This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02011D1080-20120425
Decision No 1080/2011/EU of the European Parliament and of the Council of 25 October 2011 granting an EU guarantee to the European Investment Bank against losses under loans and loan guarantees for projects outside the Union and repealing Decision No 633/2009/EC
Consolidated text: Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2011 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti 'l barra mill-Unjoni u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE
Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2011 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti 'l barra mill-Unjoni u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE
2011D1080 — MT — 25.04.2012 — 001.002
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
DEĊIŻJONI Nru 1080/2011/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-25 ta’ Ottubru 2011 (ĠU L 280 27.10.2011, p. 1) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
No |
page |
date |
||
L 110 |
38 |
24.4.2012 |
Ikkoreġut b'
DEĊIŻJONI Nru 1080/2011/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-25 ta’ Ottubru 2011
li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti 'l barra mill-Unjoni u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 209 u 212 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-Parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja ( 1 ),
Billi,
(1) |
Flimkien mal-missjoni ċentrali tiegħu li jiffinanzja l-investiment fl-Unjoni Ewropea, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) mill-1963 wettaq operazzjonijiet ta' finanzjament 'il barra mill-Unjoni b'appoġġ għal-linji ta' politika esterni tal-Unjoni. Dan jippermetti li fondi baġitarji tal-UE disponibbli għar-reġjuni esterni jiġu kkumplimentati mis-saħħa finanzjarja tal-BEI għall-benefiċċju tal-pajjiżi riċevituri. Meta jidħol f'dawn l-operazzjonijiet ta' finanzjament, il-BEI jikkontribwixxi għall-prinċipji ta' gwida ġenerali u l-objettivi ta' politika tal-Unjoni, inkluż l-iżvilupp tal-pajjiżi terzi u l-prosperità tal-Unjoni fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi globali li nbidlu. L-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI b'appoġġ għall-politika esterna tal-Unjoni għandhom jkomplu jitwettqu f'konformità mal-prinċipji ta' prattika bankarja soda. |
(2) |
L-Artikolu 209(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropew (TFUE), flimkien mal-Artikolu 208 tiegħu, jipprovdi li l-BEI għandu jikkontribwixxi, skont it-termini stipulati fl-Istatut tiegħu, għall-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jiġu promossi l-objettivi tal-politika tal-Unjoni ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp. |
(3) |
F'konformità mal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-BEI, il-BEI għandu jippreżenta applikazzjoni lill-Kummissjoni għal opinjoni dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-BEI mwettqa taħt din id-Deċiżjoni (“applikazzjoni għal finanzjament mill-BEI”). |
(4) |
Bil-ħsieb li tiġi appoġġata l-azzjoni esterna tal-UE, u biex il-BEI ikun jista’ jiffinanzja investimenti 'l barra mill-Unjoni mingħajr ma jaffettwa l-pożizzjonament kreditarju tiegħu, il-biċċa l-kbira tal-operazzjonijiet tiegħu fir-reġjuni esterni bbenefikaw minn garanzija baġitarja tal-UE (garanzija tal-UE) amministrata mill-Kummissjoni. |
(5) |
Il-garanzija tal-UE ġiet stabbilita għall-perjodu 2007-2011 permezz tad-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar l-għotja ta’ garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għall-proġetti barra mill-Komunità ( 2 ). |
(6) |
Il-Fond ta’ Garanzija għal azzjonijiet esterni (“Fond ta’ Garanzija”), li ġie stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni ( 3 ), jipprovdi riżerva ta’ likwidità għall-baġit tal-Unjoni kontra t-telf imġarrab fuq operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI u azzjonijiet esterni oħra tal-UE. |
(7) |
Skont id-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE, il-Kummissjoni u l-BEI ħejjew analiżi ta' nofs it-terminu tal-finanzjament estern tal-BEI, abbażi ta' valutazzjoni esterna indipendenti sorveljata minn grupp ta' direzzjoni ta' "persuni għorrief", analiżi permezz ta' konsulenza esterna, u evalwazzjonijiet speċifiċi prodotti mill-BEI. Nhar it-12 ta’ Frar 2010, il-grupp ta' direzzjoni ppreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-BEI bil-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu. |
(8) |
Fir-rapport tiegħu il-grupp ta’ direzzjoni kkonkluda li l-garanzija tal-UE hija strument politiku effiċjenti u qawwi b'influwenza finanzjarja u politika qawwija u li din il-garanzija għandha tinżamm ħalli tkopri r-riskji ta’ natura politika jew sovrana. Huwa ppropona wkoll ċerti emendi għad-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE sabiex jiġi żgurat li jkun hemm valur miżjud u effiċjenza massimi fl-operazzjonijiet esterni tal-BEI. |
(9) |
Hu essenzjali li tiġi stabbilita lista ta' reġjuni u pajjiżi potenzjalment eliġibbli għal finanzjament mill-BEI kopert mill-garanzija tal-UE. Huwa wkoll meħtieġ li tiġi estiża l-lista ta' reġjuni u pajjiżi eliġibbli għal finanzjament mill-BEI taħt il-garanzija tal-UE, kif attwalment tinsab stabbilita fl-Anness I għad-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE. |
(10) |
Sabiex jiġu riflessi żviluppi ta' politika sinifikanti, is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emenda tal-lista ta' reġjuni u pajjiżi eliġibbli. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, fil-ħin u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. |
(11) |
L-ammonti koperti mill-garanzija tal-UE f’kull reġjun għandhom ikomplu jirrappreżentaw limiti massimi għall-finanzjament mill-BEI skont il-garanzija tal-UE u mhux il-miri li l-BEI jiġi rikjest li jissodisfa. |
(12) |
Fil-qafas tal-appoġġ tal-Unjoni għall-pajjiżi terzi biex ilaħħqu mal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali, l-BEI kkonċentrat l-attività ta' self estern tagħha fil-fażi inizjali (frontloading) fl-2009 u l-2010 prinċipalment fil-pajjiżi fil-proċess ta' qabel l-adeżjoni jew dawk tal-viċinat u tas-sħubija taħt il-mandat attwali tiegħu. Barra minn hekk, id-diżordni fin-Nofsinhar tal-Mediterran kmieni fl-2011 titlob li l-Unjoni tgħin biex il-pajjiżi affettwati jingħataw mezzi biex jibnu mill-ġdid u jimmodernizzaw l-ekonomiji tagħhom. Għalhekk, għall-perijodu tal-mandat li fadal, il-limitu massimu tal-Mandat Ġenerali għandu jiġi rieżaminat u miegħu għandhom jiżdiedu EUR 1 684 000 000 biex biex dawn iċ-ċirkostanzi temporanji u eċċezzjonali jkunu jistgħu jiġu trattati aħjar mingħajr ma jiġu ppreġudikati l-limiti massimi taħt il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss. |
(13) |
L-operazzjonijiet finanzjarji tal-BEI li jirriżultaw minn dik iż-żieda fil-limitu massimu tal-Mandat Ġenerali msemmija hawn fuq għandhom iwieġbu għar-riformi politiċi mwettqin minn pajjiżi sħab individwali kif ivvalutat mill-Kummissjoni bl-involviment tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) b'kont meħud tar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u d-deċiżjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Kunsill. Ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-enfasi mġedda fuq id-differenzjazzjoni għandhom ukoll jiġu riflessi f’dik il-valutazzjoni. Fil-pajjiżi fil-proċess ta' qabel l-adeżjoni, il-finanzjament tal-BEI ser ikompli jikkomplementa l-assistenza tal-Unjoni skont il-qafas tal-politika reġjonali. |
(14) |
Barra mil-limiti massimi reġjonali, il-mandat fakultattiv ta' EUR 2 000 000 000 għandu jiġi attivat u allokat bħala pakkett li jappoġġa l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI fil-qasam tat-taffija tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih madwar ir-reġjuni koperti mill-mandat. Il-BEI jista’ jikkontribwixxi l-kompetenza esperta u r-riżorsi tiegħu, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, ħalli jappoġġa lill-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll lis-settur privat biex dawn jindirizzaw l-isfida tat-tibdil fil-klima u jużaw bl-aħjar mod possibbli l-finanzjament disponibbli. Għal proġetti ta' taffija u adattament, ir-riżorsi tal-BEI, meta possibbli u meta jkun xieraq, għandhom jiġu kkumplimentati minn fondi konċessjonali disponibbli skont il-baġit tal-Unjoni, u permezz tat-taħlit effiċjenti u konsistenti ta' għotjiet u self għal finanzjament konness mat-tibdil fil-klima fil-kuntest tal-assistenza esterna tal-Unjoni. F'dan ir-rigward, huwa xieraq li r-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandu jkollu rapport dettaljat dwar l-istrumenti finanzjarji użati għall-iffinanzjar ta' dawn il-proġetti, filwaqt li jiġu identifikati l-ammonti ta' finanzjament tal-BEI li jaqgħu taħt il-mandat fakultattiv u l-ammonti korrispondenti ta' għotjiet. |
(15) |
