This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02012L0034-20161224
Directive 2012/34/EU of the European Parliament and of the Council of 21 November 2012 establishing a single European railway area (recast) (Text with EEA relevance)
Consolidated text: Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (riformulazzjoni) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (riformulazzjoni) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
02012L0034 — MT — 24.12.2016 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
DIRETTIVA 2012/34/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (riformulazzjoni) (ĠU L 343 14.12.2012, p. 32) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
L 352 |
1 |
23.12.2016 |
Ikkoreġut b'
DIRETTIVA 2012/34/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-21 ta' Novembru 2012
li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea
(riformulazzjoni)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
1. Din id-Direttiva tistabbilixxi:
(a) ir-regoli applikabbli għall-immaniġġjar tal-infrastruttura ferrovjarja u għall-attivitajiet tat-trasport ferrovjarju tal-impriżi ferrovjarji stabbiliti jew li se jkunu stabbiliti f’xi Stat Membru kif stabbiliti fil-Kapitolu II;
(b) il-kriterji applikabbli għall-ħruġ, it-tiġdid jew l-emendar ta' liċenzji minn Stat Membru maħsuba għal impriżi ferrovjarji li huma jew li sejrin jiġu stabbiliti fl-Unjoni kif stabbiliti fil-Kapitolu III;
(c) il-prinċipji u l-proċeduri applikabbli għall-istabbiliment u l-ġbir ta’ piżijiet tal-infrastruttura ferrovjarja u tal-allokazzjoni ta' kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja kif stabbilit fil-Kapitolu IV.
2. Din id-Direttiva tapplika għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja għal servizzi ferrovjarji domestiċi u internazzjonali.
Artikolu 2
Esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni
1. Il-Kapitolu II ma għandux japplika għall-impriżi ferrovjarji li jħaddmu biss servizzi urbani, suburbani jew reġjonali fuq netwerks indipendenti lokali u reġjonali għal servizzi tat-trasport fuq infrastruttura ferrovjarja jew fuq netwerks maħsuba biss għat-tħaddim ta' servizzi ferrovjarji urbani jew suburbani.
Minkejja l-ewwel subparagrafu, meta tali impriża ferrovjarja tkun taħt kontroll dirett jew indirett ta' impriża jew entità oħra li twettaq jew tintegra servizzi tat-trasport ferrovjarju għajr servizzi urbani, suburbani jew reġjonali, l-Artikoli 4 u 5 għandhom japplikaw. L-Artikolu 6 għandu japplika wkoll għal tali impriża ferrovjarja fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-impriża ferrovjarja u l-impriża jew entità li tikkontrollaha, direttament jew indirettament.
2. L-Istati Membri jistgħu jeskludu dawn li ġejjin mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitolu III:
(a) impriżi li jħaddmu biss servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri fuq infrastruttura indipendenti lokali u reġjonali;
(b) impriżi li jħaddmu biss servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri urbani jew suburbani;
(c) impriżi li jħaddmu biss servizzi ferrovjarji tat-trasport tal-merkanzija fuq bażi reġjonali;
(d) impriżi li jħaddmu biss servizzi tat-trasport tal-merkanzija fuq infrastruttura ferrovjarja privata li teżisti biss għall-użu mis-sid tal-infrastruttura għall-ħidmiet tat-trasport tal-merkanzija tiegħu biss.
3. L-Istati Membri jistgħu jeskludu dawn li ġejjin mill-applikazzjoni tal-Artikoli 7, 7a, 7b, 7c, 7d, 8 u 13 u l-Kapitolu IV:
(a) netwerks lokali u reġjonali indipendenti għal servizzi tal-passiġġieri fuq infrastruttura ferrovjarja;
(b) netwerks maħsuba biss għat-tħaddim ta' servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri urbani u suburbani;
(c) netwerks reġjonali li jintużaw għal servizzi tat-trasport tal-merkanzija reġjonali biss minn impriża ferrovjarja li ma taqax taħt il-paragrafu 1 sakemm tintalab kapaċità fuq dak in-netwerk minn applikant ieħor;
(d) infrastruttura ferrovjarja li hija proprjetà privata u li teżisti biss għall-użu mill-proprjetarju tal-infrastruttra għat-trasport tal-merkanzija tiegħu stess.
3a. L-Istati Membri jistgħu jeskludu dawn li ġejjin mill-applikazzjoni tal-Artikoli 7, 7a, 7b, 7c, 7d u 8:
Linji lokali b'livell baxx ta' traffiku ta' tul ta' mhux aktar minn 100 km li jintużaw għat-traffiku tal-merkanzija bejn linja prinċipali u l-punti tat-tluq u d-destinazzjoni ta' kunsinni tul dawk il-linji, sakemm dawk il-linji jkunu ġestiti minn entitajiet għajr il-maniġer tal-infrastruttura prinċipali u li jew (a) dawk il-linji jintużaw minn operatur ta' merkanzija wieħed jew (b) il-funzjonijiet essenzjali rigward dawk il-linji jitwettqu minn korp li mhuwiex ikkontrollat minn kwalunkwe impriża ferrovjarja. Fejn ikun hemm operatur tal-merkanzija wieħed biss, l-Istati Membri jistgħu wkoll jeżentaw il-linja mill-applikazzjoni tal-Kapitolu IV sa dak iż-żmien li tintalab il-kapaċità minn applikant ieħor. Dan il-paragrafu jista' ugwalment jiġi applikat fejn il-linja tintuża wkoll, b'mod limitat, għal servizzi tal-passiġġieri. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jeskludu tali linji mill-applikazzjoni tal-Artikoli 7, 7a, 7b, 7c, 7d u 8.
3b. L-Istati Membri jistgħu jeskludu dawn li ġejjin mill-applikazzjoni tal-Artikoli 7, 7a, 7b, 7c u 7d:
Netwerks reġjonali b'livell baxx ta' traffiku ġestiti minn entità oħra għajr il-maniġer tal-infrastruttura prinċipali u li jintużaw għall-operazzjoni ta' servizzi reġjonali tal-passiġġieri, ipprovduti minn impriża ferrovjarja waħda għajr l-impriża ferrovjarja stabbilita tal-Istat Membru, sa dak iż-żmien li tintalab il-kapaċità għal servizzi tal-passiġġieri fuq dak in-netwerk, u sakemm l-impriża tkun indipendenti minn kwalunkwe impriża ferrovjarja li topera servizzi tal-merkanzija. Dan il-paragrafu jista' ugwalment jiġi applikat fejn il-linja tintuża wkoll, b'mod limitat, għal servizzi tal-merkanzija. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jeskludu tali linji mill-applikazzjoni tal-Artikoli 7, 7a, 7b, 7c u 7d.
4. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-Istati Membri jistgħu jeskludu l-infrastrutturi ferrovjarji lokali u reġjonali li ma għandhomx importanza strateġika għall-funzjonament tas-suq ferrovjarju mill-applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) u l-infrastrutturi ferrovjarji lokali li ma għandhomx importanza strateġika għall-funzjonament tas-suq ferrovjarju mill-applikazzjoni tal-Artikoli 7, 7a, 7c u l-Kapitolu IV. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jeskludu infrastrutturi ferrovjarji bħal dawn. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu d-deċiżjoni tagħha jekk tali infrastruttura ferrovjarja tistax titqies li tkun mingħajr importanza strateġika. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra t-tul tal-linji ferrovjarji kkonċernati, il-livell tal-użu tagħhom u l-impatt potenzjali fuq il-volum tat-traffiku. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 62(2).
5. L-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-applikazzjoni tal-Artikolu 31(5), vetturi li jitħaddmu jew li huma maħsuba biex jitħaddmu minn u lejn pajjiżi terzi, li jivvjaġġaw fuq netwerk fejn il-wisgħa bejn il-binarji hija differenti min-netwerk ferrovjarju prinċipali fl-Unjoni.
6. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu perjodi ta' żmien u skadenzi biex tiġi skedata l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet li huma differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 43(2), il-punt 2(b) tal-Anness VI u l-punti 3, 4, u 5 tal-Anness VII jekk il-ħolqien ta’ mogħdijiet tal-ferrovija f'kooperazzjoni mal-maniġers tal-infrastruttura ta' pajjiżi terzi fuq netwerk fejn il-wisgħa bejn il-binarji hija differenti min-netwerk ferrovjarju prinċipali fl-Unjoni jkollu impatt sinifikanti fuq l-iskeda għall-allokazzjoni tal-kapaċità b’mod ġenerali.
7. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jippubblikaw il-qafas tal-imposti u r-regoli tal-imposti applikabbli speċifikament għal servizzi tal-merkanzija internazzjonali minn u lejn pajjiżi terzi operati fuq netwerk li l-wisgħa bejn il-binarji tiegħu hija differenti minn tan-netwerk ferrovjarju prinċipali fl-Unjoni bi strumenti u skadenzi differenti minn dawk previsti taħt l-Artikolu 29(1) fejn dan huwa meħtieġ biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta.
8. L-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-applikazzjoni tal-Kapitolu IV l-infrastruttura ferrovjarja fejn il-wisgħa bejn il-binarji hija differenti min-netwerk ferrovjarju prinċipali fl-Unjoni, u li tgħaqqad stazzjonijiet transkonfinali ta' Stat Membru mat-territorju ta' pajjiż terz.
8a. Għal perijodu ta' 10 snin wara l-24 ta' Diċembru 2016, l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-applikazzjoni tal-Kapitoli II u IV ta' din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 10, 13 u 56, linji ferrovjarji iżolati ta' anqas minn 500 km, b'wisa' bejn il-linji differenti minn dak tan-netwerk domestiku ewlieni, li jagħmlu konnessjoni ma' pajjiż terz li fih il-leġiżlazzjoni ferrovjarja tal-Unjoni ma tapplikax u li huma ġestiti minn maniġer tal-infrastruttura differenti minn dak tan-netwerk domestiku ewlieni. Impriżi ferrovjarji li joperaw esklużivament fuq dawn il-linji jistgħu jiġu eżentati mill-applikazzjoni tal-Kapitolu II.
Tali eżenzjonijiet jistgħu jiġġeddu għal perijodi ta' mhux aktar minn 5 snin. Mhux aktar tard minn 12-il xahar qabel id-data tal-iskadenza tal-eżenzjoni, Stat Membru li bi ħsiebu jġedded l-eżenzjoni għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jagħmel hekk. Il-Kummissjoni għandha teżamina jekk il-kundizzjonijiet għal eżenzjoni stipulata fl-ewwel subparagrafu jibqgħux issodisfati. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw id-deċiżjoni tagħha dwar it-terminazzjoni tal-eżenzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 62(2).
9. Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal impriżi li n-negozju tagħhom huwa limitat biex jipprovdu biss servizzi shuttle għal vetturi tat-triq minn mini taħt il-baħar jew lejn operazzjonijiet tat-trasport fil-forma ta’ servizzi shuttle għal vetturi tat-triq minn mini bħal dawn għajr għall-Artikolu 6(1), l-Artikolu 6(4), l-Artikolu 10, l-Artikolu 11, l-Artikolu 12 u l-Artikolu 28.
10. L-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-applikazzjoni tal-Kapitolu II, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 14, u l-Kapitolu IV, kwalunkwe servizz ferrovjarju mwettaq fi transitu mal-Unjoni kollha.
11. L-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-applikazzjoni tal-Artikolu 32(4) il-ferroviji li ma jkunux mgħammra bis-Sistema Ewropea għall-Kontroll tal-Ferroviji (ETCS) u użati għal servizzi tal-passiġġieri reġjonali, li tpoġġew fis-servizz għall-ewwel darba qabel l-1985.
12. Meta jkun hemm sħubija pubblika-privata eżistenti konkluża qabel is-16 ta' Ġunju 2015 u l-parti privata għal dik is-sħubija hija wkoll impriża ferrovjarja responsabbli għall-forniment ta' servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri fuq l-infrastruttura, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jeżentaw lil tali parti privata mill-applikazzjoni tal-Artikoli 7, 7a u 7d u jillimitaw id-dritt li jittellgħu u jitniżżlu passiġġieri għal servizzi operati minn impriżi ferrovjarji fuq l-istess infrastruttura bħas-servizzi tal-passiġġieri provduti mill-parti privata taħt is-sħubija pubblika-privata.
13. Il-maniġers tal-infrastruttura privata li huma parti għal sħubija pubblika-privata konkluża qabel l-24 ta' Diċembru 2016 u li ma jirċevux fondi pubbliċi għandhom jiġu esklużi mill-applikazzjoni tal-Artikolu 7d ladarba s-self u l-garanziji finanzjarji mħaddma mill-maniġer tal-infrastruttura ma jibbenefikawx direttament jew indirettament lil impriżi ferrovjarji speċifiċi.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) “impriża ferrovjarja” tfisser impriża pubblika jew privata liċenzjata skont din id-Direttiva, li n-negozju ewlieni tagħha huwa li tipprovdi servizzi għat-trasport ta' oġġetti u/jew ta’ passiġġieri bil-ferrovija b'kundizzjoni li l-impriża tiżgura trazzjoni; din tinkludi wkoll impriżi li jipprovdu trazzjoni biss;
(2) “maniġer tal-infrastruttura” tfisser kwalunkwe korp jew ditta responsabbli għall-operazzjoni, il-manutenzjoni u t-tiġdid ta' infrastruttura ferrovjarja fuq netwerk, kif ukoll responsabbli għall-parteċipazzjoni fl-iżvilupp tagħha kif determinat mill-Istat Membru fil-qafas tal-politika ġenerali tiegħu dwar l-iżvilupp u l-finanzjament tal-infrastruttura;
(2a) “żvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja” tfisser ippjanar tan-netwerk, ippjanar finanzjarju u ppjanar fl-investiment, kif ukoll il-bini u l-immodernizzar tal-infrastruttura;
(2b) “operazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja” tfisser l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija, l-immaniġġjar tat-traffiku u t-tariffi għall-użu tal-infrastruttura;
(2c) “manutenzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja” tfisser xogħlijiet intiżi sabiex tinżamm il-kundizzjoni u l-kapaċità tal-infrastruttura eżistenti;
(2d) “tiġdid tal-infrastruttura ferrovjarja” tfisser xogħlijiet kbar ta' sostituzzjoni fuq l-infrastruttura eżistenti li ma jibdlux il-prestazzjoni ġenerali tagħha;
(2e) “immodernizzar tal-infrastruttura ferrovjarja” tfisser xogħlijiet kbar ta' modifikazzjoni fuq l-infrastruttura eżistenti li jtejbu l-prestazzjoni ġenerali tagħha;
(2f) “funzjonijiet essenzjali” tal-immaniġġjar tal-infrastruttura tfisser it-teħid ta' deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija, inkluż kemm id-definizzjoni kif ukoll il-valutazzjoni tad-disponibbiltà u l-allokazzjoni ta' mogħdijiet tal-ferrovija individwali, u t-teħid ta' deċiżjonijiet rigward it-tariffi għall-użu tal-infrastruttura, inkluż id-determinazzjoni u l-ġbir tat-tariffi, f'konformità mal-qafas tat-tariffi u l-qafas tal-allokazzjoni tal-kapaċità stabbiliti mill-Istati Membri skont l-Artikoli 29 u 39;
(3) “infrastruttura ferrovjarja” tfisser, l-elementi kollha elenkati fl-Anness I;
(4) “servizz internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija” tfisser servizz tat-trasport fejn ferrovija taqsam mill-anqas fruntiera waħda ta' Stat Membru; il-ferrovija tista' tkun magħquda u/jew maqsuma u s-sezzjonijiet differenti jista' jkollhom oriġini u destinazzjonijiet differenti, jekk kemm-il darba l-vaguni kollha jaqsmu mill-anqas fruntiera waħda;
(5) “servizz internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri” tfisser servizz għall-passiġġieri li fih il-ferrovija taqsam mill-anqas fruntiera waħda ta’ Stat Membru u l-iskop prinċipali tas-servizz hu li jġorr passiġġieri bejn stazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri differenti; il-ferrovija tista’ tkun magħquda u/jew maqsuma, u s-sezzjonijiet differenti jista’ jkollhom oriġini u destinazzjonijiet differenti, jekk kemm-il darba l-vaguni kollha jaqsmu mill-anqas fruntiera waħda;
(6) “servizzi urbani u suburbani” tfisser servizzi tat-trasport li l-għan prinċipali tagħhom huwa li jaqdu l-bżonnijiet tat-trasport ta' ċentru urban jew ta’ żona urbana estiża, inkluża żona transkonfinali estiża, flimkien mal-ħtiġijiet tat-trasport bejn dan iċ-ċentru jew din iż-żona urbana estiża u inħawi tal-madwar;
(7) “servizzi reġjonali'” tfisser is-servizzi ta' trasport li l-għan prinċipali tagħhom huwa li jaqdu l-bżonnijiet tat-trasport ta' reġjun, inkluż reġjun transkonfinali;
(8) “tranżitu” tfisser li wieħed jaqsam it-territorju tal-Unjoni mingħajr ma jitgħabbew jew jinħattu prodotti u/jew mingħajr ma jittellgħu jew jitniżżlu passiġġieri fit-territorju tal-Unjoni,
(9) “rotta alternattiva”, tfisser rotta oħra bejn l-istess punt tal-oriġini u d-destinazzjoni fejn hemm sostitwibilità bejn żewġ rotot għall-operat ta' servizzi ta' trasport jew tal-passiġġieri li jikkonċernaw impriża ferrovjarja;
(10) “alternattiva vijabbli” tfisser aċċess għal faċilità ta' servizzi oħra li hi ekonomikament aċċettabbli għall-impriża tal-ferrovija, u li tippermettilha li topera s-servizz tal-merkanzija jew tal-passiġġieri kkonċernat;
(11) “faċilità ta' servizz” tfisser l-installazzjoni, inkluż l-art, il-bini u t-tagħmir, li ġiet maħsuba apposta, kompletament jew parzjalment, biex ikunu jistgħu jingħataw servizz wieħed jew aktar minn dawk imsemmija fil-punti (2) sa (4) tal-Anness II;
(12) “operatur tal-faċilità ta' servizz” tfisser kwalunkwe entità pubblika jew privata responsabbli għall-immaniġġjar ta' faċilità waħda jew aktar ta' servizz jew li tagħti servizz wieħed jew aktar lill-impriżi ferrovjarji msemmija fil-punti 2 sa 4 tal-Anness II;
(13) “ftehim transkonfinali” tfisser kwalunkwe ftehim bejn żewġ Stati Membri jew aktar jew bejn Stati Membri u pajjiżi terzi maħsub biex jiġi ffaċilitat il-forniment ta' servizzi ferrovjarji transkonfinali;
(14) “liċenzja” tfisser awtorizzazzjoni maħruġa minn awtorità tal-liċenzji lill-impriża, li l-kapaċità tagħha sabiex tipprovdi servizzi ta' trasport bħala impriża ferrovjarja hija rikonoxxuta; dik il-kapaċità tista' tiġi limitata għall-forniment ta' tipi ta' servizzi speċifiċi;
(15) “awtorità tal-liċenzjar” tfisser il-korp responsabbli għall-ħruġ tal- liċenzji fi Stat Membru;
(16) “ftehim kuntrattwali” tfisser ftehim jew, mutatis mutandis, arranġament fil-qafas tal-miżuri amministrattivi;
(17) “profitt raġonevoli” tfisser rata ta' ritorn fuq il-kapital proprju li tieħu kont tar-riskju, inkluż dak tad-dħul, jew l-assenza ta' tali riskju, imġarrab mill-operatur tal-faċilità tas-servizz u hija konformi mar-rata medja għas-settur ikkonċernat fi snin reċenti;
(18) “allokazzjoni” tfisser l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja minn maniġer tal-infrastruttura;
(19) “applikant” tfisser impriża ferrovjarja jew grupp internazzjonali ta' impriżi ferrovjarji jew persuni jew entitajiet legali oħrajn, bħal awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 u shippers, forwarders tal-merkanzija u operaturi tat-trasport ikkumbinat, b’interess tas-servizz pubbliku jew b’interess kummerċjali fil-forniment tal-kapaċità tal-infrastuttura;
(20) “infrastruttura konġestjonata” tfisser element tal-infrastruttura li għaliha d-domanda għall-kapaċità tal-infrastruttura ma tistax tiġi sodisfatta kompletament tul ċerti perjodi anke wara l-koordinazzjoni ta' talbiet differenti għall-kapaċità;
(21) “pjan ta' titjib tal-kapaċità” tfisser miżura jew serje ta' miżuri b'kalendarju għall-implimentazzjoni tagħhom li għandhom l-għan inaqqsu l-irbit tal-kapaċità li jwasslu għad-dikjarazzjoni ta' element tal-infrastruttura bħala “infrastruttura konġestjonata”;
(22) “koordinazzjoni” tfisser il-proċess li bih il-maniġer tal-infrastruttura u l-applikanti se jippruvaw isolvu s-sitwazzjonijijet li fihom ikun hemm applikazzjonijiet konfliġġenti għall-kapaċità tal-infrastruttura;
(23) “ftehim qafas” tfisser ftehim ġenerali li jorbot skont il-liġi pubblika jew privata, li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi ta' applikant u l-maniġer tal-infrastruttura fir-rigward tal-kapaċità tal-infrastruttura li għandha tiġi allokata u tal-piżijiet li għandhom jiġu ddebitati tul perjodu itwal minn perjodu ta' skeda tax-xogħol;
(24) “kapaċità tal-infrastruttura” tfisser il-potenzjal li jiġu skedati l-linji tal-ferroviji mitluba għal element tal-infrastruttura għal ċertu perjodu;
(25) “netwerk” tfisser l-infrastruttura ferrovjarja sħiħa mmaniġġjata minn maniġer tal-infrastruttura;
(26) “dikjarazzjoni dwar in-netwerk ” tfisser id-dikjarazzjoni li tistabbilixxi fid-dettall ir-regoli ġenerali, it-termini, il-proċeduri u l-kriterji għall-iskemi ta’ tqegħid ta’ piżijiet u tal-allokazzjoni tal-kapaċità inkluża l-informazzjoni l-oħra bħal din li hi meħtieġa biex tippermetti l-applikazzjonijiet għall-kapaċità tal-infrastruttura;
(27) “mogħdija tal-ferrovija” tfisser il-kapaċità tal-infrastruttura meħtieġa sabiex titmexxa ferrovija bejn żewġ postijiet f’perjodu speċifikat;
(28) “skeda tax-xogħol” tfisser id-data li tiddefinixxi l-movimenti kollha ppjanati tal-ferrovija u tar-rolling-stock li jseħħu fuq l-infrastruttura rilevanti tul il-perjodu li matulu tkun fis-seħħ;
(29) “siding għall-ħażna” tfisser sidings speċifikament dedikati għall-ipparkjar temporanju ta’ vetturi ferrovjarji bejn żewġ kompiti;
(30) “manutenzjoni qawwija” tfisser ħidma li ma titwettaqx regolarment bħala parti mill-operat ta' kuljum u li tkun teħtieġ li l-vettura titneħħa mis-servizz;
(31) “impriża integrata vertikalment” tfisser impriża fejn, skont it-tifsira tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ( 1 ):
(a) maniġer tal-infrastruttura huwa kkontrollat minn impriża li fl-istess ħin tikkontrolla impriża ferrovjarja waħda jew aktar li topera servizzi ferrovjarji fuq in-netwerk tal-maniġer tal-infrastruttura;
(b) maniġer tal-infrastruttura huwa kkontrollat minn impriża ferrovjarja waħda jew aktar li topera servizzi ferrovjarji fuq in-netwerk tal-maniġer tal-infrastruttura; jew
(c) impriża ferrovjarja waħda jew aktar li topera servizzi ferrovjarji fuq in-netwerk tal-maniġer tal-infrastruttura huma kkontrollati minn maniġer tal-infrastruttura.
Din tfisser ukoll impriża li tikkonsisti minn diviżjonijiet distinti, inkluż maniġer tal-infrastruttura u diviżjoni waħda jew aktar li tipprovdi servizzi tat-trasport li ma għandhomx personalità ġuridika distinta.
Fejn maniġer tal-infrastruttura u impriża ferrovjarja jkunu kompletament indipendenti minn xulxin, iżda li t-tnejn ikunu ikkontrollati direttament minn Stat Membru mingħajr entità intermedjarja, dawn mhumiex meqjusa li jikkostitwixxu impriża integrata vertikalment għall-finijiet ta' din id-Direttiva;
(32) “sħubija pubblika-privata” tfisser arranġament vinkolanti bejn korpi pubbliċi u impriża waħda jew aktar għajr il-maniġer prinċipali tal-infrastruttura ta' Stat Membru, li taħtu l-impriżi parzjalment jew totalment jibnu u/jew jiffinanzjaw infrastruttura ferrovjarja u/jew jiksbu d-dritt li jeżerċitaw kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet elenkati fil-punt (2) għal perijodu ta' żmien predefinit. L-arranġament jista' jieħu kwalunkwe forma legalment vinkolanti xierqa prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;
(33) “bord ta' ġestjoni” tfisser il-korp għoli ta' impriża li jwettaq funzjonijiet eżekuttivi u amministrattivi, li huwa responsabbli għall-ġestjoni ta' kuljum tal-impriża;
(34) “bord superviżorju” tfisser l-ogħla korp ta' impriża li jwettaq kompiti ta' superviżjoni, inkluż l-eżerċizzju ta' kontroll fuq il-bord ta' ġestjoni u deċiżjonijiet strateġiċi ġenerali fir-rigward tal-impriża;
(35) “biljett globali” tfisser biljett jew biljetti li jirrappreżentaw kuntratt ta' trasport għal servizzi ferrovjarji suċċessivi mħaddma minn impriża ferrovjarja waħda jew aktar;
(36) “servizzi għall-passiġġieri b'veloċità għolja” tfisser servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri mħaddma mingħajr waqfiet intermedji bejn żewġ postijiet mifrudin tal-inqas b'distanza ta' aktar minn 200 km fuq linji ta' veloċità għolja mibnija apposta u attrezzati għal veloċitajiet ġeneralment ta' 250 km/h jew aktar u li bħala medja jinstaqu b'dawk il-veloċitajiet.
KAPITOLU II
L-IŻVILUPP TAL-FERROVIJI TAL-UNJONI
TAQSIMA 1
L-indipendenza fl-immaniġġjar
Artikolu 4
Indipendenza tal-impriżi ferrovjarji u tal-maniġers tal-infrastruttura
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fir-rigward tal-immaniġġjar, l-amministrazzjoni u l-kontroll intern fuq kwistjonijiet amministrattivi, ekonomiċi u ta' kontabbiltà, l-impriżi ferrovjarji li huma direttament jew indirettament proprjetà tal-Istati Membri jew ikkontrollati minnhom ikollhom status indipendenti li b'konformità miegħu huma ser iżommu, b'mod partikolari, assi, baġits u kontijiet li huma separati minn dawk tal-Istat.
2. Waqt li jirrispetta l-qafas u r-regoli speċifiċi dwar it-tqegħid ta’ piżijiet u dwar l-allokazzjoni stabbiliti mill-Istati Membri, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jkun responsabbli għall-immaniġġjar, l-amministrazzjoni u l-kontroll intern tiegħu stess.
