Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02011D0344-20111014

    Consolidated text: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat- 30 ta’ Mejju 2011 dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall (2011/344/UE)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/344/2011-10-14

    2011D0344 — MT — 14.10.2011 — 002.001


    Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

    ►B

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-30 ta’ Mejju 2011

    dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall

    (2011/344/UE)

    (ĠU L 159, 17.6.2011, p.88)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      No

    page

    date

    ►M1

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL tat-2 ta’ Settembru 2011

      L 240

    8

    16.9.2011

    ►M2

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL tal-11 ta’ Ottubru 2011

      L 269

    32

    14.10.2011




    ▼B

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-30 ta’ Mejju 2011

    dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall

    (2011/344/UE)



    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja ( 1 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu.

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Portugall dan l-aħħar kien taħt pressjoni dejjem akbar fir-rigward tas-swieq finanzjarji, u dan ħoloq tħassib dejjem jiżdied dwar is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tiegħu. Tabilħaqq, il-kriżi attwalikellha impatt drammatiku wkoll fuq il-finanzi pubbliċi, li finalment wasslet għal żieda kbira fil-firxiet tad-dejn sovran. Fost tnaqqis konsekuttiv fil-klassifikazzjoni ta’ aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu tal-bonds Portugiżi, il-pajjiż ma baqax f’pożizzjoni li jiffinanzja lilu nnifsu mill-ġdid b’rati kompatibbli ma’ sostenibbiltà fiskali fuq perijodu ta’ żmien twil. Fl-istess waqt, is-settur bankarju, li jiddependi ħafna mill-finanzjament estern, partikolarment fiż-żona euro, ġie maqtugħ dejjem aktar mill-finanzjament tas-swieq.

    (2)

    Fid-dawl ta’ dan it-taqlib ekonomiku u finanzjarju gravi kkawżat minn ċirkostanzi eċċezzjonali lilhinn mill-kontroll tal-gvern, il-Portugall talab uffiċjalment assistenza finanzjarja mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri li l-valuta tagħhom hija l-euro u l-Fond Monetarju Internazzjonali (“FMI”) fis-7 ta’ April 2011 bil-għan li jiġi appoġġat programm ta’ politika li jerġa’ jistabbilixxi l-fiduċja u li jippermetti li l-ekonomija terġa’ lura fit-triq li twassal għal tkabbir sostenibbli, u li tissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja fil-Portugall, iż-żona euro u l-Unjoni. Fit-3 ta’ Mejju 2011, intlaħaq ftehim bejn il-Gvern u l-missjoni konġunta tal-Kummissjoni/FMI/BĊE fir-rigward ta’ programm komprensiv ta’ politika fuq tliet snin għall-perijodu sa nofs l-2014, sabiex jiġi stipulat f’Memorandum ta’ Politika Ekonomika u Finanzjarja (“MPEF”) u Memorandum ta’ Qbil dwar Kundizzjonalità ta’ Politika Ekonomika Speċifika (“MtQ”). Dan il-progrmm ta’ politika kien appoġġat mill-akbar żewġ partiti fl-oppożizzjoni.

    (3)

    Dan l-abbozz tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju (“il-Programm”) ippreżentat mill-Portugall lill-Kummissjoni u lill-Kunsill għandu l-għan li jerġa’ jistabbilixxi l-fiduċja fis-settur tad-dejn sovran u f’dak bankarju u li jappoġġa t-tkabbir u l-impjiegi. Jipprevedi azzjoni komprensiva li tindirizza tliet kwistjonijiet. L-ewwel nett, riformi strutturali profondi u bi frontloading li jippermettu żieda fit-tkabbir potenzjali, li joħolqu l-impjiegi, u li jtejbu l-kompetittività (inkluż permezz ta’ devalwazzjoni fiskali). B’mod partikolari, il-Programm fih riformi tas-suq tax-xogħol, tas-sistema ġudizzjarja, tal-industriji tan-netwerks, u tas-setturi tad-djar u tas-servizzi, bil-għan li jissaħħaħ il-potenzjal għat-tkabbir tal-ekonomija, titjieb il-kompetittività u jiġi ffaċilitat l-aġġustament ekonomiku. It-tieni, strateġija ta’ konsolidazzjoni fiskali bbilanċjata u kredibbli, appoġġata minn miżuri fiskali strateġiċi u kontroll fiskali aħjar ta’ Sħubiji Pubbliċi Privati (“SPP”) u Impriżi tal-Istat (State-Owned Enterprises, “SOEs”), bil-għan li l-proporzjon ta’ dejn pubbliku gross mal-PDG jaqbad triq tan-niżla soda fuq perijodu ta’ żmien medju. L-awtoritajiet jimpenjaw ruħhom li jnaqqsu d-defiċit għal 3 % tal-PDG sal-2013. It-tielet, strateġija għas-settur finanzjarju bbażata fuq ir-rikapitalizzazzjoni u d-diżingranaġġ, bi sforzi biex is-settur finanzjarju jiġi ssalvagwardjat kontra d-diżingranaġġ diżordinat permezz ta’ mekkaniżmi bbażati fuq is-suq b’faċilitajiet ta’ riżerva.

