Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02012D0481-20181023

    Consolidated text: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Awwissu 2012 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta stampata (notifikata bid-dokument numru C(2012) 5364) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (2012/481/UE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/481/2018-10-23

    02012D0481 — MT — 23.10.2018 — 003.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-16 ta’ Awwissu 2012

    li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta stampata

    (notifikata bid-dokument numru C(2012) 5364)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2012/481/UE)

    (ĠU L 223 21.8.2012, p. 55)

    Emendata bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI 2014/345/UE tas-6 ta' Ġunju 2014

      L 170

    64

    11.6.2014

     M2

    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/877 Test b'rilevanza għaż-ŻEE tal-4 ta' Ġunju 2015

      L 142

    32

    6.6.2015

    ►M3

    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1590 Test b'rilevanza għaż-ŻEE tad-19 ta' Ottubru 2018

      L 264

    24

    23.10.2018


    Ikkoreġuta bi:

    ►C1

    Rettifika, ĠU L 125, 7.5.2013, p.  35 (2012/481/UE)




    ▼B

    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-16 ta’ Awwissu 2012

    li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta stampata

    (notifikata bid-dokument numru C(2012) 5364)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2012/481/UE)



    Artikolu 1

    ▼M1

    1.  Il-grupp ta' prodotti ta' “karta stampata” għandu jinkludi kull prodott tal-karta stampata li jikkonsisti, f'tal-anqas 90 % mill-piż tiegħu, minn karta, kartuna tal-karta jew sustrati bbażati fuq il-karta, għajr kotba, katalgi, ktejbiet jew formoli, li għandhom jikkonsistu, f'tal-anqas 80 % mill-piż tagħhom, minn karta, kartuna tal-karta jew sustrati bbażati fuq il-karta. Il-partijiet miżjuda, il-qxur u kwalunkwe parti bil-karta stampata tal-karta stampata aħħarija għandhom jitqiesu bħala parti mill-prodott tal-karta stampata.

    ▼B

    2.  Il-partijiet miżjuda (inserts) li jiġu ffissati fuq il-prodott tal-karta stampata (u li mhux maħsub li jinqalgħu) għandhom jilħqu r-rekwiżiti tal-Anness għal din id-Deċiżjoni. Il-partijiet miżjuda li ma jkunux iffissati fuq il-karta stampata (ngħidu aħna, fuljetti jew stikers li jinqalgħu) iżda jinbiegħu jew jiġu pprovduti magħha, għandhom jilħqu r-rekwiżiti tal-Anness għal din id-Deċiżjoni biss jekk ikun maħsub li l-Ekotikketta tal-UE titqiegħed fuqhom.

    3.  Il-grupp ta’ prodotti ta’ “karta stampata” ma għandux jinkludi dawn li ġejjin:

    (a) karta iġjenika stampata;

    (b) prodotti tal-karta stampata użati għall-ippakkjar u għat-tgeżwir;

    ▼M1

    (c) fowlders, envelops, ring binders u prodotti tal-karti għall-kartolerija.

    ▼B

    Artikolu 2

    Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    ▼M1

    (1) “Kotba” tfisser prodotti tal-karta stampata marbutin bl-ispaga jew imwaħħlin bil-kolla, bi qxur ibsin jew rotob, bħal kotba tal-iskola, kotba letterarji jew mhux letterarji, rapporti, manwali u paperbacks. “Kotba” ma jinkludux ġurnali, fuljetti, rivisti, katalgi ppubblikati b'mod regolari u rapporti annwali;

    ▼B

    (2) “Oġġetti ta’ konsum” tfisser prodotti kimiċi użati waqt il-proċessi tal-istampar, il-kisi u t-tlestija, kapaċi li jiġu kkonsmati, meqruda, dissipati, moħlija jew użati. L-“oġġetti ta’ konsum” jinkludu prodotti bħal linek u koloranti tal-istampar, toners, verniċi għal fuq l-istampar u verniċi oħrajn, adeżivi, aġenti tal-ħasil, u soluzzjonijiet għall-umidifikazzjoni;

    (3) “Fowlder” tfisser kaxxa jew qoxra li tintlewa biex iżżomm karti sfużi. Il-“fowlders” jinkludu prodotti bħad-dividers bil-werrej, kartiera tad-dokumenti, fowlders maqtugħin f’forma ta’ kaxxa, suspension files, kaxex tal-kartun, u fowlders bi tliet flaps;

    (4) “Solvent aloġenat organiku” tfisser solvent organiku li jkollu fih minn tal-anqas atoma waħda ta’ bromin, klorin, fluworin jew jodju għal kull molekola;

    (5) “Parti miżjuda” jew “insert” tfisser folja jew sezzjoni żejda, stampata b’mod indipendenti mill-prodott tal-karta stampata, li titqiegħed qalb il-paġni ta’ prodott tal-karta stampata u tista’ tinqala’ (loose insert), jew inkella tiġi legata fil-paġni tal-prodott tal-karta stampata, u b’hekk tiġi tifforma parti integrali minnha (fixed insert). Il-“partiijet miżjuda” jew “inserts” jinkludu riklami ta’ iktar minn paġna, ktejbiet, fuljetti, kartolini ta’ tweġiba, jew materjal promozzjonali ieħor;

    (6) “Gazzetta” tfisser pubblikazzjoni li toħroġ kuljum jew kull ġimgħa, li fiha aħbarijiet u tkun stampata fuq grad ta’ karta tal-gazzetti, magħmul mill-polpa u/jew mill-karta rkuprata, b’piż ta’ bejn 40 u 65 g/m2;

    (7) “Komponenti mhux tal-karta” tfisser il-partijiet kollha ta’ prodott tal-karta stampata li ma jikkonsistux f’karta, f’kartuna tal-karta, jew sustrati bbażati fuq il-karta;

    (8) “Imballaġġ” tfisser il-prodotti kollha magħmula minn kwalunkwe materjal tkun xi tkun in-natura tiegħu, sabiex jintużaw għaż-żamma, il-protezzjoni, l-immaniġġjar, it-twassil u l-preżentazzjoni ta’ prodotti, minn materja prima sa prodotti pproċessati, mill-produttur sal-utent jew il-konsumatur;

