Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02012R0200-20120309

    Consolidated text: Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 200/2012 tat- 8 ta’ Marzu 2012 li jikkonċerna mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tas- Salmonella enteritidis u s- Salmonella typhimurium f’qatgħat tal-brojlers, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/200/2012-03-09

    2012R0200 — MT — 09.03.2012 — 000.001


    Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

    ►B

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 200/2012

    tat-8 ta’ Marzu 2012

    li jikkonċerna mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tas-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium f’qatgħat tal-brojlers, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (ĠU L 071 9.3.2012, p. 31)


    Ikkoreġut b'

    ►C1

    Rettifika, ĠU L 068, 13.3.2015, p.  90 (200/2012)




    ▼B

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 200/2012

    tat-8 ta’ Marzu 2012

    li jikkonċerna mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tas-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium f’qatgħat tal-brojlers, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)



    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 fuq il-kontroll tas-salmonella u aġenti żoonotiċi oħra speċifiċi li jkun hemm ġewwa l-ikel ( 1 ) u, b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 13 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 għandu l-għan li jiżgura li jittieħdu miżuri xierqa u effettivi sabiex jikxfu u jikkontrollaw, fost l-oħrajn, is-salmonella fl-istadji kollha rilevanti u partikolarment fil-livell tal-produzzjoni primarja, jiġifieri f’qatgħat, sabiex titnaqqas il-prevalenza ta’ patoġeni żoonotiċi fl-ikel u għalhekk ir-riskju li jippreżentaw għas-saħħa pubblika.

    (2)

    L-Artikolu 4 (5) tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jipprevedi l-miri tal-Unjoni li għandhom jiġu stabbiliti għat-tnaqqis tal-prevalenza tas-serotipi tas-Salmonella kollha b’sinifikat għas-saħħa pubblika fil-brojlers. Dak it-tnaqqis huwa l-qofol biex jiżgura li l-kriterji għal Salmonella fil-laħam frisk tal-brojlers stipulat fil-Parti E tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament u fil-Kapitolu 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta’ Novembru 2005 fuq il-kriterji mikrobijoloġiċi għall-prodotti alimentari ( 2 ) jistgħu jintlaħqu.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jipprevedi li l-mira tal-Unjoni tinkludi espressjoni numerika tal-persentaġġ massimu ta’ unitajiet epidemjoloġiċi li jibqgħu pożittivi u/jew il-persentaġġ minimu ta’ tnaqqis fil-għadd ta’ unitajiet epidemjoloġiċi li jibqgħu pożittivi, il-limitu massimu ta’ żmien li fih għandha tintlaħaq il-mira, kif ukoll id-definizzjoni tal-iskemi ta’ ttestjar meħtieġa biex ikun verifikat li l-mira ntlaħqet. Għandha tinkludi wkoll definizzjoni, fejn xieraq, tas-serotipi b’sinifikat għas-saħħa pubblika.

    (4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jistipula li meta tkun se tiġi stabbilita l-mira tal-Unjoni għandha titqies l-esperjenza miksuba mill-miżuri nazzjonali eżistenti u mit-tagħrif mibgħut lill-Kummissjoni jew lill-Awtorità dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA) skont ir-rekwiżiti attwali tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qafas tat-tagħrif stipulat fid-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 rigward il-monitoraġġ taż-żoonożi u tal-aġenti żoonotiċi, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE u tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/117/KEE ( 3 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha.

    (5)

    L-Artikolu 1 paragrafu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 646/2007 tat-12 ta’ Ġunju 2007 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jirrigwarda mira Komunitarja biex titnaqqas il-prevalenza tas-Salmonella enteritidis u tas-Salmonella typhimurium fil-brojlers u jitneħħa r-Regolament (KE) Nru 1091/2005 ( 4 ), jiffissa l-mira għat-tnaqqis tal-ogħla perċentwal ta’ qatgħat ta’ brojlers li jibqgħu pożittivi għal dawk iż-żewġ serotipi tas-Salmonella ta 1 % jew anqas sal-31 ta’ Diċembru 2011.

    (6)

    Ir-Rapport Sommarju tal-Unjoni Ewropea dwar it-Tendenzi u s-Sorsi taż-Żoonożi, l-Aġenti Żoonetiċi u t-Tifqigħat li Jinġarru fl-Ikel fl-2009 ( 5 ) wera li s-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium huma s-serovars assoċjati l-aktar spiss mal-mard uman. Fl-2009 kien hemm tnaqqis importanti fil-każijiet ta’ infezzjonijiet fil-bniedem ikkawżati mis-Salmonella enteritidis, filwaqt li ġiet osservata żieda fil-każijiet tas-Salmonella typhimurium.

