This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02012D0699-20141201
Council Decision 2012/699/CFSP of 13 November 2012 on the Union support for the activities of the Preparatory Commission of the Comprehensive Nuclear-Test-Ban Treaty Organisation in order to strengthen its monitoring and verification capabilities and in the framework of the implementation of the EU Strategy against Proliferation of Weapons of Mass Destruction
Consolidated text: Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/699/PESK tat- 13 ta’ Novembru 2012 dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet ta' monitoraġġ u verifika tagħha u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva
Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/699/PESK tat- 13 ta’ Novembru 2012 dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet ta' monitoraġġ u verifika tagħha u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva
2012D0699 — MT — 01.12.2014 — 001.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/699/PESK tat-13 ta’ Novembru 2012 (ĠU L 314, 14.11.2012, p.27) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
No |
page |
date |
||
L 346 |
35 |
2.12.2014 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/699/PESK
tat-13 ta’ Novembru 2012
dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet ta' monitoraġġ u verifika tagħha u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 26(2) u l-Artikolu 31(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva ("l-Istrateġija"), li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta' miżuri li jeħtieġ li jittieħdu kemm fl-Unjoni kif ukoll f'pajjiżi terzi sabiex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni. |
(2) |
L-Unjoni qed timplimenta b'mod attiv l-Istrateġija u qed tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b'mod partikolari billi jiġu rilaxxati riżorsi finanzjarji b'appoġġ għal proġetti speċifiċi mmexxija minn istituzzjonijiet multilaterali, bħas-Segretarjat Tekniku Proviżorju tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBTO). |
(3) |
Fis-17 ta' Novembru 2003, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/805/PESK fuq l-universalità u t-tisħiħ tal-ftehim multilaterali fil-qasam tal-kontroll tal-armi nukleari għad-distruzzjoni tal-massa u l-mod tat-trasport tagħhom ( 1 ). Dik il-Pożizzjoni Komuni tappella, fost l-oħrajn, għall-promozzjoni tal-iffirmar u r-ratifika tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT). |
(4) |
L-Istati Firmatarji tas-CTBT iddeċidew li jistabbilixxu Kummissjoni Preparatorja, li għandha kapaċità ġuridika, u li għandha pożizzjoni bħala organizzazzjoni internazzjonali, bil-għan li twettaq l-implimentazzjoni effettiva tas-CTBT, sakemm tiġi stabbilita s-CTBTO. |
(5) |
Id-dħul fis-seħħ bikri u l-universalizzazzjoni tas-CTBT u t-tisħiħ tas-sistema ta' monitoraġġ u 'verifika tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO huma objettivi importanti tal-Istrateġija. F'dan il-kuntest, il-provi nukleari mwettqin mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea f'Ottubru 2006 u f'Mejju 2009 enfasizzaw aktar l-importanza tad-dħul fis-seħħ bikri tas-CTBT u l-ħtieġa li s-sistema ta' monitoraġġ u verifika tas-CTBTO tinbena u tissaħħaħ b'rata aktar mgħaġġla. |
(6) |
Il-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO hija impenjata fl-identifikazzjoni tal-aħjar mod kif jista' jissaħħaħ ir-reġim ta' verifika tagħha, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' kapaċitajiet ta' monitoraġġ ta' gass nobbli u sforzi bil-għan li jinvolvu bis-sħiħ l-Istati Firmatarji tas-CTBT fl-implimentazzjoni tar-reġim ta' verifika. |
(7) |
Fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija, il-Kunsill adotta tliet Azzjonijiet Konġunti u Deċiżjoni waħda li jappoġġaw l-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO, jiġifieri l-Azzjoni Konġunta 2006/243/PESK ( 2 ) fil-qasam tat-taħriġ u tal-iżvilupp ta' kapaċitajiet għall-verifika, u l-Azzjoni Konġunta 2007/468/PESK ( 3 ), l-Azzjoni Konġunta 2008/588/PESK ( 4 ) u d-Deċiżjoni 2010/461/PESK ( 5 ) sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' monitoraġġ u verifika tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO. |
(8) |
Dak l-appoġġ tal-Unjoni għandu jitkompla. |
(9) |
L-implimentazzjoni teknika ta' din id-Deċiżjoni għandha tiġi fdata lill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO li, abbażi tal-kompetenza esperta u l-kapaċitajiet uniċi tagħha bis-saħħa tan-netwerk tas-Sistema Internazzjonali ta' Monitoraġġ (li tinkludi aktar minn 280 faċilità f'85 pajjiż) u taċ-Ċentru Internazzjonali tad-Data, hija l-unika organizzazzjoni internazzjonali li għandha l-kapaċità u l-leġittimità li timplimenta din id-Deċiżjoni. Il-proġetti kif appoġġati mill-Unjoni jistgħu jiġu ffinanzjati biss permezz ta' kontribuzzjoni extrabaġitarja lill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Għall-fini li tiġi żgurata l-implimentazzjoni kontinwa u prattika ta' ċerti elementi tal- Istrateġija, l-Unjoni għandha tappoġġa l-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO sabiex isir aktar progress lejn l-objettivi li ġejjin:
(a) it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sistema ta' monitoraġġ u verifika tas-CTBT, inkluż fil-qasam tar-rilevament radjunuklidu;
(b) it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Istati Firmatarji tas-CTBT biex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet ta' verifika tagħhom skont is-CTBT u biex ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-parteċipazzjoni fir-reġim tas-CTBT.
2. Il-proġetti li għandhom jiġu appoġġati mill-Unjoni għandu jkollhom l-objettivi speċifiċi li ġejjin:
(a) li tingħata assistenza teknika lill-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant, l-Amerika Latina u l-Karibew, l-Asja tax-Xlokk, il-Paċifiku u l-Lvant Imbiegħed biex ikunu jistgħu jipparteċipaw u jikkontribwixxu bis-sħiħ għas-sistema ta' monitoraġġ u verifika tas-CTBT;
(b) li tiġi appoġġata s-Sistema Internazzjonali ta' Monitoraġġ sabiex jitjieb r-rilevament tal-isplużjonijiet nukleari possibbli, b'mod speċifiku bl-appoġġ għall-istazzjonijiet sismiċi awżiljarji magħżula u l-kejl u l-mitigazzjoni ta' sfond tar-radjukseno;
(c) li jissaħħu l-kapaċitajiet ta' verifika tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO fl-oqsma tal-ispezzjonijiet fuq il-post, speċifikament billi jiġu appoġġati t-tħejjija u t-twettiq tal-Eżerċizzju Integrat fil-Post li jmiss;
(d) li tiġi appoġġata l-promozzjoni tas-CTBT u s-sostenibbiltà fit-tul tar-reġim ta' verifika tiegħu permezz tal-Inizjattiva għall-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet, li hija ffukata fuq programmi partikolari ta' taħriġ u edukazzjoni pprovduti mad-dinja kollha, inklużi programmi ospitati mill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO.
Dawk il-proġetti għandhom jitwettqu għall-benefiċċju tal-Istati Firmatarji kollha tas-CTBT.
Deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti hija mniżżla fl-Anness.
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ("ir-Rappreżentant Għoli) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta" din id-Deċiżjoni.
2. L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO. Hija għandha twettaq dan il-kompitu taħt il-kontroll tar-Rappreżentant Għoli. Għal dan il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO.
Artikolu 3
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 5 185 028 .
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-ġestjoni adatta tal-ammont ta' referenza finanzjarja msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak l-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO. Il-ftehim ta' finanzjament għandu jistipula li l-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, skont id-daqs tagħha.
4. Il-Kummissjoni għandha tistinka biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultajiet f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim finanzjarju.
Artikolu 4
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mħejjijin mill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.
2. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2). Gkg589565f
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Hija għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3).
ANNESS
Appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet ta' monitoraġġ u verifika tagħha, ittejjeb il-prospettiva ta' dħul fis-seħħ bikri u tappoġġa l-universalizzazzjoni tas-CTBT u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva
1. INTRODUZZJONI
L-iżvilupp ta' sistema ta' monitoraġġ u verifika li taħdem sewwa tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO ("il-Kummissjoni Preparatorja") hija element kruċjali għat-tħejjija tal-implimentazzjoni tas-CTBT ladarba tkun daħlet fis-seħħ. L-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja fil-qasam tal-monitoraġġ tal-gass nobbli huwa għodda importanti biex jiġi vvalutat jekk splużjoni osservata hix test nukleari jew le. Barra minn hekk, l-operabbiltà u l-prestazzjoni tas-sistema ta' monitoraġġ u verifika tas-CTBT tiddependi fuq il-kontribuzzjoni tal-Istati Firmatarji għas-CTBT. Għalhekk, huwa importanti li l-Istati Firmatarji tas-CTBT jitħallew jipparteċipaw fi u jikkontribwixxu bis-sħiħ għas-sistema ta' monitoraġġ u verifika tas-CTBT. Il-ħidma li saret fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni ser tkun importanti wkoll għat-titjib tal-prospettiva ta' dħul fis-seħħ bikri u l-universalizzazzjoni tas-CTBT.
Il-proġetti deskritti f'din id-Deċiżjoni ser jikkontribwixxu b'mod sinifikanti sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva.
