EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02010D0576-20131001

Consolidated text: Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/576/PESK tat- 23 ta’ Settembru 2010 dwar il-missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) u r-relazzjoni tagħha mal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/576/2013-10-01

2010D0576 — MT — 01.10.2013 — 003.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/576/PESK

tat-23 ta’ Settembru 2010

dwar il-missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) u r-relazzjoni tagħha mal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo)

(ĠU L 254, 29.9.2010, p.33)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/537/PESK tat-12 ta’ Settembru 2011

  L 236

8

13.9.2011

►M2

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/514/PESK tal-24 ta’ Settembru 2012

  L 257

16

25.9.2012

►M3

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/467/PESK tat-23 ta’ Settembru 2013

  L 252

27

24.9.2013




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/576/PESK

tat-23 ta’ Settembru 2010

dwar il-missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) u r-relazzjoni tagħha mal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo)



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28 u 43(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Ġunju 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK ( 1 ) li tistabbilixxi missjoni tal-pulizija tal-Unjoni Ewropea mwettqa fil-qafas tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) u r-relazzjoni tagħha mas-sistema tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo) (minn hawn 'il quddiem imsejħa “EUPOL RD Congo” jew “il-Missjoni”).

(2)

Fit-23 ta' Ġunju 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/485/PESK ( 2 ) li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK sat-30 ta' Ġunju 2009.

(3)

Fil-15 ta' Ġunju 2009, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2009/466/PESK ( 3 ) li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK sat-30 ta' Ġunju 2010.

(4)

Fl-14 ta' Ġunju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/329/PESK ( 4 ) li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK sat-30 ta' Settembru 2010.

(5)

EUPOL RD CONGO għandha titkompla għal sena oħra sat-30 ta' Settembru 2011.

(6)

L-istruttura ta' kmand u kontroll tal-Missjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà kontraenti tal-Kap tal-Missjoni lejn il-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni.

(7)

Il-Kapaċità tal-Għassa stabbilita fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandha tiġi attivata għall-Missjoni.

(8)

Il-Missjoni ser titwettaq fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:



▼M1

Artikolu 1

Il-Missjoni

▼M2

1.  Il-missjoni tal-pulizija tal-Unjoni Ewropea mwettqa fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) u r-relazzjoni tagħha mas-sistema tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (minn hawn 'il-quddiem imsejħa “EUPOL RD Congo” jew “il-Missjoni”), stabbilita bl-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK, għandha tiġi estiża għall-perijodu mill-1 ta' Ottubru 2010 sat-30 ta' Settembru 2013.

▼B

2.  EUPOL RD Congo għandha topera konformement mad-dikjarazzjoni tal-Missjoni stipulata fl-Artikolu 2 u għandha twettaq il-kompiti stipulati fl-Artikolu 3. Hija għandha topera mingħajr preġudizzju għall-appartenenza mir-RDK tar-RSS.

▼M1

Artikolu 2

Dikjarazzjoni tal-Missjoni

▼M2

1.  Għall-finijiet ta' titjib fil-maturità u fis-sostenibbilà tal-proċess ta' riforma tal-Pulizija Nazzjonali Kongoliża (PNK), l-EUPOL RD Congo għandha tassisti lill-awtoritajiet Kongoliżi fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Pulizija u fl-iżvilupp tal-linji gwida tal-Qafas Strateġiku. Il-Missjoni ser tikkontribwixxi għall-isforzi lokali u internazzjonali għar-rinforzi tal-kapaċitajiet tal-PNK. L-EUPOL RD Congo għandha tiffoka fuq attivitajiet u proġetti konkreti sabiex tissejjes l-azzjoni tagħha fil-livell strateġiku tal-proċess ta' riforma, fuq il-bini ta' kapaċitajiet u fuq it-tisħiħ tal-interazzjoni bejn il-PNK u s-sistema usa' tal-ġustizzja kriminali bil-għan ta' appoġġ aħjar għall-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali u l-impunità. L-EUPOL RD Congo għandha taħdem b'koordinazzjoni mill-qrib ma' donaturi oħra tal-Unjoni, internazzjonali u bilaterali, bil-għan li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi.

