Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02010R0255-20171211

    Consolidated text: Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 255/2010 tal- 25 ta’ Marzu 2010 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/255/2017-12-11

    02010R0255 — MT — 11.12.2017 — 003.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 255/2010

    tal-25 ta’ Marzu 2010

    li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (ĠU L 080 26.3.2010, p. 10)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 923/2012 tas-26 ta’ Settembru 2012

      L 281

    1

    13.10.2012

    ►M2

    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1006 tat-22 ta' Ġunju 2016

      L 165

    8

    23.6.2016

    ►M3

    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2159 tal-20 ta' Novembru 2017

      L 304

    45

    21.11.2017




    ▼B

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 255/2010

    tal-25 ta’ Marzu 2010

    li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)



    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (minn hawn ‘il quddiem ATFM) sabiex jottimizza l-kapaċità disponibbli tan-Netwerk Ewropew ta’ Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (minn hawn ‘il quddiem EATMN) u jtejjeb il-proċessi ATFM.

    2.  Dan ir-Regolament għandu japplika ġewwa l-ispazju tal-ajru msemmi fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 551/2004 għal:

    (a) it-titjiriet kollha intiżi sabiex joperaw jew li qed joperaw bħala traffiku tal-ajru ġenerali u skont ir-regoli tat-titjir bl-istrumenti (minn hawn ‘il quddiem IFR) kollha jew parti minnhom;

    (b) il-fażijiet kollha tat-titjiriet imsemmija fil-punt (a) u l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru.

    3.  Dan ir-Regolament għandu japplika għall-partijiet li ġejjin, jew għall-aġenti li jaġixxu f’isimhom, involuti fil-proċessi ATFM:

    (a) l-operaturi tal-inġenji tal-ajru,

    (b) l-unitajiet tas-servizz tat-traffiku tal-ajru (minn hawn ‘il quddiem ATS), inklużi l-uffiċċji tar-rappurtar ATS u s-servizzi tal-kontroll tal-ajrudrom;

    (c) is-servizzi tat-tagħrif ajrunawtiku;

    (d) l-entitajiet involuti fil-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru;

    (e) il-korpi ta’ ġestjoni tal-ajruport;

    (f) l-unità ċentrali għall-ATFM;

    (g) l-unitajiet ATFM lokali;

    (h) il-koordinaturi tas-slots tal-ajruporti koordinati.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament id-definizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 u fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 ( 1 ) għandhom japplikaw.

    Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

    (1) “miżura ta’ ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (ATFM)” tfisser l-azzjonijiet meħuda għat-twettiq tal-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru u l-ġestjoni tal-kapaċità;

    (2) “operatur” tfisser persuna, organizzazzjoni jew intrapriża impenjata fi jew li toffri li timpenja ruħha f’operazzjoni ta’ inġenju tal-ajru;

    ▼M1

    (3) “IFR” tfisser is-simbolu użat sabiex jiġu deżinjati r-regoli tat-titjir bl-istrumenti;

    ▼B

    (4) “uffiċċju tar-rappurtar tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru (ATS)” tfisser unità ATS stabbilita għall-iskop li tirċievi rapporti li jikkonċernaw l-ATS u pjanijiet tat-titjira mressqa qabel ma tingħata l-ewwel approvazzjoni tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru;

    (5) “unità lokali ta’ ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (ATFM)” tfisser entità ta’ ġestjoni tal-fluss li topera f’isem entità waħda jew aktar ta’ ġestjoni tal-fluss bħala l-interface bejn l-unità ċentrali għall-ATFM u unità tal-ATS jew grupp ta’ tali unitajiet;

    (6) “avveniment kritiku” tfisser sitwazzjoni mhux tas-soltu jew kriżi li tinvolvi telf kbir tal-kapaċità EATMN, jew żbilanċ kbir bejn il-kapaċità EATMN u t-talba, jew nuqqas kbir fil-fluss tat-tagħrif f’parti waħda jew f’diversi partijiet tal-EATMN;