    ▼M1

    (9) “Prodott tal-karta stampata” tfisser il-prodott li jirriżulta mill-ipproċessar ta' materjal stampat. L-ipproċessar jikkonsisti fl-istampar fuq karta. Minbarra l-istampar, l-ipproċessar jista' jinkludi t-tlestija, pereżempju t-tiwi, l-ittimbrar, il-qtugħ jew l-immuntar, bl-użu tal-kolla, tal-legatura jew tal-ispag. Il-prodotti tal-karta stampata jinkludu gazzetti, materjal ta' riklamar u folji ta' aħbarijiet, ġurnali, katalgi, kotba, volantuni, fuljetti, kartelluni, biljetti ta' kuntatt, u tikketti;

    ▼B

    (10) “Stampar” (jew il-proċess tal-istampar) tfisser proċess li bih materjal ta’ stampar jiġi pproċessat fi prodott tal-karta stampata. L-“istampar” jinkludi l-operazzjonijiet ta’ pre-press, press, u post-press;

    (11) “Riċiklaġġ” tfisser kwalunkwe operazzjoni ta’ rkupru li biha l-materjali tal-iskart jiġu pproċessati mill-ġdid fi prodotti, materjali jew sustanzi għall-użu oriġinali jew għal skopijiet oħra. Dan jinkludi l-ipproċessar mill-ġdid ta’ materjal organiku iżda ma jinkludix l-irkupru ta’ enerġija, jew l-ipproċessar mill-ġdid f’materjali li għandhom jintużaw bħala fjuwils jew għal operazzjonijiet ta’ rdim mill-ġdid;

    (12) “VOC” (Komposti Organiċi Volatili) tfisser kull kompost organiku kif ukoll il-frazzjoni tal-krijożot, li f’temperatura ta’ 293,15 K ikollu pressjoni ta’ fwar ta’ 0,01 kPa jew aktar, jew li jkollu volatilità korrispondenti fil-kundizzjonijiet partikulari tal-użu tiegħu;

    (13) “Aġenti tal-ħasil” tfisser li ġej: (a) kimiċi likwidi li jintużaw għall-ħasil tal-forom tal-istampar, kemm separati (off-press) kif ukoll integrati (in-press), u pressi tal-istampar għat-tneħħija tal-linek tal-istampar, it-trab tal-karta u prodotti simili; (b) prodott tat-tindif għall-magni ta’ tlestija jew ta’ stampar, bħal prodotti li jneħħu l-adeżiv u r-residwi tal-verniċ; (c) prodotti li jneħħu l-linek tal-istampar, li jintużaw biex ilaħalħu l-linek tal-istampar li jkunu nixfu. L-“aġenti tal-ħasil” ma jinkludux l-aġenti tat-tindif għal partijiet oħra tal-magna tal-istampar jew għat-tindif ta’ magni li ma jkunux għall-istampar jew għat-tlestija;

    (14) “Karta skartata” tfisser karta li tiġi ġġenerata matul il-proċessi ta’ stampar u ta’ tlestija, jew waqt li l-karta tkun qiegħda titqaxxar jew tinqata’, jew waqt l-ewwel tiraturi fl-istamperija u fil-kamra tal-legatura, li ma jifformawx parti mill-prodott tal-karta stampata aħħari.

    Artikolu 3

    Sabiex jingħata l-Ekotikketta tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, oġġett ta’ karta stampata għandu jaqa’ fil-grupp tal-prodotti “Karta stampata” kif iddefinit fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni, u għandu jkun konformi mal-kriterji kif ukoll mar-rekwiżiti relatati ta’ valutazzjoni u verifika stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    ▼M3

    Artikolu 4

    Il-kriterji ekoloġiċi għall-grupp ta' prodotti tal-“karta stampata”, kif ukoll ir-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom, għandhom jibqgħu validi sal-31 ta' Diċembru 2020.

    ▼B

    Artikolu 5

    Għal skopijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi assenjat lill-“karta stampata” għandu jkun “028”.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.




    ANNESS

    QAFAS

    Għanijiet tal-kriterji

    L-għan tal-kriterji huwa b’mod partikulari li jippromwovu l-effiċjenza ambjentali tal-kapaċità ta’ tneħħija tal-linka (de-inkability) u ta’ riċiklagg għall-prodotti tal-karta stampata, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-VOC, it-tnaqqis jew il-prevenzjoni tar-riskji għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem marbutin mal-użu ta’ sustanzi perikolużi. Il-kriterji huma ffissati f’livelli li jippromwovu t-tikkettar tal-prodotti tal-karta stampata li għandhom impatt ambjentali baxx.

    KRITERJI

    Dawn il-kriterji huma stabbiliti għal kull wieħed mill-aspetti li ġejjin:

    1. Sustrati

    2. Sustanzi u taħlitiet esklużi jew limitati

    3. Kapaċità ta’ riċiklaġġ

    4. Emissjonijiet

    5. Skart

    6. Enerġija

    7. Taħriġ

    8. Adegwatezza għall-użu

    9. Informazzjoni dwar il-prodott

    10. Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

    Il-kriterji 1, 3, 8, 9 u 10 japplikaw għall-prodott tal-karta stampata aħħari.

    Il-kriterju 2 japplika kemm għall-komponenti mhux tal-karta tal-prodott tal-karta stampata, kif ukoll għall-proċessi ta’ stampar, kisi u tlestija tal-komponenti tal-karta.

    Il-kriterji 4, 5, 6 u 7 japplikaw għall-proċessi ta’ stampar, kisi u tlestija tal-komponenti tal-karta biss.

    Dawn il-kriterji japplikaw għall-proċessi kollha ta’ dan it-tip, li jsiru fuq il-post jew fil-postijiet fejn jiġi mmanifatturat il-prodott tal-karta stampata. Jekk ikun hemm proċessi ta’ stampar, kisi u tlestija li jintużaw esklussivament għall-prodotti bl-ekotikketta, il-kriterji 2, 4, 5, 6 u 7 għandhom japplikaw biss għal dawk il-proċessi.

    Il-kriterji ekoloġiċi ma jkoprux it-trasport tal-materja prima, l-oġġetti ta’ konsum u l-prodotti aħħarija.

    Rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika

    Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ valutazzjoni u verifika huma indikati f’kull kriterju.

