ODA) għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, skont id-daqs tagħha.

    4.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament.

    Artikolu 4

    Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjija mis-Segretarjat tan-NU (ODA). Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2).

    Artikolu 5

    1.  Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    ▼M1

    2.  Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-25 ta' April 2016.

    ▼B




    ANNESS

    1.    OBJETTIVI

    L-objettivi ġenerali ta’ din id-Deċiżjoni huma l-promozzjoni tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) (“UNSCR 1540 (2004)”) u 1977 (2011) (“UNSCR 1977 (2011)”) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva permezz ta’ miżuri speċifiċi bl-għanijiet speċifiċi li ġejjin: it-tisħiħ tal-isforzi u l-kapaċitajiet nazzjonali u reġjonali rilevanti primarjament permezz tal-bini ta’ kapaċità u l-faċilitazzjoni tal-assistenza; il-kontribut għall-implimentazzjoni prattika ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi tar-Rieżami Komprensiv tal-2009 tal-istat ta’ implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004), b’mod partikolari fl-oqsma tal-assistenza teknika, il-kooperazzjoni internazzjonali u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku.

    2.    DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI

    2.1.    Tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-implimentazzjoni nazzjonali u l-koordinazzjoni subreġjonali

    2.1.1.    Objettiv tal-miżura

     L-għoti ta’ appoġġ għall-attivitajiet ta’ implimentazzjoni speċifiċi għall-pajjiż, inkluż l-iżvilupp ta’ pjani ta’ azzjoni nazzjonali u ta’ proċess ta’ implimentazzjoni sostnut nazzjonali u subreġjonali;

     It-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali inkluż r-rwol tal-Kumitat 1540 fl-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004).

    2.1.2.    Deskrizzjoni tal-miżura

    Il-faċilitazzjoni mill-UNODA, f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet u entitajiet oħrajn internazzjonali, reġjonali u subreġjonali, kif adatt, ta’ passi prattiċi biex jiġu implimentati r-rekwiżiti prinċipali tal-UNSCR1540 (2004) f’livell nazzjonali, b’mod partikolari permezz tal-appoġġ ta’ żjarat fil-pajjiżi u attivitajiet speċifiċi għall-pajjiż li għandhom jitwettqu mill-Kumitat 1540, bil-kunsens tal-Istati kkonċernati. Hu previst li jiġu appoġġati ħames żjarat fil-pajjiż (kull waħda ddum erbat ijiem). Skont il-pajjiż speċifiku u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat 1540, iż-żjara fil-pajjiż jew l-attivitajiet speċifiċi għall-pajjiż ser jikkontribwixxu għall-proċess ta’ implimentazzjoni nazzjonali permezz ta’: (a) kontributi għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku permezz ta’ djalogi adattati ma’ atturi differenti involuti fl-implimentazzjoni nazzjonali tal-UNSCR 1540 (2004); (b) eżami tal-miżuri u l-mekkaniżmi nazzjonali użati għall-implimentazzjoni ta’ dik ir-riżoluzzjoni u l-identifikazzjoni tal-isfidi speċifiċi li jaffrontaw l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll opzjonijiet possibbli biex jirrimedjawhom; u (c) faċilitazzjoni tat-tħejjija ta’ pjani ta’ azzjoni nazzjonali volontarji u miżuri oħrajn deċiżi mill-pajjiż miżjur.

    L-organizzazzjoni mill-UNODA, f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet u entitajiet oħrajn internazzjonali, reġjonali u subreġjonali, kif adatt, ta’ laqgħat f’subreġjuni speċifiċi abbażi tal-eżitu tal-workshops preċedenti dwar il-bini ta’ kapaċità fis-subreġjuni speċifiċi. Hu previst li jitwettqu tliet laqgħat ta’ segwitu fis-subreġjuni magħżulin (l-Afrika, il-Golf u l-Lvant Nofsani, ix-Xlokk tal-Ewropa u l-Amerika Latina). Kull laqgħa ser tiġi adattata għar-rekwiżiti attwali tas-subreġjun b’attenzjoni fuq oqsma li x’aktarx li jiksbu riżultati prattiċi. Il-laqgħat ser jitwettqu flimkien ma’ diskussjonijiet tekniċi fil-pajjiżi biex jiġu esplorati miżuri speċifiċi b’sostenn għal progress fl-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004). Id-diskussjonijiet fil-pajjiżi ser jiġu organizzati b’rispons għall-istediniet mill-Istati Membri interessati.

    L-UNODA ser jiżviluppa attivitajiet relatati mal-UNSCR 1540 (2004) f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet u aġenziji internazzjonali oħrajn, inklużi l-OSKE, l-IAEA, l-OPCW, il-WHO, il-FAO u l-OIE, biex jiġu żgurati sinerġiji effettivi u tiġi evitata d-duplikazzjoni.