L-eliġibbiltà għal finanzjament mill-BEI għat-taffija tat-tibdil fil-klima skont il-garanzija tal-UE tista’ tiġi ristretta skont il-Mandat dwar it-Tibdil fil-Klima għall-pajjiżi li jitqiesu li ma jkunux impenjaw ruħhom biex jilħqu l-miri xierqa relatati mat-tibdil fil-klima. Kwalunkwe deċiżjoni bħal din għandha tkun ibbażata fuq valutazzjonijiet politiċi kumplessi u komprensivi. Għalhekk il-Kunsill għandu jkollu s-setgħa li jiddeċiedi, fuq proposta mill-Kummissjoni bl-involviment tal-SEAE, li jirrestrinġi l-eliġibbiltà ta' pajjiż li jirċievi finanzjament mill-BEI għat-taffija tat-tibdil fil-klima skont il-garanzija tal-UE. Tali restrizzjoni għandha tapplika biss għal operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI li għalihom issir applikazzjoni għal finanzjament mill-BEI wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni u li jiġu ffirmati wara l-1 ta' Jannar 2012. |
(16) |
Għandha tiġi pprovduta ċerta flessibbiltà fir-rigward tal-allokazzjoni reġjonali skont il-Mandat dwar it-Tibdil fil-Klima biex tippermetti l-aktar teħid effettiv u mħaffef possibbli tal-finanzjament disponibbli fil-perjodu ta’ tlett snin 2011-2013, waqt li jsir kull sforz possibbli biex tiġi żgurata distribuzzjoni bbilanċjata madwar ir-reġjuni tul dak il-perjodu, abbażi tal-prijoritajiet stabbiliti għall-għajnuna esterna skont il-Mandat Ġenerali. |
(17) |
L-evalwazzjoni esterna indipendenti li fuqha kienet ibbażata ir-reviżjoni ta' nofs iż-żmien tal-finanzjament estern tal-BEI sabet li, għalkemm l-operazzjonijiet tal-BEI imwettqa fil-perjodu kopert mill-evalwazzjoni (2000-2009) kienu ġeneralment konformi mal-linji ta' politika esterni tal-Unjoni, ir-rabta bejn l-għanijiet ta' politika tal-Unjoni u l-implimentazzjoni operattiva tagħhom mill-BEI għandha tissaħħaħ u ssir aktar espliċita u strutturata. |
(18) |
Biex tiżdied il-koerenza tal-mandat u tissaħħaħ il-konċentrazzjoni tal-attività ta’ finanzjament estern tal-BEI fuq il-linji ta' politika ta' appoġġ tal-Unjoni, u għall-benefiċċju massimu tal-benefiċjarji, din id-Deċiżjoni għandha tistabbilixxi għanijiet orizzontali ta’ livell għoli fil-mandat għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI fir-reġjuni u l-pajjiżi kollha eliġibbli, fuq is-sies tal-aspetti komparattivement b’saħħithom tal-BEI f’oqsma fejn fl-imgħoddi dan ta xhieda ta’ ħidma pożittiva. Fir-reġjuni kollha koperti minn din id-deċiżjoni, il-BEI għandu għalhekk jiffinanzja proġetti fl-oqsma tat-taffija tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, (inkluż permezz tat-trasferiment ta' teknoloġiji relatati ma' sorsi ġodda ta' enerġija), l-infrastruttura soċjali u ekonomika (m’mod partikolari, fit-trasport, l-enerġija inkluża l-enerġija rinnovabbli, is-sigurtà tal-enerġija, l-infrastruttura tal-enerġija, l-infrastruttura ambjentali inklużi l-ilma u miżuri sanitarji, kif ukoll it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni), u l-iżvilupp tas-settur privat lokali, b’mod partikolari l-appoġġ għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs). Għandu jitfakkar li titjib tal-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs jista' jiżvolġi rwol essenzjali fl-istimolu tal-iżvilupp ekonomiku u fil-ġlieda kontra l-qgħad. F’dawn l-oqsma, l-integrazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi sħab, inkluża l-integrazzjoni ekonomika bejn il-pajjiżi preadeżjonali, il-pajjiżi ġirien u l-Unjoni, għandha tkun għan bażiku tal-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-BEI. Il-BEI għandu jkun jista' jappoġġa l-preżenza tal-Unjoni fil-pajjiżi sħab permezz ta' investiment barrani dirett li jikkontribwixxi għall-promozzjoni tat-trasferiment tat-teknoloġija u tal-għarfien jew taħt il-garanzija tal-UE għall-investimenti fl-oqsma msemmija hawn fuq, jew b'riskju tiegħu stess. |
(19) |
Biex jilħaq b’mod effikaċi lill-SMEs, il-BEI għandu jikkoopera mal-istituzzjonijiet finanzjarji intermedjarji lokali fir-reġjuni u l-pajjiżi eliġibbli, b'mod partikulari biex jiżgura li parti mill-benefiċċji finanzjarji jiġu mgħoddija lill-klijenti tagħhom u jipprovdu valur miżjud meta mqabbel ma' sorsi oħra ta' finanzjament. Fejn ikun xieraq, permezz tal-ftehimiet tiegħu ta' kooperazzjoni ma' dawk l-istituzzjonijiet intermedjarji, il-BEI għandu jassigura li l-proġetti tal-klijenti tagħhom jiġu vverifikati skont kriterji maqbula f'konformità mal-għanijiet tal-Unjoni dwar l-iżvilupp sabiex jingħata valur miżjud. L-attivitajiet tal-intermedjarji finanzjarji f'appoġġ għall-SMEs għandhom ikunu trasparenti għal kollox u jiġu rrappurtati regolarment lill-BEI. |
(20) |
Barra minn hekk, l-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-BEI għandhom jikkontribwixxu għall-prinċipji ġenerali li jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-UE, kif inhi msemmija fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li tħeġġeġ u tikkonsolida d-demokrazija u l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet ambjentali internazzjonali li l-Unjoni hija parti minnhom. B’mod partikolari, fir-rigward tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif definiti fil-lista ta’ riċevituri uffiċjali tal-assistenza għall-iżvilupp (ODA) stabbilita mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD), l-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-BEI għandhom jippromwovu dawn li ġejjin: l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli tagħhom f'dawn il-pajjiżi, l-aktar fost dawk l-aktar żvantaġġati fosthom; l-integrazzjoni bla xkiel u gradwali tal-ekonomiji tagħhom fl-ekonomija dinjija; il-kampanja kontra l-faqar kif ukoll il-konformità mal-għanijiet approvati mill-Unjoni fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti oħrajn. |
(21) |
Filwaqt li l-qawwa tal-BEI tibqa' l-karattru distint tiegħu bħala bank ta' investiment, il-BEI għandu, skont din id-Deċiżjoni, jivvaluta l-impatt fuq l-iżvilupp tal-operazzjonijiet esterni tiegħu f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u taħt l-iskrutinju demokratiku tal-Parlament Ewropew skont il-prinċipji li ġejjin tal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp kif ukoll dawk stipulati fl-Artikolu 208 TFUE, flimkien mal-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna deskritti fid-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-2005 u l-Aġenda għall-Azzjoni ta' Accra tal-2008. Dan għandu jiġi implimentat permezz ta’ għadd ta’ mezzi konkreti, b’mod partikolari billi tissaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jivvaluta l-aspetti ta' żvilupp, ambjentali u soċjali tal-proġetti, inklużi r-riskji konnessi mad-drittijiet tal-bniedem u l-kunflitti, u billi titħeġġeġ il-konsultazzjoni lokali mal-awtoritajiet pubbliċi u mas-soċjetà ċivili. Meta jkun qed iwettaq id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-proġett, il-BEI għandu, meta jkun xieraq u f'konformità mal-prinċipji soċjali u ambjentali tal-Unjoni jobbliga lill-promotur tal-proġett iwettaq konsultazzjonijiet lokali u jiżvela r-riżultati lill-pubbliku. Barra minn hekk, il-BEI għandu jżid il-konċentrazzjoni tiegħu fuq setturi li fihom hu għandu kompetenza esperta soda minn operazzjonijiet ta’ finanzjament fl-Unjoni u li jqawwu l-iżvilupp fil-pajjiż inkwistjoni, bħall-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs u l-mikroentitajiet, l-infrastruttura ambjentali tiegħu inklużi l-ilma u l-miżuri sanitarji; it-trasportazzjoni sostenibbli; u t-taffija tat-tibdil fil-klima, partikolarment fl-enerġija rinnovabbli. Il-finanzjament jista' wkoll jinkludi proġetti b'appoġġ għall-infrastruttura tas-saħħa u l-edukazzjoni meta jkun hemm valur miżjud ċar. |
(22) |
Il-BEI għandu progressivament isaħħaħ ukoll l-attività tiegħu b’appoġġ għall-adattament għat-tibdil fil-klima, billi fejn ikun xieraq jaħdem f'kooperazzjoni ma’ Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFI) u istituzzjonijiet finanzajrji bilaterali Ewropej (EBFIs). Ir-rekwiżiti addizzjonali introdotti b'din id-Deċiżjoni jeħtieġu aċċess għal riżorsi konċessjonali u aġġustament gradwali tar-riżorsi umani filwaqt li jeħtieġu wkoll li jiġu mfittxija u sfruttati l-effiċjenza, l-effettività u s-sinerġiji. L-attività tal-BEI għandha wkoll tkun kumplimentari għall-għanijiet u l-prijoritajiet tal-Unjoni relatati mat-tiswir istituzzjonali u r-riformi settorjali. Fl-aħħar nett, il-BEI għandu jiddefinixxi l-indikaturi ta’ prestazzjoni li huma marbuta mal-aspetti tal-iżvilupp u tal-ambjent tal-proġetti u r-riżultati tagħhom. |
(23) |
Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, inħolqot il-funzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli), bil-għan li żżid l-impatt u l-koerenza tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni. |
(24) |