    Kull stampar fuq il-prodott tal-karta stampata għandu jilħaq il-kriterji. Għaldaqstant, partijiet mill-prodott li jiġu stampati minn subkuntrattur għandhom jilħqu l-kriterji tal-istampar ukoll. L-applikazzjoni għandha tinkludi lista tal-istamperiji u s-subkuntratturi kollha involuti fil-produzzjoni tal-karta stampata, bil-postijiet ġeografiċi tagħhom.

    L-applikant għandu jipprovdi lista tal-prodotti kimiċi użati fl-istamperija għall-produzzjoni tal-prodotti tal-karta stampata. Dan ir-rekwiżit japplika għall-oġġetti tal-konsum kollha użati matul il-proċessi ta’ stampar, kisi u tlestija. Il-lista pprovduta mill-applikant għandha tinkludi l-ammont, il-funzjoni u l-fornitur ta’ kwalunkwe prodott kimiku li jintuża, flimkien mal-Folja dwar id-Dejta tas-Sikurezza, iddiżinjata skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/58/KE ( 1 ).

    Fejn l-applikant ikun meħtieġ jipprovdi dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżijiet, rapporti ta’ testijiet, jew evidenza oħra li turi konformità mal-kriterji, huwa mifhum li dawk jistgħu joriġinaw mingħand l-applikant u/jew il-fornitur(i) tiegħu, kif ikun xieraq.

    Fejn ikun xieraq, jistgħu jintużaw metodi ta’ ttestjar differenti minn dawk indikati għal kull kriterju, jekk tiġi aċċettata l-ekwivalenza tagħhom mill-korp kompetenti li jivvaluta l-applikazzjoni.

    Fejn possibbli, l-ittestjar għandu jitwettaq minn laboratorji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali ta’ EN ISO 17025 jew l-ekwivalenti.

    Fejn xieraq, il-korpi kompetenti jistgħu jitolbu dokumentazzjoni ta’ appoġġ u jistgħu jwettqu verifiki indipendenti.

    KRITERJI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE

    Kriterju 1 —    Sustrati

    (a) Il-prodott tal-karta stampata għandu jiġi stampat biss fuq karta li jkollha l-Ekotikketta tal-UE, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/333/UE ( 2 ).

    (b) Fejn tintuża karta tal-gazzetti, il-prodott tal-karta stampata għandu jiġi stampat biss fuq karta li jkollha l-Ekotikketta tal-UE, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/448/UE ( 3 ).

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti tal-karta stampata kkonċernati, inklużi l-ismijiet kummerċjali, l-ammonti, u l-piż għal kull m2 tal-karta li tintuża. Il-lista għandha tinkludi wkoll l-ismijiet tal-fornituri tal-karti użati. L-applikant għandu jipprovdi kopja ta’ ċertifikat validu tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta li tintuża.

    Kriterju 2 —    Sustanzi jew taħlitiet esklużi jew limitati

    (a)   Sustanzi u taħlitiet perikolużi

    L-oġġetti ta’ konsum li jistgħu jispiċċaw fil-prodott tal-karta stampata aħħari, u li fihom sustanzi u/jew taħlitiet li jilħqu l-kriterji għall-klassifikazzjoni mad-dikjarazzjonijiet ta’ periklu jew espressjonijiet ta’ riskju speċifikati iktar ’l isfel skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ) jew id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE ( 5 ), jew sustanzi msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ), ma għandhomx jintużaw għall-operazzjonijiet ta’ stampar, kisi jew tlestija tal-prodott tal-karta stampata aħħari.

    Dan ir-rekwiżit ma għandux japplika għat-toluwen li jintuża fil-proċessi ta’ stampar bir-rotogravur, fejn stallazzjoni magħluqa jew f’kapsula jew sistema ta’ rkupru, jew kwalunkwe sistema ekwivalenti, tkun lesta biex tikkontrolla u tissorvelja l-emissjonijiet maħruba, u fejn l-effiċjenza tal-irkupru tkun tal-anqas 92 %. Il-verniċ UV u l-linek UV ikklassifikati bħala H412/R52-53 huma wkoll eżenti minn dan ir-rekwiżit.

    Il-komponenti mhux tal-karta (sa 20 % mill-piż tagħhom, kif speċifikat fl-Artikolu 1) li huma parti mill-prodott tal-karta aħħari ma għandux ikun fihom is-sustanzi msemmija iktar ’il fuq.



    Lista ta’ dikjarazzjonijiet ta’ periklu u espressjonijiet ta’ riskju:

    Dikjarazzjoni ta’ Periklu (1)

    Espressjoni ta’ Riskju (2)

    H300 Joqtol jekk jinbela’

    R28

    H301 Tossiku jekk jinbela’

    R25

    H304 Jista’ joqtol jekk jinbela’ u jidħol fil-pajpijiet tan-nifs

    R65

    H310 Fatali jekk imiss mal-ġilda

    R27

    H311 Tossiku jekk imiss mal-ġilda

    R24

    ▼C1

    H330 Fatali jekk jiġi inalat

    R23 jew R26

    ▼B

    H331 Tossiku jekk jinġibed man-nifs

    R23

    H340 Jista’ jwassal għal difetti ġenetiċi

    R46

    H341 Suspettat li jikkawża difetti ġenetiċi

    R68

    H350 Jista’ jikkawża l-kanċer

    R45

    H350i Jista’ jikkawża l-kanċer jekk jinġibed man-nifs

    R49

    H351 Suspettat li jikkawża l-kanċer

    R40

    H360F Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità

    R60

    H360D Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

    R61

    H360FD Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità. Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

    R60; R61; R60-61

    H360Fd Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

    R60-R63

    H360Df Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx. Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

    R61-R62

    H361f Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

    R62

    H361d Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

    R63

    H361fd Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

    R62-63

    H362 Jista’ jikkawża ħsara lit-trabi mreddgħa

    R64

    H370 Jikkawża ħsara lill-organi

    R39/23; R39/24; R39/25; R39/26; R39/27; R39/28

    H371 Jista’ jikkawża ħsara lill-organi

    R68/20; R68/21; R68/22

    H372 Jikkawża ħsara lill-organi f’każ ta’ esponiment ripetut jew tul perjodu ta’ żmien