    (4)

    Skont it-tbassir attwali tal-Kummissjoni għat-tkabbir nominali tal-PDG (-1,2 % fl-2011, -0,5 % fl-2012, 2,5 % fl-2013 u 3,9 % fl-2014), il-miri fiskali huma konsistenti ma’ triq li twassal għal proporzjon ta’ dejn mal-PDG ta’ 101,7 % fl-2011, 107,4 % fl-2012, 108,6 % fl-2013 u 107,6 % fl-2014. Il-proporzjon tad-dejn mal-PDG ikun għalhekk stabbilizzat fl-2013 u, minn hemm ‘il quddiem, jaqbad nieżel, dejjem jekk ikun hemm progress ulterjuri fit-tnaqqsis tad-defiċit. Id-dinamika tad-dejn hija affettwata minn diversi operazzjonijiet miżmuma barra mill-baġit, u jitbassar li dawn iżidu l-proporzjon tad-dejn mal-PDG b’1¾ punti perċentwali (“pps”) tal-PDG fl-2011 u b’¾ pps fis-sena bejn l-2012 u l-2014. Dawn jinkludu akkwiżizzjonijiet imdaqqsa ta’ assi finanzjarji, b’mod partikolari għar-rikapitalizzazzjoni ta’ banek u l-finanzjament possibbli tal-SOEs li jammontaw għal ½% tal-PDG fis-sena bejn l-2011 u l-2014. Min-naħa l-oħra, ir-rikavati mill-privatizzazzjoni li jammontaw għal madwar 3 % tal-PDG sas-sena 2013 ser jappoġġaw l-isforzi tat-tnaqqis tad-dejn.

    (5)

    Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew (“BĊE”) u flimkien mal-FMI, hija li l-Portugall jeħtieġ finanzjament li jammonta għal EUR 78 biljun (78 000 miljun) tul il-perijodu minn Ġunju 2011 sa nofs 2014. Minkejja l-aġġustament fiskali sinifikanti, id-diskrepanza fil-finanzjament għad-dejn sovran jista’ jammonta għal EUR 63 biljun tul il-perijodu tal-Programm. Dan jippresupponi li ma jkunx hemm aċċess għas-suq tad-dejn fuq perijodu ta’ żmien medju u twil sal-ewwel nofs tal-2013. Wieħed jassumi li l-Portugall ser ikun jista’ jittrasferixxi parti mill-istokk eżistenti tiegħu ta’ dejn fuq perijodu ta’ żmien qasir, filwaqt li l-programm jipprovdi wkoll bafer ta’ finanzjamant f’każ ta’ devjazzjonijiet mhux mistennija mix-xenarju bażiku ta’ finanzjament tal-Kummissjoni. Il-Portugall huwa mħeġġeġ biex iżomm u jaġġusta l-operazzjonijiet tas-suq finanzjarju, waqt li jfittex li jiżviluppa l-aċċess għas-suq u l-kunfidenza. L-istrateġija tas-settur finanzjarju li tinsab fil-programm biex terġa’ tiġi stabbilita l-fiduċja fis-sistema bankarja Portugiża fuq bażi sostenibbli tesiġi li l-gruppi bankarji jkollhom il-proporzjon tal-kapital ewlieni tal-livell wieħed (core tier 1) tagħhom ekwivalenti għal 9 % sal-aħħar tal-2011 u għal 10 % sal-aħħar tal-2012 u li jibqgħu hekk wara dan. Il-programm fih skema ta’ appoġġ bankarju sa massimu ta’ EUR 12-il biljun biex jiġi pprovdut il-kapital meħtieġ f’każ li ma jkunux jistgħu jinstabu soluzzjonijiet tas-suq. Madankollu, il-ħtiġijiet reali tal-finanzjament jistgħu jkunu sostanzjalment inqas, b’mod partikolari jekk il-kondizzjonijiet tas-suq jitjiebu b’mod sinifikanti u ma jseħħ l-ebda telf bankarju gravi mhux mistenni matul il-perijodu tal-Programm.

    (6)

    Il-Programm ikun iffinanzjat permezz ta’ kontribuzzjonijiet minn sorsi esterni. L-assistenza tal-Unjoni lill-Portugall tilħaq massimu ta’ EUR 52 biljun skont il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (“EFSM”) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 407/2010 u minn kontribuzzjonijiet mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja. Barra minn hekk, il-Portugall talab self ta’ SDR 23,742 biljun (ekwivalenti għal EUR 26 biljun bir-rata tal-kambju tal-5 ta’ Mejju 2011) mill-FMI skont Faċilità ta’ Fond Estiża. L-appoġġ mill-EFSM jeħtieġ li jiġi pprovdut skont termini u kondizzjonijiet simili għal dawk tal-FMI. L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha tkun amministrata mill-Kummissjoni.

