Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02011R1086-20111117

    Consolidated text: Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1086/2011 tas- 27 ta’ Ottubru 2011 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 fir-rigward tas- Salmonella fil-laħam frisk tat-tjur (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1086/2011-11-17

    2011R1086 — MT — 17.11.2011 — 000.002


    Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

    ►B

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1086/2011

    tas-27 ta’ Ottubru 2011

    li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 fir-rigward tas-Salmonella fil-laħam frisk tat-tjur

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (ĠU L 281 28.10.2011, p. 7)


    Ikkoreġut b'

    ►C1

    Rettifika, ĠU L 068, 13.3.2015, p.  90 (1086/2011)




    ▼B

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1086/2011

    tas-27 ta’ Ottubru 2011

    li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 fir-rigward tas-Salmonella fil-laħam frisk tat-tjur

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)



    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 fuq il-kontroll tas-salmonella u aġenti zoonotiċi oħra speċifiċi li jkun hemm ġewwa l-ikel ( 1 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel ( 2 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 għandu l-għan li jiżgura li jittieħdu miżuri xierqa u effettivi biex tinstab u tiġi kkontrollata s-Salmonella u aġenti żoonotiċi oħra fl-istadji kollha relevanti tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni sabiex titnaqqas il-prevalenza tagħhom u r-riskju li jippreżentaw għas-saħħa pubblika. Dan ir-Regolament ikopri, fost affarijiet oħra, l-adozzjoni ta’ miri għat-tnaqqis tal-prevalenza ta’ żoonożi speċifiċi fil-popolazzjonijiet tal-annimali u l-adozzjoni ta’ regoli li jirrigwardaw negozju fi ħdan l-Unjoni u importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ta’ ċerti annimali u l-prodotti tagħhom.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 646/2007 tat-12 ta’ Ġunju 2007 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jirrigwarda mira Komunitarja biex titnaqqas il-prevalenza tas-Salmonella enteritidis u tas-Salmonella typhimurium fil-kappuċċelli u jitneħħa r-Regolament (KE) Nru 1091/2005 ( 3 ) jistabbilixxi mira tal-Unjoni għat-tnaqqis ta’ dawk iż-żewġ serotipi tas-Salmonella fil-kappuċċelli. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jikseb tnaqqis fin-numru ta’ qatgħat ta’ kappuċċelli li jibqgħu pożittivi għas-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium għal 1 % jew inqas sal-31 ta’ Diċembru 2011.

    (3)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 584/2008 tal-20 ta’ Ġunju 2008 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mira Komunitarja għat-tnaqqis tal-prevalenza tas-Salmonella enteritidis u tas-Salmonella typhimurium fid-dundjani ( 4 ) jistabbilixxi mira għall-Unjoni għat-tnaqqis ta’ dawk iż-żewġ sterjotipi ta’ Salmonella fil-qatgħat tad-dundjani. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jikseb tnaqqis fin-numru ta’ qatgħat ta’ dundjani għas-simna li jibqgħu pożittivi għas-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium għal 1 % jew inqas sal-31 ta’ Diċembru 2012.

    (4)

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jistipula miżuri speċifiċi li għandhom jittieħdu għall-kontroll taż-żoonożi u aġenti żoonotiċi elenkati fl-Anness I tiegħu. B’mod aktar speċifiku, punt 1 tal-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jistipula li, sa mit-12 ta’ Diċembru 2010, ċertu laħam frisk tat-tjur mill-annimali elenkati fl-Anness I tiegħu ma jistax jitqiegħed fis-suq għall-konsum mill-bnedmin sakemm ma jissodisfax il-kriterju. “Salmonella: assenza f’25 gramma”. Dak ir-Regolament jistipula wkoll regoli dettaljati biex jiġi stabbilit dak il-kriterju, b’mod partikolari, regoli li jispeċifikaw skemi ta’ kampjunar u metodi analitiċi.