Għal dan il-għan, l-Unjoni ser tappoġġa s-sitt proġetti li ġejjin:
(1) tipprovdi assistenza teknika u tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-Istati Firmatarji tas-CTBT biex dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fi u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tar-reġim ta' verifika tas-CTBT;
(2) tiżviluppa kapaċità għall-ġenerazzjonijiet futuri ta' Esperti tas-CTBT permezz tal-Inizjattiva għall-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet (CDI);
(3) ittejjeb il-Mudell tat-Trasport Atmosferiku (ATM);
(4) tikkaratterizza u ttaffi r-radjukseno;
(5) tappoġġa l-Eżerċizzju Integrat fil-Post tal-2014 (IFE14) permezz tal-iżvilupp ta' impjant multispettrali integrat;
(6) ittejjeb is-sostenn tal-istazzjonijiet sismiċi awżiljarji tas-Sistema Internazzjonali ta' Monitoraġġ (IMS).
Il-prospetti tad-dħul fis-seħħ tas-CTBT tjiebu minħabba ambjent politiku aktar favorevoli, li jidher ukoll bil-firem ġodda reċenti u r-ratifiki tas-CTBT, inkluż mill-Indonesja, wieħed mill-pajjiżi elenkati fl-Anness 2 għas-CTBT. Minħabba din id-dinamika pożittiva, fis-snin li ġejjin jeħtieġ li jkun hemm fokus miżjud u urġenti kemm fuq it-tlestija tal-iżvilupp tas-sistema ta' verifika tas-CTBT kif ukoll fuq l-iżgurar tal-prontezza u l-kapaċità operattiva tagħha kif ukoll it-tkomplija tal-ħidma lejn id-dħul fis-seħħ u l-universalizzazzjoni tas-CTBT. Il-provi nukleari mwettqin mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea f'Ottubru 2006 u f'Mejju 2009 mhux biss urew l-importanza ta' projbizzjoni universali tat-testijiet nukleari, iżda enfasizzaw ukoll il-ħtieġa għal sistema ta' verifika effettiva għall-monitoraġġ tal-konformità ma' tali projbizzjoni. Reġim ta' verifika tas-CTBT kompletament operattiv u kredibbli jipprovdi lill-komunità internazzjonali b'mezzi indipendenti u affidabbli biex jiġi żgurat li din il-projbizzjoni tiġi rrispettata.
Barra minn hekk, id-data tas-CTBTO għandha wkoll rwol kruċjali fit-twissija fil-ħin ta' tsunami u l-valutazzjoni tat-tixrid ta' emissjonijiet radjoattivi wara l-aċċident nukleari ta' Fukushima ta' Marzu 2011.
L-appoġġ għal dawk il-proġetti jirrinforza l-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni. L-implimentazzjoni ta' dawk il-proġetti kumplessi ser tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-titjib tat-tweġibiet multilaterali effettivi għall-isfidi attwali tas-sigurtà. B'mod partikolari, dawk il-proġetti ser jiffavorixxu l-objettivi tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva, inkluż kemm biex tiġi universalizzata u jissaħħu aktar in-normi fis-CTBT kif ukoll is-sistema ta' verifika tagħha. Il-Kummissjoni Preparatorja qiegħda tibni IMS biex tiżgura li l-ebda splużjoni nukleari ma tibqa' mhux rilevata. Fuq il-bażi tal-kompetenza esperta unika tagħha permezz ta' netwerk dinji, li jinkludi aktar minn 280 faċilità f'85 pajjiż, u ċ-Ċentru Internazzjonali tad-Data (IDC), il-Kummissjoni Preparatorja hija l-unika organizzazzjoni bil-kapaċità li timplimenta dawk il-proġetti, li jistgħu jiġu ffinanzjati biss permezz ta' kontribuzzjoni extrabaġitarja lill-Kummissjoni Preparatorja.
Fl-Azzjoni Konġunta 2006/243/PESK, l-Azzjoni Konġunta 2007/468/PESK, l-Azzjoni Konġunta 2008/588/PESK u d-Deċiżjoni 2010/461/PESK, l-Unjoni appoġġat is-segwenti: l-istabbiliment ta' programm ta' taħriġ fl-E-learning, l-Eżerċizzju Integrat fil-Post tal-2008 fir-rigward tal-Ispezzjonijiet Fuq il-Post (OSI), il-Valutazzjoni u l-Kejl tar-Radjukseno, l-assistenza teknika lill-Afrika u lill-Amerika Latina u l-Karibew, l-istazzjonijiet sismiċi awżiljarji, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-komunità xjentifika u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-OSI bl-iżvilupp ta' sistema ta' rilevament tal-gass nobbli. Il-proġetti deskritti f'din id-Deċiżjoni jibnu fuq il-proġetti preċedenti ta' Azzjoni Konġunta u l-progress li sar permezz tal-implimentazzjoni tagħhom. Il-proġetti deskritti f'din id-Deċiżjoni kienu ġew elaborati b'tali mod li tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni potenzjali mad-Deċiżjoni 2010/461/PESK. Xi wħud minnhom fihom elementi li huma simili għall-attivitajiet li saru taħt l-Azzjonijiet Konġunti preċedenti, iżda li huma differenti fl-ambitu materjali jew huma mmirati għal pajjiżi jew reġjuni riċeventi differenti.
Is-sitt proġetti b'appoġġ għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja msemmijin hawn fuq ser jiġu implimentati u ġestiti mis-Segretarjat Tekniku Proviżorju (PTS) tiegħu.
2. DESKRIZZJONI TAL-PROĠETTI
2.1. Proġett 1: Assistenza Teknika u Tisħiħ tal-Kapaċitajiet
2.1.1.
Waħda mill-karatteristiċi uniċi tar-reġim ta' verifika tas-CTBT fis-sistema ta' nonproliferazzjoni u diżarm hija l-għoti f'ħin reali ta' informazzjoni rilevanti għall-konformità direttament lill-Istati Firmatarji tas-CTBT. Flimkien mal-għan primarju tal-verifika tas-sistema ta' monitoraġġ u verifika tas-CTBT, it-teknoloġiji u d-data tal-IMS huma ta' użu konsiderevoli għall-aġenziji ċivili u tal-gvern fl-analiżi tagħhom ta' (pereżempju) terremoti, żbroffi ta' vulkani, splużjonijiet taħt l-ilma, tibdil fil-klima u tsunamis.
Filwaqt li l-interess fost il-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-istabbiliment ta' Ċentri Nazzjonali tad-Data (NDCs) kiber b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin — mill-2008 kien hemm żieda ta' madwar 36 abbonat għall-IDC — bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw għad m'għandhomx aċċess sħiħ għas-sistema ta' monitoraġġ u verifika tas-CTBT.
Għalhekk, qed isiru sforzi addizzjonali mill-Kummissjoni Preparatorja biex jiżdied l-għadd ta' NDCs stabbiliti, l-għadd ta' Kontijiet Firmatarji Siguri u l-għadd ta' utenti awtorizzati. B'mod partikolari, it-62 Stat Firmatarju tas-CTBT li baqa' li għad m'għandhomx aċċess għad-Data tal-IMS u l-prodotti tal-IDC huma mmirati (25 fl-Afrika, 9 fl-Amerika Latina, 6 fil-Lvant Nofsani u l-Asja tan-Nofsinhar, 12 fl-Asja tax-Xlokk, il-Paċifiku u l-Lvant Imbiegħed, 3 fl-Ewropa tal-Lvant u 7 fl-Amerika ta' Fuq u fl-Ewropa tal-Punent). Dawn l-isforzi huma diretti lejn dawk li jeħtieġu l-appoġġ tekniku sabiex jiżdied l-użu tagħhom ta' din id-data u dawn il-prodotti.
Biex jiġu sostnuti l-attivitajiet tal-NDCs, ir-riżorsi meħtieġa għall-operazzjoni tal-faċilità għandhom jiġu pprovduti mill-pajjiżi riċeventi. L-impenn tal-pajjiżi li jirċievu jitqies bħala prerekwiżit għas-suċċess ta' dan il-proġett.
Dan il-proġetti jikkonsisti minn erba' komponenti komplementari li ser itejbu l-ambitu u l-firxa tal-kapaċitajiet għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet eżistenti tal-Kummissjoni Preparatorja. Dan il-proġett jibni fuq il-qafas eżistenti tal-proviżjoni ta' taħriġ fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet u ta' tagħmir lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw bl-inklużjoni ta' pajjiżi u reġjuni li għadhom ma bbenefikawx minn tali appoġġ, u billi jitwessa' l-ambitu biex jinkludi wkoll it-taħriġ dwar il-monitoraġġ radjunuklidu u l-ATM. Ser jiġi żviluppat u promoss software biex tiġi pproċessata d-data fil-forma ta' mewġa mid-data sismika, idroakustika u infrasound f'ħin reali. Programm ġdid ta' boroż ta' studju ser irawwem l-iskambju tal-għarfien u l-kollaborazzjoni bejn l-Istati, filwaqt li r-riċerka u l-kollaborazzjoni xjentifika ser tiġi appoġġata miċ-Ċentru ta' Sfruttament tad-Data Virtwali (vDEC).