    (7)

    Il-Kunsill għandu jirrevedi, fuq bażi regolari, il-politika ekonomika implimentata mill-Portugall.

    (8)

    Il-kondizzjonijiet speċifiċi tal-politika ekonomika miftiehma mal-Portugall għandha tiġi stipulata f’Memorandum ta’ Qbil dwar Kondizzjonalità tal-Politika Ekonomika Speċifika (il-“Memorandum ta’ Qbil”). It-termini finanzjarji dettaljati għandhom jiġu stipulati fi Ftehim dwar Faċilità ta’ Self.

    (9)

    Il-Kummissjoni, flimkien mal-BĊE, għandha tivverifika f’intervalli regolari li l-kondizzjonijijet ta’ politika ekonomika marbuta mal-assistenza jiġu sodisfatti, permezz ta’ missjonijiet u rappurtar regolari mill-awtoritajiet Portugiżi.

    (10)

    Tul l-implimentazzjoni tal-Programm, il-Kummissjoni għandha tipprovdi konsulenza politika u assistenza teknika addizzjonali f’oqsma speċifiċi.

    (11)

    L-operazzjonijiet li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni tgħin fil-finanzjament tagħhom għandhom ikunu kompatibbli mal-politika tal-Unjoni u konformi mal-leġislazzjoni tal-Unjoni. Interventi b’appoġġ għall-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jitwettqu skont ir-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni.

    (12)

    L-assistenza għandha tiġi pprovduta bil-għan li tiġi appoġġata l-implimentazzjoni effikaċi tal-Programm,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:



    Artikolu 1

    ▼M2

    1.  L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Portugall self ta’ ammont massimu ta’ EUR 26 biljun, b’maturità medja massima ta’ 12,5 snin. Kull wieħed mill-ħlasijiet individwali tas-self jista’ jkollu maturità ta’ mhux aktar minn 30 sena.

    ▼B

    2.  L-assistenza finanzjarja għandha tkun disponibbli għal tliet snin li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

    ▼M1

    3.  L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Portugall f’massimu ta’ 14-il ħlas parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’porzjon wieħed jew iktar. Il-maturitajiet tal-porzjonijiet taħt l-ewwel u t-tieni ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ porzjonijiet oħra għandhom jiġu ffissati sabiex il-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tinkiseb ladarba l-porzjonijiet kollha jkunu ngħataw.

    ▼B

    4.  L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat suġġett għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar Faċilità ta’ Self u l-Memorandum ta’ Qbil. Kwalunkwe rilaxx ta’ self sussegwenti għandu jkun taħt kondizzjoni ta’ analiżi favorevoli mill-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-BĊE, rigward il-konformità tal-Portugall mal-kondizzjonijiet ġenerali tal-politika ekonomika kif definit b’din id-Deċiżjoni u l-Memorandum ta’ Qbil.

    ▼M2

    5.  Għal kull ħlas individwali, il-Portugall għandu jħallas l-ispiża tal-finanzjament tal-Unjoni.

    ▼B

    6.  Barra minn hekk, l-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 407/2010 għandhom jitħallsu mill-Portugall.

    7.  Jekk ikun meħtieġ sabiex jiġi ffinanzjat is-self, l-użu prudenti ta’ swaps tar-rata tal-imgħax ma’ kontropartijiet tal-ogħla kwalità ta’ kreditu u teħid bil-quddiem ta’ self għandhom ikunu permessi.

    8.  Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx ta’ ħlasijiet parzjali ulterjuri. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs tal-partijiet.

    Artikolu 2

    1.  L-assistenza għandha tkun amministrata mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-impenji tal-Portugall.

    2.  Il-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-BĊE, għandha taqbel mal-awtoritajiet Portugiżi dwar il-kondizzjonijiet speċifiċi tal-politika ekonomika marbutin mal-assistenza finanzjarja kif stabbilit fl-Artikolu 3. Dawk il-kondizzjonijiet għandhom jiġu stipulati f’Memorandum ta’ Qbil li għandu jiġi ffirmat mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet Portugiżi konsistenti mal-impenji msemmija fil-paragrafu 1. It-termini finanzjarji dettaljati għandhom jiġu stipulati fi Ftehim dwar Faċilità ta’ Self li għandu jiġi konkluż mal-Kummissjoni.

    3.  Il-Kummissjoni, flimkien mal-BĊE, għandha tivverifika f’intervalli regolari (tal-inqas kull tliet xhur) li l-kondizzjonijiet tal-politika ekonomika marbutin mal-assistenza jiġu sodisfatti, u tirrapporta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju qabel l-iżborż ta’ kull ħlas parzjali. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet Portugiżi għandhom jikkooperaw b’mod sħiħ mal-Kummissjoni u l-BĊE, u għandhom jagħmlulhom disponibbli kull tagħtrif meħtieġ. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju mgħarraf dwar il-possibbiltà ta’ rifinanzjament tat-teħid ta’ self, jew ta’ tibdil fil-kondizzjonijiet finanzjarji.