Artikolu 5
Immaniġġjar tal-impriżi ferrovjarji skont prinċipji kummerċjali
1. L-Istati Membri għandhom jippermettu l-impriżi ferrovjarji jaġġustaw l-attivitajiet tagħhom għas-suq u jimmanniġġjaw dawk l-attivitajiet taħt ir-responsabbiltà tal-korpi tal-immaniġġjar tagħhom, fl-interess li jagħtu servizz effiċjenti u xieraq bl-inqas prezz possibbli għas-servizz meħtieġ.
L-impriżi ferrovjarji għandhom ikunu mmaniġġjati b'mod konformi mal-prinċipji li jgħoddu għall-kumpanniji kummerċjali, irrispettivament mill-proprjetà tagħhom. Dan għandu jgħodd ukoll għall-obbligi tas-servizz pubbliku tagħhom imposti fuqhom mill-Istati Membri u għall-kuntratti tas-servizz pubbliku li huma jiffirmaw mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat.
2. L-impriżi ferrovjarji għandhom jiddeterminaw il-pjanijiet kummerċjali tagħhom, inklużi l-programmi tal-investiment u dawk finanzjarji tagħhom. Dawn il-pjanijiet iridu jkunu ddisinjati biex jiksbu l-ekwilibriju finanzjarju tal-impriżi u għanijiet oħra tekniċi, kummerċjali u tal-immaniġġjar finanzjarju; dawn għandhom jindikaw wkoll il-metodi li permezz tagħhom se jintlaħqu dawn l-għanijiet.
3. B’referenza għal-linji gwida tal-politika ġenerali maħruġa minn kull Stat Membru u filwaqt li jitqiesu l-pjanijiet u l-kuntratti nazzjonali (li jistgħu jkunu multiannwali) inklużi l-pjanijiet ta' investiment u ta' finanzjament, l-impriżi ferrovjarji għandhom, b’mod partikolari jkunu ħielsa biex:
(a) iwaqqfu l-organizzazzjoni interna tagħhom, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7, 29 u 39;
(b) jikkontrollaw il-forniment u l-bejgħ tas-servizzi u jistabbilixxu l-prezz tagħhom;
(c) jieħdu deċiżjonijiet dwar il-persunal, l-assi u l-ksib tagħhom;
(d) ikabbru s-sehem tagħhom fis-suq, jiżviluppaw teknoloġiji ġodda u servizzi ġodda u jadottaw kull metodu ta' mmaniġġjar innovattiv;
(e) jistabbilixxu attivitajiet ġodda fl-oqsma marbuta mal-kummerċ tal-ferroviji.
Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1370/2007.
4. Minkejja l-paragrafu 3, id-detenturi tal-ishma ta' impriżi ferrovjarja b'sjieda pubblika jew kontroll pubbliku għandhom ikunu jistgħu jirrikjedu l-approvazzjoni minn qabel tagħhom stess għal deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni kummerċjali bl-istess mod tad-detenturi tal-ishma ta' kumpaniji privati azzjonarji skont ir-regoli tal-liġi tal-kumpaniji tal-Istat Membru. Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-entitajiet superviżorji skont il-liġi tal-kumpaniji tal-Istati Membri fir-rigward tal-ħatra ta' membri tal-bord.
TAQSIMA 2
Separazzjoni tal-immaniġġjar tal-infrastruttura u l-ħidmiet tat-trasport u ta' tipi differenti ta' ħidmiet tat-trasport
Artikolu 6
Separazzjoni tal-kontijiet
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kontijiet separati tal-qligħ u t-telf u l-karti tal-bilanċ jinżammu u jkunu ppubblikati, minn naħa għall-kummerċ relatat mal-forniment ta' servizzi tat-trasport minn impriżi ferrovjarji u, min-naħa l-oħra, għall-kummerċ relatat mal-immaniġġjar tal-infrastruttura ferrovjarja. Fondi pubbliċi mħallsa lil waħda minn dawn iż-żewġ oqsma ta' attività ma għandhomx jiġu trasferiti lill-oħra.
2. Għall-fini ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 7a(3) għandhom jeħtieġu li l-impriża tkun organizzata f'diviżjonijiet distinti li ma għandhomx personalità ġuridika distinta fi ħdan impriża waħda.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kontijiet separati ta’ qligħ u telf u l-karti tal-bilanċ jinżammu u jiġu ppubblikati, min-naħa l-waħda għall-kummerċ relatat mal-forniment ta' servizzi tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u min-naħa l-oħra, għal attivitajiet relatati mal-forniment ta' servizzi tat-trasport tal-passiġġieri. Fondi pubbliċi mħallsa għal attivitajiet relatati mal-forniment tas-servizzi tat-trasport bħal dħul minn servizz pubbliku għandhom jintwerew separatament b'kont meħud tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fil-kontijiet rilevanti u ma għandhomx jiġu trasferiti għal attivitajiet relatati mal-forniment ta' servizzi tat-trasport oħra jew xi kummerċ ieħor.
4. Il-kontijiet għall-oqsma differenti ta' attività msemmija fil-paragrafi 1 u 3 għandhom jinżammu b'mod li jippermetti l-monitoraġġ tal-projbizzjoni fuq it-trasferiment ta' fondi pubbliċi mħallsa lil qasam wieħed ta' attivitajiet lejn kategorija oħra u l-monitoraġġ tal-użu tad-dħul minn piżijiet ta' infrastruttura u minn qligħ żejjed minn attivitajiet kummerċjali oħrajn.
Artikolu 7
Indipendenza tal-maniġer tal-infrastruttura
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-maniġer tal-infrastruttura jkun responsabbli għall-operazzjoni, il-manutenzjoni u t-tiġdid ta' netwerk u li jiġi inkarigat bl-iżvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja ta' dak in-netwerk f'konformità mal-liġi nazzjonali.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ebda waħda mill-entitajiet legali l-oħra fi ħdan l-impriża integrata vertikalment ma jkollha influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjonijiet meħuda mill-maniġer tal-infrastruttura fir-rigward tal-funzjonijiet essenzjali.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-bord superviżorju u tal-bord ta' ġestjoni tal-maniġer tal-infrastruttura u l-maniġers li jirrapportaw direttament lilhom jaġixxu b'mod nondiskriminatorju u li l-imparzjalità tagħhom ma tkun affettwata minn ebda konflitt ta' interess.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-maniġer tal-infrastruttura jkun organizzat bħala entità li hija ġuridikament distinta minn kwalunkwe impriża ferrovjarja u, f'impriża integrata vertikalment, minn kwalunkwe entità ġuridika oħra fi ħdan l-impriża.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istess individwi ma jistgħux ikunu maħtura jew impjegati fl-istess ħin:
(a) bħala membri tal-bord ta' ġestjoni ta' maniġer tal-infrastruttura u bħala membri tal-bord ta' ġestjoni ta' impriża ferrovjarja;
(b) bħala persuni responsabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-funzjonijiet essenzjali u bħala membri tal-bord ta' ġestjoni ta' impriża ferrovjarja;
(c) f'każ li jeżisti bord superviżorju, bħala membri tal-bord superviżorju ta' maniġer tal-infrastruttura u bħala membri tal-bord ta' superviżjoni ta' impriża ferrovjarja;
(d) bħala membri tal-bord superviżorju ta' impriża li tkun parti minn impriża integrata vertikalment u li teżerċita kontroll kemm fuq impriża ferrovjarja kif ukoll fuq maniġer tal-infrastruttura u bħala membri tal-bord ta' ġestjoni ta' dak il-maniġer tal-infrastruttura.
4. F'impriżi integrati vertikalment, il-membri tal-bord ta' ġestjoni tal-maniġer tal-infrastruttura u l-persuni responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-funzjonijiet essenzjali ma għandhom jirċievu ebda remunerazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni minn kwalunkwe entità legali oħra fl-impriża integrata vertikalment, u lanqas ma għandhom jirċievu bonusijiet marbuta prinċipalment mal-prestazzjoni finanzjarja ta' impriżi ferrovjarji partikolari. Madankollu huma jistgħu jiġu offruti inċentivi marbuta mal-prestazzjoni globali tas-sistema ferrovjarja.
5. Fejn is-sistemi ta' informazzjoni jkunu komuni għal entitajiet differenti fi ħdan impriża integrata vertikalment, l-aċċess għal informazzjoni sensittiva dwar il-funzjonijiet essenzjali għandu jiġi ristrett għall-persunal awtorizzat tal-maniġer tal-infrastruttura. Informazzjoni sensittiva ma għandhiex tingħadda lil entitajiet oħra fi ħdan impriża integrata vertikalment.
6. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri li jirrigwardjaw l-iżvilupp u l-finanzjament tal-infrastruttura ferrovjarja u l-kompetenzi tal-Istati Membri li jirrigwardjaw il-finanzjament tal-infrastruttura u t-tariffi għall-użu tal-infrastruttura, kif ukoll l-allokazzjoni ta' kapaċità, kif definiti fl-Artikolu 4(2), u l-Artikoli 8, 29 u 39.
Artikolu 7a
Indipendenza tal-funzjonijiet essenzjali
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-maniġer tal-infrastruttura jkollu indipendenza organizzattiva u deċiżjonali fi ħdan il-limiti stipulati fl-Artikolu 4(2), u l-Artikoli 29 u 39, fir-rigward tal-funzjonijiet essenzjali.
2. Għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw b'mod partikolari li:
(a) impriża ferrovjarja jew kwalunkwe entità ġuridika oħra ma teżerċitax influwenza deċiżiva fuq l-maniġer tal-infrastruttura fir-rigward tal-funzjonijiet essenzjali, mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Istati Membri fir-rigward tad-determinazzjoni tal-qafas tat-tariffi u l-qafas tal-allokazzjoni tal-kapaċità u regoli speċifiċi għat-tariffi f'konformità mal-Artikoli 29 u 39;
(b) impriża ferrovjarja jew kwalunkwe entità ġuridika oħra fl-impriża integrata vertikalment ma għandha ebda influwenza deċiżiva fuq ħatriet u tkeċċijiet ta' persuni responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-funzjonijiet essenzjali;
(c) il-mobilità ta' persuni inkarigati mill-funzjonijiet essenzjali ma toħloqx kunflitti ta' interess.
3. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li t-tariffi għall-użu tal-infrastruttura u l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija għandhom jitwettqu minn korp li jimponi tariffi u/jew korp tal-allokazzjoni li jkunu indipendenti minn kull impriża ferrovjarja fil-forma ġuridika, l-organizzazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom. F'dak il-każ, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2) u l-punti (c) u (d) tal-Artikolu 7(3).
Il-punt (a) tal-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 7(4) għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-kapijiet ta' diviżjonijiet responsabbli għall-ġestjoni tal-infrastruttura u l-forniment ta' servizzi ferrovjarji.
4. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva li jirreferu għall-funzjonijiet essenzjali ta' maniġer tal-infrastruttura għandhom japplikaw għall-korp indipendenti li jimponi tariffi u/jew għall-korp indipendenti tal-allokazzjoni.
Artikolu 7b
Imparzjalità tal-maniġer tal-infrastruttura fir-rigward tal-immaniġġjar tat-traffiku u l-ippjanar tal-manutenzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-funzjonijiet tal-ġestjoni tat-traffiku u l-ippjanar tal-manutenzjoni jitwettqu b'mod trasparenti u nondiskriminatorju u li l-persuni inkarigati biex jieħdu d-deċiżjonijiet fir-rigward ta' dawk il-funzjonijiet ma jkollhom ebda konflitt ta' interess.
2. Fir-rigward tal-immaniġġjar tat-traffiku, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi ferrovjarji, f'każijiet ta' tħarbit li jikkonċernahom, ikollhom aċċess sħiħ u f'waqtu għal informazzjoni rilevanti. Meta l-maniġer tal-infrastruttura jagħti aċċess ulterjuri għall-proċess tal-immaniġġjar tat-traffiku, huwa għandu jagħmel dan għall-impriżi ferrovjarji kkonċernati b'mod trasparenti u nondiskriminatorju.
3. Fir-rigward tal-ippjanar fit-tul ta' manutenzjoni maġġuri u/jew it-tiġdid tal-infrastruttura ferrovjarja, l-maniġer tal-infrastruttura għandu jikkonsulta lill-applikanti u, kemm jista' jkun, iqis it-tħassib espress.
L-iskedar tax-xogħlijiet ta' manutenzjoni għandu jitwettaq mill-maniġer tal-infrastruttura b'mod nondiskriminatorju.
Artikolu 7c
Esternalizzazzjoni u kondiviżjoni tal-funzjonijiet tal-maniġer tal-infrastruttura
1. Dment li ma jkun hemm ebda kunflitt ta' interess u li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva, il-maniġer tal-infrastruttura jista':
(a) jesternalizza funzjonijiet lil entità differenti, dment li din tal-aħħar ma tkunx impriża ferrovjarja, ma tikkontrollax impriża ferrovjarja, jew ma tkunx ikkontrollata minn impriża ferrovjarja. Fi ħdan impriża integrata vertikalment, il-funzjonijiet essenzjali ma għandhom jiġu esternalizzati lil ebda entità oħra tal-impriża integrata vertikalment, ħlief jekk tali entità twettaq esklużivament funzjonijiet essenzjali;
(b) jesternalizza l-eżekuzzjoni ta' xogħlijiet u kompiti relatati rigward l-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tiġdid tal-infrastruttura ferrovjarja lill-impriżi ferrovjarji jew lil kumpanniji li jikkontrollaw l-impriża ferrovjarja, jew huma kkontrollati mill-impriża ferrovjarja.
Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jżomm is-setgħa ta' superviżjoni fuq il-funzjonijiet deskritti fl-Artikolu 3(2) u jkollu r-responsabbiltà aħħarija għall-eżerċizzju tal-imsemmija funzjonijiet. Kwalunkwe entità li tkun qed twettaq funzjonijiet essenzjali għandha tikkonforma mal-Artikoli 7, 7a, 7b u 7d.
2. B'deroga mill-Artikolu 7(1), il-funzjonijiet ta' immaniġġjar tal-infrastruttura jistgħu jitwettqu minn maniġers tal-infrastruttura differenti, inklużi partijiet għal arranġamenti ta' sħubija pubblika-privata bil-kundizzjoni li dawn kollha jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(2) sa (6) u l-Artikoli 7a, 7b u 7d u jassumu r-responsabbiltà sħiħa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet kkonċernati.
3. Fejn l-funzjonijiet essenzjali mhumiex assenjati lil operatur tal-provvista tal-enerġija, dan għandu jkun eżentat mir-regoli applikabbli għal maniġers tal-infrastruttura, dment li l-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti rigward l-iżvilupp tan-netwerk, b'mod partikolari l-Artikolu 8, tkun żgurata.
4. Soġġett għal superviżjoni mill-korp regolatorju jew kwalunkwe korp kompetenti indipendenti ieħor maħtur mill-Istati Membri, maniġer tal-infrastruttura jista' jikkonkludi ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' impriża ferrovjarja waħda jew aktar b'mod nondiskriminatorju u bl-għan li jitwasslu l-benefiċċji lill-klijenti bħal inqas spejjeż jew prestazzjoni mtejba min-naħa tan-netwerk kopert mill-ftehim.
Dak il-korp għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni ta' dawn il-ftehimiet u jista', fejn ġustifikat, jagħti parir li għandhom jintemmu.
Artikolu 7d
Trasparenza finanzjarja
1. Filwaqt li jiġu rispettati l-proċeduri nazzjonali applikabbli f'kull Stat Membru, id-dħul minn attivitajiet ta' ġestjoni tan-netwerk tal-infrastruttura, inkluż il-fondi pubbliċi, jista' jintuża mill-maniġer tal-infrastruttura biss biex jiffinanzja n-negozju tiegħu, inkluż l-immaniġġjar tas-self tiegħu. Il-maniġer tal-infrastruttura jista' wkoll juża tali introjtu biex jitħallsu dividendi lis-sidien tal-kumpanija, li jistgħu jinkludu kwalunkwe azzjonist privat, iżda mhux impriżi li huma parti minn impriża integrata vertikalment u li jeżerċitaw kontroll kemm fuq impriża ferrovjarja kif ukoll fuq dak il-maniġer tal-infrastruttura.
2. Il-maniġers tal-infrastruttura m'għandhomx jagħtu self lil impriżi ferrovjarji, la direttament u lanqas indirettament.
3. L-impriżi ferrovjarji m'għandhomx jagħtu self lil maniġers tal-infrastruttura, la direttament u lanqas indirettament.
4. Is-self bejn entitajiet legali ta' impriżi integrati vertikalment, għandu jingħata, jitħallas u jiġi ġestit biss bir-rati tas-suq u l-kundizzjonijiet li jirriflettu l-profil individwali ta' riskju tal-entità kkonċernata.
5. Is-self bejn entitajiet ġuridiċi ta' impriża integrata vertikalment mogħti qabel l-24 ta' Diċembru 2016 għandu jkompli sal-maturità tiegħu, dment li jkunu ngħata b'kuntratt bir-rati tas-suq u li effettivament jitħallas u jiġi ġestit.
6. Kwalunkwe servizz offrut minn entitajiet legali oħra ta' impriża integrata vertikalment lill-maniġer tal-infrastruttura għandu jingħata abbażi ta' kuntratti u għandu jitħallas jew bil-prezzijiet tas-suq inkella bi prezzijiet li jirriflettu l-ispiża għall-produzzjoni, flimkien ma' marġni raġonevoli ta' profitt.
7. Id-dejn attribwit lill-maniġer tal-infrastruttura għandu jkun separat b'mod ċar mid-dejn attribwit lill-entitajiet legali oħrajn fi ħdan impriża integrata vertikalment. Tali dejn għandu jiġu ġestit separatament. Dan ma jipprevjenix li l-ħlas finali tad-dejn isir permezz ta' impriża li tkun parti minn impriża integrata vertikalment u li teżerċita kontroll kemm fuq impriża ferrovjarja kif ukoll fuq maniġer tal-infrastruttura, jew permezz ta' entità oħra fi ħdan l-impriża.
8. Il-kontijiet tal-maniġer tal-infrastruttura u tal-entitajiet legali l-oħrajn fi ħdan impriża integrata vertikalment għandhom jinżammu b'tali mod li jkun żgurat li jiġi ssodisfat dan l-Artikolu u li jippermetti li jkun hemm kontabbiltà separata u ċirkwiti finanzjarji trasparenti fi ħdan l-impriża.
9. Fi ħdan impriżi integrati vertikalment, l-maniġer tal-infrastruttura għandu jżomm rekords dettaljati ta' kwalunkwe relazzjoni kummerċjali u finanzjarja mal-entitajiet legali l-oħrajn fi ħdan din l-impriża.
10. Fejn il-funzjonijiet essenzjali jitwettqu minn korp indipendenti li jimponi tariffi u/jew korp indipendenti tal-allokazzjoni f'konformità mal-Artikolu 7a(3) u l-Istati Membri ma jkunux qed japplikaw l-Artikolu 7(2), id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw mutatis mutandis. Referenzi għall-maniġer tal-infrastruttura, l-impriża ferrovjarja u entitajiet legali oħra ta' impriża integrata vertikalment f'dan l-Artikolu għandhom jinftiehmu bħala dawk li jirreferu għad-diviżjonijiet rispettivi tal-impriża. Il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Artikolu għandha tintwera fil-kontijiet separati tad-diviżjonijiet rispettivi tal-impriża.
Artikolu 7e
Mekkaniżmi ta' koordinazzjoni
L-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' koordinazzjoni adatti biex jiżguraw koordinazzjoni bejn il-maniġers prinċipali tal-infrastruttura tagħhom u l-impriżi ferrovjarji interessati kollha kif ukoll l-applikanti msemmija fl-Artikolu 8(3). Fejn ikun rilevanti, rappreżentanti tal-utenti tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u tal-passiġġieri, u l-awtoritajiet nazzjonali, lokali jew reġjonali, għandhom ikunu mistiedna jipparteċipaw. Il-korp regolatorju kkonċernat jista' jipparteċipa bħala osservatur. Il-koordinazzjoni għandha tikkonċerna fost oħrajn:
(a) il-ħtiġijiet tal-applikanti marbutin mal-manutenzjoni u l-iżvilupp tal-kapaċità tal-infrastruttura;
(b) il-kontenut tal-miri ta' prestazzjoni orjentati lejn l-utenti li jinsabu fil-ftehimiet kuntrattwali msemmija fl-Artikolu 30 u tal-inċentivi msemmija fl-Artikolu 30(1) u l-implimentazzjoni tagħhom;
(c) il-kontenut u l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni tan-netwerk imsemmija fl-Artikolu 27;
(d) kwistjonijiet ta' intermodalità u interoperabbiltà;
(e) kwalunkwe kwistjoni oħra marbuta mal-kundizzjonijiet għall-aċċess, l-użu tal-infrastruttura u l-kwalità tas-servizzi tal-maniġer tal-infrastruttura.
Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jfassal u jippubblika linji gwida għall-koordinazzjoni, b'konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Il-koordinazzjoni għandha sseħħ tal-anqas darba fis-sena u l-maniġer tal-infrastruttura għandu jippubblika fis-sit tal-Internet tiegħu ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet imwettqa skont dan l-artikolu.
Il-koordinazzjoni skont dan l-Artikolu għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-applikanti li jappellaw lill-korp regolatorju u s-setgħat tal-korp regolatorju kif mogħtija fl-Artikolu 56.
Artikolu 7f
Netwerk Ewropew ta' Maniġers tal-Infrastruttura
1. Bil-għan li jiġi ffaċilitat il-forniment ta' servizzi ferrovjarji effiċjenti u effikaċi fi ħdan l-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-maniġers prinċipali tal-infrastruttura tagħhom jieħdu sehem u jikkooperaw f'netwerk li jiltaqa' f'intervalli regolari biex:
(a) jiżviluppaw l-infrastruttura ferrovjarja tal-Unjoni;
(b) jappoġġaw l-implimentazzjoni f'waqtha u effiċjenti taż-żona ferrovjarja unika Ewropea;
(c) jiskambjaw l-aħjar prattiki;
(d) jissorveljaw il-prestazzjoni u jivvalutawha b'mod komparattiv;
(e) jikkontribwixxu għall-attivitajiet ta' sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 15;
(f) jindirizzaw ostakoli transfruntiera; u
(g) Jiddiskutu l-applikazzjoni tal-Artikoli 37 u 40.
Għall-finijiet tal-punt (d), in-netwerk għandu jidentifika prinċipji u prattiki komuni ta' monitoraġġ u ta' valutazzjoni komparattiva tal-prestazzjoni b'mod konsistenti.
Il-koordinazzjoni taħt dan il-paragrafu għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-applikant li jappella lill-korp regolatorju u s-setgħat tal-korp regolatorju kif jinsab fl-Artikolu 56.
2. Il-Kummissjoni għandha tkun membru tan-netwerk. Hija għandha tappoġġa l-ħidma tan-netwerk u tiffaċilita l-koordinazzjoni.
TAQSIMA 3
Titjib tal-qagħda finanzjarja
Artikolu 8
Finanzjament tal-maniġer tal-infrastruttura
1. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw l-infrastruttura ferrovjarja nazzjonali tagħhom billi jqisu, fejn meħtieġ, il-ħtiġijiet ġenerali tal-Unjoni, inkluż il-ħtieġa ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi ġirien. Għal dak l-iskop, huma għandhom jippubblikaw sa 16 ta' Diċembru 2014, wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati, strateġija indikattiva dwar l-iżvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja bil-ħsieb li jintlaħqu l-ħtiġijiet futuri ta' mobbiltà f'termini ta' manutenzjoni, tiġdid u żvilupp tal-infrastruttura abbażi ta’ finanzjament sostenibbli tas-sistema ferrovjarja. Dik l-istrateġija għandha tkopri perjodu ta’ mill-anqas ħames snin u għandha tkun tista’ tiġġedded.
2. Waqt li jikkunsidraw kif imiss l-Artikoli 93, 107 u 108 tat-TFUE, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu lill-maniġer tal-infrastruttura wkoll b’finanzjament konsistenti mal-funzjonijiet tiegħu kif imsemmi fil-punt (2) tal-Artikolu 3, mad-daqs tal-infrastruttura u mar-rekwiżiti finanzjarji, b’mod partikolari sabiex ikopru investimenti ġodda. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jiffinanzjaw dawn l-investimenti permezz ta' mezzi oħra minbarra l-finanzjament dirett tal-Istat. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.
3. Fil-qafas ta’ politika ġenerali stabbilita mill-Istat Membru u filwaqt li titqies l-istrateġija msemmija fil-paragrafu 1 u l-finanzjament previst mill-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 2, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jadotta pjan kummerċjali li jinkludi programmi ta’ investiment u dawk finanzjarji. Il-pjan għandu jkun iddisinjat biex jiżgura l-użu, il-forniment u l-iżvilupp ottimi u effiċjenti tal-infrastruttura waqt li jiżgura bilanċ finanzjarju u jipprovdi l-mezzi biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jiżgura li l-applikanti magħrufin u, fuq talba tagħhom, l-applikanti potenzjali jkollhom aċċess għall-informazzjoni relevanti u jingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar il-kontenut tal-pjan kummerċjali rigward il-kundizzjonijiet għall-aċċess u l-użu u n-natura, l-għoti u l-iżvilupp tal-infrastruttura qabel l-approvazzjoni tiegħu mill-maniġer tal-infrastruttura.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’kundizzjonijiet normali tal-kummerċ u f’perjodu raġonevoli ta’ żmien li m’għandux jaqbeż perjodu ta’ ħames snin, il-kont tal-qligħ u t-telf ta' maniġer tal-infrastruttura għandhom għall-inqas jibbilanċjaw dħul mill-piżijiet tal-infrastruttura, iż-żejjed minn attivitajiet kummerċjali oħrajn, dħul minn sorsi privati li ma jistax jitħallas lura u l-fondi mill-Istat, fuq naħa waħda, inkluzi ħlasijiet bil-quddiem mill-Istat, meta jkun xieraq, u infiq infrastrutturali, min-naħa l-oħra.
Mingħajr preġudizzju għall-mira possibbli fit-tul ta' kopertura mill-utent tal-ispejjeż infrastrutturali għall-mezzi kollha tat-trasport abbażi ta' kompetizzjoni ġusta u nondiskriminatorja bejn il-modi varji, meta t-trasport bil-ferrovija jista' jikkompeti ma' mezzi oħrajn tat-trasport, fil-qafas tat-tqegħid tal-piżijiet mogħti fl-Artikoli 31 u 32, Stat Membru jista' jesiġi lill-maniġer tal-infrastruttura jibbilanċja l-kontijiet tiegħu mingħajr fondi tal-Istat.
Artikolu 9
Ħelsien trasparenti mid-dejn
1. Mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-istat u skont l-Artikoli 93, 107 u 108 tat-TFUE, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu strutturi xierqa biex inaqqsu d-dejn tal-impriżi ferrovjarji li huma tal-istat jew li huma kkontrollati minnu u jġibuh f’livell li ma jfixkilx l-immaniġġjar finanzjarju tajjeb u li jtejjeb il-qagħda finanzjarja tagħhom.
