Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02012D0138-20221120

    Consolidated text: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Marzu 2012 fir-rigward tal-miżuri ta’ emerġenza li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Anoplophora chinensis (Forster) (notifikata bid-dokument numru C(2012) 1310) (2012/138/UE)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/138/2022-11-20

    02012D0138 — MT — 20.11.2022 — 002.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-1 ta’ Marzu 2012

    fir-rigward tal-miżuri ta’ emerġenza li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Anoplophora chinensis (Forster)

    (notifikata bid-dokument numru C(2012) 1310)

    (2012/138/UE)

    (ĠU L 064 3.3.2012, p. 38)

    Emendata bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI tat-12 ta' Ġunju 2014

      L 175

    38

    14.6.2014

    ►M2

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2095 tat-28 ta’ Ottubru 2022

      L 281

    53

    31.10.2022




    ▼B

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-1 ta’ Marzu 2012

    fir-rigward tal-miżuri ta’ emerġenza li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Anoplophora chinensis (Forster)

    (notifikata bid-dokument numru C(2012) 1310)

    (2012/138/UE)



    ▼M2 —————

    ▼B

    Artikolu 2

    Importazzjoni tal-pjanti speċifikati li joriġinaw minn pajjiżi terzi ħlief iċ-Ċina

    Fir-rigward tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi fejn l-organiżmu speċifikat hu magħruf li huwa preżenti, minbarra ċ-Ċina, il-pjanti speċifikati jistgħu jiġu introdotti biss fl-Unjoni jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a) 

    jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti speċifiċi tal-importazzjoni kif imniżżla fil-punt 1 tat-Taqsima 1(A) tal-Anness I;

    (b) 

    jekk malli jidħlu fl-Unjoni, jiġu spezzjonati mill-korp uffiċjali responsabbli skont il-punt 2 tat-Taqsima 1(A) tal-Anness I għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat, u ma jkunu nstabu l-ebda sinjali ta’ dak l-organiżmu.

    Artikolu 3

    Importazzjoni tal-pjanti speċifikati li joriġinaw miċ-Ċina

    1.  

    Fir-rigward ta’ importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina, il-pjanti speċifikati jistgħu jiġu introdotti biss fl-Unjoni jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a) 

    jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti speċifiċi tal-importazzjoni kif imniżżla fil-punt 1 tat-Taqsima 1(B) tal-Anness I;

    (b) 

    jekk malli jidħlu fl-Unjoni jiġu spezzjonati mill-korp uffiċjali responsabbli skont il-punt 2 tat-Taqsima 1(B) tal-Anness I għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat, u ma jkunu nstabu l-ebda sinjali ta’ dak l-organiżmu.

    (c) 

    il-post tal-produzzjoni ta’ dawk il-pjanti:

    (i) 

    ikun deżinjat b’numru ta’ reġistrazzjoni uniku assenjat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti taċ-Ċina,

    (ii) 

    ikun inkluż fl-iktar verżjoni riċenti tar-reġistru kkomunikat mill-Kummissjoni lill-Istati Membri skont il-paragrafu 3,

    (iii) 

    ma jkunx, fis-sentejn ta’ qabel, suġġett ta’ komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri tat-tneħħija mir-reġistru skont il-paragrafu 3, u

    (iv) 

    ma jkunx, fis-sentejn ta’ qabel, suġġett ta’ komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri kif imsemmi fil-paragrafu 4 jew il-paragrafu 5.

    2.  
    Madankollu, il-pjanti ta’ Acer spp. ma għandhomx ikunu introdotti fl-Unjoni sat-30 ta’ April 2012.

    Mill-1 ta’ Mejju 2012, il-paragrafu 1 għandu japplika għall-pjanti ta’ Acer spp.

    3.  
    Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istati Membri r-reġistru ta’ postijiet tal-produzzjoni fiċ-Ċina li l-organizzazzjoni nazzjonali tagħha għall-protezzjoni tal-pjanti stabbilixxiet f’konformità mal-punt 1(b) tat-Taqsima 1(B) tal-Anness I.