    R48/25; R48/24; R48/23

    H373 Jista’ jikkawża ħsara lill-organi f’każ ta’ esponiment ripetut jew tul perjodu ta’ żmien

    R48/20; R48/21; R48/22

    H400 Tossiku ħafna għall-flora u l-fawna akkwatiċi

    R50

    H410 Tossiku ħafna għall-flora u l-fawna akkwatiċi b’effetti fit-tul

    R50-53

    H411 Tossiku għall-flora u l-fawna akkwatiċi b’effetti fit-tul

    R51-53

    H412 Jagħmel ħsara lill-flora u l-fawna akkwatika b’effetti fit-tul

    R52-53

    H413 Jista’ jkollu effetti ta’ ħsara fit-tul lill-flora u l-fawna akkwatika

    R53

    EUH059 Perikoluż għas-saff tal-ożonu

    R59

    EUH029 Jerħi gass tossiku kif imiss mal-ilma

    R29

    EUH031 Jerħi gass tossiku kif imiss mal-aċtu

    R31

    EUH032 Jerħi gass tossiku ħafna kif imiss mal-aċtu

    R32

    EUH070 Tossiku jekk imiss l-għajnejn

    R39-41

    (1)   Kif ipprovdut fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

    (2)   Kif ipprovdut fid-Direttiva 67/548/KEE.

    Is-sustanzi jew taħlitiet li mal-ipproċessar jibdlu l-karatteristiċi tagħhom (eż. ma jibqgħux aktar bijodisponibbli, jgħaddu minn modifika kimika) b’mod li l-periklu identifikat ma japplikax aktar, huma eżentati mir-rekwiżit ta’ hawn fuq.

    Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għal sustanzi u taħlitiet li jistgħu jiġu assenjati jew li ġew assenjati d-dikjarazzjonijiet ta’ periklu jew il-frażijiet ta’ riskju elenkati hawn fuq, jew li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni fil-klassijiet jew il-kategoriji ta’ periklu elenkati fit-tabella hawn fuq, u l-limiti ta’ konċentrazzjoni għas-sustanzi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(a), (b) jew (c) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ma għandhomx jaqbżu l-limiti ġeneriċi jew speċifiċi ta’ konċentrazzjoni ddeterminati skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Fejn ikunu stabbiliti limiti speċifiċi ta’ konċentrazzjoni, dawn għandhom jieħdu preċedenza fuq dawk ġeneriċi.

    Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għal sustanzi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(d), (e) jew (f) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 ma għandhomx jaqbżu 0,1 % piż skont il-piż.

    Valutazzjoni u verifika: Għas-sustanzi li mhumiex diġà kklassifikati skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, l-applikant għandu jagħti prova tal-konformità tiegħu ma’ dawn il-kriterji, billi jipprovdi: (i) dikjarazzjoni li l-komponenti mhux tal-karta li huma parti mill-prodott aħħari ma fihomx is-sustanzi msemmija f’dawn il-kriterji f’xi konċentrazzjoni ’l fuq mil-limiti awtorizzati; (ii) dikjarazzjoni li l-oġġetti ta’ konsum li jistgħu jispiċċaw fil-prodott tal-karta stampata aħħari, u li jintużaw għall-proċessi ta’ stampar, kisi u tlestija, ma fihomx is-sustanzi msemmija f’dawn il-kriterji f’xi konċentrazzjoni ’l fuq mil-limiti awtorizzati; (iii) lista tal-oġġetti ta’ konsum kollha użati għall-istampar, għat-tlestija u għall-kisi tal-prodotti ta’ karta stampata. Din il-lista għandha tinkludi l-kwantità, il-funzjoni u l-fornituri tal-oġġetti ta’ konsum kollha użati fil-proċess tal-produzzjoni.

    L-applikant għandu juri l-konformità tiegħu ma’ dan il-kriterju billi jipprovdi dikjarazzjoni dwar in-nuqqas ta’ klassifikazzjoni ta’ kull sustanza fi kwalunkwe mill-klassijiet ta’ periklu marbutin mad-dikjarazzjonijiet ta’ periklu msemmija fil-lista ta’ hawn fuq skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, safejn dan jista’ jiġi ddeterminat, bħala minimu, mit-tagħrif li jilħaq ir-rekwiżiti elenkati fl-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Din id-dikjarazzjoni għandha tiġi appoġġata minn tagħrif fil-qosor dwar il-karatteristiċi rilevanti marbutin mad-dikjarazzjonijiet ta’ periklu msemmija fil-lista ta’ hawn fuq, sal-livell ta’ dettall speċifikat fit-taqsimiet 10, 11 u 12 tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Rekwiżiti għall-Ikkompilar tal-Folji dwar id-Dejta tas-Sikurezza).

    It-tagħrif dwar il-karatteristiċi intrinsiċi tas-sustanzi jista’ jiġi ġġenerat mod ieħor flok b’testijiet, ngħidu aħna bl-użu ta’ metodi alternattivi bħal in vitro, mudelli ta’ attività bi struttura kwantitattiva, jew bl-użu ta’ ggruppar jew read-across, skont l-Anness XI għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Il-qsim tad-dejta rilevanti jitħeġġeġ bil-qawwi.

    It-tagħrif ipprovdut għandu jkun marbut mal-forom jew mal-istati fiżiċi tas-sustanza jew tat-taħlita kif tintuża fil-prodott aħħari.

    Għas-sustanzi elenkati fl-Annessi IV u V tar-REACH, eżentati mill-obbligi ta’ reġistrazzjoni skont l-Artikoli 2(7)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 REACH, stqarrija f’dan ir-rigward tkun biżżejjed biex tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ iktar ’il fuq.

    L-applikant għandu jipprovdi dokumentazzjoni xierqa dwar l-effiċjenza tal-irkupru tal-istallazzjoni magħluqa jew f’kapsula jew tas-sistema ta’ rkupru, jew kwalunkwe sistema ekwivalenti, li tkun ġiet implimentata għall-użu tat-toluwen fi proċessi ta’ stampar bir-rotogravur.

    (b)   Sustanzi elenkati skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006

    Ma għandha tingħata l-ebda deroga mill-projbizzjoni stipulata fil-punt (a) tal-Artikolu 6(6) tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 fir-rigward tas-sustanzi identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib kbir u inklużi fil-lista pprovduta għall-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, preżenti f’taħlitiet f’konċentrazzjonijiet ogħla minn 0,1 %. Il-limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għandhom japplikaw meta l-konċentrazzjoni tkun aktar baxxa minn 0,1 %.