2. Għall-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jesiġu li titwaqqaf unità separata li bil-mod tamortizza d-dejn fid-dipartimenti tal-kontabbiltà ta' dawk l-impriżi ferrovjarji.
Il-karta tal-bilanċi tal-unità tista' tkun imġiegħla tħallas kull self li tagħmel l-impriża ferrovjarja, kemm biex tiffinanzja l-investiment u biex tkopri l-ispiża operattiva eċċessiva li tirriżulta min-negozju tat-trasport ferrovjarju jew mill-immaniġġjar tal-infrastruttura ferrovjarja, sakemm dak is-self jitħallas kollu. Id-djun li jkunu kkawżati minn ħidmiet sussidjarji m' għandhomx jitqiesu.
3. Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw biss għad-djun jew interessi fuq dawn id-djun imġarrba mill-impriżi ferrovjarji ta' proprjetà pubblika jew ikkontrollati pubblikament sad-data tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi kollha ta' trasport ferrovjarju jew għal parti minnhom fl-Istat Membru kkonċernat u fi kwalunkwe każ sal-15 ta’ Marzu 2001 jew wara d-data tal-adeżjoni mal-Unjoni għall-Istati Membri li ssieħbu mal-Unjoni wara dik id-data.
TAQSIMA 4
Aċċess għall-infrastruttura u għas-servizzi ferrovjarji
Artikolu 10
Kundizzjonijiet għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja
1. L-impriżi ferrovjarji għandhom jingħataw, fuq kundizzjonijiet ekwi, nondiskrimatorji u trasparenti, id-dritt għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja fl-Istati Membri kollha għall-iskop tat-tħaddim tat-tipi kollha ta' servizzi ferrovjarji għat-trasport tal-merkanzija. Dak id-dritt għandu jinkludi aċċess għall-infrastruttura li tgħaqqad il-portijiet marittimi u tax-xmajjar u faċilitajiet oħra ta' servizzi msemmija fil-punt 2 tal-Anness II, u l-infrastruttura li taqdi jew li potenzjalment taqdi aktar minn klijent aħħari wieħed.
2. L-impriżi ferrovjarji għandhom jingħataw id-dritt ta’ aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja fl-Istati Membri kollha sabiex jitħaddem is-servizz ferrovjarju internazzjonali tal-passiġġieri. L-impriżi ferrovjarji għandhom, meta jkun qed jingħata s-servizz internazzjonali tal-passiġġieri, ikollhom id-dritt li jtellgħu passiġġieri minn kwalunkwe stazzjon li jinsab tul ir-rotta internazzjonali u jniżżluhom f’ieħor, inklużi l-istazzjonijiet li jinsabu fl-istess Stat Membru. Dak id-dritt għandu jinkludi l-aċċess għall-infrastruttura li tgħaqqad il-faċilitajiet ta' servizz imsemmija fil-punt 2 tal-Anness II.
3. Wara talba mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti jew impriżi ferrovjarji interessati, il-korp jew il-korpi regolatorji rilevanti msemmija fl-Artikolu 55 għandhom jiddeterminaw jekk l-iskop prinċipali tas-servizz hux it-trasport ta’ passiġġieri bejn stazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri differenti.
4. Abbażi tal-esperjenza tal-korpi regolatorji, l-awtoritajiet kompetenti u l-impriżi ferrovjarji u abbażi tal-attivitajiet tan-netwerk imsemmi fl-Artikolu 57(1), il-Kummissjoni għandha tadotta sa 16 ta' Diċembru 2016 miżuri li jistabbilixxu d-dettalji tal-proċedura u l-kriterji li għandhom jiġu segwiti għall-applikazzjoni tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 62(3).
Artikolu 11
Limitazzjoni tad-dritt ta’ aċċess u tad-dritt li wieħed itella' u jniżżel il-passiġġieri
1. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw id-dritt ta’ aċċess previst fl-Artikolu 10 dwar servizzi bejn post ta’ tluq u ta’ destinazzjoni li huma koperti minn kuntratt ta’ servizz pubbliku wieħed jew aktar li jkunu skont il-liġi tal-Unjoni. It-tali limitazzjoni ma għandux ikollha l-effett li tnaqqas id-dritt li jittellgħu passiġġieri minn kwalunkwe stazzjon li jinsab tul ir-rotta ta’ servizz internazzjonali u li jitniżżlu f’ieħor, inklużi stazzjonijiet li jinsabu fl-istess Stat Membru, għajr fejn l-eżerċizzju ta’ dakid-dritt ikun jikkomprometti l-ekwilibriju ekonomiku ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku.
2. Jekk l-ekwilibriju ekonomiku ta' kuntratt ta' servizz pubbliku jkunx kompromess għandu jkun determinat mill-korp jew korpi regolatorju/i rilevanti msemmija fl-Artikolu 55 abbażi ta’ analiżi ekonomika oġġettiva u abbażi ta’ kriterji determinati minn qabel, wara talba minn kwalunkwe entità minn dawn li ġejjin:
(a) l-awtorità kompetenti jew l-awtoritajiet kompetenti li jkunu taw il-kuntratt ta’ servizz pubbliku;
(b) kwalunkwe awtorità kompetenti oħra interessata li jkollha d-dritt tillimita l-aċċess taħt dan l-Artikolu;
(c) il-maniġer tal-infrastruttura;
(d) l-impriża ferrovjarja li tkun qed twettaq il-kuntratt ta’ servizz pubbliku.
L-awtoritajiet kompetenti u l-impriżi ferrovjarji li jipprovdu s-servizzi pubbliċi għandhom jipprovdu lill-korp jew korpi regolatorju/i rilevanti bl-informazzjoni meħtieġa b’mod raġonevoli biex tinlaħaq deċiżjoni. Il-korp regolatorju għandu jqis l-informazzjoni pprovduta minn dawn il-partijiet u, kif inhu xieraq, għandu jitlob kwalunkwe tagħrif addizzjonali relevanti mill-partijiet relevanti kollha, u jibda konsultazzjonijiet magħhom, fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba. Il-korp regolatorju għandu jikkonsulta l-partijiet rilevanti kollha kif xieraq, u għandu jinforma lill-partijiet rilevanti bid-deċiżjoni motivata tiegħu fi żmien predeterminat u raġonevoli, u, fi kwalunkwe każ, fi żmien sitt ġimgħat minn meta jirċievi l-informazzjoni rilevanti kollha.
3. Il-korp regolatorju għandu jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu u jispeċifika l-perjodu ta’ żmien u l-kundizzjonijiet li fihom kwalunkwe entità minn dawn li ġejjin tista’ titlob li d-deċiżjoni terġa' titqies,
(a) l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti rilevanti;
(b) il-maniġer tal-infrastruttura;
(c) l-impriża ferrovjarja li tkun qed twettaq il-kuntratt ta’ servizz pubbliku;
(d) l-impriża ferrovjarja li tkun qiegħda tfittex l-aċċess.
4. Abbażi tal-esperjenza tal-korpi regolatorji, l-awtoritajiet kompetenti u l-impriżi ferrovjarji u abbażi tal-attivitajiet tan-netwerk imsemmi fl-Artikolu 57(1), il-Kummissjoni għandha tadotta sa 16 ta' Diċembru 2016 miżuri li jistabbilixxu d-dettalji tal-proċedura u l-kriterji li għandhom jiġu segwiti biex jiġu applikati l-paragrafi 1, 2 u 3 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġi adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl- Artikolu 62(3).
5. L-Istati Membri jistgħu wkoll jillimitaw id-dritt li jittellgħu u jitniżżlu passiġġieri fi stazzjonijiet fl-istess Stat Membru tul ir-rotta ta’ servizz internazzjonali tal-passiġġieri fejn dritt esklussiv li jitwasslu passiġġieri bejn dawk l-istazzjonijiet ikun ingħata taħt kuntratt ta’ konċessjoni qabel l-4 ta’ Diċembru 2007 abbażi ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti ġusta u kompetittiva u b’mod konformi mal-prinċipji rilevanti tal-liġi tal-Unjoni. Din il-limitazzjoni tista’ tkompli tul iż-żmien oriġinali tal-kuntratt, jew għal 15-il sena, skont liema hu l-iqsar.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2, 3 u 5 ikunu suġġetti għal analiżi ġudizzjarja.
Artikolu 12
Imposta fuq l-impriżi ferrovjarji li jipprovdu servizzi għall-passiġġieri
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(2), l-Istati Membri jistgħu, taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu, jawtorizzaw lill-awtorità responsabbli għat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri sabiex timponi imposta fuq impriżi ferrovjarji li jipprovdu servizzi tal-passiġġieri għat-tħaddim ta’ rotot li jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni ta’ dik l-awtorità u li jitħaddmu bejn żewġ stazzjonijiet f’dak l-Istat Membru.
F’dak il-każ, impriżi ferrovjarji li jipprovdu servizz domestiku jew internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija għandhom ikunu suġġetti għall-istess imposta fit-tħaddim ta’ dawk ir-rotot li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ dik l-awtorità.
2. L-imposta hija maħsuba biex tikkumpensa lill-awtorità għall-obbligi ta’ servizz pubbliku stipulati f’kuntratti ta’ servizz pubbliku mogħtija skont il-liġi tal-Unjoni. Il-dħul magħmul mit-tali imposta u mħallas bħala kumpens ma għandux jisboq dak li hu meħtieġ biex wieħed ikopri l-ispiża kollha jew parti minnha mġarrba fl-obbligi ta’ servizz pubbliku rilevanti filwaqt li jitqiesu l-iriċevuti rilevanti u profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawk l-obbligi.
3. L-imposta għandha tiġi imposta skont il-liġi tal-Unjoni u għandha tirrispetta b’mod partikolari l-prinċipji tal-ġustizzja, it-trasparenza, in-nondiskriminazzjoni u l-proporzjonalità, b’mod partikolari bejn il-prezz medju tas-servizz għall-passiġġier u l-livell tal-imposta. L-imposti totali imposti skont dan il-paragrafu ma għandhomx jipperikolaw il-vijabbiltà ekonomika tas-servizz tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija li fuqu jkunu imposti.
4. L-awtoritajiet rilevanti għandhom iżommu l-informazzjoni meħtieġa biex jiżguraw li l-oriġini tal-imposti u l-użu tagħhom ikunu jistgħu jiġu traċċati. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’din l-informazzjoni.
5. Abbażi tal-esperjenza ta' korpi regolatorji, awtoritajiet kompetenti u impriżi ferrovjarji u abbażi tal-attivitajiet tan-netwerk imsemmi fl-Artikolu 57(1), il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li jistabbilixxu d-dettalji tal-proċedura u l-kriterji li għandhom jiġu segwiti għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 62(3).
Artikolu 13
Kundizzjonijiet tal-aċċess għas-servizzi
1. Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom ifornu lill-impriżi ferrovjarji kollha fuq bażi nondiskriminatorja, il-pakkett ta' aċċess minimu stipulat fil-punt 1 tal-Anness II.
2. Operaturi ta' faċilitajiet ta' servizz għandhom ifornu b'mod nondiskriminatorju lill-impriżi ferrovjarji kollha bl-aċċess, inkluż l-aċċess għall-binarji, lill-faċilitajiet imsemmija fil-punt 2 tal-Anness II, u lis-servizzi fornuti f'dawn il-faċilitajiet.
3. Biex jiggarantixxi trasparenza sħiħa u aċċess nondiskriminatorju għal faċilitajiet tas-servizzi msemmija fil-punti 2(a), (b), (c), (g) u (i) tal-Anness II, u l-provvista ta' servizzi f'dawn il-faċilitajiet fejn l-operatur ta' tali faċilità ta' servizz huwa taħt il-kontroll dirett jew indirett ta' korp jew ditta li hija wkoll attiva u li għandha pożizzjoni dominanti fi swieq tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju nazzjonali li għalih qed tintuża’ l-faċilità, l-operaturi ta' dawn il-faċilitajiet ta' servizz għandhom ikunu organizzati b’tali mod li jkunu indipendenti minn dan il-korp jew din id-ditta, f’termini organizzattivi u ta' teħid ta’ deċiżjonijiet. Tali indipendenza m'għandhiex timplika r-rekwiżit tal-istabbiliment ta' entità legali separata għall-faċilitajiet ta' servizz, u tista' tintlaħaq bl-organizzazzjoni ta' diviżjonijiet distinti fi ħdan entità legali waħda.
Għall-faċilitajiet ta' servizz kollha msemmijin fil-punt 2 tal-Anness II, l-operatur u dan il-korp jew ditta għandu jkollhom kontijiet separati, inklużi karti tal-bilanċ u ta' kontijiet ta' qligħ u telf separati.
Meta t-tħaddim tal-faċilità ta' servizz ikun żgurat minn maniġer tal-infrastruttura jew l-operatur tal-faċilità ta' servizz ikun taħt il-kontroll dirett jew indirett ta' maniġer tal-infrastruttura, il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan il-paragrafu għandha titqies bħala ppruvata billi jiġu sodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7.
4. Talbiet li jsiru minn impriżi ferrovjarji għall-aċċess għal, u l-forniment ta' servizzi fil-faċilità ta' servizz imsemmija fil-punt 2 tal-Anness II għandhom jingħataw risposta f'terminu ta' żmien raġonevoli stipulat mill-korp regolatorju msemmi fl-Artikolu 55. Dawn it-talbiet jistgħu jiġu miċħuda biss jekk jeżistu alternattivi vijabbli li jippermettulhom iħaddmu s-servizz tat-trasport tal-merkanzija jew tal-passiġġieri kkonċernat fuq l-istess rotta jew rotot alternattivi b'kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli. Dan m'għandux jobbliga lill-operatur tal-faċilità ta' servizz biex jagħmel investimenti f'riżorsi jew faċilitajiet sabiex jakkomoda t-talbiet kollha minn impriżi ferrovjarji.
Fejn it-talbiet minn impriżi ferrovjarji jikkonċernaw l-aċċess u l-forniment ta' faċilità tas-servizz amministrata minn operatur ta' faċilità ta' servizz imsemmi fil-paragrafu 3, l-operatur tal-faċilità tas-servizz għandu jiġġustifika bil-miktub kwalunkwe deċiżjoni ta' ċaħda u jindika alternattivi vijabbli f'faċilitajiet oħrajn.
5. Fejn operatur tal-faċilità tas-servizz imsemmi fil-punt 2 tal-Anness II jiltaqa’ ma’ kunflitti bejn talbiet differenti, għandu jipprova jissodisfa t-talbiet kollha sakemm ikun possibbli. Jekk ma jkun hemm l-ebda alternattiva vijabbli disponibbli, u wieħed ma jkunx jista’ jakkomoda t-talbiet kollha għall-kapaċità tal-faċilità rilevanti abbażi tal-ħtiġijiet murija, l-applikant jista' jippreżenta lment lill-korp regolatorju msemmi fl-Artikolu 55 li għandu jeżamina l-każ u jieħu azzjoni fejn xieraq biex jiżgura li parti xierqa mill-kapaċità tingħata lil dak l-applikant
6. Fejn faċilità tas-servizz imsemmija fil-punt 2 tal-Anness II, ma tkunx intużat għal tal-inqas sentejn konsekuttivi, u ġie espress interess minn impriżi ferrovjarji għall-aċċess għal din il-faċilità lill-operatur ta' dik il-faċilità tas-servizz abbażi ta' ħtiġijiet murija, il-proprjetarju tagħha għandu jirriklama t-tħaddim tagħha bħala wieħed li qiegħed għall-kiri bħala faċilità ta' servizz ferrovjarju, totalment jew parzjalment, sakemm l-operatur ta' dik il-faċilità ta' servizz ma jurix li proċess ta' rinnovament li jkun għaddej jipprevjeni l-użu tagħha minn kwalunkwe impriża ferrovjarja.
7. Meta l-operatur tal-faċilità ta' servizz jipprovdi kwalunkwe wieħed mis-servizzi imsemmija fil-punt 3 tal-Anness II bħala servizz addizzjonali, għandu jagħtih fuq talba lil impriżi ferrovjarji b’mod nondiskriminatorju.
8. L-impriżi ferrovjarji jistgħu jitolbu, bħala servizzi anċillari, servizzi oħra, imsemmija fil-punt 4 tal-Anness II mill-maniġer tal-infrastruttura jew minn operaturi oħrajn tal-faċilità ta' servizz. L-operatur tal-faċilità ta' servizz mhuwiex obbligat li jagħti dawn is-servizzi. Fejn l-operatur tal-faċilità ta' servizz jiddeċiedi li joffri lil oħrajn kwalunkwe wieħed minn dawn is-servizzi, huwa għandu jfornihom fuq talba lill-impriżi ferrovjarji b'mod nondiskriminatorju.
9. Abbażi tal-esperjenza ta' korpi regolatorji u operaturi ta' faċilitajiet ta' servizzi u abbażi tal-attivitajiet tan-netwerk imsemmi fl-Artikolu 57(1), il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri li jistabbilixxu d-dettalji tal-proċedura u l-kriterji li għandhom jiġu segwiti għall-aċċess għas-servizzi li għandhom jiġu fornuti fil-faċilitajiet tas-servizzi msemmija fil-punti 2 sa 4 tal-Anness II. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 62(3).
TAQSIMA 5
Ftehimiet transkonfinali
Artikolu 14
Prinċipji ġenerali għal ftehimiet transkonfinali
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw lid-dispożizzjonijiet li jinsabu fi ftehimiet transkonfinali ma jiddiskriminawx bejn impriżi ferrovjarji, jew jirrestrinġu l-liberta' ta' impriżi ferrovjarji li joperaw servizzi transkonfinali.
2. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bi kwalunkwe ftehim transkonfinali sa 16 ta’ Ġunju 2013, għall-ftehimiet konklużi qabel dikid-data, u qabel il-konklużjoni tagħhom għal ftehimiet ġodda jew riveduti bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk ftehimiet bħal dawn humiex f’konformità mal-liġi tal-Unjoni fi żmien disa' xhur min-notifika għal ftehimiet konklużi qabel 15 ta' Diċembru 2012 u fi żmien erba' xhur min-notifika għal ftehimiet ġodda jew riveduti bejn l-Istati Membri. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 62(2).
3. Mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, skont il-liġi tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-intenzjoni tagħhom li jidħlu f’negozjati dwar, u li jikkonkludu, ftehimiet transkonfinali ġodda jew riveduti bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi.
4. Jekk, fi żmien xahrejn mill-wasla tan-notifika ta' intenzjoni ta' Stat Membru li jidħol fin-negozjati msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni tikkonkludi li n-negozjati x'aktarx ifixklu l-objettivi tan-negozjati tal-Unjoni li jkunu qed isiru mal-pajjiżi terzi kkonċernati u/jew iwasslu għal ftehim li ma jkunx kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, hija għandha tinforma lill-Istat Membru skont il-każ.
L-Istati Membri għandhom iżommu lill-Kummissjoni regolarment infurmata dwar negozjati bħal dawn u, fejn meħtieġ, jistiednu l-Kummissjoni tipparteċipa bħala osservatur.
5. L-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati japplikaw proviżorjament u/jew jikkonkludu ftehimiet transkonfinali ma' pajjiżi terzi, dment li dawn ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni u ma jkunux ta' ħsara għall-għan u l-fini tal-politika tal-Unjoni dwar it-trasport. Il-Kummissjoni għandha tadotta tali deċiżjonijiet awtorizzati. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 62(2).
TAQSIMA 6
Xogħol ta’ monitoraġġ tal-kummissjoni
Artikolu 15
Ambitu tal-monitoraġġ tas-suq
1. Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex timmonitorja l-kundizzjonijiet tekniċi u ekonomiċi u l-iżviluppi tas-suq fit-trasport ferrovjarju tal-Unjoni.
2. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tinvolvi mill-qrib lir-rappreżentanti tal-Istati Membri, inklużi r-rappreżentanti tal-korpi regolatorji msemmija fl-Artikolu 55, u rappreżentanti tas-setturi kkonċernati fix-xogħol tagħha, inklużi, fejn jixraq, is-sħab soċjali tas-settur ferrovjarju, l-utenti u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex ikunu kapaċi jimmonitorjaw aħjar l-iżvilupp tas-settur ferrovjarju u l-evoluzzjoni tas-suq, jivvalutaw aħjar l-effett tal-miżuri adottati u janalizzaw aħjar l-impatt tal-miżuri ppjanati mill-Kummissjoni. Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tinvolvi wkoll l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea, b’konformità mal-funzjonijiet tagħha kif ipprovdut fir-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi aġenzija Ewropea tal-ferroviji (ir-Regolament tal-Aġenzija) ( 2 ).
3. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-użu tan-netwerks u l-evoluzzjoni tal-kundizzjonijiet ta' qafas għas-settur ferrovjarju, partikolarment id-debitar tal-imposti tal-infrastruttura, l-allokazzjoni tal-kapaċità, l-investimenti fl-infrastruttura ferrovjarja, l-iżviluppi fir-rigward tal-prezzijiet u tal-kwalità tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju, is-servizzi tat-trasport ferrovjarju koperti mill-kuntratti ta' servizz pubbliku, u l-liċenzjar u l-grad ta' ftuħ tas-swieq u ta’ armonizzazzjoni bejn Stati Membri, l-iżvilupp ta’ impjiegi u l-kundizzjonijiet soċjali relatati fis-settur tal-ferroviji. Dawn l-attivitajiet ta’ monitoraġġ huma mingħajr ħsara għal attivitajiet simili fl-Istati Membri u għar-rwol tas-sħab soċjali.
4. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sentejn lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar:
(a) l-evoluzzjoni tas-suq intern fis-servizzi ferrovjarji u s-servizzi li għandhom jiġu fornuti lill-impriżi ferrovjarji, kif imsemmi fl-Anness II;
(b) il-kundizzjonijiet ta’ qafas imsemmija fil-paragrafu 3, inklużi dawk għas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija;
(c) l-istat tan-netwerk ferrovjarju tal-Unjoni;
(d) l-utilizzazzjoni tad-drittijiet tal-aċċess;
(e) l-ostakli għal servizzi ferrovjarji iktar effettivi;
(f) il-limitazzjonijiet tal-infrastruttura;
(g) il-ħtieġa ta' leġiżlazzjoni.
5. Għall-iskopijiet tal-monitoraġġ tas-suq min-naħa tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom, filwaqt li jirrispettaw ir-rwol tas-sħab soċjali, jagħtu lill-Kummissjoni, kull sena, l-informazzjoni meħtieġa dwar l-użu tan-netwerks u l-evoluzzjoni tal-konduzzjonijet ta' qafas fis-settur ferrovjarju.
6. Il-Kummissoni tista' tadotta miżuri biex tiġi żgurata l-konsistenza fl-obbligi ta' rappurtar tal-Istati Membri. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 62(3).
KAPITOLU III
IL-LIĊENZJAR TAL-IMPRIŻI FERROVJARJI
TAQSIMA 1
Awtorità tal-liċenzjar
Artikolu 16
Awtorità tal-Liċenzjar
Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità tal-liċenzjar li tkun responsabbli għall-ħruġ tal-liċenzji u għat-twettiq tal-obbligi imposti minn dan il-Kapitolu.
L-Awtorità tal-Liċenzjar maħtura ma għandhiex tipprovdi servizzi tat-trasport bil-ferrovija hi stess u għandha tkun indipendenti minn ditti u entitajiet li jagħmlu dan..
TAQSIMA 2
Il-kundizzjonijiet sabiex tinkiseb liċenzja
Artikolu 17
Rekwiżiti ġenerali
1. Impriża għandha tkun intitolata tapplika għal liċenzja fl-Istat Membru fejn hija stabbilità.
2. L-Istati Membri ma għandhomx joħroġu liċenzji jew jestendu l-validità tagħhom fejn ma jiġux imħarsa r-rekwiżiti ta' dan il-Kapitolu.
3. Impriża li tissodisfa r-rekwiżiti imniżżla f’dan il-Kapitolu għandha tiġi awtorizzata tirċievi liċenzja.
4. L-ebda impriża ma għandha titħalla tipprovdi servizzi ta' trasport ferrovjarju kopert minn dan il-Kapitolu kemm-il darba ma tkunx ingħatat il-liċenzja x-xierqa għas-servizzi li għandhom jiġu fornuti.
Madankollu, liċenzja bħal din ma tintitolax minnha nnifisha lid-detentur għal aċċess għall-infrastruttura tat-trasport ferrovjarju.
5. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li jistabbilixxu d-dettalji għall-użu ta' mudell komuni għal-liċenzja u, jekk meħtieġ biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u effiċjenti fis-swieq tat-trasport ferrovjarju, id-dettalji dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 62(3).
Artikolu 18
Kundizzjonijiet sabiex tinkiseb liċenzja
Impriża li tkun qed tapplika għal-liċenzja għandha tkun meħtieġa li jkollha l-ħila turi lill-awtoritajiet ta' liċenzjar tal-Istat Membru kkonċernat qabel il-bidu tal-attivitajiet li se tkun kapaċi tissodisfa, fi kwalunkwe waqt, ir-rekwiżiti dwar reputazzjoni tajba, qagħda finanzjarja soda, kompetenza professjonali u r-responsabbiltà ċivili tagħha kif elenkati fl-Artikoli 19 sa 22.
Għal dawk l-iskopijiet kull impriża li tkun qed tapplika għal-liċenzja għandha tipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha.
Artikolu 19
Rekwiżiti relatati ma’ reputazzjoni tajba
L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li taħthom ir-rekwiżit ta' reputazzjoni tajba jiġi osservat biex jiġi żgurat li impriża li tkun qed tapplika għal-liċenzja jew il-persuni responsabbli għall-immaniġġjar tagħha:
(a) ma ġewx ikkundannati b'akkużi kriminali serji, inklużi reati ta' natura kummerċjali;
(b) ma ġewx iddikjarati falluti;
(c) ma ġewx ikkundannati b'reati serji stipulati f'leġiżlazzjoni speċifika applikabbli għat-trasport;
(d) ma jkunux instabu ħatja ta' nuqqas serju jew ripetut li jissodisfaw l-obbligi tal-liġi soċjali u tax-xogħol, li jinkludu obbligi skont il-leġiżlazzjoni ta’ sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali, u l-obbligi tal-liġi doganali fil-każ ta' kumpaniji li jkunu jridu jħaddmu servizzi tat-trasport transkonfinali ta' merkanzija, u li jkunu suġġetti għall-proċeduri doganali;
(e) ma jkunux instabu ħatja ta' reati serji li irriżultaw minn obbligi skont il-liġi nazzjonali minn ftehimiet kollettivi vinkolanti, fejn applikabbli.
Artikolu 20
Rekwiżiti relatati ma’ qagħda finanzjarja tajba
1. Ir-rekwiżiti relatati ma’ qagħda finanzjarja tajba għandhom jintlaħqu meta impriża li tkun qed tapplika għal-liċenzja tkun tista' turi li se tkun kapaċi tilħaq l-obbligi attwali u potenzjali tagħha, stabbiliti taħt assunzjonijiet realistiċi, għal perjodu ta' tnax-il xahar.