2.1.2.
Dan il-proġett jikkonsisti mill-erba' komponenti li ġejjin li ser jitwettqu b'mod integrat sabiex jirrinfurzaw lil xulxin:
1. Komponent 1:
L-integrazzjoni tal-Istati Firmatarji tas-CTBT fl-Ewropa tal-Lvant, l-Amerika Latina u l-Karibew, l-Asja tax-Xlokk, il-Paċifiku u l-Lvant Imbiegħed, biex ikunu jistgħu jipparteċipaw fi u jikkontribwixxu bis-sħiħ għall-implimentazzjoni tar-reġim ta' verifika tas-CTBT u r-rispons ta' emerġenza, kif ukoll għall-iżvilupp xjentifiku relatat.
2. Komponent 2:
L-iżvilupp u l-promozzjoni tal-pakkett tas-software Seiscomp 3 (SC3) għall-NDCs biex jipproċessaw it-tipi kollha ta' data fil-forma ta' mewġa f'ħin reali.
3. Komponent 3:
L-iżvilupp u l-promozzjoni ta' programm ta' boroż ta' studju biex titwessa' l-bażi tal-għarfien u l-fehim tal-Kummissjoni Preparatorja bl-użu tal-għarfien u l-kompetenza esperta żviluppata mill-persunal fl-NDCs u l-Operaturi tal-Istazzjonijiet, u biex jgħinu fit-trawwim tal-iskambju tal-għarfien u l-kollaborazzjoni bejn l-Istati, fejn il-PTS jaġixxi bħala koordinatur.
4. Komponent 4:
L-appoġġ u l-promozzjoni tal-vDEC, li huwa pjattaforma għar-riċerka u l-kollaborazzjoni xjentifika bl-użu ta' data tal-IMS u prodotti tal-IDC.
Dan il-komponent huwa segwitu għall-programmi ta' assistenza teknika tal-Kummissjoni Preparatorja u ser jestendi l-assistenza teknika għal pajjiżi oħrajn fl-Amerika Latina u l-Karibew, u għal żewġ reġjuni oħrajn (l-Ewropa tal-Lvant u l-Asja tax-Xlokk, il-Paċifiku u l-Lvant Imbiegħed).
Il-PTS ser jidentifika u jipprovdi esperti tekniċi bħala konsulenti li ser jikkoordinaw l-attivitajiet kollha tagħhom f'konsultazzjoni mat-tmexxija tal-IDC, u bl-approvazzjoni tagħha. Dan il-komponent ser jinkludi t-tliet elementi li ġejjin:
Element 1: Evalwazzjoni komprensiva: Ser titwettaq evalwazzjoni fl-Istati riċeventi potenzjali bl-objettiv li tivvaluta s-sensibilizzazzjoni dwar u l-użu tad-data u l-prodotti tal-PTS. Dan ser jinvolvi evalwazzjoni tal-uffiċċju u, fejn meħtieġ, żjarat lill-pajjiżi riċeventi, sabiex wieħed jifhem il-ħtiġijiet u l-perċezzjonijiet attwali, u sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar id-data u l-prodotti tal-PTS, inkluż l-użu potenzjali tagħhom għal skopijiet ċivili u xjentifiċi. Barra minn hekk, ser jiġu stabbiliti kuntatti ma' istituzzjonijiet rilevanti oħrajn f'kull pajjiż li jista' jibbenefika mill-użu tad-data u l-prodotti tal-PTS. Ser jiġi ffaċilitat in-netwerking bejn l-Awtorità Nazzjonali u l-istituzzjonijiet rilevanti, fejn adatt. F'każijiet fejn hemm NDC, ser jiġi vvalutat l-istatus ta' kull NDC f'termini ta' persunal u infrastruttura (inkluża l-infrastruttura tal-kompjuters u tal-internet), sabiex jitfasslu attivitajiet prijoritarji. Sabiex jiġi ffaċilitat l-aħjar impatt tal-komponent 2, ser tingħata attenzjoni speċjali għall-firxa u l-użu attwali ta' SC3.
Fejn adatt, l-evalwazzjoni msemmija hawn fuq ser tkun ikkomplementata minn workshops reġjonali. Tali workshops ser jagħtu l-opportunità li jiġu spjegati r-rwol u l-funzjonijiet tal-NDCs fil-qafas tas-CTBT, u li jiġu vvalutati l-livell ta' għarfien u l-ħtiġijiet fil-pajjiżi parteċipanti.
Element 2: Taħriġ u appoġġ tekniku: Ser isiru sessjonijiet ta' taħriġ reġjonali, li ser jgħaqqdu flimkien parteċipanti mill-istituzzjonijiet identifikati fl-element 1. Dan it-taħriġ ser jipprovdi istruzzjoni teknika dwar id-data u l-prodotti tal-PTS. Matul dan it-taħriġ, il-parteċipanti ser jaħdmu b'software tal-PTS żviluppat għall-NDCs, li jista' jintuża għall-aċċess u l-analiżi tad-data u l-prodotti tal-PTS.
L-ambitu ser jitwessa' biex ikopri r-radjunuklidi u t-teknoloġiji rigward l-ATM. Barra minn hekk, xi pajjiżi ser jagħmlu parti mill-proġett pilota ta' SC3 (kif deskritt fil-komponent 2). Dan it-taħriġ ser jipprovdi wkoll opportunità biex titrawwem kooperazzjoni fost il-persunal tekniku f'istituzzjonijiet rilevanti fir-reġjun.
Sussegwentement, ser jingħata appoġġ tekniku estiż lil NDCs magħżulin biex jgħinu fl-applikazzjoni ta' lezzjonijiet misluta mit-taħriġ reġjonali għal NDCs speċifiċi. Dan l-appoġġ ser jiġi adattat apposta abbażi tal-ħtiġijiet tal-NDC, is-sett ta' ħiliet tal-persunal tal-NDC u b'kont meħud ta' speċifiċitajiet oħra (l-oqsma ta' applikazzjoni tad-data u l-prodotti, il-lingwi, eċċ.). Il-parteċipanti ser jinstallaw u jikkonfiguraw software tal-NDC bl-assistenza tal-espert tekniku u ser jistabbilixxu reġim ta' ksib, proċessar, analiżi u rappurtar tad-data fuq il-bażi ta' rutina skont il-ħtiġijiet tal-Awtorità Nazzjonali. Barra minn hekk, ċerti pajjiżi ser jingħataw tagħmir bażiku tal-NDC, inkluż hardware tal-kompjuters u periferali, skont il-ħtiġijiet ivvalutati tagħhom. Jekk jiġi pprovdut it-tagħmir, jiġu wkoll ipprovdut taħriġ mill-espert tekniku fuq l-installazzjoni, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta' dak it-tagħmir.
Element 3: Segwitu: Biex jikkonsolidaw il-ħiliet miksuba u/jew jagħlqu l-vojt li jifdal, ser isiru żjarat ta' segwitu lejn il-pajjiżi riċeventi biex jivvalutaw kif il-parteċipanti qed jużaw dak li tgħallmu fis-sessjonijiet tat-taħriġ fl-Element 2. L-objettiv ta' dawn iż-żjarat ta' segwitu hu li jiġi żgurat li l-persunal tekniku lokali jista' juża d-data u l-prodotti tal-PTS fuq bażi ta' rutina.
Dawn iż-żjarat ser ikunu adattati apposta abbażi tal-ħtiġijiet u l-ħiliet lokali, bil-ħsieb tas-sostenibbiltà, sabiex l-attivitajiet ikomplu anke wara li jintemm dan il-proġett. Rapport komprensiv konklużiv għal kull pajjiż riċeventi ser jifforma l-bażi biex l-attivitajiet ikomplu jiġu segwiti f'kull pajjiż.
Bħal fid-Deċiżjoni 2010/461/PESK, dan il-proġett ser jinvolvi l-għoti ta' taħriġ għall-gruppi reġjonali fl-ipproċessar tad-data tal-IMS u l-analiżi tal-prodotti tal-IDC, kif ukoll l-għoti ta' tagħmir bażiku fejn meħtieġ. Jekk fattibbli, ser jitfasslu taħriġ imfassal u attivitajiet ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-pajjiżi riċeventi li fihom ġew identifikati u vvalutati ħtiġijiet partikolari fir-rigward tal-istabbiliment tal-NDC u l-Kontijiet Firmatarji Siguri, kif ukoll benefiċċji ċivili u xjentifiċi.
L-attivitajiet kollha fil-pajjiżi riċeventi ser jitwettqu f'kooperazzjoni mill-qrib ma', u b'appoġġ minn, il-PTS biex jiġu żgurati l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tat-taħriġ u sforzi oħrajn ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet li saru f'dan il-proġett. Barra minn hekk, dan ser jiżgura armonizzazzjoni adegwata mal-attivitajiet li saru fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill/l-Azzjonijiet Konġunti preċedenti u fil-qafas tal-mandat tal-Kummissjoni Preparatorja.