    (7)

    F’Lulju 2011, l-EFSA adottat opinjoni xjentifika dwar stima kwantitattiva tal-impatt fuq is-saħħa pubblika ta’ twaqqif ta’ mira ġdida għat-tnaqqis tas-Salmonella fil-brojlers ( 6 ). Ikkonkludiet li s-Salmonella enteritidis hija trażmessa bl-aktar suċċess minn serotip tas-Salmonella żoonotika mill-ġenitur lill-wild fit-tjur. L-EFSA osservat ukoll li l-miżuri tal-kontroll mill-Unjoni għall-brojlers kkontribwew għal tnaqqis konsiderevoli fin-numru ta’ każijiet tas-salmonellożi umana assoċjati mal-brojlers meta wieħed iqabbel mas-sitwazzjoni fl-2006. Il-mira għandha għalhekk tiġi kkonfermata.

    (8)

    Il-varjanti monofażiċi tas-Salmonella typhimurium żviluppaw biex ikunu fost l-aktar serotipi tas-Salmonella frekwentement misjuba f’bosta speċi ta’ annimali u iżolati kliniċi minn bnedmin fis-snin riċenti. L-Opinjoni Xjentifika tal-EFSA 2010 dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ riskju għas-saħħa pubblika ta’ "Varjanti li jixbhu lis-Salmonella typhimurium" adottata fit-22 ta’ Settembru 2010 ( 7 ) iddikjarat ukoll li l-varjanti monofażiċi tas-Salmonella typhimurium mal-formula antiġenika ►C1  1,4,[5],12:i:- ◄ , li tinkludi varjanti bl-antiġenu O5 u mingħajru, iridu jitqiesu li huma varjanti tas-Salmonella typhimurium u li jikkawżaw xi riskju għas-saħħa pubblika paragunabbli għal dak ta’ varjanti oħra tas-Salmonella typhimurium. Il-varjanti tas-Salmonella typhimurium mal-formula antiġenika ►C1  1,4,[5],12:i:- ◄ għandhom għalhekk jiġu inklużi fil-mira.

    (9)

    Biex jiġi vverifikat jekk il-mira tal-Unjoni tkunx intlaħqet, huwa meħtieġ li jittieħdu kampjuni ta’ qatgħat tal-brojlers ripetutament. Sabiex jiġu evalwati u jitqabblu r-riżultati, huwa meħtieġ li tiġi deskritta skema komuni tal-ittestjar biex ikun ivverifikat jekk il-mira tal-Unjoni tkunx intlaħqet.

    (10)

    Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju ( 8 ), tressqu għal kofinanzjament mill-Unjoni programmi nazzjonali ta’ kontroll biex tinkiseb il-mira tal-Unjoni għall-2012 għall-qatgħat tal-brojlers tal-ispeċi Gallus gallus. L-emendi tekniċi introdotti fl-Anness għal dan ir-Regolament huma applikabbli direttament. Bħala riżultat, il-Kummissjoni ma għandhiex bżonn terġa’ tapprova mill-ġdid programmi nazzjonali ta’ kontroll li jimplimentaw dan ir-Regolament. Għalhekk mhuwiex meħtieġ perjodu tranżitorju.

    (11)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:



    Artikolu 1

    Mira tal-Unjoni

    1.  Il-mira tal-Unjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, għat-tnaqqis tal-prevalenza tas-Salmonella enteritidis u tas-Salmonella typhimurium fil-brojlers (“mira tal-Unjoni”) għandha tkun ta’ tnaqqis ta’ persentaġġ massimu annwali ta’ qatgħat tal-brojlers li jibqgħu pożittivi għas-Salmonella enteritidis u tas-Salmonella typhimurium ta’ 1 % jew anqas.

    Rigward is-Salmonella typhimurium monofażika, fil-mira tal-Unjoni għandhom jiġu inklużi s-serotipi bil-formula antiġenika ►C1  1,4,[5],12:i:- ◄ .

    2.  L-iskema ta’ ttestjar meħtieġa biex tivverifika l-progress fil-kisba tal-mira tal-Unjoni hi stipulata fl-Anness ("l-iskema ta’ ttestjar").