    (5)

    Fir-rigward ta’ laħam frisk tat-tjur, għandha ssir dispożizzjoni sabiex tiżgura li r-regoli dettaljati għall-kriterju tas-Salmonella fil-laħam tat-tjur jirriżultaw f’assigurazzjoni raġonevoli li huwa liberu mis-Salmonella relevanti u li applikazzjoni armonizzata tirriżulta f’kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet simili għat-tqegħid fis-suq.

    (6)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta’ Novembru 2005 dwar kriterji mikrobijoloġiċi għall-oġġetti tal-ikel ( 5 ) jistipula kriterji mikrobijoloġiċi għal ċerti mikroorganiżmi u r-regoli ta’ implimentazzjoni li jridu jkunu konformi magħhom l-operaturi tan-negozju tal-ikel fl-implimentazzjoni tal-miżuri ġenerali u speċifiċi ta’ iġjene msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 852/2004.

    (7)

    Fl-interessi tal-konsistenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, huwa xieraq li jiġu emendati r-rekwiżiti speċifiċi li jikkonċernaw laħam frisk tat-tjur stabbiliti fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 u biex jintroduċi regoli dettaljati tal-kriterju tas-Salmonella fl-Anness I fir-Regolament (KE) Nru 2073/2005.

    (8)

    F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/636/KE tal-1 ta’ Settembru 2005 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal stħarriġ ta’ referenza dwar il-prevalenza tas-Salmonella spp. fil-qatgħat tal-kappuċċelli tal-Gallus gallus li għandha titwettaq fl-Istati Membri ( 6 ), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/662/KE tad-29 ta’ Settembru 2006 li tirrigwarda kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal stħarriġ ta’ referenza dwar il-prevalenza tas-Salmonella fid-dundjani li għandha titwettaq fl-Istati Membri ( 7 ) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/516/KE tad-19 ta’ Lulju 2007 li għandha x’taqsam mal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal indaġni dwar il-prevalenza u r-reżistenza antimikrobika ta’ Campylobacter spp. f’qatgħat tal-kappuċċelli u l-prevalenza ta’ Campylobacter spp. u Salmonella spp. f’karkassi tal-kappuċċelli li għandu jitwettaq fl-Istati Membri ( 8 ), l-informazzjoni nġabret skont il-prevalenza tas-Salmonella f’qatgħat tal-kappuċċelli, qatgħat tad-dundjani u karkassi tal-kappuċċelli, rispettivament. Dawn ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ, kif ukoll riżultati preliminari tal-ewwel sena ta’ programmi nazzjonali ta’ kontroll tas-Salmonella fil-kappuċċelli (2009) f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 juri li l-prevalenza tas-Salmonella f’qatgħat tal-kappuċċelli u d-dundjani għadha għolja ( 9 ). Barra minn hekk, programmi nazzjonali ta’ kontroll tas-Salmonella fid-dundjani f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 biss saru mandatorji mill-2010 ‘l quddiem. L-applikazzjoni tal-kriterju għas-serotipi kollha tas-Salmonella qabel tnaqqis notevoli tal-prevalenza tas-Salmonella f’qatgħat ta’ kappuċċelli u dundjani qabel ma din ġiet murija, tista’ tirriżulta f’impatt ekonomiku sproporzjonat għall-industrija. Il-Kapitolu 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (9)

    Skont ir-Rapport Komunitarju fil-Qosor mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel dwar ix-xejriet u s-sorsi ta’ żoonożi, u aġenti żoonotiċi u tifqigħat li jinġarru fl-ikel fl-Unjoni Ewropea fl-2008 ( 10 ), b’mod simili għas-snin ta’ qabel, madwar 80 % tal-każijiet ta’ salmonellosi umana huma kkawżati mis-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium. Il-laħam tat-tjur jibqa’ sors ewlieni ta’ salmonellosi umana.