    4.  Il-Portugall għandu jadotta u jimplimenta miżuri addizzjonali ta’ konsolidazzjoni biex jiżgura l-istabbiltà makro-finanzjarja, f’każ li dawn il-miżuri jkunu meħtieġa matul il-programm ta’ assistenza. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom jikkonsultaw lill-Kummissjoni u lill-BĊE minn qabel jekk jadottaw xi miżura addizzjonali bħal dawn.

    Artikolu 3

    1.  L-abbozz tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju (“il-Programm”) imħejji mill-awtoritajiet Portugiżi huwa b’dan approvat.

    2.  L-iżborż ta’ kull ħlas parzjali wara l-ewwel wieħed għandu jsir abbażi ta’ implimentazzjoni sodisfaċenti tal-Programm u, partikolarment, il-kondizzjonijiet speċifiċi tal-politika ekonomika stipulati fil-Memorandum ta’ Qbil. Dawn għandhom jinkludu, inter alia, il-miżuri previsti fil-paragrafi 4 sa 8 ta’ dan l-Artikolu.

    3.  Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ma għandux jaqbeż l-EUR 10 068 miljun (ekwivalenti għal 5,9 % tal-PDG abbażi ta’ tbassir attwali) fl-2011, l-EUR 7 645 miljun (4,5 % tal-PDG) fl-2012 u l-EUR 5 224 miljun (3,0 % tal-PDG) fl-2013, f’konformità mar-rekwiżiti tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (“PŻE”). Għall-kalkolu ta’ dan id-defiċit, l-ispejjeż baġitarji possibbli tal-miżuri ta’ appoġġ bankarji fil-kuntest tal-istrateġija tas-settur finanzjarju tal-gvern ma għandhomx jitqiesu. Il-konsolidazzjoni għandha tintlaħaq permezz ta’ miżuri permanenti ta’ kwalità għolja u bil-minimizzazzjoni tal-impatt fuq gruppi vulnerabbli.

    4.  Il-Portugall għandu jadotta l-miżuri speċifikati fil-paragrafi 5 sa 8 qabel it-tmiem tas-sena indikata, u d-dati ta’ skadenza preċiżi għas-snin 2011-2014 għandhom jkunu speċifikati fil-Memorandum ta’ Qbil. Il-Portugall għandu jkun lest li jieħu miżuri addizzjonali ta’ konsolidazzjoni biex inaqqas id-defiċit taħt it-3 % tal-PDG sal-2013 f’każ ta’ devjazzjonijet mill-miri.

    5.  Il-Portugall għandu jadotta l-miżuri li ġejjin qabel tmiem l-2011, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet fil-Memorandum ta’ Qbil:

    ▼M1

    (a) Il-Portugall għandu jimplimenta b’mod sħiħ il-miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali previsti fil-baġit tal-2011 li jammontaw għal madwar EUR 9 biljun u l-miżuri ta’ konsolidazzjoni addizzjonali li l-gvern kien ħabbar minn dakinhar. Biex jagħmel tajjeb għax-xejriet baġitarji avversi u r-riskji emerġenti fil-ksib tal-mira tad-defiċit tal-2011, il-Portugall għandu jissikka l-eżekuzzjoni baġitarja, jimplimenta t-tariffa ta’ darba approvata diġà fl-2011 fil-kuntest tat-taxxa fuq id-dħul personali, jantiċipa ż-żieda fir-rata tal-VAT għall-gass naturali u l-elettriku mill-2012 għall-1 ta’ Ottubru 2011 u jżid il-bejgħ tal-konċessjonijiet. Il-gvern għandu jadotta wkoll miżuri oħra ta’ konsolidazzjoni ta’ natura permanenti u/jew jantiċipa miżuri oħra ppjanati għall-2012. Il-proċess kontinwu ta’ trasferiment f’fażijiet tal-fondi tal-pensjonijiet mill-banek għas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat għandu jipprovdi, eċċezzjonalment, mezz li jwassal sabiex tintlaħaq il-mira għall-2011. L-assi miksuba ta’ dawn il-fondi tal-pensjonijiet ma għandhomx jintużaw b’mod li jagħmel ħsara lis-sostenibbiltà fiskali fit-tul.