    Artikolu 2

    Ir-reviżjoni tal-mira tal-Unjoni

    Il-mira tal-Unjoni għandha tiġi riveduta mill-Kummissjoni billi tikkunsidra l-informazzjoni miġbura skont l-iskema ta’ ttestjar u l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(6)(c) tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003.

    Artikolu 3

    Tħassir tar-Regolament (KE) Nru 646/2007

    Ir-Regolament (KE) Nru 646/2007 għandu jiġi rrevokat.

    Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jittieħdu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 4

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




    ANNESS

    Skema ta’ ttestjar neċessarja biex tkun ivverifikata l-kisba tal-mira tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2)

    1.   QAFAS GĦAT-TEĦID TAL-KAMPJUNI

    Il-qafas għat-teħid tal-kampjuni għandu jinkludi l-qatgħat kollha tal-brojlers tal-ispeċi Gallus gallus (‘il-brojlers’) fil-qafas tal-programmi ta’ kontroll nazzjonali stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003.

    2.   MONITORAĠĠ TAL-BROJLERS

    2.1.    Frekwenza kampjunarja

    (a) L-operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom jieħdu kampjun mill-qatgħat tal-brojlers kollha fi żmien tliet ġimgħat qabel il-qatla.

    B’deroga mill-obbligu stipulat tal-ikkampjunar stipulat fl-ewwel subparagrafu, l-awtorità kompetenti tista’ tipprovdi li l-operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom jieħdu kampjun minn tal-anqas qatgħa waħda ta’ brojlers għal kull sensiela ta’ kampjunar għall-azjendi b’aktar minn merħla waħda meta:

    (i) tintuża sistema ta’ kollha ġewwa/kollha barra fil-qatgħat kollha fl-azjenda;

    (ii) il-qatgħat kollha jiġu mmaniġjati l-istess;

    (iii) il-provvista tal-għalf u l-ilma huma komuni għall-qatgħat kollha;

    (iv) matul mill-inqas l-aħħar sitt sensieli, ikunu twettqu mill-awtorità kompetenti testijiet għas-Salmonella spp. skont l-iskema ta’ teħid tal-kampjuni stipulati fl-ewwel subparagrafu fil-qatgħat kollha fl-azjenda u l-kampjuni tal-qatgħat kollha ta’ mill-anqas sensiela waħda;

    (v) ir-riżultati kollha mill-ittestjar skont l-ewwel subparagrafu u fil-punt (b) għas-Salmonella enteritidis jew Salmonella typhimurium kienu negattivi.

    B’deroga mill-obbligi tat-teħid tal-kampjuni stabbiliti f’dan il-punt, l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza t-teħid tal-kampjuni fl-aħħar sitt ġimgħat qabel id-data tal-qatla fil-każ li l-brojlers jew huma miżmuma iktar minn 81 jum jew jaqgħu taħt produzzjoni organika ta’ brojlers skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 ( 9 ).

    (b) L-awtorità kompetenti għandha tinkludi kull sena ta’ mill-anqas qatgħa waħda ta’ brojlers fuq 10 % tal-impriżi b’aktar minn 5 000 għasfur. Dak l-ikkampjunar jista’ jsir fuq bażi ta’ riskju u kull darba li l-awtorità kompetenti tikkunsidrah neċessarju.

    It-teħid ta’ kampjuni mwettaq mill-awtorità kompetenti jista’ jieħu post it-teħid ta’ kampjuni mill-operatur tan-negozju tal-ikel kif mitlub mill-punt (a).

    2.2.    Il-protokoll tal-kampjunar

    2.2.1.    Struzzjonijiet ġenerali għal kampjunar

    L-awtorità kompetenti jew l-operatur tan-negozju tal-ikel għandu jiżgura li l-kampjuni jittieħdu minn persuni mħarrġa għal dak il-għan.

    Mill-anqas żewġ pari ta’ boot swabs għandhom jittieħdu bħala kampjun. Il-boot swabs jitpoġġew fuq il-boots u jittieħed il-kampjun permezz tal-mixi madwar il-bini fejn jinżammu t-tjur. Swabs minn qatgħa waħda ta’ brojlers jistgħu jinġabru f’kampjun wieħed.