F'dawn l-aħħar snin kien hemm ukoll twessigħ u tisħiħ tal-linji ta' politika tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni. Dan kien b’mod partikolari l-każ għall-Istrateġija ta’ Qabel l-Adeżjoni, għall-Politika tal-Viċinat Ewropew, għall-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali, għall-isħubiji mġedda mal-Amerika Latina u max-Xlokk tal-Asja, kif ukoll għas-Sħubija Strateġika tal-Unjoni mar-Russja, iċ-Ċina u l-Indja. Dan jista’ jingħad ukoll għall-politika tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, li issa ġiet estiża biex tinkludi l-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw. Mill-2007, ir-relazzjonijiet esterni tal-UE ġew appoġġati wkoll minn strumenti finanzjarji ġodda, jiġifieri l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI), l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) u l-Istrument għall-Istabbiltà. |
(25) |
Fid-dawl tat-twaqqif tas-SEAE u wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jemendaw il-memorandum ta’ ftehim dwar il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fir-reġjuni msemmija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE tad-19 ta' Diċembru 2006 li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti barra mill-Komunità ( 4 ), u, jekk ikun il-każ, u bl-approvazzjoni tar-Rappreżentant Għoli, jestendu l-memorandum ta’ ftehim il-ġdid biex jinkludi s-SEAE, b’mod partikolari għal dak li huwa djalogu regolari u sistematiku bejn il-Kummissjoni u l-BEI fuq livell strateġiku, li għandu jinkludi lis-SEAE, u aspetti oħrajn li huma fil-kompetenza tas-SEAE. |
(26) |
Skont l-Artikolu 209(3) TFUE, il-BEI għandu jagħmel ħiltu biex jappoġġa indirettament il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju tal-2015 fir-reġjuni kollha fejn ikun attiv, bħala miżura meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp,. |
(27) |
Bil-għan li titjieb il-koerenza tal-appoġġ ġenerali tal-Unjoni fir-reġjuni kkonċernati, għandhom jinstabu opportunitajiet biex jiġi kkombinat il-finanzjament tal-BEI mar-riżorsi baġitarji tal-Unjoni kif ikun xieraq, fl-għamla ta', per eżempju, garanziji, ta’ kapital ta’ riskju u ta’ sussidji għar-rati tal-interess, ta’ kofinanzjament fl-investiment, flimkien ma’ għajnuna teknika għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' proġetti, permezz tal-IPA, l-ENPI, id-DCI, l-EIDHR u l-Istrument għall-Istabbilità. Kull meta sseħħ kombinazzjoni bħal din tal-iffinanzjar tal-BEI ma' riżorsi baġitarji oħra tal-Unjoni, id-deċiżjonijiet kollha ta' finanzjament għandhom jidentifikaw b'mod ċar ir-riżorsi li għandhom ikunu impjegati. Ir-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI li saru skont din id-Deċiżjoni għandu jkollu lista dettaljata tar-riżorsi baġitarji u l-istrumenti finanzjarji użati f'kombinazzjoni mal-finanzjament tal-BEI. |
(28) |
Fil-livelli kollha, mill-ippjanar strateġiku ’l fuq (upstream) sal-iżvilupp tal-proġetti 'l isfel (downstream), għandu jiġi żgurat li l-operazzjonijiet ta' finanzjament estern mill-BEI jkunu konformi ma' u jappoġġaw l-linji ta' politika esterni tal-UE u l-għanijiet ta' livell għoli stipulati f'din id-Deċiżjoni. Bil-ħsieb li tiżdied il-koerenza fl-azzjoni esterna tal-UE, għandu jkompli jissaħħaħ id-djalogu dwar il-politika u l-istrateġija bejn il-Kummissjoni, is-SEAE u l-BEI. Għall-istess għan, għandu jkun hemm kooperazzjoni mtejba u skambju reċiproku bikri tal-informazzjoni bejn il-Kummissjoni, is-SEAE u l-BEI u fil-livell operattiv. L-uffiċċji tal-BEI 'l barra mill-Unjoni għandhom primarjament ikunu lokalizzati ġewwa d-delegazzjonijiet tal-Unjoni sabiex titrawwem din il-kooperazzjoni waqt li jinqasmu l-ispejjeż operattivi. L-iskambju bikri tal-opinjonijiet bejn il-Kummisjoni, is-SEAE u l-BEI, skont kif ikun xieraq, għandu importanza partikolari fil-proċess tat-tħejjija tad-dokumenti tal-ippjanar sabiex jiġu massimizzati s-sinerġiji bejn l-attivitajiet ta' dawn it-tliet korpi tal-Unjoni. |
(29) |
Il-miżuri prattiċi għar-rabta tal-objettivi tal-Mandat Ġenerali u l-implimentazzjoni tagħhom għandhom jiġu stabbiliti fil-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali. Dawn il-linji gwida għandhom ikunu konsistenti mal-qafas ta' politika reġjonali usa' tal-Unjoni stipulat fl-anness għal din id-Deċiżjoni. Dawn il-linji gwida għandhom jirriflettu l-istrateġiji nazzjonali tal-Istati Membri u għandhom jkollhom l-għan li jiżguraw li l-finanzjament tal-BEI jkun komplementari għal-linji ta' politika, il-programmi u l-istrumenti ta' assistenza tal-Unjoni korrispondenti fir-reġjuni differenti. |
(30) |
Il-BEI għandu jħejji, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, programm multiannwali indikattiv tal-ammont ippjanat ta’ firem tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI, sabiex jiġi żgurat ippjanar baġitarju xieraq għall-proviżjon tal-Fond ta’ Garanzija u biex tkun żgurata l-kompatibbiltà tat-tbassir tas-self tal-BEI mal-livelli massimi stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta' dan l-ippjanar baġitarju fl-ipprogrammar tal-baġit regolari tagħha trasmess lill-awtorità baġitarja. |
(31) |
L-iżvilupp ta' Pjattaforma tal-Unjoni għall-kooperazzjoni u l-iżvilupp għandu jiġi studjat bil-ħsieb li jiġi ottimizzat il-funzjonament tal-mekkaniżmi għat-taħlit tal-għotjiet mas-self fir-reġjuni esterni. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha toħloq grupp ta' esperti tal-Istati membri, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-BEI li jivvalutaw l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' din il-pjattaforma. Fir-riflessjonijiet tiegħu dak il-grupp għandu jikkonsulta ma' atturi rilevanti oħrajn, inklużi istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej multilaterali u bilaterali. Pjattaforma ta’ dan it-tip tkompli jippromwovi s-sinerġiji u l-arranġamenti ta’ dipendenza reċiproka bbażati fuq il-vantaġġ komparattiv tal-istituzzjonijiet differenti filwaqt li jiġu rispettati r-rwol u l-prerogattivi tal-Kummissjoni u tal-BEI fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni u s-self tal-BEI rispettivament. Abbażi tas-sejbiet ta' dak il-grupp ta' esperti, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa nofs l-2012 u, jekk ikun xieraq, tagħmel proposta għall-pjattaforma. |
(32) |
Il-BEI għandu jiġi mħeġġeġ sabiex iżid l-operazzjonijiet tiegħu u jiddiversifika l-istrumenti finanzjarji tiegħu 'l barra mill-Unjoni mingħajr ir-rikors għall-garanzija tal-UE biex b'hekk l-użu tal-garanzija jista' jkun inkuraġġut għall-pajjiżi u l-proġetti b'aċċess baxx għas-suq, b'kont meħud tal-konsiderazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà tad-dejn, u fejn il-garanzija għalhekk tipprovdi aktar valur miżjud. Konsegwentement, u dejjem bil-għan li jappoġġa l-għanijiet tal-politika dwar ir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, il-BEI, filwaqt li jieħu kont tal-kapaċità tiegħu ta' assorbiment tar-riskju, għandu jiġi mħeġġeġ iżid l-ammonti li jislef għar-riskju proprju tiegħu, inkluż permezz tal-appoġġ tal-interessi ekonomiċi tal-Unjoni, partikolarment fil-pajjiżi preadeżjonali u l-pajjiżi tal-viċinat u fil-pajjiżi tal-grad ta’ investiment f’reġjuni oħra, iżda wkoll fil-pajjiżi fil-grad ta’ subinvestiment meta l-BEI jkollu l-garanziji xierqa minn partijiet terzi. Il-BEI, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, għandu jiżviluppa politika biex jiddeċiedi bejn l-allokazzjoni ta’ proġetti jew għall-mandat taħt il-garanzija tal-UE jew għall-finanzjament b'riskju għall-BEI innifsu. Politika bħal din tkun b'mod partikolari tqis l-affidabbiltà kreditarja tal-pajjiżi u l-proġetti kkonċernati. |
(33) |
Il-BEI għandu jikkunsidra li jżid l-operazzjonijiet tiegħu ta' finanzjament skont din id-Deċiżjoni għal entitajiet pubbliċi sottosovrani, meta tali operazzjonijiet għandhom valutazzjoni xierqa mill-BEI dwar ir-riskju tal-kreditu. |
(34) |
Il-BEI għandu jespandi il-firxa tal-istrumenti ta' finanzjament ġodda u innovattivi li huwa joffri, inkluż permezz ta' aktar konċentrazzjoni fuq l-iżvilupp ta' strumenti ta' garanzija safejn ikun possibbli, filwaqt li titqies il-politika tal-BEI dwar ir-riskju. Barra minn hekk, il-BEI għandu jitħeġġeġ jipprovdi self fil-muniti lokali u joħroġ bonds fis-swieq lokali, sakemm il-pajjiżi sħab iwettqu r-riformi strutturali meħtieġa, b'mod partikolari fis-settur finanzjarju, kif ukoll miżuri oħra li jiffaċilitaw l-attivitajiet tal-BEI. |
(35) |
Biex jiġi żgurat li l-BEI jissodisfa r-rekwiżiti tal-mandat fir-reġjuni u s-sottoreġjuni, r-riżorsi umani u finanzjarji ddedikati għall-attivitajiet esterni tiegħu, għandhom ikunu suffiċjenti u għandhom gradwalment jiżdiedu. Dan għandu b’mod partikolari jinkludi li jkollu kapaċità suffiċjenti biex jappoġġa l-għanijiet tal-Unjoni ta' kooperazzjoni fl-iżvilupp, li jikkonċentra aktar fuq il-valutazzjoni ex ante tal-aspetti tal-attivitajiet tiegħu ambjentali, soċjali u ta' żvilupp, u li jissorvelja b'mod effettiv il-proġetti waqt li jkunu qegħdin jiġu implimentati. Għandhom jiġu sfruttati l-opportunitajiet ta' aktar titjib tal-effiċjenza u l-effikaċja, u għandha ssir ħidma attiva biex jinstabu s-sinerġiji. |
(36) |