    Valutazzjoni u verifika: il-lista ta’ sustanzi identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib kbir ħafna u inklużi fil-lista tal-kandidati skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tista’ tinstab fuq is-sit elettroniku (bl-Ingliż):

    http://echa.europa.eu/chem_data/authorisation_process/candidate_list_table_en.asp

    Għandha ssir referenza għal-lista fid-data tal-applikazzjoni.

    L-applikant għandu jagħti prova tal-konformità ma’ dan il-kriterju billi jipprovdi dejta dwar l-ammont ta’ sustanzi użati għall-istampar tal-prodotti ta’ karta stampata, kif ukoll stqarrija li s-sustanzi msemmija f’dan il-kriterju ma jinżammux fil-prodott aħħari f’livell ogħla mil-limiti ta’ konċentrazzjoni speċifikati. Il-konċentrazzjoni għandha tiġi speċifikata fil-Folja dwar id-Dejta tas-Sikurezza skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

    (c)   Bijoċidi

    Il-bijoċidi, kemm bħala parti mill-formulazzjoni jew bħala parti minn taħlita inkluża fil-formulazzjoni, li jintużaw biex jippreservaw il-prodott u li huma kklassifikati H410/R50-53 jew H411/R51-53 skont id-Direttiva 67/548/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 1999/45/KE ( 7 ) jew ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, huma permessi biss jekk il-potenzjali ta’ bijoakkumulazzjoni tagħhom huma kkaratterizzati minn log Pow (log ottanol/koeffiċjent tal-partizzjoni tal-ilma) < 3,0 jew fattur ta’ bijokonċentrazzjoni (BCF) iddeterminat b’mod sperimentali ≤ 100.

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi kopji tal-Folja dwar id-Dejta tas-Sikurezza tal-materjali għall-bijoċidi kollha użati tul l-istadji varji tal-produzzjoni, flimkien mad-dokumentazzjoni tal-konċentrazzjonijiet tal-bijoċidi fil-prodott aħħari.

    (d)   Aġenti tal-ħasil

    L-aġenti tal-ħasil li jintużaw għat-tindif waqt il-proċessi u/jew subproċessi ta’ stampar, li jkun fihom idrokarbonju aromatiku, għandhom jitħallew jintużaw biss jekk ikunu konformi mal-punt 2(b), u jekk tintlaħaq waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (i) L-ammont ta’ idrokarbonji aromatiċi fil-prodotti tal-aġent tal-ħasil użat ma jaqbiżx 0,1 % (w/w);

    (ii) L-ammont ta’ aġent tal-ħasil ibbażat fuq l-idrokarbonju aromatiku użat kull sena ma jaqbiżx 5 % mill-ammont totali tal-aġent tal-ħasil li jintuża f’sena kalendarja.

    Dan il-kriterju ma għandux japplika għat-toluwen li jintuża bħala aġent tal-ħasil fl-istampar bir-rotogravur.

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi l-Folja dwar id-Dejta tas-Sikurezza għal kull aġent tal-ħasil użat fi stamperija matul is-sena li għaliha jirreferi l-konsum annwali. Il-fornituri tal-aġent tal-ħasil għandhom jipprovdu dikjarazzjonijiet tal-kontenut ta’ idrokarbonju fl-aġenti tal-ħasil.

    (e)   Alkilfenoletossilati — Solventi aloġenati — Ftalati

    Is-sustanzi jew preparazzjonijiet li ġejjin ma għandhomx jiżdiedu ma’ linek, koloranti, toners, adeżivi jew aġenti tal-ħasil jew kimiċi oħra għat-tindif użati għall-istampar tal-prodott ta’ karta stampata:

     L-alkilfenoletossilati u d-derivattivi tagħhom jistgħu jipproduċu alkilfenoli bid-degradazzjoni.

     Is-solventi aloġenti li, fi żmien l-applikazzjoni, ikunu klassifikati fil-kategoriji ta’ periklu jew riskju elenkati fil-punt 2(a).

     Il-ftalati li, fi żmien l-applikazzjoni, ikunu kklassifikati bl-espressjonijiet ta’ riskju H360F, H360D, H361f skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju.

    (f)   Linek tal-istampar u oħrajn, toners, verniċ, pellikoli tal-aluminju, u laminati

    Il-metalli tqal li ġejjin jew il-komposti tagħhom m’għandhomx jintużaw f’linek tal-istampar u oħrajn, toners, verniċ, pellikoli tal-aluminju jew laminati (la bħala sustanza u lanqas bħala parti minn kwalunkwe preparazzjoni użata): il-kadmju, ir-ram (għajr ir-ram-ftalosjanin), iċ-ċomb, in-nikil, il-kromu VI, il-merkurju, l-arseniku, il-barju solubbli, is-selenju, l-antimonju. Il-kobalt jista’ jintuża sa 0,1 % (w/w).

    L-ingredjenti jista’ jkun fihom traċċi ta’ dawn il-metalli sa 0,01 % (w/w) li jiġu mill-impuritajiet fil-materja prima.

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju, kif ukoll dikjarazzjonijiet mill-fornituri tal-ingredjenti.

    ▼M1

    Kriterju 3 —    Riċiklabbiltà

    Il-prodott tal-karta stampata għandu jkun riċiklabbli. Il-karta stampata għandha tkun b'tali mod li tkun tista' tinqala' minn fuqha l-linka, u l-komponenti mhux tal-karta tal-prodott ta' karta stampata għandu jkun possibbli li jitneħħew faċilment, b'mod li jiżgura li tali komponenti ma jfixklux il-proċess ta' riċiklaġġ.

    (a) L-aġenti tar-reżistenza għall-ilma għandhom jintużaw biss jekk tista' tiġi pprovata r-riċiklabbiltà tal-prodott lest.

    (b) L-adeżivi jistgħu jintużaw biss jekk tista' tiġi pprovata l-kapaċità li jitneħħew.

    (c) Il-verniċi għall-kisi u l-laminazzjoni, inklużi l-polieten u/jew il-polieten/polipropilen, jistgħu jintużaw biss għall-qxur tal-kotba, ir-rivisti u l-katalgi.

