Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02012R0360-20181231

    Consolidated text: Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal-25 ta' April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (Test b’relevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/360/2018-12-31

    02012R0360 — MT — 31.12.2018 — 001.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 360/2012

    tal-25 ta' April 2012

    dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (ĠU L 114 26.4.2012, p. 8)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1923 tas-7 ta' Diċembru 2018

      L 313

    2

    10.12.2018




    ▼B

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 360/2012

    tal-25 ta' April 2012

    dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)



    Artikolu 1

    Kamp ta' Applikazzjoni u Definizzjonijiet

    1.  Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali skont it-tifsira tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat.

    2.  Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

    (a) għajnuna mogħtija lil impriżi għal attivitajiet fis-setturi tas-sajd u tal-akwakultura, kif koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 ( 1 );

    (b) għajnuna mogħtija lil impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta' prodotti agrikoli;

    (c) għajnuna mogħtija lil impriżi attivi fl-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti agrikoli, fil-każi segwenti:

    (i) meta l-ammont tal-għajnuna jkun ffissat fuq il-bażi tal-prezz jew kwantità ta' prodotti bħal dawn mixtrija minn produtturi primarji jew imqiegħda fis-suq mill-impriżi kkonċernati,

    (ii) meta l-għajnuna tkun bil-kundizzjoni li parti minnha jew kollha kemm hi tingħata lill-produtturi primarji;

    (d) għajnuna għal attivitajiet relatati mal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew Stati Membri, jiġifieri għajnuna marbuta direttament ma' kwantitajiet esportati, it-twaqqif u t-tħaddim ta' netwerk ta' distribuzzjoni jew nefqa oħra kurrenti marbuta mal-attività tal-esportazzjoni;

    (e) għajnuna li tiddependi mill-użu ta’ prodotti domestiċi fuq dawk importati;

    (f) għajnuna mogħtija lil impriżi attivi fis-settur tal-faħam, kif stipulat fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/787/UE ( 2 );

    (g) għajnuna mogħtija lill-intrapriżi li jeżegwixxu trasport tal-merkanzija bit-triq għal kiri u ħlas;

    (h) għajnuna mogħtija lil impriżi f’diffikultà.

    Jekk huma impriżi attivi fis-setturi msemmija fil-punti (a), (b), (c) jew (g) tal-ewwel subparagrafu, kif ukoll f’setturi mhux esklużi mill-iskop ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, dan ir-Regolament japplika biss għal għajnuna mogħtija fir-rigward ta' dawk is-setturi jew attivitajiet oħra, bil-kundizzjoni li Stati Membri jiżguraw li l-attività fis-setturi esklużi ma tibbenefikax minn għajnuna de minimis taħt dan ir-Regolament, b'mezzi xierqa bħal ma huma s-separazzjoni tal-attivita' jew distinzjoni fl-ispejjeż.

    3.  Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

    (a) “prodotti agrikoli” tfisser prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat, ħlief għall-prodotti tas-sajd;

    (b) “ipproċessar ta’ prodotti agrikoli” tfisser kwalunkwe operazzjoni fuq prodott agrikolu li tirrizulta fi prodott li huwa wkoll prodott agrikolu, ħlief fuq attivitajiet li jsiru f'razzett li huma neċessarji għall-preparazzjoni ta’ prodott minn annimal jew pjanta għall-ewwel bejgħ;

    (c) “it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti agrikoli” tfisser li żżomm jew turi bil-għan li tbiegħ, li toffri għall-bejgħ, li tikkonsenja jew kwalunkwe mod ieħor ta’ tqegħid fuq is-suq, minbarra għall-ewwel bejgħ minn produttur primarju lil min jerġa’ jbiegħ jew lil proċessuri u kwalunkwe attività li tipprepara prodott għal dak l-ewwel bejgħ; bejgħ mill-produttur primarju lill-konsumaturi finali għandu jitqies bħala kummerċjalizzazzjoni jekk dan iseħħ f'post separat riżervat għal dak il-għan.

    Artikolu 2

    Għajnuna de minimis

    1.  Għajnuna mogħtija lil impriżi għall-forniment ta’ servizz ta' interess ekonomiku ġenerali għandha titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għaldaqstant għandha tiġi eżentata mill-ħtieġa ta' notifika skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 u 8 ta' dan l-Artikolu.

    2.  L-ammont totali ta’ għajnuna de minimis mogħtija lil xi impriża waħda li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali ma għandhiex taqbeż il-EUR 500 000 matul kwalunkwe perjodu ta' tliet snin fiskali.