    Qabel ma jintlibsu l-boot swabs, il-wiċċ tagħhom għandu jixxarrab b’:

    (a) l-applikazzjoni tad-dilwenti ta’ rkupru massimu (MRD: 0,8% klorur tas-sodju, 0,1% peptun f’ilma sterili dejonizzat);

    (b) l-applikazzjoni ta’ ilma sterili;

    (c) l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dilwenti oħra approvati mil-laboratorju nazzjonali ta’ referenza msemmija fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003; jew

    (d) li jiġu awtoklavati f’kontenitur flimkien mad-dilwenti.

    Il-mod kif għandhom jixxarrbu l-boot swabs għandu jkun li jiġi mferra’ ġewwa fihom il-likwidu qabel ma jintlibsu jew li jitħawdu f’kontenitur bid-dilwent.

    Għandu jkun żgurat li t-taqsimiet kollha f’bini ta’ azjenda huma rrappreżentati fil-kampjun b’mod proporzjonat. Kull par boot swabs għandu jkopri madwar 50% taż-żona tal-bini.

    Wara t-tlestija tal-kampjunar, is-swabs għandhom jitneħħew bil-galbu mill-boots sabiex ma jiċċaqlaqx il-materjal aderenti. Il-boot swabs jistgħu jinqalbu ta’ ġewwa barra biex jinżamm il-materjal. Għandhom jitpoġġew f’borża jew kontenitur u titwaħħlilhom tikketta.

    L-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li żżid l-għadd minimu ta’ kampjuni sabiex tiżgura teħid ta’ kampjuni rappreżentattiv abbażi ta’ evalwazzjoni tal-każijiet, wieħed wieħed, tal-parametri epidemjoloġiċi, jiġifieri l-kundizzjonijiet ta’ bijosigurtà, it-tqassim jew id-daqs tal-qatgħa.

    Jekk l-awtorità kompetenti tapprova dan, par wieħed ta’ boot swabs jista’ jiġi sostitwit minn kampjun ta’ 100g trab miġbur minn diversi postijiet fil-bini kollu minn uċuħ bi preżenza viżibbli ta’ trab. Bħala alternattiva, swab wieħed jew aktar tad-drapp niedi b’superfiċi kkumbinata ta’ mill-inqas 900 cm2 jistgħu jintużaw biex jiġbru trab minn superfiċji multipli f’kull parti tal-bini. Kull swab għandu jkun miksi sew bit-trab fuq iż-żewġ naħat.

    2.2.2.    Struzzjonijiet speċifiċi għal ċerti tipi ta’ azjendi

    (a) Għall-qatgħat imrobbija fil-ftuħ, il-kampjuni għandhom jinkisbu biss ġewwa l-bini.

    (b) Meta l-aċċess għad-djar ma jkunx possibbli minħabba l-ispazju limitat f’qatgħat b’inqas minn 100 brojler, u għalhekk ma jkunx possibbli li jintużaw il-boot swabs waqt il-mixi, dawn jistgħu jiġu sostitwiti mill-istess tip ta’ swabs tal-idejn tad-drapp li jintużaw għat-trab; dawn jingħorku fuq uċuħ ikkontaminati b’rawt frisk, jew jekk dan ma jkunx fattibbli, permezz ta’ tekniki tat-teħid tal-kampjuni tar-rawt oħra xierqa għall-iskop maħsub.

    2.2.3.    Teħid ta’ kampjuni mill-awtorità kompetenti

    L-awtorità kompetenti għandha tissodisfa ruħha billi twettaq testijiet ulterjuri u/jew kontrolli dokumentati kif xieraq biex tivverifika li r-riżultati mhumiex alterati permezz tal-preżenza tal-antimikrobiċi jew sustanzi li ma jippermettux it-tkabbir ta’ batterji oħra.

    Fejn ma tinstabx il-preżenza tas-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium iżda jinstabu antimikrobiċi jew l-effett inibitorju tal-formazzjoni tal-batterji, il-qatgħa tal-brojlers għandha tkun ikkunsidrata bħala infettata għall-għan tal-mira tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2).

    2.2.4.    It-Trasport

    Il-kampjuni għandhom jintbagħtu mingħajr dewmien żejjed, jew permezz tal-posta express jew kurjer, lil-laboratorji msemmija fl-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003. Matul it-trasport għandhom jiġu protetti minn sħana ta’ aktar minn 25°C u mill-espożizzjoni għad-dawl tax-xemx.