    (b) Il-Portugall għandu jadotta miżuri biex jirrinforza l-ġestjoni finanzjarja pubblika. Il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri previsti fil-Liġi Baġitarja ta’ Qafas il-ġdida, inkluż l-istabbiliment ta’ qafas baġitarju fuq perjodu ta’ żmien medju, iħejji strateġija fiskali fuq perjodu ta’ żmien medju u jistabbilixxi Kunsill Fiskali indipendenti. Il-qafas baġitarju fil-livelli lokali u reġjonali għandu jissaħħaħ b’mod konsiderevoli, b’mod partikolari billi l-liġijiet finanzjarji rispettivi jitqarrbu lejn ir-rekwiżiti tal-Liġi Baġitarja ta’ Qafas. Il-Portugall għandu jtejjeb ir-rapportar u l-monitoraġġ tal-finanzi pubbliċi, b’mod partikolari l-arretrati; għandu jistabbilixxi strateġija għal-likwidazzjoni tal-arretrati, u jirrinforza r-regoli u l-proċeduri tal-eżekuzzjoni baġitarja. Il-Portugall għandu jibda l-analiżi sistematika u regolari ta’ riskji fiskali bħala parti mill-proċess tal-baġit, inklużi r-riskji li jirriżultaw minn Sħubijiiet Pubbliċi Privati (“SPP”) u l-SOEs.

    (c) Il-Portugall għandu jkompli jsaħħaħ il-funzjonament tas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari billi jieħu miżuri li jirriformaw il-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tal-impjieg, l-issettjar tal-pagi u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol.

    ▼B

    (d) Fis-settur tal-enerġija, il-Portugall għandu jieħu miżuri biex jiffaċilita d-dħul, jippromwovi l-istabbiliment tas-suq tal-gass Iberjan u jirrevedi l-appoġġ u l-iskemi ta’ kumpens għall-produzzjoni tal-elettriku. Għal industriji oħra tan-netwerk, b’mod partikolari t-trasport, is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni u tal-posta, il-Portugall għandu jadotta miżuri addizzjonali biex jippromwovi l-kompetizzjoni u l-flessibilità.

    ▼M1

    (e) Il-Portugall għandu jkompli jiftaħ l-ekonomija għall-kompetizzjoni. Il-gvern għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-Istat Portugiż jew kwalunkwe entità pubblika ma jikkonkludux, fil-kapaċità ta’ azzjonist, ftehimiet tal-azzjonisti li jxekklu l-moviment ħieles tal-kapital jew jinfluwenzaw il-kontroll tal-ġestjoni tal-kumpaniji. Il-Liġi l-ġdida dwar il-Privatizzazzjoni għandha tirrispetta wkoll il-prinċipju tal-moviment ħieles u ma tagħtix jew ma tippermettix drittijiet speċjali lill-Istat. Għandha ssir reviżjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni li timmira li ttejjeb il-veloċità u l-effettività tal-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni.

    ▼B

    (f) Il-Portugall għandu jtejjeb il-prattiki u r-regoli għall-akkwist pubbliku sabiex jikkontribwixxi għal ambjent kummerċjali aktar kompetittiv u għal infiq pubbliku aktar effiċjenti.

    ▼M1

    (g) Il-Portugall għandu jadotta miżuri biex itejjeb l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-SOEs fil-livell ċentrali, reġjonali u lokali. Il-Portugall għandu jipprepara dokument komprensiv ta’ strateġija tal-SOEs li janalizza l-istruttura tat-tariffi u l-provvista tas-servizz u pjan biex jissikka r-rekwiżiti tas-self mill-2012. Il-Portugall għandu jimplimenta l-pjanijiet kurrenti biex fl-SOEs tal-gvern ċentrali jitnaqqsu l-ispejjeż operattivi b’mill-inqas 15 % bħala medja barra mis-settur tas-saħħa u jipprepara pjan ekwivalenti għall-SOEs tal-gvern reġjonali u lokali.

    (h) Il-Portugall għandu jimplimenta l-programm tal-privatizzazzjoni. B’mod partikolari, l-ishma tas-settur pubbliku fl-EDP, l-REN u l-GALP, u jekk il-kundizzjonijiet tas-suq jippermettu, it-TAP, għandhom jinbiegħu fl-2011. Għandu jiġi ppreparat pjan strateġiku tal-privatizzazzjoni għall-Parpublica. Fl-2013, il-pjan tal-privatizzazzjoni għandu jkopri wkoll l-Aeroportos de Portugal, il-fergħa tal-merkanzija tas-CP, il-Correios de Portugal u l-Caixa Seguros, kif ukoll għadd ta’ kumpaniji żgħar.

    ▼B

    6.  Il-Portugall għandu jadotta l-miżuri li ġejjin matul l-2012, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet fil-Memorandum ta’ Qbil:

    ▼M1

    (a) Il-baġit tal-2012 għandu jinkludi rikalibrazzjoni newtrali għall-baġit tas-sistema fiskali bil-għan li jonqos il-kost tax-xogħol u l-kompetittività tingħata spinta ’l quddiem. Ir-riforma għandha tiġi żviluppata b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI.

    (b) Il-miżuri, definiti fil-punti (c) u (d), li jammontaw għal mill-inqas EUR 5,1 biljun, għandhom jiddaħħlu fil-Baġit tal-2012. Għandhom jittieħdu iktar miżuri, l-iktar min-naħa tan-nefqa, biex jimlew id-differenza li nħolqot mill-iżviluppi baġitarji fl-2011. Il-gvern għandu jipprepara valutazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni u l-prospetti baġitarji fid-dawl tad-diskussjoni tal-Baġit mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI qabel l-approvazzjoni tiegħu mill-gvern.