B'applikazzjoni tal-kriterji msemmija hawn fuq, il-PTS jipprevedi attivitajiet f'kemm jista' jkun mill-pajjiżi li ġejjin, soġġett għal valutazzjoni minn qabel mill-PTS tal-fattibbiltà meta jitqiesu l-kondizzjonijiet lokali li jipprevalu f'dak iż-żmien:
(i) fl-Amerika Latina u l-Karibew: L-Istati elenkati, iżda mhux magħżulin għad-Deċiżjoni 2010/461/PESK (Antigwa u Barbuda, il-Barbados, il-Baħamas, il-Beliże, il-Bolivja, il-Kosta Rika, ir-Repubblika Dominikana, l-Ekwador, El Salvador, Grenada, il-Gwatemala, il-Gujana, Ħaiti, il-Ħonduras, il-Ġamajka, il-Panama, il-Paragwaj, is-Surinam u l-Urugwaj); kif ukoll il-Brażil, iċ-Ċilì, il-Kolombja, Kuba, Dominika, il-Messiku, in-Nikaragwa, Santa Luċija, Saint Vincent u l-Grenadini, Trinidad u Tobago, u l-Venezwela;
(ii) fl-Ewropa tal-Lvant: l-Albanija, l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Bjelorussja, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Estonja, il-Ġeorġja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Montenegro, il-Polonja, ir-Repubblika tal-Moldova, ir-Rumanija, is-Serbja, is-Slovakkja u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;
(iii) fl-Asja tax-Xlokk, il-Paċifiku u l-Lvant Imbiegħed: il-Brunej Darussalam, il-Kambodja, il-Gżejjer Cook, il-Fiġi, il-Kiribati, ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Laos, il-Gżejjer Marshall, l-Istati Federali tal-Mikroneżja, il-Mongolja, il-Mjanmar, Nauru, Nju, il-Palaw, il-Papwa Ginea Ġdida, il-Filippini, Samoa, Singapor, il-Gżejjer Solomon, it-Tajlandja, Timor Leste, Tonga, Tuvalu, il-Vanwatu u l-Vjetnam.
Dan il-komponent joffri pjattaforma faċli għall-utent, miftuħa u integrata li tuża SC3, software li diġà jintuża b'mod wiesa' fis-sismoloġija u t-twissija ta' tsunami għar-rispons għal diżastri u emerġenza flimkien ma' software speċifiku għall-ipproċessar tal-matriċi (PMCC, Fk) u għodod ta' analiżi interattivi (geotool, Jade). Dan is-software huwa adattat tajjeb għall-ħtiġijiet tal-NDCs f'termini ta' riċezzjoni u proċessar awtomatiċi tad-data fil-forma ta' mewġa, ipproċessar tal-matriċi, produzzjoni awtomatika tal-bulettini u analiżi interattiva tad-data.
Fir-rigward tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet, diġà teżisti komunità wiesgħa ta' utenti ta' SC3 fost l-NDCs u istituzzjonijiet oħra. Meta tiġi implimentata b'mod wiesa', din il-pjattaforma integrata ser tiġbed lill-komunità ta' NDCs emerġenti u tħaffef l-iżvilupp tal-kapaċitajiet fosthom. SC3 jippermetti wkoll l-iskambju faċli tad-data bejn l-NDCs. Il-format jintuża b'mod wiesa' fil-komunità internazzjonali u l-użu tiegħu fost l-NDCs u l-IDC itejjeb u jissimplifika ferm l-iskambji ta' data, u f'ħin reali wkoll (li llum mhux inkluż mal-"NDC f'pakkett").
Issemma bosta drabi li hemm rabta qawwija bejn NDC attiv u stazzjonijiet li jaħdmu tajjeb. Għalhekk, l-iżvilupp tal-pakkett ta' software SC3 għandu jagħti għajnuna sinifikanti fl-appoġġ għall-istazzjonijiet sismiċi awżiljarji. Fit-tul, l-implimentazzjoni ta' SC3 ser tippermetti lill-NDCs li qed jiżviluppaw biex jużaw b'mod effiċjenti d-data tal-istazzjon tagħhom u biex josservaw l-istatus operattiv fuq bażi permanenti.
Dan il-komponent jiffoka fuq l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-software, inkluż l-istazzjonament u t-taħriġ.
Xi ftit pajjiżi piloti b'istituzzjonijiet li wrew kapaċità teknika suffiċjenti u interess li jipparteċipaw ser jintgħażlu għall-istazzjonament u t-taħriġ għall-bidu tal-proġett (pereżempju fl-Afrika, l-Ewropa tal-Lvant, l-Amerika Latina, u l-Asja tax-Xlokk, il-Paċifiku u l-Lvant Imbiegħed).
L-għanijiet tal-program ta' boroż ta' studju huma li tiġi żviluppata l-ġenerazzjoni li jmiss ta' talent xjentifiku fil-qasam tal-monitoraġġ tal-isplużjonijiet nukleari, biex jingħata appoġġ għall-istabbilimenti nazzjonali tagħhom u fl-istess ħin jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tar-riċerka xjentifika li huma vitali għat-titjib tal-kapaċitajiet u l-applikazzjonijiet ta' verifika attwali tas-CTBT fil-mitigazzjoni tad-diżastri u x-xjenza tad-dinja.
Fil-fażi inizjali tal-programm ta' boroż ta' studju, ser jiġu identifikati s-sħab potenzjali li ser jospitaw lill-akkademiċi mistiedna. Il-PTS ser jagħmel dan billi jħabbar il-programm ta' boroż ta' studju, u jitlob lill-NDCs, universitajiet, u sħab potenzjali oħrajn biex jidentifikaw l-oqsma ta' kompetenza li huma jistgħu joffru biex jospitaw lill-akkademiċi mistiedna. L-istituti li bbenefikaw preċedentement mill-Azzjoni Konġunta 2008/588/PESK u d-Deċiżjoni 2010/461/PESK kif ukoll attivitajiet oħrajn tal-IMS/IDC bħal laqgħat tekniċi, laqgħat tal-esperti u workshops, u li żviluppaw kompetenza esperta, ser jiġu inkoraġġuti japplikaw biex ikunu istituzzjonijiet ospitanti.
L-opportunitajiet għal boroż ta' studju ser jiġu reklamati mill-PTS, inklużi l-oqsma ta' kompetenza esperta appoġġati mill-istituzzjonijiet ospitanti. Il-kandidati ser jintalbu, fl-applikazzjonijiet tagħhom, biex jiddeskrivu l-proġett tagħhom, u kif jinterfaċċja mal-kompetenzi reklamati. Il-kandidati u l-proposti ser jiġu evalwati u magħżula mill-PTS, possibbilment b'modifiki skont il-ħtiġijiet tal-PTS. Kull akkademiku ser jipprovdi rapporti regolari lill-PTS rigward il-kisbiet u feedback. Ser jintużaw laqgħat tal-esperti, il-"Konferenza tas-CTBTO 2013 dwar ix-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni" u laqgħat simili biex jiġi promoss dan il-proġett, tintalab il-parteċipazzjoni, u jiġu pprovduti postijiet biex l-akkademiċi juru r-riżultati tagħhom. Dan il-proġett huwa mfassal biex jillieva l-kompetenza esperta esterna bħala multiplikatur tal-forzi, b'kont meħud tar-riżorsi tal-persunal disponibbli tal-PTS.
Il-pjattaforma ta' żvilupp tal-vDEC (hardware u software) tipprovdi pjattaforma għall-iskambju xjentifiku bl-għoti ta' aċċess għal arkivju kbir ta' data parametrika, fil-forma ta' mewġa u radjonuklida lir-riċerkaturi li jkunu qed jaħdmu fuq it-titjib tal-ipproċessar fl-IDC. Il-vDEC jipprovdi wkoll aċċess għas-sofware u aċċess għal verżjonijiet ta' ttestjar tal-pipelines tal-ipproċessar biex ikunu jistgħu jiddaħħlu u jiġu ttestjati moduli ta' sostituzzjoni.
B'mod partikolari, is-SC3 ser jiġi implimentat fil-vDEC matul il-fażi ta' żvilupp u ttestjar tiegħu. Il-vDEC jipprovdi wkoll pjattaforma għall-integrazzjoni ta' data addizzjonali mad-data tal-IMS biex jiġi investigat it-titjib li jirriżulta minn din iż-żieda. Ser issir enfasi speċjali sabiex il-vDEC ikun disponibbli għall-akkademiċi magħżulin taħt il-komponent 3, kif meħtieġ.
Ser jintuża finanzjament biex jiġu kuntrattati servizzi ta' esperti biex jipprovdu assistenza lir-riċerkaturi li jużaw il-vDEC, u biex jiżguraw li s-sistema qiegħda taħdem tajjeb.
2.1.3.
Aktar pajjiżi li qed jiżviluppaw ser ikunu jistgħu jilħqu r-responsabbiltajiet ta' verifika tagħhom taħt is-CTBT u jużaw id-data tal-IMS u l-prodotti tal-IDC. L-assistenza u t-taħriġ tekniċi ser jiġu estiżi għal aktar pajjiżi fl-Amerika Latina u l-Karibew, u għal żewġ reġjuni oħrajn (l-Ewropa tal-Lvant u l-Asja tax-Xlokk, il-Paċifiku u l-Lvant Imbiegħed).