    (7) “slot tat-tluq tal-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (ATFM)” tfisser ħin tat-tluq ikkalkulat attribwit mill-unità ċentrali għall-ATFM b’tolleranza tal-ħin amministrata mill-unità ATS lokali;

    (8) “orjentazzjoni tar-rotot u tat-traffiku” tfisser politiki u proċeduri għall-użu tar-rotot mill-inġenji tal-ajru;

    (9) “pjan tat-titjira multiplu” tfisser iktar minn pjan tat-titjira wieħed għall-istess titjira intenzjonata bejn żewġ ajruporti;

    (10) “konfigurazzjoni tas-settur tal-unità tas-servizz tat-traffiku tal-ajru (ATS)” tfisser id-deskrizzjoni ta’ erba’ dimensjonijiet ta’ settur tal-ispazju tal-ajru ta’ unità ATS, jew grupp ta’ setturi, li jistgħu jiġu operati fuq bażi permanenti jew temporanja;

    (11) “il-ħin taċ-ċirkulazzjoni fl-ajrudrom” tfisser il-valur tal-ħin predeterminat mill-preparament għat-titjira sat-tluq proprju, espress f’minuti u validu matul l-operazzjonijiet normali tal-ajruport;

    (12) “pożizzjoni aġġornata tat-titjira” tfisser il-pożizzjoni tal-inġenju tal-ajru, aġġornata bid-dejta ta’ sorveljanza, id-dejta tal-pjan tat-titjira jew ir-rapporti tal-pożizzjoni;

    (13) “approvazzjoni tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru” tfisser l-awtorizzazzjoni għall-inġenju tal-ajru biex jipproċedi taħt il-kondizzjonijiet speċifikati minn unità tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru;

    (14) “sospensjoni tal-pjan tat-titjira” tfisser il-proċess inizjat minn entità li tkun qed twettaq l-ATFM biex tiżgura li ssir tibdila fil-pjan tat-titjira mill-operatur qabel l-eżekuzzjoni tat-titjira;

    (15) “servizz tal-ajru” tfisser titjira jew serje ta’ titjiriet li jġorru passiġġieri, tagħbija jew posta, bi ħlas jew kiri;

    (16) “reġistru tal-operazzjoni” tfisser reġistru tas-sistema ATFM, konvertit f’bażi tad-dejta biex jippermetti li d-dejta ATFM tinstab malajr.

    Artikolu 3

    Qafas tal-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru

    1.  L-ippjanar, il-koordinazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-miżuri ATFM mill-partijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet ICAO speċifikati fl-Anness.

    2.  L-ATFM għandha tkun regolata mill-prinċipji li ġejjin:

    (a) Il-miżuri ATFM għandhom:

    (i) jimpedixxu talba eċċessiva għat-traffiku tal-ajru meta mqabbla mal-kapaċità tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru (ATC) iddikjarata tas-setturi u l-ajruporti;

    (ii) jużaw il-kapaċità EATMN sal-limitu massimu possibbli sabiex tottimizza l-effiċjenza tal-EATMN u timminimizza l-effetti avversi fuq l-operaturi;

    (iii) jottimizzaw il-kapaċità EATMN li hija disponibbli permezz tal-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ miżuri li jtejbu l-kapaċità meħuda mill-unitajiet ATS;

    (iv) jappoġġaw il-ġestjoni ta’ avvenimenti kritiċi;

    (b) l-unitajiet ATFM lokali u l-unità ċentrali għall-ATFM għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti mill-funzjoni tal-ATFM.

    3.  L-allokazzjoni tas-slots tat-tluq tal-ATFM għandha tagħti prijorità lit-titjiriet skont l-ordni tal-entrata ppjanata tagħhom fil-lok fejn se tapplika l-miżura ATFM, sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi speċifiċi li jeħtieġu l-applikazzjoni ta’ regola ta’ prijorità differenti li tkun formalment maqbula u li tkun ta’ benefiċċju għall-EATMN.

    L-ewwel subparagrafu jista’ japplika għal titjiriet li ma jistgħux jaċċettaw l-għażla ta’ rotta mill-ġdid biex jiġu evitati jew jitħaffu ż-żoni b’ħafna traffiku, fid-dawl tal-lok u l-estensjoni taż-żona b’ħafna traffiku.