    Kif adatt, ser jiġu esplorati sinerġiji mal-attivitajiet taċ-“Ċentri ta’ Eċċellenza” Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi u Nukleari (CBRN) reġjonali, li qegħdin jiġu stabbiliti attwalment taħt l-Istrument għall-Istabbiltà kif ukoll ma’ programmi oħrajn sponsorjati mill-UE f’dan il-qasam.

    2.1.3.    Riżultati tal-miżura

    It-titjib tal-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004) permezz ta’ passi addizzjonali li għandhom jittieħdu mill-Istati għall-implimentazzjoni sħiħa tagħha; l-iżvilupp ta’ pjani ta’ azzjoni jew pjani direzzjonali nazzjonali effettivi u realistiċi għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti prinċipali ta’ dik ir-riżoluzzjoni; approċċi reġjonali kkoordinati msaħħin għall-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004); u l-istabbiliment ta’ sħubiji effettivi bejn l-Istati parteċipanti u l-fornituri ta’ assistenza.

    2.2.    Aktar bini ta’ kapaċità biex jiġu stabbiliti u miżmuma l-protezzjoni fiżika u jinżamm kont ta’ materjal sensittiv b’użu doppju

    2.2.1.    Objettiv tal-miżura

    Il-promozzjoni tal-bini ta’ kapaċità fil-livell nazzjonali u reġjonali biex isir progress fl-implimentazzjoni sħiħa tal-UNSCR 1540 (2004) permezz ta’ attenzjoni fuq waħda mill-oqsma prinċipali tar-riżoluzzjoni, jiġifieri, il-protezzjoni fiżika u li jinżamm kont ta’ “materjal relatat”. L-UNSCR 1540 (2004) fiha dispożizzjonijiet speċifiċi (is-subparagrafi a) u b) tal-paragrafu 3 operattiv) li jobbligaw lill-Istati kollha biex jistabbilixxu kontrolli adatti fuq materjal, tagħmir u teknoloġija li jistgħu jintużaw għad-disinn, l-iżvilupp, il-produzzjoni jew l-użu ta’ armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom. Għal dan l-għan, l-Istati huma meħtieġa li: (a) jiżviluppaw u jżommu miżuri effettivi adatti biex jinżamm kont ta’ tali oġġetti u jinżammu taħt sigurtà fil-produzzjoni, l-użu, il-ħżin jew it-trasport; u (b) jiżviluppaw u jżommu miżuri ta’ protezzjoni fiżika effettivi u adatti.

    2.2.2.    Deskrizzjoni tal-miżura

    L-organizzazzjoni mill-UNODA ta’ żewġ workshops subreġjonali (l-Amerika Ċentrali, ix-Xlokk tal-Asja u l-Amerika Latina) li jiffukaw fuq il-protezzjoni fiżika u li jinżamm kont ta’ “materjal relatat”. Permezz tal-kondiviżjoni ta’ esperjenza rigward linji ta’ politika u prattiki nazzjonali relatati maż-żamma tal-kontijiet, iż-żamma taħt sigurtà u l-protezzjoni ta’ materjal bijoloġiku, kimiku u nukleari rilevanti, il-miżura ser tippromwovi approċċi nazzjonali integrati bbażati fuq prattiki tajba u l-esperjenza miksuba.

    Ser tiġi enfasizzata, kif adatt, l-importanza ta’ kooperazzjoni u interazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-IAEA, l-OPCW, il-WHO, il-FAO, l-OIE u l-OSKE. Kull workshop ser jiġi organizzat flimkien ma’ ċikli ta’ diskussjonijiet tekniċi rilevanti mal-pajjiżi parteċipanti filwaqt li jittieħed kont sħiħ tal-ispeċifiċitajiet nazzjonali. Id-diskussjonijiet fil-pajjiżi ser jiġu organizzati b’rispons għall-istediniet mill-Istati Membri interessati f’subreġjuni rilevanti.

    Kif adatt, ser jiġu esplorati sinerġiji mal-attivitajiet taċ-“Ċentri ta’ Eċċellenza” CBRN reġjonali, li qegħdin jiġu stabbiliti attwalment taħt l-Istrument għall-Istabbiltà kif ukoll ma’ programmi oħrajn sponsorjati mill-UE f’dan il-qasam.

    2.2.3.    Riżultati tal-miżura

    Sforzi nazzjonali mtejba u kapaċitajiet imsaħħa għall-implimentazzjoni ta’ verifiki adatti ta’ materjal, tagħmir u teknoloġija li jistgħu jintużaw għad-disinn, l-iżvilupp, il-produzzjoni jew l-użu ta’ armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom; l-identifikazzjoni ta’ prattiki effettivi u effiċjenti għaż-żamma ta’ kontijiet, iż-żamma taħt sigurtà u l-protezzjoni ta’ “materjal relatat”; aktar sigurtà ta’ materjal rilevanti fil-livelli nazzjonali u reġjonali; aktar sħubiji reġjonali u internazzjonali f’oqsma rilevanti; u kontribut għall-isforzi biex tiżdied is-sigurtà CBRN globali.