L-ambitu tal-applikazzjonijiet tad-data għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ser jitwessa' bl-iżvilupp u l-promozzjoni ta' pjattaforma integrata ta' software fuq SC3. Dak is-software ser jiġi estiż għall-ipproċessar ta' data idroakustika u infrasound. Minħabba li s-SC3 diġà jintuża b'mod wiesa' u jiffaċilita l-iskambju faċli ta' data, dan ser ikun mezz li jilħaq ħafna aktar NDCs u stabbilimenti oħrajn minn qabel.
Ser jinbeda programm ta' boroż ta' studju għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' talent xjentifiku fil-monitoraġġ tal-isplużjonijiet nukleari biex jiġu appoġġati l-istabbilimenti nazzjonali tagħhom u fl-istess ħin jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tar-riċerka xjentifika li huma vitali għall-verifika tas-CTBT kif ukoll l-applikazzjonijiet ċivili u xjentifiċi.
Il-pjattaforma vDEC li tipprovdi pjattaforma għall-iskambju xjentifiku ser tinżamm u titwessa' biex tinkludi l-pjattaforma SC3.
2.2. Proġett 2: Żvilupp tal-Kapaċitajiet għall-Ġenerazzjonijiet Futuri ta' Esperti tas-CTBT - l-Inizjattiva Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDI)
2.2.1.
Is-CDI, stabbilita fl-2010, tagħmel parti ewlenija mill-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-Kummissjoni Preparatorja bil-għan li tibni u żżomm il-kapaċità meħtieġa fl-aspetti tekniċi, xjentifiċi, legali u politiċi tas-CTBT u r-reġim ta' verifika tiegħu. Din hija bbażata fuq ir-rikonoxxment li d-dħul fis-seħħ u l-universalizzazzjoni tas-CTBT u t-tisħiħ tar-reġim ta' verifika huwa dipendenti fuq l-involviment attiv u infurmat tal-ġenerazzjonijiet futuri ta' esperti tal-politika, legali u tekniċi, b'mod partikolari mid-dinja li qed tiżviluppa.
2.2.2.
Bil-ħsieb tad-dewmien kontinwu tad-dħul fis-seħħtas-CTBT, huwa ta' importanza vitali li jinżammu kemm l-appoġġ politiku għal, kif ukoll il-kompetenza esperta teknika, fl-aspetti kollha tas-CTBT. Bl-espansjoni tar-riżerva ta' kompetenza esperta lil hinn mill-partijiet interessati tradizzjonali, is-CDI ser itejjeb l-opportunitajiet biex il-komunità usa' tipparteċipa fit-tisħiħ u timplimenta b'mod effettiv ir-reġim ta' verifika tas-CTBT stabbilit multilateralment.
Il-proġett jikkonsisti minn tliet komponenti:
1. Komponent 1:
Parteċipazzjoni fis-Seminars "Ħarreġ lill-Ħarrieġa" fl-2013 u l-2014.
2. Komponent 2:
Parteċipazzjoni tal-Esperti minn Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw fil-Korsijiet ta' Taħriġ tas-CDI u Appoġġ għall-Proġetti ta' Riċerka Konġunta.
3. Komponent 3:
Titjib tal-Pjattaforma e-learning tas-CDI u Għodod Multimedia Edukattivi.
Permezz tas-seminars "Ħarreġ lill-Ħarrieġa", il-Kummissjoni Preparatorja ser tipprovdi gwida metodoloġika għall-akkademiċi u l-istituzzjonijiet tar-riċerka involuti fil-oqsma relatati tas-CTBT, u b'hekk jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u l-fehim tas-CTBT fil-komunità akkademika u fost il-professjonisti tal-politika. Il-finanzjament ipprovdut ser jikkontribwixxi għall-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti mill-akkademji u l-istituzzjonijiet tar-riċerka - b'enfasi fuq l-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka fl-Ewropa u d-dinja li qed tiżviluppa - li ser jagħtu korsijiet u joffru programmi ta' taħriġ dwar is-CTBT, b'mod partikolari dwar l-aspetti xjentifiċi u tekniċi tiegħu.
Is-seminars, li għandhom isiru fl-2013 u l-2014, ser jilqgħu professuri u riċerkaturi min-naħat kollha tad-dinja, inklużi dawk mill-Istati elenkati fl-Anness 2 għas-CTBT, li ser jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar it-tagħlim ta' kwistjonijiet relatati mas-CTBT u jirċievu taħriġ dwar kif il-materjali tal-kors tas-CDI jiġu integrati fil-kurrikuli tagħhom. Is-seminars ser jesploraw ukoll modalitajiet biex jiżdied l-ammont ta' proġetti ta' riċerka relatati mas-CTBT fl-universitajiet fil-mira, u jinkoraġġixxu lill-parteċipanti biex jinnominaw studenti biex jipparteċipaw fil-korsijiet tas-CDI.
— Parteċipazzjoni fil-Korsijiet ta' Taħriġ tas-CDI
F'konformità mas-suċċess bla paragun tal-Kors tax-Xjenza Avvanzata tal-2011, li ħarreġ mijiet ta' individwi fosthom Operaturi tal-Istazzjonijiet, analisti tal-NDC, diplomatiċi, studenti u membri tas-soċjetà ċivili, il-Kummissjoni Preparatorja ser tkompli toffri korsijiet annwali tas-CTBT ibbażati fuq ix-xjenza. Il-Kummissjoni Preparatorja ser tlaqqa' kors intensiv ta' ġimagħtejn ibbażat fuq ix-xjenza u t-teknoloġija matul Novembru 2012 u kors simili fl-aħħar tal-2013. Dawn il-korsijiet ser jiġu offruti fi Vjenna u jużaw ambjent ta' tagħlim online imfassal apposta, inklużi lekċers b'live streaming għal dawk li jipparteċipaw minn madwar id-dinja kollha.
Il-finanzjament ipprovdut ser jikkontribwixxi għall-parteċipazzjoni ta' bejn wieħed u ieħor 15-il espert fis-sena - b'enfasi fuq in-nisa u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw - fil-korsijiet ta' taħriġ xjentifiċi u tekniċi tas-CDI.
— Proġetti ta' Riċerka Konġunta
Il-finanzjament ser jikkontribwixxi għall-appoġġ tal-proġetti ta' riċerka konġunta dwar ir-reġim ta' verifika tas-CTBT, permezz ta' boroż ta' studju tar-riċerka bbażati fuq il-mertu għall-kandidati għal PhD u ta' wara d-dottorat mill-Ewropa u pajjiżi li qed jiżviluppaw. Din ir-riċerka ser tkun assoċjata mal-proġetti eżistenti tal-Kummissjoni Preparatorja.
— Żvilupp Tekniku tal-Pjattaforma e-learning
Il-finanzjament ser jikkontribwixxi għal aktar titjib tal-Pjattaforma e-learning, kif ukoll id-disinn u l-iżvilupp ta' għodod multimedia addizzjonali li ser jassistu fl-objettivi tas-CDI - inkluża l-implimentazzjoni ta' strateġiji biex tiżdied id-disponibbiltà tar-riżorsi tas-CDI fid-dinja li qed tiżviluppa. B'mod partikolari, il-konsulent ser jesplora opportunitajiet biex ikomplu jittejbu r-riżorsi tas-CDI għall-pjattaformi mobbli ta' tagħlim, u għodod multimedia edukattivi addizzjonali oħrajn u materjali promozzjonali.
— Ħolqien ta' Kontenut għar-Riżorsi tas-CDI
Il-finanzjament ser jikontribwixxi għall-iżvilupp tal-kontenut edukattiv u ta' taħriġ tas-CDI li ser jintuża biex tiġi popolata l-pjattaforma e-learning, u għall-ħolqien ta' għodod multimedia tas-CDI oħrajn. Dan l-approċċ ser jiffoka wkoll fuq l-integrazzjoni tal-materjali tas-CDI f'media ġodda u l-użu ta' netwerks soċjali tal-massa għall-promozzjoni tas-CTBT u r-reġim ta' verifika tiegħu.
2.2.3.
L-esperjenza tas-CDI uriet li b'investiment relattivament minimu, akkoppjat ma' viżjoni strateġika, jistgħu jintlaħqu redditi massimi għall-Unjoni. B'infrastruttura tas-CDI diġà fis-seħħ u l-approċċ istituzzjonalizzat fil-ħidma tal-Kummissjoni Preparatorja, finanzjament addizzjonali ser jippermetti lill-Kummissjoni Preparatorja biex tkompli ttejjeb il-proġetti kontinwi u tiżviluppa modi aktar innovattivi għall-għoti ta' taħriġ u edukazzjoni f'oqsma relatati mas-CTBT għall-usa' grupp fil-mira possibbli.