    Fejn dik l-organizzazzjoni taġġorna r-reġistru minħabba t-tneħħija ta’ post tal-produzzjoni jew minħabba li dik l-organizzazzjoni tkun sabet li l-post tal-produzzjoni ma għadux konformi mal-punt 1(b) tat-Taqsima 1(B) tal-Anness I jew minħabba li l-Kummissjoni tkun infurmat liċ-Ċina b’evidenza tal-preżenza tal-organiżmu speċifikat mal-wasla ta’ pjanti speċifikati minn dak il-post tal-produzzjoni, u ċ-Ċina tagħmel il-verżjoni aġġornata tar-reġistru disponibbli għall-Kummissjoni, il-Kummissjoni tikkomunika l-verżjoni aġġornata tar-reġistru lill-Istati Membri.

    Fejn dik l-organizzazzjoni taġġorna r-reġistru billi tinkludi post tal-produzzjoni minħabba li dik l-organizzazzjoni tkun sabet li dak il-post tal-produzzjoni hu konformi mal-punt 1(b) tat-Taqsima 1(B) tal-Anness I u ċ-Ċina tagħmel il-verżjoni aġġornata tar-reġistru disponibbli lill-Kummissjoni kif ukoll l-informazzjoni ta’ spjegazzjoni meħtieġa. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dik il-verżjoni aġġornata u, fejn xieraq, dik l-informazzjoni ta’ spjegazzjoni lill-Istati Membri.

    Permezz ta’ paġni ta’ informazzjoni fuq l-Internet, il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-reġistru u l-aġġornamenti tiegħu disponibbli għall-pubbliku.

    4.  
    Meta matul spezzjoni f’post tal-produzzjoni rreġistrat, kif stipulat fil-punti (ii), (iii) u (iv) tal-punt 1(b) tat-Taqsima 1(B) tal-Anness I, l-organizzazzjoni Ċiniża għall-protezzjoni tal-pjanti ssib evidenza tal-preżenza tal-organiżmu speċifikat u l-Kummissjoni tiġi nnotifikata b’dik is-sejba miċ-Ċina, il-Kummissjoni tikkomunika minnufih dik is-sejba lill-Istati Membri.

    Permezz ta’ paġni ta’ informazzjoni fuq l-Internet, il-Kummissjoni tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

    5.  
    Fejn il-Kummissjoni jkollha evidenza minn sorsi oħra għajr dawk imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 li l-post tal-produzzjoni elenkat fir-reġistru mhuwiex konformi mal-punt 1(b) tat-Taqsima 1(B) tal-Anness I jew li l-organiżmu speċifikat instab fuq pjanti speċifikati importati minn tali post tal-produzzjoni, din tikkomunika l-informazzjoni dwar dak il-post tal-produzzjoni lill-Istati Membri.

    Permezz ta’ paġni ta’ informazzjoni fuq l-Internet, il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

    ▼M2 —————

    ▼B




    ANNESS I

    1.    Rekwiżiti speċifiċi dwar l-importazzjoni

    A.    Importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi ħlief iċ-Ċina

    1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet elenkati fl-Anness III, il-Parti A(9, 16, 18) u l-Anness IV, il-Parti A(I)(14, 15, 17, 18, 19.2, 20, 22.1, 22.2, 23.1, 23.2, 32.1, 32.3, 33, 34, 36.1, 39, 40, 43, 44, 46) tad-Direttiva 2000/29/KE, il-pjanti speċifikati li joriġinaw minn pajjiżi terzi, ħlief iċ-Ċina, u fejn hi magħrufa l-preżenza tal-organiżmu speċifikat ikunu akkumpanjati b’ċertifikat kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) ta’ dik id-Direttiva li taħt it-taqsima “Dikjarazzjoni addizzjonali” jiddikjara:

    (a) 

    li l-pjanti jkunu ġew imkabbra tul ħajjithom kollha f’post tal-produzzjoni li hu rreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti fil-pajjiż tal-oriġini u li jinsabu f’żona ħielsa mill-pesti stabbilita minn dik l-organizzazzjoni skont l-Istandards Internazzjonali rilevanti għall-Miżuri Fitosanitarji. L-isem taż-żona ħielsa mill-pesti għandha tissemma taħt it-taqsima “post ta’ oriġini”; jew