Fl-operazzjonijiet ta’ finanzjament tiegħu barra mill-Unjoni li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-BEI għandu jagħmel aktar ħiltu biex itejjeb il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni mal-IFIs u l-EBFIs, fejn ikun rilevanti, inkluż, fejn ikun xieraq, il-kooperazzjoni rigward il-kondizzjonalità tas-settur u d-dipendenza reċiproka fuq il-proċeduri, l-użu tal-kofinanzjament konġunt u l-parteċipazzjoni f’inizjattivi globali, bħalma huma dawk li jippromwovu l-koordinament u l-effikaċja tal-għajnuna. Tali koordinazzjoni u kooperazzjoni għandhom ifittxu li jimminimizzaw il-possibbiltà ta' spejjeż doppji u sovrapożizzjoni bla bżonn. Dawn l-isforzi għandhom jissejsu fuq ir-reċiproċità. Il-prinċipji stabbiliti f'din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw ukoll meta l-finanzjment mill-BEI jiġi implimentat permezz ta' ftehimiet dwar kooperazzjoni ma' IFIs oħrajn u l-EBFIs. |
(37) |
B'mod partikolari, fir-reġjuni u l-pajjiżi ta' intervent komuni 'l barra mill-Unjoni, il-BEI għandu jtejjeb il-kooperazzjoni tiegħu mal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej l-oħrajn permezz ta' ftehimiet bħall-memorandum ta' qbil tripartitiku bejn il-Kummissjoni, il-Grupp tal-BEI (li jikkomprendi l-BEI u -Fond Ewropew ta' Investiment (FEI)), u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), fir-rigward tal-kooperazzjoni 'l barra mill-Unjoni u billi jħalli lill-Grupp tal-BEI u lill-BERŻ jaġixxu b'mod komplimentari billi jserraħ fuq il-vantaġġi komparattivi rispettivi tagħhom. |
(38) |
Ir-rappurtar u t-trasmissjoni tal-informazzjoni mill-BEI lill-Kummissjoni għandhom jissaħħu ħalli l-Kummissjoni tkun tista' ttejjeb ir-rapport annwali tagħha lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-BEI imwettqa skont din id-Deċiżjoni. Ir-rekwiżiti addizzjonali ta' rappurtar għandhom jivvalutaw il-konformità ta' finanzjamenti mill-BEI li għalihom tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal finanzjament mill-BEI wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni u li jiġu ffirmati wara l-1 ta' Jannar 2012. Ir-rapport għandu b'mod partikolari jivvaluta l-konformità tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI ma’ din id-Deċiżjoni, b’kunsiderazzjoni tal-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali, u għandu jinkludi taqsimiet dwar dawn li ġejjin: il-valur miżjud tal-BEI, bħal appoġġ għal-linji ta' politika esterni tal-Unjoni; rekwiżiti tal-mandat; il-kwalità tal-operazzjonijiet iffinanzjati; it-trasferiment ta' benefiċċji finanzjarji lill-klijenti; u taqsimiet dwar il-kooperazzjoni,inkluż il-kofinanzjament, mal-Kummissjoni u ma’ IFIs u donaturi bilatarali oħra. Ir-rapport għandu jivvaluta wkoll il-punt sa fejn il-BEI jkun ħa kont tas-sostenibbiltà ekonomika, finanzjarja, ambjentali u soċjali fit-tfassil u l-monitoraġġ tal-proġetti ffinanzjati. Għandu jinkludi wkoll sezzjoni speċifika ddedikata għall-evalwazzjoni dettaljata tal-miżuri meħuda mill-BEI biex jikkonforma mal-mandat attwali kif stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE, filwaqt li jagħti attenzjoni partikolari lill-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI li jużaw mezzi finanzjarji li jinsabu f'ġurisdizzjonijiet nonkooperattivi. Fl-operazzjonijiet tiegħu ta' finanzjament, il-BEI għandu jimplimenta b'mod adegwat il-politiki tiegħu lejn ġurisdizzjonijiet irregolati b’mod dgħajjef jew nonkooperattivi biex jikkontribwixxu għall-ġlieda internazzjonali kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll valutazzjoni rigward l-aspetti soċjali u ta' żvilupp tal-proġetti. Ir-rapport għandu jkun pubbliku, biex is-soċjetà ċivili u l-pajjiżi riċevituri jkunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom. Fejn ikun meħtieġ, ir-rapport għandu jinkludi referenzi għal bidliet sinifikanti fiċ-ċirkustanzi li jkunu jiġġustifikaw aktar emendi għall-mandat qabel tmiemu. Ir-rapport għandu b'mod partikolari jinkludi lista dettaljata tal-finanzjament mill-BEI skont din id-Deċiżjoni flimkien mar-riżorsi finanzjarji kollha tal-Unjoni u ta' donaturi oħra, biex b'hekk tingħata ħarsa ġenerali tal-espożizzjoni finanzjarja tal-operazzjonijiet ta' finanzjament. |
(39) |
L-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI għandhom ikomplu jiġu ġestiti f'konformità mar-regoli u l-proċeduri proprji tal-BEI, inklużi l-miżuri ta’ kontroll xierqa u miżuri meħudin biex tiġi evitata l-evażjoni fiskali, kif ukoll mar-regoli u tal-proċeduri rilevanti li jikkonċernaw il-Qorti tal-Awdituri u l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF). |
(40) |
Meta tippreżenta l-proposta dwar il-garanzija tal-UE lill-BEI għal proġetti mwettqa barra mill-Unjoni taħt il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, Il-Kummissjoni għandha tkun mistiedna b'mod partikolari biex teżamina, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-BEI u waqt li tieħu kont tal-implikazzjonijiet tal-proviżjon tal-Fond ta' Garanzija, l-ammonti massimi koperti mill-garanzija tal-UE, il-lista tal-pajjiżi eliġibbli u il-possibbiltà li l-BEI jipprovdi finanzjament tal-mikrokreditu u tipi oħra ta' strumenti. Il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jeżaminaw ukoll il-possibbiltajiet li jsaħħu s-sinerġija bejn l-iffinanzjar permezz tal-IPA, l-ENPI, id-DCI u l-EIDHR u l-Istrument għall-Istabbilità u l-mandat estern ġejjieni tal-BEI. |
(41) |
Din id-Deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe negozjati u deċiżjonijiet fir-rigward tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss. |
(42) |
Għalhekk, u għal raġunjiet ta’ ċertezza legali u kjarezza, id-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE għandha tiġi mħassra, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Garanzija tal-UE
1. L-Unjoni Ewropea għandha tagħti lill-Bank tal-Investiment Ewropew (BEI) garanzija baġitarja tal-UE għall-operazzjonijiet ta' finanzjament imwettqa 'l barra mill-Unjoni (“garanzija tal-UE”). Il-garanzija tal-UE għandha tingħata bħala garanzija globali fir-rigward ta’ ħlasijiet li ma jaslux għand il-BEI, minkejja li huma dovuti lejh, b'rabta ma' self u garanziji fuq self għall-proġetti ta' investiment tal-BEI li huma eliġibbli skont il-paragrafu 2. L-attivitajiet ta' finanzjament tal-BEI għandhom jikkonformaw mal-prinċipji gwida ġenerali u jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi u l-politiki, tal-azzjoni esterna tal-UE. Objettiv għal finanzjament mill-BEI f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif definiti fil-lista ta’ riċevituri tal-assistenza għall-iżvilupp uffiċjali (ODA) kif stabbilita mill-OECD, għandu jkun li jikkontribwixxi indirettament għal għanijiet ta' żvilupp bħat-tnaqqis tal-faqar permezz ta’ tkabbir inklużiv kif ukoll ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli.
2. Is-self u l-garanziji fuq self tal-BEI eliġibbli għall-garanzija tal-UE għandhom ikunu dawk mogħtija għal proġetti ta’ investiment imwettqa fir-reġjuni u l-pajjiżi elenkati fl-Anness III, li jkunu ngħataw skont ir-regoli u l-proċeduri tal-BEI innifsu, inkluża d-dikjarazzjoni tal-BEI dwar l-istandards soċjali u ambjentali, u b’appoġġ għall-għanijiet ta' politika esterna rilevanti tal-Unjoni, meta l-finanzjament mill-BEI ikun ngħata skont ftehim iffirmat li la jkun skada u lanqas ġie kanċellat (“operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI”).
3. Il-garanzija tal-UE għandha tiġi ristretta għal 65 % tal-ammont aggregat tal-krediti maħruġa u l-garanziji pprovduti taħt l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI, bl-ammonti rimborżati mnaqqsa, flimkien mal-ammonti relatati kollha.
4. Il-garanzija tal-UE għandha tkopri l-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI ffirmati mill-1 ta’ Frar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013. L-Operazzjonijiet ta’ Finanzjament mill-BEI ffirmati skont id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2006/1016/KE u 2008/847/KE ( 5 ) u d-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE għandhom ikomplu jibbenefikaw mill-garanzija tal-UE skont din id-Deċiżjoni.
5. Jekk, mal-iskadenza tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 4, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma jkunux adottaw deċiżjoni li tagħti garanzija ġdida tal-UE lill-BEI għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament tiegħu 'l barra mill-Unjoni skont l-Artikolu 16, dan il-perjodu għandu awtomatikament jiġi estiż b’sitt xhur.
Artikolu 2
Limiti massimi tal-mandat
1. Il-limitu massimu tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI koperti minn garanzija tal-UE matul il-perjodu 2007-2013, bit-tnaqqis tal-ammonti kanċellati, ma għandux jaqbeż EUR 29 484 000 000 , maqsumin f’żewġ partijiet:
(a) Mandat Ġenerali ta’ EUR 27 484 000 000
(b) Mandat tal-Bidla fil-Klima ta’ EUR 2 000 000 000
2. Il-Mandat Ġenerali għandu jinqasam f’limiti massimi reġjonali u sottolimiti massimi kif stipulat fl-Anness I. Fil-limiti massimi reġjonali, il-BEI għandu progressivament jiżgura li jkun hemm distribuzzjoni bilanċjata bejn il-pajjiżi fir-reġjuni koperti mill-Mandat Ġenerali.
3. Il-Mandat Ġenerali għandu jkopri operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI li jkunu qed ifittxu li jilħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3.