▼M1

2.  L-objettivi partikolari tal-Missjoni għandhom ikunu:

(a) l-appoġġ għall-PNK u l-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà (MIS) fl-iffinalizzar tal-kunċetti tar-Riforma tal-Pulizija u l-implimentazzjoni tagħha, permezz ta’ parir operattiv, bħala pilastru bażiku tal-mandat tal-Missjoni;

(b) it-titjib tal-kapaċità operattiva tal-Pulizija Nazzjonali Kongoliża permezz ta’ għoti ta’ gwida, monitoraġġ u konsulenza kif ukoll attivitajiet ta’ taħriġ, bħala pilastru bażiku tal-mandat tal-Missjoni;

(c) l-appoġġ għall-ġlieda kontra l-impunità fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolenza sesswali, u r-rinforz tal-interazzjoni bejn il-pulizija u l-ġudikatura, bħala komponent orizzontali trasversali tal-mandat, li jinfluwenza l-attivitajiet kollha tal-Missjoni.

3.  Il-Missjoni għandu jkollha Ċellula ta’ Riċerka għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti. Il-Missjoni għandha tagħti konsulenza lill-Istati Membri u lil Stati terzi u għandha tikkoordina u tiffaċilita, taħt ir-responsabbiltà tagħhom, l-implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom fl-oqsma li huma ta’ interess għall-Missjoni u fit-twettiq tal-objettivi tagħha.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 4

Struttura tal-Missjoni

1.  L-EUPOL RD Congo għandha tkun strutturata kif ġej:

(a) Kwartieri Ġenerali f'Kinshasa. Il-Kwartieri Ġenerali għandhom jikkonsistu mill-Uffiċċju tal-Kap tal-Missjoni u tal-Persunal tal-Kwartieri Ġenerali, li jipprovdu l-funzjonijiet kollha meħtieġa biex jingħataw konsulenza fil-livell strateġiku u operattiv, ta' kmand u kontroll, kif ukoll appoġġ tal-missjoni u dak amministrattiv;

(b) Uffiċċju Lokali. Uffiċċju Lokali għandu jiġi stabbilit f'Goma. L-implikazzjonijiet fuq il-livell nazzjonali kollu tal-mandat tal-Missjoni jistgħu wkoll jeħtieġu azzjonijiet fil-pajjiż u possibbilment preżenza temporanja (ukoll għal terminu aktar twil) ta' esperti f'postijiet oħra, dejjem soġġetti għal konsiderazzonijiet ta' sigurtà.

2.  L-elementi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu soġġetti għal aktar arranġamenti dettaljati fil-Pjan Operattiv (OPLAN).

Artikolu 5

Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili

1.  Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-EUPOL RD Congo.

2.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u t-tmexxija strateġika tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ), għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-EUPOL RD Congo fil-livell strateġiku.

3.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura implimentazzjoni korretta u effikaċi tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-KPS, anke bil-ħruġ ta' istruzzjonijiet fil-livell strateġiku kif meħtieġ lill-Kap tal-Missjoni u billi jagħtih konsulenza u appoġġ tekniku.

4.  Il-persunal sekondat kollu għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat tal-oriġini jew tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

5.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu r-responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta' diliġenza tal-Unjoni jiġi attwat korrettament.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 6

Kap tal-Missjoni

1.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà għall-missjoni fil-livell operattiv fuq il-post u jeżerċita kmand u kontroll tagħha.

▼M3

1a.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun ir-rappreżentant tal-Missjoni. Il-Kap tal-Missjoni jista’ jiddelega kompiti ta’ ġestjoni fi kwistjonijiet ta’ persunal u dawk finanzjarji lil membri tal-persunal tal-Missjoni, taħt ir-responsabbiltà ġenerali tiegħu/tagħha.