    Artikolu 4

    Obbligi ġenerali tal-Istati Membri

    1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-funzjoni tal-ATFM tkun disponibbli għall-partijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) matul l-24 siegħa kollha.

    2.  Id-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri ATFM għandhom ikunu kompatibbli mar-rekwiżiti tas-sigurtà u tad-difiża tal-Istati Membri, sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza fl-ippjanar, fl-allokazzjoni u fl-użu tal-ispazju tal-ajru għall-benefiċċju tal-partijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3).

    3.  Għandhom jiġu stabbiliti proċeduri konsistenti għall-kooperazzjoni bejn il-partijiet involuti fil-funzjoni tal-ATFM, l-unitajiet ATS u l-entitajiet involuti fil-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru, sabiex jiġi ottimizzat l-użu tal-ispazju tal-ajru.

    4.  Għandu jinħoloq dokument ta’ referenza komuni li jkun fih il-politiki, il-proċeduri u deskrizzjoni għall-orjentazzjoni tar-rotot u tat-traffiku. Fejn applikabbli, il-pubblikazzjoni tad-disponibbiltà tar-rotot fil-pubblikazzjonijiet tat-tagħrif ajrunawtiku nazzjonali għandha tkun kompletament konsisteni ma’ dan id-dokument ta’ referenza komuni.

    5.  Għandhom jitħejjew proċeduri komuni għat-talba għal eżenzjoni minn slot tat-tluq tal-ATFM skont id-dispożizzjonijiet tal-ICAO speċifikati fl-Anness. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu koordinati mal-unità ċentrali għall-ATFM u ppubblikati fil-pubblikazzjonijiet tat-tagħrif ajrunawtiku nazzjonali.

    Artikolu 5

    Obbligi tal-Istati Membri rigward l-unità ċentrali għall-ATFM

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unità ċentrali għall-ATFM:

    (a) tottimizza l-effetti kumplessivi tal-prestazzjoni fuq l-EATMN permezz tal-ippjanar, il-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri ATFM;

    (b) tikkonsulta mal-operaturi dwar id-definizzjoni tal-miżuri ATFM;

    (c) tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri ATFM, flimkien mal-unitajiet ATFM lokali;

    (d) f’koordinazzjoni mal-unitajiet ATFM lokali tidentifika rotot alternattivi sabiex jiġu evitati jew jitħaffu ż-żoni b’ħafna traffiku, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti kumplessivi fuq il-prestazzjoni tal-EATMN;

    (e) toffri rotta mill-ġdid għal dawk it-titjiriet li tottimizza l-effett tal-punt (d);

    (f) tipprovdi tagħrif dwar l-ATFM fil-ħin lill-operaturi u l-unitajiet tal-ATS, inklużi:

    (i) il-miżuri ATFM ippjanati;

    (ii) l-impatt tal-miżuri ATFM fuq il-ħin tat-tluq u l-profil tat-titjira, tat-titjiriet individwali;

    (g) tagħmel monitoraġġ tal-okkorrenzi tal-pjanijiet tat-titjira neqsin u l-pjanijiet tat-titjira multipli li huma rreġistrati;

    (h) tissospendi pjan ta’ titjira meta, meħuda inkunsiderazzjoni t-tolleranza tal-ħin, ma tkunx tista’ tiġi sodisfatta s-slot tat-tluq ATFM u ma jkunx magħruf ħin ġdid stmat ta’ preparament għat-titjira;

    (i) tagħmel monitoraġġ tal-għadd ta’ eżenzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 4(5).

    Artikolu 6

    Obbligi ġenerali tal-unitajiet ATS

    1.  Meta miżura ATFM trid tiġi applikata, l-unitajiet ATS għandhom jikkoordinaw mal-unità ċentrali għall-ATFM permezz tal-unità ATFM lokali sabiex jiżguraw li l-għażla tal-miżura ssir billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-ottimizzazzjoni tal-effetti kumplessivi tal-prestazzjoni fuq l-EATMN.