4. Il-Mandat tat-Tibdil fil-Klima għandu jkopri l-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-BEI fir-reġjuni u l-pajjiżi kollha koperti minn din id-Deċiżjoni, fejn dawn it-tipi ta' operazzjonijiet jappoġġaw l-għan politiku ewlieni tal-Unjoni li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima permezz ta' proġetti ta' appoġġ fit-taffija tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih li jikkontribwixxu għall-għan kumplessiv tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, b'mod partikolari billi jiġu evitati jew imnaqqsa l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-oqsma tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza tal-enerġija u t-trasport sostenibbli, jew billi tiżdied ir-reżiljenza għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima fuq il-pajjiżi, is-setturi u l-komunitajiet vulnerabbli. Il-Mandat tat-Tibdil fil-Klima għandu jiġi implimentat b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, bil-kombinazzjoni fejn ikunu possibbli u xieraq tal-finazjament mill-BEI mal-fondi baġitarji tal-Unjoni.
Il-Kunsill jista', meta jkun xieraq u fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddeċiedi li jirrestrinġi l-eliġibbiltà ta' pajjiż li jirċievi finanzjament mill-BEI għat-taffija tat-tibdil fil-klima skont il-garanzija tal-UE. Kwalunkwe deċiżjoni ta' non-eliġibbiltà taħt il-Mandat tat-Tibdil fil-Klima għandha tapplika biss għal dawk l-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-BEI li għalihom tiġi sottomessa applikazzjoni għal finanzjament mill-BEI wara it-30 ta' Ottubru 2011 u li jiġi ffirmati wara l-1 ta' Jannar 2012.
5. Fil-każ tal-Mandat tat-Tibdil fil-Klima, il-BEI għandu jagħmel ħiltu biex jiżgura li jkun hemm distribuzzjoni bilanċjata tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament iffirmati fir-reġjuni kollha koperti mill-Anness III, sa tmiem il-perjodu msemmi fl-Artikolu 1(4). B’mod partikolari, il-BEI ser jiżgura li l-pajjiżi msemmijin fil-punt A tal-Anness III ma jirċevux iktar minn 40 % tal-ammont allokat għal dan il-Mandat; il-pajjiżi taħt il-punt B mhux iktar minn 50 %; ir-reġjuni taħt il-punt C mhux iktar minn 30 %; u l-pajjiż taħt il-punt D mhux iktar minn 10 %. B'mod ġenerali, il-Mandat tat-Tibdil fil-Klima għandu jintuża biex jiffinanzja proġetti li huma relatati mill-qrib mal-kompetenzi ċentrali tal-BEI, li jżidu l-valur u li jimmassimizzaw l-effett tal-adattament u t-taffija għat-tibdil fil-klima.
6. Kemm il-Mandat Ġenerali u l-Mandat tat-Tibdil fil-Klima għandhom jiġu ġestiti skont il-prinċipji ta' prattika bankarja soda.
Artikolu 3
Għanijiet ġenerali tal-Mandat
1. Il-garanzija tal-UE għandha tingħata għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI li jappoġġaw kwalunkwe wieħed mill-għanijiet ġenerali li ġejjin:
(a) l-iżvilupp tas-settur privat lokali, b'mod partikolari appoġġ għall-SMEs.
(b) l-iżvilupp tal-infrastruttura soċjali u ekonomika, inklużi t-trasport, l-enerġija, l-infrastruttura ambjentali, u t-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni;
(c) it-taffija tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, imsemmija fl-Artikolu 2(4).
2. Fi ħdan il-kompetenzi ċentrali tal-BEI, l-operazzjonijiet tiegħu ta' finanzjament skont din id-Deċiżjoni, għandhom jikkontribwixxu għall-prinċipji ġenerali li jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-UE, kif imsemmija fl-Artikolu 21 TUE u għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet ambjentali internazzjonali li l-Unjoni hija parti għalihom.
3. L-integrazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi sħab, inkluża l-integrazzjoni ekonomika bejn il-pajjiżi preadeżjonali, il-pajjiżi ġirien u l-Unjoni, għandha tkun għan bażiku tal-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-BEI fi ħdan l-oqsma koperti mill-objettivi ġenerali elenkati fil-paragrafu 1.
4. Il-BEI għandu jikkunsidra li jżid l-attività tiegħu b'appoġġ għall-infrastruttura tas-saħħa u l-edukazzjoni meta f'dan ikun hemm valur miżjud ċar.
Artikolu 4
Pajjiżi koperti
1. Il-lista ta' reġjuni u pajjiżi potenzjalment eliġibbli għal finanzjament mill-BEI kopert mill-garanzija tal-UE hija stipulata fl-Anness II. Il-lista ta' reġjuni u pajjiżi eliġibbli għal finanzjament tal-BEI taħt il-garanzija tal-UE tinsab fl-Anness III u m'għandhiex tinkludi pajjiżi oħrajn barra minn dawk elenkati fl-Anness II. Għal reġjuni u pajjiżi mhux elenkati fl-Anness II, l-eliġibbiltà għal finanzjament tal-BEI kopert mill-garanzija tal-UE għandha tiġi deċiża każ b'każ f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja.
2. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 5 rigward l-emendi għall-Anness III. Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu msejjsa fuq valutazzjoni ekonomika u politika ġenerali, inklużi aspetti relatati mad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u d-deċiżjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Kunsill rilevanti. Atti ta’ delega li jemendaw l-Anness III m'għandhomx jaffettwaw il-kopertura mill-garanzija tal-UE tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI ffirmati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawk l-atti delegati.
3. Il-garanzija tal-UE għandha tkopri biss operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI mwettqin f’reġjuni u pajjiżi eliġibbli li jkunu kkonkludew ftehim qafas mal-BEI li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet legali li bihom għandhom jitwettqu dawn l-operazzjonijiet.
4. Il-garanzija tal-UE ma għandhiex tkopri l-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI f’pajjiż speċifiku li miegħu il-ftehim dwar tali operazzjonijiet ikun ġie iffirmat wara l-adeżjoni ta' dak il-pajjiż fl-Unjoni.
Artikolu 5
Eżeċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet li jinsabu f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 4 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' żmien indeterminat mit-30 ta' Ottubru 2011.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 4 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni għal revoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 4 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f'perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 6
Kontribut tal-operazzjonijiet tal-BEI għal-linji ta' politika tal-Unjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa, flimkien mal-BEI, linji gwida operattivi tekniċi reġjonali għall-finanzjament mill-BEI skont din id-deċiżjoni.
Il-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali, li għandhom l-għan li jiżguraw li l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI jappoġġaw il-linji ta' politika tal-Unjoni, għandhom ikunu konsistenti mal-qafas ta' politika reġjonali usa' tal-Unjoni li jinsab fl-Anness IV. B'mod partiklari l-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali għandhom jiżguraw li l-finanzjament tal-BEI taħt din id-Deċiżjoni jkunu komplementari għal linji ta' politika, il-programmi u l-istrumenti korrispondenti tal-assistenza tal-Unjoni fir-reġjuni differenti.
Fit-tfassil ta' dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni u l-BEI jikkonsultaw mas-SEAE dwar kwistjonijiet ta' politika, kif xieraq u għandhom jieħdu kont tar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u d-deċiżjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Kunsill rilevanti.
Il-Kummissjoni għandha tittrasmetti l-linji gwida lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u kwalunkwe aġġornament tagħhom, hekk kif jiġu stabbiliti.
Fil-qafas stabbilit mill-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali, il-BEI għandu jiddefinixxi l-istrateġiji korrispondenti ta' finanzjament u jiżgura li dawn jiġu implimentati.
2. Il-konsistenza tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI mal-għanijiet tal-linji ta' politika esterni tal-Unjoni għandha tiġi ssorveljata skont l-Artikolu 11. Il-BEI għandu jiżviluppa indikaturi tal-prestazzjoni fir-rigward tal-aspetti tal-iżvilupp, tal-ambjent u tad-drittijiet tal-bniedem tal-proġetti ffinanzjati b'kont meħud tal-indikaturi rilevanti skont id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna, biex tiġi ffaċilitata din is-sorveljanza. L-indikaturi għall-aspetti ambjentali tal-proġetti għandhom jinkludu kriterji adegwati għal “teknoloġija nadifa”, orjentati, fil-prinċipju, lejn l-effiċjenza tal-enerġija u t-teknoloġiji biex jitnaqqsu l-emissjonijiet.
3. Operazzjoni ta’ finanzjament mill-BEI m'għandhiex tkun koperta mill-garanzija tal-UE fil-każ li l-Kummissjoni tagħti opinjoni negattiva dwar operazzjoni bħal din fi ħdan il-qafas tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 19 tal-Istatut tal-BEI.
4. Konformement mal-għanijiet tal-Unjoni u dawk internazzjonali relatati mat-tibdil fil-klima, il-BEI għandu, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jippreżenta sal-31 ta’ Diċembru 2012 strateġija dwar kif għandu jiżdied gradwalment u progressivament skont il-mandat estern tiegħu, il-perċentwal ta' proġetti li jippromwovu t-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' CO2 u kif għandu gradwalment jispiċċa l-finanzjament ta' proġetti li jmorru kontra l-ilħuq tal-għanijiet tal-Unjoni relatati mal-klima.
5. Bil-ħsieb tar-rekwiżiti addizzjonali introdotti b'din id-Deċiżjoni, il-korpi governattivi tal-BEI għandhom jiżguraw li r-riżorsi tal-BEI, inkluż il-persunal, jiġu gradwalment aġġustati sabiex jintlaħqu, b'mod adegwat, ir-rekwiżiti stipulati f'din id-Deċiżjoni. Għandhom jiġu sfruttati l-opportunitajiet ta' aktar titjib tal-effiċjenza u l-effikaċja, u għandha ssir ħidma attiva biex jinstabu s-sinerġiji.
Artikolu 7
Valutazzjoni tal-BEI tal-aspetti tal-proġetti relatati mal-iżvilupp
1. Il-BEI għandu jwettaq analiżi approfondita ("due diligence") u, fejn ikun xieraq u f'konformità mal-prinċipji soċjali u ambjentali tal-Unjoni, jirrikjedi l-preżenza ta' konsultazzjoni pubblika lokali xierqa, tal-aspetti tal-proġetti relatati mal-iżvilupp, koperti mill-garanzija tal-UE.