▼B

2.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita l-OPCON fuq il-persunal minn Stati kontribuwenti kif assenjati mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika, inkluż fuq l-assi, ir-riżorsi u l-informazzjoni mqegħdin għad-dispożizzjoni tal-Missjoni.

3.  Il-Kap tal-Missjoni għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-persunal kollu tal-Missjoni għat-twettiq effikaċi tal-EUPOL RD Congo fil-post tal-operazzjoni, jassumi l-koordinazzjoni u l-ġestjoni ta' kuljum tagħha, u jsegwi l-istruzzjonijiet fil-livell strateġiku tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

▼M3 —————

▼B

5.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal. Għall-persunal issekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità kkonċernata nazzjonali jew tal-Unjoni.

6.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta lill-EUPOL RD Congo fiż-żona tal-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà adatta tal-Missjoni.

▼M1

7.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina, kif adatt, l-azzjonijiet tal-EUPOL RD Congo ma’ atturi oħrajn tal-Unjoni fuq il-post.

▼B

Artikolu 7

Persunal

1.  L-EUPOL RD Congo għandha tikkonsisti primarjament minn persunal sekondat mill-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Kull Stat Membru jew istituzzjoni tal-Unjoni għandhom jerfgħu l-ispejjeż relatati ma' kwalunkwe membru tal-persunal sekondat minnhom, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-iskjerament, is-salarji, il-kopertura medika u l-allowances minbarra allowances tal-ġurnata applikabbli, kif ukoll allowances għat-tbatija u għar-riskju.

2.  Il-persunal ċivili internazzjonali u l-persunal lokali għandhom jiġu reklutati fuq bażi kuntrattwali mill-Missjoni jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux ipprovduti mill-persunal issekondat mill-Istati Membri. B'mod eċċezzjonali, f'każijiet debitament ġustifikati, fejn m'hemm disponibbli l-ebda applikazzjoni kwalifikata mill-Istati Membri, ċittadini minn Stati terzi parteċipanti jistgħu jiġu rreklutati fuq bażi kontrattwali, kif adatt.

▼M2

3.  Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-istandards operattivi minimi ta' sigurtà speċifiċi għall-Missjoni u l-pjan ta' sigurtà tal-Missjoni li jappoġġaw il-politika tal-Unjoni għas-sigurtà fuq il-post. Fir-rigward tal-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE li l-persunal ikun fdat biha waqt li jwettaq dmirijietu, il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/KE tad-31 ta' Marzu 2011 dwar ir-regoli ta' sigurta għall-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE ( 5 ).

▼B

Artikolu 8

Status tal-Missjoni u tal-persunal tagħha

1.  L-istatus tal-Missjoni u tal-persunal tagħha, inklużi fejn adatt il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel tal-Missjoni, għandhom jiġu miftiehma konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 37 tat-Trattat.

2.  L-Istat jew l-istituzzjoni tal-Unjoni li jkunu ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli sabiex iwieġbu għal kwalunkwe azzjoni marbuta mas-sekondar, minn jew dwar il-membru tal-persunal. L-Istat jew l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernati għandhom ikunu responsabbli għall-introduzzjoni ta' kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna sekondata.

▼M3

3.  Il-kundizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti li għandhom jiġu konklużi bejn l-EUPOL RD Congo u l-membru tal-persunal ikkonċernat.

▼B

Artikolu 9

Linja ta' kmand

1.  EUPOL RD Congo għandu jkollha linja ta' kmand unifikata, bħala operazzjoni ta' maniġġar tal-kriżijiet.

2.  Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u t-tmexxija strateġika tal-EUPOL RD Congo.

3.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u t-tmexxija strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tar-RGħ, għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-EUPOL RD Congo fil-livell strateġiku u, bħala tali, għandu joħroġ struzzjonijiet lill-Kap tal-Missjoni u jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku.

4.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-RGħ.