    ▼B

    (c) Il-baġit għandu jipprovdi għal tnaqqis tan-nefqa fl-2012 ta’ mill-anqas EUR 3,5 biljun inkluż: riorganizzazzjoni komprensiva tal-amministrazzjoni ċentrali; eliminazzjoni ta’ xogħol doppju u ineffiċjenzi oħra; qtugħ fis-setturi tal-edukazzjoni u s-saħħa; trasferimenti iżgħar lill-awtoritajiet reġjonali u lokali; tnaqqis ta’ impjiegi fis-settur pubbliku; aġġustamenti fil-pensjonijiet; u tnaqqis fin-nefqa kapitali u f’nfiq ieħor kif stabbilit fil-Programm.

    (d) F’dak li għandu x’jaqsam mad-dħul, il-baġit għandu jinkludi miżuri b’rabta mad-dħul li jammontaw għal madwar EUR 1,5 biljun f’sena sħiħa inkluż, inter alia: twessigħ tal-bażijiet tat-taxxa fuq l-introjtu korporattiv u personali permezz ta’ tnaqqis tat-tnaqqisiet tat-taxxa u skemi speċjali; żgurar tal-konverġenza ta’ tnaqqisiet tat-taxxa fuq l-introjtu personali applikati għal introjtu minn pensjonijiet u xogħol; bidliet fit-tassazzjoni fuq il-proprjetà billi jitnaqqsu b’mod sostanzjali l-eżenzjonijiet; twessigħ tal-bażijiet tal-VAT billi jitnaqqsu l-eżenzjonijiet u jiġu rranġati mill-ġdid il-listi ta’ oġġetti u servizzi soġġetti għal rati mnaqqsa, intermedji u ogħla; u, żieda fis-sisa. Dawn il-miżuri għandhom jiġu kkomplementati minn azzjoni li tiġġieled l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi u l-informalità.

    (e) Il-Portugall għandu jimplimenta qafas legali u istituzzjonali għall-valutazzjoni tar-riskji fiskali qabel ma jidħol f’kuntratt ta’ sħubija pubblika privata (“SPP”). Bl-istess mod, il-Portugall għandu jadotta liġi li tirregola l-ħolqien u l-funzjonament ta’ SOEs fil-livelli ċentrali, reġjonali u lokali. Il-Portugall ma għandu jidħol fl-ebda kuntratt SPP ġdid jew joħloq SOE sa ma jkunu ġew stabbiliti l-analiżijiet u l-istruttura legali l-ġdida.

    (f) L-amministrazzjoni lokali fil-Portugall attwalment għandha 308 muniċipalitajiet u 4 259 parroċċa. Il-Portugall għandu jiżviluppa pjan ta’ konsolidazzjoni biex jirriorganizza u jnaqqas b’mod sinifikanti n-numru ta’ dawn l-entitajiet. Dawn il-bidliet isiru effettivi sal-bidu taċ-ċiklu tal-elezzjonijiet lokali li jmiss.

    (g) Il-Portugall għandu jimmodernizza l-amministrazzjoni tad-dħul billi joħloq entità unika, inaqqas l-għadd ta’ uffiċċji muniċipali u jindirizza l-ostakli l-oħra fis-sistema tal-appelli tat-taxxa.

    (h) Il-Portugall għandu jintroduċi leġislazzjoni biex jirriforma s-sistema tal-assigurazzjoni tal-qgħad, inkluż tnaqqis tad-dewmien massimu ta’ benefiċċji tal-assigurazzjoni tal-qgħad għal 18-il xahar, limitu fuq il-benefiċċji tal-qgħad għal 2,5 darbiet l-indiċi tal-appoġġ soċjali, tnaqqis fil-benefiċċji tul il-perijodu tal-qgħad, tnaqqis tal-perijodu kontributorju minimimu, u estensjoni għal ċerti kategoriji ta’ ħaddiema għal rashom. Il-politiki tas-suq tax-xogħol attiv għandhom jissaħħu wara analiżi ta’ prattiki attwali u pjan ta’ azzjoni miftiehem.

    (i) Is-sistema ta’ pagamenti fil-każ tas-sensji għandha tiġi allinjata ma’ dawk ta’ prattiki fi Stati Membri oħra tal-UE, abbażi tal-ispeċifikazzjoni fil-Memorandum ta’ Qbil.

    (j) Ir-Regolamenti dwar il-ħlas tas-sahra għandhom jitħaffu u għandha tiġi introdotta żieda fil-flessibbiltà tal-arranġamenti tal-ħinijiet tax-xogħol skont il-Memorandum ta’ Qbil.