2. L-awtorità ta' liċenzjar għandha tivverifika l-qagħda finanzjarja tajba speċjalment permezz tal-kontijiet annwali ta' impriża ferrovjarja jew, fil-każ ta' impriżi li jkunu qed japplikaw għal-liċenzja li ma jistgħux jippreżentaw kontijiet annwali, permezz ta' karta tal-bilanċ. Kull impriża li tkun qed tapplika għal-liċenzja għandha tipprovdi mill-inqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness III.
3. L-awtorità ta' liċenzjar m'għandhiex tqis impriża li tkun qed tapplika għal liċenzja bħala finanzjarjament stabbli jekk arretrati konsiderevoli jew rikorrenti ta' taxxi jew sigurtà soċjali jkunu dovuti bħala riżultat tal-attività ta' dik l-impriża.
4. L-awtorità ta' liċenzjar tista' tesiġi l-għoti ta' rapport ta' verifika u dokumenti tajba minn bank, bank ta' kont kurrenti, accountant jew awditur. Dawk id-dokumenti għandhom jinkludu l-informazzjoni elenkata fl-Anness III.
5. Il-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 60 dwar ċerti emendi għall-Anness III. B'hekk, l-Anness III jista' jiġi emendat biex jispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-impriżi li jkunu qed japplikaw għal-liċenzja jew issupplementati fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-awtoritajiet ta' liċenzjar jew l-evoluzzjoni tas-suq tat-trasport ferrovjarju.
Artikolu 21
Rekwiżiti relatati mal-kompetenza professjonali
Ir-rekwiżiti relatati mal-kompetenza professjonali għandhom ikunu sodisfatti meta impriża li tkun qed tapplika għal-liċenzja tkun tista’ turi li għandha jew ser ikollha organizzazzjoni tal-immaniġġjar li għandha l-għerf jew l-esperjenza meħtieġa biex teżerċita l-kontroll u s-superviżjoni sikura u affidabbli fuq it-tħaddim tat-tip ta' ħidmiet speċifikati fil-liċenzja.
Artikolu 22
Rekwiżiti relatati mal-kopertura għar-responsabbiltà ċivili
Mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni rigward l-għajnuniet statali u f'konformità mal-Artikoli 93, 107 u 108 tat-TFUE impriża ferrovjarja għandha tkun assigurata b’mod adegwat jew ikollha garanziji skont il-kundizzjonijiet tas-suq biex tkun koperta, skont l-liġi nazzjonali u internazzjonali, għar-responsabbiltajiet tagħha, fil-każ ta' inċidenti, b'mod partikolari fir-rigward tal-passiġġieri, il-bagalji, il-merkanzija, il-posta u terzi persuni. Minkejja dan l-obbligu, jistgħu jiġu kkunsidrati l-ispeċifiċitajiet u l-profil ta' riskju tat-tipi ta' servizzi differenti, b'mod partikolari operazzjonijiet ferrovjarji għal finijiet kulturali jew ta' patrimonju.
TAQSIMA 3
Validità tal-liċenzja
Artikolu 23
Validità spazjali u temporali
1. Liċenzja għandha tkun valida fit-territorju kollu tal-Unjoni.
2. Liċenzja għandha tibqa' valida sakemm l-impriża ferrovjarja tissodisfa l-obbligi stipulati f’dan il-Kapitolu. Awtorità tal-liċenzjar tista', iżda, tagħmel dispożizzjoni għal reviżjoni regolari. Jekk dan isir, ir-reviżjoni għandha ssir mill-inqas kull ħames snin.
3. Dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw is-sospensjoni jew ir-revoka ta' liċenzja jistgħu jiġu inkorporati fil-liċenzja nnifisha.
Artikolu 24
Liċenzja temporanja, l-approvazzjoni, is-sospensjoni u r-revoka
1. Jekk hemm dubju serju dwar jekk impriża ferrovjarja li tkun illiċenzjata tkunx konformi mar-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu u b'mod partikolari dawk tal-Artikolu 18, l-awtorità tal-liċenzjar tistà, fi kwalunkwe ħin, tiċċekkja jekk dik l-impriża ferrovjarja tkunx fil-fatt konformi ma’ dawk ir-rekwiżiti.
Fejn awtorità tal-liċenzjar tkun sodisfatta li impriża ferrovjarja ma tistax aktar tissodisfa r-rekwiżiti, għandha tissospendi jew tirrevoka l-liċenzja.
2. Fejn l-awtorità tal-liċenzjar ta' Stat Membru tkun sodisfatta li hemm dubju serju dwar il-konformità mar-rekwiżiti stipulati f’dan il-Kapitolu min-naħa ta’ impriża ferrovjarja li nħarġitilha liċenzja minn awtorità tal-liċenzjar ta' Stat ieħor, din għandha tinforma lill-awtorità tal-aħħar bla dewmien.
3. Minkejja l-paragrafu 1, fejn liċenzja tiġi sospiża jew revokata għal raġunijiet ta' nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta' qagħda finanzjarja tajba, l-awtorità tal-liċenzjar tista' tagħti liċenzja temporanja sakemm issir ir-riorganizzazzjoni tal-impriża ferrovjarja, sakemm ma tiġix ipperikolata s-sikurezza. Liċenzja temporanja ma għandhiex tkun, iżda, valida għal aktar minn sitt xhur wara d-data tal-ħruġ tagħha.
4. Fejn impriża ferrovjarja tkun waqfet taħdem għal sitt xhur, jew ma bdietx taħdem fi żmien sitt xhur mill-għoti tal-liċenzja, l-awtorità tal-liċenzjar tista' tiddeċiedi li l-liċenzja għandha tiġi mitluba tiġi sottomessa mill-ġdid għall-approvazzjoni jew tkun sospiża.
Dwar il-bidu tal-attivitajiet, l-impriża ferrovjarja tista' titlob biex jiġi stabbilit perjodu itwal, u titqies in-natura speċifika tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti.
5. F'każ ta' bidla li taffettwa s-sitwazzjoni legali tal-impriża u, b'mod partikolari, f'każ ta' fużjoni jew takeover, l-awtorità tal-liċenzjar tista' tiddeċiedi li terġa' tiġi ppreżentata liċenzja għall-approvazzjoni. L-impriża ferrovjarja kkonċernata tista' tkompli bil-ħidmiet, sakemm l-awtorità tal-liċenzji ma tiddeċidix li hija pperikolata s-sikurezza. F' dak il-każ għandhom jiġu mogħtija r-raġunijiet għal deċiżjoni bħal din.
6. Fejn impriża ferrovjarja tkun beħsiebha tibdel jew testendi l-attivitajiet tagħha b’mod sinifikanti, il-liċenzja tagħha għandha terġa' tingħata lill-awtorità tal-liċenzjar għall-analiżi.
7. Awtorità tal-liċenzjar ma għandhiex tħalli lil impriża ferrovjarja li kontriha jkunu bdew proċeduri ta' falliment jew oħrajn simili żżomm il-liċenzja tagħha jekk dik l-awtorità tkun konvinta li mhemmx prospett realistiku ta' ristrutturar finanzjarju sodisfaċenti fi żmien raġonevoli.
8. Fejn awtorità tal-liċenzjar toħroġ, tissospendi, tirrevoka jew temenda liċenzja, għandha tinforma minnufih lill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea dwar dan. L-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għandha tinforma minnufih lill-awtoritajiet ta' liċenzjar tal-Istati Membri l-oħra dwar dan.
Artikolu 25
Proċedura għall-għoti ta' liċenzji
1. Il-proċeduri għall-għoti ta' liċenzji għandhom jiġu ppubblikati mill-Istat Membru kkonċernat, li jinforma lill-Kummissjoni dwar dan.
2. L-awtorità tal-liċenzjar għandha tieħu deċiżjoni dwar applikazzjoni malajr kemm jista' jkun, iżda mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tkun ingħatat l-informazzjoni rilevanti kollha, speċjalment il-partikolaritajiet imsemmija fl-Anness III. L-awtorità tal-liċenzjar għandha tqis l-informazzjoni disponibbli kollha. Id-deċiżjoni għandha tkun ikkomunikata lill-impriża li tkun qed tapplika għal-liċenzja mingħajr dewmien. F'kull rifjut għandu jkun hemm ir-raġunijiet li fuqhom ikun imsejjes.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet tal-awtorità tal-liċenzjar huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.
KAPITOLU IV
ID-DEBITAR TA’ IMPOSTI GĦALL-UŻU TAL-INFRASTRUTTURA FERROVJARJA U TAL-ALLOKAZZJONI TAL-KAPAĊITÀ TAL-INFRASTRUTTURA FERROVJARJA
TAQSIMA 1
Prinċipji Ġenerali
Artikolu 26
Użu effettiv tal-kapaċità tal-infrastruttura
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskemi tat-tqegħid ta' imposti u tal-kapaċità tal-allokazzjoni għall-infrastruttura ferrovjarja jsegwu l-prinċipji stabbiliti f'din id-Direttiva u b'hekk jippermettu lill-maniġer tal-infrastruttura biex iqiegħed fis-suq u jagħmel użu effettiv mill-kapaċità infrastrutturali disponibbli.
Artikolu 27
Dikjarazzjoni dwar in-netwerk
1. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu, wara li jikkonsulta mal-partijiet interessati, jiżviluppa u jippubblika dikjarazzjoni dwar in-netwerk li għandha tkun tista' tiġi akkwistata għal ħlas ta' tariffa li ma tistax taqbeż l-ispiża tal-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni. Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandha tkun ippubblikata f’mill-anqas żewġ lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Il-kontenut tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandu jkun disponibbli mingħajr ħlas f’format elettroniku fuq il-portal tal-internet tal-maniġer tal-infrastruttura u aċċessibbli permezz ta' portal tal-internet komuni. Dak il-portal tal-internet għandu jiġi stabbilit mill-maniġers tal-infrastruttura fil-qafas tal-kooperazzjoni tagħhom skont l-Artikoli 37 u 40.
2. Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandha tistabbilixxi n-natura tal-infrastruttura disponibbli għall-impriżi ferrovjarji, u tiġbor fiha informazzjoni li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja rilevanti. Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandu jkun fiha wkoll informazzjoni li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-faċilitajiet tas-servizzi konnessi man-netwerk tal-maniġer tal-infrastruttura u għall-forniment tas-servizzi f'dawn il-faċilitajiet jew tindika sit tal-internet fejn tali informazzjoni tkun disponibbli mingħajr ħlas f'format elettroniku. Il-kontenut tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk huwa stipulat fl-Anness IV.
3. Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandha tinżamm aġġornata u għandha tiġi emendata kif meħtieġ.
4. Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandha tiġi ppubblikata mhux inqas minn erba' xhur bil-quddiem qabel id-data ta’ skadenza għal talbiet għall-kapaċità tal-infrastruttura.
Artikolu 28
Ftehimiet bejn l-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura
Kull impriża impenjata f’servizzi tat-trasport ferrovjarju għandha tikkonkludi l-ftehimiet meħtieġa mal-maniġers tal-infrastruttura ferrovjarja użata skont il-liġi pubblika jew privata. Il-kundizzjonijiet li jiggvernaw ftehimiet bħal dawn għandhom ikunu nondiskriminatorji u trasparenti, skont din id-Direttiva.
TAQSIMA 2
L-imposti tal-infrastruttura u tas-servizzi
Artikolu 29
Stabbiliment, determinazzjoni u ġbir ta' imposti
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas tal-imposti waqt li jirrispettaw l-indipendenza tal-immaniġġjar stipulata fl-Artikolu 4.
Mingħajr preġudizzju għal dik il-kundizzjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar l-imposti jew jiddelegaw dawn is-setgħat lill-maniġers tal-infrastruttura.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dikjarazzjoni tan-netwerk tkun tinkludi l-qafas tal-imposti u r-regoli għat-tqegħid tal-imposti jew tindika sit elettroniku fejn jiġu ppubblikati l-qafas tal-imposti u r-regoli għat-tqegħid tal-imposti
Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jiddetermina u jiġbor il-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura skont il-qafas ta' tqegħid tal-imposti u r-regoli tat-tqegħid tal-imposti stabbiliti.
Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tal-maniġment stabbilit fl-Artikolu 4 u dment li d-dritt ikun ingħata direttament mil-liġi kostituzzjonali qabel 15 ta' Diċembru 2010, il-parlament nazzjonali jista' jkollu d-dritt li jiskrutinizza u, fejn xieraq, jirrevedi l-livell tal-imposti determinati mill-maniġer tal-infrastruttura. Kwalunkwe reviżjoni tali għandha tiżgura li l-imposti jikkonformaw ma' din id-Direttiva, il-qafas tal-imposti u r-regoli għat-tqegħid tal-imposti.
2. Għajr għal meta jsiru arranġamenti speċifiċi skont l-Artikolu 32(3), il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jiżguraw li l-iskema tat-tqegħid tal-imposti li tkun fis-seħħ hija bbażata fuq l-istess prinċipji fin-netwerk kollu tagħhom.
3. Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni tal-iskema tat-tqegħid tal-imposti tirriżulta f’imposti ekwivalenti nondiskriminatorji għal impriżi ferrovjarji differenti li jwettqu servizzi ta' natura ekwivalenti f'parti simili tas-suq u li l-imposti attwalment applikati jikkonformaw mar-regoli stipulati fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk.
4. Maniġer tal-infrastruttura għandu jirrispetta l-kunfidenzjalità kummerċjali tal-informazzjoni pprovduta lilu mill-applikanti.
Artikolu 30
Spiża tal-infrastruttura u tal-kontabbiltà
1. Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom, b'kunsiderazzjoni xierqa għas-sikurezza u għall-manutenzjoni u t-titjib tal-kwalità tas-servizz tal-infrastruttura, jingħataw inċentivi biex inaqqsu l-ispejjeż tal-forniment tal-infrastruttura u l-livell tal-imposti tal-aċċess.
2. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tagħhom rigward l-ippjanar u l-finanzjament tal-infrastruttura ferrovjarja, u għall-prinċipju baġitarju ta' annwalità, fejn applikabbli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ftehim kuntrattwali li jissodisfa l-prinċipji u l-parametri bażiċi stabbiliti fl-Anness V, jiġi konkluż bejn l-awtorità kompetenti u l-maniġer tal-infrastruttura li jkopri perjodu ta’ żmien ta' mhux inqas minn ħames snin.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ftehimiet kuntrattwali fis-seħħ 15 ta' Diċembru 2012 jiġu modifikati, jekk meħtieġ, biex isiru konformi ma' din id-Direttiva fil-waqt tat-tiġdid tagħhom, jew mhux aktar tard minn 16 ta’ Ġunju 2015.
3. L-Istati Membri għandhom jimplimentaw l-inċentivi msemmija fil-paragrafu 1 permezz tal-ftehim kuntrattwali msemmi fil-paragrafu 2 jew permezz ta' miżuri regolatorji jew permezz ta' kombinazzjoni ta' inċentivi biex jitnaqqsu l-ispejjeż fil-ftehim kuntrattwali u l-livell tal-piżijiet permezz ta' miżuri regolatorji.
4. Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jimplimenta l-inċentivi imsemmija fil-paragrafu 1 permezz ta' miżuri regolatorji, dan għandu jkun ibbażat fuq analiżi tat-tnaqqis fl-ispejjeż li jista' jinkiseb. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-korp regolatorju li jirrevedi l-piżijiet imsemmija fl-Artikolu 56.
5. It-termini tal-ftehim kuntrattwali msemmija fil-paragrafu 2 u l-istruttura tal-pagamenti miftiehma biex jiġu pprovduti l-fondi lill-maniġer tal-infrastruttura għandhom jiġu miftiehma bil-quddiem biex ikopru l-perjodu kuntrattwali kollu.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti u, fuq talba tagħhom, applikanti potenzjali jiġu informati mill-awtorità kompetenti u l-maniġer tal-infrastruttura u jingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar il-kontenut tal-ftehim kuntrattwali qabel ma jiġi ffirmat. Il-ftehim kuntrattwali għandu jiġi ppubblikat fi żmien xahar minn meta jiġi konkluż.
Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jiżgura l-konsistenza bejn id-dispożizzjonijiet tal-ftehim kuntrattwali u l-pjan kummerċjali.
7. Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jiżviluppaw u jżommu reġistru tal-assi tagħhom u tal-assi li huma responsabbli għall-maniġġar tagħhom li jintuża biex jiġu vvalutati il-finanzjamenti meħtieġa biex dawn jissewwew jew jiġu ssostitwiti. Dan għandu jkun akkumpanjat minn dettalji dwar in-nefqa għat-tiġdid u l-aġġornament tal-infrastruttura.
8. Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jistabbilixxu metodu għat-tqassim tal-ispejjeż lill-kategoriji ta' servizzi differenti offruti lill-impriżi ferrovjarji. L-Istati Membri jistgħu jesiġu approvazzjoni minn qabel. Dak il-metodu għandu jiġi aġġornat minn żmien għall-ieħor abbażi tal-aħjar prattika internazzjonali.
Artikolu 31
Il-Prinċipji tat-tqegħid tal-imposti
1. L-imposti għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja u għall-faċilitajiet tas-servizzi għandhom jitħallsu lill-maniġer tal-infrastruttura u lill-operatur tal-faċilità ta' servizz rispettivament u jintużaw biex jipprovdu fondi għan-negozju tagħhom.
2. L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-maniġer tal-infrastruttura u l-operatur tal-faċilità ta' servizz jipprovdu lill-korp regolatorju bl-informazzjoni kollha meħtieġa dwar l-imposti imposti sabiex il-korp regolatorju jkun jista' jwettaq il-funzjonijiet tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 56. Il-maniġer tal-infrastruttura u l-operatur tal-faċilità ta' servizz għandhom, f'dan ir-rigward, ikunu jistgħu juru lill-impriżi ferrovjarji li l-imposti tal-infrastruttura u tas-servizz fatturati fir-realtà lill-impriża ferrovjarja skont l-Artikoli 30 sa 37 jikkonformaw mal-metodoloġija, mar-regoli u meta applikabbli, mal-iskali stipulati fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk.
►C2 3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 jew 5 ta' dan l-Artikolu jew għall-Artikolu 32, l-imposti għall-pakkett ta' aċċess minimu u għal aċċess għal infrastrutturi ◄ li jgħaqqdu l-faċilitajiet ta' servizz għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-ispiża direttament imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju.
Qabel 16 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li jistabbilixxu l-modalitajiet għall-kalkolu tal-ispejjeż imġarrba direttament bħala riżultat tal-operat tal-ferrovija. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 62(3).
Il-maniġer tal-infrastruttura jista' jiddeċiedi li jadatta gradwalment għal dawk il-modalitajiet matul perjodu ta' mhux aktar minn erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dawk l-atti ta’ implimentazzjoni.
4. L-imposti tal-infrastruttura msemmija fil-paragrafu 3 jistgħu jinkludu imposta li tirrifletti l-iskarsezza tal-kapaċità tat-taqsima identifikabbli tal-infrastruttura fil-perjodi ta' konġestjoni.
5. Il-piżijiet infrastrutturali imsemmija fil-paragrafu 3 jistgħu jiġu mmodifikati biex iqisu l-ispejjeż ta’ effetti ambjentali kkawżati mit-tħaddim tal-ferrovija. Kull emenda bħal din għandha tiġi differenzjata skont id-daqs tal-effett ikkawżat.
Abbażi tal-esperjenza miksuba minn maniġers tal-infrastruttura, impriżi ferrovjarji, korpi regolatorji u awtoritajiet kompetenti, u r-rikonoxximent ta' skemi eżistenti dwar id-differenzjar tal-ħoss, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-modalitajiet li għandhom jiġu segwiti għall-applikazzjoni tal-imposti għall-ispejjeż tal-effetti tal-istorbju, inkluż id-durata tal-applikazzjoni tagħhom u tgħin id-differenzjar tal-imposti fuq l-infrastruttura tieħu skont, fejn xieraq, tas-sensittività taż-żona affettwata, b'mod partikolari f'termini tad-daqs tal-popolazzjoni affettwata, u l-kompożizzjoni tal-ferrovija b'impatt fuq il-livell tal-emissjonijiet ta' storbju. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 62(3). Dawn m’għandhomx jirriżultaw fid-distorsjoni mhux xierqa tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji jew jaffettwaw il-kompetittività ġenerali tas-settur ferrovjarju.
Kwalunkwe modifika tal-imposti tal-infrastruttura minħabba n-nefqa għall-effetti tal-istorbju għandha tappoġġja l-adattament tal-vaguni bl-aktar teknoloġija ta' bbrejkjar b’ħoss baxx ekonomikament vijabbli li hija disponibbli.
It-tqegħid tal-imposti ta' spejjeż ambjentali li jirriżulta f'żieda fid-dħul totali li jakkumula għall-maniġer tal-infrastruttura għandu madankollu jitħalla biss jekk dan it-tqegħid tal-imposta jkun applikat għat-trasport tal-merkanzija bit-triq skont il-liġi tal-Unjoni.
Jekk piżijiet ta' spejjeż ambjentali jiġġeneraw dħul addizzjonali, għandhom ikunu l-Istati Membri li jiddeċiedu kif għandu jintuża d-dħul.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tinżamm l-informazzjoni meħtieġa u li l-oriġini tat-tqegħid tal-imposti tal-ispejjeż ambjentali u l-applikazzjoni tagħhom jistgħu jiġu traċċjati. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’din l-informazzjoni fuq talba.
6. Sabiex jiġu evitati tibdiliet sproporzjonati, l-imposti msemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5 jistgħu jiġu kkalkulati bħala medja fuq firxa raġonevoli ta' servizzi u ħinijiet tal-ferrovija. Iżda d-daqsijiet relattivi tal-imposta infrastrutturali għandhom ikunu relatati mal-ispejjeż li jistgħu jkunu attribwiti lis-servizzi.
7. L-imposti imposti għal aċċess għal binarji fil-faċilità ta' servizz imsemmija fil-punt 2 tal-Anness II u l-forniment ta' servizzi f'tali faċilitajiet ma għandhomx ikunu aktar mill-ispiża biex jiġu pprovduti, flimkien ma’ profitt raġonevoli.
8. Meta s-servizzi elenkati fil-punti 3 u 4 tal-Anness II, bħala servizzi addizzjonali u anċillari jiġu offerti minn fornitur wieħed biss, il-piż impost għal dan is-servizz ma għandux ikun akbar mill-ispiża biex jiġi pprovdut, flimkien ma profitt raġonevoli.
9. Il-piżijiet jistgħu jiġu imposti għall-kapaċità użata għall-manutenzjoni tal-infrastruttura. Dawn l-imposti ma għandhomx jeċċedu t-telf nett għall-maniġer tal-infrastruttura kkawżat mill-manutenzjoni.
10. L-operatur tal-faċilità għall-forniment tas-servizzi msemmija fil-punti 2, 3 u 4 tal-Anness II għandu jagħti lill-maniġer tal-infrastruttura l-informazzjoni dwar l-imposti li għandha tiġi inkluża fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk jew għandu jindika sit elettroniku fejn tali informazzjoni tkun disponibbli mingħajr ħlas f'format elettroniku skont l-Artikolu 27.
Artikolu 32
Eċċezzjonijiet għall-prinċipji tat-tqegħid tal-imposti
1. Sabiex ikun hemm irkupru sħiħ tal-ispejjeż magħmula mill-maniġer tal-infrastruttura, Stat Membru jista', jekk is-suq jiflaħ għalihom, jimponi mark-ups fuq bażi ta' prinċipji effiċjenti, trasparenti u nondiskriminatorji, waqt li jiggarantixxi l-aħjar kompetittività ta' taqsimiet tas-suq ferrovjarju. Is-sistema tat-tqegħid tal-imposti għandha tirrispetta ż-żidiet fil-produttività miksuba mill-impriżi ferrovjarji.
Iżda l-livell tal-imposti ma għandux jeskludi l-użu tal-infrastruttura minn taqsimiet tas-suq li jistgħu jħallsu għall-inqas l-ispejjeż imġarrba direttament b'riżultat tat-tħaddim tas-servizz ferrovjarju, u rata ta’ redditu li jiflaħ għaliha s-suq.
Qabel ma japprovaw l-impożizzjoni ta' tali mark-ups, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-maniġers tal-infrastruttura jivvalutaw ir-rilevanza tagħhom għal taqsimiet speċifiċi tas-suq, filwaqt li jqisu mill-inqas il-pari elenkati fil-punt 1 tal-Anness VI u jżommu dawk rilevanti. Il-lista ta' taqsimiet tas-suq definita mill-maniġers tal-infrastruttura għandu jkun fiha mill-inqas dawn it-tliet taqsimiet li ġejjin: is-servizzi ta' trasport tal-merkanzija, is-servizzi tal-passiġġieri fil-qafas ta' kuntratt tas-servizz pubbliku u servizzi oħra għall-passiġġieri.
Il-maniġers tal-infrastruttura jistgħu jiddistingwu wkoll it-taqsimiet tas-suq skont il-prodott bażiku jew il-passiġġieri li jkunu qed jiġu trasportati.
It-taqsimiet tas-suq fejn attwalment ma jkunux qed jaħdmu impriżi ferrovjarji iżda li jistgħu jipprovdu servizzi matul il-perjodu ta' validità tas-sistema tat-tqegħid tal-imposti għandhom ukoll jiġu definiti. Il-maniġer tal-infrastruttura ma għandux jinkludi mark-up fis-sistema tat-tqegħid tal-imposti għal dawk it-taqsimiet tas-suq.
Il-lista ta' taqsimiet tas-suq għandha tiġi ppubblikata fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk u għandha tiġi riveduta mill-inqas kull ħames snin. Il-korp regolatorju msemmi fl-Artikolu 55 għandu jikkontrolla dik il-lista f’konformità mal-Artikolu 56.
2. Għall-ġarr ta' merkanzija minn u lejn pajjiżi terzi operati fuq netwerk li l-wisgħa bejn il-binarji tiegħu huwa differenti minn tan-netwerk ferrovjarju prinċipali fl-Unjoni, il-maniġers tal-infrastruttura jistgħu jistabbilixxu imposti ogħla sabiex jakkwistaw irkupru sħiħ tal-ispejjeż imġarrba
3. Għall-proġetti speċifiċi futuri ta' investiment jew proġetti speċifiċi ta' investiment li tlestew wara l-1988, il-maniġer tal-infrastruttura jista' jiffissa jew ikompli jiffissa imposti ogħla abbażi tal-ispejjeż fit-tul ta' dawn il-proġetti jekk dawn iżidu l-effiċjenza jew il-kosteffettività jew it-tnejn u ma jistgħux jew ma setgħux isiru mod ieħor. Dan l-arranġament tat-tqegħid tal-imposti jista' jinkorpora wkoll il-ftehimiet dwar it-tqassim tar-riskju assoċjat ma' investimenti ġodda.