    (10)

    L-issettjar ta’ kriterju għas-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium jipprovdu l-aqwa bilanċ bejn it-tnaqqis ta’ salmonellosi umana attribwita għall-konsum ta’ laħam tat-tjur u l-konsegwenzi ekonomiċi tal-applikazzjoni ta’ dak il-kriterju. Fl-istess ħin, dan jinkoraġġixxi lill-operaturi tan-negozju tal-ikel biex jieħdu miżuri fi stadji preċedenti tal-produzzjoni tat-tjur li jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tas-serotipi kollha tas-Salmonella b’sinifikat għas-saħħa pubblika. Li wieħed jiffoka fuq dawk iż-żewġ serotipi jkun konsistenti wkoll mal-miri tal-Unjoni stabbiliti għall-produzzjoni primarja tat-tjur.

    (11)

    Il-pjanijiet ta’ kampjunar għal kriterji oħra dwar is-sikurezza tal-ikel fis-Salmonella ġew stipulati fir-Regolament (KE) Nru 2073/2005. Dawn urew li huma prattiċi għall-użu minn operaturi tan-negozju tal-ikel u għaldaqstant huma wkoll xierqa għal kampjunar tal-laħam frisk tat-tjur.

    (12)

    L-istandard internazzjonali EN/ISO 6579 huwa l-metodu orizzontali għas-sejba ta’ Salmonella spp. fl-ikel u fl-oġġetti tal-għalf tal-annimali. Barra minn hekk, l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005 jistipula standard bħala metodu ta’ referenza għall-kriterji kollha tas-Salmonella. Għaldaqstant, għandu jkun stipulat ukoll bħala metodu ta’ referenza għall-kriterju għal laħam frisk tat-tjur, bla preġudizzji għad-dispożizzjonijiet dwar l-użu ta’ metodi alternattivi stipulati f’dak ir-Regolament. Il-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għas-Salmonella jirrakkomanda li huwa xieraq li tintuża l-iskema White-Kaufmann-Le Minor bħala metodu ta’ referenza għas-serotipi.

    (13)

    Il-varjetajiet monofażiċi tas-Salmonella typhimurium fi żmien qasir saru wieħed mis-serotipi ta’ Salmonella l-aktar komuni misjuba f’bosta speċi ta’ annimali u f’iżolati kliniċi mill-bnedmin. Skont l-Opinjoni Xjentifika dwar il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tar-riskju għas-saħħa pubblika tal-varjetajiet “tat-tip Salmonella typhimurium” ( 11 ), il-varjetajiet monofażiċi tas-Salmonella typhimurium bil-formula antiġenika ►C1  1,4,[5],12:i:- ◄ huma kkunsidrati bħala varjanti tas-Salmonella typhimurium u evidenza attwali wriet li dawn il-varjetajiet joħolqu riskju għas-saħħa pubblika komparabbli għal dak ta’ varjetajiet oħra tas-Salmonella typhimurium. Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġi ċċarat li d-dispożizzjonijiet għas-Salmonella typhimurium huma applikabbli għal dawn il-varjetajiet monofażiċi.

    (14)

    Ir-Regolament (KE) Nru 2073/2005 jistabbilixxi kriterju tal-iġjene tal-proċess għas-Salmonella f’karkassi tat-tjur tal-kappuċċelli u d-dundjani wara tkessiħ fil-biċċeriji. Il-kriterju ta’ iġjene tal-proċess għandu l-għan li jikkontrolla l-kontaminazzjoni fekali tal-karkassi tat-tjur jekk ġejjin minn qatgħat infettati jew minħabba kontaminazzjoni li tittieħed mill-biċċerija. Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005, il-kriterji u l-kundizzjonijiet li jikkonċernaw il-preżenza tas-Salmonella fil-karkassi tat-tjur għandhom jiġu riveduti fid-dawl tal-bidliet osservati fil-prevalenza tas-Salmonella. Minħabba li l-miri tal-Unjoni stabbiliti għal qatgħat ta’ kappuċċelli fir-Regolament (KE) Nru 646/2007, u għad-dundjani fir-Regolament (KE) Nru 584/2008, għandhom jinkisbu sal-aħħar tal-2011 u tal-2012 rispettivament, in-numru ta’ unitajiet ta’ kampjuni aċċettati biex jaqbżu l-limitu stabbilit għandu jonqos. Il-Kapitolu 2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (15)

    Ir-Regolamenti (KE) Nru 2160/2003 u (KE) Nru 2073/2005 għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

    (16)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:



    Artikolu 1

    Fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, punt 1 tal-Parti E jinbidel b’dan li ġej:

    “1. Mill-1 ta’ Diċembru 2011, il-laħam frisk tat-tjur mill-popolazzjonijiet tal-annimali elenkati fl-Anness I għandu jissodisfa l-kriterju mikrobijoloġiku relevanti stipulat fir-Ringiela 1.28 tal-Kapitolu 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005 ( 12 ).