Din l-inizjattiva tkompli wkoll l-azzjonijiet deskritti fl-istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (AQM). B'mod speċifiku, il-korsijiet u l-attivitajiet ta' taħriġ tas-CDI jsaħħu l-isforzi għall-iżvilupp u s-sostenn tal-multilateraliżmu bħala l-pedament għal strateġija effettiva ta' nonproliferazzjoni tal-AQM, bl-iżvilupp tal-kapaċità fl-oqsma legali, politiċi, xjentifiċi u tekniċi. Barra minn hekk, l-involviment ma' komunità usa' ta' partijiet interessati fil-komunità internazzjonali dwar kwistjonijiet relatati mas-CTBT iqajjem kuxjenza dwar is-CTBT u jsaħħaħ l-isforzi biex jintlaħqu l-universalità u d-dħul fis-seħħ tiegħu.
2.3. Proġett 3: Titjib tal-Mudell tat-Trasport Atmosferiku (ATM)
2.3.1.
L- ATM stazzjonat u użat mill-Kummissjoni Preparatorja wera l-utilità konsiderevoli tiegħu għal applikazzjonijiet ċivili, pereżempju bl-għoti ta' tbassir tat-tixrid ta' radjonuklidi emessi mill-impjant nukleari Dai-ichi fl-2011.
Is-sistema ATM attwali issa laħqet ċerta maturità, u kwalunkwe titjib ulterjuri jeħtieġ investiment f'termini ta' riżorsi komputazzjonali u għarfien espert. Għalhekk, ġie nnutat b'interess kbir il-kontribuzzjoni volontarja tal-Ġappun biex jappoġġa l-akkwist ta' hardware ġdid tal-ATM li għandu jospita s-sistema futura tal-ATM. Sabiex jassisti lill-Kummissjoni Preparatorja fl-aċċellerazzjoni tal-proċess ta' teħid tal-benefiċċji minn din il-qawwa komputazzjonali addizzjonali, dan il-proġett ser jippermetti lill-Kummissjoni Preparatorja tikkuntratta servizzi esperti tal-ATM biex jissupplimentaw il-persunal limitat tal-iskwadra tal-ATM fl-IDC ("l-espert tal-ATM").
2.3.2.
L-espert tal-ATM għandu jiffoka fuq it-titjib tal-kapaċitajiet tal-ATM. Il-kompiti assenjati lill-espert tal-ATM ser jiffukaw fuq li jsir l-aktar użu effettiv mill-qawwa komputazzjonali addizzjonali ffinanzjata mill-kontribuzzjoni Ġappuniża, biex jiġi żgurat l-aktar immudellar preċiż possibbli ta' tixrid tar-radjonuklidi f'każijiet speċjali. Dawn il-kompiti għandhom jiġu allinjati mal-missjoni tal-Kummissjoni Preparatorja.
Il-kompiti għandhom jinkludu iżda mhumiex limitati għal:
(a) akkwist tal-oqsma meteoroloġiċi ta' kwalità għolja b'riżoluzzjoni għolja f'kollaborazzjoni mal-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija (WMO) u l-istituti speċjalizzati tal-Istati Membri tagħha;
(b) titjib tal-moduli rilevanti għar-radjonuklidi u speċifikazzjoni ta' konfigurazzjoni ottimali ta' mudell(i) ta' trasport atmosferiku;
(c) identifikazzjoni tal-ħtiġijiet f'termini tal-appoġġ tal-ATM għall-applikazzjonijiet ċivili permezz ta' interazzjonijiet mal-esperti esterni, inkluża kollaborazzjoni mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA);
(d) inkorporazzjoni ta' dawn l-iżviluppi fit-titjib tal-appoġġ tal-ATM għall-avvenimenti rilevanti għas-CTBT.
L-espert tal-ATM għandu għalhekk ikollu esperjenza sostanzjali fil-fehim tal-proċessi atmosferiċi u l-fenomenu tat-trasport ta' radjonuklidi b'mod partikolari, għarfien espert tat-tbassir u t-tixrid numeriku tal-ajru, kapaċitajiet tekniċi ta' kodifikazzjoni u scripting kif ukoll ħiliet interpersonali meħtieġa biex tiġi żgurata kooperazzjoni bla xkiel u msaħħa bejn is-CTBTO, il-WMO, l-IAEA u l-Kumitat tal-Interaġenziji għar-Rispons għall-Emerġenzi Nukleari (IACRNE).
2.3.3.
Eżitu ta' dan il-proġett għandu jkun il-kapaċità ta' avangwardja tal-ATM li jappoġġa kemm il-missjoni tal-Kummissjoni Preparatorja kif ukoll l-applikazzjoni ċivili pertinenti. Dan għandu jiffaċilita wkoll koordinazzjoni aħjar tar-riżorsi tal-ATM bejn l-organizzazzjonijiet internazzjonali u jiffaċilita l-komunikazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni.
2.4. Proġett 4: Karatterizzazzjoni u Mitigazzjoni tar-Radjukseno
2.4.1.
Ir-radjukseno huwa indikatur ewlieni biex jiġi determinat jekk tkunx seħħet splużjoni nukleari. F'dawn l-aħħar 10-15-il sena, it-teknoloġiji ta' kejl tal-IMS tjiebu b'mod sinifikanti. Is-sensittività tan-netwerk tal-gass nobbli tal-IMS hija, b'riżultat ta' dan, dejjem aktar influwenzata mill-isfond ta' radjukseno globali emess mill-applikazzjonijiet nukleari ċivili (bħall-faċilitajiet ta' produzzjoni isotopika medika). Dan il-proġett jibni fuq l-azzjonijiet appoġġati permezz tal-Azzjoni Konġunta 2008/588/PESK.
2.4.2.
Dan il-proġett jikkonsisti minn żewġ komponenti:
1. Komponent 1: Karatterizzazzjoni tal-isfond tar-radjukseno;
2. Komponent 2: Mitigazzjoni tar-radjukseno.
Il-Kummissjoni Preparatorja tkejjel ir-radjukseno fl-ambjent b'sistemi sensittivi ħafna bħala parti importanti mis-sistema ta' verifika tas-CTBT. Bil-kontribuzzjoni riċevuta mill-Unjoni fil-qafas tal-Azzjoni Konġunta 2008/588/PESK, il-Kummissjoni Preparatorja xtrat żewġ sistemi trasportabbli biex jitkejlu r-radjoisotopi, 133Xe, 135Xe, 133mXe u 131mXe. Is-sistemi ser jintużaw biex jitkejjel l-isfond tar-radjukseno fl-Indonesja u l-Kuwajt. Għal dan il-għan ġew stabbiliti l-ftehimiet ta' kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet sħab (il-BATAN, l-Indonesja u l-KISR, il-Kuwajt).
Minħabba li ż-żewġ postijiet jagħtu informazzjoni konsiderevoli dwar il-karatterizzazzjoni tal-isfond globali tar-radjukseno, l-għan ta' dan il-proġett huwa, l-ewwel nett, li testendi l-kampanji ta' kejl fl-Indonesja u l-Kuwajt b'sitt xhur sa 12-il xahar ieħor. L-estensjoni tal-kampanji ta' kejl tippermetti l-karatterizzazzjoni ta' dawn iż-żewġ postijiet matul iċ-ċiklu ta' 12-il xahar kollu, u tkopri l-kondizzjonijiet staġonali kollha.
It-tieni nett, wara t-tmiem ta' dawn il-kampanji, il-PTS qiegħed jippjana li jwettaq kejl addizzjonali fiż-żoni fejn l-isfond globali tar-radjukseno mhux magħruf bis-sħiħ u l-effetti tiegħu fuq l-IMS mhumiex magħrufin. Il-Golf Persjan u l-Amerika jitqiesu bħala l-postijiet li jmiss.
Sabiex jitkomplew dawn il-kampanji ta' kejl, jinħtieġu fondi għat-trasport tas-sistemi mobbli ta' Gass Nobbli lejn postijiet ġodda, u għall-operat taż-żewġ sistemi għal perijodu ta' preferibbilment mill-inqas 12-il xahar f'kull post, inkluża l-manutenzjoni perjodika.
Wara dawn il-kampanji ta' kejl, is-sistemi ser ikunu disponibbli biex jintużaw mill-PTS għal studji ta' segwitu tal-isfond tar-radjukseno u/jew bħala sistemi ta' taħriġ.
Dan il-komponent jinvolvi studju pilota li jeżamina l-possibbiltajiet ta' assorbiment tal-isotopi tar-radjukseno minn materjali u metodi differenti u jiżviluppa sistema ta' filtrazzjoni. Dan għandu l-għan li jtejjeb il-kapaċità ta' rilevament tal-IMS u l-affidabbiltà u l-kwalità tad-data tal-IDC.
Dan il-komponent għandu l-għan li jiżviluppa sistema żgħira u versatili, li tista' tintuża faċilment fi stadji differenti tal-proċess ta' produzzjoni sabiex jiġi determinat il-post ottimali tas-sistema ta' tnaqqis fl-istabbiliment ta' faċilità. Il-versatilità tas-sistema ta' tnaqqis ser tiffaċilita wkoll l-użu ġewwa faċilitajiet ta' produzzjoni tal-isotopi oħrajn.