4. L-imposti tal-infrastruttura għall-użu tal-kurituri ferrovjarji li huma speċifikati fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 ( 3 ) għandhom ikunu differenzjati biex jingħataw inċentivi għat-tagħmir ta' ferroviji bl-ETCS li huwa konformi mal-verżjoni adottata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/386/KE ( 4 ) u mal-verżjonijiet suċċessivi. Dan id-differenzar m'għandux iwassal għal tibdil ġenerali fid-dħul tal-maniġer tal-infrastruttura.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li dan id-differenzjar tal-imposti ta' infrastruttura ma jkunx japplika għal-linji ferrovjarji speċifikati fir-Regolament (UE) 2016/919 li fuqhom jistgħu jivvjaġġaw biss ferroviji mgħammra b'ETCS.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jestendu dan id-differenzjar għal linji ferrovjarji li mhumiex speċifikati fir-Regolament (UE) 2016/919.
5. Biex tiġi evitata d-diskriminazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe imposta medja u marġinali ta' maniġer tal-infrastruttura partikolari għall-użu ekwivalenti tal-infrastruttura tiegħu tkun paragunabbli u li servizzi paragunabbli fl-istess taqsima tas-suq ikunu suġġetti għall-istess imposti. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu juri fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk li s-sistema tat-tqegħid tal-imposti tissodisfa dawn ir-rekwiżiti sa fejn dan jista' jsir mingħajr ma tiġi żvelata informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.
6. Jekk maniġer tal-infrastruttura jkun beħsiebu jemenda l-elementi essenzjali tas-sistema tat-tqegħdi tal-imposti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għandu jagħmilhom pubbliċi għall-inqas tliet xhur qabel id-data ta’ skadenza għall-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk skont l-Artikolu 27(4).
Artikolu 33
Skonti
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 101, 102, 106 u 107 tat-TFUE u minkejja l-prinċipju tal-ispiża diretta stipulat fl-Artikolu 31(3) ta' din id-Direttiva, kull skont fuq il-piżijiet imposti fuq impriża ferrovjarja mill-maniġer tal-infrastruttura għal kwalunkwe servizz, għandha tikkonforma mal-kriterji stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Għajr għall-paragrafu 3, l-iskonti għandhom ikunu limitati għat-tfaddil attwali tal-ispiża amministrattiva għall-maniġer tal-infrastruttura. Fid-determinazzjoni tal-livell tal-iskont, ma għandux jitqies it-tfaddil ta' spejjeż li jkunu diġà ġew internalizzati fil-piż impost.
3. Il-maniġers tal-infrastruttura jistgħu jintroduċu skemi disponibbli għall-utenti kollha tal-infrastruttura, għal flussi speċifikati tat-traffiku, li jagħtu skonti limitati fil-ħin biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' servizzi ġodda ferrovjarji, jew skonti li jinkoraġġixxu l-użu ta' linji konsiderevolment mhux użati biżżejjed.
4. L-iskonti jistgħu jirrelataw biss għal piżijiet imposti għal taqsima speċifika tal-infrastruttura.
5. Skemi simili ta' skonti għandhom japplikaw għal servizzi simili. L-iskemi ta’ skont għandhom japplikaw b’mod nondiskriminatorju għal kull impriża ferrovjarja.
Artikolu 34
Skemi ta' kumpens għal spejjeż ambjentali, aċċidentali u infrastrutturali mhux imħallsa
1. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu skema ta' kumpens limitata biż-żmien għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja għall-ispejjeż ambjentali aċċidentali u infrastrutturali mhux imħallsa b’mod dimostrabbli għal mezzi kompetittivi tat-trasport sa fejn dawn l-ispejjeż ikunu jaqbżu l-ispejjeż ekwivalenti tal-ferroviji.
2. Meta impriża ferrovjarja li tirċievi kumpens ikollha dritt esklussiv, il-kumpens għandu jiġi akkumpanjat minn benefiċċji paragunabbli għall-utenti.
3. Il-metodoloġija użata u l-kalkoli mwettqa għandhom ikunu disponibbli pubblikament. Għandu jkun possibbli, b’mod partikolari, li jintwerew l-ispejjeż speċifiċi mhux imposti tal-infrastruttura tat-trasport kompetittriċi li huma evitati u li jiġi żgurat li l-iskema tingħata lill-impriżi b’kundizzjonijiet nondiskriminatorji.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskema tkun kompatibbli mal-Artikoli 93, 107 u 108 tat-TFUE.
Artikolu 35
Skema tal-prestazzjoni
1. L-iskemi tat-tqegħid tal-imposti tal-infrastruttura għandhom jinkoraġġixxu l-impriżi ferrovjarji u lill-maniġer tal-infrastruttura biex jimminimizzaw ix-xkiel u jtejbu l-prestazzjoni tan-netwerk ferrovjarju permezz ta’ skema tal-prestazzjoni. Din l-iskema tista’ tinkludi penali għal azzjonijiet li jfixklu t-tħaddim tan-netwerk, il-kumpens għall-impriżi jsofru xkiel u bonuses li jippremjaw prestazzjoni aħjar minn dik li ġiet ippjanata.
2. Il-prinċipji bażiċi tal-iskema tal-prestazzjoni kif elenkati fil-punt 2 tal-Anness VI għandhom japplikaw man-netwerk kollu.
3. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 60 rigward emendi għall-punt 2(c) tal-Anness VI. B'hekk il-punt 2(c) tal-Anness VI jista' jiġi emendat fid-dawl tal-evoluzzjoni tas-suq ferrovjarju u tal-esperjenza miksuba minn korpi regolatorji msemmija fl-Artikolu 55, mill-maniġers tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji. Tali emendi għandhom jadattaw il-klassijiet ta' dewmien skont l-aħjar prattika żviluppata mill-industrija.
Artikolu 36
Il-Piżijiet ta' riserva
Il-maniġers tal-infrastruttura jistgħu jimponu imposta għall-kapaċità allokata iżda mhux użata. Din l-imposta għan-nuqqas ta' użu għandha tipprovdi inċentivi għall-użu effiċjenti tal-kapaċità. Il-ġbir ta’ tali imposta fuq l-applikanti li kienu allokati mogħdija ferrovjarja għandha tkun obbligatorja fil-każ tan-nuqqas regolari tagħhom li jużaw il-mogħdijiet ferrovjarji allokati jew parti minnhom. Għall-impożizzjoni ta' dan il-piż, il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jippubblikaw fid-dikjarazzjoni tan-netwerk tagħhom il-kriterji għad-determinazzjoni tan-nuqqas ta' użu. Il-korp regolatorju msemmi fl-Artikolu 55 għandu jikkontrolla tali kriterji b’konformità mal-Artikolu 56. Il-ħlasijiet għal din l-imposta għandhom isiru mill-applikant jew mill-impriża ferrovjarja maħtura skont l-Artikolu 41(1). Il-maniġer tal-infrastruttura għandu dejjem ikun jista' jinforma lil kull parti interessata dwar il-kapaċità tal-infrastruttura li tkun diġà ġiet allokata lill-impriżi ferrovjarji tal-utenti.
Artikolu 37
Kooperazzjoni fir-rigward tas-sistemi ta' impożizzjoni ta' piżijiet f’aktar minn netwerk wieħed
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-maniġers tal-infrastruttura jikkooperaw biex jippermettu l-applikazzjoni ta’ skemi tat-tqegħid tal-imposti effiċjenti, u jikkoordinaw bejniethom dwar il-piżijiet jew biex jimponu piż għat-tħaddim tas-servizzi ferrovjarji li jaqsmu aktar minn netwerk wieħed tal-infrastruttura tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni. Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom b'mod partikolari jimmiraw li jiggarantixxu l-aħjar kompetittività għas-servizzi tat-trasport internazzjonali bil-ferrovija u jiżguraw l-użu effiċjenti tan-netwerks ferrovjarji. Għal dan il-għan huma għandhom jistabbilixxu proċeduri xierqa soġġetti għar-regoli stabbiliti f'din id-Direttiva.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-maniġers tal-infrastruttura jikkooperaw biex il-mark-ups imsemmija fl-Artikolu 32, u l-iskemi tal-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 35, ikunu jistgħu jiġu applikati b’mod effiċjenti għat-traffiku li jaqsam aktar minn netwerk wieħed tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni.
TAQSIMA 3
L-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura
Artikolu 38
Drittijiet tal-kapaċità
1. Il-kapaċità tal-infrastruttura għandha tiġi allokata minn maniġer tal-infrastruttura Ladarba tkun allokata lil applikant, din ma għandhiex tiġi ttrasferita minn min jirċeviha lejn impriża jew servizz ieħor.
Kull negozjar fil-kapaċità tal-infrastruttura għandu jiġi pprojbit u għandu jwassal għall-esklużjoni minn aktar allokazzjoni tal-kapaċità.
L-użu tal-kapaċità minn impriża ferrovjarja meta tkun qed twettaq in-negozju ta' applikant li mhuwiex impriża ferrovjarja ma għandux jitqies bħala trasferiment.
2. Id-dritt tal-użu ta' kapaċità speċifika tal-infrastruttura fil-forma ta' mogħdija tal-ferrovija jista' jingħata lill-applikanti għal terminu massimu ta' perjodu wieħed ta' skeda tax-xogħol.
Maniġer tal-infrastruttura u applikant jistgħu jidħlu fi ftehim ta’ qafas kif stipulat fl-Artikolu 42 għall-użu tal-kapaċità fuq l-infrastruttura ferrovjarja rilevanti għal terminu itwal minn perjodu wieħed ta’ skeda tax-xogħol.
3. Id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-maniġers tal-infrastruttura u tal-applikanti fir-rigward ta' kull allokazzjoni tal-kapaċità għandha tiġi stipulata fil-kuntratti jew fil-liġi tal-Istati Membri.
4. Fejn applikant ikun beħsiebu jitlob għal kapaċità tal-infrastruttura bil-ħsieb li jħaddem servizz internazzjonali tal-passiġġieri, huwa għandu jinforma lill-maniġers tal-infrastruttura u lill-korpi regolatorji kkonċernati. Sabiex huma jkunu jistgħu jivvalutaw jekk l-iskop tas-servizz internazzjonali huwiex it-trasport ta’ passiġġieri fuq rotta bejn stazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri differenti, u x’inhu l-impatt ekonomiku potenzjali fuq il-kuntratti ta’ servizz pubbliku eżistenti, il-korpi regolatorji għandhom jiżguraw li kwalunkwe awtorità kompetenti li tkun tat servizz ferrovjarju tal-passiġġieri fuq dik ir-rotta definita f’kuntratt ta’ servizz pubbliku, kwalunkwe awtorità kompetenti oħra interessata li għandha d-dritt tillimita l-aċċess skont l-Artikolu 11 u kwalunkwe impriża ferrovjarja li tkun qed twettaq il-kuntratt ta’ servizz pubbliku fuq ir-rotta ta’ dak is-servizz internazzjonali tal-passiġġieri tkun infurmata b’dan.
Artikolu 39
Allokazzjoni tal-kapaċità
1. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura suġġetta għall-kundizzjoni ta’ indipendenza tal-immaniġġjar stipulata fl-Artikolu 4. Għandhom jiġu stipulati regoli speċifiċi għall-allokazzjoni tal-kapaċità. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jwettaq il-proċessi tal-allokazzjoni tal-kapaċità. B’mod partikolari, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jiżgura li l-kapaċità tal-infrastruttura tiġi allokata b'mod ġust u nondiskriminatorju u skont il-liġi tal-Unjoni.
2. Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jirrispettaw il-kunfidenzjalità kummerċjali tal-informazzjoni mogħtija lilhom.
Artikolu 40
Kooperazzjoni fl-allokazzjoni tal-kapaċità infrastrutturali fuq aktar minn network wieħed
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-maniġers tal-infrastruttura jikkooperaw biex jippermettu l-ħolqien u l-allokazzjoni effiċjenti tal-kapaċità tal-infrastruttura li taqsam aktar minn netwerk wieħed tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni, inkluż taħt ftehimiet qafas imsemmija fl-Artikolu 42. Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jistabbilixxu dawk il-proċeduri li huma xierqa, suġġett għar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva u għandhom jorganizzaw mogħdijiet tal-ferrovija li jaqsmu aktar minn netwerk wieħed kif jixraq.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rappreżentanti tal-maniġers tal-infrastruttura li d-deċiżjonijiet tal-allokazzjoni tagħhom għandhom impatt fuq maniġers tal-infrastruttura oħrajn jingħaqdu sabiex tiġi kkoordinata l-allokazzjoni ta', jew sabiex tiġi allokata l-kapaċità tal-infrastruttura kollha rilevanti fuq livell internazzjonali, mingħajr preġudizzju għar-regoli speċifiċi miġbura fil-liġi tal-Unjoni dwar in-netwerks orjentati lejn it-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija. Il-prinċipji u l-kriterji għall-allokazzjoni tal-kapaċità stabbiliti skont din il-kooperazzjoni għandhom jiġu ppubblikati mill-maniġers tal-infrastruttura fid-dikjarazzjoni tan-netwerk tagħhom b’konformità mal-paragrafu 3 tal-Anness IV. Rappreżentati xierqa ta' maniġers tal-infrastruttura minn pajjiżi terzi jistgħu jiġu assoċjati ma' dawn il-proċeduri.
2. Il-Kummissjoni għandha tiġi infurmata u mistiedna tattendi bħala osservatur għal-laqgħat prinċipali li fihom jiġu żviluppati prinċipji u prattiki komuni għall-allokazzjoni tal-infrastruttura. Il-korpi regolatorji għandhom jirċievu biżżejjed informazzjoni dwar l-iżvilupp ta' prinċipji u prattiki komuni għall-allokazzjoni ta' infrastruttura u minn sistemi ta' allokazzjoni bbażati fuq l-IT, biex ikunu jistgħu jaqdu d-dmirijiet tagħhom ta' superviżjoni regolatorja skont l-Artikolu 56.
3. F’kull laqgħa jew attività oħra li ssir biex tippermetti l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura għal servizzi ferrovjarji tat-transnetwerk, id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu biss mir-rappreżentanti tal-maniġers tal-infrastruttura.
4. Il-parteċipanti fil-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li s-sħubija li fiha l-metodi ta' tħaddim tagħha u l-kriterji kollha rilevanti użati biex tiġi vvalutata u allokata l-kapaċità tal-infrastruttura jsiru pubblikament disponibbli.
5. Waqt li jaħdmu b'kooperazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jivvalutaw il-ħtieġa għal mogħdijiet internazzjonali tal-ferrovija, u jistgħu meta meħtieġ jipproponuhom u jorganizzawhom, biex jiffaċilitaw it-tħaddim ta' ferroviji tal-merkanzija li huma suġġetti għal talba ad hoc kif imsemmi fl-Artikolu 48.
Dawn il-mogħdijiet internazzjonali tal-ferrovija rranġati minn qabel għandhom ikunu disponibbli għall-applikanti permezz tal-maniġers parteċipanti tal-infrastruttura.
Artikolu 41
Applikanti
1. It-talbiet għall-kapaċità tal-infrastruttura jistgħu jsiru minn applikanti. Sabiex tintuża tali kapaċità tal-infrastruttura, l-applikanti għandhom jaħtru impriża ferrovjarja biex tikkonkludi fethim mal-maniġer tal-infrastruttura skont l-Artikolu 28. Dan hu mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-applikanti li jikkonkludu ftehimiet mal-maniġers tal-infrastruttura taħt l-Artikolu 44(1).
2. Il-maniġer tal-infrastruttura jista' jistabbilixxi r-rekwiżiti fir-rigward tal-applikanti sabiex jiżgura li l-aspettattivi leġittimi tiegħu dwar id-dħul futur u l-użu tal-infrastruttura jiġu ssalvagwardjati. Dawn ir-rekwiżiti għandhom ikunu adegwati, trasparenti u nondiskriminatorji. Huma għandhom jiġu speċifikati fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk kif imsemmi fil-punt 3(b) tal-Anness IV. Huma jistgħu jinkludu biss il-forniment ta' garanzija finanzjarja li ma għandhiex tkun aktar mil-livell xieraq li għandu jkun proporzjonali għal-livell ikkontemplat tal-attività tal-applikant, u l-iżgurar tal-kapaċità li jiġu ppreparati offerti li jkunu konformi mal-kapaċità infrastrutturali.
3. Qabel 16 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu d-dettalji tal-kriterji li għandhom jiġu segwiti biex jiġi applikat il-paragrafu 2. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 62(3).
Artikolu 42
Ftehimiet ta’ qafas
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 101, 102 u 106 tat-TFUE, ftehim ta’ qafas jista’ jiġi konkluż bejn maniġer tal-infrastruttura u applikant. Dan il-ftehim ta’ qafas għandu jispeċifika l-karatteristiċi tal-kapaċità tal-infrastruttura meħtieġa minn applikant u offruta lilu tul perjodu ta' żmien li jaqbeż perjodu wieħed ta’ skeda tax-xogħol.
Il-ftehim ta’ qafas ma għandux jispeċifika mogħdija tal-ferrovija fid-dettall, imma għandu jkun tali li jilħaq il-ħtiġijiet leġittimi kummerċjali tal-applikant. Stat Membru jista' jitlob approvazzjoni minn qabel ta' dan il-ftehim ta’ qafas mill-korp regolatorju msemmi fl-Artikolu 55 ta' din id-Direttiva.
2. Ftehim ta’ qafas ma għandux ikun tali li jipprekludi l-użu tal-infrastruttura rilevanti minn applikanti jew servizzi oħrajn.
3. Ftehim ta’ qafas għandu jippermetti għall-emendar jew għal-limitazzjoni tat-termini tiegħu biex jippermetti li jsir użu aħjar tal-infrastruttura ferrovjarja.
4. Ftehim ta’ qafas jista' jiġbor fih penali jekk ikun meħtieġ li jiġi emendat jew itterminat.
5. Il-ftehimiet ta’ qafas għandhom, fil-prinċipju, jkopru perjodu ta’ ħames snin, li jistgħu jiġġeddu għal perjodi ugwali għat-tul ta’ żmien oriġinali tagħhom. Il-maniġer tal-infrastruttura jista’ jaqbel ma’ perjodi iqsar jew itwal f’każijiet speċifiċi. Kwalunkwe perjodu itwal minn ħames snin għandu jiġi ġġustifikat permezz tal-eżistenza ta’ kuntratti kummerċjali, ta’ investimenti speċjalizzati jew ta’ riskji.
6. Għal servizzi li jkunu qed jużaw infrastruttura speċjalizzata, imsemmija fl-Artikolu 49, li teħtieġ investiment sostanzjali u fit-tul, iġġustifikat b’mod dovut mill-applikant, il-ftehimiet ta’ qafas jistgħu jkunu ta’ perjodu ta’ 15-il sena. Kwalunkwe perjodu itwal minn 15-il sena għandu jkun permissibbli biss f’każijiet eċċezzjonali, b’mod partikolari fejn ikun hemm investiment kbir u fit-tul, u speċjalment fejn it-tali investiment ikun kopert minn impenji kuntrattwali inkluż pjan multiannwali ta’ ħlas ta’ dejn.
F'każijiet eċċezzjonali bħal dawn, il-ftehim ta' qafas jista' jistabbilixxi l-karatterstiċi dettaljati tal-kapaċità li għandhom ikunu provduti lill-applikant għat-tul tal-ftehim ta’ qafas. Dawk il-karatteristiċi jistgħu jinkludu l-frekwenza, il-volum u l-kwalità tal-mogħdijiet tal-ferroviji. Il-maniġer tal-infrastruttura jista’ jnaqqas kapaċità riżervata li, fuq perjodu ta’ mill-anqas xahar, tkun intużat anqas mill-kwota ta’ limitu msemmija fl-Artikolu 52.
Mill-1 ta’ Jannar 2010 ’il quddiem, ftehim ta’ qafas inizjali jista’ jitfassal għal perjodu ta’ ħames snin, li jista’ jiġġedded darba, abbażi tal-karatteristiċi tal-kapaċità użati mill-applikanti li jħaddmu servizzi qabel l-1 ta’ Jannar 2010, sabiex jitqiesu l-investimenti speċjalizzati jew tal-eżistenza ta’ kuntratti kummerċjali. Il-korp regolatorju msemmi fl-Artikolu 55 għandu jkun responsabbli sabiex jawtorizza d-dħul fis-seħħ tat-tali ftehim.
7. Filwaqt li tiġi rispettata l-kunfidenzjalità kummerċjali, in-natura ġenerali ta' kull ftehim ta’ qafas għandha tkun disponibbli għal kull parti interessata.
8. Abbażi tal-esperjenza ta' korpi regolatorji, awtoritajiet u impriżi ferrovjarji kompetenti, u abbażi tal-attivitajiet tan-netwerk imsemmi fl-Artikolu 57(1), il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri li jistabbilixxu d-dettalji tal-proċedura u l-kriterji li jridu jiġu segwiti għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 62(3).
Artikolu 43
Skeda għall-proċess tal-allokazzjoni
1. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jżomm mal-iskeda għall-allokazzjoni tal-kapaċità stabbilita fl-Anness VII.
2. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 60 rigward ċerti emendi għall-Anness VII. B'hekk, wara li jiġu kkonsultati l-maniġers tal-infrastruttura kollha, l-Anness VII jista' jiġi emendat biex jitqiesu kunsiderazzjonijiet operattivi tal-proċess ta' allokazzjoni. Dawk l-emendi għandhom ikunu bbażati fuq dak li hu meħtieġ fid-dawl tal-esperjenza sabiex ikun żgurat proċess ta' allokazzjoni effiċjenti u jkun rifless it-tħassib operattiv tal-maniġers tal-infrastruttura.
3. Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jaqblu mal-maniġers l-oħrajn tal-infrastruttura kkonċernati dwar liema mogħdijiet tal-ferroviji għandhom jiġu inklużi fl-iskeda tax-xogħol, qabel ma jibdew il-konsultazzjoni dwar l-abbozz tal-iskeda tax-xogħol. L-aġġustamenti għandhom isiru biss jekk ikunu assolutament meħtieġa.
Artikolu 44
Applikazzjonijiet
1. L-applikanti jistgħu japplikaw skont il-liġi pubblika jew privata għand il-maniġer tal-infrastruttura biex jitolbu ftehim li jiggarantixxi d-drittijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija permezz tal-ħlas ta’ imposta kif previst fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV.
2. Talbiet li jirrelataw mal-iskeda tax-xogħol regolari għandhom ikunu konformi mal-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Anness VII.
3. Applikant li huwa firmatarju fi ftehim ta’ qafas għandu japplika skont dak il-ftehim.
4. Għal mogħdijiet tal-ferrovja li jaqsmu aktar minn netwerk wieħed, il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jiżguraw illi l-applikanti jkunu jistgħu japplikaw f'punt ta' waqfa waħda li jkun jew korp konġunt stabbilit mill-maniġers tal-infrastruttura jew maniġer tal-infrastruttura wieħed involut fil-mogħdija tal-ferrovija. Dak il-maniġer tal-infrastruttura għandu jkollu l-permess jaġixxi f'isem l-applikant sabiex ifittex il-kapaċità ma' maniġers oħrajn rilevanti tal-infrastruttura. Dan ir-rekwiżit huwa mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta' Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta' merkanzija kompetittiv ( 5 ).
Artikolu 45
Skedar
1. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu, sa fejn possibbli, jissodisfa t-talbiet kollha għall-kapaċità tal-infrastruttura inklużi talbiet għall-mogħdijiet tal-ferroviji li jaqsmu aktar minn netwerk wieħed, u għandhom, se fejn possibbli, jieħdu kont tal-irbit kollu fuq l-applikanti, inkluż l-effett ekonomiku fuq in-negozju tagħhom.
2. Il-maniġer tal-infrastruttura jista' jagħti prijorità lil servizzi speċifiċi fil-proċess ta’ skedar u ta' koordinazzjoni, imma biss kif stabbilit fl-Artikoli 47 u 49.
3. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jikkonsulta lill-partijiet interessati dwar l-abbozz tal-iskeda tax-xogħol u jagħtihom għall-inqas xahar żmien biex jagħtu l-opinjonijiet tagħhom. Il-partijiet interessati għandhom jinkludu lil dawk kollha li jkunu talbu l-kapaċità tal-infrastruttura kif ukoll lill-partijiet l-oħrajn li jixtiequ jkollhom l-opportunità li jikkummentaw dwar kif l-iskeda tax-xogħol tista' taffettwalhom l-abbiltà li jipprokuraw servizzi ferrovjarji waqt il-perjodu tal-iskeda tax-xogħol.
4. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jieħu miżuri xierqa biex jitratta kull tħassib li jkun espress.
Artikolu 46
Proċess ta' koordinazzjoni
1. Matul il-proċess tal-iskedar imsemmi fl-Artikolu 45, fejn il-maniġer tal-infrastruttura jiltaqa' ma' kunflitti bejn talbiet differenti, għandu jipprova, permezz ta' koordinazzjoni tat-talbiet, jiżgura li r-rekwiżiti kollha jitqabblu flimkien bl-aħjar mod possibbli.
2. Fejn tinqala’ sitwazzjoni li teħtieġ il-koordinament, il-maniġer tal-infrastruttura għandu d-dritt, f'limiti raġonevoli, li jipproponi kapaċità tal-infrastruttura li tkun differenti minn dik mitluba.
3. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jipprova, permezz ta' konsultazzjonijiet mal-applikanti xierqa jsolvi kull kunflitt. Tali konsultazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-iżvelar tal-informazzjoni li ġejja fi żmien raġonevoli, mingħajr ħlas u bil-miktub jew f'forma elettronika:
(a) il-mogħdijiet tal-ferrovija mitluba mill-applikanti l-oħra kollha fuq l-istess rotot;
(b) il-mogħdijiet tal-ferrovija allokati fuq bażi preliminari lill-applikanti l-oħra kollha fuq l-istess rotot;
(c) il-mogħdijiet tal-ferrovija alternattivi proposti fuq ir-rotot rilevanti skont il-paragrafu 2;
(d) id-dettalji sħaħ tal-kriterji li qed jintużaw fil-proċess tal-allokazzjoni tal-kapaċità.
Skont l-Artikolu 39(2), dik l-informazzjoni għandha tingħata mingħajr ma tiġi żvelata l-identità tal-applikanti l-oħra, sakemm l-applikanti kkonċernati ma jkunux qablu ma' tali żvelar.
4. Il-prinċipji li jirregolaw il-proċess tal-koordinazzjoni għandhom jiġu stabbiliti fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk. Dawn għandhom, b’mod partikolari, jirriflettu d-diffikultà li jiġu rranġati mogħdijiet internazzjonali tal-ferroviji u l-effett li jista' jkollha l-modifika fuq maniġers oħrajn tal-infrastruttura.
5. Fejn it-talbiet għall-kapaċità tal-infrastruttura ma jistgħux jiġu sodisfatti mingħajr koordinazzjoni, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jipprova jakkomoda t-talbiet kollha permezz tal-koordinazzjoni.
6. Mingħajr preġudizzju għall-proċeduri ta' appell eżistenti u għall-Artikolu 56, fil-każ ta' tilwim dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura, għandha tkun disponibbli sistema għar-riżoluzzjoni tat-tilwim sabiex dan it-tilwim jiġi riżolt minnufih. Din is-sistema għandha tkun stipulata fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk. Jekk tiġi applikata din is-sistema, għandha tintlaħaq deċiżjoni fi żmien 10 ijiem tax-xogħol.