Ir-regoli u l-proċeduri tal-BEI innifsu għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali u soċjali tal-proġetti u tal-aspetti relatati mad-drittijiet tal-bniedem, sabiex ikun żgurat li dawk il-proġetti biss li jkunu sostenibbli ekonomikament, finanzjarjament, ambjentalment u soċjalment jiġu appoġġati skont din id-Deċiżjoni.
Il-Kummissjoni għandha tinkludi, fuq bażi aggregata, fir-rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill valutazzjoni tad-dimensjoni tal-iżvilupp tal-attivitajiet tal-BEI, ibbażata fuq l-analiżi approfondita ("due diligence") imwettqa għall-proġetti koperti mill-garanzija tal-UE.
Fejn hu adegwat, il-valutazzjoni għandha tinkludi evalwazzjoni dwar kif il-kapaċitajiet tal-benefiċjarji tal-finanzjament mill-BEI jistgħu jiġu msaħħa mill-ġdid tul iċ-ċiklu kollu tal-proġett b’għajnuna teknika.
2. Flimkien mal-valutazzjoni ex-ante tal-aspetti relatati mal-iżvilupp, il-BEI għandu jesiġi li l-promoturi tal-proġett iwettqu monitoraġġ bir-reqqa tul l-implimentazzjoni tal-proġett sat-tlestija tiegħu, inter alia, fir-rigward tal-impatt tal-proġett fuq l-iżvilupp, l-ambjent u d-drittijiet tal-bniedem. Il-BEI għandu jivvaluta l-informazzjoni pprovduta mill-promoturi tal-proġett. Il-monitoraġġ tal-BEI għandu jinkludi, meta possibbli, monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-intermedjarji finanzjarji b'appoġġ għall-SMEs. Meta jkun possibbli, ir-riżultati tal-monitoraġġ għandhom jiġu żvelati.
3. Il-BEI għandu jippreżenta lill-Kummissjoni rapporti annwali li jivvalutaw l-impatt stmat tal-operazzjonijiet finanzjati matul is-sena.
Ir-rapporti għandhom ikunu bbażati fuq indikaturi tal-BEI dwar prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2). Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-rapporti tal-BEI dwar l-iżvilupp fil-qafas tal-eżerċizzju tar-rappurtar annwali previst fl-Artikolu 11 u tagħmilhom disponibbli għall-pubbliku sabiex il-partijiet interessati, inklużi s-soċjetà ċivili u l-pajjiżi riċevituri, ikunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom ukoll dwar il-kwistjoni.
Il-Parlament Ewropew għandu jiddiskuti r-rappporti annwali, filwaqt li jqis il-fehmiet tal-partijiet interessati kollha.
4. Ir-rekwiżiti msemmija f'dan l-Artikolu għandhom japplikaw biss għall-operazzjonijiet tal-BEI li għalihom tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal finanzjament mill-BEI wara t-30 ta' Ottubru 2011 u li jiġu ffirmati wara l-1 ta' Jannar 2012.
Artikolu 8
Kooperazzjoni mal-Kummissjoni u s-SEAS
1. Il-konsistenza tal-azzjonijiet esterni tal-BEI mal-għanijiet tal-politika esterna tal-UE għandha tissaħħaħ, bil-ħsieb li jiġu massimizzati s-sinerġiji bejn il-finanzjament mill-BEI u r-riżorsi baġitarji tal-Unjoni, b'mod partikolari permezz tal-istabbiliment tal-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali msemmija fl-Artikolu 6, kif ukoll permezz ta' djalogu regolari u sistematiku u l-iskambju bikri tal-informazzjoni dwar:
(a) dokumenti strateġiċi mħejjija mill-Kummissjoni u/jew s-SEAS kif ikun xieraq, bħal dokumenti ta' strateġija tal-pajjiż jew reġjonali, programmi indikattivi, pjanijiet ta' azzjoni u dokumenti preadeżjonali;
(b) id-dokumenti ta' ppjanar strateġiku tal-BEI u l-programmazzjoni tal-proġetti;
(c) aspetti oħrajn operattivi u ta’ politika.
2. Din il-kooperazzjoni ser titwettaq abbażi ta' reġjun b'reġjun, b'kont meħud tar-rwol tal-BEI kif ukoll il-linji ta' politika tal-Unjoni f'kull reġjun.
Artikolu 9
Kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet oħrajn ta' finanzjament pubbliku
1. L-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-BEI għandhom jitwettqu, fejn ikun xieraq, f'kooperazzjoni ma' IFIs jew EBFIs oħrajn, sabiex jiġu massimizzati s-sinerġiji, il-kooperazzjoni u l-effiċjenza u sabiex jiġi ¿gurat qsim prudenti u raġonevoli tar-riskji u kondizzjonalità koerenti tal-proġett u tas-settur, sabiex tkun minimizzata l-possibbiltà ta' spejjeż doppji u sovrapożizzjoni bla bżonn.
2. Il-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tigi ffaċilitata permezz ta' koordinazzjoni, imwettqa b’mod partikulari fil-kuntest ta' memoranda ta' qbil jew oqfsa ta' kooperazzjoni regjonali oħrajn tal-Unjoni, meta jkun xieraq, bejn il-Kummissjoni, il-BEI, u l-IFIs u l-EBFIs prinċipali li joperaw fir-regjuni differenti, filwaqt li jittieħed kont tal-kompetenzi tas-SEAS.
Artikolu 10
Kopertura u kondizzjonijiet tal-garanzija tal-UE
1. Għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI li jsiru ma’ Stat, jew li huma ggarantiti minn Stat, kif ukoll operazzjonijiet oħra ta’ finanzjament mill-BEI li jsiru ma’ awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew ma’ intrapriżi jew istituzzjonijiet pubbliċi tal-gvern u/jew ikkontrollati mill-gvern, fejn tali operazzjonijiet oħra ta’ finanzjament mill-BEI għandhom valutazzjoni adegwata tar-riskju ta’ kreditu tal-BEI b'kont meħud tas-sitwazzjoni tar-riskju tal-kreditu tal-pajjiż ikkonċernat, il-garanzija tal-UE għandha tkopri l-ħlasijiet kollha dovuti lill-BEI iżda mhux irċevuti minnu (“Garanzija Komprensiva”).
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, ix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża hu rrappreżentat mill-Awtorità Palestinjana u l-Kosovo ( 6 ) hu rrappreżentat mill-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo jew minn amministrazzjoni maħtura fil-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali msemmija fl-Artikolu 6 ta' din id-Deċiżjoni.
3. Għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI għajr dawk indikati fil-paragrafu 1, il-garanzija tal-UE għandha tkopri l-ħlasijiet kollha dovuti lill-BEI iżda mhux irċevuti minnu, meta n-nuqqas ta' rċevuta ta' ħlas ikun dovut għar-realizzazzjoni ta’ wieħed mir-riskji politiċi li ġejjin (“Garanzija għar-Riskju Politiku”):
(a) nuqqas ta’ trasferiment tal-munita;
(b) esproprjazzjoni;
(c) gwerra jew irvellijiet ċivili;
(d) ġustizzja miċħuda wara ksur ta’ kuntratt.
4. Il-BEI għandu, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, jiżviluppa politika ċara u trasparenti dwar allokazzjoni meta jiġi deċiż dwar is-sors tal-finanzjament tal-operazzjonijiet li jkunu eliġibbli kemm għal kopertura tal-garanzija tal-UE kif ukoll għal finanzjament b'riskju għall-BEI innifsu.
5. Meta tkun rikjesta l-garanzija tal-UE, il-BEI għandu jassenja lill-Unjoni d-drittijiet rilevanti f'konformità mal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 13(2).
Artikolu 11
Rapportar annwali u kontabilità
1. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI mwettqa skont din id-Deċiżjoni. Dan ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI, fuq il-livell proġettwali, settorjali, nazzjonali jew reġjonali, kif ukoll valutazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ dawk l-operazzjonijiet ta’ finanzjament sabiex ikunu ssodisfati l-għanijiet strateġiċi u tal-politika esterna tal-Unjoni. Ir-rapport għandu jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-proġetti li jkunu għaddejjin f'livell aggregat.
Ir-rapport għandu b'mod partikolari jivvaluta l-konformità tal-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-BEI ma' din id-Deċiżjoni, b'kont meħud tal-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali msemmija fl-Artikolu 6, u għandu jinkludu taqsimiet dwar l-valur miżjud għall-ilħiq tal-għanijiet ta' politika tal-Unjoni, dwar il-valutazzjoni stmata tal-impatt fuq l-iżvilupp f'livell aggregat u sa liema punt il-BEI jkun ikkunsidra s-sostenibilità ambjentali u soċjali fit-tfassil u l-monitoraġġ tal-proġetti ffinanzjati, kif ukoll dwar il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni u IFIs u EBFIs oħra, inkluż il-kofinanzjament.
Ir-rapport għandu b'mod partikolari jinkludi lista dettaljata tar-riżorsi finanzjarji kollha tal-Unjoni użati flimkien mal-finanzjament mill-BEI u ta' donaturi oħra, u b'hekk jagħti ħarsa ġenerali tal-espożizzjoni finanzjarja tal-operazzjonijiet ta' finanzjament imwettqa skont din id-Deċiżjoni. Barra minn hekk, għandu jinkludi taqsima specifika ddedikata għal evalwazzjoni dettaljata tal-mizuri mehuda mill-BEI biex jikkonforma mal-Artikolu 1(2).
2. Il-BEI għandu jibqa' jipprovdi lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni r-rapporti indipendenti ta' evalwazzjoni kollha tiegħu li jivvalutaw ir-riżultati prattiċi miksuba mill-attivitajiet speċifiċi tal-BEI skont il-mandati esterni.
3. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-BEI għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’rapporti annwali dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-BEI mwettqa skont din id-Deċiżjoni fil-livell proġettwali, settorjali, nazzjonali u reġjonali u tas-sodisfar tal-għanijiet strateġiċi u tal-politika esterna tal-Unjoni, inkluża l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni, IFIs u EBFIs oħra, kif ukoll rapport ta' valutazzjoni tal-impatt fuq l-iżvilupp, kif imsemmi fl-Artikolu 7. Kwalunkwe memorandum ta' qbil bejn il-BEI u IFIs jew EBFIs oħrajn relatat mat-twettiq ta' operazzjonijiet ta’ finanzjament skont din id-Deċiżjoni għandu jiġi żvelat jew, meta l-iżvelar ma jkunx possibbli, innotifikati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bħala parti mir-rappurtar annwali tal-Kummissjoni msemmi fil-paragrafu 1.
4. Il-BEI għandu jipprovdi lill-Kummissjoni data ta' statistika, finanzjarja u ta' kontabilità dwar kull waħda mill-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-BEI, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex jiġu ssodisfati d-dmirijiet ta' rappurtaġġ tal-Kummissjoni jew it-talbiet mill-Qorti tal-Awdituri u ċertifikat ta' awditur dwar l-ammonti pendenti tal-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-BEI.
5. Għall-finijiet tal-kontabilità u tar-rappurtaġġ tal-Kummissjoni tar-riskji koperti mill-Garanzija Komprensiva, il-BEI għandu jipprovdi lill-Kummissjoni valutazzjoni tar-riskju tal-BEI u informazzjoni dwar gradazzjoni li tikkoncerna l-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI ma’ min jissellef jew ma’ persuni obbligati b’garanzija għajr għall-Istati.
6. Il-BEI għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5 bi spejjeż tiegħu.
7. Il-BEI għandu wkoll iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 3 u 4, f' termini ġenerali u jeskludi kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali.
8. L-informazzjoni dwar jekk il-proġett huwiex kopert bil-Garanzija Komprensiva għandha tkun inkluża fis-"sommarju tal-proġett" żvelat fis-sit elettroniku tal-BEI wara l-fażi ta' approvazzjoni.
9. Il-BEI għadu jinkludi fir-rapport annwali tiegħu valutazzjoni ta' segwitu dwar l-operat tal-memorandum ta' qbil mal-Ombudsman Ewropew safejn dak il-memorandum ikun jikkonċerna l-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-BEI koperti b'din id-Deċiżjoni.
10. Fejn ikun xieraq, ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 1 u 3 għandhom japplikaw biss għall-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-BEI li għalihom tiġi sottomessa l-applikazzjoni għal finanzjament mill-BEI sat-30 ta' Ottubru 2011 u li jiġu ffirmati wara l-1 ta' Jannar 2012.
Artikolu 12
Ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx
Fl-operazzjonijiet ta' finanzjament tiegħu, il-BEI ma għandux jittollera attivitajiet li jsiru għal finijiet illegali, inkluż il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, il-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa. B'mod partikolari l-BEI ma għandu jipparteċipa fl-ebda operazzjoni ta' finanzjament implimentata f'pajjiż eliġibbli permezz ta' ġurisdizzjoni barranija li ma tikkooperax identifikata bħala tali mill-OECD, mit-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn.
Artikolu 13
Irkupru ta' ħlasijiet magħmula mill-Kummissjoni
1. Meta l-Kummissjoni tagħmel kwalunkwe ħlas skont il-garanzija tal-UE, il-BEI għandu, f’isem u għan-nom tal-Kummissjoni, iwettaq l-irkupru tal-pretensjonijiet għall-ammonti mħallsa.
2. Mhux aktar tard mill-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 14, il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jidħlu fi ftehim li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri ddettaljati li jirrelataw mal-irkupru ta' pretensjonijiet.
3. Fl-interessi tat-trasparenza, il-Kummissjoni għandha tippubblika fis-sit elettroniku tagħha informazzjoni speċifika relatata mal-każi kollha ta' rkupru skont il-ftehim ta' garanzija msemmi fl-Artikolu 14 sakemm ma tkunx meħtieġa l-kunfidenzjalità.
Artikolu 14
Ftehim ta' garanzija
Il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jidħlu fi ftehim ta' garanzija li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri dettaljati dwar il-garanzija tal-UE u għandhom jinfurmaw lill-Parlament Ewropew kif meħtieġ.
Artikolu 15
Verifika mill-Qorti tal-Awdituri
Il-garanzija tal-UE u l-ħlasijiet u l-irkupri fl-ambitu tagħha li jkunu attribwibbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu vverifikati mill-Qorti tal-Awdituri.
Artikolu 16
Rieżami
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill għall-istabbiliment tal-garanzija tal-UE skont il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, kif ikun xieraq.
Artikolu 17
Rapportar finali
Sal-31 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport finali dwar l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 18
Tħassir
Id-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE hija b'dan imħassra.
Artikolu 19
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
ANNESS I
LIMITI MASSIMI REĠJONALI TAL-MANDAT ĠENERALI
A. |
Pajjiżi fil-proċess ta' qabel l-adeżjoni : EUR 9 048 000 000 |
B. |
Pajjiżi tal-Viċinat u tas-Sħubija : EUR 13 548 000 000 , imqassma fis-sotto-limiti indikattivi li ġejjin: (i) Pajjiżi Mediterranji: EUR 9 700 000 000 ; (ii) Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu t’Isfel u r-Russja: EUR 3 848 000 000 ; |
C. |
Asja u Amerika Latina : EUR 3 952 000 000 , imqassma fis-sotto-limiti indikattivi li ġejjin: (i) Amerika Latina: EUR 2 912 000 000 ; (ii) Asja (inkluża l-Ażja Ċentrali): EUR 1 040 000 000 ; |
D. |
Repubblika tal-Afrika t’Isfel : EUR 936 000 000 . |
Fi ħdan il-limiti massimi ġenerali tal-Mandat Ġenerali, il-korpi regolatorji tal-BEI jistgħu jiddeċiedu li jallokaw mill-ġdid ammont sa 10 % tal-limiti massimi reġjonali fir-reġjuni u bejniethom.
ANNESS II
REĠJUNI U PAJJIŻI POTENZJALMENT ELIĠIBBLI
A. Pajjiżi fil-proċess ta' qabel l-adeżjoni
1. Kandidati:
Il-Kroazja, l-Islanda, Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro,it-Turkija.
2. Kandidati potenzjali
L-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kosovo ( 7 ), is-Serbja,
B. Pajjiżi tal-Viċinat u tas-Sħubija
1. Pajjiżi Mediterranji
L-Alġerija, l-Eġittu, ix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Marokk, is-Sirja, it-Tuneżija.
2. Ewropa tal-Lvant, Kawkasu t'Isfel u Russja
Ewropa tal-Lvant: il-Belarus, Il-Moldova, l-Ukrajna
Kawkasu t'Isfel: L-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Ġeorġja
Ir-Russja.
C. Asja u Amerika Latina
1. Amerika Latina
L-Arġentina, il-Bolivja, il-Brażil, iċ-Ċilì, il-Kolombja, il-Kosta Rika, Kuba, l-Ekwador, El Salvador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Paragwaj, il-Perù, l-Urugwaj, il-Venezwela.
2. Asja
Asja (għajr Asja Ċentrali): L-Afganistan, il-Bangaladexx, il-Butan, il-Brunej, il-Kambodja, iċ-Ċina (inklużi Ħong Kong u r-Reġjuni Amministrattivi Speċjali tal-Makaw), l-Indja, l-Indoneżja, l-Iraq, il-Korea t'Isfel, il-Laos, il-Malasja, il-Maldive, il-Mongolja, in-Nepal, il-Pakistan, il-Filippini, Singapor, is-Sri Lanka, it-Tajwan, it-Tajlandja, il-Vjetnam, il-Jemen.
Asja Ċentrali: Il-Kazakistan, il-Kirgistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan, l-Uzbekistan.
D. Nofsinhar tal-Afrika
Ir-Repubblika tal-Afrika t'Isfel
ANNESS III
REĠJUNI U PAJJIŻI ELIĠIBBLI
A. Pajjiżi fil-proċess ta' qabel l-adeżjoni
1. Kandidati
Il-Kroazja, l-Islanda, Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, it-Turkija
2. Kandidati potenzjali
L-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kosovo ( 8 ), is-Serbja
B. Pajjiżi tal-Viċinat u tas-Sħubija
1. Pajjiżi Mediterranji
L-Alġerija, l-Eġittu, ix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Marokk, ►M1 ————— ◄ it-Tuneżija.
2. Ewropa tal-Lvant, Kawkasu t'Isfel u Russja
Ewropa tal-Lvant: Il-Moldova, l-Ukrajna
Kawkasu t'Isfel: L-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Ġeorġja
Ir-Russja
C. Asja u Amerika Latina
1. Amerika Latina
L-Arġentina, il-Bolivja, il-Brażil, iċ-Ċilì, il-Kolombja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, El Salvador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Paragwaj, il-Perù, l-Urugwaj, il-Veneżwela
2. Asja
Asja (għajr l-Asja Ċentrali): Il-Bangaladexx, il-Brunej, il-Kambodja, iċ-Ċina (inklużi Ħong Kong u r-Reġjuni Amministrattivi Speċjali tal-Makaw), l-Indja, l-Indoneżja, l-Iraq, il-Korea t'Isfel, il-Laos, il-Malasja, il-Maldive, il-Mongolja, in-Nepal, il-Pakistan, il-Filippini, Singapor, is-Sri Lanka, it-Tajlandja, il-Vjetnam, il-Jemen
Asja Ċentrali: Il-Kazakistan, il-Kirgistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan, l-Uzbekistan
D. Nofsinhar tal-Afrika
Ir-Repubblika tal-Afrika t'Isfel
ANNESS IV
QAFAS DWAR IL-POLITIKA REĠJONALI
L-attività tal-BEI fil-pajjiżi sħab li jipparteċipaw fil-proċess ta' qabel l-adeżjoni sseħħ fil-qafas stabbilit fis-Sħubijiet ta' Adeżjoni u dawk Ewropej li ffissaw il-prijoritajiet għal pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali, bil-ħsieb li jiġi rreġistrat progress fit-tqarrib lejn l-Unjoni, u li jipprovdu qafas għal għajnuna mill-Unjoni. Il-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assocjazzjoni huwa l-qafas politiku tal-UE għall-Balkani tal-Punent. Dan huwa msejjes fuq sħubija progressiva, li fiha l-Unjoni toffri konċessjonijiet kummerċjali, għajnuna ekonomika u finanzjarja u relazzjonijiet kuntrattwali permezz tal-Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. L-assistenza finanzjarja ta' qabel l-adeżjoni, permezz tal-IPA, tgħin lill-pajjiżi kanditati u l-pajjiżi kanditati potenzjali jħejju għall-obbligi u l-isfidi ta' sħubija fl-Unjoni. Din l-għajnuna tappoġġa l-proċess ta’ riforma, inklużi t-tħejjijiet għal sħubija eventwali. Din tiffoka fuq it-tiswir istituzzjonali, il-konformità mal-acquis tal-Unjoni, it-tħejjija għal-linji ta' politika u l-istrumenti tal-Unjoni u l-promozzjoni ta' miżuri biex tintlaħaq il-konverġenza ekonomika.