Filwaqt li l-attivitajiet tal-passat appoġġati mill-Unjoni ppermettew li l-kwistjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet nobbli tiġi mmappjata, dan l-istudju pilota jagħmel pass ulterjuri u jaħseb f'soluzzjonijiet konkreti biex jinsab rimedju għall-problema. Dan il-komponent ser jibni fuq studju preliminari li twettaq miċ-Ċentru Belġjan tar-Riċerka Nukleari (SCK•CEN, il-Belġju) u l-Laboratorju Paċifiku Nazzjonali tal-Majjistral (Stati Uniti tal-Amerika).
Dan il-komponent jikkonsisti minn tliet elementi:
Element 1: esperimenti ta' assorbiment tar-radjukseno: kostruzzjoni ta' stabbiliment sperimentali u ttestjar ta' diversi materjali ta' assorbiment (żeolit tal-fidda, passatur molekolari tal-karbonju) taħt kondizzjonijiet differenti (temperatura, fluss, gass trasportatur).
Element 2: tfassil ta' sistema portabbli ta' filtrazzjoni bbażata fuq l-analiżi tal-esperimenti ta' assorbiment imwettqa fil-fażi 1.
Element 3: kostruzzjoni ta' sistema portabbli ottimizzata ta' filtrazzjoni u ttestjar fuq skala ta' laboratorju. Wara dan il-pass, is-sistema portabbli ta' filtrazzjoni ser tkun lesta biex tiġi ttestjata fil-faċilitajiet radjofarmaċewtiċi ta' produzzjoni fl-Istitut Nazzjonali Belġjan għar-Radjoelementi (IRE, il-Belġju). Is-sistema ser tinkludi strumenti ta' rilevament tar-radjazzjoni biex jiġi determinat il-fattur ta' tnaqqis tar-radjukseno li nkiseb fil-qasam.
Wara kull stadju t-tagħlim kollu miksub ser jinġabar f'rapport dettaljat.
Il-ħidma ta' implimentazzjoni ta' dan il-komponent ser titwettaq mill-kuntratturi. Il-Kummissjoni Preparatorja ser tipprovdi l-kompetenza esperta tagħha dwar il-qbid tal-kseno, kif meħtieġ.
Il-Kummissjoni Preparatorja ser tkompli wkoll tissorvelja l-emissjonijiet tar-radjukseno kif rilevati mill-istazzjonijiet fil-qrib. It-tnaqqis tal-emissjonijiet għandu jkollu effett imminenti fuq il-livelli ta' radjukseno identifikati. L-użu tal-kejl ta' emissjonijiet fil-faċilità fil-Belġju (jiġifieri stack monitoring) jista' wkoll jipprovdi informazzjoni dwar is-suċċess tat-tnaqqis, u l-Kummissjoni Preparatorja tista' tassisti fl-analiżi ta' din id-data.
2.4.3.
F'konformità mal-objettivi ta' nonproliferazzjoni tal-Unjoni, dan il-proġett ser jikkontribwixxi biex il-monitoraġġ u s-sistema ta' verifika tas-CTBT isiru aktar robusti, u għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja biex ir-radjukseno jiġi ssorveljat b'mod aktar preċiż. Bil-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tar-radjukseno minn applikazzjonijiet ċivili, l-emissjonijiet futuri - li jibqgħu indikatur ewlieni għall-monitoraġġ u l-verifika tal-attività nukleari - ikunu attribwiti b'mod aktar affidabbli għall-isplużjonijiet nukleari.
Il-bini u l-manutenzjoni ta' reġim ta' verifika robusta jirrinfurzaw il-kapaċitajiet u l-kredibbiltà tas-CTBT, li min-naħa tiegħu jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-argumenti favur id-dħul fis-seħħ u l-universalizzazzjoni tiegħu.
Filwaqt li l-attivitajiet tal-passat fil-qafas tal-Azzjoni Konġunta 2008/588/PESK u d-Deċiżjoni 2010/461/PESK ppermettew tal-problema tal-emissjonijiet tal-gass nobbli tiġi mmappjata, il-finanzjament addizzjonali jikkomplementa l-finanzjament preċedenti tal-Unjoni u jippermetti li tibda tiġi rimedjata l-problema tal-emissjonijiet tal-gass nobbli. Il-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni Preparatorja u l-istituzzjonijiet assenjati (SCK•CEN u IRE) tiżgura kontinwità fil-ħidma li saret, u tottimizza r-riżorsi ta' għarfien u kompetenza esperta eżistenti.
2.5. Proġett 5: Appoġġ għall-Eżerċizzju Integrat fil-Post għall-2014 (IFE14): Żvilupp ta' Impjant Multispettrali Integrat
2.5.1.
Dan il-proġett għandu l-għan li jappoġġa l- IFE14 permezz tal-iżvilupp ta' impjant multispettrali integrat bl-użu ta' tagħmir mixtri u ta' kontribuzzjoni in natura.
Il-Kummissjoni Preparatorja għandha l-mandat li tkompli l-attivitajiet tagħha relatati mal-teknoloġija tal-Multispettri u Infra-aħmar (MSIR) biex tiġi determinata l-ispeċifikazzjoni tat-tagħmir u l-proċeduri operattivi għal OSI.
Id-Deċiżjoni 2010/461/PESK ffinanzjat il-Laqgħa tal-Esperti dwar l-Immaġni Multispettrali u l-Infra-aħmar għall-Ispezzjonijiet Fuq il-Post (MSEM-11) li saret bejn it-30 ta' Marzu u l-1 ta' April 2011 f'Ruma, l-Italja, li kkonkludiet li l-istrumenti tal-Prodott Kummerċjalment Disponibbli (COTS) għandhom jiġu kkunsidrati għal użu fl-OSI minħabba li dawn jirrappreżentaw l-aktar għażla kost-effettiva għal din it-teknoloġija. Il-valur tat-teknoloġija tal-MSIR għall-OSI ġie rinfurzat matul it-test tal-MSIR fl-Ungerija f'Settembru 2011.
Ġew identifikati karatteristiċi relevanti għall-OSI bl-użu ta' matriċi integrat tas-sensuri tal-MSIB. L-Ungerija offriet bħala kontribuzzjoni in natura l-użu ta' żewġ sensuri tal-ajru, li jirrilevaw fl-infra-aħmar viżibbli/viċin (VNIR) u l-infra-aħmar b'mewġa qasira (SWIR). It-telerilevament bl-ajru li juża teknoloġija MSIB joffri opportunitajiet konsiderevoli għal OSI imma sistemi differenti jinkludu attwalment diversi sensuri individwali b'rutini ta' proċessar diskret u individwali bl-użu ta' pakketti ta' software apposta differenti. Bħala tali, ftit huma s-sistemi integrati tal-MSIB li jistgħu jiksbu data simultanja tul il-medda spettrali ta' interess għall-OSI.
2.5.2.
Biex tiġi ottimizzata l-applikazzjoni ta' teknoloġija ta' telerilevament mill-ajru tal-MSIB fi ħdan OSI, dan il-proġett ifittex li jiġbor flimkien sistema li tinkludi matriċi kompatta ta' sensuri magħżula rilevanti għall-OSI b'katina predefinita ta' postproċessar bl-użu ta' rutini speċifiċi ta' software OSI li jħaffu l-analisi kwantitattiva tad-data u jgħaġġlu d-disponibbiltà tal-outputs għat-Tim ta' Spezzjoni.
Dan l-approċċ kaxxa waħda/software wieħed għandu l-potenzjal li jsaħħaħ bil-kbir il-ħidma tat-Tim ta' Spezzjoni.
Is-sistema MSIB tista' titqies li hi modulari, bil-possibbiltà li jiżdiedu sensuri addizzjonali għall-matriċi meta l-fondi jippermettu.
Idealment, is-sistema tkun tinkludi:
(a) sensur multi/iperspettrali li jirrileva fil-VNIR għal identifikazzjoni ta' karatteristiċi bħas-superfiċji antropoġeniċi, xejriet ta' veġetazzjoni u tensjoni;
(b) sensur multi/iperspettrali li jirrileva fis-SWIR għall-identifikazzjoni ta' xejriet u bidliet b'kontenut ta' ndewwa fid-distribuzzjoni ta' materjali inorganiċi differenti;
(c) kamera diġitali RGB (użata flimkien mal-LIDAR) għall-ġenerazzjoni ta' ritratt ortofotografiku taż-żona ta' spezzjoni sabiex tippermetti l-orjentament tat-timijiet fil-post u tingħata informazzjoni kuntestwali;
(d) strument LIDAR sabiex jippermetti l-ġenerazzjoni ta' mudell topografiku għall-ortorettifika tal-immaġini u użat bħala mezz ta' rilevament ta' karatteristiċi taħt kanupew;
(e) kamera diġitali termali li tippermetti r-rilevament ta' xejriet termali kkawżati minn movimenti ta' vettura u ilma sħun u kiesaħ fis-superfiċji jew qribu.
(f) filmat minn fuq, li ser jipprovdi fly-through taż-żona ta' spezzjoni għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni (IT);
(g) GPS u t-tagħmir anċillari kollu inklużi monitors u kaxxa ċertifikata tal-istrument għall-operazzjoni simultanja tas-sensuri.