    ▼M1

    (b) 

    li l-pjanti jkunu tkabbru għal perjodu ta' mill-inqas sentejn qabel l-esportazzjoni, jew fil-każ ta' pjanti li għandhom inqas minn sentejn, li jkunu tkabbru tul ħajjithom kollha f'post tal-produzzjoni stabbilit bħala ħieles mill-Anoplophora chinensis (Forster) skont l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji:

    ▼B

    (i) 

    li jkun reġistrat u sorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti fil-pajjiż tal-oriġini, u

    (ii) 

    li kull sena jkun ġie soġġett għal tal-inqas żewġ spezzjonijiet uffiċjali li jsiru bir-reqqa, għal kull sinjal tal-Anoplophora chinensis (Forster) li jitwettqu fi żmien xieraq u li ma jsibu l-ebda sinjali tal-organiżmu; u

    (iii) 

    fejn il-pjanti jkunu ġew imkabbra f’sit:

    — 
    bi protezzjoni fiżika sħiħa kontra l-introduzzjoni tal-Anoplophora chinensis (Forster); jew
    — 
    bl-applikazzjoni ta’ trattamenti preventivi xierqa u mdawra b’żona ta’ lqugħ b’raġġ ta’ mill-inqas żewġ km fejn darba fis-sena u fi żmien xieraq, jitwettqu l-istħarriġiet uffiċjali għall-preżenza jew sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster). F’każ li jinstabu sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster), għandhom jittieħdu miżuri preventivi biex iż-żona ta’ lqugħ tinħeles mill-ġdid mill-pesti; u
    (iv) 

    fejn, immedjatament qabel l-esportazzjoni, il-kunsinni tal-pjanti jkunu suġġetti għal spezzjoni uffiċjali li ssir bir-reqqa, għall-preżenza tal-organiżmu speċifika, b’mod partikolari fl-għeruq u z-zkuk tal-pjanti. Din l-ispezzjoni tinkludi l-kampjun distruttiv fil-mira. Id-daqs tal-kampjun għall-ispezzjoni jkun tali li jippermetti mill-inqas is-sejba ta’ livell ta’ 1 % ta’ infestazzjoni b’livell ta’ fiduċja ta’ 99 %. jew

    (c) 

    li l-pjanti ġew imkabbra minn riżomi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt (b), imlaqqma bi friegħi għat-tilqim li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

    (i) 

    fil-mument tal-esportazzjoni, il-friegħi għat-tilqim mlaqqma ma jkunux ta’ dijametru akbar minn 1 ċm fl-eħxen punt tagħhom;

    (ii) 

    il-pjanti mlaqqma jkunu ġew spezzjonati skont il-punt (b)(iv).

    2. Pjanti speċifikati impurtati skont il-punt 1 għandhom jiġu spezzjonati bir-reqqa fil-punt tad-dħul jew fil-post tad-destinazzjoni stabbilit skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE ( 1 ). Il-metodi ta’ spezzjoni applikati għandhom jiżguraw is-sejba ta’ kwalunkwe sinjali tal-organiżmu speċifikat, b’mod partikolari fl-għeruq u z-zkuk tal-pjanti. Din l-ispezzjoni tinkludi l-kampjun distruttiv fil-mira. Id-daqs tal-kampjun għall-ispezzjoni għandu jkun tali li jippermetti mill-inqas is-sejba ta’ livell ta’ 1 % ta’ infestazzjoni b’livell ta’ fiduċja ta’ 99 %.

    B.    Oġġetti impurtati li joriġinaw fiċ-Ċina

    1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet elenkati fl-Anness III, il-Parti A(9, 16, 18) u l-Anness IV, il-Parti A(I)(14, 15, 17, 18, 19.2, 20, 22.1, 22.2, 23.1, 23.2, 32.1, 32.3, 33, 34, 36.1, 39, 40, 43, 44, 46) tad-Direttiva 2000/29/KE, pjanti speċifikati li joriġinaw miċ-Ċina għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) ta’ dik id-Direttiva li tiddikjara taħt it-taqsima “Dikjarazzjoni Addizzjonali” li:

    (a) 

    l-pjanti ġew imkabbra tul ħajjithom kollha f’post tal-produzzjoni li hu rreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-ħarsien tal-pjanti fiċ-Ċina u li jinsabu f’żona ħielsa mill-pesti stabbilita minn dik l-organizzazzjoni skont l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji rilevanti. L-isem taż-żona ħielsa mill-pesti għandha tissemma fit-taqsima “post ta’ oriġini”; jew

    ▼M1

    (b) 

    li l-pjanti jkunu tkabbru għal perjodu ta' mill-inqas sentejn qabel l-esportazzjoni, jew fil-każ ta' pjanti li għandhom inqas minn sentejn, li jkunu tkabbru tul ħajjithom kollha f'post tal-produzzjoni stabbilit bħala ħieles mill-Anoplophora chinensis (Forster) skont l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji:

    ▼B

    (i) 

    li jkun reġistrat u sorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti taċ-Ċina; u

    (ii) 

    li kull sena jkunu ġew soġġetti għal tal-inqas żewġ spezzjonijiet uffiċjali għal kull sinjal tal-Anoplophora chinensis (Forster) li jitwettqu fi żmien xieraq u li ma jkun nstab l-ebda sinjal tal-organiżmu; u

    (iii) 

    fejn il-pjanti jkunu ġew imkabbra f’sit:

    — 
    bi protezzjoni fiżika sħiħa kontra l-introduzzjoni tal-Anoplophora chinensis (Forster); jew
    — 
    bl-applikazzjoni ta’ trattamenti preventivi xierqa u mdawra b’żona ta’ lqugħ b’raġġ ta’ mill-inqas żewġ km fejn darba fis-sena u fi żmien xieraq jitwettqu l-istħarriġiet uffiċjali għall-preżenza jew sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster). F’każ li jinstabu sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster), jittieħdu miżuri ta’ qerda biex iż-żona ta’ lqugħ tinħeles mill-ġdid mill-pesti; u
    (iv) 

    fejn immedjatament qabel l-esportazzjoni, il-kunsinni tal-pjanti kienu suġġetti għal spezzjoni uffiċjali li tkun saret bir-reqqa, inklużi l-kampjuni distruttivi fil-mira fuq kull lott, għall-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster), b’mod partikolari fl-għeruq u z-zkuk tal-pjanti;

    Id-daqs tal-kampjun għall-ispezzjoni għandu jkun tali li jippermetti mill-inqas is-sejba ta’ livell ta’ 1 % ta’ infestazzjoni b’livell ta’ fiduċja ta’ 99 %; jew

    (c) 

    li l-pjanti ġew imkabbra minn riżomi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt (b), imlaqqma bi friegħi għat-tilqim li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

    (i) 

    fil-mument tal-esportazzjoni, il-friegħi għat-tilqim mlaqqma ma jkunux ta’ dijametru akbar minn 1 ċm fl-eħxen punt tagħhom;

    (ii) 

    il-pjanti mlaqqma jkunu ġew spezzjonati skont il-punt (b)(iv);

    (d) 

    in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-post tal-produzzjoni.

    2. Pjanti speċifikati impurtati skont il-punt 1 għandhom jiġu spezzjonati b’mod metikoluż fil-punt tad-dħul jew fil-post tad-destinazzjoni stabbilit skont id-Direttiva 2004/103/KE. Il-metodi ta’ spezzjoni applikati, inklużi l-kampjuni distruttivi fil-mira fuq kull lott, għandhom jiżguraw is-sejba ta’ kwalunkwe sinjali tal-organiżmu speċifikat, b’mod partikolari fl-għeruq u z-zkuk tal-pjanti. Id-daqs tal-kampjun għall-ispezzjoni għandu jkun tali li jippermetti mill-inqas is-sejba ta’ livell ta’ 1 % ta’ infestazzjoni b’livell ta’ fiduċja ta’ 99 %.