    2.  Fejn meħtieġ, l-uffiċċji tar-rappurtar tal-ATS għandhom jiffaċilitaw l-iskambju tat-tagħrif bejn il-piloti jew l-operaturi u l-unità lokali jew ċentrali għall-ATFM.

    3.  L-unitajiet ATS għandhom jiżguraw li l-miżuri tal-ATFM applikati għall-ajruporti jkunu kkoordinati flimkien mal-korp ta’ ġestjoni tal-ajruport ikkonċernat, sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza fl-ippjanar u fl-użu tal-ajruport għall-benefiċċju tal-partijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3).

    4.  L-unitajiet ATS għandhom jinnotifikaw lill-unità ċentrali għall-ATFM l-avvenimenti kollha li jista’ jkollhom impatt fuq il-kapaċità tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru jew fuq it-talba għat-traffiku tal-ajru, permezz tal-unità ATFM lokali.

    5.  L-unitajiet ATS għandhom jipprovdu lill-unità ċentrali għall-ATFM id-dejta li ġejja u l-aġġornamenti sussegwenti tagħha, fil-ħin u filwaqt li jiżguraw il-kwalità tagħha:

    (a) id-disponibbiltà tal-ispazju tal-ajru u l-istrutturi tar-rotot,

    (b) il-konfigurazzjonijiet tas-settur u l-attivazzjonijiet tal-unità ATS,

    (c) il-ħinijiet taċ-ċirkulazzjoni fl-ajrudrom,

    (d) il-kapaċitajiet tas-settur tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru u tal-ajruport,

    (e) id-disponibbilità tar-rotot inkluża d-disponibbilità permezz tal-applikazzjoni tal-użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 2150/2005,

    (f) il-pożizzjonijiet aġġornati tat-titjira,

    (g) id-devjazzjonijiet mill-pjanijiet tat-titjira,

    (h) id-disponibbilità tal-ispazju tal-ajru inkluża d-disponibbilità permezz tal-applikazzjoni tal-użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 2150/2005,

    (i) il-ħinijiet attwali tat-tluq tat-titjira.

    Id-dejta għandha tkun disponibbli għall-partijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) u pprovduta mingħajr ħlas lill-, jew mill-unità ċentrali għall-ATFM.

    6.  L-unità ATS fl-ajruport tat-tluq għandha tiżgura li:

    (a) fejn titjira hija suġġetta għal slot tat-tluq ATFM, dik is-slot tiġi inkluża bħala parti mill-approvazzjoni tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru;

    (b) it-titjiriet iżommu mas-slots tat-tluq ATFM;

    (c) it-titjiriet li ma jżommux mal-ħin stmat tal-preparament għat-titjira, meħuda in kunsiderazzjoni t-tolleranza tal-ħin stabbilita, ma jingħatawx approvazzjoni għat-tluq;

    (d) it-titjiriet li l-pjan tat-titjira tagħhom ġie miċħud jew sospiż ma jingħatawx approvazzjoni għat-tluq.

    Artikolu 7

    Obbligi ġenerali tal-operaturi

    1.  Kull titjira intenzjonata għandha tkun koperta minn pjan tat-titjira uniku. Il-pjan tat-titjira rreġistrat għandu jirrifletti b’mod korrett il-profil tat-titjira intenzjonata.

    2.  Il-miżuri rilevanti kollha tal-ATFM u t-tibdiliet fihom għandhom jiġu inkorporati fl-operazzjoni tat-titjira ppjanata u kkomunikati lill-pilota.

    3.  Meta jsir tluq minn ajruport li mhuwiex suġġett għal slot tat-tluq ATFM, l-operaturi huma responsabbli sabiex jikkonformaw ruħhom mal-ħin stmat tal-preparazzjoni tat-titjira, meħuda inkunsiderazzjoni t-tolleranza tal-ħin kif stipulat fid-dispożizzjonijiet rilevanti ICAO speċifikati fl-Anness.