    Artikolu 2

    L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005 huwa emendat f’konformità mal-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Diċembru 2011.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.




    ANNESS

    L-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 2073/2005 qed jiġi emendat kif ġej:

    (1) Fil-Kapitolu 1, ir-Ringiela 1.28 li ġejja u n-noti 20 u 21 korrispondenti f’qiegħ il-paġna huma miżjuda:



    “1.28  Laħam frisk tat-tjur (1)

    Salmonella typhimurium (2)

    Salmonella enteritidis

    5

    0

    Assenza f’25 g

    EN/ISO 6579 (għas-sejba) White-Kaufmann-Skema Le Minor (għas-serotipi)

    Prodotti mqiegħda fis-suq matul il-perjodu ta’ żmien ta’ skadenza tagħhom

    (1)   Dan il-kriterju għandu japplika għal laħam frisk minn qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus, tiġieġ tal-bajd, kappuċċelli u qatgħat tat-tgħammir u għat-tismin ta’ dundjani.

    (2)   Fir-rigward tas-Salmonella typhimurium monofażiċi ►C1  1,4,[5],12:i:- ◄ biss hija inkluża.”

    (2) Fil-Kapitolu 2, ir-Ringiela 2.1.5 u n-nota 10 f’qiegħ il-paġna huma sostitwiti b’dan li ġej:



    “2.1.5  Karkassi tat-tjur ta’ kappuċċelli u dundjani

    Salmonella spp. (1)

    50 (5)

    7 (6)

    Minn 1.1.2012 c = 5 għall-kappuċċelli

    Minn 1.1.2013 c = 5 għad-dundjani

    Assenza f’25 g ta’ kampjun imħallat ta’ ġilda tal-għonq

    EN/ISO 6579 (għas-sejba)

    Il-karkassi wara t-tkessiħ

    Titjib fl-iġjene tal-qtil, reviżjoni tal-kontrolli tal-proċess, l-oriġini tal-annimali u tal-miżuri tal-bijosigurtà fl-irziezet tal-oriġini

    (1)   Fejn tinsab is-Salmonella spp., l-iżolati għandhom ikunu serotipjati aktar għas-Salmonella typhimurium u s-Salmonella enteritidis sabiex jivverifikaw konformità mal-kriterju mikrobijoloġiku stabbilit fir-Ringiela 1.28 tal-Kapitolu 1.”

    (3) Fil-Kapitolu 3, it-Taqsima 3.2 hija sostitwita b’dan li ġej:

    “3.2.    Kampjunar batterjoloġiku fil-biċċeriji u fi stabbilimenti li jipproduċu l-ikkapuljat, il-preparazzjonijiet tal-laħam, il-laħam separat b’mod mekkaniku u l-laħam frisk.

    Regoli għal kampjunar għal karkassi tal-bovini, il-ħnieżer, in-ngħaġ, il-mogħoż, u ż-żwiemel

    Il-metodi distruttivi u dawk mhux distruttivi ta’ kampjunar, l-għażla tas-siti għall-kampjunar u r-regoli għall-ħażna u t-trasport tal-kampjuni li se jintużaw huma stabbiliti fl-istandard ISO 17604.

    Għandhom jittieħdu ħames karkassi matul kull sessjoni ta’ kampjunar. Is-siti tal-kampjuni għandhom jintgħażlu billi titqies it-teknoloġija tal-qtil użata f’kull impjant.