L-oġġetti (a), (b) u parti minn (g) huma offruti bħala kontribuzzjoni in natura mill-Ungerija, u dan jifforma l-qalba tas-sistema MSIB. Sensuri addizzjonali u oġġetti anċillari għandhom jiżdiedu mas-sistema abbażi tal-ġerarkija li ġejja skont il-fondi disponibbli: (c), (e), (d) u (f).
Fl-ewwl fażi tal-iżvilupp ix-xiri ta' oġġetti (c), (e) u (d) huwa desiderabbli peress li dawn għandhom il-potenzjal li joffru l-akbar dixxerniment lit-Tim ta' Spezzjoni.
Barra mill-hardware, l-iżvilupp ta' pjattaforma għas-software tipprovdi katina predefinita u ottimizzata ta' postproċessar bl-użu ta' rutini spċeifiċi OSI biex titħaffef l-analisi kwantitattiva tad-data telerilevata mill-ajru.
2.5.3.
Dan il-proġett jintrabat mal-objettivi tal-politika ta' nonproliferazzjoni tal-Unjoni u jippromwoviha, u jsaħħaħ il-kapaċitajiet ta' rilevament u verifika tal-Kummissjoni Preparatorja. Dan il-proġett joħloq ukoll element ta' innovazzjoni u ħidma ta' żvilupp.
2.6. Proġett 6: Sostenn tal-Istazzjonijiet Sismiċi Awżiljarji Ċertifikati tal-IMS
2.6.1.
Dan il-proġett għandu l-għan li jibni fuq il-progress miksub permezz tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2010/461/PESK. Il-fokus prinċipali ta' dik id-Deċiżjoni kien li jiġu indirizzati l-istazzjonijiet li fallew li kellhom bżonn urġenti ta' azzjoni ta' manutenzjoni, li jiġi indirizzat it-tagħmir obsolet u li jittejbu l-livelli ta' rikambju tat-tagħmir fi stazzjonijiet magħżula.
L-għan ta' dan il-proġett huwa li jibni fuq t-tagħlimiet mislutin u jiffoka fuq it-tisħiħ tal-istrutturi ta' sostenn għal dawn l-istazzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw fit-tul, bl-istabbiliment ta' sostenn baġitarju "żero/baxx" li jippermetti kuntratti mal-Operaturi tal-Istazzjon. Dan il-proġett għandu wkoll komponent ta' forniment/sostituzzjoni ta' mezzi meħtieġa ta' trasport li huwa neċessarju għall-Operaturi tal-Istazzjon biex iwettqu l-kompiti tagħhom b'mod effiċjenti u f'waqtu.
2.6.2.
Dan il-proġett jimmira li jimplimenta sostenn ta' "valur żero/valur baxx" li jippermetti kuntratt mal-istituzzjoni nominata tal-Operatur tal-Istazzjon tal-pajjiżi ospitanti li urew ir-rieda tagħhom li jimplimentaw l-istruttura meħtieġa ta' appoġġ f'pajjiżhom għall-istazzjonijiet tagħhom, sabiex tiġi ffaċilitata l-ħidma kontraenti tal-PTS f'dawn l-istazzjonijiet.
Sakemm jiġi żgurat livell ta' sostenn għall-istazzjonijiet fil-mira, tista' tkun meħtieġa żjara ta' assistenza teknika annwali mill-PTS sabiex ikun żgurat livell ta' manutenzjoni tal-istazzjon. Ix-xiri tal-vetturi (jew mezzi xierqa ta' trasport) għas-sostenn fil-postijiet ivvalutati teknikament jista' jkun meħtieġ. Bħala parti mill-istabbiliment ta' diversi stazzjonijiet sismiċi awżiljarji, kienu ġew ipprovvduti vetturi għall-Operaturi tal-Istazzjon sabiex jippermettu reazzjoni fil-pront f'każ ta' ħsarat u sabiex ikunu żgurati mezzi ta' trasport għall-operazzjoni u manutenzjoni ta' rutina. Ħafna minn dawn il-vetturi issa laħqu t-tmiem taċ-ċiklu tal-użu tagħhom u għandhom jiġu sostitwiti. Ħafna Operaturi tal-Istazzjoni u pajjiżi ospitanti, madankollu, m'għandhomx ir-riżorsi neċessarji għal tali sostituzzjoni ppjanata. Il-fondi ser jintużaw ukoll biex jiġu kkuntrattjati servizzi tal-esperti.
Il-Kummissjoni Preparatorja tipprevedi attivitajiet b'appoġġ għall-akbar numru ta' stazzjonijiet possibbli sabiex jiġu inklużi wkoll pajjiżi li jappartjenu għar-reġjuni li ġejjin: l-Ewropa tal-Lvant, l-Asja tan-Nofsinhar, il-Paċifiku, l-Amerika Latina u l-Karibew u l-Lvant Nofsani. L-istabbiliment ta' stazzjonijiet li jibbenefikaw ser ikunu soġġetti għal valutazzjoni minn qabel ta' fattibbiltà mill-Kummissjoni Preparatorja skont il-kondizzjonijiet lokali li jipprevalu f'dak il-mument.
2.6.3.
Peress li riżultati dejjiema ta' dan il-proġett jiddependu bil-kbir fuq il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi ospitanti tal-faċilitajiet tal-istazzjonijiet sismiċi awżiljarji mmirati u ċċertifikati tal-IMS, l-esperjenza attwali turi li l-livell tagħhom ta' respons ta' spiss huwa baxx u huwa meħtieġ sforz konsiderevoli f'termini ta' informazzjoni, taħriġ u edukazzjoni. Dan il-proġett jappoġġa dawk l-isforzi u jsaħħaħ il-fehim rigward dak li huwa meħtieġ li jidħol fis-seħħ u sabiex jiġu sostnuti tali stazzjonijiet.
Dan il-proġett għandu jenfasizza r-rwol tal-pajjiż ospitanti, l-Awtoritajiet Nazzjonali u l-Missjonnijiet Permanenti rispettivi u l-ħtieġa li jiġi stabbilit ftehim ta' faċilità u jiġi nnominat Operatur ta' Stazzjon sabiex eventwalment jintlaħaq livell ta' disponibbiltà ta' data aċċettabbli għal dawn l-istazzjonijiet.
Dan il-proġett ser jikkontribwixxi għal żieda fid-disponibbiltà tad-data tan-netwerk tal-istazzjonijiet sismiċi awżiljarji bħala riżultat ta' Operaturi tal-Istazzjon imħarrġa aħjar, strutturi ta' sostenn imsaħħa, żieda fir-rikambju u aktar viżibbiltà għall-Unjoni.
3. DURATA
Id-durata totali għall-implimentazzjoni tal-proġetti hija stmata għal 36 xahar.
4. BENEFIĊJARJI
Il-benefiċjarji tal-proġetti li għandhom jiġu appoġġati skont din id-Deċiżjoni huma l-Istati Firmatarji kollha tas-CTBT, kif ukoll il-Kummissjoni Preparatorja.
5. ENTITÀ IMPLIMENTATTIVA
Il-Kummissjoni Preparatorja ser tiġi fdata bl-implementazzjoni teknika tal-proġetti. Il-proġetti ser jiġu implementati direttament mill-persunal tal-Kummissjoni Preparatorja, mill-esperti mill-Istati Firmatarji tas-CTBT u mill-kuntratturi.
Huwa previst li l-finanzjament ser jintuża biex jiġi kkuntrattjat konsulent tal-ġestjoni tal-proġetti li ser ikun responsabbli li jassisti lill-Kummissjoni Preparatorja fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni; għall-obbligi tar-rappurtar matul il-perijodu sħiħ ta' implimentazzjoni, inkluż ir-rapport narrattiv finali u r-rapport finanzjarju finali; li jinżamm arkivju tad-dokumenti kollha relatati ma' din id-Deċiżjoni, speċjalment fid-dawl ta' missjonijiet ta' verifika possibbli; li jiżgura l-viżibbiltà tal-Unjoni fl-aspetti kollha tagħha; li jiżgura li l-attivitajiet kollha li jinvolvu l-finanzi, il-liġi u l-ambjent ikunu konformi mal-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv (FQFA) u li jiżgura li l-informazzjoni kollha, inkluża informazzjoni baġitarja, tkun kompleta, preċiża u pprovduta f'waqtu.
L-implimentazzjoni tal-proġetti ser tkun f'konformità mal-FQFA u l-ftehim ta' finanzjament li għandu jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Kummissjoni Preparatorja.
6. PARTEĊIPANTI TERZI
Il-proġetti ser jiġu ffinanzjati fl-intier tagħhom minn din id-Deċiżjoni. L-esperti mill-Kummissjoni Preparatorja u mill-Istati Firmatarji tas-CTBT jistgħu jitqiesu bħala parteċipanti terzi. Huma ser jaħdmu skont ir-regoli ta' ħidma standard għall-esperti tal-Kummissjoni Preparatorja.
( 1 ) ĠU L 302, 20.11.2003, p. 34.
( 2 ) ĠU L 88, 25.3.2006, p. 68.
( 3 ) ĠU L 176, 6.7.2007, p. 31.
( 4 ) ĠU L 189, 17.7.2008, p. 28.
( 5 ) ĠU L 219, 20.8.2010, p. 7.