    4.  Meta pjan tat-titjira jiġi sospiż skont l-Artikolu 5(h), l-operatur konċernat għandu jagħmel l-arranġamenti għall-aġġornament jew il-kanċellament tal-pjan tat-titjira.

    Artikolu 8

    Obbligi ġenerali tal-korpi ta’ ġestjoni tal-ajruport

    Il-korpi ta’ ġestjoni tal-ajruport għandhom jinnotifikaw lill-unità ċentrali għall-ATFM, direttament jew permezz tal-unità ATFM lokali jew l-unitajiet ATS jew it-tnejn li huma, l-avvenimenti kollha li jista’ jkollhom impatt fuq il-kapaċità tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru jew fuq it-talba għat-traffiku tal-ajru. Meta n-notifika ssir direttament, għandhom jinfurmaw lill-unità ATFM lokali u l-unitajiet ATS.

    Artikolu 9

    Konsistenza bejn il-pjanijiet tat-titjira u l-islots tal-ajruport

    1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta mitluba minn koordinatur tas-slots tal-ajruport jew korp ta’ ġestjoni ta’ ajruport koordinat, l-unità ċentrali għall-ATFM jew l-unità ATFM lokali għandhom jipprovduhom bil-pjan tat-titjira aċċettat ta’ titjira li topera f’dak l-ajruport, qabel ma dik it-titjira sseħħ. Il-koordinaturi tas-slots tal-ajruport jew il-korpi ta’ ġestjoni tal-ajruporti koordinati għandhom jirranġaw l-aċċess għall-pjanijiet tat-titjira aċċettati pprovduti mill-unità ċentrali għall-ATFM jew l-unità ATFM lokali.

    2.  Qabel it-titjira, l-operaturi għandhom jipprovdu lill-ajruporti tat-tluq u tal-inżul it-tagħrif kollu meħtieġ sabiex ikun possibbli li ssir korrelazzjoni bejn in-numru tat-titjira li jinsab fil-pjan tat-titjira u dak notifikat għas-slot korrispondenti tal-ajruport.

    3.  Kwalunkwe operatur, korp ta’ ġestjoni tal-ajruport u unità ATS għandhom ikunu intitolati li jirrappurtaw lill-koordinatur tas-slots tal-ajruport dwar l-operazzjoni ripetuta tas-servizzi tal-ajru f’ħinijiet li jkunu sinifikattivament differenti mis-slots tal-ajruport allokati jew dwar l-użu ta’ slots b’mod sinifikattivament differenti minn dak indikat fil-ħin tal-allokazzjoni, fejn dan joħloq preġudizzju għall-operazzjonijiet tal-ajruport jew tat-traffiku tal-ajru.

    4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unità ċentrali għall-ATFM tirrapporta lill-koordinaturi tas-slots tal-ajruport dwar l-operazzjoni ripetuta tas-servizzi tal-ajru f’ħinijiet sinifikattivament differenti mis-slots tal-ajruport allokati jew dwar l-użu ta’ slots b’mod sinifikattivament differenti minn dak indikat fil-ħin tal-allokazzjoni, fejn dan joħloq preġudizzju għall-ATFM.

    Artikolu 10

    Obbligi li jikkonċernaw l-avvenimenti kritiċi

    1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unità ċentrali għall-ATFM tistabbilixxi u tippubblika proċeduri ATFM għall-ġestjoni tal-avvenimenti kritiċi, sabiex ikunu minimizzati d-disturbi lill-EATMN.

    2.  Fil-preparazzjoni għall-avvenimenti kritiċi, l-unitajiet ATS u l-korpi ta’ ġestjoni tal-ajruport għandhom jikkoordinaw ir-rilevanza u l-kontenut tal-proċeduri ta’ kontinġenza, inkluż kwalunkwe aġġustament għar-regoli ta’ prijorità, mal-operaturi affettwati mill-avvenimenti kritiċi.