    2.3.    Appoġġ għall-implimentazzjoni prattika tar-rakkomandazzjonijiet tar-Rieżami Komprensiv tal-2009 tal-istat ta’ implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004)

    2.3.1.    Objettiv tal-miżura

    L-għoti ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni prattika tar-rakkomandazzjonijiet tar-Rieżami Komprensiv tal-2009;

    It-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali u sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar l-importanza tal-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004).

    2.3.2.    Deskrizzjoni tal-miżura

    L-UNSCR 1977(2011) u d-Dokument Finali tar-Rieżami Komprensiv tal-2009 jipprevedu għadd ta’ attivitajiet speċifiċi fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti prinċipali tal-UNSCR 1540 (2004). Il-miżura tinkludi proġetti speċifiċi b’appoġġ għal tali attivitajiet inkluż permezz tal-isponsorjar ta’ laqgħat/avvenimenti, taħriġ u sforzi ta’ relazzjonijiet pubbliċi. Soġġetti, kif adatt, għad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat 1540, il-proġetti jinkludu:

     l-organizzazzjoni mill-UNODA ta’ avvenimenti li jlaqqgħu lil dawk li joffru u jfittxu assistenza u laqgħat ta’ sħab attwali u prospettivi (Stati, organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali);

     laqgħat organizzati mill-UNODA b’appoġġ għal sforzi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-Kumitat 1540 ma’ mekkaniżmi internazzjonali ta’ nonproliferazzjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali oħrajn;

     l-organizzazzjoni u l-isponsorjar mill-UNODA ta’ workshop tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, tad-dinja akkademika u l-industrija;

     l-isponsorjar mill-UNODA tal-parteċipazzjoni ta’ uffiċjali nazzjonali f’korsijiet ta’ taħriġ u attivitajiet oħrajn ta’ bini ta’ kapaċità;

     l-isponsorjar ta’ ġurnal elettroniku dwar kwistjonjiet ta’ implimentazzjoni rigward l-UNSCR 1540 (2004).

    Kif adatt, ser jiġu esplorati sinerġiji mal-attivitajiet taċ-“Ċentri ta’ Eċċellenza” CBRN reġjonali, li qegħdin jiġu stabbiliti attwalment taħt l-Istrument għall-Istabbiltà kif ukoll ma’ programmi oħrajn sponsorjati mill-UE f’dan il-qasam.

    2.3.3.    Riżultati tal-miżura

    L-implimentazzjoni ta’ miżuri speċifiċi maqbula fir-Rieżami Komprensiv tal-2009; aktar mezzi varji għall-faċilitazzjoni tal-assistenza teknika; il-forniment ta’ taħriġ iffukat fuq l-UNSCR 1540 (2004) lill-uffiċjali nazzjonali; involviment akbar tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, id-dinja akkademika u l-industrija fl-isforzi ta’ implimentazzjoni internazzjonali, reġjonali u nazzjonali tal-UNSCR 1540 (2004); sensibilizzazzjoni tal-pubbliku msaħħa rigward l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tal-UNSCR 1540 (2004).

    3.    SĦAB FIL-MIŻURI

     Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-Kumitat 1540 tiegħu;

     Il-gvernijiet parteċipanti mis-subreġjuni rispettivi;

     Il-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet li joffru assistenza;

     In-Nazzjonijiet Uniti, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u subreġjonali rilevanti;

     L-organizzazzjonijiet nongovernattivi u l-entitajiet tas-soċjetà ċivili.

    4.    BENEFIĊJARJI TAL-MIŻURI

     L-Istati Membri, l-uffiċjali tal-gvern;

     Il-Kumitat 1540 u entitajiet oħrajn tan-NU;

     L-organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u subreġjonali;

     Il-gvernijiet u organizzazzjonijiet li jipprovdu u jirċievu assistenza teknika taħt l-UNSCR 1540 (2004);

     Is-soċjetà ċivili, id-dinja akkademika u l-industriji rilevanti.

    5.    POST

    L-UNODA ser tagħżel postijiet potenzjali għal-laqgħat, il-workshops u avvenimenti oħrajn. Il-kriterji użati għall-għażla tal-postijiet ser jinkludu r-rieda u l-impenn ta’ Stat rilevanti f’reġjun partikolari li jospita l-avveniment. Il-postijiet speċifiċi ta’ żjarat fil-pajjiż jew attivitajiet speċifiċi għall-pajjiż ser jiddependu fuq l-istediniet minn Stati Membri interessati u, kif adatt, fuq deċiżjonijiet tal-Kumitat 1540.

    ▼M1

    6.   TUL TA' ŻMIEN

    Din id-Deċiżjoni se tiskadi fil-25 ta' April 2016.



    ( 1 ) ĠU L 165, 17.6.2006, p. 30. Edizzjoni Speċjali bil-Malti, ĠU L 294M, 25.10.2006, p. 223.

    ( 2 ) ĠU L 127, 15.5.2008, p. 78.

    Top