    Fejn mhuwiex possibbli li jintbagħtu l-kampjuni fi żmien 24 siegħa mill-ħin li fih jittieħdu l-kampjuni, dawn għandhom jinħażnu fil-kesħa.

    3.   ANALIŻI FIL-LABORATORJU

    3.1.    Tħejjija tal-kampjuni

    Fil-laboratorju, il-kampjuni għandhom jinżammu fil-kesħa sal-eżaminazzjoni. L-eżami għandu jibda fi żmien 48 siegħa mill-ħin tal-wasla tal-kampjuni u fi żmien erbat ijiem mid-data tat-teħid tal-kampjuni.

    Il-kampjuni tat-trab għandhom ikunu analizzati separatament. Madankollu, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li tgħaqqadhom ma’ par boot swabs għall-analiżi.

    Il-kampjun għandu jiddawwar sakemm jassorbi kollox u l-kolturazzjoni għandha titkompla bl-użu tal-metodu ta’ stħarriġ stipulat fil-punt 3.2.

    Iż-żewġ pari ta’ boot swabs għandhom jinħarġu bil-galbu mill-ippakkjar biex jiġi evitat li jinqala’ materjal ta’ rawt, jinġabru flimkien u jitpoġġew f’225 ml ta’ ilma tal-peptun li jkun newtralizzat (Buffered Peptone Water - BPW) imsaħħan minn qabel għal temperatura tal-kamra, jew 225 ml tad-dilwent hu miżjud direttament ma’ żewġ pari ta’ boot swabs fil-kontenitur tagħhom kif ikun wasal fil-laboratorju.

    Il-boot swabs għandhom jiġu mgħarrqa kompletament fil-BPW biex jipprovdu likwidu ħieles biżżejjed madwar il-kampjun għall-migrazzjoni tas-Salmonella mill-kampjun u għalhekk jista’ jiżdied aktar BPW jekk ikun meħtieġ.

    Jekk l-istandards tal-EN/ISO dwar il-preparazzjoni tar-rawt għall-individwazzjoni tas-Salmonella jkun hemm ftehim dwarhom, dawn għandhom jieħdu post id-dispożizzjonijiet dwar il-preparazzjoni tat-teħid tal-kampjuni stabbiliti f’dan il-punt kif jixraq.

    3.2.    Metodu ta’ individwazzjoni

    L-individwazzjoni tas-Salmonella spp. għandha titwettaq skont l-Emenda 1 tal-EN/ISO 6579 “Il-mikrobijoloġija tal-ikel u l-għalf tal-annimali – Metodu orizzontali għall-individwazzjoni tas-Salmonella spp. – Emenda 1: Anness D: L-individwazzjoni tas-Salmonella spp. fir-rawt tal-annimali u fil-kampjuni ambjentali mill-istadju primarju ta’ produzzjoni” tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istandardizzazzjoni.

    3.3.    Is-serotipar

    Għandu jkun serotipizzat tal-anqas iżolat wieħed minn kull kampjun pożittiv meħud mill-awtorità kompetenti, u dan skont l-iskema attwali White-Kauffmann-Le Minor.

    L-operaturi fin-negozju tal-ikel għandhom jiżguraw li għall-iżolati kollha, tal-anqas ikun eskluż li ma jappartjenux għas-serotipi Salmonella enteritidis u Salmonella typhimurium.

    3.4.    Metodi alternattivi

    Fir-rigward tal-kampjuni meħuda fuq inizjattiva tal-operatur fin-negozju tal-ikel, il-metodi tal-analiżi previsti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 ) jistgħu jintużaw minflok il-metodi għall-preparazzjoni tal-kampjuni, il-metodi ta’ individwazzjoni u s-serotipi previsti f’punti 3.1, 3.2 u 3.3 ta’ dan l-Anness, jekk ivvalidati skont l-EN/ISO 16140.

    3.5.    Ħżin ta’ varjanti

    L-awtorità kompetenti għandha tassigura li mill-inqas varjant iżolat wieħed tas-serotipi rilevanti tas-Salmonella mill-kampjuni bħala parti mill-kontrolli uffiċjali ta’ kull bini u ta’ kull sena jinħażen għall-phagetyping jew l-ittestjar għas-suxxettibilità antimikrobika futura, u dan bl-użu ta’ metodi normali għal ġbir tal-kultura, hekk li tkun żgurata l-integrità tal-varjanti għal perjodu minimu ta’ sentejn mid-data tal-analiżi.