    Waqt il-kampjunar għall-analiżi tal-għadd totali tal-Enterobacteriaceae u l-aerobiċi, għandhom jittieħdu kampjuni minn erba’ siti minn kull karkassa. Erba’ kampjuni ta’ tessuti li jirrappreżentaw total ta’ 20 ċm2 għandhom jinkisbu bil-metodu distruttiv. Meta jintuża l-metodu mhux distruttiv għal dan l-għan, iż-żona ta’ kampjunar għandha tkopri minimu ta’ 100 ċm2 (50 ċm2 għal karkassi ta’ bhejjem li jixtarru żgħar) għal kull sit ta’ kampjunar.

    Waqt il-kampjunar għal analiżi tas-Salmonella, għandu jintuża metodu ta’ teħid ta’ kampjuni bi sponża barraxa. Għandhom jintgħażlu ż-żoni li l-aktar għandhom ċans li jiġu kkontaminati. Iż-żona totali għat-teħid ta’ kampjunar għandha tkopri minimu ta’ 400 cm2.

    Meta l-kampjuni jittieħdu mis-siti differenti ta’ kampjunar fuq il-karkassa, dawn għandhom jingħaqdu f’kampjun kompost qabel l-eżaminazzjoni.

    Regoli ta’ kampjunar għal karkassi tat-tjur u laħam frisk tat-tjur

    Il-biċċeriji għandhom jieħdu kampjuni ta’ karkassi sħaħ tat-tjur bil-ġilda tal-għonq għall-analiżi tas-Salmonella. Stabbilimenti oħra li jipproċessaw laħam frisk tat-tjur għandhom jieħdu kampjuni għall-analiżi tas-Salmonella filwaqt li jagħtu prijorità lil karkassi sħaħ tat-tjur bil-ġilda tal-għonq, jekk disponibbli, iżda jiżguraw li anke porzjonijiet tat-tiġieġ bil-ġilda u/jew porzjonijiet tat-tiġieġ mingħajr ġilda jew b’ammont żgħir ta’ ġilda, u dik l-għażla għandha tkun ibbażata fuq ir-riskju.

    Il-biċċeriji għandhom jinkludu fil-pjanijiet tagħhom ta’ kampjunar karkassi tat-tjur minn qatgħat bi status tas-Salmonella mhux magħruf jew bi status li hu magħruf li huwa pożittiv għas-Salmonella enteritidis jew is-Salmonella typhimurium.

    Meta jkun qed isir l-ittestjar kontra l-kriterju tal-iġjene tal-proċess stabbilit fir-Ringiela 2.1.5 tal-Kapitolu 2 għas-Salmonella f’karkassi tat-tjur fil-biċċeriji, għandhom jittieħdu kampjuni aleatorji ta’ġilda tal-għonq minn tal-inqas 15-il karkass tat-tjur wara tkessiħ matul kull sessjoni ta’ kampjunar. Għandha tinkiseb biċċa mill-ġilda tal-għonq ta’ madwar 10 g minn kull karkassa tat-tjur. F’kull okkażjoni, il-kampjuni ta’ ġilda tal-għonq minn tliet karkassi tat-tjur mill-istess merħla ta’ oriġini għandhom jingħaqdu f’kampjun kompost qabel l-eżaminazzjoni sabiex jiffurmaw 5 x 25 g kampjuni finali. Dawn il-kampjuni għandhom jintużaw ukoll biex jivverifikaw il-konformità mal-kriterju tas-sikurezza tal-ikel stabbilit fir-Ringiela 1.28 tal-Kapitolu 1.

    Għall-analiżi tas-Salmonella għal-laħam frisk tat-tjur apparti mill-karkassi tat-tjur, għandhom jinġabru ħames kampjuni minn tal-inqas ta’ 25 g tal-istess lott. Il-kampjun meħud mill-porzjonijiet tat-tiġieġ bil-ġilda għandu jinkludi l-ġilda u porzjon irqiq ta’ muskolu tal-wiċċ f’każ li l-ammont ta’ ġilda mhuwiex biżżejjed biex jifforma unità ta’ kampjun. Il-kampjun meħud mill-porzjonijiet tat-tiġieġ mingħajr ġilda jew b’ammont żgħir ta’ ġilda għandu jinkludi porzjon jew porzjonijiet irqaq ta’ muskolu tal-wiċċ miżjuda ma’ kwalunkwe ġilda preżenti biex jagħmel unità suffiċjenti ta’ kampjun. Il-porzjonijiet tal-laħam għandhom jittieħdu b’tali mod li jinkludu kemm jista’ jkun il-wiċċ tal-laħam.