    Il-proċeduri ta’ kontinġenza għandhom jinkludu:

    (a) arranġamenti dwar l-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni,

    (b) miżuri ATFM sabiex jiġġestixxu l-aċċess għall-oqsma affettwati biex tiġi evitata t-talba eċċessiva għat-traffiku tal-ajru meta mqabbla mal-kapaċità ddikjarata tal-ispazju tal-ajru jew tal-ajruporti kkonċernati kollha jew parti minnhom,

    (c) ċirkustanzi, kondizzjonijiet u proċeduri għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ prijorità għat-titjiriet, li jħarsu l-interessi essenzjali tal-Istati Membri fir-rigward tal-politika tas-sigurtà jew tad-difiża,

    (d) arranġamenti ta’ rkupru.

    Artikolu 11

    Monitoraġġ tal-konformità mal-miżuri ATFM

    1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn il-konformità mas-slots tat-tluq ATFM f’ajruport tat-tluq hija 80 % jew inqas matul sena, l-unità ATS f’dak l-ajruport għandha tipprovdi t-tagħrif rilevanti dwar in-nuqqas ta’ konformità u l-azzjonijiet meħudin sabiex tiġi żgurata l-konformità mas-slots tat-tluq ATFM. Dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu indikati f’rapport li jrid jitressaq mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni.

    2.  L-unità ATS f’dak l-ajruport ikkonċernat għandha tipprovdi t-tagħrif rilevanti dwar kwalunkwe nuqqas ta’ konformità mar-rifjut jew mas-sospensjoni ta’ pjan tat-titjira f’dak l-ajruport u l-azzjonijiet meħudin biex tiġi żgurata l-konformità. Dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu indikati f’rapport li jrid jitressaq mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni.

    3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

    (a) l-unità ċentrali għall-ATFM tinnotifika lil Stat Membru li jagħti eżenzjonijiet li jaqbżu l-0,6 % tat-tluq annwali ta’ dak l-Istat Membru;

    (b) meta Stat Membru jkun ġie notifikat skont il-punt (a), huwa għandu jipproduċi rapport li jipprovdi d-dettalji tal-eżenzjonijiet mogħtija li jridu jitressqu lill-Kummissjoni.

    4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jiġi identifikat nuqqas ta’ konformità mal-miżuri ATFM li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 5(g), l-unità ċentrali għall-ATFM għandha tinnotifika lill-operatur dwar in-nuqqas ta’ konformità.

    5.  L-operaturi għandhom jippreżentaw rapport lill-unità ċentrali għall-ATFM dwar kull nuqqas ta’ konformità mal-miżuri ATFM li jipprovdi d-dettalji taċ-ċirkustanzi li rriżultaw fi pjan tat-titjira nieqes jew pjanijiet tat-titjira multipli u l-azzjonijiet meħudin sabiex jiġi kkoreġut dan in-nuqqas ta’ konformità.

    6.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unità ċentrali għall-ATFM tipproduċi rapport annwali li jipprovdi d-dettalji tal-pjanijiet tat-titjira neqsin, jew tal-pjanijiet tat-titjira multipli li ġew irreġistrati, u li dak ir-rapport jitressaq lill-Kummissjoni.

    7.  L-Istati Membri għandhom iwettqu reviżjoni annwali tal-konformità mal-miżuri ATFM sabiex jiżguraw li l-partijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) itejbu l-livell ta’ konformità ma’ dawk il-miżuri.

    Artikolu 12

    Valutazzjoni tal-prestazzjoni

    1.  Meta jkunu qed jimplimentaw l-Artikolu 11, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unità ċentrali għall-ATFM tipproduċi rapporti annwali li jindikaw il-kwalità tal-ATFM li għandhom jinkludu d-dettalji:

    (a) tal-kawżi tal-miżuri ATFM;

    (b) tal-impatt tal-miżuri ATFM;

    (c) tal-konformità mal-miżuri ATFM;

    (d) tal-kontribuzzjonijiet mill-partijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għall-ottimizzazzjoni tal-effett kumplessiv tan-netwerk.

    2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġi stabbilit u miżmum mill-unità ċentrali għall-AFTM arkivju tad-dejta ATFM elenkata fl-Artikolu 6(5), tal-pjanijiet tat-titjira, tar-reġistri tal-operazzjonijiet u tad-dejta kuntestwali rilevanti.