    Dan il-limitu għandu japplika irrispettivament mill-forma tal-għajnuna de minimis jew tal-għan mixtieq u japplika wkoll sew jekk l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri tkun iffinanzjata totalment u sew jekk parzjalment mir-riżorsi li jkunu joriġinaw mill-Unjoni. Il-perjodu li għandu jitqies huwa ddeterminat permezz ta' referenza għall-eżerċizzji fiskali użati mill-intrapriża fl-Istat Membru kkonċernat.

    3.  Il-limitu stipulat fil-paragrafu 2 għandu jkun espress bħala għotja ta’ flus kontanti. Iċ-ċifri kollha użati huma f’ammonti grossi, jiġifieri qabel it-tnaqqis tat-taxxi jew imposti oħra. Fejn l-għajnuna tingħata f'forma oħra għajr għotja, l-ammont tal-għajnuna għandu jkun l-ekwivalenti tal-għajnuna bħala għotja gross.

    Għajnuna li titħallas f'diversi pagamenti bin-nifs għandha tiġi skontata għall-valur tagħha fil-mument tal-għotja. Ir-rata tal-interessi li tintuża għal skopijiet ta’ skont għandha tkun ir-rata ta’ referenza applikabbli fil-mument tal-għotja.

    4.  Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-għajnuna li għaliha jista' jiġi kkalkulat ex ante b'mod preċiż l-ekwivalenti tal-għotja gross mingħajr il-ħtieġa ta' evalwazzjoni tar-riskju (“għajnuna trasparenti”). B’mod partikolari:

    (a) l-għajnuna inkluża f’self għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti meta l-għotja grossa ekwivalenti tkun ġiet ikkalkulata fuq il-bażi tar-rata ta' referenza applikabbli fil-ħin tal-għotja;

    (b) għajnuna fil-forma ta' injezzjonijiet ta’ kapital ma għandhiex tkun ikkunsidrata għajnuna de minimis trasparenti, sakemm l-ammont totali ta' injezzjoni mill-pubbliku ma jaqbiżx il-limitu de minimis;

    (c) għajnuna fil-forma ta' miżuri ta' kapital ta’ riskju ma għandhiex titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti, sakemm l-iskema ta’ kapital ta’ riskju kkonċernata tipprovdi kapital biss sal-limitu de minimis għal kull impriża fil-mira;

    (d) Għajnuna individwali mogħtija taħt skema ta’ garanzija lill-intrapriżi li mhumiex intrapriżi f’diffikultà għandha titqies għajnuna de minimis trasparenti meta parti mis-self tal-garanzija pprovdut fi skema bħal din ma taqbiżx EUR 3 750 000 għal kull intrapriża. Jekk il-parti "garanzija" tas-self sottostanti ma tirrappreżentax ħlief frazzjoni ta’ dan il-limitu, l-ammont ekwivalenti għas-sussidju gross tal-garanzija huwa preżunt li jikkorispondi mal-istess frazzjoni tal-limitu msemmi fil-paragrafu 2. Il-garanzija ma għandhiex tkun aktar minn 80 % tas-self sottostanti. Skemt ta' garanzija għandhom ukoll jitqiesu trasparenti jekk:

    (i) qabel l-implimentazzjoni tal-iskema, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-għotja gross ekwivalenti tal-garanziji ġiet aċċettata wara notifika ta’ din il-metodoloġija lill-Kummissjoni taħt regolament adottat mill Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat; u

    (ii) il-metodoloġija approvata tiffoka b’mod espliċitu fuq it-tip ta’ garanziji u t-tip ta’ transazzjonijiet sottostanti kkonċernati fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    5.  Fejn l-ammont totali ta' għajnuna de minimis taħt dan ir-Regolament mogħtija lil impriża għall-forniment ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali jaqbeż il-limitu stabbilit fil-paragrafu 2, dak l-ammont ma jistax jibbenefika minn dan ir-Regolament, anki għal frazzjoni li ma taqbiżx dak il-limitu.F’każ bħal dan, il-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament ma jistax jintalab għal din il-miżura ta' għajnuna.

    6.  L-għajnuna de minimis skont dan ir-Regolament ma għandhiex tiġi akkumulata ma' għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli jekk tali kumulu jirriżulta f'intensità ta' għajnuna li taqbeż dik stipulata fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull każ minn Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali jew minn Deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

    7.  Għajnuna de minimis taħt dan ir-Regolament tista’ tiġi akkumulata ma' għajnuna de minimis taħt ir-regolamenti de minimis oħra sa limitu stabbilit fil-paragrafu 2.