    (k) Il-Portugall għandu jippromwovi żviluppi fil-pagi li jkunu konsistenti mal-għanijiet ta’ trawwim ta’ ħolqien tal-impjiegi u titjib fil-kompetittività tal-kumpaniji bil-għan li jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi makroekonomiċi. Kwalunkwe żieda fil-pagi minimi ssir biss jekk tkun iġġustifikata minn żviluppi ekonomiċi u fis-suq tax-xogħol. Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet fl-iskemi attwali ta’ negozjar ta’ pagi, inkluża leġislazzjoni biex jiġu definiti mill-ġdid il-kriterji u l-modalitajiet tal-estensjoni tal-ftehimiet kollettivi u jiġu ffaċilitati ftehimiet fil-livell tal-kumpaniji.

    (l) Għandu jitħejja pjan ta’ azzjoni biex tittejjeb il-kwalita tal-edukazzjoni sekondarja u vokazzjonali.

    (m) Il-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja għandu jittejjeb billi jiġu implimentati l-miżuri proposti taħt il-Mappa ta’ Riforma Ġudizzjarja u bit-twettiq u l-awditjar ta’ każijiet pendenti sabiex jiġu mmirati miżuri biex jiġi eliminat ix-xogħol pendenti fil-qrati u jitrawwmu soluzzjoniet alternattivi tat-tilwim.

    (n) Il-qafas tal-kompetizzjoni għandu jittejjeb billi jiġu rrinforzati l-indipendenza u r-riżorsi tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Għandhom jiġu lliberalizzati s-servizzi professjonali billi jittejjeb il-qafas ta’ kwalifiki professjonali u billi jiġu eliminati restrizzjonijiet dwar il-professjonijiet irregolati.

    (o) Tariffi rregolati fis-swieq tal-konsumaturi tal-gass u tal-elettriku għandhom jiġu eliminati.

    7.  Il-Portugall għandu jadotta l-miżuri li ġejjin matul l-2013, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet fil-Memorandum ta’ Qbil:

    (a) Il-baġit tal-2013 għandu jinkludi miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali li jammontaw għal tal-anqas EUR 3,2 biljun bil-għan li jitnaqqas id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika skont l-iskeda taż-żmien imsemmija fl-Artikolu 3(3). B’mod partikolari, f’dak li għandu x’jaqsam man-nefqa l-baġit għandu jipprovdi għal tnaqqis fin-nefqa fl-2013 ta’ mill-anqas EUR 2,5 biljun, inkluż: tnaqqis fin-nefqa fl-amministrazzjoni ċentrali, l-edukazzjoni u s-saħħa; trasferimenti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali; tnaqqis fl-għadd ta’ imjegati fis-settur pubbliku; u, spejjeż aktar baxxi mill-SOEs.

    (b) Il-baġit għandu jinkludi miżuri ta’ dħul inkluż b’mod partikolari t-twessigħ ulterjuri ta’ bażijiet tat-taxxa fuq l-introjtu korporattiv u personali, taxxi tas-sisa ogħla u bidliet fit-taxxi fuq il-proprjetà, sabiex irendi madwar EUR 0,8 biljun ta’ dħul addizzjonali. Il-Portugall għandu jtejjeb l-ambjent kummerċjali billi jnaqqas il-piż amministrattiv permezz ta’ estensjoni ta’ riformi ta’ semplifikazzjoni lis-setturi kollha tal-ekonomija (Punti ta’ Kuntatt Uniku u Proġetti li ma jeħtieġu l-ebda awtorizzazzjoni (Żero authorisation projects)); u billi jitnaqqsu r-restrizzjonijiet ta’ kreditu għall-SMEs inkluż l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali ( 2 ).

    (c) Il-Portugalli għandu jikkompleta l-eliminazzjoni tax-xogħol pendenti fil-qrati.

    8.  Bil-għan li tiġi rrestawrata l-fiduċja fis-settur finanzjarju, il-Portugall għandu jirrikapitalizza b’mod xieraq u jwettaq diżingranaġġ ordnat tas-settur bankarju tiegħu u jtemm il-kawża tal-Banco Português de Negócios. F’dak ir-rigward, il-Portugall għandu jiżviluppa u jiftiehem mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI strateġija għall-istruttura u l-funzjonament futuri tal-gruppi bankarji Portugiżi sabiex l-istabbiltà finanzjarja tiġi ppreżervata. B’mod partikolari, u f’konformità ma’ skadenzi preċiżi għas-snin 2011-2014 speċifikati fil-Memorandum ta’ Qbil, il-Portugall għandu:

    ▼M1

    (a) Iħeġġeġ lill-banek isaħħu l-ilqugħ kollaterali tagħhom u jimmonitorjaw il-ħruġ ta’ bonds bankarji ggarantiti mill-gvern, li ġie awtorizzat sa EUR 35 biljun f’konformità mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-UE;