L-attività tal-BEI fil-pajjiżi tal-viċinat isseħħ fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, li taħtha l-Unjoni timmira li tiżviluppa relazzjoni speċjali mal-pajjiżi ġirien bil-ħsieb li tistabbilixxi żona ta’ prosperità u relazzjonijiet tajbin fost il-pajjiżi ġirien, abbażi tal-valuri tal-Unjoni, bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u kkaratterizzata minn relazzjonijiet mill-qrib u paċifiċi msejsa fuq il-kooperazzjoni f'konformità mad-differenzjazzjoni mmexxija mir-rendiment. Fil-qafas ta' din il-kooperazzjoni, il-finanzjament tal-BEI taħt din id-Deċiżjoni jkun immirat wkoll lejn linji ta' politika li jippromwovu tkabbir inklużiv u ħolqien ta' impjiegi li jikkontribwixxu għall-istabbilità soċjali f'konformità ma' approċċ ibbażat fuq l-inċentivi li jappoġġaw l-objettivi tal-politika esterna tal-Unjoni, inkluż fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' migrazzjoni.
Biex tikseb dawn l-għanijiet l-Unjoni u sħabha jimplimentaw pjani ta' azzjoni bilaterali maqbula b'mod konġunt li jiddefinixxu sett ta’ prijoritajiet li jinkludi kwistjonijiet politiċi u ta' sigurtà, kwistjonijiet kummerċjali u ekonomiċi, tħassib ambjentali u soċjali u l-integrazzjoni tan-netwerks tat-trasport u tal-enerġija.
L-Unjoni għall-Mediterran, l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju, l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku, is-Sħubija tal-Lvant u s-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed huma inizjattivi reġjonali u multilaterali li jikkumplementaw il-Politika Ewropea tal-Viċinat bil-għan li jrawmu l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-grupp rispettiv ta’ pajjiżi sħab ġirien li jiffaċċjaw sfidi komuni jew jaqsmu ambjent ġeografiku komuni. L-Unjoni għall-Mediterran għandha l-għan li tniedi mill-ġdid il-proċess ta' integrazzjoni Ewro-Mediterranja billi tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali konġunt fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran u tappoġġa żvilupp soċjoekonomiku aħjar, is-solidarjetà, l-integrazzjoni reġjonali, l-iżvilupp sostenibbli u t-tiswir tal-għarfien, b’enfasi fuq il-ħtieġa li tiżdied il-kooperazzjoni finanzjarja għall-appoġġ ta' proġetti reġjonali u transnazzjonali. L-Unjoni għall-Mediterran tappoġġa, b'mod partikolari, il-ħolqien ta' toroq marittimi u tal-art, it-tneħħija tat-tniġġis fil-Mediterran, il-pjan għall-enerġija solari fil-Mediterran, l-Inizjattiva għall-Iżvilupp tan-Negozju fil-Mediterran, il-protezzjoni ċivili u l-università Ewro-Mediterranja. L-istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku tappoġġa ambjent sostenibbli u żvilupp ekonomiku u soċjali ottimali fir-reġjun tal-Baħar Baltiku. L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju tappoġġa, b'mod partikolari, l-iżvilupp tat-trasport, il-konnessjonijiet u s-sigurtà marbutin mal-enerġija, l-ambjent sostenibbli u l-iżvilupp soċjoekonomiku fir-Reġjun tad-Danubju. L-Isħubija tal-Lvant għandha l-għan li toħloq il-kondizzjonijiet neċessarji biex titħaffef l-assoċjazzjoni politika u titkompla l-integrazzjoni ekonomika bejn l-Unjoni u l-pajjiżi msieħba tal-Lvant. Il-Federazzjoni Russa u l-Unjoni għandhom sħubija strateġika fuq firxa wiesgħa, distinta mill-Politika Ewropea tal-Viċinat u espressa permezz tal-Ispazji u l-Pjani Direzzjonali Komuni. Dawn huma kkumplementati fil-livell multilaterali mid-Dimensjoni tat-Tramuntana li tipprovdi qafas għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni, ir-Russja, in-Norveġja u l-Islanda.
L-attività tal-BEI fl-Amerika Latina sseħħ fil-qafas tas-Sħubija Strateġika tal-Unjoni, l-Amerika Latina u l-Karibew. Kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Settembru 2009 “L-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina: Parteċipanti Globali fi Sħubija”, il-prijoritajiet tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni lejn l-Amerika Latina huma l-promozzjoni tal-integrazzjoni reġjonali u l-qerda tal-faqar u l-inugwaljanza soċjali sabiex jiġi promoss żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli. Dawn l-għanijiet ta' politika ser jiġu promossi b'kont meħud tal-livell differenti tal-iżvilupp tal-pajjiżi Latini Amerikani. Id-djalogu bilaterali ser jiġi segwit f’oqsma ta' interess komuni għall-Unjoni u l-Amerika Latina, inklużi l-ambjent, it-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri u l-enerġija, ix-xjenza, ir-riċerka, l-edukazzjoni għolja, it-teknoloġija u l-innovazzjoni.
Il-BEI hu inkoraġġut ikun attiv fl-Asja kemm fl-ekonomiji emerġenti dinamiċi kif ukoll f'pajjiżi inqas prosperi. F’dan ir-reġjun divers, l-Unjoni qed tapprofondixxi s-sħubiji strateġiċi tagħha maċ-Ċina u l-Indja u qed isir progress fin-negozjati dwar ftehimiet ġodda ta' sħubija u kummerċ ħieles mal-pajjiżi tax-Xlokk tal-Asja. Fl-istess ħin, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tibqa' punt importanti fl-aġenda tal-Unjoni mal-Asja; l-istrateġija għall-iżvilupp tal-UE għar-reġjun Asjatiku għandha l-għan li teqred il-faqar billi tappoġġa tkabbir ekonomiku sostenibbli fuq sisien wesgħin, tippromwovi ambjent u kondizzjonijiet li jwasslu għal kummerċ u integrazzjoni fir-reġjun, issaħħaħ il-governanza, iżżid l-istabbiltà politika u soċjali, u tappoġġa l-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju għall-2015. Qed jiġu stabbiliti b’mod konġunt linji ta' politika li jindirizzaw sfidi komuni, bħat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli, is-sigurtà u l-istabbiltà, il-governanza u d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u umani u r-rispons għalihom. L-istrateġija tal-UE għal sħubija ġdida mal-Asja Ċentrali adottata mill-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2007 saħħet id-djalogu reġjonali u bilaterali u l-kooperazzjoni tal-Unjoni mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali fir-rigward ta’ kwistjonijiet ewlenin li jħabbat wiċċu magħhom dan ir-reġjun, bħat-tnaqqis tal-faqar, l-iżvilupp sostenibbli u l-istabbiltà. L-implimentazzjoni tal-istrateġija wasslet għal avvanzi importanti fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-demokrazija, l-edukazzjoni, l-iżvilupp ekonomiku, il-kummerċ u l-investiment, l-enerġija u t-trasport u l-linji ta' politika ambjentali.
L-attività tal-BEI fl-Afrika t'Isfel isseħħ fil-qafas tad-Dokument ta' Strateġija tal-Unjoni għal-Pajjiż għall-Afrika t'Isfel. L-oqsma ewlenin identifikati f’dak id-Dokument ta' Strateġija huma l-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp tal-kapaċità biex jitwasslu s-servizzi u l-koeżjoni soċjali. L-attivitajiet tal-BEI fl-Afrika t’Isfel seħħew f’kumplementarjetà għolja mal-programm ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Kummissjoni, jiġifieri permezz tal-attenzjoni li l-BEI ta lill-appoġġ għas-settur privat u l-investimenti fl-espansjoni tal-infrastruttura u s-servizzi soċjali (id-djar, il-ġenerazzjoni tal-elettriku, il-purifikazzjoni tal-ilma għax-xorb u l-infrastruttura muniċipali). L-analiżi ta’ nofs it-terminu tad-Dokument ta' Strateġija tal-Unjoni għal-Pajjiż fir-rigward tal-Afrika t'Isfel ipproponiet it-tisħiħ tal-azzjonijiet fil-qasam tat-tibdil fil-klima permezz ta' attivitajiet li jappoġġaw il-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi.
( 1 ) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Frar 2011 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-20 ta' Settembru 2011 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ottubru 2011.
( 2 ) ĠU L 190, 22.7.2009, p. 1.
( 3 ) ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10.
( 4 ) ĠU L 414, 30.12.2006, p. 95.
( 5 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/847/KE ta’ l-4 ta’ Novembru 2008 dwar l-eliġibilità tal-pajjiżi ta’ l-Asja Ċentrali skond id-Deċiżjoni 2006/1016/KE li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti barra mill-Komunità (ĠU L 301, 12.11.2008, p. 13).
( 6 ) Skont ir-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
( 7 ) Skont ir-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
( 8 ) Skont ir-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.