    Id-dejta msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinżamm għal sentejn minn meta tiġi ppreżentata tkun disponibbli għall-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-unitajiet ATS u l-operaturi.

    Dik id-dejta għandha tkun disponibbli għall-koordinaturi tal-ajruport u l-operaturi tal-ajruport sabiex tgħin fil-valutazzjoni regolari tagħhom tal-kapaċità ddikjarata.

    Artikolu 13

    Rekwiżiti tas-sigurezza

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ssir valutazzjoni tas-sigurezza, li tinkludi l-identifikazzjoni tal-perikli, il-valutazzjoni tar-riskju u l-mitigazzjoni, qabel ma jsiru tibdiliet sinifikanti fis-sistemi ATFM u jiġu introdotti proċeduri, inkluża valutazzjoni ta’ proċess ta’ ġestjoni tas-sigurezza li jindirizza ċ-ċiklu komplet tal-ħajja tas-sistema ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru.

    Artikolu 14

    Rekwiżiti addizzjonali

    1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal tal-partijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) involut fl-attivitajiet ATFM ikun:

    (a) konxju kif suppost tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament;

    (b) imħarreġ b’mod adegwat u kompetenti fil-funzjonijiet ta’ ħidmietu.

    2.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-partijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) bir-responsabbiltajiet għall-funzjonijiet ATFM:

    (a) jiżviluppaw u jżommu manwali tal-operazzjonijiet li jkun fihom l-istruzzjonijiet u t-tagħrif meħtieġ biex il-persunal tal-operazzjonijiet tagħhom ikun jista’ japplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament;

    (b) jiżguraw li dawn il-manwali jkunu konsistenti, aċċessibbli u miżmuma aġġornati u li l-aġġornament u d-distribuzzjoni tagħhom ikunu suġġetti għal ġestjoni xierqa ta’ kwalità u ta’ konfigurazzjoni tad-dokumentazzjoni;

    (c) jiżguraw li l-metodi ta’ ħidma u l-proċeduri tal-operazzjoni jkunu konformi ma’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 15

    Penalijiet

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penalijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penalijiet previsti għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dawn id-dispożizzjonijiet sa mhux aktar tard mis-26 ta’ Settembru 2011 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tkun taffettwahom.

    Artikolu 16

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mis-26 ta’ Settembru 2011.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    ▼M2




    ANNESS

    Lista tad-dispożizzjonijiet tal-ICAO għall-finijiet tal-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru

    ▼M3

    1. Il-paragrafu 3.7.5 tal-Kapitolu 3 (Ġestjoni tal-Fluss tat-Traffiku tal-Ajru) tal-Anness 11 tal-Konvenzjoni ta' Chicago — Servizzi tat-Traffiku tal-Ajru (l-14-il edizzjoni — Lulju 2016, li tinkorpora l-emenda Nru 50 A).

    2. Il-Kapitolu 3 (Il-kapaċità tas-sistema ATS u l-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru) tad-Dokument 4444 tal-ICAO, Proċeduri għas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru —Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (PANS-ATM) (is-16-il edizzjoni – 2016 li tinkorpora l-Emenda Nru 7 A).

    ▼M2

    3. Kapitolu 8 paragrafu 8.3 (Eżenzjonijiet mill-allokazzjoni tas-slots ATFM) tad-Dok 7030 tal-ICAO, Proċeduri Supplimentari Reġjonali Ewropej (EUR) (il-5 edizzjoni 2008).

    4. Kapitolu 8 paragrafu 8.4.1.c) (dwar il-konformità tal-operatur tal-inġenju tal-ajru mal-miżuri ATFM) tad-Dok 7030 tal-ICAO, Proċeduri Supplimentari Reġjonali Ewropej (EUR) (il-5 edizzjoni 2008).

    5. Kapitolu 2 paragrafu 2.3.2 (dwar it-tibdiliet għall-EOBT) tad-Dok 7030 tal-ICAO, Proċeduri Supplimentari Reġjonali Ewropej (EUR) (il-5 edizzjoni 2008).



    ( 1 ) ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1.

    Top