5.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita il-kmand u l-kontroll fuq l-EUPOL RD Congo fuq il-post tal-operazzjoni u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

Artikolu 10

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.  Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Missjoni. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-Trattat. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat sabiex jinħatar Kap tal-Missjoni, fuq proposta mir-RGħ, u sabiex jiġu emendati il-CONOPS u l-OPLAN. Is-setgħat deċiżjonali fir-rigward tal-objettivi u t-tmiem tal-Missjoni għandhom jibqgħu f'idejn il-Kunsill.

2.  Il-KPS għandu jirraporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

3.  Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma tar-responsabbiltà tagħhom.

Artikolu 11

Parteċipazzjoni ta' Stati terzi

1.  Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija deċiżjonali tal-Unjoni u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna biex jikkontribwixxu għall-Missjoni, bil-kondizzjoni li dawn jerfgħu l-ispejjeż tal-persunal issekondat minnhom, inklużi s-salarji, l-assigurazzjoni li tkopri r-riskji kollha, l-allowances ta' sussistenza ta' kuljum u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mir-RDK, u li jikkontribwixxu għall-ispejjeż ta' tħaddim tal-Missjoni, kif adatt.

2.  Stati terzi li jikkontribwixxu għall-Missjoni għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' ġestjoni ta' kuljum tal-Missjoni daqs l-Istati Membri.

3.  Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti u biex jistabbilixxi Kumitat ta' Kontributuri.

4.  L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 37 tat-Trattat u arranġamenti tekniċi addizzjonali kif meħtieġ. Fejn l-Unjoni u Stat terz jikkonkludu ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' dak l-Istat terz f'operazzjonijiet tal-Unjoni ta' maniġġar ta' kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta' dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-Missjoni.

▼M2

Artikolu 12

Sigurtà

1.  Il-Kmandant Ċivili tal-Operazzjoni għandu jidderieġi l-ippjanar ta' miżuri tas-sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effettiva tagħhom għall-EUPOL RD Congo f'konformità mal-Artikoli 5 u 9.

2.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tal-Missjoni u sabiex jiżgura konformità mar-rekwiżiti minimi ta' sigurtà applikabbli għall-Missjoni, konformement mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-TUE, u l-istrumenti ta' appoġġ tagħha.

3.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal Għoli tas-Sigurtà tal-Missjoni (SMSO), li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).

4.  Il-persunal tal-EUPOL RD Congo għandu jingħata taħriġ obbligatorju ta' sigurtà qabel ma jibda dmirijietu, f'konformità mal-OPLAN. Hu għandu jingħata taħriġ regolari ta' aġġornament fuq il-post, organizzat mill-SMSO.

5.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE f’konformità mad-Deċiżjoni 2011/292/UE.

▼B

Artikolu 13

Kapaċità tal-Għassa

Il-Kapaċità tal-Għassa għandha tiġi attivata għall-EUPOL RD Congo.

▼M3

Artikolu 13a

Arranġamenti legali

L-EUROPOL RD Congo għandu jkollha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, li tidħol f’kuntratti u arranġamenti amministrattivi, li timpjega persunal, li jkollha kontijiet bankarji, li takkwista u tiddisponi minn assi u tillikwida l-obbligi tagħha, u li tkun parti fi proċeduri legali, kif meħtieġ sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni.

▼M3

Artikolu 14

Arranġamenti finanzjarji

1.  L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-Missjoni għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2010 sat-30 ta’ Settembru 2011 għandu jkun ta’ EUR 6 430 000.

L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-Missjoni għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2011 sat-30 ta’ Settembru 2012 għandu jkun ta’ EUR 7 150 000.

L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-Missjoni għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2012 sat-30 ta’ Settembru 2013 għandu jkun ta’ EUR 6 750 000.

L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-Missjoni għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2013 sat-30 ta’ Settembru 2014 għandu jkun ta’ EUR 6 328 086,95.