Artikolu 47
Infrastruttura kkonġestjonata
1. Meta, wara l-koordinazzjoni tal-mogħdijiet ferrovjarji mitluba u l-konsultazzjoni mal-applikanti, ma jkunx possibbli li jiġu sodisfatti t-talbiet għall-kapaċità tal-infrastruttura b'mod adegwat, il-maniġer tal-infrastruttura għandu minnufih jiddikara li dik it-taqsima tal-infrastruttura li seħħ dan fuqha hija kkonġestjonata. Dan għandu jsir ukoll għall-infrastruttura li hija mistennija li ssofri minn nuqqas ta’ kapaċità fil-futur qrib.
2. Fejn l-infrastruttura tkun ġiet iddikjarata kkonġestjonata, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jwettaq analiżi tal-kapaċità kif previst fl-Artikolu 50, sakemm ma jkunx diġà qed jiġi implimentat pjan għat-titjib tal-kapaċità kif previst fl-Artikolu 51.
3. Fejn l-imposti skont l-Artikolu 31(4) ma jkunux ġew iddebitati jew ma jkunux laħqu riżultat sodisfaċenti u l-infrastruttura tkun ġiet iddikjarata kkonġestjonata, il-maniġer tal-infrastruttura jista' wkoll juża kriterji ta' prijorità biex jalloka l-kapaċità tal-infrastruttura.
4. Il-kriterji ta' prijorità għandhom iqisu l-importanza ta' servizz għas-soċjetà, meta mqabbel ma’ kull servizz ieħor li konsegwentement ikun se jiġi eskluż.
Sabiex jiġi ggarantit l-iżvilupp ta' servizzi tat-trasport adegwati f’dan il-qafas, partikolarment biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-servizz pubbliku jew biex jiġi promoss l-iżvilupp nazzjonali u internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, l-Istati Membri jistgħu jieħdu kull miżura meħtieġa, b’kundizzjonijiet nondiskriminatorji, biex jiżguraw li dawn is-servizzi jingħataw prijorità meta tiġi allokata l-kapaċità tal-infrastruttura.
L-Istati Membri jistgħu, fejn huwa xieraq, jagħtu lill-maniġer tal-infrastruttura kumpens li jikkorrispondi għal kull telf tad-dħul relatat mal-ħtieġa li tiġi allokata kapaċità partikolari għal ċerti servizzi skont it-tieni subparagrafu.
Dawk il-miżuri u dak il-kumpens għandhom jinkludu il-qies tal-effett ta' din l-esklużjoni fi Stati Membri oħrajn.
5. L-importanza tas-servizzi tal-merkanzija, u b’mod partikolari tas-servizzi internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija, għandhom jitqiesu b’mod adegwat fid-determinazzjoni tal-kriterji ta' prijorità.
6. Il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-kriterji li għandhom jiġu użati meta l-infrastruttura tkun ikkonġestjonata għandhom jiġu stabbiliti fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk.
Artikolu 48
Talbiet ad hoc
1. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jirrispondi għal talbiet ad hoc għal mogħdijiet tal-ferroviji individwali mill-aktar fis possibbli, u f'kull każ, fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol. L-informazzjoni mogħtija dwar il-kapaċità żejda disponibbli għandha tkun disponibbli għall-applikanti kollha li jixtiequ jużaw din il-kapaċità.
2. Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom, fejn meħtieġ, iwettqu evalwazzjoni tal-bżonn tal-kapaċità ta’ riserva li tinżamm disponibbli fl-aħħar skeda tax-xogħol biex ikunu jistgħu jirrispondu malajr għal talbiet ad hoc prevedibbli għall-kapaċità. Dan għandu japplika wkoll f'każijiet ta' infrastruttura konġestjonata.
Artikolu 49
Infrastruttura speċjalizzata
1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-kapaċità tal-infrastruttura għandha titqies disponibbli għall-użu tat-tipi kollha ta’ servizzi li jikkonformaw mal-karatteristiċi meħtieġa għat-tħaddim fil-mogħdija tal-ferrovija.
2. Meta jkun hemm rotot alternattivi adegwati, il-maniġer tal-infrastruttura jista', wara li jikkonsulta lill-partijiet interessati, jindika infrastruttura partikolari għall-użu minn tipi speċifiċi tat-traffiku. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 101, 102 u 106 tat-TFUE, fejn isseħħ din it-tip ta’ identifikazzjoni, il-maniġer tal-infrastruttura jista' jagħti prijorità lil dan it-tip ta' traffiku fl-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastuttura.
Din l-identifikazzjoni ma għandhiex ma tħallix li jsir użu ta' din it-tip ta’ infrastruttura minn tipi oħrajn tat-traffiku meta l-kapaċità tkun disponibbli.
3. Fejn l-infrastruttura tkun ġiet indikata hekk kif imsemmi fil-paragrafu 2, dan għandu jiġi ddikjarat fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk.
Artikolu 50
Analiżi tal-kapċità
1. L-iskop tal-analiżi tal-kapaċità huwa li jiġu ddeterminati l-kostrizzjonijiet fuq il-kapaċità tal-infrastruttura li minħabba fihom it-talbiet għall-kapaċità ma jistgħux jiġu sodisfatti b'mod adegwat, u biex jigu proposti metodi biex talbiet addizzjonali jiġu sodisfatti. L-analiżi tal-kapaċità għandha tidentifika r-raġunijiet għall-konġestjoni u liema miżuri jistgħu jittieħdu fi żmien qasir u medju biex titnaqqas il-konġestjoni.
2. L-analiżi tal-kapaċità għandha tqis l-infrastruttura, il-proċeduri tat-tħaddim, in-natura tas-servizzi differenti li qed iħaddmu u l-effett ta' dawn il-fatturi kollha fuq il-kapaċità tal-infrastruttura. Il-miżuri li għandhom jitqiesu għandhom jinkludu b’mod partikolari s-servizzi ta’ tibdil fir-rotot, l-iskedar mill-ġdid tas-servizzi, it-tibdiliet tal-veloċità u t-titjib fl-infrastruttura.
3. Analiżi tal-kapaċità għandha titlesta fi żmien sitt xhur mill-identifikazzjoni tal-infrastruttura bħala waħda kkonġestjonata.
Artikolu 51
Pjan għat-titjib tal-kapaċità
1. Fi żmien sitt xhur mit-tlestija ta' analiżi tal-kapaċità, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jipproduċi pjan għat-titjib tal-kapaċità.
2. Il-pjan għat-tijib tal-kapaċità għandu jiġi żviluppat wara konsultazzjoni mal-utenti tal-infrastruttura kkonġestjonata rilevanti.
Għandu jidentifika:
(a) ir-raġunijiet għall-konġestjoni;
(b) l-iżvilupp tat-traffiku li probabbli jkun hemm fil-futur;
(c) ik-kostrizzjonijiet fuq l-iżvilipp tal-infrastruttura;
(d) l-għażliet u l-ispejjeż għat-titjib tal-kapaċità inklużi t-tibdiliet possibbli għall-imposti tal-aċċess.
Abbażi ta' analiżi tal-benefiċċji tal-ispejjeż tal-miżuri possibbli identifikati, għandu jiddetermina wkoll l-azzjoni li għandha tittieħed sabiex tittejjeb il-kapaċità tal-infrastruttura, inkluża skeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri.
Il-pjan jista' jkun suġġett għall-approvazzjoni minn qabel mill-Istat Membru.
3. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jieqaf milli jimponi kwalunkwe imposta għall-infrastruttura rilevanti skont l-Artikolu 31(4) f'każijiet meta:
(a) ma jipproduċix il-pjan għat-titjib tal-kapaċità; jew
(b) ma jagħmilx progress fl-azzjonijiet identifikati fil-pjan għat-titjib tal-kapaċità.
4. Minkejja l-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, il-maniġer tal-infrastruttura jista', suġġett għall-approvazzjoni tal-korp regolatorju msemmi fl-Artikolu 55 jibqa' jimponi dawk l-imposti jekk:
(a) il-pjan għat-titjib tal-kapaċità ma jistax jiġi realizzat għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tiegħu; jew
(b) l-għażliet disponibbli mhumiex ekonomikament jew finanzjarjament vijabbli.
Artikolu 52
Użu tal-mogħdijiet ferrovjarji
1. Fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jispeċifika l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom se jqis il-livelli preċedenti tal-użu tal-mogħdijiet tal-ferrovija fid-determinazzjoni tal-prijoritajiet għall-proċess tal-allokazzjoni.
2. Għall-infrastruttura kkonġestjonata b’mod partikolari, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jitlob li tiġi ċeduta mogħdija tal-ferrovija li, fi żmien ta' mill-inqas xahar, tkun intużat inqas minn kwota ta' limitu li għandha tiġi stipulata fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk, sakemm dan ma kienx dovut għal raġunijet mhux ekonomiċi lil hinn mill-kontroll tal-applikant.
Artikolu 53
Kapaċità tal-infrastuttura għal xogħol ta’ manutenzjoni
1. It-talbiet għall-kapaċità tal-infrastruttura sabiex ikun jista’ jsir xogħol ta’ manutenzjoni għandhom jiġu sottomessi waqt il-perjodu tal-iskedar.
2. Għandu jitqies b’mod adegwat mill-maniġer tal-infrastruttura l-effett tal-kapaċità tal-infrastruttura rriservata għax-xogħol ta’ manutenzjoni tal-binarji skedati fuq l-applikanti.
3. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jinforma, mill-ikar fis possibbli, lill-partijiet interessati dwar il-kapaċità tal-infrastruttura li ma tkunx disponibbli minħabba xogħol ta’ manutenzjoni mhux skedat.
Il-korp regolatorju jista' jitlob lill-maniġer tal-infrastruttura biex jagħmel din l-informazzjoni disponibbli għalih, jekk iqis li dan huwa neċessarju.
Artikolu 54
Miżuri speċjali li għandhom jittieħdu fil-każ ta' disturb
1. Fil-każ ta' tfixkil għall-movimenti tal-ferroviji kkawżat minn ħsarat tekniċi jew minn inċidenti, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa biex ireġġa' lura s-sitwazzjoni għan-normal. Għal dak l-iskop, għandu jfassal pjan ta' kontinġenza li jelenka l-korpi varji li għandhom jiġu infurmati fil-każ ta' inċidenti serji jew ta' disturbi serji għall-movimenti tal-ferroviji. F'każ ta' tfixkil li jkollu impatt potenzjali fuq it-traffiku transfruntier, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jikkondividi kwalunkwe informazzjoni rilevanti ma' maniġers oħra tal-infrastruttura li n-netwerk u t-traffiku tagħhom jistgħu jkunu affettwati minn dak it-tfixkil. Il-maniġers tal-infrastruttura kkonċernati għandhom jikkooperaw sabiex ireġġgħu lura t-traffiku transfruntier għan-normal.
2. F'emerġenza u, fejn ikun assolutament meħtieġ, minħabba ħsara li minħabba fiha l-infrastruttura ma tkunx tista’ tintuża b’mod temporanju, il-linji ferrovjarji allokati jistgħu jiġu rtirati mingħajr twissija għal kemm ikun meħtieġ biex tissewwa s-sistema.
Il-maniġer tal-infrastruttura jista', jekk iqis li dan huwa meħtieġ, jesiġi li l-impriżi ferrovjarji jagħmlulu disponibbli r-riżorsi li huwa jħoss li huma l-aktar xierqa biex is-sitwazzjoni tinġieb għan-normal mill-aktar fis possibbli.
3. L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-impriżi ferrovjarji jinvolvu rwieħhom fl-assigurazzjoni tal-infurzar u tal-monitoraġġ tal-konformità tagħhom stess mal-istandards u r-regoli tas-sikurezza.
TAQSIMA 4
Korp regolatorju
Artikolu 55
Korp regolatorju
1. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi korp regolatorju nazzjonali wieħed għas-settur ferrovjarju. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, dan il-korp għandu jkun awtorità indipendenti li, f'termini organizzattivi, funzjonali, ġerarkiċi u ta' teħid ta' deċiżjoni, hija legalment distinta u indipendenti minn kull entità pubblika jew privata oħra. Il-korp għandu jkun ukoll indipendenti fl-organizzazzjoni tiegħu, fid-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-finanzjament, fl-istruttura legali u fit-teħid tad-deċiżjonijiet minn kull maniġer, korp tat-tqegħid tal-imposti, korp tal-allokazzjoni jew minn kull applikant. Barra minn hekk, għandu jkun indipendenti funzjonalment minn kwalunkwe awtorità kompetenti involuta fl-għotja ta' kuntratt ta’ servizz pubbliku.
2. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu korpi regolatorji li jkunu komptetenti għal diversi taqsimiet regolati, jekk dawn l-awtoritajiet regolatorji integrati jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ indipendenza stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Il- korp regolatorju għas-settur ferrovjarju jista' wkoll jingħaqad f'termini organizzattivi mal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat ( 6 ), l-awtorità tas-sigurtà stabbilita skont id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità ( 7 ) jew l-awtorità tal-liċenzjar imsemmija fil-Kapitolu III ta' din id-Direttiva, jekk il-korp konġunt jissodisfa r-rekwiżiti ta' indipendenza stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp regolatorju jkollu l-persunal u jiġi amministrat b'tali mod li tkun iggarantita l-indipendenza tiegħu. Huma għandhom, b'mod partikolari, jiżguraw li l-persuni inkarigati mid-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu mill-korp regolatorju skont l-Artikolu 56, bħall-membri tal-bord eżekuttiv tiegħu, fejn rilevanti, jinħatru, skont regoli ċari u trasparenti li jiggarantixxu l-indipendenza tagħhom, mill-kabinett nazzjonali jew mill-kunsill tal-ministri jew minn kwalunkwe awtorità pubblika li ma teżerċitax direttament drittijiet ta' sieda fuq impriżi regolati.
L-Istati Membri għandhom jideċiedu jekk dawn il-persuni jinħatrux għal terminu ta’ żmien fiss jew rinnovabbli, jew fuq bażi permanenti li tippermetti tneħħija biss għal raġunijiet dixxiplinarji mhux marbuta mat-teħid ta’ deċiżjoni tagħhom. Huma għandhom jintgħażlu fi proċedura trasparenti fuq il-bażi tal-mertu tagħhom, inkluż kompetenza xierqa u esperjenza relevanti, preferibbilment fil-qasam tal-ferroviji jew industriji oħra tan-netwerk.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il persuni jaġixxu b'mod indipendenti minn kwalunkwe interess tas-suq relatat mas-settur ferrovjarju, u għaldaqstant ma għandu jkollhom l-ebda relazzjoni ta’ interess jew kummerċjali ma' kwalunkwe impriża jew entità regolata. Għal dan l-iskop, dawn il-persuni għandhom jagħmlu, kull sena, dikjarazzjoni ta’ impenn u dikjarazzjoni ta’ interessi, fejn jindikaw kull interess dirett jew indirett li jista’ jiġi kkunsidrat ta’ preġudizzju għall-indipendenza tagħhom u lijista' jinfluwenzahom fil-qadi ta’ kwalunkwe funzjoni tagħhom. Dawn il-persuni għandhom jirtiraw mit-teħid ta’ deċiżjoni f’każijiet li jikkonċernaw impriża li magħha kellhom xi rabta diretta jew indiretta matul is-sena qabel it-tnedija ta’ proċedura.
Huma m’għandhomx ifittxu jew jieħdu struzzjonijiet minn ebda gvern jew entità pubblika jew privata oħra meta jwettqu l-funzjonijiet tal-korp regolatorju, u jkollhom awtorità sħiħa fuq ir-reklutaġġ u l-immaniġġjar tal-persunal tal-korp regolatorju.
Wara t-terminu ta’ żmien tagħhom fil-korp regolatorju, ma għandhom ikollhom ebda pożizzjoni professjonali jew responsabilità ma' ebda waħda mill-impriżi jew entitajiet regolati għal perjodu ta’ mhux inqas minn sena.
Artikolu 56
Funzjonijiet tal-korp regolatorju
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 46(6), applikant għandu jkollu d-dritt li jappella lill-korp regolatorju jekk jemmen li ma ġiex ittrattat b'mod ekwu, saret diskriminazzjoni kontrih jew saritlu offża bi kwalunkwe mod ieħor, u b’mod partikolari kontra deċiżjonijiet adottati mill-maniġer tal-infrastruttura jew fejn hu xieraq, mill-impriża ferrovjarja jew mill-operatur ta’ faċilita tas-servizz dwar:
(a) id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk fil-verżjonijiet proviżorji u finali tagħha;
(b) il-kriterji stabbiliti fiha;
(c) il-proċess tal-allokazzjoni u r-riżultat tiegħu;
(d) l-iskema tat-tqegħid tal-imposti;
(e) il-livell jew l-istruttura tal-imposti infrastrutturali li hu meħtieġ iħallas jew li jista' jkun meħtieġ iħallas;
(f) l-arranġamenti għall-aċċess skont l-Artikoli 10 sa 13;
(g) l-aċċess u t-tqegħid ta' imposti għas-servizzi skont l-Artikolu 13;
(h) immaniġġjar tat-traffiku;
(i) ippjanar tat-tiġdid u manutenzjoni skedata jew mhux skedata;
(j) konformità mar-rekwiżiti, inklużi dawk dwar konflitti ta' interess, stabbiliti fl-Artikolu 2(13) u l-Artikoli 7, 7a, 7b, 7c, u 7d.
2. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jiżguraw il-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji, il-korp regolatorju għandu jkollu s-setgħa li jissorvelja s-sitwazzjoni kompetittiva fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji, inkluż b'mod partikolari s-suq għal servizzi għall-passiġġieri b'veloċità għolja, u l-attivitajiet tal-maniġers tal-infrastruttura fir-rigward tal-punti (a) sa (j) tal-paragrafu 1. B'mod partikolari, il-korp regolatorju għandu jivverifika li hemm konformità mal-punti (a) sa (j) tal-paragrafu 1 fuq l-inizjattiva tiegħu stess u bil-ħsieb li jevita d-diskriminazzjoni kontra l-applikanti. Għandu, b'mod partikolari, jiċċekkja jekk id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk fihiex klawżoli diskriminatorji jew jekk toħloqx setgħat diskrezzjonali għall-maniġer tal-infrastruttura li jistgħu jintużaw biex issir diskriminazzjoni kontra l-applikanti.
3. Il-korp regolatorju għandu wkoll jikkoopera mill-qrib mal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza skont it-tifsira tad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità ( 8 ), u l-awtorità tal-ħruġ tal-liċenzji skont it-tifsira ta' din id-Direttiva.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn l-awtoritajiet b’mod konġunt jiżviluppaw qafas għall-qsim tat-tagħrif u għall-kooperazzjoni bil-ħsieb li jiġu evitati effetti ħżiena fuq il-kompetizzjoni jew is-sikurezza fis-suq ferrovjarju. Dan il-qafas għandu jinkludi mekkaniżmu biex il-korp regolatorju jipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza u tal-ħruġ tal-liċenzji rakkomandazzjonijiet dwar kwestjonijiet li jistgħu jolqtu l-kompetizzjoni fis-suq ferrovjarju u biex l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tipprovdi lill-korp regolatorju u lill-awtorità tal-ħruġ tal-liċenzji rakkomandazzjonijiet dwar kwestjonijiet li jistgħu jolqtu s-sikurezza. Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ta’ kull awtorità fi ħdan il-qasam tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, l-awtorità relevanti għandha teżamina kull rakkomandazzjoni bħal din qabel ma tadotta d-deċiżjonijiet tagħħa. Jekk l-awtorità relevanti tiddeċiedi li tiddevja minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet, hija għandha tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.
4. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-korp regolatorju jingħata l-kompitu li jadotta opinjonijiet mhux vinkolanti dwar il-verżjonijiet proviżorji tal-pjan kummerċjali msemmi fl-Artikolu 8(3), il-ftehim kuntrattwali u l-pjan għat-titjib tal-kapaċità biex jiġi indikat b'mod partikolari jekk dawn l-istrumenti humiex konsistenti mas-sitwazzjoni kompetittiva fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji.
5. Il-korp regolatorju għandu jkollu l-kapaċità organizzattiva meħtieġa f’dawk li huma riżorsi umani u materjali, li għandha tkun proporzjonata skont l-importanza tas-settur ferrovjarju fl-Istat Membru.
6. Il-korp regolatorju għandu jiżgura li l-imposti stabbiliti mill-maniġer tal-infrastruttura jikkonformaw mat-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV u li dawn huma nondiskriminatorji. In-negozjati bejn l-applikanti u l-maniġer tal-infrastruttura dwar il-livell tal-imposti infrastrutturali għandhom jiġu permessi biss jekk dawn isiru taħt is-superviżjoni tal-korp regolatorju. Il-korp regolatorju għandu jintervjeni jekk in-negozjati potenzjalment jiksrux r-rekwiżiti ta' dan il-Kapitolu.
7. Il-korp regolatorju għandu, regolarment, u, fi kwalunkwe każ, mhux inqas minn kull sentejn, jikkonsulta r-rappreżentanti tal-utenti tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u tal-passiġġieri, biex iqisu l-fehmiet tagħhom dwar is-suq ferrovjarju.
8. Il-korp regolatorju għandu jkollu s-setgħa jitlob l-informazzjoni rilevanti mingħand il-maniġer tal-infrastruttura, l-applikanti u kull parti terza fl-Istat Membru kkonċernat.
L-informazzjoni mitluba għandha tingħata fi żmien perjodu stabbilit mill-korp regolatorju li m’għandux jaqbeż tul ta’ xahar, ħlief jekk, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-korp regolatorju jaqbel fuq estenzjoni tal-limitu ta’ żmien li ma għandiex taqbeż xahrejn addizzjonali u jawtorizza tali awtorizzazzjoni. Il-bord regolatorju għandu jkun jista’ jinforza talbiet bħal dawn bil-pieni xierqa, inkluż permezz tal-multi. L-informazzjoni li għandha tingħata lill-korp regolatorju tinkludi d-data kollha li l-korp regolatorju jkun jeħtieġ fil-qafas tal-funzjoni tiegħu ta' appell u tal-funzjoni tiegħu tal-monitoraġġ tal-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji skont il-paragrafu 2. Din tinkludi data li hija meħtieġa għall-iskopijiet ta' statistika u ta' osservazzjoni tas-suq.
9. Il-korp regolatorju għandu jikkunsidra kull ilment u, kif jixraq, għandu jitlob tagħrif relevanti u jagħti bidu għal konsultazzjonijiet mal-partijiet relevanti kollha, fi żmien xahar minn meta jkun irċieva l-ilment. Huwa għandu jiddeċiedi fuq kull ilment u jieħu azzjoni biex jirrimedja s-sitwazzjoni u jgħarraf lill-partijiet relevanti bid-deċiżjoni motivata tiegħu fi żmien determinat minn qabel, raġonevoli u, fi kwalunkwe każ, fi żmien 6 ġimgħat minn meta jirċievi l-informazzjoni kollha. Mingħajr preġudizzju għall-poteri tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali għall-iżgurar tal-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizz ferrovjarju, il-korp regolatorju għandu, fejn xieraq, jiddeċiedi fuq l-inizjattiva tiegħu stess dwar miżuri xierqa biex jitranġaw il-każijiet ta' diskriminazzjoni kontra l-applikanti, id-distorsjonijiet tas-suq u kwalunkwe żvilupp ieħor mhux mixtieq f'dawn is-swieq, b'mod partikolari b'referenza għall-punti (a) sa (j) tal-paragrafu 1.
Deċiżjoni tal-korp regolatorju għandha tkun torbot lill-partijiet kollha koperti minn dik id-deċiżjoni, u ma għandhiex tkun suġġetta għall-kontroll ta’ istanza amminstrattiva oħra. Il-bord regolatorju għandu jkun jista’ jinforza d-deċiżjonijiet tiegħu bil-pieni xierqa, inkluż permezz tal-multi.
Fil-każ ta' appell kontra rifjut li tingħata l-kapaċità tal-infrastruttura, jew kontra t-termini ta' offerta għall-kapaċità, il-korp regolatorju għandu jew jikkonferma li ebda emenda tad-deċiżjoni tal-maniġer tal-infrastruttura ma hi meħtieġa, jew jesiġi li dik id-deċiżjoni tkun emendata skont id-direzzjonijiet speċifikati minnu stess.
10. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjonijiet meħuda mill-korp regolatorju jkunu suġġetti għal analiżi ġudizzjarja. L-appell jista’ jkollu effett ta’ sospensjoni fuq id-deċiżjoni tal-korp regolatorju biss meta d-dħul fis-seħħ immedjat tad-deċiżjoni tal-korp regolatorju jista’ jikkawża danni irreparabbli jew evidentement eċċessivi għal min ikun qed jappella. Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-qorti li tkun qed tisma’ l-appell kif mogħti lilha mil-liġi kostituzzjonali applikabbli.
11. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-korp regolatorju jiġu ppubblikati.
12. Sabiex tiġi vverifikata l-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar is-separazzjoni tal-kontijiet stipulati fl-Artikolu 6 u d-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza finanzjarja stipulati fl-Artikolu 7d, il-korp regolatorju għandu jkollu s-setgħa li jwettaq verifiki jew li jibda verifiki esterni mal-maniġers tal-infrastruttura, l-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz u, fejn rilevanti, mal-impriżi ferrovjarji. Fil-każ ta' impriżi integrati vertikalment, dawk is-setgħat għandhom ikunu estiżi għall-entitajiet legali kollha. Il-korp regolatorju għandu jkun intitolat jitlob kwalunkwe informazzjoni rilevanti. B'mod partikolari l-korp regolatorju għandu jkollu s-setgħa li jitlob lill-maniġer tal-infrastruttura, lill-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz u l-impriżi jew entitajiet oħra kollha li jwettqu jew jintegraw tipi differenti ta' trasport ferrovjarju jew immaniġġjar tal-infrastruttura kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) u (2) u l-Artikolu 13 biex jagħtu l-informazzjoni ta' verifika sħiħa jew parti minnha kif elenkat fl-Anness VIII b'livell suffiċjenti ta' dettall kif meqjus meħtieġ u proporzjonat.
Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għal kwistjonijiet marbuta mal-għajnuna mill-Istat, il-korp regolatorju jista' wkoll joħroġ konklużjonijiet mill-kontijiet rigward kwistjonijiet ta' għajnuna mill-Istat li għandu jirrapporta lil dawk l-awtoritajiet.
Il-flussi finanzjarji msemmija fl-Artikolu 7d(1), is-self imsemmi fl-Artikolu 7d(4) u (5), u d-dejn imsemmi fl-Artikolu 7d(7) għandhom ikunu soġġetti għall-monitoraġġ mill-korp regolatorju.
Fejn Stat Membru jkun innomina lill-korp regolatorju bħala l-korp kompetenti indipendenti msemmi fl-Artikolu 7c(4), il-korp regolatorju għandu jevalwa l-ftehimiet ta' kooperazzjoni msemmija f'dak l-Artikolu.
13. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 60 rigward ċerti emendi għall-Anness VIII. B'hekk l-Anness VIII jista' jiġi emendat biex jiġi adattat għall-evoluzzjoni tal-prattika ta' kontabbiltà u kontroll u/jew biex jiġi supplementat b'elementi addizzjonali meħtieġa biex tiġi verifikata s-separazzjoni tal-kontijiet.
Artikolu 57
Kooperazzjoni bejn il-korpi regolatorji
1. Il-korpi regolatorji għandhom jiskambjaw l-informazzjoni dwar xogħolhom u l-prinċipji u l-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom u, b’mod partikolari, jiskambjaw informazzjoni dwar il-kwestjonijiet prinċipali tal-proċeduri u l-problemi ta’ interpretazzjoni tagħhom tal-liġi dwar il-ferroviji tal-Unjoni trasposta. Huma għandhom jikkooperaw xort’oħra għall-iskop tal-koordinazzjoni tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom mal-Unjoni kollha. Għal dan il-għan, għandhom jipparteċipaw u jaħdmu flimkien f’netwerk li jiltaqa’ f’intervalli regolari. Il-Kummissjoni għandha tkun membru, tikkoordina u tappoġġja l-ħidma tan-netwerk u tagħmel rakkomandazzjonijiet lin-netwerk, skont kif jixraq. Hija għandha tiżgura kooperazzjoni attiva tal-korpi regolatorji xierqa.
Suġġett għar-regoli dwar il-protezzjoni tas-dejta stipulati fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data ( 9 ) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data ( 10 ), il-Kummissjoni għandha tappoġġa l-iskambju ta' informazzjoni msemmi hawn fuq, fost il-membri tan-netwerk, possibiliment permezz ta' għodod elettroniċi, bir-rispett tal-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali fornuti mill-impriżi rilevanti.
2. Il-korpi regolatorji għandhom jikkooperaw mill-qrib, inkluż permezz ta' arranġamenti ta' xogħol, għall-iskopijiet ta' assistenza reċiproka fl-inkarigi tagħhom ta' monitoraġġ tas-suq u sabiex jittrattaw l-ilmenti jew l-investigazzjonijiet.
3. Fil-każ ta’ lment jew investigazzjoni fuq l-inizjattiva tiegħu stess dwar kwistjonijiet ta’ aċċess jew ta’ tqegħid ta’ imposti relatat ma’ mogħdija internazzjonali tal-ferrovija, kif ukoll fil-qafas tal-monitoraġġ tal-kompetizzjoni fis-suq relatata mas-servizzi tat-trasport ferrovjarju internazzjonali, il-korp regolatorju kkonċernat għandu jikkonsulta l-korpi regolatorji tal-Istati Membri l-oħra kollha li minnhom tgħaddi l-mogħdija ferrovjarja internazzjonali u, fejn ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha titlob l-informazzjoni kollha meħtieġa mingħandhom qabel ma tittieħed id-deċiżjoni.
3a. Meta kwistjonijiet li jikkonċernaw servizz internazzjonali jeħtieġu deċiżjonijiet ta' żewġ korpi regolatorji jew aktar, il-korpi regolatorji kkonċernati għandhom jikkooperaw fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet rispettivi tagħhom sabiex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni. Għal dak l-għan, il-korpi regolatorji kkonċernati għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 56.
4. Il-korpi regolatorji kkonsultati skont il-paragrafu 3 għandhom jagħtu l-informazzjoni kollha li huma nnifishom ikollhom id-dritt li jitolbu skont il-liġi nazzjonali tagħhom. Din l-informazzjoni tista’ tintuża biss biex jiġu ttrattati l-ilment jew l-investigazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.
5. Il-korp regolatorju li qed jirċievi l-ilment jew li jkun qed imexxi l-investigazzjoni fuq l-inizjattiva tiegħu stess għandu jittrasferixxi l-informazzjoni rilevanti lill-korp regolatorju responsabbli biex dak il-korp ikun jista’ jieħu l-miżuri fir-rigward il-partijiet konċernati.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull rappreżentant assoċjat ieħor tal-maniġers tal-infrastruttura, kif imsemmi fl-Artikolu 40(1) jagħti, mingħajr dewmien, l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġu ttrattati l-ilment jew l-investigazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u mitluba mill-korp regolatorju tal-Istat Membru li fih jinsab ir-rappreżentant assoċjat. Dak il-korp regolatorju għandu jkun intitolat jittrasferixxi informazzjoni bħal din dwar il-mogħdija ferrovjarja internazzjonali kkonċernata lill-korpi regolatorji msemmija fil-paragrafu 3.
7. Fuq talba ta’ korp regolatorju, il-Kummissjoni tista’ tipparteċipa fl-attivitajiet elenkati fil-paragrafi 2 sa 6 għall-fini li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni tal-korpi regolatorji kif hemm spjegat fil-qosor f’dawk il-paragrafi.
8. Il-korpi regolatorji għandhom jiżviluppaw prinċipji u prattika komuni għat-teħid tad-deċiżjonijiet li huma għandhom is-setgħa jieħdu skont din id-Direttiva. Prinċipji u prattiki komuni bħal dawn għandhom jinkludu arranġamenti għar-riżoluzzjoni ta' tilwim li jinqala' fl-ambitu tal-paragrafu 3a. Abbażi tal-esperjenza tal-korpi regolatorji u tal-attivitajiet tan-netwerk kif imsemmi fil-paragrafu 1, u, jekk meħtieġ, tiġi żgurata kooperazzjoni effiċjenti tal-korpi regolatorji, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw prinċipji u prattiki komuni bħal dawn. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 62(3).
9. Il-korpi regolatorji għandhom janalizzaw id-deċiżjonijiet u l-prattiki tal-assoċjazzjonijiet tal-maniġers tal-infrastruttura kif imsemmi fl-Artikolu 37 u l-Artikolu 40(1) li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jew li jiffaċilitaw it-trasport ferrovjarju nazzjonali b’mod ieħor.
10. Għal deċiżjonijiet li jikkonċernaw infrastruttura binazzjonali, iż-żewġ Stati Membri kkonċernati jistgħu fi kwalunkwe mument wara l-24 ta' Diċembru 2016 jaqblu li jesiġu koordinazzjoni bejn il-korpi regolatorji kkonċernati sabiex jallinjaw l-impatt tad-deċiżjonijiet tagħhom.
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 58
Regoli dwar l-akkwist pubbliku
Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva se jkunu mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali ( 11 ).
Artikolu 59
Derogi
1. Sal-15 ta' Marzu 2013, l-Irlanda, bħala Stat Membru li jinsab fuq gżira, b'konnessjoni ferrovjarja ma' Stat Membru ieħor wieħed biss, u r-Renju Unit, fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq, fuq l-istess bażi:
(a) ma għandhomx għalfejn jafdaw f’idejn korp indipendenti l-funzjonijiet li jiddeterminaw aċċess ekwu u nondiskriminatorju għall-infrastruttura, kif stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) sa fejn dak l-Artikolu jobbliga lill-Istati Membri biex jistabbilixxu korpi indipendenti li jwettqu l-ħidmiet li għalihom issir referenza fl-Artikolu 7(2);
(b) ma għandhomx għalfejn japplikaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 27, l-Artikolu 29(2), l-Artikoli 38, 39 u 42, l-Artikolu 46(4), l-Artikolu 46(6), l-Artikolu 47, l-Artikolu 49(3), l-Artikoli 50 sa 53, l-Artikolu 55 u l-Artikolu 56 bil-kundizzjoni li d-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura jew dwar it-tqegħid tal-imposti jkunu jistgħu jiġu appellati, jekk dan jintalab bil-miktub minn impriża ferrovjarja, quddiem korp indipendenti li għandu jieħu deċiżjoni fi żmien xahrejn mis-sottomissjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha u li d-deċiżjoni tiegħu għandha tkun suġġetta għal analiżi ġudizzjarja.
2. Meta aktar minn impriża ferrovjarja waħda jkunu liċenzjati skont l-Artikolu 17 jew, fil-każ tal-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq, kumpanija ferrovjarja hekk liċenzjata band'oħra tissottometti applikazzjoni uffiċjali biex tħaddem servizzi ferrovjarji kompetituri, għal jew mill-Irlanda jew l-Irlanda ta' Fuq, l-applikabbiltà kontinwa ta' din id-deroga għandha tiġi deċiża skont il-proċedura konsultattiva msemmiija fl-Artikolu 62(2).
Id-derogi msemmija fil-paragrafu 1 m'għandhomx japplikaw fejn impriża ferrovjarja li tħaddem servizzi ferrovjarji fl-Irlanda jew l-Irlanda ta' Fuq tissottometti applikazzjoni uffiċjali biex tħaddem servizzi ferrovjarji, fit-territorju, lejn it-territorju jew mit-territorju ta' Stat Membru ieħor bl-eċċezzjonijiet tal-Irlanda għal impriżi ferrovjarji li jaħdmu fl-Irlanda ta’ Fuq u tar-Renju Unit għal impriżi ferrovjarji li jaħdmu fl-Irlanda.
Fi żmien sena minn meta jirċievu jew id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jew in-notifika tal-applikazzjoni uffiċjali msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Istat Membru kkonċernat jew l-Istati Membri kkonċernati (l-Irlanda jew ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq), għandhom jagħmlu leġiżlazzjoni biex jimplimentaw l-Artikoli msemmija fil-paragrafu 1.
3. Id-deroga msemmija fil-paragrafu 1 tista' tiġġedded għal perjodi mhux itwal minn ħames snin. Mhux iktar tard minn 12-il xahar qabel id-data tal-iskadenza tad-deroga, Stat Membru li jagħmel użu minn dik id-deroga jista' jindirizza talba lill-Kummissjoni għal deroga mġedda. Kull talba bħal din għandha tiġi ġustifikata. Il-Kummissjoni għandha teżamina din it-talba u tadotta deċiżjoni skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 62(2). Dik il-proċedura għandha tapplika għal kull deċiżjoni relatata mat-talba.
Fl-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha l-Kummissjoni għandha tqis kull żvilupp fis-sitwazzjoni ġeopolitika u l-iżvilupp tas-suq ferrovjarju fi Stat Membru, minn Stat Membru u lejn Stat Membru li jkun talab id-deroga mġedda.
Artikolu 60
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa għall-adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati msemmija fl-Artikolu 20(5), l-Artikolu 35(3), l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 56(13) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin minn 15 ta' Diċembru 2012. Il-Kummissoni għandha tfassal rapport dwar id-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perjodi ta' tul identiku, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.
3. Il-delega ta' setgħat imsemmija fl-Artikolu 20(5), l-Artikolu 35(3), l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 56(13) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ġġib fi tmiemha d-delega tas-setgħa speċifikata f'din id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data ulterjuri stipulata fih. Din m'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.
4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 20(5), l-Artikolu 35(3), l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 56(13) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 61
Miżuri ta’ applikazzjoni
Fuq it-talba ta’ Stat Membru, ta' korp regolatorju jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni għandha teżamina miżuri speċifiċi adottati mill-awtoritajiet nazzjonali b'rabta mal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, rigward il-kundizzjonijiet ta' aċċess għall-infrastruttura u s-servizzi ferrovjarji, il-liċenzjar tal-impriżi ferrovjarji, it-tqegħid ta' imposti għall-infrastruttura u l-allokazzjoni tal-kapaċità fi żmien 12-il xahar mill-adozzjoni ta' dawk il-miżuri. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 62(2) jekk il-miżura relatata tistax tibqa’ tiġi applikata fi żmien erba' xhur minn meta tirċievi din it-talba.
Artikolu 62
Proċedura tal-kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Meta l-kumitat ma jagħti ebda opinjoni dwar abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat skont l-Artikolu 10(4), l-Artikolu 11(4), l-Artikolu 12(5), l-Artikolu 13(9), l-Artikolu 17(5), l-Artikolu 31(3) u (5), l-Artikolu 32(4) u l-Artikolu 57(8), il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni, u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 għandu japplika.
Artikolu 63
Rapport
1. Sal-31 ta' Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-impatt ta' din id-Direttiva fuq is-settur ferrovjarju, u għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha.
B'mod partikolari, ir-rapport għandu jevalwa l-iżvilupp tas-servizzi ferrovjarji ta' veloċità għolja u jevalwa l-eżistenza ta' prattiki diskriminatorji fir-rigward tal-aċċess għal linji ta' veloċità għolja. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk huwiex meħtieġ li tippreżenta proposti leġiżlattivi.
Sal-istess data, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk jippersistux prattiki diskriminatorji jew tipi oħra ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-maniġers tal-infrastruttura li huma parti minn impriża integrata vertikalment. Il-Kummissjoni għandha, jekk adatta, tippreżenta proposti leġiżlattivi.
2. Fid-dawl tal-esperjenza miksuba permezz tan-netwerk tal-korpi regolatorji, il-Kummissjoni għandha sa 16 ta' Diċembru 2014 tressaq lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport dwar il-kooperazzjoni bejn il-korpi regolatorji. Il-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, tipproponi miżuri komplementari biex tiżgura superviżjoni regolatorja integrata tas-suq ferrovjarju Ewropew, partikolarment għal servizzi internazzjonali. Għal dak il-għan, għandhom jitqiesu wkoll il-miżuri leġiżlattivi jekk ikun il-każ.
Artikolu 64
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, inkluż fir-rigward tal-konformità minn impriżi, operaturi, applikanti, awtoritajiet u entitajiet oħra kkonċernati sa 16 ta’ Ġunju 2015. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, it-tali dispożizzjonijiet għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Għandhom ukoll jinkludu dikjarazzjoni li r-referenzi fil-liġijiet, fir-regolamenti u fid-dispożizzjonijeit amministrattivi eżistenti għad-Direttivi mħassra minn din id-Direttiva għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir it-tali referenza u kif għandha titfassal it-tali dikjarazzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
L-obbligi tat-traspożizzjoni u tal-implimentazzjoni tal-Kapitolu II u IV ta’ din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għal Ċipru u għal Malta sakemm l-ebda sistema ferrovjarja ma tiġi stabbilita fit-territorju tagħhom.
Artikolu 65
Tħassir
Id-Direttivi 91/440/KEE, 95/18/KE u 2001/14/KE, kif emendati bid-Direttivi elenkati fil-Parti A tal-Anness IX ►C1 huma mħassra b'effett mis-17 ta' Ġunju 2015, ◄ mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni tad-Direttivi stabbiliti fil-Parti B tal-Anness IX fil-liġi nazzjonali.
Referenzi għad-Direttivi mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni mogħtija fl-Anness X.
Artikolu 66
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 67
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
ANNESS I
LISTA TA’ ELEMENTI TAL-INFRASTRUTTURA FERROVJARJA
L-infrastruttura ferrovjarja tikkonsisti fl-affarijiet segwenti, sakemm dawn jiffurmaw parti mil-linja permanenti, li tinkludi l-binarji ż-żgħar tal-ġenb, iżda teskludi l-linji li qegħdin fil-postijiet fejn jissewwew il-magni tal-ferrovija, fl-imħażen jew fl-imħażen lokomottivi, u branki ta' linji u binarji żgħar privati:
— Żona terrana,
— Il-linja tal-ferrovija u l-istruttura nnifisha, b'mod partikulari, l-imbankamenti, it-taħfir fl-art, il-kanali u fossi tad-drenaġġ, il-kanali ta' taħt il-ferrovija, il-ħitan li jgħattu dawn l-istrutturi, l-impjant ta' rampi fil-ġenb għall-protezzjoni, eċċ.; pjattaformi għall-passiġġieri u għall-merkanzija inkluż fi stazzjonijiet tal-passiġġieri u terminals tal-merkanzija; bankini u mogħdijiet tal-mixi; il-ħitan li jservu għall-għeluq, sisien, ċnut; strippi ta' protezzjoni min-nar; l-apparat li jintuża' fil-postijiet ta' sħana; fejn il-linji tal-ferroviji jaqsmu ma' xulxin, eċċ.; paraventi ta' protezzjoni mill-borra,
— Strutturi tal-inġinerija: ponti, kanali li jaqsmu minn taħt il-ferroviji u mogħdijiet li jgħaddu minn fuq, mini, taħfir tal-art mgħotti u mogħdijiet oħra li jgħaddu minn taħt; ħitan li jservu għall-appoġġ, u strutturi għall-protezzjoni kontra l-valangi u l-ġebel li jaqa', eċċ.,
— Postijiet fejn il-linji tal-ferroviji jaqsmu ma' xulxin li jkunu fuq livell wieħed, li jinkludi l-apparat li jiżgura s-sikurezza fit-traffiku tat-triq,
— Is-soprastruttura, b’mod partikolari: linji, linji spirali u ta’ kontroll; travi ta' taħt il-linji u dawk li jżommu l-istruttura lonġitudinali, strutturi żgħar għall-mogħdija permanenti, saborra li tinkludi ż-żrar u r-ramel; punti, postijiet fejn il-linji tal-ferroviji jaqsmu ma' xulxin, eċċ.; l-istrutturi li jiddirezzjonaw il-linji u li jittraversaw (barra minn dawk li huma riservati esklussivament għal-lokomottivi),
— Mezzi ta' aċċess għall-passiġġieri u l-merkanzija, inkluż l-aċċess bit-triq u l-aċċess għal passiġġieri li jaslu jew jitilqu bil-mixi,
— Stallazzjonijiet ta’ sigurtà, senjalar u telekomunikazzjoni fil-linji tal-ferrovija miftuħa, fl-istazzjonijiet u fil-wesgħa tal-ferroviji tal-merkanzija, inkluż l-impjant għall-ġenerazzjoni, it-trasformazzjoni u d-distribuzzjoni tal-kurrent tal-elettriku sabiex isiru s-senjalazzjonijiet u t-telekomunikazzjonijiet; binjiet għal dawn l-istallazzjonijiet u impjanti; brejkijiet fil-linji,
— Stallazzjonijiet tad-dwal għal raġunijiet ta' traffiku u sikurezza,
— Impjant għat-trasformazzjoni u t-trasport tal-kurrent tal-elettriku minħabba t-trasport tal-merkanzija permezz tal-ferroviji: stazzjonijiet sussidjarji, provvista ta’ kejbils bejn l-istallazzjonijiet sussidjarji u l-fili tal-kuntatt, katenarji u appoġġ; it-tielet linja bl-appoġġ,
— Il-bini użat mid-dipartiment tal-infrastruttura, inkluż proporzjon tal-istallazzjonijiet għall-ġbir ta' imposti fuq it-trasport.
ANNESS II
SERVIZZI LI GĦANDHOM JINGĦATAW LILL-IMPRIŻI FERROVJARJI
(imsemmija fl-Artikolu 13)
1. Il-pakkett ta' aċċess minimu għandu jkun jikkonsisti:
(a) fl-immaniġġjar ta' talbiet għall-kapaċità tal-infrastruttura;
(b) fid-dritt li tintuża l-kapaċità allokata;
(c) fl-użu ta' infrastruttura ferrovjarja, inklużi track points u ġonot;
(d) fil-kontroll tal-ferrovija inkluż is-senjalar, ir-regolament, id-dispatching u l-komunikazzjoni u l-forniment ta' informazzjoni dwar il-moviment tal-ferrovija;
(e) l-użu ta' tagħmir għall-provvista tal-elettriku għall-kurrent tat-trazzjoni, meta jkun disponibbli;
(f) l-informazzjoni l-oħra kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni jew għat-tħaddim tas-servizz li għalih ingħatat il-kapaċità.
2. Għandu jingħata aċċess, inkluż aċċess għat-tracks, għall-faċilitajiet tas-servizzi li ġejjin, meta dawn ikunu jeżistu, u għas-servizzi fornuti f' dawn il-faċilitajiet:
(a) stazzjonijiet tal-passiġġieri, il-binjiet tagħhom u faċilitajiet oħrajn; inkluż informazzjoni dwar l-ivvjaġġar u post adattat għal servizzi relatati mal-biljetti;
(b) terminali tal-merkanzija;
(c) marshalling yards u faċilitajiet għall-formazzjoni tal-ferrovija inklużi servizzi ta' shunting;
(d) sidings għall-ħażna;
(e) faċilitajiet ta' manutenzjoni, bl-eċċezzjoni ta' faċilitajiet ta' manutenzjoni ddedikati għal ferroviji b'veloċità għolja jew għal tipi speċifiċi oħra ta' materjal ferrovjarju li jirrikjedi faċilitajiet speċifiċi;
(f) faċilitajiet tekniċi oħrajn, inklużi faċilitajiet għat-tindif u l-ħasil;
(g) faċilitajiet tal-port marittimu u tal-passaġġi tal-ilma interni li huma marbuta mal-attivitajiet ferrovjarji;
(h) faċilitajiet ta’ għajnuna;
(i) faċilitajiet għal refuelling u l-provvista ta' karburant f'dawn il-faċilitajiet, li l-imposti għalihom fuq il-fatturi għandhom jintwerew separatament.
3. Is-servizzi addizzjonali jistgħu jinkludu:
(a) kurrent tat-trazzjoni, li l-imposti għalih jintwerew fil-fatturi b'mod separat mill-imposti għall-użu tat-tagħmir għall-provvista tal-elettriku, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/72/KE;
(b) it-tisħin minn qabel tal-ferroviji tal-passiġġieri;
(c) kuntratti speċifiċi għal:
— kontroll tat-trasport ta' merkanzija perikoluża,
— assistenza fit-tħaddim ta' ferroviji mhux tas-soltu.
4. Is-servizzi anċillari jistgħu jinkludu:
(a) aċċess għan-netwerk tat-telekomunikazzjoni;
(b) il-forniment ta' informazzjoni supplementari;
(c) l-ispezzjoni teknika tar-rolling stock;
(d) servizzi relatati mal-biljetti fi stazzjonijiet tal-passiġġieri;
(e) faċilitajiet ta' manutenzjoni tqila fornuta f’faċilitajiet ta’ manutenzjoni ddedikati għal ferroviji b'veloċità għolja jew għal tipi speċifiċi oħra ta' materjal ferrovjarju li jirrikjedi faċilitajiet speċifiċi.
ANNESS III
QAGĦDA FINANZJARJA TAJBA
(imsemmija fl-Artikolu 20)
L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-impriżi li jkunu qed japplikaw għal liċenzja f'konformità mal-Artikolu 20 tkopri l-aspetti li ġejjin:
(a) il-fondi disponibbli, inklużi l-bilanċ bankarju, id-dispożizzjonijiet ta' pledged overdraft u s-self;
(b) il-fondi u l-assi disponibbli bħala garanzija;
(c) il-kapital li jiċċirkola;
(d) l-ispejjeż rilevanti, inklużi l-ispejjeż ta' ħlasijiet għall-karozzi, l-art, il-binjiet, l-istallazzjonijiet u r-rolling stock;
(e) l-imposti fuq l-assi ta’ impriża;
(f) taxxi u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.
ANNESS IV
KONTENUT TAD-DIKJARAZZJONI DWAR IN-NETWERK
(imsemmija fl-Artikolu 27)
Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk imsemmija fl-Artikolu 27 għandu jkollha din l-informazzjoni:
1. Taqsima li tistabbilixxi n-natura tal-infrastruttura disponibbli għall-impriżi ferrovjarji u l-kundizzjonjiet tal-aċċess għaliha. L-informazzjoni mogħtija f’din it-taqsima għandha tkun konsistenti, fuq bażi annwali, mar-reġistri tal-infrastruttura ferrovjarja li għandhom ikunu ppubblikati skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2008/57/KE jew għandha tirreferi għalihom.
2. Taqsima dwar il-prinċipji ta' imposti u tariffi. Din għandu jkun fiha dettalji xierqa dwar l-iskema tal-imposti kif ukoll informazzjoni suffiċjenti dwar l-imposti, u kif ukoll kull informazzjoni oħra rilevanti dwar l-aċċess li tapplika għas-servizzi elenkati fl-Anness II li jiġu pprovduti minn fornitur wieħed biss. Għandha tagħti dettalji dwar il-metodoloġija, ir-regoli u, meta applikabbli, l-iskali użati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 31 sa 36, fir-rigward ta’ kemm il-kostijiet kif ukoll l-imposti. Għandha tiġbor fiha informazzjoni dwar tibdiliet fl-imposti diġà deċiżi jew previsti fil-ħames snin li ġejjin jekk disponibbli.
3. Taqsima dwar il-prinċipji u l-kriterji għall-allokazzjoni tal-kapaċità. Din għandha tistabbilixxi l-kapaċità ġenerali tal-karatteristiċi tal-infrastruttura li hija disponibbli għall-impriżi ferrovjarji u kull restrizzjoni relatata mal-użu tagħha, inklużi l-ħtiġijiet ta' kapaċità x'aktarx meħtieġa għall-manutenzjoni. Għandha wkoll tispeċifika l-proċeduri u t-termini li jirrelataw mal-proċess tal-allokazzjoni tal-kapaċità. Għandu jkun fiha kriterji speċifiċi li jintużaw waqt dak il-proċess, partikolarment:
(a) il-proċeduri li bihom l-applikanti jistgħu jitolbu l-kapaċità mingħand il-maniġer tal-infrastruttura;
(b) ir-rekwiżiti li jirregolaw l-applikanti;
(c) l-iskeda għall-proċessi tal-applikazzjoni u l-allokazzjoni u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti biex tintalab informazzjoni dwar l-iskedar u l-proċeduri għall-iskedar ta' xogħol ta' manutenzjoni ppjanat jew mhux previst;
(d) il-prinċipji li jirregolaw il-proċess ta’ koordinazzjoni u s-sistema tar-riżoluzzjoni tat-tilwim li hija disponibbli permezz ta’ dan il-proċess;
(e) il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-kriterji użati meta l-infrastruttura hija kkonġestjonata;
(f) id-dettalji dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-użu tal-infrastruttura;
(g) kull kundizzjoni li permezz tagħha jitqiesu livelli preċedenti ta' utilizzazzjoni tal-kapaċità fid-determinazzjoni tal-prijoritajiet għall-proċess tal-allokazzjoni.
Għandha tagħti dettalji dwar il-miżuri meħuda biex jiġi żgurat trattament adegwat tas-servizzi tal-merkanzija, servizzi internazzjonali u talbiet suġġetti għall-proċedura ad hoc. Għandu jkun fiha mudell għat-talbiet għall-kapaċità. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jippubblika wkoll informazzjoni dettaljata dwar il-proċeduri tal-allokazzjoni għal rotot internazzjonali tal-ferrovija.
4. Taqsima dwar l-informazzjoni relatata mal-applikazzjoni għal liċenzja msemmija fl-Artikolu 25 ta' din id-Direttiva u dwar iċ-ċertifikati tas-sikurezza ferrovjarja maħruġa skont id-Direttiva 2004/49/KE jew l-indikar ta' sit elettroniku fejn it-tali informazzjoni tkun disponibbli mingħajr ħlas f'forma elettronika.
5. Taqsima dwar l-informazzjoni dwar proċeduri għar-riżoluzzjoni tat-tilwim u l-appelli relatati ma’ kwistjonijiet tal-aċċess għall-infrastruttura u s-servizzi ferovjarji u mal-iskema tal-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 35.