    Linji gwida għall-kampjunar

    Linji gwida aktar dettaljati dwar il-kampjunar tal-karkassi, b’mod partikolari dwar is-siti ta’ kampjunar, jistgħu jiġu inklużi fil-gwidi għal prattiċi tajba msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 852/2004.

    Frekwenzi ta’ kampjunar għal karkassi, ikkapuljat, preparazzjonijiet tal-laħam u laħam isseparat b’mod mekkaniku u laħam tat-tjur frisk

    L-operaturi tas-settur tal-ikel ta’ biċċeriji jew stabbilimenti li jipproduċu l-ikkapuljat, it-tlestija tal-laħam jew il-laħam isseparat b’mod mekkaniku jew laħam frisk tat-tjur għandhom jieħdu kampjuni għall-analiżi mikrobijoloġika minn tal-inqas darba fil-ġimgħa. Il-jum tal-kampjunar għandu jinbidel kull ġimgħa sabiex jiġi żgurat li jkun kopert kull jum tal-ġimgħa.

    Fir-rigward tal-kampjunar tal-ikkapuljat u l-preparazzjonijiet tal-laħam għall-E. coli u analiżi tal-għadd totali ta’ aerobiċi u l-kampjunar tal-karkassi għal analiżi tal-Enterobacteriaceae u tal-għadd totali ta’ aerobiċi, il-frekwenza tista’ titnaqqas għal ittestjar kull ħmistax jekk jinkisbu riżultati sodisfaċenti għal sitt ġimgħat konsekuttivi.

    Fil-każ ta’ kampjunar għall-analiżi tas-Salmonella tal-ikkapuljat, il-preparazzjonijiet tal-laħam, karkassi u laħam frisk tat-tjur, il-frekwenza tista’ titnaqqas għal kull ġimgħatejn jekk jinkisbu riżultati sodisfaċenti għal 30 ġimgħa konsekuttiva. Il-frekwenza tat-teħid ta’ kampjuni għas-Salmonella tista’ titnaqqas ukoll jekk hemm programm nazzjonali jew reġjonali fis-seħħ għall-kontroll tas-Salmonella u jekk dan il-programm jinkludi ttestjar li jissostitwixxi l-kampjunar stabbilit f’dan il-paragrafu. Il-frekwenza ta’ kampjunar tista’ titnaqqas iżjed jekk il-programm nazzjonali jew reġjonali għall-kontroll tas-Salmonella juri li l-prevalenza tas-Salmonella hija baxxa f’annimali mixtrija mill-biċċerija.

    Madankollu, meta jkun ġustifikat fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju u konsegwentement awtorizzat mill-awtorità kompetenti, biċċeriji u stabbilimenti żgħar li jipproduċu l-ikkapuljat, il-preparazzjonijiet tal-laħam u laħam frisk tat-tjur fi kwantitajiet żgħar jistgħu jkunu eżentati minn dawn il-frekwenzi ta’ kampjunar.”



    ( 1 ) ĠU L 325, 12.12.2003, p. 1.

    ( 2 ) ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.

    ( 3 ) ĠU L 151, 13.6.2007, p. 21.

    ( 4 ) ĠU L 162, 21.6.2008, p. 3.

    ( 5 ) ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1.

    ( 6 ) ĠU L 228, 3.9.2005, p. 14.

    ( 7 ) ĠU L 272, 3.10.2006, p. 22.

    ( 8 ) ĠU L 190, 21.7.2007, p. 25.

    ( 9 ) www.efsa.europa.eu

    ( 10 EFSA Journal (2010); 8(1): 1496.

    ( 11 EFSA Journal (2010); 8(10): 1826.

    ( 12 ) ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1.”.

    Top