    (b) Isewgi mill-qrib il-pjanijiet ippreżentati mill-banek biex jintlaħaq proporzjon tal-ewwel livell (Tier 1) ta’ 9 % sa tmiem l-2011 u 10 % l-iktar tard sa tmiem l-2012. Jekk il-banek ma jkunux jistgħu jilħqu l-limiti tar-rekwiżit kapitali fil-ħin, jistgħu jitolbu b’mod temporanju provvista pubblika ta’ ekwità għall-banek privati permezz tal-faċilità stabbilita ta’ appoġġ għas-solvenza tal-banek ta’ EUR 12-il biljun;

    (c) Jiżguraw tnaqqis ibbilanċjat u ordnat fil-livell tad-dejn tas-settur bankarju, li jibqa’ kritiku għall-eliminazzjoni tal-iżbilanċi tal-finanzjament fuq bażi permanenti. Il-pjanijiet tal-finanzjament tal-banek jimmiraw li jkun hemm tnaqqis fil-proporzjon ta’ self għal depożitu ta’ madwar 120 % u tnaqqis tal-affidabbiltà fuq il-finanzjament tal-Eurosistema matul il-programm. Il-Bank tal-Portugall għandu jsaqsi lill-banek biex sa tmiem Settembru jirrevedu l-pjanijiet tal-finanzjament tagħhom. Dawn il-pjanijiet tal-finanzjament għandhom jiġu riveduti kull tliet xhur, u jibdew mit-tieni reviżjoni tal-programm. Il-Bank tal-Portugall għandu jieħu azzjoni xierqa f’każ ta’ devjazzjoni mill-pjanijiet tal-finanzjament tal-banek;

    ▼B

    (d) jindika miri ċari u perjodiċi tal-proporzjonijiet ta’ ingranaġġ għall-banek u jtejjeb il-qafas ta’ valutazzjoni tas-solvenza u d-diżingranaġġ matul l-2011;

    ▼M1

    (e) Jiżgura li l-Caixa Geral de Depositos (CGD), proprjetà tal-istat, jiġi riorganizzat b’tali mod li jżid il-bażi kapitali tal-fergħa bankarja ewlenija tiegħu kif meħtieġ. Ir-riżorsi meħtieġa biex tiżdied il-bażi kapitali għandhom jiġu mill-grupp. Ilesti l-bejgħ tal-Banco Português de Negócios (BPN) wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea skont ir-regoli tal-kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat;

    ▼B

    (f) jemenda sal-aħħar tal-2011 il-leġislazzjoni dwar intervenzjoni bikrija u riżoluzzjoni ta’ banek kif ukoll leġislazzjoni dwaril-Fond ta’ Garanzija tad-Depożiti u l-Fond ta’ Garanzija għal Istituzzjonijiet ta’ Kreditu Agrikoli Konġunti, bil-għan li jiġu protetti d-depożitaturi u jiġi ffaċilitat ir-ristrutturar. B’mod partikolari, dawn il-fondi għandhom iżommu l-abbiltà li jiffinanzjaw r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu f’diffikultajiet, iżda mhux li jirrikapitalizzawhom. Dan il-finanzjament għandu jkun limitat għall-ammont ta’ depożiti garantiti li jkollhom jitħallsu f’każ ta’ likwidazzjoni u jkunu permessi biss jekk ma jippreġudikax l-abbiltà li dawn il-fondi jwettqu l-funzjoni primarja tagħhom;

    (g) jemenda sal-aħħar ta’ Novembru 2001 l-Liġi dwar l-Insolvenza biex tipprevedi li depożitaturi garantiti u/jew il-fondi (dorettament jew permezz ta’ surroga) jingħataw pożizzjoni ta’ prijorità fuq il-kredituri mhux garantiti fil-proprjetà tal-istituzzjoni ta’ kreditu insolventi u biex jappoġġja aħjar is-salvataġġ ta’ kumpanniji vijabbli;

    (h) jimpenja ruħu li jħeġġeġ lill-investituri privati biex iżommu l-iskopertura ġenerali tagħhom fuq bażi volontarja.

    9.  Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni mingħajr xkiel tal-kondizzjonalità tal-Programm, u biex l-iżbilanċi jiġu kkoreġuti b’mod sostenibbli, il-Kummissjoni għandha tipprovdi pariri u gwida kontinwi dwar ir-riformi fiskali, strutturali u tas-swieq finanzjarji. Fi ħdan il-qafas tal-assistenza li għandha tiġi pprovduta lill-Portugall, flimkien mal-FMI u flimkien mal-BĊE, għandha tirrevedi perjodikament l-effikaċja u l-impatt ekonomiku u soċjali tal-miżuri miftiehma, u għandha tirrakkomanda korrezzjonijiet meħtieġa bil-għan li jissaħħu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, tiġi żgurata l-konsolidazzjoni fiskali u jiġu mminimizzati impatti soċjali ta’ ħsara, b’mod partikolari fir-rigward tal-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà Portugiża.

    Artikolu 4

    Il-Portugall għandu jiftaħ kont speċjali mal-Bank tal-Portugall għall-ġestjoni tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.



    ( 1 ) ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

    ( 2 ) ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1.

    Top