6. Taqsima dwar l-informazzjoni relatata mal-aċċess u l-ġbir ta' imposti għall-faċilitajiet ta’ servizzi msemmija fl-Anness II. L-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizzi li mhumiex ikkontrollati mill-maniġer tal-infrastruttura għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-imposti għall-kisba tal-aċċess għall-faċilità u għall-forniment tas-servizzi, u informazzjoni dwar kundizzjonijiet għall-aċċess tekniku għall-inklużjoni fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk jew l-indikar ta' sit elettroniku fejn it-tali informazzjoni tkun disponibbli mingħajr ħlas f'forma elettronika.
7. Ftehim li jservi ta’ mudell għall-konklużjoni ta’ ftehimiet qafas bejn maniġer tal-infrastruttura u applikant skont l-Artikolu 42.
ANNESS V
PRINĊIPJI U PARAMETRI BAŻIĊI TA’ FTEHIMIET KUNTRATTWALI BEJN AWTORITAJIET KOMPETENTI U L-MANIĠERS TAL-INFRASTRUTTURA
(imsemmija fl-Artikolu 30)
Il-ftehim kuntrattwali għandu jispeċifika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30, u jinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:
(1) l-ambitu tal-ftehim fir-rigward tal-infrastruttura u l-faċilitajiet tas-servizz, strutturat skont l-Anness II. Għandu jkopri l-aspetti kollha tal-iżvilupp tal-infrastruttura, inklużi l-manutenzjoni u t-tiġdid tal-infrastruttura li diġà qed titħaddem. Fejn xieraq, il-bini ta' infrastruttura ġdida jista' wkoll ikun kopert;
(2) l-istruttura tal-ħlasijiet jew fondi allokati lis-servizzi tal-infrastruttura mniżżlin fl-Anness II, għall-manutenzjoni u t-tiġdid, u għat-trattar tax-xogħol pendenti ta’ manutenzjoni u ta' tiġdid; Fejn xieraq, l-istruttura ta' ħlasijiet jew ta’ fondi allokati għall-infrastruttura l-ġdida tista' wkoll tkun koperta;
(3) il-miri ta’ prestazzjoni orjentati lejn l-utent, fil-forma ta’ indikaturi u kriterji ta’ kwalità li jkopru elementi bħal:
(a) il-prestazzjoni tal-ferrovija, bħal f'termini ta' veloċità tal-linja u affidabbiltà, u s-sodisfazzjon tal-konsumatur,
(b) il-kapaċità tan-netwerk,
(c) l-immaniġjar tal-assi,
(d) il-volumi tal-attivitajiet,
(e) il-livelli ta’ sikurezza, u
(f) il-protezzjoni ambjentali;
(4) l-ammont ta' xogħol pendenti possibbli ta' manutenzjoni u l-assi li se jinħarġu gradwalment mill-użu u li għalhekk se jagħtu bidu għal flussi finanzjarji differenti;
(5) l-inċentivi imsemmija fl-Artikolu 30(1), bl-eċċezzjoni ta' dawk l-inċentivi implimentati permezz ta' miżuri regolatorji f'konformità mal-Artikolu 30(3);
(6) l-obbligi minimi ta’ rappurtar għall-maniġer tal-infrastruttura f’termini tal-kontenut u l-frekwenza tar-rappurtar, inkluża informazzjoni li għandha tkun ippubblikata kull sena;
(7) it-tul ta’ żmien miftiehem tal-ftehim, li għandu jkun sinkronizzat u konsistenti mat-tul tal-pjan tan-negozju tal-maniġer tal-infrastruttura u mal-konċessjoni jew mal-liċenzja tiegħu, fejn xieraq, kif ukoll il-qafas u r-regoli tad-debitu bl-imposti stabbiliti mill-Istat;
(8) ir-regoli biex jiġi ttrattat it-tfixkil kbir tat-tħaddim tas-servizzi u s-sitwazzjonijiet ta' emerġenza, inklużi pjani ta' kontinġenza u terminazzjoni bikrija tal-ftehima kummerċjali, u informazzjoni f'waqtha tal-utenti;
(9) il-miżuri ta' rimedju li għandhom jittieħdu jekk xi waħda mill-partijiet tikser l-obbligi kuntrattwali tagħha; jew f'ċirkostanzi eċċezzjonali li jaffettwaw id-disponibbiltà tal-finanzjament pubbliku; dawn jinkludu l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għan-negozjar mill-ġdid u għat-terminazzjoni bikrija.
ANNESS VI
REKWIŻITI GĦALL-ISPEJJEŻ U L-IMPOSTI RELATATI MAL-INFRASTRUTTURA FERROVJARJA
(imsemmija fl-Artikoli 32(1) u 35)
1. Il-pari li għandhom jitqiesu mill-maniġers tal-infrastruttura meta huma jiddefinixxu l-lista ta' taqsimiet tas-suq bil-għan li jintroduċu mark-ups fis-sistema ta' imposti skont l-Artikolu 32(1) jinkludu mill-inqas dawn li ġejjin:
(a) servizzi tat-trasport tal-passiġġieri versus servizzi tat-trasport tal-merkanzija;
(b) ferroviji li jġorru oġġetti perikolużi versus ferroviji ta' merkanzija oħra;
(c) servizzi domestiċi versus servizzi internazzjonali;
(d) servizzi magħquda ta’ trasport versus ferroviji diretti;
(e) servizzi urbani jew reġjonali versus servizzi interurbani tal-passiġġieri;
(f) ferroviji b’vaguni li jibqgħu flimkien mit-tluq sad-destinazzjoni (block trains) versus ferroviji b'vaguni li jitgħabbew individwalment;
(g) servizzi ferrovjarji regolari versus servizzi ferrovjarji okkażjonali.
2. L-iskema tal-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 35 għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji bażiċi li ġejjin:
(a) Sabiex jintlaħaq il-livell miftiehem ta’ prestazzjoni u sabiex ma tkunx ipperikolata l-vijabbiltà ekonomika tas-servizz, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jaqbel mal-applikanti dwar il-parametri prinċipali tal-iskema tal-prestazzjoni, b’mod partikolari dwar il-valur tad-dewmien, il-limiti għall-ħlasijiet li jridu jingħataw taħt l-iskema tal-prestazzjoni, kemm skont il-vjaġġi individwali tal-ferroviji kif ukoll għall-vjaġġi kollha tal-ferroviji ta' impriża ferrovjarja f'perjodu ta' żmien partikolari;
(b) Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jikkomunika l-iskeda ta' ħidma lill-impriżi ferrovjarji, abbażi ta' liema skeda jiġi kkalkulat id-dewmien, mill-anqas ħamest ijiem qabel il-vjaġġ tal-ferrovija. Il-maniġer tal-infrastruttura jista' japplika perjodu ta' notifika iqsar f'każ ta' force majeure jew alterazzjonijiet tard fl-iskeda ta' ħidma;
(c) Id-dewmien kollu għandu jiġi attribwit lil waħda mill-kategoriji jew subkategoriji ta' dewmien li ġejjin:
1. L-immaniġġjar tat-tħaddim/tal-ippjanar attribwit lill-maniġer tal-infrastruttura
1.1. Il-kompilazzjoni tal-iskeda tal-ħinijiet
1.2. Il-formazzjoni tal-ferrovija
1.3. L-iżbalji fil-proċedura tal-ħidmiet
1.4. L-applikazzjoni ħażina tar-regoli ta’ prijorità
1.5. Il-persunal
1.6. Kawżi oħra
2. L-istallazzjonijiet infrastrutturali attribwiti lill-maniġer tal-infrastruttura
2.1. L-istallazzjonijiet tas-senjalar
2.2. L-istallazzjonijiet tas-senjalar fejn il-linji tal-ferroviji jaqsmu ma' xulxin
2.3. L-istallazzjonijiet tat-telekomunikazzjonijiet
2.4. It-tagħmir għall-provvista tal-elettriku
2.5. Il-binarji
2.6. L-istrutturi
2.7. Il-persunal
2.8. Kawżi oħra
3. Kawżi marbutin mal-inġinerija ċivili attribwibbli lill-maniġer tal-infrastruttura
3.1. Ix-xogħol ippjanat ta’ kostruzzjoni
3.2. L-irregolaritajiet fl-eżekuzzjoni ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni
3.3. Ir-restrizzjonijiet ta’ veloċità minħabba binarju difettuż
3.4. Kawżi oħra
4. Kawżi attribwibbli lil maniġers tal-infrastruttura oħrajn
4.1. Ikkawżati mill-maniġer tal-infrastruttura ta’ qabel
4.2. Ikkawżati mill-maniġer tal-infrastruttura ta’ wara
5. Kawżi kummerċjali attribwibbli lill-impriża ferrovjarja
5.1. Meta jkun hemm waqfiet għal ħin itwal milli suppost
5.2. It-talba tal-impriża ferrovjarja
5.3. Il-ħidmiet ta’ tagħbija
5.4. L-irregolaritajiet fit-tagħbija
5.5. Il-preparazzjoni kummerċjali tal-ferrovija
5.6. Il-persunal
5.7. Kawżi oħra
6. Ir-rolling stock attribwibbli lill-impriża ferrovjarja
6.1. L-ippjanar tar-roster/it-tfassil tar-roster mill-ġdid
6.2. Il-formazzjoni tal-ferrovija mill-impriża ferrovjarja
6.3. Problemi li jaffettwaw il-vaguni tal-passiġġieri (it-trasport tal-passiġġieri)
6.4. Il-problemi li jaffettwaw il-vaguni (it-trasport tal-merkanzija)
6.5. Il-problemi li jaffettwaw il-karozzi, il-lokomotivi u l-karozzi ferrovjarji
6.6. Il-persunal
6.7. Kawżi oħra
7. Kawżi attribwibbli lil impriżi ferrovjarji oħrajn
7.1. Ikkawżati mill-impriża ferrovjarja ta’ wara
7.2. Ikkawżati mill-impriża ferrovjarja ta’ qabel
8. Kawżi esterni li la huma attribwibbli lill-maniġer tal-infrastruttura u lanqas lill-impriża ferrovjarja
8.1. Strajk
8.2. Il-formalitajiet amministrattivi
8.3. L-influwenzi esterni
8.4. L-effetti tat-temp u ta’ kawżi naturali
8.5. Id-dewmien fuq in-netwerk ta’ wara minħabba raġunijiet esterni
8.6. Kawżi oħra
9. Kawżi sekondarji li la huma attribwibbli lill-maniġer tal-infrastruttura u lanqas lill-impriża ferrovjarja
9.1. Avveniment perikolużi, inċidenti u perikli
9.2. L-okkupazzjoni tal-binarji kkawżata mid-dewmien tal-istess ferrovija
9.3. L-okkupazzjoni tal-binarji kkawżata mid-dewmien ta’ ferrovija oħra
9.4. Iż-żmien meħud bejn il-waqfien fid-destinazzjoni u t-tluq lura tal-ferrovija (turn-around)
9.5. Il-konnessjoni
9.6. Id-dewmien li jeħtieġ aktar investigazzjoni;
(d) Kull fejn ikun possibbli, id-dewmien għandu jkun attribwit lil organizzazzjoni waħda, filwaqt li jitqiesu kemm ir-responsabbiltà għall-ikkawżar tat-tfixkil fis-servizz kif ukoll l-abbiltà li jerġgħu jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet normali ta' traffiku;
(e) Il-kalkolu tal-ħlasijiet għandu jqis id-dewmien medju tas-servizzi ferrovjarji li għandhom rekwiżiti simili ta’ puntwalità;
(f) Il-maniġer tal-infrastruttura għandu, kemm jista’ jkun malajr, jikkomunika lill-impriżi ferrovjarji kalkolu ta’ ħlasijiet li jridu jitħallsu fil-qafas tal-iskema tal-prestazzjoni. Dan il-kalkolu għandu jiġbor il-vjaġġi kollha tal-ferrovija li sofrew minn dewmien f'perjodu ta' mhux aktar minn xahar;
(g) Mingħajr preġudizzju għall-proċeduri ta' appell eżistenti u għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56, fil-każ ta' tilwim dwar l-iskema tal-prestazzjoni, għandha tkun disponibbli sistema għar-riżoluzzjoni tat-tilwim sabiex dan it-tilwim jiġi riżolt minnufih. Din is-sistema għar-riżoluzzjoni tat-tilwim għandha tkun imparzjali lejn il-partijiet involuti. Jekk tiġi applikata din is-sistema, għandha tittieħed deċiżjoni fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol;
(h) Darba fis-sena, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jippubblika l-livell medju annwali tal- prestazzjoni miksuba mill-impriża ferrovjarja abbażi tal-parametri prinċipali miftiehma fl-iskema tal-prestazzjoni.
ANNESS VII
SKEDA GĦALL-PROĊESS TAL-ALLOKAZZJONI
(imsemmija fl-Artikolu 43)
1. L-iskeda ta' ħidma għandha tiġi stabbilita darba f'kull sena kalendarja.
2. Il-bidla tal-iskeda ta' ħidma għandha sseħħ f'nofs il-lejl fit-tieni Sibt f'Diċembru. Meta bidla jew aġġustament jitwettqu wara x-xitwa, b'mod partikolari sabiex jitqiesu, meta huwa xieraq, il-bidliet fl-iskedi tat-traffiku tal-passiġġieri reġjonali għandhom iseħħu f'nofs il-lejl fit-tieni Sibt f'Ġunju u f’dawk l-intervalli l-oħrajn bejn dawn id-dati kif meħtieġ. Il-maniġers tal-infrastruttura jistgħu jiftiehmu fuq dati differenti u f'dan il-każ għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni jekk it-traffiku internazzjonali jistax jiġi effettwat.
3. Id-data finali għall-irċevuta ta' talbiet għall-kapaċità biex jiġu inkorporati fl-iskeda ta' ħidma ma għandhiex tkun aktar minn 12-il xahar qabel id-dħul fis-seħħ tal-iskeda ta' ħidma.
4. Mhux aktar tard minn 11-il xahar qabel id-dħul fis-seħħ tal-iskeda ta' ħidma, il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jiżguraw li l-mogħdijiet provviżorji tal-ferroviji internazzjonali jkunu ġew stabbiliti b'kooperazzjoni ma’ maniġers tal-infrastruttura rilevanti. Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jiżguraw li sa fejn ikun possibbli dawn għandhom jinżammu matul il-proċessi sussegwenti.
5. Mhux aktar tard minn erba' xhur wara t-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti mill-applikanti, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jipprepara abbozz tal-iskeda ta' ħidma.
ANNESS VIII
INFORMAZZJONI TA' VERIFIKA LI GĦANDHA TINGĦATA LILL-KORP REGOLATORJU FUQ TALBA
(imsemmija fl-Artikolu 56(12))
1. Is-separazzjoni fil-kontijiet
(a) kontijiet ta’ qligħ u telf u karti tal-bilanċ separati għall-attivitajiet tal-immaniġġjar tal-merkanzija, tal-passiġġieri u tal-infrastruttura;
(b) informazzjoni dettaljata dwar sorsi individwali u dwar l-użu ta' fondi pubbliċi u forom oħra ta’ kumpens b’mod trasparenti u dettaljat, inkluża analiżi dettaljata tal-flussi tal-flus tan-negozji sabiex ikun determinat b’liema mod qed jintefqu dawn il-fondi pubbliċi u l-forom l-oħra ta’ kumpens;
(c) kategoriji tan-nefqa u l-profitt biex ikun possibbli li jiġi determinat jekk ingħatawx sussidji inkroċati bejn dawn l-attivitajiet differenti, skont ir-rekwiżiti tal-korp regolatorju;
(d) metodoloġija użata għall-allokazzjoni tal-ispejjeż bejn l-attivitajiet differenti;
(e) fejn il-kumpanija regolata hija parti minn struttura ta’ grupp, id-dettalji sħaħ tal-ħlasijiet bejn il-kumpaniji.
2. Il-monitoraġġ tal-imposti għall-aċċess għall-binarji
(a) kategoriji ta’ spiża differenti, u b'mod partikolari jipprovdu informazzjoni suffiċjenti dwar l-ispejjeż marġinali/diretti tas-servizzi jew tal-gruppi ta’ servizzi differenti sabiex l-imposti infrastrutturali jistgħu jiġu mmonitorjati;
(b) informazzjoni biżżejjed biex tippermettu l-monitoraġġ tal-imposti individwali mħallsa għas-servizzi (jew għall-gruppi ta’ servizzi); jekk il-korp regolatorju jkun jeħtieġ dan, din l-informazzjoni għandu jkun fiha dejta dwar il-volumi tas-servizzi individwali, il-prezzijiet għas-servizzi individwali u d-dħul totali għas-servizzi individwali mħallsa mill-konsumaturi interni u esterni;
(c) l-ispejjeż u d-dħul marbutin mas-servizzi individwali (jew mal-gruppi ta’ servizzi) billi jużaw il-metodoloġija rilevanti tal-ispiża kif meħtieġ mill-korp regolatorju, biex jiġi identifikat l-iffissar ta' prezzijiet li potenzjalment imur kontra l-kompetizzjoni (is-sussidji inkroċjati, l-iffissar ta’ prezzijiet predatorji u l-iffissar ta’ prezzijiet eċċessivi).
3. L-indikazzjoni dwar il-prestazzjoni finanzjarja
(a) dikjarazzjoni dwar il-prestazzjoni finanzjarja;
(b) dikjarazzjoni sommarja tan-nefqa;
(c) dikjarazzjoni dwar in-nefqa għall-manutenzjoni;
(d) dikjarazzjoni dwar in-nefqa għat-tħaddim;
(e) dikjarazzjoni tad-dħul;
(f) noti ta' sostenn li jagħtu aktar dettall u jispjegaw id-dikjarazzjonijiet, fejn ikun xieraq.
ANNESS IX
PARTI A
ID-DIRETTIVI MĦASSRA B’LISTA TAL-EMENDI SUĊĊESSIVI
(imsemmija fl-Artikolu 65)
Id-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE (ĠU L 237, 24.8.1991, p. 25) |
|
Id-Direttiva 2001/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 75, 15.3.2001, p. 1) |
|
Id-Direttiva 2004/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 164) |
|
Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/103/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 344) |
il-Punt B tal-Anness biss |
Id-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 44) |
l-Artikolu 1 biss |
Id-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE (ĠU L 143, 27.6.1995, p. 70) |
|
Id-Direttiva 2001/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 75, 15.3.2001, p. 26) |
|
Id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44) |
l-Artikolu 29 biss |
Id-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 75, 15.3.2001, p. 29) |
|
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/844/KE (ĠU L 289, 26.10.2002, p. 30) |
|
Id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44) |
l-Artikolu 30 biss |
Id-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 44) |
l-Artikolu 2 biss |
PARTI B
LISTA TA’ LIMITI TAŻ-ŻMIEN GĦAT-TRASPOŻIZZJONI FIL-LIĠI NAZZJONALI
(imsemmija fl-Artikolu 65)
Id-Direttiva |
Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni |
91/440/KEE |
1 ta’ Jannar 1993 |
95/18/KE |
27 ta’ Ġunju 1997 |
2001/12/KE |
15 ta’ Marzu 2003 |
2001/13/KE |
15 ta’ Marzu 2003 |
2001/14/KE |
15 ta’ Marzu 2003 |
2004/49/KE |
30 ta' April 2006 |
2004/51/KE |
31 ta’ Diċembru 2005 |
2006/103/KE |
1 ta’ Jannar 2007 |
2007/58/KE |
4 ta’ Ġunju 2009 |
ANNESS X
TABELLA TA’ KORRELAZZJONI
Id-Direttiva 91/440/KEE |
Direttiva 95/18/KE |
Direttiva 2001/14/KE |
Din id-Direttiva |
Artikolu 2(1) |
Artikolu 1(1) |
Artikolu 1(1), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 1(1) |
|
|
Artikolu 1(2) |
Artikolu 1(2) |
Artikolu 2(2) |
|
|
Artikolu 2(1) |
|
Artikolu 1(2) |
|
Artikolu 2(2) |
|
|
Artikolu 1(3) |
Artikolu 2(3) |
|
|
|
Artikolu 2(4) sa (9) |
Artikolu 2(4) |
|
|
Artikolu 2(10) |
|
|
|
Artikolu 2(11) |
Artikolu 3 |
|
|
Artikolu 3, (1) sa (8) |
|
|
|
Artikolu 3, (9) sa (13) |
|
l-Artikolu 2(b) u (c) |
|
Artikolu 3, (14) u (15) |
|
|
|
Artikolu 3, (16) u (17) |
|
|
Artikolu 2 |
Artikolu 3, (18) sa (28) |
|
|
|
Artkolu 3, (29) u (30) |
Artikolu 4 |
|
|
Artikolu 4 |
Artikolu 5 |
|
|
Artikolu 5(1) sa (3) |
|
|
|
Artkolu 5(4) |
Artikolu 6(1) u (2) |
|
|
L-Artikolu 6(1) u (2) |
Artikolu 9(4) |
|
|
Artikolu 6(3) |
Artikolu 6(1) it-tieni subparagrafu |
|
|
Artikolu 6(4) |
Artikolu 6(3) u Anness II |
|
|
Artikolu 7(1) |
|
|
Artikolu 4(2) u Artikolu 14(2) |
Artikolu 7(2) |
Artikolu 7(1), (3) u (4) |
|
|
Artikolu 8(1), (2) u (3) |
|
|
Artikolu 6(1) |
Artikolu 8(4) |
Artikolu 9(1) u (2) |
|
|
Artikolu 9(1) u (2) |
Artikolu 10(3) u (3a) |
|
|
Artikolu 10(1) u (2) |
Artikolu 10(3b) |
|
|
Artikolu 11(1), (2) u (3) |
|
|
|
Artikolu 11(4) |
Artikolu 10(3c) u (3e) |
|
|
Artikolu 11(5) u (6) |
Artikolu 10(3f) |
|
|
Artikolu 12(1) sa (4) |
|
|
|
Artikolu 12(5) |
|
|
Artikolu 5 |
Artikolu 13 |
|
|
|
Artikolu 14 |
Artikolu 10b |
|
|
Artikolu 15 |
|
Artikolu 3 |
|
Artikolu 16 |
|
Artikolu 4(1) sa (4) |
|
Artikolu 17(1) sa (4) |
|
Artikolu 5 |
|
Artikolu 18 |
|
Artikolu 6 |
|
Artikolu 19 |
|
Artikolu 7(1) |
|
Artikolu 20(1) |
|
Anness, Parti I, il-punt (1) |
|
Artikolu 20(2) |
|
|
|
Artikolu 20(3) |
|
Artikolu 8 |
|
Artikolu 21 |
|
Artikolu 9 |
|
Artikolu 22 |
|
Artikolu 4(5) |
|
Artikolu 23(1) |
|
Artikolu 10 |
|
Artikolu 23(2) u (3) |
|
Artikolu 11 |
|
Artikolu 24 |
|
Artikolu 15 |
|
Artikolu 25 |
|
|
Artikolu 1(1), it-tieni subparagrafu |
Artikolu 26 |
|
|
Artikolu 3 |
Artikolu 27 |
Artikolu 10(5) |
|
|
Artikolu 28 |
|
|
Artikoli 4(1) u (3) sa (6) |
Artikolu 29 |
|
|
Artikolu 6(2) sa (5) |
Artikolu 30 |
|
|
Artikolu 7 |
Artikolu 31 |
|
|
Artikolu 8 |
Artikolu 32 |
|
|
Artikolu 9 |
Artikolu 33 |
|
|
Artikolu 10 |
Artikolu 34 |
|
|
Artikolu 11 |
Artikolu 35 |
|
|
Artikolu 12 |
Artikolu 36 |
|
|
|
Artikolu 37 |
|
|
Artikolu 13 |
Artikolu 38 |
|
|
Artikolu 14(1) u (3) |
Artikolu 39 |
|
|
Artikolu 15 |
Artikolu 40 |
|
|
Artikolu 16 |
Artikolu 41 |
|
|
Artikolu 17 |
Artikolu 42 |
|
|
Artikolu 18 |
Artikolu 43 |
|
|
Artikolu 19 |
Artikolu 44 |
|
|
Artikolu 20(1), (2) u (3) |
Artikolu 45(1), (2) u (3) |
|
|
|
Artikolu 45(4) |
|
|
Artikolu 20(4) |
Artikolu 45(5) |
|
|
Artikolu 21 |
Artikolu 46 |
|
|
Artikolu 22 |
Artikolu 47 |
|
|
Artikolu 23 |
Artikolu 48 |
|
|
Artikolu 24 |
Artikolu 49 |
|
|
Artikolu 25 |
Artikolu 50 |
|
|
Artikolu 26 |
Artikolu 51 |
|
|
Artikolu 27 |
Artikolu 52 |
|
|
Artikolu 28 |
Artikolu 53 |
|
|
Artikolu 29 |
Artikolu 54 |
|
|
Artikolu 30(1) |
Artikolu 55 |
|
|
Artikolu 30(2) |
Artikolu 56(1) |
|
|
Artikolu 31 |
Artikolu 57 |
Artikolu 12 |
|
|
Artikolu 58 |
Artikolu 14a |
|
Artikolu 33(1), (2) u (3) |
Artikolu 59 |
|
|
|
Artikolu 60 |
|
|
Artikolu 34(2) |
Artikolu 61 |
Artikolu 11a |
|
Artikolu 35(1), (2) u (3) |
Artikolu 62 |
Artikolu 10(9) |
|
|
Artikolu 63 |
|
|
Artikolu 38 |
Artikolu 64 |
|
|
|
Artikolu 65 |
|
Artikolu 17 |
Artikolu 39 |
Artikolu 66 |
Artikolu 16 |
Artikolu 18 |
Artikolu 40 |
Artikolu 67 |
|
|
|
Anness I |
|
|
Anness II |
Anness II |
|
Anness |
|
Anness III |
|
|
Anness I |
Anness IV |
|
|
|
Anness V |
|
|
|
Anness VI |
|
|
Anness III |
Anness VII |
|
|
|
Anness VIII |
( 1 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).
( 2 ) ĠU L 164, 30.4.2004, p. 1.
( 3 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 tas-27 ta' Mejju 2016 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-“kontroll-kmand u sinjalazzjoni” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni (ĠU L 158, 15.6.2016, p. 1).
( 4 ) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/386/KE tat-23 ta' April 2008 li timmodifika l-Anness A għad-Deċiżjoni 2006/679/KE dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabilità fir-rigward tas-subsistema ta' kontroll u ta' sinjalar tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea u l-Anness A għad-Deċiżjoni 2006/860/KE dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabilità fir-rigward tas-subsistema ta' kontroll u ta' sinjalar tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta' veloċità għolja (ĠU L 136, 24.5.2008, p. 11).
( 5 ) ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22.
( 6 ) ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.
Nota tal-Editur: It-titolu tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ġie aġġustat biex jieħu kont tan-numerazzjoni ġdida tal-artikoli tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea, skont l-Artikolu 5 tat-Trattat ta' Lisbona; ir-referenza oriġinali kienet lill-Artikolu 81 u 82 tat-Trattat.
( 7 ) ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44.
( 8 ) ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1.
( 9 ) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
( 10 ) ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.
( 11 ) ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.