    8.  Madankollu, għajnuna de minimis taħt dan ir-Regolament ma għandhiex tiġi akkumulata ma’ ebda kumpens fir-rigward tal-istess servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, irrispettivament dwar jekk jammontax għal għajnuna mill-Istat jew le.

    Artikolu 3

    Monitoraġġ

    1.  Meta Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jagħti għajnuna de minimis lil impriża taħt dan ir-Regolament, huwa għandu jinforma lil dik l-impriża bil-miktub dwar l-ammont potenzjali tal-għajnuna, espress bħala ekwivalenti ta’ għotja gross, tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali li fir-rigward tiegħu hija mogħtija u dwar in-natura de minimis tal-għajnuna, filwaqt li jagħmel referenza speċifika għal dan ir-Regolament, u jiċċita t-titolu tiegħu u r-referenza ta' pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fejn l-għajnuna de minimis taħt dan ir-Regolament tingħata lil impriżi differenti fuq il-bażi ta' skema u ammonti differenti ta' għajnuna individwali jingħataw lil dawk l-impriżi taħt dik l-iskema, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħżel li jissodisfa dak l-obbligu billi jinforma lill-impriżi dwar is-somma fissa li tikkorrispondi mal-ammont massimu ta’ għajnuna li tkun se tingħata taħt dik l-iskema. F’każ bħal dan, is-somma fissa għandha tintuża biex jiġi determinat jekk il-limitu stipulat fl-Artikolu 2(2) intlaħaqx. Qabel l-allokazzjoni tal-għajnuna, l-Istat Membru għandu wkoll jikseb dikjarazzjoni mill-impriża li tipprovdi s-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, bil-miktub jew f’forma elettronika dwar xi għajnuna oħra de minimis riċevuta taħt dan ir-Regolament jew taħt ir-regolamenti de minimis oħra matul is-sentejn fiskali preċedenti u s-sena fiskali kurrenti.

    L-Istat Membru għandu jagħti l-għajnuna de minimis ġdida taħt dan ir-Regolament biss wara li jkun ivverifika li dan ma jżidx l-ammont totali tal-għajnuna de minimis mogħtija lil impriża li tipprovdi servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali taħt dan ir-Regolament għal livell ogħla mil-limitu stipulat fl-Artikolu 2(2) u li r-regoli ta’ kumulazzjoni fl-Artikolu 2(6), (7) u (8) qed jiġu rispettati.

    2.  Meta Stat Membru jkun ħejja reġistru ċentrali ta’ għajnuna de minimis li jkun fih informazzjoni sħiħa dwar l-għajnuna kollha de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali minn kwalunkwe awtorità fi ħdan dak l-Istat Membru, l-ewwel sotto-paragrafu tal-paragrafu 1 ma japplikax aktar mill-mument li r-reġistru jkun ikopri perjodu ta’ tliet snin.

    3.  L-Istati Membri għandhom iżommu rekord u jiġbru l-informazzjoni kollha dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dawn ir-rekords għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jintwera li l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ikunu ġew osservati. Ir-rekords li jkollhom x’jaqsmu ma’ għajnuna de minimis individwali għandhom jinżammu għal perjodu ta’ 10 snin fiskali mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna. Ir-rekords li jkollhom x'jaqsmu ma' skema ta' għajnuna de minimis għandhom jinżammu għal perjodu ta' 10 snin mid-data li fiha tkun ingħatat l-aħħar għajnuna individwali bit-tali iskema. B'talba bil-miktub, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, f'perjodu ta' 20 jum ta’ xogħol, jew tali perjodu itwal hekk kif jista' jiġi ffissat fit-talba, l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tqis meħtieġa biex tanalizza jekk il-kundizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikunux ġew imħarsa, u b’mod partikolari l-ammont totali tal-għajnuna de minimis taħt dan ir-Regolament jew taħt regolamenti de minimis oħra li tkun irċeviet xi impriża.

    Artikolu 4

    Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

    Dan ir-Regolament għandu japplika għal għajnuna de minimis mogħtija għall-provvista ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, sakemm din l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 1 u 2. Kwalunkwe għajnuna għall-forniment ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali li ma tikkonformax ma' dawn il-kundizzjonijiet għandha tiġi analizzata skont id-deċiżjonijiet, l-oqfsa, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi rilevanti.

    Fl-aħħar tal-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament, kwalunkwe għajnuna de minimis li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tista’ tkun implimentata b’mod validu għal perjodu ulterjuri ta’ sitt xhur.

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ validità

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tieliet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu jibqa’ japplika sal- ►M1  31 ta' Diċembru 2020 ◄ .

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



    ( 1 ) ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22.

    ( 2 ) ĠU L 336, 21.12.2010, p. 24.

    Top