2.  In-nefqa kollha għandha tiġi amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Iċ-ċittadini ta’ Stati terzi għandu jkollhom permess iressqu offerti għal kuntratti. Soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, il-Missjoni tista’ tikkonkludi arranġamenti tekniċi ma’ Stati Membri, il-pajjiż ospitanti, Stati terzi parteċipanti u atturi internazzjonali oħra fir-rigward tal-provvista ta’ tagħmir, servizzi u siti lill-EUPOL RD Congo.

3.  L-EUPOL RD Congo għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni. Għal dan il-għan, il-Missjoni għandha tiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.

4.  L-EUPOL RD Congo għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-mandat li jibda mill-1 ta’ Ottubru 2013, bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe talba relatata ma’ mġiba ħażina serja mill-Kap tal-Missjoni, li għaliha għandu jkollu jew ikollha responsabbiltà.

5.  L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-linja ta’ kmand kif stipulat fl-Artikoli 5, 6 u 9 u r-rekwiżiti operattivi tal-EUPOL RD Congo, inkluż il-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tat-timijiet tagħha.

6.  In-nefqa għandha tkun eliġibbli sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

▼B

Artikolu 15

Koordinazzjoni

1.  Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi f'koordinazzjoni mill-qrib mad-Delegazzjoni tal-Unjoni u l-EUSEC RD Congo biex tkun żgurta l-konsistenza tal-azzjoni tal-Unjoni b'appoġġ tar-RDK.

2.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina mill-qrib mal-Kapijiet tal-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri.

3.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina ma' atturi internazzjonali oħra preżenti fil-pajjiż, u jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mal-UN MONUSCO.

▼M2

Artikolu 16

Rilaxx ta' informazzjoni klassifikata

1.  Ir-RGħ huwa b'dan awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni, kif ikun il-każ u f'konformità mal-ħtiġijiet tal-Missjoni, informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE / EU CONFIDENTIAL” iġġenerata għall-finijiet tal-Missjoni, f'konformità mad-Deċiżjoni 2011/292/UE.

2.  Ir-RGħ huwa b'dan awtorizzat ukoll jirrilaxxa lin-NU, f'konformità mal-ħtiġijiet operattivi tal-Missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE / EU RESTRICTED” iġġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, f'konformità mad-Deċiżjoni 2011/292/UE. Għandhom jitfasslu arranġamenti għal dan il-għan bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tan-NU.

3.  Fil-każ ta' ħtieġa operattiva speċifika u immedjata, ir-RGħ huwa b'dan awtorizzat ukoll jirrilaxxa lill-Istat ospitanti kwalunkwe informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE / EU RESTRICTED” iġġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, f'konformità mad-Deċiżjoni 2011/292/UE. L-arranġamenti bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti għandhom jitfasslu għal dan il-għan.

4.  Ir-RGħ huwa b'dan awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokument mhux klassifikat tal-UE marbut mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-Missjoni u li jkun kopert mill-obbligu ta' segretezza professjonali f'konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill ( 6 ).

5.  Ir-RGħ jista' jiddelega s-setgħat imsemmija fil-paragrafi 1 sa 4, kif ukoll il-kapaċità li jikkonkludi l-arranġamenti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 lil persuni li jinsabu taħt l-awtorità tiegħu, lill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili u/jew lill-Kap tal-Missjoni.

▼B

Artikolu 17

Reviżjoni tal-Missjoni

Reviżjoni tal-Missjoni għandha tiġi ppreżentata lill-KPS kull sitt xhur, abbażi ta' rapport mill-Kap tal-Missjoni.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ u tul ta' żmien

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

▼M3

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Ottubru 2010 sat-30 ta’ Settembru 2014.



( 1 ) ĠU L 151, 13.6.2007, p. 46.

( 2 ) ĠU L 164, 25.6.2008, p. 44.

( 3 ) ĠU L 151, 16.6.2009, p. 40.

( 4 ) ĠU L 149, 15.6.2010, p. 11.

( 5 ) ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.

( 6 ) Id-Deċizjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).

Top