    Il-kampjunar distruttiv imsemmi fl-ewwel paragrafu għandu jsir fuq il-livell stabbilit fit-tabella li ġejja:



    Numru ta’ pjanti fil-lott

    Livell ta’ kampjunar distruttiv (numru ta’ pjanti li għandhom jinqatgħu)

    1 – 4 500

    10 % tad-daqs tal-lott

    > 4 500

    450

    2.    Kundizzjonijiet għat-trasport

    ▼M1

    1. Il-pjanti speċifikati li joriġinaw ( 2 ) f'żoni demarkati fl-Unjoni jistgħu jiġu ttrasportati fl-Unjoni biss jekk ikollhom magħhom passaport tal-pjanti mħejji u maħruġ skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE ( 3 ) u jekk ikunu tkabbru għal perjodu ta' mill-inqas sentejn qabel il-moviment, jew fil-każ ta' pjanti li għandhom inqas minn sentejn, jekk ikunu tkabbru tul ħajjithom kollha f'post tal-produzzjoni:

    ▼B

    (i) 

    li jiġi rreġistrat skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/90/KEE ( 4 ); u

    (ii) 

    li kull sena jkunu ġew suġġetti għal mill-inqas żewġ spezzjonijiet uffiċjali li jkunu saru bir-reqqa, għal kull sinjal tal-organiżmu speċifikat, u li jittwettqu fi żmien xieraq u li ma jkunu nstabu l-ebda sinjali tal-organiżmu; fejn xieraq, din l-ispezzjoni tinkludi kampjunar distruttiv fil-mira tal-għeruq u z-zkuk tal-pjanti; id-daqs tal-kampjun għall-ispezzjoni għandu jkun tali li jippermetti mill-inqas is-sejba ta’ livell ta’ 1 % ta’ infestazzjoni b’livell ta’ fiduċja ta’ 99 %; u

    (iii) 

    li jkun jinsab f’żona demarkata fejn il-pjanti ġew imkabbra f’sit:

    — 
    bi protezzjoni fiżika sħiħa kontra l-introduzzjoni tal-organiżmu speċifikat; jew
    — 
    bl-applikazzjoni ta’ trattamenti preventivi xierqa jew fejn isir kampjunar distruttiv fil-mira fuq kull lott ta’ pjanti speċifikati qabel it-trasport fil-livell stabbilit fit-tabella fil-punt 2 tal-Parti B tat-Taqsima 1 u, f’kull każ, fejn stħarriġiet uffiċjali għall-preżenza jew għal sinjali tal-organiżmu speċifikat isiru kull sena f’raġġ ta’ mill-inqas 1 km madwar is-sit fi żminijiet xierqa u ma jinstab l-ebda organiżmu speċifikat jew sinjali tiegħu.

    Riżomi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu jistgħu jitlaqqmu bi friegħi għat-tilqim li ma jkunux ġew imkabbra taħt dawn il-kundizzjonijiet, iżda li ma jkunux ta’ dijametru akbar minn 1 ċm fl-eħxen punt tagħhom.

    2. Pjanti speċifikati li joriġinaw ( 5 ) f’żoni demarkati, iżda introdotti f’post tal-produzzjoni fit-tali żoni, jistgħu jiġu trasportati fl-Unjoni bil-kundizzjoni li dan il-post tal-produzzjoni jkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1 ittra (iii) u biss jekk il-pjanti jkunu akkumpanjati minn passaport tal-pjanti mħejji u maħruġ skont id-Direttiva 92/105/KEE.

    3. Pjanti speċifikati importati minn pajjiżi terzi fejn hija magħrufa l-preżenza tal-organiżmu speċifikat skont it-Taqsima 1 jistgħu jiġu trasportati fl-Unjoni biss jekk ikunu akkumpanjati mill-passaport tal-pjanti msemmi fil-punt 1.

    ▼M2 —————



    ( 1 ) ĠU L 313, 12.10.2004, p. 16.

    ( 2 ) Glossarju ta’ Termini Fitosanitarji – Standard ta’ Referenza ISPM Nru 5 u ċertifikati Fitosanitarji – Standard ta’ Referenza ISPM Nru 12 mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, Ruma.

    ( 3 ) ĠU L 4, 8.1.1993, p. 22.

    ( 4 ) ĠU L 344, 26.11.1992, p. 38.

    ( 5 ) Glossarju ta’ Termini Fitosanitarji – Standard ta’ Referenza ISPM Nru 5 u ċertifikati Fitosanitarji – Standard ta’ Referenza ISPM Nru 12 mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, Ruma.

    Top