    L-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li iżolati minn teħid ta’ kampjuni minn operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom jinħażnu għall-phagetyping jew l-ittestjar għas-suxxettibilità antimikrobika fil-futur biex jipprovdu għall-iżolati li jridu jiġu ttestjati skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/407/KE ( 11 ).

    4.   RIŻULTATI U RAPPURTAR

    4.1.    Kalkolu tal-prevalenza għall-verifika tal-mira tal-Unjoni

    Qatgħa ta’ brojlers għandha titqies pożittiva għall-iskop tal-verifika tat-twettiq tal-mira tal-Unjoni meta l-preżenza tas-Salmonella enteritidis u/jew s-Salmonella typhimurium (għajr il-varjanti tal-vaċċin) kienet individwata fil-qatgħa.

    Il-qatgħat tal-brojlers għandhom jingħaddu darba biss kull sensiela, irrispettivament min-numru tat-teħid tal-kampjuni u tal-operazzjonijiet tal-ittestjar u jkunu rrapportati biss fis-sena tal-ewwel kampjunar pożittiv.

    4.2.    Rappurtar

    Ir-rappurtar għandu jinkludi:

    (a) l-għadd totali tal-qatgħat tal-brojlers li jkunu ġew ittestjati mill-inqas darba matul is-sena ta’ rappurtar;

    (b) l-għadd totali tal-qatgħat maħsuba għall-bajd li jkunu nstabu pożittivi għal xi serotip tas-Salmonella fl-Istat Membru;

    (c) l-għadd ta’ qatgħat tal-brojlers li jinstabu pożittivi mill-inqas darba għas-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium inklużi l-varjanti monofażiċi mal-formula antiġenika ►C1  1,4,[5],12:i:- ◄ ;

    (d) l-għadd ta’ qatgħat tal-brojlers li jkunu nstabu pożittivi għal kull serotip tas-Salmonella jew għal Salmonella mhux speċifikata (iżolati li ma ngħatawx tip jew serotip).

    L-informazzjoni għandha tingħata separatament għall-kampjunar ġenerali fi ħdan il-programm ta’ kontroll nazzjonali tas-Salmonella kif previst fil-punt 2.1. (a) u (b), it-teħid tal-kampjuni permezz tal-operaturi tan-negozju tal-ikel kif previst fil-punt 2.1. (a) u t-teħid tal-kampjuni permezz tal-awtoritajiet kompetenti kif previst fil-punt 2.1. (b)

    Ir-riżultati tat-testijiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala tagħrif rilevanti dwar il-katina alimentari kif stipulat fit-Taqsima III tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 12 ).

    Tal-anqas l-informazzjoni li ġejja għandha ssir disponibbli għall-awtorità kompetenti minn kull qatgħa ta’ brojlers ittestjata:

    (a) ir-referenza dwar l-azjenda, li tibqa’ unika fiż-żmien;

    (b) ir-referenza dwar il-bini fl-azjenda, li tibqa’ unika fiż-żmien;

    (c) ix-xahar li fih ittieħdu l-kampjuni.

    Ir-riżultati u kull informazzjoni rilevanti addizzjonali għandhom jiġu rrapportati bħala parti mir-rapport dwar it-tendenzi u s-sorsi previsti fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/99/KE ( 13 ).

    L-operatur tan-negozju tal-ikel għandu javża lill-awtorità kompetenti dwar l-invidwazzjoni kkonfermata tas-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium mingħajr dewmien żejjed. L-operatur tan-negozju tal-ikel għandu jagħti struzzjonijiet lil-laboratorju tal-analiżi biex jaġixxi skont dan.



    ( 1 ) ĠU L 325, 12.12.2003, p. 1.

    ( 2 ) ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1.

    ( 3 ) ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31.

    ( 4 ) ĠU L 151, 13.6.2007, p. 21.

    ( 5 ) EFSA Journal 2011; 9(3):2090.

    ( 6 ) EFSA Journal 2011; 9(7):2106.

    ( 7 ) EFSA Journal 2010; 8(10):1826.

    ( 8 ) ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.

    ( 9 ) ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1.

    ( 10 ) ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

    ( 11 ) ĠU L 153, 14.6.2007, p. 26.

    ( 12 ) ĠU L 226, 25.6.2004, p. 22.

    ( 13 ) ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31.

    Top