    (d) Għandha tkun provata l-possibbiltà li tinqala' l-linka minn fuq il-karta.

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi r-riżultati tat-testijiet tar-riċiklabbiltà għall-aġenti tar-reżistenza għall-ilma, kif ukoll tal-kapaċità li jitneħħew l-adeżivi. Il-metodi ta' ttestjar ta' referenza huma l-metodu PTS-RH 021/97 (għall-aġenti tar-reżistenza għall-ilma), il-metodu INGEDE 12 (għat-tneħħija tal-adeżivi mhux solubbli), jew metodi ta' ttestjar ekwivalenti. Il-kapaċità li tinqala' l-linka għandha tkun provata bl-użu tad-“Deinking Scorecard” ( 8 ) tal-Kunsill Ewropew għall-Karta Rkuprata, jew metodi ta' ttestjar ekwivalenti. L-ittestjar għandu jsir fuq tliet tipi ta' karta: il-karta mhux miksija, il-karta miksija, u l-karta trattata fuq il-wiċċ. Jekk tip ta' linka għall-istampar jinbiegħ biss għal tip speċifiku wieħed jew tnejn ta' karta, ikun biżżejjed li jiġi/u ttestjat(i) t-tip(i) ta' karta inkwistjoni. L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni li l-prodotti tal-karta stampata miksija u laminati huma konformi mal-punt 3(c). Meta parti minn prodott tal-karta stampata tkun tista' titneħħa faċilment (ngħidu aħna, qoxra tal-plastik), it-test tar-riċiklabbiltà jista' jsir mingħajr dan il-komponent. Il-kapaċità li jitneħħew faċilment il-komponenti mhux tal-karta għandha tkun provata b'dikjarazzjoni mill-impriża tal-ġbir tal-karta, mill-impriża tar-riċiklaġġ jew minn organizzazzjoni ekwivalenti. Jistgħu jintużaw ukoll metodi ta' ttestjar li juru riżultati ekwivalenti, imwettqa minn parti terza kompetenti u indipendenti.

    ▼B

    Kriterju 4 —    Emissjonijiet

    (a)   L-emissjonijiet fl-ilma

    L-ilma għat-tlaħliħ li jkun fih il-fidda mill-ipproċessar tal-pellikoli, kif ukoll mill-produzzjoni tal-pjanċi, u l-fotokimiċi, ma għandhomx jiġu rrilaxxati f’impjant tat-trattament tad-drenaġġ.

    Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien ma’ deskrizzjoni tal-ġestjoni fuq il-post tal-ilma tat-tlaħliħ li jkun fih fotokimiċi u l-fidda. Fejn l-ipproċessar tal-pellikoli u/jew il-produzzjoni tal-pjanċi jintbagħtu f’idejn ħaddieħor, is-sottokuntrattur għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien ma’ deskrizzjoni tal-ġestjoni, fuq il-post tas-sottokuntrattur, tal-ilma tat-tlaħliħ li jkun fih fotokimiċi u l-fidda.

    L-ammont ta’ Cr u Cu rrilaxxat f’impjant tat-trattament tad-drenaġġ ma għandux jaqbeż il-45 mg kull m2 u l-400 mg kull m2 rispettivament tas-superfiċje taċ-ċilindru tal-istampar imħaddem.

    Valutazzjoni u verifika: Ir-rilaxx tas-Cr u tas-Cu fid-drenaġġ għandu jiġi vverifikat fl-impjanti tal-istampar bir-rotogravura, wara t-trattament u qabel ir-rilaxx stess. Kull xahar għandu jinġabar kampjun rappreżentattiv tar-rilaxxi tas-Cr u tas-Cu. Tal-anqas test analitiku wieħed għandu jsir kull sena minn laboratorju akkreditat, sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut tas-Cr u tas-Cu f’sottokampjun rappreżentativ ta’ dawn il-kampjuni. Il-konformità ma’ dawn il-kriterji għandha tiġi vverifikata billi jiġi diviż il-kontenut tas-Cr u tas-Cu, kif iddeterminat minn dak it-test analitiku annwali, bis-superfiċje taċ-ċilindru mħaddem waqt l-istampar. Is-superifiċje taċ-ċilindru mħaddem waqt l-istampar tiġi kkalkulata billi tiġi mmultiplikata s-superfiċje taċ-ċilindru (= 2πrL, fejn r hija r-radju u L hija t-tul taċ-ċilindru) bl-għadd ta’ produzzjonijiet stampati matul sena (l-għadd ta’ kompiti differenti ta’ stampar).

    (b)   Emissjonijiet fl-arja

    Komposti Organiċi Volatili (VOCs)

    Għandu jintlaħaq il-kriterju li ġej:

    (PVOC – RVOC)/Pkarta < 5 [kg/tunnellati]

    Fejn:

    PVOC

    =

    il-kilogrammi totali fis-sena ta’ VOCs inklużi fil-prodotti kimiċi mixtrija, użati għall-produzzjoni totali fis-sena ta’ prodotti stampati

    RVOC

    =

    il-kilogrammi totali fis-sena ta’ VOCs meqruda bit-taffija, irkuprati mill-proċess tal-istampar u mibjugħa jew użati mill-ġdid

    Pkarta

    =

    it-tunnellati ta’ karta kull sena mixtrija u użati għall-produzzjoni ta’ prodotti stampati.

    Meta stamperija tuża teknoloġiji differenti tal-istampar, dan il-kriterju għandu jintlaħaq għal kull waħda minnhom b’mod separat.

    It-terminu PVOC għandu jiġi kkalkulat mill-informazzjoni SDS marbuta mal-kontenut ta’ VOCs, jew minn dikjarazzjoni simili pprovduta mill-fornitur tal-prodotti kimiċi.

    It-terminu RVOC għandu jiġi kkalkulat mid-dikjarazzjoni dwar il-kontenut ta’ VOCs inklużi fil-prodotti kimiċi mibjugħa, jew mir-reġistru tal-għadd intern (jew kwalunkwe dokument ieħor ekwivalenti), li jirrapporta l-ammont annwali tal-VOCs irkuprati jew użati mill-ġdid fuq il-post.

    Kundizzjonijiet speċifiċi għall-istampar heat-set (issettjar bis-sħana):

    (i) Għall-istampar offset bl-issettjar bis-sħana (heat-set), b’unità integrata għal wara l-kombustjoni, għandu japplika l-metodu ta’ kalkolu li ġej:

    PVOC

    =

    90 % tal-kilogrammi totali annwali ta’ VOCs inklużi fis-soluzzjonijiet għall-umidifikazzjoni, użati għall-produzzjoni annwali ta’ prodotti stampati, + 85 % mill-kilogrammi totali annwali ta’ VOCs inklużi fl-aġenti tal-ħasil użati għall-produzzjoni annwali tal-prodotti stampati;

    (ii) Għall-istampar offset bl-issettjar bis-sħana (heat-set), mingħajr unità integrata għal wara l-kombustjoni, għandu japplika l-metodu ta’ kalkolu li ġej:

    PVOC

    =

    90 % tal-kilogrammi totali annwali ta’ VOCs inklużi fis-soluzzjonijiet għall-umidifikazzjoni, użati għall-produzzjoni annwali ta’ prodotti stampati, + 85 % mill-kilogrammi totali annwali ta’ VOCs inklużi fl-aġenti tal-ħasil użati għall-produzzjoni annwali tal-prodotti stampati, + 10 % mill-kilogrammi totali annwali ta’ VOCs inklużi fil-linek tal-istampar użata għall-produzzjoni annwali ta’ prodotti stampati.

    Għall-punti (i) u (ii), jistgħu jintużaw perċentwali proporzjonalment iktar baxxi minn 90 % u 85 % f’dan il-kalkolu, jekk jiġi demostrat li iktar minn 10 % jew 15 %, rispettivament, mill-kilogrammi totali annwali tal-VOCs inklużi fis-soluzzjonijiet għall-umidifikazzjoni jew fl-aġenti tal-ħasil użati għall-produzzjoni annwali tal-prodotti stampati, ġew imtaffija fis-sistema ta’ trattament għall-gassijiet ta’ kombustjoni mill-proċess tat-tnixxif.

    Valutazzjoni u verifika: Għandha tiġi pprovduta, mill-fornitur tal-kimiki, dikjarazzjoni tal-kontenut ta’ VOCs fl-alkoħol, l-aġenti tal-ħasil, il-linek, is-soluzzjonijiet għall-umidifikazzjoni, jew prodotti kimiċi oħra korrispondenti. L-applikant għandu jipprovdi evidenza tal-kalkolu skont il-kriterji stipulati hawn fuq. Il-perjodu għall-kalkoli għandu jissejjes fuq il-produzzjoni ta’ matul 12-il xahar. Fil-każ ta’ impjant ġdid jew mibni mill-ġdid, il-kalkoli għandhom jissejsu fuq mill-inqas tliet xhur ta’ funzjonament rappreżentattiv tal-impjant.

    (c)   Emissjonijiet mill-istampar bir-rotogravura ta’ pubblikazzjonijiet

    (i) L-emissjonijiet ta’ VOCs fl-arja mill-istampar bir-rotogravura ta’ pubblikazzjonijiet ma għandhomx jaqbżu l-50 mg C/Nm3;

    Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi d-dokumentazzjoni rilevanti li turi l-konformità ma’ dawn il-kriterji.

    (ii) Għandu jiġi installat tagħmir għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-Cr6 + fl-arja;

    (iii) L-emissjonijiet tas-Cr6 + fl-arja ma għandhomx jaqbżu l-15-il mg għal kull tunnellata karta.

    Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni tas-sistema implimentata, flimkien ma’ dokumentazzjoni marbuta mal-kontroll u mal-monitoraġġ tal-emissjonijiet tas-Cr6+. Id-dokumentazzjoni għandha tinkludi r-riżultati tal-ittestjar marbutin mat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-arja tas-Cr6+.

    (d)   Proċessi tal-istampar fejn ma tapplika l-ebda miżura leġiżlattiva

    Is-solventi volatili mill-proċess ta’ tnixxif tal-istampar offset bl-issettjar bis-sħana u bil-flessografija għandhom ikunu ġġestiti permezz tal-irkupru, tal-kombustjoni, jew ta’ kwalunkwe sistema ekwivalenti. Fil-każijiet kollha fejn ma tapplika l-ebda miżura leġiżlattiva, l-emissjonijiet fl-arja tal-VOCs ma għandhomx jaqbżu l-20 mg C/Nm3.

    Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-ipprintjar bl-iskrin jew għall-ipprintjar diġitali. Barra minn hekk, ma japplikax għall-installazzjonijiet tal-issettjar bis-sħana jew tal-flessografija b’konsum tas-solventi ta’ inqas minn 15-il tunnellata fis-sena.

    Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni tas-sistema implimentata, flimkien ma’ dokumentazzjoni u riżultati tal-ittestjar marbutin mal-kontroll u mal-monitoraġġ tal-emissjonijiet fl-arja.

    Kriterju 5 —    L-iskart

    (a)   Il-ġestjoni tal-iskart

    Il-faċilità fejn isiru l-prodotti tal-karta stampata għandu jkollha implimentata sistema għall-ġestjoni tal-iskart, inklużi l-prodotti reżidwali mnisslin mill-produzzjoni ta’ prodotti tal-karta stampata, kif iddefinit mill-awtoritajiet regolatorji rilevanti lokali u nazzjonali.

    Is-sistema għandha tiġi ddokumentata jew spjegata, u għandha tinkludi informazzjoni tal-anqas dwar il-punti li ġejjin:

    (i) il-proċeduri għall-manipulazzjoni, il-ġbir, is-separazzjoni u l-użu ta’ materjali riċiklabbli mill-fluss tal-iskart;

    (ii) il-proċeduri għall-irkupru minn qabel ta’ materjali għal użi oħra, bħall-inċinerazzjoni, sabiex jiġġeneraw fwar jew sħana għall-proċess, jew għal użu agrikolu;

    (iii) il-proċeduri għall-manipulazzjoni, il-ġbir, is-separazzjoni u r-rimi tal-iskart perikoluż, kif iddefinit mill-awtoritajiet regolatorji rilevanti lokali u nazzjonali.

    Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni tal-konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien ma’ deskrizzjoni tal-proċeduri adottati għall-ġestjoni tal-iskart. Fejn xieraq, kull sena l-applikant għandu jipprovdi d-dikarazzjoni korrispondenti lill-awtorità lokali. Fejn il-ġestjoni tal-iskart tintbagħat f’idejn ħaddieħor, is-sottokuntrattur għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju wkoll.

    ▼C1

    (b)   Karta għall-iskart

    L-ammont “X” ta’ karta għall-iskart prodotta għandu jkun:



    Metodu tal-istampar

    Massimu ta’ karti għall-iskart (%)

    Folja offset

    23

    Coldset, gazzetti

    10

    Coldset, stampar ta’ formoli

    18

    Rotazzjoni coldset (għajr gazzetti u formoli)

    19

    Rotazzjoni bl-issettjar bis-sħana (heatset)

    21

    Stampar bil-gravura

    15

    Flessografija (għajr il-bord tal-fibri mmewweġ)

    11

    Stampar diġitali

    10

    Flessografija, bord tal-fibri mmewweġ

    17

    Stampar bl-iskrin

    23

    ▼B

    fejn:

    X

    =

    it-tunnellati annwali ta’ karta għall-iskart prodotta waqt l-istampar (inklużi l-proċessi ta’ tlestija) tal-prodott tal-karta stampata bl-Ekotikketta, diviżi bit-tunnellati annwali tal-karta mixtrija u użati għall-produzzjoni tal-prodott tal-karta stampata bl-Ekotikketta.

    Fejn l-istamperija twettaq proċessi ta’ tlestija f’isem stamperija oħra, l-ammont tal-karta għall-iskart prodotta f’dawk il-proċessi ma għandux jiġi inkluż fil-kalkolu ta’ “X”.

    Fejn il-proċessi ta’ tlestija jintbagħtu f’idejn impriża oħra sottokuntrattata, l-ammont tal-karta għall-iskart li jirriżulta mix-xogħol sottokuntrattat għandu jiġi kkalkulat u ddikjarat fil-kalkolu ta’ “X”.

    Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi deskrizzjoni tal-kalkolu tal-ammont tal-karta għall-iskart, flimkien ma’ dikjarazzjoni mill-kuntrattur li jiġbor il-karta għall-iskart mill-istamperija. Għandhom jiġu pprovduti t-termini u l-kalkoli tas-sottokuntrattar fir-rigward tal-ammont tal-karta għall-iskart involut fil-proċessi ta’ tlestija. Il-perjodu għall-kalkoli għandu jissejjes fuq il-produzzjoni ta’ matul 12-il xahar. Fil-każ ta’ impjant ġdid jew mibni mill-ġdid, il-kalkoli għandhom jissejsu fuq mill-inqas tliet xhur ta’ funzjonament rappreżentattiv tal-impjant.

    Kriterju 6 —    Użu tal-enerġija

    L-istamperija għandha tistabbilixxi reġistru tat-tagħmir kollu li jikkonsma l-enerġija (inklużi l-makkinerija, id-dawl, il-kundizzjonament tal-arja, u t-tiksiħ), kif ukoll programm li jikkonsisti f’miżuri għat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

    Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi r-reġistru tat-tagħmir li jikkonsma l-enerġija flimkien mal-programm ta’ titjib.

    Kriterju 7 —    Taħriġ

    Kull membru tal-persunal li jieħu sehem fl-operat ta’ kuljum għandu jingħata l-għarfien meħtieġ sabiex ikun żgurat li r-rekwiżiti tal-Ekotikketta jintlaħqu u jittejbu kontinwament.

    Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni tal-konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien mad-dettalji tal-programm ta’ taħriġ, il-kontenut tiegħu, u indikazzjoni dwar liema mill-persunal irċieva t-taħriġ, liema taħriġ u meta. L-applikant għandu jipprovdi wkoll kampjun tal-materjal tat-taħriġ lill-awtorità kompetenti.

    Kriterju 8 —    Adegwatezza għall-użu

    Il-prodott għandu jkun adattat għall-iskop tiegħu.

    Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi d-dokumentazzjoni rilevanti li turi l-konformità ma’ dan il-kriterju. L-istandards nazzjonali jew kummerċjali, fejn rilevanti, jistgħu jintużaw mill-applikant biex juri l-adegwatezza għall-użu tal-prodotti tal-karta stampata.

    ▼C1

    Kriterju 9 —    Informazzjoni fuq il-prodott

    L-informazzjoni li ġejja għandha tidher fuq il-prodott:

    “Jekk jogħġbok żomm il-karta użata għar-riċiklaġġ”.

    Evalwazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi kampjun tal-prodott li jkollu l-informazzjoni meħtieġa.

    ▼B

    Kriterju 10 —    L-informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

    It-tikketta fakultattiva b’kaxxa testwali għandha tinkludi t-test li ġej:

     Dan il-prodott stampat huwa riċiklabbli;

     Stampat fuq karta b’impatt ambjentali baxx;

     Ġew limitati l-emissjonijiet ta’ kimiki fl-ajra u fl-ilma mill-produzzjoni tal-karta u mill-proċess tal-istampar.

    Il-linji gwida għall-użu tat-tikketta fakultattiva bil-kaxxa testwali jistgħu jinstabu fil-“Linji gwida għall-użu tal-logo tal-Ekotikketta tal-UE” fuq is-sit elettroniku:

    http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/promo/pdf/logo%20guidelines.pdf

    Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi kampjun tal-prodott tal-karta stampata li juri t-tikketta, flimkien ma’ dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju.



    ( 1 ) ĠU L 212, 7.8.2001, p. 24.

    ( 2 ) Id-Deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istabbiliment tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta għall-ikkupjar u l-karta grafika (ĠU L 149, 8.6.2011, p. 12).

    ( 3 ) Id-Deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta tal-gazzetti (ĠU L 202, 28.7.2012, p. 26).

    ( 4 ) ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

    ( 5 ) ĠU L 196, 16.8.1967, p. 1.

    ( 6 ) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

    ( 7 ) ĠU L 200, 30.7.1999, p. 1.

    ( 8 ) Assessment of Print Product Recyclability — Deinkability Score — User's Manual, www.paperrecovery.org, “Publications”.

    Top